Brussell, 16.11.2016

COM(2016) 901 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

Valutazzjoni tal-azzjoni meħuda mill-Portugall u Spanja

bħala reazzjoni għad-deċiżjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta' Awwissu 2016 li jingħata avviż biex tittieħed miżura għat-tnaqqis tad-defiċit meqjus bħala meħtieġ sabiex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv


KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI

Valutazzjoni tal-azzjoni meħuda mill-Portugall u Spanja


bħala reazzjoni għad-deċiżjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta' Awwissu 2016 li jingħata avviż biex tittieħed miżura għat-tnaqqis tad-defiċit meqjus bħala meħtieġ sabiex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv

1.Daħla

Fit-8 ta’ Awwissu 2016, il-Kunsill adotta deċiżjonijiet, skont l-Artikolu 126(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jingħata avviż lill-Portugall u Spanja biex jieħdu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit, liema miżuri huma meqjusa meħtieġa sabiex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv.

Il-Portugall ingħata avviż biex itemm is-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv sal-2016, billi din is-sena jnaqqas id-defiċit ġenerali tal-gvern għal 2,5 % tal-PDG. Din il-mira eskludiet l-impatt tal-effett dirett ta’ appoġġ bankarju potenzjali. Abbażi tat-tbassir tar-rebbiegħa tal-Kummissjoni tal-2016, li fuqu kienet ibbażata d-Deċiżjoni tal-Kunsill, dan kien ikkunsidrat konsistenti ma’ bilanċ strutturali mhux mibdul meta mqabbel mal-2015. Il-Kunsill iddeċieda wkoll li l-Portugall jenħtieġ li juża kull dħul mhux mistenni biex jgħaġġel il-proċess tat-tnaqqis tad-defiċit u tad-dejn. Barra minn hekk, il-Portugall intalab biex jadotta u jimplimenta bis-sħiħ il-miżuri ta’ konsolidazzjoni li jammontaw għal 0,25 % tal-PDG fl-2016, minbarra l-iffrankar inkluż fit-tbassir tar-rebbiegħa tal-Kummissjoni tal-2016. Dan implika b’mod partikolari l-implimentazzjoni bis-sħiħ tal-miżuri ta’ konsolidazzjoni inkorporati fil-Baġit 2016, inkluż il-kontroll tan-nefqa addizzjonali fl-akkwist ta’ oġġetti u ta’ servizzi indikati fil-Programm ta’ Stabbiltà, u dan l-iffrankar jiġi kkumplimentat b'miżuri addizzjonali ta’ natura strutturali biex jinkiseb l-isforz fiskali meħtieġ. Fl-aħħar nett, sabiex jiġi żgurat titjib fit-tul tal-finanzi pubbliċi, il-Kunsill talab lill-Portugall biex jimplimenta b’mod strett il-Liġi tal-Qafas tal-Baġit u l-Liġi tal-Kontroll tal-Impenji u jkompli jtejjeb il-ġbir tad-dħul u l-kontroll tan-nefqa. Il-Portugall intalab biex jippreżenta skeda ċara u jimplimenta passi biex iħallas kompletament l-arretrati u jtejjeb l-effiċjenza fis-sistema tal-kura tas-saħħa, biex inaqqas id-dipendenza tas-sistema tal-pensjonijiet fuq it-trasferimenti tal-baġit u biex jiżgura ffrankar fiskali fir-ristrutturar tal-intrapriżi tal-istat.

Spanja ngħatat avviż biex ittemm is-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv sal-2018, billi tnaqqas id-defiċit ġenerali tal-gvern għal 4,6% tal-PDG fl-2016, sa 3,1% tal-PDG fl-2017 u 2,2% tal-PDG fl-2018. Abbażi tat-tbassir tar-rebbiegħa aġġornat tal-Kummissjoni tal-2016 li fuqu tibbaża d-deċiżjoni tal-Kunsill, dan ġie kkunsidrat bħala konsistenti ma' deterjorament tal-bilanċ strutturali b'0,4 % tal-PDG fl-2016, u titjib b'0,5 % tal-PDG kemm fl-2017 kif ukoll fl-2018. Il-Kunsill iddeċieda wkoll li Spanja jenħtieġ li tuża kull dħul mhux mistenni biex tgħaġġel it-tnaqqis tad-defiċit u tad-dejn, u jenħtieġ li tadotta u timplimenta bis-sħiħ il-miżuri ta’ konsolidazzjoni li jammontaw għal 0,5 % tal-PDG kemm fl-2017 kif ukoll fl-2018, minbarra l-iffrankar inkluż fit-tbassir tar-rebbiegħa aġġornat tal-Kummissjoni tal-2016. Fl-aħħar nett, il-Kunsill talab lil Spanja biex tadotta miżuri li jsaħħu l-qafas fiskali tagħha, b'mod partikolari bil-għan li tiżdied l-awtomatiċità tal-mekkaniżmi biex jiġu pprevenuti u kkoreġuti devjazzjonijiet mill-objettivi baġitarji u biex jissaħħaħ il-kontribut tar-regola tal-infiq tal-Liġi tal-Istabbiltà għas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi. Huwa talab ukoll lill-gvern Spanjol biex jistabbilixxi qafas konsistenti biex jiġu żgurati t-trasparenza u l-koordinament tal-politika tal-akkwist pubbliku bejn l-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kollha, inklużi mekkaniżmi ta’ kontroll ex ante u ex post xierqa sabiex jiżguraw l-effiċjenza u l-konformità legali.

