12.1.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 11/44


P8_TA(2016)0008

Politiki dwar il-ħiliet għall-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Jannar 2016 dwar politiki dwar il-ħiliet għall-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ (2015/2088(INI))

(2018/C 011/05)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 165 u 166 tiegħu,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2010 dwar il-promozzjoni tal-aċċess taż-żgħażagħ għas-suq tax-xogħol, it-tisħiħ tal-istatus ta' min jitħarreġ, tal-internship u l-apprendistat (1),

wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-twaqqif ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2013 dwar Garanzija għaż-Żgħażagħ (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' April 2014 dwar “L-Unjoni Ewropea kif tista' tikkontribwixxi għall-ħolqien ta' ambjent ospitabbli biex l-intrapriżi, in-negozji u n-negozji ġodda joħolqu l-impjiegi?” (3),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: implimentazzjoni tal-prijoritajiet 2014 (4),

wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja (5),

wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Qafas ta' Kwalità għat-Traineeships (6), u wara li kkunsidra l-mistoqsija bil-miktub E-010744/2015 tat-2 ta' Lulju 2015 dwar ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Qafas ta' Kwalità għat-Traineeships,

wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta' April 2015 dwar it-tisħiħ tal-politika ta' kooperazzjoni transettorjali biex jiġu indirizzati b'mod effikaċi l-isfidi soċjoekonomiċi li qed jiffaċċjaw iż-żgħażagħ (7),

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità,

wara li kkunsidra l-“Lista ta' Kwistjonijiet b'rabta mar-rapport inizjali tal-Unjoni Ewropea” tal-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (8),

wara li kkunsidra n-nota ta' tgħarrif taċ-Cedefop ta' Ġunju 2013 bit-titolu: “Toroq għall-irkupru: tliet xenarji tal-ħiliet u tas-suq tax-xogħol għall-2025”.

wara li kkunsidra n-nota ta' tgħarrif taċ-Cedefop ta' Marzu 2014 bit-titolu “Nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet: aktar milli tara l-għajn”,

wara li kkunsidra l-istudju taċ-Cedefop ta' Novembru 2014 bit-titolu “L-isfida tal-validazzjoni: kemm hi qrib l-Ewropa li tirrikonoxxi t-tagħlim kollu?”,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu “Is-sitt rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali: investiment għat-tkabbir u l-impjiegi” (COM(2014)0473),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu “Strateġija Ewropea tad-Diżabilità 2010-2020 – Impenn mill-Ġdid għal Ewropa Mingħajr Ostakoli” (COM(2010)0636),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni ta' April 2015 bit-titolu “Pilotaġġ ta' sħubijiet realistiċi għall-Garanzija għaż-Żgħażagħ – Rapport sommarju tal-kisbiet ewlenin u t-tagħlimiet miksuba mill-Azzjoni Preparatorja dwar il-Garanzija għaż-Żgħażagħ tal-Parlament Ewropew”,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound tal-2015 bit-titolu “Intraprenditorija għaż-żgħażagħ fl-Ewropa: valuri, attitudnijiet, politiki”,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1304/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Soċjali Ewropew li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1081/2006, u b'mod partikolari l-Kapitolu IV tiegħu dwar “l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ” (9),

wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A8-0366/2015),

A.

billi fil-preżent 4,5 miljun żagħżugħ u żagħżugħa ta' bejn il-15 u l-24 sena jinsabu qiegħda fl-Unjoni Ewropea u billi aktar minn 7 miljun żagħżugħ Ewropew ta' bejn il-15 u l-24 sena la qed jaħdmu, la qed jistudjaw u lanqas qed jagħmlu korsijiet ta' taħriġ;

B.

billi r-rata tal-qgħad madwar l-Unjoni kienet ta' 9,9 % fl-aħħar tal-2014, u billi r-rata tal-qgħad għaż-żgħażagħ kienet aktar mid-doppju ta' din iċ-ċifra, preċiżament 21,4 %;

C.

billi ż-żgħażagħ intlaqtu b'mod speċjali mill-kriżi;

D.

billi nuqqas ta' ħiliet rilevanti għal xogħol disponibbli u nuqqas ta' tlaqqigħ tal-edukazzjoni u tat-taħriġ huma fatturi importanti li jikkawżaw il-qgħad fost iż-żgħażagħ; billi, minkejja li għandhom livell ta' edukazzjoni ogħla u għandhom aktar ħiliet minn ġenerazzjonijiet preċedenti, iż-żgħażagħ għadhom qed jiffaċċjaw ostakli strutturali sinifikanti biex jiksbu impjieg ta' kwalità li jirrispetta l-istandards tal-UE u nazzjonali; billi mingħajr ħolqien tax-xogħol effiċjenti u sostenibbli fl-Ewropa, il-kriżi tal-qgħad fost iż-żgħażagħ ma tistax tiġi solvuta;

E.

billi d-dewmien fl-aċċess għas-suq tax-xogħol u l-perjodi twal ta' qgħad għandhom impatti negattivi fuq il-prospetti ta' karriera, paga, saħħa u mobilità soċjali;

F.

billi ż-żgħażagħ huma ta' valur għall-ekonomija Ewropea u billi għandhom jimpenjaw ruħhom biex jipprovdu l-ħiliet mitluba mis-suq tax-xogħol, filwaqt li jantiċipaw il-ħtiġijiet tal-ġejjieni;

G.

billi ż-żgħażagħ jiġu integrati fi tliet gruppi ewlenin – l-istudenti, il-ħaddiema u dawk qiegħda – u billi għandhom jiġu adottati approċċi politiċi distinti għal kull wieħed minn dawn il-gruppi sabiex jiġi żgurat li l-membri tal-grupp huma integrati fis-suq tax-xogħol, li jfisser li l-istudenti żgħażagħ irid ikollhom il-ħiliet meħtieġa mis-suq tax-xogħol, il-ħaddiema żgħażagħ iridu jaġġornaw il-ħiliet u t-taħriġ tagħhom tul il-karriera tagħhom u, fir-rigward taż-żgħażagħ qiegħda, id-distinzjoni trid tqis il-fatt li dawn jistgħu jkunu qed ifittxu impjieg b'mod attiv jew ikunu barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs);

H.

billi għandhom isiru l-isforzi kollha sabiex jiġi żgurat li s-sistemi edukattivi jippreparaw lill-istudenti għar-realizzazzjoni professjonali b'mod adegwat u biex tkun iggarantita kooperazzjoni mill-qrib bejn ir-rappreżentanti tas-settur tal-edukazzjoni, is-servizzi soċjali fejn xieraq, l-impjegaturi u l-istudenti;

I.

billi l-ippjanar tat-taħriġ u tal-edukazzjoni jitjieb b'mod sinifikanti meta l-organizzazzjonijiet tal-istudenti u taż-żgħażagħ jiġu inklużi fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet u jilħaq aħjar il-ħtiġijiet tas-soċjetà, tas-suq tax-xogħol u tal-ħiliet meħtieġa;

J.

billi l-persuni li huma żvantaġġati, diskriminati u vulnerabbli ħafna drabi huma esklużi mill-possibbiltà li jiżviluppaw it-talenti, l-abbiltajiet u l-ħiliet tagħhom meta d-dimensjoni soċjali ma tiġix meqjusa fil-politiki dwar l-edukazzjoni, l-impjieg u fil-politiki soċjali; billi għandhom jiġu allokati biżżejjed riżorsi finanzjarji lis-settur tal-edukazzjoni;

