Brussell, 16.11.2016

COM(2016) 725 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2017


Introduzzjoni

L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2017 jenfasizza l-aktar prijoritajiet ekonomiċi u soċjali pressanti li jeħtieġ li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha jiffukaw l-attenzjoni tagħhom fuqhom fix-xhur li ġejjin. Id-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni tal-President tal-14 ta' Settembru 2016 enfasizza l-ħtieġa li l-Ewropa ssaħħaħ l-irkupru ekonomiku tagħha u tinvesti bis-saħħa fiż-żgħażagħ tagħha u f'dawk li jkunu qed ifittxu x-xogħol, kif ukoll fin-negozji ġodda u fl-SMEs tagħha. L-Ittra ta' Intenzjoni ffirmata mill-President u mill-Ewwel Viċi President fl-istess jum, u indirizzata lill-Presidenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm irkupru ekonomiku li jibbenefika minnu kulħadd, speċjalment il-partijiet id-dgħajfa tas-soċjetajiet tagħna, u li jsaħħaħ il-korrettezza u d-dimensjoni soċjali tas-suq uniku tagħna. Din l-Ittra tidentifika għadd ta' modi li bihom wieħed jista' joħloq aktar impjiegi, tkabbir u investiment għall Unjoni, u dawn huma l-ewwel prijorità tal-Kummissjoni. 1 L-iżgurar ta' futur ekonomiku promettenti għal kulħadd, is-salvagwardja tal-mod tal-ħajja tagħna u l-għoti ta' opportunitajiet aħjar għaż-żgħażagħ kienu enfasizzati wkoll bħala prijoritajiet fil-"pjan direzzjonali ta' Bratislava" approvat mill-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern tas-27 Stat Membru
fis-16 ta' Settembru 2016.

Il-gwida tal-politika pprovduta f'dan l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir huwa akkumpanjat minn rakkomandazzjoni speċifika għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika għaż-Żona tal-Euro 2 , Komunikazzjoni dwar pożizzjoni fiskali pożittiva għaż-Żona tal-Euro, 3 u analiżi dettaljata ta' kundizzjonijiet ekonomiċi, 4 soċjali u tas-suq tax-xogħol. 5 Din il-Komunikazzjoni tibni fuq l-istrateġija ta' politika ekonomika tat-trijanglu virtwuż tal-investiment, tar-riformi strutturali u tal-finanzi pubbliċi responsabbli, li din il-Kummissjoni segwiet sa mill-bidu tal-mandat tagħha, bħala parti mill-aġenda ġenerali tagħha għall-impjiegi, għat-tkabbir, għall-korrettezza u għall-bidla demokratika. Ibbenefikat ukoll minn diskussjonijiet fil-Parlament Ewropew, fil-Kunsill f'istituzzjonijiet oħra tal-UE wara d-Diskors dwar l-Istat tal-Unjoni. Barra minn hekk, tqiesu wkoll il-fehmiet espressi mis-sħab soċjali fid-djalogi stabbiliti.

Hemm għadd ta' żviluppi pożittivi fl-UE, li jimmarkaw ir-reżiljenza u l-irkupru tal-ekonomija Ewropea, minkejja l-inċertezza usa' madwar id-dinja. L-Istati Membru kollha qed jerġgħu jikbru. L-investiment beda jirpilja. Mill-2013 sa issa nħolqu tmien miljun impjieg ġdid. Ir-rata ta' impjieg żdiedet ukoll. Jekk it-tendenzi attwali jkomplu, il-mira ta' rata ta' mpjieg ta' 75 % fl-Ewropa 2020 tista' tintlaħaq. Iż-żieda fir-rati ta' parteċipazzjoni matul is-snin, minkejja l-kriżi, hija prova oħra ta' titjib strutturali fil-prestazzjoni tas-swieq tax-xogħol. Il-livell medju ta' defiċit pubbliku, li kien jaqbeż is-6 % għaż-Żona tal-Euro ftit tas-snin ilu, jinsab taħt it-2 % u se jkompli jonqos. Il-livelli tad-dejn tal-gvern stabbilizzaw ruħhom u huma mistennija li jonqsu.

Madankollu, ma hemm l-ebda lok għal kompjaċenza billi l-irkupru għadu fraġli. It-tkabbir, l-impjiegi u l-investiment għadhom jinżammu lura minn legati li ġejjin mill-kriżi, kif ukoll minn nuqqasijiet strutturali li jmorru lura għas-snin ta' qabel il-kriżi. Minkejja titjib riċenti, il-qgħad għadu għoli wisq f'ħafna partijiet tal-Ewropa u l-perjodu mtawwal ta' qgħad għoli qed iħalli effett soċjali fuq ħafna Stati Membri. Barra minn hekk, il-PDG u r-rati ta' tkabbir fil-produttività għadhom taħt il-potenzjal sħiħ u l-livelli tal-investiment għadhom taħt
il-livelli ta' qabel il-kriżi. Barra minn hekk, għad hemm żbilanċi sinifikanti u riskji usa' fiż-Żona tal-Euro u l-UE b'mod aktar ġenerali, u l-konverġenza fost l-Istati Membri u fi ħdanhom waqfet f'ħafna każi.

Kaxxa 1. Żviluppi ekonomiċi u soċjali ewlenin 2014-2016


Minn meta l-Kummissjoni bdiet il-mandat tagħha, kien hemm għadd ta' żviluppi pożittivi:

Għal dawn l-aħħar ftit snin, l-ekonomija tal-EU u taż-Żona tal-Euro marru lura għat-tkabbir moderat li huwa mbassar li se jkompli fis-snin li ġejjin. Il-PDG tal-UE issa huwa ogħla minn qabel il-kriżi.

Kull ma jmur, l-irkupru dejjem qed isir iktar iffukat fuq l-impjiegi, anki bis-saħħa ta' riformi strutturali riċenti f'għadd ta' Stati Membri. Mill-2013 sa issa nħolqu tmien miljun impjieg ġdid, li minnhom kważi ħames miljun inħolqu mill-bidu tal-mandat ta' din il-Kummissjoni.

Ir-rata tal-qgħad fl-UE baqgħet tonqos u kienet 8,6 % f'Settembru 2016, fejn laħqet l-aktar livell baxx tagħha sa mill-2009.

Fl-istess ħin, ir-rata ta' impjieg fil-grupp ta' età minn 20 sa 64 sena, li kienet 71,1 % (fit-tieni kwart tal-2016), għall-ewwel darba hija ogħla minn dak li ġie osservat fl-2008. Dan ifisser li l-mira tar-rata ta' impjieg ta' 75 % impjieg stabbilita mill-istrateġija Ewropa 2020 tista' tintlaħaq, jekk it-tendenza attwali tkompli.

L-investiment totali beda jerġa' jikber fl-UE mill-2014 u huwa mbassar li jkompli jikber (UE: 2014: +1,2 %; 2015: +2,2 %; 2016: +2,0 %; 2017: +2,1 % 2018: +2,8 %).

Id-defiċits pubbliċi fiż-Żona tal-Euro naqsu minn medja ta' 6 % tal-PDG ftit tas-snin ilu għal ħafna taħt it-2 % din is-sena, u dan it-tnaqqis huwa mistenni li jkompli. Dan ippermetta li għadd ta' pajjiżi joħorġu mill-Proċedura ta' Defiċit Eċċessiv f'dawn l-aħħar snin.

Id-dejn tal-gvern fl-UE u fiż-Żona tal-Euro huwa mistenni li jkompli jonqos mill-ogħla livell tiegħu fl-2014 u huwa mistenni li jibqa 86,0 % fl-2016 (91,6 % fiż-Żona tal-Euro) u jkompli jonqos ftit matul is-sentejn li ġejjin.

Madankollu, ma hemm l-ebda lok għal kompjaċenza:

Is-sitwazzjonijiet favorevoli li appoġġaw l-irkupru sa issa qed jonqsu (prezzijiet taż-żejt aktar baxxi, euro deprezzata), u hemm riskji għall-futur, inkluż mill-ambjent globali, iżda anki b'riżultat tal-inċertezza li nħolqot mir-referendum tar-Renju Unit.

L-irkupru kien megħjun ħafna mill-politika monetarja tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), inklużi r-rati baxxi tal-imgħax li rriżultaw minn dan, sa issa.

It-tkabbir baqa' modest u għadu jinżamm lura minn legati li ġejjin mill-kriżi, bħad-dejn privat, iżda anki minn nuqqasijiet strutturali li jmorru lura għas-snin ta' qabel il-kriżi. Is-sitwazzjoni tas-settur bankarju hija eżempju prominenti.

Għad hemm evidenza ta' żbilanċi makroekonomiċi u konverġenza limitata, speċjalment fiż-Żona tal-Euro.

Il-maturazzjoni titfa' pressjoni fuq is-sostenibbiltà finanzjarja u l-adegwatezza tas-sistemi ta' protezzjoni soċjali.

Hemm livelli għoljin ħafna ta' dejn f'ċerti pajjiżi, b'seba' Stati Membri fiż-Żona tal-Euro li għandhom dejn qrib jew aktar minn 100 % tal-PDG.

Ir-riformi strutturali għadhom mhumiex kompluti f'ħafna mill-Istati Membri u t-twassil tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż ħafna drabi huma inkonsistenti. Il-modernizzazzjoni tal-prodotti, tas-servizzi u tas-swieq tax-xogħol għadhom prijorità f'ħafna Stati Membri.

Livelli għolja ta' inugwaljanza jnaqqsu l-eżitu tal-ekonomija u l-potenzjal għal tkabbir sostenibbli, u r-riskji ta' faqar u esklużjoni soċjali baqgħu għolja ħafna għalkemm qed jonqsu.

Għalkemm il-qgħad naqas, għadu għoli ħafna f'ċerti Stati Membri.


