Brussell, 19.12.2016

COM(2016) 795 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Rapport Interim

dwar il-parteċipazzjoni tal-Unjoni Ewropea fiż-żieda fil-kapital tal-Fond Ewropew għall-Investiment u ż-żieda pertinenti tal-appoġġ tal-Fond Ewropew tal-Investiment ta' azzjonijiet favur l-impriżi, partikolarment impriżi żgħar u ta' daqs medju

skont l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Nru 562/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar il-parteċipazzjoni tal-Unjoni Ewropea fiż-żieda fil-kapital tal-Fond Ewropew għall-Investiment


1.INTRODUZZJONI

F’konformità mal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Nru 562/2014 1 , dan ir-rapport interim jivvaluta kif inkiseb l-objettiv taż-żieda tal-appoġġ tal-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI) ta’ azzjonijiet li jikkomplementaw l-azzjonijiet tal-Istati Membri favur l-intrapriżi, partikolarment intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), bejn l-2014 u t-3 kwart tal-2016.

1.1. Il-FEI

a) Struttura tal-kapital

Il-FEI ġie stabbilit fl-1994 2 mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), mill-Komunità Ewropea, illum l-Unjoni Ewropea (UE), rappreżentata mill-Kummissjoni, u minn diversi istituzzjonijiet finanzjarji pubbliċi u privati b’kapital awtorizzat ta’ ECU 2 biljun (wara konvertiti għal EUR bir-rata ta’ 1 għal 1) maqsuma f’2,000 sehem. Il-kapital imħallas tal-azzjonisti ġie stabbilit għal 20%. Il-Kummissjoni ssottoskriviet 600 sehem, b’valur nominali ta’ ECU 600 miljun, li minnhom ECU 120 miljun ġew imħallsa.

L-ewwel żieda fil-kapital li bdiet fl-2007 ġabet il-kapital awtorizzat tal-FEI għal EUR 3 biljun (inħarġu 1,000 sehem ġdid). Il-Kummissjoni ssottoskriviet 300 sehem addizzjonali bi prezz stabbilit annwalment, abbażi ta’ formola li sar qbil dwarha bejn l-azzjonisti tal-FEI. Id-dividendi rċevuti fil-perjodu bejn l-2007 u l-2010 għall-parteċipazzjoni fil-FEI koprew parti mill-ispiża ta’ sottoskrizzjoni, filwaqt li l-parti li fadal ġiet koperta mill-baġit. Dan ippermetta li tinżamm il-parteċipazzjoni azzjonarja ta’ 30 % tal-UE.

Fl-2014, it-tieni żieda fil-kapital ġabet il-kapital tal-FEI għal EUR 4,5 biljun permezz tal-ħruġ ta’ 1,500 sehem ġdid. Il-Kummissjoni hija intitolata li tissottoskrivi massimu ta’ 450 sehem addizzjonali bejn l-2014 u l-2017. Total ta’ massimu ta’ EUR 178 miljun tqiegħdu għad-dispożizzjoni fi ħdan il-baġit ġenerali tal-UE. Id-deċiżjoni tat-trattament tal-parteċipazzjoni fid-dividendi tal-FEI ġiet sospiża sakemm issir ir-reviżjoni li jmiss tar-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, jew l-aktar tard, fil-kuntest ta’ dan ir-rapport interim 3 .

Fi żmien dan ir-rapport, il-kapital awtorizzat tal-FEI jammonta għal 4,500 sehem, li minnhom inħarġu 4,382. Il-BEI għandu 2,624 (59,9 %), il-Kummissjoni (f’isem l-UE) għandha 1,232 (28,1 %) u 30 istituzzjoni finanzjarja flimkien għandhom 526 (12,0 %) tal-ishma maħruġa.

b) Governanza

L-istatuti u r-regoli ta’ proċedura stabbilew il-qafas għat-twaqqif, ir-rwol u l-proċeduri tal-korpi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tiegħu 4 : il-Laqgħa Ġenerali, il-Bord tad-Diretturi (il-Bord), u l-Uffiċjal Kap Eżekuttiv, taħt il-kontroll tal-Bord ta’ Verifika.

c) Attivitajiet operattivi

Il-missjoni tal-FEI hija li tappoġġa l-SMEs tal-Ewropa billi tgħinhom jiksbu aċċess għal finanzjament. Il-FEI ifassal, jiżviluppa u juża strumenti ta’ kapital ta’ riskju u ta’ tkabbir, garanziji u strumenti mikrofinanzjarji ddestinati speċifikament lejn is-segmenti tas-suq tal-SMEs u tal-impriżi b’ midcap, filwaqt li jipprova jikkatalizza aktar investimenti fl-UE u jżid l-effett ta’ lieva tar-riżorsi baġitarji tal-UE u l-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri, f’kooperazzjoni mas-servizzi tal-Kummissjoni rilevanti. Il-FEI jippromwovi l-objettivi tal-UE għall-appoġġ tal-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp, l-intraprenditorija, it-tkabbir u l-impjieg billi jindirizza prodotti finanzjarji bħal banek, garanzija, lokazzjoni u istituzzjonijiet mikrofinanzjarji, ekwità privata u fondi ta’ kapital ta’ riskju.

Il-FEI huwa prinċipalment attiv fl-Istati Membri, fil-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali, u fil-pajjiżi tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles.

