Brussell, 12.12.2016

COM(2016) 787 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Insalvaw il-ħajjiet Insaħħu s-Sikurezza tal-Karozzi fl-UE

Rapport dwar il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-karatteristiċi avvanzati tas-sikurezza tal-vetturi, tal-kosteffettività u tal-fattibbiltà tagħhom għar-reviżjoni tar-regolamenti dwar is-sikurezza ġenerali tal-vetturi u dwar il-protezzjoni tal-persuni bil-mixi u ta’ persuni oħrajn li jużaw it-triq

{SWD(2016) 431 final}


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Insalvaw il-ħajjiet Insaħħu s-Sikurezza tal-Karozzi fl-UE

Rapport dwar il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-karatteristiċi avvanzati tas-sikurezza tal-vetturi, tal-kosteffettività u tal-fattibbiltà tagħhom għar-reviżjoni tar-regolamenti dwar is-sikurezza ġenerali tal-vetturi u dwar il-protezzjoni tal-persuni bil-mixi u ta’ persuni oħrajn li jużaw it-triq

 

 

 

1.Introduzzjoni

Is-sikurezza tat-toroq fl-UE tjiebet b’mod sinifkanti tul l-aħħar deċennji, bis-saħħa ta’ azzjoni b’saħħitha u effettiva meħuda fil-livell tal-UE, nazzjonali u lokali sabiex jiġu indirizzati l-imġiba ta’ dawk li jużaw it-triq, tal-vetturi u tal-infrastruttura. B’riżultat ta’ dan, it-toroq tal-UE huma l-aktar sikuri fid-dinja kollha. Din is-sikurezza akbar tista’ fil-parti l-kbira tagħha tkun attribwita għar-rekwiżiti leġiżlattivi tal-UE dwar is-sikurezza tal-vetturi li ġew introdotti tul l-aħħar snin bħala parti mill-politika tal-UE dwar is-sikurezza tat-toroq 1 .

Dawn ir-rekwiżiti tas-sikurezza tal-vetturi taw spinta lir-riċerka, lill-iżvilupp u lill-innovazzjoni Ewropej: meta l-industrija kienet qed taffaċċja rekwiżiti aktar ambizzjużi, sabet mod kif twieġeb b’soluzzjonijiet tekniċi innovattivi. Peress li l-UE kienet l-ewwel waħda li adottat ħafna minn dawn ir-rekwiżiti, ħafna mis-soluzzjonijiet ġew żviluppati fl-Ewropa u hawnhekk inħolqu impjiegi ta’ kwalità sabiex iwieġbu għall-isfidi. Fil-fatt, l-industrija tal-vetturi bil-mutur hija l-fornitur ewlieni ta’ R&Ż privati fl-UE, u qiegħda tistabbilixxi l-istandards f’livell globali.

L-industrija awtomobilistika qed tkompli tkun innovattiva u r-rekwiżiti regolatorji jridu jiġu riveduti, bil-għan li jiġi żgurat li l-UE tibqa’ tkun minn ta’ quddiem nett fl-iżviluppi internazzjonali, filwaqt li tibqa’ taħdem sabiex issalva l-ħajjiet. Dan l-aħħar, il-progress impressjonanti fit-tnaqqis tal-inċidenti bil-karozzi naqas, iżda l-ispejjeż tal-fatalitajiet u tal-korrimenti mill-inċidenti fit-toroq huma stmati għal mill-anqas EUR 100 biljun fis-sena 2 u mijiet ta’ familji qed ikomplu jitkssru ta’ kull sena minħabba l-inċidenti fit-toroq.

Il-karatteristiċi tas-sikurezza attiva u l-iżvilupp teknoloġiku tagħhom qed iwasslu għal awtomatizzazzjoni gradwali tal-vetturi. Huma kkunsidrati bħala teknoloġiji abilitanti essenzjali għat-tisħiħ u għall-appoġġ tal-awtomatizzazzjoni akbar tal-vetturi, u jikkontribwixxu għad-diġitalizzazzjoni tas-suq intern. Fl-imgħoddi, l-UE introduċiet l-installazzjoni obbligatorja ta’ sistemi elettroniċi tal-kontroll tal-istabbiltà fuq il-vetturi kollha u ta’ sistemi avvanzati għall-ibbrejkar f'emerġenza u ta’ sistemi ta’ indikazzjoni ta’ ħruġ mill-karreġġata fuq it-trakkijiet u l-karozzi tal-linja, li jikkontribwixxu għat-tnaqqis tad-diżgrazzji fatali fit-triq b’madwar 5,000 fis-sena. Il-potenzjal sħiħ ta’ dawn u ta’ teknoloġiji oħrajn tas-sikurezza attiva jista’ jintlaħaq biss bis-saħħa ta’ skjerament fuq skala kbira fil-vetturi fit-toroq tal-UE.