Barra minn hekk, il-globalizzazzjoni, l-iżviluppi demografiċi u teknoloġiċi huma sorsi importanti ta' bidla, li jeħtieġ li jibbenefika kulħadd minnhom. Dawn l-iżviluppi jistgħu jmorru lura, u jeħtieġ li dan ma jsirx, iżda jridu jkunu kkumplimentati, b'mod partikulari minn sforzi li jiżguraw li l-benefiċċji tal-globalizzazzjoni u l-bidla teknoloġika,inkluża d-diġitizzazzjoni, ikunu distribwiti b'mod ġust fost gruppi differenti fis-soċjetà, speċjalment fost iż-żgħażagħ. Tħassib dwar ugwaljanza, korrettezza u inklużività jsejjaħ għal sensibilizzazzjoni fil-livelli kollha dwar l-impatt ta' politiki u riformi dwar id-distribuzzjoni tal-introjtu.

Kaxxa 2. Sommarju ta' oqsma ewlenin għall-azzjoni fil-livell tal-UE



Fil-livell tal-Unjoni Ewropea, din il-Kummissjoni hija impenjata li:

Issegwi politika ekonomika bbażata fuq it-trijanglu virtwuż ta' xprunar tal-investiment, ilħiq tar-riformi strutturali, u żgurar tal-politiki fiskali responsabbli. Il-Kummissjoni ġeddet is-Semestru Ewropew skont dan, anki billi allokat aktar ħin għal djalogu mal-Istati Membri u ssimplifikat il-kunsiderazzjonijiet soċjali flimkien mal-miri ekonomiċi.

Tapplika r-regoli tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, inkluż billi tuża l-flessibbiltà mibnija minn ġewwa biex tqis aħjar iċ-ċiklu ekonomiku u biex tiffaċilita r-riformi u l-investiment, permezz tal-hekk imsejħa klawżoli ta' "investiment" u tar-"riformi strutturali".

Tniedi Pjan ta' Investiment għall-Ewropa biex tagħmel tajjeb għad-diskrepanza fl-investiment, inkluż permezz tal-estenzjoni tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, impatt imsaħħaħ tal-fondi tal-UE b'appoġġ tal-Pjan, sforzi biex tittratta l-ostakli għall-investiment u sorsi ġodda ta' finanzjament għall-ekonomija reali, permezz ta' Unjoni tas-Swieq Kapitali.

Tieħu l-miżuri meħtieġa biex issaħħaħ is-Suq Uniku fil-qasam tas-servizzi u tal-prodotti, kif ukoll l-infrastruttura, biex tikkompleta l-Unjoni tal-Enerġija u biex twaqqaf Suq Uniku Diġitali reali, biex tespandi l-opportunitajiet għan-negozji tal-UE permezz ta' ftehimiet kummerċjali, kif ukoll biex tiżgura sistema ta' tassazzjoni ġusta madwar l-UE.

Tipprijoritizza l-investiment fil-kapital uman billi tniedi Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa, tixpruna t-tnedija tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u tagħmel valutazzjoni komparattiva tal-prestazzjonijiet fl-edukazzjoni u t-taħriġ.

Tikkompleta l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa, permezz ta' "approfondiment permezz ta' azzjoni", inkluż billi tappoġġa d-djalogu soċjali tal-UE, iżda anki permezz ta' inizjattivi biex tikkompleta l-Unjoni Bankarja u biex tqis aħjar il-prijoritajiet taż-Żona tal-Ruro kollha kemm hi.

Il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2014 jiġbor flimkien il-prijoritajiet tagħha għas-sena d-dieħla.

– l-ilħiq tar-riformi strutturali;

– u l-iżgurar tal-politiki fikali responsabbli.

1. Xprunar tal-investiment

1.1 Titjib fil-funzjonament tas-settur finanzjarju

L-aċċess għal finanzjament huwa kruċjali għan-negozji biex ikunu jistgħu jikbru u jinbidlu. F'xi Stati Membri, il-proporzjon ta' SMEs li jidentifikaw l-aċċess għal finanzjament bħala l-aktar sfida importanti għadu għoli (30 % fil-Greċja u 25 % f'Ċipru). Il-problema tal-finanzjament hija rappurtata wkoll mill-iżgħar kumpaniji (12 % tal-mikrointrapriżi), mill-kumpaniji relativament ġodda (13 % minn dawk stabbiliti f'dawn l-aħħar sentejn sa ħames snin) u mill-kumpaniji ġodda u bi tkabbir għoli (14 % tal-kumpaniji b'rati ta' tkabbir annwali ta' 20 % jew aktar - gazelles). 8 Billi l-SMEs jiddependu primarjament fuq is-settur bankarju għall-finanzjament, għad hemm tħassib dwar l-aċċess tagħhom għall-kreditu, speċjalment f'pajjiżi b'sistemi bankarji li għaddejin minn aġġustament. Sabiex tappoġġa u tirriforma l-qafas tal-kapital ta' riskju li huwa essenzjali għall-kumpaniji bi tkabbir għoli, b'mod partikulari, u sabiex tgħin lis-swieq finanzjarji jipprovdu aktar kreditu lill-ekonomija, il-Kummissjoni pproponiet emendi għar-regolament tal-Fondi Ewropej ta' Kapital ta' Riskju u tal-Fondi ta' Intraprenditorija Soċjali Ewropej, u b'hekk tieħu pass ieħor lejn il-ħolqien tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali.

L-Unjoni tas-Swieq Kapitali tista' tipprovdi l-kundizzjonijiet għal aċċess ugwali għal finanzjament għad-ditti kollha madwar l-Istati Membri, b'hekk tħeġġeġ l-investiment u l-innovazzjoni mingħajr distorsjonijiet. Il-kundizzjonijiet u l-mudelli ta' finanzjament ivarjaw b'mod sinifikanti minn Stat Membru għal ieħor, b'hekk joħolqu distorsjoni fil-funzjoni ewlenija tas-settur finanzjarju biex taġixxi bħala intermedjarju effiċjenti bejn is-sorsi tal-kapital u l-opportunitajiet tal-investiment. Unjoni tas-Swieq Kapitali żviluppata tipprovdi sorsi alternattivi ta' finanzjament, permezz ta' swieq azzjonarji u tal-bonds, biex minn naħa tikkomplementa s-sistema bankarja, u min-naħa l-oħra tiffaċilita l-valutazzjoni tar-riskju proprja u l-allokazzjoni tal-kapital fis-sistema finanzjarja. Jeħtieġ li jkun hemm fluss tal-kapital lejn oqsma ta' tkabbir ta' produttività ogħla, attivitajiet produttivi għoljin u innovazzjonijiet. Swieq tal-kapital aktar integrati jipprovdu wkoll bafer kontra skossi ekonomiċi permezz ta' tqassim tar-riskju fis-settur privat. Lil hinn mill-ħtieġa li tiġi żgurata adozzjoni rapida tal-miżuri diġà proposti mill-Kummissjoni, bidliet addizzjonali fil-qafas leġiżlattiv li jkunu applikabbli għall-investimenti minn kumpaniji tal-assigurazzjoni u banek f'assi tal-infrastruttura u intrapriżi żgħar u medji jgħinu biex jiżdied il-finanzjament tal-ekonomija. Barra minn hekk, l-ineffiċjenzi fl-oqfsa nazzjonali ta' insolvenza jwasslu għal kundizzjonijiet inekwi għall-aċċess għal kreditu fl-Istati Membri. Il-Kummissjoni dalwaqt tippreżenta proposta dwar oqfsa ta' ristrutturar preventiv, ċans ieħor, u miżuri li jtejbu l-proċeduri ta' insolvenza.

Jeħtieġ ukoll li l-Istati Membri jindirizzaw id-dgħjufijiet li fadal fis-settur bankarju biex jitrawwem l-investiment u jiġi ffaċilitat il-finanzjament tal-ekonomija Ewropea. Il-livell għoli ta' self improduttiv għadu sfida serja f'għadd ta' Stati Membri. Self improduttiv u ineffiċjenzi operazzjonali flimkien ma' mgħaxx baxx u ambjent ta' tkabbir baxx jitfgħu pressjoni fuq il-profitabbiltà tal-banek, li min-naħa tagħha titfa' pressjoni fuq il-kapaċità tal-banek li jiġġeneraw jew iżidu kapital ġdid b'appoġġ għal self ġdid u għaldaqstant fuq il-kapaċità tagħhom li jappoġġaw l-irkupru ekonomiku. Biex jinkiser dan iċ-ċirku vizzjuż jeħtieġ li l-banek jinħallu minn dan il-piż, mingħajr ma jkun hemm impatt fuq il-finanzi pubbliċi. Oqfsa straġudizzjarji u ta' insolvenza effettivi, inkluż ristrutturar preventiv, huma kruċjali f'dan il-kuntest u r-riformi adottati għandhom ikunu implimentati bis-sħiħ. L-għoti ta self improduttiv, u l-bejgħ tiegħu, lil istituzzjonijiet speċjalizzati li mhumiex banek għandu jkun possibbli u ta' min jinkoraġġieh fl-Istati Membri kollha, f'konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti.

Jinħtieġ li l-banek ikunu mħeġġa jtejbu l-effiċjenza operazzjonali tagħhom. 
Fatturi ċikliċi u strutturali - inkluż rekwiżiti regolatorji ġodda u l-ambjent ta' rendiment baxx - kellhom impatt fuq il-profittabbiltà tal-banek. L-aġġustament tal-mudelli kummerċjali tal-banek għall-ambjent operazzjonali l-ġdid jeħtieġ aktar sforzi, li jistgħu jinkludu aktar tnaqqis tal-kapaċità żejda u l-konsolidazzjoni settorjali. Jinħtieġ li jintlaħaq qbil malajr fuq l-inizjattivi regolatorji pendenti sabiex jiġu żgurati ċ-ċarezza u ċ-ċertezza ġuridiċi, filwaqt li jiġi evitat impatt mhux dovut fuq il-finanzjament tal-ekonomija reali. Jinħtieġ li inizjattivi addizjonali previsti fil-livell internazzjonali ma jwasslux għal żidiet ġenerali sinifikanti ta' rekwiżiti kapitali.