Il-FEI attwalment juża aktar minn 80 mandat f’isem il-mandaturi tiegħu, speċjalment il-BEI u l-Kummissjoni, li f’isimhom (u għar-riskju tagħhom) il-FEI jagħmel investimenti ta’ ekwità u jipprovdi garanziji. Il-mandat tar-Riżorsi tal-Kapital ta’ Riskju tal-BEI (Risk Capital Resources-RCR) u l-Mandat ta’ Titjib tar-Riskju tal-Grupp tal-BEI (Risk Enhancement Mandate - EREM) huma, rispettivament, l-akbar faċilitajiet ta’ ekwità u ta’ dejn tal-FEI. Bl-użu tar-riżorsi baġitarji tal-UE, il-FEI juża strumenti ta’ ekwità u tad-dejn taħt il-faċilitajiet ta’ COSME 5 , InnovFin 6 , Erasmus+ 7 u EaSI 8 . Fil-kuntest tal-isforz konġunt Ewropew biex tingħata ħajja ġdida lill-kanal ta’ kreditu imblokkat għall-SMEs u f’kumplimentarjetà u sinerġiji ma’ strumenti finanzjarji oħra disponibbli għall-SMEs f’livell pan-Ewropew, il-FEI juża wkoll mandati sostanzjali minn Stati Membri u awtoritajiet li jġestixxu r-riżorsi taħt il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE), taħt il-fondi ta’ fondi, korporattivi u istituzzjonijiet privati u pubbliċi u jikkoinvesti r-riżorsi proprji tiegħu f’attivitajiet kummerċjali bbażati fuq l-ekwità u fuq id-dejn.

d) Rekwiżiti ta’ kapital u livell mistenni ta’ affidabbiltà kreditizja

Il-linji operatorji tal-FEI jinvolvu riskji differenti, riflessi b’ċertu livell ta’ allokazzjoni ta’ kapital ekonomiku li jeħtieġ li jitqiegħed apparti.

L-impenji tal-FEI minn riżorsi proprji fil-qasam tal-parteċipazzjonijiet ta’ ekwità huma attwalment limitati minn statuti tal-FEI għal 50% tar-riżorsi proprji tal-FEI (mingħajr ir-riżerva ta’ valur ġust). Il-limitu massimu għall-impenji minn riżorsi proprji taħt l-operazzjonijiet ta’ garanzija huwa tliet darbiet daqs l-ammont ta’ kapital sottoskritt.

Il-ġestjoni tal-kapital u tar-riskju tal-FEI għenet iżżomm il-klassifikazzjoni ta’ kreditu AAA stabbli, kif ġie kkonfermat riċentement minn aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu akbar. Il-firxa tal-prodotti tal-FEI u l-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku u settorjali tagħhom jservu ta’ bażi għall-esponiment għar-riskju moderat u sostenibbli.

1.2 Ħarsa ġenerali lejn iż-żieda fil-kapital

a) Objettivi ewlenin

L-objettivi ewlenin taż-żieda fil-kapital kienu li:

•    L-iżvilupp tas-swieq tal-kapital ta’ self għall-SMEs bil-għan li jiġi diversifikat is-sors ta’ likwidità għal banek tal-SMEs u kumpaniji tal-lokazzjoni;

•    It-titjib tal-aċċess għal finanzjament tal-SMEs billi tingħata tweġiba għat-talba tal-Kunsill Ewropew biex tiżdied il-kapaċità unika tat-titjib tal-kreditu tal-FEI;

•    L-appoġġ tat-tkabbir tal-FEI bħala investituri ewlieni fis-suq tal-kapital ta’ riskju u għat-tkabbir;

•    It-titjib tar-rwol tal-FEI fil-mikrofinanzjament u l-investiment b’impatt soċjali, li jippermetti parteċipazzjonijiet ta’ ekwità importanti ħafna f’intrapriżi soċjali u istituzzjonijiet finanzjarji ġodda;

•    Il-faċilitazzjoni tal-kondiviżjoni tar-riskji fil-mandati tal-FEI permezz tal-koinvestiment;

•    L-appoġġ tal-klassifikazzjoni AAA tal-FEI bl-injezzjoni ta’ kapital ġdid u billi tintwera ż-żieda fl-importanza politika tal-Fond.

b) Proċeduri ta' approvazzjoni

Wara l-approvazzjoni mill-Bord fl-14 ta’ April 2014, iż-żieda fil-kapital u l-modalitajiet relatati ġew approvati mil-Laqgħa Ġenerali tas-27 ta’ Mejju 2014. Fl-istess jum, il-Laqgħa Ġenerali approvat ukoll l-arranġamenti għall-ħruġ u s-sottoskrizzjoni ta’ ishma ġodda, inkluż il-pagament tal-prezz tal-ishma.

c) Sottoskrizzjonijiet tal-azzjonisti

Skont id-Deċiżjoni Nru 562/2014, l-UE tista’ tissottoskrivi ammont massimu ta’ 450 sehem ġdid matul il-perjodu 2014-2017, bl-appoġġ ta’ total massimu ta’ approprjazzjonijiet baġitarji ta’ EUR 178 miljun. Il-Kummissjoni ssottoskriviet total ta’ 332 sehem b’kost totali ta’ EUR 133,479,829.08 (prezz medju ta’ kull sehem ta’ EUR 402,047.68).

Il-BEI ssottoskriva bis-sħiħ l-intitolament tiegħu ta’ 923 sehem. 15-il istituzzjoni finanzjarja ssottoskrivew bis-sħiħ iż-żieda fil-kapital rispettiva tagħhom u erba’(4) oħra ssottoskrivew aktar minn 50% tal-intitolament tagħhom, għal total ta’ 193 sehem ġdid.

d) Passi għall-finalizzazzjoni taż-żieda fil-kapital sal-2017

118-il sehem ġdid għadhom awtorizzati iżda mhux maħruġa, kollha riżervati mill-Kummissjoni. Baqa’ EUR 44,5 miljun ta’ riżorsi baġitarji mit-total inizjali li jammonta sa EUR 178 miljun li tqiegħed għad-dispożizzjoni għall-ishma tal-UE. Il-FEI ikkalula b'mod proviżorju l-bejgħ u l-prezz għax-xiri tal-ishma fl-2017 għal madwar EUR 436,000 9 .

Il-baġit li fadal b’hekk jippermetti li l-UE tissottoskrivi 102 sehem ieħor b’dan il-prezz tal-ishma. Dan se jirriżulta biex l-UE tkun issottoskriviet 434 sehem ġdid, minflok 450, minħabba żieda ogħla milli mistenni fil-prezz ta’ kull sehem matul il-perjodu. Għalhekk, hija tkun fil-pussess ta’ 1,334 sehem (29,6 % tal-kapital awtorizzat) fi tmiem l-eżerċizzju taż-żieda fil-kapital. Il-parteċipazzjoni tal-UE, għalhekk se tonqos meta mqabbla mas-sehem preċedenti ta’ 30%.

