28.6.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 227/20


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar ir-“Rwol tat-Turkija fil-kriżi tar-refuġjati”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2018/C 227/03)

Relatur:

Dimitris DIMITRIADIS

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

22.9.2016

Bażi legali

Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

 

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni

Adottata fis-sezzjoni

7.11.2017

Adottata fil-plenarja

14.2.2018

Sessjoni plenarja Nru

532

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

227/6/12

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jirrikonoxxi li t-Turkija qed taqdi rwol kruċjali u deċiżiv biex tiġġestixxi l-hekk imsejħa kriżi tar-refuġjati fil-Lvant Nofsani u fir-reġjun tal-Mediterran, u li għamlet ħilitha biex tindirizza l-problema billi tuża l-mezzi tagħha, għalkemm b’għajnuna addizzjonali mill-UE u mill-komunità internazzjonali.

1.2.

Fil-fehma tal-KESE, minkejja s-sitwazzjoni splussiva tal-hekk imsejħa “kriżi tar-refuġjati”, sal-lum l-UE naqset milli ddaħħal fis-seħħ politika tal-immigrazzjoni Ewropea komuni kredibbli u effettiva jew sistema Ewropea komuni tal-asil, minħabba r-rifjut mhux iġġustifikat ta’ ċerti Stati Membri li jikkonformaw jew mal-obbligi legali tagħhom stabbiliti f’konvenzjonijiet internazzjonali jew fit-Trattati, flimkien ma’ dawk maqbula fid-deċiżjonijiet adottati b’mod unanimu fis-summits jew fil-laqgħat tal-Kunsilli tal-Ministri. Għalhekk iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jaħdmu b’mod aktar deċiżiv dwar din il-kwistjoni, u li jobbligaw lil dawk l-Istati Membri li jonqsu milli jirrispettaw l-impenji Ewropej tagħhom biex jieħdu l-miżuri meħtieġa immedjatament.

1.3.

Il-KESE jikkundanna bis-saħħa l-attitudni ksenofobika ta’ xi Stati Membri għall-kriżi tar-refuġjati u jqis din il-pożizzjoni bħala kuntrarja għall-valuri fundamentali tal-UE.

1.4.

Il-KESE jafferma mill-ġdid li jinsab lest jikkontribwixxi b’kwalunkwe mod li jista’ biex jindirizza l-kriżi tar-refuġjati, jaħdem mal-istituzzjonijiet Ewropej u mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (impjegaturi, ħaddiema u NGOs), kif jirriżulta mix-xogħol sinifikanti li diġà wettaq kemm fil-forma ta’ diversi opinjonijiet kif ukoll fil-missjonijiet f’pajjiżi milqutin minn dan id-diżastru umanitarju.

1.5.

Sa mill-iffirmar tad-dikjarazzjoni UE-Turkija, kien hemm tnaqqis sinifikanti u stabbli fin-numru ta’ persuni li b’mod illegali jaqsmu l-fruntieri Ewropej jew li jitilfu ħajjithom fil-Baħar Eġew. Fl-istess ħin, madankollu, qed isseħħ żieda rapida fil-flussi lejn pajjiżi oħra tan-Nofsinhar, li hija sors ta’ tħassib partikolari għall-KESE. Il-prestazzjoni ulterjuri tal-Istati Membri tal-UE f’termini ta’ risistemazzjoni u rilokazzjoni għadha diżappuntanti. Filwaqt li tqiegħdu l-pedamenti neċessarji għall-implimentazzjoni ta’ dawn il-programmi, ir-ritmu attwali għadu aktar baxx milli hu meħtieġ sabiex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti bl-għan li jiżguraw ir-risistemazzjoni u r-rilokazzjoni tal-persuni eliġibbli kollha.

1.6.

Il-KESE huwa tal-fehma li jeħtieġ li t-Turkija tfassal sistema uniformi biex tagħti l-protezzjoni internazzjonali lill-applikanti għall-asil, skont l-istandards internazzjonali u Ewropej (1), li ma tiddiskriminax kontra l-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali abbażi tal-oriġini nazzjonali tagħhom, u li tagħtihom ilkoll protezzjoni uniformi. Fost affarijiet oħra, jissuġġerixxi t-tneħħija tal-limitazzjoni ġeografika għall-applikanti għall-asil li mhumiex Ewropej u tad-distinzjoni bejn applikanti għall-asil Sirjani u dawk mhux Sirjani (2). Għandu jiġi ggarantit ukoll il-prinċipju tan-non-refoulement.

1.7.

Il-KESE jqis li huwa meħtieġ li jittejbu l-kundizzjonijiet tal-akkomodazzjoni fit-Turkija, kif ukoll il-politiki dwar l-integrazzjoni soċjali u ekonomika ta’ refuġjati rikonoxxuti, b’mod partikolari fir-rigward tal-aċċess għall-impjiegi, il-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni u l-akkomodazzjoni. Għandha tingħata attenzjoni speċjali għall-protezzjoni tal-minorenni mhux akkumpanjati u tat-tfal, b’mod partikolari fir-rigward tal-aċċess għall-edukazzjoni u l-protezzjoni minn xogħol furzat u żwieġ furzat (3).

1.8.

Il-KESE jitlob li jiġi stabbilit mekkaniżmu ta’ monitoraġġ u sorveljanza serju u indipendenti fir-rigward tad-Dikjarazzjoni UE-Turkija dwar ir-refuġjati sabiex – b’kooperazzjoni mal-awtoritajiet Torok, l-NGOs internazzjonali u l-organizzazzjonijiet umanitarji speċjalizzati – jiġu mmonitorjati u vverifikati l-implimentazzjoni u l-konformità taż-żewġ naħat fir-rigward tat-termini maqbula, skont id-dritt internazzjonali u Ewropew (4).