Jinħtieġ li l-progress biex tiġi kompluta l-Unjoni Bankarja jkun rapidu u jitlob titjib parallel biex ikompli jitnaqqas u jinqasam ir-riskju. Ir-reżiljenza tas-settur bankarju żdiedet b'mod konsiderevoli f'dawn l-aħħar snin. Madankollu, il-prezzijiet tal-istokkijiet tal-banek għaddew minn perjodi ta' stress qawwi fl-2016, anki minħabba żviluppi fis-swieq internazzjonali, bħat-turbulenza fiċ-Ċina jew wara l-eżitu tar-referendum tar-Renju Unit. Huwa essenzjali li tiġi salvagwardjata u tkompli terġa' tinbena l-fiduċja fis-settur bankarju. Id-Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni, flimkien ma' regoli dwar l-Għajnuna mill-Istat tal-UE, jipprovdu l-qafas biex tissalvagwardja l-istabbiltà finanzjarja filwaqt li tipproteġi lill-kontribwenti. Jinħtieġ li tiġi aċċellerata l-ħidma fuq garanzija ta' kontinġenza komuni għall-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni. Jinħtieġ li jitkomplew id-diskussjonijiet dwar Skema Ewropea ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti (SEAD), bil-għan li jintlaħaq ftehim mill-koleġiżlaturi malajr kemm jista' jkun, u jenħtieġ li l-adozzjoni dwar il-proposti li ġejjin dwar it-tnaqqis tar-riskju wkoll tingħata prijorità.

1.2 Żieda fl-impatt tal-fondi tal-UE b'appoġġ għall-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa

Irriżulta li l-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa huwa għodda utli biex jitwasslu riżultati konkreti u titħeġġeġ żieda sostenibbli fl-investiment fl-Istati Membri. Il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) immobilizza kważi EUR 138 biljun madwar 27 Stat Membru fi ftit aktar minn sena. Matul l-istess perjodu, kważi 300 000 SME huma mistennija li jkunu bbenefikaw mill-FEIS. 9 Il-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa, permezz tad-diversi aspetti tiegħu (strumenti finanzjarji, assistenza teknika u miżuri li jtejbu l-ambjent kummerċjali), qed jagħmel differenza reali f'firxa ta' setturi billi jappoġġa l-proġetti innovattivi li jikkontribwixxu għall-ħolqien tal-impjiegi f'komunitajiet lokali, kif ukoll jittratta l-qgħad fost iż-żgħażagħ. Dawn il-proġetti huma kritiċi għall-futur tal-ekonomija tal-UE u jimmiraw lejn oqsma ewlenin bħall-appoġġ għall-SMEs, l-innovazzjoni u r-RuŻ, l-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza enerġetika, l-infrastruttura diġitali u tat-trasport.

Aktar proġetti f'aktar Stati Membri se jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-Pjan ta' Investiment. Il-Kummissjoni pproponiet li testendi l-FEIS (proposta għal "FEIS 2.0") u tirdoppja l-ammont tagħha biex tilħaq EUR 630 miljun sal-2022, filwaqt li fl-istess ħin ittejjeb il-kopertura ġeografika u settorjali. Huwa essenzjali li din il-proposta tiġi adottata b'mod rapidu. 10

Apparti l-estensjoni tal-FEIS, il-kopertura ġeografika se tkompli titjieb permezz ta' possibbiltajiet addizzjonali u ssimplifikati li jgħaqqdu l-FEIS mal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE), flimkien ma' assistenza teknika mtejba madwar l-Ewropa. Il-perjodu ta' programmazzjoni l-ġdid tal-FSIE, li jikkontribwixxi EUR 454 biljun għall-investiment fl-Istati Membri matul il-perjodu mill-2014 sal-2020, żied l-enfasi fuq l-użu effettiv u effiċjenti tar-riżorsi tal-UE billi talab li l-programmi jidentifikaw b'mod ċar ir-riżultati intiżi u jibdilhom f'miri kwantifikabbli. Barra minn hekk, l-Istati Membri huma mitluba jaħdmu għall-ħolqien ta' kundizzjonijiet leġiżlattivi u strutturali li jippermettu li s-setturi jirċievu l-fondi biex jilħqu l-miri b'mod effettiv. Għall-futur, il-Kummissjoni pproponiet li żżid il-possibbiltajiet ta' taħlit bejn il-FEIS u l-FSIE, kif ukoll mal-Faċilità Nikkolegaw l-Ewropa.

L-investimenti sostenibbli jixprunaw il-produttività madwar l-ekonomija permezz ta' effiċjenza mtejba tar-riżorsi u dik enerġetika u spejjeż tal-input imnaqqsa, filwaqt li jitnaqqsu l-ispejjeż u l-impatti esterni. B'mod aktar partikulari, l-appoġġ għat-tranżizzjoni lejn ekonomija b'emissjonijiet baxxi u waħda ċirkolari se joħolqu impjiegi ġodda fis-servizzi bħas-servizzi innovattivi, ta' manutenzjoni u ta' tiswija u fit-tfassil u l-produzzjoni ta' prodotti ġodda u aktar sostenibbli. Oqsma speċifiċi fejn ir-rilevanza makroekonomika tal-ekonomija ċirkolari u l-effiċjenza mtejba tar-riżorsi hija potenzjalment sinifikanti jinkludu l-akkwist pubbliku ekoloġiku, l-investimenti fl-infrastruttura tal-iskart u tal-ilma, il-kostruzzjoni sostenibbli, il-materja prima kritika, il-bijofjuwil u l-bijokimiki, kif ukoll l-investiment relatat mal-enerġija u mal-klima.

Jinħtieġ ukoll li l-investimenti jiffukaw fuq il-kapital uman u l-infrastruttura soċjali. L-iżvilupp ta' servizzi ta' kura fit-tul u faċilitajiet ta' kura tat-tfal affordabbli u flessibbli huwa partikolarment importanti biex jitnaqqsu obbligi ta' kura lejn l-anzjani u t-tfal, li ta' spiss jaffettwaw lin-nisa. L-isforzi ta' investiment sostenibbli huma meħtieġa wkoll fl-edukazzjoni u fit-tagħlim tul il-ħajja sabiex jiġu appoġġati l-impjegabbiltà u jiġi rimedjat ir-riskju ta' lakuni fil-pagi u fil-kundizzjonijiet tax-xogħol bejn il-ħaddiema b'livell għoli ta' ħiliet u dawk b'livell baxx ta' ħiliet.

L-Istati Membri jibbenefikaw minn gwida aktar ċara dwar ir-regoli ta' kontabbiltà pubbliċi (ESA 2010), partikularment fil-qasam tas-sħubiji pubbliċi-privati. Fid-29 ta' Settembru 2016 ġiet rilaxxata gwida għat-trattament statistiku ta' sħubiji pubbliċi u privati, prodotta mill-Eurostat f'kooperazzjoni mal-Bank Ewropew tal-Investiment u indirizzata prinċipalment lill-partijiet ikkonċernati privati. 11 Din il-pubblikazzjoni qed tiġi segwita minn kampanja ta' komunikazzjoni attiva. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qed tagħmel monitoraġġ mill-qrib tal-impatt tal-interpretazzjoni ta' regoli ta' kontabbiltà pubbliċi dwar il-ħolqien ta' sħubiji pubbliċi u privati f'setturi differenti u se tqis aktar azzjoni meta jkun xieraq.

1.3 Indirizzar tal-ostakli għall-investiment

L-UE u l-Istati Membri tagħha ħadu passi biex jindirizzaw l-ostakli għall-investiment, iżda jeħtieġ li jsir aktar. Filwaqt li l-Kummissjoni se tkompli bl-isforzi tagħha biex ittejjeb l-ambjent ġenerali tal-investiment fil-livell tal-UE, inkluż billi tapprofondixxi s-suq uniku, jeħtieġ li l-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom biex ineħħu l-ostakli għall-investiment fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali.

L-investimenti sostenibbli jirrikjedu ambjent tan-negozju solidu u prevedibbli. Il-Kummissjoni diġà ppreżentat inizjattivi biex tiffaċilita l-finanzjament tal-ekonomija reali, bħat-tnaqqis tal-allokazzjonijiet ta' kapital għall-kumpaniji tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni fir-rigward ta' investimenti fl-infrastruttura u l-adozzjoni ta' gwida prattika dwar l-applikazzjoni tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat dwar il-finanzjament pubbliku tal-infrastruttura. 12 Barra minn hekk, il-ħidma fuq l-Unjoni tal-Enerġija, l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, l-Istrateġija għal Suq Uniku, l-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali, il-pakkett tal-ekonomika ċirkolari u l-ftehimiet ta' kummerċ internazzjonali u tal-investimenti tkopri miżuri speċifiċi li se jgħinu biex jitneħħew ostakli, tiġi promossa l-innovazzjoni u jittejjeb l-ambjent għall-investiment, meta jiġu implimentati bis-sħiħ. Pereżempju, bħala parti mill-Unjoni Ewropea, jeħtieġ li jkun hemm proċess ta' governanza li jibni fuq pjanijiet nazzjonali dwar l-enerġija u l-klima għall-2030 u 'l quddiem, li jipprovdi prevedibbiltà għan-negozji, għall-investituri u għas-soċjetà b'mod ġenerali. Jeħtieġ li jkun hemm ukoll żieda fiċ-ċertezza ex ante dwar il-kontabbiltà pubblika għal setturi speċifiċi, bħall-effiċjenza enerġetika. It-tnedija sħiħa tal-5G, il-ħames ġenerazzjoni tas-sistemi ta' komunikazzjoni mobbli, madwar l-Unjoni Ewropea sal-2025, għandha l-potenzjal li toħloq żewġ miljun impjieg. Barra minn hekk, it-tnedija mill-ġdid riċenti tal-Bażi Komuni Konsolidata tat-Taxxa Korporattiva 13 se tikkontribwixxi biex l-UE ssir post aktar attraenti għall-investiment billi l-kumpaniji jingħataw regoli prevedibbli, kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni u spejjeż ta' konformità mnaqqsa. Se tappoġġa wkoll l-innovazzjoni fl-Ewropa billi tiżgura li l-ispejjeż tal-investiment tar-RuŻ ikunu deduċibbli mit-taxxa u tindirizza l-preġudizzju fit-tassazzjoni għall-finanzjament b'dejn minflok mill-bejgħ ta' ishma.

