Brussell, 16.11.2016

COM(2016) 726 final

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 136, flimkien mal-Artikolu 121(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet tal-baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni tal-politika ekonomika 1 , u partikolarment l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi 2 , u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)L-irkupru ekonomiku fiż-żona tal-euro għadu għaddej, iżda għadu fraġli. Kien hemm progress sinjifikanti matul l-aħħar snin: Mill-2015, il-PDG taż-żona tal-euro mar lura għal-livell ta’ qabel il-kriżi f’termini reali u l-qgħad naqas għal-livell l-aktar baxx mill-2010-11. Madankollu d-domanda aggregata għadha batuta, l-inflazzjoni qiegħda ’l isfel sew mill-mira, minkejja politika monetarja akkomodanti ħafna mill-Bank Ċentrali Ewropew, u t-tkabbir hu mxekkel minn dak li ħalliet warajha l-kriżi, bħal żbilanċi makroekonomiċi persistenti u livell għoli ta’ dejn fis-setturi kollha tal-ekonomija, li jirrikjedu diżingranaġġ u t-tnaqqis tar-riżorsi disponibbli għall-konsum u l-investiment. Barra minn hekk, filwaqt li l-potenzjal ta’ tkabbir tal-ekonomija taż-żona tal-euro kellu t-tendenza ta’ tnaqqis fit-tul, din kienet aċċentwata aktar mill-kriżi. Minkejja sinjali ta’ titjib, il-lakuna persistenti tal-investimenti u l-livelli għolja ta’ qgħad joħolqu r-riskji ulterjuri ta’ prospetti ta’ tkabbir batuti. Ippersistiet in-natura assimetrika tal-ibbilanċjar mill-ġdid tal-ekonomija taż-żona tal-euro, u kienu biss il-pajjiżi debituri netti li kkoreġew l-iżbilanċi tagħhom, u qed iwasslu għal żieda fil-bilanċ pożittiv tal-kont kurrenti. Bħala parti minn ftehim globali fi ħdan il-G20, l-Istati Membri taż-żona tal-euro huma msejħa biex jużaw l-għodod kollha tal-politika monetarja, fiskali u strutturali — individwalment u kollettivament — biex jiksbu tkabbir b’saħħtu, sostenibbli, ibbilanċjat u inklużiv.

(2)Riformi strutturali ambizzjużi għandhom jiffaċilitaw ir-riallokazzjoni effiċjenti u bla xkiel ta’ riżorsi umani kif ukoll ta’ kapital, jgħinu biex jiġu indirizzati l-isfidi ta’ bidliet teknoloġiċi u strutturali kontinwi. Huma meħtieġa riformi li joħolqu klima li tgħin lin-negozju, jikkompletaw is-Suq Uniku u jneħħu l-ostakli għall-investiment. Dawn l-isforzi huma kruċjali sabiex jiżdiedu l-produttività u l-impjiegi, tissaħħaħ il-konverġenza u jissaħħu t-tkabbir potenzjali u l-kapaċità ta’ aġġustament tal-ekonomija taż-żona tal-euro. L-implimentazzjoni tar-riforma strutturali, bil-ħolqien ta’ swieq effiċjenti b’mekkaniżmi reattivi ta’ prezzijiet, tappoġġja l-politika monetarja billi tiffaċilita t-trasmissjoni tagħha fl-ekonomija reali. Ir-riformi li jneħħu x-xkiel għall-investiment u jappoġġjaw l-investiment jistgħu jiksbu benefiċċju doppju b’appoġġ għall-attività ekonomika fuq perjodu qasir ta’ żmien u ħolqien ta’ kapaċità għal tkabbir fit-tul. Ir-riformi li jtejbu l-produttività huma partikolarment importanti għall-Istati Membri bi bżonnijiet kbar ta’ diżingranaġġ marbuta ma’ dejn estern għoli, hekk kif tkabbir iktar mgħaġġel jikkontribwixxi għat-tnaqqis tad-dejn bħala proporzjoni tal-PDG. It-tisħiħ tal-kompetittività tal-prezzijiet u dik mhux marbuta mal-prezzijiet jikkontribwixxi ulterjorment għall-ibbilanċjar mill-ġdid estern f’dawk il-pajjiżi. L-Istati Membri b’bilanċi favorevoli kbar fil-kontijiet kurrenti jistgħu jikkontribwixxu għall-ibbilanċjar mill-ġdid fiż-żona tal-euro billi jiġu introdotti miżuri, inklużi riformi strutturali, li jiffaċilitaw il-mogħtija tat-tfaddil eċċessiv lejn id-domanda domestika, b’mod partikolari billi jissaħħaħ l-investiment. Il-kuntest attwali ta’ rati ta’ imgħax baxxi joffri wkoll opportunitajiet addizzjonali f’dan ir-rigward, partikolarment f’pajjiżi bi spazju fiskali sinifikanti.