1.9.

Il-KESE jqis li huwa essenzjali li jissaħħaħ ir-rwol tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera sabiex jiżżarmaw in-netwerks tat-traffikar u tiġi miġġielda l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ persuni, f’konformità mad-dritt internazzjonali (5).

1.10.

Il-KESE jitlob li jkun hemm konformità sħiħa min-naħa tal-Istati Membri tal-UE li s’issa għadhom ma ħadux sehem fil-proċeduri ta’ rilokazzjoni u ta’ risistemazzjoni, u li jitħaffef il-pass tal-implimentazzjoni tal-programmi rilevanti. F’dan ir-rigward kien hemm żvilupp pożittiv bis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll bl-isforzi tal-Kummissjoni biex tiżgura koordinazzjoni aħjar bejn il-livell Ewropew u dak tal-Istati Membri. B’dawn is-sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE tikkundanna direttament l-imġiba ta’ ċerti Stati Membri li ma jilqgħux lir-rifuġjati fit-territorju tagħhom li, kif tindika l-Qorti, tmur kontra l-obbligu ta’ solidarjetà u kondiviżjoni ġusta tal-piżijiet li jaqgħu fuq l-Istati Membri tal-Unjoni fil-qasam tal-politika dwar l-asil.

1.11.

Il-KESE huwa mħasseb ħafna bis-sitwazzjoni ġenerali tad-drittijiet tal-bniedem fit-Turkija, b’mod partikolari wara l-kolp ta’ stat li falla. Aħna nemmnu li jista’ jkun li l-Gvern attwali tat-Turkija qiegħed jattakka l-prinċipji u l-valuri tal-UE msemmija fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-UE (6). B’mod speċifiku, dan it-tħassib jikkonċerna l-fatt li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili ma jistgħux jiffunzjonaw mingħajr xkiel fit-Turkija, b’mod partikolari b’segwitu għad-dikjarazzjoni ta’ stat ta’ emerġenza, u jqis li jaqdu rwol ewlieni fis-sitwazzjoni umanitarja fil-kriżi tar-refuġjati kemm fl-ippjanar kif ukoll fl-implimentazzjoni ta’ programmi biex ir-refuġjati jiġu integrati fil-komunitajiet lokali.

1.12.

Il-KESE huwa tal-opinjoni li l-imsieħba soċjali jistgħu u għandu jkollhom rwol prominenti fit-Turkija sabiex jindirizzaw il-kriżi tar-refuġjati.

1.13.

Il-KESE huwa mħasseb dwar it-tensjoni li dan l-aħħar ikkaratterizzat ir-relazzjonijiet bejn l-UE u t-Turkija u l-impatt possibbli ta’ żieda ta’ tensjoni kemm dwar l-implimentazzjoni tal-ftehim bejn l-Ewropa u mit-Turkija kif ukoll dwar ir-relazzjonijiet bejn l-Ewropa u t-Turkija b’mod ġenerali. Il-KESE għadu tal-fehma li r-relazzjonijiet bejn l-Ewropa u t-Turkija għandhom ikunu immirati biex jinżammu l-prospetti ta’ adeżjoni tat-Turkija, f’konformità sħiħa mal-acquis Ewropew.

2.   Kummenti ta’ introduzzjoni: mill-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni għall-Ftehim tat-18 ta’ Marzu 2016

2.1.

Wara li faqqgħet il-gwerra fis-Sirja, li wasslet għal kriżi umanitarja massiva, u s-sitwazzjoni splussiva li nħolqot fl-Iraq b’riżultat ta’ instabbiltà politika kontinwa, eluf ta’ refuġjati bdew jaqsmu l-fruntiera tat-Turkija, taħt kundizzjonijiet inumani, bl-għan aħħari li jaslu fil-pajjiżi tal-UE, b’mod partikolari dawk fl-Ewropa Ċentrali.

It-Turkija sabet ruħha “tospita” madwar tliet miljun persuna li, b’riskju għal ħajjithom, għaddew minn żoni tal-gwerra u – għal darb’oħra b’riskju għal ħajjithom – ippruvaw u għadhom jippruvaw jaqsmu l-fruntiera tal-Ewropa b’mod irregolari biex jidħlu fil-Greċja.

2.2.

Bħala l-ewwel pajjiż ospitanti, it-Turkija kellha u se jkompli jkollha rwol partikolarment kruċjali fl-hekk imsejħa “kriżi tar-refuġjati”, li saret waħda mill-problemi prinċipali tal-UE “mhux solvuti”.

2.3.

L-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, li kienet ir-riżultat ta’ negozjati diffiċli u fit-tul bejn l-Istati Membri f’Mejju 2015, kienet tirrappreżenta l-ewwel tentattiv tal-UE biex tindirizza l-kundizzjoni tal-eluf ta’ refuġjati li jirriskjaw ħajjithom meta jgħaddu minn żoni ta’ gwerra u jippruvaw jaqsmu l-Mediterran. Għall-ewwel darba, ġew introdotti kunċetti bħar-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni interni. L-Aġenda tistabbilixxi kemm miżuri immedjati kif ukoll oħrajn fit-tul biex jindirizzaw il-flussi migratorji sostanzjali li tiffaċċja l-UE – u b’mod partikolari l-pajjiżi tal-Mediterran – u l-problemi li jinqalgħu meta jiġu trattati kriżijiet ta’ dan it-tip. Dawn jinkludu t-triplikar tar-riżorsi finanzjarji għall-Frontex, ir-rilokazzjoni tar-refuġjati u l-migranti f’pajjiżi tal-UE skont kriterji u kwoti speċifiċi, l-attivazzjoni – għall-ewwel darba – tal-mekkaniżmu ta’ reazzjoni f’każ ta’ emerġenza previst fl-Artikolu 78(3) tat-TFUE biex jgħin lill-Istati Membri meta jiffaċċjaw influss f’daqqa ta’ refuġjati, u t-tnedija ta’ operazzjoni fil-Mediterran taħt il-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni biex jiġu żarmati n-netwerks tat-traffikar u tiġi miġġielda l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ persuni, f’konformità mad-dritt internazzjonali.

