12.1.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 11/92


P8_TA(2016)0020

Il-prijoritajiet tal-UE għas-sessjonijiet tal-UNHRC fl-2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Jannar 2016 dwar il-prijoritajiet tal-UE għas-sessjonijiet tal-UNHRC fl-2016 (2015/3035(RSP))

(2018/C 011/10)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-konvenzjonijiet tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-protokolli fakultattivi tagħhom,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 60/251 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti li tistabbilixxi l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem (UNHRC),

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, il-Karta Soċjali Ewropea u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE,

wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2015-2019,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-UNHRC,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi riżoluzzjonijiet dwar dibattiti fuq każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2015 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja fl-2014 u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar din il-kwistjoni (1),

wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3(5), 18, 21, 27 u 47 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-2015 tal-UNHRC lill-Assemblea Ġenerali tan-NU,

wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-2015 u l-2016 huma snin ta' anniversarji importanti f'dak li jirrigwarda t-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem, tal-paċi u tas-sigurtà: is-70 anniversarju mit-twaqqif tan-Nazzjonijiet Uniti, il-50 anniversarju tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) u tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali (ICESCR), it-30 u l-20 anniversarji tad-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Dritt għall-Iżvilupp (1986) u tad-Dikjarazzjoni ta' Beijing u l-Pjattaforma għal Azzjoni (1995) rispettivament, u l-15-il anniversarju tar-riżoluzzjoni storika tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà (2000) u tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (2000);

B.

billi s-sostenn favur ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem indipendentement mir-razza, mill-oriġini, mir-reliġjon, mill-klassi, mill-kasta, mis-sess, mill-orjentazzjoni sesswali jew mill-kulur huwa obbligu għall-istati kollha, billi jtenni l-impenn tiegħu favur l-indiviżibilità tad-drittijiet tal-bniedem (sew jekk ċivili, politiċi, ekonomiċi, soċjali jew kulturali), li huma interrelatati u interdipendenti u billi t-tiċħid ta' kwalunkwe wieħed minn dawn id-drittijiet għandu impatt dirett u negattiv fuq l-oħrajn; billi l-istati kollha għandhom l-obbligu li jirrispettaw id-drittijiet bażiċi tal-popolazzjonijiet rispettivi tagħhom u d-dmir li jieħdu azzjoni konkreta biex jiffaċilitaw ir-rispett ta' dawk id-drittijiet fil-livell nazzjonali, u li jikkooperaw fil-livell internazzjonali bil-għan li jiġu eliminati l-ostakli għar-realizzazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-oqsma kollha;

C.

billi r-rispett, il-promozzjoni u s-salvagwardja tal-universalità tad-drittijiet tal-bniedem jagħmlu parti mill-acquis etiku u ġuridiku tal-Unjoni Ewropea u huma wieħed mill-pedamenti ewlenin tal-għaqda u tal-integrità Ewropea; billi l-koerenza interna u esterna fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem hija essenzjali għall-kredibilità tal-politika esterna tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem;

D.

billi l-azzjoni tal-Unjoni fir-relazzjonijiet tagħha ma' pajjiżi terzi hija ggwidata mill-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li jafferma mill-ġdid l-universalità u l-indiviżibilità tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u jistabbilixxi l-obbligu ta' rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-prinċipji tal-ugwaljanza u s-solidarjetà, kif ukoll dawk tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u tad-dritt internazzjonali fl-azzjoni tagħha fix-xena internazzjonali;

E.

billi r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem għandu jkun integrat fl-oqsma politiċi kollha li jinvolvu l-paċi u s-sigurtà, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp, il-kummerċ u l-investiment, l-azzjoni umanitarja, it-tibdil fil-klima, il-migrazzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu, peress li dawn it-temi ma jistgħux jiġu affrontati separatament mir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem;

F.

billi l-Istati Membri tan-NU adottaw l-Aġenda 2030 u impenjaw ruħhom skont l-istess Aġenda 2030 li tipprevedi dinja ta' rispett universali tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dinjità umana, tal-istat tad-dritt, tal-ġustizzja, tal-ugwaljanza u tan-nondiskriminazzjoni;

G.

billi s-sessjonijiet regolari tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU (UNHRC), il-ħatra ta' Rapporteurs Speċjali, il-mekkaniżmu ta' Eżami Perjodiku Universali (EPU) u l-Proċedura Speċjali li tittratta sitwazzjonijiet speċifiċi għal pajjiż jew kwistjonijiet tematiċi lkoll jikkontribwixxu għall-isforzi internazzjonali għall-promozzjoni u għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt;

H.

billi, xi membri tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem huma kkunsidrati bħala fost l-agħar trasgressuri tad-drittijiet tal-bniedem u għandhom rekords dubjużi f'dak li għandu x'jaqsam mal-kooperazzjoni mal-Proċedura Speċjali tan-NU u mal-konformità mar-rekwiżiti ta' rappurtar tagħhom fir-rigward tal-korpi tat-trattat tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU;

Il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU

1.

Jilqa' l-ħatra tal-Ambaxxatur Choi Kyong-lim bħala President tal-UNHRC għall-2016;

2.

Jilqa' r-rapport annwali tal-UNHRC lill-Assemblea Ġenerali tan-NU li jkopri t-28, id-29 u t-30 sessjoni;

3.

Itenni l-pożizzjoni tiegħu li l-membri tal-UNHRC għandhom jiġu eletti minn fost l-Istati li jsostnu r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, tal-istat tad-dritt u tad-demokrazija, u jħeġġeġ lill-istati membri tan-NU jippromwovu, fost affarijiet oħra, kriterji bbażati fuq ir-riżultati fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem għal kwalunkwe stat li jiġi elett bħala membru tal-UNHRC; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fost għadd ta' membri tal-UNHRC li għadhom kif ġew eletti; jemmen li l-Istati Membri ma għandhomx jappoġġjaw l-elezzjoni fil-UNHRC ta' pajjiżi li ma jirrispettawx għad-drittijiet tal-bniedem;

4.

Jenfasizza l-importanza tal-appoġġ tal-indipendenza u l-integrità tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) sabiex jiġi żgurat l-eżerċizzju tal-mandat tiegħu b'mod effikaċi u imparzjali; jitlob, b'konnessjoni ma' dan, biex l-OHCHR jingħatawlu sostenn u finanzjament adegwati; itenni l-appoġġ tiegħu għall-Proċedura Speċjali u għall-istatus indipendenti tad-detenturi tal-mandat bħar-Rapporteurs Speċjali, biex b'hekk ikunu jistgħu jaqdu d-dmirijiet tagħhom b'imparzjalità sħiħa, u jistieden lill-istati kollha jikkooperaw ma' dawn il-proċeduri; jiddispjaċih ħafna dwar in-nuqqas ta' kooperazzjoni li wrew xi stati membri;

5.

Jafferma mill-ġdid l-importanza tal-universalità tal-Eżami Perjodiku Universali (EPU), bil-għan li jintlaħaq fehim sħiħ tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-istati membri kollha tan-NU, u jtenni l-appoġġ tiegħu għat-tieni ċiklu tar-rieżami, li jikkonċentra speċjalment fuq l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet aċċettati matul l-ewwel ċiklu; jappella madankollu għal darb'oħra, biex ir-rakkomandazzjonijiet li ma ġewx aċċettati mill-istati matul l-ewwel ċiklu jerġgħu jiġu kkunsidrati fit-tkomplija tal-proċess tal-EPU;

6.

Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li firxa wiesgħa ta' partijiet interessati, b'mod partikolari s-soċjetà ċivili, jipparteċipaw fl-aspetti kollha tax-xogħol tal-UNHRC, u jesprimi t-tħassib tiegħu li limitazzjonijiet gravi jfixklu l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-proċess tal-EPU; jistieden lill-Istati Membri tan-NU, inklużi l-Istati Membri, biex jużaw l-EPU bħala mezz kif jivvalutaw is-sitwazzjoni tagħhom stess fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u jagħmlu rakkomandazzjonijiet f'dan ir-rigward,

7.

Jitlob lill-UE u lill-Kummissjoni jagħtu segwitu lir-rakkomandazzjonijiet tal-EPU fid-djalogi politiċi tal-UE mal-pajjiżi kkonċernati bil-għan li jiġu eżaminati modi u mezzi ġodda ta' implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet permezz ta' strateġiji nazzjonali u reġjonali;

8.