2.    Kisbiet tal-FEI 2014-2016 Sostnuti miż-Żieda fil-Kapital

2.1 Ħarsa ġenerali lejn it-tielet kwart tal-2016

Sat-30 ta’ Settembru 2016, il-FEI żied il-volum ta’ attività tiegħu b’medja ta’ 40% kull sena 10 meta mqabbel mal-2013. Il-FEI għamel 607 tranżazzjoni għal volum ta’ investiment ta’ EUR 16,9 biljun. Minnhom, 370 tranżazzjoni ddependew fuq il-bażi kapitali tal-FEI. Dawn immobilizzaw EUR 5,8 biljun tar-riżorsi proprji tal-FEI, li minnhom aktar minn EUR 4 biljun ġew investiti flimkien ma’ riżorsi tal-mandat ġestiti mill-FEI.

Il-kapitalizzazzjoni b’saħħitha li tirriżulta kienet fattur determinanti għas-suċċess tal-użu tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) 11 mill-FEI. Hija ppermettiet lill-FEI jiffinanzja minn qabel l-ewwel tranżazzjonijiet u juża b’pass aktar mgħaġġel, l-investimenti tal-InnovFin (fejn il-FEI jieħu s-segment superjuri) u ta’ ekwità taħt ir-riżorsi tal-mandat tal-RCR tiegħu speċifiċi għall-FEIS (fejn il-FEI jikkoinvesti sistematikament 5%).

B’mod parallel, il-FEI kompla saħħaħ il-konnessjonijiet tiegħu mal-azzjonisti attwali tiegħu permezz ta’ żieda ta’ dawn tal-aħħar fil-parteċipazzjonijiet tagħhom u ż-żieda ta’ atturi importanti fil-finanzjament tal-SMEs Ewropej bħala azzjonisti ġodda.

2.2 Ekwità (kapital ta’ riskju u għat-tkabbir)

Il-kapaċità ta’ teħid ta’ riskju addizzjonali li tirriżulta miż-żieda fil-kapital b’mod speċjali ppermettiet lill-FEI jespandi b’mod sinifikanti l-ilħiq tal-investimenti ta’ ekwità tiegħu, kemm f’termini ta’ volumi investiti, kif ukoll ta’ veloċità tal-użu.

a) Operazzjonijiet ġodda tar-RCR tal-FEIS sostnuti b’żieda fil-kapital

Ir-riżorsi RCR iffaċilitaw lill-FEI biex isegwi l-istrateġija ta’ ekwità tiegħu fil-kapital ta’ riskju u segmenti ta’ tkabbir għal aktar minn 15-il sena u ppermettew żieda fl-investimenti permezz ta’ finanzjament ibridu mid-dejn/ekwità. Il-FEI jikkoinvesti r-riżorsi proprji flimkien ma’ riżorsi tal-mandatarji.

F’Lulju 2015, il-BEI żied ir-riżorsi ta’ ekwità tal-RCR b’EUR 2,5 biljun (li jilħaq 9,5 biljun) taħt it-tieqa tal-SMEs tal-FEIS għal investiment f’ekwità privata u investimenti ta’ trasferiment ta’ teknoloġija fl-SMEs u midcaps. Fi tmiem l-2015, l-impenji speċifiċi għall-FEIS ammontaw għal EUR 1,4 biljun f’45 fond. Il-finanzjament li rriżulta laħaq EUR 14,6 biljun (bi proporzjon ta’ ingranaġġ ta’ kważi 1:11).

L-2015 mmarkat l-ewwel sena operazzjonali bis-sħiħ tal-Faċilità ta’ Koinvestiment intermedjarja (MCIF) fi ħdan il-mandat tal-RCR. Din il-faċilità ibrida ta’ dejn-ekwità ta’ EUR 100 miljun ippermettiet lill-FEI jikkoinvesti f’impriżi fil-mira flimkien ma’ fondi intermedjarji. Sa Settembru 2016, l-impenji taħt l-MCIF laħqu total ta’ EUR 72 miljun (li minnhom EUR 4 miljun mir-riżorsi proprji tal-FEI), li ppromwovew użu aktar wiesa’ ta’ soluzzjonijiet ta’ koinvestiment u indirizzaw nuqqasijiet ta’ ġbir identifikati b’mod ċar.

Fil-perjodu Jannar 2014 - Settembru 2016, il-FEI impenja EUR 5,0 biljun taħt l-RCR, inkluż EUR 250 miljun tar-riżorsi proprji tieghu.

b) Il-kondiviżjoni tar-riskji tal-FEI taħt il-mandati tal-UE - l-istrument finanzjarju uniku ta’ ekwità tal-UE

L-Istrument Finanzjarju Uniku ta’ Ekwità tal-UE jinkludi l-Faċilità ta’ Ekwità għat-Tkabbir ta’ COSME (COSME EFG) u l-istrument ta’ Kapital ta' Riskju ta' InnovFin għall-SMEs (“InnovFin Equity” - il-Faċilità ta’ Ekwità ta’ InnovFin) ta’ Orizzont 2020, li jkopri wkoll inizjattiva pilota għal investituri formali. Fiż-żewġ każijiet, ir-riżorsi baġitarji tal-UE jintużaw flimkien mar-riżorsi proprji tal-FEI.

COSME EFG tiffaċilita lill-FEI jinvesti f’fondi li jipprovdu ekwità u finanzjament intermedjarju għal SMEs li qed jespandu u li jinsabu fl-istadju tat-tkabbir b’potenzjal għoli tat-tkabbir, partikolarment dawk l-SMEs li joperaw b'mod transfruntier. Sa Settembru 2016, ġew iffirmati disa’ investimenti taħt il-faċilità tal-EFG, li rriżultaw f’EUR 107 miljun ta’ impenji aggregati, li minnhom EUR 5 miljun huma minn riżorsi proprji tal-FEI.

