10.3.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 75/21 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-fatturi bażiċi ewlenin li jinfuwenzaw il-Politika Agrikola Komuni wara l-2020”
(opinjoni fuq inizjattiva proprja)
(2017/C 075/04)
Relatur: |
is-Sur Simo TIAINEN |
Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja |
21.1.2016 |
Bażi legali |
Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura |
|
Opinjoni fuq inizjattiva proprja |
Sezzjoni kompetenti |
L-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent |
Adottata fis-sezzjoni |
24.11.2016 |
Adottata fil-plenarja |
15.12.2016 |
Sessjoni plenarja Nru |
521 |
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
188/2/8 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1. |
Għal nofs seklu, il-PAK għenet fil-bini tal-Unjoni Ewropea. Attwalment, li nerġgħu nżuru s-sisien tagħna għandha tkun opportunità għal viżjoni ġdida fit-tul biex il-PAK tipprovdi gwida ċara u konkreta mhux biss lill-bdiewa, iżda lil miljuni ta’ ċittadini. Kif qal b’mod konsistenti l-Kumitat, il-PAK tal-ġejjieni għandha tiddefendi l-mudell agrikolu Ewropew, li huwa bbażat fuq il-prinċipji tas-sovranità tal-ikel, is-sostenibbiltà u r-rispons għall-ħtiġijiet reali taċ-ċittadini Ewropej, humiex bdiewa, impjegati agrikoli jew konsumaturi. |
1.2. |
Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon id-diskussjonijiet inizjali dwar il-ġejjieni tal-PAK wara l-2020. Għalkemm l-għanijiet tal-PAK kif stipulati fit-Trattat – li baqgħu ma nbidlux mill-1957 ‘l hawn – u l-isfidi l-ġodda li trid tindirizza qatt ma kienu daqstant rilevanti, huwa tal-akbar importanza li ssir analiżi bir-reqqa tal-PAK attwali u r-riżultat tar-riforma preċedenti. L-għan ta’ din l-Opinjoni huwa li nagħmlu xi suġġerimenti u nieħdu sehem fid-diskussjoni dwar il-ġejjieni tal-PAK. |
1.3. |
L-ewwel nett, fid-dawl tal-kumplessità tal-PAK u d-diffikultà li tiġi implimentata l-aħħar riforma, il-bdiewa jeħtieġu stabbiltà politika u viżjoni fit-tul tal-politika agrikola. B’mod partikolari taħt it-Trattat ta’ Lisbona, inevitabbilment ser ikun hemm bżonn ta’ għadd ta’ snin biex nirriflettu, naqsmu l-għanijiet, niddiskutu l-isfidi u nsibu s-soluzzjonijiet. Għalhekk, l-istituzzjonijiet Ewropej għandhom jilħqu ftehim mill-iżjed fis biex jestendu t-terminu tal-PAK attwali b’tal-inqas sentejn. |
1.4. |
Il-PAK għandha tagħti iżjed attenzjoni lill-emerġenza ta’ bdiewa nisa u rġiel żgħażagħ u ġodda, mhux biss permezz ta’ għodod speċifiċi, iżda wkoll permezz ta’ stabbiltà ġenwina fil-politika. Il-bdiewa jeħtieġu iżjed stabbiltà biex ikunu jistgħu jinvestu għal għexieren ta’ snin u jilqgħu l-isfida tat-tiġdid tal-ġenerazzjonijiet. |
1.5. |
Il-PAK tal-ġejjieni għandha, minn naħa, tqis id-diversità tal-mudelli tal-biedja u l-ispeċifiċitajiet reġjonali u, min-naħa l-oħra, id-diversità tal-għanijiet tagħha: ekonomiċi, soċjali u ambjentali. Il-produzzjoni proprja tal-ikel u l-agrikoltura proprja huma importanti u jagħmlu parti mill-kultura ta’ kull nazzjon fid-dinja. Kwalunkwe politika Ewropea tal-ikel għandha tkun ibbażata fuq ikel tajjeb għas-saħħa u ta’ kwalità tajba u għandha toħloq sinerġiji mal-PAK. Wieħed mill-prinċipji ewlenin tal-PAK għandu jkun dak li l-agrikoltura tinżamm ħajja u tibqa’ sostenibbli f’kull reġjun tal-UE. |
1.6. |
