IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 16.11.2016
COM(2016) 732 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW U LILL-KUNSILL
It-tieni Rapport ta’ Progress lejn Unjoni tas-Sigurtà effettiva u ġenwina
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 16.11.2016
COM(2016) 732 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW U LILL-KUNSILL
It-tieni Rapport ta’ Progress lejn Unjoni tas-Sigurtà effettiva u ġenwina
I. INTRODUZZJONI
Dan huwa t-tieni rapport ta’ kull xahar dwar il-progress li jkun sar lejn Unjoni tas-Sigurtà effettiva u ġenwina u jkopri l-iżviluppi taħt żewġ pilastri ewlenin: l-indirizzar tat-terroriżmu u tal-kriminalità organizzata u l-mezzi li jappoġġawhom; u t-tisħiħ tad-difiżi tagħna u l-bini ta' reżiljenza kontra dawk it-theddidiet. L-ewwel rapport ta’ progress, li ġie adottat fit-12 ta’ Ottubru 2016 1 , kopra l-perjodu minn April sa Ottubru 2016: din il-Komunikazzjoni tirrapporta dwar il-progress li sar minn dak iż-żmien u tagħti ħarsa ’l quddiem lejn Diċembru 2016.
Sena mill-attakki ta’ Pariġi fejn ġew użati armi tal-assalt militari riattivati b’effett devastanti, in-negozjati dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Armi tan-Nar imressqa mill-Kummissjoni fit-18 ta’ Novembru 2015 għadhom weqfin minħabba tentattivi biex jiddgħajfu l-proposti. Il-ħidma issa trid tiġi ffinalizzata qabel tmiem dan ix-xahar, jekk irridu nonoraw il-memorja tal-vittmi ta’ Pariġi kif ukoll biex inwettqu l-aspettattivi leġittimi taċ-ċittadini tagħna li l-armi militari m’għandhomx ikunu f’idejn privati. Għandhom jiġu konklużi b’mod urġenti n-negozjati dwar id-Direttiva dwar il-Ġlieda kontra t-Terroriżmu biex it-terroriżmu u l-appoġġ għat-terroriżmu madwar l-Unjoni jiġi kriminalizzat u dwar l-emenda tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen biex tgħin fl-indirizzar tar-ritorn tal-Ġellieda Terroristi bl-introduzzjoni ta’ kontrolli sistematiċi tal-persuni kollha li jaqsmu l-fruntiera esterna.
B’konformità mal-prijorità enfasizzata fid-diskors tal-President Juncker dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2016 u kif elaborat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Settembru 2016 dwar it-titjib tas-sigurtà f’dinja ta’ mobilità 2 , il-Kummissjoni qed tmexxi ’l quddiem miżuri importanti oħra li jagħlqu l-ispazju għat-terroristi permezz ta’ proposti għat-tisħiħ tal-fruntieri. Dan jinkludi l-preżentazzjoni tal-proposta tal-lum għal Sistema Ewropea ta’ Awtorizzazzjoni tal-Ivvjaġġar u l-Identifikazzjoni (ETIAS) sabiex tippermetti kontrolli minn qabel ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jeħtiġux viża biex jivvjaġġaw lejn l-Unjoni, u biex jittieħdu l-passi operazzjonali neċessarji wara t-tnedija tal-Gwardja tal-Fruntieri u tal-Kosta biex jissaħħu l-kontrolli fuq il-fruntiera esterna. Il-Kummissjoni wkoll saħħet ulterjorment xogħolha biex tissielet kontra r-radikalizzazzjoni permezz tat-tisħiħ tan-Netwerk ta’ Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni biex iż-żgħażagħ u dawk vulnerabbli jitwaqqfu milli jsiru vittmi ta’ dawk li jirreklutaw lit-terroristi u tal-propaganda. Ir-Rapport ta’ Diċembru se jkun akkumpanjat mill-proposti finali taħt il-pjan ta’ azzjoni dwar il-finanzjament tat-terroriżmu biex it-terroristi jinċaħdulhom il-mezzi finanzjarji permezz ta’ proposti dwar il-kriminalizzazzjoni tal-ħasil tal-flus, it-tisħiħ tar-rikonoxximent reċiproku ta’ ordnijiet ta’ ffriżar u ta’ konfiska tal-assi kif ukoll proposta dwar l-ittrattar tal-ħlasijiet illeċiti bi flus kontanti.
