12.1.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 11/55


P8_TA(2016)0009

Lejn Att dwar is-Suq Uniku Diġitali

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Jannar 2016 dwar Lejn Att dwar is-Suq Uniku Diġitali (2015/2147(INI))

(2018/C 011/06)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa” (COM(2015)0192) u d-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjaha (SWD(2015)0100),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Lulju 2014 bit-titolu “Lejn ekonomija ta' suċċess immexxija mid-dejta” (COM(2014)0442),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni (UE) 2015/2240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 li tistabbilixxi programm dwar soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà u oqfsa komuni għall-amministrazzjonijiet pubbliċi, in-negozji u ċ-ċittadini Ewropej (programm ISA2) bħala mezz għall-modernizzazzjoni tas-settur pubbliku (1),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “It-twettiq tal-potenzjal tal-finanzjament kollettiv fl-Unjoni Ewropea” (COM(2014)0172),

wara li kkunsidra l-anness għall-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “L-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT): Ir-riżultati u l-passi li jmiss” (COM(2013)0685),

wara li kkunsidra l-proposta għal Regolament tal-Kummissjoni li jistabbilixxi miżuri li jikkonċernaw is-suq uniku Ewropew għall-komunikazzjoni elettronika u biex jinkiseb Kontinent Konness, u li jemenda d-Direttivi 2002/20/KE, 2002/21/KE u 2002/22/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1211/2009 u (UE) Nru 531/2012 (COM(2013)0627),

wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-23 ta' April 2013 bl-isem “E-commerce Action plan 2012-2015 – State of play 2013” (Pjan ta' Azzjoni dwar il-kummerċ elettroniku 2012-2015 – Is-sitwazzjoni fl-2013) (SWD(2013)0153),

wara li kkusidra l-proposta tal-Kummissjoni dwar miżuri biex tonqos l-ispiża biex isiru netwerks tal-komunikazzjoni elettronika b'veloċità għolja (COM(2013)0147),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni dwar miżuri li jiżguraw livell għoli komuni ta' sigurtà tan-netwerks u tal-informazzjoni madwar l-Unjoni (COM(2013)0048),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Diċembru 2012 bit-titolu “Dwar il-Kontenut fis-Suq Uniku Diġitali” (COM(2012)0789),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni dwar l-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi tal-entitajiet tas-settur pubbliku (COM(2012)0721),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ottubru 2012 bl-isem “Industrija Ewropea aktar b’saħħitha għat-Tkabbir u l-Irkupru Ekonomiku” (COM(2012)0582),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Ottubru 2012 bit-titolu “Att dwar is-Suq Uniku II – Flimkien għal tkabbir ġdid” (COM(2012)0573),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' April 2011 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu “L-Att dwar is-Suq Uniku: Tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzar tal-fiduċja” (COM(2011)0206),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Ottubru 2010 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu “Lejn Att dwar is-Suq Uniku: Għal ekonomija tas-suq kompetittiva ħafna – 50 proposta biex intejbu l-ħidma, in-negozju u l-iskambji ma' xulxin” (COM(2010)0608),

wara li kkunsidra l-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda Direttiva 2006/116/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-proprjetà intellettwali: it-terminu ta' protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u ta' ċerti drittijiet relatati (COM(2008)0464),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2015/758 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2015 li jikkonċerna rekwiżiti għall-approvazzjoni skont it-tip għall-iskjerament tas-sistema eCall immuntata fil-vettura bbażata fuq is-servizz 112 u li jemenda d-Direttiva 2007/46/KE (2),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (3),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 283/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 dwar linji gwida għal netwerks trans-Ewropej fil-qasam tal-infrastruttura tat-telekomunikazzjoni u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1336/97/KE (4),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/26/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati u ħruġ ta' liċenzji multiterritorjali ta' drittijiet f'xogħlijiet mużikali għall-użu online fis-suq intern (5),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 913/2010 u jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 680/2007 u (KE) Nru 67/2010 (6),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2013/37/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li temenda d-Direttiva 2003/98/KE dwar l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku (7) (Direttiva PSI),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 524/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar is-soluzzjoni online għal tilwim mal-konsumaturi u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2009/22/KE (Regolament dwar l-ODR tal-konsumaturi) (8),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta' servizzi tal-media awdjoviżiva (9),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 243/2012/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2012 li tistabbilixxi programm pluriennali tal-politika tal-ispettru tar-radju (10),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1211/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi l-Korp ta' Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) u l-Uffiċċju (12),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar servizzi fis-suq intern (13),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (14),

wara li kkunsidra d-Direttiva 96/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 1996 dwar il-protezzjoni legali ta' databases (15),

wara li kkunsidra l-Ewwel evalwazzjoni tad-Direttiva 96/9/KE dwar il-protezzjoni legali ta' databases,

wara li kkunsidra d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (16), inklużi l-emendi b'riżultat tar-Regolament (KE) Nru 1882/2003,

wara li kkunsidra l-ftehim tat-28 ta' Settembru 2015 dwar is-sħubija 5G bejn iċ-Ċina u l-Unjoni Ewropea u l-ftehimiet relatati,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Lulju 2015 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerti aspetti ta' drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (17),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2015 dwar “Lejn kunsens imġedded dwar l-infurzar tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali: Pjan ta' Azzjoni tal-UE” (18),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Marzu 2015 dwar ir-Rapport Annwali dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni tal-UE (19),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta’ Novembru 2014 dwar is-sostenn tad-drittijiet tal-konsumatur fis-suq uniku diġitali (20),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Frar 2014 dwar imposti fuq l-ikkuppjar privat (21),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Frar 2014 dwar suq integrat għall-konsenja tal-pakketti għat-tkabbir tal-kummerċ elettroniku fl-UE (22),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2014 dwar ir-riindustrijalizzazzjoni tal-Ewropa biex jiġu promossi l-kompetittività u s-sostenibbiltà (23),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Diċembru 2013 dwar l-isfruttar tal-potenzjal tal-cloud computing fl-Ewropa (24),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Diċembru 2013 dwar ir-rapport ta' evalwazzjoni rigward il-BEREC u l-Uffiċċju (25),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Ottubru 2013 dwar ir-rapport ta' implimentazzjoni dwar il-qafas regolatorju għall-komunikazzjoni elettronika (26),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Ottubru 2013 dwar prattiki ta' reklamar qarrieqi (27),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2013 dwar l-Aġenda Diġitali għat-Tkabbir, il-Mobbiltà u l-Impjieg: wasal iż-żmien li nħaffu l-ħidma tagħna (28),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Lulju 2013 dwar l-ikkompletar tas-Suq Uniku Diġitali (29),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Ġunju 2013 dwar aġenda ġdida għall-Politika Ewropea tal-Konsumatur (30),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Mejju 2013 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva (31),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2012 dwar it-twettiq tas-Suq Uniku Diġitali (32),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Settembru 2012 dwar id-distribuzzjoni online ta' xogħlijiet awdjoviżivi fl-Unjoni Ewropea (33),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Ġunju 2012 dwar il-ħarsien tal-Infrastruttura Kritika ta' Informazzjoni – kisbiet u l-passi li jmiss: lejn ċibersigurtà dinjija (34),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' April 2012 dwar suq uniku diġitali kompetittiv – il-Gvern elettroniku bħala xprun (35),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-21 ta' Settembru 2010 dwar l-ikkompletar tas-suq intern għall-kummerċ elettroniku (36),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Ġunju 2010 dwar il-governanza tal-internet: il-passi li jmiss (37),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Mejju 2010 dwar Aġenda Diġitali ġdida għall-Ewropa: 2015.eu (38),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Ġunju 2010 dwar l-Internet tal-Oġġetti (39),

wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif inkorporata fit-Trattati bl-Artikolu 6 tat-Trattat UE,

wara li kkunsidra l-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità (is-CRPD tan-NU), ratifikata mill-UE fit-23 ta' Diċembru 2010 (2010/48/KE),

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali adottata mill-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO) fl-20 ta' Ottubru 2005,

wara li kkunsidra l-Artikoli 9, 12, 14, 16 u 26 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra d-deliberazzjonijiet konġunti tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur skont l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, il-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali, il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A8-0371/2015),

A.

billi l-użu tal-Internet u tal-komunikazzjonijiet mobbli li qed jevolvi b'ħeffa biddel il-mod kif iċ-ċittadini, il-kumpaniji u l-impjegati tagħhom jikkomunikaw, jaċċessaw l-informazzjoni u l-għarfien, joħolqu, jikkonsmaw, jikkondividu, jipparteċipaw u jaħdmu; billi dan kabbar u biddel l-ekonomija, iffaċilita l-aċċess minn kumpaniji żgħar u ta’ daqs medju għal klijentela potenzjali ta’ 500 miljun konsumatur fl-UE, kif ukoll għas-swieq globali, u ta lill-individwi l-opportunità li jiżviluppaw ideat intraprenditorjali u mudelli tan-negozju ġodda;

B.

billi l-politiki u l-leġiżlazzjoni kollha tal-Unjoni fil-qasam tas-Suq Uniku Diġitali għandhom jippermettu opportunitajiet ġodda għall-utenti u n-negozji u li jfiġġu u jikbru servizzi onlajn transkonfinali innovattivi ġodda bi prezzijiet kompetittivi, jitneħħew l-ostakli bejn l-Istati Membri u jiffaċilitaw l-aċċess għan-negozji Ewropej, b’mod partikolari l-SMEs u n-negozji l-ġodda, għas-suq transkonfinali, bħala elementi ewlenin għat-tkabbir u l-impjiegi fl-UE, filwaqt li jiġi rikonoxxut li dawn l-opportunitajiet inevitabbilment se jinvolvu bidliet strutturali u l-ħtieġa li jittieħed approċċ olistiku, inkluża d-dimensjoni soċjali, u l-ħtieġa li d-distakk fil-ħiliet diġitali jingħalaq malajr;

C.

billi, filwaqt li 75 % tal-valur miżjud mill-ekonomija diġitali ġej mill-industrija tradizzjonali, it-trasformazzjoni diġitali tal-industrija tradizzjonali għadha dgħajfa u 1,7 % biss tal-intrapriżi tal-UE jagħmlu użu sħiħ mit-teknoloġiji diġitali avvanzati u 14 % biss tal-SMEs jużaw l-internet bħala mezz ta' bejgħ; billi l-Ewropa trid tuża l-potenzjal kbir tas-settur tal-ICT biex tiddiġitalizza l-industrija u tmantni l-kompetittività globali;

D.

billi l-bini ta' ekonomija bbażata fuq id-data jiddependi ħafna fuq qafas legali li jinkoraġġixxi l-iżvilupp, il-ġestjoni, il-manutenzjoni u t-tkabbir ta' bażijiet ta' data u għaldaqstant jiddependi fuq qafas legali li jkun favur l-innovazzjoni u prattiku;

E.

billi fl-2013 id-daqs tas-suq tal-ekonomija tal-qsim tad-data kien ta' madwar USD 3,5 biljun madwar id-dinja u llum il-Kummissjoni qed tbassar potenzjal ta' tkabbir li jaqbeż il-USD 100 biljun;

F.

billi livell għoli u konsistenti ta’ protezzjoni tal-konsumatur, l-għoti tas-setgħa u s-sodisfazzjon bilfors li jimplikaw għażla, kwalità, flessibbiltà, trasparenza, informazzjoni, interoperabbiltà u ambjent online sikur u aċċessibbli b’livell għoli ta’ protezzjoni tad-data;

G.

billi l-kreattività u l-innovazzjoni huma l-muturi tal-ekonomija diġitali, u billi huwa għalhekk essenzjali li jiġi żgurat li jkun hemm livell għoli ta' protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

H.

billi 44,8 % tal-familji fl-UE (40) m'għandhomx aċċess għall-internet b'veloċità għolja, u l-politiki u l-inċentivi attwali ma rnexxilhomx jipprovdu infrastruttura diġitali adegwata, b'mod partikolari f'żoni rurali;

I.

billi r-reġjuni fl-UE jinsabu fuq livelli ferm differenti rigward il-konnettività diġitali, il-kapital uman, l-użu tal-internet, l-integrazzjoni tat-teknoloġija diġitali min-negozji, u s-servizzi pubbliċi diġitali kif turi t-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Aġenda Diġitali; billi r-reġjuni li għandhom punteġġ baxx fuq dawn il-ħames indikaturi huma fir-riskju li jitilfu l-benefiċċji tal-era diġitali;

1.    INTRODUZZJONI: GĦALIEX NEĦTIEĠU SUQ UNIKU DIĠITALI

1.

Jilqa' l-Komunikazzjoni dwar “Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa”; iqis li l-kisba ta’ Suq Uniku Diġitali, abbażi ta’ sett komuni ta’ regoli, tista’ trawwem il-kompetittività tal-UE, ikollha effetti pożittivi fuq it-tkabbir u l-impjiegi, terġa' tagħti spinta lis-Suq Uniku u twassal biex is-soċjetà tkun aktar inklużiva u toffri opportunitajiet ġodda liċ-ċittadini u n-negozji, speċjalment permezz tal-iskambju u l-kondiviżjoni tal-innovazzjoni; jemmen li l-approċċ orizzontali meħud jeħtieġ li issa jissaħħaħ fl-implimentazzjoni tiegħu, inkluż l-adozzjoni f’waqtha tas-16-il inizjattiva, billi l-muturi diġitali jaffettwaw lil kull ċittadin u d-dimensjoni tas-soċjetà u l-ekonomija;

2.

Jaqbel mal-Kummissjoni li l-governanza u t-twassil f'waqtu tas-Suq Uniku Diġitali huma responsabbiltà kondiviża tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni timpenja ruħha mal-partijiet interessati tas-soċjetà u dawk soċjali u tinvolvihom fil-proċess tat-teħid deċiżjoni bl-usa' mod possibbli;

3.

Jemmen li regolamentazzjoni aħjar teħtieġ li jittieħed approċċ għal-leġiżlazzjoni li jkun awtomatikament diġitali, imsejjes fuq prinċipji, u teknoloġikament newtrali; sabiex jingħata spazju għall-innovazzjoni, dan jirrikjedi valutazzjoni ta’ jekk il-leġiżlazzjoni eżistenti, l-azzjonijiet komplementari mhux regolatorji u l-oqfsa ta’ infurzar, wara li jsiru l-konsultazzjonijiet u l-valutazzjonijiet tal-impatt meħtieġa, humiex tajbin għall-iskop tagħhom fl-era diġitali, fid-dawl ta’ teknoloġiji ġodda u mudelli ta’ negozju ġodda, bil-għan li tingħeleb il-frammentazzjoni legali tas-Suq Uniku, jitnaqqas il-piż amministrattiv, u tingħata spinta lit-tkabbir u l-innovazzjoni;

4.