K.

billi l-implimentazzjoni ta' politiki effikaċi dwar l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-ħiliet bl-appoġġ tal-impjegaturi, tal-aġenziji tal-impjieg u ta' partijiet interessati oħrajn jistgħu jgħinu jnaqqsu l-qgħad fost iż-żgħażagħ;

L.

billi jinħtieġ taħriġ xieraq għal dawk li jirreklutaw, għall-maniġers tar-riżorsi umani, għas-servizzi ta' impjiegi, għall-impjegaturi u għas-settur tal-edukazzjoni;

M.

billi l-kriżi finanzjarja tal-2008 ħolqot problemi addizzjonali fl-aċċess taż-żgħażagħ għas-suq tax-xogħol, peress li l-qgħad fost iż-żgħażagħ huwa aktar sensittiv għall-kundizzjonijiet ekonomiċi mill-qgħad globali, peress li dawn ġeneralment ikollhom inqas esperjenza;

N.

billi l-impriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju huma wieħed mill-ikbar ġeneraturi ta' impjiegi fl-UE, li jirrappreżentaw konsiderevolment aktar minn 80 % tal-impjiegi kollha u kienu minn ta' quddiem f'ħafna setturi “ekoloġiċi”, iżda jistgħu jħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet partikolari biex jantiċipaw il-ħiliet meħtieġa u fit-twettiq tal-potenzjal għall-impjiegi;

O.

billi l-intraprenditorija taż-żgħażagħ tista' tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-qgħad fost iż-żgħażagħ u permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ tista' tixpruna l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ;

P.

billi s-suċċess tal-iskemi ta' internships u apprendistati jvarja minn parti għall-oħra tal-Unjoni, skont il-karatteristiċi tagħhom;

Q.

billi l-Garanzija għaż-Żgħażagħ, meta tiġi implimentata b'mod effikaċi, tikkostitwixxi approċċ komprensiv li jgħin liż-żgħażagħ jagħmlu t-tranżizzjoni għas-suq tax-xogħol jew għal edukazzjoni ta' kwalità għolja b'suċċess, kif muri mill-kisbiet tal-Azzjoni Preparatorja dwar il-Garanzija għaż-Żgħażagħ tal-Parlament Ewropew;

R.

billi, sabiex jinkisbu riżultati effikaċi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, huwa indispensabbli li jiġu vvalutati l-ħtiġijiet reali tal-impjiegi taż-żgħażagħ u l-oqsma veri li joffru opportunitajiet ta' xogħol futuri, bħal pereżempju l-ekonomija soċjali u l-ekonomija ekoloġika, dan kollu flimkien ma' monitoraġġ kostanti u bir-reqqa mhux biss tal-proġetti kkonċernati iżda wkoll tal-aġenziji li jipprovduhom, u l-ħruġ ta' rapporti regolari dwar l-istat ta' progress ta' din il-miżura kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ;

S.

billi l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ hija għodda essenzjali għat-twassil ta' appoġġ immirat lejn iż-żgħażagħ li huma barra min-NEETs;

Kooperazzjoni, parteċipazzjoni, sħubiji

1.

Jinnota li l-iżvilupp tal-ħiliet individwali u t-tixrid tat-tagħrif u tal-ħiliet huma wieħed mill-elementi ewlenin tal-politiki tal-impjieg u soċjali integrati u li jistgħu jippermettu l-istabbiliment tat-tkabbir fit-tul, l-ixprunar tal-kompetittività tal-Ewropa, il-ġlieda kontra l-qgħad u l-bini ta' soċjetà Ewropea aktar inklużiva, jekk il-politiki għall-iżvilupp tal-ħiliet jirrikonoxxu l-ħtiġijiet u l-ħiliet fuq bosta saffi taż-żgħażagħ qiegħda; ifakkar li l-iżvilupp tal-ħiliet se jibqa' mingħajr effett jekk il-ħolqien tal-impjiegi u l-protezzjoni xierqa ta' sigurtà soċjali ma jiġux indirizzati b'mod parallel;

2.

Jenfasizza li “spinta ġdida għall-impjiegi, it-tkabbir u l-investiment” hija prijorità essenzjali tal-Kummissjoni u li, fil-Programm ta' Ħidma tagħha għall-2015, il-Kummissjoni impenjat ruħha li tieħu inizjattivi prattiċi biex tippromwovi l-integrazzjoni u l-impjegabbiltà fis-suq tax-xogħol, u b'mod partikolari miżuri biex tagħti appoġġ lill-Istati Membri sabiex idaħħlu ż-żgħażagħ fix-xogħol; itenni li l-Parlament ippropona regolarment soluzzjonijiet differenti li jenfasizzaw li l-impjiegi għaż-żgħażagħ, l-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom ikunu fost l-ogħla prijoritajiet politiċi għall-UE;

3.

Ifakkar li l-involviment taż-żgħażagħ, tal-partijiet interessati, tal-organizzazzjonijiet u tas-sħab soċjali fl-ixprunar tal-żvilupp, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni ta' inizjattivi rilevanti mmirati lejn l-appoġġ għall-impjieg taż-żgħażagħ fil-livell tal-UE, nazzjonali u lokali huwa tal-ogħla importanza;

4.

Jirrimarka li, min-naħa waħda, hemm 24 miljun persuna qiegħda fl-Ewropa, inkluż 7,5 miljun żagħżugħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs) u min-naħa l-oħra hemm 2 miljun post vakanti fl-UE; jinnota li hemm ħafna żgħażagħ qiegħda kwalifikati żżejjed li l-ħiliet tagħhom ma jaqblux mad-domanda tas-suq tax-xogħol; jenfasizza, għaldaqstant, il-ħtieġa li jinbnew sħubijiet bejn l-awtoritajiet lokali, is-servizzi tal-edukazzjoni u tal-impjiegi – kemm dawk ewlenin kif ukoll dawk speċjalizzati – u s-sħab soċjali u l-komunità tan-negozji biex jappoġġjaw il-ħolqien, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-istrateġiji tal-impjiegi sostenibbli fuq terminu qasir u twil, inklużivi u ta' kwalità u pjanijiet ta' azzjoni; jappella għall-kooperazzjoni u interazzjoni mill-qrib u strutturali bejn l-edukazzjoni fl-iskola u vokazzjonali, l-amministrazzjoni pubblika, in-negozju, is-soċjetà ċivili, speċjalment l-organizzazzjonijiet tal-istudenti u taż-żgħażagħ, bil-ħsieb li l-ħiliet jitqabblu aħjar mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, inkluż permezz ta' opzjonijiet tat-tieni possibbiltà, sabiex tiġi massimizzata l-kwalità tal-edukazzjoni u tat-taħriġ; jenfasizza li dan it-titjib fil-kooperazzjoni huwa kruċjali wkoll għal implimentazzjoni effikaċi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ;

5.

