Brussell, 24.11.2016

COM(2016) 724 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Development of the dairy market situation and the operation of the "Milk Package" provisions

{SWD(2016) 367 final}


RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U

LILL-KUNSILL

L-iżvilupp tas-sitwazzjoni tas-suq tal-ħalib u tal-operazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-“Pakkett dwar il-Ħalib”

   1.    IL-KAMP TA’ APPLIKAZZJONI

Il-“Pakkett dwar il-Ħalib” 1 2 , li ġie ppubblikat f’Marzu 2012 (u integrat ulterjorment fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 3 - “ir-Regolament dwar l-OKS”), huwa sett ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi li ilu fis-seħħ mit-3 ta’ Ottubru 2012 u ser jibqa’ japplika sat-30 ta’ Ġunju 2020.

L-Artikolu 225(b) tar-Regolament dwar l-OKS jistipula li l-Kummissjoni trid tippreżenta żewġ rapporti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, wieħed sat-30 ta’ Ġunju 2014 u l-ieħor sal-31 ta’ Diċembru 2018. Ir-rapport għandu jkopri l-iżviluppi tas-suq fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib u, b’mod partikolari, l-impatt tal-Artikoli 148 sa 151, l-Artikoli 152(3) u 157(3) (id-“dispożizzjonijiet tal-Pakkett dwar il-Ħalib”), filwaqt li jivvaluta l-effetti fuq il-produtturi tal-ħalib u fuq il-produzzjoni tal-ħalib f’reġjuni żvantaġġati, b’rabta mal-objettiv ġenerali li tinżamm il-produzzjoni fit-tali reġjuni. Ir-rapporti għandhom ikopru wkoll l-inċentivi potenzjali li jħeġġu lill-bdiewa jidħlu fi ftehimiet għall-produzzjoni konġunta, flimkien ma’ kwalunwe proposta xierqa.

Il-Kummissjoni adottat l-ewwel minn dawn iż-żewġ rapporti meħtieġa mir-Regolament fit-13 ta’ Ġunju 2014 4 . 

Fil-Kunsill Straordinarju għall-Agrikoltura u għas-Sajd li ltaqa’ fis-7 ta’ Settembru 2015, 5 fid-dawl tas-sitwazzjoni diffiċli tas-suq, il-Kummissjoni pproponiet li minflok fl-2018, kif oriġinarjament ippjanat ir-rapport tal-Pakkett dwar il-Ħalib isir fl-2016.

Il-Presidenza Slovakka tat prijorità lill-funzjonament tal-katina tal-provvista matul il-mandat tagħha li kopra t-tieni nofs tal-2016, u dan is-suġġett ġie eżaminat mit-Task Force tas-Swieq Agrikoli (AMTF).

Dan ir-rapport huwa bbażat fuq it-tweġibiet mill-Istati Membri għal kwestjonarju u n-notifiki stipulati fir-regoli ta’ implimentazzjoni 6 . Id-dejta minn studju indipendenti dwar l-organizzazzjonijiet tal-produtturi skont id-dispożizzjonijiet tal-Pakkett dwar il-Ħalib ikkummissjonat lill-Istitut tal-Istudju tal-Prospettivi Teknoloġiċi taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka kkontribwiet għall-analiżi wkoll.

   2.    L-EVOLUZZJONI TAS-SITWAZZJONI TAS-SUQ GĦALL-ĦALIB U GĦALL-PRODOTTI TAL-ĦALIB 

Wara li ra l-ogħla prezzijiet fl-istorja għall-ħalib u għall-prodotti tal-ħalib sa tmiem l-2013 u fil-bidu tal-2014, is-settur tal-ħalib daħal f’fażi ta’ żbilanċ globali bejn il-provvista u d-domanda li kkaratterizza s-suq tul l-2015 u l-ewwel nofs tal-2016. Filwaqt li f’Awwissu 2014 id-domanda madwar id-dinja batiet minħabba l-introduzzjoni tal-projbizzjoni fuq l-importazzjoni mir-Russja kif ukoll minħabba t-tnaqqis fl-importazzjonijiet fiċ-Ċina matul l-ewwel nofs tal-2015, il-provvista globali - bis-saħħa ta’ prezzijiet li joffru remunerazzjoni tajba u ta’ kundizzjonijiet tat-temp favorevoli - ħadet spinta.