Permezz tal-Ekwità ta’ InnovFin, il-FEI jiffinanzja investimenti fit-trasferiment tat-teknoloġija, investituri informali, fondi ta’ kapital ta’ riskju u fond ta’ fondi li jipprovdu ekwità għal kumpaniji fi stadju bikri fil-fażijiet inizjali (pre-seed, seed u tal-bidu), li sa issa ma ġġenerawx dħul mill-bejgħ tal-prodotti tagħhom. Hu jimmobilizza aktar minn EUR 1,7 biljun għal impriżi fi Stati Membri u pajjiżi assoċjati mal-programm Orizzont 2020. Il-FEI impenja ammont totali ta’ EUR 130 miljun għal seba’ fondi ta’ ekwità, inkluż EUR 26,5 miljun tar-riżorsi proprji tal-FEI.

Skont it-twaqqif ta’ prodott ta’ ekwità ġdid taħt il-FEIS, inħoloq prodott finanzjarju strutturat taħt il-FEIS, li kkombina l-Faċilità ta’ Ekwità tal-UE ta’ InnovFin b’impenn ta’ EUR 270 miljun li jibbenefika mill-Garanzija tal-UE tal-FEIS u impenn ta’ EUR 290 miljun taħt ir-riżorsi proprji tal-FEI.

c) L-iżvilupp tal-investiment tal-impatt soċjali: Aċċelleratur tal-Impatt Soċjali (SIA - Social Impact Accelerator)

L-SIA hija inizjattiva tal-FEI mnedija fl-2013 bħala parti mill-istrateġija ta’ investiment ta’ impatt tal-Grupp tal-BEI, li twieġeb għal mira ta’ politika tal-UE aktar wiesgħa li tistabbilixxi suq ta’ finanzjament sostenibbli għall-intraprenditorija soċjali fl-Ewropa. L-SIA huwa fond ta’ fondi li jfittex li joħloq portafoll ta’ investimenti ta’ ekwità f’fondi ta’ impatt soċjali. Huwa jippromwovi l-inklużjoni soċjali, jipprovdi sorsi alternattivi ta’ impjieg għal gruppi soċjali emarġinati u jikkontribwixxi għat-tkabbir.

Matul l-2014 u l-2015, il-FEI kompla jibni riżerva b’saħħitha u diversifikata tal-SIA fl-Ewropa kollha, li tiżgura d-disponibbiltà ta’ firxa wiesgħa ta’ opzjonijiet ta’ finanzjament, inkluż strumenti ta’ dejn jew strumenti ibridi ta’ dejn/ekwità.

L-SIA jibbenefika minn finanzjament taħt l-Istrument ta’ Impatt Soċjali tal-EREM, mandat tal-BEI (EUR 189 miljun). L-impenji totali tal-SIA laħqu EUR 243 miljun fl-għeluq finali tiegħu f’Lulju 2015, permezz ta’ investimenti addizzjonali mill-Bank Bulgaru għall-Iżvilupp, il-fond ta’ innovazzjoni Finlandiż Sitra, u EUR 11,5 miljun mir-riżorsi proprji tal-FEI.

d) Ilħiq reġjonali

Il-FEI espanda l-ilħiq ta’ ekwità reġjonali tiegħu li beda fl-2006, li fil-preżent iġestixxi 12-il fond ta’ fondi reġjonali, b’impenji aggregati ta’ EUR 3,7 biljun fil-livell ta’ fond ta’ fondi. Fl-2016, il-FEI u s-sħab reġjonali tiegħu stabbilixxew tliet fondi ta’ fondi, li huma mmirati prinċipalment lejn l-Estonja (EUR 60 miljun), l-Iżvezja (SEK 582 miljun - madwar Eur 60,5 miljun) u n-Netherlands (EUR 200 miljun), li jiġu wkoll minn riżorsi tal-FSIE u/jew FEIS. Il-FEI jinvesti wkoll ir-riżorsi proprji tiegħu flimkien mal-fondi tal-mandatarji taħt fondi ta’ fondi reġjonali oħrajn permezz tal-koinvestiment tal-FEI abbażi tal-mandat tal-RCR, li jiffinanzja parzjalment dawn l-inizjattivi.

Il-FEI espanda wkoll l-attivitajiet tiegħu taħt l-inizjattiva tal-Fond Ewropew tal-Investituri Informali (“EAF”- European Angels Fund). Taħt l-EAF, il-FEI jipprovdi ekwità lil investituri informali u investituri nonistituzzjonali oħrajn, filwaqt li jżid il-kapaċità ta’ investiment tagħhom billi jikkoinvesti f’kumpaniji innovattivi fl-istadju tal-bidu, bikri jew tat-tkabbir. L-EAF issa jkopri lill-Awstrija, il-Ġermanja, l-Irlanda, in-Netherlands, Spanja u d-Danimarka, espansjoni sinifikanti mit-tnedija tiegħu fl-2012. Fi tmiem Settembru 2016, l-inizjattiva tal-EAF kellha volum ta’ EUR 265 miljun, li tal-anqas EUR 8 miljun minnhom għandhom jiġu impenjati taħt ir-riżorsi proprji tal-FEI.

2.3.    Dejn (garanziji, titolizzazzjoni u mikrofinanzjament)

Flimkien ma’ mandati ġodda użati fl-2014-2016 li jiddependu esklussivament fuq il-mobilizzazzjoni ta’ riżorsi ta’ mandatarji, għadd importanti ta’ mandati ffokati fuq id-dejn ġew imnedija mal-koinvestimenti u/jew kondiviżjoni tar-riskji tal-FEI. Barra minn hekk, il-FEI saħħaħ l-attività b’riskju proprju tiegħu f’operazzjonijiet ta’ titjib tal-kreditu.

a) Mandat ta’ titjib tar-riskju tal-BEI

L-EREM ġie ffirmat f’Marzu tal-2014 bejn il-BEI u l-FEI biex jappoġġa l-finanzjament indebolit ta’ negozji Ewropej permezz ta’ garanziji addizzjonali, dejn u strumenti ta’ ekwità. Ġie allokat ammont totali massimu ta’ EUR 6 biljun, li EUR 4 biljun minnhom jiġu mill-BEI u sa 2 biljun EUR jiġu mill-FEI.