II. IT-TISĦIĦ TAL-ĠLIEDA TAGĦNA KONTRA T-TERRORIŻMU U L-KRIMINALITÀ ORGANIZZATA, U L-MEZZI LI JAPPOĠĠAWHOM
a) Qafas legali għall-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-qtugħ tal-aċċess għall-finanzjament u għall-armi tan-nar
Bl-anniversarju tal-attakki ta’ Pariġi tat-13 ta’ Novembru 2015, l-UE teħtieġ b’mod urġenti li ssaħħaħ il-qafas legali 3 u l-kapaċità tagħha li tiġġieled it-terroriżmu u l-mezzi li jappoġġjawh. Il-koleġiżlaturi issa jeħtieġ li jaqblu, sa tmiem Novembru, dwar il-proposta għal Direttiva dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu li tistabbilixxi t-terroriżmu, l-ivvjaġġar tat-terroristi u l-għajnuna u l-appoġġ lit-terroristi bħala reati kriminali madwar l-Unjoni, u biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tal-vittmi tat-terroriżmu.
Wara żewġ laqgħat ta’ trilogu, il-koleġiżlaturi xorta ma rnexxielhomx jaqblu fuq reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Armi tan-Nar. Dawn in-negozjati għandhom jiġu żblukkati biex l-armi tal-assalt tal-grad militari ma jibqgħux jiġru fl-idejn, inklużi dawk konvertiti għal użu semiawtomatiku. Il-pożizzjoni tal-Kummissjoni hija ċara li l-armi semiawtomatiċi misluta mill-“familja tal-Kalashnikov AK 47” u “mill-familja AR 15” jinħtieġ li jiġu pprojbiti mill-użu ċivili peress li dawn kienu mfassla għall-użu militari. Id-daqsijiet tal-magazzini tal-armi qosra u twal għandhom ikunu limitati għal 10 rawnds u għandhom ikunu soġġetti għal awtorizzazzjoni u kontrolli stretti u kull deroga għandha tkun strettament limitata u strettament ikkontrollata. Iċ-ċittadini tal-UE jistennew li jkun hemm progress rapidu f’dan il-qasam biex jiżguraw il-protezzjoni tagħhom, u għalhekk irridu nilħqu ftehim qabel l-aħħar tal-2016 dwar din il-parti ewlenija tal-leġiżlazzjoni. B’mod parallel, il-Kummissjoni se tniedi sforz ġdid biex jitrażżan il-kummerċ tal-armi tan-nar illegali, inkluż fil-Konferenza tal-Ministri għall-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni tal-UE/Balkani tal-Punent fil-15–16 ta’ Diċembru.
Biex jinqata’ l-aċċess għall-fondi mit-terroristi, il-Kunsill adotta l-atti meħtieġa għall-elenkar awtonomu tal-UE kontra l-Al Qaida u l-ISIL/Da’esh.
b) Il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u l-ġlieda kontriha
Il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni huwa komponent ewlieni tal-approċċ tal-UE għall-ġlieda kontra t-terroriżmu: l-użu ta’ għodod “ħfief” li jagħtu riżultati sodi. Dawk li jirreklutaw lit-terroristi jimmiraw għaż-żgħażagħ u għall-gruppi vulnerabbli, jisfruttaw is-sentimenti ta’ esklużjoni, iżolament u nuqqas ta’ affezzjoni. Jeħtieġ li l-istess individwi jkunu fil-mira tagħna permezz ta’ proġetti komunitarji lokali biex jiġu offruti toroq alternattivi u aħjar. Huwa għalhekk li l-Kummissjoni stabbiliet u qed tappoġġja n-Netwerk ta’ Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni (RAN), li jlaqqa’ flimkien l-atturi lokali u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki dwar dak li jaħdem fil-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni. Il-Konferenza ta’ Livell Għoli tan-Netwerk ta’ Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni (RAN) tad-9 ta’ Novembru 2016 nediet pjattaforma ġdida “RAN Żgħażagħ” biex iż-żgħażagħ jingħataw is-setgħa li jieħdu rwol attiv fil-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni ta’ grupp ewlieni fil-mira ta’ dawk li jirreklutaw it-terroristi. Il-Kummissjoni ppreżentat ukoll “repożitorju tal-istrateġiji, approċċi u politiki ta’ prevenzjoni fl-Istati Membri” mirfuda minn netwerk ta’ punti ta’ kuntatt sabiex jiżguraw skambju effiċjenti ta’ prattiki tajbin madwar l-UE. In-Netwerk ta’ Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni ppubblika wkoll gwida komprensiva dwar programmi ta’ taħriġ għall-uffiċjali tal-pulizija fl-Ewropa li jkopru d-diversi aspetti tar-radikalizzazzjoni. Ġie mniedi x-xogħol biex tiġi żviluppata lista ta’ kontroll għall-Istati Membri ta’ azzjonijiet li għandhom jieħdu meta jidentifikaw ġellieda terroristi barranin li jiġu lura.