Minn Settembru tal-2014 il-Kummissjoni baqgħet tħaddem l-istrumenti tal-protezzjoni mingħajr waqfien. Minn Lulju 2015 it-trab tal-ħalib xkumat qed jiġi offrut għall-intervent pubbliku.

Mir-rebbiegħa tal-2016 il-kundizzjonijiet tas-suq tjiebu, wara li l-prezzijiet għall-prodotti tal-ħalib tal-UE messew il-livell minimi. Dawn is-sinjali pożittivi għadhom ma sarrfux fi prezzijiet aħjar tal-ħalib mal-ħruġ mill-azjenda agrikola, iżda minn Awwissu 2016 ’l hawn l-istimi bdew jindikaw bidla fit-tendenza.

Il-prospetti fit-terminu medju għall-ħalib u għall-prodotti tal-ħalib għadhom favorevoli. Id-domanda globali u domestika hija mistennija tiżdied b’konsistenza, u din għandha tippermetti lis-settur tal-ħalib tal-UE jiżviluppa l-potenzjal tal-produzzjoni tiegħu u jtejjeb il-pożizzjoni u s-sehem tiegħu fis-swieq globali.

Tista’ ssib aktar informazzjoni ddettaljata dwar l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni u l-prospetti tas-suq fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni mehmuż ma’ dan ir-rapport.

3.    L-OPERAZZJONI TAD-DISPOŻIZZJONIJIET TAL-“PAKKETT DWAR IL-ĦALIB” 7

Il-Pakkett dwar il-Ħalib fih sensiela ta’ dispożizzjonijiet b’kamp ta’ applikazzjoni u b’kopertura differenti. Id-dispożizzjonijiet dwar il-kuntratti obbligatorji jistgħu jkunu rilevanti għat-tipi kholla tas-sistemi ta’ ġbir tal-ħalib. Madankollu, id-dispożizzjonijiet dwar l-organizzazzjonijiet tal-produtturi (Producer Organisations - POs) u n-negozjati kollettivi ġeneralment huma aktar rilevanti fl-Istati Membri fejn il-kooperattivi huma anqas żviluppati.

Id-dispożizzjonijiet dwar in-negozjati kollettivi huma limitati għal produtturi organizzati f’POs rikonoxxuti, diment li l-ħalib mhux maħdum mhuwiex kopert minn obbligu ta’ konsenja li jirriżulta mis-sħubija ta’ bidwi f’kooperattiva 8 .

Il-Graff 1 tagħti stima tas-sehem tal-produzzjoni tal-ħalib tal-baqra skont it-tip ta’ arranġamenti kuntrattwali. Id-dispożizzjonijiet tal-Pakkett dwar il-Ħalib fuq il-POs u fuq in-negozjati kollettivi huma rilevanti għal madwar 36% tal-konsenji fl-UE tal-ħalib tal-baqra (eż. konsenji barra l-kooperattivi).

Graff 1    Relazzjonijiet kuntrattwali

Is-subtaqsimiet li ġejjin jipprovdu l-istat tal-implimentazzjoni għal kull waħda mid-dispożizzjonijiet tal-Pakkett dwar il-Ħalib. Aktar informazzjoni ddettaljata dwar l-evoluzzjoni tal-kuntratti obbligatorji u tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi tinsab fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni mehmuż ma’ dan ir-rapport.


3.1.    Kuntratti obbligatorji (l-Artikolu 148)

Il-kuntratti obbligatorji li jaqgħu taħt l-Artikolu 148 tar-Regolament dwar l-OKS ikopru 41% tal-konsenji fl-UE tal-ħalib fi 13-il Stat Membru.

Tabella 1    Kuntratti obbligatorji

Stat Membru

Leġiżlazzjoni Nazzjonali

Durata
Minima tal-Kuntratt:

Kuntratti / Offerti obbligatorji bil-miktub

Franza

April tal-2011

5 snin

K+O

L-Italja

Marzu 2012

Sena (1)

K+O

Spanja

Ottubru 2012

Sena (1)

K+O

Il-Litwanja

Ottubru 2012

-

K

L-Ungerija

Diċembru 2012

6 xhur

K

Is-Slovakkja

Diċembru 2012

-

K

Il-Kroazja

Ġunju 2013

6 xhur

K

Ċipru

Ġunju 2013

Sena (1)