Jilqa' l-Inizjattiva għall-Bidla mnedija mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, li hi maħsuba biex ittejjeb u ssaħħaħ il-preżenza globali tal-uffiċċji tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU bil-ħolqien ta' tmien hubs reġjonali biex jipproteġu u jippromwovu r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem b'kollaborazzjoni diretta mas-sħab bil-għan li r-rakkomandazzjonijiet dwar il-mekkaniżmi tad-drittijiet tal-bniedem jissarrfu f'bidliet reali fil-prattika; Jappella, fl-okkażjoni tal-10 anniversarju tal-UNHRC, biex issir valutazzjoni tal-impatt tal-Kunsill anke fir-rigward tal-mandat tiegħu l-implimentazzjoni tar-riżoluzzjonijiet u d-deċiżjonijiet l-oħra tiegħu;

Id-drittijiet ċivili u politiċi

9.

Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar ir-reviżjonijiet kostituzzjonali li għamlu ċerti pajjiżi, immirati biex ibiddlu l-limitu stabbilit fuq il-mandat presidenzjali, kwistjoni li f'ċerti każi ġġenerat vjolenza marbuta mal-elezzjonijiet; jafferma mill-ġdid li r-rispett tad-drittijiet ċivili u politiċi, fosthom il-libertà ta' espressjoni individwali u kollettiva, u l-libertà ta' għaqda u assoċjazzjoni, jikkostitwixxu l-indikaturi ta' soċjetà demokratika, tolleranti u pluralista;

10.

Itenni li l-elezzjonijiet ħielsa u awtentiċi li jsiru perjodikament fuq il-bażi ta' vot universali u ndaqs huma dritt fundamentali li kull ċittadin għandu jgawdi minnu b'konformità mad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem (Artikolu 21(3)) u mal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (Artikolu 25); jerġa' jafferma l-eżistenza tal-libertà ta' espressjoni u kuntest vibranti favorevoli għal soċjetà ċivili indipendenti u pluralista huma rekwiżiti preliminari għall-promozzjoni tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem;

11.

Huwa tal-fehma li t-teknoloġiji diġitali kontemporanji jippreżentaw vantaġġi u sfidi għall-protezzjoni tad-dritt għall-privatezza, għall-eżerċizzju tal-libertà ta' espressjoni online fid-dinja kollha u għas-sigurtà, peress li t-teknoloġiji diġitali kontemporanji spiss huma mezzi ta' propaganda estremista u terroristika kif ukoll kanali ta' reklutaġġ; jilqa' f'dan il-kuntest, il-ħatra ta' Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-Dritt għall-Privatezza fl-Era Diġitali, li fil-mandat tiegħu hemm inklużi l-kwistjonijiet ta' sorveljanza u privatezza li jolqtu l-persuni online jew offline;

12.

Jitlob lill-Istati Membri tan-NU, inklużi l-Istati Membri tal-UE, biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar forom kontemporanji ta' razziżmu, diskriminazzjoni razzjali, ksenofobija u intolleranza relatata sabiex jingħeleb it-tixrid ta' mibegħda razzjali, etnika u ksenofobika u t-tixwix fuq l-internet u permezz ta' netwerks tal-midja soċjali billi jieħdu miżuri leġiżlattivi xierqa, b'rispett sħiħ għal drittijiet fundamentali oħra bħal-libertà tal-espressjoni u tal-opinjoni;

Id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem

13.

Jikkundanna l-intimidazzjoni kontinwa u d-detenzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-membri tal-oppożizzjoni min-naħa tal-forzi tal-gvern f'għadd ta' pajjiżi terzi; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-leġiżlazzjoni inġusta u restrittiva, inklużi restrizzjonijiet fuq il-finanzjament barrani, li qed tirriżulta fi spazju dejjem aktar limitat għall-attivitajiet tas-soċjetà ċivili; jistieden lill-gvernijiet kollha jippromwovu u jappoġġjaw il-libertà tal-mezzi tax-xandir, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-attivitajiet tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u jippermettulhom joperaw mingħajr biża', repressjoni jew intimidazzjoni;

14.

Iqis li l-intimidazzjoni kontinwa u d-detenzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-membri tal-oppożizzjoni minn għadd ta' membri tal-UNHRC jimminaw il-kredibilità tal-UNHRC; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jippromwovu inizjattiva fil-livell tan-NU biex titfassal risposta koerenti u komprensiva għall-isfidi ewlenin li jiffaċċjaw madwar id-dinja d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jaħdmu fuq id-drittijiet tan-nisa, id-difiża tad-drittijiet ambjentali, l-art u d-drittijiet tal-popli indiġeni, il-korruzzjoni u l-impunità, kif ukoll il-ġurnalisti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem oħra li jużaw il-mezzi tax-xandir, inklużi l-internet u l-midja soċjali, filwaqt li jikkundannaw sistematikament il-qtil tagħhom;

15.

Huwa mħasseb ħafna dwar l-attakki li dejjem qed jiżdiedu fuq ħaddiema fl-għajnuna umanitarja u fil-faċilitajiet mediċi; ifakkar li kwalunkwe attakk bħal dan huwa pprojbit skont id-dritt umanitaru internazzjonali u jistieden lill-partijiet konfliġġenti biex jirrispettaw id-dispożizzjonijiet tad-dritt umanitaru internazzjonali; jenfasizza l-importanza li tittejjeb is-sigurtà tal-ħaddiema li jagħtu l-għajnuna sabiex jirreaġixxu b'mod aktar effikaċi għall-attakki;

Il-piena tal-mewt

16.

Ifakkar fil-pożizzjoni tal-UE dwar tolleranza żero għall-piena tal-mewt u jtenni l-oppożizzjoni li ilu jħaddan kontra l-piena tal-mewt, it-tortura, it-trattament u l-pieni krudili, inumani jew degradanti fil-każijiet kollha u f'kull ċirkostanza; jissottolinja l-importanza li l-UE tkompli tavvanza l-moratorju dwar il-piena tal-mewt bħala l-ewwel pass lejn l-abolizzjoni tagħha u jenfasizza għal darb'oħra li l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt tikkontribwixxi għat-tisħiħ tad-dinjità tal-bniedem; itenni l-pożizzjoni tiegħu li l-appoġġ tal-politika ta' infurzar kontra d-droga tal-pajjiżi terzi, bħall-assistenza finanzjarja, l-assistenza teknika u l-bini ta' kapaċità, għandhom jeskludu l-użu tal-piena tal-mewt għal reati relatati mad-droga; jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-ħatra ta' Rapporteur Speċjali dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-politika kontra d-droga;

17.

Ifaħħar il-progress sostanzjali li sar sa issa, fejn bosta pajjiżi ssospendew il-piena tal-mewt filwaqt li oħrajn adottaw miżuri leġiżlattivi għall-abolizzjoni tal-piena tal-mewt; jesprimi madankollu d-dispjaċir tiegħu li f'dawn l-aħħar snin reġgħu ddaħħlu l-eżekuzzjonijiet f'ċerti pajjiżi; jagħmel appell lil dawk l-Istati li abolixxew il-piena tal-mewt, jew li għandhom moratorju għal żmien twil fuqha, biex jonoraw l-impenji tagħhom u ma jerġgħux idaħħluha mill-ġdid;

Libertà ta' reliġjon

18.

Ifakkar li l-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza, tar-reliġjon u tat-twemmin hija dritt fundamentali tal-bniedem, kif rikonoxxut fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u garantita mill-Artikolu 18 tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi; ifakkar, bl-istess mod, fir-rabta ta' din il-libertà ma' drittijiet oħra tal-bniedem u libertajiet fundamentali, li jiġbru magħhom id-dritt li wieħed jemmen jew ma jemminx, il-libertà li wieħed ikollu twemmin teistiku, mhux teistiku jew ateistiku, u d-dritt li wieħed jadotta, ibiddel u jabbanduna jew jirritorna għat-twemmin tal-għażla tiegħu; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li xi pajjiżi għadhom mhumiex konformi mal-istandards tan-NU u jużaw ir-repressjoni statali, li tista' tinkludi pieni fiżiċi, żmien ta' priġunerija, multi enormi u saħansitra anke l-piena tal-mewt, u dan bi ksur tal-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin; jinsab imħasseb dwar iż-żieda fil-persekuzzjoni fil-konfront tal-minoranzi minħabba r-reliġjon jew it-twemmin tagħhom, kif ukoll il-ħsara illegali li qed issir fil-postijiet fejn dawn jinġabru; jappoġġja r-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU għal-Libertà tar-Reliġjon jew tat-Twemmin dwar il-vjolenza li ssir “f'isem ir-reliġjon”; jistieden lill-UE timplimenta r-rakkomandazzjonijiet tiegħu dwar l-inizjattivi ta' djalogu interreliġjuż;

19.

