|
2.2.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 34/38 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Iż-żarmar tal-bastimenti u s-soċjetà tar-riċiklaġġ”
(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)
(2017/C 034/06)
|
Relatur: |
is-Sur Martin SIECKER |
|
Korelatur: |
is-Sur Richard ADAMS |
|
Data tad-deċiżjoni tal-Plenarja |
21/01/2016 |
|
Bażi legali |
L-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura |
|
|
Opinjoni fuq inizjattiva proprja |
|
|
|
|
Sezzjoni kompetenti |
CCMI |
|
Adottata fis-sezzjoni |
28/09/2016 |
|
Opinjoni adottata fil-plenarja |
19/10/2016 |
|
Sessjoni plenarja Nru |
520 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
202/2/3 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1. |
Is-sidien tal-bastimenti tal-UE jikkontrollaw madwar 40 % tal-flotta merkantili dinjija. Huma jirrappreżentaw madwar terz tat-tunnellaġġ ta’ tmiem l-użu li jispiċċa f’tarzni ta’ standard inferjuri fl-Asja t’Isfel. L-UE hija l-ikbar suq li jibgħat bastimenti fi tmiem l-użu tagħhom għaż-żarmar – proċess perikoluż u li jniġġes. Billi tospita l-akbar komunità ta’ sidien tal-bastimenti, l-UE wkoll għandha responsabbiltà partikolari biex tirregola r-riċiklaġġ tal-bastimenti. |
|
1.2. |
Il-KESE jisħaq li hemm każ morali u soċjali b’saħħtu biex jiġu eliminati l-abbużi fiż-żarmar irresponsabbli tal-bastimenti permezz ta’ sistema li toħloq valur miżjud lill-bastimenti fi tmiem l-użu tagħhom li jkun biżżejjed biex jitħallsu l-ispejjeż ogħla għar-riċiklaġġ responsabbli. Il-parti l-kbira tar-riċiklaġġ tal-bastimenti probabbilment jibqa’ jsir f’pajjiżi b’kostijiet lavorattivi baxxi, iżda b’kundizzjonijiet tax-xogħol u ambjentali mtejba. Fl-istess ħin, dan jippermetti wkoll li l-impjanti taż-żarmar tal-UE ikunu aktar kompetittivi. |
|
1.3. |
Azzjoni mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) kellha ftit effett sal-lum; minkejja dan għandhom jitkomplew l-isforzi kollha biex jintlaħaq qbil dwar strument legalment vinkolanti universali permezz ta’ dan il-forum. Ir-rwol tal-UE f’dan il-proċess jista’ jkun influwenti u dinamiku. It-tfittxija għal soluzzjoni effettiva għaż-żarmar irresponsabbli tal-bastimenti ilha fuq l-aġenda tal-UE għal ħafna snin, u din irriżultat s’issa fir-Regolament tal-UE dwar ir-riċiklaġġ tal-bastimenti (EU SRR), li se japplika bis-sħiħ mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2018. Madankollu, dgħufija fundamentali hija li s-sidien tal-bastimenti jistgħu faċilment jevitaw ir-riċiklaġġ tal-bastimenti skont ir-Regolament tal-UE sempliċement billi jsir “bdil tal-istat tal-bandiera” għal pajjiż mhux tal-UE. |
|
1.4. |
Ir-Regolament fhuwa nieqes minn strument ekonomiku li permezz tiegħu l-Kummissjoni tista’ tidderieġi l-iżviluppi lejn it-triq mixtieqa. Rapport iddettaljat ħafna issa żviluppa pjan ta’ azzjoni għal tali strument permezz tal-introduzzjoni ta’ “liċenzja għar-riċiklaġġ tal-bastimenti (SRL)”. Sal-aħħar ta’ din is-sena, il-Kummissjoni se tippreżenta proposta bbażata fuq din l-idea, li tinċentiva lis-sidien tal-bastimenti biex il-bastimenti tagħhom li jkunu qed jersqu lejn tmiem l-użu ekonomiku tagħhom jiġu żarmati f’faċilitajiet approvati mill-UE li huma soċjalment u ambjentalment aċċettabbli. |
|
1.5. |