Iqis li l-fiduċja taċ-ċittadini u tan-negozji fl-ambjent diġitali hija vitali biex jiġu żblukkati bis-sħiħ l-innovazzjoni u t-tkabbir fl-ekonomija diġitali; huwa konvint li t-tisħiħ tal-fiduċja tagħhom, permezz tal-protezzjoni tad-data u ta' standards tas-sigurtà u livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur u tal-għoti tas-setgħa lill-konsumatur, kif ukoll leġiżlazzjoni aġġornata għan-negozji, għandu jkun fuq il-bażi tal-politika pubblika, filwaqt li jiġi rikonoxxut li l-mudelli ta’ negozju tan-negozji diġitali jinbnew fuq il-fiduċja tal-utenti tagħhom;

5.

Jirrimarka li l-kummerċ elettroniku jiġġenera EUR 500 biljun kull sena fl-Unjoni Ewropea u jikkumplimenta b'mod importanti l-kummerċ offline, filwaqt li jipprovdi lill-konsumaturi għażla akbar, speċjalment f’żoni remoti, u l-SMEs b’opportunitajiet ġodda; jistieden lill-Kummissjoni tidentifika u tneħħi l-ostakoli li jaffettwaw il-kummerċ elettroniku sabiex jibnu suq tal-kummerċ elettroniku transkonfinali ġenwin; jemmen li dawn l-ostakoli jinkludu n-nuqqas ta’ interoperabbiltà u ta' standards komuni, in-nuqqas ta’ informazzjoni adegwata li tippermetti li l-konsumaturi jieħdu deċiżjonijiet infurmati, u l-aċċess inadegwat għal pagamenti transkonfinali msaħħa;

6.

Jappoġġa l-pjan tal-Kummissjoni li tiżgura li l-politika tal-kompetizzjoni tal-UE tapplika b’mod sħiħ għas-suq uniku diġitali, minħabba li l-kompetizzjoni tagħti lill-konsumaturi aktar għażla iżda tipprovdi wkoll kundizzjonijiet ekwi, u jiddispjaċih li n-nuqqas attwali ta’ qafas diġitali Ewropew enfasizza l-falliment li jiġu rrikonċiljati l-interessi tal-fornituri kbar u ta' dawk żgħar;

7.

Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jippromwovu ekonomija aktar dinamika li tippermetti li l-innovazzjoni tiffjorixxi u li tneħħi l-ostakli għan-negozji, b’mod partikolari dawk innovattivi, l-SMEs, in-negozji li jkunu għadhom kemm fetħu u s-scale-ups, sabiex ikunu jistgħu jaċċessaw is-swieq f’kundizzjonijiet ekwi, permezz tal-iżvilupp ta’ gvern elettroniku, qafas regolatorji u mhux regolatorji li jkun ħieles minn problemi fil-futur u li jkun integrat, l-aċċess għall-finanzjament, inklużi mudelli ġodda ta’ finanzjament tal-UE għan-negozji ġodda, l-SMEs u l-inizjattivi tas-soċjetà ċivili, u strateġija ta’ investiment fit-tul fl-infrastruttura diġitali, fil-ħiliet u l-inklużjoni diġitali, fir-riċerka u fl-innovazzjoni; ifakkar li l-bażi tal-politika favur l-innovazzjoni li trawwem il-kompetizzjoni u l-innovazzjoni għandha tinkludi l-possibbiltà li proġetti jaċċessaw possibbiltajiet ta' finanzjament; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tiżgura li l-finanzjament kollettiv (crowdfunding) ikun jista’ jsir mingħajr xkiel bejn il-fruntieri, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jintroduċu inċentivi għall-finanzjament kollettiv;

8.

Iqis li jeħtieġ li l-effetti tad-diġitalizzazzjoni fuq is-saħħa u fuq is-sikurezza fuq il-post tax-xogħol jiġu evalwati u li l-miżuri tas-saħħa u s-sikurezza eżistenti jiġu adattati kif xieraq; jinnota l-possibbiltà ta’ aċċidenti li għalihom jistgħu jiġu esposti persuni fil-kuntest tat-telexogħol jew tal-crowdworking mid-dar; jenfasizza li l-problemi tas-saħħa mentali relatati max-xogħol bħall-eżawriment ikkawżati mill-aċċessibbiltà kostanti u l-erożjoni tal-arranġamenti ta’ ħin tax-xogħol tradizzjonali jirrappreżentaw riskju serju għall-ħaddiema; jistieden lill-Kummissjoni tikkummissjona studju dwar l-effetti sekondarji tad-diġitalizzazzjoni, bħalma hija l-intensità ogħla tax-xogħol, dwar il-benesseri psikoloġiku u l-ħajja tal-familja tal-impjegati, kif ukoll dwar l-iżvilupp tal-kapaċitajiet konjittivi tat-tfal;

9.

Jistieden lill-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, tkompli tiżviluppa inizjattivi biex tingħata spinta lill-intraprenditorija, partikolarment il-mudelli innovattivi tan-negozju li jgħinu sabiex ibiddlu l-mentalità fir-rigward ta' kif huwa ddefinit is-suċċess u li jippromwovu kultura intraprenditorjali u ta' innovazzjoni; jemmen, barra minn hekk, li d-diversità u l-attributi speċifiċi taċ-ċentri ta’ innovazzjoni nazzjonali differenti jistgħu jinbidlu f’vantaġġ tassew kompetittiv għall-UE fis-suq globali, u għalhekk dawn għandhom ikunu interkonnessi, filwaqt li l-ekosistemi innovattivi fejn setturi u negozji differenti jikkooperaw għandhom jissaħħu;

10.

Jinsab imħasseb dwar l-approċċi nazzjonali differenti li ttieħdu s'issa mill-Istati Membri dwar ir-regolamentazzjoni tal-internet u tal-ekonomija kollaborattiva; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu inizjattivi, f’konformità mal-kompetenzi tal-UE, biex tappoġġja l-innovazzjoni u l-kompetizzjoni ġusta, tneħħi l-ostakoli għall-kummerċ diġitali, u tippreserva l-koeżjoni ekonomika u soċjali u l-integrità tas-suq uniku: jistieden lill-Kummissjoni wkoll biex tippreserva l-internet bħala pjattaforma miftuħa, newtrali, sikura, inklużiva u globali għall-komunikazzjoni, il-produzzjoni, il-parteċipazzjoni, il-ħolqien, id-diversità kulturali u l-innovazzjoni, fl-interess taċ-ċittadini, tal-konsumaturi u s-suċċess tal-kumpaniji Ewropej b’mod globali;

11.

Jinnota li r-rivoluzzjoni diġitali taffettwa kull aspett tas-soċjetajiet tagħna, u twassal għal sfidi u opportunitajiet; jemmen li din għandha l-potenzjal li tagħti aktar setgħa liċ-ċittadini, lill-konsumaturi u lill-intraprendituri b’modi li ma kinux possibbli qabel; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa politika li tippromwovi l-parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadini u tippermettilhom li jibbenefikaw mill-bidla diġitali; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tkompli tivvaluta kif ir-rivoluzzjoni diġitali qed issawwar lis-soċjetà Ewropea;

12.

Jistieden lill-Kummissjoni tiġġieled kontra l-frammentazzjoni legali billi żżid b'mod sinifikanti l-koordinazzjoni tad-diversi Direttorati Ġenerali tagħha meta tkun qed tabbozza regolamenti ġodda, u tinkoraġġixxi b'saħħa lill-Istati Membri jiżguraw li l-mod kif ikunu qed jimplimentaw ir-regolamenti jibqa' koerenti;

13.

Jenfasizza l-ħtieġa ta' konformità mad-drittijiet fundamentali, b'mod partikolari l-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data, tal-inizjattivi kollha żviluppati skont l-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali, filwaqt li jirrikonoxxi l-valur miżjud tal-istrateġija għall-ekonomija tal-UE; ifakkar fl-importanza tal-adozzjoni b'ħeffa tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data u d-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data, fl-interess kemm tas-suġġetti tad-data kif ukoll tan-negozji; jappella għal reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika sabiex tiġi żgurata l-konsistenza tad-dispożizzjonijiet tagħha mal-pakkett tal-protezzjoni tad-data sa meta jidħol fis-seħħ il-pakkett;

2.    AĊĊESS AĦJAR GĦALL-KONSUMATURI U N-NEGOZJI MADWAR L-EWROPA KOLLHA GĦAS-SUQ UNIKU DIĠITALI

2.1    Regoli dwar il-kummerċ elettroniku transkonfinali li l-konsumaturi u n-negozji jistgħu jafdaw

14.

Jilqa’ l-impenn tal-Kummissjoni li tadotta proposta b’saħħitha dwar il-kuntratti online li jkopru l-kontenut diġitali mixtri online u li ttejjeb il-protezzjoni legali tal-konsumaturi f’dan il-qasam; jemmen li kwalunkwe titjib bħal dan għandu jkun immirat u li d-differenzi bejn il-kontenut, fuq naħa, u l-prodotti tanġibbli, fuq in-naħa l-oħra, għandhom jiġu analizzati bir-reqqa; jirrimarka li, filwaqt li l-konsumaturi li jixtru kontenut fuq mezz tanġibbli huma protetti minn liġijiet għall-protezzjoni tal-konsumatur, id-drittijiet tal-konsumatur meta jinxtara kontenut diġitali online għadhom fil-biċċa l-kbira mhux regolati u mhux ċari, partikolarment fir-rigward tal-garanziji legali, kontenut difettuż u termini inġusti speċifiċi dwar il-kontenut diġitali; jenfasizza li l-klassifikazzjoni attwali tal-kontenut diġitali kollu bħala servizzi tista' tqajjem tħassib, peress li tista' ma tikkonformax mal-aspettattivi tal-konsumaturi, peress li l-abbonamenti għal servizz ta’ streaming mhumiex distinti minn xiri ta’ kontenut li jista’ jitniżżel mill-internet; jaqbel li l-konsumaturi għandhom igawdu minn livell ta' protezzjoni ekwivalenti u li jkun ħieles mill-problemi fil-futur, irrispettivament jekk jixtrux kontenut diġitali online jew offline;

15.

Jemmen li aktar armonizzazzjoni tal-qafas legali li jirregola l-bejgħ online min-negozji lill-konsumatur ta’ kontenut diġitali u prodotti tanġibbli, irrispettivament jekk ikunux tranżazzjonijiet transkonfinali jew domestiċi, filwaqt li tinżamm il-koerenza tar-regoli online u offline, tiġi evitata ġirja lejn l-iktar livell regolatorju baxx, jingħalqu l-lakuni regolatorji u ssir ħidma mibnija fuq il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-konsumatur, tikkostitwixxi approċċ prattiku u proporzjonat; jenfasizza li dan għandu jsir b’mod teknoloġikament newtrali u mhux billi jiġu imponuti spejjeż żejda għan-negozji;

16.

Iqis li l-proposti tal-Kummissjoni għal regoli dwar il-kuntratti transkonfinali għall-konsumaturi u n-negozji għandhom jevitaw ir-riskju ta’ disparità li qiegħda dejjem tikber bejn l-istandards legali applikabbli għax-xiri online u offline, u jemmen li bejgħ online u offline għandu jkun ittrattat b’mod koerenti u ttrattat b’mod ugwali abbażi tal-livell għoli eżistenti ta’ protezzjoni tal-konsumatur, peress li l-istandards legali differenti jistgħu jitqiesu mill-konsumaturi bħala ċaħda tad-drittijiet tagħhom; jinsisti li kwalunkwe proposta ġdida għandha tirrispetta l-Artikolu 6 tar-Regolament Ruma I, u jirrimarka li l-Kummissjoni qed tippjana REFIT tal-acquis tal-konsumaturi kollu għall-2016; jistieden lill-Kummissjoni, f’dan il-kuntest, biex tikkunsidra jekk il-proposta ppjanata tal-Kummissjoni għal prodotti tanġibbli għandhiex titniedi fl-istess żmien tar-REFIT;

17.

Jemmen li regoli kuntrattwali għall-kontenut diġitali jeħtieġ li jkunu bbażati fuq prinċipji sabiex jikkostitwixxu provi teknoloġikament newtrali u jkunu ħielsa minn problemi fil-futur; jenfasizza, barra minn hekk, fir-rigward tal-proposta tal-Kummissjoni f’dan il-qasam, l-importanza li tiġi evitata l-inkonsistenza u s-sovrapożizzjoni mal-leġiżlazzjoni eżistenti kif ukoll kwalunkwe riskju li tinħoloq qasma legali mhux ġustifikata fuq żmien fit-tul bejn kuntratti online u offline u kanali ta’ distribuzzjoni differenti, filwaqt li jitqies ukoll l-acquis tal-konsumatur REFIT;

18.

Jitlob strateġija għal “Konsumaturi Attivi” biex jiġi valutat b'mod partikolari jekk il-bdil tal-fornituri min-naħa tal-konsumatur huwiex iffaċilitat fid-dinja online, u jekk hemmx ħtieġa ta' azzjoni biex jiġi ffaċilitat il-bdil ta' fornituri min-naħa tal-konsumatur, sabiex tingħata spinta lill-kompetizzjoni fis-swieq online; jinnota wkoll il-ħtieġa li jiġi żgurat li jkun hemm servizzi aċċessibbli ta' kummerċ elettroniku tul il-katina sħiħa tal-valur, inkluż informazzjoni aċċessibbli, mekkaniżmi ta' ħlas aċċessibbli u servizz lill-klijenti;

19.

Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta, flimkien mal-partijiet interessati, il-fattibbiltà, is-siwi u l-opportunitajiet u d-dgħjufijiet potenzjali li jinħolqu bl-introduzzjoni ta’ marki ta' fiduċja tal-UE speċifiċi għas-settur għall-bejgħ online, billi tibbaża ruħha fuq l-aħjar prattiki tal-iskemi ta’ marki ta’ fiduċja eżistenti fl-Istati Membri sabiex jitrawmu l-fiduċja tal-konsumaturi u l-kwalità, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam mal-bejgħ online transkonfinali, u biex jintemm l-għadd kbir ta' marki ta' fiduċja eżistenti li possibilment iwassal għall-konfużjoni, b’mod parallel mal-valutazzjoni ta' alternattivi oħrajn bħalma huma l-awtoregolamentazzjoni jew l-istabbiliment ta’ gruppi ta’ partijiet interessati biex jiddefinixxu l-prinċipji komuni tas-servizz għall-konsumaturi;

20.