Il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni tfisser ukoll li t-terroristi jkunu mċaħħda mill-mezzi ta’ propaganda online li jużaw biex iwasslu l-messaġġ tagħhom. Fit-8 ta’ Diċembru, il-Kummissjoni se torganizza t-tieni Forum tal-Internet tal-UE li jlaqqa’ flimkien il-Kummissjoni, l-Istati Membri, il-Europol u l-kumpaniji ewlenin tal-internet. Il-laqgħa se tistabbilixxi Pjattaforma Konġunta ta’ Senjalazzjonijiet biex tħaffef it-tneħħija ta’ kontenut terroristiku u se jitnieda Programm tat-Tisħiħ tal-Pożizzjoni tas-Soċjetà Ċivili biex jissaħħu l-kontronarrattivi.
Il-Kummissjoni qed tuża wkoll ir-riżorsi tagħha ta’ edukazzjoni u riċerka fil-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni kif stabbilit fil-Komunikazzjoni dwar il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni li twassal għall-estremiżmu vjolenti 4 , inkluż:
Il-programm Erasmus+ - fl-2016, il-Kummissjoni mmobilizzat EUR 200 miljun għal proġetti edukattivi lokali biex jippromwovu l-kompetenzi soċjali u ċiviċi; in-nondiskriminazzjoni; l-inklużjoni soċjali; il-ħsieb kritiku u l-litteriżmu medjatiku kif ukoll il-fehim interkulturali. Bħalissa hemm aktar minn 300 proġett taż-żgħażagħ fil-qasam tal-mobbiltà għat-tagħlim li jittrattaw speċifikament oqsma marbuta mad-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi 5 , u aktar minn 1700 proġett dwar kwistjonijiet usa’ relatati mad-djalogu interkulturali, l-inklużjoni soċjali u s-solidarjetà.
Il-finanzjament tar-riċerka dwar il-mekkaniżmi li jwasslu għar-radikalizzazzjoni vjolenti sabiex issir prevenzjoni u identifikazzjoni aktar malajr u sabiex ikunu indirizzati l-każijiet estremi individwali taħt Orizzont 2020.
Permezz ta’ finanzjament kontinwu ta’ EUR 100 miljun għall-promozzjoni ta’ attivitajiet għall-ġlieda kontra l-estremiżmu vjolenti fil-pajjiżi terzi.
c) It-titjib ta' kooperazzjoni operazzjonali transfruntiera bl-appoġġ tal-Aġenziji tal-UE
L-aġenziji tal-UE għandhom rwol ewlieni fl-implimentazzjoni tal-aġenda dwar is-sigurtà. Il-Kummissjoni wettqet l-impenn tagħha biex issaħħaħ il-Europol billi pproponiet 20 membru tal-persunal addizzjonali ulterjuri għaċ-Ċentru Ewropew għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu sabiex tiżdied il-kapaċità tiegħu ta’ reazzjoni fuq bażi ta’ 24 siegħa kuljum għall-Istati Membri f’każ ta’ attakki terroristiċi kbar. Dan it-tisħiħ propost huwa apparti l-35 membru tal-persunal tal-UE mogħtija wara l-baġit emendatorju 1/2016 adottat mill-awtorità baġitarja fit-13 ta’ April 2016. 6
Il-Eurojust għandu wkoll rwol importanti fil-ġlieda kontra t-terroriżmu inkluża s-sitwazzjoni attwali fl-Iraq u fis-Sirja u r-riskju akbar ta’ ġellieda terroristi barranin li jiġu lura. Il-Eurojust diġà qed jassisti lill-Istati Membri f’investigazzjonijiet transfruntieri kumplessi u l-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jużaw il-Eurojust fi skwadri investigattivi konġunti (JITs) biex tissaħħaħ ir-reazzjoni ġudizzjarja għall-ġellieda terroristi barranin. F’dan il-kuntest, hemm bżonn li l-Istati Membri jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jirrispettaw l-iskadenza għat-traspożizzjoni tat-22 ta’ Mejju 2017, tal-Ordni ta' Investigazzjoni Ewropew 7 peress li dan se jiffaċilita u jħaffef il-ġbir u t-trasferiment tal-evidenza.