Is-semplifikazzjoni għandha tkun l-ewwel prijorità bażika għall-perjodu li jmiss ta’ riforma tal-PAK. L-implimentazzjoni tal-PAK għandha tkun aktar faċli u għandhom jiġu żviluppati sistemi aktar raġonevoli ta’ kontroll u sanzjoni. Huwa ta’ importanza kbira li jiġi żgurat il-ħlas fil-ħin lill-bdiewa. |
1.7. |
Meta nqisu li l-PAK hija politika b’intervent dirett fil-livell Ewropew u li l-kollass tal-preferenza Komunitarja ser iwassal għal tnaqqis fil-prezzijiet tal-produtturi, jeħtieġ li l-PAK tal-ġejjieni tkun kapaċi tindirizza l-isfidi kollha li tiffaċċja, fosthom it-taqlib fis-swieq. Għalhekk, jeħtieġ li l-qafas ta’ politika jiġi orjentat mill-ġdid sabiex jiġu indirizzati dawn l-isfidi l-ġodda kollha, u li jiġu pprovduti għodod adegwati fil-livell Ewropew. |
1.8. |
Fl-2017, il-Kummissjoni Ewropea se tmexxi ‘l quddiem il-ħidma tagħha u tikkonsulta b’mod wiesa’ dwar is-semplifikazzjoni u l-modernizzazzjoni tal-PAK. Huwa importanti li s-soċjetà ċivili Ewropea taqdi rwol attiv f’dan il-proċess. Il-KESE għandu jwaqqaf grupp ta’ studju biex isegwi dan il-proċess u jikkontribwixxi għalih. |
2. Introduzzjoni
2.1. |
L-agrikoltura hija ċentrali għall-isfidi strateġiċi, ekonomiċi, ambjentali u soċjali ta’ għada. Il-PAK kienet storja ta’ suċċess għall-Ewropa, l-iżjed għax il-konsumaturi Ewropej ibbenefikaw minn ikel iżjed sigur bi prezzijiet dejjem jonqsu tul dawn l-aħħar għexieren ta’ snin. Madankollu, f’xi oqsma qed niffaċċjaw problemi marbutin mal-bijodiversità, l-ambjent u l-pajsaġġi li jeħtieġ li jiġu indirizzati. Il-produzzjoni ta’ ikel ta’ kwalità għolja permezz tal-agrikoltura sostenibbli hija fil-qalba tal-preokkupazzjonijiet taċ-ċittadini u l-konsumaturi. Sabiex jiġu ssodisfati dawn l-aspettattivi, hemm bżonn ta’ Politika Agrikola Komuni sabiex jiġu ggarantiti ikel tajjeb għas-saħħa u sigur, kwalità għolja bi prezz ġust, il-ħarsien ambjentali, il-konservazzjoni tal-pajsaġġ u ekonomija dinamika fiż-żoni rurali. |
2.2. |
Meta l-bdiewa jipproduċu l-ikel fis-soċjetà tagħna li hija orjentata lejn is-suq, ħalli b’hekk jiżguraw is-sigurtà tal-ikel, huma jinfluwenzaw ukoll id-disponibbiltà u l-kwalità tal-ilma u l-kwalità tal-arja u l-ħamrija, jew l-ambjent naturali inġenerali, filwaqt li jipprovdu impjieg fiż-żoni rurali u jippreservaw il-pajsaġġi rurali. Bosta minn dawn il-prodotti sekondarji għandhom jitqiesu bħala beni pubbliċi. |
2.3. |
L-agrikoltura u l-forestrija huma marbutin ma’ xulxin mill-qrib peress li jirrappreżentaw parti kbira mill-użu tal-art fl-UE. Għalhekk, il-forestrija ta’ spiss tieħu sehem fil-forniment ta’ beni pubbliċi. |
2.4. |
Il-fatturi li jinfluwenzaw il-PAK wara l-2020 huma l-ewwel nett l-isfidi li tiffaċċja l-agrikoltura, iżda wkoll il-fatt li hija kwistjoni Ewropea, bi proċess speċifiku ta’ riforma u disponibbiltà tal-baġit u, fuq kollox, viżjoni ċara għall-għexieren ta’ snin li ġejjin. |
2.5. |
Il-Politika Agrikola Komuni minn dejjem kienet waħda mill-politiki ewlenin tal-UE. B’mod ġenerali, il-PAK hija fl-interess tas-soċjetà ċivili Ewropea. Għalhekk, huwa importanti li l-KESE jkun proattiv fit-tħejjija tar-riforma li jmiss tal-PAK li hija marbuta mal-perjodu wara l-2020. |
3. L-agrikoltura tiffaċċja sfidi importanti
L-isfida tas-sigurtà tal-ikel
3.1. |
