Brussell, 23.11.2016

COM(2016) 857 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

skont l-Artikolu 85(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet


1.INTRODUZZJONI

Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 dwar derivattivi OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (EMIR) ġie ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (UE) fis-27 ta’ Lulju 2012, u daħal fis-seħħ fis-16 ta’ Awwissu 2012.

L-EMIR wieġeb għall-impenn mill-mexxejja tal-G20 f'Settembru 2009 li: "Jinħtieġ li l-kuntratti tad-derivattivi OTC standardizzati kollha jiġu negozjati f’kambji jew pjattaformi tan-negozju elettroniċi, fejn xieraq, u jiġu kklerjati permezz ta’ kontrapartijiet ċentrali sa mhux iżjed tard mill-aħħar tal-2012. Jinħtieġ li l-kuntratti tad-derivattivi OTC jiġu rrappurtati lir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet. Jinħtieġ li l-kuntratti kklerjati mhux ċentralment ikunu soġġetti għal rekwiżiti kapitali ogħla 1 ".

Ħafna mir-regolaturi tad-derivattivi madwar id-dinja issa trasponew ukoll dan l-impenn fl-oqfsa leġiżlattivi tagħhom.

Qabel il-kriżi finanzjarja tal-2007, ir-regolaturi ma kellhomx informazzjoni biżżejjed dwar l-attività fis-swieq tad-derivattivi; dan kien ifisser li r-riskji setgħu jibqgħu inosservati sakemm jimmaterjalizzaw. Barra minn hekk, riskju ta’ kreditu tal-kontroparti bejn il-kontropartijiet tad-derivattivi OTC ħafna drabi ma kienx jiġi mitigat, li seta' jwassal li jseħħ telf jekk kontroparti tiġi inadempjenti qabel tissodisfa l-obbligi tagħha. Minħabba l-volumi kbar ta’ tranżazzjonijiet f’dawn is-swieq u l-interkonnettività tal-parteċipanti tas-swieq, dan it-telf jista’ jkun ta’ theddida għas-sistema finanzjarja usa’.

L-EMIR għalhekk ifittex li jippromwovi trasparenza u standardizzazzjoni fis-swieq tad-derivattivi kif ukoll inaqqas ir-riskju sistemiku permezz tal-applikazzjoni tar-rekwiżiti ewlenin tiegħu. Dawn huma:

I.    Ikklerjar ċentrali ta’ kuntratti ta’ derivattivi OTC standardizzati;

II.    Rekwiżiti ta' marġini għal kuntratti tad-derivattivi OTC li humiex klerjati ċentralment;    

III.    Rekwiżiti ta' mitigazzjoni tar-riskju operazzjonali għal kuntratt tad-derivattivi OTC li humiex klerjati ċentralment 2 ;    

IV.    Ir-rappurtar tal-kuntratti kollha tad-derivattivi;

V.    Kundizzjonijiet għall-Kontropartijiet Ċentrali (CCPs - Central Counterparties).

VI.    Rekwiżiti għar-Repożitorji tal-Kummerċ.

Skont l-Artikolu 85(1) tal-EMIR, il-Kummissjoni Ewropea għandha tirrevedi u tħejji rapport ġenerali dwar l-EMIR li għandu jiġi ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, flimkien ma’ kwalunkwe proposta xierqa. Din ir-reviżjoni se tqis il-ħtieġa li tiġi appoġġata l-prijorità tal-Kummissjoni Ewropea li tippromwovi l-impjiegi u t-tkabbir.

2.IL-KONTRIBUT TAL-PARTIJIET INTERESSATI

L-EMIR japplika għal kważi l-utenti kollha ta’ derivattivi 3 , inkluża kull kontroparti awtorizzata permezz tal-oqfsa tal-Unjoni dwar is-servizzi finanzjarji, kontropartijiet mhux finanzjarji (NFCs - non-financial counterparties) stabbiliti fl-Unjoni kif ukoll kontropartijiet ċentrali u repożitorji tal-kummerċ. Bħala Regolament, japplika direttament fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni.

Sabiex tiġbor informazzjoni mill-partijiet interessati għall-finijiet ta’ reviżjoni, il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni pubblika dwar l-implimentazzjoni tal-EMIR 4 . Din il-konsultazzjoni saret bejn d-19 ta’ Mejju u t-13 ta’ Awwissu 2015 b'172 tweġiba mingħand firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati madwar l-UE, kif ukoll pajjiżi terzi.

Barra minn hekk, bħala parti mill-konsultazzjonijiet Sejħa għal Evidenza 5 fil-qafas tal-inizjattiva tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali li saru bejn it-30 ta’ Settembru 2015 u l-31 ta’ Jannar 2016, 278 minn dawk li wieġbu ppreżentaw talbiet iffokati fuq id-dispożizzjonijiet tal-EMIR. Ġie deċiż li wieħed jistenna kontribut għal din l-inizjattiva sabiex tinkiseb rappreżentanza ġusta u bbilanċjata tas-sitwazzjoni attwali tal-implimentazzjoni tal-EMIR u l-isfidi li wieħed jiltaqa' magħhom, u li sservi bħala bażi xierqa għal reviżjoni tal-EMIR. Taqsira dettaljata tat-tweġibiet għall-konsultazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-EMIR hija pprovduta fid-dikjarazzjoni ta’ rispons.