Il-prodotti/twieqi tal-EREM isaħħu l-attivitajiet eżistenti jew isaħħu għodod ta’ finanzjament alternattivi biex iwieġbu għal ħtiġijiet ġodda tas-suq:

•    It-titjib tal-kreditu ta’ ABS (EREM ABS CE) jappoġġa b’ammont massimu ta’ EUR 1,95 biljun kapaċità miżjuda f’segmenti intermedjarji ta’ titolizzazzjonijiet ggarantiti b’assi, li jillibera r-riżorsi għall-oriġinaturi biex jisilfu lill-SMEs u lil midcaps żgħar;

•    L-EREM għal Banek Kooperattivi u l-Iżgħar Istituzzjonijiet iwessa’ l-firxa ta’ intermedjarji tal-Grupp tal-BEI, b’mod partikolari banek kooperattivi żgħar u istituzzjonijiet iżgħar iffokati partikolarment fuq SMEs iżgħar u negozji ġodda (start-ups). Min-naħa tagħhom, l-oriġinaturi huma mistennija jużaw ir-riżorsi disponibbli biex iżidu s-self lill-SMEs;

•    Fondi għal Self – segment ġdid li l-FEI uża biex iwessa’ d-disponibbiltà tal-finanzjament ta’ self għall-SMEs u midcaps żgħar lil hinn mill-kanali tradizzjonali tal-banek. Din ir-riżerva b’saħħitha wasslet għal żieda fir-riżorsi disponibbli għal EUR 725 miljun f’Jannar 2016.

•    Inizjattiva EREM-SME

L-EREM jirrikjedi lill-FEI jipparteċipa bir-riżorsi proprji tiegħu flimkien mal-finanzjament li tqiegħed għad-dispożizzjoni mill-BEI. Sa issa ġew mobilizzati sa EUR 333 miljun tar-riżorsi proprji tal-FEI fl-ambitu ta’ 42 operazzjoni, għal volum investit aggregat ta’ EUR 1,2 biljun.

b) Kontribuzzjonijiet ta’ kapital tal-FEI għal strumenti baġitarji tal-UE

i) Faċilità ta' Garanziji ta' InnovFin għall-SMEs (SMEG)

Mill-2014, il-FEI offra garanziji jew kontrogaranziji bla limitu għall-intermedjarji finanzjarji li ppermettewlhom jipprovdu finanzjament b’dejn b'termini favorevoli għal SMEs innovattivi u midcaps żgħar fi Stati Membri u Pajjiżi Assoċjati 12 .

EUR 1,1 biljun mill-baġit tal-UE u sa EUR 4,0 biljun ta’ esponiment tal-FEI huma mistennija li jqiegħdu għad-dispożizzjoni EUR 10 biljun ta’ finanzjament għal dejn għal kumpaniji innovattivi u jikkatalizzaw madwar EUR 14-il biljun f’investimenti. Il-FEI ikkonkluda 88 tranżazzjoni ta’ garanzija, b’total ta’ EUR 3,8 biljun, li minnhom 68 tranżazzjoni ġew appoġġati mill-FEIS għal ammont totali ta’ EUR 3,0 biljun ta’ sottoskrizzjonijiet.

Minn Jannar 2015, il-faċilità SMEG bbenefikat minn aċċellerazzjoni sinifikanti fl-użu permezz tal-appoġġ offrut mill-FEIS.

ii) Il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi

Il-FEIS ġie mniedi b’mod konġunt mill-Grupp tal-BEI u l-UE biex jgħin sabiex jingħeleb id-distakk f’investiment kurrenti fl-UE billi jiġi mobilizzat finanzjament privat għal investimenti strateġiċi. Huwa appoġġat minn garanzija ta’ EUR 16-il biljun mill-baġit tal-UE u allokazzjoni ta’ EUR 5 biljun mill-kapital proprju tal-BEI.

Il-FEI jimplimenta t-Tieqa għall-SMEs tal-FEIS, filwaqt li jipprovdi EUR 5,5 biljun 13 ta’ garanziji u investimenti ta’ ekwità. Sas-sajf tal-2018 huwa mistenni li jiġi mobilizzat volum ta’ investiment f’SMEs u midcaps ta’ EUR 82,5 biljun (ingranaġġ ta’ 15x). L-implimentazzjoni kurrenti tappoġġa l-istima inizjali u tindika wkoll l-ilħiq ta’ miri ferm qabel it-terminu skedat 14 .

Il-FEI ħa mir-riżorsi proprji tiegħu biex jaċċellera l-użu tal-prodotti tal-FEIS, qabel l-approvazzjoni formali fil-leġiżlazzjoni tal-FEIS, li timmobilizza EUR 500 miljun tal-fondi proprji bħala prefinanzjament sa meta l-istruttura tal-FEIS ssir kompletament operattiva.

c) Sostenn tal-FEI għall-inizjattiva tal-SMEs

L-Inizjattiva tal-SMEs tal-Kummissjoni u tal-Grupp tal-BEI tistimula l-finanzjament tal-SMEs billi tipprovdi kopertura parzjali tar-riskju għall-portafolli tas-self lill-SMEs tal-istituzzjonijiet finanzjarji oriġinaturi. Il-FSIE jipprovdi l-parti ewlenija tal-fondi tal-UE li jinkludu kontribuzzjoni minn strumenti ta’ livell tal-UE (COSME u/jew Orizzont 2020), b’kofinanzjament mir-riżorsi proprji tal-BEI u l-FEI.

Il-FEI joffri strument ta’ garanzija tal-portafoll mingħajr limitu għal intermedjarji finanzjarji magħżula. Din il-protezzjoni tat-telf u t-tħaffif potenzjali tar-rekwiżit għall-kapital jippermettu lill-intermedjarji finanzarji jipprovdu self lil SMEs, kiri u/jew garanziji b’termini favorevoli.