F’konformità mal-Artikolu 3(4a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97, il-Kunsill stabbilixxa d-data tal-iskadenza tal-15 ta’ Ottubru 2016 biex il-Portugall u Spanja jirrapportaw fid-dettall dwar l-azzjoni meħuda b’reazzjoni għad-deċiżjoni tal-Kunsill. Fil-15 ta’ Ottubru 2016 u fis-17 ta’ Ottubru 2016 ġew ippreżentati rapporti lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, minn Spanja u mill-Portugall rispettivament, li jiffokaw fuq il-miżuri ta’ politika fiskali li ttieħdu sabiex jinkisbu l-miri stabbiliti mill-Kunsill.

Il-Kummissjoni eżaminat l-istrateġiji baġitarji tal-Portugall u ta' Spanja abbażi tal-informazzjoni inkluża fir-rapporti dwar l-azzjoni meħuda sabiex tivvaluta jekk iż-żewġ Stati Membri kkonformawx mad-deċiżjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta’ Awwissu 2016.

Il-kaxxa numru 1: Metodoloġija għall-valutazzjoni tal-azzjoni effettiva

Skont ir-Regolament (KE) Nru 1467/97 u l-Kodiċi tal-Kondotta 1 , Stat Membru għandu jitqies li jkun ħa azzjoni effettiva jekk ikun aġixxa f’konformità mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) tat-TFUE jew id-deċiżjoni tal-Kunsill biex jingħata avviż skont l-Artikolu 126(9). Il-Kodiċi tal-Kondotta jistipula li l-valutazzjoni tal-azzjoni effettiva jenħtieġ li tqis b’mod partikolari jekk l-Istat Membru kkonċernat kisibx il-miri baġitarji annwali u t-titjib sottostanti fil-bilanċ tiegħu aġġustat b’mod ċikliku, nett minn miżuri ta’ darba u miżuri temporanji oħrajn, kif irrakkomandat mill-Kunsill.

Il-metodoloġija biex tiġi vvalutata l-azzjoni effettiva 2 tirrikjedi li l-ewwel nett jiġi vverifikat jekk l-Istat Membru huwiex konformi mal-mira tad-defiċit nominali u mat-titjib sottostanti fil-bilanċ strutturali li huwa meħtieġ skont ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill jew id-deċiżjoni biex jingħata avviż. Jekk dan ikun il-każ, il-proċedura tiġi sospiża.

Jekk l-Istat Membru ma jilħaqx jew ikun f’riskju li ma jilħaqx il-mira tad-defiċit nominali jew it-titjib meħtieġ fil-bilanċ strutturali, issir analiżi bir-reqqa tar-raġunijiet għal dan in-nuqqas. L-analiżi bir-reqqa bil għan li tivvaluta jekk l-Istat Membru jkunx aġixxa f’konformità mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill jew mad-deċiżjoni li jingħata avviż isserraħ fuq żewġ miżuri kumplimentarji ta’ sforz fiskali: (i) metodu "minn fuq għal isfel", li jkejjel il-bidla fil-bilanċ strutturali aġġustata għar-reviżjoni ta' tkabbir fil-prodott potenzjali, dħul imprevist/tnaqqis fid-dħul u avvenimenti mhux previsti mqabbla max-xenarju bażi li fuqu tibbaża r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill jew id-deċiżjoni li jingħata avviż; kif ukoll (ii) il-metodu “minn isfel għal fuq”, li jistima l-impatt baġitarju tal-miżuri fiskali diskrezzjonali individwali implimentati u l-iżviluppi fin-nefqa taħt il-kontroll tal-gvern imqabbla max-xenarju bażi li fuqu tibbaża r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill jew id-deċiżjoni li jingħata avviż. L-analiżi bir-reqqa hija kkumplimentata wkoll minn kunsiderazzjonijiet kwalitattivi relevanti oħrajn, li jippermettu lill-Kummissjoni tipprovdi ġudizzju kkwalifikat dwar jekk l-Istat Membru jkunx ħa biżżejjed azzjonijiet ta’ politika sabiex jikkonforma mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill jew mad-Deċiżjoni li jingħata avviż.

