Brussell, 8.12.2016

COM(2016) 792 final

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW U LILL-KUNSILL

Ir-Raba’ Rapport dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni UE-Turkija


Ir-Raba’ Rapport dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni UE -Turkija

Introduzzjoni

Tul il-perjodu kopert minn dan ir-Raba’ Rapport 1 , l-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni UE-Turkija 2 kkonfermat ix-xejra ta’ kisba stabbli ta’ riżultati, minkejja l-bosta sfidi affaċċati.

Kien hemm tnaqqis kbir fl-għadd ta’ qsim li sar mindu ġiet attivata d-Dikjarazzjoni, xejra li kompliet fil-perjodu kopert minn dan ir-Rapport. It-telfien ta’ ħajja ġie mrażżan. L-għadd medju ta’ wasliet kuljum mit-Turkija lejn il-gżejjer griegi baqa’ madwar 81 ruħ, ħafna inqas mill-qċaċet li rajna fl-istess perjodu s-sena l-oħra. Fl-istess waqt, ir-rata ta’ ritorn mill-Greċja lejn it-Turkija hija bil-mod wisq. B'riżultat, hemm iktar pressjoni fuq il-faċilitajiet ta’ akkoljenza li diġà qegħdin imġebbdin iżżejjed, u dan wassal għal xi inċidenti tal-ordni pubbliku reċenti. Filwaqt li l-iskala ġenerali tal-flussi lejn il-Greċja għadha ferm inqas milli kienet qabel id-Dikjarazzjoni, is-sitwazzjoni mhux talli jistħoqqilha monitoraġġ bir-reqqa iżda huwa iktar importanti li jsiru iktar sforzi biex titjieb is-sitwazzjoni fil-gżejjer Griegi.

Sar progress ukoll f'elementi oħra tad-Dikjarazzjoni. Pereżempju, ir-rata ta’ risistemazzjoni ta’ refuġjati Sirjani mit-Turkija qiegħda kontinwament taċċelera. L-UE allokat ’il fuq minn EUR 2,2 biljun mill-EUR 3 biljun tal-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija u EUR 677 miljun issa ġew żborżati.

Dan ir-Rapport jiddeskrivi x-xejra ssoktata tal-progress, kif ukoll il-miżuri li għadhom meħtieġa sabiex l-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni tankra ruħha bħala pilastru stabbli u sostenibbli tal-politika tal-UE. Il-Kunsill Ewropew tal-20 ta’ Ottubru 3 nnota li stabilizzazzjoni dejjiema tas-sitwazzjoni fuq ir-rotta tal-Mediterran tal-Lvant teħtieġ l-applikazzjoni ulterjuri tad-Dikjarazzjoni. Il-konklużjonijiet talbu li r-ritorni mill-gżejjer Griegi lejn it-Turkija jiġu aċċellerati iktar; li jinħatru koordinaturi permanenti fil-hotspots Griegi mill-iktar fis possibbli; li l-Istati Membri jwieġbu bis-sħiħ għat-talbiet għal riżorsi mill-Aġenziji relevanti tal-UE sabiex jassistu lill-Greċja; u li jkun hemm iktar progress fil-firxa sħiħa ta’ impenji fir-rigward tal-Istati Membri kollha li jinsabu fid-Dikjarazzjoni, inkluż f'dak li għandu x’jaqsam mal-liberalizzazzjoni tal-viża. Dan ir-rapport jikkonferma l-ħtieġa urġenti biex isir progress fuq dawn il-kwistjonijiet kollha.

1.Sitwazzjoni attwali

Mit-Tielet Rapport tat-28 ta’ Settembru 2016 ’l hawn, l-għadd totali ta’ wasliet mit-Turkija lejn il-gżejjer Griegi kien ta’ 5 687 4   li jirrappreżenta medja ta’ madwar 81 wasla kuljum 5 . Minkejja li l-wasliet ta’ kuljum huma ogħla milli kienu qabel is-sajf, iċ-ċifri huma ħafna iktar baxxi milli kienu fl-istess perjodu tas-sena l-oħra (total ta’ madwar 390 000 mit-28 ta’ Settembru sal-4 ta’ Diċembru 2015), u mix-xahar ta’ qabel id-Dikjarazzjoni (li fih il-medja ta’ wasliet kuljum kienet ta’ 1 700 kuljum). Mid-Dikjarazzjoni UE-Turkija, ġew irreġistrati 63 fatalità u persuni neqsin fil-Baħar Eġew. Filwaqt li kull ħajja mitlufa hija ta’ dispjaċir kbir, dan ifisser li kien hemm tnaqqis sostanzjali fit-telf ta’ ħajjiet, meta wieħed iqis li mietu ’l fuq minn 592 ruħ tul l-istess perjodu fl-2015 6 .

Koordinazzjoni u kooperazzjoni mtejba

Il-Koordinatur tal-UE għall-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni UE-Turkija 7 żgura s-segwitu ta’ kuljum għad-dikjarazzjoni UE-Turkija mal-awtoritajiet Griegi u Torok, l-Aġenziji tal-UE, organizzazzjonijiet internazzjonali u Stati Membri oħrajn bil-fokus li jiġu aċċellerati l-proċessi tal-ażil, li jiżdied l-għadd ta’ migranti li jirritornaw mill-gżejjer Griegi lejn it-Turkija, u li jiġu stabbiliti miżuri ta’ sigurtà xierqa fil-hotspots. Biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni sħiħa tad-Dikjarazzjoni UE-Turkija u wkoll biex tittaffa l-pressjoni minn fuq il-gżejjer Griegi, jinħtieġ li l-implimentazzjoni tissaħħaħ u tiġi aċċellerata. Għaldaqstant, u fir-rispett ta’ azzjonijiet min-naħa tal-UE, il-Koordinatur tal-UE ħejja Pjan ta’ Azzjoni Konġunt flimkien mal-awtoritajiet Griegi, li qiegħed jippubblikaha llum. Dan tħejja biex jirrikonoxxi l-isforz addizzjonali meħtieġ fuq kull naħa: mill-Greċja, l-Istati Membri, il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, l-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Ażil, il-Kummissjoni u Organizzazzjonijiet Internazzjonali (l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni u l-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati) sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni sħiħa tad-dikjarazzjoni UE-Turkija, u b’mod partikolari biex tittaffa l-pressjoni minn fuq il-gżejjer Griegi. Billi ssir ħidma flimkien fuq din il-bażi, l-għan partikolari huwa li tiġi eliminata l-akkumulazzjoni tal-każijiet tal-ażil fil-gżejjer Griegi sa April 2017. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tappoġġa l-punti ewlenin tal-Pjan ta’ Azzjoni Konġunt kif imniżżlin fl-Anness 1.

Is-sehem tal-Istati Membri huwa indispensabbli għall-effettività tal-appoġġ mogħti mill-Aġenziji tal-UE għall-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni UE-Turkija. Il-Kunsill Ewropew tal-20 ta’ Ottubru ssottolinja l-importanza li jiġu ssodisfati bis-sħiħ il-ħtiġijiet tal-persunal tal-Aġenziji tal-UE, kif ukoll ir-Riżerva ta’ Intervent għall-Ażil tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Ażil, biex tappoġġa f’kull ħin u b’biżżejjed nies lill-Istati Membri l-aktar esposti. Biex jiffaċilita segwitu rapidu għat-talba tal-Kunsill Ewropew għal persunal addizzjonali, l-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Ażil żviluppa programm ta’ taħriġ pilota biex jiżgura li l-uffiċjali tal-każ b’esperjenza nazzjonali limitata jkunu jistgħu jiġu mobilizzati biex jappoġġaw lill-Awtoritajiet Griegi. Madankollu, in-nuqqasijiet identifikati fir-rapporti preċedenti għadhom ma ġewx indirizzati għalkollox.

Mill-5 ta’ Diċembru, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Ażil immobilizza 93 interpretu fil-Greċja u 74 espert mill-Istati Membri, li minnhom 52 huma mmobilizzati fil-hotspots; 39 minnhom huma assistenti soċjali. In-nuqqas preżenti huwa ta’ 61 assistent soċjali. Minħabba l-ħtieġa għal mobilizzazzjoni addizzjonali, fil-11 ta’ Novembru l-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Ażil ħareġ sejħa addizzjonali għal 150 espert mill-Istati Membri fil-qasam tal-Ażil, fosthom 100 assistent soċjali, iżda abbażi tan-nomini li waslu sal-5 ta’ Diċembru, l-għadd totali ta’ esperti mobilizzati fil-fatt huwa mistenni jonqos minn issa sal-aħħar tas-sena. Sakemm dan ma jiġix rimedjat b’urġenza, dan it-tnaqqis se jkollu impatt negattiv fuq il-ħeffa li bihom jistgħu jiġu ttrattati l-każijiet u se jżid ir-riskji ta’ iktar iffullar fil-gżejjer.

Fejn jidħol l-appoġġ fil-fruntieri, mill-5 ta’ Diċembru, il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta kellha 682 uffiċjal stazzjonat il-Greċja, fosthom 54 uffiċjal għall-appoġġ tal-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni. Dan ifisser li hemm nuqqas ta’ 13-il uffiċjal mistieden sal-14 ta’ Diċembru u, wara din id-data, in-nuqqas se jikber għal 57. Fir-rigward tal-Europol, l-għadd ta’ uffiċjali mistednin li bħalissa huma skjerati fil-hotspots biex iwettqu kontrolli tas-sigurtà sekondarji żdied għal 24 (fosthom 21 uffiċjal mistieden u tliet membri tal-persunal tal-Europol stess). Għalissa, barra mill-persunal tal-Europol skjerat fil-ħames gżejjer biex iwettqu kontrolli tas-sigurtà sekondarji, hemm erba’ uffiċjali addizzjonali stazzjonati fit-Task Force Reġjonali Ewropea f’Piraeus għall-finijiet ta’ koordinazzjoni. L-iskjerament permezz tal-Europol jidher li għadu qed ikun suffiċjenti, iżda hemm bżonn ikun hemm monitoraġġ mill-qrib biex jiġi identifikat hemmx bżonn ta’ aġġustamenti biex jilqgħu għall-iżvilupp futur tal-flussi.

Fuq dak l-isfond, b’mod partikolari r-riskji taż-żieda fl-iffullar fil-kapaċitajiet ta’ akkoljenza tal-gżejjer u r-riskji relatati għall-ordni pubbliku (ara iktar ’l isfel), jinħtieġ li l-Istati Membri jżidu b’urġenza l-impenji tagħhom għall-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Ażil. Jinħtieġ ukoll li l-Istati Membri jżommu wegħdiethom li jibagħtu lill-uffiċjali mitluba lill-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li dawn jiġu pariġġ mal-għadd u l-profili mitluba. L-iżgurar ta’ disponibbiltà kostanti għall-iskjerament tal-uffiċjali mistiedna u tat-tagħmir tekniku meħtieġ għall-implimentazzjoni effettiva tal-operazzjonijiet ikkoordinati mill-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta huwa kruċjali għall-operazzjonalizzazzjoni tagħha, jiġifieri għall-Aġenzija u għall-awtoritajiet tal-gwardji tal-fruntieri tal-Istati Membri li jkollhom x’jaqsmu mal-fluss ta' migrazzjoni irregolari fir-rotta tal-Mediterran tal-Lvant.

L-Uffiċjali ta’ Kollegament Torok, li ġew imsejħa lura wara l-attentat ta’ kolp ta’ stat, reġgħu ġew skjerati fil-gżejjer Griegi fil-25 ta’ Ottubru. Il-Gwardja tal-Kosta Torka qiegħda tippattulja l-baħar tal-Eġew tal-Lvant b’mod attiv, u qed tirreġistra livell għoli kull ġimgħa fin-numru ta’ prevenzjonijiet ta’ tluq mit-Turkija (madwar 450–500 qabda).

Billi bniet fuq l-iskjerament ta’ Uffiċjal ta' Kollegament tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta fil-flagship tan-NATO f’April 2016 u l-iffirmar ta’ proċeduri operattivi standard bejn il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u l-Kmand Marittimu tan-Nato f’Lulju, il-kooperazzjoni fil-Baħar Eġew tfanndet fil-forma ta’ stampa tas-sitwazzjoni komuni, twissija bikrija, attivitajiet ta’ sorveljanza u l-qsim ta’ informazzjoni operazzjonali mal-gwardji tal-kosta Griegi u Torok. Din il-kooperazzjoni għandha l-għan li żżid kontinwament ir-rata diġà għolja ta’ individwazzjoni u li tħaffef l-iskambju tal-informazzjoni dwar il-faċilitazzjoni ta' immigrazzjoni illegali. Għaldaqstant, in-NATO reċentement ipprovdiet tagħmir għall-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta biex din taċċessa n-netwerk ristrett reġjonali tagħha, biex tkompli ttejjeb il-pjattaformi ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn iż-żewġ operazzjonijiet.