Jilqa' l-għodod għall-iżvilupp tal-ħiliet u t-tbassir ta' ħtiġijiet ta' ħiliet proposti mill-Kummissjoni; jenfasizza l-fatt li l-iżvilupp tal-ħiliet għandu jħeġġeġ l-iżvilupp tal-ħiliet STEM, li fl-ekonomija huma utli b'mod wiesa'; jenfasizza, madankollu, li huma meħtieġa azzjoni u investiment aktar ambizzjużi; jemmen li, sabiex jiġu previsti l-ħtiġijiet ta' ħiliet futuri, il-partijiet interessati kollha tas-suq tax-xogħol iridu jkunu involuti b'mod qawwi fil-livelli kollha;

6.

Jistieden lill-Istati Membri, il-gvernijiet reġjonali u l-awtoritajiet lokali jadottaw u jimplimentaw, flimkien mas-sħab soċjali u l-fornituri tat-taħriġ, l-iżvilupp tal-ħiliet u l-istrateġiji ta' antiċipazzjoni bl-għan tat-titjib tal-ħiliet ġeneriċi, settorjali u speċifiċi għall-okkupazzjoni; jenfasizza, barra minn hekk, l-importanza ta' sħubijiet u ta' fiduċja bejn l-istituzzjonijiet edukattivi, in-negozji, is-sħab soċjali u l-awtoritajiet;

7.

Jenfasizza r-rwol li għandhom l-istituzzjoniijet ta' edukazzjoni għolja fl-iżvilupp tal-għarfien u l-kompetenzi li jeħtieġu l-gradwati sabiex jagħmlu suċċess fis-suq tax-xogħol;

8.

Jenfasizza r-rwol essenzjali ta' għalliema u persunal tat-taħriġ li jkunu kompetenti fit-tnaqqis tat-tluq bikri mill-iskola, speċjalment fiż-żoni sottożviluppati, u biex itejbu l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ; jenfasizza li l-għalliema għandhom bżonn li jkunu appoġġjati aħjar mill-iskejjel, l-istituzzjonijiet tat-taħriġ, il-komunitajiet lokali u l-politiki edukattivi, pereżempju permezz ta' taħriġ aktar effiċjenti u aġġornat f'ħiliet ġodda, bħalma huma l-ħiliet intraprenditorjali u tal-ICT, il-promozzjoni tat-tagħlim bejn il-pari u l-iskambju tal-aħjar prattiki, u aċċess aktar faċli għal opportunitajiet ta' taħriġ u t-titjib tas-sistemi ta' ETV kontinwi; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza tal-investiment fl-iżvilupp tat-tagħlim tul il-ħajja għall-għalliema; jopponi bis-saħħa kwalunkwe tnaqqis fil-baġits tal-edukazzjoni, speċjalment meta dawn ikunu kombinati ma' tnaqqis fil-boroż ta' studju u fl-għotjiet u maż-żieda tat-tariffi edukattivi;

9.

Jinkoraġġixxi l-integrazzjoni ta' metodi ġodda ta' tagħlim u taħriġ, żviluppati mill-għalliema bħala rispons għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-klassi;

10.

Jenfasizza li l-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ u l-kumpaniji għandhom jaħdmu flimkien biex ifasslu kwalifiki li jirriflettu b'mod preċiż il-ħiliet attwali li l-gradwati jkunu kisbu matul ħajjithom;

11.

Jenfasizza l-importanza li jiġu involuti impjegaturi żgħażagħ innovattivi fid-djalogu li għaddej bejn l-istituzzjonijiet edukattivi u l-impjegaturi fi sforz sabiex jitfasslu aħjar l-edukazzjoni u t-taħriġ speċjalizzat għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol; jilqa' u jenfasizza l-importanza ta' programmi ta' konsulenza maħsuba biex iħejju liż-żgħażagħ għall-impjiegi futuri;

12.

Jenfasizza l-importanza tal-kapaċità amministrattiva u tal-aġenziji tal-impjieg li jiffunzjonaw; jitlob għat-tisħiħ tal-prinċipju tas-sħubija bejn l-awtoritajiet pubbliċi u s-soċjetà ċivili kif ukoll għall-provvediment tat-taħriġ rilevanti lill-awtoritajiet lokali u reġjonali u partijiet interessati oħra sabiex jiġi żgurat l-użu tal-fondi Ewropej b'mod aktar effikaċi u strateġiku; jitlob ukoll li l-gvernijiet ikunu aktar ambizzjużi u jagħmlu sforzi fl-antiċipazzjoni tal-ħtiġijiet taż-żgħażagħ, tal-kumpaniji u tas-soċjetà ċivili kif ukoll l-entitajiet edukattivi u tat-taħriġ, billi jimplimentaw b'aktar ħeffa l-programmi operattivi għall-impjieg u billi jimmonitorjaw il-progress miksub;

13.

Jenfasizza l-importanza ta' kooperazzjoni transettorjali mill-qrib, b'mod partikolari bejn is-servizzi ta' impjieg u tal-edukazzjoni;

14.

Ifakkar li l-politiki għandhom jiffukaw fuq l-għoti ta' għajnuna lin-NEETs, inklużi dawk li m'għadhomx involuti, biex ikomplu l-edukazzjoni tagħhom jew jintegraw fis-swieq tax-xogħol;

15.

Jinnota li l-fondi Ewropej, jekk użati b'mod aktar effiċjenti u strateġiku, jistgħu jirrappreżentaw strument straordinarju għat-tkabbir u l-iżvilupp tal-universitajiet u tan-negozji; jitlob li jintużaw aktar riżorsi ekonomiċi għat-tixrid ta' informazzjoni dwar l-istrumenti ta' finanzjament Ewropej, kif ukoll biex fl-universitajiet u fin-negozji jiżdiedu l-għarfien u l-ħiliet meħtieġa għat-tiftix ta' fondi, għall-istudju u għall-ġestjoni tal-proġetti ta' finanzjament;

16.

Jenfasizza li, biex tiġi żgurata l-kwalità tal-użu tal-fondi tal-UE, huwa importanti ħafna li tiġi implimentata sistema ta' superviżjoni u monitoraġġ tal-użu ta' dawn ir-riżorsi;

17.

Jitlob li jkun hemm premju tal-UE għall-aħjar proġetti fil-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ, li jistgħu jkunu marbuta mal-konkors pan-Ewropew “Premju Ewropew taż-Żgħażagħ” u mal-Premju Ewropew “Għall-impjieg taż-żgħażagħ fl-Ekonomija Soċjali”; jistieden lill-Kummissjoni tagħti viżibbiltà lil dawn l-inizjattivi sabiex tqajjem is-sensibilizzazzjoni u toqrob lejn il-ħtiġijiet taċ-ċittadini; jenfasizza, madankollu, il-ħtieġa għal responsabbiltà baġitarja u jitlob, għaldaqstant, biex dawn l-inizjattivi jiġu ffinanzjati mill-baġit eżistenti;

18.

Jitlob Strateġija tal-Ħiliet Ewropea li tkun tħares 'il quddiem u tkun orjentata lejn ir-riżultati biex tiggwida l-istrateġiji tal-ħiliet nazzjonali u tintegrahom fil-Pjanijiet Nazzjonali dwar l-Impjiegi filwaqt li tipprovdi qafas komprensiv għall-pjanijiet ta' azzjoni settorjali proposti fil-pakkett tal-impjiegi;

19.