Jekk l-analiżi bir-reqqa tindika li l-impenji ta’ politika tal-Istat Membru kkonċernat ikunu ssarrfu f’riżultati, il-valutazzjoni tikkonkludi li tkun ittieħdet azzjoni effettiva. Jekk l-analiżi bir-reqqa turi li l-impenji ta’ politika ma jkunux issarrfu f’riżultati u l-miri tad-defiċit nominali mhumiex mistennija li jintlaħqu, il-valutazzjoni tikkonkludi li ma tkunx ittieħdet azzjoni effettiva. Madankollu, jekk il-miri tad-defiċit nominali jkunu mistennija li jintlaħqu, il-proċedura jenħtieġ li tiġi sospiża.

2.Valutazzjoni tal-azzjoni meħuda mill-Portugall

2.1.Miżuri inklużi fir-rapport dwar l-azzjoni meħuda u projezzjonijiet baġitarji aġġornati

Kif spjega fir-rapport dwar l-azzjoni meħuda ppreżentat mill-Portugall fis-17 ta’ Ottubru 2016, il-Portugall implimenta ffriżar ta’ EUR 445 miljun (¼ % tal-PDG) fil-konsum intermedju bħala reazzjoni għad-deċiżjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Awwissu 2016 li jingħata avviż. Din il-miżura hija mistennija li tikkumpensa parzjalment għall-fatturi li jżidu d-defiċit ippreżentati fid-dokument. Ir-rapport jippjana defiċit ġenerali tal-gvern ta’ 2,4 % tal-PDG fl-2016, li huwa 0,2 % tal-PDG ogħla mill-mira tal-Programm ta’ Stabbiltà tal-2016. Id-differenza tirriżulta mill-fatt li l-previżjoni makroekonomika marret għall-agħar meta mqabbla mal-Programm ta’ Stabbiltà tal-2016, li tikkontribwixxi għal reviżjoni ’l isfel tal-projezzjonijiet tad-dħul mit-taxxa. Fuq in-naħa tan-nefqa, żewġ fatturi ta’ darba huma wkoll mistennija li jżidu d-defiċit ġenerali tal-gvern (wieħed dwar Oitante—, il-veikolu tal-ġestjoni tal-assi li nħoloq fil-qafas tar-riżoluzzjoni ta' Banif —, u l-ieħor marbut mal-kanċellazzjoni ta’ żewġ konċessjonijiet).

2.2.Valutazzjoni tal-azzjoni meħuda

It-tbassir tal-ħarifa tal-Kummissjoni tal-2016 jipprevedi defiċit ġenerali tal-gvern ta’ 2,7 % tal-PDG fl-2016, ogħla mil-livell meħtieġ tal-mira tad-defiċit ta’ 2,5 % tal-PDG iżda taħt il-valur referenzjarju tat-Trattat ta’ 3 % tal-PDG. Nofs id-differenza, meta mqabbla mat-2,4 % tal-PDG inklużi fir-rapport dwar l-azzjoni meħuda hija riżultat ta’ xenarju makroekonomiku anqas pożittiv fit-tbassir tal-ħarifa tal-Kummissjoni tal-2016, li jirriżulta fi projezzjonijiet aktar baxxi tad-dħul mit-taxxa. Il-kumplament tad-diskrepanza tirriżulta minn xi pressjonijiet akbar fuq in-nefqa fit-tbassir tal-ħarifa tal-Kummissjoni tal-2016 milli fir-rapport dwar l-azzjoni meħuda, b’mod partikolari fil-qasam tal-kumpens lill-impjegati u tal-konsum intermedju. 

Tabella 1: Tqabbil tal-projezzjonijiet baġitarji

 

L-isforz fiskali meħtieġ ta’ tibdil fil-bilanċ strutturali mhux mibdul mhuwiex mistenni li jintlaħaq minħabba li t-tbassir tal-ħarifa tal-Kummissjoni tal-2016 jipprevedi deterjorament żgħir b’ 0,1 % tal-PDG. Dan huwa aħjar mid-deterjorament ta' 0,2 % tal-PDG previst fit-tbassir tar-rebbiegħa tal-Kummissjoni tal-2016 li fuqu tibbaża d-deċiżjoni tal-Kunsill li jingħata avviż minħabba r-reviżjoni ’l isfel tax-xenarju makroekonomiku u l-impatt sussegwenti fuq l-aġġustament ċikliku.

Kif stipulat fil-metodoloġija għall-valutazzjoni tal-azzjoni effettiva (ara l-Kaxxa 1), din is-sitwazzjoni titlob għal analiżi bir-reqqa tal-isforz fiskali abbażi tal-bidla aġġustata fil-bilanċ strutturali (metodu "minn fuq għal isfel") u tan-numru ta’ miżuri meħudin (metodu "minn isfel għal fuq").