Jilqa’ l-isforzi ġenerali tal-Kummissjoni biex tistabbilixxi madwar l-UE kollha l-pjattaforma għas-soluzzjoni online għat-tilwim (ODR), u jistieden lill-Kummissjoni taħdem għall-implimentazzjoni f’waqtha u korretta tar-Regolament tal-ODR, b’mod partikolari fir-rigward tal-faċilitajiet ta’ traduzzjoni, kif ukoll id-Direttiva dwar l-ADR, flimkien mal-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni u lill-partijiet interessati relevanti jikkunsidraw kif l-aċċess għall-informazzjoni dwar l-ilmenti tal-konsumaturi jista' jitjieb aktar;

21.

Jitlob qafas ta' infurzar ambizzjuż tal-acquis tal-konsumaturi u tad-Direttiva dwar is-Servizzi; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tagħmel użu mill-mezzi kollha għad-dispożizzjoni tagħha biex tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa u korretta tar-regoli eżistenti, u proċeduri ta' ksur kull meta tiġi identifikata implimentazzjoni ħażina jew insuffiċjenti tal-leġiżlazzjoni;

22.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw il-miżuri meħtieġa kontra l-bejgħ ta’ kontenut u prodotti illegali online u billi jżidu l-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni u tal-aħjar prattiki biex jiġġieldu l-attività illegali fuq l-internet; jenfasizza, f’dan il-kuntest, li l-kontenut diġitali fornut lill-konsumaturi għandu jkun ħieles minn kull dritt ta’ parti terza, li jista’ jimpedixxi lill-konsumatur milli jgawdi l-kontenut diġitali skont il-kuntratt;

23.

Jappella biex titwettaq analiżi bir-reqqa, immirata u bbażata fuq il-provi dwar jekk l-atturi kollha fil-katina tal-valur, inklużi l-intermedjarji online, il-pjattaformi online, il-fornituri tal-kontenut u tas-servizzi, kif ukoll l-intermedjarji offline bħar-rivendituri u l-bejjiegħa bl-imnut, għandhomx jieħdu miżuri raġonevoli u xierqa kontra l-kontenut illegali, il-prodotti ffalsifikati u l-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fuq skala kummerċjali, filwaqt li tiġi salvagwardjata l-abbiltà tal-utenti finali li jaċċessaw u jxerrdu l-informazzjoni jew li jużaw l-applikazzjonijiet u s-servizzi li jagħżlu huma;

24.

Jenfasizza li l-prinċipju ta' tolleranza żero fit-traspożizzjoni tar-regolamenti tal-UE għandu jkun regola fundamentali għall-Istati Membri u l-Unjoni Ewropea; madankollu, jemmen li l-proċeduri ta' ksur għandhom ikunu dejjem l-aħħar għażla u li għandhom jinbdew biss wara li jkunu saru diversi tentattivi ta' koordinazzjoni u rettifika; jenfasizza li huwa essenzjali li jitnaqqas il-perjodu ta' żmien ta' dawn il-proċeduri;

25.

Jilqa' r-rieżami tar-Regolament dwar il-Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumaturi mħabbar mill-Kummissjoni; iqis li l-estensjoni tal-kompetenzi tal-awtoritajiet superviżorji u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni reċiproka bejniethom jikkostitwixxu prerekwiżit għal infurzar effettiv tar-regoli dwar il-konsumatur għal xiri online;

2.2.     Il-konsenja transkonfinali ta’ kwalità għolja tal-pakketti bi prezz raġonevoli

26.

Jenfasizza l-fatt li, filwaqt li s-servizzi ta’ konsenja ta’ pakketti jiffunzjonaw tajjeb għall-konsumaturi f’xi Stati Membri, is-servizzi ta’ forniment ineffiċjenti, speċjalment f’dak li jirrigwarda l-aħħar mil tal-konsenja, huma wieħed mill-ostakli ewlenin għall-kummerċ elettroniku transkonfinali f’xi Stati Membri u waħda mir-raġunijiet l-aktar irrappurtati għall-irtirar minn tranżazzjonijiet online kemm għall-konsumaturi kif ukoll għan-negozji; jemmen li n-nuqqasijiet fil-konsenja tal-pakketti transkonfinali jistgħu jiġu solvuti biss minn perspettiva tas-suq uniku Ewropew, u jenfasizza l-importanza tal-kompetizzjoni f’dan is-settur kif ukoll il-ħtieġa li l-industrija tal-konsenja tal-pakketti tadatta għax-xejriet tal-ħajja moderna u toffri alternattivi flessibbli tal-konsenja, bħal netwerks ta’ punti ta’ ġbir, punti għall-pakketti u għat-tqabbil tal-prezzijiet;

27.

Jenfasizza li s-servizzi tal-konsenja aċċessibbli, bi prezz li jintlaħaq, effiċjenti u ta’ kwalità għolja huma prerekwiżit essenzjali għall-kummerċ elettroniku transkonfinali ta' suċċess, u għalhekk jappoġġja l-miżuri proposti biex tittejjeb it-trasparenza tal-prezzijiet sabiex jiżdied l-għarfien tal-konsumaturi tal-istruttura tal-prezzijiet, l-informazzjoni dwar l-obbligazzjonijiet f’każ ta’ telf jew ħsara, l-interoperabbiltà u s-superviżjoni regolatorja li għandha tkun diretta lejn il-funzjonament bla xkiel tas-swieq tal-konsenja tal-pakketti transkonfinali, inkluża l-promozzjoni ta’ sistemi ta’ traċċar transkonfinali, li jippermettu biżżejjed flessibbiltà biex is-suq tal-konsenji jiżviluppa u jadatta għall-innovazzjonijiet teknoloġiċi;

28.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex b’mod attiv jikkondividu l-aħjar prattiki fis-settur tal-konsenja tal-pakketti, u lill-Kummissjoni biex tirrapporta lill-Parlament Ewropew dwar il-konsultazzjoni pubblika dwar il-konsenja transkonfinali tal-pakketti, kif ukoll li jippreżentaw ir-riżultati tal-eżerċizzju ta’ awtoregolazzjoni; jilqa’ l-ħolqien ta’ grupp ta’ ħidma ad hoc dwar il-konsenja transkonfinali tal-pakketti;

29.

Jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, biex tipproponi pjan ta’ azzjoni komprensiv, inklużi linji gwida għall-aħjar prattiki, f’kooperazzjoni mal-operaturi, biex issib soluzzjonijiet innovattivi biex ittejjeb is-servizzi, tnaqqas l-ispejjeż u l-impatt ambjentali, biex tintegra ulterjorment is-suq uniku tal-konsenja tal-pakketti u s-servizzi postali, biex tneħħi l-ostakoli li jiltaqgħu magħhom l-operaturi postali fil-konsenji transkonfinali, biex isaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-BEREC u l-ERGP, u tipproponi, jekk ikun meħtieġ, reviżjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti;

30.

Jenfasizza li l-armonizzazzjoni ulterjuri tal-konsenji tal-pakketti mill-Kummissjoni m’għandhiex twassal għal protezzjoni soċjali u kundizzjonijiet tax-xogħol imnaqqsa għal dawk li jwasslu l-pakketti, irrispettivament mill-istatus ta’ impjieg tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw li d-drittijiet tal-ħaddiema f’dan is-settur f'dak li jirrigwarda l-aċċess għal sistemi ta’ sigurtà soċjali u d-dritt li jeżerċitaw azzjonijiet kollettivi, ikunu rispettati; jilqa' l-fatt li l-għoti ta' sigurtà soċjali hija l-kompetenza tal-Istat Membru;

2.3.    Il-prevenzjoni ta’ mblukkar ġeografiku mhux ġustifikat

31.

Iqis li jinħtieġu azzjonijiet ambizzjużi u mmirati biex jitjieb l-aċċess għall-prodotti u s-servizzi, b’mod partikolari billi jintemmu l-prattiki ta’ mblukkar ġeografiku mhux ġustifikat u d-diskriminazzjoni inġusta fil-prezz ibbażati fuq il-pożizzjoni ġeografika jew in-nazzjonalità, li sikwit ikollhom l-effett tal-bini ta’ monopolji u li l-konsumaturi jduru għal kontenut illegali;

32.

Jappoġġja l-impenn tal-Kummissjoni li tindirizza l-imblukkar ġeografiku mhux ġustifikat b’mod effettiv billi tikkumplimenta l-qafas eżistenti dwar il-kummerċ elettroniku u tinforza d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni eżistenti; iqis li huwa vitali li tiffoka fuq ir-relazzjonijiet bejn in-negozji li jwasslu għall-prattiki ta’ mblukkar ġeografiku, bħad-distribuzzjoni selettiva meta din ma tkunx skont il-liġi tal-kompetizzjoni u s-segmentazzjoni tas-suq, kif ukoll dwar miżuri teknoloġiċi u prattiki tekniċi (bħat-traċċar tal-IP jew in-nuqqas intenzjonat ta’ interoperabilità tas-sistemi) li jirriżultaw f’limitazzjonijiet mhux ġustifikati fuq l-aċċess għal servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni provduti min-naħa għall-oħra tal-fruntieri, dwar il-konklużjoni ta’ kuntratti transkonfinali biex jinxtraw prodotti u servizzi, u wkoll dwar l-attivitajiet assoċjati, bħall-ħlas u l-konsenja tal-prodotti, filwaqt li jitqies il-prinċipju tal-proporzjonalità, b’mod partikolari għan-negozji żgħar u mikro;

33.

Jenfasizza l-ħtieġa li l-konsumaturi kollha fl-Unjoni jiġu ttrattati b'mod ugwali mill-kummerċjanti online li jbigħu fi Stat Membru wieħed jew aktar minn wieħed, inkluż l-aċċess tagħhom għal tnaqqis fil-prezzijiet jew promozzjonijiet oħrajn;

34.

Jappoġġja b’mod partikolari l-iskrutinju ppjanat, min-naħa tal-Kummissjoni, tal-infurzar prattiku tal-Artikolu 20(2) tad-Direttiva 2006/123/KE dwar is-servizzi fis-suq intern sabiex janalizzaw xejriet possibbli ta’ diskriminazzjoni mhux ġustifikata kontra l-konsumaturi u riċevituri oħra ta’ servizzi bbażata fuq in-nazzjonalità jew il-pajjiż ta’ residenza tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tidentifika u tiddefinixxi gruppi ta' każijiet konċiżi ta' diskriminazzjoni ġustifikata skont l-Artikolu 20(2) tad-Direttiva dwar is-Servizzi sabiex tiċċara x'jikkostitwixxi mġiba diskriminatorja mhux ġustifikata minn entitajiet privati u sabiex tipprovdi assistenza interpretattiva lill-awtoritajiet responsabbli għall-applikazzjoni tal-Artikolu 20(2) fil-prattika, kif imsemmi fl-Artikolu 16 tad-Direttiva dwar is-Servizzi; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel sforzi koordinati sabiex iżżid id-dispożizzjoni tal-Artikolu 20(2) mal-Anness għar-Regolament (KE) Nru 2006/2004 sabiex tutilizza s-setgħat ta' investigazzjoni u ta' infurzar tan-Netwerk ta' Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur;

35.

Jenfasizza li projbizzjoni fuq l-imblukkar ġeografiku qatt ma għandha tobbliga lil bejjiegħa bl-imnut jikkonsenjaw prodotti mill-ħanut tal-websajt tiegħu lil xi Stat Membru partikolari meta ma jkollhom l-ebda interess li jbigħu l-prodotti tagħhom lill-Istati Membri kollha u jippreferu li jibqgħu żgħar jew li jbigħu biss lil konsumaturi qrib il-ħanut tagħhom;

36.

Jirrimarka wkoll dwar l-importanza tal-inkjesta tas-settur tal-kompetizzjoni li għaddejja fis-settur tal-kummerċ elettroniku sabiex jiġi investigat, fost oħrajn, jekk ir-restrizzjonijiet mhux ġustifikati ta' mblukkar ġeografiku, bħad-diskriminazzjoni abbażi tal-indirizz tal-IP, l-indirizz postali jew il-pajjiż tal-ħruġ ta' karti tal-kreditu, jiksrux ir-regoli tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE; jenfasizza l-importanza li tiżdied il-fiduċja tal-konsumaturi u tan-negozji billi jittieħed kont tar-riżultati tal-inkjesta tas-settur u jiġi vvalutat jekk il-bidliet immirati għar-Regolament dwar l-Eżenzjoni Ġenerali ta’ Kategorija humiex meħtieġa, inkluż l-Artikolu 4a u l-Artikolu 4b, sabiex jiġu llimitati r-restrizzjonijiet mhux mixtieqa territorjali jew ta' bdil tar-rotta;

37.

Jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni biex jissaħħu l-portabbiltà u l-interoperabbiltà sabiex jistimolaw iċ-ċirkolazzjoni libera ta’ kontenut jew servizzi miksuba legalment, u li jkunu legalment disponibbli, bħala l-ewwel pass lejn tmiem l-imblukkar ġeografiku mhux ġustifikat, kif ukoll l-aċċessibbiltà u l-funzjonalità transkonfinali tal-abbonamenti; jenfasizza li m'hemmx kontradizzjoni bejn il-prinċipju tat-territorjalità u l-miżuri biex jitneħħew l-ostakoli għall-portabbiltà tal-kontenut;

38.

Iwissi kontra l-promozzjoni indiskriminata tal-ħruġ ta’ liċenzji obbligatorji pan-Ewropej peress li dan jista’ jwassal għal tnaqqis fil-kontenut disponibbli għall-utenti: jenfasizza li l-prinċipju tat-territorjalità huwa element essenzjali fis-sistema tad-drittijiet tal-awtur minħabba l-importanza ta’ liċenzjar territorjali fl-UE;

2.4.    Aċċess aħjar għall-kontenut diġitali – qafas tad-drittijiet tal-awtur modern u aktar Ewropew

39.

Jilqa’ l-impenn tal-Kummissjoni li timmodernizza l-qafas attwali tad-drittijiet tal-awtur attwali sabiex tadattah għall-era diġitali; jenfasizza li kwalunkwe modifika għandha tiġi mmirata u tiffoka fuq remunerazzjoni xierqa u ġusta għal min joħloq u għal detenturi oħrajn tad-drittijiet, fuq it-tkabbir ekonomiku, il-kompetittività u t-titjib tal-esperjenza tal-konsumatur, iżda wkoll fuq il-ħtieġa li tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali;

40.

Jenfasizza li l-attivitajiet professjonali jew il-mudelli kummerċjali bbażati fuq il-ksur tad-drittijiet tal-awtur huma theddida serja għall-funzjonament tas-Suq Uniku Diġitali;

41.