Għadd ta’ rapporti ġew riċevuti mingħand l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) dwar diversi suġġetti taħt EMIR, li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni.

Fl-aħħar nett, bħala parti mir-reviżjoni, ġiet riċevuta informazzjoni speċifika minn ċerti korpi tal-Unjoni u awtoritajiet f’konformità mal-mandat tal-Kummissjoni biex tirrevedi l-EMIR skont l-Artikolu 85(1):

(a) Il-valutazzjoni tal-membri tas-SEBĊ (is-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali) dwar il-ħtieġa għal kwalunkwe miżura li tiffaċilita l-aċċess tas-CCPs għall-faċilitajiet ta’ likwidità tal-bank ċentrali 6 : Fil-valutazzjoni tagħha s-SEBĊ tqis li, filwaqt li jinħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkomplu jeżaminaw l-oqfsa ta’ ġestjoni tar-riskju tal-likwidità tas-CCPs, jinħtieġ li l-ebda dispożizzjonijiet għall-aċċess tal-likwidità ta’ bank ċentrali ma jiġu introdotti fl-EMIR. Is-SEBĊ tikkunsidra li dan jista’ jdgħajjef l-indipendenza tal-bank ċentrali, iggarantit fl-Artikolu 130 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u joħloq periklu morali fuq skala kbira. Il-Kummissjoni taqbel ma’ din il-valutazzjoni tas-SEBĊ.

(b) Il-valutazzjoni tal-ESMA dwar l-importanza sistemika tat-tranżazzjonijiet tad-ditti mhux finanzjarji fid-derivattivi OTC u, b’mod partikolari, l-impatt ta’ dan ir-Regolament fuq l-użu ta’ derivattivi OTC minn ditti mhux finanzjarji 7 : L-ESMA tikkonkludi li l-istrateġija kurrenti ta' ħħeġġjar mhux tilhaq l-aktar atturi sinifikanti tas-suq. L-ESMA tissuġġerixxi li titneħħa l-eżenzjoni ta’ ħħeġġjar u tikkunsidra l-introduzzjoni ta’ limitu sempliċi biss biex jintlaħqu l-akbar atturi tas-suq f’termini ta’ volum. Fuq il-bażi ta’ input tal-ESMA, il-Kummissjoni taqbel li għal uħud mill-NFCs l-applikazzjoni tal-approċċ attwali taħt l-EMIR jista' jkun ta’ piż kbir wisq meta wieħed iqis li ma jistax jitnaqqas ir-riskju sistemiku b’mod affidabbli. Minkejja kollox it-tip ta’ attività ta’ ħħeġġjar hija fattur rilevanti meta tiġi kkunsidrata r-rilevanza sistemika tal-NFCs minħabba li l-entitajiet ta’ ħħeġġjar ġeneralment mhumiex ingranati ħafna u jżommu pożizzjonijiet ta’ tpaċija sottostanti għal kuntratti tad-derivattivi OTC tagħhom.

(c) Reviżjoni tal-ESMA dwar il-funzjonament tal-qafas superviżorju għall-kontropartijiet ċentrali, inkluża l-effikaċja tal-kulleġġi superviżorji, il-modalitajiet tal-votazzjoni rispettivi stipulati fl-Artikolu 19(3), u r-rwol tal-AETS, partikolarment waqt il-proċess ta’ awtorizzazzjoni għall-kontropartijiet ċentrali 8 ; L-ESMA tidentifika xi każijiet fejn jinħtieġ li l-approċċi komuni jiġu żviluppati, b’mod partikolari għall-applikazzjoni tal-proċessi previsti fl-Artikolu 15 u 49 tal-EMIR. Ir-rispons mill-konsultazzjoni wera li kien hemm interess kbir li tiġi ċċarata l-applikazzjoni ta’ dawn l-artikoli. Il-konverġenza superviżorja kif ukoll kriterji disponibbli pubblikament għall-applikazzjoni ta’ dawn l-artikoli se jkomplu jiġu kkunsidrati mill-awtoritajiet Ewropej.

(d) Rapporti tal-ESMA u l-BERS dwar l-effiċjenza ta’ rekwiżiti marġinanti biex tiġi limitata l-proċiklikalità u l-bżonn li tiġi definita l-kapaċità ta’ intervent addizzjonali f’dan il-qasam 9 : Iż-żewġ awtoritajiet għamlu suġġerimenti għat-titjib tat-trattament ta’ proċiklikalità. Il-Kummissjoni taqbel mas-suġġeriment li tiżdied it-trasparenza tar-rekwiżiti tal-marġni, minħabba li din hija informazzjoni li l-membri tal-ikklerjar jeħtieġu biex jimmaniġġaw b’mod effettiv l-iskoperturi u t-tbassir ta' bidliet f’daqqa, iżda bidliet oħra jkunu prematuri meta jitqiesu l-aħħar applikazzjoni ta' marġni eżistenti u rekwiżiti ta’ kontra l-proċikliċità u n-nuqqas ta’ ħsara kristallizzata fl-istandards tal-marġni minn dak iż-żmien.