Abbażi tal-metodu "minn fuq għal isfel" biex jiġi vvalutat l-isforz fiskali, il-bidla aġġustata fil-bilanċ strutturali hija stmata għal 0,4 % tal-PDG. Barra minn hekk, abbażi tal-metodu "minn isfel għal fuq", l-isforz fiskali ta' 0,3% tal-PDG jidher li huwa ġeneralment konformi ma’ dak li kien meqjus meħtieġ biex jikkonforma mad-deċiżjoni tal-Kunsill li jingħata avviż (0,25% tal-PDG). Dan jirrifletti prinċipalment l-iffriżar mitlub tal-konsum intermedju— b’impatt baġitarju strutturali ta’ qrib ¼ % tal-PDG— meħud b'reazzjoni għad-deċiżjoni tal-Kunsill li jingħata avviż u debitament rappurtat fir-rapport li jinsab taħt analiżi.

Tabella 2:    Tqabbil bejn il-bidla aġġustata fil-bilanċ strutturali u l-isforz fiskali "minn isfel għal fuq", abbażi tat-tbassir tal-ħarifa tal-Kummissjoni tal-2016

 

B’mod ġenerali, filwaqt li l-mira tad-defiċit nominali mhijiex mistennija li tintlaħaq fl-2016, it-tbassir tal-ħarifa tal-Kummissjoni tal-2016 xorta jistenna korrezzjoni f’waqtha tad-defiċit eċċessiv. Barra minn hekk, it-tbassir tal-Kummissjoni jipprevedi li d-defiċit eċċessiv jiġi korrett b’mod sostenibbli minħabba li d-defiċit nominali huwa mbassar li jibqa’ taħt il-valur referenzjarju tat-Trattat ta’ 3 % tal-PDG, filwaqt li jkompli jonqos għal 2,2 % tal-PDG fl-2017 u jiżdied kemxejn aktar għal 2,4 % tal-PDG fl-2018. Fl-aħħar nett, l-isforz fiskali meħtieġ huwa mistenni li jintlaħaq fl-2016 abbażi ta' kemm il-bidla aġġustata fil-bilanċ strutturali kif ukoll tal-metodu “minn isfel għal fuq” biex jiġi vvalutat l-isforz fiskali. Madankollu, iż-żmien u d-daqs tal-impatt tad-defiċit potenzjali tar-rikapitalizzazzjoni ppjanata ta’ Caixa Geral de Depósitos (CGD) għadhom mhumiex magħrufa. Dan jirrappreżenta riskju għal korrezzjoni f’waqtha u sostenibbli tad-defiċit eċċessiv.

2.3.Valutazzjoni tal-azzjoni meħuda fir-rigward tal-miżuri strutturali

Fir-rigward tal-miżuri mitluba mill-Kunsill biex jiġi żgurat titjib sostenibbli tal-finanzi pubbliċi, ir-rapport dwar l-azzjoni meħuda jenfasizza t-trażżin ta’ dejn mhux finanzjarju fl-amministrazzjoni ċentrali u ż-żidiet f’fondi disponibbli għall-ħlas ta’ arretrati fis-settur tas-saħħa. Ir-rapport jirreferi wkoll għall-approvazzjoni ta’ regoli operattivi għall-unità ta’ implimentazzjoni tal-Qafas tal-Liġi Baġitarja l-ġdida. Barra minn hekk, beda rieżami tal-infiq, li għalissaj kopri s-setturi tas-saħħa u tal-edukazzjoni, kif ukoll l-akkwist pubbliku u l-intrapriżi tal-istat, b'impatt kumulattiv ippjanat ta’ EUR 238 miljun fi tfaddil sal-2019, li minnhom EUR 75 miljun fl-2017. Rigward is-sostenibbiltà tas-sistema tal-pensjonijiet, ir-rapport jindika l-allokazzjoni ppjanata ta’ dħul ta’ taxxa progressiva ġdida fuq l-assi tal-proprjetà immobbli għall-Fond tas-Sigurtà Soċjali għall-Istabbilizzazzjoni Finanzjarja (mistennija li trendi EUR 160 miljun fl-2017) fl-Abbozz tal-Baġit għall-2017. Dan qed jiġi ppreżentat mill-gvern bħala mod biex tiġi indirizzata d-dipendenza fuq trasferimenti baġitarji standard. Madankollu, in-naħa tal-infiq tas-sostenibbiltà tas-sistema tal-pensjonijiet għadha ma ġietx indirizzata. Fl-aħħar nett, ir-rapport dwar l-azzjoni meħuda jirreferi li jinsab għaddej iffokar mill-ġdid tal-pjan ta’ ristrutturar tal-intrapriżi tal-istat, mingħajr referenza għal xi progress speċifiku f’dan il-qasam.

3.Valutazzjoni tal-azzjoni meħuda minn Spanja

3.1.Miżuri inklużi fir-rapport dwar l-azzjoni meħuda u projezzjonijiet baġitarji aġġornati

Fid-dawl tan-natura proviżorja tal-gvern, ir-rapport dwar l-azzjoni meħuda ppreżentat minn Spanja fil-15 ta’ Ottubru 2016 jiffoka fuq miżuri adottati bil-għan li jiżguraw konformità mal-miri baġitarji intermedji għall-2016.