Fid-dawl tat-tendenzi demografiċi globali mistennija, fl-2050 ser ikun hemm bżonn ta’ ikel li jitma’ madwar 9 biljun ruħ. Fid-dawl tat-titjib fl-istandards tal-għajxien f’għadd ta’ reġjuni tad-dinja, qegħdin nosservaw żieda fid-domanda għall-ikel u tendenza lejn dieti li jinkludu iżjed prodotti mill-annimali. Dawn l-iżviluppi għandhom iwasslu għall-irduppjar tad-domanda għall-ikel fl-2050. L-UE għandha terfa’ r-responsabbiltà tagħha għas-sigurtà tal-ikel fid-dinja, iżda l-esportazzjoni tal-prodotti agrikoli Ewropej ma ssolvix il-problema tal-ġuħ fid-dinja. Ta’ min jinnota li s-sigurtà tal-ikel għandha tkun ibbażata fuq sistemi sostenibbli tal-ikel lokali. Jeħtieġ li kull nazzjon jerfa’ r-responsabbiltà proprja tiegħu għas-sigurtà tal-ikel, ħaġa li hija rakkomandata wkoll mill-FAO. Il-KESE huwa tal-fehma li jeħtieġ li l-UE tiffoka fuq it-trasferiment tal-għarfien u l-iskambju ta’ esperjenzi dwar kif iżjed ikel u ikel ta’ kwalità aħjar jista’ jiġi prodott b’mod sostenibbli u lokalment fi nħawi oħra tad-dinja. |
3.2. |
Fl-istess ħin, l-istennija hija li d-domanda għall-ikel fl-Ewropa ser tibqa’ pjuttost stabbli iżda diversa f’dak li jirrigwarda l-kwalità, is-saħħa, l-etika, l-oriġini, eċċ. |
L-isfidi ambjentali
3.3. |
L-agrikoltura u l-ambjent huma marbutin mill-qrib ħafna ma’ xulxin f’firxa ta’ modi fir-reġjuni kollha. L-agrikoltura u l-forestrija huma essenzjali għall-konservazzjoni tan-natura, il-protezzjoni tal-bijodiversità, il-kwalità tal-ilma, il-kwalità tal-ħamrija u inqas tniġġis. |
L-isfidi għall-enerġija
3.4. |
Il-qafas tal-UE għall-klima u l-enerġija stabbilixxa l-mira li l-proporzjon tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli jiżdied għal tal-anqas 27 % tal-konsum tal-enerġija sal-2030. Dan il-proporzjon ser jiżdied fil-ġejjieni. L-agrikoltura u l-forestrija jistgħu jipprovdu l-bijomassa biex tintlaħaq din il-mira fi ħdan ekonomija ta’ tkabbir ekoloġiku. Jeħtieġ li jtejbu wkoll l-effiċjenza tagħhom fl-użu tal-enerġija. |
It-tibdil fil-klima: adattament u mitigazzjoni
3.5. |
Fl-20 ta’ Lulju 2016, il-Kummissjoni ressqet pakkett ta’ proposti leġislattivi li jistabbilixxu regoli dettaljati għall-qafas ta’ politika tal-UE fil-qasam tal-klima u l-enerġija minn issa sal-2030. Din ser tkun it-tweġiba tal-UE sabiex ittaffi t-tibdil fil-klima skont il-qbil li ntlaħaq fil-ftehim ta’ COP21 f’Diċembru 2015. L-agrikoltura u l-forestrija huma parti mis-soluzzjoni biex jitnaqqsu l-emissjonijiet u biex jinħażen il-karbonju fil-ħamrija u l-injam. Sabiex nirreaġixxu kif imiss għall-isfida tas-sigurtà tal-ikel u biex jittaffa t-tibdil fil-klima, ser jinħtieġu tkabbir ekoloġiku, approċċ agroekoloġiku u l-intensifikazzjoni sostenibbli fi ħdan produzzjoni agrikola effiċjenti. Barra minn hekk, l-adattament għat-tibdil fil-klima ser ikun kruċjali għall-agrikoltura tal-ġejjieni. |
Żvilupp rurali bbilanċjat
3.6. |
L-agrikoltura u l-forestrija kif ukoll il-forom kollha tal-bijoekonomija marbutin magħhom huma fundamentali biex jinżamm id-dinamiżmu rurali u jissaħħaħ l-iżvilupp rurali bbilanċjat. Dawn huma importanti mil-lat tal-impjieg, il-kultura, il-koeżjoni territorjali u t-turiżmu fiż-żoni rurali fl-UE. Id-depopolazzjoni u t-tixjiħ f’bosta żoni remoti, reġjuni muntanjużi jew żoni żvantaġġati għadhom it-tendenza demografika dominanti. Il-politiki pubbliċi, b’mod partikolari l-PAK, għandhom jaġixxu biex iżommu l-agrikoltura u jappoġġjaw lill-produtturi fl-UE, inklużi r-reġjuni bi problemi speċifiċi. Il-ħlasijiet lill-irziezet f’żoni rurali bi żvantaġġi naturali huma essenzjali għall-iżvilupp rurali. Jekk dan ma jsirx, il-biedja f’żoni bħal dawn ma tkunx vijabbli. |
3.7. |
Is-sinerġiji bejn iż-żewġ pilastri tal-PAK huma importanti u għandhom jissaħħu. L-aħħar riforma ssaħħaħ ir-rabta u l-koerenza bejn il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej kollha, u dan għandu jitkompla. |