Jilqa' l-impenn tal-UE li tippromwovi l-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin fil-fora internazzjonali, anke billi tappoġġja l-mandat tar-Rapporteur Speċjali tan-NU għal-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin; jappoġġja totalment il-prattika tal-UE li tassumi rwol ta' tmexxija fil-UNHRC u fl-AĠNU f'riżoluzzjonijiet tematiċi f'dan il-qasam; jitlob azzjonijiet konkreti għall-protezzjoni ta' minoranzi reliġjużi, persuni bla twemmin, apostati u atei li huma vittmi ta' liġijiet dwar l-atti blasfemi; iqis li għandha tittieħed azzjoni kemm fil-fora internazzjonali kif ukoll f'dawk reġjonali billi jinżamm djalogu miftuħ, trasparenti u regolari mal-assoċjazzjonijiet u mal-komunitajiet reliġjużi, kif stabbilit fl-Artikolu 17 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

Id-drittijiet soċjali u ekonomiċi

20.

Jirrikonoxxi l-isforzi tal-UNHRC biex id-drittijiet tal-bniedem kollha jitpoġġew fuq livell indaqs, bl-istess enfasi, bis-saħħa tan-nomina tad-detenturi tal-mandat tal-Proċedura Speċjali fir-rigward tad-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza tar-ratifikazzjoni tal-Protokoll Fakultattiv tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali li jistabbilixxi mekkaniżmi ta' lment u ta' inkjesta;

21.

Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar iż-żieda fil-faqar estrem, li tipperikola t-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem kollha; jilqa' f'dan ir-rigward, ir-rapport tar-Rapporteur Speċjali tal-UNHRC dwar il-faqar estrem u d-drittijiet tal-bniedem (A/HRC/29/31) u jappoġġja l-proposti tiegħu għall-eliminazzjoni tal-faqar estrem; iqis li hu importanti li jiġu indirizzati l-inugwaljanzi li qed jiżdiedu sabiex jiġi miġġieled il-faqar b'mod ġenerali u biex jiġu promossi d-drittijiet soċjali u ekonomiċi, b'mod speċjali billi jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-ikel, l-ilma, l-edukazzjoni, l-assistenza fil-qasam tas-saħħa u l-akkomodazzjoni;

22.

Huwa tal-fehma li l-korruzzjoni, l-evażjoni tat-taxxa, il-ġestjoni ħażina tal-beni pubbliċi u n-nuqqas ta' responsabilità huma lkoll theddid għat-tgawdija b'mod ugwali tad-drittijiet tal-bniedem u jimminaw il-proċessi demokratiċi bħall-istat tad-dritt, l-amministrazzjoni imparzjali tal-ġustizzja, is-servizzi pubbliċi bħall-edukazzjoni u s-servizzi bażiċi tas-saħħa; iqis li l-azzjoni maħsuba biex tiżgura r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, partikolarment id-dritt għall-informazzjoni, għal-libertà tal-espressjoni u tal-għaqda, għal ġudikatura indipendenti u għal parteċipazzjoni demokratika fl-affarijiet pubbliċi, hija kruċjali fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

23.

Jenfasizza li l-komunitajiet ta' minoranza fil-pajjiżi terzi għandhom ħtiġijiet speċifiċi u li l-ugwaljanza tagħhom għandha tiġi promossa fl-oqsma kollha tal-ħajja ekonomika, soċjali, politika u kulturali;

24.

Jistieden lill-istati membri tan-NU, inklużi l-Istati Membri tal-UE jitolbu li d-detenturi kollha ta' mandat ta' Proċedura Speċjali jagħtu attenzjoni speċjali lill-kwistjonijiet li jolqtu lin-nisa, liż-żgħażagħ u lill-persuni b'diżabilità indiġeni, u jirrapportaw sistematikament dawn il-kwistjonijiet lill-UNHRC; jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw il-parteċipazzjoni tal-popli indiġeni fis-sessjonijiet tal-UNHRC; jistieden lill-EEAS u lill-Istati Membri jappoġġjaw attivament l-iżvilupp ta' pjan ta' azzjoni għas-sistema kollha dwar il-popli indiġeni, b'mod speċjali rigward il-konsultazzjoni regolari tal-popli indiġeni;

In-negozju u d-drittijiet tal-bniedem

25.

Jappoġġja l-implimentazzjoni effikaċi u komprensiva tal-Prinċipji ta' Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem; iħeġġeġ lill-istati membri tan-NU, inklużi l-Istati Membri tal-UE, jiżviluppaw u jimplimentaw pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali; iqis li l-kummerċ u d-drittijiet tal-bniedem jistgħu jmorru id f'id u li l-komunità kummerċjali għandha rwol importanti x'tiżvolġi fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija; jafferma mill-ġdid li l-impriżi tal-UE u dawk multinazzjonali jkollhom rwol minn ta' quddiem fil-promozzjoni tal-istandards internazzjonali dwar in-negozju u d-drittijiet tal-bniedem;

26.

Jappella lin-NU u lill-UE biex mal-intrapriżi multinazzjonali u Ewropej iqajmu wkoll il-kwistjoni tal-ħtif tal-art u d-difensuri tad-drittijiet tal-art, li huma vittmi ta' rappreżalji inklużi theddid, intimidazzjoni, arrest arbitrarju, attakk u qtil;

27.

Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem biex isaħħaħ il-Proġett għar-Responsabilità u r-Rimedji bil-għan li jagħti kontribut lil sistema ġusta u aktar effikaċi tar-rimedji fid-dritt nazzjonali, partikolarment f'każi ta' abbużi gravi tad-drittijiet tal-bniedem fis-settur tan-negozju; jistieden lill-gvernijiet kollha jaqdu dmirijiethom biex jiżguraw ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u aċċess għall-ġustizzja għall-vittmi li jħabbtu wiċċhom ma' sfidi prattiċi u ġuridiċi biex jiksbu aċċess għar-rimedji fil-livelli nazzjonali u internazzjonali, fir-rigward ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem relatat man-negozju;

28.

Josserva li grupp ta' ħidma intergovernattiv (IGWG) miftuħ dwar l-elaborazzjoni ta' strument internazzjonali ġuridikament vinkolanti dwar il-korporazzjonijiet transnazzjonali u impriżi tan-negozju oħrajn fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, stabbilit b'riżoluzzjoni tal-UNHRC tas-26 ta' Ġunju 2014, kellu l-ewwel sessjoni tiegħu f'Lulju 2015; jitlob li barra minn hekk l-UE tappoġġja sforzi biex tallinja l-politiki tagħha mal-linji gwida tal-OECD għall-impriżi multinazzjonali u jirrakkomanda li l-UE u l-Istati Membri tagħha jimpenjaw ruħhom b'mod kostruttiv fid-dibattitu dwar strument internazzjonali legalment vinkolanti dwar in-negozju u d-drittijiet tal-bniedem fis-sistema tan-NU;

Il-migrazzjoni u r-rifuġjati

29.

Huwa allarmat bl-aktar kriżi umanitarja gravi mit-Tieni Gwerra Dinjija 'l hawn, li nħolqot mill-għadd dejjem akbar ta' individwi mġiegħla jħallu djarhom bħala konsegwenza tal-persekuzzjoni, tal-kunflitt armat, tal-vjolenza ġeneralizzata u tat-tibdil fil-klima, u li qegħdin ifittxu protezzjoni u ħajja aħjar u jissograw ħajjithom bi vjaġġi perikolużi; jappella għal azzjoni effikaċi u koordinata biex jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni; barra minn hekk, jappella għal aktar sforzi fil-livell tan-NU biex jiġu indirizzati sfidi migratorji attwali u futuri billi jiġi żgurat finanzjament suffiċjenti għall-UNHCR, il-WFP u korpi oħra tan-NU involuti fl-għoti tas-servizzi bażiċi għal refuġjati ġewwa u barra żoni ta' kunflitt; jenfasizza l-importanza tax-xogħol tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-migranti, inklużi r-rakkomandazzjonijiet tiegħu;

30.