Jistieden lill-Istati Membri jaġixxu, kemm jista' jkun malajr, fuq ir-rakkommandazzjonijiet relatati mal-edukazzjoni u mas-suq tax-xogħol u speċifiċi għall-pajjiż fis-Semestru Ewropew u rakkomandazzjonijiet oħra tal-Kummissjoni;

L-SMEs u l-intraprenditorija

20.

Jenfasizza r-rwol ewlieni tal-intrapriżi, inklużi l-SMEs, l-atturi tal-ekonomija soċjali u ta' solidarjetà u l-mikrointrapriżi fit-taħriġ tal-ħiliet fuq ix-xogħol u fil-ħolqien ta' impjiegi għaż-żgħażagħ; jenfasizza l-ħtieġa li ż-żgħażagħ jiġu pprovduti b'edukazzjoni li tippreparahom għall-intrapenditorija bl-aktar mod wiesa'; jinkoraġġixxi l-inklużjoni fil-kurrikuli tal-iżvilupp f'ambjent sikur tal-ħiliet vokazzjonali meħtieġa fil-bidu u fil-ġestjoni tan-negozji kif ukoll fit-trawwim tal-kompetenza intraprenditorjali trażversali, il-ħiliet u t-tagħrif, li jiġu mwassla b'mod effikaċi permezz ta' esperjenzi attwali u reali; jissuġġerixxi li l-intraprenditorija tista' tiġi mgħallma fuq firxa ta' diversi suġġetti jew bħala suġġett separat u jenfasizza l-ħtieġa għal aċċess għal traineeships ta' kwalità għolja u ta' taħriġ professjonali tul u wara l-istadju universitarju tal-edukazzjoni; jenfasizza li l-kisba ta' ħiliet demokratiċi u ta' xogħol f'tim, li wieħed jitgħallem jerfa' r-responsabbiltà u li jiġu analizzati sitwazzjonijiet, huma parti mit-tagħlim tul il-ħajja li jappoġġja ċittadinanza attiva; jiġbed l-attenzjoni għall-opportunitajiet u l-vantaġġi li jkun hemm aktar nies (pereżempju imprendituri żgħażagħ ta' suċċess, NGOs li l-għan tagħhom huwa li jippromwovu l-intraprenditorija) involuti fl-għoti ta' edukazzjoni dwar l-intraprenditorija;

21.

Ifakkar li l-appoġġ lill-intraprenditorija, fehim tal-ekonomija u t-trawwim ta' sens ta' responsabbiltà u inizjattiva huma fatturi importanti fil-promozzjoni ta' approċċ attiv lejn il-karriera tal-individwu; jemmen li hija r-responsabbiltà tal-korpi pubbliċi, il-qasam tal-edukazzjoni, in-negozji u s-soċjetà ċivili, li jippromwovu l-intraprenditorija; itenni l-ħtieġa li tiġi żviluppata l-mobilità bejn in-negozji; itenni r-rwol tal-istituzzjonijiet finanzjarji fin-negozji ġodda u l-aċċess għall-iffinanzjar u jitlob għal investiment, żvilupp tal-ħiliet u tbassir fis-setturi emerġenti u potenzjali, inklużi teknoloġiji nodfa u impjiegi ekoloġiċi, billi dawn għandhom potenzjal kbir biex joħolqu impjiegi ta' kwalità;

22.

Jenfasizza li l-ħiliet intraprenditorjali jistgħu jinkisbu wkoll permezz ta' programmi ta' żvilupp tal-ħiliet organizzati barra mis-sistema tal-edukazzjoni ġenerali u li dawn il-programmi jistgħu jinkludu attivitajiet ta' coaching u mentoring mogħtija minn għalliema bl-esperjenza, imprendituri u esperti fil-qasam tan-negozju li jiffaċilitaw mhux biss l-għoti ta' għarfien, pariri u informazzjoni prezzjużi dwar in-negozju lil imprendituri potenzjali, iżda wkoll jippermettu li dawn tal-aħħar jiżviluppaw netwerks prezzjużi ta' kuntatti ma' intrapriżi eżistenti u ma' imprendituri li kieku setgħu jieħdu żmien twil biex jitwettqu;

23.

Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu ffaċilitati r-rekwiżiti amministrattivi u finanzjarji eżistenti għall-bidu u l-ġestjoni tan-negozji permezz tas-simplifikazzjoni tal-proċeduri, aċċess aktar faċli għal kreditu, kapital ta' riskju u mikrofinanzjament għal negozji li jkunu għadhom kemm fetħu, aċċess garantit għall-internet b'veloċità għolja, pariri multidixxiplinari mfassla apposta, l-introduzzjoni ta' miżuri ta' inċentivi għall-imprendituri li jimpjegaw liż-żgħażagħ qiegħda meta dan ikun possibbli; jenfasizza l-importanza tal-mikrofinanzjament u l-programm tal-UE għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI), kif ukoll il-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa, biex jinkisbu dawn l-għanijiet; jenfasizza l-ħtieġa għall-ħolqien ta' punti uniċi ta' servizz biex jittrattaw il-proċeduri amministrattivi rilevanti kollha marbuta mat-twaqqif u l-amministrazzjoni ta' negozju; ifakkar li r-rekwiżiti amministrattivi kollha għandhom jieħdu kont tar-rispett lejn id-drittijiet tal-ħaddiema;

24.

Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jieħdu sehem fil-programm Erasmus għall-Imprendituri Żgħażagħ u jippromovuh fost iż-żgħażagħ li jixtiequ jidħlu għal proġetti intraprenditorjali, sabiex dawn ikunu jistgħu jiksbu esperjenza barra minn pajjiżhom u jiksbu ħiliet ġodda li jgħinuhom iwettqu l-pjanijiet intraprenditorjali tagħhom;

25.

Ifakkar li l-industriji kreattivi huma fost l-iktar setturi intraprenditorjali u li jikbru malajr, u li l-edukazzjoni kreattiva tiżviluppa ħiliet trasferibbli bħall-ħsieb kreattiv, is-soluzzjoni tal-problemi, il-ħidma f'tim u l-inġenjożità fl-użu tar-riżorsi; jirrikonoxxi li s-setturi tal-arti u tal-midja għandhom appell partikolari għaż-żgħażagħ;

26.

Ifakkar fil-ġid ta' impjiegi marbutin ma' ħiliet tradizzjonali, li ta' spiss ma jistgħux jiġu rilokati xi mkien ieħor, li, barra minn hekk, jgħinu biex jistimulaw l-ekonomiji lokali u huma ta' interess kulturali; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jiżguraw, għalhekk, li s-snajja' u l-professjonijiet b'elementi tradizzjonali u kulturali jiġu ppreservati u jiġu mgħoddija b'mod effikaċi lill-ġenerazzjonijiet iżgħar permezz tal-implimentazzjoni ta' programmi speċjalizzati;

27.

Jitlob għall-ħolqien ta' kundizzjonijiet favorevoli għall-ekonomija soċjali bil-għan li jiġu kombinati l-ħolqien tal-impjiegi għaż-żgħażagħ u l-iżvilupp tal-kapital soċjali; jappella għall-inklużjoni aħjar tal-intrapriżi soċjali u tal-ekonomija tas-solidarjetà fil-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali u Ewropej għall-impjieg, l-iżvilupp tal-ħiliet u l-integrazzjoni soċjali bil-għan li jinfetaħ u jiġi sfruttat bis-sħiħ il-potenzjal ta' ħolqien ta' impjieg tagħhom u l-kontribut tagħhom għall-ilħuq tal-miri tal-Istrateġija UE 2020;

28.