3.8. |
Il-KESE huwa favur li l-Iżvilupp Lokali Mmexxi mill-Komunità (CLLD) jiġi estiż u li jsir obbligatorju għall-Fondi SIE kollha sabiex ikun hemm żvilupp bilanċjat taż-żoni rurali. Ir-rikors għall-Gruppi ta’ Azzjoni Lokali (GAL) bħala sħubijiet lokali, bil-parteċipazzjoni tal-bdiewa, biex jinstabu u jiġu ffinanzjati proġetti lokali huwa ta’ benefiċċju għall-kwalità tal-ħajja tal-popolazzjonijiet. Dan jista’ jgħin biex jiġu miġġielda b’mod effettiv id-depopolazzjoni u t-tixjiħ tal-popolazzjoni fiż-żoni rurali tal-UE. |
3.9. |
Biex tinżamm l-agrikoltura, it-tiġdid ġenerazzjonali huwa kwistjoni ewlenija u l-istabbiliment ta’ bdiewa żgħażagħ u/jew bdiewa rġiel u nisa ġodda għandu jissaħħaħ permezz tal-għodod kollha disponibbli. Il-pagamenti akkoppjati huma meħtieġa wkoll għal dawk is-setturi jew reġjuni fejn tipi speċifiċi ta’ biedja jew setturi agrikoli speċifiċi huma partikolarment importanti għal raġunijiet ekonomiċi, soċjali jew ambjentali. Il-PAK għandha tiffoka wkoll b’mod ċar fuq it-tħeġġiġ ta’ bdiewa u produzzjoni attivi. |
Il-volatilità tal-prezzijiet u d-dħul
3.10. |
L-agrikoltura hija attività ekonomika speċifika li ma tikkonformax mal-liġi ekonomika abitwali. F’ekonomija tas-suq, il-varjazzjonijiet fil-prezzijiet u d-dħul huma r-riżultat ta’ ċaqliq fil-provvista u d-domanda. Iżda n-natura tal-ikel bħala bżonn bażiku tfisser li, abbażi tad-definizzjoni tiegħu stess, il-prezz tal-ikel mhuwiex flessibbli. Lanqas ma tistal-provvista tal-ikel tirreaġixxi malajr għat-tibdil fil-prezz. Għalhekk, kwalunkwe tibdil mhux mistenni fil-volum tal-produzzjoni ta’ spiss jitlob perjodu itwal ta’ żmien u tibdil kbir fil-prezz biex jintradd lura l-bilanċ lis-suq. Għal dawn ir-raġunijiet, is-swieq agrikoli jitqiesu bħala volatili ferm. Jistgħu jiġu ttestjati wkoll mekkaniżmi tas-suq innovattivi oħra. |
Id-domanda tal-konsumatur
3.11. |
Il-konsumaturi jitolbu ikel sigur, sostenibbli, nutrittiv u ta’ kwalità għolja. Huma jridu wkoll ikel bi prezzijiet raġonevoli u dan issaħħaħ mill-kriżi ekonomika. Bosta konsumaturi japprezzaw it-traċċabbiltà tal-ikel prodott lokalment. L-Ewrobarometru Speċjali 410 juri li l-biċċa l-kbira tal-kontributuri fl-Istati Membri kollha jemmnu li hemm bżonn li jkunu jafu minn fejn joriġina l-laħam. Huwa d-dmir tal-partijiet interessati kollha fil-katina tal-ikel li jindirizzaw din l-isfida. |
L-iżvilupp sostenibbli
3.12. |
Il-PAK li jmiss, bħal politiki oħra tal-UE, għandha tkun konsistenti mal-għanijiet tal-iżvilupp sostenibbli (SDGs). Il-PAK hija rilevanti għal bosta għanijiet, iżda l-iżjed wieħed rilevanti huwa l-Għan 2: “Jintemm il-ġuħ, tintlaħaq is-sigurtà tal-ikel u nutrizzjoni mtejba u tiġi promossal-agrikoltura sostenibbli”. |
L-inċertezzi fil-kummerċ internazzjonali
3.13. |
Inevitabbilment, il-kummerċ internazzjonali ser jiżdied fil-ġejjieni. Madankollu, il-projbizzjoni reċenti Russa fuq prodotti tal-ikel li joriġinaw mill-Unjoni Ewropea wasslet għal inċertezzi kbar fir-rigward tal-kummerċ internazzjonali. L-embargo tar-Russja poġġa pressjoni enormi fuq is-swieq agrikoli tal-UE, speċjalment f’ċerti Stati Membri. Il-ġlieda kontra l-isfidi marbutin ma’ inċertezzi fil-kummerċ internazzjonali se tkun ta’ importanza kbira għall-futur tal-agrikoltura. |
Ċaqliq fis-setgħa tan-negozjar fil-katini tal-provvista tal-ikel
3.14. |