Jistieden lill-pajjiżi kollha jadottaw approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem li jissalvagwardja d-drittijiet tal-migranti u tar-rifuġjati fil-politiki u ġestjoni tal-migrazzjoni, filwaqt li jagħtu attenzjoni partikolari lis-sitwazzjoni tal-gruppi ta' migranti u rifuġjati emarġinati u żvantaġġati, bħan-nisa u t-tfal; jistieden lill-istati kollha jindirizzaw il-vjolenza relatata mal-ġeneru kontra n-nisa u l-bniet, u jenfasizza l-importanza li l-politika tal-migrazzjoni titfassal minn perspettiva tal-ġeneru bil-għan li tirrispondi għall-ħtiġijiet partikolari tagħhom;

31.

Ifakkar li l-istati kollha għandhom l-obbligu jirrispettaw u jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem tal-individwi kollha taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom, irrispettivament min-nazzjonalità jew l-oriġini tagħhom u irrispettivament mill-istatus ta' immigrazzjoni tagħhom; ifakkar li strateġija dinjija dwar il-migrazzjoni hija marbuta mill-qrib mal-politiki tal-iżvilupp u dawk umanitarji, inkluż billi jiġu stabbiliti kurituri umanitarji u jingħataw viżi umanitarji; itenni l-appell tiegħu biex il-ftehimiet kollha dwar il-kooperazzjoni u r-riammissjoni ma' Stati mhux tal-UE jkunu konformi mad-dritt internazzjonali; ifakkar li r-ritorn ta' migranti għandu jsir biss b'rispett sħiħ tad-drittijiet tal-migranti, abbażi ta' deċiżjonijiet infurmati, u biss meta l-protezzjoni ta' drittijiethom tkun garantita f'pajjiżhom; jistieden lill-gvernijiet iwaqqfu l-arrest arbitrarju u d-detenzjoni ta' migranti; jesprimi tħassib dwar diskriminazzjoni kontinwa u mifruxa kontra l-migranti, inklużi dawk li jfittxu l-asil u r-rifuġjati; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-istati membri tan-NU, inklużi l-Istati Membri tal-UE, jirrispettaw id-dritt ta' tiftix u tgawdija tal-asil;

It-tibdil fil-klima u d-drittijiet tal-bniedem

32.

Jilqa' l-Ftehim ta' Pariġi taħt il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC), li jkopri l-adattament, il-mitigazzjoni, l-iżvilupp u t-trasferiment tat-teknoloġija, u l-bini tal-kapaċità; jistieden lill-partijiet firmatarji kollha jonoraw l-impenji tagħhom; jinsab dispjaċut dwar in-nuqqas ta' kwalunkwe referenza għad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-UNFCCC, u jappella biex il-politiki u l-azzjonijiet kollha tal-UNFCCC jkunu bbażati fuq id-drittijiet tal-bniedem;

33.

Ifakkar li l-impatt negattiv tat-tibdil fil-klima jirrappreżenta theddida globali immedjata u potenzjalment irreversibbli għat-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem, u li l-impatt tiegħu fuq il-gruppi vulnerabbli, li s-sitwazzjoni ta' drittijiethom hija diġà prekarja, huwa konsiderevoli; jinnota bi tħassib li inċidenti relatati mal-klima bħaż-żieda fil-livelli tal-baħar u tibdil estrem fil-klima li jipprovokaw nixfiet u għargħar huma mistennija jwasslu għal aktar telf ta' ħajja, spostament ta' popolazzjonijiet, u nuqqasijiet ta' ikel u ilma;

34.

Jistieden lill-komunità internazzjonali tindirizza n-nuqqasijiet ġuridiċi fit-terminu 'rifuġjat minħabba l-klima', inkluża l-possibilità tad-definizzjoni internazzjonali tiegħu;

Id-drittijiet tan-nisa

35.

Jilqa' r-Riżoluzzjoni riċenti Nru 2242 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà, li tagħmel lin-nisa l-komponent ċentrali fl-isforzi kollha biex jiġu indirizzati l-isfidi globali, inkluża ż-żieda fl-estremiżmu vjolenti, it-tibdil fil-klima, il-migrazzjoni, l-iżvilupp sostenibbli, il-paċi u s-sigurtà; ifaħħar is-sejbiet tal-Istudju Globali tan-NU dwar l-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni Nru 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà, li enfasizzaw l-importanza tat-tmexxija u l-parteċipazzjoni tan-nisa fir-riżoluzzjoni tal-kunflitti u l-bini tal-paċi u li l-involviment tagħhom tejjeb l-assistenza umanitarja, saħħaħ l-isforzi tal-forzi taż-żamma tal-paċi, rawwem il-konklużjoni tat-taħditiet ta' paċi u għen biex jiġi miġġieled l-estremiżmu vjolenti; jistieden lin-NU u lill-istati membri kollha tagħha jieħdu miżuri konkreti biex jiżguraw l-awtonomija tan-nisa, l-inklużjoni sinifikanti tagħhom fil-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti u fil-proċess ta' negozjati għall-paċi u l-bini tal-paċi, billi tiżdied ir-rappreżentanza tagħhom fil-livelli deċiżjonali kollha, fosthom fl-istituzzjonijiet u fil-mekkaniżmi nazzjonali, reġjonali u internazzjonali;

36.

Jesprimi l-kosternazzjoni tiegħu dwar il-fatt li minn mindu tfaċċaw gruppi estremisti vjolenti bħad-Daesh fis-Sirja u l-Iraq, jew il-Boko Haram fl-Afrika tal-Punent, il-vjolenza kontra n-nisa ingħatat dimensjoni ġdida billi l-vjolenza sesswali saret parti integrali mill-objettivi, l-ideoloġija u s-sors ta' dħul ta' dawn il-gruppi estremisti, u poġġiet sfida ġdida kritika quddiem il-komunità internazzjonali; jistieden lill-gvernijiet kollha u lill-istituzzjonijiet tan-NU jintensifikaw l-impenn tagħhom fil-ġlieda kontra dawn id-delitti abominabbli u jerġgħu jġibu d-dinjità tan-nisa bil-għan li ssir ġustizzja magħhom, jingħataw riparazzjoni u jittieħdu miżuri adegwati ta' sostenn;

37.

Iqis li l-fatt li tiġi ggarantita l-awtonomija tan-nisa, billi jiġu indirizzati l-inugwaljanzi sottostanti bejn in-nisa u l-irġiel li jrendu lin-nisa u t-tfajliet vulnerabbli fi żminijiet ta' kunflitt, huwa mod wieħed kif jiġi miġġieled l-estremiżmu; jenfasizza l-ħtieġa li titkompla l-edukazzjoni għall-bniet fil-kampijiet tar-rifuġjati, fiż-żoni ta' kunflitt milquta minn faqar estrem u minn estremitajiet ambjentali bħal nixfiet u għargħar;

38.

Jisħaq fuq l-importanza li ma jiġix imminat l-'acquis' tal-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing fir-rigward tal-aċċess għall-edukazzjoni u s-saħħa bħala dritt bażiku tal-bniedem, u l-protezzjoni tad-drittijiet sesswali u riproduttivi; jenfasizza l-fatt li r-rispett universali tas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi, kif ukoll l-aċċess għas-servizzi rilevanti jikkontribwixxu biex titnaqqas il-mortalità materna u tat-trabi; jindika li l-ippjanar tal-familja, is-saħħa materna, l-aċċess faċli għall-kontraċezzjoni u aċċess għall-firxa kollha ta' servizzi tas-saħħa sesswali u riproduuttiva huma elementi importanti biex jiġu salvati l-ħajjiet tan-nisa u jgħinuhom jibnu ħajjithom mill-ġdid jekk ikunu sfaw vittmi ta' stupru; jenfasizza l-ħtieġa li dawn il-politiki jitpoġġew fil-qalba tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-azzjoni umanitarja ma' pajjiżi terzi;

39.

Jissottolinja l-importanza ta' miżuri li jsaħħu t-tmexxija u l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-livelli kollha ta' teħid ta' deċiżjonijiet; jistieden lill-istati jiżguraw rappreżentanza ugwali tan-nisa fl-istituzzjonijiet pubbliċi u l-ħajja pubblika, inkluża attenzjoni speċjali għall-inklużjoni tan-nisa li jagħmlu parti minn minoranzi;

40.