Inizjattivi ta’ informazzjoni

Abbażi tax-xogħol mit-task force għal Strateġija għall-Informazzjoni għall-Migranti, konsorzju tal-media prominenti qiegħed fil-proċess li jħejji “Portal tal-Informazzjoni għall-Migranti” b’kooperazzjoni mal-Kummissjoni. Dan mistenni li jitnieda fil-bidu tal-2017 biex jinforma miljuni ta’ migranti prospettivi mad-dinja kollha dwar il-vjaġġi perikolużi u l-ostakoli legali li wieħed jaffaċċa meta jipprova jidħol fl-UE.

Bħala segwitu għall-kampanja ta’ informazzjoni, li ġiet organizzata bejn Lulju u Awwissu fil-gżejjer hotspot kollha biex tinforma lill-migranti dwar id-drittijiet u l-għażliet tagħhom, il-Kummissjoni qiegħda tgħin lill-awtoritajiet Griegi jistabbilixxu gabbani ta’ informazzjoni fil-hotspots kollha. Dawn se jkunu qegħdin jaħdmu fihom esperti mill-awtoritajiet Griegi kif ukoll esperti minn organizzazzjonijiet Ewropej u internazzjonali, biex iservu ta’ sors ta’ informazzjoni ta’ min joqgħod fuqu għall-migranti. Il-gabbana tal-informazzjoni f’Chios diġà tlestiet, filwaqt li dik ta’ Lesvos għadha qed tiġi mħejjija. Id-dokumenti ta’ sfond u l-materjal informattiv qegħdin jitħejjew mill-Kummissjoni b’kooperazzjoni mal-awtoritajiet Griegi, l-Aġenziji tal-UE, l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni u l-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati.

Sfidi ewlenin u l-passi li jmiss    

Fid-dawl tar-riskji ta’ kapaċitajiet ta’ akkoljenza kulma jmur iktar iffullati u r-riskji relatati li jġibu magħhom għall-ordni pubbliku, l-Istati Membri għandhom urġentement jibagħtu l-esperti neċessarji, kif impenjat fil-Kunsill Ewropew ta’ Ottubru, biex l-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Ażil ikun jista' jħaffef l-ipproċesar tal-applikazzjonijiet għall-ażil fil-gżejjer Griegi, u jekk ikun hemm bżonn jintuża t-taħriġ komprensiv żviluppat mill-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Ażil għall-mobilizzazzjoni ta’ uffiċjali subalterni;

L-Istati Membri għandhom ikomplu jibagħtu esperti lill-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, skont il-kwantitajiet u l-profili meħtieġa;

It-tnedija tal-“Portal ta’ Informazzjoni għall-Migranti” fil-bidu tal-2017 mill-konsorzju medjatiku;

It-twaqqif ta’ punti ta’ informazzjoni fil-gżejjer hotspot kollha mill-iktar fis possibbli għall-għoti ta’ informazzjoni diretta lill-migranti.

2.Ir-ritorn tal-migranti irregolari ġodda kollha mill-Greċja lejn it-Turkija

Id-Dikjarazzjoni tipprevedi r-ritorn tal-migranti irregolari u l-applikanti għall-ażil ġodda kollha, li l-applikazzjonijiet tagħhom ġew iddikjarati inammissibbli jew bla bażi, li qasmu mit-Turkija għall-gżejjer Griegi wara l-20 ta’ Marzu. Dawn il-miżuri jitwettqu strettament konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-UE u internazzjonali, u b’rispett sħiħ lejn il-prinċipju ta' non-refoulement.

Is-sitwazzjoni attwali tar-ritorni

Mit-Tielet Rapport tat-28 ta' Settembru 2016 'l hawn, bir-ritorn tal-Uffiċjali ta’ Kollegament Torok fil-gżejjer, u l-issoktar tal-operazzjonijiet ta’ ritorn fil-bidu ta’ Settembru, 170 persuna li daħlu l-Greċja mit-Turkija ġew ritornati lejn it-Turkija fil-qafas tad-Dikjarazzjoni UE-Turkija, fosthom 42 Sirjan, li jtellgħu l-għadd totali ta’ migranti ritornati lejn it-Turkija wara d-Dikjarazzjoni UE-Turkija għal 748. Fost in-nazzjonalitajiet oħrajn kien hemm Pakistani (394), Afgani (61), Iraqini (17), Bangladeshi (26), Iranjani (18), Sri Lankani (16) u Marokkini (15). Il-persuni mibgħutin lura kienu rċevew deċiżjonijiet negattivi għall-ażil (inklużi deċiżjonijiet negattivi fit-tieni istanza), kienu rtiraw l-applikazzjonijiet tagħhom għall-ażil, jew ma kinux applikaw għall-ażil. B’kollox, 1 187 migrant irregolari ġew ritornati mill-Greċja lejn it-Turkija tul l-2016 taħt id-Dikjarazzjoni UE-Turkija jew il-protokoll bilaterali ta’ riammissjoni Greċja-Turkija, li minnhom 95 kienu Sirjani.

B’kollox, l-għadd ta’ ritorni kien baxx, iżda wkoll iktar baxx minn dak tal-wasliet. L-għadd ta’ ritorni żdied xi ftit f’Ottobru, b’operazzjonijiet isiru ta’ kull ġimgħa, iżda fl-ewwel nofs ta’ Novembru (li fih erba’ Pakistani biss ġew ritornati) ġie nnutat in-nuqqas ta’ rispons jew risposti tard min-naħa tal-awtoritajiet Torok għal talbiet mill-awtoritajiet Griegi biex iwettqu operazzjonijiet ta’ ritorn konformi mad-Dikjarazzjoni UE-Turkija 8 . Filwaqt li s-Servizz tal-Ażil Grieg irdoppja l-għadd ta’ esperti tiegħu jaħdmu fil-gżejjer u iktar esperti huma mistennija li jiġu mqabbda sa tmiem din is-sena, hemm bżonn iktar sforzi, inkluż permezz tal-iskjerament ta’ esperti min-naħa tal-Istati Membri permezz tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Ażil, sabiex l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-ażil fl-ewwel istanza jitħaffef u l-għadd ta’ ritorni jiżdied u jiġi sostnut 9 .

Migranti li mhumiex Sirjani qegħdin jiġu ritornati lejn it-Turkija bid-dgħajsa u jiġu ttrasferiti lejn ċentru ta' detenzjoni f’Kirklareli fejn jiġu mgħarrfa dwar id-drittijiet tagħhom, fosthom il-possibiltà li japplikaw għal status ta’ protezzjoni fit-Turkija. Skont ir-rapporti, sa issa 47 persuna ppreżentaw l-applikazzjonijiet tagħhom lill-awtoritajiet Torok: waħda minnhom ingħatat l-istatus ta’ refuġjat filwaqt li 46 minnhom ġew rilaxxati miċ-ċentru ta' detenzjoni sa ma jittieħdu d-deċiżjonijiet dwar l-applikazzjonijiet tagħhom. Sa issa, 417-il persuna, li ma applikawx għall-istatus ta’ refuġjat fit-Turkija, ġew ritornati lejn il-pajjiżi tal-oriġini tagħhom. Fejn jidħlu s-Sirjani, dawn qegħdin jiġu rritornati mill-gżejjer Griegi bl-ajruplan u qed jitqiegħdu f’kamp ta’ refuġjati f’Duzici. Dawn huma intitolati japplikaw għall-protezzjoni temporanja u, wara prereġistrazzjoni rapida għall-protezzjoni temporanja, jiġu rilaxxati u jkunu liberi li jmorru joqogħdu fil-provinċja tal-għażla tagħhom jew jibqgħu fil-kamp. Sa issa, is-Sirjani kollha ġew prereġistrati, ħlief għaxra li ddeċidew minn rajhom li jmorru lura s-Sirja. Il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati u d-Delegazzjoni tal-UE għat-Turkija reċentement żaru ċ-ċentru ta' detenzjoni f’Kirklareli u l-kamp ta' refuġjati f’Duzici.

Fl-2016 (sal-15 ta’ Novembru), kienu 11 102 ċittadin Sirjan li ngħataw permess tax-xogħol.

Mit-Tielet Rapport tat-28 ta’ Settembru 2016 ’l hawn, 869 persuna marru lura lejn il-pajjiż tal-oriġini tagħhom minn rajhom mill-Greċja kontinentali u 163 għamlu dan mill-gżejjer, b’assistenza mill-programm ta’ Ritorn Volontarju Assistit u Riintegrazzjoni. Mill-1 ta’ Jannar 2016, b’kollox 5 710 migrant użaw il-programm mill-Greċja. Biex dawn l-isforzi jiġu intensifikati, il-programm ġie allinjat mill-ġdid. Mil-lum ’il hemm, il-parteċipanti kollha mill-gżejjer għandhom ikunu kapaċi jibbenefikaw għalkollox mill-assistenza għar-riintegrazzjoni. Is-sehem sħiħ tal-Greċja fi programmi ffinanzjati mill-UE dwar ir-ritorn (b’mod partikolari l-programm tan-Netwerk Ewropew għar-Riintegrazzjoni) u l-ikbar użu possibbli min-naħa tagħha tal-appoġġ finanzjarju u tekniku offrut minn dawn il-programmi, ukoll jirfed l-isforzi kollha fil-qasam tar-ritorn.

Passi legali

L-Awtorità ta’ Appell li għadha kemm twaqqfet issa qiegħda taħdem, b’sitt Kumitati ta’ Appell permanenti (u Kumitat alternattiv wieħed għal dawk permanenti). Dawn jiddeċiedu dwar appelli li saru mill-20 ta’ Lulju skont il-proċeduri ta’ ammissibilità u eliġibbiltà (applikati għal nazzjonalitajiet b’rati ta’ rikonoxximent baxxi) kontra d-deċiżjonijiet tal-ewwel istanza tas-Servizz tal-Ażil Grieg. Biex tittejjeb l-effiċjenza tal-Awtorità ta’ Appel il-ġdida u jiżdied l-għadd ta’ deċiżjonijiet tat-tieni istanza, fil-25 ta’ Ottubru 10 l-gvern Grieg iddeċieda li jwaqqaf seba’ Kumitati ta’ Appell oħrajn, li jġibu l-għadd totali ta’ kumitati bħal dan għal 13. L-intenzjoni hi li b’kollox ikun hemm 20 Kumitat ta’ Appell sa tmiem Frar tal-2017, u hemm il-mira li l-għadd ta’ deċiżjonijiet fix-xahar jiżdied. Il-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati ffinalizzaw l-għażla tal-membri tas-seba’ Kumitati addizzjonali, li huma mistennija li jkunu qegħdin jaħdmu sa tmiem Diċembru. Il-Kummissjoni tkompli tagħti appoġġ lill-awtoritajiet Griegi biex jaċċelleraw il-proċessi tal-ażil fl-ewwel u t-tieni istanza u jtejbu l-produttività tas-Servizz tal-Ażil u l-Awtorità ta’ Appell.

Fejn jidħlu l-każijiet fil-gżejjer Griegi, l-għadd totali ta’ appelli kontra s-6 040 11 deċiżjoni tal-ewwel istanza sa issa abbażi tal-ammissibilità u l-merti mis-Servizz tal-Ażil huwa ta’ 2 014 12 . Minn dawk l-2 014 kawża ta’ appell, sa issa ttieħdu 838 deċiżjoni (jiġifieri 42 % tal-kawżi). Mill-407 deċiżjoni dwar l-ammissibilità sa issa, 17-il deċiżjoni ta’ appell fit-tieni istanza kkonfermaw id-deċiżjoni li ttieħdet fl-ewwel istanza, filwaqt li 390 deċiżjoni fit-tieni istanza annullaw id-deċiżjonijiet ta’ inammissibilità tal-ewwel istanza. 13 Fir-rigward tal-431 deċiżjonijiet ta’ appell dwar il-merti, 369 deċiżjoni tat-tieni istanza kkonfermaw id-deċiżjonijiet negattivi fl-ewwel istanza filwaqt li 62 annullaw tali deċiżjonijiet negattivi.

Il-Kumitati ta’ Appell il-ġodda jaqdu funzjoni essenzjali inkwanti dawn jiżguraw li kulħadd għandu l-opportunità li jeżerċità d-drittijiet ġuridiċi tiegħu. Madankollu, il-pass li bih ittieħdu d-deċiżjonijiet kien wieħed batut, b’konsegwenzi diretti għall-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni. Sa issa l-Kumitati ta’ Appell il-ġodda ħarġu 366 deċiżjoni fil-kuntest tad-Dikjarazzjoni UE-Turkija - 14 dwar l-ammissibilità u 352 14 dwar il-merti. Seduta ta' smigħ quddiem il-Kunsill tal-Istat Elleniku dwar il-kostituzzjonalità tal-kompożizzjoni tal-Kumitati ta’ Appell il-ġodda saret fid-29 ta’ Novembru, u d-deċiżjoni tiegħu hija mistennija sa tmiem is-sena. Din id-deċiżjoni se jkollha importanza partikolari biex jiġi determinat il-progress ta’ bosta każijiet oħra.