Vantaġġ tal-mekkaniżmu finanzjarju propost huwa s-sinerġija li jġib mal-qafas regolatorju eżistenti. Il-mekkaniżmi ta’ kontroll mhux ser ifixklu dawk tar-Regolament dwar ir-riċiklaġġ tal-bastimenti tal-UE. Diġà jeżistu istituzzjonijiet tal-UE li jistgħu jamministraw u jimplimentaw tali liċenzja. Madankollu, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tevalwa wkoll kwalunkwe riskju għall-imsieħba kummerċjali tal-UE li jaraw il-proposta bħala interferenza antikompetittiva fil-kuntest tal-imġiba tat-tbaħħir internazzjonali. |
|
1.6. |
Huwa biss billi tiġi rikonoxxuta r-responsabbiltà ta’ sid il-bastiment permezz tal-“prinċipju li min iniġġes iħallas” u billi l-ispejjeż tar-riċiklaġġ responsabbli jiġu inkorporati fl-ispejjeż tal-operat tal-bastimenti, li jkunu jistgħu jiġu eliminati l-prattiki dannużi attwali. L-operaturi u l-utenti ta’ bastimenti ta’ tagħbija kbira, ta’ trasport tal-merkanzija u ta’ trasport tal-passiġġieri kollha għandhom rwol x’jaqdu, l-ewwel nett billi jirrikonoxxu li hemm problema serja, u t-tieni, billi jappoġġjaw mekkaniżmu finanzjarju progressiv u infurzabbli bħall-SRL li kapaċi jiġi estiż globalment taħt l-awspiċi tal-IMO u b’kampanja ta’ informazzjoni li tasal anke barra mill-UE. |
|
1.7. |
Il-KESE jappoġġja lill-Kummissjoni Ewropea f’dan l-isforz. Minbarra l-fatt li jaqbel sew mal-politika dwar is-soċjetà tar-riċiklaġġ tal-UE, jista’ wkoll ikun pass kbir ‘il quddiem fir-riforma tal-industrija perikoluża u niġġiesa taż-żarmar tal-bastimenti fl-Asja t’Isfel u biex jimpedixxuha milli tiġi stabbuilita fi nħawi oħra. Il-KESE jagħraf il-potenzjal tal-HKC sakemm dan ikun jinkorpora l-prinċipji tar-Regolament dwar ir-riċiklaġġ tal-bastimenti tal-UE u jenfasizza wkoll li strument finanzjarju huwa neċessarju. Aħna ninkoraġġixxu lill-UE biex tipprovdi assistenza teknika lil tarżni mid-dinja kollha biex jilħqu dawn ir-rekwiżiti. |
2. Sitwazzjoni attwali
|
2.1. |
Mingħajr it-tbaħħir, l-ekonomija globali ma taħdimx. Kull sena, madwar 1 000 bastiment kbir li jaqsmu l-oċeani (tankers, u bastimenti tal-kontejners, tal-merkanzija u tal-passiġġieri) jinbiegħu għaż-żarmar. Aktar minn 70 % ta’ dawn il-bastimenti fi tmiem l-użu jispiċċaw fuq il-bajjiet tal-Indja, il-Bangladexx jew il-Pakistan għal operazzjonijiet perikolużi ta’ żarmar. Il-bqija huma prinċipalment żarmati fiċ-Ċina u fit-Turkija, fejn infrastruttura adegwata tiffaċilita prattiki aktar nodfa u aktar siguri, sakemm jiġu applikati l-proċeduri xierqa (1). |
|
2.2. |
Il-biċċa l-kbira tal-bastimenti ddekommissjonati jiġu skreppjati b’mod inaċċettabbli billi jintuża l-metodu “ta’ inkaljar”. Dan il-metodu jinvolvi l-inkaljar tal-bastimenti fuq xtajtiet tar-ramel, fejn jiġu żarmati l-aktar minn persunal mhux kwalifikat, (inklużi każijiet irrapportati ta’ tħaddim tat-tfal fil-Bangladexx), mingħajr tagħmir xieraq u bi ftit jew ebda protezzjoni mill-ħafna sustanzi perikolużi li jiġu rilaxxati (2). |
|
2.3. |