Bmod partikolari, ir-rapport jenfasizza dawn iż-żewġ miżuri ta politika fiskali adottati breazzjoni għad-deċiżjoni tal-Kunsill tat-8 ta Awwissu 2016: l-ewwel nett, id-deċiżjoni biex titressaq il quddiem id-data tal-għeluq tas-sena fiskali 2016 u t-tieni, il-Liġi tad-Digriet Irjali 2/2016, li jgħolli l-ammont tal-ħlasijiet parzjali tat-taxxa fuq id-dħul korporattiv. L-ewwel waħda hija strateġija tal-ġestjoni tal-baġit biex tgħin biex titrażżan in-nefqa fl-2016, b'iffrankar ippjanat li jammonta għal EUR 1 biljun (0,1 % tal-PDG). Tal-aħħar ġiet adottata mill-gvern Spanjol u rratifikata mill-Parlament fl-20 ta' Ottubru 2016 bil-għan li jiġi kkumpensat nuqqas tal-PDG antiċipat ta' 0,6% fid-dħul mit-taxxa fuq id-dħul korporattiv fl-2016, li jirriżulta mill-iskadenza fl-1 ta' Jannar 2016 tal-miżuri tranżitorji li jirregolaw il-ħlasijiet parzjali tat-taxxa fuq id-dħul korporattiv. Fost oħrajn, il-miżura ddaħħal mill-ġdid u żżid il-ħlasijiet parzjali minimi tat-taxxa fuq id-dħul korporattiv, u tkabbar il-kopertura tagħhom għal numru akbar ta kumpaniji. Skont ir-rapport, minbarra li tikkumpensa għan-nuqqas imsemmi hawn fuq fit-taxxa fuq id-dħul korporattiv, il-miżura għandha impatt pożittiv nett ulterjuri ta' 0,2 % tal-PDG fuq il-bilanċ nominali fl-2016, bid-defiċit ippjanat li jilħaq l-4,6 % fl-2016. Din il-miżura madankollu ma ġġib magħha l-ebda titjib fil-bilanċ strutturali għal Spanja 3 .

Fid-dawl tan-natura proviżorja tal-gvern sal-iskadenza tal-15 ta’ Ottubru stabbilita mill-Kunsill għas-sottomissjoni tar-rapport, u skont il-projezzjonijiet tal-ebda bidla fil-politika ppreżentati fl-APB għall-2017, ir-rapport dwar l-azzjoni meħuda ma jippreżenta l-ebda miżuri ġodda ta’ politika fiskali għall-2017, li se jkunu meħtieġa biex tiġi żgurata l-konformità mal-miri strutturali u l-miri tad-defiċit nominali għall-2017 u l-2018. Dan jenfasizza biss l-impatt kontinwu tal-miżuri diġà adottati fl-2016 jew qabel. Abbażi ta' dan, id-defiċit ippjanat għall-2017 fl-APB huwa ta’ 3,6 % tal-PDG, 0,5 punti perċentwali aktar mill-mira tad-defiċit nominali stabbilita mill-Kunsill għal dik is-sena.

Fir-rigward tal-miżuri mitluba mid-deċiżjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Awwissu biex jissaħħu l-oqfsa fiskali u pubbliċi tal-akkwist pubbliku ta Spanja, ir-rapport jipprovdi informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti fil-qafas fiskali nazzjonali, jiġifieri, il-Liġi tal-Istabbiltà fl-2016 u dwar iż-żewġ proposti leġiżlattivi mressqa mill-gvern Spanjol biex tissaħħaħ is-superviżjoni tal-akkwist pubbliku, li għandhom jiġu approvati mill-Parlament 4 .

3.2.Valutazzjoni tal-azzjoni meħuda

It-tbassir tal-ħarifa tal-Kummissjoni tal-2016 jipprevedi defiċit nominali ta’ 4,6 % tal-PDG, li huwa konformi mal-mira ta’ defiċit fin-notifika tal-Kunsill. B’mod partikolari, fl-ewwel nofs tal-2016, id-defiċit ġenerali tal-gvern ta' Spanja ma nbidilx, minkejja tkabbir ekonomiku b’saħħtu. Id-data ta’ kull xahar disponibbli għal Awwissu u Settembru għal xi subsetturi tal-gvern ġenerali kkonfermat din is-sitwazzjoni. Billi n-nefqa żdiedet b’konformità mal-aspettattivi, id-dħul ġie mxekkel minn nuqqasijiet sinifikanti fid-dħul mit-taxxa fuq l-introjtu. Dan huwa partikolarment il-każ għat-taxxa fuq id-dħul korporattiv wara d-dħul fis-seħħ tat-tieni fażi tar-riforma tat-taxxa fuq id-dħul korporattiv u t-tneħħija tal-ħlasijiet parzjali minimi tat-taxxa fuq id-dħul korporattiv, li daħlu fis-seħħ f’Jannar 2016. Il-Liġi tad-Digriet Irjali 2/2016 li ġiet adottata fl-20 ta' Ottubru 2016 tikkumpensa aktar milli meħtieġ għall-impatt ta’ dan tal-aħħar.

