9.2.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 50/91


P8_TA(2016)0081

Ftehim interistituzzjonali dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Marzu 2016 dwar il-konklużjoni ta' Ftehim Interistituzzjonali dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea (2016/2005(ACI))

(2018/C 050/13)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tas-16 ta' Diċembru 2015,

wara li kkunsidra l-abbozz ta' Ftehim Interistituzzjonali dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 17(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 295 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Ftehim Interistituzzjonali dwar ir-Regolamentazzjoni Aħjar (COM(2015)0216 u l-annessi tiegħu),

wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea (1) (“il-Ftehim Qafas tal-2010”),

wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta' Diċembru 2003 dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (2) (“il-Ftehim Interistituzzjonali tal-2003”),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Frar 2014 dwar l-Idoneità Regolatorja tal-UE, Sussidjarjetà u Proporzjonalità – id-19-il rapport dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet li jkopri s-sena 2011 (3),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Settembru 2015 dwar il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2016 (4),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-18 u d-19 ta' Frar 2016,

wara li kkunsidra l-Artikolu 140(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A8-0039/2016),

A.

billi l-Parlament appella kemm-il darba għan-negozjar mill-ġdid tal-Ftehim Interistituzzjonali tal-2003 sabiex iqis l-ambjent leġiżlattiv il-ġdid li nħoloq bit-Trattat ta' Lisbona, jikkonsolida l-aqwa prattiki attwali u jaġġorna lil dak il-ftehim b'konformità mal-aġenda dwar 'tfassil aħjar tal-liġijiet';

B.

billi l-Kumitat tar-Reġjuni, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u diversi parlamenti nazzjonali esprimew il-fehmiet tagħhom dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Mejju 2015 dwar Regolamentazzjoni aħjar għal riżultati aħjar – Aġenda tal-UE (COM(2015)0215), il-proposta tal-Kummissjoni msemmija hawn fuq għal Ftehim Interistituzzjonali dwar Regolamentazzjoni aħjar jew il-kunsens milħuq bejn l-istituzzjonijiet dwar Ftehim Interistituzzjonali ġdid dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet;

C.

billi, fir-riżoluzzjoni tiegħu msemmija hawn fuq tas-16 ta' Settembru 2015, il-Parlament laqa' l-ftuħ tan-negozjati għal ftehim interistituzzjonali ġdid dwar tfassil aħjar tal-liġijiet u stabbilixxa għadd ta' prijoritajiet, partikolarment dwar il-kwalità tal-abbozzar leġiżlattiv tal-Kummissjoni, l-ipprogrammar pluriennali u annwali, it-tisħiħ tal-valutazzjoni tal-impatt tal-abbozzi ta' liġi, it-trattament ugwali taż-żewġ fergħat tal-awtorità leġiżlattiva tul il-proċess leġiżlattiv kollu f'dak li jikkonċerna l-aċċess għall-informazzjoni, konsultazzjonijiet interistituzzjonali korretti, is-segwitu min-naħa tal-Kummissjoni għall-proposti u r-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament u l-għoti ta' ġustifikazzjonijiet iddettaljati għal kull irtirar previst;

D.

billi n-negozjati interistituzzjonali nbdew formalment fil-25 ta' Ġunju 2015;

E.

billi, fis-16 ta' Diċembru 2015, il-Konferenza tal-Presidenti approvat, b'maġġoranza tal-voti, il-ftehim proviżorju li kien intlaħaq bejn in-negozjaturi tat-tliet istituzzjonijiet fit-8 ta' Diċembru 2015 dwar id-diċitura ta' Ftehim Interistituzzjonali dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet ġdid (“il-FII l-ġdid”);

F.

billi l-FII l-ġdid għandu l-għan li jissostitwixxi l-Ftehim Interistituzzjonali tal-2003 u l-Approċċ Komuni Interistituzzjonali għall-Valutazzjoni tal-Impatt ta' Novembru 2005, u billi l-Anness tal-FII l-ġdid huwa maħsub biex jissostitwixxi l-Qbil Komuni dwar l-Atti Delegati tal-2011;