2.4.

Is-sitwazzjoni tinkludi wkoll id-dikjarazzjoni UE-Turkija tat-18 ta’ Marzu 2016, maħsuba biex tillimita l-kriżi tar-refuġjati u li, għal raġunijiet proċedurali ngħatat it-tikketta ta’ ftehim informali dwar il-migrazzjoni irregolari mit-Turkija għall-UE, li jissostitwixxi l-migrazzjoni irregolari b’mezzi legali għar-risistemazzjoni tar-refuġjati fl-Unjoni Ewropea (7). Id-dispożizzjonijiet tagħha jinkludu:

(i)

L-“immigranti irregolari” kollha li jaslu fil-Greċja mit-Turkija, mill-20 ta’ Marzu 2016 se jintbagħtu lura t-Turkija fuq il-bażi ta’ ftehim bilaterali bejn iż-żewġ pajjiżi.

(ii)

Dawk kollha li ma japplikawx għall-asil jew li t-talbiet tagħhom jiġu meqjusa infondati jew inammissibbli se jintbagħtu lura t-Turkija.

(iii)

Il-Greċja u t-Turkija, bl-għajnuna tal-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE, se jidħlu fi kwalunkwe ftehim bilaterali meħtieġ, inkluż wieħed dwar il-preżenza permanenti tal-uffiċjali Torok fuq il-Gżejjer Griegi u tal-uffiċjali Griegi fit-Turkija mill-20 ta’ Marzu ’l quddiem, sabiex jiġu implimentati dawn il-ftehimiet.

(iv)

Għal kull persuna Sirjana li tintbagħat lura t-Turkija mill-gżejjer Griegi, persuna Sirjana oħra tiġi sistemata fl-UE.

(v)

Se jiġi stabbilit mekkaniżmu biex jimplimenta l-prinċipju ta’ “wieħed għal kull wieħed” – f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni, mal-aġenziji tal-UE, mal-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Refuġjati u mal-Istati Membri – sa mill-ewwel jum li jibdew ir-ritorni.

(vi)

Il-prijorità għar-risistemazzjoni fl-UE se tingħata lis-Sirjani fit-Turkija aktar milli lil dawk fil-Greċja, u minn dawn, il-prijorità se tingħata lil migranti li ma daħlux jew li ma ppruvawx jidħlu qabel fl-UE.

2.5.

Fl-iskeda informattiva tagħha dwar id-dikjarazzjoni UE-Turkija tat-18 ta’ Marzu 2016 (8), il-Kummissjoni tenfasizza l-possibbiltà li tikklassifika t-Turkija bħala “pajjiż terz sigur” (9). Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar is-Sitwazzjoni Attwali rigward l-Implimentazzjoni tal-Azzjonijiet Prijoritarji fl-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni twassal għall-istess konklużjoni, filwaqt li targumenta li tqis li l-kunċett ta’ pajjiż terz sigur – kif definit fid-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Asil – jirrikjedi li mhux ma jkunx hemm riżervi jew limitazzjonijiet ġeografiċi meta tiġi implimentata l-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, imma li fil-prinċipju l-protezzjoni tista’ tinkiseb skont it-termini tal-Konvenzjoni (10).

2.6.

Min-naħa tiegħu, il-KESE esprima l-fehma li bl-ebda mod ma jista’ jiġi applikat il-kunċett ta’ pajjiż ta’ oriġini sigur f’każijiet ta’ nuqqas ta’ rispett tal-libertà tal-istampa, li jdgħajjef il-pluraliżmu politiku, jew f’pajjiżi fejn hemm persekuzzjoni bbażata fuq il-ġeneru u/jew l-orjentazzjoni sesswali, jew l-appartenenza għall-minoranzi nazzjonali, etniċi, kulturali jew reliġjużi. Fi kwalunkwe każ, dawn li ġejjin (fost affarijiet oħrajn) jeħtieġ li jiġu vvalutati fir-rigward tal-inkużjoni ta’ pajjiż fil-lista ta’ pajjiżi ta’ oriġini sigur: informazzjoni aġġornata minn sorsi bħalma huma l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (UNHCR), l-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO), il-Kunsill tal-Ewropa u organizzazzjonijiet oħrajn li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem (11).

2.7.

Minn mindu ġiet iffirmata d-dikjarazzjoni UE-Turkija, kien hemm tnaqqis sinifikanti u stabbli fin-numru ta’ persuni li b’mod illegali jaqsmu l-fruntieri Ewropej jew li jitilfu ħajjithom fil-Baħar Eġew (12). Fl-istess ħin, madankollu, qed isseħħ żieda rapida fil-flussi lejn pajjiżi oħra tan-Nofsinhar, li hija sors ta’ tħassib partikolari għall-KESE. Il-prestazzjoni ulterjuri tal-Istati Membri tal-UE f’termini ta’ risistemazzjoni u rilokazzjoni għadha diżappuntanti. Filwaqt li tqiegħdu l-pedamenti neċessarji għall-implimentazzjoni ta’ dawn il-programmi, ir-ritmu attwali għadu aktar baxx milli hu meħtieġ sabiex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti bl-għan li jiżguraw ir-risistemazzjoni u r-rilokazzjoni tal-persuni eliġibbli kollha (13).

3.   Il-mekkaniżmu ta’ pajjiż sigur: pajjiż terz sigur u l-ewwel pajjiż ta’ asil

3.1.