Passi operazzjonali

Il-kapaċita’ ta’ akkoljenza dejjem iktar iffullata fil-hotspots kif ukoll inċidenti reċenti li nbdew minn migranti u l-popolazzjoni lokali tal-gżejjer 15 ikkontribwew għall-kundizzjonijiet diġà diffiċli fil-gżejjer għax-xogħol u l-għajxien. Fil-gżejjer hemm 16 295 16 migranti preżenti, filwaqt li hemm biss 7 450 post fil-faċilitajiet ta’ akkoljenza uffiċjali, u 754 post ieħor taħt l-iskema ta’ kiri tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati. Il-ġestjoni tas-sitwazzjoni fil-hotspots hija kkumplikata wkoll mill-piż tqil impost fuq l-awtoritajiet Griegi fuq il-kontinent - b’kollox, l-awtoritajiet Griegi fis-6 ta’ Diċembru rrappurtaw il-preżenza totali ta’ madwar 62 000 migrant fil-Greċja kontinentali u l-gżejjer.

Barra milli qed tipprova tħaffef l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-ażil u r-ritorni tal-migranti irregolari lejn it-Turkija, il-Greċja qiegħda tieħu għadd ta’ miżuri bil-ħsieb li l-hotspots ma jibqgħux daqstant iffullati. Il-migranti u l-familji vulnerabbli ġew trasferiti lejn l-iskema ta’ kiri tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati jew lejn lukandi fil-gżejjer. Persuni li ma jistgħux jiġu ritornati lejn it-Turkija taħt id-Dikjarazzjoni UE-Turkija, gruppi vulnerabbli u minorenni mhux akkumpanjati wkoll qegħdin jiġu ttrasferiti lejn il-Greċja kontinentali. Fl-1 ta’ Diċembru, b’kollox kienu ġew trasferiti 2 675 persuni ta’ dan it-tip lejn il-Greċja kontinentali. Dawn il-persuni ġew irreferuti għall-iskema ta’ kiri tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati jew għal postijiet ta’ akkomodazzjoni fil-Greċja kontinentali, jew inkella dawn sabu fejn joqogħdu hemm huma stess. Il-provvediment ta’ akkomodazzjoni xierqa lil minorenni mhux akkumpanjati tibqa’ prijorità ewlenija għall-Kummissjoni, li għamlet disponibbli finanzjament għal kapaċità ta’ akkoljenza addizzjonali u li kienet qed tħeġġeġ lill-Istati Membri jżidu r-rilokazzjoni ta’ minorenni mhux akkumpanjati eliġibbli mill-Greċja lejn l-Italja.

F’Lesvos tqiegħed fis-seħħ proċess operazzjonali rapidu għall-migranti mill-pajjiżi tal-Magreb, il-Pakistan u l-Bangladesh, fejn ir-reġistrazzjoni 17 , l-intervista, u n-notifika kollha jseħħu fi ftit jiem. F’kooperazzjoni mal-awtoritajiet lokali, l-awtoritajiet Griegi qegħdin jaħdmu biex iżidu l-kapaċità ta’ detenzjoni jew jestendu s-siti preżenti fil-gżejjer biex iżidu l-kapaċitajiet għal qabel it-tneħħija. Għad hemm il-bżonn li tiġi żgurata biżżejjed disponibbiltà tal-faċilità ta' akkoljenza adattata għax-xitwa fil-gżejjer, u l-faċilitajiet ta’ akkoljenza qegħdin jiġu aġġornati. B’risposta għall-kundizzjonijiet xitwin, sħab umanitarji qegħdin iqassmu - bl-appoġġ tal-UE - ħwejjeġ u affarijiet oħrajn għad-dar fil-gżejjer.

Sabiex jiġi indirizzat xi tħassib dwar is-sikurezza u biex jittejbu l-kundizzjonijiet tal-ordni pubbliku fil-gżejjer, il-Pulizija Ellenika ħejjiet pjanijiet ta’ sikurezza u evakwazzjoni li jkopru l-persuni u l-organizzazzjonijiet kollha fil-hotspots. Fil-każ li jseħħ inċident, tħejjew Linji Gwida ta’ Emerġenza għall-evakwazzjoni tal-persunal tal-Aġenziji tal-UE u l-esperti mill-Istati Membri li jaħdmu fil-hotspots, u l-Pulizija Ellenika żiedet l-ammont ta’ uffiċjali tal-pulizija skjerati fil-gżejjer, fosthom skwadri ta’ kontra l-irvellijiet imħarrġa apposta stazzjonati lejn postijiet fejn jiġu pproċessati l-applikazzjonijiet għall-ażil, u tippjana li żżid tali skjeramenti. L-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Ażil qiegħed ukoll isaħħaħ il-kundizzjonijiet tas-sigurtà taż-żoni tal-ipproċessar tal-ażil fil-hotspots.

Minkejja t-titjib li sar s’issa, fadal iktar xi jsir biex is-sitwazzjoni fil-gżejjer tiġi indirizzata. Is-Servizz ta’ Reġistrazzjoni u Identifikazzjoni għandu, bħala prijorità, jiffinalizza u jadotta l-Proċeduri Operattivi Standard għall-hotspots, filwaqt li jieħu kont tad-Dikjarazzjoni UE-Turkija, sabiex itejjeb il-proċessi. It-terminu preskrittiv bejn li ssir u tiġi ppreżentata applikazzjoni għandu jitnaqqas skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Ażil, li tirrikjedi li persuna li tkun għamlet applikazzjoni għall-ażil ikollha l-opportunità effettiva li ddaħħal l-applikazzjoni mill-iktar fis possibbli. Il-koordinaturi permanenti Griegi tal-hotspots għadhom ma assumewx l-inkarigi tagħhom minkejja li ġie mħabbar bosta drabi f’dawn l-aħħar sitt xhur li n-nomina tagħhom hija imminenti; il-preżenza tagħhom hija meħtieġa b’urġenza biex tiġi żgurata l-ġestjoni ġenerali tal-hotspots, inkluż minn perspettiva ta’ sigurtà. Jinħtieġ ukoll li jiġu skjerati iktar uffiċjali tal-pulizija 18 . Huwa stmat li forza tal-pulizija adegwata li tikkorrispondi b’mod sodisfaċenti mal-ħtiġijiet tas-sigurtà u l-ordni pubbliku fil-hotspots bil-konfigurazzjoni preżenti tagħhom trid tkun tlieta jew saħansitra erba’ darbiet ikbar - bil-ħtiġijiet preċiżi ta’ skjerament ivarjaw minn gżira għall-oħra - mill-għadd ta’ uffiċjali tal-pulizija skjerati bħalissa.

Assistenza finanzjarja mill-UE lill-Greċja

Filwaqt li l-appoġġ finanzjarju tal-UE lill-Greċja ma kienx iffukat biss fuq il-hotspots, jaffaċċja l-iktar bżonnijiet urġenti, l-appoġġ għall-Greċja kontinentali wkoll għandu riperkussjoni pożittiva għat-twettiq tad-Dikjarazzjoni. Qegħdin jittieħdu miżuri biex jiġi żgurat li l-EUR 509 miljun disponibbli taħt il-programmi nazzjonali għall-perjodu 2014-2020 taħt il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u l-Fond għas-Sigurtà Interna jibdew jintużaw bis-sħiħ malajr kemm jista’ jkun. It-trasferiment tal-Awtorità Responsabbli għall-ġestjoni tal-programmi nazzjonali lejn il-Ministeru tal-Ekonomija, l-Iżvilupp u t-Turiżmu ntemm f’Ottubru. Ir-reviżjoni taż-żewġ programmi nazzjonali kienet meqjusa neċessarja sabiex dawn jiġu aġġustati aħjar għall-bżonnijiet attwali - dik tal-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni ġiet approvata reċentement, filwaqt li dik għall-Fond għas-Sigurtà Interna qiegħda tiġi ffinalizzata u għandha tiġi approvata dalwaqt. Il-Kummissjoni tkompli tħeġġeġ lill-awtoritajiet Griegi jużaw il-programmi nazzjonali tagħha b’mod effiċjenti u effettiv, u qiegħda taħdem mill-qrib mal-awtoritajiet Griegi biex ittejjeb il-mekkaniżmi eżekuttivi sabiex ir-riżorsi disponibbli jkunu jistgħu jintużaw biex jindirizzaw bżonnijiet urġenti, b’mod partikolari fil-qasam tal-akkoljenza u l-kontroll fuq il-fruntiera (bħar-reġistrazzjoni, l-indentifikazzjoni u t-teħid tal-marki tas-swaba'). Mit-EUR 352,8 mijun mogħtija lill-Greċja f’assistenza ta' emerġenza permezz taż-żewġ Fondi msemmija iktar ’il fuq, madwar EUR 70 miljun appoġġaw direttament l-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni UE-Turkija, jew direttament lill-Awtoritajiet Griegi jew permezz ta’ Aġenziji tal-UE u organizzazzjonijiet internazzjonali 19 .

Barra minn hekk, saru disponibbli EUR 199 miljun taħt l-Istrument ta’ Appoġġ ta’ Emerġenza adottat mill-Kunsill fil-15 ta’ Marzu 2016. Allokazzjoni baġitarja addizzjonali ta’ EUR 50 miljun se ssir disponibbli f’Diċembru, intiża biex tkopri l-lakuni eżistenti fil-Greċja fil-provvediment ta’ ikel u akkomodazzjoni, u biex jippermettu li jkun hemm rispons rapidu għal kull event imprevist. Sħab umanitarji ffinanzjati taħt l-Istrument ta’ Appoġġ ta’ Emerġenza qegħdin jipprovdu, kemm fil-Greċja kontinentali kif ukoll fil-gżejjer, rispons abbażi tal-ħtiġijiet. Fil-gżejjer, b’mod partikolari, l-għajnuna qiegħda tingħata permezz ta’ assistenza fi flus kontanti b’bosta skopijiet, il-bini ta’ faċilitajiet ta’ akkoljenza informali addizzjonali, u l-għoti ta’ servizzi tas-saħħa, ikel, ilma, sanitazzjoni u servizzi bażiċi oħrajn.

Sfidi ewlenin u l-passi li jmiss

It-tħaffif b’urġenza tal-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-ażil, b’mod partikolari fil-gżejjer, minn meta ssir l-applikazzjoni sal-appell u d-deċiżjoni finali, f’konformità mad-dritt tal-UE u internazzjonali;

Li jiżdied l-għadd ta’ Kumitati ta’ Appell u tal-għadd ta’ deċiżjonijiet minn kull Kumitat ta’ Appell filwaqt li tingħata prijorità lill-gżejjer;

Jiżdied b’mod urġenti r-ritmu ta’ ritorn lejn it-Turkija skont id-Dikjarazzjoni UE-Turkija;

Li jittejbu l-arranġamenti ta’ sigurtà u sikurezza fil-gżejjer, b’mod partikulari permezz tal-ħatra ta’ koordinaturi permanenti fil-hotspots u permezz ta’ iktar skjeramenti tal-uffiċjali tal-pulizija Griegi;

Li jiġi żgurat li l-kapaċitajiet ta’ akkoljenza fil-gżejjer ikunu kapaċi jilqgħu għax-xitwa;

Li jiġi żgurat it-trasferiment ta’ minorenni mhux akkumpanjati lejn faċilitajiet apposta;

Li, bħala kwistjoni ta’ urġenza, l-awtorità nazzjonali responsabbli mill-ġestjoni tal-programmi nazzjonali taħt il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u l-Fond għas-Sigurtà Interna li għadha kemm inħatret tibda taħdem b’mod sħiħ sabiex ikun possibbli l-użu effiċjenti u effettiv tal-finanzjament disponibbli taħt dawn il-programmi.

3.Risistemazzjoni "Wieħed għal Wieħed" mit-Turkija lejn l-UE

Is-sitwazzjoni attwali

Fil-5 ta’ Diċembru, l-għadd totali ta Sirjani li ġew risistemati mit-Turkija lejn l-UE u n-Norveġja skont il-qafas 1:1 kien ta’ 2 761. Mit-Tielet Rapport tat-28 ta’ Settembru 2016, 1 147 (sal-5 ta’ Diċembru) Sirjan ġew risistemati fi tmien Stati Membri (il-Belġju, il-Finlandja, il-Ġermanja, l-Italja, il-Lussemburgu, in-Netherlands u l-Iżvezja). Bħalissa b’kollox hemm 340 persuna li ġew approvati u li qegħdin jistennew li jiġu risistemati B’riżultat ta’ dan, kif ġara fil-perjodu ta' rapportar preċedenti, ir-rata ta’ risistemazzjoni hija konsiderevolment avvanzata meta mqabbla mar-ritorni mill-gżejjer Griegi. Hemm bżonn li dan ir-ritmu jinżamm.

Il-komunikazzjoni bejn l-Istati Membri u t-Turkija dwar missjonijiet ta’ għażla ppjanati f’Ankara u r-risistemazzjonijiet minn Ankara tjiebet, u din wasslet għal koordinazzjoni u ppjanar aħjar ta’ attivitajiet ta’ risistemazzjoni u użu ottimizzat tar-riżorsi. Ġie stabbilit pass ta’ risistemazzjoni iktar regolari 20 . Reċentement, xi Stati Membri rċevew riferimenti addizzjonali ta’ kandidati mingħand il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati, filwaqt li oħrajn diġà ppjanaw missjonijiet u operazzjonijiet ta’ għażla ulterjuri fix-xhur li ġejjin.