(e) Ir-rapport tal-ESMA dwar l-evoluzzjoni tal-politiki tas-CCPs dwar ir-rekwiżiti li jimmarġinaw u jiggarantixxu l-kollateral u l-adattament tagħhom għall-attivitajiet speċifiċi u l-profili tar-riskju tal-utenti tagħhom 10 : L-ESMA tikkonkludi li, f’dan l-istadju, ma hemmx ħtieġa għal reviżjoni tal-EMIR dwar dispożizzjonijiet dwar ir-rekwiżiti li jimmarġinaw u jiggarantixxu l-kollateral minħabba li r-Regolament Delegat Nru 153/2013 jipprovdi biżżejjed granularità għal dawn ir-rekwiżiti.

L-informazzjoni mill-awtoritajiet differenti turi li l-implimentazzjoni tal-EMIR qed tikseb l-għanijiet oriġinali tagħha biex tippromwovi t-trasparenza u l-istandardizzazzjoni fis-swieq tad-derivattivi kif ukoll tnaqqas ir-riskju sistemiku. Dan l-input ġie debitament ikkunsidrat waqt it-tfassil ta’ dan ir-rapport. Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li f’xi oqsma l-introduzzjoni ta’ bidliet sinifikanti fl-EMIR tkun prematura meta titqies l-aħħar applikazzjoni tar-rekwiżiti eżistenti u n-nuqqas ta' falliment fl-applikazzjoni tal-istandards rilevanti sal-lum.

3.L-ISKOP TAR-RAPPORT

Il-Kummissjoni hija obbligata li tipproduċi rapport taħt 85(1).

Huwa importanti li wieħed jinnota li ċerti rekwiżiti ewlenin previsti mill-EMIR għadhom iridu jiġu implimentati jew jitlestew. B’mod partikolari, f’dan l-istadju obbligu tal-ikklerjar u r-rekwiżiti tal-marġni fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet ta’ derivattivi OTC mhux ikklerjati għadhom mhumiex kompletament applikabbli. F’dan is-sens, mhuwiex possibbli f’dan l-istadju li jiġi rivedut l-impatt tal-EMIR b’mod komprensiv.

Madankollu, il-partijiet interessati identifikaw numru ta’ kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-implimentazzjoni ta’ dawk ir-rekwiżiti li diġà japplikaw (jiġifieri, ir-rapportar għar-repożitorji tal-kummerċ u rekwiżiti ta’ mitigazzjoni tar-riskju operazzjonali), kif ukoll kwistjonijiet li wieħed jiltaqa’ magħhom waqt it-tħejjija tar-rekwiżiti tal-ikklerjar u l-marġni.

B’mod partikolari, ħafna partijiet interessati jargumentaw li ċerti parteċipanti fis-suq tad-derivattivi qed iħabbtu wiċċhom ma’ sfidi sinfikanti fl-implimentazzjoni tar-rekwiżiti bħal tar-rapportar u l-ikklerjar ta’ xi tranżazzjonijiet, sal-punt li jistgħu jitqiesu sproporzjonati mal-għanijiet tal-EMIR u li, f’ċerti każijiet, jista’ jkollhom impatt eċċessiv fuq l-impriżi peress li dawn ir-rekwiżiti jiġu jiswew ħafna flus biex jiġu sodisfatti meta mqabbla mal-benefiċċji li jġibu f’termini ta’ trasparenza tas-suq u l-istabbiltà finanzjarja. Ħafna minn dawk li wieġbu għall-konsultazzjoni pubblika enfasizzaw it-tweġibiet tagħhom billi għamlu paragun mal-istrateġiji għall-qafas regolatorju li saru f’ġurisdizzjonijiet oħra.

Dan ir-rapport jagħti sommarju tal-oqsma fejn it-tweġibiet tal-konsultazzjoni u l-kontributi speċifiċi rċevuti minn awtoritajiet varji wrew li l-azzjoni hija meħtieġa biex tiżgura t-twettiq tal-għanijiet tal-EMIR b’mod aktar proporzjonat, effiċjenti u effettiv.

4.IL-KWISTJONIJIET PRINĊIPALI IDENTIFIKATI

Hemm appoġġ ġenerali għall-objettivi tal-EMIR li jippromwovu t-trasparenza u l-istandardizzazzjoni fis-swieq tad-derivattivi u jnaqqsu r-riskju sistemiku permezz tar-rekwiżiti ewlenin tiegħu. Dawn ir-rekwiżiti ewlenin — klerjar, rekwiżiti tal-marġni, rappurtar, rekwiżiti ta’ mitigazzjoni tar-riskji operazzjonali u rekwiżiti għar-repożitorji tal-kummerċ u s-CCPs — jibqgħu parti integrali biex jintlaħqu l-għanijiet tal-EMIR, u jitwettqu l-impenji internazzjonali għal riforma regolatorja.

Għalhekk huwa meqjus li l-ebda bidla fundamentali ma jinħtiġx li ssir għan-natura tar-rekwiżiti essenzjali tal-EMIR, li huma parti integrali biex tiġi żgurata t-trasparenza u jittaffew ir-riskji sistemiċi fis-swieq tad-derivati.

   Madankollu, ġew enfasizzati għadd ta’ oqsma fejn ir-rekwiżiti tal-EMIR jistgħu jiġu aġġustati mingħajr ma jsir kompromess fuq l-objettivi ġenerali tiegħu sabiex: 

   (i) jissimplifikaw u jżidu l-effiċjenza tar-rekwiżiti; kif ukoll

   (ii) jitnaqqsu l-ispejjeż u l-piżijiet sproporzjonati.