Ifakkar li l-impjegaturi u l-imprendituri għandhom rwol importanti fit-taħriġ fuq il-post tax-xogħol u f'li jipprovdu apprendistati u li dan għandu jiġi appoġġjat u żviluppat aktar;

29.

Jirrimarka li l-politiki għall-promozzjoni tal-intraprenditorija fost iż-żgħażagħ jeħtieġu ppjanar fuq żmien medju u fit-tul; jenfasizza li l-politiki għall-promozzjoni tal-intraprenditorija għandhom iqisu l-ħtiġijiet differenti ta' kull Stat Membru;

30.

Jitlob appoġġ effikaċi ta' proġetti intraprenditorjali soċjalment responsabbli, ekoloġiċi u sostenibbli kif ukoll il-promozzjoni ta' mudelli alternattivi sostenibbli bħal kooperattivi, li jkunu bbażati fuq proċess ta' deċiżjonijiet demokratiċi u li jippruvaw ikollhom impatt fuq il-komunità lokali;

Ħiliet għall-impjegabbiltà

31.

Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jittejbu l-kwalifiki u l-motivazzjoni tal-konsulenti li jaħdmu fl-aġenziji tal-impjiegi pubbliċi, sabiex ikunu jistgħu jirrispondu b'mod proattiv għall-ħtiġijiet tal-persuni żgħażagħ li qed ifittxu impjieg, jgħinuhom jiksbu kwalifiki addizzjonali u jidentifikaw il-ħiliet li għandhom bżonn għas-suq tax-xogħol;

32.

Ifakkar li gwida u appoġġ edukattivi ta' kwalità tajba u mfassla apposta fl-istadji kollha tal-edukazzjoni u tat-taħriġ huma meħtieġa u jistgħu jnaqqsu r-riskju ta' tluq bikri mill-iskola kif ukoll jgħinu biex jingħelbu d-diffikultajiet fl-aċċess għas-suq tax-xogħol; jenfasizza li din il-gwida dwar il-karriera għandha tkun ankrata fil-kurrikuli u trid tiġi pprovduta f'kooperazzjoni mal-atturi ekonomiċi u l-aġenziji tal-impjieg; ifakkar li t-tagħlim tal-lingwi u l-litteriżmu diġitali huma fundamentali;

33.

Jirrimarka dwar in-nuqqas ta' gwida għall-karrieri ta' kwalità għolja fl-Istati Membri; jenfasizza l-ħtieġa li titjieb il-kwalità ta' gwida għall-karrieri fl-iskejjel u li jingħata taħriġ professjonali kontinwu għall-konsulenti tal-karrieri sabiex ikunu kkwalifikati sew biex jgħinu lill-istudenti jagħżlu karriera xierqa;

34.

Jistieden lill-Istati Membri jeżaminaw l-aħjar prattiki fis-sistema ta' gwida għal karriera fl-iskejjel fejn l-istudenti jiġu mmonitorjati minn stadju bikri tal-iskola sal-ewwel passi fis-suq tax-xogħol;

35.

Jenfasizza l-importanza ta' monitoraġġ regolari tal-ħtiġijiet tal-ħiliet futuri u jħeġġeġ, għaldaqstant, lill-Istati Membri u l-partijiet interessati rilevanti kollha biex jaqsmu prattiki tajba f'dan ir-rigward u jiżviluppaw iżjed l-għodod ta' monitoraġġ u tbassir;

36.

Jilqa' t-trasformazzjoni tas-sit elettroniku eżistenti tal-Panorama tal-Ħiliet tal-UE, li jipprovdi punt ta' aċċess ċentrali aktar komprensiv u faċli għall-utent għall-informazzjoni u l-għarfien dwar il-ħtiġijiet tal-ħiliet fl-okkupazzjonijiet u s-setturi fl-UE u li jgħin lil dawk li jfasslu l-politika, l-esperti, l-aġenziji tal-impjiegi, il-konsulenti tal-karrieri u l-individwi sabiex jieħdu deċiżjonijiet aħjar u aktar infurmati;

37.

Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu skambju tal-prattiki tajba fl-edukazzjoni vokazzjonali u fl-iżvilupp tat-taħriġ permezz tal-ħiliet, fejn b'hekk jiġi żgurat aktar aċċess għas-suq tax-xogħol għaż-żgħażagħ, u jirrevedu l-programmi ta' taħriġ b'tali mod li jantiċipaw il-ħtiġijiet tas-suq fejn meħtieġ; jenfasizza l-importanza ta' kodifikazzjoni u ħiliet elettroniċi prattiċi u intraprenditorjali bħala indispensabbli għall-iżvilupp professjonali fis-seklu 21; jindika l-importanza tal-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Intraprenditorija 2020 u l-istrateġija tal-Ħiliet Elettroniċi tal-UE; ifakkar li l-gwida tul il-ħajja dwar l-iżvilupp tal-karriera professjonali għandha tkun disponibbli tul il-ħajja tax-xogħol kollha biex iżżomm u tiżviluppa l-ħiliet u l-għarfien tal-individwu;

38.

Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jippromwovu u jappoġġjaw il-possibbiltajiet ta' mobilità professjonali fost iż-żgħażagħ li qed jagħmlu apprendistat, biex ikunu jistgħu jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom permezz ta' kuntatt ma' sistemi oħra ta' taħriġ u tipi oħra ta' negozji, iżda wkoll biex jagħtuhom l-opportunità li jipprattikaw lingwa barranija, li se jgħinuhom jidħlu b'mod permanenti fis-suq tax-xogħol;

39.

Jenfasizza l-importanza tal-iżvilupp ta' “ħiliet personali”, li jagħmlu aktar faċli n-negozjar b'suċċess fis-suq tax-xogħol u l-iżvilupp ta' karriera professjonali, u li huma komplement essenzjali għall-għarfien u l-esperjenza professjonali;

40.

Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jiġi promoss it-tagħlim mhux formali u informali, li jinkludi l-volontarjat, u li huwa riżorsa imprezzabbli fl-għajnuna għaż-żgħażagħ li jiksbu l-ħiliet meħtieġa għall-ħajja tax-xogħol;

41.

Ifakkar li t-tagħlim mhux formali u informali huwa kruċjali għall-iżvilupp tal-ħiliet personali bħal ħiliet fil-komunikazzjoni u fit-teħid ta' deċiżjonijiet; jitlob, għaldaqstant, għal investiment f'opportunitajiet inklużivi għal tagħlim mhux formali u informali u għar-rikonoxximent tal-impatt u l-valur tal-esperjenza, il-ħiliet u l-kompetenzi miksuba;

42.

Iħeġġeġ l-istabbiliment ta' sistema ta' taħriġ u ta' studji, li tadotta approċċi innovattivi iżda aċċessibbli, u li tiffoka fuq l-iżvilupp tal-ħiliet bażiċi kif ukoll il-kapaċitajiet intellettwali u tekniċi;

43.

