Brussell, 30.11.2016

COM(2016) 760 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Evalwazzjoni tad-Direttiva 2009/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar l-issimplifikar tat-termini u l-kundizzjonijiet tat-trasferimenti ta’ prodotti relatati mad-difiża fil-Komunità

{SWD(2016) 398 final}


Evalwazzjoni tad-Direttiva 2009/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar l-issimplifikar tat-termini u l-kundizzjonijiet tat-trasferimenti ta’ prodotti relatati mad-difiża fil-Komunità

1.Introduzzjoni

Id-Direttiva 2009/43/KE 1  ġiet adottata fis-6 ta’ Mejju 2009 u għandha l-għan li ttejjeb il-funzjonament tas-suq Ewropew tat-tagħmir ta’ difiża, tippromwovi l-integrazzjoni tal-katina ta’ provvista tad-difiża tal-UE u żżid is-sigurtà tal-provvista, billi tissimplifika r-regoli u l-proċeduri għat-trasferimenti intra-UE ta’ prodotti relatati mad-difiża.

Skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament u lill-Kunsill dwar ir-reviżjoni tal-implimentazzjoni tad-Direttiva. Jekk ikun meħtieġ, ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn proposta leġiżlattiva. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni evalwat id-Direttiva biex tistabbilixxi jekk intlaħqux l-objettivi tad-Direttiva u jekk iva sa liema punt dawn intlaħqu, inkluż fir-rigward tal-funzjonament tas-suq intern. Kif meħtieġ fl-Artikolu 17, il-Kummissjoni rrevediet l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ewlenin kollha tad-Direttiva, inkluż dawk dwar iċ-ċertifikazzjoni (Artikolu 9), il-limitazzjonijiet tal-esportazzjonijiet (Artikolu 10), il-proċeduri doganali (Artikolu 11), l-iskambju tal-informazzjoni (Artikolu 12), il-miżuri ta’ salvagwardja (Artikolu 15).

Kif meħtieġ fl-Artikolu 17, il-Kummissjoni evalwat l-impatt tad-Direttiva fuq l-iżvilupp ta’ suq Ewropew tat-tagħmir għad-difiża (EDEM) u l-bażi industrijali u teknoloġika tad-difiża Ewropea (EDTIB), inkluż fir-rigward tal-SMEs. L-evalwazzjoni tad-Direttiva qiegħda sseħħ tliet snin biss wara l-iskadenza tat-traspożizzjoni, u dan jagħmilha diffiċli biex jiġi vvalutat jekk l-objettivi fit-tul tad-Direttiva jkunux inkisbu. Pjuttost, din l-evalwazzjoni tiffoka fuq l-implimentazzjoni tad-Direttiva u jekk hijiex fit-triq it-tajba biex tissodisfa l-objettivi stabbiliti tagħha.

Biex tappoġġja l-ħidma tagħha, il-Kummissjoni kkuntrattat studju estern 2 biex tanalizza l-implimentazzjoni tad-Direttiva u tevalwa l-funzjonament tagħha.

L-evalwazzjoni ġabret u analizzat data minn awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri, kumpaniji tad-difiża, assoċjazzjonijiet tal-industrija u partijiet ikkonċernati oħra. Sabiex jiġi mitigat in-nuqqas ta’ data disponibbli u r-rispons batut fil-konsultazzjoni pubblika, ġiet organizzata sensiela ta’ workshops għall-partijiet ikkonċernati madwar l-Ewropa kollha. L-Istati Membri kollha, b’mod partikolari l-pajjiżi LoI 3 , u l-assoċjazzjonijiet tal-industrija pprovdew kontribut u rispons addizzjonali dwar is-sejbiet preliminari. Il-miżuri ta’ segwitu proposti ġew diskussi mill-Kumitat għat-Trasferimenti tal-UE ta’ Prodotti relatati mad-Difiża stabbilit skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva u ma’ rappreżentanti tal-industrija.

Dan ir-rapport jippreżenta s-sejbiet ewlenin tal-evalwazzjoni u proposta għat-triq ’il quddiem. Ir-rapport huwa akkumpanjat minn dokument ta’ ħidma tal-persunal li jistabbilixxi riżultati aktar dettaljati tal-evalwazzjoni.

2.L-għan u d-dispożizzjonijiet ewlenin tad-Direttiva

Qabel id-Direttiva, il-politika dwar il-liċenzjar tal-Istati Membri ma kinitx tiddistingwi sew bejn esportazzjonijiet ta’ dawn il-prodotti barra mill-UE u ċ-ċirkolazzjoni tagħhom fi ħdanha. Fiż-żewġ sitwazzjonijiet, il-fornituri kellhom japplikaw għall-istess tip ta’ liċenzja individwali. Dawn il-liċenzji kienu vvalutati b’mod pożittiv fi kważi l-każijiet kollha ta’ trasferimenti fi ħdan l-UE.

Fid-dawl ta’ dan, id-Direttiva introduċiet għodod biex tissimplifika l-moviment ta’ prodotti tad-difiża fi ħdan is-suq tal-UE. Il-moviment ta’ prodotti relatati mad-difiża bejn Stati Membri jirrikjedi awtorizzazzjoni minn qabel fil-pajjiż fornitur, fejn liċenzja waħda biss hija meħtieġa għat-trasferiment intra-UE kollu, jiġifieri mingħajr il-ħtieġa ta’ awtorizzazzjoni oħra għall-passaġġ minn jew id-dħul fi Stat Membru ieħor. Madankollu, id-Direttiva tippermetti wkoll lill-Istati Membri jeżentaw trasferimenti mill-obbligu tal-awtorizzazzjoni minn qabel f’sitwazzjonijiet speċifiċi, eż.:

fejn il-fornitur jew ir-riċevitur ikun korp governattiv jew parti mill-forzi armati;

il-fornimenti jsiru mill-UE, in-NATO, l-IAEA jew organizzazzjonijiet intergovernattivi oħra għall-eżerċizzju tal-kompiti tagħhom;

bħala parti minn programmi ta’ armamenti kooperattivi bejn l-Istati Membri jew għajnuna umanitarja.