G.

billi, skont id-dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni li tinsab fl-Anness II għal din id-deċiżjoni, il-FII l-ġdid japplika mingħajr preġudizzju għall-Ftehim Qafas tal-2010,

H.

billi, madankollu, ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim Qafas tal-2010 jaf jgħaddi żmienhom jew jistgħu jeħtieġu li jiġu aġġornati bħala riżultat tal-FII l-ġdid;

I.

billi l-FII l-ġdid jipprevedi aktar negozjati interistituzzjonali, b'mod partikolari dwar l-arranġamenti prattiċi għall-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni fil-kuntest tal-konklużjoni ta' ftehimiet internazzjonali u dwar il-kriterji għall-applikazzjoni tal-Artikoli 290 u 291 tat-TFUE dwar l-atti delegati u l-atti ta' implimentazzjoni rispettivament;

J.

billi ċerti dispożizzjonijiet tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament se jkun jeħtieġ li jiġu adattati bħala konsegwenza tal-FII l-ġdid, bħalma huma dawk li jikkonċernaw il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni u l-verifika tal-bażi ġuridika tal-atti;

K.

billi l-FII l-ġdid jindirizza, b'xi mod jew ieħor, il-preokkupazzjonijiet ewlenin espressi mill-Kumitat Parlamentari għall-Affarijiet Kostituzzjonali fil-“Kontribuzzjoni tal-Kumitat AFCO għall-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew għan-negozjati dwar reviżjoni tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar Regolamentazzjoni Aħjar” tat-22 ta' April 2015;

1.

Jilqa' l-ftehim li ntlaħaq bejn l-istituzzjonijiet, u jqis li dan jikkostitwixxi bażi tajba biex tiġi stabbilita u żviluppata relazzjoni ġdida, aktar miftuħa u trasparenti bejniethom bil-ħsieb li jsir tfassil aħjar tal-liġijiet fl-interess taċ-ċittadini tal-Unjoni;

2.

Jiddispjaċih ħafna, fil-kuntest tat-tfassil aħjar tal-liġijiet, li n-negozjati dwar il-FII naqsu milli jsegwu l-prattika stabbilita f'dik li hi proċedura ta' kumitat fil-Parlament Ewropew;

3.

Jilqa, b'mod partikolari, ir-riżultati tan-negozjati fir-rigward tal-programmazzjoni interistituzzjonali pluriennali u annwali, is-segwitu min-naħa tal-Kummissjoni għall-inizjattivi leġiżlattivi tal-Parlament, u l-għoti ta' ġustifikazzjonijiet għall-irtirar previst ta' proposti leġiżlattivi u l-konsultazzjonijiet dwar tali rtirar; jenfasizza li l-fokus qawwi li sar qbil dwaru fuq il-programm ta' ħidma tal-Kummissjoni ma jistax jiġi mifhum li jiġġustifika xi restrizzjoni tas-setgħat leġiżlattivi jew id-dritt ta' inizjattiva tal-Parlament stess; jilqa' l-iskambju interistituzzjonali ta' fehmiet li sar qbil dwaru f'każ li tiġi prevista modifika tal-bażi ġuridika ta' att, u jesprimi d-determinazzjoni qawwija tiegħu li jirreżisti kwalunkwe tentattiv li jdgħajjef is-setgħat leġiżlattivi tal-Parlament Ewropew permezz ta' modifika tal-bażi ġuridika;

4.