(3)Koordinazzjoni aħjar tal-implimentazzjoni tar-riformi strutturali, inklużi dawk preskritti fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż u dawk meħtieġa biex jikkompletaw l-Unjoni Ekonomika u Monetarja, tista’ tiġġenera effetti pożittivi fl-Istati Membri u ssaħħaħ l-effetti pożittivi tagħhom fuq perjodu qasir ta’ żmien. Id-diskussjonijiet tematiċi tal-Grupp tal-Euro fil-fatt kellhom valur siewi biex jinbena fehim komuni tal-prijoritajiet ta’ riforma fiż-żona tal-euro, fejn kien hemm kondiviżjoni tal-aħjar prattiki, promozzjoni tal-implimentazzjoni tar-riforma u tal-konverġenza strutturali. Il-Grupp tal-Euro għandu jissokta b’dawn id-diskussjonijiet, u fejn ikun possibbli jsaħħaħhom, fejn jagħmel użu effettiv ta’ prinċipji u valutazzjoni komparattiva komuni u miftiehma. Il-Bordijiet Nazzjonali ta’ Produttività, li għandhom jiġu stabbiliti b’reazzjoni għar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill adottata fl-20 ta’ Settembru 2016 3 , jistgħu jikkontribwixxu wkoll għad-dibattitu fil-livell nazzjonali u għat-tfassil ta’ riformi strutturali meħtieġa għall-Istati Membri fil-kuntest tal-ekonomija taż-żona tal-euro.