Id-Direttiva stabbiliet tliet tipi ta’ liċenzji ta’ trasferiment intra-UE:

Liċenzji Ġenerali ta’ Trasferiment (GTL). Dawn huma “liċenzji miftuħa”, jiddependu fuq verifika ex post u jkopru firxa determinata minn qabel ta’ prodotti għal riċevituri speċifikati jew għal għan speċifiku. L-ebda talba minn qabel mhija meħtieġa. Madankollu, il-fornituri jridu jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tagħhom meta jkollhom l-intenzjoni li jużaw GTL għall-ewwel darba.

Liċenzji Globali ta’ Trasferiment (GloTL). Dawn jiddependu fuq verifika ex ante u jippermettu diversi konsenji ta’ kategorija ta’ prodotti taħt l-istess liċenzja lejn riċevitur wieħed jew aktar fi Stati Membri oħra tul perjodu ta’ żmien speċifikat;

Liċenzji Individwali ta’ Trasferiment (ITL). Dawn huma għal trasferiment wieħed ta’ kwantità speċifikata ta’ prodotti speċifikati lil riċevitur wieħed fi Stat Membru ieħor.

Id-Direttiva tirrikjedi li tal-inqas erba’ tipi ta’ GTL jiġu pubblikati fl-Istati Membri, għal trasferimenti: (i) lil forzi armati; (ii) lil ċerti intrapriżi tad-difiża; (iii) għall-finijiet tad-dimostrazzjoni, l-evalwazzjoni jew il-wiri; (iv) għat-tiswija jew il-manutenzjoni.

It-tieni tip ta’ GTL tista’ tintuża biss minn fornitur jekk ir-riċevitur tal-prodotti relatati mad-difiża jkun ċertifikat skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva. Aktar rekwiżiti huma stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni dwar iċ-ċertifikazzjoni 4 . Iċ-ċertifikazzjoni tiżgura l-affidabilità tar-riċevitur lejn l-awtorità ta’ kontroll tal-esportazzjoni fl-Istat Membru responsabbli għall-ħruġ tal-GTL verifikata ex post. Tagħti prova li l-intrapriża għandha fis-seħħ is-sistema interna u l-persunal meħtieġa biex tikkonforma mar-regoli tal-kontroll tal-esportazzjoni. Il-Kummissjoni ħolqot reġistru ċentrali tar-riċevituri ċertifikati mill-Istati Membri, imsejjaħ CERTIDER, li huwa aċċessibbli għall-pubbliku 5 .

Skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva, meta r-riċevituri tat-trasferimenti ta’ prodotti relatati mad-difiża japplikaw għal liċenzja ta’ esportazzjoni, iridu jiddikjaraw lill-awtoritajiet kompetenti kwalunkwe limitazzjoni tal-esportazzjoni stabbilita mil-liċenzja ta’ trasferiment oriġinali u li jkunu kkonformaw magħhom (inkluż, fejn meħtieġ, l-akkwist ta’ kunsens mill-Istat Membru tal-oriġini). Skont l-Artikolu 11, l-esportaturi jridu jipprovdu lill-uffiċċji doganali bi kwalunkwe liċenzja ta’ esportazzjoni meħtieġa. Dak l-Artikolu jippermetti wkoll lil Stat Membru, f’ċirkostanzi speċifiċi, jissospendi l-esportazzjoni mit-territorju tiegħu ta’ prodotti relatati mad-difiża li jaslu minn Stat Membru ieħor taħt liċenzja tat-trasferiment u inkorporati fi prodotti relatati mad-difiża oħra jew, jekk ikun meħtieġ, jipprevjeni b’mezzi oħra lil dawn il-prodotti milli jħallu l-UE permezz tat-territorju tiegħu. L-Artikolu 12 jirreferi għall-kooperazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-aworitajiet nazzjonali kompetenti. L-Artikolu 15 jindirizza miżuri ta’ salvagwardja bil-għan li tiġi verifikata l-konformità tar-riċevitur minn Stati Membri oħra fejn ikun hemm tħassib.

Il-kamp ta’ applikazzjoni materjali tad-Direttiva huwa definit minn lista ta’ prodotti relatati mad-difiża, stabbilita fl-Anness tagħha.

3.Traspożizzjoni u implimentazzjoni

Id-Direttiva daħlet fis-seħħ fl-2009 u kellha tiġi trasposta sat-30 ta’ Ġunju 2011. Ilha tapplika mit-30 ta’ Ġunju 2012. Sal-lum, l-Istati Membri kollha ttrasponewha, għalkemm xi wħud b’xi dewmien. Sal-2012, 20 Stat Membru biss innotifikaw lill-Kummissjoni bil-miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni 6 .

L-adozzjoni ta’ opzjonijiet ġodda ta’ liċenzjar u ċertifikazzjoni sar aktar bil-mod milli kien antiċipat. Skont l-informazzjoni disponibbli, 19-il Stat Membru biss ippubblikaw il-GTLs rikjesti mid-Direttiva, fejn tal-inqas tnejn minnhom għadhom fil-preżent ma joffru l-ebda GTL u tal-inqas erbgħa minnhom ma joffrux l-erba’ tipi ta’ GTLs. Barra minn hekk, madwar nofs l-Istati Membri għad m’għandhomx l-esperjenza bil-proċessi ta’ ċertifikazzjoni (jiġifieri l-ebda kumpanija ċertifikata) u tal-inqas wieħed għad irid jintroduċi skema operabbli għalkollox għaċ-ċertifikazzjoni ta’ intrapriżi tad-difiża 7 . Minbarra dan, il-punt sa fejn ġew adottati eżenzjonijiet possibbli minn awtorizzazzjoni minn qabel ivarja b’mod sinifikanti bejn l-Istati Membri, għalkemm it-traspożizzjoni tal-eżenzjonijiet mhijiex obbligatorja skont id-Direttiva.