K

Il-Portugall

Ġunju 2013

6 xhur

K+O

Il-Bulgarija

Novembru 2013

6 xhur

K

Ir-Rumanija

Frar 2014

6 xhur

K+O

Is-Slovenja

Jannar 2015

Sena (1)

K

Il-Polonja

Ottubru 2015

-

K

Fil-Bulgarija, fi Franza, fl-Italja, fil-Polonja u fir-Rumanija, kuntratti obbligatorji bil-miktub japplikaw biss għar-relazzjoni bejn il-produtturi u l-ewwel xerrejja. Fl-Istati Membri l-oħrajn, japplikaw kundizzjonijiet għar-relazzjonijiet tal-provvista kollha fil-katina bejn il-bdiewa u l-proċessuri, anki jekk ikun hemm diversi intermedjarji bejniethom.

Il-kuntratti tal-konsenja bejn il-bdiewa u l-kooperattiva li huma membri tagħha kif ukoll il-kodiċijiet ta’ prattika tajba mhumiex koperti mill-Pakkett dwar il-Ħalib. Madankollu, kultant dawn jista’ jkun fihom dispożizzjonijiet simili għal dawk tal-Artikolu 148 tar-Regolament dwar l-OKS.

B’ispirazzjoni mid-dispożizzjonijiet tal-Pakkett dwar il-Ħalib, fl-2012 intlaħaq qbil fuq kodiċi volontarju ta’ prattika bejn il-produtturi u l-proċessuri fir-Renju Unit 9 . Il-kodiċi pprovda għall-kuntratti f’kundizzjonijiet simili għal dawk li jinsabu fil-Pakkett dwar il-Ħalib u jkopri aktar minn 85% tal-produzzjoni tal-ħalib mhux maħdum f’dan l-Istat Membru. Analiżi tal-operazzjoni tal-kodiċi li għamel il-Parlament Skoċċiż fl-2014 kienet ġeneralment pożittiva.

 

Fil-Belġju, mill-2009 iddaħħlu fis-seħħ kodiċijiet interprofessjonali mhux vinkolanti li jkopru 85% mill-produtturi u 98% mix-xerrejja, inklużi b’mod partikolari ftehimiet dwar il-kwalità, ftehimiet dwar il-perjodu ta’ avviż li jridu jagħtu l-bdiewa u x-xerrejja, ftehimiet dwar is-sostenibbiltà u arranġamenti dwar ir-rwol tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi.

Sa minn qabel l-adozzjoni tal-Pakkett dwar il-Ħalib, fil-Ġermanja kienu jeżistu regoli vinkolanti li jirregolaw il-kundizzjonijiet għall-konsenji tal-ħalib mhux maħdum, li ġeneralment jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti mill-Artikolu 148 tar-Regolament dwar l-OKS.

Fl-2015 10 , fi Spanja ddaħħlu kodiċijiet ta’ prattika tajba u konvenzjonijiet volontarji differenti li jinvolvu aġenti fis-settur agroalimentari u b’mod partikolari l-Organizzazzjoni Interprofessjonali (IBO) fis-settur tal-ħalib.

Billi ġiet ikkumbinata l-kopertura li jipprovdu l-kuntratti obbligatorji (skont l-Artikolu 148 tar-Regolament dwar l-OKS), il-kodiċijiet volontarji u r-relazzjonijiet kooperattivi, bħalissa madwar 95% mill-konsenji totali fl-UE tal-ħalib huma soġġetti għal ftehim formali, f’xi forma jew oħra.

3.2.    L-organizzazzjonijiet tal-produtturi (POs) u l-assoċjazzjonijiet tagħhom (APOs) (l-Artikolu 152(3)) 

Sa tmiem l-2015 u skont id-dispożizzjonijiet tal-Pakkett dwar il-Ħalib, 11-il Stat Membru rrikonoxxew 260 PO, ħafna minnhom fi tliet Stati Membri: il-Ġermanja, Franza u l-Italja. Waħda minnhom biss tikkonċerna l-ħalib tan-nagħġa. Is-sitwazzjoni attwali fuq il-kriterji għar-rikonoxximent tal-POs f’kull Stat Membru u n-numru ta’ POs rikonoxxuti huma miġburin fil-qosor fit-Tabella A tal-anness għal dan ir-rapport.