L-importanza tal-investiment fl-għarfien, fl-innovazzjoni, fl-edukazzjoni, u fl-ICT bħala xprunaturi tat-tkabbir hija għolja wkoll fl-aġenda. F'diversi Stati Membri, it-tnaqqis sinifikanti fl-investiment fit-tagħmir u fil-makkinarju parzjalment jispjega t-tnaqqis fil-produttività wara l-kriżi. Fl-istess ħin, se jkun meħtieġ investiment ogħla fl-assi intanġibbli bħar-RuŻ, l-ICT u t-taħriġ, biex tingħata spinta lit-tkabbir tal-produttività totali tal-fatturi u jattratta l-investiment. Jeħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-kapital jiġi allokat b'mod effiċjenti kemm jista' jkun. Fil-passat, il-produttività totali tal-fatturi, li tinkludi għadd ta' fatturi bħall-innovazzjoni u allokazzjoni aktar effiċjenti ta' riżorsi, ikkontribwixxiet anqas għat-tkabbir u għall-produttività fl-UE milli fl-Istati Uniti. Kwistjonijiet strutturali li jaffettwaw is-swieq tal-prodotti, tas-servizzi, tal-kapital u tax-xogħol huma responsabbli għal din il-prestazzjoni dgħajfa fl-Ewropa. It-titjib fl-interazzjoni bejn ir-riċerka universitarja u l-iżvilupp kummerċjali tal-prodotti u tas-servizzi huwa kruċjali biex jixpruna l-kompetittività u t-tkabbir. Bl-istess mod, il-ħolqien ta' pjattaformi nazzjonali dwar id-diġitizzazzjoni tal-industriji jgħin fl-ingranaġġ tal-fondi tal-UE impenjati għal dan biex iwasslu investimenti sinifikanti li se jsaħħu wkoll il-kompetittività tal-ekonomija tagħna.

Jinħtieġ li l-Istati Membri jtejbu l-isforzi tagħhom biex jimplimentaw ir-riformi meħtieġa li għandhom l-għan li jneħħu l-ostakli għall-investiment li kienu identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew. Minkejja l-azzjoni li ttieħdet minn xi Stati Membri, b'mod partikulari mill-pajjiżi taż-Żona tal-Euro li ntlaqtu ħażin mill-kriżi, b'mod ġenerali l-progress biex jiġu indirizzati l-ostakli għall-investiment ma kienx stabbli u jeħtieġ li jsir aktar. Dan jikkonċerna oqsma bħall-insolvenza, l-akkwist pubbliku, l-effiċjenza u t-trasparenza tal-amministrazzjoni pubblika jew ir-regolamenti speċifiċi għas-settur, kif ukoll il-funzjonament tas-swieq tax-xogħol u tal-prodotti. B'mod partikulari, l-amministrazzjoni pubblika effiċjenti u trasparenti u s-sistemi ġudizzjarji effettivi huma meħtieġa biex jappoġġaw it-tkabbir ekonomiku u jwasslu servizzi ta' kwalità għolja lid-ditti u liċ-ċittadini. F'xi Stati Membri, l-ostakli għall-investiment jistgħu jinkludu livell għoli ta' tassazzjoni u sistemi ta' tassazzjoni kkumplikati wisq, korruzzjoni, oqfsa dgħajfa tar-riċerka u innovazzjoni, kif ukoll diffikultajiet fl-aċċess għal finanzjament, b'mod partikulari għall-SMEs. Dawn ir-riformi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż huma meħtieġa biex iżommu u jżidu l-livelli ta' investiment fl-Istati Membri, b'kont meħud tal-ispeċifiċitajiet nazzjonali.

1.4 Opportunitajiet biex in-negozji tal-UE jibbenefikaw mis-swieq globali u mill-investiment

Kull ma jmur, l-esportazzjonijiet lejn il-bqija tad-dinja saru sors aktar sinifikanti ta' xogħol għall-Ewropej. Bis-saħħa tal-kompetittività internazzjonali tal-kumpaniji tagħna, aktar minn 30 miljun impjieg issa huma appoġġati minn esportazzjonijiet barra mill-UE - żewġ terzi aktar minn 15-il sena ilu - jiġifieri l-esportazzjonijiet issa jappoġġaw kważi impjieg minn kull sebgħa fl-Ewropa. Dawn l-impjiegi jirrikjedu livell għoli ta' ħiliet u huma mħallsa aħjar mill-medja. Huma mifruxa madwar l-Istati Membri tal-UE,
u huma kemm direttament kif ukoll indirettament marbuta ma' esportazzjonijiet barra mill-UE. Pereżempju, 20 000 impjieg fil-Polonja, 140 000 fl-Italja, u 130 000 fir-Renju Unit huma marbuta ma' esportazzjonijiet Ġermaniżi barra mill-UE. L-esportazzjonijiet Franċiżi barra mill-UE jappoġġaw 150 000 impjieg fil-Ġermanja, 50 000 fi Spanja u 30 000 fil-Belġju. B'riżultat ta' dan, il-benefiċċji tan-negozju jinfirxu b'mod aktar wiesa' milli wieħed ta' spiss jirrealizza, inklużi benefiċċji konsiderevoli għall-konsumaturi Ewropej. Fl-isfond tal-ewwel sinjali ta' treġġigħ lura ta' xejriet fil-kummerċ globali, hemm ħtieġa li jinżamm aċċess miftuħ u li tiġi ffaċilitata aktar integrazzjoni tal-kumpaniji tal-UE f'katini ta' valur mondjali, speċjalment għal fornituri ta' servizzi u SMEs.

L-UE tinsab f'pożizzjoni tajba biex tuża l-politika tal-kummerċ u tal-investiment biex tikkontribwixxi għal dan l-objettiv u jibbenefikaw minnha kemm il-kumpaniji, kif ukoll il-konsumaturi u l-ħaddiema. L-UE hija l-akbar esportatur u importatur dinji tal-oġġetti u s-servizzi flimkien. Din l-iskala tagħmel lill-UE l-akbar sieħba kummerċjali għal madwar 80 pajjiż u t-tieni l-akbar sieħba importanti għal 40 oħra. Jenħtieġ li l-UE tuża dan il-vantaġġ biex jibbenefikaw kemm iċ-ċittadini tagħha kif ukoll nies f'partijiet oħra tad-dinja, partikularment dawk fl-ifqar pajjiżi tad-dinja.

Ir-ratifika tal-ftehim ta' Pariġi dwar it-tibdil fil-klima se joħloq aktar opportunitajiet ġodda fin-negozju tal-UE. Il-ftehim joħloq ċertezza ta' politika u ta' investiment għall-kumpaniji tal-UE li joperaw f'setturi b'użu baxx ta' karbonju u emissjonijiet baxxi, mhux biss fl-Ewropa iżda anki fil-bqija tad-dinja. L-UE u l-Istati Membri tagħha huma l-akbar kontributuri tal-finanzjament pubbliku għall-klima għall-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp. Flimkien jipprovdu madwar terz tal-finanzjament pubbliku disponibbli għal azzjoni biex jindirizzaw it-tibdil fil-klima u jagħmlu tajjeb għal kważi nofs ir-rahan fil-Fond Ekoloġiku għall-Klima. Fil-perjodu mill-2014 sal-2020, mill-inqas 20 % tal-baġit tal-UE se jkun intuża għal azzjonijiet relatati mal-klima. L-UE tiffinanzja waħda mill-akbar inizjattivi dinjija għall-klima, l-Alleanza Globali Kontra t-Tibdil fil-Klima. Sabiex iżżid l-appoġġ għall-ifqar persuni u dawk l-aktar vulnerabbli, l-UE nediet fażi ġdida, b'impenn mistenni ta' madwar EUR 350 miljun għall-2014-2020. Dan se jappoġġa lill-pajjiżi l-anqas żviluppati u lill-Istati gżejjer zgħar li qed iżviluppaw biex jadattaw ruħhom għall-impatti tat-tibdil fil-klima. Is-sena l-oħra, l-UE u l-Istati Membri pprovdew EUR 17,6 biljun biex jgħinu lill-pajjiżi fil-fażi ta' żvilupp jindirizzaw it-tibdil fil-klima. Dan juri d-determinazzjoni tal-UE biex tagħti s-sehem tagħha għall-mira stabbilita mill-pajjiżi żviluppati biex tipprovdi USD 100 biljun f'finanzjament annwali lill-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp minn diversi sorsi sal-2020.

Jenħtieġ li tiżdied l-attraenza tal-UE bħala destinazzjoni ta' investiment kemm għall-investituri barranin kif ukoll għal dawk domestiċi. Is-sehem tal-UE fil-flussi tal-investiment dirett barrani globali waqa' minn madwar 50 % qabel il-kriżi għal 20 % fl-2014. Filwaqt li l-flussi tal-investiment dirett barrani huma mmexxija minn żviluppi u avvenimenti globali li fil-biċċa l-kbira tagħhom huma eżoġeni għall-UE, l-influssi jirreaġixxu għal firxa ta' fatturi ta' lokazzjoni speċifiċi għall-pajjiż, fatturi speċifiċi għad-ditta u fatturi speċifiċi għas-settur li jaffettwaw il-klima tal-investiment u li jistgħu jkunu affettwati direttament minn dawk li jfasslu l-politika fit-terminu qasir u medju.

2. Lħiq ta' riformi strutturali

2.1. Ħolqien ta' impjiegi u titjib tal-ħiliet

Jeħtieġ li l-Istati Membri jinvestu aktar biex joħolqu kundizzjonijiet ta' appoġġ għal aktar parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, impjiegi ta' kwalità aħjar u taħriġ effettiv u titjib tal-ħiliet.
Jeħtieġ li swieq tax-xogħol li jiffunzjonaw tajjeb u li huma flessibbli jkunu rikonċiljati ma' titjib fil-ħiliet u fl-appoġġ tad-dħul matul it-tranżizzjonijiet tax-xogħol, u s-sistemi ta' protezzjoni soċjali jintrabtu sew ma' standards soċjali b'saħħithom. Dawk l-Istati Membri li fittxew riformi komprensivi fis-suq tax-xogħol u fil-protezzjoni soċjali qabel il-kriżi kienu aktar kapaċi jappoġġaw l-okkupazzjoni u jippriżervaw il-korrettezza matul it-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku. Dawn ir-riformi jkopru arranġamenti kuntrattwali flessibbli u kredibbli li jippromwovu t-tranżizzjonijiet fis-suq tax-xogħol u jevitaw suq tax-xogħol b'żewġ livelli, strateġiji komprensivi tat-tagħlim tul il-ħajja, politiki attivi tas-suq tax-xogħol effettivi, u sistemi ta' protezzjoni soċjali moderni. Stati Membri oħrajn introduċew riformi f'din id-direzzjoni matul il-kriżi, li kkontribwixxew għaż-żieda fl-intensità tal-impjiegi tal-irkupru attwali.