Id-differenzi fir-rigward ta’ kif ġiet trasposta d-Direttiva huma ostakli ewlenin għall-applikazzjoni effettiva tagħha, kif analizzat hawn taħt. Din irriżultat f':

applikazzjoni bil-mod jew mhux kompleta fl-Istati Membri individwali;

nuqqas ta’ armonizzazzjoni ġenerali fir-rekwiżiti u l-proċeduri bejn l-Istati Membri;

kundizzjonijiet u limitazzjonijiet differenti ħafna f’GTLs ippubblikati mill-Istati Membri.

4.Riżultati ewlenin tal-evalwazzjoni

a.L-effikaċja tad-Direttiva - L-adozzjoni, b’mod ġenerali, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ewlenin u l-ostakli għal applikazzjoni effettiva

L-użu tal-GloTL u l-GTL, l-għodod ewlenin il-ġodda tad-Direttiva, żdied mill-applikazzjoni tagħha. Madankollu, l-użu għadu lura milli jissodisfa l-aspettattivi inizjali identifikati fil-Valutazzjoni tal-Impatt u hemm varjazzjonijiet sinifikanti fl-Istati Membri kollha.

Pereżempju, matul l-2012-2014, fil-21 Stat Membru nħarġu bejn 500 u 600 GloTL kull sena (għal dawn il-pajjiżi hija disponibbli data kompleta). Madankollu, ħames Stati ma ħarġu l-ebda GloTL matul il-perjodu ta’ valutazzjoni, filwaqt li erbgħa ħarġu kważi 200 GloTL kull wieħed, jew aktar.

Fil-każ tal-GTL, fl-24 Stat Membru b’data kompleta kien hemm 1 475 notifika tal-ewwel użu matul il-perjodu ta’ valutazzjoni, għalkemm b’varjazzjoni konsiderevoli: 11-il Stat Membru ma rreġistraw l-ebda notifika, filwaqt li tlieta kellhom aktar minn 100 notifika. In-numru ta’ tranżazzjonijiet taħt GTLs kiber b’mod sinifikanti maż-żmien (għalkemm tmien Stati Membri biss setgħu jipprovdu data dwar dan). Fil-Ġermanja, pereżempju, l-għadd ta' tranżazzjonijiet ta’ GTL rapportati żdiedu minn 71 (2012) għal 1 769 (2013) għal 4 884 (2014).

Xejriet differenti japplikaw ukoll fir-rigward tal-erba’ GTLs stipulati mid-Direttiva. Notifiki tal-ewwel użu għal GTL għad-dimostrazzjoni u t-tiswija, urew rata tat-tkabbir dejjem tiżdied, filwaqt li r-rata tat-tkabbir għal GTL għall-forzi armati qiegħda tonqos. GTL għal riċevituri ċertifikati kien l-uniku każ fejn ir-reġistrazzjonijiet fil-fatt naqqsu mill-2013 għall-2014. Il-GTL imsemmija l-aħħar kellha l-użu l-aktar baxx meta mqabbla mat-tliet GTLs l-oħra.

Il-maġġoranza l-kbira tat-trasferimenti (~89 %) għandom qed isiru permezz ta’ ITLs, filwaqt li proporzjon żgħir biss involva GloTL (<5 %) u GTL (<10 %). Kien maħsub li l-ITLs jiġu sostitwiti minn għodod ġodda, iżda xorta waħda jibqgħu l-forma ewlenija ta’ awtorizzazzjoni tat-trasferiment fl-Ewropa.

L-użu ta’ eżenzjonijiet minn awtorizzazzjoni minn qabel ivarja b’mod sinifikanti: xi Stati Membri jużaw il-possibbiltajiet kollha għal eżenzjonijiet offruti mid-Direttiva, xi wħud jużaw ftit opzjonijiet biss u xi wħud ma jużaw l-ebda opzjoni.

Iċ-ċertifikazzjoni, li hija mmirata prinċipalment lejn l-integraturi (u mhux għall-fornituri komponenti), kienet addottata aktar bil-mod u b'mod anqas milli mistenni. Għalkemm in-numru ta’ kumpaniji ċertifikati żdied b’mod regolari mill-2012, 55 kumpanija biss ġew iċċertifikati madwar l-Ewropa. Biss biss, nofshom jinsabu f’żewġ Stati Membri: il-Ġermanja (14) u Franza (12), filwaqt li nofs l-Istati Membri m’għandhom l-ebda kumpanija ċertifikata. Il-proċess ta’ ċertifikazzjoni huwa kkunsidrat mill-industrija bħala għali u li jieħu ż-żmien. Il-proporzjon kostijiet-benefiċċji 8 perċepit mill-intrapriżi ċertifikati jiddgħajjef b’mod inevitabbli mill-adozzjoni baxxa ta’ GTLs minn sħab kummerċjali ta’ intrapriżi ċertifikati. F’xi każijiet, il-fornitur ikun fi Stat Membru fejn it-tip speċifiku ta’ GTL għal riċevituri ċertifikati ma jkunx disponibbli jew ikollu restrizzjonijiet stretti f’termini ta’ kundizzjonijiet ta’ liċenzja (pereżempju fir-rigward ta’ riesportazzjoni).

Barra minn hekk, differenzi fl-implimentazzjoni tal-iskema ta’ ċertifikazzjoni jistgħu jfixklu l-adozzjoni tagħha, minħabba li toħloq konfużjoni u inċertezza fl-industrija. Il-kumpaniji jistgħu jippreferu japplikaw proċeduri familjari li għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom qabel id-Direttiva aktar milli l-proċess pjuttost strinġenti ta’ ċertifikazzjoni.

L-evalwazzjoni identifikat numru ta’ ostakli għall-applikazzjoni effettiva tad-Direttiva, li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tagħha jew mit-traspożizzjoni tagħha. Problema ewlenija indikata mill-partijiet ikkonċernati kienet in-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fl-implimentazzjoni tal-GTLs fl-Istati Membri kollha. Il-GTLs ippubblikati mill-Istati Membri jvarjaw b’mod sinifikanti f’termini ta’ prodotti u komponenti li jistgħu jiġu trasferiti taħt il-GTL u l-kundizzjonijiet għat-trasferiment tagħhom. Dan inaqqas l-attraenza tagħhom għall-industrija. Ostaklu ieħor huwa l-bidla ta’ responsabbiltà (minn awtoritajiet għal operaturi ekonomiċi), li jfisser li GTLs ġodda huma perċepiti bħala riskju ogħla, b’mod speċjali mill-SMEs. Ostaklu ewlieni għaċ-ċertifikazzjoni huwa r-rekwiżit ta’ responsabbiltà personali għal eżekuttivi fuq kontroll ta’ esportazzjoni/trasferiment.