III. IT-TISĦIĦ TAD-DIFIŻI U R-REŻILJENZA TAGĦNA
a) It-titjib tal-iskambju ta' informazzjoni
Skambju ta’ informazzjoni effettiv u mmirat huwa għodda essenzjali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu. Il-Kummissjoni qed tmexxi b’mod attiv l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Reġistru tal-UE tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) biex jiġi żgurat li l-implimentazzjoni miexja kif suppost lejn l-iskadenza ta’ Mejju 2018. Id-Direttiva mhux biss teżiġi li l-Istati Membri kollha jiġbru d-dejta tal-passiġġieri tal-ajru iżda wkoll li jkunu jistgħu jipproċessaw dik id-dejta biex jidentifikaw xejriet u anomaliji. Wara l-aħħar rapport ta’ progress, il-Kummissjoni kitbet lil ħdax-il Stat Membru li għadhom ma bdewx jimplimentaw il-PNR biex toffrilhom appoġġ ulterjuri f’dan il-qasam. Il-Kummissjoni se tippreżenta pjan ta’ implimentazzjoni ta’ Regolamentazzjoni Aħjar qabel tmiem Novembru 2016. Dan il-Pjan ta’ Implimentazzjoni se jipprovdi gwida lill-Istati Membri billi jidentifika miri speċifiċi għal elementi ewlenin lejn it-twaqqif ta’ sistema tal-PNR u billi jistabbilixxi d-diversi tipi ta’ għajnuna (legali, teknika u finanzjarja) li tipprovdi l-Kummissjoni biex tgħin u tappoġġja implimentazzjoni f’waqtha u effettiva.
Il-ġlieda kontra l-kriminalità u t-terroriżmu transfruntier teħtieġ kanali ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet differenti tal-infurzar tal-liġi. Fir-reġjuni tal-fruntieri, iċ-Ċentri ta' Kooperazzjoni tal-Pulizija u tad-Dwana (ĊKPD) jiġbru flimkien l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi ta’ Stati Membri differenti. Il-50 ĊKPD madwar l-Ewropa ltaqgħu fil-kwartieri ġenerali tal-Europol f’Ottubru 2016 biex jidentifikaw modi biex itejbu l-kompiti ċentrali taċ-ĊKPD, l-iskambju ta’ informazzjoni u l-kooperazzjoni mal-Europol u mal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u l-Kosta.
b) It-tisħiħ tas-sistemi ta' informazzjoni u t-tnaqqis ta' lakuni fl-informazzjoni
Peress li l-Kunsill Ewropew ta’ Ottubru tal-2016 irrikonoxxa fl-appoġġ tiegħu għall-proposta tal-Kummissjoni għat-twaqqif ta’ Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) 8 biex tippermetti kontrolli ta’ sigurtà minn qabel fuq vjaġġaturi eżenti mill-viża. Fis-16 ta’ Novembru, il-Kummissjoni ressqet proposta għal Regolament biex iwaqqaf l-ETIAS li se tkun sistema awtomatizzata ta’ qabel ir-rilaxx biex jiġu identifikati riskji possibbli ta’ immigrazzjoni jew ta’ sigurtà qabel il-wasla ta’ vjaġġaturi eżenti mill-viża fil-fruntiera esterna tal-UE. Filwaqt li bħalissa l-informazzjoni tad-detenturi tal-viża hija rreġistrata fis-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS), l-unika informazzjoni dwar persuni eżenti mill-viża tiġi mid-dokument tal-ivvjaġġar tagħhom meta jaslu. Bħalissa, ma hi disponibbli l-ebda informazzjoni minn qabel dwar persuni eżenti mill-viża li jidħlu fl-UE permezz tal-fruntieri fuq l-art, qabel il-wasla tagħhom fil-fruntiera esterna tal-UE. Dan se jappoġġja wkoll il-politika ta’ liberalizzazzjoni tal-viża tal-UE u se jsaħħaħ il-kwalità tal-Ġestjoni tal-Fruntieri ta’ Schengen.
Fruntieri aktar b’saħħithom mirfuda minn sistemi konnessi ta’ informazzjoni huma għodda essenzjali għall-individwazzjoni ta’ ġellieda terroristi barranin li jiġu lura u ta’ terroristi potenzjali oħrajn. L-attakki ta’ Pariġi enfasizzaw in-nuqqasijiet meta jkun hemm sistemi multipli ta’ informazzjoni distakkati minn xulxin, xi ħaġa li tagħmilha impossibbli għal dawk fuq il-post li jiżguraw verifika komprensiva ta’ individwu madwar il-bażijiet ta’ dejta kollha. Il-Kummissjoni qed taħdem b’mod attiv dwar kif tista’ tittejjeb l-interoperabilità tas-sistemi tal-informazzjoni u s-sigurtà tal-fruntieri permezz ta’ proċess li beda aktar kmieni din is-sena. 9 Il-Kummissjoni qed taħdem fuq it-twaqqif ta’ Interfaċċja Unika ta’ Tfittxija - għodda ewlenija li twassal benefiċċji reali għall-infurzar tal-liġi fl-Istati Membri, għall-awtoritajiet tal-fruntiera u tal-immigrazzjoni - li toħloq portal tekniku uniku tas-sistemi operati mill-Aġenzija għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja (eu-LISA). Tali Interfaċċja Unika ta’ Tfittxija ma tissostitwix interfaċċji nazzjonali, iżda tikkomplementahom u tkun disponibbli għall-Istati Membri kollha f’konformità mar-regoli eżistenti dwar l-aċċess u l-użu tas-sistemi. Il-Kummissjoni talbet lill-Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli dwar is-Sistemi tal-Informazzjoni u l-Interoperabilità (HLEG) biex jippreżenta rapport interim tas-sejbiet tiegħu qabel l-aħħar tas-sena.