Ħafna minn dawn ir-rekwiżiti kkontribwew ukoll għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ CO2 u, għaldaqstant jikkonformaw mal-miri tal-UE dwar l-azzjoni klimatika u mal-objettivi tal-Unjoni tal-enerġija. Dan kien il-każ għas-sistemi ta’ monitoraġġ tal-pressjoni tat-tajers għall-karozzi tal-passiġġieri li żguraw l-użu ta' tajers pressjonijiet ottimali biex tonqos ir-reżistenza għad-dawrien u, għaldaqstant, sabiex jonqos il-konsum ta’ fjuwil. Il-miri tal-azzjoni klimatika għat-tnaqqis tas-CO2 fis-settur tat-trasport jitolbu wkoll għall-iżvilupp ta’ aktar teknoloġiji għall-vetturi li jinċentivaw is-sewqan f’kundizzjonijiet li jiffavorixxu l-ekonomija tal-fjuwil ottimali, pereżempju permezz ta’ sistemi ta' adattament tal-veloċità adattivi u intelliġenti u permezz ta’ espansjoni tal-monitoraġġ tal-pressjoni tat-tajers għall-vetturi kummerċjali.

Bil-livelli dejjem akbar ta’ awtonomija tal-vetturi li qed jingħataw prijorità mill-manifatturi tal-karozzi, it-teknoloġiji preċiżi, robusti, durabbli u affordabbli tas-sensuri qegħdin isiru dejjem aktar disponibbli b'mod wiesa'. Dawn huma neċessarji sabiex jiġi identifikat għalkollox l-ambjent madwar il-vettura, filwaqt li jikkontribwixxu għas-sikurezza, speċjalment rigward l-utenti vulnerabbli tat-triq, u għat-tnaqqis tal-konġestjoni u tat-tniġġis li ġġib magħha, peress li 15% tal-konġestjoni kollha fl-Ewropa hija dovuta għall-inċidenti 3 .

F’dan ir-Rapport, il-Kummissjoni Ewropea tippreżenta s-sejbiet tal-analiżi tagħha rigward firxa ta’ miżuri tas-sikurezza ġodda. Tipproponi t-triq ’il quddiem, filwaqt li tikkunsidra kif xieraq il-fattibbiltà u l-kosteffettività tal-miżuri proposti. L-ispjegazzjoni dettaljata tal-miżuri hija inkluża fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni mehmuż ma’ dan ir-Rapport. Dawn huma l-bażi għal dibattitu pubbliku kbir li għalih il-Kummissjoni Ewropea tistieden lill-partijiet ikkonċernati kollha.

Fl-aħħar, bħala qafas ġenerali, b’din il-ħidma l-Kummissjoni Ewropea biħsiebha tikkontribwixxi għall-prijoritajiet relatati mat-tkabbir, mal-impjiegi u mal-investiment fl-UE, filwaqt li tippromwovi l-aktar innovazzjonijiet effiċjenti u żżomm impjiegi ta’ kwalità fl-Ewropa, għad-diġitalizzazzjoni tas-suq intern bil-promozzjoni tal-karatteristiċi tas-sikurezza li huma meqjusin bħala t-teknoloġiji abilitanti essenzjali li jsaħħu u jappoġġjaw l-awtomatizzazzjoni fuq skala kbira tal-vetturi kif ukoll għall-objettivi tal-Unjoni tal-Enerġija ta’ tnaqqis tas-CO2 fit-trasport.

2.In-nisġa bejn is-sikurezza tat-triq u t-teknoloġija tal-vetturi

Mill-2009 ’l hawn, l-inċidenti tat-trasport ma baqgħux il-kawża ewlenija ta’ mwiet fl-Unjoni Ewropea 4 . In-numru ta’ fatalitajiet fit-triq fl-UE naqas b’mod konsiderevoli matul l-aħħar 13-il sena, bi tnaqqis ta’ madwar 53% mill-54,300 fl-2001 għal 25,900 fl-2014 5 . Madankollu, l-inċidenti tat-traffiku għadhom jaffetwaw lil mijiet ta’ eluf ta’ familji u jġibu magħhom spejjeż ekonomiċi enormi kull sena. Għalhekk, il-problema tas-sikurezza tat-toroq għadha waħda urġenti. Barra minn hekk, għad li rajna tnaqqis annwali kbir, iċ-ċifri tal-fatalitajiet donnhom staġnaw mill-2013 ’l hawn. Fil-fatt, diversi Stati Membri qegħdin jirrapportaw li n-numru ta’ diżgrazzji reġa’ qabad jiżdied 6 .

Sabiex tintlaħaq il-mira strateġika tal-UE li tnaqqas bin-nofs in-numru ta’ mwiet fit-triq minn madwar 31,000 fl-2010 għal 15,000 fl-20206, kif stipulat fl-Orjentazzjonijiet ta’ Politika dwar is-Sikurezza tat-Triq 2011-2020 7 , hemm bżonn li jsiru aktar sforzi peress li huwa mistenni li l-mira mhijiex se tintlaħaq.

Bħala medja, maġġoranza ta’ 55% tal-fatalitajiet fit-triq iseħħu fuq toroq mhux urbani, 38% f’żoni urbani, filwaqt li madwar 7% biss iseħħu fl-awtostradi. B’mod kumplessiv il-persuni bil-mixi u ċ-ċiklisti jammontaw għal 30% tal-fatalitajiet tat-trasport, iżda kważi għal 43% tal-fatalitajiet f’żoni urbani 8 . Dawn iċ-ċifri jagħtu indikazzjoni ġenerali tal-oqsma fejn jista’ jsir titjib bir-reviżjoni tar-regolamenti dwar is-Sikurezza Ġenerali u dwar is-Sikurezza tal-Persuni bil-Mixi.