F’dawn l-aħħar snin, kien hemm bidla fis-setgħa tan-negozjar fil-katina tal-provvista tal-ikel, l-aktar għall-vantaġġ tas-settur tal-bejgħ bl-imnut u xi kumpaniji transnazzjonali u għad-detriment tal-fornituri, b’mod partikolari bdiewa. Il-PAK tal-futur għandha ssaħħaħ is-setgħa tan-negozjar tal-bdiewa. |
4. Fi ħdan l-UE, l-agrikoltura hija kwistjoni Ewropea
4.1. |
L-agrikoltura hija prijorità prinċipali għall-UE. L-għanijiet tal-Politika Agrikola Komuni ġew stabbiliti fi-Trattat inizjali ta’ Ruma fl-1957. Dawn għadhom validi. Feġġew ukoll sfidi ġodda, bħat-tħassib ambjentali, kwistjonijiet marbutin mal-iżvilupp taż-żoni rurali. kif ukoll kif ukoll kwistjonijiet marbutin mal-kwalità u s-saħħa u l-ġuħ fid-dinja, u t-Trattati għadhom ma ġewx adattati biex jirriflettuhom. |
4.2. |
Il-PAK hija politika Ewropea u integrata fundamentali, li hija dejjem iżjed interkonnessa ma’ politiki oħra bħall-impjieg, l-ambjent, il-klima, il-kompetizzjoni, il-baġit, il-kummerċ u r-riċerka b’valur miżjud Ewropew speċifiku. |
4.3. |
Il-PAK hija prerekwiżit biex jinkiseb suq uniku fis-settur tal-ikel fl-UE. L-industrija Ewropea tal-ikel hija l-ikbar settur industrijali fl-UE, u tipprovdi ‘l fuq minn 5 miljun impjieg. |
It-tħejjija għall-PAK li jmiss
4.4. |
Il-kumplessità u s-sussidjarjetà huma kelmiet ewlenija fl-adattament għas-setturi u t-territorji kollha. Dawn l-aspetti ssaħħew fl-aħħar riforma. It-tħejjija u n-negozjar ta’ regoli komuni taħt it-Trattat ta’ Lisbona, bis-sehem ta’ 28 Stat Membru u l-Parlament Ewropew, kienu kompitu partikolarment kumpless. |
4.5. |
Għad ma sarux evalwazzjonijiet tal-miżuri attwali ta’ politika. L-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-ewwel sena tal-obbligi tal-ekoloġizzazzjoni għadha għaddejja. L-istess jgħodd għall-Erjas b’Fokus Ekoloġiku. Huwa importanti li ma ngħaġġlux u nidħlu f’riforma oħra tal-PAK mingħajr evalwazzjoni ċara u dettaljata tal-PAK attwali, sabiex nidentifikaw sa liema punt il-miżuri ta’ politika laħqu l-għanijiet ta’ politika tagħhom. Dan jitlob evalwazzjoni kif imiss, b’mod partikolari għall-miżuri fejn jinħtieġ iżjed żmien biex joħorġu fid-dieher ir-riżultati, eż. l-obbligi tal-ekoloġizzazzjoni. |
4.6. |
Meta nqisu li l-aħħar riforma tnediet fl-2010 u li l-implimentazzjoni tagħha bdiet fl-2015, ir-riforma ħadet ħames snin biex tkun konkluża. Matul il-mandat attwali tal-Kummissjoni u l-PE, mhux ser ikun hemm biżżejjed żmien biex ir-riforma li jmiss tal-PAK tiġi konkluża b’mod li l-implimentazzjoni tkun possibbli fl-2021. Għaldaqstant, jinħtieġ perjodu ta’ tranżizzjoni biex il-PAK attwali titkompla għal perjodu suffiċjenti ta’ żmien wara l-2020. |
Sussidjarjetà u valur miżjud Ewropew
4.7. |
Il-PAK ilha mwaqqfa sa mill-1962 fuq tliet prinċipji bażiċi: l-unità tas-suq, il-preferenza Komunitarja u s-solidarjetà finanzjarja. Is-suq uniku huwa fatt illum il-ġurnata, iżda l-preferenza Komunitarja u s-solidarjetà finanzjarja jridu jiġu affermati mill-ġdid fil-livell politiku. |
4.8. |
Bil-globalizzazzjoni, l-Istati Uniti tuża l-appoġġ pubbliku biex tippromovi l-agrikoltura tagħha permezz tal-konsumaturi bil-programm tal-vawċers tal-ikel u l-“Buy American Act”. L-Unjoni Ewropea għandha timplimenta miżuri reċiproċi u tista’ tenfasizza l-importanza strateġika tal-preferenza Ewropea permezz ta’ “Buy European Act”. |
5. Kummenti ġenerali
Brexit
5.1. |