Fl-14 ta’ Ottubru 2016, il-Kummissjoni ppreżentat rapport ta’ evalwazzjoni dwar l-implimentazzjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) biex tanalizza l-mod li bih jitwettqu l-kontrolli fil-fruntieri esterni tal-UE bl-użu tat-teħid tal-marki tas-swaba’ u l-bijometriċi kif ukoll l-użu tas-sistema mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi għall-prevenzjoni, l-individwazzjoni u l-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi u reati kriminali serji oħra. Il-VIS tibqa’ waħda mill-aktar sistemi avvanzati tat-tip tagħha, bi kważi 23 miljun applikazzjoni għall-viża u 18,8 miljun marka tas-swaba’ rreġistrati sal-aħħar ta’ Marzu 2016. Madankollu, waħda biss minn kull żewġ viżi maħruġa qed jiġu vverifikati mill-Istati Membri mal-VIS fil-fruntieri esterni u l-użu tal-VIS għal skopijiet ta’ infurzar tal-liġi għadu frammentat. Il-Kummissjoni se tindirizza dawn l-isfidi fl-użu tal-VIS mal-Istati Membri kkonċernati abbażi tal-aħjar prattika minn dawk l-Istati Membri li diġà jagħmlu użu sħiħ mis-sistema.
c) It-titjib tas-sigurtà fil-fruntieri esterni
Pass importanti fit-tisħiħ tas-sigurtà tal-fruntieri esterni tal-UE kienet it-tnedija fis-6 ta’ Ottubru tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta. Kull Stat Membru issa jrid jikkontribwixxi għal riżerva ta’ reazzjoni rapida, li hija korp permanenti ta’ gwardji tal-fruntiera u persunal rilevanti ieħor disponibbli għall-Aġenzija. L-Aġenzija se tkun tista’ tuża din ir-riżerva f’qasir żmien biex tindirizza sitwazzjoni urġenti fil-fruntieri esterni jew biex tniedi intervent rapidu fil-fruntiera. F’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Ottubru 10 , il-persunal u t-tagħmir għandhom ikunu mobilizzati sabiex tintlaħaq il-kapaċità sħiħa għal reazzjoni rapida sa tmiem is-sena. Bħala eżempju konkret ta’ kooperazzjoni mal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta barra mill-fruntiera tal-UE, kien miftiehem li jiżdiedu l-kapaċitajiet analitiċi, preventivi u operazzjonali tal-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi, b’mod partikolari fl-Afrika, fil-ġlieda kontra n-netwerks kriminali responsabbli għall-kuntrabandu tal-migranti u biex tinbena fiduċja ġenwina u netwerking fost il-pajjiżi ewlenin.
Il-Kunsill Ewropew ta’ Ottubru 11 appella wkoll għall-adozzjoni rapida tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen rivedut, propost mill-Kummissjoni biex jinforza kontrolli sistematiċi fuq il-vjaġġaturi kollha li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-UE għat-tisħiħ tas-sigurtà. Meta wieħed iqis l-importanza ċentrali ta’ dawn ir-reviżjonijiet fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u b’mod partikolari fl-għajnuna għall-identifikazzjoni ta’ ġellieda barranin li jiġu lura, il-koleġiżlaturi issa jeħtieġ li jilħqu qbil rapidu dwar il-bidliet qabel tmiem din is-sena
F’Diċembru, il-Kummissjoni se tippreżenta l-ewwel sett ta’ proposti għat-titjib tal-funzjonalitajiet tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS), b’mod partikolari għal finijiet ta’ infurzar tal-liġi. Biex tiżdied l-effettività tagħhom, il-gwardjani tal-fruntieri jridu jivverifikaw b’mod sistematiku l-persuni kollha li jaqsmu l-fruntiera esterna mas-sistema. Sakemm jintlaħaq qbil dwar l-emendi għall-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-indikaturi komuni tar-riskju fir-rigward ta’ ġellieda terroristi barranin jiġu applikati b’mod sħiħ, flimkien mal-gwida aġġornata pprovduta mill-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta.