Jistieden lill-Kummissjoni, lis-SEAE u lill-Vici-President / Rappreżentant Għoli (VP/RGħ) ikomplu jippromwovu l-għoti tas-setgħa fil-livell politiku u ekonomiku lin-nisa u lill-bniet bl-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-politiki esterni u l-programmi kollha tagħhom, inkluż permezz ta' djalogi strutturati ma' pajjiżi terzi, billi jqajmu pubblikament kwistjonijiet relatati mal-ġeneru u billi jiżguraw biżżejjed riżorsi għal dan il-għan;

Id-drittijiet tat-tfal

41.

Jappoġġja l-isforzi tal-UE biex tippromwovi d-drittijiet tat-tfal, b'mod partikolari billi tikkontribwixxi biex tiżgura l-aċċess tat-tfal għall-ilma, is-sanità, il-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni, billi tiżgura r-riabilitazzjoni u l-integrazzjoni mill-ġdid tat-tfal li jinsabu fi gruppi armati, telimina t-tħaddim tat-tfal, it-tortura, l-akkużi ta' seħer kontra t-tfal, it-traffikar, iż-żwieġ furzat u l-isfruttament sesswali, u billi t-tfal li jinsabu f'kunflitti armati jingħataw l-għajnuna u jiġi żgurat l-aċċess tagħhom għall-edukazzjoni f'żoni ta' kunflitt u fil-kampijiet tar-rifuġjati;

42.

Ifakkar li l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, li kienet adottata fl-1989 u hija t-trattat internazzjonali fl-ambitu tad-drittijiet tal-bniedem li l-aktar li ġie ratifikat, tiddefinixxi numru ta' drittijiet tat-tfal, fosthom id-dritt għall-ħajja, għas-saħħa, għall-edukazzjoni u għal-logħob, kif ukoll id-dritt għall-ħajja fil-familja, li jitħarsu mill-vjolenza u mid-diskriminazzjoni u li jinstemgħu fehmiethom; jistieden lill-firmatarji kollha ta' dan it-trattat jonoraw l-obbligi tagħhom;

43.

Jilqa' l-istudju globali ppjanat li għandu jiġi mniedi min-NU bil-għan li jiġi ddeterminat, permezz ta' monitoraġġ u analiżi tal-evalwazzjoni, il-mod kif il-liġijiet u l-istandards internazzjonali qed jiġu implimentati fil-prattika u biex jiġu vvalutati l-possibilitajiet konkreti għall-istati biex itejbu l-politiki u r-reazzjonijiet tagħhom; iħeġġeġ lill-istati kollha jappoġġjaw u jipparteċipaw b'mod attiv f'dan l-istudju;

44.

Jinnota bi tħassib li fl-2015, f'diversi pajjiżi madwar id-dinja, għadd ta' persuni ġew ikkundannati għall-mewt għal reati mwettqa meta kellhom inqas minn 18-il sena minkejja l-projbizzjoni fuq l-użu tal-piena tal-mewt għall-minorenni fil-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal;

Id-drittijiet tal-persuni LGBTI

45.

Jesprimi t-tħassib tiegħu rigward il-persistenza ta' liġijiet u prattiki diskriminatorji u ta' atti ta' vjolenza kontra individwi f'diversi pajjiżi, abbażi tal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru tagħhom; iħeġġeġ il-monitoraġġ mill-qrib tas-sitwazzjoni tal-persuni LGBTI f'pajjiżi fejn dan l-aħħar ġew introdotti liġijiet kontra l-LGBTI; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-hekk imsejħa liġijiet 'kontra l-propaganda', li jillimitaw il-libertà tal-espressjoni u tal-għaqda, anki f'pajjiżi fil-kontinent Ewropew;

46.

Jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għat-tkomplija tal-ħidma tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem għall-promozzjoni u l-protezzjoni tat-tgawdija tad-drittijiet kollha tal-bniedem minn persuni LGBTI, b'mod partikolari permezz ta' dikjarazzjonijiet, rapporti u l-kampanja 'Free & Equal'; iħeġġeġ lill-Kummissarju Għoli jkompli jiġġieled kontra liġijiet u prattiki diskriminatorji; jinsab imħasseb dwar ir-restrizzjonijiet fuq il-libertajiet fundamentali ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem tal-persuni LGBTI, u jappella lill-UE żżid l-appoġġ tagħha lejn dawn id-difensuri; jinnota li d-drittijiet fundamentali tal-persuni LGBTI aktarx li jiġu rrispettati aktar jekk dawn ikollhom aċċess għall-istituzzjonijiet ġuridiċi kollha;

L-integrazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-UE u l-koerenza

47.

Jappella lill-UE tippromwovi l-universalità u l-indiviżibilità tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ċivili, politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali, skont l-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u d-Dispożizzjonijiet Ġenerali dwar l-Azzjoni Esterna tal-Unjoni;

48.

Itenni l-appell tiegħu lill-UE biex tadotta approċċ ibbażat fuq id-drittijiet u tintegra r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fil-kummerċ, il-politiki tal-investiment, is-servizzi pubbliċi u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp kif ukoll fil-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni tagħha; jisħaq wkoll fuq il-fatt li l-politika tad-drittijiet tal-bniedem tal-UE għandha tiżgura li l-politiki interni u esterni tagħha jkunu koerenti, konformi mal-obbligu stabbilit mit-Trattat dwar l-UE;

49.

Itenni, barra minn hekk, l-importanza li l-UE tinvolvi ruħha b'mod attiv u konsistenti fil-mekkaniżmi kollha tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari fit-Tielet Kumitat, l-Assemblea Ġenerali (AĠNU) u l-UNHRC; jirrikonoxxi l-isforzi tas-SEAE, tad-Delegazzjonijiet tal-UE fi New York u f'Ġinevra u tal-Istati Membri biex tiżdied il-koerenza tal-UE fil-kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem fil-livell tan-NU, permezz ta' konsultazzjoni f'waqtha u sostantiva u biex jitwassal 'messaġġ b'vuċi waħda'; iħeġġeġ lill-UE żżid l-isforzi tagħha biex issemma' leħinha, inkluż billi tintensifika l-prattika li qed tiżdied ta' inizjattivi transreġjonali u billi tressaq riżoluzzjonijiet ma' pajjiżi oħra jew teħodhom f'idejha hi; itenni l-appell tiegħu għal viżibilità aktar b'saħħitha tal-azzjoni tal-UE fil-fora multilaterali kollha;

50.

Jitlob lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem ikompli jsaħħaħ l-effikaċja, il-koerenza u l-viżibilità tal-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest tal-UNHRC, u jkompli jiżviluppa kooperazzjoni mill-qrib mal-OHCHR u mal-Proċeduri Speċjali;

51.

Jenfasizza bil-qawwa l-ħtieġa li jittejbu t-tħejjija u l-koordinament tal-pożizzjonijiet tal-UE għas-sessjonijiet tal-UNHRC u li tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-konsistenza bejn il-politika esterna u interna tad-drittijiet tal-bniedem tal-UE;

52.

Ifakkar fl-importanza li tinżamm il-prattika istituzzjonalizzata li jintbagħtu delegazzjonijiet parlamentari lejn l-UNHRC u l-AĠNU;

53.

jappella biex l-involviment tal-Istati Membri tal-UE fil-UNHRC ikun ibbażat aktar fuq il-prinċipji u ma jkunx selettiv;

Id-drones u l-armi awtonomi

54.

Itenni l-istedina tiegħu lill-Kunsill tal-UE biex jiżviluppa pożizzjoni komuni tal-UE dwar l-użu ta' drones armati, li tagħti importanza kbira lir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali u tindirizza kwistjonijiet bħall-qafas ġuridiku, il-proporzjonalità, ir-responsabilità, il-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili u t-trasparenza; iħeġġeġ lill-UE, għal darb'oħra, tipprojbixxi l-produzzjoni, l-iżvilupp u l-użu ta' armi kompletament awtonomi, li jippermettu li jsiru attakki mingħajr intervent uman; jinsisti li d-drittijiet tal-bniedem għandhom ikunu parti mid-djalogi kollha li jsiru ma' pajjiżi terzi dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu;

Il-ġlieda kontra t-terroriżmu

55.