3.2.1    Il-valutazzjoni dwar il-POs mill-Istati Membri

Ħafna mill-Istati Membri jaraw potenzjal għall-POs u għall-APOs fit-territorji tagħhom, apparti minn dawk li ddikjaraw li għandhom sistema kooperattiva li taħdem b’mod sodisfaċenti jew strutturi bbażati fuq gruppi tal-produtturi. Il-Ġermanja, li għandha l-aktar struttura tal-POs żviluppata fl-UE, targumenta favur it-trasformazzjoni tal-POs eżistenti fi strutturi akbar (APOs), minflok ma jinħolqu l-ġodda. Fi Franza, il-produtturi qegħdin juru interess dejjem akbar fl-APOs ukoll.

Il-produzzjoni kummerċjabbli annwali tal-259 PO rikonoxxuti għall-ħalib tal-baqra tkun ta’ madwar 13% mill-konsenji totali fl-UE tal-ħalib fl-2015 u 37% mill-konsenji totali fl-UE tal-ħalib barra miċ-ċrieki kooperattivi. Ir-raġunijiet ewlenin talli ma ntużax aktar minn hekk huma:

1) nuqqas ta’ għarfien fost il-bdiewa dwar l-għanijiet, l-implikazzjonijiet u l-vantaġġi li ġġib magħha sħubija fil-POs;

2) nuqqas ta’ appoġġ finanzjarju għat-twaqqif ta’ POs (sa ċertu punt marbut ukoll ma’ nuqqas ta’ informazzjoni, peress li jeżistu possibbiltajiet permezz tal-iżvilupp rurali);

Kawżi rrapportati oħrajn huma:

Il-piż amministrattiv u finanzjarju relatat mal-ħolqien u mar-rikonoxximent tal-POs.

F’madwar 13-il Stat Membru tal-UE, il-bdiewa li kienu diġà qalbu minn sistemi tal-produzzjoni kooperattivi ta’ qabel l-1992 għal negozji privati jistgħu ma jkunux iridu jerġgħu jidħlu mill-ġdid fi strutturi kollettivi. Biża’ minn telf tal-awtonomija b’mod aktar ġenerali huwa rrapportat ukoll.

Il-bdiewa mhumiex konxji mill-istejjer ta’ suċċess li jistgħu jħeġġuhom jimitaw prattiki aħjar.

Inċertezza dwar il-lok għal flessibbiltà tal-POs u tal-APOs minħabba r-regoli dwar il-kompetizzjoni.

Xettiċiżmu dwar il-ħila tal-POs li jiksbu riżultati aħjar permezz ta’ negozjar kollettiv, jew li jiggarantixxu ġbir tal-ħalib għall-membri kollha tagħhom.

Fid-dawl ta’ dawn in-nuqqasijiet, l-Istati Membri jissuġġerixxu diversi ideat sabiex ikattru l-ħolqien ta’ POs ġodda jew sabiex itejbu l-funzjonament ta’ dawk li diġà jeżistu (u, b’approċċ aktar ġeneriku, iħeġġu lill-bdiewa jidħlu fi ftehimiet għall-produzzjoni konġunta):

Sensibilizzazzjoni fost il-bidewa dwar kif jaħdmu u x’potenzjal għandhom il-POs.

Titjib tal-ħiliet maniġerjali u tal-ħiliet tan-negozjar tal-persunal tal-POs.

Għoti ta’ appoġġ finanzjarju għall-ħolqien u għall-funzjonament tal-POs. Appoġġ għat-twaqqif tal-POs diġà huwa disponibbli permezz tat-tieni pilastru 11  minkejja li ġie pprogrammat biss f’16-il Stat Membru 12 . Mil-lat operazzjonali, il-politika dwar l-iżvilupp rurali diġà tipprovdi għal ċerti miżuri fl-oqsma ta’ kooperazzjoni, ta’ taħriġ/ta’ pariri u ta’ investimenti. Għaldaqstant, kwalunkwe inizjattiva f’dan ir-rigward għandha timmira lejn użu aħjar tal-istrumenti diġà disponibbli minflok ma toħloq strumenti ġodda.

Għoti ta’ inċentivi finanzjarji għall-POs u għall-kooperattivi biex jinvestu fil-kapaċitajiet ta’ pproċessar sabiex jipproċessaw il-ħalib tagħhom stess u jiksbu sehem aħjar mill-valur finali miżjud. Il-possibbiltajiet għal dan diġà jeżistu permezz tal-iżvilupp rurali 13 .