Jissottolinja l-importanza tad-dispożizzjonijiet tal-FII l-ġdid dwar għodod ta' tfassil aħjar tal-liġijiet (valutazzjonijiet tal-impatt, konsultazzjonijiet pubbliċi u konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati, valutazzjonijiet, eċċ.) biex isir proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet informat tajjeb, inklużiv u trasparenti u biex ikun hemm l-applikazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni, filwaqt li jinnota li dawk id-dispożizzjonijiet isalvagwardjaw il-prerogattivi tal-leġiżlaturi; jemmen li l-valutazzjonijiet tal-impatt għandhom ikunu komprensivi u bbilanċjati u għandhom jivvalutaw, inter alia, il-kost li ma tiġix adottata l-leġiżlazzjoni meħtieġa għall-produtturi, il-konsumaturi, il-ħaddiema, l-amministraturi u l-ambjent; jinsab imħasseb li d-diċitura fir-rigward tal-valutazzjonijiet tal-impatt ma timpenjax biżżejjed lit-tliet istituzzjonijiet biex jinkludu l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) u t-testijiet tal-kompetittività fil-valutazzjonijiet tal-impatt tagħhom; jenfasizza kemm hu importanti li jiġu kkunsidrati, u li tingħata attenzjoni, lill-ħtiġijiet tal-SMEs fl-istadji kollha taċ-ċiklu leġislattiv; jenfasizza li, skont id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tad-19 ta' Mejju 2015 dwar Linji Gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar (SWD(2015)0111), il-valutazzjoni tal-impatt fuq l-SMEs għandha tiġi inkluża fir-rapporti tal-valutazzjoni tal-impatt u jistieden lill-Kummissjoni tagħti informazzjoni supplimentari dwar din il-prattika; jilqa' l-għan li jittejbu l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-leġislazzjoni tal-Unjoni, inter alia permezz ta' identifikazzjoni aħjar ta' miżuri nazzjonali li mhumiex meħtieġa skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li għandha tiġi trasposta (“gold-plating”), u, filwaqt li wieħed iżomm f'moħħu li l-Istati Membri huma ħielsa li japplikaw standards ogħla jekk hemm biss standards minimi ddefiniti mid-dritt tal-Unjoni, jistenna li l-Istati Membri jindikaw b'mod ċar u jiddokumentaw tali miżuri;

5.

Jinnota li l-kost kumulattiv tal-leġiżlazzjoni jista' jirriżulta f'diffikultajiet sinifikanti għan-negozji u għall-individwi affettwati mir-regoli tal-Unjoni;

6.

Jieħu nota tal-ittra tal-15 ta' Diċembru 2015 mingħand l-Ewwel Viċi President tal-Kummissjoni dwar il-funzjonament tal-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju l-ġdid, li għandu jissorvelja l-kwalità tal-valutazzjonijiet tal-impatt li twettaq il-Kummissjoni (iżda mingħajr ma tingħatalu s-setgħa ta' veto fuq il-proposti leġislattivi, li hija kwistjoni li taqa' f'idejn l-awtoritajiet eletti); ifakkar li, fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Novembru 2014 dwar ir-reviżjoni tal-linji gwida tal-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni u r-rwol tat-test tal-SMEs (5), huwa talab li l-indipendenza tal-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju (li qabel kien jissejjaħ “Bord ta' Valutazzjoni tal-Impatt”) tissaħħaħ inkluż, b'mod partikolari, li l-membri tal-Bord m'għandhomx jiġu soġġetti għal kontroll politiku; jemmen, f'dan ir-rigward, li l-istabbiliment tal-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju jikkostitwixxi l-ewwel pass pożitiv fil-kisba tal-indipendenza tagħhom; josserva li l-leġiżlaturi jistgħu wkoll iwettqu l-valutazzjonijiet tal-impatt tagħhom stess fejn jidhrilhom li dan ikun meħtieġ; jinnota li l-valutazzjonijiet tal-impatt ma jiħdux post il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet politiċi; jissottolinja, barra minn hekk, li l-FII l-ġdid jipprevedi skambji ta' informazzjoni bejn l-istituzzjonijiet dwar l-aħjar prattika u metodoloġiji b'rabta mal-valutazzjonijiet tal-impatt, u b'hekk jipprovdi l-opportunità li jiġi rieżaminat fi żmien debitu l-funzjonament tal-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju bil-ħsieb li sseħħ metodoloġija komuni;

7.