Ostaklu ieħor huwa l-għarfien ta’ livell baxx, b’mod partikolari fost l-SMEs, tal-għodod disponibbli skont id-Direttiva u l-benefiċċji tagħhom fl-industrija kollha fi ħdan Stati Membri individwali. Pereżempju, kumpanji jistgħu jnaqqsu l-ħin u l-piż amministrattiv billi jużaw GTLs biex jittrasferixxu provvisti lil intrapriża ċertifikata.

Restrizzjoni indiretta oħra għaċ-ċirkolazzjoni ta’ prodotti relatati mad-difiża fl-UE tirriżulta mis-sistema tal-kontrolli tal-esportazzjoni tal-Istati Membri, irregolata mill-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK 9 . L-Istati Membri għandhom it-tendenza li jipprojbixxu esportazzjonijiet sussegwenti fil-GTLs nazzjonali tagħhom, u dan jagħmel lil dan l-istrument inqas attraenti għall-industrija.

B’mod ġenerali, id-Direttiva għandha għanijiet ambizzjużi, li jirrikjedu li jinbidlu modi tax-xogħol li xi kultant ikunu ilhom stabbiliti u jkunu laħqu rabbew l-għeruq. L-applikazzjoni b’suċċess tagħha kienet aġevolata f'dawk l-Istati Membri fejn it-tibdil għall-iskema ta’ liċenzjar eżistenti kien minimu (eż. fejn diġà kien hemm fis-seħħ sistema ta’ liċenzjar miftuħa), fejn kien hemm interess qawwi u għarfien tajjeb tat-tibdil li kien qed iseħħ u fejn kienu disponibbli informazzjoni u pariri biex tiġi appoġġjata t-tranżizzjoni. Madankollu, billi f'xi Stati Membri għad iridu jiġu implimentati l-elementi ewlenin tad-Direttiva, l-applikazzjoni effettiva tagħha fl-UE kollha diffiċli tiġi valutata.

Il-Kumissjoni rċeviet xi indikazzjonijiet vagi mill-industrija dwar id-diffikultajiet prattiċi fir-rigward tal-proċedura doganali stabbilita fl-Artikolu 11 tad-Direttiva. Madankollu, l-istudju ta’ evalwazzjoni għadu ma stabbilixxa l-ebda evidenza f’dan ir-rigward.

Ma ġiet identifikata l-ebda kwistjoni speċifika rigward l-implimentazzjoni tal-Artikoli 10, 12 u 15.

b. Impatt fuq is-suq Ewropew tat-tagħmir għad-difiża u l-bażi industrijali u teknoloġika tad-difiża Ewropea

Filwaqt li d-Direttiva tipprovdi qafas għall-armonizzazzjoni u għenet biex jinħolqu sistemi ta’ liċenzjar nazzjonali strutturati b’mod simili, il-fatt li għad hemm essenzjalment 28 sistema ta’ liċenzjar differenti fl-Ewropa kollha huwa suffiċjentement miftuħ u flessibbli għall-interpretazzjoni. Eżempju li juri dan huwa l-interpretazzjoni nazzjonali differenti ta’ “prodotti inqas sensittivi” li trid tiġi inkluża fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-GTLs. Dan u oqsma oħra ta’ differenza fl-applikazzjoni ma jikkontribwixxux għall-kisba ta’ EDEM miftuħ.

Huwa diffiċli li jiġi valutat l-impatt tad-Direttiva fuq l-iżvilupp tal-EDTIB u l-EDEM. Fil-maġġoranza tal-Istati Membri, it-trasferimenti huma parti minuri, iżda mhux negliġibbli, tal-kummerċ globali tad-difiża. Fl-2013, it-trasferimenti ammontaw għal 26 % tal-kummerċ globali tad-difiża.

Minħabba li d-Direttiva sa issa ilha tapplika biss għal perjodu ta’ żmien qasir, għadna ma nistgħux naraw impatt fuq l-iżvilupp tal-EDTIB. B’mod ġenerali, jinħtieġ aktar żmien biex inkunu nistgħu naraw dawn il-benefiċċji.

Barra minn hekk, fatturi oħra għandhom impatt qawwi, bħat-tnaqqis b’mod regolari fl-investiment tad-difiża 10 fl-UE, mill-kriżi finanzjarja u ekonomika. Għall-kuntrarju tal-aspettattivi, xi partijiet ikkonċernati indikaw li dan ikkontribwixxa għar-rinazzjonalizzazzjoni ta’ katini ta’ provvista, li jmur kontra l-objettivi oriġinali tad-Direttiva lejn id-deframmentazzjoni tas-swieq.

Barra minn hekk, in-negozju tad-difiża huwa karatterizzat minn ċikli u tibdil li mhux neċessarjament iseħħu b’mod regolari u normalment ikollhom aktar minn raġuni waħda. Għaldaqstant irridu nkunu attenti ħafna meta nattribwixxu kwalunkwe bidla għad-Direttiva, li ilha fis-seħħ għal tliet snin (jew inqas f’xi Stati Membri). Barra minn hekk, katini ta’ provvista ġeneralment jinbidlu bil-mod. Għal kuntrattur primarju, jinħtieġu raġuni tajba u żmien biex jinbidlu l-fornituri. Is-simplifikazzjoni tal-proċeduri ta’ trasferiment mhijiex meqjusa bħala raġuni waħedha tajba biżżejjed biex tiġi kontemplata din il-bidla.