Il-kunċetti ta’ “pajjiż ta’ oriġini sigur”, “pajjiż terz sigur” u “l-ewwel pajjiż ta’ asil” huma stabbiliti fid-Direttiva 2013/32/UE dwar il-proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali, li tistabbilixxi standards u garanziji proċedurali komuni għal dawk li jfittxu l-protezzjoni internazzjonali fl-Istati Membri tal-UE. B’mod aktar speċifiku, id-Direttiva tipprevedi erba’ kategoriji ta’ pajjiżi siguri. Dawn huma l-ewwel pajjiż ta’ asil (l-Artikolu 35), il-pajjiż terz sigur (l-Artikolu 38), il-pajjiż ta’ oriġini sigur (l-Artikolu 37) u l-pajjiż terz sigur Ewropew (l-Artikolu 39) (14).

3.2.

Il-qari tal-Artikolu 39 tad-Direttiva 2013/32/UE dwar il-pajjiżi terzi siguri Ewropej b’mod konġunt mal-Artikolu 35 dwar l-ewwel pajjiż ta’ asil jiżvela status akbar u status anqas ta’ protezzjoni internazzjonali, bir-reġim tal-pajjiż terz sigur skont l-Artikolu 38 jinsab bejniethom. L-Artikolu 39 jipprovdi l-ogħla livell ta’ protezzjoni, u jirreferi għal pajjiżi li rratifikaw il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra mingħajr limitazzjonijiet ġeografiċi, joffru l-protezzjoni massima prevista mill-Konvenzjoni, jimplimentaw l-Artikolu 36 tal-Konvenzjoni bis-sħiħ fil-pajjiż rilevanti u huma soġġetti għall-mekkaniżmi ta’ kontroll tal-Konvenzjoni. L-Artikolu 35 tad-Direttiva, f’kuntrast qawwi, huwa limitat biex jipprovdi protezzjoni lir-refuġjati jew protezzjoni suffiċjenti oħra, fiilwaqt li jiffoka fuq l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ non-refoulement.

3.3.

Skont l-Artikolu 38 tad-Direttiva 2013/32/UE, pajjiż jitqies bħala pajjiż terz sigur għal applikant partikolari jekk jikkonforma b’mod ġenerali mal-kriterji li ġejjin: (a) il-ħajja u l-libertà ma jkunux mhedda minħabba r-razza, ir-reliġjon, in-nazzjonalità, is-sħubija f’xi grupp soċjali jew l-opinjoni politika; (b) il-pajjiż inkwistjoni jirrispetta l-prinċipju ta’ non-refoulement skont il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra; (c) ma hemmx riskju ta’ ħsara serja għall-applikant; (d) il-pajjiż jipprojbixxi l-espulsjoni ta’ persuna lejn pajjiż fejn tista’ tkun f’riskju ta’ tortura, jew trattament jew penitenza krudili, inumani jew degradanti kif stabbilit fid-dritt internazzjonali; (e) tkun teżisti l-possibbiltà li ssir talba għall-istatus ta’ refuġjat u, jekk il-persuna konċernata tkun rikonoxxuta bħala refuġjat, din tirċievi protezzjoni skont il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra; u (f) l-applikant ikollu konnessjoni mal-pajjiż terz ikkonċernat li abbażi tagħha jkun raġonevoli għal dik il-persuna li tmur f’dak il-pajjiż. Konsegwentement, fil-każ li l-awtoritajiet kompetenti jiġġudikaw li pajjiż, bħat-Turkija, jikkostitwixxi pajjiż tal-ewwel asil jew pajjiż terz sigur għall-applikant, huma joħorġu deċiżjoni li tiċħad l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli, mingħajr ma tiġi eżaminata s-sustanza (15).

3.4.

Il-prinċipju tan-non-refoulement huwa l-pedament tas-sistema tal-protezzjoni internazzjonali tar-refuġjati u huwa minqux fl-Artikolu 33(1) tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tal-1951 (16). Il-UNHCR osserva li dan l-Artikolu jintroduċi prinċipju ċentrali fil-Konvenzjoni, wieħed li issa daħal fid-dritt internazzjonali konswetudinarju u għalhekk huwa vinkolanti fuq l-Istati kollha tal-komunità internazzjonali irrispettivament minn jekk irratifikawx jew le l-Konvenzjoni ta’ Ġinevra (17).

3.5.

Għalhekk kull min huwa refuġjat skont il-Konvenzjoni tal-1951, jew jissodisfa l-kriterji tad-definizzjoni ta’ refuġjat stabbiliti fl-Artikolu 1(a)(2) tal-Konvenzjoni tal-1951, anke jekk l-istatus tiegħu ta’ refuġjat jista’ ma jkunx ġie rikonoxxut uffiċjalment, huwa kopert mill-protezzjoni mogħtija skont l-Artikolu 33(1) (18). Dan huwa ta’ importanza partikolari għall-applikanti għall-asil, għaliex huwa possibbli li jistgħu jkunu refuġjati u għalhekk m’għandhomx jitneħħew jew jitkeċċew mill-pajjiż tal-asil sakemm ma tkunx ittieħdet deċiżjoni finali dwar l-istatus tagħhom (19).

4.   It-Turkija bħala “pajjiż terz sigur”

4.1.

Sa mill-2011, it-Turkija ilha tospita l-ogħla numru ta’ refuġjati mis-Sirja (aktar minn tliet miljuni – 3 222 000). Fl-istess ħin, il-Libanu, pajjiż b’popolazzjoni ta’ madwar 4.8 miljun ruħ, qed jospita ’l fuq minn miljun refuġjat reġistrat. Il-Ġordan għandu t-tielet l-akbar numru ta’ refuġjati mis-Sirja (654 582), filwaqt li skont l-aħħar ċifri uffiċjali, l-Iraq u l-Eġittu qed jospitaw 244 235 u 124 534 refuġjat reġistrat rispettivament (20).