Il-Brexit ser ikollu impatt kbir fuq l-UE, b’mod partikolari fuq is-suq uniku u l-kummerċ internazzjonali, u għaldaqstant fuq il-ġejjieni tal-PAK. Matul in-negozjati tal-Brexit, jekk ir-Renju Unit ser iħalli l-unjoni doganali tal-UE, il-flussi attwali tal-kummerċ għandhom jintużaw bħala l-kriterju ewlieni biex il-kwota tad-WTO għall-UE-28 titqassam bejn ir-Renju Unit u l-UE l-ġdida. |
Kompetittività, produttività u sostenibbiltà
5.2. |
Mir-riforma tal-1992 ‘l hawn, il-kompetittività saret l-ewwel prijorità tal-PAK bl-introduzzjoni tal-pagamenti diretti. Iżda biex jitkomplew il-kompetittività, il-produttività u s-sostenibbiltà, jinħtieġu inċentivi ġodda biex jikkonċentraw fuq il-promozzjoni tal-innovazzjoni (żvilupp, tixrid u użu tat-teknoloġiji ġodda). |
5.3. |
Is-settur tal-biedja jeħtieġ investiment massiv li jista’ jinkiseb biss jekk id-dħul mistenni jkun biżżejjed u r-riskji ekonomiċi jkunu jistgħu jiġu ġestiti. Fil-qagħda attwali, huwa indispensabbli li d-dħul tal-azjendi agrikoli jiġi appoġġjat bis-saħħa tal-pagamenti diretti. |
Il-ġestjoni tar-riskji u l-kriżijiet fl-agrikoltura
5.4. |
Il-produtturi tal-UE ma għadhomx iżolati mis-suq dinji u l-volatilità ogħla tiegħu tal-prezzijiet. Barra minn hekk, l-agrikoltura hija soġġetta għal avvenimenti naturali estremi, u iżjed problemi tas-saħħa minħabba żieda fil-mobbiltà tal-beni u l-persuni (pandemiċi) b’telf konsiderevoli għall-produzzjoni. Il-PAK għandha tipprovdi għodod speċifiċi li jippermettu li s-settur agrikolu jrażżan u jimmaniġġja dawn ir-riskji. |
5.5. |
Hemm xi għodod għall-ġestjoni tar-riskji disponibbli fil-PAK attwali. Il-prezz tal-intervent, il-ħżin privat, il-promozzjoni, is-swieq tal-futuri u l-għodod ipprovduti mill-OKS unika għandhom jinżammu jew jiġu żviluppati. |
5.6. |
Iżda hemm ħtieġa ċara li jiġu żviluppati għodod ġodda:
|
Id-dimensjoni soċjali tal-PAK
5.7. |
Il-preokkupazzjonijiet ambjentali huma prijorità evidenti fil-biedja. Għaldaqstant, fl-aħħar riforma ġiet introdotta l-ekoloġizzazzjoni. Dawk responsabbli għat-tfassil tal-politika jenfasizzaw kemm-il darba din l-evoluzzjoni maġġuri tal-PAK. Id-dimensjoni ambjentali tal-PAK hija kemm globali kif ukoll kumplessa peress li l-biedja tittratta mal-ħamrija, l-ilma, il-bijodiversità, il-forestrija u l-emissjonijiet tad-CO2. Politika li tkun iżjed effiċjenti għandha tkun tista’ tinftiehem aħjar mill-bdiewa, u tkun iżjed fattibbli u sempliċi għalihom. |
5.8. |
Hemm bżonn ta’ pagamenti li jikkumpensaw lill-bdiewa talli jipprovdu beni pubbliċi (b’mod partikolari servizzi marbutin mal-ekosistema). |
Politika komuni tal-ikel
5.9. |
Il-Presidenza Netherlandiża tal-UE, b’mod partikolari, ippromoviet l-idea ta’ politika komuni tal-ikel. Permezz tal-PAK il-ġdida, l-UE tirrikonoxxi li l-agrikoltura Ewropea jeħtieġ li tikseb livelli ogħla ta’ produzzjoni sostenibbli ta’ ikel sigur u ta’ kwalità tajba. Il-PAK tippromovi skemi għat-tqassim ta’ frott u ħalib fl-iskejjel għat-tfal tal-iskola, bil-għan li jitħeġġu drawwiet ta’ dieta tajba minn età bikrija. Hija tippromovi wkoll il-produzzjoni organika billi tiżgura għażla infurmata b’regoli ċari dwar it-tikkettar u skemi ta’ appoġġ speċifiku taħt il-politika għall-iżvilupp rurali. |
5.10. |
Attwalment, il-promozzjoni tas-saħħa pubblika u ta’ dieti u stili ta’ ħajja tajbin għas-saħħa hija fil-kompetenza tal-livell nazzjonali. Iżda l-Unjoni Ewropea għandha tiżgura l-aċċess għal ikel tajjeb għas-saħħa u ta’ kwalità tajba għaċ-ċittadini kollha tal-Ewropa permezz ta’ sistemi sostenibbli tal-ikel. Filwaqt li l-azzjonijiet Ewropej jikkomplementaw u jikkoordinaw l-isforzi nazzjonali, għandhom ikunu żviluppati aktar sinerġiji bejn il-PAK u kwalunkwe politika Ewropea futura dwar l-ikel. |