Barra mil-lista ta’ riferimenti li fiha 5 700 refuġjat Sirjan li ġiet sottomessa fit-2 ta’ Settembru għall-possibiltà ta’ risistemazzjoni, l-Awtoritajiet Torok issottomettew lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati listi ġodda ta’ 5 000 u 2 000 persuna fis-7 ta’ Ottubru u t-18 ta’ Novembru rispettivament. Il-preżentazzjoni ta’ lista ġdida, b’madwar 2 000 Sirjan, hija prevista għal Diċembru, u l-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati qiegħed ukoll jistenna li l-awtoritajiet Torok jivverifikaw listi eqdem b’madwar 4 000 Sirjan. Jekk dan isir, il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati indika li jkun hemm għadd suffiċjenti ta’ riferimenti għal-operazzjonijiet ta’ risistemazzjoni fl-ewwel xhur tal-2017. Il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati madankollu jistma li se jkollu bżonn jirċievi madwar 10 000 fajl mill-awtoritajiet Torok kull xahar tul l-ewwel tliet xhur tal-2017 (għall-programmi ta’ risistemazzjoni Ewropej biss). L-Istati Membri tal-UE bdew jikkomunikaw lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati l-kwoti ta’ risistemazzjoni tagħhom għas-sena d-dieħla.

Passi operazzjonali

It-Tim ta’ Risistemazzjoni tal-UE kompla jaqdi l-funzjoni ta’ koordinazzjoni tiegħu biex jassisti l-operazzjonijiet u l-kollegamenti tal-Istati Membri mal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni, il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati, u d-Direttorat Ġenerali Tork għall-Ġestjoni tal-Migrazzjoni. Il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati qiegħed jaħdem mill-qrib mal-AwtoritajietTorok biex tittejjeb il-kwalità tar-reġistrazzjoni meta jkunu qegħdin jissenslu l-listi ta’ riferimenti, u qiegħed jappoġġa lill-awtoritajiet Torok fl-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ reġistrazzjoni kontinwu tal-persuni Sirjani bi protezzjoni temporanja kollha fil-pajjiż. Il-proġett beda fi tmiem Ottobru; għall-bidu, kien ikopri 30 provinċja (minn 81) li kellhom popolazzjonijiet Sirjani iżgħar, u dan għandu jwassal għal riżultati immedjati għall-forniment effettiv tar-riferimenti.

Wara eżerċizzju ta’ ppleġġjar, il-Kummissjoni bħalissa qiegħda żżid ammont ta’ madwar EUR 213 miljun fil-programmi nazzjonali tal-Istati Membri taħt il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni għall-ammissjoni ta’ ċittadini Sirjani preżenti fit-Turkija 21 .

Sfidi ewlenin u l-passi li jmiss

Jinżamm l-istess ritmu ta’ risistemazzjoni;

Il-Finalizzazzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ finanzjament lill-programmi nazzjonali relevanti taħt il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni għall-ammissjoni taċ-ċittadini Sirjani preżenti fit-Turkija.

4.Il-prevenzjoni ta’ rotot tal-baħar jew tal-art ġodda għall-migrazzjoni irregolari

L-isforzi biex jiġu kkontrollati l-flussi fir-rotta tal-Mediterran tal-Lvant ma wasslux f’xi tibdil sinifikanti fir-rotot mit-Turkija, avolja kien hemm xi attività fuq skala żgħira fejn jidħol it-trasport lejn l-Italja u Ċipru. Tul il-perjodu ta’ rapportar, 18-il dgħajsa, għal total ta’ 1 500 migrant, waslu fl-Italja mit-Turkija u żewġ dgħajjes waslu Ċipru b’total ta’ 212 migrant 22 , kollha kemm huma Sirjani, abbord.

Fuq l-art, ġie regolarment identifikat qsim illegali fil-fruntieri tal-art tat-Turkija mal-Bulgarija u l-Greċja, minkejja li l-qbid ta’ tali qsim donnu naqas minn żmien it-Tielet Rapport tat-28 ta’ Settembru 2016. Bħalissa, bħala medja ta’ kuljum, jiġu reġistrati madwar għaxar każijiet ta’ qsim fil-Greċja mit-Turkija mill-fruntiera tal-art, u inqas minn erbgħa mit-Turkija għall-Bulgarija 23 . Sabiex tappoġġa l-ġestjoni tal-fruntieri u l-migrazzjoni fil-Bulgarija, il-Kummissjoni għamlet disponibbli EUR 160 miljun f’finanzjament ta’ emerġena; diġà ngħataw EUR 101 miljun bil-pagamenti bil-quddiem żborżati, u m’ilux ġew ippreżentati l-applikazzjonijiet għal finanzjament b’rabta mal-EUR 59 miljun li fadal. Fis-6 ta’ Ottubru, l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta l-ġdida ġiet varata uffiċjalment fil-fruntiera tal-Bulgarija mat-Turkija. Fil-5 ta’ Diċembru, il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta kienet skjerat 68 uffiċjal f’din il-linja ta’ fruntiera.

5.Skema Volontarja ta’ Ammissjoni Umanitarja

Kif irrapportat preċedentement, qed isiru diskussjonijiet fil-Kunsill biex jiġu ffinalizzati l-Proċeduri Operattivi Standard għall-Iskema ta' Ammissjoni Umanitarja Volontarja f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, l-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-Qasam tal-Ażil, il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati u l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni. Ladarba jkun hemm qbil dwar il-Proċeduri Operattivi Standard, għandha ssir valutazzjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet li jiskattaw l-implimentazzjoni ta' din l-Iskema ġewx issodisfati. Id-Dikjarazzjoni UE-Turkija tistipula li l-Iskema se tiġi attivata ladarba l-qsim irregolari tal-fruntieri bejn it-Turkija u l-UE jkun qed jieqaf jew tal-anqas ikun tnaqqas sostanzjalment u b’mod sostenibbli. Id-dħul fis-seħħ tal-Iskema għandu jagħti spinta lill-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni, filwaqt li jipprovdi lis-Sirjani b’alternattiva sikura u legali għall-migrazzjoni irregolari lejn l-UE.

6.Liberalizzazzjoni tal-viża

Fir-rigward tal-Pjan Direzzjonali tal-Liberalizzazzjoni tal-Viża, għad hemm seba’ punti ta’ riferiment li għad iridu jiġu ssodisfati, kif sottolinjat fit-Tielet Rapport tat-28 ta' Settembru 2016:

 

il-ħruġ ta' dokumenti tal-ivvjaġġar biometriċi kompletament kompatibbli mal-istandards tal-UE;

l-adozzjoni tal-miżura għall-prevenzjoni tal-korruzzjoni prevista fil-Pjan Direzzjonali;

il-konklużjoni ta' ftehim ta’ kooperazzjoni operazzjonali mal-Europol;

ir-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni u l-prattiki dwar it-terroriżmu f’konformità mal-istandards Ewropej;

l-allinjament tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-dejta personali mal-istandards tal-UE;

tiġi offruta kooperazzjoni ġudizzjarja effettiva fi kwistjonijiet kriminali lill-Istati Membri kollha tal-UE;

l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Riammissjoni UE-Turkija fid-dispożizzjonijiet kollha tiegħu.    

Kif irrappurtat preċedentement, il-Kummissjoni inkoraġġiet l-isforzi tat-Turkija biex tiffinalizza x-xogħol fuq il-punti ta’ riferiment pendenti kollha dwar il-Pjan Direzzjonali għal-Liberalizzazzjoni tal-Viża malajr kemm jista’ jkun 24 . Il-Kummissjoni u t-Turkija komplew bid-djalogu impenjat sabiex isibu soluzzjonijiet, inkluż dwar il-bidliet leġiżlattivi jew proċedurali meħtieġa fuq il-punti ta’ riferiment kollha li għadhom pendenti.

Fir-rigward tal-punt ta’ riferiment dwar id-dokumenti tal-ivvjaġġar bijometriċi, fl-1 ta’ Novembru t-Turkija bdiet toħroġ il-passaporti tat-tieni ġenerazzjoni li jinkludu kemm l-istampa tal-wiċċ u l-marki tas-swaba’ tad-detentur tal-passaport. Il-passaporti, li jużaw is-sistema ta’ kriptaġġ EAC (Extended Access Control) f’konformità mal-istandards attwali ICAO u l-istandards tal-UE tal-2014, se jinħarġu b’mod temporanju, sakemm jibdew jinħarġu l-passaporti tat-tielet ġenerazzjoni li jkunu kompletament konformi mal-istandards tal-UE u l-punt ta’ riferiment tal-Pjan Direzzjonali għal-Liberalizzazzjoni tal-Viża. Il-passaporti tat-tielet ġenerazzjoni huma kkofinanzjati mill-UE u huma mistennija li jibdew jiċċirkulaw lejn tmiem l-ewwel trimestru tal-2017.

Il-Kummissjoni kemm-il darba talbet lit-Turkija biex tkompli timplimenta l-ftehimiet bilaterali ta’ riammissjoni mal-Greċja, il-Bulgarija u r-Rumanija. F’Settembru, l-awtoritajiet Torok qablu fuq bażi bilaterali mal-Bulgarija dwar arranġament prattiku għar-riammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi mill-Bulgarija; fil-kuntest ta’ dan l-arranġement, il-Bulgarija talbet ir-riammissjoni għal 543 persuna, li minnhom sa issa t-Turkija aċċettat 19. Fejn tidħol ir-riammissjoni ta’ ċittadini Torok, bejn Jannar u Ottubru 2016, it-Turkija wieġbet b’mod pożittiv għal 148 minn 301 applikazzjoni għar-riammissjoni li rċeviet, u 117 ċittadin Tork ġew riammessi skont il-Ftehim ta’ Riammissjoni UE-Turkija. F’termini ta’ kooperazzjoni prattika, għad fadal kwistjonijiet, pereżempju r-rispett tal-iskadenzi previsti mill-Ftehim 25 .

B'mod parallel, għadhom għaddejjin id-diskussjonijiet biex jintlaħaq kompromess bejn il-koleġiżlaturi dwar il-proposta tal-Kummissjoni 26 biex jissaħħaħ il-mekkaniżmu ta’ sospensjoni eżistenti, li jistabbilixxi ċ-ċirkustanzi li jwasslu għal sospensjoni possibbli ta’ vjaġġar mingħajr viża għaċ-ċittadini tal-pajjiżi kollha li jgawdu mil-liberalizzazzjoni tal-viża.

7.Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija

Mit-Tieni Rapport tat-28 ta' Settembru 2016 'il hawn, il-Kummissjoni kompliet bl-isforzi tagħha biex tindirizza l-aktar bżonnijiet kritiċi għar-refuġjati u għall-komunitajiet ospitanti fit-Turkija. L-ammont totali allokat taħt il-Faċilità għal għajnuna kemm umanitarja u mhux laħaq EUR 2,2 biljun għall-perjodu 2016–2017. Dan jirrappreżenta sehem kbir mit-total ta’ EUR 3 biljun. Mill-flus allokati, l-ammonti kkuntrattati żdiedu għal EUR 1,3 biljun. Mill-flus kuntrattati, EUR 677 miljun ġew żborżati. 27 Dawn il-fondi jkomplu jkollhom impatt dirett fil-prattika, u jagħmluha inqas probabbli li dawk li jgawdu mill-fondi jkomplu jivvjaġġaw lejn l-UE.

Għajnuna umanitarja

Il-Kummissjoni kompliet timplimenta l-istrateġija umanitarja tagħha taħt il-Faċilità, 28 u sa issa ġew allokati EUR 595 miljun. Minn dawn, EUR 512 miljun ġew kuntrattati permezz ta’ 26 proġett umanitarju ma’ 19-il sieħeb, li jkopru r-rispons għall-ħtiġijiet bażiċi, il-protezzjoni, l-edukazzjoni, is-saħħa, l-ikel u l-kenn. Mill-EUR 512-il miljun kuntrattati, sa issa kien hemm żborż ta' EUR 407 miljun.

Il-Kummissjoni varat l-element ewlieni ta’ din l-istrateġija umanitarja - is-Sistema ta’ Protezzjoni Soċjali ta’ Emerġenza - fis-26 ta’ Settembru fit-Turkija, flimkien mal-awtoritajiet Torok u l-organizzazzjonijiet imsieħba li jimplimentaw l-iskema, u r-reġistrazzjoni tal-benefiċjarji bdiet fit-28 ta’ Novembru. Din hija l-ikbar programm umanitarju li qatt kellha l-UE, b’baġit ta’ EUR 348 miljun, 29 u għandha l-għan li tagħti lill-iktar refuġjati vulnerabbli trasferimenti ta’ flus kontanti fuq karta ta’ debitu elettronika biex tgħinhom ikopru l-iktar ħtiġijiet bażiċi relatati mal-ikel, il-kenn jew l-edukazzjoni. Waqt li l-ewwel tqassim ta’ flus huwa mistenni fi tmiem Diċembru 2016, is-Sistema ta’ Protezzjoni Soċjali ta’ Emerġenza għandha timmira li progressivament tkopri miljun fost l-iktar refuġjati vulnerabbli sa tmiem l-ewwel semestru tal-2017.