(4)Hija essenzjali koordinazzjoni b’saħħitha ta’ politiki fiskali nazzjonali, ibbażati fuq regoli komuni, biex wieħed jasal għal pożizzjoni fiskali aggregata xierqa u għall-funzjonament tajjeb tal-unjoni monetarja. Ir-regoli fiskali komuni huma mmirati fid-direzzjoni ta’ sostenibbiltà tad-dejn fil-livell nazzjonali, filwaqt li jiġi pprovdut spazju għal stabbilizzazzjoni makroekonomika. Il-pożizzjonijiet fiskali nazzjonali u dawk aggregati taż-żona tal-euro għalhekk għandhom jibbilanċjaw l-objettiv doppju tal-iżgurar tas-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi nazzjonali u l-istabbilizzazzjoni makroekonomika fuq perjodu qasir ta’ żmien kemm fil-livell ta’ pajjiż kif ukoll fil-livell taż-żona tal-euro. Fl-istadju attwali ta’ inċertezza kbira dwar is-saħħa tal-irkupru u l-livell taL-kapaċità żejda fl-ekonomija, meta l-politika monetarja wasslet għal akkomodazzjoni sostanzjali, hi meħtieġa politika fiskali fil-livell taż-żona tal-euro biex tikkumplimenta l-politika monetarja fl-appoġġ tad-domanda, speċjalment fl-investiment, u biex wieħed jimxi lil hinn minn inflazzjoni baxxa. L-effettività tal-politika fiskali, inklużi l-effetti ta’ riperkussjoni madwar il-pajjiżi, hi msaħħa mill-kuntest ta’ rati baxxi ta’ imgħax. Għalhekk hemm każ biex wieħed jirrakkomanda pożizzjoni fiskali aktar pożittiva għaż-żona tal-euro kollha kemm hi. Għall-2017,
il-Kummissjoni tikkunsidra li wieħed jixtieq espansjoni fiskali ta’ mhux anqas minn 0.5% tal-PDG fil-livell taż-żona tal-euro kollha kemm hi fiċ-ċirkostanzi preżenti 4 . Din hi mira prudenti u prammatika, fi ħdan firxa ta’ miri possibbli li għandha livell inferjuri ta’ 0,3% u livell superjuri ta’ 0,8%, sabiex tibbilanċja d-diffikultajiet kemm tal-istabbilizzazzjoni makroekonomika u kemm tas-sostenibbiltà fiskali. Fl-istess ħin, id-dejn pubbliku għadu għoli u għad hemm il-ħtieġa ta’ finanzi pubbliċi sostenibbli f’terminu medju f’għadd ta’ Stati Membri. Għal din ir-raġuni, huwa neċessarju li jiġi żgurat li jkun hemm divrenzjar xieraq ta’ sforzi fiskali fl-Istati Membri, b’kont meħud ta’ spazju fiskali skont ir-regoli u effetti konsegwenzjali fost il-pajjiżi taż-żona tal-euro. L-Istati Membri li qed jissuperaw l-issodisfar tal-objettivi fiskali tagħhom għandhom jużaw l-ispazju fiskali tagħhom għall-appoġġ tad-domanda domestika u l-investimenti ta’ kwalità, inklużi dawk transfruntieri fil-kuntest tal-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa. Per eżempju, il-garanziji tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi huma mezz partikolarment effettiv għall-Istati Membri bi spazju fiskali biex jimmassimizzaw l-impatt fuq l-ekonomija reali u l-irkupru fiż-żona tal-euro. L-Istati Membri li jeħtieġu aġġustamenti fiskali ulterjuri taħt il-fergħa preventiva tal-Patt għandhom jiżguraw li b’mod ġenerali jkunu konformi mar-rekwiżiti tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir għas-sena li ġejja. Taħt il-fergħa korrettiva tal-Patt, jeħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw korrezzjoni fil-ħin tad-defiċits eċċessivi tagħhom, inkluż billi jipprovdu buffers fiskali fil-konfront ta’ ċirkostanzi imprevedibbli. Ir-riformi strutturali, b’mod partikolari dawk li jżidu l-produttività, jappoġġjaw it-tkabbir u jtejbu s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi. Barra minn hekk, titjib deċiżiv tal-kompożizzjoni u l-ġestjoni tal-baġits nazzjonali, kemm fuq in-naħa tad-dħul kif ukoll fuq in-naħa tan-nefqa, billi jċaqilqu r-riżorsi lejn investiment tanġibbli u intanġibbli, jżidu l-impatt tal-baġits fuq id-domanda fuq medda qasira ta’ żmien qasir u fuq il-produttività fit-tul. Huma meħtieġa oqfsa fiskali nazzjonali effettivi biex tissaħħaħ il-kredibbiltà tal-politiki tal-Istati Membri u tgħin biex jinstab l-aħjar bilanċ bejn l-istabbilizzazzjoni makroekonomika fuq medda qasira ta’ żmien, is-sostenibbiltà tad-dejn u t-tkabbir fit-tul.