4.2.

It-Turkija rratifikat il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra dwar ir-Refuġjati u l-Protokoll tagħha tal-1967, imma żżomm riżerva ġeografika rigward l-applikanti għall-asil mhux Ewropej. Fil-prattika, tirrikonoxxi biss lir-refuġjati mill-Ewropa, jiġifieri minn pajjiżi li huma membri tal-Kunsill tal-Ewropa (21). F’April 2014, it-Turkija għaddiet Liġi ġdida dwar il-Barranin u l-Protezzjoni Internazzjonali. Il-liġi tipprevedi erba’ tipi ta’ status ta’ protezzjoni fil-pajjiż: a) “status ta’ refuġjat” għal refuġjati rikonoxxuti taħt il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra li huma ċittadini ta’ wieħed mis-47 Stat Membru tal-Kunsill tal-Ewropa; b) “status ta’ refuġjat kondizzjonali” għal refuġjati mhux Ewropej rikonoxxuti; c) “protezzjoni sussidjarja”, li tista’ tingħata lil ċittadini Ewropej u mhux Ewropej li ma jissodisfawx il-kriterji tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra sabiex jiġu rikonoxxuti bħala refuġjati imma, li jekk jintbagħtu lura fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, ikunu fir-riskju tal-piena tal-mewt, tortura jew trattament ieħor inuman jew degradanti, jew li jsofru ħsara minħabba kunflitt armat f’pajjiżhom; u d) “protezzjoni temporanja” mogħtija fil-każ ta’ influssi tal-massa (22).

4.3.

Is-Sirjani li waslu bil-massa ġew oriġinarjament mogħtija status ta’ “viżitatur” (misâfir), u mbagħad protezzjoni temporanja, għalkemm mingħajr id-dritt li jissottomettu talba għal status ta’ refuġjat. L-għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa li huma jibqgħu fit-Turkija biss sakemm iddum il-gwerra fis-Sirja, u sussegwentement imorru lura hemm meta jitjiebu l-kundizzjonijiet.

4.3.1.

Iċ-ċittadini ta’ pajjiżi oħra (mhux Sirjani) jistgħu japplikaw għall-asil fuq bażi individwali u mbagħad jiġu pproċessati fi proċedura parallela taħt il-Liġi l-ġdida dwar il-Barranin u l-Protezzjoni Internazzjonali li daħlet fis-seħħ f’April 2014. Taħt din il-proċedura, l-applikanti jintbagħtu kemm għand id-Direttorat Ġenerali għall-Ġestjoni tal-Migrazzjoni (DGMM), li jwettaq il-proċedura ta’ determinazzjoni tal-istatus, u għand l-UNHCR, li jwettaq proċedura ta’ determinazzjoni tal-istatus parallela u jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet rigward ir-rilokazzjoni. Id-deċiżjonijiet tiegħu m’għandhomx saħħa legali, madankollu, imma jitqiesu fil-valutazzjoni tad-DGMM. Għalhekk huwa ċar li l-leġislazzjoni Torka f’dan il-qasam tipprovdi għal standards ta’ protezzjoni u regoli tal-proċedura differenti għas-Sirjani u għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi oħra, biex b’hekk toħloq disparitajiet kemm fl-aċċess għal protezzjoni, kif ukoll fit-termini tagħha.

4.4.

Hemm ukoll ostakli serji, nuqqasijiet u problemi fir-rigward tal-aċċess għax-xogħol u għas-servizzi bażiċi, bħas-saħħa u s-sigurtà soċjali, l-edukazzjoni u, b’mod aktar ġenerali, l-integrazzjoni fis-soċjetà (23). Għalkemm it-Turkija rrikonoxxiet id-dritt tas-Sirjani li jaħdmu minn Jannar 2016, fil-prattika ftit biss minnhom irċevew il-permess tax-xogħol, b’ħafna minnhom konsegwentement jinvolvu ruħhom f’xogħol mhux iddikjarat (24). Ma’ dan t’hawn fuq għandu jiżdied li l-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali huma b’mod espliċitu u kategoriku esklużi mill-possibbiltà ta’ integrazzjoni fit-tul fit-Turkija (l-Artikolu 25 tal-Liġi dwar il-Barranin u l-Protezzjoni Internazzjonali), u l-moviment liberu tar-refuġjati huwa ristrett skont l-Artikolu 26 tal-istess liġi. B’mod ċar, għalhekk, il-protezzjoni mogħtija lil persuni li japplikaw għall-protezzjoni internazzjonali fit-Turkija taqa’ f’livell inqas mill-garanziji u d-drittijiet legali li jgawdu dawk rikonoxxuti bħala refuġjati skont il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, bħad-dritt li jmorru minn post għal ieħor fit-territorju tal-Istat kontraenti (l-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni tal-1951), id-dritt għan-naturalizzazzjoni (l-Artikolu 34 tal-Konvenzjoni tal-1951) u d-dritt għax-xogħol (l-Artikoli 17, 18 u 19 tal-Konvenzjoni tal-1951).

4.5.