Jilqa' l-ftehim bejn l-istituzzjonijiet biex jikkooperaw sabiex jaġġornaw u jissemplifikaw il-leġislazzjoni u biex jiskambjaw opinjonijiet dwarha, qabel il-finalizzazzjoni tal-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni; jenfasizza l-importanza tal-“Istħarriġ tal-Piż Annwali” miftiehem bħala għodda biex jiġu identifikati u mmonitorjati, b'mod ċar u trasparenti, ir-riżultati tal-isforzi tal-Unjoni, bil-għan li jiġu evitati u mnaqqsa kwalunkwe regolamentazzjoni żejda u piżijiet amministrattivi, u dan għandu jinkludi lista relatata speċifikament mal-SMEs u għandu jiddistingwi bejn il-piżijiet li l-proposti individwali tal-Kummissjoni huma intiżi li jimponu u l-atti mill-Istati Membri individwali; jirrimarka li l-fattibbiltà u l-opportunità li jiġu stabbiliti objettivi għat-tnaqqis tal-piżijiet f'setturi speċifiċi għandhom jiġu vvalutati fuq bażi ta' kull każ għalih b'kooperazzjoni mill-qrib bejn l-istituzzjonijiet, filwaqt li l-attenzjoni tiġi ffukata fuq il-kwalità tal-leġiżlazzjoni, u mingħajr ma jiġu mdgħajfa l-istandards rilevanti tal-Unjoni; jistenna lill-Kummissjoni tipproponi, fuq bażi regolari, ir-revoka ta' atti legali fejn tali revoka titqies li hi meħtieġa; jilqa' f'dan ir-rigward il-fatt li t-tliet istituzzjonijiet qablu li l-valutazzjonijiet tal-impatt għandhom jindirizzaw ukoll l-impatt tal-proposti fuq il-piżijiet amministrattivi, b'mod partikolari fir-rigward tal-SMEs; jirrikonoxxi li leġislazzjoni xierqa tal-Unjoni tista' tnaqqas il-piżijiet amministrattivi għall-SMEs billi tissostitwixxi 28 sett diverġenti ta' regoli b'sett wieħed ta' regoli għas-suq intern;

8.

Jemmen li, fil-prinċipju, instabet soluzzjoni bbilanċjata fir-rigward tal-atti delegati u l-atti ta' implimentazzjoni, li tiżgura t-trasparenza u l-parità bejn il-leġiżlaturi, iżda jindika l-ħtieġa li jintlaħaq ftehim malajr dwar kriterji xierqa għad-delineazzjoni tal-atti delegati u l-atti ta' implimentazzjoni u allinjament fil-pront tal-atti bażiċi kollha mal-qafas ġuridiku introdott mit-Trattat ta' Lisbona;

9.

Jirrikonoxxi li l-miżuri li sar qbil dwarhom għat-titjib tal-iskambju reċiproku tal-fehmiet u l-informazzjoni bejn il-Parlament u l-Kunsill fil-kapaċità tagħhom bħala leġiżlaturi jikkostitwixxi pass 'il quddiem; iqis, madankollu, li dawk il-miżuri għandhom jiġu żviluppati aktar, b'mod partikolari f'dak li hu aċċess reċiproku għall-informazzjoni u l-laqgħat, sabiex jiġi żgurat li jkun hemm bilanċ tabilħaqq ugwali u trattament ugwali bejn il-leġiżlaturi matul il-proċedura leġislattiva kollha kemm hi, u sabiex jiġi ggarantit li l-prinċipju ta' kooperazzjoni sinċiera reċiproka fost l-istituzzjonijiet jiġi rrispettat; iwissi li l-iskambji informali ta' fehmiet, liema skambji ġew miftiehma, m'għandhomx jiżviluppaw f'arena ġdida ta' negozjati interistituzzjonali mhux trasparenti;

10.

Ifakkar li t-TFUE jistabbilixxi proċedura leġiżlattiva ordinarja bi tliet stadji ta' qari; jindika li, meta l-Parlament u l-Kunsill jeżerċitaw bis-sħiħ il-prerogattivi tagħhom fil-proċedura leġiżlattiva, huma l-ftehimiet tat-tieni qari li għandhom ikunu l-proċedura standard filwaqt li l-ftehimiet tal-ewwel qari għandhom jintużaw biss fejn tkun ittieħdet deċiżjoni kkunsidrata u espliċita biex jagħmlu dan;

11.