4.1. Simplifikar u żieda tal-effiċjenza tar-rekwiżiti

Dawk li wieġbu, inklużi kontropartijiet ċentrali, membri tal-ikklerjar, kontropartijiet mhux finanzjarji, istituzzjonijiet finanzjarji żgħar u fondi tal-pensjoni, enfasizzaw għadd ta’ rekwiżiti li jistgħu jiġu rfinati biex jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel tas-swieq tad-derivattivi jew li jippermettu implimentazzjoni eħfef tar-rekwiżiti mill-parteċipanti fis-suq, mingħajr ma jiġu kompromessi l-objettivi tal-EMIR jew jintroduċu piżijiet regolatorji addizzjonali.

4.1.1. Introduzzjoni ta' mekkaniżmu li jissospendi l-obbligu tal-ikklerjar

Kemm l-ESMA kif ukoll il-BERS enfasizzaw in-nuqqas ta’ mekkaniżmu skont l-EMIR għall-obbligu tal-ikklerjar biex jiġi sospiż minnufih, li jissuġġerixxu li dan jista’ jkun neċessarju biex wieħed jirreaġixxi malajr għal bidliet kbar fil-kundizzjonijiet tas-suq (pereż. bidla qawwija fil-volumi approvati jew likwidità) u jitneħħa jew jiġi sospiż malajr obbligu tal-ikklerjar fejn dan ikun meħtieġ minħabba l-qagħda tas-suq. Diversi rispondenti oħra appoġġaw ukoll l-introduzzjoni ta’ mekkaniżmu bħal dan.

L-obbligi tal-ikklerjar jistgħu jiġu emendati jew jitneħħew permezz ta’ Standards Tekniċi Regolatorji (“STR”) iżda dan il-proċess jista’ jieħu diversi xhur. Barra minn hekk, hemm ċirkostanzi li jistgħu jiġu previsti fejn proċess imħaffef biex jissospendi obbligu tal-ikklerjar jista' jkun neċessarju sabiex jiġu evitati l-interruzzjonijiet fis-suq. Il-Kummissjoni għalhekk se tipproponi mekkaniżmu għas-sospensjoni tal-obbligu tal-ikklerjar bħala parti mill-proposta dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni ta' CCP għall-finijiet tar-riżoluzzjoni u tqis il-possibilità li jitwessa’ l-ambitu tas-sospensjoni ta’ obbligu tal-ikklerjar għal skopijiet oħra.

4.1.2. L-iffaċilitar tal-prevedibilità tar-rekwiżiti tal-marġini. 

Ħafna minn dawk li wieġbu, b’mod partikolari assoċjazzjonijiet tal-industrija u banek innotaw li, attwalment, jista’ jkun diffiċli li wieħed jipprevedi l-ammont ta’ livelli ta’ marġini li ser ikunu meħtieġa li jibagħtu lil CCPs għal tranżazzjonijiet ikklerjati ċentralment. Dawk li wieġbu ssuġġerew li jkun hemm skambju aħjar tal-informazzjoni min-naħa tas-CCPs għal membri tal-ikklerjar li jistgħu jindirizzaw dan in-nuqqas. Kemm l-ESMA kif ukoll il-BERS fir-rapporti tagħhom dwar il-proċikliċità u r-rekwiżiti ta’ marġni appellaw ukoll għal aktar trasparenza dwar l-istandards tal-marġni u r-rekwiżiti tal-proċikliċità. Kondiviżjoni aħjar tal-informazzjoni tista' tagħmel il-konformità ma’ rekwiżiti tal-marġini aktar effiċjenti għal parteċipanti fis-suq u tippermettilhom jimmaniġġaw aħjar l-assi tagħhom stess.

Bl-istess mod, fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet mhux ikklerjati, xi wħud minn dawk li wieġbu, l-aktar istituzzjonijiet finanzjarji, innotaw in-nuqqas ta’ mandat ċar għal mudelli ta' marġini inizjali li għandu jiġi approvat mill-awtoritajiet, li jista’ jwassal għal inċertezza fost il-parteċipanti fis-suq dwar jekk il-kalkoli tagħhom jitqisux mill-awtoritajiet li huma konformi bis-sħiħ mar-regolamenti. Mandat għal mudelli ta' marġini inizjali li għandhom jiġu approvati mill-awtoritajiet jista’ jippromwovi ċertezza għall-parteċipanti fis-suq u għall-awtoritajiet bl-istess mod.