Fin-nuqqas ta’ baġit għall-2017, id-defiċit huwa mistenni li jonqos għal 3,8 % tal-PDG fl-2017 u għal 3,2 % tal-PDG fl-2018. Dan huwa l-aktar minħabba l-prospetti pożittivi makroekonomiċi (li jappoġġaw id-dħul mit-taxxi u għinu sabiex it-trasferimenti soċjali jinżammu taħt kontroll) u tnaqqis tal-ħlasijiet tal-imgħax f’ambjent ta’ rati baxxi ta’ mgħax. Madankollu, l-eżitu tad-defiċit mistenni għas-sentejn li huma jibqa’ ogħla mill-miri tad-defiċit nominali stabbiliti mill-Kunsill u korrezzjoni f’waqtha sal-2018 bħalissa mhijiex prevista.

Filwaqt li d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Awwissu 2016 titlob li Spanja tillimita d-deterjorament fil-bilanċ strutturali għal mhux aktar minn 0,4 % tal-PDG fl-2016, it-tbassir tal-ħarifa tal-Kummissjoni tal-2016 jindika tnaqqis fil-bilanċ strutturali ta’ 1,0 % tal-PDG, 0,6 punti perċentwali inqas minn dak li kien mitlub. Għall-2017 u l-2018, id-deċiżjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Awwissu 2016 tirrikjedi li Spanja tikseb titjib fil-bilanċ strutturali ta’ 0,5 % tal-PDG fl-2017. B’kuntrast ma’ dan, it-tbassir tal-ħarifa tal-Kummissjoni tal-2016 ma jipprevedi l-ebda bidla fid-defiċit strutturali għall-2017 u l-2018.



Tabella 3: Tqabbil tal-projezzjonijiet baġitarji

Kif stipulat fil-metodoloġija għall-valutazzjoni tal-azzjoni effettiva (ara l-Kaxxa 1), din is-sitwazzjoni titlob għal analiżi bir-reqqa tal-isforz fiskali abbażi tal-bidla aġġustata fil-bilanċ strutturali (metodu "minn fuq għal isfel") u tan-numru ta’ miżuri meħudin (metodu "minn isfel għal fuq").

Tabella 4: Tqabbil bejn il-bidla aġġustata fil-bilanċ strutturali u l-isforz fiskali "minn isfel għal fuq", abbażi tat-tbassir tal-ħarifa tal-Kummissjoni tal-2016 

Fir-rigward tal-2016, l-analiżi bir-reqqa turi li hemm riskju ta’ prestazzjoni taħt il-livell mistenni tal-isforz fiskali meħtieġ skont iż-żewġ metodi ta’ kejl. B’mod partikolari, skont il-metodu "minn fuq għal isfel", l-istima tal-bidla aġġustata fil-bilanċ strutturali hija prevista li tkun -0,5 % tal-PDG fl-2016, li ma tilħaqx marġinalment il-mira ta’ -0,4 % tal-PDG meħtieġa mill-Kunsill. Sitwazzjoni simili tinħoloq abbażi tal-metodu "minn isfel għal fuq", li jbassar li l-impatt nett tal-miżuri ta’ dħul (strutturali) u l-iżviluppi tan-nefqa taħt il-kontroll tal-gvern se jkollhom impatt nett ta’ espansjoni ta’ 0,1 % tal-PDG, meta mqabbla ma’ ebda impatt mitlub mill-Kunsill.

Fir-rigward tal-2017, filwaqt li tiġi rrikonoxxuta n-natura ta' ebda bidla fil-politika ta dawn il-projezzjonijiet, l-analiżi bir-reqqa turi li fin-nuqqas ta miżuri ulterjuri l-isforz fiskali ma jilħaqx il-livell mitlub mill-Kunsill b0,3 % tal-PDG abbażi tal-metodu "minn fuq għal isfel", filwaqt li l-istima "minn isfel għal fuq" turi nuqqas ta 0,2 % fdik is-sena. Dan jissarraf fnuqqas kumulattiv matul l-2016 u l-2017 ta 0,3 % tal-PDG abbażi ta' kemm il-metodu ta kejl minn isfel għal fuq kif ukoll minn fuq għal isfel. Fl-aħħar nett, għall-2018, u anki minħabba n-natura ta dawn il-projezzjonijiet ta' ebda bidla fil-politika, l-istima minn fuq għal isfel ma tipprevedi l-ebda sforz fiskali fl-2018 u nuqqas kumulattiv ta 0,8 % tal-PDG meta mqabbel mal-mira mitluba mill-Kunsill. Bl-istess mod, l-istima minn isfel għal fuq ma turi l-ebda sforz fiskali fl-2018. Din hija taħt il-mira ta 0,5 % tal-PDG tal-miżuri meqjusa meħtieġa fl-2018 sabiex jintlaħqu l-miri strutturali spjegati fid-deċiżjoni tal-Kunsill biex jingħata avviż, li twassal għal nuqqas ta prestazzjoni ta' 0,9 % tal-PDG ftermini kumulattivi matul il-perjodu mill-2016 sal-2018 5 .