F'ħafna Stati Membri, il-popolazzjoni fl-età tax-xogħol u l-forza tax-xogħol baqgħu jonqsu, speċjalment b'riżultat ta' rati baxxi tat-twelid, maturazzjoni, emigrazzjoni u ħruġ mis-suq tax-xogħol relatat mas-saħħa. Jinħtieġ li l-prekarjetà, is-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol u l-impatt tagħhom fuq il-produttività jiġu indirizzati f'dan il-kuntest biex jonqos l-impatt negattiv tagħhom fuq id-domanda interna u t-tkabbir fil-produttività. Barra minn hekk, l-ugwaljanza tal-opportunitajiet hija kruċjali għall-korrettezza soċjali. Eżempji ta' kif it-tkabbir u l-korrettezza soċjali jmorru id f'id jinkludu żieda fil-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, tneħħija tad-differenza mhux ġusifikata bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa, titjib fil-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata tal-irġiel u tan-nisa, aktar progress fl-inklużjoni ta' gruppi żvantaġġati u l-indirizzar tad-diskriminazzjoni ta' persuni bi sfond ta' migrazzjoni. F'dan id-dawl, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw l-aċċess għal servizzi ta' kwalità u benefiċċji mhux finanzjarji, bħall-kura tat-tfal, l-abitazzjoni, il-kura tas-saħħa u l-kura fit-tul, l-edukazzjoni u t-taħriġ. Is-servizzi ta' kwalità u l-benefiċċji mhux finanzjarji jikkontribwixxu għal żieda fil-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, speċjalment għan-nisa, u għall-inklużjoni soċjali. Il-politiki dwar l-abitazzjoni wkoll ħaqqhom attenzjoni billi jistgħu jneħħu ostakli għall-mobbiltà ġeografika fil-livelli nazzjonali, permezz ta' gratifiki mmirati jew programmi ta' akkomodazzjoni soċjali. 

Għadd ta' Stati Membri se jkunu jeħtieġu li jpoġġu fis-seħħ strutturi xierqa biex jittrattaw l-influss ta' migranti inklużi refuġjati lil hinn mill-ħtiġijiet immedjati ta' terminu qasir. Filwaqt li hemm impatti ekonomiċi u fiskali ċari, dawn jistgħu jiġu ġestiti u mhumiex kbar minn lat makroekonomiku. L-isfida strateġika tinsab fi lqigħ bla xkiel f'soċjetajiet ospitanti fit-terminu qasir b'mod li jindirizza wkoll l-isfidi ta' terminu twil għas-suq tax-xogħol u għall-politiki tal-edukazzjoni u għall-istituzzjonijiet u s-sistemi soċjali. Il-kapaċità li jiġu aġġustati politiki u jiġu żviluppati inċentivi u ħiliet li jippromwovu l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol se jkollha rilevanza diretta għas-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi. Pereżempju, diversi Stati Membri żviluppaw strateġiji biex jiffaċilitaw l-integrazzjoni tal-migranti b'esperjenza preċedenti u kapaċitajiet ta' intraprenditorija. Dawn l-Istati Membri pprovdew lill-migranti b'appoġġ biex jgħinuhom jadattaw il-ħiliet u l-esperjenza tagħhom għall-kundizzjonijiet tas-suq lokali 14 .

Minkejja progress riċenti, jenħtieġ aktar azzjoni mill-Istati Membri biex jiġi miġġieled il-qgħad fost iż-żgħażagħ. Sa issa, disa' miljun żagħżugħ ibbenefikaw mill-Garanzija għaż-Żgħażagħ tal-UE, qafas li jtejjeb it-tranżizzjonijiet mill-iskola għax-xogħol, jinvesti fl-impjegabbiltà taż-żgħażagħ u jipprevjeni r-riskju ta' esklużjoni soċjali. Madankollu, jenħtieġ li l-Istati Membri jkomplu bit-tnedija tal-Garanzija taż-Żgħażagħ u jtejbu l-effettività tagħha sabiex jilħqu liż-żgħażagħ u lir-reġjuni li jeħtiġuha l-aktar. Il-Kummissjoni se timmobilizza l-istrumenti kollha tagħha, ipproponiet finanzjament addizzjonali għall-Garanzija taż-Żgħażagħ u se toħroġ b'inizjattiva ġdida għaż-żgħażagħ dalwaqt. Barra minn hekk, kważi erba' miljun student diġà bbenefikaw mill-programm Erasmus. Wieħed minn kull tliet benefiċjarji tal-Erasmus ġew offruti impjieg mill-kumpaniji li fihom tħarrġu.

Jinħtieġ li l-Istati Membri jiffukaw fuq ir-rilevanza tal-ħiliet għas-suq tax-xogħol billi t-tbassir jindika nuqqas futur ta' nies bi kwalifiki u taħriġ vokazzjonali. Għal ferm ħafna żgħażagħ, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali inizjali għadhom iservu ta' ċans ieħor u minoranza ta' ħaddiema biss jiġu offruti opportunitajiet għal żvilupp ulterjuri ta' ħiliethom. Il-modernizazzjoni tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, inkluż bil-promozzjoni ta' perkorsi ta' tagħlim flessibbli, se tgħin lin-nies jiżviluppaw ħiliet trasferibbli xierqa matul ħajjithom. Dan jeħtieġ sħubiji mill-qrib mas-setturi tan-negozju, tal-edukazzjoni għolja u tar-riċerka. L-involviment attiv tas-sħab soċjali jista' jwassal għall-iżvilupp ta' apprendistati f'oqsma ġodda li jkopru diversi livelli ta' ħiliet, li jistgħu jkunu mistennija jindirizzaw spariġġi fil-ħiliet. Fil-livell tal-UE, ir-rieżami tad-Direttiva tal-Karta Blu għandu l-għan li jarmonizza u jiċċara l-qafas legali biex jiġbed ċittadini ta' pajjiżi terzi b'livell għoli ta' ħiliet, filwaqt li l-Garanzija ta' Ħiliet tenfasizza l-ħtieġa li jiġu vvalutati ħtiġijiet speċifiċi għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi.

Il-modernizzazzjoni tal-edukazzjoni u t-taħriġ hija meħtieġa biex in-nies jingħataw ħiliet aħjar li jvarjaw minn ħiliet bażiċi fin-numeriżmu u fil-litteriżmu għal ħiliet imprenditorjali u diġitali. L-indikaturi tal-livell edukattiv milħuq komplew jitjiebu fl-2015 u r-rata ta' tluq bikri mill-iskola naqset f'ħafna mill-Istati Membri, u laħqet il-11 %. Iżda r-rati ta' tluq bikri mill-iskola huma ogħla għall-istudenti Rom u għal dawk bi sfond ta' migrazzjoni, b'mod partikulari studenti mwielda barra mill-pajjiż. Il-livell ta' edukazzjoni terzjarja wkoll ilu jiżdied b'mod konsistenti u sinfikanti, u laħaq it-38,7 % fl-2015, bi 17-il Stat Membru li qabeż il-mira ewlenija tal-Ewropa 2020 ta' 40 %. Madankollu, skont l-istandards internazzjonali, hemm wisq Ewropej li jiksbu biss livell baxx ta' ħiliet bażiċi u diġitali. Dan ipoġġi lill-Ewropa fi żvantaġġ kompetittiv f'ekonomija globali li tinbidel b'mod rapidu. It-trawwim ta' ħiliet huwa essenzjali biex tiġi xprunata l-konverġenza u jiġi sostnut il-mudell soċjali Ewropew, filwaqt li jitrawmu aktar kapaċitajiet ta' intraprenditorija u innovazzjoni. L-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa 15 tenfasizza b'mod partikulari l-appoġġ għal adulti li ma waslux għall-edukazzjoni sekondarja għolja u tagħti l-opportunità li tivvaluta l-livell tal-ħiliet tagħhom, u ttihom opportunità ġdida ta' taħriġ u tivvalida l-ħiliet miksuba.

Djalogu soċjali effettiv huwa kruċjali għal ekonomija soċjali tas-suq li tiffunzjona sew. Stati Membri bi prestazzjoni aħjar għandhom tendenza li jkollhom djalogu soċjali stabbilit.
Is-suċċess għad-djalogu soċjali huwa dipendenti fuq għadd ta' fatturi, inkluż ir-rieda u l-kapaċità li sħab differenti jimpenjaw ruħhom u jaħdmu għal soluzzjonijiet, pereżempju fir-rigward ta' ffissar ta' pagi. 16 L-impenn tas-sħab soċjali fil-livell nazzjonali u tal-UE huwa kruċjali biex jinstab l-aħjar bilanċ meta jitfasslu u jiġu implimentati politiki ekonomiċi u soċjali b'mod komprensiv u li jħares 'il quddiem.