Il-frodi ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar u tal-identità hija theddida dejjem akbar hekk kif enfasizzat mill-użu ta’ identitajiet foloz minn dawk li wettqu l-attakki f’Pariġi. F’Diċembru, il-Kummissjoni se tippreżenta pjan ta’ azzjoni biex ittejjeb il-karatteristiċi ta’ sigurtà tad-dokumenti tal-ivvjaġġar.
It-tisħiħ tas-sigurtà fil-fruntieri esterni mhux biss jirreferi għal vjaġġaturi individwali iżda anke għal oġġetti fir-rigward ta’ liema l-awtoritajiet doganali jinsabu fuq quddiem nett. Ir-riforma tas-Sistema ta’ Informazzjoni bil-quddiem dwar il-Merkanzija (ICS 2.0) tfittex li tespandi u timmodernizza s-sistema li biha, permezz ta’ repożitorju tal-UE tad-data sikur, tinqabad informazzjoni ta’ kwalità aħjar u fi kwantitajiet akbar dwar il-moviment ta’ oġġetti minn kummerċjanti u biex din l-informazzjoni ssir disponibbli għall-awtoritajiet doganali. L-għan huwa li jingħelbu l-ostakli eżistenti (l-ebda dejta komprensiva, mill-perspettiva kwalitattiva u kwantitattiva; disponibbiltà limitata għall-Istati Membri kkonċernati; kapaċità limitata għall-użu tal-intelligence). Il-Kunsill biħsiebu jadotta l-Konklużjonijiet dwar din il-kwistjoni f’Diċembru 2016.
d) It-tisħiħ tas-sigurtà tal-UE permezz ta’ djalogi lil hinn mill-fruntieri tal-UE
Peress li t-terroriżmu huwa ta’ natura internazzjonali u t-terroristi ma jirrispettawx il-fruntieri, l-UE tibqa’ impenjata attivament f’diskussjonijiet mal-ġirien tagħha u l-imsieħba internazzjonali l-oħra biex jiżviluppaw sħubiji effettivi tas-sigurtà u tal-ġlieda kontra t-terroriżmu.
Żviluppi reċenti jinkludu:
Aktar koordinazzjoni bejn id-Delegazzjonijiet tal-UE u l-ambaxxati tal-Istati Membri bi tliet Esperti fil-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu / Sigurtà addizzjonali maħtura fil-Bożnija-Ħerzegovina, iċ-Chad u l-Libanu, biex b’hekk in-numru totali ta’ esperti jitla’ għal 14.
Id-Djalogu dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu bejn l-UE u l-Iżrael li sar fl-Iżrael fit-13 ta’ Settembru fejn ġiet diskussa kooperazzjoni akbar fil-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, l-estremiżmu vjolenti, it-terroriżmu mhux konvenzjonali, kif ukoll il-PNR u s-sigurtà tat-trasport.
Żjara konġunta mis-servizzi tal-Kummissjoni, is-SEAE u l-Koordinatur tal-UE għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu fl-Eġittu fis-6 u s-7 ta’ Settembru qablu li jikkooperaw dwar firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet ta’ sigurtà.
Ġie organizzat workshop mill-awtoritajiet tal-UE fl-Iraq fis-26–27 ta’ Settembru biex jiġu kondiviżi l-aħjar prattiki fil-ġlieda kontra t-terroriżmu.
e) Il-ħarsien taċ-ċittadini u tal-infrastrutturi kritiċi
Qasam ewlieni ta’ bini ta’ reżiljenza fi ħdan l-Unjoni huwa fis-sigurtà tat-trasport. Il-Kummissjoni qed taħdem biex issaħħaħ il-qafas regolatorju tal-UE. Għalkemm dan ix-xogħol diġà sar fil-qasam tal-avjazzjoni, huwa neċessarju li jinżamm il-livell ta’ protezzjoni u jiġu antiċipati theddidiet tal-ġejjieni bħalma huma s-sigurtà tat-titjiriet tar-ritorn u l-protezzjoni tan-naħa tal-art. Il-Kummissjoni ospitat konferenza dwar il-protezzjoni ta’ żoni pubbliċi fis-7 u t-8 ta’ Novembru 2016 b’esperti nazzjonali u internazzjonali fl-oqsma tat-trasport, l-intelligence, u l-industrija b’lenti fuq kif iż-żoni ta’ trasport pubbliku jistgħu jkunu siguri.