3.3.Valutazzjoni tal-azzjoni meħuda fir-rigward tal-miżuri strutturali

Il-gvern Spanjol ressaq xi miżuri ’l quddiem b’reazzjoni għad-deċiżjoni tal-Kunsill, li madankollu ma jilħqux ir-rekwiżiti tagħha.

Filwaqt li l-awtoritajiet Spanjoli pprovdew informazzjoni dettaljata dwar l-implimentazzjoni tal-mekkaniżmi preventivi u korrettivi tal-Liġi tal-Istabbiltà matul l-2016, sa issa ma ppreżentaw l-ebda proposta biex jemendaw din il-liġi sabiex l-applikazzjoni ta’ dawk il-mekkaniżmi ssir awtomatika. Barra minn hekk, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni ta’ implimentazzjoni xierqa, l-applikazzjoni tar-regoli ta' nefqa tal-Liġi tal-Istabbiltà għadha mhix ċara u tista’ tkun soġġetta għal interpretazzjonijiet li jdgħajfu l-kontribuzzjoni tagħha għad-dixxiplina fiskali.

Rigward il-miżuri ppjanati biex jissaħħaħ il-qafas ta’ politika tal-akkwist pubbliku ta’ Spanja, il-miżuri rappurtati b’xi mod jistgħu jgħinu fit-titjib ta' xi prattiki tal-akkwist pubbliku fi Spanja, iżda b’mod ġenerali ma jindirizzawx il-ħtieġa għal qafas konsistenti li jiżgura biżżejjed trasparenza u koordinazzjoni tal-akkwist pubbliku fost l-entitajiet u l-awtoritajiet kontraenti kollha. Barra minn hekk, ir-rapport ma għandux objettivi ċari għall-akkwist pubbliku, l-għodod għal azzjoni u l-iskeda ta’ żmien għall-adozzjoni u l-implimentazzjoni tagħhom.

4.Konklużjonijiet

Ir-rapporti dwar l-azzjoni meħuda ppreżentati mill-Portugall fis-17 ta’ Ottubru 2016 u minn Spanja fil-15 ta’ Ottubru 2016 jipprovdu dettalji dwar il-miżuri li huma l-bażi tal-istrateġiji baġitarji taż-żewġ Stati Membri.

Fir-rigward tal-Portugall, abbażi tal-informazzjoni disponibbli, id-defiċit ġenerali tal-gvern huwa mistenni li jilħaq it-2,7 % tal-PDG fl-2016, taħt il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-GDP tat-Trattat iżda ’l fuq mill-mira meħtieġa mill-Kunsill fit-8 ta’ Awwissu 2016. Analiżi bir-reqqa bbażata fuq it-tbassir tal-ħarifa tal-Kummissjoni tal-2016 tissuġġerixxi li l-Portugall wettaq l-isforz fiskali meqjus bħala meħtieġ biex ikun konformi mad-deċiżjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Awwissu 2016. Skont il-metodoloġija biex tiġi vvalutata l-azzjoni effettiva, billi l-Portugall huwa konformi mal-isforz fiskali mitlub mid-deċiżjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Awwissu 2016, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Portugall ħa azzjoni effettiva b'reazzjoni għad-deċiżjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Awwissu 2016 u għaldaqstant li, f’dan l-istadju, il-proċedura għandha tinżamm sospiża. Minħabba l-impatt li potenzjalment iżid id-defiċit tar-rikapitalizzazzjoni ta' CGD, korrezzjoni f’waqtha u sostenibbli tad-defiċit eċċessiv għadha madankollu mhijiex żgurata. Il-Kummissjoni tistieden ukoll lill-awtoritajiet biex ikomplu jsegwu l-implimentazzjoni tal-miżuri fiskali-strutturali mitluba mill-Kunsill fid-deċiżjoni tat-8 ta’ Awwissu 2016 li jingħata avviż.