Fil-preżent, il-Fond ikopri lil Spanja, il-Bulgarija, il-Finlandja, Malta, l-Italja u r-Rumanija, bi pjanijiet ta’ espansjoni għal Stati Membri oħrajn. Madwar EUR 1 biljun ta’ riżorsi tal-FSIE ingħataw lill-FEI sa issa, flimkien mal-impenn mistenni sa ammont massimu ta’ EUR 1,8 biljun mill-BEI u EUR 150 miljun mir-riżorsi proprji tal-FEI.

d) Żieda fl-attivitajiet ta’ titolizzazzjoni tal-SMEs fuq ir-riżorsi proprji tal-FEI

Billi jiġu ffaċilitati tranżazzjonijiet ta’ titolizzazzjoni permezz ta’ titjib tal-kreditu, il-FEI jipprovdi garanziji għal istituzzjonijiet finanzjarji u b’hekk jiddiversifika s-sorsi ta’ finanzjament tagħhom u l-kisba ta’ tħaffif ekonomiku u regolatorju tar-rekwiżit għall-kapital permezz ta’ trasferiment tar-riskju tal-kreditu, titjib fl-abilità tal-banek biex iselfu lill-SMEs.

Mill-2014, l-isforzi tal-FEI biex iħeġġu t-titolizzazzjoni ta’ kwalità tal-SMEs rriżultaw fi EUR 2,8 biljun ta’ garanziji sottoskritti. Il-kopertura ġeografika espandiet b’mod sinifikanti fi 12-il pajjiż. Il-volum ingranat ta’ self addizzjonali lill-SMEs li jsir mill-oriġinaturi huwa stmat li jilħaq EUR 9,6 biljun. B’kollox, l-attività ta’ titolizzazzjoni tal-SMEs immobilizzat aktar minn EUR 2,2 biljun ta’ riżorsi proprji tal-FEI fl-istess perjodu.

L-EREM ABS CE tal-FEI appoġġa wkoll segmenti intermedjarji ta’ tranżazzjonijiet ta’ titolizzazzjoni ta’ SME/midcaps żgħar, inklużi kemm tranżazzjonijiet sintetiċi u tranżazzjonijiet ta’ bejgħ veru. Il-FEI uża wkoll EUR 105 miljun mir-riżorsi proprji tiegħu biex jixtri aktar segmenti superjuri permezz ta’ prodott ġdid ta’ investimenti diretti f’titolizzazzjonijiet iggarantiti b’assi.

2.4    Azzjonisti

Il-FEI irrinforza l-istruttura ta’ parteċipazzjoni pubblika-privata tiegħu permezz tal-parteċipazzjoni ta’ istituzzjonijiet finanzjarji fiż-żieda fil-kapital tal-2014. Wara l-isforzi tiegħu biex iwessa’ l-bażi tal-azzjonisti, ingħaqdu sitt istituzzjonijiet finanzjarji oħra minn Spanja, l-Italja, is-Slovenja, Franza u t-Turkija u b’hekk wassal għal total attwali ta’ 30 azzjonist li huma istituzzjonijiet finanzjarji.

Barra minn hekk, fl-10 ta’ Ottubru 2016, il-Laqgħa Ġenerali approvat l-ammissjoni ta’ membru ġdid, il-Bank tal-Garanzija u l-Iżvilupp Ċek-Moravjan CMZR. Kull twessigħ ulterjuri potenzjali taċ-ċirku ta’ azzjonisti li huma istituzzjonijiet finanzjarji se tkun ibbażata fuq l-estensjoni tal-kopertura ġeografika u l-enfasi ta’ din tal-aħħar fuq l-appoġġ tal-SMEs Ewropej.

Il-kooperazzjoni ma’ istituzzjonijiet finanzjarji kompliet tiġi msaħħa mill-FEI permezz tal-ħolqien tad-diviżjoni ta’ Relazzjonijiet Korporattivi fl-2015.

2.5    Affidabbiltà kreditizja

Aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu akbar affermaw konsistement il-klassifikazzjoni tal-kreditu AAA tal-FEI u enfasizzaw il-kapitalizzazzjoni qawwija tal-FEI, fejn notabbilment enfasizzaw iż-żieda fil-kapital tal-2014.

3.    L-attività ewlenija prospettiva tal-FEI

3.1    Attivitajiet futuri addizzjonali

Il-FEI kontinwament jipprova jkopri distakki identifikati tas-suq fil-finanzjament ta’ SMEs u midcaps Ewropej, inkluż billi jimmobilizza r-riżorsi proprji tiegħu flimkien ma’ dawk tal-mandat, bħall-FEIS.

a) Prodott tal-ekwità SMEW tal-FEIS

F’Lulju 2016 il-FEI, il-BEI u l-Kummissjoni nedew prodott speċifiku għall-investimenti ta’ ekwità fl-UE, li l-kapaċità ta’ investiment kumplessiva tiegħu ta’ EUR 2,068 miljun hija mmirata lejn investimenti ta’ ekwità fl-ispettru wiesa’ ta’ ħtiġijiet finanzjarji u modalitajiet ta’ forniment (koinvestimenti, trasferiment ta’ teknoloġija, fondi ta’ fondi, impatt soċjali, eċċ.). Il-Prodott ta’ Ekwità SMEW huwa maqsum f’żewġ subsezzjonijiet, bil-FEI jinvesti sa EUR 340 miljun tar-riżorsi proprji tiegħu fit-tkabbir/espansjoni(is-subsezzjoni 1) u f'investimenti fi stadju bikri (is-subsezzjoni 2).

Pjattaforma kollaborattiva għal banek u istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali tippermettilhom li jagħmlu allinjament mal-baġit totali għall-investiment fl-ambitu tal-Prodott ta’ Ekwità SMEW tal-FEIS fuq bażi 1:1.