4.1.3. Is-simplifikazzjoni tar-Rappurtar tal-Kummerċ

Is-suġġett tar-rapportar lir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet attiraw għadd sinifikanti ta’ tweġibiet mill-parteċipanti fis-suq u awtoritajiet. Dawk li wieġbu, fil-biċċa l-kbira assoċjazzjonijiet tal-industrija u kumpaniji, kif ukoll awtoritajiet pubbliċi, konsulenti, NGOs, u sindakati, issuġġerew li, attwalment, ħafna rapporti miż-żewġ kontrapartijiet li jappartjenu għall-istess tranżazzjoni mhumiex ibbilanċjati b’mod preċiż fir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet. Dan huwa dovut parzjalment minħabba nuqqas ta’ ċarezza dwar x’għandu jiġi rrapportat u kif, u fid-differenzi fir-rekwiżiti bejn ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet. Barra minn hekk, il-kontributuri ssuġġerew li r-rekwiżiti jistgħu jiġu ssimplifikati b’mod sinifikanti mingħajr ma jitilfu informazzjoni kruċjali, b’mod partikolari fir-rigward ta’ derivattivi nnegozjati fil-borża. Dawk li wieġbu esprimew dubji wkoll dwar jekk, minħabba d-diffikultà għall-preżentazzjoni ta’ data preċiża u tqabbil, id-data kinitx kredibbli u setgħetx tintuża kif suppost. Fl-aħħar nett, dawk li wieġbu esprimew dubji dwar l-utilità tar-rekwiżit ta' rappuratr ta' tranżazzjonijiet eżistenti qabel il-bidu tal-applikazzjoni tal-obbligu ta’ rapportar (hekk imsejjaħ “backloading”) billi din id-data hija diffiċli ħafna biex wieħed jiddubitaha fir-rapport — din tkopri derivattivi li ġew konklużi qabel ma l-kontropartijiet kienu f’pożizzjoni li jkunu jafu liema informazzjoni kellha tinżamm u liema kellha tiġi rrapportata — u hija meqjusa bħala inqas u inqas utli f’dak li jikkonċerna d-data storika li mhijiex ta’ importanza kruċjali għar-regolaturi.

Ħafna minn dawk li wieġbu nnutaw ukoll titjib li jista’ jsir fil-livell ta’ repożitorji tat-tranżazzjonijiet sabiex jagħmlu l-aggregazzjoni tad-data aktar effiċjenti, b’mod partikolari permezz tal-użu ta’ metodoloġiji komuni minn repożitorji tat-tranżazzjonijiet fl-Unjoni. Barra minn hekk, l-ESMA ssuġġeriet li l-multi għar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet jista’ jkollhom bżonn illi jiżdiedu sabiex tiġi żgurata superviżjoni effettiva.

Il-promozzjoni tat-trasparenza billi jiġu ssimplifikati r-rekwiżiti ta’ rappurtar f’ċerti oqsma u t-titjib tal-funzjonament tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet huwa essenzjali biex jintlaħqu bis-sħiħ l-għanijiet tal-EMIR. Għalhekk, qed ikun ikkunsidrat li jinħtieġ li ssir valutazzjoni ulterjuri tar-regoli attwali biex tieħu azzjonijiet speċifiċi sabiex jinkiseb dan il-għan. Dan jista’ wkoll jgħin biex jonqos il-piż tal-konformità għall-parteċipanti fis-suq.

Barra minn hekk, ċerti awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi jiffaċċjaw sfidi legali biex jimplimentaw l-arranġamenti (jiġifieri l-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali) li bħalissa huma meħtieġa taħt l-EMIR għall-aċċess reċiproku għal data miżmuma fir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet. Jinħtieġ għalhekk li jiġu investigati metodi alternattivi għall-forniment ta’ aċċess lill-awtoritajiet ta' pajjiżi terzi ta’ data dwar ir-repożitorji tan-negozjar li jipprovdu salvagwardji xierqa.

4.2 Tnaqqis tal-ispejjeż u l-piżijiet sproporzjonati.

4.2.1. L-ambitu tat-tranżazzjonijiet

It-tweġibiet indikaw għadd ta’ oqsma fejn l-ambitu tat-tranżazzjonijiet koperti minn rekwiżiti jista’ jitqies mhux meħtieġ fil-kisba tal-objettivi tal-EMIR.

B’mod partikolari, ġie mistoqsi jekk ir-rekwiżit tal-ikklerjar tal-kuntratti konklużi qabel l-obbligu tal-ikklerjar jidħol fis-seħħ (l-hekk imsejjaħ “frontloading”) huwiex proporzjonat minħabba n-numru limitat ta’ kuntratti li dan se jkopri minħabba li huwa miżura temporanja skont in-natura, ibbilanċjata kontra d-diffikultajiet u l-inċertezzi li jiġu applikati l-obbligi tal-ikklerjar b’mod retrospettiv. Kumpaniji u assoċjazzjonijiet industrijali esprimew dubji dwar jekk huwiex proporzjonat li jiġu applikati rekwiżiti ta’ mitigazzjoni tar-riskju operazzjonali għal tranżazzjonijiet intragrupp, minħabba li dawn it-tranżazzjonijiet kollha jitwettqu fi ħdan l-istess gruppi korporattivi fejn il-koordinazzjoni bejn il-kontropartijiet hija inerenti fin-natura tat- tranżazzjonijiet.

Huwa xieraq li jiġi rivedut sa fejn tranżazzjonijiet konklużi qabel l-obbligu tal-ikklerjar jidħol fis-seħħ u jinħtieġ li t-tranżazzjonijiet bejn il-gruppi jibqgħu fl-ambitu tar-rekwiżiti relevanti.