L-industrija tar-riċiklaġġ tal-bastimenti resqet lejn l-Asja tal-Lvant (iċ-Ċina u t-Tajwan) fis-snin 70, meta ġew introdotti fl-Ewropa standards ambjentali u tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol aktar stretti. Fis-snin 80, is-settur ħabbat wiċċu ma’ regolamentazzjoni aktar stretta fl-Asja tal-Lvant ukoll u konsegwentament iċċaqlaq lejn l-Asja t’Isfel. F’dawn l-aħħar 30 sena, 470 mewta ġew irrappurtati fl-Indja. Fl-2014, 25 każ ta’ mewt u 50 korriment serju kienu rrappurtati fit-tarzni tal-Asja t’Isfel. Is-sena l-oħra, 16-il ħaddiem tilfu ħajjithom f’tarzni fil-Bangladexx u, sa issa, din is-sena tnax-il ħaddiem ta’ dan is-settur mietu hemmhekk. Ħafna ħaddiema iżjed huma serjament midruba jew jimirdu minħabba dħaħen tossiċi u jbatu biex imutu minħabba kanċer ikkawżat minn esponiment għal materjali perikolużi, bħall-asbestos. L-ambjenti naturali madwar dawn il-faċilitajiet tal-ixtut huma serjament degradati (3). |
3. Il-kawża tal-problema – nuqqas ta’ responsabbiltà
|
3.1. |
Fil-qalba tal-problema tar-riċiklaġġ tal-bastimenti hemm in-nuqqas ta’ governanza internazzjonali effettiva biex tinkiseb soluzzjoni globali. L-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO), aġenzija tan-NU, fasslet il-Konvenzjoni Internazzjonali ta’ Ħong Kong dwar ir-Riċiklaġġ ta’ Bastimenti li Jkun Sikur u li Jħares l-Ambjent (HKC) li baqgħet mhix ratifikata u għandha effett inċert. Bħal f’ħafna oqsma oħra, l-UE, permezz tal-promozzjoni ta’ prattiki tajba u soluzzjonijiet prattiċi, tista’ toffri qafas regolatorju u ġuridiku li kapaċi jagħti riżultati pożittivi madwar id-dinja u huwa effettiv fl-indirizzar tal-firxa speċifika ta’ kwistjonijiet ekstraterritorjali prevalenti fl-industrija tat-tbaħħir. |
|
3.2. |
Id-dritt internazzjonali jirrikjedi li kull bastiment tal-merkanzija jkun irreġistrat f’pajjiż. L-UNCTAD (il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp) irrapportat li madwar 73 % tal-flotta dinjija hija rreġistrata jew “b’bandiera” f’pajjiż differenti minn dak fejn is-sid benefiċjarju tal-bastiment huwa rreġistrat. Ir-raġunijiet għar-reġistrazzjoni (flagging) ta’ bastiment barra mill-pajjiż jinkludu l-evitar tat-taxxa, il-possibbiltà li jiġu evitati r-regolamenti nazzjonali tax-xogħol u ambjentali u l-possibbiltà li jiġi impjegat ekwipaġġ marittimu minn pajjiżi b’pagi iktar baxxi. Ħafna minn dawn ir-reġistri miftuħa jissejħu wkoll bnadar ta’ konvenjenza (FOCs) jew bnadar ta’ nuqqas ta’ konformità (FONCs). Dawn huma bnadar minn pajjiżi li għandhom rekord dgħajjef ħafna tal-infurzar tal-liġi internazzjonali. Madwar 40 % tal-każijiet kollha ta’ bastimenti fi tmiem l-użu inkaljati fl-Asja t’Isfel kienu importati taħt FOCs jew FONCs bħall-bnadar ta’ Saint Kitts u Nevis, il-Komoros u Tuvalu. Dawn il-bnadar ta’ “tmiem l-użu” bilkemm jintużaw matul il-ħajja operattiva tal-bastiment u joffru rati ta’ skont speċjali għall-aħħar vjaġġ u reġistrazzjoni faċli u malajr fuq perjodu ta’ żmien qasir mingħajr ebda rekwiżiti ta’ nazzjonalità. |
|
3.3. |
Għadd żgħir biss ta’ sidien tal-bastimenti ħadu miżuri volontarji biex jiżguraw riċiklaġġ ekoloġiku u sikur tal-bastimenti l-qodma tagħhom. Inqas minn 8 % tal-bastimenti li nbiegħu għaż-żarmar għad għandhom bandiera Ewropea u dawn jiżżarmaw prinċipalment b’mod sikur u sostenibbli. Ħafna bastimenti li jaslu fi tmiem l-użu tagħhom jinbiegħu lil hekk imsejħa xerrejja bi flus kontanti li jwasslu l-bastiment sad-destinazzjoni finali tiegħu fl-Asja t’Isfel. Il-maġġoranza tas-sidien tal-bastimenti ma jittrattawx mal-faċilitajiet ta’ riċiklaġġ huma stess: dawn b’mod konvenjenti jitbiegħdu