Xi awtoritajiet kompetenti enfasizzaw li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva, imperfetti kemm huma imperfetti, jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-kumpaniji u jwasslu b’mod ġenerali għal aktar produttività billi jnaqqsu l-piż amministrattiv. L-impatt pożittiv fuq l-EDTIB jidher primarjament f’pajjiżi iżgħar. Diversi rispondenti semmew ukoll li suq intern għal tagħmir (inqas sensittiv) ġie faċilitat, iżda oġġetti ta’ teknoloġija avvanzata għadhom esklużi minnu.

Il-perspettiva globali fir-rigward tal-kompetittività, b’mod partikolari l-iżviluppi transatlantiċi, għandha rwol ukoll. Ħafna kumpaniji tad-difiża jħossu li r-riformi riċenti tal-kontroll tal-esportazzjoni tal-UE, li ffaċilitaw l-esportazzjonijiet ta’ numru ta’ prodotti u komponenti tad-difiża, poġġew lill-kumpaniji tal-Istati Uniti u Ewropej fuq livell mhux ugwali, filwaqt li pprovdew vantaġġ regolatorju lill-esportaturi tal-Istati Uniti.

Bl-istess mod, id-Direttiva kellha effett pożittiv minuri fuq is-sigurtà tal-provvista tal-prodotti relatati mad-difiża. Tista’, madankollu, tikkontribwixxi għal aktar sigurtà tal-provvista billi żżid it-trasparenza, jiġifieri billi jkunu jafu s-sistemi ta’ liċenzjar ta’ Stati Membri oħra, l-akkwirenti jew ix-xerrejja jistgħu jserrħu moħħhom dwar l-affidabilità ta’ provvisti minn Stati Membri oħra. L-użu ta’ GTLs minflok ma ssir applikazzjoni għal ITLs jista’ jnaqqas il-ħin u l-piżijiet amministrattivi u jżid il-flessibilità (fuq iż-żewġ naħat tal-katina ta’ provvista, fil-każ ta’ GTL għal riċevituri ċertifikati).

c.L-effiċjenza

Għad m’hemmx opinjoni ċara dwar l-impatt globali tad-Direttiva fuq il-kostijiet għall-partijiet differenti involuti. Madankollu, l-indikazzjonijiet inizjali u l-evidenza aneddottali jissuġġerixxu li se jkun hemm tnaqqis fil-kostijiet. L-awtoritajiet kompetenti raw kostijiet sinifikanti marbuta mal-istabbiliment inizjali, iżda qed jistennew li dawn jiġu kkumpensati waħda u sew bi tnaqqis fil-kostijiet ta’ kuljum meta n-negozji jibdew jgħaddu dejjem aktar minn ITL għal GloTL u GTL. In-negozji esperjenzaw ukoll xi kostijiet saħansitra qabel ġew stabbiliti, kostijiet marbuta mal-familjarizzazzjoni u l-adattament għal sistemi ġodda, iżda qed jistennew li permezz tal-liċenzji l-ġodda issa se jkunu qed jiffrankaw il-ħin u l-flus.

L-użu ta’ GloTLs u GTLs qiegħed jiżdied u maż-żmien dan għandu jnaqqas b’mod aktar sinifikanti l-użu ta’ ITLs u għaldaqstant ikompli jnaqqas il-kostijiet, inkluż il-piż amministrattiv. Aktar familjarità, proċessi u ekonomiji ta’ skala integrati aħjar jistgħu jikkontribwixxu wkoll għal żieda fil-benefiċċji maż-żmien.

Filwaqt li l-applikazzjoni inizjali tad-Direttiva involviet sforz u kostijiet sinifikanti kemm għall-awtoritajiet kompetenti kif ukoll għall-kumpaniji, l-evidenza kollha tissuġġerixxi li dawn id-domandi kienu affordabbli. Bl-istess mod, l-ispejjeż diretti tal-iskema ta’ liċenzjar il-ġdida jidhru li huma aktar affordabbli mill-opzjonijiet preeżistenti. Jista’ jiġi kkunsidrat, b’mod ġenerali, li d-Direttiva hija fit-triq it-tajba biex tikseb tnaqqis utli fil-kostijiet, inkluż tnaqqis fil-piż amministrattiv, fuq medda twila ta’ żmien.

Il-qasam ewlieni fejn il-kostijiet ma jinħassux bħala proporzjonati huwa ċ-ċertifikazzjoni, fejn għalissa l-partijiet ikkonċernati jaraw benefiċċji potenzjali limitati ħafna minn din l-opzjoni. Nuqqas ta’ inċentivi qed jikkontribwixxi għan-numru baxx ta’ intrapriżi ċertifikati u għall-adozzjoni u l-użu limitati assoċjati tal-GTLs għal intraprizi ċertifikati.

d.Konsistenza u koerenza

L-Artikolu 13 tad-Direttiva jiddikjara li l-lista ta’ prodotti relatati mad-difiża, stabbilita fl-Anness tagħha, trid tikkorrispondi b’mod strett mal-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea (CML), 11 aġġornata kull sena mill-Kunsill. Madankollu, huma meħtieġa diversi xhur biex l-Anness jiġi emendat biex jirrifletti emendi għas-CML, u l-lista aġġornata ta’ prodotti relatati mad-difiża trid imbagħad tiġi trasposta mill-Istati Membri. Għalhekk, mhuwiex probabbli li l-leġiżlazzjoni nazzjonali u b’mod partikolari l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ prodotti taħt kontroll jirriflettu s-CML attwali fi kwalunkwe żmien partikolari u jistgħu jkunu differenti wkoll minn dawk f’pajjiżi differenti. Dan joħloq konfużjoni għall-industrija dwar liema lista ta’ prodotti tapplika għall-kontroll tal-esportazzjonijiet versus, jew trasferimenti minn Stati Membri differenti, u jwassal għal inċertezza legali. Dan jimmina ċ-ċirkolazzjoni effettiva ta’ prodotti militari fl-UE u konsegwentement jimpedixxi l-użu ta’ għodod simplifikati bħall-GTLs.