Jemmen li r-riforma għandha ssib il-bilanċ ġust bejn l-interessi kollha involuti; jindika li s-settur kreattiv għandu speċifiċitajiet u sfidi differenti, b’mod partikolari minħabba d-diversi tipi ta’ xogħlijiet ta' kontenut u kreattivi u l-mudelli tan-negozju użati; billi l-istudju “Territoriality and its impact on the financing of audiovisual works” jenfasizza r-rwol importanti ta' liċenzjar territorjali rigward il-finanzjament mill-ġdid ta' films Ewropej; jistieden għaldaqstant lill-Kummissjoni tidentifika u tikkunsidra aħjar dawn l-ispeċifiċitajiet;

42.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li kwalunkwe riforma tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur tqis ir-riżultati tal-evalwazzjoni tal-impatt ex-post u r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Lulju 2015 dwar id-Direttiva 2001/29/KE, u tkun ibbażata fuq evidenza soda, inkluża valutazzjoni tal-impatt possibbli ta’ kwalunkwe modifika fuq it-tkabbir u l-impjiegi, fuq id-diversità kulturali u, b’mod partikolari fuq il-produzzjoni, il-finanzjament u d-distribuzzjoni ta’ xogħlijiet awdjoviżivi;

43.

Jenfasizza r-rwol kruċjali ta' eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet immirati għad-drittijiet tal-awtur fil-kontribuzzjoni għat-tkabbir ekonomiku, l-innovazzjoni, il-ħolqien tal-impjiegi, l-inkoraġġiment tal-kreattività fil-futur u t-titjib fl-innovazzjoni u d-diversità kreattiva u kulturali tal-Ewropa; ifakkar fl-appoġġ tal-Parlament għall-eżami tal-applikazzjoni ta' standards minimi għall-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet għad-drittijiet tal-awtur u l-applikazzjoni xierqa ta' dawk l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 2001/29/KE;

44.

Jenfasizza li l-approċċ għal eċċezzjonijiet u limitazzjoni tad-drittijiet tal-awtur għandu jkun ibbilanċjat, immirat u newtrali fil-format u għandu jkun ibbażat biss fuq il-ħtiġijiet, u għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-diversità kulturali Ewropea, il-finanzjament tagħha u r-remunerazzjoni ġusta tal-awturi;

45.

Jenfasizza li filwaqt li l-użu tal-estrazzjoni ta' testi u data jeħtieġ aktar ċertezza legali li tippermetti lir-riċerkaturi u l-istituzzjonijiet edukattivi jagħmlu użu usa' ta’ materjal protett mid-drittijiet tal-awtur, inkluż lil hinn mill-konfini Ewropej, kwalunkwe eċċezzjoni għal estrazzjoni ta' testi u ta' data għandha tapplika biss meta l-utent ikollu aċċess legali, u għandha tiġi żviluppata b’konsultazzjoni mal-partijiet interessati kollha, wara li tkun saret valutazzjoni tal-impatt ibbażata fuq il-provi;

46.

Jenfasizza l-importanza li jitjiebu ċ-ċarezza u t-trasparenza tar-reġim tad-drittijiet tal-awtur, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kontenut iġġenerat mill-utent u tal-imposti fuq l-ikkuppjar privat f’dawk l-Istati Membri li jagħżlu li japplikawhom; jinnota, f’dan ir-rigward, li ċ-ċittadini għandhom jiġu infurmati dwar l-ammont reali tal-imposta tad-drittijiet tal-awtur, l-iskop tagħha u kif se tintuża;

2.5.    Tnaqqis fil-piżijiet u l-ostakoli relatati mal-VAT għall-bejgħ transfruntier

47.

Iqis li, b'rispett dovut għall-kompetenzi nazzjonali, sabiex tiġi evitata d-distorsjoni tas-suq, l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa u għall-ħolqien ta' Suq Uniku Diġitali Ewropew reali, aktar koordinazzjoni dwar it-tassazzjoni hija meħtieġa, li tirrikjedi, b'mod partikolari, l-istabbiliment ta' Bażi Komuni Konsolidata tat-Taxxa Korporattiva fil-livell tal-UE;

48.

Iqis bħala prijorità l-iżvilupp ta' sistema tal-VAT online simplifikata, uniformi u konsistenti biex jitnaqqsu l-ispejjeż ta' konformità għal kumpaniji żgħar u innovattivi li joperaw madwar l-Ewropa; jilqa' l-introduzzjoni tal-VAT f'Punt Uniku ta' Servizz Żgħir, li huwa pass lejn it-tmiem tar-reġim temporanju tal-VAT tal-UE; huwa mħasseb, madankollu, li n-nuqqas ta' limitu minimu jagħmilha diffiċli għal ċerti SMEs li jikkonformaw mar-reġim kurrenti; jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi dan ir-reġim biex tagħmilha aktar faċli għan-negozji;

49.

Jitlob, barra minn hekk, li l-prinċipju tan-newtralità fiskali jiġi rrispettat b’mod sħiħ għal prodotti u servizzi simili, irrispettivament minn jekk ikunux diġitali jew fiżiċi; jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta, skont l-impenji meħuda u mill-aktar fis possibbli, sabiex tippermetti lill-Istati Membri jnaqqsu r-rati ta' VAT għall-istampa, l-ippubblikar diġitali, kotba elettroniċi u pubblikazzjonijiet online sabiex tiġi evitata diskriminazzjoni fis-suq uniku;

50.

Jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-awtoritajiet tat-taxxa u l-partijiet interessati biex tiżviluppa soluzzjonijiet xierqa għall-ħlas ta' taxxi fi ħdan l-ekonomija kollaborattiva;

51.

Jilqa' l-adozzjoni tar-rieżami tad-direttiva dwar is-servizzi ta' ħlas; jenfasizza li jekk l-Unjoni għandha ttejjeb il-kummerċ elettroniku fl-UE kollha, il-pagamenti elettroniċi u b'mezz mobbli istantanji fl-UE kollha taħt standard komuni u l-implimentazzjoni xierqa tar-rieżami tad-direttiva dwar is-servizzi ta' ħlas għandhom jinkisbu mingħajr dewmien,

3.    NOĦOLQU KUNDIZZJONIJIET ĠUSTI U KUNDIZZJONIJIET EKWIVALENTI TA' KOMPETIZZJONI GĦAL NETWERKS DIĠITALI AVVANZATI U SERVIZZI INNOVATTIVI

3.1.    Nadattaw ir-regoli dwar it-telekomunikazzjoni għall-iskop tagħhom

52.

Jenfasizza li l-investimenti privati fin-netwerks tal-komunikazzjoni veloċi u ultraveloċi huma rekwiżit għal kwalunkwe progress diġitali li għandhom jiġu inċentivati permezz ta' qafas regolatorju tal-UE stabbli li jippermetti lill-parteċipanti kollha jagħmlu investimenti, inkluż f’żoni rurali u remoti; iqis li l-kompetizzjoni miżjuda ġiet assoċjata ma' livelli ogħla ta' investiment fl-infrastruttura, l-innovazzjoni, l-għażliet u prezzijiet aktar baxxi għall-konsumaturi u n-negozji; iqis li teżisti ftit evidenza fl-Ewropa ta' rabta bejn il-konsolidazzjoni tal-operaturi u investiment u output miżjuda fin-netwerks; iqis li dan għandu jiġi vvalutat bir-reqqa, u jiġu infurzati r-regoli tal-kompetizzjoni, sabiex tiġi evitata konċentrazzjoni eċċessiva tas-suq, il-ħolqien ta' oligopolji fil-livell Ewropew u ta' impatt negattiv għall-konsumaturi;

53.

Jenfasizza l-importanza ta' implimentazzjoni b'suċċess tal-FEIS biex jiġu mmassimizzati l-investimenti billi jiffukaw fuq proġetti bi profil ta' riskju ogħla, jagħtu spinta lill-irkupru ekonomiku, jistimulaw it-tkabbir u jinċentivizzaw l-investimenti privati, inter alia l-mikrofinanzjament u l-kapital ta' riskju biex jiġu appoġġjati kumpaniji innovattivi fi stadji differenti ta' finanzjament tal-iżvilupp tagħhom; jenfasizza, f'każijiet ta' falliment tas-suq, dwar l-importanza li jiġu sfruttati bis-sħiħ il-fondi pubbliċi diġà disponibbli għal investimenti diġitali, li jitħalla li jkun hemm sinerġiji bejn programmi tal-UE bħal Orizzont 2020, il-KEF, fondi strutturali rilevanti oħra u strumenti oħra, inklużi proġetti bbażati fuq il-komunità u l-għajnuna mill-Istat f'konformità mal-linji gwida ta' għajnuna mill-Istat, inter alia sabiex jiġu promossi netwerks WLAN pubbliċi f'muniċipalitajiet ikbar u iżgħar, peress li dan wera li huwa indispensabbli għall-integrazzjoni reġjonali, soċjali u kulturali kif ukoll għall-edukazzjoni;

54.

Ifakkar lill-Istati Membri dwar l-impenn tagħhom biex sal-2020 jintlaħaq id-dħul fl-użu sħiħ ta' mill-inqas mira minima ta' veloċitajiet ta' 30Mbps; jistieden lill-Kummissjoni tevalwa jekk din l-istrateġija tal-broadband għal netwerks fissi u mobbli, inklużi l-miri, hijiex bi tħejjija għall-futur, u biex tissodisfa l-kundizzjonijiet għal konnettività tajba għal kulħadd sabiex jiġi evitat id-distakk diġitali għall-ħtiġijiet tal-ekonomija mmexxija mid-data u d-dħul rapidu fl-użu tal-5G u l-broadband ultraveloċi;

55.

Jenfasizza li l-iżvilupp diġitali, inklużi servizzi over-the-top (OTT), żiedu d-domanda u l-kompetizzjoni għall-benefiċċju tal-konsumaturi u l-ħtieġa għal investimenti fl-infrastruttura diġitali; iqis li l-modernizzazzjoni tal-qafas tat-telekomunikazzjonijiet m'għandhiex twassal għal piżijiet regolatorji mhux meħtieġa, iżda għandha tiggarantixxi aċċess mhux diskriminatorju għan-netwerks u timplimenta soluzzjonijiet għall-futur, ibbażati fejn ikun possibbli fuq regoli simili għal servizzi simili li jrawmu l-innovazzjoni u l-kompetizzjoni ġusta, u li jiżguraw il-protezzjoni tal-konsumatur;

56.

Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li d-drittijiet tal-utenti finali stabbiliti fil-qafas dwar it-telekomunikazzjonijiet ikunu koerenti, proporzjonati u bi tħejjija għall-futur, u, wara l-adozzjoni tal-Pakkett tal-Kontinent Konness, inkluż tibdil faċilitat u trasparenza tal-kuntratti għall-utenti finali; jilqa' r-rieżami li ġej tad-Direttiva tas-Servizzi Universali flimkien mal-eżami tal-qafas tat-telekomunikazzjonijiet biex jiżgura li r-rekwiżiti dwar aċċess għall-internet broadband b'veloċità għolja jkunu tajbin għall-iskop biex jitnaqqas id-distakk diġitali u tiġi eżaminata d-disponibbiltà tas-servizz tan-numru 112;

57.

Jenfasizza li s-Suq Uniku Diġitali Ewropew għandu jagħmel il-ħajja ta' kuljum aktar faċli għall-konsumatur finali; għalhekk jitlob lill-Kummissjoni biex issolvi l-problema tat-trasferiment transfruntier ta' telefonati, sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu telefonati mhux interrotti meta jaqsmu l-fruntieri fl-Unjoni;

58.

Jilqa' d-diversi konsultazzjonijiet pubbliċi kontinwi mnedija reċentement mid-DĠ Connect dwar l-aġenda diġitali għall-Ewropa, b'mod partikolari dwar ir-rieżami tar-regoli dwar it-telekomunikazzjoni tal-UE, dwar il-ħtieġa għal veloċità u kwalità tal-internet lil hinn mill-2020 u dwar il-pjattaformi, cloud u data Online, ir-responsabbiltà tal-intermedjarji, u l-ekonomija kollaborattiva, iżda jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżgura konsistenza fost dawn l-inizjattivi paralleli kollha;

59.

Jenfasizza li l-ispettru tar-radju huwa riżorsa ta' importanza kritika għas-suq intern għall-komunikazzjonijiet broadband mobbli u mingħajr fili, kif ukoll għax-xandir, u huwa essenzjali għall-kompetittività futura tal-Unjoni Ewropea; jitlob, bħala prijorità għal qafas armonizzat u favur il-kompetizzjoni, għall-assenjazzjoni tal-ispettru tar-radju u l-immaniġġjar effettiv biex jiġi evitat dewmien fl-allokazzjoni tal-ispettru, u għal kundizzjonijiet ekwi għall-atturi kollha tas-suq u, fid-dawl tar-Rapport Lamy (41), għal strateġija fit-tul dwar l-użi futuri tal-frekwenzi varji tal-ispettru, li huma meħtieġa b'mod partikolari għad-dħul fl-użu tal-5G;

60.

Jenfasizza li l-implimentazzjoni f'waqtha u l-infurzar uniformi u trasparenti fl-Istati Membri kollha tar-regoli tat-telekomunikazzjoni tal-UE bħal “il-pakkett Kontinent Konness” huma pilastru kruċjali għall-istabbiliment ta' suq uniku diġitali, sabiex jiżguraw l-applikazzjoni rigoruża tal-prinċipju tan-newtralità tan-net u, b'mod partikolari, biex iwettqu rieżami komprensiv f'waqtu għat-tmiem tat-tariffi tar-roaming għall-konsumaturi Ewropej kollha sal-15 ta' Ġunju 2017;

61.

Jistieden lill-Kummissjoni, sabiex tintegra aktar is-suq uniku diġitali, biex tiżgura t-twaqqif ta' qafas istituzzjonali aktar effiċjenti billi ssaħħaħ ir-rwol, il-kapaċità u d-deċiżjonijiet tal-BEREC ħalli tinkiseb applikazzjoni konsistenti tal-qafas regolatorju, tiġi żgurata sorveljanza fl-iżvilupp tas-suq uniku u jiġi solvut it-tilwim transkonfinali; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li jitjiebu r-riżorsi finanzjarji u umani u tkompli tittejjeb l-istruttura ta' governanza tal-BEREC kif suppost;

3.2.    Qafas tal-midja għas-Seklu 21

62.

Jenfasizza n-natura duwali tal-midja awdjoviżiva bħala riżorsa soċjali, kulturali u ekonomika; josserva li l-ħtieġa għal regolamentazzjoni tal-midja Ewropea futura tiġi mill-ħtieġa li tiżgura u tippromwovi d-diversità ta' midja awdjoviżiva u li tistabbilixxi standards għoljin għall-protezzjoni tal-minuri u l-konsumaturi u d-data personali, kundizzjonijiet ġusti ta' kompetizzjoni u flessibbiltà akbar fir-rigward ta' regoli ta' komunikazzjoni kummerċjali u kwantitattivi;

63.