mir-rimi finali u jħalluh għax-xerrejja bi flus kontanti li jispeċjalizzaw f’bastimenti fi tmiem l-użu tagħhom u jaġixxu bħala intermedjarji bejn is-sidien tal-bastimenti u t-tarzni taż-żarmar tal-bastimenti. Is-servizz tagħhom jinkludi ċ-ċaqliq u l-l-ingaġġ tal-ekwipaġġ ta’ bastiment għall-aħħar vjaġġ tiegħu u l-ipproċessar amministrattiv meħtieġ u l-proċedimenti mal-awtoritajietfid-destinazzjoni taż-żarmar. Kemm is-sidien ta’ bastimenti privati kif ukoll dawk pubbliċi jirrikorru għal dawn il-prattiki. |
|
3.4. |
Dan in-negozju huwa vantaġġuż:
|
|
3.5. |
Filwaqt li azzjonijiet koordinati volontarji mis-sidien tal-bastimenti ilhom jeżistu sa mill-2009, bħal sett ta’ linji gwida dwar it-tħejjija ta’ inventarji għall-materjali perikolużi u miżuri oħra ta’ tmiem l-użu, fl-2015, il-Bangladexx, fejn il-kundizzjonijiet huma magħrufa bħala l-agħar, kienet id-destinazzjoni preferuta tal-bastimenti fi tmiem l-użu (4). |
4. L-indirizzar tal-problema – tentattivi ta’ infurzar tar-responsabbiltà
|
4.1. |
Fl-2009, l-IMO adottat strument partikolari għat-tbaħħir, l-HKC (Konvenzjoni ta’ Ħong Kong), li twaqqaf qafas ta’ regolamenti bl-għan aħħari li jimplimenta l-kundizzjonijiet ekwi sostenibbli meħtieġa fl-attivitajiet ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti madwar id-dinja. Fir-realtà, din l-affermazzjoni ma treġġix għall-iskrutinju. Filwaqt li dan huwa pass żgħir “il quddiem” id-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni u infurzar huma dgħajfa u miftuħa għal firxa wiesgħa ta’ interpretazzjonijiet, m’hemm l-ebda ċertifikazzjoni jew verifika indipendenti stipulata u “l-inkaljar” għadu permess fil-prattika. |
|
4.2. |
L-HKC ser tidħol fis-seħħ biss 24 xahar wara r-ratifika tagħha minn 15-il Stat li jirrappreżentaw 40 % tat-tunnellaġġ dinji u li l-kapaċità ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti annwali tagħhom tammonta għal mill-inqas 3 % tat-tunnellaġġ ikkombinat tal-firmatarji. S’issa ħames pajjiżi biss, il-Panama bħala l-uniku stat tal-bandiera ewlieni, irratifikaw l-HKC, iżda l-ebda wieħed minnhom ma huwa konformi mal-kapaċità għar-riċiklaġġ tal-bastimenti meħtieġa sabiex il-Konvenzjoni tidħol fis-seħħ. Għalhekk, id-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni mhuwiex mistenni fil-futur qarib. |
|
4.3. |
Inizjattiva oħra mill-IMO, il-Fond Fiduċjarju Internazzjonali dwar ir-Riċiklaġġ tal-Bastimenti, ma ġietx appoġġjata internazzjonalment. Minkejja li l-IMO ġabet riforma marittima pożittiva f’diversi oqsma, azzjoni effettiva dwar iż-żarmar tal-bastimenti mhix waħda minnhom. It-tendenza tal-industrija tar-riċiklaġġ tal-bastimenti hi li tkun fi jew tiċċaqlaq lejn pajjiżi b’kostijiet lavorattivi baxxi u fejn l-istandards ambjentali u ta’ saħħa u sikurezza huma baxxi u mhux infurzati. Ir-rwol “faċilitanti” ta’ dawn l-Istati jista’ jiġi eliminat biss billi fond finanzjarju sinifikanti u indipendenti jkun marbut ma’ kull bastiment li jkun jista’ jintalab lura sakemm dan jiġi rriċiklat b’mod responsabbli. It-tbaħħir huwa industrija globali filwaqt li ż-żarmar tal-bastimenti – b’ 70 % tal-bastimenti żarmati fuq tliet bajjiet fl-Asja t’Isfel – huwa skandlu reġjonali u jistħoqqlu soluzzjoni effettiva. |
|
4.4. |