Ħafna kategorji tal-prodotti fl-Anness jaqgħu taħt il-liċenzjar tat-trasferiment sal-punt li huma ddisinjati apposta għall-użu militari. Minħabba li ma hemm l-ebda definizzjoni komuni ta’ “iddisinjati apposta għall-użu militari”, l-industrija tiffaċċja approċċi differenti fl-Istati Membri individwali fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ trasferimenti ta’ prodotti relatati mad-difiża.

Hemm diversi każijiet ta’ trikkib jew konsistenzi potenzjali u pjuttost limitati bejn id-Direttiva u leġiżlazzjoni oħra dwar prodotti relatati mad-difiża jew trasferimenti intrakomunitarji, bħar-Regolament dwar l-Armi tan-Nar 12 , id-Direttiva dwar l-Armi tan-Nar 13 , it-Trattat tan-NU dwar il-Kummerċ tal-Armi tal-2013, ir-Regolament dwar l-Użu Doppju 14 , u l-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK. Dawn il-kontroreferenzi bejn id-Direttiva u r-Regolament dwar l-Armi tan-Nar se jiġu indirizzati meta din tal-aħħar tiġi evalwata. Ma ġiet identifikata l-ebda inkoerenza mad-Direttiva dwar l-Akkwist Pubbliku fil-Qasam tad-Difiża 15 .

Fl-aħħar nett, xi wħud mill-awtoritajiet kompetenti enfasizzaw li huwa importanti li t-trikkib u l-inkoerenza jiġu kontinwament ikkunsidrati mill-ġdid billi hemm evoluzzjonijiet kostanti fl-oqfsa legali differenti, kemm fi ħdan l-UE kif ukoll internazzjonalment.

e.Ir-rilevanza u l-valur miżjud tal-UE

L-evalwazzjoni kkonfermat li l-objettivi oriġinali kollha tad-Direttiva għadhom validi fl-Ewropa llum. Dawn huma għanijiet fuq terminu twil, li għalihom id-Direttiva pprovdiet kontribuzzjoni inizjali. Issa jinħtieġ aktar sforz biex id-Direttiva tiġi implimentata għalkollox u biex tittejjeb l-applikazzjoni prattika u armonizzata tagħha sabiex tkompli titnaqqas il-frammentazzjoni tas-swieq Ewropej tad-difiża.

Qabel l-adozzjoni tad-Direttiva, kull Stat Membru kellu r-reġim tiegħu biex jikkontrolla trasferimenti ta’ prodotti relatati mad-difiża, għalkemm kienet ħarġet xejra multinazzjonali, pereżempju fil-forma ta’ kooperazzjoni LoI. L-approċċi nazzjonali differenti, jew inizjattivi multilaterali sub-Ewropej, għamlu ftit progress (limitat), iżda probabbilment ma kinux ambizzjużi daqs id-Direttiva fl-attentat tar-ristrutturar tar-reġim tat-trasferimenti madwar l-Ewropa jew biex kisbu l-istess progress lejn l-indirizzar tal-ħtiġijiet u r-riskji identifikati. Għalhekk, l-approċċ Ewropew huwa aktar probabbli li jikkontribwixxi għall-kisba tal-objettivi tad-Direttiva, għalkemm il-firxa tal-applikazzjoni attwali tagħha tonqos milli tikseb dawk l-objettivi.

5.Konklużjonijiet u t-triq ’il quddiem

B’mod ġenerali, id-Direttiva tkompli tipprovdi bażi xierqa għall-indirizzar tal-ħtiġijiet u l-kwistjonijiet dwar it-trasferimenti tal-prodotti relatati mad-difiża fl-Ewropa. Minħabba li l-implimentazzjoni damet aktar milli mistenni u varjat fl-Ewropa kollha, l-ambizzjonijiet aktar wiesgħa u aktar fit-tul biex jinkiseb suq intern effiċjenti, sigurtà akbar tal-provvista u biex tittejjeb il-kompetittività nkisbu parzjalment biss.

L-awtoritajiet tal-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati kkonfermaw b’mod wiesgħa li d-Direttiva u l-għodod tagħha għadhom jikkorrispondu għall-ħtiġijiet u r-riskji identifikati inizjalment. Għamlet kontribuzzjoni limitata iżda utli għal finanzjament aħjar tas-swieq tad-difiża fl-Ewropa, anke jekk l-effikaċja ta’ din il-kontribuzzjoni kienet diffiċli biex titkejjel minħabba disponibilità tad-data limitata. Ħlief għaċ-ċertifikazzjoni u filwaqt li jitqies il-ħin limitat tal-applikazzjoni tad-Direttiva, hemm indikazzjonijiet li d-Direttiva waslet għal ċertu tnaqqis fil-kostijiet u l-piż amministrattiv. L-approċċ tal-UE jibqa’ l-aktar rispons xieraq għall-konsolidazzjoni tas-swieq tad-difiża tal-UE; madankollu, il-koerenza interna u esterna tad-Direttiva tista’ tittejjeb. B’mod ġenerali, id-Direttiva hija fit-triq it-tajba biex tissodisfa l-objettivi identifikati inizjalment.

Għalhekk, aktar milli temenda d-Direttiva, il-Kummissjoni biħsiebha tiffoka fuq kif ittejjeb l-implimentazzjoni tagħha, tipproduċi miżuri ta’ gwida u rakkomandazzjonijiet u tippromwovi l-użu tagħhom. Il-progress tal-Istati Membri maż-żmien fl-implimentazzjoni tad-Direttiva se jikkontribwixxi għal adozzjoni aħjar u jista’ jżid id-disponibilità tad-data għal xi evalwazzjoni fil-futur.

Abbażi tas-sejbiet tal-evalwazzjoni u anki tal-kontribut mill-Istati Membri fil-Kumitat u mill-industrija fl-Ewropa kollha, il-Kummissjoni tissuġġerixxi l-pjan li ġej:

Il-Kummissjoni biħsiebha ttejjeb l-implimentazzjoni tad-Direttiva fl-Istati Membri individwali billi tibda djalogu mal-awtoritajiet nazzjonali biex jiġu ċċarati u jinftiehmu aħjar il-modalitajiet tat-traspożizzjoni tad-Direttiva fl-ordnijiet ġuridiċi nazzjonali u r-raġunijiet għan-nuqqas ta’ implimentazzjoni ta’ xi dispożizzjonijiet f’ċerti Stati Membri u biex jiġu solvuti xi kwistjonijiet pendenti f’dan ir-rigward. In-nuqqas ta’ benefiċċji perċepit tas-sistema taċ-ċertifikazzjoni jista’ jingħeleb parzjalment b’żieda fid-disponibilità u l-adozzjoni ta’ GTLs għal riċevituri ċertifikati versus ITL.