Jenfasizza li l-“prinċipju tal-pajjiż ta' oriġini” stabbilit fid-Direttiva AVMS huwa prerekwiżit neċessarju għall-forniment ta' kontenut awdjoviżiv bejn il-fruntieri, li jwassal għal suq komuni fis-servizzi; jenfasizza, fl-istess ħin, li dan il-prinċipju ma jxekkilx il-kisba ta' objettivi soċjali u kulturali u li dan ma jipprekludix il-ħtieġa li d-dritt tal-UE jiġi adattat barra mid-Direttiva AVMS; jenfasizza li, sabiex tiġi miġġielda l-prattika ta' “forum shopping”, il-pajjiż ta' oriġini tal-profitt tar-reklamar, il-lingwa tas-servizz u l-pubbliku fil-mira tar-reklam u l-kontenut għandhom ikunu parti mill-kriterji biex jiġi ddeterminat jew ikkontestat il-“pajjiż ta' oriġini” ta' servizz tal-midja awdjoviżiva;

64.

Jemmen li kulħadd, inklużi l-fornituri ta' pjattaformi tal-midja awdjoviżiva online u l-interfaċċji tal-utenti, għandhom ikunu soġġetti għad-Direttiva AVMS safejn huwa kkonċernat servizz tal-midja awdjoviżiva; jenfasizza l-importanza ta' regoli mmirati lejn it-titjib fis-sitwazzjoni biex jinstab kontenut legali u informazzjoni sabiex jissaħħu l-libertà, il-pluraliżmu u r-riċerka indipendenti tal-midja, u biex jiġi ggarantit il-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni, billi jiġu salvagwardjati d-diversità lingwistika u kulturali; jenfasizza li biex tiġi żgurata l-idea tat-traċċabbiltà ta' kontenut awdjoviżiv ta' interess pubbliku, l-Istati Membri jistgħu jintroduċu regoli speċifiċi li għandhom l-għan li jippreservaw id-diversità kulturali u lingwistika u l-varjetà ta' informazzjoni, opinjonijiet u midja, il-protezzjoni tat-tfal, taż-żgħażagħ u tal-minoranzi u l-protezzjoni tal-konsumaturi b'mod ġenerali; jitlob li jittieħdu miżuri biex jiġi żgurat li servizzi tal-midja awdjoviżiva jkunu aċċessibbli għal persuni vulnerabbli; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistimula l-offerta legali ta' kontenut tal-midja awdjoviżiva billi tiffavorixxi xogħlijiet indipendenti Ewropej;

65.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkunsidra x-xejriet dejjem jinbidlu tal-udjenza u mezzi ġodda biex jaċċessaw kontenut awdjoviżiv permezz ta' allinjament ta' servizzi lineari u mhux lineari u billi jiġu stabbiliti rekwiżiti minimi f'livell Ewropew għas-servizzi tal-midja awdjoviżiva kollha, bil-ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti tagħhom, ħlief fejn tali kontenut ikun it-tlestija indispensabbli ta' ħaġa oħra għajr kontenut jew servizzi awdjoviżivi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jiżviluppaw il-kunċett ta' servizzi tal-midja li ġie ddefinit fl-Artikolu 1 tad-Direttiva AVMS b'mod li, filwaqt li l-Istati Membru jżommu grad xieraq ta' flessibbiltà, jittieħed iktar kont tal-impatt soċjopolitiku potenzjali tas-servizzi u ta' elementi karatteristiċi speċifiċi ta' dak l-impatt, partikolarment ir-rilevanza tagħhom għall-formazzjoni tal-opinjonijiet u għad-diversità tal-opinjoni, kif ukoll il-kwistjoni tar-responsabilità editorjali;

66.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw b'mod ugwali, u jittrattaw b'mod effiċjenti, il-projbizzjoni ta' kwalunkwe servizz tal-midja awdjoviżiva fl-UE fil-każ ta' ksur tad-dinjità tal-bniedem, l-inċitament għall-mibegħda jew ir-razziżmu;

67.

Jenfasizza li l-adattament tad-Direttiva AVMS għandu jnaqqas ir-regolamentazzjoni u jsaħħaħ il-koregolazzjoni u l-awtoregolazzjoni billi jibbilanċja d-drittijiet u l-obbligi tax-xandara, permezz ta' approċċ regolatorju orizzontali u mal-midja kollha, ma' dawk ta' parteċipanti oħra tas-suq; iqis li wieħed għandu jagħti prijorità lill-prinċipju ta' rikonoxxibbiltà ċara u d-distinzjoni bejn ir-reklamar u l-kontenut tal-programmi fuq il-prinċipju ta' separazzjoni bejn il-kontenut tar-reklamar u tal-programmi fil-mezzi kollha tax-xandir; jistieden lill-Kummissjoni teżamina jekk għadux utli u pertinenti li taderixxi mat-taqsima 6.7 tal-komunikazzjoni tagħha dwar l-applikazzjoni ta' regoli dwar għajnuna mill-Istat għax-xandir tas-servizz pubbliku;

68.

Iqis li l-kunċett legali stabbilit fid-Direttiva 93/83/KEE, jista', wara li tkun saret valutazzjoni ulterjuri, itejjeb l-aċċess transkonfinali għall-kontenut u servizzi legali online fis-Suq Uniku Diġitali mingħajr ma jinxteħtu dubji dwar il-prinċipji tal-libertà kuntrattwali, ir-rimunerazzjoni adegwata lill-awturi u lill-artisti u n-natura territorjali tad-drittijiet esklużivi;

3.3.    Ambjent regolatorju adattat għall-iskop għal pjattaformi u intermedjarji

3.3.1.   Ir-rwol ta' pjattaformi online

69.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni teżamina jekk kwistjonijiet potenzjali relatati ma' pjattaformi online jistgħux jiġu solvuti permezz tal-implimentazzjoni korretta u sħiħa tal-leġiżlazzjoni eżistenti u l-infurzar effettiv tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE, sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi u kompetizzjoni ġusta u effettiva bejn pjattaformi online u li jkun evitat il-ħolqien ta' monopolji; jistieden lill-Kummissjoni żżomm politika favur l-innovazzjoni fir-rigward ta' pjattaformi online li tiffaċilita d-dħul fis-suq u trawwem l-innovazzjoni; iqis li t-trasparenza, in-nondiskriminazzjoni, l-iffaċilitar ta' bdil bejn pjattaformi jew servizzi online li jippermettu l-għażliet tal-konsumaturi, l-aċċess għal pjattaformi, l-identifikazzjoni u l-indirizzar ta' ostakoli għall-ħolqien u l-avvanz tal-pjattaformi għandhom ikunu prijoritajiet;

70.

Jinnota li d-dispożizzjonijiet tal-ECD ssaħħew sussegwentement mid-Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Inġusti, id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumaturi u komponenti oħra tal-acquis tal-konsumatur u li dawn id-direttivi għandhom bżonn jiġu infurzati kif suppost u japplikaw għan-negozjanti li jużaw pjattaformi online daqs kemm japplikaw għal negozjanti fi swieq tradizzjonali; jistieden lill-Kummissjoni taħdem mal-partijiet interessati kollha u mal-Parlament biex tintroduċi gwida ċara dwar l-applikabbiltà tal-acquis tal-konsumatur għal negozjanti li jużaw pjattaformi online, u, fejn meħtieġ, għajnuna għall-awtoritajiet tal-protezzjoni tal-konsumatur tal-Istat Membru biex jinfurzaw kif suppost il-liġi dwar il-konsumatur;

71.

Japprezza l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tanalizza r-rwol ta' pjattaformi online fl-Ekonomija Diġitali bħala parti mill-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali, minħabba li din se taffettwa bosta proposti leġiżlattivi li jmiss; jemmen li l-analiżi għandha sservi biex tidentifika problemi kkonfermati u definiti sew fi ħdan oqsma speċifiċi tan-negozju u nuqqasijiet possibbli f'termini ta' protezzjoni tal-konsumatur, u li ssir distinzjoni bejn is-servizzi online u l-fornituri tas-servizzi online; jenfasizza li l-pjattaformi li jittrattaw oġġetti kulturali, speċjalment tal-mezzi tax-xandir awdjoviżivi, iridu jiġu trattati b'mod speċifiku li jirrispetta l-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-diversità tal-espressjonijiet kulturali;

72.

Jitlob lill-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament fl-ewwel kwart tal-2016 dwar ir-riżultati ta' konsultazzjonijiet rilevanti u biex jiġi żgurat approċċ konsistenti fir-reviżjonijiet leġiżlattivi li jmiss; iwissi kontra l-ħolqien ta' distorsjonijiet fis-suq jew ostakli għad-dħul fis-suq għal servizzi online, billi jiġu introdotti obbligi ġodda li jissussidjaw b'mod inkroċjat mudelli ta' negozju tradizzjonali partikolari;

73.

Jenfasizza li r-responsabbiltà limitata ta' intermedjarji hija essenzjali għall-protezzjoni ta' internet miftuħ, id-drittijiet fundamentali, iċ-ċertezza legali u l-innovazzjoni; jirrikonoxxi, f'dan ir-rigward, li d-dispożizzjonijiet dwar ir-responsabbiltà intermedjarja fid-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku huma tajbin għall-futur u teknoloġikament newtrali;

74.

Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, sabiex jibbenefika mil-limitazzjoni ta' responsabbiltà, il-fornitur ta' servizz għas-soċjetà tal-informazzjoni, malli jakkwista t-tagħrif attwali jew isir konxju tal-attivitajiet illegali, għandu jaġixxi mingħajr dewmien biex ineħħi jew iwaqqaf l-aċċess għall-informazzjoni kkonċernata; jitlob lill-Kummissjoni tiżgura l-implimentazzjoni uniformi ta' din id-dispożizzjoni f'konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali sabiex tiġi evitata kwalunkwe privatizzazzjoni tal-infurzar tal-liġi u biex tiżgura li jittieħdu miżuri adegwati u raġonevoli kontra l-bejgħ ta' kontenut u oġġetti illegali;

75.

Iqis li, fid-dawl ta' swieq li jevolvu b'rata mgħaġġla u d-diversità ta' pjattaformi li jvarjaw minn pjattaformi mingħajr skop ta' qligħ għal pjattaformi B2B u li jinkludu servizzi u setturi differenti u varjetà wiesgħa ta' atturi, m'hemm l-ebda definizzjoni ċara ta' pjattaformi, u approċċ ta' “daqs wieħed għal kulħadd” jista' jfixkel b'mod serju l-innovazzjoni u jqiegħed lill-kumpaniji Ewropej fi żvantaġġ kompetittiv fl-ekonomija globali;

76.

Huwa tal-fehma li ċerti intermedjarji online u pjattaformi online jiġġeneraw dħul minn xogħlijiet u kontenut kulturali, iżda dan id-dħul mhux dejjem jista' jiġi kondiviż ma' min ikun ikkreah; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-għażliet bbażati fuq il-provi biex tindirizza kwalunkwe nuqqas ta' trasparenza u trasferiment ta’ valur minn kontenut għal servizzi li se jagħmilha possibbli għall-kittieba, l-artisti u d-detenturi tad-drittijiet biex jiġu remunerati b’mod ġust għall-użu tax-xogħlijiet tagħhom fuq l-internet mingħajr ma tixxekkel l-innovazzjoni;

3.3.2.   Opportunitajiet ġodda offruti mill-ekonomija kollaborattiva

77.

Jilqa' ż-żieda fil-kompetizzjoni u l-għażla tal-konsumaturi li jirriżultaw minn ekonomija kollaborattiva, kif ukoll opportunitajiet għall-ħolqien ta' impjiegi, tkabbir ekonomiku, kompetittività, suq tax-xogħol aktar inklussiv u ekonomija tal-UE aktar ċirkolari permezz ta' użu aktar effiċjenti ta' riżorsi, kapaċitajiet u assi oħra; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw l-iżvilupp ulterjuri tal-iskambju tal-ekonomija billi jiġu identifikati l-ostakli artifiċjali u l-leġiżlazzjoni rilevanti li jxekklu t-tkabbir tagħha;

78.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tanalizza, fil-qafas ta' ekonomija kollaborattiva, kif wieħed jista' jsib bilanċ bejn l-għoti tas-setgħa u l-protezzjoni tal-konsumaturi u, fejn ikun hemm bżonn ta' kjarifika, biex tiġi żgurata l-adegwatezza tal-qafas leġiżlattiv relatat mal-konsumatur fl-isfera diġitali, inkluż f'każijiet ta' abbużi possibbli, u biex tiddetermina wkoll fejn ir-rimedji ex-post huma suffiċjenti jew aktar effettivi;

79.

Jinnota li huwa fl-interess tal-kumpaniji li jużaw dawn il-mudelli ta' negozju ġodda msejsa fuq ir-reputazzjoni u l-fiduċja, li jadottaw miżuri li jiskoraġġixxu l-attivitajiet illegali filwaqt li jipprovdu karatteristiċi ta' sikurezza għall-konsumatur ġodda;

80.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni twaqqaf grupp ta' partijiet interessati inkarigati mill-promozzjoni tal-aħjar prattiki fis-settur tal-ekonomija kollaborattiva;

81.

Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-politiki tal-impjieg u dawk soċjali jkunu tajbin għall-iskop tal-innovazzjoni diġitali, l-intraprenditorija, u t-tkabbir tal-ekonomija kollaborattiva u l-potenzjal tagħha għal aktar forom flessibbli ta' impjieg, billi jidentifikaw forom ġodda ta' impjiegi u jivvalutaw il-ħtieġa għall-modernizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni soċjali u tax-xogħol sabiex id-drittijiet eżistenti tal-impjieg u l-iskemi ta' servizzi soċjali jkunu jistgħu wkoll jinżammu fid-dinja diġitali tax-xogħol; jenfasizza li l-għoti ta' sigurtà soċjali hija l-kompetenza ta' Stat Membru; jitlob lill-Kummissjoni tidentifika u tiffaċilita l-iskambji tal-aħjar prattiki fl-UE f'dawn l-oqsma u fil-livell internazzjonali;

3.3.3.   Il-ġlieda kontra l-kontenut illegali fuq l-Internet

82.

Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi politiki u qafas legali sabiex tindirizza ċ-ċiberkriminalità u kontenut u materjali illegali fuq l-internet, inklużi d-diskors ta' mibegħda, li jkunu f'konformità sħiħa mad-drittijiet fundamentali kif stabbilit fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari d-dritt tal-libertà ta' espressjoni u informazzjoni, mal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE jew tal-Istati Membri u mal-prinċipji tan-neċessità, il-proporzjonalità, il-proċess legali dovut u l-istat tad-dritt; iqis li, sabiex jintlaħaq dan l-għan, huwa neċessarju li:

jiġu pprovduti għodda li jgħinu l-infurzar konsistenti u effiċjenti tal-liġi għall-aġenziji tal-pulizija Ewropej u nazzjonali u għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi;

jingħataw linji gwida ċari dwar kif għandu jiġi indirizzat il-kontenut illegali online, inkluż id-diskors ta' mibegħda;

jingħata appoġġ għal sħubijiet pubbliċi-privati, u d-djalogu bejn entitajiet pubbliċi u privati, f'konformità mal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE;

jiġi ċċarat ir-rwol ta' intermedjarji u l-pjattaformi online b'rispett tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

jiġi żgurat li l-istabbiliment fi ħdan l-Europol tal-Unità ta' Indikazzjoni ta' Kontenut fuq l-Internet tal-Unjoni Ewropea (EU IRU) ikun imsejjes fuq bażi legali li tkun xierqa għall-attivitajiet tiegħu;

jiġi żgurat li miżuri speċjali biex jiġi miġġieled l-isfruttament sesswali tat-tfal online u kooperazzjoni effettiva bejn il-partijiet interessati kollha biex jiġu ggarantiti d-drittijiet u l-protezzjoni tat-tfal fuq l-internet u jitħeġġu inizjattivi li għandhom l-għan li l-internet isir sikur għat-tfal, u

ikun hemm kooperazzjoni mal-partijiet interessati rilevanti biex jiġu promossi l-edukazzjoni u kampanji ta' sensibilizzazzjoni;

83.

Jilqa' l-pjan ta' azzjoni tal-Kummissjoni biex timmodernizza l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali online fir-rigward tal-ksur fuq skala kummerċjali; iqis li l-infurzar tad-drittijiet tal-awtur kif stabbilit fid-Direttiva 2004/48/KE fl-Istati Membri kollha huwa importanti ħafna u li d-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati huma effettivi biss daqs il-miżuri ta' infurzar stabbiliti sabiex jipproteġuhom;

84.

Jenfasizza li l-UE qed taffaċċja għadd kbir ta' ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali; jenfasizza r-rwol tal-Osservatorju Ewropew tal-Ksur tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali li jipprovdi data affidabbli u analiżi oġġettiva tal-impatti tal-ksur fuq l-atturi ekonomiċi; jitlob għall-adozzjoni ta' approċċ effettiv, sostenibbli, proporzjonat u modernizzat għall-infurzar, l-implimentazzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali online, b'mod partikolari fir-rigward ta' ksur fuq skala kummerċjali;

85.

Jinnota li f'xi każijiet, ksur tad-drittijiet tal-awtur jista' jirriżulta minn diffikultajiet biex jinsab il-kontenut mixtieq li jkun disponibbli legalment; jitlob, għaldaqstant, li tiġi żviluppata u promossa għall-pubbliku firxa usa' ta' offerti legali li jkunu faċli għall-użu mill-utent;

86.

Jilqa' l-approċċ “segwi l-flus” u jinkoraġġixxi lill-atturi fil-katina tal-provvista biex jaġixxu b'mod koordinat u proporzjonat biex jiġi miġġieled il-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fuq skala kummerċjali, billi titkompla l-ħidma fuq il-prattiki ta' ftehimiet volontarji; jenfasizza li l-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, għandha tippromwovi s-sensibilizzazzjoni u d-diliġenza dovuta tul il-katina tal-provvista u tħeġġeġ l-iskambju ta' informazzjoni u tal-aħjar prattiki, kif ukoll il-kooperazzjoni mtejba bejn is-settur pubbliku u dak privat; jinsisti li kwalunkwe miżura għandha tkun iġġustifikata, ikkoordinata u proporzjonata u tinkludu l-possibbiltà ta' rimedju effettiv u li jkun faċli għall-utenti għal partijiet affettwati b'mod negattiv; iqis li hu meħtieġ li jiżdied l-għarfien tal-konsumatur dwar il-konsegwenzi ta' ksur tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati;

3.4.    It-tisħiħ tal-fiduċja u s-sigurtà fin-netwerks diġitali, l-industriji, is-servizzi u l-infrastrutturi u fl-immaniġġjar ta' data personali

87.

Iqis li, sabiex ikunu żgurati l-fiduċja u s-sigurtà fis-servizzi diġitali, fit-teknoloġiji mmexxija mid-data u s-sistemi ta' ħlas, l-infrastruttura kritika u n-netwerks online, fejn aktar riżorsi huma meħtieġa kif ukoll il-kooperazzjoni bejn l-industrija taċ-ċibersigurtà Ewropea, is-settur pubbliku u dak privat, b'mod partikolari permezz ta' kooperazzjoni ta' riċerka inkluż Orizzont 2020, u s-sħubijiet pubbliċi-privati; jappoġġja l-iskambju ta' prattiki tajba tal-Istati Membri fil-PPPs f'dan il-qasam;

88.

Jitlob li jsiru sforzi biex titjieb ir-reżiljenza kontra l-attakki ċibernetiċi, bi rwol akbar għall-ENISA, b'mod partikolari, sabiex jiżdied l-għarfien tar-riskji u l-proċessi ta' sigurtà bażika ta' għarfien fost l-utenti, b'mod partikolari l-SMEs, biex jiġi żgurat li l-kumpaniji jkollhom livelli bażiċi ta' sigurtà, bħal kriptaġġ minn tarf sa tarf ta' data u komunikazzjonijiet u aġġornamenti tas-softwer, u biex jitħeġġeġ l-użu tal-kunċett ta' sigurtà mill-waqt tad-disinn;

89.

Iqis li l-fornituri tas-softwer għandhom iħeġġu aħjar il-vantaġġi ta' softwer “open source” u l-aġġornamenti ta' softwer relatati mas-sigurtà għall-utenti; jistieden lill-Kummissjoni tesplora programm ta' żvelar tal-vulnerabbiltà koordinata madwar l-UE kollha, inkluża t-tiswija ta' vulnerabbiltajiet tas-softwer magħrufa, bħala rimedju kontra l-abbuż ta' vulnerabbiltajiet tas-softwer u ksur fis-sigurtà u fid-data personali;

90.

Jemmen li l-adozzjoni rapida tal-abbozz tad-Direttiva NIS adattata hija meħtieġa biex tipprovdi approċċ ikkoordinat tal-UE dwar iċ-ċibersigurtà; iqis li livell iktar ambizzjuż ta' kooperazzjoni fost l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet u l-korpi rilevanti tal-UE, u l-iskambju tal-aħjar prattiki, huma essenzjali għal aktar diġitalizzazzjoni tal-industrija, filwaqt li tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-UE, partikolarment il-protezzjoni tad-data;

91.

Jenfasizza l-fatt li n-numru li qed jikber b'rata mgħaġla ta' attakki fuq netwerks u atti taċ-ċiberkriminalità jitlob li jkun hemm rispons armonizzat mill-UE u l-Istati Membri tagħha, bil-ħsieb li jiġi żgurat livell għoli ta' sigurtà tan-netwerk u tal-informazzjoni; jemmen li l-forniment tas-sigurtà fuq l-internet ifisser il-protezzjoni tan-netwerks u tal-infrastruttura kritika, li jiżgura l-kapaċità tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi fil-ġlieda kontra l-kriminalità, inkluż it-terroriżmu, ir-radikalizzazzjoni vjolenti u l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal online, u l-użu ta' data li tkun strettament neċessarja għall-ġlieda kontra l-kriminalità online u offline; jenfasizza li s-sigurtà, hekk definita, flimkien mal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fiċ-ċiberspazju, hija kruċjali biex tissaħħaħ il-fiduċja fis-servizzi diġitali u għalhekk hija bażi neċessarja biex jiġi stabbilit suq uniku diġitali kompetittiv;

92.

Ifakkar li għodod bħalma huwa l-kriptaġġ huma utli għaċ-ċittadini u n-negozji bħala mezz biex jiġu żgurati l-privatezza u tal-inqas livell bażiku ta' komunikazzjoni dwar is-sigurtà; jikkundanna l-fatt li dan jista' jintuża wkoll għal skopijiet kriminali;

93.

Jilqa' ċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità (EC3) fi ħdan il-Europol, li jikkontribwixxi għal rispons aktar rapidu fl-eventwalità ta' attakki ċibernetiċi; jitlob għal proposta leġiżlattiva li ssaħħaħ il-mandat tal-EC3, u jitlob biex ikun hemm traspożizzjoni tad-Direttiva 2013/40/UE tat-12 ta' Awwissu 2013 dwar attakki kontra sistemi ta' informazzjoni;

94.

Jinnota li r-rivelazzjonijiet ta' sorveljanza elettronika tal-massa wrew il-ħtieġa li terġa' tinkiseb il-fiduċja taċ-ċittadini fil-privatezza, is-sikurezza u s-sigurtà tas-servizzi diġitali, u jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa ta' konformità stretta ma' leġiżlazzjoni eżistenti dwar il-protezzjoni tad-data u r-rispett tad-drittijiet fundamentali, meta tkun qed tiġi pproċessata data personali għal finijiet kummerċjali jew ta' infurzar tal-liġi; ifakkar, f'dan il-kuntest, fl-importanza ta' għodod eżistenti bħal trattati dwar l-għajnuna legali reċiproka (Mutual Legal Assistance Treaties – MLATs), li jirrispettaw l-istat tad-dritt u jnaqqsu r-riskju ta' aċċess mhux xieraq għal data li tkun maħżuna f'territorju barrani;

95.

Itenni li, skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku (2000/31/KE), “L-Istati Membri m'għandhomx jimponu obbligu ġenerali fuq dawk li jipprovdu” servizzi ta' trażmissjoni, ħżin u servizzi ta' hosting, “li jagħmlu monitoraġġ tal-informazzjoni li huma jittrażmettu jew iżommu, l-anqas obbligu ġenerali biex ikunu mfittxija fatti jew ċirkostanzi li jindikaw attività illegali”; itenni, b'mod partikolari, li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fis-sentenzi tagħha tal-kawżi C-360/10 u C-70/10, ċaħdet miżuri għall-“monitoraġġ attiv” ta' kważi l-utenti kollha tas-servizzi kkonċernati (fornituri tal-aċċess tal-internet f'kawża minnhom, netwerk soċjali fil-kawża l-oħra), u speċifikat li kwalunkwe inġunzjoni li titlob li fornitur ta' servizzi ta' hosting iwettaq monitoraġġ ġenerali għandha tiġi pprojbita;

4.    IL-MASSIMIZZAZZJONI TAL-POTENZJAL TA' TKABBIR TAL-EKONOMIJA DIĠITALI

96.

Jemmen li, fid-dawl tal-importanza tal-industrija Ewropea u tal-ekonomija diġitali li qed tikber b'rata aktar mgħaġġla mill-bqija tal-ekonomija, it-trasformazzjoni diġitali tal-industrija hija essenzjali għall-kompetittività tal-ekonomija Ewropea u t-tranżizzjoni tal-enerġija tagħha, imma tista' tkun ta' suċċess biss jekk il-kumpaniji Ewropej jifhmu l-importanza tagħha f'termini ta' effiċjenza akbar u aċċess għal potenzjal mhux sfruttat, b'aktar ktajjen ta' valur integrati u konnessi li jkunu jistgħu jirreaġixxu malajr u b'mod flessibbli għat-talbiet tal-konsumaturi;

97.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa mingħajr dewmien il-pjan ta' trasformazzjoni diġitali, inkluż l-immodernizzar ta' leġiżlazzjoni u l-użu ta' strumenti rilevanti għall-investiment fl-R&D u l-infrastruttura, biex tappoġġja d-diġitalizzazzjoni tal-industrija fis-setturi kollha, bħalma huma l-produzzjoni, is-setturi tal-enerġija, tat-trasport u tal-bejgħ bl-imnut, billi titħeġġeġ l-adozzjoni ta' teknoloġiji diġitali u l-konnettività minn tarf sa ieħor f'katini ta' valur, kif ukoll servizzi innovattivi u mudelli kummerċjali;

98.

Iqis li l-qafas regolatorju għandu jippermetti lill-industriji li jħaddnu u jantiċipaw dawk il-bidliet sabiex jikkontribwixxu għall-ħolqien tal-impjiegi, it-tkabbir u l-konverġenza reġjonali;

99.

Jitlob, barra minn hekk, għal fokus speċjali fuq l-SMEs, inkluż b'mod partikolari l-possibbiltà ta' reviżjoni tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar, billi t-trasformazzjoni diġitali tagħhom hija essenzjali għall-kompetittività u l-ħolqien tal-impjiegi fl-ekonomija u għal kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn kumpaniji stabbiliti u start-ups li jistgħu jwasslu għal mudell industrijali aktar sostenibbli u kompetittiv u l-ħolqien ta' mexxejja globali;

100.

Itenni l-importanza tas-Sistemi Ewropej ta' Navigazzjoni bis-Satellita, b'mod partikolari Galileo u EGNOS għall-iżvilupp tas-Suq Uniku Diġitali fir-rigward tal-pożizzjoni tad-data u l-kronogramma għall-applikazzjonijiet tal-Big Data u tal-internet tal-oġġetti;

4.1.    Il-bini ta' ekonomija tad-data

101.

Iqis li ekonomija mmexxija mid-data hija essenzjali għat-tkabbir ekonomiku; jenfasizza l-opportunitajiet li teknoloġiji ġodda tal-ICT bħal Big Data, cloud computing, l-internet tal-oġġetti, l-istampar 3D u teknoloġiji oħra jistgħu joħolqu għall-ekonomija u s-soċjetà, speċjalment jekk ikunu integrati ma' setturi oħra bħall-enerġija, it-trasport u l-loġistika, is-servizzi finanzjarji, l-edukazzjoni, il-bejgħ bl-imnut, il-manifattura, ir-riċerka jew is-saħħa u s-servizzi ta' emerġenza, u jekk użati mill-awtoritajiet pubbliċi biex jiġu żviluppati bliet intelliġenti, ir-riżorsi jiġu ġestiti aħjar u titjieb il-protezzjoni ambjentali; Jenfasizza b'mod partikolari l-opportunitajiet li toffri d-diġitalizzazzjoni tas-settur tal-enerġija, b'miters intelliġenti, grilji intelliġenti u ċentri tad-data għal produzzjoni tal-enerġija aktar effiċjenti u flessibbli; jissottolinja l-importanza ta' sħubija pubblika-privata u jilqa' inizjattivi tal-Kummissjoni f'dan ir-rigward;

102.

Jitlob lill-Kumissjoni tistudja l-possibbiltà li tagħmel aċċessibbli u mingħajr ħlas f'forma diġitali il-proġetti kollha ta' riċerka xjentifika ffinanzjati għall-inqas sa 50 % mill-fondi pubbliċi fi żmien raġonevoli li ma jagħmilx ħsara lill-qligħ ekonomiku u soċjali inkluż l-użu ta' pubblikaturi f'dan il-qasam;

103.

Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel, sa Marzu 2016, reviżjoni wiesgħa u trasparenti dwar il-Big Data li tinvolvi l-esperti rilevanti kollha, inkluż ir-riċerkaturi, is-soċjetà ċivili u s-settur pubbliku u dak privat, immirati lejn l-antiċipazzjoni tal-ħtiġijiet tat-teknoloġiji tal-Big Data u għall-kalkolu tal-infrastruttura, b'mod partikolari dawk dwar is-superkompjuters Ewropej, inklużi kondizzjonijiet aħjar fil-qafas regolatorju eżistenti u mhux regolatorji għat-tkabbir u l-innovazzjoni f'dan is-settur, u li jiġu mmassimizzati l-opportunitajiet u l-indirizzar ta' riskji potenzjali u sfidi biex tinbena fiduċja relatata, pereżempju, mal-aċċess għad-data, is-sigurtà u l-protezzjoni tad-data;

104.

Jitlob għall-iżvilupp ta' approċċ Ewropew li ma jkollux iżjed problemi fil-futur u li jkun teknoloġikament newtrali u aktar integrazzjoni tas-suq uniku relatati mal-internet tal-oġġetti u l-internet industrijali, bi strateġija trasparenti ta' stabbiliment tal-istandards u l-interoperabilità, u t-tisħiħ ta' fiduċja f'dawn it-teknoloġiji permezz ta' sigurtà, trasparenza u privatezza bid-disinn u b'mod awtomatiku; jilqa' l-inizjattiva tal-“fluss liberu tad-data” li għandha, wara valutazzjoni komprensiva, tiċċara r-regoli dwar l-użu, aċċess għal u s-sjieda tad-data, filwaqt li jitqies it-tħassib dwar l-impatt ta' rekwiżiti ta' lokalizzazzjoni tad-data dwar il-funzjonament tas-suq uniku, u jiġi ffaċilitat il-qlib bejn fornituri tas-servizz tad-data biex jiġu evitati l-lock-in u d-distorsjonijiet tas-suq;

105.

Jemmen li l-amministrazzjonijiet pubbliċi għandu jkollhom data governattiva miftuħa b'mod awtomatiku; iħeġġeġ li jsir progress dwar il-grad u r-ritmu ta' ħruġ ta' informazzjoni bħala data miftuħa, fuq l-identifikazzjoni ta' settijiet ta' data ewlenin biex ikunu disponibbli u fuq il-promozzjoni tal-użu mill-ġdid tad-data miftuħa b'mod miftuħ, minħabba l-valur tagħhom għall-iżvilupp ta' servizzi innovattivi, inklużi soluzzjonijiet transkonfinali, it-trasparenza, u benefiċċji għall-ekonomija u s-soċjetà;

106.

Jirrikonoxxi t-tħassib dejjem jikber tal-konsumaturi tal-UE dwar l-użu u l-protezzjoni ta' data personali mill-fornituri tas-servizzi online, peress li dan huwa essenzjali biex jinbnew il-fiduċja tal-konsumaturi fl-ekonomija diġitali; jenfasizza r-rwol importanti tal-konsumaturi attivi fit-trawwim tal-kompetizzjoni; jenfasizza għalhekk l-importanza li l-konsumaturi jkunu infurmati aħjar dwar l-użu tad-data tagħhom, b'mod partikolari fil-każ ta' servizzi mogħtija bi skambju ta' data, u dwar id-dritt tagħhom għall-portabbiltà tad-data; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiċċara r-regoli dwar il-kontroll tad-data u l-portabbiltà tad-data f'konformità mal-prinċipju ewlieni li ċ-ċittadini għandu jkollhom kontroll tad-data tagħhom;

107.

Jemmen li l-konformità mal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data u s-salvagwardji effettivi tal-privatezza u s-salvagwardji tas-sigurtà, kif stabbilit fir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, inklużi d-dispożizzjonijiet speċjali fir-rigward tat-tfal bħala konsumaturi vulnerabbli, huma kruċjali għall-bini tal-fiduċja taċ-ċittadini u l-konsumaturi fis-settur tal-ekonomija mmexxija mid-data; jenfasizza l-ħtieġa li titqajjem kuxjenza dwar ir-rwol ta' data u t-tifsira tal-qsim tad-data għall-konsumaturi, fir-rigward tad-drittijiet fundamentali tagħhom u fl-ekonomija, u li jiġu stabbiliti regoli dwar is-sjieda tad-data u l-kontroll taċ-ċittadini fuq id-data personali tagħhom; jenfasizza r-rwol tal-personalizzazzjoni tas-servizzi u l-prodotti li għandhom jiġu żviluppati f'konformità mar-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data; jitlob għall-promozzjoni tal-privatezza b'mod awtomatiku u bid-disinn, li jista' jkollu wkoll impatt pożittiv fuq l-innovazzjoni u t-tkabbir ekonomiku; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat approċċ mhux diskriminatorju għall-ipproċessar kollu tad-data; jissottolinja l-importanza ta' approċċ ibbażat fuq ir-riskju, li jgħin biex jiġi evitat kwalunkwe piż amministrattiv bla bżonn u jipprovdi ċertezza legali, speċjalment għal SMEs u negozji ġodda, kif ukoll is-sorveljanza demokratika u sorveljanza kostanti mill-awtoritajiet pubbliċi; jenfasizza li data personali teħtieġ protezzjoni speċjali u jirrikonoxxi li l-istabbiliment ta' salvagwardji addizzjonali, bħall-użu ta' psewdonimi jew l-anonimità, jistgħu jtejbu l-protezzjoni meta d-data personali tintuża minn applikazzjonijiet tal-Big Data u l-fornituri tas-servizzi online;

108.

Jinnota li l-valutazzjoni tal-Kummissjoni tad-Direttiva dwar id-Databases tqis din id-direttiva bħala ostaklu għall-iżvilupp ta' ekonomija Ewropea mmexxija mid-data; jistieden lill-Kummissjoni ssegwi għażliet politiċi għat-tħassir tad-Direttiva 96/9/KE;

4.2.    Spinta lill-kompetittività permezz ta' interoperabbiltà u standardizzazzjoni

109.

Iqis li l-pjan ta' standardizzazzjoni tal-ICT Ewropew u r-reviżjoni tal-qafas ta' interoperabilità, inklużi l-mandati tal-Kummissjoni għall-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni, għandhom ikunu parti minn strateġija diġitali Ewropea biex joħolqu ekonomiji ta' skala, iffrankar fil-baġit u kompetittività mtejba għall-kumpaniji Ewropej, u biex iżidu l-interoperabbiltà transsettorjali u transkonfinali ta' oġġetti u servizzi permezz ta' definizzjoni aktar mgħaġġla, b'mod miftuħ u kompetittiv, volontarju u mmexxi mis-suq u standards globali li jkunu faċilment implimentati mill-SMEs; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-proċessi ta' standardizzazzjoni jinkludu l-partijiet interessati kollha, jattiraw l-aqwa teknoloġiji u jevitaq ir-riskju tal-ħolqien ta' monopolji jew katini ta' valur magħluqa, speċjalment għal SMEs u negozji ġodda, u biex tippromwovi b'mod attiv standards Ewropej internazzjonalment fid-dawl tan-natura globali ta' inizjattivi ta' standardizzazzjoni tal-ICT;

110.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill iżidu s-sehem tas-softwer liberu u b'sors miftuħ u l-użu mill-ġdid tiegħu fl-amministrazzjonijiet pubbliċi, kif ukoll bejniethom, bħala soluzzjoni biex tiżdied l-interoperabbiltà;

111.

Jinnota li l-Kummissjoni bħalissa qed tikkonsulta mal-partijiet interessati rilevanti dwar l-istabbiliment ta' pjattaforma mmuntata fil-vetturi interoperabbli, standardizzata, sikura u b'aċċess miftuħ għal applikazzjonijiet jew servizzi possibbli fil-futur, kif mitlub mill-Parlament fir-Regolament eCall; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li din il-pjattaforma ma tillimitax l-innovazzjoni, il-kompetizzjoni ħielsa u l-għażla tal-konsumatur;

112.

Jistieden lill-Kummissjoni, b’kont meħud tal-innovazzjoni rapida fis-settur tat-trasport, tiżviluppa strateġija koordinata dwar il-konnettività fis-settur tat-trasport u, b’mod partikolari, biex tistabbilixxi qafas regolatorju għal vetturi konnessi li jiżgura l-interoperabbiltà ma' servizzi differenti, inklużi dijanjostiċi remoti u manutenzjoni, u applikazzjonijiet biex tinżamm kompetizzjoni ġusta u biex jissodisfaw ħtieġa qawwija għal prodotti li jikkonformaw maċ-ċibersigurtà u mar-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data, iżda wkoll biex jiżguraw is-sigurtà fiżika tal-passiġġieri; jemmen li huma meħtieġa sħubijiet bejn l-industriji tal-vetturi tat-toroq u dawk tat-telekomunikazzjonijiet sabiex jiġi żgurat li jiġu żviluppati vetturi konnessi u infrastruttura tal-vetturi konnessi abbażi ta' standards komuni fl-Ewropa;

4.3.    Soċjetà elettronika inklużiva

113.

Jinnota li l-Internet u l-ICT għandhom impatt enormi fuq l-emanċipazzjoni tan-nisa u l-bniet; jirrikonoxxi li l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-settur diġitali tal-UE għandha impatt pożittiv fuq il-PDG Ewropew; jirrikonoxxi l-potenzjal enormi tal-innovaturi u l-intraprendituri nisa u r-rwol importanti li dawn jista' jkollhom fit-trasformazzjoni diġitali; jenfasizza l-ħtieġa li jingħelbu l-isterjotipi tas-sessi, u jappoġġja bis-sħiħ u jinkoraġġixxi kultura intraprenditorjali diġitali għan-nisa, kif ukoll l-integrazzjoni u l-parteċipazzjoni tagħhom fis-soċjetà tal-informazzjoni;

114.

Jirrikonoxxi l-potenzjal tas-Suq Uniku Diġitali biex jiżgura l-aċċessibbiltà u l-parteċipazzjoni għaċ-ċittadini kollha, inklużi persuni bi bżonnijiet speċjali, l-anzjani, il-minoranzi u ċ-ċittadini l-oħra li jappartjenu għal gruppi vulnerabbli, dwar l-aspetti kollha tal-ekonomija diġitali, inklużi prodotti u servizzi protetti bid-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati, speċjalment permezz tal-iżvilupp ta' soċjetà elettronika inklużiva u jiġi żgurat li l-programmi tal-Gvern elettroniku u l-Amministrazzjoni elettronika jkunu kompletament aċċessibbli; huwa mħasseb ħafna dwar in-nuqqas ta' progress fir-ratifika tat-Trattat ta' Marrakexx u jħeġġeġ ir-ratifika tiegħu kemm jista' jkun malajr; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-urġenza ta' adozzjoni rapida tal-proposta għal Direttiva dwar l-aċċessibilità tal-websajts tal-korpi fis-settur pubbliku;

4.3.1.   Ħiliet u kompetenzi diġitali

115.

Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li n-nuqqas ta' tqabbil bejn il-forniment u d-domanda fir-rigward tal-ħiliet hija problema għall-iżvilupp tal-ekonomija diġitali, il-ħolqien ta' impjiegi u għall-kompetittività tal-Unjoni, u jistieden lill-Kummissjoni, bħala kwistjoni ta' urġenza, biex jiżviluppaw strateġija ta' ħiliet li jistgħu jindirizzaw dan in-nuqqas; jistieden lill-Kummissjoni biex, fost l-oħrajn, tuża l-approprjazzjonijiet mill-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ biex tappoġġja assoċjazzjonijiet (movimenti lokali) li jgħallmu l-ħiliet diġitali lil żgħażagħ żvantaġġati; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu appoġġ billi jipprovdu l-bini neċessarju;

116.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu l-litteriżmu medjatiku u l-kompetenza tal-internet għaċ-ċittadini kollha tal-UE, b'mod partikolari persuni vulnerabbli, permezz ta' inizjattivi u azzjoni koordinata u l-investiment fil-ħolqien ta' netwerks Ewropej għat-tagħlim tal-litteriżmu medjatiku; jenfasizza li l-kapaċita li tintuża l-midja b'mod indipendenti u b'mod kritiku, u t-trattament ta' informazzjoni eċċessiva, jirrappreżentaw kompitu ta' tagħlim tul il-ħajja bejn ġenerazzjoni u oħra li huwa soġġett għal bidla kostanti sabiex il-ġenerazzjonijiet kollha jkunu jistgħu jimmaniġġjaw it-trattament xieraq u awtonomu ta' informazzjoni eċċessiva; jirrimarka li hekk kif il-profili tal-impjiegi u l-ħiliet qed isiru aktar kumplessi, eżiġenzi ġodda – speċjalment fir-rigward ta' ħiliet tal-informazzjoni u t-teknoloġija tal-komunikazzjoni (ICT) – qed jitpoġġew fuq it-taħriġ, kif ukoll fuq aktar edukazzjoni u tagħlim tul il-ħajja;

117.

Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri integraw l-akkwist ta' ħiliet diġitali fil-kurrikula tal-iskejjel, biex itejbu t-tagħmir tekniku meħtieġ u biex jippromwovu l-kooperazzjoni bejn l-universitajiet u l-kulleġġi tekniċi bil-għan li jiġu żviluppati kurrikuli ta' tagħlim elettroniku komuni li huma rikonoxxuti fis-sistema ECTS; jenfasizza li l-kurrikuli tal-edukazzjoni u t-taħriġ iridu jimmiraw lejn approċċ tal-iżvilupp ta' ħsieb kritiku għall-użu u l-fehim sħiħ tal-midja ġdida, apparati u interfaċċji diġitali u tal-informazzjoni, li permezz tagħhom in-nies ikunu utenti attivi ta' dawn it-teknoloġiji ġodda u mhux sempliċiment utenti finali; jenfasizza l-importanza ta' taħriġ xieraq għall-għalliema b'ħiliet diġitali, f'kif jiġu mgħallma dawn il-ħiliet b'mod effiċjenti, inkluż is-suċċess tat-tagħlim diġitali bbażat fuq il-logħob, u dwar kif jużawhom biex jiġi appoġġjat il-proċess tat-tagħlim b'mod ġenerali billi jsiru aktar attraenti l-matematika, l-IT, ix-xjenza u t-teknoloġija; jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jintensifikaw ir-riċerka dwar l-effetti tal-mezzi tax-xandir diġitali fuq il-ħiliet konjittivi;

118.