L-esperti ddikjaraw li madwar 95% tal-inċidenti tat-triq jinvolvu xi livell ta’ żball uman, filwaqt li huwa stmat li 75% huma kkaġunati minn żball uman biss 9 . Fost il-kawżi ta’ inċidenti ewlenin relatati mal-fattur uman, ir-riċerka identifikat il-veloċità eċċessiva, id-distrazzjoni u s-sewqan taħt l-influwenza tax-xorb bħala wħud mill-aktar aspetti importanti. Hekk kif tiddikjara l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni CARS 2020: għal industrija tal-karozzi kompetittiva u sostenibbli fl-Ewropa 10 u l-pjan ta’ azzjoni spjegat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Lejn Żona Ewropea ta’ sikurezza tat-triq: orjentazzjonijiet ta' politika dwar is-sikurezza tat-triq 2011-2020” 11 , is-sikurezza tat-triq għandha ssegwi approċċ integrat u s-sikurezza tal-vettura hija biss wieħed minn għadd ta’ fatturi li jiddeterminaw l-eżitu. Sabiex tkun effettiva, il-politika dwar is-sikurezza tat-triq inġenerali għandha tieħu f’kunsiderazzjoni l-firxa sħiħa ta’ fatturi, bħall-imġiba tas-sewwieqa u l-infrastruttura tat-toroq, u żżomm għajnejha fuq in-nisġa bejniethom.

Madankollu, minħabba r-rilevanza tar-rekwiżiti tas-sikurezza tal-vetturi fost dawn il-fatturi, u fid-dawl tal-obbligi ta’ rapportar tar-Regolamenti dwar is-Sikurezza Ġenerali u dwar is-Sikurezza tal-Persuni bil-Mixi, il-Kummissjoni Ewropea nediet id-dibattitu dwar il-prijoritajiet għall-intervent f’dan il-qasam u dwar il-miżuri bbażati fuq l-evidenza li joħolqu impatt pożittiv massimu b’mod kumplessiv.

Għandha tingħata attenzjoni speċifika lill-utenti vulnerabbli tat-triq kif ukoll lill-okkupanti tal-vetturi li jippreżentaw fraġilità intrinsika minħabba l-età tagħhom, jiġifieri l-anzjani 12 u t-tfal żgħar 13 . Għandha tingħata attenzjoni wkoll lill-valutazzjoni tat-teknoloġiji li jisfruttaw l-interazzjonijiet bejn is-sewwieq, il-vettura u l-ambjent tas-sewqan, bħas-Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti (ITS), sabiex b’hekk jingħata kontribut għat-tendenzi ta’ diġitalizzazzjoni fl-UE, b’konformità mal-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali.

3.Is-sikurezza dovuta għal intervenet regolatorju

Hemm eżempji ċari ta’ rekwiżiti effettivi dwar is-sikurezza li diġà saru obbligatorji fl-UE, bħad-dispożizzjonijiet għas-sikurezza tal-passiġġieri f’ħabtiet frontali u laterali bil-karozza, kif ukoll għall-protezzjoni tal-persuni bil-mixi, li ġew introdotti b’mod gradwali matul l-aħħar 15-il sena 14 . Dawn l-iżviluppi fis-sikurezza tal-vetturi tqiesu li huma kruċjali fl-intervent tal-UE li jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-inċidenti tat-triq u tal-fatalitajiet/tal-korrimenti fl-aħħar 15-il sena, sabiex b’hekk għamlu lill-UE l-aktar reġjun sikur fid-dinja fil-qasam tas-sikurezza tal-vetturi 15 .

B’mod speċifiku, sabiex ikunu protetti l-persuni bil-mixi u persuni vulnerabbli oħrajn li jużaw it-triq bħaċ-ċiklisti, ġie introdott b’mod gradwali sett ta’ rekwiżiti komprensivi għall-karozzi ħfief tal-passiġġieri mill-2005 sal-2013, u mill-2011 sal-2019 dan is-sett qiegħed jiġi introdott b’mod gradwali għall-karozzi tqal u għall-vannijiet. It-tqabbil tas-sitwazzjoni tal-UE fl-2013 ma’ dik tal-2004 fir-rigward tan-numru ta’ fatalitajiet tal-persuni bil-mixi u taċ-ċiklisti juri tnaqqis ta’ 37% u ta' 32% fil-fatalitajiet rispettivament 16 .