4.2.2. Ambitu tal-entitajiet  

a) Kontropartijiet mhux finanzjarji (NFCs)

Fir-rigward tal-firxa ta’ kontropartijiet koperti mi-rekwiżiti EMIR, dawk li wieġbu nnutaw li l-kontropartijiet mhux finanzjarji (NFCs) qed jiffaċċjaw sfidi sinifikanti fl-ilħuq tar-rekwiżiti, b’mod partikolari r-rekwiżiti ta’ rappurtar, minħabba esperjenza u riżorsi limitati. Filwaqt li titqies l-importanza ta’ dawn l-isfidi, bosta kontropartijiet mhux finanzjarji staqsew jekk kontropartijiet bħal dawn joħolqux riskju sistemiku għal grad li jiġġustifika l-kontinwazzjoni tal-applikazzjoni tar-rekwiżiti tal-EMIR. Il-persuni li wieġbu nnutaw ukoll li l-EMIR jidher li hu aktar strett fir-rigward ta' NFCs minn ħafna sistemi regolatorji simili f’pajjiżi terzi.

Għalhekk, huwa xieraq li jiġi valutat jekk jinħtigx li jsiru aġġustamenti għall-kamp ta’ applikazzjoni ta’ rekwiżiti ewlenin fl-EMIR sabiex jindirizzaw l-isfidi affaċċjati mill-NFCs.

Aġġustamenti bħal dawn jistgħu jinkludu t-tneħħija ta’ obbligi legali għall-NFCs biex jissodisfaw rekwiżiti ta’ mitigazzjoni tar-riskji operazzjonali u jissimplifikaw ir-rappurtar tat-tranżazzjonijiet tagħhom. Madankollu, ma jinħtiġx li dawn it-tranżazzjonijiet jiġu eżentati minn dawn ir-rekwiżiti kompletament sabiex tinżamm l-applikazzjoni tal-għanijiet tal-qalba tal-EMIR f’termini ta’ stabbiltà finanzjarja. Jinħtieġ li jiġu esplorati possibilitajiet biex jikkunsidraw jekk a) jinħtiġx li l-kontropartijiet finanzjarji jirrapportaw data tad-derivattivi f’isem NFCs, b) jinħtiġx li l-kontropartijiet finanzjarji, iżda mhux NFCs, jiżguraw li jiġu applikati r-rekwiżiti tal-mitigazzjoni tar-riskju operazzjonali għal tranżazzjonijiet ma’ NFCs u c) jinħtiġx li l-NFCs jiġu eżentati milli jirrappurtaw transazzjonijiet intragrupp tagħhom.

Barra minn hekk, fir-rapport tagħha dwar dan is-suġġett, l-ESMA pprovdiet għarfien ġdid dwar l-attivitajiet ta’ NFCs wara l-introduzzjoni ta’ rekwiżiti ta’ rappurtar tal-EMIR. Jirriżulta mis-sejbiet tal-ESMA li l-NFCs jistgħu jkunu qed isibu li l-eżenzjoni ta’ ħħeġġjar hija diffiċli biex tiġi mmonitorjata u applikata fil-prattika. Dan jista’ jwassal għal trattament regolatorju inkonsistenti tal-NFCs madwar l-Unjoni. Barra minn hekk, jirriżulta mid-data disponibbli li l-NFCs għandhom livell baxx ta’ interkonnettività mas-sistema finanzjarja billi dawn iwettqu ftit tranżazzjonijiet ma’ kontropartijiet bejn is-swieq; medja ta’ 1–2 għal kull entità meta mqabbel ma’ kontropartijiet finanzjarji li għandhom medja ta’ 31 kontroparti għal kull entità.

Fuq il-bażi tal-kontribut tal-ESMA, jista' jiġi konkluż li xi NFCs qed isibu l-applikazzjoni tal-approċċ attwali taħt l-EMIR diffiċli u jista' jkun li mhux inaqqas ir-riskju sistemiku b’mod sostanzjali. Madanakollu qed ikun ikkunsidrat li n-natura tal-attività ta’ ħħeġġjar hija minkejja kollox fattur rilevanti meta tiġi kkunsidrata r-rilevanza sistemika tal-NFCs, minħabba li l-entitajiet li jiħħeġġjaw ġeneralment mhumiex ingranati ħafna u jżommu pożizzjonijiet ta’ tpaċija sottostanti għal kuntratti tad-derivattivi OTC tagħhom.

Għalhekk, meta titqies l-interkonnettività limitata tal-NFCs li d-data attwali turi li teżisti fis-sistema finanzjarja, jinħtieġ li tkompli tingħata konsiderazzjoni wkoll għal jekk xi NFCs, jew xi wħud minnhom biss ibbażat fuq il-volum u t-tip ta’ attività fis-swieq tad-derivati, jinħtiġx li jintlaħqu mir-rekwiżiti ta’ kklerjar u tal-marġni. 