Abbażi ta’ sforzi sostanzjali mill-Grupp ta’ Ħidma mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri stabbiliti taħt il-Kumitat tad-Direttiva u kontribuzzjonijiet siewja mill-pajjiżi LoI, il-Kummissjoni adottat żewġ Rakkomandazzjonijiet biex jiġi inkoraġġit il- żewġ Rakkomandazzjonijiet jinkludu sett minimu ta’ prodotti u komponenti relatati mad-difiża inqas sensittivi u rekwiżiti minimi komuni għat-trasferimenti ta’ dawn il-prodotti u l-komponenti biex jiġu koperti mill-GTLs rispettivi fl-Istati Membri individwali. Ir-rekwiżiti jinkludu rilaxx komplet minn restrizzjonijiet ta’ riesportazzjoni fir-Rakkomandazzjoni dwar il-GTL għal forzi armati u rilaxx parzjali fir-Rakkomandazzjoni dwar il-GTL għal riċevituri ċertifikati. Minħabba li l-lista ta’ prodotti koperta miż-żewġ Rakkomandazzjonijiet mhijiex eżawrjenti, l-Istati Membri jistgħu jżidu prodotti u komponenti oħra fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-GTLs tagħhom. Madankollu, l-Istati Membri m’għandhomx iżidu kundizzjonijiet għal trasferimenti taħt il-GTL, li jikkontradixxu jew jimminaw il-kundizzjonijiet elenkati fir-Rakkomandazzjonijiet.

Il-Kummissjoni hija impenjata biex tkompli taħdem mill-qrib mal-Istati Membri u l-Grupp ta’ Ħidma fuq armonizzazzjoni simili ta’ aktar GTLs speċifikati mid-Direttiva, jiġifieri GTL għal dimostrazzjoni, evalwazzjoni jew wiri u GTL għal manutenzjoni u tiswija. Jekk ikun meħtieġ, dan se jirriżulta f’aktar rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri. Il-Grupp ta’ Ħidma jidher bħala mod siewi kif tiġi skambjata l-informazzjoni u l-aħjar prattiki u biex tiġi appoġġjata l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni se tkompli tiskambja opinjonijiet mal-Istati Membri biex tidentifika oqsma konkreti għal ċertifikazzjoni aktar armonizzata fl-UE kollha, inkluż il-ħolqien ta’ sinerġiji ma’ reġimi oħra, bħal kontroll ta’ prodotti b’użu doppju, sa fejn ikun possibbli. Hija se tesplora jekk aktar gwida jew skambju tal-aħjar prattika fost l-Istati Membri jew anke r-reviżjoni jew il-kjarifika tar-Rakkomandazzjoni dwar iċ-ċertifikazzjoni hijiex l-aħjar mod biex tingħata spinta lill-konsistenza u l-adozzjoni taċ-ċertifikazzjoni.

Possibbiltajiet biex jiġi inċentivat iċ-ċertifikazzjoni fl-industrija se jkomplu jiġu eżaminati, bħal sinerġiji potenzjali mal-kunċett tal-operatur ekonomiku awtorizzat skont ir-regolamenti doganali, simplifikazzjoni possibbli tal-proċedura tal-awditjar u kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-awtoritajiet kompetenti li jagħtu liċenzji ta’ trasferiment u l-awtoritajiet doganali.

Il-Kummissjoni se tniedi ħidma fuq definizzjoni komuni tat-terminu “iddisinjati apposta għall-użu militari” biex tikkwalifika liema prodotti jridu jiġu koperti mid-Direttiva u għaldaqstant huma soġġetti għal rekwiżiti ta’ liċenzjar. Il-kompitu jirrikjedi kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-utenti ta’ GTLs, jiġifieri fornituri u riċevituri ta’ prodotti relatati mad-difiża fl-UE kollha. Se tiġi kkunsidrata l-ħidma mill-fora Ewropej u internazzjonali fuq il-kontroll tal-esportazzjoni tal-prodotti relatati mad-difiża.

Il-Kummissjoni se tkompli tiskambja opinjonijiet mal-Istati Membri fir-rigward l-applikazzjoni tal-Artikolu 11 fit-territorji tagħhom bil-għan li tiġi monitorjata s-sitwazzjoni.

Hemm rwol qawwi għall-Kummissjoni u l-Istati Membri fil-ħolqien ta’ għarfien dwar l-għodod u l-benefiċċji tad-Direttiva. Dan jinkludi komunikazzjoni fil-laqgħat tan-Netwerk tal-SMEs tad-Difiża. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ħejjiet manwal faċli għall-utent, indirizzat b’mod speċjali lejn l-SMEs, li jispjega l-istrumenti tad-Direttiva u li jipprovdi gwida dwar kif l-aħjar li jintużaw dawn l-istrumenti, b’mod partikolari l-iskema ta’ ċertifikazzjoni. Il-gwida se tkun ippubblikata fil-bidu tal-2017.

L-Istati Membri u l-impriżi tad-difiża għandhom iżidu l-adozzjoni tad-Direttiva permezz ta’ prattika fil-politika dwar il-liċenzjar tagħhom. Pereżempju, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jinkoraġġixxu lill-operaturi jużaw GTLs minflok ITLs fejn iċ-ċirkostanzi jippermettu dan. Fejn xieraq, fil-politika dwar ix-xiri tagħhom, kumpaniji ċertifikati għandhom jinkoraġġixxu lill-fornituri tagħhom japplikaw għal GTL minflok ITLs.