Jilqa' l-impenn biex tiġi żgurata t-trasparenza tal-proċeduri leġiżlattivi, iżda jenfasizza l-ħtieġa ta' aktar dispożizzjonijiet u għodod konkreti biex dan jirnexxilu jsir, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda l-użu ta' ftehimiet tal-ewwel qari;

12.

Jemmen, barra minn hekk, li għandu jsir użu aħjar tal-arranġamenti għad-djalogu politiku mal-parlamenti nazzjonali; jenfasizza, f'dan ir-rigward, ir-rwol importanti mogħti lill-parlamenti nazzjonali mit-Trattat ta' Lisbona u jisħaq li, flimkien mar-rwol li jissorveljaw ir-rispett għall-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, huma jistgħu u qegħdin jagħtu kontributi pożittivi fil-qafas tad-djalogu politiku; iħeġġeġ użu aħjar tal-mekkaniżmi eżistenti ta' sussidjarjetà u proporzjonalità kif stabbilit fit-Trattati; jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm aktar flessibilità fl-infurzar tal-iskadenza ta' tmien ġimgħat biex il-parlamenti nazzjonali joħorġu opinjoni motivata dwar in-nuqqas ta' konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà;

13.

Jitlob li ssir valutazzjoni komprensiva tal-impatt li l-FII l-ġdid se jkollu fuq il-Ftehim Qafas tal-2010 u ftehimiet interistituzzjonali eżistenti oħra relatati, filwaqt li ma tintesiex il-ħtieġa li jiġu saljagwadjati l-pożizzjoni u l-prerograttivi tal-Parlament Ewropew u li tiġi ssemplifikata l-istruttura tal-bosta arranġamenti li jirregolaw ir-relazzjonijiet interistituzzjonali;

14.

Iqis li tali semplifikazzjoni għandha ssir ladarba jkunu fis-seħħ l-arranġamenti prattiċi kollha biex jiġi implimentat il-FII l-ġdid fit-totalità tiegħu, u f'dan il-punt l-istituzzjonijiet jistgħu jivvalutaw ukoll jekk hemmx bżonn ta' aġġustamenti għall-FII fid-dawl tal-esperjenza miksuba sa dak il-mument bl-implimentazzjoni tal-FII l-ġdid;

15.

Jenfasizza l-importanza ta' implimentazzjoni adegwata u l-importanza li jiġi żgurat li l-impenji meħuda u l-iskadenzi stabbiliti fl-IIA l-ġdid jiġu onorati;

16.

Jinnota li l-kwistjonijiet li ġejjin b'mod partikolari jeħtieġu segwitu ulterjuri fil-livell tekniku u/jew fil-livell politiku, bl-involviment attiv u l-għarfien espert tal-kumitati parlamentari kollha li jkollhom l-esperjenza rilevanti:

il-programmazzjoni (rieżami tekniku tal-Ftehim Qafas tal-2010 u r-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament);

il-verifika tal-bażi ġuridika tal-atti (rieżami tar-Regoli ta' Proċedura biex jiġu inkorporati l-arranġamenti għal skambju trilaterali ta' fehmiet);

il-valutazzjoni tal-applikazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni tal-Linji Gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar tagħha msemmija hawn fuq u tal-funzjonament effettiv tal-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju li għadu kif inħoloq, b'mod partikolari bil-għan li jiġi vverifikat, skont il-paragrafu 6, li dan jopera b'mod indipendenti u li l-membri tiegħu mhumiex suġġetti għal xi kontroll politiku;