Jinħtieġ li tali kunsiderazzjoni tieħu inkunsiderazzjoni li ċerti NFCs jistgħu jiġu riklassifikati meta l-MiFID II tiġi implimentata.

b) Il-kontropartijiet Finanzjarji Żgħar

Minbarra d-diffikultajiet iffaċċjati mill-NFCs, l-istituzzjonijiet finanzjarji ż-żgħar u l-assoċjazzjonijiet tal-industrija u xi awtoritajiet pubbliċi innotaw li meta jagħmlu attivitajiet limitati tad-derivattivi kienu qed jaffaċċjaw sfidi sinifikanti fl-istabbiliment ta’ aċċess għall-ikklerjar meħtieġ biex jilħqu l-obbligi tal-ikklerjar li jsegwu. Dawk li wieġbu qiesu li dan kien prinċipalment minħabba li l-proporzjon ta’ ingranaġġ tar-rekwiżiti antiċipat minn membri tal-ikklerjar skont ir-Regolament dwar ir-Rekwiżiti Kapitali 11 , li huma meqjusa li għandhom il-potenzjal li jagħtu servizzi ta’ kklerjar lill-klijenti huma għalja wisq biex joffruhom. Ostaklu ieħor li ġie enfasizzat kien in-nuqqas ta’ flessibilità u ċ-ċertezza dwar is-segregazzjoni u l-portabilità alternattivi. Dawk li wieġbu indikaw l-isfidi fl-applikazzjoni ta’ dawn ir-rekwiżiti, b’mod partikolari peress li dawn jistgħu jkunu diffiċli biex jiġu implimentati f’ċerti Stati Membri minħabba liġijiet ta’ insolvenza domestika. Fl-aħħar nett, għadd ta’ kontributuri ssuġġerew li, anke jekk l-ostakli msemmija jistgħu jiġu solvuti, xi kontropartijiet finanzjarji żgħar suġġetti għal rekwiżiti tal-ikklerjar wettqu tali attività limitata f’derivattivi OTC li mhumiex kummerċjalment vijabbli li jistabbilixxu soluzzjonijiet ta’ kklerjar. Jinħtieġ li tiġi kkunsidrata azzjoni biex jiġu indirizzati l-ostakoli għall-ikkljerjar tal-klijenti.

c) Arranġamenti ta’ Skemi tal-Pensjonijiet

L-arranġamenti ta’ skemi tal-pensjonijiet huma attwalment eżentati mill-obbligu tal-ikklerjar skont l-EMIR permezz ta’ Regolament Delegat tal-Kummissjoni 12 . Din l-eżenzjoni ser tiskadi fis-16 ta’ Awwissu 2017 l-aktar tard, u tista’ tiġġedded għal sena addizzjonali permezz ta’ att iddelegat ieħor mill-Kummissjoni Ewropea. Kif deskritt fir-rapport tal-Kummissjoni li jivvaluta l-progress u l-isforz magħmul mis-CCPs fl-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet tekniċi għat-trasferiment permezz ta’ arranġamenti ta’ skemi tal-pensjoni ta’ kollaterali mhux finanzjarji bħala marġini ta’ varjazzjoni, kif ukoll il-ħtieġa ta’ kwalunkwe miżura biex tiġi ffaċilitata tali soluzzjoni 13 , soluzzjonijiet tal-ikklerjar għal arranġamenti ta’ skemi tal-pensjonijiet sabiex assi mhux fi flus kontanti jiġu ddikjarati bħala marġni ta’ varjazzjoni huma madankollu improbabbli li jkunu disponibbli fil-futur previst. Ladarba l-eżenzjoni temporanja tal-ikklerjar prevista bħalissa skont l-EMIR tiskadi, l-arranġamenti ta’ skemi tal-pensjoni jkunu jew (i) jiddependu fuq is-swieq repo għal trasformazzjoni tal-kollateral, jew (ii) iżidu l-flus kontanti fir-rigward ta’ assi mhux fi flus kontanti tagħhom. L-ewwel sitwazzjoni ma tistax tipprovdi soluzzjoni robusta fi żminijiet ta’ volatilità fis-suq u pressjoni fuq il-kapaċità tas-swieq repo tista' toħloq theddid ta' likwidità u stabbiltà għal dawk is-swieq b’mod aktar wiesa’. It-tieni xenarju ikollu impatt negattiv fuq l-introjtu tal-irtirar ta’ benefiċjarji ta’ arranġamenti ta’ skemi tal-pensjonijiet, li skont l-istudju ta’ referenza 14 ordnat mill-Kummissjoni Ewropea huwa sa 3,66 % madwar l-UE matul 20-40 sena 15 .

Jinħtieġ li ssir valutazzjoni dwar jekk l-eżenzjoni attwali tistax tiġi estiża jew issirx permanenti mingħajr ma jiġi kompromess l-għan tal-EMIR dwar it-tnaqqis tar-riskju sistemiku minħabba li l-arranġamenti ta’ skemi tal-pensjoni xorta waħda jkunu suġġetti għal rekwiżiti tal-marġini bilaterali għat-tranżazzjonijiet OTC li ma jiġux ikklerjati ċentralment li jimmitigaw ir-riskji sistemiċi.

5.KONKLUŻJONIJIET

Jidher li ma hemmx ħtieġa għal bidliet fundamentali li jsiru lin-natura tar-rekwiżiti essenzjali tal-EMIR, li huma parti integrali biex tiġi żgurata t-trasparenza u jittaffew ir-riskji sistemiċi fis-swieq tad-derivattivi.

Madankollu, wara li ġie analizzat il-kontribut riċevut bħala parti mill-proċess tar-reviżjoni tal-EMIR u s-Sejħa għal Evidenza, jinħtieġ li tiġi kkunsidrata azzjoni biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet identifikati f’dan ir-rapport.