(5)Is-swieq tax-xogħol qed ikomplu jirkupraw gradwalment fiż-żona tal-euro, bi tnaqqis kostanti fil-qgħad. Madankollu, il-qgħad fit-tul u l-qgħad fost iż-żgħażagħ għadhom għoljin, filwaqt li l-faqar stabbilizza ruħu f’livell għoli f’bosta Stati Membri. Minkejja xi progress fir-rigward ta’ riformi biex titjieb ir-reżiljenza u l-kapaċità ta’ aġġustament tas-swieq tax-xogħol, għad hemm differenzi sinifikanti madwar iż-żona tal-euro, li qed ikompli jpoġġu jxekklu l-funzjonament taż-żona tal-euro. Sistemi mfassla tajjeb, ġusti u inklużivi tas-suq tax-xogħol, tal-protezzjoni soċjali u tat-taxxa u dawk ta’ benefiċċju huma meħtieġa għal riallokazzjoni kostanti u bla xkliel tal-ħaddiema lejn aktar attivitajiet produttivi, biex jappoġġaw ir-(ri)integrazzjoni ta’ dawk li huma affettwati minn tranżizzjonijiet bejn xogħlijiet jew li jiġu esklużi mis-suq tax-xogħol, biex titnaqqas is-segmentazzjoni, tiġi promossa l-ġustizzja soċjali, inkluż billi jiżdiedu l-opportunitajiet ta’ impjiegi ta’ kwalità. Dawn se jwasslu wkoll għal aktar stabbilizzazzjoni awtomatika effettiva u għal tkabbir aktar b’saħħtu u impjiegi li huma importanti biex jiġu indirizzati l-isfidi soċjali fiż-żona tal-euro. Ir-riformi neċessarji jinkludu: (i) bidliet fil-leġiżlazzjoni tal-ħarsien tal-impjiegi bl-għan li jintlaħqu arranġamenti kuntrattwali affidabbli, li jipprovdu flessibilità u sigurtà kemm għall-impjegati kif ukoll għall-impjegaturi, jippromwovu tranżizzjonijiet tas-suq tax-xogħol u jippermettu aġġustament fil-kostijiet tax-xogħol meta jkun meħtieġ, qasam fejn l-isforzi ta’ riforma f’dawn l-aħħar snin kienu partikolarment intensi;
(ii) it-titjib tal-ħiliet billi jitjiebu l-prestazzjoni u l-effiċjenza tas-sistemi tal-edukazzjoni u l-istrateġiji komprensivi ta’ tagħlim tul il-ħajja, li jiffokaw fuq il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol; (iii) politiki effikaċi tas-suq tax-xogħol attiv, biex jgħinu lil dawk qiegħda, inklużi dawk qiegħda fit-tul, biex jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol u tiżdied il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u (iv) sistemi moderni u adegwati ta’ protezzjoni soċjali li jappoġġaw lil dawk fil-bżonn, inkluż il-persuni qiegħda u dawk li jinsabu barra mis-suq tax-xogħol, u jiġu pprovduti inċentivi għall-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol. Barra minn hekk, meta t-taxxa titneħħa minn fuq ix-xogħol, partikolarment għal dawk b’introjtu baxx u l-iżgurar ta' sistemi tat-taxxa l-istess għal kulħadd, ir-riżultati fis-suq tax-xogħol jistgħu jitjiebu. L-Istati Membri taż-żona tal-euro li implimentaw riformi bħal dawn huma aktar reżiljenti u juru prestazzjoni aħjar fil-qasam tal-impjiegi u dak soċjali

(6)L-istabbiliment tal-Unjoni Bankarja mexa ’l quddiem, iżda għadu mhux lest. In-nuqqas ta’ skema ta’ garanzija tad-depożiti komuni u ta’ garanzija ta’ kontinġenza komuni għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni, ifixkel l-abbiltà tal-Unjoni Bankarja li taqta’ r-rabta bejn il-banek u s-sovrani. Filwaqt li l-flessibilità kumplessiva tas-settur bankarju taż-żona tal-euro żdiedet minħabba l-kriżi, il-pressjoni fuq il-banek akkumulat minħabba għadd ta’ fatturi, bħal livelli għolja ta’ self improduttiv, mudelli ta’ negozju ineffiċjenti u kapaċità żejda f’xi Stati Membri, li kollha jirriżultaw fi profitti baxxi u isfidi għall-vijabbiltà. Dik il-pressjoni tliġġem il-ħila tal-banek li jipprovdu self lill-ekonomija. Ir-riskji jinfirxu wkoll fuq l-ekonomija reali, fejn il-livell ta’ dejn pubbliku u dak privat mhux finanzjarju f’xi Stati Membri għadu għoli. Hemm ħtieġa għal diżingranaġġ ordnat kontinwu fis-settur privat permezz ta’ ħidma, isservissjar u jekk ikun hemm bżonn ristrutturazzjoni tad-dejn vijabbli, u bil-likwidazzjoni tal-istokks tad-dejn mhux vijabbli, sabiex il-kapital ikun jista’ jintuża aktar malajr u b’mod effiċjenti. F’dan il-kuntest, l-ittrattar ta’ livelli ta’ self improduttiv li għadhom għoljin u s-segwiment tal-prinċipji komuni fit-tfassil ta’ oqfsa ta’ insolvenza għan-negozji u għall-familji, inkluż billi jittejbu l-proċeduri ta’ insolvenza u l-oqfsa ta’ riżoluzzjoni barra l-qrati, jikkostitwixxu l-komponenti ewlenin ta’ proċess ta’ diżingranaġġ li jirnexxi u li jiffavorixxi t-tkabbir.