L-aġġornamenti attwalment diffiċli tal-Anness tad-Direttiva jirrikjedu aktar riflessjoni minn dawk kollha involuti, b’mod partikolari l-istituzzjonijiet Ewropej. Il-Kummissjoni se teżamina l-opzjonijiet biex tissimplifika u tħaffef l-aġġornamenti annwali. Dan jista’ jinvolvi reviżjoni limitata tad-Direttiva eż. billi l-Anness jiġi separat mid-Direttiva u billi l-aġġornamenti jiġu adottat kull sena b'deċiżjoni tal-Kummissjoni. Dan se jipprovdi ċertezza legali u konsistenza fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-trasferimenti bejn l-Istati Membri, u anki tat-trasferimenti versus il-kontrolli fuq l-esportazzjoni fl-Istati Membri.

Biex jiżdied l-għarfien dwar id-Direttiva u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri, jista’ jiġi kkunsidrat li l-bażi ta’ data CERTIDER tiġi estiża b’informazzjoni addizzjonali, bħal informazzjoni konċiża iżda sinifikanti dwar sistemi nazzjonali b’links għalihom fuq l-internet. L-aċċessibilità pubblika ta’ din l-informazzjoni f’punt ta’ kuntatt waħdieni trawwem skambju ta’ informazzjoni fost l-Istati Membri, u aktar importanti minn hekk, fi ħdan is-settur tad-difiża.

Il-Kummissjoni teżamina wkoll kwistjonijiet li jistgħu jirrikjedu r-reviżjoni tad-Direttiva fuq medda twila ta’ żmien, bħal: li l-eżenzjonijiet isiru vinkolanti fuq l-Istati Membri u li jitwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjonijiet; ir-reviżjoni tal-iskema ta’ ċertifikazzjoni; l-introduzzjoni ta’ rekwiżiti biex isir rapport dirett lill-Kummissjoni biex tiġi żgurata sistema ta’ monitoraġġ effettiva u xierqa li hija kapaċi tappoġġja l-valutazzjoni soda, kwantitattiva u kwalitattiva tal-kosti mqabbla mal-benefiċċji tal-eżekuzzjoni futura tad-Direttiva; il-ħolqien ta’ GTLs ġodda, eż. għar-ritorn tal-prodott wara l-eżibizzjoni jew it-tiswija, għal kooperazzjoni transfruntiera fir-riċerka, għal trasferimenti għall-għanijiet kollha (eż. il-kopertura tax-xiri, il-manutenzjoni, il-provvista ta’ parts tal-bdil). Diversi Stati Membri diġà joffru GTLs oħra flimkien mal-erba’ GTLs bażiċi fid-Direttiva; il-possibbiltà li r-Rakkomandazzjonijiet dwar il-GTLs imsemmija hawn fuq jiġu mibdula f’dispożizzjonijiet vinkolanti.

Il-Kummissjoni hija impenjata li tinforza l-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva fl-Istati Membri kollha. Id-Direttiva sservi bħala l-ewwel pass xieraq u neċessarju biex tiġi indirizzata l-frammentazzjoni tal-liċenzjar tat-trasferimenti tad-difiża fl-Ewropa u l-ottimizzazzjoni tal-katini ta’ provvista li, fl-aħħar mill-aħħar, jikkontribwixxu għaż-żieda fil-kompetittività tal-EDTIB. F’konformità mal-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għad-Difiża, il-pjan ippreżentat f’dan ir-rapport għandu l-għan li:

jżid l-adozzjoni tal-qafas leġiżlattiv eżistenti dwar trasferimenti ta’ prodotti relatati mad-difiża;

jtejjeb id-disponibilità tal-GTLs madwar l-UE kollha;

jindirizza l-applikazzjoni, sa issa limitata, tal-iskema taċ-ċertifikazzjoni.

Dawn l-inizjattivi kollha, fl-aħħar mill-aħħar, se jagħtu spinta lill-iżvilupp tal-EDEM u l-EDTIB, f’konformità mal-objettivi tad-Direttiva, u b’hekk itejbu l-funzjonament tas-suq intern għall-prodotti tad-difiża.

(1)

ĠU L 146, 10.6.2009, p. 1

(2)

  http://ec.europa.eu/growth/sectors/defence/defence-firearms-directives_mt .

(3)

It-Trattat dwar il-Ftehim Qafas tal-Ittra ta’ Intenzjoni (LoI), iffirmat fl-2000 mill-ministri tad-difiża ta’ Franza, il-Ġermanja, l-Italja, Spanja, l-Iżvezja u r-Renju Unit, bil-għan li jinħoloq qafas politiku u ġuridiku biex jiġi faċilitat ir-ristrutturar industrijali sabiex jiġi promoss EDTIB aktar kompetittiv u robust fis-suq globali tad-difiża.

(4)

ĠU L 11, 15.1.2011, p. 62

(5)

https://webgate.ec.europa.eu/certider/.

(6)

COM/2012/359.

(7)

L-ebda informazzjoni kompleta mhija disponibbli għall-Istati Membri kollha.

(8)

Bħal fil-każ ta’ kwalunkwe netwerk, il-proporzjon tal-prestazzjoni u l-kostijiet-benefiċċji huwa aktar dgħajjef fil-fażi emerġenti u għandu jittejjeb ġeometrikament ladarba jaqbeż livell kritiku ta’ utenti.

(9)

Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta’ Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta’ esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari, ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99.

(10)

Ix-xejra bdiet bi tnaqqis reali qawwi ta’ 11.6 % fl-2011, segwit minn tnaqqis reali sinifikanti ieħor ta’ 9.1 % fl-2014; cf. Data dwar id-Difiża 2014 (Defence Data 2014) ippubblikat mill-Aġenzija Ewropea għad-Difiża.

(11)

Is-CML tal-UE hija l-kamp ta’ applikazzjoni materjali għall-kontroll tal-esportazzjoni ta’ prodotti relatati mad-difiża skont il-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK.

(12)

ĠU L 94, 30.3.2012, p. 1

(13)

ĠU L 256, 13.9.1991, p. 51

(14)

ĠU L 134, 29.5.2009, p. 1

(15)

ĠU L 2016, 20.8.2009, p. 76