Jinnota b'mod pożittiv id-dokument ta' gwida dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu abbozzat mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u mill-Kummissjoni li għandu l-għan jiżgura r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni ta' proġetti ta' għajnuna fil-ġlieda kontra t-terroriżmu mal-pajjiżi terzi; ifakkar, b'rabta ma' dan, li r-rispett tad-drittijiet u tal-libertajiet fundamentali jikkostitwixxi l-bażi għal politiki ta' suċċess kontra t-terroriżmu, inkluż l-użu ta' teknoloġiji ta' sorveljanza diġitali; jisħaq fuq il-bżonn ta' żvilupp ta' strateġiji effikaċi ta' komunikazzjoni għall-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-propaganda estremista u l-metodi ta' reklutaġġ, speċjalment fuq l-internet;

Id-demokratizzazzjoni

56.

Jirrakkomanda li l-UE żżid l-isforzi tagħha biex tiżviluppa approċċ aktar komprensiv lejn il-proċessi ta' demokratizzazzjoni, fejn elezzjonijiet ħielsa u ġusti jikkostitwixxu biss dimensjoni waħda minnhom, biex b'hekk jingħata kontribut pożittiv għat-tisħiħ tal-istituzzjonijiet demokratiċi; iqis li l-kondiviżjoni tal-prattiki tajba tat-tranżizzjoni fil-qafas tal-politiki tat-tkabbir u tal-viċinat għandha tintuża biex issostni u tikkonsolida l-proċessi ta' demokratizzazzjoni l-oħra fid-dinja kollha;

L-iżvilupp u d-drittijiet tal-bniedem

57.

Jisħaq fuq l-importanza tal-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli (SDG) 16 dwar il-paċi u l-ġustizzja tal-Aġenda 2030, li jmissu jkun il-prijorità tal-azzjoni esterna u interna kollha, speċjalment f'dawk li huma l-finanzjamenti tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp;

L-isport u d-drittijiet tal-bniedem

58.

Jinsab imħasseb serjament dwar il-fatt li stati awtoritarji fejn iseħħ ksur tad-drittijiet tal-bniedem qegħdin jilqgħu għandhom avvenimenti sportivi ewlenin; jistieden lin-NU u lill-Istati Membri tal-UE jqajmu din il-kwistjoni u jimpenjaw ruħhom mal-federazzjonijiet sportivi nazzjonali, l-atturi korporattivi u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fir-rigward tal-aspetti prattiċi tal-parteċipazzjoni tagħhom f'avvenimenti bħal dawn, inklużi t-Tazza tad-Dinja tal-FIFA fir-Russja fl-2018 u fil-Qatar fl-2022 u l-Logħob Olimpiku f'Beijing fl-2022;

Il-Qorti Kriminali Internazzjonali

59.

Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-ħidma tal-QKI fir-rwol tagħha li ttemm l-impunità għall-awturi tal-aktar delitti serji li huma ta' tħassib għall-komunità internazzjonali u li tagħmel ġustizzja mal-vittmi tad-delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u ġenoċidji; jibqa' viġilanti rigward kwalunkwe tentattiv biex tiġi mminata l-leġittimità jew l-indipendenza tagħha; iħeġġeġ lill-UE u l-Istati Membri tagħha jikkooperaw mal-Qorti u jagħtuha appoġġ diplomatiku, politiku u finanzjarju b'saħħtu, inkluż fin-NU; jappella lill-UE, l-Istati Membri tagħha u r-Rappreżentanti Speċjali tagħha jippromwovu b'mod attiv il-QKI, l-infurzar tad-deċiżjonijiet tagħha u l-ġlieda kontra l-impunità għad-delitti elenkati fl-Istatut ta' Ruma, fosthom billi ssaħħaħ u tespandi r-relazzjoni tagħha mal-Kunsill tas-Sigurtà, u billi tippromwovi r-ratifika universali tal-Istatut ta' Ruma kif ukoll l-emendi ta' Kampala;

Il-pajjiżi taħt l-Eżami Perjodiku Universali (EPU)

Il-Georgia

60.

Jilqa' s-sħubija tal-Georgia mal-UNHRC u l-EPU reċenti dwar il-Georgia; jinnota r-riformi leġiżlattivi sinifikattivi li rriżultaw f'ċertu progress u titjib rigward is-settur tal-ġustizzja u l-infurzar tal-liġi, l-Uffiċċju tal-Prosekutur, il-ġlieda kontra t-trattatment ħażin, id-drittijiet tat-tfal u l-protezzjoni tal-privatezza u tad-data personali kif ukoll tal-persuni spostati f'pajjiżhom (IDPs);

61.

Jinnota, madankollu, li hemm bżonn aktar sforzi fir-rigward tal-indipendenza sħiħa tal-ġudikatura u t-trattament ħażin, speċjalment fir-rigward tal-arrest preventiv u r-riabilitazzjoni tal-vittmi, ir-responsabilità għall-abbużi magħmula mill-aġenziji tal-infurzar tal-liġi, l-investigazzjonijiet dwar abbużi li saru fil-passat minn uffiċjali tal-gvern, kif ukoll fir-rigward tal-minoranzi u d-drittijiet tan-nisa; jisħaq fuq ir-responsabilità tal-Gvern, skont id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, li jipproteġi lit-tfal kollha mill-vjolenza, u jitlob skrutinju tal-istituzzjonijiet kollha tal-karità għat-tfal; jitlob li jkunu previsti dispożizzjonijiet għar-riabilitazzjoni tal-vittmi; għadu mħasseb dwar il-libertà tal-espressjoni u tal-mezzi tax-xandir u n-nuqqas ta' aċċess mill-persuni inkarigati mill-monitoraġġ għar-reġjuni okkupati tal-Abkażja u r-reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar, fejn il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem għadu mifrux; jistieden ukoll lill-Gvern tal-Georgia jieħu miżuri xierqa bil-għan li jiżgura l-għoti ta' segwitu lir-rakkomandazzjonijiet li saru fil-proċess tal-EPU;

Il-Libanu

62.

Ifaħħar lil-Libanu għall-politika tal-fruntieri miftuħin u tal-akkoljenza li ilu jħaddan fir-rigward tar-rifuġjati mill-Palestina, mill-Iraq u mis-Sirja, jisħaq li l-pajjiż, fejn persuna minn erbgħa tal-popolazzjoni hija rifuġjat, għandu l-ogħla konċentrazzjoni per capita ta' rifuġjati fid-dinja, u jistieden lill-UE talloka aktar riżorsi u tikkollabora aktar mill-qrib mal-awtoritajiet Libaniżi biex tgħin lill-pajjiż iżomm il-protezzjoni tad-drittijiet tar-rifuġjati u tal-persuni li jfittxu asil; jinsab imħasseb f'dan il-kuntest, dwar l-għadd sinifikanti rrappurtat ta' każijiet ta' żwieġ tat-tfal u/jew żwieġ furzat fost ir-rifuġjati Sirjani; iħeġġeġ lill-Gvern Libaniż jikkunsidra riforma tal-liġi li tirregola d-dħul, is-soġġorn u l-ħruġ mil-Libanu;

63.

Jappoġġja r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat tan-NU dwar l-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW), li jitolbu miżuri biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni fost il-ħaddiema domestiċi migranti nisa dwar id-drittijiet tal-bniedem tagħhom skont il-Konvenzjoni CEDAW, li l-Libanu huwa stat parti tagħha; jenfasizza b'mod partikolari l-bżonn li titneħħa s-'sistema Kafala' u jiġi żgurat aċċess effettiv għall-ġustizzja għall-ħaddiema domestiċi migranti nisa, anki billi jiġu garantiti s-sikurezza u r-residenza tagħhom matul il-proċeduri ġuridiċi u amministrattivi relatati mal-istatus tagħhom;

Il-Mauritania

64.

Jisħaq fuq il-fatt li, filwaqt li sar progress min-naħa tal-Gvern tal-Mauritania fit-teħid ta' miżuri leġiżlattivi bil-għan li jiġġieled kontra kull forma ta' skjavitù u prattiki li jixbhu l-iskjavitù, in-nuqqas ta' implimentazzjoni effikaċi jikkontribwixxi għall-persistenza ta' tali prattiki; jistieden lill-awtoritajiet jippromulgaw liġi kontra l-iskjavitù, jagħtu bidu, fuq skala nazzjonali, għal ġbir sistematiku u regolari ta' data diżaggregata dwar kull forma ta' skjavitù u jwettqu studju bir-reqqa bbażat fuq provi dwar l-istorja u n-natura tal-iskjavitù bil-għan li din il-prattika tinqered;

65.

Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Mauritania jippermettu l-libertà tal-espressjoni u ta' assoċjazzjoni, bi qbil mal-konvenzjonijiet internazzjonali u mad-dritt intern tal-Mauritania; jitlob ukoll li jinħelsu Biram Dah Abeid, Bilal Ramdane u Djiby Sow biex ikunu jistgħu jkomplu l-kampanja mhux vjolenti tagħhom kontra t-tkomplija tal-iskjavitù mingħajr biża' ta' fastidju jew intimidazzjoni;

Il-Myanmar

66.

Jilqa' l-fatt li saru elezzjonijiet kompetittivi fit-8 ta' Novembru 2015, pass importanti lejn it-tranżizzjoni demokratika tal-pajjiż; jieħu nota pożittiva tal-espressjoni ta' impenn min-naħa tal-eletturi tal-Myanmar favur it-tkomplija tad-demokratizzazzjoni tal-pajjiż; jinnota bi tħassib, madankollu, il-qafas kostituzzjonali għal dawn l-elezzjonijiet, li jirriserva 25 % tas-siġġijiet fil-parlament għall-militar; jirrikonoxxi l-progress li sar sa issa fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, filwaqt li jidentifika għadd ta' oqsma li għadhom ta' tħassib kbir, inklużi d-drittijiet tal-minoranzi u l-libertà tal-espressjoni, assoċjazzjoni u għaqda paċifika;

67.

Jikkundanna d-diskriminazzjoni serja u mifruxa fil-konfront tar-Rohingya, li hija aggravata mill-fatt li din il-komunità m'għandhiex status ġuridiku, u miż-żieda fl-inċitament għall-mibegħda kontra min mhuwiex Buddist; jitlob li jsiru investigazzjonijiet sħaħ, trasparenti u indipendenti dwar ir-rapporti kollha ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem kontra r-Rohingya u huwa mħasseb dwar l-erba' liġijiet adottati mill-parlament fl-2015 bil-għan tal-'protezzjoni tar-razza u r-reliġjon', billi jistgħu jwasslu għal diskriminazzjoni fir-rigward tal-ġeneru; itenni t-talba tiegħu li l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem jingħata l-awtorizzazzjoni biex jistabbilixxi uffiċċju fil-pajjiż, u jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li dan għadu ma tħalliex jagħmel dan; jisħaq fuq il-ħtieġa li ssir valutazzjoni tal-impatt tas-sostenibilità sħiħa qabel ma jiġu ffinalizzati n-negozjati dwar il-ftehim ta' investiment UE-Myanmar;

In-Nepal

68.

Jilqa' d-dħul fis-seħħ fl-20 ta' Settembru 2015 tal-kostituzzjoni l-ġdida tan-Nepal, li għandha tibni l-bażi għall-istabilità politika u l-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiż fil-futur; jittama li t-tħassib li fadal dwar ir-rappreżentanza politika tal-minoranzi, inklużi d-Dalits, u l-liġijiet dwar iċ-ċittadinanza se jiġi indirizzat fil-futur qrib;

69.

Jiddispjaċih dwar in-nuqqas mifrux ta' responsabilità għal abbużi tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa miż-żewġ naħat matul il-gwerra ċivili, minkejja l-adozzjoni f'Mejju 2014 tal-Att dwar il-Verità, ir-Rikonċiljazzjoni u l-Għajbien; iħeġġeġ lill-Gvern tan-Nepal jaderixxi għall-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Ħarsien tal-Persuni Kollha mill-Għajbien Sfurzat; jikkundanna l-limitazzjonijiet li tqiegħdu fuq il-libertajiet fundamentali tar-rifuġjati Tibetani; iħeġġeġ lill-Indja tneħħi l-imblokk mhux uffiċjali tagħha fuq l-ekonomija tan-Nepal li, flimkien mat-terremot devastanti ta' April 2015, qed jikkawża kriżi umanitarja u jwassal biex madwar miljun Nepaliż ieħor jgħixu f'sitwazzjoni staġnata ta' faqar;

L-Oman

70.

Ifaħħar lill-Oman għall-istabbiliment tal-Kummissjoni Nazzjonali governattiva dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (NHRC) u għall-istedina li ppermettiet iż-żjara bla preċedent tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-Dritt għall-Għaqda Paċifika f'Settembru 2014; jesprimi t-tama li dawn il-passi kostruttivi jwasslu għal involviment aktar intensiv mill-Oman mar-rappreżentanti tan-NU għad-drittijiet tal-bniedem u l-organizzazzjonijiet indipendenti tad-drittijiet tal-bniedem;

71.

Iħeġġeġ lill-Oman jieħu l-passi meħtieġa biex itaffi dak li r-Rapporteur Speċjali tan-NU ddeskriva bħala sitwazzjoni mifruxa ta' biża' u intimidazzjoni fil-pajjiż; għadu mħasseb dwar il-projbizzjoni tal-partiti politiċi kollha, u jistieden lill-Gvern jikkunsidraha mill-ġdid; jistieden lill-Istituzzjonijiet u lill-Istati Membri tal-UE joffru assistenza teknika u legali biex jgħinu lill-Oman joħloq ambjent sikur u abilitanti għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

Ir-Rwanda

72.

Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Rwanda, inklużi r-restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-espressjoni u ta' assoċjazzjoni, it-tiċkin tal-ispazju demokratiku għall-partiti politiċi fl-oppożizzjoni u l-attivitajiet tas-soċjetà ċivili indipendenti, u n-nuqqas ta' ambjent li jwassal għall-indipendenza tal-ġudikatura; jistieden lill-Gvern tar-Rwanda jiftaħ spazju demokratiku fejn l-oqsma kollha tas-soċjetà jistgħu joperaw liberament;

73.

Jinsab imħasseb dwar il-bidla kostituzzjonali proposta bil-għan li l-President fil-kariga jkun jista' jikkontesta għat-tielet mandat; jitlob lill-Gvern tar-Rwanda jirrispetta l-Karta Afrikana tad-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza;

Is-Sudan t'Isfel

74.

Jilqa' l-Ftehim ta' Paċi ffirmat mill-partijiet fil-kunflitt fit-28 ta' Awwissu 2015 biex tintemm il-gwerra ċivili, li jinkludi kondiviżjoni tranżizzjonali tas-setgħa, arranġamenti tas-sigurtà u l-ħolqien ta' qorti ibrida biex tipproċessa d-delitti kollha li twettqu mindu beda l-kunflitt; ifakkar li l-kunflitt ħasad il-ħajja ta' eluf ta' nies u kkawża l-ispostament ta' mijiet ta' eluf ta' persuni u rifuġjati;

75.

Jistieden lill-partijiet kollha biex joqogħdu lura milli jwettqu ksur tad-drittijiet tal-bniedem u ksur tal-liġi umanitarja internazzjonali, inkluż dak li jikkostitwixxi delitt internazzjonali, bħal pereżempju l-qtil extraġudizzjarju, il-vjolenza mmirata etnikament, il-vjolenza sesswali relatata mal-kunflitti, inkluż l-istupru, kif ukoll il-vjolenza bbażata fuq is-sessi, ir-reklutaġġ u l-użu tat-tfal, l-għajbien sfurzat u l-arresti u d-detenzjoni arbitrarji;

76.

Jilqa' r-riżoluzzjoni tal-UNHRC ta' Ġunju 2015 u l-fatt li ntbagħtet missjoni tal-OHCHR biex timmonitorja u tirrapporta dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fis-Sudan t'Isfel; Jistieden lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem jappoġġja l-ħatra ta' Rapporteur Speċjali dwar is-Sudan t'Isfel b'mandat li jimmonitorja u jirrapporta pubblikament dwar il-ksur, jassisti lill-gvern fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet li għandhom isiru mill-missjoni tal-OHCHR, u jagħmel rakkomandazzjonijiet biex tinkiseb responsabilità effikaċi;

Il-Venezwela

77.

Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar s-sitwazzjoni terribbli tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż bħala riżultat tad-deterjorament tal-klima ekonomika, politika u soċjali f'dawn l-aħħar snin; itenni li l-libertà ta' espressjoni, ġudikatura indipendenti u l-Istat tad-dritt huma komponenti fundamentali ta' kwalunkwe soċjetà demokratika; jistieden lill-awtoritajiet tal-Venezwela jeħilsu minnufih lill-mexxejja tal-oppożizzjoni u lid-dimostranti paċifiċi kollha detenuti arbitrarjament talli eżerċitaw id-dritt għal-libertà ta' espressjoni u d-drittijiet fundamentali tagħhom;

78.