Barra minn hekk, jitqajmu mistoqsijiet dwar il-klassifikazzjoni tat-Turkija bħala “pajjiż terz sigur” rigward ir-rispett għall-prinċipju tan-non-refoulement minqux fl-Artikolu 33(1) tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) u l-Artikolu 3(2) tal-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti (25). Minbarra l-fatt li t-Turkija għandha storja li tibgħat lura lill-applikanti għall-asil mhux Ewropej, ir-rapporti reċenti mill-organizzazzjonijiet internazzjonali għad-drittijiet tal-bniedem irreferew għal istanzi ta’ dħul li jiġi miċħud u ta’ push-backs kollettivi lejn it-territorju Sirjan (26). B’mod sinifikanti, jum wieħed biss wara li kien iffirmat il-ftehim, Amnesty International irrapportat okkorrenza oħra ta’ ripatrijazzjoni tal-massa ta’ refuġjati Afgani lejn Kabul (27). B’mod simili, ir-riżoluzzjoni adottata mill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa fl-20 ta’ April 2016 iddikjarat, fost affarijiet oħra, li r-ritorn kemm ta’ Sirjani kif ukoll ta’ ċittadini ta’ pajjiżi oħra lejn it-Turkija jmur kontra d-dritt tal-UE u dak internazzjonali (28). Għalhekk huwa evidenti li fil-prattika m’hemm garanziji suffiċjenti biex jiżguraw il-konformità mal-prinċipju tan-non-refoulement (29).

Brussell, l-14 ta’ Frar 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  Il-Kummissjoni Ewropea, Turkey 2016 Report [Rapport dwar it-Turkija tal-2016], Brussels, 9.11.2016, SWD (2016) 366 final, pp. 77-78, disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/enlargement/pdf/key_documents/2016/20161109_report_turkey.pdf (mhux disponibbli bil-Malti).

(2)  EESC fact-finding missions on the situation of refugees as seen by civil society organisations, Mission Report on Turkey [Missjonijiet ta’ ġbir ta’ informazzjoni tal-KESE dwar is-sitwazzjoni tar-refuġjati mill-perspettiva tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, Rapport tal-Missjoni dwar it-Turkija], 9-11 ta’ Marzu 2016, p. 2, disponibbli fuq: http://www.eesc.europa.eu/resources/docs/eesc-fact-finding-missions-refugees_turkey_en.pdf. (mhux disponibbli bil-Malti).

(3)  Ara n-nota 2 f’qiegħ il-paġna.

(4)  Amnesty International, Europe’s gatekeeper: unlawful detention and deportation of refugees from Turkey [Amnesty International, L-għassiesa tal-Ewropa: detenzjoni illegali u deportazzjoni tar-refuġjati mit-Turkija], p. 14, disponibbli fuq: https://www.amnesty.org/en/documents/document/?indexNumber=eur44%2f3022%2f2015&language=en.

(5)  Ara n-nota 2 f’qiegħ il-paġna.

(6)  L-Artikolu 2 tat-TUE jgħid li: “L-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi. Dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri f’soċjetà fejn jipprevalu l-pluraliżmu, in-nondiskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel.”

(7)  Kunsill Ewropew, Affarijiet Barranin u Relazzjonijiet Internazzjonali, 18.3.2016, http://www.consilium.europa.eu/el/press/press-releases/2016/03/18-eu-turkey-statement/.

(8)  Il-Kummissjoni Ewropea, Fact Sheet on the EU-Turkey Agreement [Skeda Informattiva dwar il-Ftehim bejn l-UE u t-Turkija], 19.3.2016, disponibbli fuq: http://europa.eu/rapid/press-release_MEMO-16-963_en.htm (mhux disponibbli bil-Malti).

(9)  “On what legal basis will asylum seekers be returned from the Greek islands of Turkey?” [Fuq liema bażi legali l-applikanti għall-asil se jintbagħtu lura mill-Gżejjer Griegi lejn it-Turkija?] Il-persuni li japplikaw għall-asil fil-Greċja se jkollhom l-applikazzjonijiet tagħhom trattati każ b’każ, f’konformità mar-rekwiżiti tad-dritt tal-UE u internazzjonali u mal-prinċipju ta’ non-refoulement. Se jkun hemm intervisti individwali, valutazzjonijiet individwali u drittijiet ta’ appell. Mhux se jkun hemm ritorn ġenerali jew awtomatiku tal-applikanti għall-asil. Ir-regoli tal-UE dwar l-asil jippermettu li l-Istati Membri, f’ċerti ċirkostanzi ddefiniti b’mod ċar, jiddikjaraw applikazzjoni “inammissibbli” jiġifieri li jirrifjutaw l-applikazzjoni mingħajr ma jeżaminaw is-sustanza. Hemm żewġ possibbiltajiet legali li jistgħu jiġu previsti biex l-applikazzjonijiet għall-asil jiġu ddikjarati inammissibbli fir-rigward tat-Turkija: 1) l-ewwel pajjiż ta’ asil (l-Artikolu 35 tad-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Asil): meta l-persuna tkun diġà ġiet rikonoxxuta bħala refuġjat f’dak il-pajjiż jew inkella tgawdi biżżejjed protezzjoni hemmhekk; 2) pajjiż terz sigur (l-Artikolu 38 tad-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Asil): meta l-persuna tkun għadha ma rċevitx protezzjoni fil-pajjiż terz imma l-pajjiż terz jista’ jiggarantixxi aċċess effettiv għall-protezzjoni għall-persuna riammessa”.

(10)  “F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tissottolinja li l-kunċett ta’ pajjiż terz sigur kif definit fid-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Asil jirrikjedi li tkun teżisti l-possibbiltà li tingħata protezzjoni skont il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, imma ma jitlobx li l-pajjiż terz sigur ikun irratifika dik il-Konvenzjoni mingħajr riżerva ġeografika. Barra minn hekk, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk hemmx konnessjoni mal-pajjiż terz inkwistjoni, u jekk għalhekk huwiex raġonevoli għall-applikant li jmur f’dak il-pajjiż, jista’ jitqies ukoll jekk l-applikant għaddiex mill-pajjiż terz sigur inkwistjoni, jew jekk il-pajjiż terz huwiex ġeografikament viċin il-pajjiż ta’ oriġini tal-applikant”. Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar is-Sitwazzjoni Attwali rigward l-Implimentazzjoni tal-Azzjonijiet Prijoritarji fl-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, 10.2.2016, COM (2016) 85 final.