Ir-Regolament dwar is-Sikurezza Ġenerali introduċa miżuri obbligatorji bħat-tfakkira għaċ-ċinturin ta’ sikurezza tas-sewwieq, il-konnetturi ISOFIX għall-installazzjoni sikura tas-sits tat-tfal fil-karozzi u s-sistema ta' monitoraġġ tal-pressjoni tat-tajers biex tipprevjeni li dawn jinfaqgħu u li jistgħu jwasslu għal telf ta’ kontroll. It-twissija għat-tluq minn karreġġata u l-ibbrejkjar awtonomu f’emerġenza saru obbligatorji għat-trakkijiet u għall-karozzi tal-linja ġodda u s-sistemi elettroniċi tal-kontroll tal-istabbiltà u l-fanali tas-sewqan binhar ġew introdotti għall-vetturi bil-mutur kollha. Dawn il-miżuri riċenti ġew introdotti b’mod gradwali biss bejn l-2011 u l-2015. Għaldaqstant, ta' min jinnota li, minħabba l-penetrazzjoni baxxa fis-suq tat-teknoloġiji użati, għad ma tistax issir valutazzjoni dettaljata tal-effettività tagħhom.

4.Monitoraġġ tal-miżuri avvanzati ta’ sikurezza tal-vetturi

Skont ir-Regolament dwar is-Sikurezza Ġenerali 17 u r-Regolament dwar is-Sikurezza tal-Persuni bil-Mixi 18 , il-Kummissjoni trid tissorvelja u tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-iżviluppi tekniċi fil-qasam tar-rekwiżiti ta’ sikurezza passiva mtejba, dwar il-kunsiderazzjoni u l-inklużjoni possibbli ta’ karatteristiċi tas-sikurezza ġodda u mtejba kif ukoll dwar it-teknoloġiji mtejba ta’ sikurezza attiva. L-impenji huma stabbiliti fl-Artikolu 17 tar-Regolament dwar is-Sikurezza Ġenerali u fl-Artikolu 12 tar-Regolament dwar il-Protezzjoni tal-Persuni bil-Mixi.

4.1.Teknoloġiji ġodda u miżuri mhux irregolati

Sabiex tilħaq l-objettiv ta’ monitoraġġ u ta’ rapportar, fl-2014 il-Kummissjoni nediet l-istudju ta’ valutazzjoni intitolat "Benefit and Feasibility of a Range of New Technologies and Unregulated Measures in the fields of Vehicle Occupant Safety and Protection of Vulnerable Road Users in the context of the General Safety and Pedestrian Safety Regulations", li ġie ppubblikat fil-EU Bookshop f’Marzu tal-2015 19 .

Kemm it-tħejjija tat-termini ta’ referenza tal-istudju mill-Kummissjoni kif ukoll l-informazzjoni u l-input dettaljati matul il-ħidma ta’ analiżi li saret wara f’isem il-Kummissjoni bbenefikaw ħafna mill-interazzjonijiet u mill-konsultazzjonijiet intensivi tal-partijiet ikkonċernati. Saru wkoll diskussjonijiet intensivi mal-awtoritajiet tal-Istati Membri u mas-sħab internazzjonali qabel it-tlestija.

Il-Kummissjoni riedet tiżgura li l-informazzjoni ġiet ikkumpilata u pprovduta sabiex tkun tista’ tingħata prijorità lil miżuri ta’ sikurezza futuri possibbli. Għal dan il-għan, l-istudju jagħti ħarsa ġenerali lejn il-fattibbiltà u l-valutazzjoni tal-ispejjeż u tal-benefiċċji ta’ firxa wiesgħa ta’ 55 miżura kandidata għall-inklużjoni possibbli fir-Regolamenti riveduti dwar is-Sikurezza Ġenerali u dwar is-Sikurezza tal-Persuni bil-Mixi. L-eżiti tal-istudju huma l-kost-benefiċċji indikattivi pprovduti sabiex issir distinzjoni bejn dawk il-miżuri li għandhom probabilità kbira, probabilità moderata jew probabilità baxxa ħafna li jipprovdu benefiċċju konsistenti mal-ispiża tal-implimentazzjoni.

Fil-kuntest ta’ dan ir-Rapport tal-Kummissjoni, il-valutazzjoni preliminari tal-karatteristiċi tas-sikurezza mtejba ġiet elaborata aktar u nbidlet f’lista b’firxa speċifika ta’ miżuri li jistgħu jkunu kemm kosteffettivi kif ukoll fattibbli. Dawn il-miżuri jinkludu l-introduzzjoni ta’ sistemi attivi bħas-sistemi awtomatiċi ta’ bbrejkjar f’emerġenza u t-teknoloġija attiva taż-żamma tal-karreġġata, it-titjib ta’ karatteristiċi tas-sikurezza passiva bħat-tfakkiriet għaċ-ċinturin ta’ sikurezza fis-sits kollha, kif ukoll l-ilqugħ aħjar għall-persuni bil-mixi f'każ li jaħtbu rashom man-naħa ta’ quddiem tal-karozzi u l-individwar taċ-ċiklisti f'każ ta’ ħabta imminenti. Oqsma oħrajn ta’ interess kbir jikkonċernaw it-titjib tal-viżjoni diretta u l-eliminazzjoni tal-“blind spots” (punti mhux viżibbli) fuq it-trakkijiet biex jipproteġu l-utenti vulnerabbli tat-triq. Fit-taqsima 5 tingħata ħarsa ġenerali u komprensiva, filwaqt li d-dettalji kollha huma pprovduti fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja dan ir-Rapport.