Jinħtieġ li l-Istati Membri, flimkien mas-sħab soċjali, u f'konformità mal-prattiki nazzjonali, jiżguraw li s-sistemi ta' ffissar ta' pagi tagħhom jkunu effettivi biex iżidu kemm il-ħolqien tax-xogħol kif ukoll id-dħul reali, u għaldaqstant jaġġustaw aħjar għal bidliet fil-produttività matul iż-żmien. F'għadd ta' Stati Membri, l-iżviluppi fil-pagi ma jsegwux biżżejjed l-iżviluppi fil-produttività. Dan jista' jwassal għal tnaqqis tal-kompetittività jew, fil-każ ta' żviluppi fil-pagi li jkunu wisq modesti, għal domanda aggregata u tkabbir.
Dan jista' jiskoraġġixxi ż-żidiet fil-produttività, ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni u l-investiment fil-kapital uman li għandhom l-għan li jtejbu l-ħiliet. Jista' jfixkel ukoll l-inċentivi għar-riallokazzjoni tar-riżorsi lejn setturi b'valur miżjud ogħla u għaldaqstant ikompli jfixkel il-bidla strutturali tal-ekonomiji tal-UE biex jagħmilhom aktar kompetittivi. Huwa importanti li jiġi żgurat li jitqiesu d-differenzi fil-ħiliet u fid-diverġenzi fil-prestazzjoni ekonomika madwar ir-reġjuni, is-setturi u l-kumpaniji. Meta jiġu stabbiliti l-pagi minimi, jenħtieġ li l-Istati Membri u s-sħab soċjali jqisu l-impatt tagħhom fuq il-faqar fost dawk li jaħdmu, il-ħolqien tax-xogħol u l-kompetittività.

2.2. Politika soċjali bħala fattur produttiv - modernizzar tal-istat soċjali

Jinħtieġ li l-Istat Membri jfasslu mill-ġdid is-sistemi ta' protezzjoni soċjali tagħhom biex itejbu l-promozzjoni tal-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u jipprovdu sigurtà fl-impjiegi u sostituzzjoni tad-dħul xierqa. Il-perċentwali ta' nies fir-riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali fl-UE kompla jonqos fl-2015 iżda għadu għoli ħafna 17 . Anki jekk l-UE għadha 'l bogħod milli tilħaq il-mira tagħha tal-Ewropa 2020 li tneħħi mill-inqas 20 miljun persuna mill-faqar jew l-esklużjoni soċjali sal-2020, l-għadd ta' nies f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali issa reġa' qed jersaq lejn il-livell tal-2008, is-sena bażi li għaliha kienet ġiet stabbilita l-mira għall-Ewropa 2020. Il-protezzjoni soċjali tiġġustifika sehem kbir min-nefqa pubblika tal-Istati Membri, anki minħabba ż-żieda fin-nefqa f'dawn l-aħħar snin, iżda hemm lok għal immirar aħjar. 

Jinħtieġ li l-iskemi ta' taxxa u ta' benefiċċji jipprovdu biżżejjed appoġġ soċjali u inċentivi għax-xogħol. It-titjib fl-adegwatezza u fil-kopertura ta' skemi ta' appoġġ għad-dħul (benefiċċju tal-qgħad; assistenza soċjali inkluż id-dħul minimu; pensjonijiet) huwa kruċjali biex jipprevjeni l-esklużjoni soċjali u, fil-każ ta' benefiċċji tal-qgħad, jista' jżid kemm l-istabbiltà makroekonomika kif ukoll l-involviment fis-suq tax-xogħol filwaqt li jnaqqas il-prekarjetà. Il-benefiċċji tal-qgħad għandhom ikunu biżżejjed f'termini tad-durata, l-eliġibbiltà u l-livelli, u jkunu aċċessibbli għall-impjegati kollha irrispettivament mill-kuntratt tagħhom, filwaqt li jippreservaw l-inċentivi għax-xogħol u jinkludu r-rekwiżiti ta' attivazzjoni fir-rigward tat-tiftix għax-xogħol u l-parteċipazzjoni f'miżuri attivi. Barra minn hekk, jinħtieġ li jiġu żgurati benefiċċji tad-dħul minimi xierqa għal dawk li ma għandhomx biżżejjed riżorsi għal standard diċenti tal-għajxien. Għal dawk li għandhom l-età tax-xogħol, dawn il-benefiċċji għandhom jinkludu rekwiżiti għal parteċipazzjoni b'appoġġ attiv biex titħeġġeġ l-integrazzjoni (mill-ġdid) fis-suq tax-xogħol, b'hekk jikkontribwixxu għas-sostenibbiltà ta' dawn is-sistemi ta' appoġġ. Dan jaf iwassal għal każijiet fejn jitwaqqfu punti uniċi ta' servizz li jkunu responsabbli kemm għad-diżokkupati ta' terminu qasir kif ukoll għad-diżokkupati fit-tul. Jinħtieġ li jiġu promossi wkoll ir-riformi fiskali u ta' benefiċċju li għandhom l-għan li jtejbu l-inċentivi tax-xogħol u joħolqu xogħol li jrodd. Is-sistemi fiskali jistgħu jikkontribwixxu wkoll biex jiġġieldu kontra l-inugwaljanzi fid-dħul u l-faqar.

Jinħtieġ li s-sistemi nazzjonali tal-pensjonijiet jirriflettu aħjar l-istennija tal-għomor. Is-sistemi tal-pensjonijiet, b'koordinazzjoni mal-miżuri tas-suq tax-xogħol, għandhom jippermettu u jħeġġu lill-irġiel u lin-nisa biex jibqgħu jaħdmu sa età għolja, biex jirriflettu l-istennija tal-għomor li qed tiżdied, u jirrestrinġu l-mezzi għall-irtirar bikri għal dawk li ġenwinament ma jistgħux ikomplu jaħdmu. Ħajjiet ta' xogħol itwal u aktar sodisfaċenti jiddependu wkoll fuq ħiliet xierqa, opportunitajiet ta' tagħlim tul il-ħajja u ambjenti ta' xogħol favorevoli, inklużi allokazzjonijiet ta' kompiti u skedi ta' ħinijiet tax-xogħol. Sabiex jiffaċilitaw il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata fl-età tax-xogħol u jgħinu biex inaqqsu d-diskrepanza fil-pensjonijiet bejn is-sessi, is-sistemi tal-pensjonijiet jistgħu jikkreditaw kompiti ta' kura, u jqisu kif xieraq il-pożizzjonijiet fiskali u implikazzjonijiet futuri tan-nefqa. Kopertura wiesgħa ta' pensjonijiet supplimentari jista' jkollha rwol prinċipali fl-għoti ta' introjtu tal-irtirar, b'mod partikulari meta l-adegwatezza tal-pensjonijiet pubbliċi taf tkun ta' sfida, u jenħtieġ li tkun promosa b'mezzi xierqa, skont il-kuntest nazzjonali.

Il-politiki tas-saħħa għandhom jappoġġaw u jsaħħu xbieki ta' sikurezza soċjali u strateġiji ta' inklużjoni attiva, permezz ta' politiki preventivi, iżda anki oħrajn kurattivi u ta' riabilitazzjoni. Għaldaqstant, jeħtieġ li l-Istati Membri jkomplu jirriformaw is-sistemi tas-saħħa tagħhom, b'hekk jiżguraw aċċess universali għal servizzi ta' saħħa pubblika u tal-kura tas-saħħa kosteffettivi. Il-protezzjoni tal-popolazzjoni milli taqa' fil-faqar jew fl-esklużjoni soċjali minħabba mard u nfiq relatat hija essenzjali, kemm minn lat soċjali kif ukoll minn lat ekonomiku. Dan huwa rilevanti wkoll għall-attivazzjoni ta' persuni b'diżabilità. Minkejja l-azzjoni li ttieħdet fil-livell tal-UE, in-nuqqas ta' opportunitajiet indaqs fis-suq tax-xogħol għadu l-aktar sfida importanti għall-persuni b'diżabilità. Jinħtieġ li jitjiebu l-isforzi biex jiġi żgurat l-enfasi fuq il-kapaċitajiet minflok id-diżabilità.

2.3 Tisħiħ tas-suq uniku u tkabbir tas-swieq nazzjonali

Jinħtieġ li l-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mill-istrumenti disponibbli fil-livell tal-UE biex jużaw il-potenzjal sħiħ tal-investiment u l-produttività fl-Ewropa. It-tkabbir fil-produttività naqas f'dawn l-aħħar snin, iżda dan ma affettwax lid-ditti kollha bl-istess mod. F'ħafna każijiet, id-ditti l-inqas produttivi esperjenzaw tkabbir negattiv fil-produttività. Jeħtieġ li l-Istati Membri jintroduċu riformi u politiki biex jiffaċilitaw id-diffużjoni ta' teknoloġiji ġodda biex jiżguraw li l-benefiċċji tagħhom ikollhom riperkussjonijiet fuq firxa usa' ta' ditti. L-implimentazzjoni tal-Istrateġija għal Suq Uniku se toħloq opportunitajiet ġodda ta' negozju u tneħħi ostakli regolatorji u amministrattivi eżistenti, speċjalment għal fornituri ta' servizzi li qed ifittxu li jespandu madwar l-Ewropa. Għaddejja ħidma dwar proposti konkreti marbuta mal-infurzar tar-regoli tas-suq uniku kif ukoll miżuri fil-qasam tas-servizzi tan-negozju, inkluż l-iffaċilitar tal-forniment transfruntier tagħhom, ir-ristrutturar tan-negozju u l-insolvenza, u l-ħolqien ta' sistema tal-VAT sempliċi, moderna u reżistenti għall-frodi. L-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali se ttejjeb iċ-ċertezza regolatorja fis-settur diġitali. Infurzar aħjar tar-regoli tal-konsumatur jiżguraw kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni madwar is-Suq Uniku, iżid il-fiduċja u jikkontribwixxi biex juża l-potenzjal sħiħ tas-Suq Uniku Diġitali. Il-Kummissjoni qed tesplora wkoll it-tfassil ta' qafas ta' awtorizzazzjoni uniku tal-UE li japplika direttament għal proġetti kbar b'dimensjoni transfruntiera jew pjattaformi ta' investiment maġġuri li jinvolvu kofinanzjament nazzjonali.