B) Attivitajiet tad-Dejn addizzjonali

i) Appoġġ ulterjuri tal-FEIS lil InnovFin SMEG

Qed tiġi mfassla faċilità ta’ garanzija ġdida taħt InnovFin SMEG li tkopri self intermedjarju. Riżorsi tal-FEI sa ammont massimu ta’ EUR 300 miljun se jiġu kkombinati mal-FEIS sabiex ikopru volum ta’ self totali sa EUR 2 biljun matul il-perjodu 2017-2020.

ii) Strumenti ta’ mikrofinanzjament iffinanzjati (EaSI)

Taħt ir-Regolament (UE) Nru 1296/2013, il-Kummissjoni u l-Grupp tal-BEI jippjanaw li jissupplementaw il-mandat ta’ garanzija b’faċilità li toffri self superjuri u subordinat għal istituzzjonjiet ta’ mikrofinanzjament u intraprenditorija soċjali li min-naħa tagħhom se jipprovdu finanzjamenti għal mikroimpriżi u impriżi soċjali. Ir-riżorsi proprji tal-FEI sa ammont massimu ta’ EUR 28,5 miljun (inkluż mill-mandat tal-EREM) għandhom jiġu mobilizzati flimkien ma’ riżorsi tal-BEI u EaSI għal volum aggregat previst ta’ EUR 200 miljun.

iii) Attivitajiet addizzjonali ta’ titolizzazzjoni tal-SMEs

Wara l-esperjenza pożittiva tal-investimenti diretti tal-FEI fit-titolizzazzjonijiet ffokati fuq l-SMEs, il-FEI attwalment qed jirrifletti biex iżid il-preżenza tiegħu f’dak is-segment tas-suq b’potenzjalment EUR 300 miljun tar-riżorsi proprji tal-FEI fuq tliet snin.

c) Żieda tal-FEIS (FEIS 2.0)

F’Settembru tal-2016, il-Kummissjoni pproponiet żieda fil-kapaċità ta’ investiment kumplessiva tal-FEIS 15 (li jwassal biex l-investiment katalizzat totali jiżdied minn EUR 315 biljun għal EUR 500 biljun), flimkien ma’ estensjoni tal-perjodu ta’ investiment tiegħu sal-2020. Barra minn hekk, il-Kummissjoni pproponiet żieda tal-garanzija tal-FEIS b’EUR 10 biljun sa total massimu ta’ EUR 26 biljun. Fuq il-bażi tal-bidu b’suċċess kbir fl-implimentazjzoni tal-FEIS, b’mod partikolari t-tieqa għall-SMEs implimentata mill-FEI, il-proposta l-ġdida tinvolvi żieda fit-tieqa għall-SMEs ta’ EUR 5 biljun li tqiegħdu għad-dispożizzjoni għal investimenti għall-SMEs u midcaps permezz tal-FEI. Dan se jirriżulta fil-mobilizzar ta’ riżorsi proprji addizzjonali tal-FEI, flimkien mal-FEIS bejn l-2018 u l-2020.

3.2    Impatt tal-konsum ta’ kapital tal-FEI

a) Konsum ta’ kapital

i) Ekwità

L-impenji tar-riżorsi proprji tal-FEI fil-qasam tal-parteċipazzjonijiet ta’ ekwità huma limitati għall-valur massimu msemmi fit-taqsima 1.1.d). Dan ifisser li minn Settembru 2016, ammont ta’ EUR 891 miljun huwa disponibbli għal parteċipazzjonijiet ta’ ekwità. L-impenji netti kumplessivi ta’ ekwità privata ta’ EUR 659 miljun użaw 74% tal-ammont massimu.

ii) Garanziji

Minn tmiem Settembru 2013, l-esponiment tal-FEI li jiġi mill-operazzjonijiet tiegħu ta’ garanzija tar-riskju kien ta’ EUR 2,9 biljun, li jirriżulta f’marġini (headroom) ta’ EUR 6,1 biljun għal tranżazzjonijiet bħal dawn. Iż-żieda sinifikanti fil-volum ta’ operazzjonijiet ta’ garanzija bejn l-2014 u tmiem Settembru 2016 irdoppjat l-esponiment tal-FEI għal EUR 5,8 biljun, fejn il-limitu massimu kien EUR 12,9 biljun.

iii) Tlestija taż-żieda fil-kapital tal-2014

Iż-żieda fil-kapital tal-2014 għandha tiġi kompluta fl-2017 permezz ta’ perjodu ta’ sottoskrizzjoni finali awżiljarju għall-ishma awtorizzati tal-FEI li fadal li huma riżervati mill-UE. Il-valur nominali se jiġi kkonfermat fl-ewwel nofs tal-2017, immedjatament wara l-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-FEI 16 . Is-sottoskrizzjoni tal-ishma li fadal min-naħa tal-UE se żżid il-marġini disponibbli għal operazzjonijiet addizzjonali tal-FEI, li se jippromwovi l-użu ulterjuri tal-investimenti tal-FEI stabbilit fit-taqsima 3.1.

b) Ottimizzazzjoni tal-użu tal-kapital

Il-FEI qed jaħdem b’mod attiv biex iġestixxi b’mod sostenibbli l-kapital tiegħu biex jakkomoda rata ta’ tkabbir stabbli prevista għall-attivitajiet tiegħu. Huma ppjanati miżuri differenti biex inaqqsu l-konsum tal-kapital tal-FEI, inkluż ġestjoni ta’ portafoll aktar attiva, b’mod partikolari fil-qasam tal-ekwità.

4.    Konklużjoni

Għalkemm għadha ma ġietx finalizzata, b'mod partikolari minħabba d-deċiżjoni pendenti tal-UE dwar il-118-il sehem li fadal, iż-żieda fil-kapital diġà wasslet għal żieda fil-finanzjament li tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-SMEs u l-midcaps. Iż-żieda fil-kapital ħolqot ukoll kapaċità ta’ teħid ta’ riskju addizzjonali, li tippermetti volum ikbar u veloċità tal-użu tal-investiment ta’ ekwità fl-SMEs, filwaqt li l-kapital tal-FEI ġie ingranat b’mod sinifikanti. Iż-żieda saħħet ukoll l-attività dwar ir-riskji tal-FEI fl-operazzjonijiet ta’ titjib tal-kreditu, b’mod partikolari għall-garanziji u t-titolizzazzjoni u b’hekk immobilizzat il-finanzjament privat u tejbet l-aċċess għal finanzjament għall-SMEs.