4.2.Installazzjoni volontarja

Il-programmi ta’ valutazzjoni u ta’ klassifikazzjoni tal-karozzi tal-konsumaturi, bħall-Programm Ewropew ta’ Valutazzjoni tal-Karozzi Ġodda (Euro NCAP) 20 , ħeġġew lill-manifatturi tal-vetturi jiżviluppaw vetturi li huma aktar sikuri minn dak li teħtieġ il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sikurezza tal-vetturi u biex jinstallaw teknoloġiji avvanzati tas-sikurezza tal-ogħla livell f’porzjon estensiv tal-mudelli tagħhom li jqiegħdu fis-suq. Ma hemmx dubju li dawn l-isforzi qegħdin jikkontribixxu wkoll għal-livell għoli ta’ sikurezza fit-toroq tal-UE.

Madankollu, filwaqt li l-manifatturi b’mod ġenerali jistinkaw biex jiksbu l-ogħla klassifikazzjoni ta’ stilel possibbli għall-aktar mudelli li jinbiegħu fis-swieq tal-Istati Membri ewlenin, hemm indikazzjonijiet li mhux il-pajjiżi kollha jirċievu distribuzzjoni ndaqs ta’ karozzi bi klassifikazzjoni għolja fis-swieq rispettivi tagħhom. F’ċerti każijiet, mudelli speċifiċi bi klassifikazzjoni baxxa jiġu mmirati apposta għal ċerti swieq (dawk li huma anqas tat-tajjeb) u ma jkunux disponibbli f’oħrajn. F’każijiet oħrajn, il-mudelli li normalment jkunu ta’ klassifikazzjoni għolja fil-ħajja reali jkollhom effettivament prestazzjoni anqas tajba, għaliex f'ċerti pajjiżi jitneħħewlhom il-karatteristiċi avvanzati tas-sikurezza mhux obbligatorji, pereżempju għal raġunijiet ta’ tnaqqis tal-ispejjeż minħabba l-politiki tat-taxxa lokali. Din il-prattika komuni tista’ tkun spjegata minħabba r-regola tal-iskema ta’ klassifikazzjoni użata (sa dan l-aħħar) li mhux il-karozzi kklassifikati kollha, iżda l-maġġoranza tagħhom biss, għandhom ikunu mgħammra b’karatteristika tas-sikurezza partikolari 21 .

B’riżultat ta’ dan, hemm indikazzjonijiet ċari li mhux iċ-ċittadini kollha tal-UE għandhom aċċess għall-karozzi b’livell daqstant għoli ta’ sikurezza skont il-politiki interni u l-istrateġiji ta’ allokazzjoni tal-manifatturi tal-vetturi u tal-importaturi tagħhom, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam mal-kapaċità tal-akkwist tal-konsumaturi f’suq speċifiku, li jwassal għas-sitwazzjoni li waħda minn kull ħames karozzi mixtrija mhux bilfors ikollha l-karatteristiċi tas-sikurezza avvanzati abbord li tkun timplika l-klassifikazzjoni ta’ stilel. Minkejja dan, ħafna mill-karatteristiċi promossi mill-programmi ta’ klassifikazzjoni huma komuni u, minħabba l-ekonomiji ta’ skala, l-ispejjeż tagħhom kellhom jonqsu b’mod konsiderevoli matul l-aħħar snin. Jekk dawn il-karatteristiċi jsiru obbligatorji, jista’ jkun li l-livelli ta’ protezzjoni jsiru aktar uniformi.

4.3.Valutazzjoni tal-linja bażi attwali tas-sikurezza u l-enfasi fil-ġejjieni

Sabiex ikun hemm sitwazzjoni tas-sikurezza aktar ambizzjuża u armonizzata fl-UE kollha, ir-reviżjoni tar-regolamenti tal-UE dwar is-sikurezza tal-vetturi għandha tivvaluta l-karatteristiċi tas-sikurezza previsti għall-inklużjoni obbligatorja possibbli biex jinkiseb titjib fil-livell tas-sikurezza tal-vetturi sabiex jintlaħaq il-livell li huwa konsistenti mal-linja bażi attwali offruta mill-karozzi ewlenin li jinxtraw l-aktar mill-konsumaturi fl-UE.

Is-sitwazzjoni tal-vetturi kummerċjali u tal-karozzi tal-linja teħtieġ wkoll attenzjoni partikolari. Filwaqt li għall-karozzi tal-passiġġieri l-enfasi hija fuq il-protezzjoni tal-okkupanti u fuq il-protezzjoni tal-persuni bil-mixi u ta’ utenti vulnerabbli oħrajn tat-triq, dan mhux dejjem ikun evidenti għall-kategoriji tal-vetturi l-oħrajn. Minkejja li llum il-ġurnata l-karatteristiċi tas-sikurezza elementari bħall-integrità ġenerali tal-manifattura u ċ-ċinturini ta’ sikurezza, kif ukoll l-ibbrejkjar awtonomu u s-sistemi ta’ twissija ta’ tluq minn karreġġata huma meħtieġa, ingħatat attenzjoni relattivament baxxa għall-promozzjoni u t-titjib ulterjuri tal-livelli ta’ sikurezza offruti minn dawn il-vetturi. Dan huwa f’kunflitt mal-ħtieġa li tingħata protezzjoni aħjar tal-okkupanti tat-tali vetturi minħabba l-kwota li sinfikanti ta' diżgrazzji, u ta’ protezzjoni taċ-ċiklisti u tal-persuni bil-mixi li qed ikunu dejjem aktar involuti f’inċidenti li jwasslu għal korrimenti serji u mwiet fl-ibliet tal-UE 22 .