Fir-rigward ta’ Spanja, l-awtoritajiet ikkonfermaw l-impenn tagħhom biex tiġi żgurata korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv, kif mitlub mill-Kunsill. Madankollu, minħabba n-natura proviżorja tal-gvern fl-iskadenza tal-15 ta’ Ottubru 2016, stabbilita mill-Kunsill, ir-rapport dwar l-azzjoni meħuda jiffoka fuq il-miżuri adottati bil-għan li jkun hemm konformità mal-mira intermedja tad-defiċit għall-2016, filwaqt li jiġu ppreżentati l-projezzjonijiet ta' ebda bidla fil-politika għall-2017. B’mod ġenerali, skont it-tbassir tal-ħarifa tal-Kummissjoni tal-2016, id-defiċit nominali huwa mistenni li jonqos għal 4,6 % tal-PDG fl-2016, skont il-mira, filwaqt li hemm riskju li l-isforz fiskali jista’ jkun kemxejn inqas mir-rekwiżiti. Abbażi tal-kisba prevista tal-mira mitluba tad-defiċit nominali fl-2016, f’dan l-istadju l-proċedura ta’ defiċit eċċessiv għandha tinżamm sospiża. Fl-istess ħin, il-miri għall-2017 u l-2018 mhumiex attwalment mistennija li jintlaħqu abbażi ta’ ebda bidla fil-politika, li jindika li hemm riskji għal korrezzjoni f’waqtha tad-defiċit eċċessiv. Il-Kummissjoni tistenna li Spanja tippreżenta Abbozz ta’ Pjan Baġitarju aġġornat għall-2017 lill-Kummissjoni u lill-Grupp tal-Euro li juri konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fid-deċiżjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Awwissu 2016, fil-prinċipju mill-inqas xahar qabel ma l-Liġi tal-Baġit tal-2017 tiġi adottata fil-Parlament. L-Abbozz ta’ Pjan Baġitarju aġġornat għandu jinkludi wkoll informazzjoni dwar il-miżuri meħuda b’reazzjoni għar-rekwiżiti tal-Kunsill biex ikunu msaħħa l-oqfsa ta’ politika fiskali u tal-akkwist pubbliku ta’ Spanja, skont l-Artikolu 1(5) u (6) tad-deċiżjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Awwissu 2016 li jingħata avviż. Il-Kummissjoni se teżamina mill-ġdid il-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti skont id-deċiżjoni tal-Kunsill imsemmija hawn fuq abbażi tal-informazzjoni fl-Abbozz ta’ Pjan Baġitarju aġġornat.

(1)  “Specifications on the implementation of the Stability and Growth Pact and guidelines on the format and content of stability and convergence programmes” (“L-ispeċifikazzjonijiet dwar l-implimentazzjoni tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir u l-Linji Gwida dwar il-format u l-kontenut tal-Programmi ta’ Stabbiltà u Konverġenza”), disponibbli hawnhekk:
http://ec.europa.eu/economy_finance/economic_governance/sgp/index_mt.htm .
(2)  Kif approvat mill-Kunsill fl-20 ta’ Ġunju 2014:
http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-11124-2014-INIT/mt/pdf
(3)  L-iskadenza fl-1 ta’ Jannar 2016 tal-miżuri tranżitorji li jirregolaw il-ħlasijiet parzjali tat-taxxa fuq id-dħul korporattiv kif ukoll il-Liġi tad-Digriet Irjali 2/2016 li tistabbilixxi ħlasijiet minimi ġodda ma jintroduċu l-ebda tibdil fil-piż kumplessiv tat-taxxa fuq il-korporazzjonijiet, iżda jaffettwaw biss iż-żmien tal-obbligazzjonijiet tat-taxxa u tal-ħlasijiet. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkunsidra l-impatt tagħhom bħala ta’ darba.
(4)  Għal aktar dettalji, ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja din il-Komunikazzjoni u l-Opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-Abbozz ta’ Pjan Baġitarju ta’ Spanja għall-2017.
(5)  F’ittra indirizzata lill-Viċi President Dombrovskis u lill-Kummissarju Moscovici tat-8 ta’ Novembru 2016, il-Ministru Spanjol tal-Ekonomija, l-Industrija u l-Kompetittività ħabbar li l-gvern Spanjol se jippreżenta APB aġġornat fil-ġimgħat li ġejjin. Skont l-ittra, dan il-baġit aġġornat jiżgura l-konformità mal-mira tad-defiċit nominali tal-2017 ta’ 3,1 % tal-PDG fl-2017 u r-rekwiżit tal-isforz strutturali ta’ 0,5 % tal-PDG.

Brussell, 16.11.2016

COM(2016) 901 final

ANNESS

Tabelli relatati mal-EDP

għal

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

Valutazzjoni tal-azzjoni meħuda mill-Portugall u Spanja

bħala reazzjoni għad-deċiżjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta' Awwissu 2016 li jingħata avviż biex tittieħed azzjoni għat-tnaqqis tad-defiċit meqjus bħala meħtieġ sabiex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv


Tabelli relatati mal-EDP

A. Il-Portugall

Tabella A1:    Aġġustament tal-isforz strutturali apparenti għar-reviżjoni fit-tkabbir potenzjali - dettalji tal-kalkolu

Tabella A2:    Aġġustament tal-isforz strutturali apparenti għar-reviżjoni fin-nuqqas ta dħul jew fid-dħul mhux previst dettalji tal-kalkolu

B. Spanja

Tabella B1:    Aġġustament tal-isforz strutturali apparenti għar-reviżjoni fit-tkabbir potenzjali - dettalji tal-kalkolu

Tabella B2:    Aġġustament tal-isforz strutturali apparenti għar-reviżjoni fin-nuqqas ta dħul jew fid-dħul mhux previst dettalji tal-kalkolu