Fil-qasam tal-protezzjoni, qiegħed jiġi ffinalizzat pjan ta’ rispons komprensiv. Diġà għaddejja firxa wiesgħa ta’ interventi ta’ protezzjoni, fosthom proġett ta’ EUR 9 miljun iffirmat f’Lulju 2016, li qiegħed jiġi implimentat mill-     
Fond tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Popolazzjoni. Dan il-proġett se jespandi interventi tal-Fond tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Popolazzjoni li preċentement kienu ffinanzjati mill-Kummisjoni billi jappoġġa 20 spazju sigur għan-nisa u t-tfajliet, bil-provvista ta’ kura tas-saħħa riproduttiva u interventi relatati mal-vjolenza abbażi tal-ġeneru. Dan il-proġett għandu l-għan ukoll li jiffaċilita l-aċċess għas-servizzi tas-saħħa lill-iktar nisa u tfajliet vulnerabbli fost ir-refuġjati.

Għajnuna li mhix umanitarja

Ir-riżorsi mobilizzati taħt il-linja nonumanitarja tal-Faċilità (madwar EUR 1,6 biljun) kważi kollha kemm huma ġew allokati. Sa issa ġew ikkuntrattati EUR 790 miljun u ġew żborżati EUR 270 miljun.

Taħt il-Miżura Speċjali ta’ Lulju 2016 dwar l-edukazzjoni, is-saħħa, l-infrastruttra muniċipali u l-appoġġ soċjoekonomiku lir-refuġjati fit-Turkija, ġew iffirmati żewġ għotjiet diretti ewlenin f’Settembru għal durata ta’ sentejn. L-ewwel kuntratt - ta' EUR 300 miljun - mal-Ministeru għall-Edukazzjoni Nazzjonali Tork jipprovdi l-aċċess għat-tagħlim formali lil kważi nofs miljun tifel u tifla mis-Sirja u jolqot 15 000 edukatur u 2 000 impjegat li ma jgħallimx fil-Ministeru. It-tieni kuntratt - ukoll ta’ EUR 300 miljun - mal-Ministeru tas-Saħħa jipprovdi aċċess għas-servizzi ta’ kura tas-saħħa primarja lil madwar żewġ miljun refuġjati permezz tal-ħolqien ta’ ’l fuq minn 500 faċilità tal-kura tas-saħħa, u servizzi ta’ riabilitazzjoni tas-saħħa mentali għal madwar miljun refuġjat fit-Turkija. Barra minn hekk, se jiġu pprovduti attivitajiet ta’ ppjanar tal-familja, prevenzjoni ta’ mard li jittieħed, reklutaġġ u taħriġ ta’ persunal tal-kura tas-saħħa u ta’ komunikazzjoni.

Barra minn hekk, fit-28 ta’ Novembru ġie ffirmat kuntratt b’valur ta’ EUR 50 miljun biex jinbnew u jiġu mgħammra 15-il skola fi provinċji li għandhom konċentrazzjoni għolja ta’ refuġjati Sirjani. Se jinbnew skejjel standard b’24 klassi kull waħda, li jinkludu kmamar għall-persunal, u għaxar kmamar speċjali għal tfal b’diżabilità u trawmatizzati. Mill-bini u l-armar ta’ dawn l-iskejjel se jgawdu 11 000 tifel u tifla Sirjani. Dan se jżid ukoll il-kapaċità ta’ implimentazzjoni u ġestjoni tal-Ministeru tal-Edukazzjoni Nazzjonali 30 .

Se jiġu ffirmati proġetti oħrajn biex jgħinu biex jipprovdu infrastruttura tal-edukazzjoni, sptarijiet u utilitajiet mal-Istitituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali.

Huwa previst li sa tmiem is-sena se jiġu ffirmati żewġ kuntratti taħt il-Fond Fiduċjarju Reġjonali tal-Unjoni Ewropea b’reazzjoni għall-kriżi Sirjana. L-ewwel proġett, b’valur ta’ EUR 33 miljun, se jżid l-aċċess għal servizzi tas-saħħa inklużivi u ta’ kwalità għolja għar-refuġjati Sirjani u l-komunitajiet li jilqgħuhom, bl-involviment tas-Salib l-Aħmar Daniż u n-Nofs Qamar l-Aħmar Tork. It-tieni proġett, b’valur ta’ EUR 5 miljun, se jiġi implimentat minn Spark, NĠO Netherlandiża, u għandu l-għan li jżid il-parteċipazzjoni u l-aċċess ugwali lejn l-edukazzjoni avvanzata u l-edukazzjoni għolja ta’ żgħażagħ Sirjani vulnerabbli li kellhom jieqfu mill-istudji tagħhom. Qegħdin jitħejjew iktar proġetti minn isfel għal fuq taħt il-Fond Fiduċjarju Reġjonali tal-Unjoni Ewropea b’reazzjoni għall-kriżi Sirjana.

Il-Qafas tar-Riżultati tal-Faċilità 31 appik li jiġi finalizzat għal-laqgħa tal-Kumitat ta’ Tmexxija li jmiss f’Jannar tal-2017. Bħala parti mis-sistema ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni tal-Faċilità, jinħtieġ li l-Qafas jispjega fid-detall l-outputs u eżiti tal-Faċilità, u jikkonferma l-impatt tal-kisbiet tagħha. Qiegħda tiġi ffinalizzata wkoll strateġija ta’ komunikazzjoni għall-Faċilità.

Sfidi ewlenin u l-passi li jmiss

Li jiġi żgurat l-ikkuntrattar rapidu tal-azzjonijiet kollha li ġew ipprogrammati, u li dawn jiġu mwettqa b’mod effettiv u b’mod finanzjarjament sod f’kooperazzjoni sħiħa mal-awtoritajiet Torok;

L-iffirmar fix-xhur li ġejjin ta’ iktar proġetti umanitarji fil-qasam tas-saħħa u l-edukazzjoni, u kuntratti mal-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali u permezz tal-Fond Fiduċjarju Reġjonali tal-Unjoni Ewropea b’reazzjoni għall-kriżi Sirjana.

It-tħejjija tal-Pjan ta’ Implimentazzjoni Umanitarja tal-2017 għat-Turkija;

Il-finalizzazzjoni tal-Qafas tar-Riżultati tal-Faċilità u l-operazzjonalizzazzjoni tas-sistema ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni;

Il-finalizzazzjoni tal-istrateġija ta’ komunikazzjoni għall-Faċilità;

Il-laqgħa li jmiss tal-Kumitat ta’ Tmexxija skedata għat-12 ta’ Jannar 2017.

8.Aġġornar tal-Unjoni Doganali

Fis-Summit UE-Turkija ta’ Novembru 2015 ittieħed impenn li l-Unjoni Doganali tiġi aġġornata. Billi tibni fuq is-suċċess tal-Unjoni Doganali eżistenti u l-ewwel Djalogu Ekonomiku ta’ Livell Għoli bejn l-UE u t-Turkija f’April 2016, u wara konsultazzjoni pubblika u studju estern, il-Kummissjoni ivvalutat l-impatt tal-ftuħ ta’ negozjati mat-Turkija biex tiġi modernizzata l-Unjoni Doganali u r-relazzjoni kummerċjali preferenzjali tiġi estiża għas-servizzi, l-akkwist pubbliku u l-agrikoltura. Din il-valutazzjoni tal-impatt tissottolinja l-benefiċċji ekonomiċi u soċjali ta’ Unjoni Doganali estiża kemm għall-UE kif ukoll għat-Turkija. Wara x-xogħol ta’ tħejjija tal-Kummissjoni, għandu jiġi ppreżentat abbozz ta’ direttivi ta’ negozjati lill-Kunsill.

9.Il-proċess ta’ adeżjoni

Fil-qafas tan-negozjati għall-adeżjoni, sa issa nfetħu 16-il kapitolu, u wieħed minnhom ingħalaq b’mod proviżorju.

Tkompla x-xogħol ta’ tħejjija fl-oqsma ewlenin tad-drittijiet ġudizzjarji u fundamentali, u l-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà (il-Kapitoli 23 u 24). Il-Kummissjoni qiegħda fil-proċess li tlesti aġġornament tad-dokumenti biex tieħu kont tal-aħħar żviluppi. Dawn il-kapitoli jkopru firxa ta’ kwistjonijiet kritiċi li jinkludu drittijiet fundamentali bħall-libertà tal-espressjoni, il-ġudikatura, il-politika kontra l-korruzzjoni, il-migrazzjoni u l-ażil, ir-regoli tal-viża, il-ġestjoni tal-fruntieri, il-kooperazzjoni tal-pulizija u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u kontra t-terroriżmu. L-UE tistenna li t-Turkija tirrispetta l-ogħla standards f'dak li jirrigwarda d-demokrazija, l-istat tad-dritt, u r-rispett tal-libertajiet fundamentali, inkluża l-libertà tal-espressjoni.

Fir-rebbiegħa li għaddiet, diġà ġew ippreżentati dokumenti preparatorji lill-Kunsill, mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet tal-Istati Membri f’konformità mar-regoli eżistenti, dwar l-enerġija (il-Kapitolu 15), l-edukazzjoni u l-kultura (il-Kapitolu 26), u l-politika barranija, tas-sigurtà u tad-difiża (il-Kapitolu 31).

Il-Kummissjoni rrapportat dwar is-sitwazzjoni ġenerali fit-Turkija fir-rapport tagħha tad-9 ta’ Novembru 2016 32 .

10.Kundizzjonijiet umanitarji fis-Sirja

Is-sitwazzjoni umanitarja fis-Sirja għadha tal-ikbar tħassib, partikolarment fil-lvant ta’ Aleppo, fejn hemm bejn 250 000 u 300 000 ruħ maqbudin mingħajr assistenza minn Lulju, bis-sistema tas-saħħa qrib li tikkollassa, il-provvisti tal-ikel qegħdin jispiċċaw malajr u l-prezzijiet għall-prodotti bażiċi li għad fadal jisparaw ’il fuq. Ir-rispons effettiv u fil-waqt għall-bżonnijiet umanitarji tan-nies fil-lvant ta’ Aleppo u fi mkejjen oħra fit-tramuntana tas-Sirja jiddependi ħafna fuq il-ħidma komuni tal-UE u t-Turkija, inkluż bil-faċilitazzjoni tal-aċċess bir-rotot kollha possibbli, mhux l-inqas permezz tal-assistenza transfruntiera minn pajjiżi bħat-Turkija u l-Ġordan.

 

Fl-2016 ġew allokati EUR 140 miljun għal operazzjonijiet transfruntieri li salvaw il-ħajjiet mit-Turkija f’żoni assedjati u diffiċli jintlaħu fit-tramuntana tas-Sirja għall-attivitajiet ta’ organizzazzjonijiet sħab 33 . Fid-dawl tas-sitwazzjoni mwiegħra fil-lvant ta’ Aleppo, l-UE varat inizjattiva umanitarja fit-2 ta’ Ottubru biex tappoġġa evakwazzjonijiet mediċi mil-lvant ta’ Aleppo u t-twassil ta’ ikel u mediċina fil-Lvant ta’ Aleppo ladarba l-aċċess u s-sigurtà jiġu żgurati. Skont din l-inizjattiva, il-Kummissjoni allokat EUR 25 miljun lil sħab umanitarji. Iżda l-finanzjament huwa intiż ukoll għal emerġenzi f’daqqa oħrajn fis-Sirja, biex tippermetti lis-sħab jimmobilizzaw malajr stokkijiet prepożizzjonati biex titwassal l-għajnuna f’żoni li jkunu għadhom kif saru aċċessibbli jew sabiex jirreaġixxu għal ċaqliq għal għarrieda tal-popolazzjoni, inkluż b'konvojs ta’ twassil tal-għajnuna.

 

Fid-dawl tal-vjolenza li qed tiżdied u l-bżonnijiet umanitarji telgħin, l-UE kontinwament tħeġġeġ lill-partijiet kollha jirrispettaw l-obbligi tagħhom skont id-dritt umanitarju internazzjonali u biex jiżguraw li l-ħarsien tal-popolazzjoni ċivili jkun l-ewwel prijorità.

11.Konklużjoni

Minkejja ċirkostanzi diffiċli, l-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni UE-Turkija kompliet tiġi kkonsolidata mit-Tielet Rapport tat-28 ta’ Settembru 2016. Ix-xejra ta’ tnaqqis sostanzjali fl-attentati ta' qsim tal-Baħar Eġew u tal-imwiet fil-baħar mid-Dikjarazzjoni UE-Turkija 'l hawn ikkonfermat għal darb’oħra l-istrateġija ewlenija tad-deċiżjoni tal-UE u tat-Turkija li jaqblu dwar id-Dikjarazzjoni.

Sar ukoll progress f’elementi oħrajn, b’mod partikolari fejn jidħol il-pass tal-ikkuntrattar skont il-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija u l-implimentazzjoni ta’ proġetti biex jiġu appoġġjati r-refuġjati fil-post, kif ukoll ir-risistemazzjoni tar-refuġjati Sirjani mit-Turkija.