4.4.Aktar studji li għandhom isiru fil-qasam tas-sikurezza tal-vetturi

Fid-dawl tal-azzjonijiet regolatorji f’reġjuni oħrajn tad-dinja, b’mod partikolari tal-Istati Uniti u tal-Ġappun, il-Kummissjoni tqis li jkun xieraq li jsiru studji li jinvestigaw it-tipi ta’ inċidenti speċifiċi li huma indirizzati f’dawk ir-reġjuni bil-għan li jiġi kkonfermat jekk hemmx okkorrenzi simili fl-UE li jeħtieġu li jingħataw attenzjoni. Tali studji jsiru biex tinkiseb ħarsa ġenerali aġġornata għas-sitwazzjoni tal-UE u sabiex jiġu identifikati l-kontromiżuri li jista’ jkun hemm bżonn li jittieħdu. Dawn l-inċidenti jistgħu jikkonċernaw ħabtiet frontali, ħabtiet laterali, inċidenti ta’ qlib u ħabtiet fuq wara, b’enfasi partikolarifuq l-effetti kkawżati mill-proliferazzjoni ta’ SUVs b’ċentri ta’ gravità ogħla, mases akbar u disinn aggressiv fuq quddiem, marbutin ma’ korrimenti għal okkupanti differenti u vulnerabbli kif ukoll għal nirien f’vetturi li jirriżultaw minn ħabtiet. Fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni mehmuż hija inkluża lista ta’ studji proposti.

4.5.Ħtieġa li titjieb id-disponibbiltà ta’ dejta dettaljata dwar l-inċidenti fl-UE

Għal kull persuna maqtula f’ħabtiet stradali, ħafna aktar persuni jġarrbu korrimenti serji b’konsegwenzi li jbiddlulhom ħajjithom. Il-korrimenti serji mhux biss huma aktar komuni iżda ta' spiss jispiċċaw jiswew aktar lis-soċjetà minħabba l-ħtiġijiet ta’ riabilitazzjoni u ta’ kura tas-saħħa fit-tul tagħhom.

Fil-qalba tal-istrateġija għat-tnaqqis tad-diżgrazzji hemm ir-rekwiżit għal dejta dettaljata ta’ kwalità tajba dwar l-inċidenti. Din id-dejta titqies bħala prerekwiżit fundamentali għall-formulazzjoni u għall-monitoraġġ tal-politika dwar is-sikurezza tat-triq fl-UE. Id-dejta hija meħtieġa biex tiġi vvalutata l-prestazzjoni tas-sikurezza tat-triq u tal-vetturi u biex ikun appoġġjat l-iżvilupp ta’ azzjonijiet ulterjuri. Ħafna snin ilu diġà nstab li ma hemm l-ebda bażi tad-dejta disponibbli dwar l-inċidenti fl-UE li tista’ tissodisfa l-ħtiġijiet kollha u li hemm diskrepanzi kbar, inklużi dawk dwar id-dejta dettaljata fir-rigward tal-kawżi ta’ inċidenti u ta’ korrimenti 23 .

Mill-2015 ’il quddiem, l-Istati Membri bdew jirrapportaw għall-ewwel darba dejta dwar korrimenti serji fuq il-bażi tal-iskala internazzjonali tat-trawmiet MAIS3+ (Maximum Abbreviated Injury Score) li tapplika għal persuni li jkorru serjament. Dan huwa pass importanti fid-direzzjoni t-tajba. Madankollu, hemm bżonn ta’ dibattitu dwar il-ħtieġa li titnieda inzjattiva li tibda l-ġbir ta’ dejta dettaljata dwar l-inċidenti minn madwar l-UE kollha li tista’ tintuża għat-tfassil ta’ politiki fil-qasam tas-sikurezza tat-triq.

Reviżjonijiet ulterjuri tar-regoli dwar is-sikurezza tal-vetturi, kif ukoll kwalunkwe miżura oħra ta’ sikurezza tat-triq, jibbenefikaw minn disponibbiltà akbar ta’ dejta dettaljata preċiża dwar l-inċidenti minn madwar l-UE kollha.

5.Kwistjonijiet ewlenin li jridu jiġu indirizzati fir-reviżjoni u fl-aġġornament possibbli tar-regolamenti

Ġew identifikati erba’ oqsma ewlenin li jikkonsistu f'19-il miżura speċifika biex tissaħħaħ is-sikurezza tal-vetturi. F’dan l-istadju, abbażi tal-analiżi tagħna kif enfasizzat fit-taqsima 4.1 aktar ’il fuq, il-miżuri magħżula tabilħaqq jidhru li huma fattibbli u kosteffettivi, iżda għandhom ikunu soġġetti għal aktar studji. Sabiex jiġi vvalutat bir-reqqa jekk dan huwiex il-każ jew le, il-pass li jmiss għandu jkun li dawn ikunu soġġetti għal aktar dibattitu mal-partijiet ikkonċernati u għal analiżi ulterjuri mill-Kummissjoni, biex eventwalment tinkiseb valutazzjoni inkonfutabbli tal-impatt tagħhom sabiex tabilħaqq isaħħu s-sikurezza tal-vetturi fl-UE.