Fi ħdan l-UE, il-bastimenti ddekommissjonati huma kkunsidrati bħala skart perikoluż u jagħmlu parti mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Basilea li tirregola kull tip ta’ trasport ta’ skart perikoluż u hija trasposta fil-livell tal-UE permezz tar-Regolament dwar Vjeġġi ta’ Skart. Dan għandu fit-teorija jevita li bastimenti b’sidien mill-UE jintremew b’mod irresponsabbli. Ir-regoli tal-Konvenzjoni u tar-Regolament dwar Vjeġġi ta’ Skart ukoll qed jiġu sistematikament evitati mis-sidien tal-bastimenti permezz tal-bejgħ tal-bastimenti li javviċinaw tmiem l-użu tagħhom lil xerrejja bi flus kontanti hekk kif dawn il-bastimenti jħallu l-ilmijiet tal-UE għall-aħħar vjaġġ tagħhom. Madankollu, mad-dħul fis-seħħ ir-Regolament dwar ir-Riċiklaġġ tal-Bastimenti (SRR) fi ħdan l-UE, mill-2019 ‘il quddiem, il-bastimenti ddekommissjonati li jbaħħru taħt bandiera ta’ Stat Membru tal-UE se jiġu esklużi mill-applikazzjoni tar-Regolament tal-UE dwar Vjeġġi ta’ Skart u l-Konvenzjoni ta’ Basel – li tirregola kull tip ta’ trasport ta’ skart perikoluż. |
|
4.5. |
Wara li s-sitwazzjoni ġiet analizzata, l-UE u l-Istati Membri tagħha kkonkludew li ż-żewġ Konvenzjonijiet ta’ Ħong Kong u Basel dehru li jipprovdu livell ekwivalenti ta’ kontroll u infurzar għall-bastimenti kklassifikati bħala skart. L-NGOs globalment, ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-iskart tossiku kif ukoll il-Parlament Ewropew u l-KESE ddenunzjaw l-HKC talli ma tipprovdix soluzzjonijiet tajbin. |
|
4.6. |
It-tfittxija għal soluzzjoni effettiva ilha fuq l-aġenda tal-UE għal ħafna snin. Fl-2007, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet Green Paper (5) dwar dan is-suġġett, imbagħad Komunikazzjoni fl-2008 (6) u, fl-aħħar nett, proposta dwar ir-Regolament dwar ir-Riċiklaġġ tal-Bastimenti (EU SRR) (7) fl-2012. Dan ir-Regolament daħal fis-seħħ fit-30 ta’ Diċembru 2013, iżda huwa meħtieġ li japplika bis-sħiħ biss sal-31 ta’ Diċembru 2018. Ir-Regolament idaħħal għadd ta’ rekwiżiti tal-HKC fis-seħħ kmieni. Barra minn hekk, l-EU SRR jistabbilixxi lista Ewropea ta’ faċilitajiet tar-riċiklaġġ approvati fejn bastimenti li jtajru l-bandiera tal-UE se jkollhom jiġu skreppjati. Dawn il-faċilitajiet iridu jkunu ċċertifikati u awditjati b’mod indipendenti. L-EU SRR imur lil hinn mill-HKC billi jistabbilixxi standards iktar stretti għall-faċilitajiet tar-riċiklaġġ u tal-ġestjoni tal-iskart ‘l isfel kif ukoll drittijiet tax-xogħol. |
|
4.7. |
Madanakollu, l-EU SSR huwa biss riflessjoni fqira tal-Green Paper u l-Komunikazzjoni dwar l-istess suġġett li ġew ippubblikati qabel. F’dawn iż-żewġ dokumenti saret analiżi rigoruża tal-problemi relatati mar-riċiklaġġ tal-bastimenti fl-Asja t’Isfel li wasslet għall-konvinzjoni li kien hemm bżonn li jittieħdu miżuri sodi biex jiġu indirizzati l-kundizzjonijiet inaċċettabbli f’dawn il-pajjiżi. Il-miżuri tal-EU SRR, madankollu, ma jsolvux dawn il-problemi. Filwaqt li l-EU SRR jistabbilixxi standards għoljin għall-faċilitajiet għar-riċiklaġġ tal-bastimenti li effettivament jeskludu l-inkaljar bħala metodu inferjuri, huwa faċli ħafna għas-sidien tal-bastimenti biex jaħarbu dawn l-istandards billi jittrasferixxu s-sjieda jew sempliċement permezz ta’ bdil tal-istat tal-bandiera għal bandiera mhux tal-UE. Kif ikkonkluda l-KESE, ir-rieda politika biex l-industrija tat-tbaħħir tinżamm responsabbli kienet manifestament nieqsa u nħass li l-Kummissjoni kien imissha pproduċiet proposta aħjar, iktar kreattiva u awdaċi, b’iktar inizjattivi u f’konformità mal-livell ta’ ambizzjoni tad-dokumenti preċedenti tal-Kummissjoni (8). |