B’mod partikolari, hemm bżonn ta’ valutazzjoni addizzjonali sabiex jiġi determinat kif jistgħu jittaffew l-isfidi identifikati biex ikun hemm applikazzjoni effiċjenti tal-EMIR li tista' tneħħi piżijiet regolatorji eċċessivi fuq il-parteċipanti fis-suq u tippermetti implimentazzjoni aktar armonizzata tar-rekwiżiti, filwaqt li tiżgura li l-għanijiet tal-EMIR madankollu, ikunu sodisfatti. Jinħtieġ li dan il-proċess jikkunsidra bir-reqqa l-prinċipji internazzjonali fis-swieq tad-derivattivi sabiex jiżgura l-funzjonament effiċjenti tas-swieq globali. Barra minn hekk, din l-inizjattiva tappoġġa l-aġenda tal-Kummissjoni għal Regolamentazzjoni Aħjar billi jiġu eliminati l-ispejjeż bla bżonn li fil-preżent jinġarru mill-kumpaniji u li jistgħu jirrilaxxaw fondi għall-investiment.

Il-Kummissjoni se tipproponi reviżjoni leġiżlattiva tal-EMIR fl-2017, fil-qafas tal-programm REFIT li se tkun akkumpanjata minn valutazzjoni tal-impatt li se tqis id-diversi kwistjonijiet involuti aktar fil-fond. Bħala parti minn dan ir-reviżjoni, il-Kummissjoni se tivvaluta wkoll l-istandards tekniċi rilevanti marbuta mal-EMIR.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni qed tipproponi wkoll leġiżlazzjoni dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tas-CCP li jittratta l-elementi li mhumiex koperti mill-EMIR, bħalma huma l-ippjanar tal-irkupru, l-ippjanar tar-riżoluzzjoni, u t-tneħħija tal-impedimenti għar-riżolvibbiltà tas-CCPs sabiex id-diffikultajiet finanzjarji tagħhom ikunu jistgħu jiġu trattati b’mod effettiv mill-awtoritajiet mingħajr ma tinħoloq l-istabbiltà finanzjarja jew fondi pubbliċi jitpoġġew f’riskju.

(1)

http://www.g20.utoronto.ca/2009/2009communique0925.html

(2)

 Rekwiżiti ta’ mitigazzjoni tar-riskju operazzjonali tirreferi għal rekwiżiti skont l-Artikolu 11(1) tal-EMIR għall-valutazzjoni, rikonċiljazzjoni u konfermazzjoni ta' tranżazzjonijiet ta’ derivattivi OTC mhux ikklerjati u biex jitnaqqsu u jiġu rikonċiljati l-portafolji.

(3)

Ċerti korpi pubbliċi tal-Unjoni u ta’ pajjiżi terzi jistgħu jkunu eżenti mill-EMIR, skont l-Artikolu 1(4).

(4)

http://ec.europa.eu/finance/consultations/2015/emir-revision/index_en.htm

(5)

http://ec.europa.eu/finance/consultations/2015/financial-regulatory-framework-review/index_en.htm

(6)

Ir-rapport tas-SEBĊ dwar il-ħtieġa għal kwalunkwe miżura li tiffaċilita l-aċċess għal CCPs għall-faċilitajiet ta’ likwidità tal-bank ċentrali

(7)

Rapport ta’ reviżjoni tar-Regolament Nru 1 — Reviżjoni dwar l-użu ta’ derivattivi OTC minn kontropartijiet mhux finanzjarji

(8)

Ir-reviżjoni tal-ESMA tal-kulleġġi CCP taħt l-EMIR

(9)

Ir-Rapport BERS dwar l-effiċjenza ta’ rekwiżiti marġinanti biex tiġi limitata l-proċikliċità u l-bżonn li tiġi definita l-kapaċità ta’ intervent addizzjonali f’dan il-qasam, ir-Rapport ta’ Reviżjoni nru 2 tal-BERS dwar l-EMIR — Reviżjoni dwar l-effiċjenza ta’ rekwiżiti marġinanti biex tiġi limitata l-proċiklikalità

(10)

Rapport ta’ Reviżjoni tal-EMIR Nru 3 — Rekwiżiti ta’ segregazzjoni u portabilità

(11)

Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012, ĠU L 176, tas-27.6.2013

(12)

Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/1515 tal-5 ta' Ġunju 2015 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodi ta' tranżizzjoni li jirrigwardaw l-arranġamenti tal-iskemi tal-pensjonijiet (ĠU L 239 tal-15.9.2015)

(13)

Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill skont l-Artikolu 85(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivattivi OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet, li jivvaluta l-progress u l-isforz magħmul mis-CCPs fl-iżvilupp ta' soluzzjonijiet tekniċi għat-trasferiment minn arranġamenti tal-iskemi tal-pensjonijiet ta' kollateral mhux fi flus kontanti bħal marġini ta' varjazzjoni, kif ukoll il-bżonn ta' kull miżura biex tiffaċilita tali soluzzjoni (COM(2015)39 final tat-3.2.2015)

(14)

Rapport ta’ referenza dwar soluzzjonijiet għal ippustjar ta’ kollateral mhux fi flus kontanti għal kontropartijiet ċentrali minn arranġamenti ta’ skemi tal-pensjoni — 25 ta’ Lulju 2014.

(15)

 Ibid.