Filwaqt li l-isforzi tal-UE u l-Istati Membri tagħha biex tissaħħaħ il-kapaċità ta’ ġestjoni tal-migrazzjoni u l-ipproċessar tal-ażil tal-amministrazzjoni Griega komplew, fadal ħafna xi jsir biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet ewlenin identifikati fir-rapport preċedenti. Kif innotat fl-Ewwel Rapport, ma hemm l-ebda lok għal kompjaċenza, b’mod partikolari minħabba li wieħed mill-aktar elementi diffiċli - l-operat ta’ kuljum tar-ritorni nfushom b’rispett sħiħ tar-regoli tal-UE u internazzjonali - għadu ma jistax jitqies implimentat kompletament. L-implimentazzjoni b'suċċess tiddependi l-aktar fuq id-determinazzjoni politika tan-naħat kollha biex jieħdu l-azzjonijiet meħtieġa. Il-kundizzjonijiet fil-gżejjer Griegi sejrin għall-agħar, kaġun tal-fatt li r-ritorni qed isiru wisq bil-mod u f’livell iktar baxx minn dak tal-wasliet. Dan jeħtieġ azzjoni konċertata urġenti mill-awtoritajiet Griegi, l-Aġenziji tal-UE u l-Istati Membri biex jaċċelleraw l-implimentazzjoni tal-partijiet relevanti tad-Dikjarazzjoni UE-Turkija u biex jiżguraw riżultati prattiċi fil-gżejjer. Huwa essenzjali li r-riżorsi jiġu pprovduti minnufih biex jiġi żgurat l-ipproċessar effettiv tal-applikazzjonijiet għall-ażil fil-gżejjer Griegi: biex isir dan, huwa meħtieġ li l-Istati Membri jirrispondu bis-sħiħ għal talbiet mill-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Ażil, u li l-awtoritajiet Griegi jiżguraw li d-deċiżjonijiet dwar l-ażil jistgħu jittieħdu malajr, kif ukoll li jħaffu l-pass tar-ritorni.

It-Turkija għandha tieħu l-miżuri meħtieġa biex tissodisfa l-punti ta' riferiment li fadal għal-liberalizzazzjoni tal-viża, malajr kemm jista' jkun, sabiex l-UE tkun tista' tneħħi r-rekwiżiti tal-viża għaċ-ċittadini Torok.

Il-Kummissjoni se tkompli tmexxi l-ħidma 'l quddiem u se tippreżenta l-Ħames Rapport tagħha dwar il-progress li jkun sar fil-bidu ta’ Marzu 2017.

(1)

     Wara COM(2016) 231 final tal-20 ta’ April 2016 ("l-Ewwel Rapport"), COM(2016) 349 final tal-15 ta’ Ġunju 2016 ("it-Tieni Rapport") u COM(2016) 634 tat-28 ta’ Settembru 2016 ("it-Tielet Rapport").

(2)

     http://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2016/03/07-eu-turkey-meeting-statement/

(3)

     http://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2016/10/21-european-council-conclusions/

(4)

     Tagħrif disponibbli mill-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, għall-perjodu mis-26 ta’ Settembru sal-4 ta’ Diċembru 2016.

(5)

     B’kollox, kien hemm 865 425 wasla tul it-tmien xhur qabel id-Dikjarazzjoni UE-Turkija u 22 838 wasla fit-tmien xhur ta’ wara.

(6)

     It-tagħrif dwar l-imwiet huwa pprovdut mill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni; il-perjodu jkopri x-xhur ta’ April sa tmiem Novembru. Filwaqt li t-Tielet Rapport kopra biss il-Baħar Eġew Grieg, ir-rapport preżenti jkopri l-Baħar Eġew kollu kemm hu.

(7)

     Il-Koordinatur tal-UE nħatar mill-President tal-Kummissjoni Ewropea (http://europa.eu/rapid/press-release_IP-16-942_en.htm) wara l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Marzu 2016 (http://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2016/03/18-european-council-conclusions/)

(8)

     Skont il-Pulizija Ellenika, dan wassal biex operazzjoni ta’ ritorn proposta ta’ 69 persuna tħassret u żewġ operazzjonijiet ta’ ritorn proposta ta’ 68 persuna ġiet ittardjata.

(9)

     Tali sforzi jinkludu, b’mod partikolari, koordinazzjoni aħjar tal-proċeduri amministrattivi, kooperazzjoni prattika bejn is-Servizz tal-Ażil Grieg (responsabbli mill-ażil) u l-Pulizija Ellenika (responsabbli mir-ritorn) permezz ta’ kondiviżjoni ta’ informazzjoni mtejba tul il-proċedura, u korrispondenza aħjar bejn il-proċeduri tal-ażil u tar-ritorn/riammissjoni. B’mod partikolari, għandhom jittieħdu passi biex il-proċedura tar-ritorn tinbeda fl-iktar stadju bikri possibbli.

(10)

     Deċiżjoni Ministerjali Komuni 6373/2016.

(11)

     Sas-27 ta’ Novembru b’kollox tressqu 9 304 applikazzjoni għall-ażil fil-gżejjer Griegi mindu saret id-Dikjarazzjoni. Minn dawk l-9 304 applikazzjoni, is-Servizz tal-Ażil Grieg qata’ 6 040 deċiżjoni fil-kuntest tal-proċeduri fil-gżejjer mill-20 ta’ Marzu, fosthom 4 506 dwar l-ammissibilità u 1 534 dwar il-merti.

(12)

     Sas-27 ta’ Novembru 2016.

(13)  Iċ-ċifra totali tinkludi deċiżjonijiet tat-tieni istanza li annullaw deċiżjonijiet ta’ inammissibilità tal-ewwel istanza, kif ukoll li taw status ta' refuġjat.
(14)

     F’350 każ id-deċiżjonijiet negattivi tal-ewwel istanza ġew ikkonfermati, filwaqt li tnejn ġew annullati.

(15)

     Pereżempju, f’Lesvos, il-post tax-xogħol tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Ażil saritlu l-ħsara fi tmiem Ottubru meta l-kontejners tiegħu ngħataw in-nar, filwaqt li xi lqugħ ngħata n-nar fil-Kamp Souda f’Chios f’nofs Novembru.

(16)

     Fil-5 ta’ Diċembru.

(17)

     Persuni li għamlu applikazzjoni għandu jkollhom il-possibiltà li jressquha mill-iktar fis possibbli konformi mal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Ażil.

(18)

     Bil-kofinanzjament tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta ġew skjerati 180 uffiċjal tal-pulizija fil-gżejjer, kif ġej: Lesvos: 40, Chios: 40, Samos: 40, Leros: 30, Kos: 30. Dawn huma parti mill-247 uffiċjal tal-pulizija skjerati fil-gżejjer.

(19)

     Dan l-appoġġ sostanzjali mill-UE appoġġa faċilitajiet ta’ kenn, akkomodazzjoni, kura tas-saħħa, trasport u oħrajn fil-hotspots u mkejjen oħrajn fil-gżejjer permezz ta’ finanzjament lill-Ministeru tad-Difiża u lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati. żied il-kapaċità tal-Ministeru tal-Intern u r-Riforma Amministrattiva għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-ażil u l-għoti ta' servizzi lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi; żied l-għadd ta’ persunal fiċ-Ċentri tal-Ewwel Akkoljenza; saħħaħ il-kapaċità tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Ażil fl-ipproċessar tal-ażil u t-teħid tal-marki tas-swaba'; u ffinanzja proġett pilota għar-ritorn volontarju assistit lejn it-Turkija.

(20)

     COM(2016) 791 final.

(21)

     Din issegwi l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1754 fit-28 ta’ Settembru sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont id-Deċiżjoni (UE) 2015/1601 billi jużaw l-54 000 post mhux allokat sabiex jew jirrilokaw l-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali mill-Italja u l-Greċja jew sabiex idaħħlu fit-territorju tagħhom ċittadini Sirjani fi bżonn ċar ta’ protezzjoni internazzjonali, preżenti fit-Turkija, permezz ta’ risistemazzjoni jew forom oħra ta’ ammissjoni legali.

(22)

     Mid-Dikjarazzjoni UE-Turkija ’l hawn, l-għadd totali ta’ migranti irregolari mit-Turkija huwa 324.

(23)

     Imqabbla ma’ madwar 14 u 13, rispettivament, fl-istess perjodu fl-2015.

(24)

     B’mod partikolari f’laqgħat ta’ livell għoli, inkluż fit-30 ta’ Ġunju mal-Ewwel Viċi President Timmermans, fl-1 ta’ Settembru mal-Kummissarju Avramopoulos, u fid-9 ta’ Settembru bħala parti mid-Djalogu Politiku ta’ Livell Għoli bejn l-UE u t-Turkija mmexxi mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà/Viċi President Mogherini u l-Kummissarju Hahn, fit-30 ta’ Novembru u s-6 ta’ Diċembru mal-Ewwel Viċi President Timmermans u l-Kummissarju Avramopoulos.

(25)

     Skont dejta ppreżentata mill-Istati Membri dwar ir-riammissjoni ta’ ċittadini Torok.

(26)

     COM(2016) 279 final tal-4 ta' Mejju 2016.

(27)

     Bħala parti mill-attivitajiet ta’ viżibilità tal-Faċilità, mappa interattiva tippermetti viżwalizzazzjoni diretta tal-post u r-riżultati mistennija tal-proġetti differenti: http://ec.europa.eu/enlargement/news_corner/migration/index_en.htm .  

(28)

     L-għoti ta' assistenza umanitarja taħt il-Faċilità jkompli jiġi implimentat konformi mad-dritt tal-UE dwar l-għajnuna umanitarja u skont il-prinċipji stabbiliti fil-Kunsens Ewropew dwar l-Assistenza Umanitarja.

(29)

     Kuntrattata lill-Programm Dinji tal-Ikel u s-sieħeb ta’ implimentazzjoni tiegħu, in-Nofs Qamar l-Aħmar Tork, li jaħdem f’koordinazzjoni mill-qrib mal-Ministeru tal-Politika Soċjali u tal-Familja u l-AFAD (Presidenza tal-Ġestjoni tad-Diżastri u tal-Emerġenzi), li tirrapporta direttament lill-Prim Ministru u li tikkoordina r-rispons Tork għall-Kriżi tar-Refuġjati.

(30)

     Dan il-proġett iżid ma’ wieħed simili - b’valur ta’ EUR 70 miljun - biex jinbnew u jiġu mgħammra 26 skola addizzjonali, iżda li ma jaqax taħt il-qafas tal-Faċilità.

(31)

     Il-Qafas irid ikun dokument ħaj li jippermetti li jkun hemm rieżami kontinwu tar-relevanza u r-riżultati tal-interventi tiegħu. L-għan tas-sistema ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni tal-Faċilità għaldaqstant ikun magħmul minn tliet elementi: il-Qafas irid ikun mekkaniżmu ta’ rendikont, għodda ta’ monitoraġġ tal-prestazzjoni u għodda tal-ġestjoni tal-informazzjoni fl-istess ħin.

(32)

     SWD(2016) 366 final.

(33)

     F’setturi bħas-saħħa, il-protezzjoni, l-edukazzjoni u r-rispons tal-ewwel linja, b’enfażi fuq l-iktar żoni vulnerabbli.


Brussell, 8.12.2016

COM(2016) 792 final

ANNESS

tal-

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW U LILL-KUNSILL

Ir-Raba’ Rapport dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni UE-Turkija


Pjan ta' Azzjoni Konġunta tal-Koordinatur tal-UE dwar l-implimentazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet

tad-Dikjarazzjoni UE-Turkija

L-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-ażil fl-ewwel istanza

1.Iż-żieda tal-iskjerament ta' persunal tal-ipproċessar tal-ażil fil-gżejjer:

L-EASO jżid l-għadd ta' assistenti soċjali skjerati mill-Istati Membri fil-gżejjer u f'Korintu mid-39 ta' bħalissa għal 100 sa nofs Jannar.

L-EASO jżid l-għadd ta' interpreti mis-66 li hemm bħalissa għal 100 sa nofs Jannar.

L-Istati Membri jirrispondu malajr għal talbiet addizzjonali għal assistenti soċjali u interpreti.

Is-Servizz ta' Ażil Grieg iżid il-persunal tiegħu fil-gżejjer mill-65 li hemm bħalissa għal 100 sa nofs Jannar.

2.L-ipproċessar tal-każijiet tar-riunifikazzjoni tal-familji ta' Dublin:

Is-Servizz ta' Ażil Grieg jeżamina, każ b'każ u b'rispett sħiħ għall-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea l-applikazzjoni tal-proċedura ta' inamissibilità skont l-Artikoli 55 u 56 tal-Liġi 4375/2016 (l-Artikolu 33 tad-Direttiva 2013/32), għall-każijiet tar-riunifikazzjoni tal-familji ta' Dublin bil-ħsieb tar-ritorn possibbli tagħhom lejn it-Turkija, soġġetta li tkun waslet informazzjoni relevanti mill-EASO u l-Istati Membri li:

a) tipprovdi biżżejjed ċertezza tad-dritt dwar il-possibbiltajiet ta’ riunifikazzjoni tal-familji minn/fit-Turkija; kif ukoll

b) li tippermetti li jsir l-eżami imsemmi ’l fuq.