5.11. |
Fid-dawl tal-aspettattivi taċ-ċittadini u d-domanda tal-konsumaturi, għandu jsir sforz partikolari biex jiġu żviluppati Sistemi Lokali tal-Ikel u b’hekk ktajjen tal-provvista qosra, b’mod partikolari fis-settur tal-forniment tal-ikel u x-xorb għall-massa. |
Il-politika tal-klima u l-PAK
5.12. |
Mill-1990 ‘l hawn, l-impronta ambjentali tal-agrikoltura ċkienet. Madankollu, għad hemm bżonn li jitnaqqsu l-emissjonijiet agrikoli sal-2030. Dan jeħtieġ li jsir b’konformità ma’ mudell Ewropew tal-agrikoltura u permezz ta’ politika kosteffiċjenti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet. Hemm potenzjal biex jiżdied il-kontenut tal-karbonju fil-ħamrija u sabiex l-enerġija mill-fossili u l-petrokimiċi tiġi sostitwita minn prodotti agrikoli u tal-forestrija. |
5.13. |
L-għanijiet multipli tas-settur agrikolu u tal-użu tal-art, bil-potenzjal aktar baxx tagħhom ta’ mitigazzjoni, għandhom jiġu rikonoxxuti, kif ukoll il-ħtieġa li tkun żgurata l-koerenza bejn l-għanijiet tal-UE marbutin mas-sigurtà tal-ikel u t-tibdil fil-klima (1). |
Ir-riċerka, l-innovazzjoni u s-sistemi ta’ konsulenza
5.14. |
Fil-livell tal-azjendi agrikoli, fl-istazzjonijiet sperimentali u fil-laboratorji, jiġu skoperti innovazzjonijiet importanti l-ħin kollu. Għandhom jiġu intensifikati l-isforzi fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp sabiex jappoġġjaw l-evoluzzjoni tal-biedja lejn sistemi aktar sostenibbli. Huwa kruċjali wkoll li dawn l-innovazzjonijiet jiġu mgħarrfa lil partijiet interessati oħra. Għandhom jiġu promossi s-servizzi tal-estensjoni, il-kooperazzjoni bejn il-partijiet interessati u mezzi oħra għat-tixrid tal-innovazzjoni u l-kondiviżjoni tal-aqwa prattiki. |
5.15. |
Il-programm tal-UE għar-riċerka fil-qasam tal-agrikoltura għandu jissaħħaħ fil-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss sabiex jitqiesu l-isfidi u l-importanza ġeostrateġika tal-ikel fis-seklu 21. L-ekonomija diġitali tista’ tkun “ir-rivoluzzjoni agrikola” li jmiss wara r-rivoluzzjoni ekoloġika tas-seklu 20. |
Il-funzjonament tal-katina tal-provvista
5.16. |
Hemm evidenza ċara li l-katina tal-provvista mhux qed taħdem tajjeb fi kważi kull Stat Membru minħabba l-livell għoli ta’ konċentrazzjoni iktar ‘l isfel fil-katina. Id-distribuzzjoni tal-valur miżjud fost il-partijiet interessati fil-katina tal-provvista tal-ikel hija inġusta. |
5.17. |
Fid-dawl tal-kompetenza tal-UE fi kwistjonijiet marbutin mal-kompetizzjoni u s-suq uniku, din il-problema għandha tiġi indirizzata f’livell Ewropew. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tipproponi oqfsa regolatorji Ewropej għat-twaqqif ta’ relazzjonijiet kuntrattwali fi ħdan il-katina u possibbiltajiet legali għall-organizzazzjoni ta’ azzjoni kollettiva mill-bdiewa. L-organizzazzjonijiet tal-produtturi huma atturi importanti fil-katina tal-provvista tal-ikel u jgħinu biex tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-produtturi. Il-PAK li jmiss għandha ssaħħaħ is-setgħa għan-negozjar tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi. Għandhom jiġu kkunsidrati r-riżultati tal-ħidma mwettqa mit-Task Force tas-Suq Agrikolu. |
5.18. |
Il-PAK għandha tiġi adattata għar-realtà u r-rapidità tat-tibdil ekonomiku. Fil-PAK, jeħtieġ li l-Artikoli 219 sa 222 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jiġu żviluppati biex ikunu jistgħu jiffunzjonaw u jinkisbu min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea u l-produtturi. |