Jenfasizza l-importanza li tiġi żviluppata aktar l-għodda EURES, speċjalment fiż-żoni tal-fruntieri, biex iż-żgħażagħ ikunu inkoraġġuti jieħdu interess f'offerti ta' xogħol, traineeships jew apprendistati barra mill-pajjiż, u jkunu appoġġjati fil-proġetti ta' mobilità tagħhom billi jiġu pprovduti b'assistenza u pariri fil-proġetti tagħhom;

44.

Ifakkar li l-politiki dwar l-edukazzjoni u l-ħiliet m'għandux ikollhom l-għan uniku li jissodisfaw il-ħtiġijiet tas-suq, iżda wkoll li jipprovdu lill-individwi bil-kompetenzi trażversali meħtieġa sabiex jiżviluppaw bħala ċittadini attivi u responsabbli; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirrispettaw il-fatt li l-edukazzjoni u t-taħriġ jikkostitwixxu dritt fundamentali u li għandhom valur qawwi fihom infushom;

45.

Jenfasizza l-importanza tal-edukazzjoni olistika, pereżempju fil-forma ta' edukazzjoni ċivika, li għandha tkun parti integrali mill-flussi kollha tal-edukazzjoni u tista' tgħin biex tipprepara liż-żgħażagħ fit-tranżizzjoni għall-ħajja tax-xogħol;

46.

Jenfasizza l-importanza tal-bini tal-kapaċità tal-istudenti li jitgħallmu u l-ħtieġa li jiġu pprovduti bi strateġiji tat-tagħlim effikaċi; jenfasizza li t-tagħlim dwar kif titgħallem jiffaċilita l-kisba tal-għarfien, il-ħiliet, l-attitudnijiet u l-aptitudnijiet li jippermettu lill-individwi jistabbilixxu, jippjanaw u jilħqu l-objettivi tat-tagħlim tagħhom stess u jsiru persuni li jitgħallmu awtonomi li jkunu kapaċi jiffaċċjaw it-tibdil intensiv fis-suq tax-xogħol;

47.

Jenfasizza li l-prattika ta' sport tipprovdi lill-parteċipanti b'opportunitajiet biex jiżviluppaw firxa wiesgħa ta' ħiliet trażversali li jtejbu l-impjegabbiltà tagħhom kif ukoll tgħinhom biex jirnexxu bħala mexxejja u biex jilħqu l-għanijiet tagħhom; jenfasizza, barra minn hekk, ir-rabta bejn l-isports, l-impjegabbiltà, l-edukazzjoni u t-taħriġ;

48.

Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar it-tnaqqis fil-punteġġi osservati fl-aħħar stħarriġ tal-PISA (Programm għall-Valutazzjoni Internazzjonali tal-Istudenti) f'xi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea; jistieden lill-Istati Membri biex jagħtu prijorità għolja lill-edukazzjoni sabiex jintlaħqu l-miri tal-Istrateġija Ewropa 2020;

49.

Jenfasizza li t-taħriġ fuq il-post tax-xogħol u l-apprendistati formattivi ta' kwalità għolja, imsaħħa bi sħubiji bejn l-iskejjel, l-istituzzjonijiet ta' taħriġ u l-kumpaniji, huma modi kif jista' jittejjeb l-aċċess taż-żgħażagħ għas-suq tax-xogħol, u użu aħjar ta' dawn l-opportunitajiet jista', permezz tat-titjib tal-orjentazzjoni għall-karriera, ikabbar l-għadd ta' kandidati potenzjali għall-postijiet battala u jttejjeb ukoll l-istat ta' tħejjija tagħhom għax-xogħol; jinnota s-suċċess ta' dawn il-miżuri f'xi Stati Membri; jissuġġerixxi li l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki f'dan il-qasam tista' tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-qgħad fost iż-żgħażagħ; jenfasizza li persuni f'taħriġ li huma żvantaġġati jeħtieġu appoġġ speċjali, bħal pereżempju tagħlim addizzjonali u korsijiet ta' rimedju, u assistenza għan-negozji fl-isforz tagħhom biex jegħlbu l-kompiti amministrattivi u organizzazzjonali;

50.

Jenfasizza l-valur ta' apprendistati ta' kwalità għolja fis-setturi kollha tal-impjieg u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jħeġġu lin-nisa biex jidħlu f'apprendistati u okkupazzjonijiet li tradizzjonalment huma ddominati mill-irġiel;

51.

Jenfasizza li tranżizzjoni bla xkiel mill-edukazzjoni għall-impjieg għandha tiġi promossa billi l-edukazzjoni teoretika tiġi marbuta ma' taħriġ prattiku u l-ħiliet ta' impjegabbiltà jiġu integrati fil-kurrikulu akkademiku ewlieni, u jiġu provduti internships ta' kwalità għolja kif stipulat fil-Karta Ewropea tal-Kwalità tal-Internships u l-Apprendistati kif ukoll permezz tar-rikonoxximent tal-kwalifiki miksuba matul edukazzjoni formali u mhux formali, jew waqt l-esperjenzi ta' volontarjat; jenfasizza li l-internships/traineeships ta' kwalità għolja dejjem għandu jkollhom riżultati ċari ta' tagħlim u li l-apprendisti ma għandhomx jiġu sfruttati;

52.

Ifakkar li t-traineeships u l-apprendistati ta' kwalità għolja li jirriflettu l-ħtiġijiet attwali għandhom iwasslu għall-impjieg u li t-traineeships għandhom jippreparaw lill-apprendistati għal xogħol, u jikkundanna kwalunkwe abbuż inklużi t-traineeships foloz li jxekklu l-akkwist mill-ħaddiema tad-drittijiet tas-sigurtà soċjali; jenfasizza li t-traineeships għandhom iwasslu għal aktar ħiliet u impjegabbiltà; jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri dissważivi biex jipprevjenu l-abbuzi tal-istatus tat-traineeships u jintensifikaw il-kampanji ta' informazzjoni dwar id-drittijiet tal-apprendistati;

53.

Jilqa' l-Qafas tal-Kwalità għat-Traineeships u l-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati; jenfasizza l-importanza li l-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib l-implimentazzjoni tagħhom fl-Istati Membri; iħeġġeġ lill-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati tippromwovi l-aċċess għall-apprendistati għaż-żgħażagħ billi titlob għat-tneħħija tal-ostakoli bħat-tariffi tal-edukazzjoni għall-apprendisti;

54.

Ifakkar, fir-rigward tal-kompetenzi tal-Istati Membri f'dan il-qasam, li l-mudell duwali tal-edukazzjoni u l-kisba ta' ħiliet prattiċi, soċjali u ta' komunikazzjoni huma ta' importanza kbira; jenfasizza li l-ħiliet soċjetali u ta' komunikazzjoni jistgħu jgħinu fil-kunfidenza taż-żgħażagħ u jagħmluha aktar faċli għalihom biex jidħlu fis-suq tax-xogħol; jenfasizza li l-mudell duwali jrid jiġi mmirat lejn il-kuntest soċjali, ekonomiku u kulturali ta' kull pajjiż u m'għandux jitqies bħala l-unika sistema korretta tal-ETV; jitlob, għaldaqstant, għar-rikonoxximent u t-tisħiħ tat-tagħlim duwali fil-livelli kollha;

55.

Jitlob għat-titjib fil-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni – kemm fil-livell vokazzjonali kif ukoll f'dak ta' livell ogħla – u l-imprendituri fl-iżvilupp ta' kurrikuli aġġustati għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol;

56.