(7)Matul l-aħħar sena, sar xi progress dwar l-inizjattivi ppreżentati fir-Rapport tal-Ħames Presidenti dwar l-ikkompletar tal-UEM, bħar-rwol akbar tad-dimensjoni taż-żona tal-euro tas-Semestru Ewropew, ir-rakkomandazzjoni fuq il-Bordijiet Nazzjonali għall-Produttività u l-istabbiliment ta’ Bord Fiskali Ewropew fi ħdan il-Kummissjoni. Għaddejja wkoll ħidma dwar titjib fit-trasparenza u tnaqqis tal-kumplessità tar-regoli fiskali. Madankollu għad ma hemmx ftehim fuq inizjattivi oħra ta’ importanza kruċjali għall-UEM, bħall-Skema Ewropea ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti proposta mill-Kummissjoni f’Novembru tal-2015. Barra minn hekk, hemm sfidi usa’ x’jiġu indirizzati fid-dawl tar-Rapport tal-Ħames Presidenti. Il-Kummissjoni ħabbret l-intenzjoni tagħha li f’Marzu 2017 tippreżenta White Paper dwar il-futur tal-Ewropa, li ser tinkludi wkoll il-futur tal-UEM. Il-qbil dwar it-triq operazzjonali ’il quddiem tirrikjedi sens kondiviż ta’ appartenenza u sens komun ta’ impenn fost l-Istati Membri kollha taż-żona tal-euro u l-istituzzjonijiet tal-UE kif ukoll fost l-Istati Membri mhux fiż-żona tal-euro, u UEM b’saħħitha se tgħin biex jiġu indirizzati l-isfidi li qed tiffaċċja l-UE b’mod iktar b’saħħtu u jkollha impatt pożittiv fuq Stati Membri mhux fiż-żona tal-euro,

B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Istati Membri taż-Żona tal-Euro jieħdu azzjoni b'mod individwali u kollettiv fil-Grupp tal-Euro, fil-perjodu 2017-2018 biex:

1.Isegwu politiki li jappoġġaw it-tkabbir fuq perjodu ta’ żmien qasir u fit-tul, u jitjiebu l-kapaċità ta’ aġġustament, l-ibbilanċjar mill-ġdid u l-konverġenza. Jipprijoritizzaw ir-riformi li jżidu l-produttività, itejbu l-ambjent tan-negozju u dak istituzzjonali, jitneħħa x-xkiel għall-investiment, jappoġġjaw il-ħolqien tal-impjiegi. L-Istati Membri b’defiċits fil-kontijiet kurrenti u dejn estern għoli, għandhom iżidu l-produttività filwaqt li jiġu limitati l-kostijiet tal-unitajiet lavorattivi. L-Istati Membri b’bilanċi favorevoli kbar fil-kontijiet kurrenti għandhom jaċċelleraw l-implimentazzjoni ta’ miżuri li jgħinu fit-tisħiħ tad-domanda domestika tagħhom, b’mod partikolari l-investiment.