Ħarsa ġenerali konċiża tal-miżuri fil-mira hija pprovduta fl-oqsma ewlenin ta’ sikurezza tal-vetturi spjegati hawn taħt.

5.1.Miżuri ta’ sikurezza attiva

Dan il-qasam ewlieni jkopri miżuri li għandhom il-ħila li jevitaw għalkollox l-inċidenti minflok ma jnaqqsu l-eżitu tagħhom u, ġeneralment dan jitqies bħala l-aktar qasam importanti fejn għandu jsir progress leġiżlattiv fis-sikurezza tal-vetturi fil-ġejjieni. Il-karatteristiċi tas-sikurezza koperti huma: l-ibbrejkjar awtomatiku f’emerġenza, l-adattament tal-veloċità intelliġenti, l-assistenza fiż-żamma ta’ karreġġati u l-monitoraġġ tal-ħedla u tad-distrazzjoni tas-sewwieq.

5.2.Miżuri ta’ sikurezza passiva

Dan il-qasam ikopri miżuri ta’ mitigazzjoni tal-inċidenti li jikkonsistu fl-introduzzjoni ta’ rekwiżiti ġodda jew fit-tisħiħ ta’ miżuri eżistenti fil-qasam ta’: id-displej ta’ bbrejkjar f'emerġenza (fanali ta’ waqfien li jteptpu), it-tfakkira għaċ-ċinturin ta’ sikurezza, l-ittestjar ta’ ħabtiet frontali, l-ittestjar ta’ ħabtiet laterali, l-ittestjar ta’ ħabtiet fuq wara, l-istandardizzazzjoni tal-interfaċċja tal-apparat li jidentifika l-użu tal-alkoħol, ir-reġistratur tad-dejta f’każ ta’ ħabtiet u s-sistema ta' monitoraġġ tal-pressjoni tat-tajers.

5.3.Trakkijiet u karozzi tal-linja

Il-miżuri kkunsidrati sabiex titjieb is-sikurezza tat-trakkijiet u tal-karozzi tal-linja huma l-introduzzjoni jew it-titjib ta’: id-disinn ta’ quddiem u l-viżjoni diretta, il-protezzjoni tal-qiegħ fuq wara tat-trakkijiet u tat-trejlers (bamper ta’ wara), il-protezzjoni laterali (ilqugħ tal-ġenb) u s-sikurezza kontra n-nirien għall-karozzi tal-linja.

5.4.Sikurezza tal-persuni bil-mixi u taċ-ċiklisti

Fl-aħħar, dan il-qasam jipprevedi l-introduzzjoni ta’ identifikazzjoni ta’ persuni bil-mixi u ta’ ċiklisti (marbuta ma’ sistemi awtomatiċi ta’ bbrejkjar f’emerġenza), il-protezzjoni kontra l-ħbit tar-ras fuq il-pilastri A u fuq il-windskrin ta’ quddiem, kif ukoll l-identifikazzjoni waqt ir-rivers (sewqan b’lura) ta’ persuni wara l-vetturi.

6.Konklużjonijiet

Illum, ir-regoli dwar is-sikurezza tal-vetturi fl-Unjoni Ewropea jikkonsistu f’pakkett komprensiv b’effettività pruvata u rekord ta’ suċċess, kif muri aktar ’il fuq fit-taqsima 3. Il-pjan ta’ azzjoni spjegat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Lejn Żona Ewropea ta’ sikurezza tat-triq: orjentazzjonijiet ta’ politika dwar is-sikurezza tat-triq 2011-2020” 24 ikopri aspetti estensivi li jħallu impatt fuq is-sikurezza tat-triq, b’mod partikolari fuq il-vetturi nfushom, iżda anki fuq l-imġiba tas-sewwieqa u l-infrastruttura tat-toroq. L-evalwazzjoni interim ta’ din il-politika 25 kkonfermat il-progress importanti u tassew sostanzjali li sar fit-tnaqqis tal-imwiet minn inċidenti tat-traffiku. L-istudju kkonkluda wkoll li l-leġiżlazzjoni dwar il-vetturi bil-mutur fil-fatt hija qasam kritiku f’termini tal-impatt fuq it-tnaqqis tad-diżgrazzji.

Dan ir-Rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jipprovdi ħarsa ġenerali komprensiva u jipproponi t-triq ’il quddiem fir-rigward tas-sikurezza mtejba tal-vetturi għall-benefiċċju ta’ dawk kollha li jużaw it-triq, jiġifieri, iċ-ċittadini kollha tal-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni rrevediet il-miżuri li jistgħu jipprovdu titjib inkrementali iżda sinifikanti biex jindirizzaw firxa ta’ problemi relatati mas-sikurezza tal-vetturi. Il-Kummissjoni se tikkunsidra liema minnhom jistgħu jiddaħħlu fil-leġiżlazzjoni wara l-valutazzjonijiet xierqa tal-impatt tal-ispejjeż u tal-benefiċċji inkluża kunsiderazzjoni għall-impatt kumulattiv fuq il-kompetittività tal-industrija tal-UE u skeda ta’ żmien raġonevoli li tippermetti l-adattament mill-industrija.