5. Approċċ aktar effettiv
|
5.1. |
Ir-Regolament fhuwa nieqes minn strument ekonomiku li permezz tiegħu l-Kummissjoni tista’ tidderieġi l-iżviluppi lejn it-triq mixtieqa. Id-dgħufija fundamentali li s-sidien tal-bastimenti jistgħu faċilment jevitaw l-EU SSR billi sempliċement itajru l-bandiera ta’ pajjiż mhux fl-UE ġiet rikonoxxuta mill-Kummissjoni fil-proposta inizjali tagħha tal-2012 li kienet tinkludi klawżola ta’ “responsabbiltà tas-sid ta’ qabel tal-aħħar”. Filwaqt li din il-klawżola nċaħdet waqt in-negozjati tripartitiċi, il-PE żgura li ġie inkluż Artikolu fir-Regolament li talab lill-Kummissjoni tanalizza mekkaniżmi finanzjarji alternattivi possibbli. |
|
5.2. |
F’Lulju ta’ din is-sena, il-Kummissjoni ppubblikat studju ġdid li sar minn Ecorys, DNV-GL u l-Università Erasmus ta’ Rotterdam, dwar “liċenzja għar-riċiklaġġ tal-bastimenti” (SRL) li għandha l-għan li tinċentiva lis-sidien tal-bastimenti biex fl-aħħar mill-aħħar jerfgħu r-responsabilità tagħhom fir-rigward taż-żarmar nadif/ekoloġiku u sikur tal-bastimenti. |
|
5.3. |
Is-SRL toħloq fond iddedikat speċifiku għal kull bastiment, miżmum fil-kustodja ta’ istituzzjonijiet finanzjarji kbar li jibni kapital biex jiffinanzja riċiklaġġ sikur u sostenibbli. L-ammont tal-liċenzja jiġi determinat skont it-tunnellaġġ, it-tip ta’ trasport, il-frekwenza li biha l-bastiment jidħol fil-portijiet tal-UE, it-tfassil abbażi tal-prinċipju minn nieqa sa nieqa u l-preżenza ta’ materjali tossiċi abbord. Il-kapital jinħoloq mis-sidien tal-bastimenti li jħallsu t-tariffa xierqa fil-fond li huwa marbut ma’ dak il-bastiment speċifiku kull darba li wieħed tal-bastimenti tagħhom jidħol f’port tal-UE. |
|
5.4. |
Fi tmiem l-użu dan il-fond jista’ jiġi mitlub lura jekk il-bastiment kien irriċiklat f’tarzna approvata mill-UE u għalhekk jintuża biex ipatti għat-telf ta’ dħul li jirriżulta miż-żarmar responsabbli. Sa tmiem din is-sena, il-Kummissjoni se tressaq pożizzjoni formali dwar dan l-istudju. |
|
5.5. |
Vantaġġ tal-mekkaniżmu finanzjarju propost huwa s-sinerġija li jġib mal-qafas regolatorju eżistenti. B’mod partikolari, mekkaniżmi ta’ kontroll taħt il-mekkaniżmu finanzjarju propost se jaħdmu tajjeb ħafna mal-mekkaniżmi ta’ kontroll eżistenti skont l-EU SRR bħall-ispezzjonijiet fil-post tal-faċilitajiet li għandhom isiru qabel u wara l-inklużjoni tagħhom fil-lista Ewropea. Il-liċenzji jistgħu jiġu inklużi wkoll fil-lista taċ-ċertifikati li għandhom jiġu ċċekkjati regolarment permezz tal-kontrolli mill-Istat tal-portijiet bħala parti minn obbligi eżistenti diġà. Bl-istess mod, l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA) li hija diġà eżistenti jidher li hija fl-aħjar pożizzjoni biex twettaq il-kompiti ta’ spezzjoni u l-ħruġ ta’ liċenzji, waqt li waħda mill-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej, bħall-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) jew il-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI) jidher li huwa fl-aħjar pożizzjoni biex jamministra d-dħul min SRL potenzjali. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tevalwa wkoll kwalunkwe riskju għall-imsieħba kummerċjali tal-UE li jaraw il-proposta bħala interferenza antikompetittiva fil-kuntest tal-imġiba tat-tbaħħir internazzjonali. |