L-informazzjoni meħtieġa għandha tkun partikolarment tikkonċerna d-drittijiet għar-riunifikazzjoni tal-familji mit-Turkija jew fit-Turkija skont il-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri, sa fejn dawn ma jkunux koperti mid-Direttiva dwar id-Dritt għal Riunifikazzjoni tal-Familja (każ ta’ membri tal-familja li ġew rikonoxxuti bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja minn Stat Membru), u l-liġi nazzjonali Torka.

L-awtoritajiet Griegi jadottaw il-provvedimenti neċessarji biex jagħmlu l-Artikolu 60 (4) (f) tal-Liġi 4375/2016 applikabbli għall-każijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familji ta’ Dublin li japplikaw.

3.L-ipproċessar tal-każijiet ta’ vulnerabbiltà:

Is-Servizz ta' Ażil Grieg jeżamina, każ b'każ u b'rispett sħiħ għall-Artikoli 6 u 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea l-applikazzjoni tal-proċedura ta' inamissibilità skont l-Artikoli 55 u 56 tal-Liġi 4375/2016 (l-Artikolu 33 tad-Direttiva 2013/32), għall-każijiet ta’applikanti vulnerabbli bil-ħsieb tar-ritorn possibbli tagħhom lejn it-Turkija.

L-awtoritajiet Griegi jeżaminaw jekk l-Artikolu 60 (4) (f) tal-Liġi 4375/2016 jistgħux japplikaw għal każijiet ta’ applikanti vulnerabbli konformi mal-Artikolu 24(3) tad-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Ażil.

L-EASO tipprovdi lis-Servizz tal-Ażil Grieg l-informazzjoni relevanti, partikolarment f’dak li jirrigwarda t-trattament tal-persuni vulnerabbli fit-Turkija, li jkunu jippermettu l-eżami msemmi fuq.

4.It-tħaffif tal-intervisti u l-proċeduri għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-ażil:

Is-Servizz tal-Ażil Grieg, bl-appoġġ tal-EASO, jintroduċi s-segmentazzjoni skont il-kategoriji tal-każijiet biex iżid il-ħeffa u l-kwalità (pereżempju wasliet ġodda u każijiet arretrati; gruppamenti ta’ nazzjonalitajiet skont l-ammissibbiltà, eliġibbiltà ta’ rikonoxximent għolja u baxxa).

Is-Servizz tal-Ażil Grieg, bl-appoġġ tal-EASO, jintroduċi għodod ta’ sostenn għall-intervisti u d-deċiżjonijiet, bħal linji gwida speċifiċi għall-pajjiż tal-oriġini jew elementi ta’ test.

Is-Servizz ta’ Akkoljenza u Identifikazzjoni Grieg (RIS), bl-appoġġ sħiħ tal-EASO, ikompli jinforma lill-migranti dwar id-drittijiet, l-obbligi u l-għażliet disponibbli, jiddiriġihom lejn il-proċedura relevanti, b’mod partikolari l-proċedura ta' ażil, u jiżgura s-segwitu relevanti.

L-awtoritajiet isaħħu iktar l-infurzar tal-konsegwenzi previsti tan-nonkooperazzjoni fil-proċess ta’ ażil, jiżguraw li jkunu jafu fejn huma l-applikanti għall-ażil sakemm l-applikazzjoni tagħhom tkun għadha pendenti (inkluż permezz tal-użu possibbli taċ-ċentri magħluqin), u jtemmu l-proċedura ta' ażil fil-każ li dak li jkun ma jidhirx (irtirar impliċitu).

L-awtoritajiet Griegi, bl-appoġġ tal-EASO, inaqqsu l-ammont ta’ żmien li jgħaddi bejn l-espressjoni ta’ interess biex issir applikazzjoni għall-ażil u meta din tiddaħħal, konformi mal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Ażil (“malajr kemm jista’ jkun”).

5.Tinżamm u titħaffef iktar il-proċedura ta’ eliġibbiltà għall-applikanti minn pajjiż ta’ oriġini b’rata ta' rikonoxximent tal-ażil baxxi.

Is-Servizz tal-Ażil Grieg, bl-appoġġ tal-EASO, iżomm u jaċċellera iktar il-proċedura ta’ eliġibbiltà għall-applikanti fejn ikun japplika.

It-titjib tal-koordinazzjoni, il-ġestjoni, is-sikurezza u s-sigurtà fil-gżejjer

6. It-titjib tal-arranġamenti ta’ sigurtà u sikurezza fil-gżejjer:

Il-Pulizija Ellenika, bl-appoġġ finanzjarju mill-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, iżżid il-preżenza 24/7 tal-uffiċjali tal-pulizija fiċ-Ċentri ta’ Akkoljenza u Identifikazzjoni (RIC), kif jitolbu ċ-ċirkostanzi.

Is-Servizz ta’ Akkoljenza u Identifikazzjoni, bl-appoġġ tal-Pulizija Ellenika, jintensifika l-kontrolli fid-daħliet għaċ-Ċentri ta’ Akkoljenza u Indentifikazzjoni kif ukoll il-pattuljar fiż-żoni tal-akkomodazzjoni fil-hotspots.

Il-Pulizija Ellenika tintensifika l-kontrolli fiċ-ċentri ta’ detenzjoni.

Il-Pulizija Ellenika f’kooperazzjoni mas-Servizz ta’ Akkoljenza u Identifikazzjoni tipproduċi u tittestja pjanijiet ta’ sigurtà u evakwazzjoni bl-involviment tal-atturi kollha preżenti fil-hotspots, partikolarment Organizzazzjonijiet tal-UE.

Is-Servizz ta’ Akkoljenza u Identifikazzjoni jżid l-infrastruttura tas-sigurtà (ċnut mal-perimetru, separazzjoni skont in-nazzjonalità, eċċ.) sabiex jiffaċilita ż-żamma tal-ordni pubbliku u jiżgura l-kontroll sħiħ tal-preżenza ta’ persuni u oġġetti fil-kampijiet, bl-appoġġ tal-Pulizija Ellenika.

L-awtoritajiet Griegi jkomplu jipprovdu żoni siguri għal gruppi vulnerabbli, b’mod partikolari minorenni mhux akkumpanjati, u jaħtru uffiċjali għall-protezzjoni tat-tfal.

L-awtoritajiet Griegi, flimkien mal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta jesploraw modi kif jestendu iktar in-natura tal-appoġġ tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, fil-qafas tal-mandat tagħha.

7.Il-ħatra ta’ koordinaturi permanenti għall-hotspots:

L-awtoritajiet Griegi jaħtru koordinaturi permanenti għall-hotspots li se jieħdu l-funzjonijiet tagħhom mill-iktar fis possibbli (l-iktar tard sa nofs Diċembru 2016) sabiex jiżguraw il-koordinazzjoni u l-ġestjoni ġenerali tal-hotspots.

L-awtoritajiet Griegi jadottaw Proċeduri Operattivi Standard għall-hotspots mill-iktar fis possibbli (l-iktar tard sa nofs Jannar 2017).

L-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-ażil fit-tieni istanza

8.Jidżied l-għadd ta’ Kumitati ta’ Appell:

L-awtoritajiet Griegi jżidu l-għadd ta’ Kumitati ta’ Appel mis-sitta (6) li hemm bħalissa għal 13 sa tmiem Diċembru 2016 u għal 20 sa Frar.

9.Jiżdied l-għadd ta’ deċiżjonijiet minn kull Kumitat ta’ Appell:

Mingħajr preġudizzju għall-indipendenza tagħhom, il-Kumitati ta’ Appell iżidu l-għadd ta’ deċiżjonijiet minn kull kumitat permezz ta’:

a) l-użu ta’ assistenza legali waqt li jinkitbu d-deċiżjonijiet, b) speċjalizzazzjoni tal-kumitati u c) tiġi esplorata l-possibiltà ta’ involviment full time tal-membri tal-kumitati.

L-awtoritajiet Griegi jadottaw id-dispożizzjonijiet legali neċessarji malajr kemm jista’ jkun.

L-illimitar tal-passi ta’ appel fil-kuntest tal-proċedura ta' ażil

10.L-awtoritajiet Griegi jesploraw il-possibiltà li jillimitaw l-għadd ta’ passi tal-appell fil-kuntest tal-proċess tal-ażil, b’rispett sħiħ lejn il-Kostituzzjoni Griega u l-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32.

L-iżgurar ta’ operazzjonijiet ta’ ritorn effiċjenti lejn it-Turkija u l-pajjiżi ta’ oriġini

11.L-iskjeramenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta jinżammu fil-livelli meħtieġa:

L-Istati Membri u l-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta jirrispondu malajr għal domandi ta’ iktar skjeramenti u mezzi ta’ trasport, meħtieġa minħabba żieda fl-għadd ta’ operazzjonijiet ta’ ritorn jew l-għadd ta’ persuni rimpatrijati.

L-awtoritajiet Griegi jipprovdu valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet preċiżi għat-trasportazzjoni meta ċ-ċirkostanzi jippermettu dan.

L-awtoritajiet Griegi, flimkien mal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta jesploraw modi kif jestendu iktar in-natura tal-appoġġ tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, fil-qafas tal-mandat tagħha.

12.L-illimitar tar-riskju tal-ħrib:

Bħala prijorità immedjata, l-awtoritajiet Griegi jkollhom sistema ċara u preċiża tar-reġistrazzjoni u tas-segwitu tal-każijiet (inkluż b’mod partikolari l-post preċiż u l-proċeduri li jkunu għaddejjin) tal-migranti irregolari kollha preżenti fiċ-ċentri ta’ akkoljenza u detenzjoni sabiex jiffaċilitaw l-ippjanar u t-twettiq tal-proċeduri ta’ ritorn.

L-awtoritajiet Griegi, bl-appoġġ finanzjarju u tekniku tal-UE, jintroduċu sistema elettronika ta’ segwitu individwali tal-każijiet li tkun tista’ tiġi kkonsultata mill-awtoritajiet relevanti kollha.

L-awtoritajiet Griegi jkomplu jinfurzaw b’mod attiv ir-restrizzjoni ġeografika imposta fuq il-migranti preżenti fil-gżejjer, possibilment bl-appoġġ tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta.

13.L-intensifikazzjoni tal-programm ta’ Ritorn Volontarju Assistit u Riintegrazzjoni fil-gżejjer.

L-IOM, bl-appoġġ tal-UE, tintensifika l-kampanji li jippromwovu r-Ritorn Volontarju Assistit u Riintegrazzjoni fost il-migranti fl-iktar stadju bikri possibbli.

L-awtoritajiet Griegi jneħħu l-ostakoli amministrattivi għar-ritorn volontarju rapidu mill-gżejjer (partikolarment b’rabta ma’ talbiet għar-ritorn volontarju lejn it-Turkija).

Il-Greċja tagħmel użu sħiħ mill-possibiltajiet ta’ appoġġ finanzjarju u assistenza teknika offerti minn programmi dwar ir-ritorn iffinanzjati mill-UE, skont iċ-ċirkostanzi.

14.Il-ħruġ ta’ deċiżjonijiet ta’ ritorn fi stadju iktar bikri fil-proċess ta’ ritorn:

Il-Pulizija Ellenika toħroġ deċiżjonijiet ta’ ritorn fl-istess waqt li ssir in-notifika ta’ deċiżjoni dwar l-ażil negattiva fl-ewwel istanza, soġġetti għal deċiżjonijiet ta’ ritorn li jkollhom effett biss ladarba l-proċess tal-ażil ikun intemm u l-applikant ma jibqax ikollu d-dritt li jibqa’ fil-Greċja.

15.L-intensifikar tal-kooperazzjoni tal-UE fuq ir-ritorni:

Il-Greċja, il-Kummissjoni, il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u l-programmi tal-UE dwar ir-ritorni jikkooperaw b’mod attiv biex iżidu l-għadd ta’ ritorni mhux volontarji lejn il-pajjiżi ta’ oriġini.

Il-Greċja twaqqaf spazju ta’ ħidma nazzjonali fl-Applikazzjoni tal-Ġestjoni Integrata tar-Ritorni tal-UE (IRMA).

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jkomplu jipprovdu appoġġ diplomatiku biex jiffaċilitaw ir-ritorni effettivi lejn il-pajjiżi tal-oriġini, fosthom il-Pakistan, il-Bangladesh u l-pajjiżi tal-Magreb.

16.Użu sħiħ tal-ftehimiet u arranġamenti ta’ riammissjoni eżistenti

Il-Greċja, bl-appoġġ attiv tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Istati Membri tal-UE tintensifika x-xogħol ta’ riammissjoni fil-qafas tal-ftehimiet ta’ riammissjoni stabbiliti u arranġamenti oħrajn simili bil-ħsieb li migranti irregolari jiġu rritornati, b’mod partikolari, lejn il-Pakistan (EU RA) u l-Afganistan (Triq Konġunta ’l Quddiem). Il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta tappoġġa l-operazzjonijiet ta’ ritorni li jirriżultaw.

Il-ħolqien ta’ kapaċitajiet addizzjonali suffiċjenti ta’ akkoljenza u detenzjoni fil-gżejjer

17.L-awtoritajiet Griegi, bl-appoġġ tal-UE, joħolqu, f’konformità mas-suġġeriment tal-Kummissjoni Ewropea, kapaċità ta’ akkoljenza addizzjonali u jaġġornaw il-faċilitajiet li diġà hemm, jew billi jestendu s-siti li diġà hemm, billi jiżviluppaw siti ġodda jew permezz ta’ skema ta’ kiri, f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet lokali kull meta dan ikun possibbli.