2.Jwettqu pożizzjoni fiskali ġeneralment pożittiva li tikkontribwixxi għal taħlita bilanċjata ta’ politiki,
għall-appoġġ tar-riformi u għat-tisħiħ tal-irkupru permezz ta’ espansjoni fiskali sa mhux iżjed minn 0,5% tal-PDG fl-2017. Iġibu flimkien l-isforzi nazzjonali biex jiżguraw is-sostenibbiltà fiskali fit-tul fir-rigward tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir bi stabbilizzazzjoni makroekonomika fuq medda qasira ta’ żmien għaż-żona tal-euro, bl-użu tal-ispazju kollu tal-immanuvrar disponibbli taħt il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Jiddivrenzjaw l-isforz fiskali minn Stati Membri individwali b'kunsiderazzjoni aħjar tal-pożizzjoni rispettiva tagħhom fir-rigward tar-rekwiżiti skont il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, is-sitwazzjoni tal-aggregat taż-żona tal-euro u r-riperkussjonijiet fost il-pajjiżi taż-żona tal-euro. (i) għall-Istati Membri li qed jissuperaw l-issodisfar tal-objettivi fiskali tagħhom, jużaw l-ispazju fiskali tagħhom għall-appoġġ tad-domanda domestika u l-investimenti ta’ kwalità, inklużi dawk transfruntieri bħal parti mill-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa; (ii) għall-Istati Membri li jeħtieġu aġġustamenti fiskali ulterjuri taħt il-fergħa preventiva tal-Patt, jiżguraw li b’mod ġenerali li jkunu konformi b’mod ġenerali mar-rekwiżiti tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir; (iii) għall-Istati Membri taħt il-fergħa korrettiva, jiżguraw korrezzjoni fil-ħin tad-defiċits eċċessivi tagħhom, inkluż billi jipprovdu buffers fiskali fil-konfront ta’ ċirkostanzi imprevedibbli. Itejbu l-kompożizzjoni tal-finanzi pubbliċi billi joħolqu aktar spazju għal investiment tanġibbli u intanġibbli u jiġi żgurat il-funzjonament effettiv tal-oqfsa fiskali nazzjonali.

3.Jimplimentaw riformi biex jippromwovu l-ħolqien tal-impjiegi, il-ġustizzja u l-konverġenza soċjali, mirfuda minn djalogu soċjali effettiv. Għandhom jikkombinaw: (i) kuntratti ta’ xogħol affidabbli li jipprovdu flessibbiltà u sigurtà għall-impjegati u l-impjegaturi;
(ii) sistemi ta’ edukazzjoni u ta’ taħriġ ta’ kwalità u effiċjenti u strateġiji komprensivi ta’ tagħlim tul il-ħajja mmirati lejn il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol; (iii) politiki attivi tas-suq tax-xogħol effettivi biex tkun appoġġata l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol; (iv) sistemi moderni ta' protezzjoni soċjali li jappoġġaw lil dawk fil-bżonn u jipprovdu inċentivi għalll-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol L-ispostament tat-taxxi lil hinn mix-xogħol, partikolarment dawk bi dħul baxx u fl-Istati Membri fejn il-kompetittività f’termini ta’ kostijiet hi inqas mill-medja taż-żona tal-euro, u l-impatt fuq il-baġit isir newtrali fil-pajjiżi mingħajr spazju fiskali fejn jimmanuvraw.

4.Jaqblu fuq skema Ewropea ta’ assigurazzjoni tad-depożit fuq il-bażi tal-proposta tal-Kummissjoni ta’ Novembru 2015 u jibda x-xogħol fuq garanzija komuni ta' kontinġenza għall-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni biex isir operazzjonali qabel it-tmiem tal-perjodu trażitorju tal-Fond. Ifasslu u jimplimentaw strateġija effettiva u taż-żona tal-euro kollha, biex jindirizzaw ir-riskji għall-vijabbiltà tas-settur bankarju, inkluż fir-rigward ta’ livell għoli ta’ self improduttiv, mudelli ineffiċjenti ta’ negozju u ta’ kapaċità żejda. Fl-Istati Membri bi stokkijiet kbar ta’ dejn privat, jippromwovu diżingranaġġ ordnat.

5. Jaċċelleraw inizjattivi biex jikkompletaw l-UEM b’rispett sħiħ tas-suq intern tal-UE u b’mod miftuħ u trasparenti. Jimplimentaw l-azzjonijiet pendenti taħt l-istadju 1 tar-Rapport tal-Ħames Presidenti dwar l-ikkompletar tal-UEM.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1) ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.
(2) ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.
(3) ĠU C 349, 24.9.2016, p. 1.
(4) Ara COM(2016) 727 final,16.11.2016.