|
5.6. |
Dan il-fond għandu jikkontribwixxi sa ċertu punt għall-proposta tal-KESE li tappoġġja industrija tar-riċiklaġġ tal-bastimenti aktar estensiva u vijabbli fl-Ewropa. Fl-UE hemm biżżejjed tarzni li m’għadhomx jintużaw għall-bini u t-tiswija tal-bastimenti, iżda li huma kompletament adatti għad-dekommissjonar u r-riċiklaġġ tal-bastimenti. Dan jaqbel mal-għan tal-Unjoni Ewropea li tiżviluppa f’soċjetà ta’ riċiklaġġ sostenibbli b’ekonomija ċirkolari, f’ambjent fejn l-iskart jiġi trasformat f’materja prima bis-saħħa ta’ sistema ta’ riċiklaġġ sofistikata u żviluppatabir-reqqa. Fid-dawl tal-prezzijiet alternittivament volatili u li dejjem qed jiżdiedu tal-materja prima u r-rata għolja tal-qgħad f’għadd ta’ Stati Membri Ewropej u l-fatt li għadd ta’ rigs taż-żejt fl-ibħra tal-UE qed jilħqu tmiem l-użu ekonomikament vijabbli tagħhom, dan jista’ jfisser qligħ kbir għall-Ewropa kollha kemm hi. Barra minn hekk, industrija li tispeċjalizza fir-riċiklaġġ tal-bastimenti fi tmiem l-użu tagħhom tfisser opportunità għall-iżvilupp taż-żoni marittimi u t-taħriġ taż-żagħżagħ u l-persuni qiegħda f’ħiliet emerġenti. |
|
5.7. |
Fit-12 ta’ April 2016, il-Kummissjoni ppubblikat gwida teknika għall-faċilitajiet ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti li qed jitlobu approvazzjoni taħt l-EU SRR. Il-faċilitajiet li jixtiequ jiġu elenkati bħala approvati mill-UE jeħtieġ li jiżguraw kundizzjonijiet ta’ xogħol tajbin għas-saħħa u sikuri, il-kontroll tat-tniġġis – inkluża ġestjoni tal-iskart “l isfel adatta – u l-infurzar tad-drittijiet internazzjonali tax-xogħol. Il-faċilitajiet fi ħdan u barra l-UE jistgħu japplikaw biex ikunu fuq il-lista. Minbarra l-faċilitajiet tal-UE, it-tarzni ta’ kwalità aħjar fiċ-Ċina u fit-Turkija x’aktarx li jkunu fuq il-lista, li se tiġi ppubblikata sa tmiem din is-sena. Faċilitajiet ta’ riċiklaġġ li jużaw il-metodu tal-inkaljar diġà applikaw biex ikunu fuq il-lista tal-UE. Il-KESE jaqbel mal-Parlament u mal-Kummissjoni li dan il-metodu tal-inkaljar ma għandux jiġi aċċettat fuq il-lista tal-UE. |
|
5.8. |
Jekk l-Ewropa tixtieq li l-bastimenti tagħha jiġu skreppjati b’mod responsabbli, huwa raġonevoli li għandha tiżgura li l-ispiża biex dan isir tkun integrata fl-ispiża operattiva tal-bastiment. Fl-ekonomija tas-suq m’hemm xejn b’xejn, kollox għandu prezz li jrid jitħallas. Għall-iskreppjar responsabbli tal-bastimenti, il-prezz jitħallas bil-flus. Meta l-bastimenti jiġu skreppjati b’mod irresponsabbli, parti mill-prezz jitħallas mod ieħor, bħat-tniġġis tal-ambjent lokali u t-telf ta’ ħajjiet umani. Peress li l-UE ma tixtieqx taċċetta dawn il-valuri bħala ħlas legali, m’għandhiex taċċetta l-użu tagħhom bħala munita leġittima fil-ħlas ma’ pajjiżi li qed jiżviluppaw barra l-Ewropa. |
|
5.9. |