Jinnota li l-investiment pubbliku u privat, u opportunitajiet ġodda ta' finanzjament fl-edukazzjoni vokazzjonali u t-tagħlim tul il-ħajja, huma meħtieġa biex jiżguraw li l-ħaddiema, speċjalment il-ħaddiema inqas kwalifikati, jkunu mgħammra bil-ħiliet it-tajba għall-ekonomija diġitali; jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex, flimkien mal-industrija privata, jiżviluppaw korsijiet għat-taħriġ online aċċessibbli b'mod faċli, standardizzati u ċċertifikati, u programmi ta' taħriġ tal-ħiliet elettroniċi innovattivi u aċċessibbli sabiex jgħallmu lill-parteċipanti livell minimu ta' ħiliet diġitali; iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu dawn il-korsijiet online komponent integrali mill-Garanzija għaż-Żgħażagħ; iħeġġeġ, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri joħolqu l-bażi għal rikonoxximent reċiproku ta' ħiliet u kwalifiki diġitali permezz tat-twaqqif ta' sistema Ewropea ta' klassifikazzjoni jew ċertifikat Ewropew, fuq l-eżempju tal-Qafas Komuni Ewropew ta' Referenza għat-tagħlim tal-lingwi; jenfasizza li d-diversità kulturali fl-Ewropa, kif ukoll il-multilingwiżmu, jibbenefikaw minn aċċess transfruntier għall-kontenut;

119.

Jilqa' t-twaqqif tal-gran koalizzjoni għall-impjiegi diġitali fil-livell Ewropew, jinkoraġġixxi n-negozji biex jingħaqdu u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni attiva tal-SMEs; jilqa' l-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-kostruzzjoni ta' sistemi ta' ħżin ġodda ta' għarfien għas-settur pubbliku permezz ta' teknoloġiji tal-cloud kif ukoll permezz ta' servizzi ta' estrazzjoni tat-test u tad-data li jkunu ċertifikati u sikuri skont il-liġi dwar il-protezzjoni tad-data. huwa tal-fehma li l-użu ta' dawn it-teknoloġiji jitlob sforzi għal taħriġ speċjali fil-professjonijiet tal-librerija, l-arkivjar u d-dokumentar; jitlob sabiex il-forom diġitali ta' xogħol kollaborattiv u l-komunikazzjoni – bl-użu u l-iżvilupp ta' liċenzji CC – jiġu mgħallma u applikati lil hinn mill-fruntieri nazzjonali u lingwistiċi fl-edukazzjoni u t-taħriġ, u fi stabbilimenti pubbliċi ta' riċerka, u jiġu promossi fi proċeduri ta' akkwist pubbliku; jinnota r-rwol vitali tat-taħriġ duwali;

120.

Jinnota wkoll li l-investiment pubbliku u privat fl-edukazzjoni vokazzjonali u t-tagħlim tul il-ħajja huma neċessarji sabiex jiġi żgurat li l-forza tax-xogħol tal-UE, inklużi “l-ħaddiema diġitali” li jaħdmu f'forom ta' xogħol mhux standard, jkunu mgħammra bil-ħiliet it-tajba għall-ekonomija diġitali; jinnota li xi Stati Membri introduċew drittijiet li jiggarantixxu lill-ħaddiema intitolamenti minimi għal liv edukattiv imħallas bħala miżura sabiex jittejjeb l-aċċess tal-ħaddiema għall-edukazzjoni u t-taħriġ;

4.3.2.   Gvern elettroniku

121.

Jemmen li l-iżvilupp ta' amministrazzjoni elettronika huwa prijorità għall-innovazzjoni, peress li għandu effett ta' lieva fuq is-setturi kollha tal-ekonomija u jtejjeb l-effiċjenza, l-interoperabbiltà u t-trasparenza, inaqqas l-ispejjeż u l-piż amministrattiv, jippermetti kooperazzjoni aħjar bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi, u jipprovdi servizzi personalizzati, aħjar u li jkunu aktar faċli għaċ-ċittadini u n-negozji kollha fid-dawl tal-opportunitajiet offruti minn innovazzjonijiet soċjali diġitali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tmexxi bl-eżempju fil-qasam tal-gvern elettroniku u biex tiżviluppa, flimkien mal-Istati Membri, pjan ta' azzjoni tal-gvern elettroniku ambizzjuż u komprensiv; jemmen li dan il-pjan ta' azzjoni għandu jkun ibbażat fuq il-ħtiġijiet tal-utenti u l-aħjar prattiki, inklużi punti ta' riferiment għall-progress, approċċ settorjali li jimxi pass pass biex japplika l-“prinċipju ta' darba biss” f'amministrazzjonijiet pubbliċi li skontu, iċ-ċittadini u n-negozji ma għandhomx jintalbu informazzjoni diġà pprovduta lil awtorità pubblika, filwaqt li tiġi żgurata l-privatezza taċ-ċittadini u livell għoli ta' protezzjoni tad-data f'konformità mar-rekwiżiti u l-prinċipji tal-pakkett ta' Riforma tal-Protezzjoni tad-Data tal-UE u f'konformità sħiħa mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, kif ukoll livell għoli ta' sigurtà fir-rigward ta' dawn l-inizjattivi; iqis li għandu wkoll jiġi żgurat id-dħul fl-użu transkonfinali sħiħ ta' firem elettroniċi u identifikazzjoni elettronika kriptati ferm, b'mod partikolari bl-implimentazzjoni rapida tar-Regolament eIDAS u d-disponibbiltà online miżjuda tas-servizzi pubbliċi; jenfasizza l-importanza għaċ-ċittadini u n-negozji li jkollhom aċċess għal reġistri kummerċjali interkonnessi;

122.

Jitlob għall-iżvilupp ta' portal diġitali uniku komprensiv u aċċessibbli għal kollox, li jibni fuq l-inizjattivi u n-netwerks diġà eżistenti, bħala proċess diġitali minn tarf sa tarf uniku għan-negozji biex jistabbilixxu u joperaw fl-UE, inkluż it-twaqqif online tan-negozji kif ukoll l-ismijiet ta' dominju, l-iskambju ta' informazzjoni dwar l-informazzjoni dwar il-konformità, ir-rikonoxximent tal-fatturi elettroniċi, il-preżentazzjoni tat-taxxi, skema tal-VAT online simplifikata, informazzjoni online dwar il-konformità tal-prodotti, il-kiri ta' riżorsi u l-kollokament tal-ħaddiema, id-drittijiet tal-konsumatur, l-aċċess għal netwerks tal-konsumaturi u tan-negozji, il-proċeduri ta' notifika u l-mekkaniżmi għal soluzzjoni tat-tilwim;

123.

Jistieden ukoll lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tal-Punti ta' Kuntatt Uniku, kif stabbilit skont id-Direttiva tas-Servizzi, u biex jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiggarantixxu l-funzjonament effiċjenti tagħhom, u b'hekk jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tagħhom;

124.

Huwa mħasseb li l-infrastrutturi cloud għar-riċerkaturi u l-universitajiet huma frammentati; jistieden lill-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-partijiet interessati rilevanti kollha, biex jistabbilixxu pjan ta' azzjoni li jwassal għall-istabbiliment tal-Fond Ewropew tax-Xjenza tal-Cloud Miftuħa sa tmiem l-2016, li għandu jintegra bla xkiel in-netwerks eżistenti, id-data u s-sistemi tal-informatika bi prestazzjoni għolja u ta' servizzi tal-infrastruttura elettronika madwar oqsma xjentifiċi, fi ħdan qafas ta' politiki, standards u investimenti komuni; jemmen li għandu jservi bħala stimulu għall-iżvilupp ta' sħab lil hinn mix-xjenza, ċentri ta' innovazzjoni interkonnessi aħjar, ekosistemi għat-tnedija ta' start-ups, u l-kooperazzjoni mtejba bejn l-universitajiet u l-industrija fil-kummerċjalizzazzjoni rilevanti tat-teknoloġija, f’konformità ma' regoli ta' kunfidenzjalità, u li jiffaċilita l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni internazzjonali f'dan il-qasam;

125.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jġeddu l-impenn tagħhom fir-rigward tal-miri tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-Istrateġija UE 2020 bħala blokki tal-bini ta' Suq Uniku Diġitali kompetittiv, it-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien ta' impjiegi, b'approċċ komprensiv għal Xjenza Miftuħa, Innovazzjoni Miftuħa, Data Miftuħa u t-trasferiment tal-għarfien; Iqis li dan għandu jinkludi qafas legali rivedut għall-estrazzjoni ta' test u ta' data għal finijiet ta' riċerka xjentifika, l-użu akbar ta' softwer liberu u b'sors miftuħ, b'mod partikolari fl-istabbilimenti edukattivi u l-amministrazzjonijiet pubbliċi, u aċċess aktar faċli għall-SMEs u l-istart-ups għall-finanzjament tal-Orizzont 2020 adattat għaċ-ċikli ta' innovazzjoni qosra fis-settur tal-ICT; jenfasizza f'dan ir-rigward l-importanza tal-inizjattivi rilevanti kollha, minn sħubijiet pubbliċi-privati u raggruppamenti tal-innovazzjoni għat-teknoloġija Ewropea u parks tax-xjenza, b'mod partikolari r-reġjuni Ewropej inqas industrijalizzati, u programmi ta' aċċelerazzjoni għall-bidu ta' negozji u pjattaformi teknoloġiċi konġunti, kif ukoll il-possibilità ta' liċenzjar effikaċi tal-privattivi essenzjali standard, fi ħdan il-limiti tal-liġi tal-UE dwar il-kompetizzjoni, taħt it-termini ta' liċenzjar FRAND, sabiex jiġu ppreservati l-R&D u l-inċentivi tal-istandardizzazzjoni u titrawwem l-innovazzjoni;

126.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiffoka fuq l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-akkwist elettroniku, kif ukoll tad-Dokument Ewropew Uniku għall-Akkwist (passaport PP), sabiex jiġu ffaċilitati l-benefiċċji ekonomiċi globali kif ukoll l-aċċess għas-suq tal-UE għall-operaturi ekonomiċi kollha f'konformità mal-kriterji kollha tal-għażla, tal-esklużjoni u tal-għoti; jenfasizza l-obbligu fuq l-awtoritajiet kontraenti li jipprovdu indikazzjoni tar-raġunijiet prinċipali għad-deċiżjoni tagħhom li ma jqassmux il-kuntratti f'lottijiet skont il-leġiżlazzjoni eżistenti biex jitjieb l-aċċess ta' kumpaniji innovattivi u SMEs għas-swieq tal-akkwist;

4.4.    Id-dimensjoni internazzjonali

127.

Jenfasizza l-importanza ta' struttura ta' governanza tal-Internet indipendenti għalkollox li jżommu l-internet bħala mudell trasparenti u inklużiv ta' governanza ta' diversi partijiet interessati, ibbażata fuq il-prinċipju tal-internet bħala pjattaforma unika, miftuħa, ħielsa u stabbli; iqis li huwa essenzjali li jintuża d-dewmien fit-tranżizzjoni ta' tmexxija tal-ICANN biex iservi dan l-għan; jemmen bil-qawwa li d-dimensjoni globali tal-internet jeħtieġ li tiġi kkunsidrata fil-politiki rilevanti kollha tal-UE, u jistieden lis-SEAE jagħmel użu sħiħ tal-opportunitajiet offruti mid-diġitalizzazzjoni fl-iżvilupp ta' politika esterna koerenti, biex jkun żgurat li l-UE tkun irrappreżentata fil-pjattaformi ta' governanza tal-internet u biex issemma' aktar leħinha fil-fora globali, b'mod partikolari dwar standards, it-tħejjijiet għad-dħul fl-użu tal-5G u s-sigurtà ċibernetika;

128.

Jirrikonoxxi n-natura globali tal-ekonomija tad-data; ifakkar li l-ħolqien tas-suq uniku diġitali huwa dipendenti fuq il-fluss ħieles ta' data fi ħdan u barra l-Unjoni Ewropea; jitlob, għalhekk, li jittieħdu passi mill-UE u l-Istati Membri tagħha b'kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi biex jiġu żgurati standards għoljin ta' protezzjoni tad-data u ta' trasferimenti ta' data internazzjonali b'mod sikur, f'konformità mar-Regolament dwar il-Protezzjoni tad-Data u l-ġurisprudenza eżistenti tal-UE, fil-qafas tal-kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi fi ħdan l-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali;

o

o o

129.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  ĠU L 318, 4.12.2015, p. 1.

(2)  ĠU L 123, 19.5.2015, p. 77.

(3)  ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73.

(4)  ĠU L 86, 21.3.2014, p. 14.

(5)  ĠU L 84, 20.3.2014, p. 72.

(6)  ĠU L 348, 20.12.2013, p. 129.

(7)  ĠU L 175, 27.6.2013, p. 1.

(8)  ĠU L 165, 18.6.2013, p. 1.

(9)  ĠU L 95, 15.4.2010, p. 1.

(10)  ĠU L 81, 21.3.2012, p. 7.

(11)  ĠU L 304, 22.11.2011, p. 64.

(12)  ĠU L 337, 18.12.2009, p. 1.

(13)  ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36.

(14)  ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37.

(15)  ĠU L 77, 27.3.1996, p. 20.

(16)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

(17)  Testi adottati, P8_TA(2015)0273.

(18)  Testi adottati, P8_TA(2015)0220.

(19)  Testi adottati, P8_TA(2015)0051.

(20)  Testi adottati, P8_TA(2014)0071.

(21)  Testi adottati, P7_TA(2014)0179.

(22)  Testi adottati, P7_TA(2014)0067.

(23)  Testi adottati, P7_TA(2014)0032.

(24)  Testi adottati, P7_TA(2013)0535.

(25)  Testi adottati, P7_TA(2013)0536.

(26)  Testi adottati, P7_TA(2013)0454.

(27)  Testi adottati, P7_TA(2013)0436.

(28)  Testi adottati, P7_TA(2013)0377.

(29)  Testi adottati, P7_TA(2013)0327.

(30)  Testi adottati, P7_TA(2013)0239.

(31)  Testi adottati, P7_TA(2013)0215.

(32)  ĠU C 434, 23.12.2015, p. 2.

(33)  ĠU C 353 E, 3.12.2013, p. 64.

(34)  ĠU C 332 E, 15.11.2013, p. 22.

(35)  ĠU C 258 E, 7.9.2013, p. 64.

(36)  ĠU C 50 E, 21.2.2012, p. 1.

(37)  ĠU C 236 E, 12.8.2011, p. 33.

(38)  ĠU C 81 E, 15.3.2011, p. 45.

(39)  ĠU C 236 E, 12.8.2011, p. 24.

(40)  Eurostat 2014: http://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php/Information_society_statistics_at_regional_level#People_who_never_used_the_internet

(41)  Rapport dwar ir-riżultati tal-ħidma tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar l-użu tal-frekwenza UHF fil-ġejjieni.