Jilqa' l-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet tas-6 ta' Diċembru 2015 u l-istabbiliment tal-Assemblea Nazzjonali l-ġdida; jikkundanna kwalunkwe tentattiv intiż li jimmina l-osservanza totali tar-riżultati elettorali li jesprimu r-rieda tal-poplu Venezwelan, bħas-sospensjoni ta' ċerti membri eletti demokratikament; ifakkar li l-gvern il-ġdid se jkollu jindirizza firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, bħall-impunità u r-responsabilità għall-qtil extraġudizzjajru, l-arrest u d-detenzjoni arbitrarji, il-proċess ġust, l-indipendenza tal-ġudikatura, il-libertà tal-għaqda u ta' assoċjazzjoni u l-libertà tal-mezzi tax-xandir; jisħaq li s-sħubija tal-Venezwela mal-UNHRC għal perjodu ta' tliet snin li jibda mill-1 ta' Jannar 2016 iġġib magħha responsabilità speċjali li jiġu rrispettati d-drittijiet tal-bniedem;

Is-Sirja

79.

Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar is-sitwazzjoni ta' sigurtà u s-sitwazzjoni umanitarja drammatiċi fis-Sirja; jenfasizza l-importanza tal-ħidma li saret mill-Kummissjoni Internazzjonali Indipendenti ta' Inkjesta tan-NU dwar is-Sirja; jikkundanna t-tqegħid fil-mira tal-popolazzjoni ċivili, l-attakki indiskriminati u sproporzjonati, l-attakki fuq il-popolazzjoni ċivili u fuq l-oġġetti ta' wirt kulturali protetti, u l-impożizzjoni punittiva ta' assedji u imblokki; jenfasizza l-ħtieġa li jingħataw attenzjoni speċjali u appoġġ lill-vittmi ta' vjolenza nisa, l-organizzazzjonijiet tan-nisa u l-parteċipazzjoni tagħhom fl-għajnuna umanitarja u r-riżoluzzjoni tal-kunflitt; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jiżguraw li l-kummissjoni ta' inkjesta tkun iffinanzjata b'mod adegwat biex twettaq il-mandat tagħha, li jikkonsisti fl-istabbiliment tal-fatti u ċ-ċirkostanzi ta' kull ksur serju mwettaq tad-drittijiet tal-bniedem, u fejn possibbli tidentifika lil dawk responsabbli bil-ħsieb li jiġi żgurat li l-awturi ta' ksur, inkluż ksur li jista' jikkostitwixxi delitti kontra l-umanità, jinżammu responsabbli, fosthom billi jitressqu quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali;

80.

Itenni l-konvinzjoni tiegħu li soluzzjoni sostenibbli għall-kriżi fis-Sirja tista' tinkiseb biss permezz ta' soluzzjoni politika inklużiva, li twassal għal tranżizzjoni politika ġenwina li tissodisfa l-aspirazzjonijiet leġittimi tal-poplu Sirjan u tippermettilhom jiddeterminaw il-futur tagħhom stess b'mod indipendenti u demokratiku; jilqa' d-dikjarazzjoni finali tat-30 ta' Ottubru 2015 dwar ir-riżultati tad-diskussjonijiet dwar is-Sirja li saru fi Vjenna; jilqa' l-adozzjoni tar-riżoluzzjoni 2254 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fit-18 ta' Diċembru 2015;

81.

Jinsab allarmat dwar il-prosekuzzjoni ta' minoranzi reliġjużi u etniċi fis-Sirja, li huma mġiegħla jikkonvertu u jagħtu omaġġ, u li qed jiġu attakkati, midruba, mibjugħa bħala skjavi u jitneħħewlhom l-organi purament minħabba l-fidi tagħhom;

Il-Burundi

82.

Jesprimi tħassib kbir dwar l-attakki mmirati fuq difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ġurnalisti u l-membri tal-familji tagħhom; jikkundanna b'qawwa l-vjolenza politika, l-eżekuzzjonijiet sommarji u ksur ieħor tad-drittijiet tal-bniedem; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Burundi jtemmu dan il-ksur u dawn l-abbużi bħala kwistjoni ta' prijorità u ta' importanza fundamentali, u jwettqu investigazzjonijiet imparzjali u indipendenti bil-għan li dawk responsabbli jitressqu l-qorti u li l-vittmi jingħataw rimedju;

83.

Jibqa' mħasseb ħafna dwar l-impatt umanitarju tal-kriżi fuq il-popolazzjoni ċivili fil-pajjiż u fir-reġjun kollu kemm hu; jitlob lill-UE tkompli taħdem lejn eżitu kunsenswali bejn il-gvern u l-oppożizzjoni bil-għan li tiġi stabbilita mill-ġdid sistema politika demokratika u inklużiva;

84.

Jilqa' l-fatt li fis-17 ta' Diċembru 2015 saret Sessjoni Speċjali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-prevenzjoni tad-deterjorament ulterjuri tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Burundi, iżda jiddispjaċih li din damet biex saret; jappella biex jitħaffef l-istazzjonar tal-missjoni ta' esperti indipendenti, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Burundi jikkooperaw bis-sħiħ ma' din il-missjoni;

L-Arabja Sawdija

85.

Għadu mħasseb profondament dwar il-ksur sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż; jinsab imħasseb serjament dwar ir-rata allarmanti ta' sentenzi tal-qorti li ordnaw u applikaw il-piena tal-mewt fl-Arabja Sawdija fl-2015; jiddeplora l-eżekuzzjonijiet tal-massa li saru f'dawn l-aħħar ġimgħat; jistieden lill-Arabja Sawdija timponi moratorju fuq il-piena tal-mewt;

86.

Jistieden lill-awtoritajiet tal-Arabja Sawdija jeħilsu lil dawk kollha li qegħdin il-ħabs minħabba t-twemmin tagħhom, inkluż ir-rebbieħ tal-Premju Sakharov 2015, Raif Badawi; jitlob lill-UE ssegwi mill-qrib il-każ speċifiku tiegħu;

87.

Itenni li l-membri tal-UNHRC għandhom ikunu eletti minn fost l-istati li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u d-demokrazija, li attwalment mhuwiex il-każ fl-Arabja Sawdija; jistieden lill-awtoritajiet Sawdin jikkooperaw bis-sħiħ mal-Proċeduri Speċjali tal-UNHRC u l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem;

Il-Belarussja

88.

Jilqa' l-ħelsien tal-priġunieri politiċi li kien għad fadal f'Awwissu 2015 u jistieden lill-Gvern tal-Belarussja jirriabilita lill-priġunieri politiċi meħlusin u jerġgħu jkollhom id-drittijiet ċiviċi u politiċi totali tagħhom; jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar ir-restrizzjonijiet kontinwi fuq il-libertà ta' espressjoni u l-libertà ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda paċifika; jikkundanna l-intimidazzjoni fil-konfront ta' ġurnalisti indipendenti u tal-oppożizzjoni u l-intimidazzjoni u d-detenzjoni ta' attivisti tad-drittijiet tal-bniedem; iħeġġeġ lill-Belarussja tingħaqad mal-moratorju globali fuq l-eżekuzzjoni tal-piena ta' mewt bħala l-ewwel pass lejn l-abolizzjoni permanenti tagħha; Jistieden lill-gvern jikkoopera bis-sħiħ mar-Rapporteur Speċjali u jimpenja ruħu li jwettaq riformi biex iħares id-drittijiet tal-bniedem, fosthom billi jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet li saru mir-Rapporteur Speċjali u mekkaniżmi oħra għad-drittijiet tal-bniedem;

Il-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani

89.

Jieħu nota tal-konklużjonijiet tal-VP/RGħ u tal-Kunsill dwar il-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani adottati fit-18 ta' Jannar 2016; jaqbel bis-sħiħ mal-Kunsill li l-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem min-naħa ta' kulħadd, inkluża r-responsabilità, huwa fundamentali għall-paċi u s-sigurtà fir-reġjun, u li l-insedjamenti tal-Iżrael huma illegali skont id-dritt internazzjonali u jimminaw il-vijabilità tas-soluzzjoni ta' żewġ stati; jiddispjaċih ħafna dwar ir-riżenja tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fit-territorji Palestinjani, Makarim Wibisono;

o

o o

90.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-President tad-69 Assemblea Ġenerali tan-NU, lill-President tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u lis-Segretarju Ġenerali tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa.


(1)  Testi adottati, P8_TA(2015)0470.