L-akkwist pubbliku huwa importanti għall-kompetittività billi jista' jixpruna bidliet strutturali. Kull sena, l-awtoritajiet pubbliċi fl-UE jonfqu madwar 14 % tal-PDG fuq l-akkwist pubbliku, li jammonta għal nefqa ta' aktar minn EUR 1,9 triljun fis-sena fl-UE 18 . Dan huwa veru speċjalment f'setturi bħall-enerġija, it-trasport, id-difiża, l-IT jew l-għoti ta' servizzi tas-saħħa, fejn is-settur pubbliku huwa sors ewlieni ta' domanda. Is-sistemi moderni ta' akkwist pubbliku jeħtieġu prokuraturi pubbliċi li jifhmu l-implikazzjonijiet ekonomiċi tal-ħidma tagħhom u li ma hemm l-ebda dubju fuq l-integrità u t-trasparenza tagħhom. Jeħtieġ li l-istituzzjonijiet ikunu disponibbli biex jikkoordinaw l-akkwist bejn il-korpi f'diversi livelli biex jiksbu ekonomija ta' skala, iġestixxu l-ilmenti mill-kumpaniji, u jawditjaw il-kuntratti pubbliċi. Jeħtieġ li jkun hemm proċessi fis-seħħ li jipprevjenu l-korruzzjoni u l-kollużjoni bejn il-fornituri u jindirizzaw b'mod deċiż l-istanzi ta' akkwist mhux ġust. Barra minn hekk, f'xi Stati Membri fejn l-intrapriżi tal-Istat għandhom impatt tanġibbli fuq l-ekonomija, huwa importanti li jiġu żgurati strutturi xierqa ta' governanza biex jikkontribwixxu bl-aħjar mod għall-iżvilupp ekonomiku.

F'ħafna Stati Membri, bidla strutturali timplika t-trasferiment ta' kapital u riżorsi tal-ħaddiema minn attivitajiet tradizzjonali għal oħrajn ġodda, ta' spiss fis-settur tas-servizzi. Il-produttività tax-xogħol f'dan is-settur hija aktar baxxa fl-UE u qed tikber aktar bil-mod fl-UE milli f'ekonomiji oħra avvanzati, b'mod partikulari fl-Istati Uniti. Iż-żieda tal-produttività f'dan is-settur li qed jikber hija obbligatorja biex jiġu żgurati impjiegi ta' kwalità u pagi għolja. Sfortunatament, l-integrazzjoni inkompluta tas-suq intern għas-servizzi u l-ostakli li fadal għall-aċċess għal xi segmenti ta' dawn is-swieq tillimita l-espansjoni tal-kummerċ fl-UE u l-espansjoni tas-swieq għal dawn is-servizzi. Il-kompetizzjoni mtejba fi swieq tas-servizzi integrati jibbenefikaw minnha wkoll il-konsumaturi u l-produtturi downstream, billi l-valwazzjonijiet pożittivi għandhom tendenza li jaqgħu f'ambjent aktar kompetittiv, filwaqt li l-kwalità tal-prodotti u s-servizzi tista' titjieb. Madankollu, jeħtieġ li l-impjegaturi jkollhom il-ħiliet u l-kapaċità tajbin biex jaġġustaw għall-bidla, li tista' tirrikjedi rwol attiv tal-awtoritajiet pubbliċi biex jiffaċilitaw dan il-proċess. Il-problemi fl-applikazzjoni tar-rikonoxximent reċiproku u, f'xi każijiet, ir-rekwiżiti tal-immarkar nazzjonali jheddu l-integrità tas-suq intern. Għadd ta' ostakli eċċessivi fil-qasam tal-professjonijiet regolati jkomplu jimpedixxu r-realizzazzjoni tal-potenzjal sħiħ tas-suq intern. Fil-każ tas-servizzi tan-negozju, is-servizzi professjonali u l-bejgħ bl-imnut, l-impatt li jitneħħew dawn l-ostakli għandu effett ekonomiku usa'.

L-adozzjoni ta' ambjenti leġiżlattivi għal mudelli kummerċjali hija partikolarment importanti għad-dinamiżmu ekonomiku, iżda dan ma għandux ikun għad-detriment tal-korrettezza. Jeħtieġ li l-UE u l-Istati Membri tagħha jiftħu moħħhom għal modi ġodda ta' negozjar fil-kuntest ta' ekonomija kollaborattiva. Fl-istess ħin, approċċ frammentat madwar l-Ewropa għal mudelli kummerċjali ġodda joħloq inċertezza kemm għall-operaturi tradizzjonali, kif ukoll għall-fornituri tas-servizzi ġodda u għall-konsumaturi . Minħabba f'hekk il-Kummissjoni ressqet gwida dwar kif id-dritt tal-Unjoni eżistenti għandu jiġi applikat għal dan is-settur dinamiku u li jevolvi malajr 19 . Bħala parti minn din il-gwida, jinħtieġ li l-Istati Membri jivvalutaw il-ġustifikazzjoni u l-proporzjonalità tar-restrizzjonijiet eżistenti u jużaw projbizzjonijiet assoluti biss bħala miżuri tal-aħħar istanza; jinħtieġ li jiżguraw li l-konsumaturi jgawdu minn livell għoli ta' protezzjoni, filwaqt li ma jimponux obbligi sproporzjonati dwar individwi privati li jipprovdu biss servizzi fuq bażi okkażjonali. Barra minn hekk, jinħtieġ li l-Istati Membri jkomplu jissimplifikaw u jiċċaraw l-applikazzjoni tat-taxxa u tar-regoli ta' responsabbiltà u l-liġi tax-xogħol għall-ekonomija kollaborattiva. Billi jikkooperaw mal-awtoritajiet nazzjonali fir-reġistrazzjoni tal-attivitajiet ekonomiċi, il-pjattaformi tal-ekonomija kollaborattiva jistgħu jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għall-iffaċilitar tal-ġbir tat-taxxi. Kollha flimkien, dawn l-inizjattivi għandhom jikkontribiwixxu għal kundizzjonijiet ta' qafas aktar b'saħħithom għall-inovazzjoni, għan-nuqqas ta' frammentazzjoni tas-suq eżistenti u fl-aħħar nett għall-ħolqien tax-xogħol.

Jeħtieġ li l-Istati Membri jpoġġu fis-seħħ sistemi fiskali moderni li jistgħu jappoġġaw it-tkabbir u l-korrettezza fost in-negozji. L-inizjattivi tal-UE se jwasslu livell ġdid ta' kooperazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni fil-ġlieda kontra l-abbuż tat-taxxa, minn żieda fit-trasparenza dwar deċiżjonijiet tat-taxxa u informazzjoni dwar il-gruppi multinazzjonali relatata mat-taxxa, għal żgurar tal-miżuri komuni kontra l-abbuż kontra l-iskemi l-aktar mifruxa ta' evitar tat-taxxa u l-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni dwar il-VAT. In-natura transfruntiera tal-evażjoni u l-evitar tat-taxxa u l-integrazzjoni tal-ekonomiji tal-Istati Membri jitolbu approċċ koordinat, mhux biss permezz ta' inizjattivi Ewropej iżda anki permezz tal-koordinazzjoni ta' politiki nazzjonali. Il-proposta riċenti tal-Kummissjoni dwar il-bażi komuni konsolidata tat-taxxa korporattiva u dwar ir-riżoluzzjoni tat-tilwim dwar it-taxxa doppja se tibni qafas tat-taxxa modern, ġust u kompetittiv għall-UE. L-attivitajiet favur it-tkabbir bħall-investiment fir-RuŻ u l-finanzjament mill-bejgħ ta' ishma se jiġu inċentivizzati, u jappoġġaw l-objettivi usa' li jerġgħu jirkupraw it-tkabbir, l-impjiegi u l-investiment. L-indirizzar tal-ineffiċjenzi fil-ġbir tat-taxxi huwa rilevanti għal ħafna Stati Membri, u wħud minnhom ħadu miżuri. Jeħtieġ li l-Istati Membri jużaw dawn l-opportunitajiet anki biex ibaxxu t-tassazzjoni tax-xogħol. Fl-istess ħin, jeħtieġ li l-Istati Membri joqogħdu attenti b'mod partikulari għall-effetti distributtivi tar-riformi tat-taxxa tagħhom.

3. Politiki fiskali responsabbli

It-tnaqqis fid-defiċit pubbliku medju taż-Żona tal-Euro u fl-għadd ta' pajjiżi skont proċedura ta' defiċit eċċessiv jirrifletti l-isforzi li saru f'dawn l-aħħar snin. Il-Kummissjoni għadha kif ippubblikat l-Opinjonijiet tagħha dwar l-Abbozz ta' Pjan Baġitarju dwar l-Istati Membri taż-Żona tal-Euro 20 . L-istampa aggregata tgħatti d-differenzi kbar bejn l-Istati Membri. Għad hemm sfidi fit-termini ta' sostenibbiltà fiskali f'għadd ta' pajjiżi fejn id-dejn pubbliku huwa għoli, u dan jista' jkun sors ta' vulnerabbiltà għall-iskossi negattivi. Xi pajjiżi oħra għandhom spazju fiskali. Minn lat ekonomiku, il-pożizzjoni fiskali trid tiġi vvalutata f'konfront mal-objettiv doppju tas-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi u l-ħtieġa tal-appoġġ għall-irkupru ekonomiku. 21  

Bħalissa, minħabba l-ħtieġa li jiġi appoġġat l-irkupru li għaddej, jenħtieġu aktar sforzi għal pożizzjoni fiskali pożittiva għaż-Żona tal-Euro kollha kemm hi, anki b'appoġġ tal-politika monetarja tal-Bank Ċentrali Ewropew. 22  Dan kien diġà tħabbar fl-Ittra ta' Intenzjoni tal-President lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u issa huwa rifless fir-Rakkomandazzjoni proposta dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro. 23 Jeħtieġ li l-politika fiskali tal-Istati Membri għandha tappoġġa t-tkabbir filwaqt li tiżgura s-sostenibbiltà tad-dejn ta' terminu twil. Jenħtieġ li l-Istati Membri fejn jeżisti l-ispazju fiskali jużaw l-ambitu disponibbli biex jgħinu jistabbilizzaw id-domanda. Jinħtieġ li l-Istati Membri fejn ma jeżistix dan l-ispazju jaslu għal riżultati dwar ir-rekwiżiti mogħtija mill-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, u jużaw kull opportunità biex jixprunaw ir-riformi u jtejbu l-kwalità tal-finanzi pubbliċi tagħhom b'appoġġ għall-impjiegi u għat-tkabbir. Jinħtieġ li jiffukaw fuq il-kwalità u l-kompożizzjoni tal-baġits (kemm id-dħul kif ukoll in-nefqa) sabiex jimmassimizzaw l-impatt fuq it-tkabbir. Ir-rieżamijiet tal-infiq huma rikonoxxuti b'mod ġenerali bħala għodda utli għal dan il-għan. Dan iwassal għal distribuzzjoni aħjar tal-pożizzjonijiet fiskali madwar il-pajjiżi u jevitaw sitwazzjoni fejn il-makrostabbilizzazzjoni ta' terminu qasir tintlaħaq għad-detriment ta' żieda fir-riskji għas-sostenibbiltà ta' terminu medju.