(11)  L-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Regolament li jistabbilixxi lista komuni tal-UE ta’ pajjiżi ta’ oriġini sigur(ĠU C 71, 24.2.2016, pp. 82), il-punti 2.4 u 2.11.

(12)  In-numru ta’ qsim li jsir ta’ kuljum mit-Turkija lejn il-gżejjer Griegi baqa’ baxx minn wara l-aktar rapport reċenti tal-Kummissjoni ta’ medja ta’ 75 wasla kuljum. Kummissjoni Ewropea Brussell, 6.9.2017 COM(2017) 470 final, Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill – Is-Seba’ Rapport dwar il-Progress li sar fl-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni UE-Turkija. Disponibbli minn: https://ec.europa.eu/home-affairs/sites/homeaffairs/files/what-we-do/policies/european-agenda-migration/20170906_seventh_report_on_the_progress_in_the_implementation_of_the_eu-turkey_statement_en.pdf.

(13)  Skont l-iktar data reċenti, in-numru globali ta’ rilokazzjoni jammonta għal 27 695 (19 244 mill-Greċja u 8 451 mill-Italja), filwaqt li total ta’ 8 834 Sirjan ġew risistemati mit-Turkija lejn l-UE skont id-dikjarazzjoni tal-UE u t-Turkija. Fir-rigward tal-appoġġ finanzjarju taħt il-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija, minn EUR 3 biljuni f’fondi mogħtija għall-perjodu 2016-2017, diġà ġew iffirmati kuntratti b’valur ta’ iktar minn EUR 1.66 biljun u saru ħlasijiet li jammontaw għal EUR 838 miljun. In-numru ta’ refuġjati vulnerabbli li ngħataw appoġġ mis-Sistema ta’ Protezzjoni Soċjali ta’ Emerġenza żdied minn 600 000 għal 860 000, u huwa mistenni li jitla’ għal 1.3 miljun sa tmiem l-2017. Kummissjoni Ewropea Brussell, 6.9.2017 COM(2017) 465 final, Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill – Is-Seba’ Rapport dwar il-Progress li sar fl-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni UE-Turkija. Disponibbli minn: https://ec.europa.eu/home-affairs/sites/homeaffairs/files/what-we-do/policies/european-agenda-migration/20170906_fifteenth_report_on_relocation_and_resettlement_en.pdf.

(14)  Qed jiġi argumentat li l-mekkaniżmu ta’ pajjiż sigur imur kontra l-Artikolu 31(1) tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, għaliex id-dritt internazzjonali ma jistipulax li l-applikazzjoni għandha tiġi sottomessa fl-ewwel pajjiż li fih tista’ tingħata l-protezzjoni internazzjonali. F’dan ir-rigward, ara M. Symes and P. Jorro, Asylum Law and Practice, LexisNexis UK, 2003, p. 448; G. Goodwin and J. McAdam, The Refugee in International Law, Oxford University Press, 2007, p. 392. Għal perspettiva opposta, ara K. Hailbronner, The Concept of “Safe Country” and Expeditious Asylum Procedures: A Western European Perspective, International Journal of Refugee Law, 1993, 5(1): pp. 31-65.

(15)  Skont l-Unjoni Ellenika għad-Drittijiet tal-Bniedem, mill-ewwel ġranet tal-applikazzjoni tal-ftehim bejn l-UE u t-Turkija dwar ir-refuġjati, “l-espert tal-EASO qies li t-Turkija kienet pajjiż terz sigur fir-rigward tal-ewwel applikazzjonijiet għall-asil li ġew eżaminati […]. Din l-opinjoni, test standard riprodott bħala raġuni għall-applikazzjonijiet kollha miċħuda, essenzjalment iċċaħħad lill-applikanti mill-valutazzjoni individwali meħtieġa u, aktar agħar, tqiegħed l-oneru tal-provi li t-Turkija mhuwiex pajjiż terz sigur fuq l-applikant għall-asil, kompletament kontra l-ispirtu tad-Direttiva. F’dawn il-każijiet inizjali, ir-rifjuti sommarji mhumiex ġustifikati”. Hellenic Union for Human Rights, Comments – rimarki ta’ kritika dwar id-dispożizzjonijiet u l-implimentazzjoni tal-Liġi 4375/2016, 21 ta’ April 2016, disponibbli fuq: http://www.hlhr.gr/?MDL=pages&SiteID=1215. Fl-10 ta’ Mejju 2016, madankollu, ittieħdet l-ewwel deċiżjoni Griega li fiha t-Turkija ma tqisitx li hija pajjiż terz sigur. B’mod aktar speċifiku, wara l-appell minn Sirjan f’Lesbos li inizjalment ma ngħatax l-asil u li mbagħad kellu jintbagħat lura t-Turkija, il-bord tal-appell għar-refuġjati ddetermina li t-Turkija ma kinitx pajjiż terz sigur, li jfisser li l-applikazzjoni għall-asil kellha terġa’ tiġi eżaminata f’aktar dettall u b’aktar fatti. Il-“preċedent” stabbilit mill-ewwel deċiżjoni li t-Turkija ma tistax titqies bħala pajjiż terz sigur ġie segwit minn numru kbir ta’ bordijiet tal-appell għar-refuġjati.

(16)  Fir-rigward tal-prinċipju tan-non-refoulement, ara fost oħrajn, E. Lauterpacht & D. Bethlehem, “The scope and content of the principle of non-refoulement: Opinion”, u E. Feller, V. Tuerk & F. Nicholson (eds.), Refugee Protection in International Law, UNHCR’s Global Consultations on International Protection, Cambridge University Press, Cambridge 2003, pp. 87177. Ara wkoll “Advisory Opinion of the UN High Commissioner for Refugees on the Extraterritorial Application of Non-Refoulement Obligations under the 1951 Convention relating to the Status of Refugees and its 1967 Protocol”, disponibbli fuq http://www.unhcr.org/refworld/docid/45f17a1a4.html.