F’perijodu ta’ kapaċità żejda u livell baxx ta’ profitt fl-industrija, hemm indikazzjonijiet qawwija li l-biċċa l-kbira tas-sidien tal-bastimenti jirreżistu kull miżura li tinvolvi spejjeż ogħla. Iżda l-impatt fuq is-sidien tal-bastimenti se jkun żgħir. Biex isir tibdil fl-imġiba ta’ 42 % tas-sidien tal-bastimenti, huwa stmat li l-miżuri meħtieġa biex jitlaħaq dan l-għan se jżidu 0,5 % mal-ispejjeż tal-operat ta’ bastimenti iżgħar u madwar 2 % għall-ikbar kategoriji ta’ bastimenti. Fil-każ li jiżdiedu t-tariffi tal-liċenzji u/jew jekk il-perjodu ta’ akkumulazzjoni tal-kapital jitqassar, il-perċentwal ta’ bastimenti mibjugħa għar-riċiklaġġ sostenibbli tal-bastimenti se jiżdied sa 68 %. Fuq medda twila ta’ żmien, ir-rapport jistma li sa 97 % tal-bastimenti li joperaw fil-portijiet Ewropej se jkunu jistgħu jakkumulaw fondi biżżejjed biex ikopru d-distakk tar-reċiklaġġ tajjeb (9). |
|
5.10. |
Il-fond ta’ dħul tas-SRL madankollu għandu juri li jissodisfa l-ispejjeż għar-riċiklaġġ responsabbli u li se jkun applikat u impost b’mod ġust fuq l-operaturi kollha li jidħlu f’portijiet tal-UE. Madankollu, miżura reġjonali (għal kontinent sħiħ) bħas-SRL tal-UE, ma tistax tiġi implimentata b’mod effettiv madwar id-dinja kollha mingħajr il-kollaborazzjoni tas-sidien tal-vapuri u tal-IMO. Strument finanzjarju tal-UE li huwa applikabbli għal kull bastiment li jidħol f’port tal-UE jista’ fil-fatt iwassal għal soluzzjoni fil-livell globali, li tista’ tkun estiża permezz tal-IMO. Il-gvernijiet tal-Istati Membri b’sidien ta’ flotot residenti sinifikanti jridu jagħmlu sforzi konsiderevoli biex imexxu ‘l quddiem leġislazzjoni rilevanti f’konformità mal-politiki dwar il-frodi u b’konsistenza mal-linji gwida tad-WTO. |
|
5.11. |
Tista’ wkoll tiġi ġġenerata determinazzjoni politika li tiġi appoġġjata minn opinjoni pubblika infurmata. L-esponiment fil-pubbliku dwar il-kundizzjonijiet ta’ għajb kbir f’ħafna mill-faċilitajiet ta’ riċiklaġġ fl-Asja t’Isfel qed ikollu xi effett iżda attwalment m’hemm l-ebda mod li l-membri tal-pubbliku mħassba jistgħu jinfluwenzaw direttament lill-industrija tat-tbaħħir billi jixtru jew jibbojkottjaw is-servizzi tal-bastimenti relevanti. Jeħtieġ li dan jinbidel billi l-utenti korporattivi kbar tas- servizzi tal-ġarr tal- merkanzija bil-baħar jkunu inkoraġġuti jitolbu li l-prodotti jinġarru fuq bastimenti b’politiki responsabbli u irrevokabbli ta’ tmiem l-użu. |
|
5.12. |
Bħal f’ħafna oqsma oħra, l-UE, permezz tal-promozzjoni ta’ prattiki tajba u soluzzjonijiet prattiċi, għandha rwol x’taqdi u tista’ toffri qafas regolatorju li jipprovdi appoġġ u kapaċi jagħti riżultati pożittivi madwar id-dinja u li huwa effettiv fl-indirizzar tal-firxa speċifika ta’ kwistjonijiet ekstraterritorjali prevalenti fl-industrija tat-tbaħħir. |
Brussell, id-19 ta’ Ottubru 2016.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Georges DASSIS
(1) http://www.shipbreakingplatform.org/shipbrea_wp2011/wp-content/uploads/2016/04/LIST-OF-ALL-SHIPS-DISMANTLED-OVER-THE-WORLD-IN-2015.pdf
(2) Shipbreaking in Bangladesh and India National Geographic Video: Where Ships Go to Die, Workers Risk Everything (2014).
(3) NGO Shipbreaking Platform.
(4) EU SRR “Shipping Industry Guidelines on Transitional Measures for Ship owners Selling Ships for Recycling”, it-tieni edizzjoni, Jannar 2016
(5) Green paper COM(2007) 269.
(6) COM(2008) 767.
(7) Ir-Regolament (UE) Nru 1257/2013 (ĠU L 330, 10.12.2013, p. 1).
(8) ĠU C 299, 4.10.2012, p. 158.
(9) Tabella 4.2, p. 83.