Il-Kummissjoni qed tiffoka wkoll fuq il-valutazzjoni tar-riskju fis-settur tat-trasport. Dan l-aħħar iffinalizzat s-sitt rawnd tal-valutazzjoni tar-riskji fis-sigurtà tal-merkanzija li tinġarr bl-ajru kif ukoll it-tielet rawnd tal-valutazzjoni tar-riskji għall-avjazzjoni minn żoni ta’ kunflitt f’kooperazzjoni mal-Istati Membri u s-SEAE.
Il-Kummissjoni qed twettaq ukoll ħidma fuq it-trasport marittimu u dak tal-art, b’mod partikolari għas-servizzi tal-laneċ u tal-kruċieri, fejn għadd kbir ta’ passiġġieri jistgħu jkunu affettwati, u għas-servizzi ferrovjarji, qed twettaq ħidma fuq id-definizzjoni ta’ approċċ komuni sostenibbli, ibbażat fuq ir-riskju u proporzjonat. Il-Kummissjoni għadha kemm ikkonkludiet studju dwar il-valutazzjoni tal-impatt dwar l-għażliet ta’ politika fis-servizzi ferrovjarji Ewropej b’veloċità qawwija u internazzjonali.
Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni kompliet issaħħaħ il-kooperazzjoni tagħha ma’ sħab strateġiċi b’kooperazzjoni mad-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti u dak tas-Sikurezza Pubblika tal-Kanada f’dak li għandu x’jaqsam mal-protezzjoni tal-infrastruttura kritika. F’Settembru, il-Kummissjoni ltaqgħet ma’ dawn is-sħab għal diskussjoni iktar profonda dwar kwistjonijiet ewlenin dwar il-protezzjoni tal-infrastruttura kritika, iċ-ċibersigurtà u r-reżiljenza u biex ikun hemm kooperazzjoni iktar profonda f’oqsma ċentrali rigward splussivi, inkluż l-identifikazzjoni, it-taħriġ u l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni.
V. KONKLUŻJONI
Sena wara l-attakki terroristiċi orribbli tat-13 ta’ Novembru f’Pariġi, il-Kummissjoni, l-aġenziji tal-UE u l-Istati Membri ħadu firxa wiesgħa ta’ azzjoni mhux leġiżlattiva li tikkontribwixxi għall-iżvilupp progressiv ta’ Unjoni tas-Sigurtà effettiva u ġenwina. Iżda hemm bżonn urġenti ta’ aktar progress biex jingħalaq l-ispazju sfruttat mit-terroristi. Issa hemm bżonn urġenti li l-koleġiżlaturi jilħqu qbil dan ix-xahar dwar id-Direttiva proposta dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu, ir-reviżjoni proposta tad-Direttiva dwar l-Armi tan-Nar u l-emendi proposti għall-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. Aktar dewmien jibbenefika biss lit-terroristi li qed jippruvaw jeqirdu l-istil ta’ ħajja tagħna.
Il-ħidma dwar it-tisħiħ tas-sistemi tal-fruntieri esterni inkluża l-ETIAS, l-operazzjonalizzazzjoni tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u l-emendi proposti għall-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen huma komponenti importanti ta’ reazzjoni tal-UE għat-theddida imposta mill-Ġellieda Terroristi li jiġu lura u issa hemm bżonn li jiġu ttrattati bħala prijorità mill-koleġiżlaturi.
Minkejja x-xogħol fil-livell lokali għall-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni permezz tan-Netwerk ta’ Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni, dan hu xogħol fit-tul, huwa vitali u jirrikjedi involviment qawwi u immedjat u appoġġ fil-livell tal-UE.
Il-Kummissjoni se tkompli tmexxi ’l quddiem il-ħidma fuq l-implimentazzjoni tal-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà, lejn Unjoni tas-Sigurtà effettiva u ġenwina, u se tirrapporta dwar progress ulterjuri f’Diċembru. Minbarra l-għanijiet ewlenin stabbiliti hawn taħt, ir-rapport ta’ Diċembru se jinkludi aġġornamenti dwar il-progress li sar fil-qasam taċ-ċiberkriminalità u ċ-ċibersigurtà u żviluppi fil-ħidma li għaddejja ma’ kumpaniji tal-IT biex tiġi indirizzata r-radikalizzazzjoni fuq l-internet.