(17)  Note on international protection of 13 September 2001 [Nota dwar il-protezzjoni internazzjonali tat-13 ta’ Settembru 2001] (A/AC. 96/951, il-paragrafu 16). Ara wkoll UNHCR, The Principle of Non Refoulement as a Norm of Customary International Law, Response to the Questions Posed to UNHCR by the Federal Constitutional Court of the Federal Republic of Germany [Il-Prinċipju ta’ Non-Refoulement bħala n-Norma tad-Dritt Internazzjonali Konswetudinarju, Tweġiba għall-Mistoqsijiet Magħmula lill-UNHCR mill-Qorti Kostituzzjonali Federali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja] fil-kawżi 2 BvR 1938/93, 2 BvR 1953/93, 2 BvR 1954/93. UNHCR ukoll Note on the Principle of Non Refoulement [Nota dwar il-Prinċipju ta’ Non-Refoulement], (Seminar tal-UE dwar l-Implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni tal-UE tal-1995 dwar il-Garanziji Minimi għall-Proċeduri tal-Asil), 1.11.1997. Ara barra minn hekk il-paragrafu 4 tal-Preambolu tad-Dikjarazzjoni tal-Istati Partijiet għall-Konvenzjoni tal-1951 u/jew il-Protokoll tal-1967 relatat mal-Istatus tar-Refuġjati, adottat fil-Laqgħa Ministerjali tat-12-13 ta’ Diċembru 2001, HCR/MMSP/2001/09, u d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell ta’ New Zealand fil-kawża ta’ Zaoui vs. Attorney General (Nru. 2) [2005] 1 NZLR 690, 20.9.2004, il-paragrafi 34 u 136.

(18)  Konklużjoni Nru 6 (XXVIII) – 1977 dwar il-prinċipju ta’ non-refoulement, il-paragrafu (c), Konklużjoni Nru 79 (XLVIII) – 1996 dwar il-protezzjoni internazzjonali, il-paragrafu (j), Konklużjoni Nru 81 (XLVIII) – 1997 dwar il-protezzjoni internazzjonali, il-paragrafu (i).

(19)  UNHCR, Global Consultations on International Protection/Third Track: Asylum Processes (Fair and Efficient Asylum Procedures) EC/GC/01/12, 13.5.2001, il-paragrafi 4, 8, 13 u 50 (c) u E. Leuterpacht & D. Bethlehem, in-nota 16 f’qiegħ il-paġna hawn fuq, il-paragrafi 87-99.

(20)  Għal aktar dettalji ara: http://data.unhcr.org/syrianrefugees/regional.php.

(21)  Ara n-nota 2 f’qiegħ il-paġna.

(22)  It-test tal-liġi huwa disponibbli bl-Ingliż fuq: http://www.goc.gov.tr/files/files/eng_minikanun_5_son.pdf.

(23)  Ara n-nota 2 f’qiegħ il-paġna.

(24)  Meltem Ineli-Ciger, Implications of the New Turkish Law on Foreigners and International Protection and Regulation No. 29153 on Temporary Protection for Syrians Seeking Protection in Turkey, Oxford Monitor of Forced Migration, 2014, 4(2): pp. 28-36.

(25)  Ara n-nota 2 f’qiegħ il-paġna.

(26)  Ara, fost oħrajn, il-komunikazzjoni minn Human Rights Watch tat-23 ta’ Novembru 2015, disponibbli fuq: https://www.hrw.org/news/2015/11/23/turkey-syrians-pushed-back-border.

(27)  Amnesty International, Η ψευδαίσθηση της “ασφαλούς χώρας” για την Τουρκία καταρρέει (“L-illużjoni tat-Turkija bħala ‘pajjiż sigur’ tispiċċa”), 23 ta’ Marzu 2016, disponibbli bil-Grieg biss fuq: https://www.amnesty.gr/news/press/article/20243/i-pseydaisthisi-tis-asfaloys-horas-gia-tin-toyrkia-katarreei Għal aktar referenza, ara: O. Ulusoy, Turkey as a Safe Third Country?, 29 ta’ Marzu 2016, disponibbli fuq: https://www.law.ox.ac.uk/research-subject-groups/centre-criminology/centreborder-criminologies/blog/2016/03/turkey-safe-third. E. Roman, Th. Baird, and T. Radcliffe, Why Turkey is Not a “Safe Country”, Frar 2016, Statewatch, http://www.statewatch.org/analyses/no-283-why-turkey-is-not-a-safe-country.pdf.

(28)  Riżoluzzjoni 2109 (2016) Verżjoni proviżorja, The situation of refugees and migrants under the EU–Turkey Agreement of 18 March 2016 [Is-sitwazzjoni tar-refuġjati u l-migranti taħt il-Ftehim bejn l-UE u t-Turkija tat-18 ta’ Marzu 2016], Awtur(i): Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, sors – Dibattitu tal-Assemblea tal-20 ta’ April 2016 (il-15-il Seduta) (ara d-Dok. 14028, report of the Committee on Migration, Refugees and Displaced Persons [rapport tal-Kumitat dwar il-Migrazzjoni, ir-Refuġjati u l-Persuni Spustati], relatur: is-Sinjura Tineke Strik). Test adottat mill-Assemblea fl-20 ta’ April 2016 (il-15-il Seduta).

(29)  L. Reppeli (2015), “Turkey’s track record with the European Court of Human Rights”. Turkish Review, 1 ta’ Jannar 2015 (Disponibbli onlajn fuq: http://archive.is/XmdO5)