18.L-awtoritajiet Griegi, bl-appoġġ tal-UE, konformi mas-suġġeriment tal-Kummissjoni Ewropea, joħolqu kapaċità suffiċjenti ta’ detenzjoni fil-gżejjer malajr kemm jista’ jkun, f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet lokali kull meta dan ikun possibbli.

Il-prevenzjoni tal-qsim illegali tal-fruntieri fil-fruntieri tat-tramuntana

19.L-iskjerament tal-uffiċjali tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta fil-fruntieri tat-tramuntana mal-Albanija u l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja:

Il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta tirrispondi b’mod pożittiv u tiskjera l-uffiċjali fil-fruntiera tat-tramuntana malajr kemm jista’ jkun. Jekk ikun għad fadal xi nuqqasijiet marbutin mat-talbiet tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, ir-riżerva ta’ reazzjoni rapida u t-Timijiet ta’ Intervent tal-Aġenzija tal-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta se jintużaw malli jibdew joperaw.

Il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta tiffinanzja l-iskjerament tal-uffiċjali tal-Pulizija Ellenika fil-fruntieri tat-tramuntana, fuq talba tal-awtoritajiet Griegi.

L-Aċċellerazzjoni tar-Rilokazzjoni

20.Iż-żieda tal-impenji ta’ rilokazzjoni tal-Istati Membri:

L-Istati Membri jżidu l-impenji ta’ rilokazzjoni tagħhom skont l-allokazzjoni li għandhom u se jfittxu li minn Diċembru 2016 jagħmlu impenji kull xahar. L-għan huwa li jkun hemm tal-anqas 2 000 impenn kull xahar sa Diċembru 2016 u li jkomplu jżidu dawn l-impenji biex jilħqu t-tir ta’ 3 000 rilokazzjoni kull xahar sa April 2017.

21.Iż-żieda tal-implimentazzjoni effettiva tal-rilokazzjonijiet:

L-Istati Membri jirrilokaw kull xahar u jżidu l-għadd ta’ rilokazzjonijiet kull xahar mill-Greċja ta’ mill-inqas 2 000 sa Diċembru 2016 u tal-anqas 3 000 trasferiment ta’ rilokazzjoni fix-xahar sa April 2017 u progressivament ikomplu jżidu r-rilokazzjonijiet ta’ kull xahar.

L-Istati Membri jżommu mal-perjodi ta’ żmien u l-proċeduri speċifikati fid-Deċiżjoni dwar ir-Rilokazzjoni (Deċiżjoni tal-Kunsill 2015/1523) kif ukoll il-Protokoll relevanti għar-Rilokazzjoni, partikolarment il-ħin tar-rispons ta’ 10 ġranet, jibagħtu l-aċċettazzjonijiet fi gruppi mhux ikbar minn 50 persuna, juru flessibilità rigward l-organizzazzjoni tat-titjiriet, jevitaw dewmien fit-trasferiment tal-applikanti għar-rilokazzjoni li ġew aċċettati, iżidu l-involviment tal-Uffiċjali ta' Kollegament f’attivitajiet ta’ orjentament kulturali u l-għoti ta’ informazzjoni u jiżguraw li jkun hemm ġustifikazzjoni kif xieraq taċ-ċaħdiet permezz tal-korrispondenza tas-sigurtà offerta mill-Pulizija Ellenika.

L-Istati Membri jiżviluppaw il-kapaċitajiet ta’ akkoljenza meħtieġa, inkluż għal minorenni mhux akkumpanjati, biex jippermettu li ssir rilokazzjoni tal-applikanti ppjanati skont l-allokazzjoni tagħhom.

L-awtoritajiet Griegi joħolqu siti ta’ rilokazzjoni addizzjonali (jew jibdlu siti eżistenti f’siti ta’ rilokazzjoni) li jikkorrespondu għall-kapaċità ta’ pproċessar miżjuda tas-Servizz tal-Ażil Grieg u ż-żieda progressiva tal-impenji ta’ rilokazzjoni mill-Istati Membri.

L-IOM ikompli jżid il-kapaċità tal-ipproċessar tiegħu konformi mal-miri ta’ trasferimenti kull xahar il-ġodda.

L-għoti ta’ finanzjament u appoġġ tekniku xieraq

22.L-iżgurar tal-ikbar assorbiment possibbli tal-finanzjament disponibbli għall-migrazzjoni u l-monitoraġġ mill-qrib:

L-awtoritajiet Griegi, bl-appoġġ mill-Kummissjoni, jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa mingħajr iktar dewmien biex jiżguraw użu sħiħ u effettiv tar-riżorsi finanzjarji fil-Programmi Nazzjonali tal-Greċja taħt il-Fondi għall-Affarijiet Interni (AMIF u l-Fond għas-Sigurtà Interna).

L-Awtoritajiet Griegi jagħmlu disponibbli faċilment il-kofinanzjament neċessarju taħt il-baġit nazzjonali.

L-Awtoritajiet Griegi jibagħtu lill-Kummissjoni malajr kemm jista’ jkun il-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Programmi Nazzjonali.  

L-awtoritajiet Griegi u l-Kummissjoni jiffinalizzaw dalwaqt ir-reviżjoni tal-Programmi Nazzjonali għall-AMIF/FSI adattati biex jieħdu kont tal-isfidi l-ġodda fil-Greċja, fosthom l-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni UE-Turkija.

23.Il-komplementazzjoni mal-Programmi Nazzjonali tal-AMIF u l-FSI, fejn meħtieġ:

Il-Kummissjoni tkompli tipprovdi l-finanzjament addizzjonali meħtieġ (assistenza ta' emerġenza; appoġġ umanitarju, eċċ) u l-appoġġ tekniku lill-Greċja għall-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni UE-Turkija fil-Greċja, fejn meħtieġ.


Brussell, 8.12.2016

COM(2016) 792 final

ANNESS

mal-

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW U LILL-KUNSILL

Ir-Raba' Rapport dwar il-progress li sar fl-Implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni UE-Turkija


Żieda ta’ finanzjament taħt il-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija wara d-Dikjarazzjoni bejn l-UE u t-Turkija

Il-Fergħa ta’ Finanzjament skont l-Approċċ Rapidu

Assistenza Umanitarja

Miżura Speċjali dwar Sostenn għal Migranti li Jirritornaw

Miżura speċjali ta’ Lulju 2016 dwar Edukazzjoni & Saħħa

Miżura speċjali ta’ Lulju 2016 Infrastruttura & Sostenn Soċjoekonomiku

Fond Fiduċjarju Reġjonali tal-UE b’Reazzjoni għall-Kriżi Sirjana (EUTF)

Il-passi li jmiss

Minn Ottubru

L-introduzzjoni ta’ sistema ta’ protezzjoni soċjali ta’ emerġenza (ESSN) - bdiet f’Ottubru 2016 biex tilħaq sa miljun rifuġjat vulnerabbli fl-2017.

Minn Awwissu 'l hawn

L-implimentazzjoni tal-Miżura Speċjali dwar is-sostenn għal migranti li jirritornaw

Minn Ottubru

L-implimentazzjoni tal-għotjiet diretti għall-edukazzjoni u s-saħħa ta’ EUR 300 miljun kull wieħed

Minn Awwissu 'l hawn

It-tħejjija tal-ftehimiet ta’ delega li jifdal ma' Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali (IFI)

Tmiem Diċembru

Żewġ kuntratti mistennija li jkunu ffirmati. L-ewwel wieħed, li jiswa EUR 33 miljun, se jinvolvi l-Għaqda tas-Salib l-Aħmar Daniża u dik Torka tan-Nofs Qamar l-Aħmar. It-tieni, li jiswa EUR 5 miljun, se jkun implimentat minn Spark, NGO Netherlandiża fil-qasam tal-edukazzjoni għolja ta’ żgħażagħ Sirjani vulnerabbli.

Minn Ġunju 'l hawn

It-tħejjija ta' proġetti f’oqsma mhux koperti minn elementi oħra: aċċess għas-suq tax-xogħol, azzjonijiet komunitarji, inizjattivi għal għotjiet iżgħar, miżuri oħrajn ta’ integrazzjoni u mhux vinkolanti.

Kisbiet

Bidu ta’ Settembru

L-iffirmar tal-kuntratt tal-ESSN b’valur ta’ EUR 348 miljun.

Il-31 ta' Lulju

L-iffirmar ta’ EUR 74 miljun fil-qasam tas-saħħa, l-edukazzjoni, il-protezzjoni u t-tħejjija għax-xitwa.

it-3 ta' Ġunju

Il-pubblikazzjoni tal-Pjan ta’ Implimentazzjoni Umanitarju tal-Kummissjoni inkluż l-ewwel allokazzjoni (EUR 505,65 miljun)

Marzu/April

Il-Kummissjoni tiffirma proġetti ma' 17-il sieħeb umanitarju b’valur ta’ EUR 90 miljun.

It-8 ta’ Awwissu

Ftehim dirett għall-implimentazzjoni tal-Miżura Speċjali dwar is-sostenn għal migranti li jirritornaw iffirmat mill-awtoritajiet Torok fit-8 ta' Awwissu 2016.

Ħlas bil-quddiem ta’ EUR 12-il miljun fit-18 ta’ Awwissu 2016.

Id-19 ta' April

Il-Miżura Speċjali ta’ EUR 60 miljun impenjati biex jiġi pprovdut ikel, kenn u kura tas-saħħa għal migranti rritornati mill-Greċja.

Ottubru

Il-ħlas ta’ pagamenti bil-quddiem b’valur ta’ EUR 270 miljun

Fl-aħħar ta’ Settembru

L-iffirmar tal-għotjiet diretti għall-edukazzjoni u s-saħħa ta’ EUR 300 miljun kull wieħed.

It-28 ta’ Novembru

L-iffirmar ta’ kuntratt b’valur ta’ EUR 50 miljun mal-KfW biex jibnu u jipprovdu skejjel ġodda.

It-28 ta' Lulju

L-adozzjoni ta’ Miżura Speċjali ta’ EUR 1,4 biljun għall-edukazzjoni, is-saħħa, l-infrastruttura muniċipali u għall-appoġġ soċjoekonomiku inkluża żieda ta’ EUR 250 miljun għal proġetti minn isfel għal fuq iffinazjati mill-EUTF.

Ġunju

Diskussjonijiet madwar mejda tal-IFIs fl-24 u d-29 ta’ Ġunju, iddiskutew u approvaw il-Miżura Speċjali

Ġunju

Erba’ proġetti Ammont addizzjonali minn isfel għal fuq għal total ta’ EUR 59 miljun adottati mill-EUTF f’April u Ġunju biex jipprovdi iktar sostenn għall-edukazzjoni u l-infrastruttura, l-edukazzjoni ogħla, it-taħriġ tas-snajja, l-appoġġ soċjali.  

Mejju

Erba’ proġetti kkuntrattati għal ammont totali ta’ EUR 60 miljun, inkluż il-kuntratt reġjonali tal-UNICEF b'komponent ta’ EUR 37 miljun għat-Turkija ffirmat fl-4 ta’ Marzu.

Governanza tal-Faċilità

Skeda ta’ żmien minn April:

   April

Approċċ rapidu ppreżentat lit-Turkija u elaborat iktar sabiex isir Nota ta’ Kunċett Strateġiku għall-implimentazzjoni tal-Faċilità.

   

It-12 ta' Mejju

It-Tieni Kumitat ta' Tmexxija approva n-Nota ta' Kunċett Strateġiku u rċieva preżentazzjoni tal-valutazzjoni tal-ħtiġijiet indipendenti. Huwa qabel fuq sitt oqsma ta’ prijorità tal-Faċilità: l-assistenza umanitarja, il-ġestjoni tal-migrazzjoni, l-edukazzjoni, is-saħħa, l-infrastruttura muniċipali, u s-sostenn soċjoekonomiku.

it-13 ta' Ġunju

Waslu ċ-ċertifikati tal-kontribuzzjoni tal-Istati Membri kollha, li jkopru l-ammont sħiħ ta’ EUR 2 biljun imwiegħda għall-2016-2017.

it-30 ta' Ġunju

It-Tielet Kumitat ta' Tmexxija analizza l-implimentazzjoni u ddiskuta Miżuri Speċjali dwar l-edukazzjoni, is-saħħa, l-infrastruttura muniċipali u soċjali, u s-sostenn soċjoekonomiku, qabel l-approvazzjoni tal-maniġment tal-IPA tal-Miżura f’Lulju.

l-4 ta' Ottubru

Ir-Raba’ Kumitat tat-Tmexxija

Kontinwu

Rappurtar dwar l-implimentazzjoni u l-komunikazzjoni fuq ir-riżultati miksuba ikluża mappa interattiva 1 .

It-12 ta' Jannar 2017

Il-Ħames Kumitat tat-Tmexxija

(1)

Għal iktar informazzjoni dwar kif taħdem il-faċilità u ħarsa ġenerali dettaljata lejn il-proġetti ffinanzjati: http://ec.europa.eu/enlargement/news_corner/migration/index_en.htm