Il-kummerċ internazzjonali
5.19. |
Il-kummerċ dinji u s-swieq miftuħa jsaħħu l-kompetittività u jistgħu jnaqqsu l-prezz tal-ikel. Madankollu, il-kummerċ ġust huwa tal-akbar importanza għall-UE sabiex tikkompeti bl-istess metodi u regoli tal-produzzjoni mal-pajjiżi terzi. L-ostakli nontariffarji jistgħu jipperikolaw l-iżvilupp internazzjonali. Fil-bosta soluzzjonijiet diversi biex tinkiseb sigurtà dinjija tal-ikel, il-kummerċ għandu rwol x’jaqdi fir-rigward taż-żieda tal-esportazzjonijiet agrikoli. |
5.20. |
Madankollu, il-PAK u l-politika kummerċjali għandhom jagħmluha possibbli li l-produtturi Ewropej jikkompetu mal-prodotti impurtati taħt kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni. Għaldaqstant, l-UE għandha tesiġi li l-prodotti impurtati jirrispettaw l-istess standards. |
Il-baġit Ewropew
5.21. |
Storikament, il-PAK tiġi ffinanzjata fil-livell Ewropew. Il-PAK tirrappreżenta proporzjon sostanzjali tal-baġit tal-UE (38 % fl-2015), iżda madwar 0,4 % biss tal-infiq pubbliku Ewropew. Il-baġit tal-PAK huwa inqas minn dak tal-Istati Uniti u taċ-Ċina. Barra minn hekk, kien stabbli inkella kien qed jonqos għal għadd ta’ snin, minkejja t-tkabbir tal-UE. Il-PAK għandha tirreaġixxi għall-bosta sfidi importanti li ser tiffaċċja fil-futur; jeħtieġ għalhekk li l-baġit għall-politika agrikola jiżdied fil-livell Ewropew. |
5.22. |
Ċerti aspetti speċifiċi tal-baġit Ewropew, bħall-annwalità, jirrappreżentaw limitazzjoni enormi għad-disinn tal-PAK. Il-fondi reċiproċi jew il-miżuri għall-kriżijiet jiġu limitati minn dawn ir-restrizzjonijiet. Barra minn hekk, id-distribuzzjoni tal-baġit hija sors ta’ tensjoni politika u tista’ twassal għall-ineffiċenzja. |
Semplifikazzjoni
5.23. |
Is-semplifikazzjoni ilha prijorità għal ħafna snin fil-PAK, b’mod partikolari fl-ewwel snin tal-implimentazzjoni tar-riforma tal-PAK tal-2013. Madankollu, is-semplifikazzjoni għandha tkun l-ewwel prijorità bażika għar-riforma li jmiss. B’mod partikolari, għandhom jittejbu l-kontrolli adegwati u s-sistemi proporzjonati ta’ sanzjoni. Bħalissa, it-tnaqqis tal-pagamenti għall-ekoloġizzazzjoni u l-miżuri ta’ kundizzjonalità jistgħu jkunu irraġonevoli u sproporzjonati. Huwa ta’ importanza kbira li jiġi żgurat il-ħlas fil-ħin tal-appoġġi diretti. |
L-istruttura tal-PAK
5.24. |
Matul dawn l-aħħar għexieren ta’ snin, l-istruttura tal-PAK kienet ibbażata fuq żewġ pilastri. Filwaqt li l-Pilastru I huwa ffinanzjat għalkollox mill-UE, il-Pilastru II huwa kkofinanzjat u adattat għall-bżonnijiet ta’ kull Stat Membru permezz ta’ programmi pluriennali. Id-diversità tal-Istati Membri u r-reġjuni u l-bżonnijiet differenti tagħhom titlob li tinżamm l-istruttura ta’ żewġ pilastri fil-PAK tal-ġejjieni. |
It-tħejjija għall-PAK wara l-2020
5.25. |
Fil-programm ta’ ħidma tagħha tal-2017 ippubblikat fil-25 ta’ Ottubru 2016, il-Kummissjoni tgħid li ser taħdem u tikkonsulta b’mod wiesa’ dwar is-semplifikazzjoni u l-modernizzazzjoni tal-PAK biex tagħmel l-aqwa kontribut possibbli għall-għaxar prijoritajiet tal-Kummissjoni u għall-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli. Huwa importanti li s-soċjetà ċivili Ewropea tiġi involuta b’mod attiv f’dan il-proċess. |
Brussell, il-15 ta’ Diċembru 2016.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Georges DASSIS
(1) Punt 2.4, Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, 23-24 ta’ Ottubru 2014.