Kwalunkwe rekwiżit ġdid dwar is-sikurezza tal-vetturi għat-toroq Ewropej għandu jkattar aktar innovazzjoni u investiment sabiex jinħolqu impjiegi ta’ kwalità fl-UE u tissaħħaħ il-kompetittività tal-industriji tal-UE. Għandu jsaħħaħ ukoll l-impenn tal-Unjoni sabiex tikseb tnaqqis robust fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra bħala parti mill-istrateġija tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

(1)  "Ex post evaluation of the European Road Safety Action Programme (2001-2010)" – http://ec.europa.eu/transport/facts-fundings/evaluations/doc/2010_road_safety.pdf, "Interim evaluation of the Policy orientations on road safety 2011-2020" – http://ec.europa.eu/transport/facts-fundings/evaluations/doc/interim-road-safety-evaluation-report-final8june15.pdf
(2)  http://europa.eu/rapid/press-release_IP-16-863_mt.htm
(3)  http://ec.europa.eu/transport/themes/its/road/application_areas/vehicle_safety_systems_en.htm
(4)  http://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php/Causes_of_death_statistics
(5) http://ec.europa.eu/transport/road_safety/pdf/observatory/trends_figures.pdf
(6)  http://europa.eu/rapid/press-release_IP-16-863_mt.htm
(7) KUMM(2010) 389 finali
(8)  Distribuzzjoni tal-fatalitajiet skont il-modalità ta’ trasport fl-UE fl-2013 (dejta skont CARE)
(9) Sors: Rapport tal-2002 tal-Grupp ta’ Ħidma tal-eSafety
(10) COM(2012) 636 final
(11) https://webgate.ec.testa.eu/docfinder/extern/aHR0cDovLw==/ZXVyLWxleC5ldXJvcGEuZXU=/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52010DC0389&rid=1
(12)  http://ec.europa.eu/transport/road_safety/pdf/studies/eldersafe_final_report.pdf
(13)  http://ec.europa.eu/transport/road_safety/specialist/knowledge/pdf/vehicles.pdf
(14)  WHO, "Global status report on road safety 2015", Taqsima 3
(15) L-evalwazzjoni tal-Orjentazzjonijiet ta’ Politika tal-UE dwar is-Sikurezza tat-Triq 2011-2020 ikkonkludiet li “il-leġiżlazzjoni dwar is-sikurezza tal-vetturi bil-mutur, b’mod partikolari, implimentata qabel l-2011 aktarx li qiegħda tagħti kontribut kbir għat-tnaqqis fl-imwiet u għall-korrimenti serji fil-pajjiżi kollha tal-UE 28 fil-perjodu fil-mira attwali. Dan il-qasam ta’ attività huwa bil-bosta l-aktar wieħed effiċjenti u effettiv mill-attivitajiet kollha tal-Kummissjoni dwar is-sikurezza tat-triq, u jżid l-aktar valur għal dak li jistgħu jiksbu l-Istati Membri” - http://ec.europa.eu/transport/road_safety/pdf/ study_final_report_february_2015_final.pdf
(16)  Bidla perċentwali fin-numru ta’ fatalitajiet skont il-modalità ta’ trasport fl-2013 (dejta skont CARE)
(17) ĠU L 200, 31.07.2009, p. 1
(18) ĠU L 35, 4.2.2009, p. 1
(19)  http://bookshop.europa.eu/mt/benefit-and-feasibility-of-a-range-of-new-technologies-and-unregulated-measures-in-the-field-of-vehicle-occupant-safety-and-protection-of-vulnerable-road-users-pbNB0714108/
(20)  Il-Euro NCAP huwa programm volontarju Ewropew ta’ valutazzjoni tal-prestazzjoni tas-sikurezza tal-karozzi appoġġjat mill-Kummissjoni Ewropea u minn diversi gvernijiet Ewropej, kif ukoll minn organizzazzjonijiet tal-vetturi u tal-konsumaturi. Il-Euro NCAP jippubblika rapporti dwar is-sikurezza fuq karozzi ġodda, u jagħti “klassifikazzjoni bi stilel” ibbażata fuq il-prestazzjoni tal-vettura f’firxa ta’ testijiet ta’ ħbit, inklużi l-impatti frontali, laterali u ma’ arbli, u l-impatti ma’ persuni bil-mixi. L-aqwa klassifikazzjoni hija ta’ ħames stilel.
(21)  http://www.euroncap.com/en/about-euro-ncap/how-to-read-the-stars
(22)  Distribuzzjoni tal-fatalitajiet skont il-modalità ta’ trasport fl-UE fl-2013 meta mqabbla mal-2011 (dejta skont CARE)
(23)  ETSC (2001)
(24) https://webgate.ec.testa.eu/docfinder/extern/aHR0cDovLw==/ZXVyLWxleC5ldXJvcGEuZXU=/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52010DC0389&rid=1
(25) COM(2015) 116 final