it-trasparenza u l-koordinament tal-proċess leġiżlattiv (inklużi l-użu xieraq tal-proċeduri tal-ewwel qari u tat-tieni qari, l-arranġamenti prattiċi għall-iskambji ta' fehmiet, il-kondiviżjoni tal-informazzjoni u t-tqabbil tal-iskedi ta' żmien, it-trasparenza fil-kuntest tan-negozjati trilaterali, l-iżvilupp ta' pjattaformi u għodda għall-ħolqien ta' bażi tad-data konġunta dwar l-istat attwali tal-fajls leġiżlattivi, l-għoti ta' tagħrif lill-parlamenti nazzjonali u l-arranġamenti prattiċi għall-kooperazzjoni u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni fir-rigward tan-negozjati dwar il-ftehimiet internazzjonali u l-konklużjoni tagħhom);

valutazzjoni u segwitu possibbli tal-indipendenza tal-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju fil-qadi tar-rwol tiegħu fis-superviżjoni u l-għoti ta' parir oġġettiv dwar il-valutazzjonijiet tal-impatt rispettivi;

l-aspettattiva min-naħa tal-Parlament, skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-FII l-ġdid, li l-Kummissjoni tressaq proposti li jistabbilixxu miri, fejn ikun fattibbli, għat-tnaqqis tal-piżijiet f'setturi ewlenin mill-aktar fis possibbli filwaqt li tiżgura li l-objettivi tal-leġiżlazzjoni jintlaħqu;

l-iżgurar ta' koerenza operattiva u ġuridika bejn il-FII l-ġdid u l-ftehimiet ta' kooperazzjoni rigward il-korpi konsultattivi tal-Unjoni;

atti delegati u atti ta' implimentazzjoni, fuq il-bażi tar-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Frar 2014 dwar segwitu dwar id-delega ta' setgħat leġiżlattivi u l-kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni (6) (negozjati dwar kriterji ta' delineazzjoni għall-atti delegati u għall-atti ta' implimentazzjoni, it-twaqqif ta' reġistru ta' atti ddelegati u l-allinjament sħiħ tal-atti ta' qabel Lisbona);

l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni (skrutinju tal-komunikazzjoni, mill-Istati Membri, tat-traspożizzjoni tad-direttivi, kif ukoll ta' kull miżura nazzjonali li tmur lil hinn mid-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni (“gold-plating”);

17.

Japprova l-abbozz ta' ftehim li jinsab fl-Anness I ta' din id-deċiżjoni;

18.

Japprova d-dikjarazzjoni mill-Parlament u l-Kummissjoni li tinsab fl-Anness II ta' din id-deċiżjoni;

19.

Jitlob lill-kumitat kompetenti tiegħu sabiex jeżamina sa fejn huma meħtieġa emendi jew interpretazzjoni tar-Regoli ta' Proċedura jew bidliet lill-prattiki lill-amministrazzjoni tiegħu u lill-mezzi ta' kuntatttal-Parlament ma' istituzzjonijiet oħra għall-implimentazzjoni tal-FII l-ġdid;

20.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma l-FII l-ġdid flimkien mal-President tal-Kunsill u mal-President tal-Kummissjoni u biex jiżgura li jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

21.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi, għal skopijiet ta' informazzjoni, din id-deċiżjoni, inklużi l-annessi tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  ĠU L 304, 20.11.2010, p. 47.

(2)  ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.

(3)  Testi adottati, P7_TA(2014)0061.

(4)  Testi adottati, P8_TA(2015)0323.

(5)  Testi adottati, P8_TA(2014)0069.

(6)  Testi adottati, P7_TA(2014)0127.


ANNESS I

Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea

(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-ftehim interistituzzjonali kif ippublikat fil-ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.)


ANNESS II

DIKJARAZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUMMISSJONI FL-OKKAŻJONI TAL-ADOZZJONI TAL-FTEHIM INTERISTITUZZJONALI DWAR IT-TFASSIL AĦJAR TAL-LIĠIJIET

Il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni jqisu li dan il-Ftehim jirrifletti l-bilanċ bejn u l-kompetenzi rispettivi tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni kif stipulati fit-Trattati.

Dan il-Ftehim huwa mingħajr preġudizzju għall-Ftehim Qafas tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea (1)


(1)  ĠU L 304, 20.11.2010, p. 47.