Ifakkar il-vantaġġi ta' approċċ flessibbli ffukat fuq l-istudenti għall-edukazzjoni li jagħmilha possibbli li tinbidel jew li tiġi adattata d-direzzjoni ta' studju konformi mal-ħtiġijiet tal-istudenti u ma torbothomx mal-għażla inizjali tagħhom;

57.

Iwissi lill-Istati Membri kontra t-tixrid fit-tipi ta' kuntratti offruti liż-żgħażagħ; jitlob li ssir aktar riflessjoni f'dan ir-rigward sabiex tiżdied l-effikaċja;

58.

Jistieden lill-Istati Membri jżidu l-attraenza tal-programmi u tal-istudji STEM sabiex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet eżistenti f'dan il-qasam; jenfasizza, madankollu, li l-umanitajiet u l-għarfien umanistiku ġenerali huma indispensabbli biex isir użu effikaċi tal-opportunitajiet imressqa mid-dixxiplini STEM u għalhekk għandhom jingħataw appoġġ effikaċi fi ħdan l-istituzzjonijiet tagħhom u għandhom rwol espliċitu fl-iżvilupp tal-kurrikuli; jistieden lill-Istati Membri jinkoraġġixxu approċċ transsettorjali bejn oqsma differenti fi ħdan l-istituzzjonijiet edukattivi, bħall-programmi konġunti li jinvolvu l-arti, ix-xjenza, l-ICT, l-inġinerija, in-negozju u oqsma rilevanti oħrajn;

59.

Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex b'urġenza jinkorporaw teknoloġiji ġodda fil-proċess tat-tagħlim, u jintensifikaw u jtejbu t-taħriġ fl-ICT u fil-ħiliet diġitali fil-livelli kollha u fit-tipi kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluż għall-persunal tat-tagħlim, sabiex jiġu pprovduti lawrji u kurrikuli iktar allinjati b'mod diġitali u biex iż-żgħażagħ jiġu motivati jistudjaw l-ICT u jsegwu karrieri relatati; jenfasizza l-ħtieġa li tinbena bażi teknoloġika aħjar fl-iskejjel u fl-universitajiet u biex tiġi pprovduta l-infrastruttura meħtieġa; jenfasizza, barra minn hekk, f'dan ir-rigward, l-importanza tar-riżorsi edukattivi miftuħa (OERs), li jiżguraw l-aċċess għall-edukazzjoni għal kulħadd u jtejbu l-impjegabbiltà billi jappoġġjaw il-proċess ta' tagħlim tul il-ħajja; ifakkar fil-ħtieġa li l-bniet u n-nisa żgħażagħ jiġu inkoraġġuti jsegwu l-istudji fl-ICT;

60.

Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żviluppati miżuri biex iħeġġu lill-bniet jinvolvu ruħhom f'suġġetti STEM u li jiġu stabbiliti gwidi għall-karrieri ta' kwalità biex jiġu appoġġjati fl-issoktar tal-karrieri professjonali tagħhom f'dan il-qasam billi n-nisa, fil-parti l-kbira tagħhom, għadhom mhux rappreżentati biżżejjed fi professjonijiet relatati ma' STEM, u jikkostitwixxu biss 24 % tal-professjonijiet fl-oqsma tax-xjenza u l-inġinerija u billi l-okkupazzjonijiet STEM huma mal-ewwel 20 fil-lista ta' postijiet battala konċentrati fl-Istati Membri;

61.

Jirrimarka li, minkejja r-rati għoljin ta' qgħad fost iż-żgħażagħ f'uħud mill-Istati Membri u ta' postijiet ta' impjiegi battala f'oħrajn, il-mobilità intra-UE għadha baxxa; ifakkar, għaldaqstant, l-importanza tal-mobilità tal-ħaddiema għal suq tax-xogħol kompetittiv, u jenfasizza l-ħtieġa li jitnaqqsu l-ostakoli lingwistiċi u kulturali li aktarx irażżnuha, billi jipprovdu korsijiet lingwistiċi speċifiċi għas-settur u taħriġ dwar il-komunikazzjoni interkulturali għall-persuni qiegħda;

62.

Jenfasizza l-importanza li jiġu indirizzati n-nuqqas ta' ħiliet u t-tlaqqigħ ħażin tal-ħiliet billi jiġu promossi u faċilitati l-mobilità ta' min jitgħallem, kif ukoll ir-rikonoxximent transfruntier tal-kwalifiki, permezz ta' użu aħjar tal-għodod u programmi kollha tal-UE, bħall-Erasmus+, il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki, il-Passaport Ewropew tal-Ħiliet, il-Garanzija għaż-Żgħażagħ, is-CV tal-Europass, il-Pass tal-Ħiliet Intraprenditorjali, il-EURES, l-Alleanzi tal-Għarfien, l-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati, is-Sistema Ewropea għat-Trasferiment ta' Krediti, l-Assigurazzjoni Ewropea tal-Kwalità fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (EQAVET) u s-Sistema Ewropea ta' Krediti għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (ECVET); jenfasizza l-importanza tal-ESCO, li tidentifika u tikkategorizza l-ħiliet, il-kompetenzi u l-kwalifiki rilevanti għas-suq tax-xogħol tal-UE u l-edukazzjoni u t-taħriġ, f'25 lingwa Ewropea; jenfasizza f'dan il-kuntest l-importanza tat-trasferibbiltà adegwata tad-drittijiet soċjali fi ħdan l-Unjoni u jtenni l-importanza tal-Erasmus+, il-Fond Soċjali Ewropew u l-EURES f'dan ir-rigward; jistieden lill-Istati Membri jippromwovu korsijiet ta' taħriġ b'mod partikolari f'setturi fejn hemm diskrepanzi partikolari bejn il-provvista u d-domanda;

63.

Jinkoraġġixxi l-użu mill-aħjar tal-finanzjamenti eżistenti tal-UE bħall-programm Erasmus+ fl-istimolu tal-iżvilupp tal-ħiliet u l-kompetenzi trażversali fost iż-żgħażagħ sabiex il-qgħad fost iż-żgħażagħ fl-UE jiġi indirizzat b'mod aktar effikaċi;

64.

Jindika l-Erasmus+ bħala strument ewlieni għall-iżgurar tal-kwalità tal-ETV madwar l-UE u jħeġġeġ l-iskambji internazzjonali għal skopijiet ta' taħriġ professjonali;

65.

Ifakkar li l-implimentazzjoni effikaċi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ tista' tgħin ukoll biex ittejjeb l-opportunitajiet tas-suq tax-xogħol għaż-żgħażagħ billi jingħelbu d-defiċits edukattivi u billi tipprovdi l-ħiliet rilevanti għall-ħtiġijiet ta' suq tax-xogħol u ekonomija sostenibbli, u tista' toffri esperjenza ta' xogħol ta' valur u tiffaċilita l-istabbiliment ta' negozji ta' suċċess; jirrimarka li, għal dak il-għan, l-ivvalutar tal-ħtiġijiet reali tal-impjiegi taż-żgħażagħ u tal-oqsma veri ta' żvilupp tax-xogħol huwa indispensabbli, bħal pereżempju l-ekonomija soċjali u l-ekonomija ekoloġika, dan kollu flimkien ma' monitoraġġ kostanti u bir-reqqa mhux biss tal-proġetti kkonċernati iżda wkoll tal-aġenziji li jipprovduhom, u l-ħruġ ta' rapporti perjodiċi dwar l-istat ta' progress ta' dawn il-miżuri kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ;

66.

Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu ssimplifikati l-miżuri amministrattivi għall-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-urġenza li jitneħħa kull ostaklu burokratiku li jista' jillimita l-effikaċja tagħha;

67.

Jilqa' d-deċiżjoni reċenti mill-koleġiżlaturi tal-UE dwar iż-żieda fil-prefinanzjament għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, li timmira sabiex twitti l-implimentazzjoni ta' din l-inizjattiva importanti għar-reġjuni u l-istati li qed jiffaċċjaw diffikultajiet finanzjarji; jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jużaw il-fondi disponibbli biex iwettqu t-titjib meħtieġ u joħolqu soluzzjonijiet sostenibbli minflok ad hoc; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw malajr u b'mod effikaċi l-Programmi Operattivi tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ;

Opportunitajiet indaqs

68.

Jenfasizza li l-iżvilupp tal-ħiliet, jekk imwettaq bħala kunċett integrat, jista' jsir mekkaniżmu li jwassal għal u jippromwovi opportunitajiet indaqs għall-persuni minn gruppi żvantaġġati, inklużi minoranzi żvantaġġati, b'mod partikolari għat-tfal u ż-żgħażagħ minn familji milquta mill-faqar, dawk li ilhom qiegħda għal żmien twil, l-immigranti żvantaġġati u persuni b'diżabilitajiet; jenfasizza li l-prevenzjoni u l-appoġġ tul il-ħajja u l-għoti ta' pariri fl-aktar stadju bikri possibbli għall-gruppi żvantaġġati huma ta' importanza kbira biex tiġi pprovduta forza tax-xogħol produttiva u b'ħiliet għoljin għas-suq tax-xogħol; jenfasizza, barra minn hekk, il-ħtieġa li jiġu pprovduti appoġġ u żvilupp tal-ħiliet permezz ta' taħriġ għall-impjegaturi, dawk li jagħmlu r-reklutaġġ u l-maniġers tar-riżorsi umani, biex jingħata appoġġ lill-inklużjoni ta' gruppi żvantaġġati fis-suq tax-xogħol; jenfasizza li, biex ikun hemm inklużjoni ta' dawk l-aktar żvantaġġati, irid jiġi provdut taħriġ xieraq lill-impjegaturi, lit-timijiet tar-riżorsi umani u lill-għalliema, sabiex l-aktar żvantaġġati fis-soċjetà jiġu appoġġjati bl-aħjar mod possibbli biex b'hekk l-integrazzjoni tagħhom tkun kemm jista' jkun effikaċi; itenni l-importanza tal-aċċess universali għall-edukazzjoni għal kulħadd;

69.

Jenfasizza li l-iżvilupp tal-ħiliet ta' netwerking huwa importanti ħafna għaż-żgħażagħ kollha, iżda b'mod partikolari għal dawk b'esperjenza tax-xogħol limitata u dawk li ġejjin minn gruppi mhux rappreżentati biżżejjed u żvantaġġati; jisħaq li t-tagħlim tan-netwerking jista' jkun strateġija għall-faċilitazzjoni tal-impjiegi, l-iżvilupp tal-karrieri u l-esplorazzjoni;

70.

Jinnota li, waqt li n-nisa jirrappreżentaw il-parti l-kbira (60 %) tal-gradwati universitarji fl-Unjoni Ewropea, ir-rata ta' impjieg u t-trajettorji ta' promozzjoni tagħhom ma jirriflettux il-potenzjal sħiħ tagħhom; jenfasizza li l-kisba ta' tkabbir ekonomiku inklużiv u fit-tul tiddependi fuq li jitnaqqas id-distakk bejn dak li n-nisa jiksbu fl-edukazzjoni tagħhom u l-pożizzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol, primarjament billi tingħeleb is-segregazzjoni orizzontali u vertikali;

71.

Jenfasizza l-ħtieġa li l-aġenziji tal-impjiegi jagħmlu aktar biex jiżguraw li l-persuni b'diżabilità ma jinżammux fiżikament milli jaċċessaw is-servizzi tagħhom, skont il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità;

72.

Jistieden lill-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea jippromwovu l-aħjar prattiki u jappoġġjaw l-inklużjoni taż-żgħażagħ b'diżabilitajiet fl-edukazzjoni, inklużi programmi ta' tagħlim tul il-ħajja, u l-impjieg, permezz ta' miżuri bħal investimenti f'inizjattivi ta' intraprenditorija soċjali li jappoġġjaw lil dawn iż-żgħażagħ, jew inċentivi finanzjarji għall-organizzazzjonijiet li jirreklutawhom;

73.

Jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li l-persuni b'diżabilità jkollhom aċċess għal appoġġ u għotjiet finanzjarji, li għandhom ikunu parti integrali mill-programmi informattivi u edukattivi maħsuba biex jippromwovu l-intraprenditorija;

Ġenerazzjoni ġdida, opportunitajiet ġodda, sfidi ġodda

74.

Jinnota li ż-żgħażagħ, imrobbija f'era ta' progress teknoloġiku mgħaġġel għandhom mhux biss potenzjal, talenti u ħiliet iżda wkoll valuri u prijoritajiet li huma differenti minn dawk ta' ġenerazzjonijiet preċedenti, u għalhekk huwa utli li tkun enfasizzata l-ħtieġa għal programmi u inizjattivi li jegħlbu d-distakk bejn il-ġenerazzjonijiet; jinnota li dan jgħin ukoll fil-fehim tal-assi tal-ġenerazzjoni żagħżugħa, bħall-multitasking, il-kreattività, il-mobilità, ir-rieda għall-bidla u, fuq kollox, ħidma f'tim; jenfasizza li s-sistemi edukattivi u ta' taħriġ għandhom ikunu flessibbli biżżejjed biex jippermettu l-iżvilupp sħiħ tal-ħiliet u t-talenti taż-żgħażagħ; jenfasizza, barra minn hekk, li l-persunal tas-servizzi tar-reklutaġġ u tal-impjiegi għandhom ikunu mħarrġa sew u mgħammra b'ħiliet li jagħtuhom fehim aħjar tal-ġenerazzjoni l-ġdida; jinnota wkoll li mhux iż-żgħażagħ kollha awtomatikament għandhom il-ħiliet u l-kompetenzi biex jissodisfaw id-domandi diġitali u jtenni, għaldaqstant, li l-għoti ta' aċċess u taħriġ ugwali lil kulħadd għat-tagħmir diġitali huwa aktar importanti minn qabel;

o

o o

75.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  ĠU C 351 E, 2.12.2011, p. 29.

(2)  ĠU C 440, 30.12.2015, p. 67.

(3)  Testi adottati, P7_TA(2014)0394.

(4)  Testi adottati, P8_TA(2014)0038.

(5)  ĠU L 394, 30.12.2006, p. 10.

(6)  ĠU C 88, 27.3.2014, p. 1.

(7)  ĠU C 172, 27.5.2015, p. 3.

(8)  CRPD/C/EU/Q/1

(9)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 470.