Madankollu, il-baġit li tqiegħed għad-dispożizzjoni probabbilment mhux se jkun suffiċjenti biex jissottoskrivi b’mod sħiħ il-118-il sehem li fadal li ġew riservati għall-UE. Dan se jwassal għal dilwizzjoni ħafifa tal-parteċipazzjoni azzjonarja tal-UE. Dan ir-riżultat huwa prinċipalment minħabba (i) żieda ogħla milli previst fil-prezz għal kull sehem matul il-perjodu 17 , u (ii) deċiżjoni biex ma jintużawx dividendi li l-UE rċeviet sa issa mill-FEI biex tixtri ishma addizzjonali, kif kien il-każ għaż-żieda fil-kapital tal-2007. Id-dilwizzjoni mhux se jkollha impatt immedjat fuq id-drittijiet statutorji tal-UE bħala azzjonist iżda se tirriżulta fi tnaqqis ħafif fis-sehem tagħha f’dividendi futuri.Ir-riżultati sa issa jindikaw li s-sottoskrizzjoni fl-ishma riżervati li fadal se tippermetti li l-attivitajiet tal-SMEs u tal-midcaps tal-FEI ikomplu jiġu miżjuda. Il-limiti massimi stabbiliti fl-istatuti tal-FEI u l-ħtieġa li tiġi żgurata l-klassifikazzjoni tal-kreditu AAA stabbli 18 jillimitaw il-kamp ta’ applikazzjoni għal dawk l-attivitajiet addizzjonali. Il-marġini attwali taħt il-limiti massimi tippermetti lill-FEI isostni attivitajiet addizzjonali matul is-snin li ġejjin u għadu kmieni wisq biex jiġu previsti l-ħtiġijiet kapitali ta’ wara l-2018. Ladarba jiġi adottat il-FEIS 2.0, madankollu, għandha tkun mistennija mobilizzazzjoni ulterjuri tar-riżorsi proprji tal-FEI. Fl-istess ħin, il-garanzija tal-FEIS se tippermetti lill-FEI jikseb ingranaġġ aktar sinifikanti fuq il-kapital tiegħu. 

(1)

Id-Deċiżjoni Nru 562/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar il-parteċipazzjoni tal-Unjoni Ewropea fiż-żieda fil-kapital tal-Fond Ewropew tal-Investiment, ĠU L 156, 24.5.2014, p. 1.

(2)

 Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/375/KE tas-6 ta' Ġunju 1994 dwar is-sħubija tal-Komunità fil-Fond Ewropew tal-Investiment, ĠU L 173, 7.7.1994, p. 12.

(3)

Dikjarazzjoni mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill dwar id-Deċiżjoni 562/2014. Il-Kummissjoni pproponiet li d-dividendi mħallsa mill-FEI fl-2014-2017 jintużaw biex ikopru parti mill-ispiża tal-ishma l-ġodda, COM(2014)066 finali.

(4)

http://www.eif.org/who_we_are/governance/index.htm

(5)

Ir-Regolament (UE) Nru 1287/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju (COSME) (2014-2020) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 3.

(6)

InnovFin - Finanzi tal-UE għall-Innovaturi - hija inizjattiva konġunta mill-BEI u l-UE taħt ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020), ĠU L 347, 20.12.2013, p. 104.

(7)

Ir-Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi “Erasmus+”: il-programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni, taħriġ, żgħażagħ u sport, ĠU L 347, 20.12.2013, p. 50.

(8)

Ir-Regolament (UE) Nru 1296/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar Programm tal-Unjoni Ewropea għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali ("EaSI"), ĠU L 347, 20.12.2013, p. 238.

(9)

Fuq il-bażi tat-tielet (3) kwart, kontijiet mhux awditjati.

(10)

Ir-Rata ta’ Tkabbir Komposta (“CAGR” - Compounded Annual Growth Rate) bbażata fuq il-volum previst fi tmiem l-2016.

(11)

Ir-Regolament (UE) 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2015 dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, iċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti u l-Portal Ewropew ta' Proġetti ta' Investiment, ĠU L 169, 1.7.2015, p. 1.

(12)

 http://ec.europa.eu/research/participants/data/ref/h2020/grants_manual/hi/3cpart/h2020-hi-list-ac_en.pdf

(13)

Wara żieda ta’ EUR 500 miljun, li ġew trasferiti mit-Tieqa għall-Infrastruttura u l-Innovazzjoni tal-FEIS, li ġie deċiż mill-Bord ta’ Tmexxija tal-FEIS.

(14)

F’Novembru 2016, hija mistennija li tintlaħaq aktar minn 80 % mill-mira ta’ EUR 82,5 biljun, fuq il-bażi tas-sottoskrizzjonijiet kurrenti.

(15)

 COM(2016)597 final, 2016/0276(COD)

(16)

Il-prezz tal-ishma huwa kkalkolat permezz tar-Replacement Share Purchase Undertaking (L-Impenn dwar il-Prezz għax-xiri mill-ġdid ta’ ishma) u fuq il-bażi ta’ rapport maħruġ mill-awdituri esterni wara l-approvazzjoni tal-Laqgħa Ġenerali Annwali tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji u l-attribuzzjoni tad-dħul nett.

(17)

Iż-żieda ogħla milli previst fil-prezz tas-sehem tal-FEI hija prinċipalment dovuta għal prestazzjoni finanzjarja tal-FEI aħjar milli proġettata oriġinarjament.

(18)

Konformi mar-Regolament (UE) Nru 462/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1060/2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu, ĠU L 145, 31.5.2013.