Hi u tapplika r-regoli, il-Kummissjoni se tkompli tagħmel użu mill-flessibbiltà xierqa li tinsab fil-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir 24 . Il-Kummissjoni se tqis ukoll l-impatt baġitarju tal-influss eċċezzjonali tar-refuġjati u tal-ħtiġijiet eċċezzjonali tas-sigurtà, u tapplika l-metodoloġija attwali tagħha. Diġà ngħatat flessibbiltà konsiderevoli lil għadd ta' pajjiżi li għamlu użu mir-riformi strutturali u mill-klawżoli dwar l-investiment.

L-ambjent ta' spejjeż għall-finanzjament baxx jagħmlu żmien ideali biex l-Istati Membri jfornu flus fil-pront għal investimenti pubbliċi. Flimkien ma' tkabbir nominali li gradwalment qed jissaħħaħ, joffri wkoll opportunità biex jitrażżnu l-proporzjonijiet għolja tad-dejn. Dan jista' jiġi ffaċilitat billi jinqata' l-infiq li ma jkunx orjentat lejn il-futur u jingħalqu l-lakuni tat-taxxa. Il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir jipprovdi l-qafas ideali li jiggwida l-politika fiskali taħt ċirkustanzi differenti. Jeħtieġ li l-għodda tas-sorveljanza baġitarja tiġi sfruttata bis-sħiħ biex tipprovdi inċentivi għal politiki tajba u biex issaħħaħ l-irkupru ekonomiku.

Is-sistemi tal-pensjonijiet ġew riformati f'ħafna mill-Istati Membri biex tittejjeb is-sostenibbiltà, l-effiċjenza u l-adegwatezza tagħhom, iżda jenħtieġ li jittieħdu aktar passi biex jiġu konsolidati dawn l-isforzi tar-riforma. 25 Għal dan l-għan, l-azzjonijiet ta' politika għandhom ifittxu li jikkomplementaw ir-riformi tal-pensjonijiet b'politiki ta' appoġġ, inkluż billi jiġu xprunati l-introjti ta' rtirar billi jiġu estiżi l-ħajjiet tax-xogħol, pereżempju billi l-età tal-irtirar tintrabat mal-istennija tal-għomor u billi jiġu appoġġati mezzi komplementari ta' introjti tal-irtirar. Jeħtieġ ukoll li l-Istati Membri jpoġġu fis-seħħ miżuri li jtejbu r-reżiljenza biex jiżguraw li s-sostenibbiltà tas-sistema pubblika tal-pensjonijiet tkun tista' tiġi ppriżervata, anki f'kundizzjonijiet ħżiena.

Xprunata bit-tixjiħ tal-popolazzjoni u l-iżviluppi teknoloġiċi, in-nefqa pubblika fuq il-kura tas-saħħa u l-kura fit-tul hija mistennija li tiżdied b'mod sinifikanti fid-deċennji li ġejjin. Sabiex tissalvagwardja s-sistemi tas-saħħa sostenibbli u tappoġġa l-kontribuzzjoni pożittiva tagħhom għas-saħħa tal-popolazzjoni u l-prosperità ekonomika, se jkun jeħtieġ aktar azzjoni politika li tippermetti li l-individwu jibqa' b'saħħtu aktar fit-tul, filwaqt li s-sistemi tas-saħħa jsiru aktar effettivi, aċċessibbli u reżiljenti. 26

4. Passi li jmiss

Jinħtieġ li l-Istati Membri jtejbu l-implimentazzjoni tar-riformi ewlenin enfasizzati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż indirizzati lilhom. Fl-istess ħin, huma għnadhom jagħmlu użu sħiħ mill-opportunitajiet offruti lilhom fil-livell tal-UE. L-effetti tar-riformi jieħdu ż-żmien, u aktar kemm jiddewmu, l-ekonomiji aktar ikomplu jikbru mingħajr ma jilħqu l-potenzjal tagħhom. L-Istati Membri huma mħeġġa jagħmlu użu effettiv tal-għodda disponibbli fil-livell tal-UE, pereżempju l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, il-Programm ta' Appoġġ għar-Riformi Strutturali, hekk kif jiġi adottat mill-koleġiżlaturi, u l-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa. Il-Kummissjoni hija lesta li tassisti, kif meħtieġ. Il-Kummissjoni se tkompli d-djalogu kostruttiv tagħha mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill biex tiżgura avvanzi rapidi dwar l-inizjattivi ta' prijorità fl-UE.

Il-Kummissjoni se tintensifika wkoll id-djalogu mal-Istati Membri bi tħejjija għall-programmi nazzjonali u r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiz fir-rebbiegħa li jmiss. Dan għandu jibni fuq fehim komuni ta' implimentazzjoni u sekwenzjar tar-riformi b'suċċess, li jqis l-impatti ta' terminu qasir u medju u l-kostijiet u l-benefiċċji distributtivi. Wara l-pubblikazzjoni tar-rapporti għal kull pajjiż matul ix-xitwa, il-Kummissjoni se tkompli tiddiskuti mal-Istati Membri permezz ta' diversi mezzi, inklużi żjarat apposta fil-livell politiku taħt it-tmexxija tal-Viċi President responsabbli. L-Istati Membri se jkollhom ukoll il-possibbiltà li jipprovdu r-reazzjonijiet tagħhom dwar l-analiżi tal-Kummissjoni matul it-tieni sessjoni ta' laqgħat bilaterali, u fil-programmi nazzjonali ta' riforma u l-programmi ta' stabbiltà u konverġenza. F'dawn il-kuntatti kollha, il-Kummissjoni se tenfasizza bil-qawwa l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill.

Sabiex tipprepara għall-programmi nazzjonali, il-Komunikazzjoni tirrikjedi rwol b'saħħtu min-naħa tal-Parlamenti nazzjonali u involviment aktar b'saħħtu tas-sħab soċjali. It-tħejjija inklużiva ta' dawn il-programmi tikkontribwixxi għas-sjieda tagħhom u għall-appoġġ usa' għar-riforma, u l-Kummissjoni tħejji ruħha biex tiffaċilita l-kuntatti fil-livelli kollha.

(1)

http://ec.europa.eu/priorities/state-union-2016_mt

(2)

COM(2016) 726

(3)

COM(2016) 727

(4)

COM(2016) 728

(5)

COM(2016) 729

(6)

European semester for economic policy coordination: implementation of 2016 priorities, 2016/2101(INI).

(7)

COM(2016) 710

(8)

Stħarriġ dwar l-aċċess għal finanzjament tal-intrapriżi (SAFE - Survey on the access to finance of enterprises), http://ec.europa.eu/growth/safe

(9)

COM(2016) 359 u COM(2016) 581

(10)

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, Ottubru 2016: Il-Kunsill Ewropew talab li l-Kunsill jaqbel fuq il-pożizzjoni tan-negozjar dwar l-aħħar proposta tal-Kummissjoni dwar il-FEIS waqt il-laqgħa tiegħu fis-6 ta' Diċembru, filwaqt li jqis l-evalwazzjoni esterna indipendenti li se titwassal f'Novembru.

(11)

Eurostat / EPEC / Bank Ewropew tal-Investiment, "A Guide to the Statistical Treatment of PPPs", Settembru 2016.

(12)

C/2016/2946

(13)

COM(2016) 685

(14)

Gwida tal-Kummissjoni li ġiet ippubblikata dan l-aħħar li tinkludi 22 studju tal-każ ta' prattika tajba u Għodda interattiva ta' Awtovalutazzjoni (http://ec.europa.eu/DocsRoom/documents/18421) biex tappoġġa lill-fornituri ta' servizz fit-titjib tal-azzjonijiet tagħhom immirata lejn imprendituri migranti u imprendituri potenzjali.

(15)

COM(2016) 381

(16)

Fl-24 ta' Ottubru 2016 twettqet l-ewwel sorveljanza multilaterali tripartitika dwar id-djalogu soċjali fl-Istati Membri fil-Kumitat tal-Impjiegi, fuq il-bażi tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi, ikkonfermata mill-Kunsill EPSCO fit-13 ta' Ottubru 2016. Tmexxiet flimkien ma' rappreżentanti minn trejdjunjins u assoċjazzjonijiet ta' impriżi.

(17)

Fl-2015, madwar 119-il miljun persuna kienu f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali, madwar 3,5 miljun persuna inqas mill-2014.

(18)

Din hija l-aħħar stima li ma tinkludix in-nefqa minn kumpaniji tal-utilitajiet. Stimi preċedenti li jinkludu akkwist tal-utilitajiet huma madwar 19 % tal-PDG tal-UE, jiġifieri madwar EUR 2,3 triljun.

(19)

COM(2016) 356

(20)

COM(2016) 730

(21)

COM(2016) 727

(22)

COM(2016) 727

(23)

COM(2016) 726

(24)

COM(2015) 12

(25)

Ara l-Kumitat tal-Politika Ekonomika (AWG) u l-Kummissjoni Ewropea (DĠ ECFIN), (2015), “The 2015 Ageing Report: economic and budgetary projections for the 28 EU Member States (2013 – 2060)”, European Economy, No. 3, u l-Kummissjoni Ewropea (DĠ EMPL) u l-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali, (2015), “The 2015 Pension Adequacy Report: current and future income adequacy in old age in the EU", European Union”, Vol I u II.

(26)

 COM(2014) 215