KWISTJONIJIET U AVVENIMENTI EWLENIN FIX-XHUR LI ĠEJJIN:
IT-TISĦIĦ TAL-ĠLIEDA TAGĦNA KONTRA T-TERRORIŻMU U L-KRIMINALITÀ ORGANIZZATA,
U L-MEZZI LI JAPPOĠĠAWHOM
a) Qafas legali għall-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-qtugħ tal-aċċess għall-finanzjament u għall-armi tan-nar
- Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill hemm bżonn b’mod urġenti, u sa mhux aktar tard minn tmiem l-2016, li jaqblu dwar l-abbozz ta’ Direttiva dwar il-Ġlieda kontra t-Terroriżmu, u li jintlaħaq ftehim dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Armi tan-Nar qabel tmiem is-sena.
- Il-Kummissjoni se tippreżenta pakkett ta’ proposti f’Diċembru biex issaħħaħ il-ġlieda kontra l-iffinanzjar tat-terroristi permezz ta’ proposti dwar il-kriminalizzazzjoni tal-ħasil tal-flus, it-tisħiħ tar-rikonoxximent reċiproku ta’ ordnijiet ta’ ffriżar u ta’ konfiska tal-assi kif ukoll proposta dwar l-ittrattar tal-ħlasijiet illeċiti bi flus kontanti.
b) Il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u l-ġlieda kontriha
- It-tieni laqgħa ta’ livell għoli tal-Forum tal-UE tal-Internet fit-8 ta’ Diċembru 2016, se timbotta aktar ħidma dwar il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni online u l-ġlieda kontra l-propaganda terroristika fuq l-internet. Se tistabbilixxi Pjattaforma Konġunta ta’ Senjalazzjonijiet u Programm ta’ Tisħiħ tal-Pożizzjoni tas-Soċjetà Ċivili.
IT-TISĦIĦ TAD-DIFIŻI U TAR-REŻILJENZA TAGĦNA
a) It-titjib tal-iskambju ta' informazzjoni
- Il-Kummissjoni se tippreżenta Pjan ta’ Implimentazzjoni ta’ Regolamentazzjoni Aħjar dwar il-PNR qabel tmiem Novembru 2016.
b) It-tisħiħ tas-sistemi ta' informazzjoni u t-tnaqqis ta' lakuni fl-informazzjoni
- Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-koleġiżlaturi biex jibdew jaħdmu fuq il-proposta tagħha biex tiġi stabbilita Sistema tal-UE ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) bħala kwistjoni ta’ urġenza.
- Il-Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli dwar is-Sistemi tal-Informazzjoni u l-Interoperabilità se jippreżenta r-rapport interim tiegħu qabel l-aħħar ta’ Diċembru 2016.
c) It-titjib tas-sigurtà fil-fruntieri esterni
- Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-koleġiżlaturi biex jaqblu dwar emenda mmirata tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen għal kontrolli sistematiċi, biex tkun tista’ tiġi adottata qabel tmiem is-sena.
- F’Diċembru, il-Kummissjoni se tippreżenta Komunikazzjoni dwar pjan ta’ azzjoni biex ittejjeb is-sigurtà ġenerali tad-dokumenti tal-ivvjaġġar.
d) Il-ħarsien taċ-ċittadini u tal-infrastrutturi kritiċi
- Il-Kummissjoni se taċċellera l-ħidma tagħha fuq id-definizzjoni ta’ approċċ komuni għas-sigurtà fil-qasam tat-trasport marittimu u fuq l-art, li għandu jkun ibbażat fuq ir-riskju, proporzjonat u sostenibbli.
Il-Komunikazzjoni COM(2016) 670 final, tat-12 ta’ Ottubru 2016 L-ewwel rapport ta’ progress lejn Unjoni tas-Sigurtà effettiva u ġenwina.
Il-Komunikazzjoni COM(2016) 602 final, tal-14 ta' Settembru 2016, It-titjib tas-sigurtà f'dinja ta' mobilità: skambju mtejjeb tal-informazzjoni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u fruntieri esterni li jifilħu aktar.
B’mod partikolari dwar il-proposti tal-Kummissjoni għal Direttiva dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu, COM(2015) 625 final finali, u għal Direttiva li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/477/KEE dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess ta’ armi, COM(2015) 750 final.
COM(2016) 679 final.
Id-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi tas-17 ta’ Marzu 2015 dwar il-promozzjoni taċ-ċittadinanza u l-valuri komuni tal-libertà, it-tolleranza u n-nondiskriminazzjoni permezz tal-edukazzjoni.
COM(2016) 679 final.
Id-Direttiva 2014/41/UE tat-3 ta’ April 2014 dwar l-Ordni ta' Investigazzjoni Ewropew f’materji kriminali.
EUCO 31/16 tal-21 ta’ Ottubru 2016.
COM(2016) 205 final tas-6 ta' April 2016.
EUCO 31/16 tal-21 ta’ Ottubru 2016.
EUCO 31/16 tal-21 ta’ Ottubru 2016.