Li l-POs jingħataw vantaġġ fuq il-produtturi individwali fl-aċċess għal skemi ta’ għajnuna, fil-forma ta’ primjums, ta' prijorità akbar meta jiġu stabbiliti l-kriterji ta’ eliġibbiltà jew ta' rati ta’ kofinanzjament ogħla.

3.2.2    X’jaħsbu l-POs u r-Rappreżentanti tal-Bdiewa 

Il-POs kollha rikonoxxuti mill-Pakkett dwar il-Ħalib ġew ikkuntattjati sabiex jimlew stħarriġ sabiex jiġu identifikati r-raġunijiet wara l-ħolqien tal-organizzazzjonijiet tagħhom u sabiex wieħed jifhem il-benefiċċji u l-iżvantaġġi għall-membri tagħhom li ġġib magħha s-sħubija f’PO. 63 PO wieġbu l-kwestjonarju li kien disponibbli bil-lingwi nazzjonali tagħhom.

Fost ir-raġunijiet għat-twaqqif ta’ PO, il-kisba ta’ prezz aħjar għall-ħalib hija kklassifikata bħala l-ewwel prijorità għal maġġoranza minn dawn li wieġbu, segwita mill-kisba ta’ prezz aktar stabbli, titjib ġenerali tal-pożizzjoni tal-produttur fil-katina tal-provvista u l-iżgurar tal-ġbir tal-ħalib għall-membri kollha tal-PO.

F’termini ta’ lħuq tal-objettivi tagħhom, madwar 60 % tal-POs ikkonfermaw li rnexxilhom jilħquprezz aktar stabbli jew parzjalment jew kompletament. Kważi 70 % kisbu prezz aħjar, filwaqt li madwar 20 % tal-POs ikkonfermaw li ma laħqu l-ebda wieħed minn dawn iż-żewġ objettivi. Madwar 65% tal-POs jirrapportaw li tejbu jew parzjalment jew kompletament il-pożizzjoni tal-produtturi fil-katina tal-provvista filwaqt li 14% sabu li ma rnexxilhomx.

L-għan li juri l-ogħla grad ta’ twettiq huwa l-iżgurar tal-ġbir tal-ħalib għall-membri kollha tal-PO, li għalih kważi 60% minn fost dawk li wieġbu ddikjaraw li laħqu l-objettiv kompletament. Meta jiġu inklużi t-tweġibiet li jikkonċernaw l-ilħuq parzjali tal-objettiv, dan il-perċentwal jitla’ għal 71 %. Il-kisba ta’ tagħrif aħjar tas-suq għat-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar il-produzzjoni ntlaħqet ukoll b’mod parzjali jew sħiħ f’madwar 73% tal-każijiet, minkejja li dan l-objettiv inkiseb aktar b’mod parzjali.

L-attivitajiet ewlenin tal-POs mistħarrġin sa issa jmorru lil hinn min-negozjar tal-prezzijiet (c. 85% tal-POs). Il-POs jinnegozjaw ukoll il-volumi tal-konsenji (c. 75%), il-kundizzjonijiet tal-konsenji (c. 60%) u l-kundizzjonijiet tal-ħlas (c. 70%). Ħafna minn dawn il-POs (c. 80%) jipprovdu servizz wieħed ieħor jew aktar li jżid il-valur fil-provvista tal-ħalib u/jew jappoġġja l-attivitajiet tal-produtturi: il-ġbir tal-ħalib (c. 50%), l-organizzazzjoni ta’ skambju ta’ informazzjoni/ta’ esperjenzi (c. 65%), l-organizzazzjoni ta’ kontrolli tal-kwalità (c. 50%), l-organizzazzjoni ta’ pariri tekniċi jew ekonomiċi (c. 40%), l-organizzazzjoni ta’ xirjiet konġunti tal-input (c. madwar 30%).

Il-POs irrappurtaw li l-benefiċċji ewlenin għall-bdiewa li jappartjenu għalihomhuma l-possibbiltà ta' negozjar kollettiv tal-kundizzjonijiet kuntrattwali u l-immaniġġjar aħjar tal-volumi ta’ ħalib. Uħud mill-POs isemmu wkoll li prezzijiet tal-ħalib aħjar, stabbiltà tan-negozju, il-fatt li jkun hemm interlokutur wieħed biss vis-a-vis il-proċessuri u tagħrif aħjar dwar is-suq huma vantaġġi.

 

L-iżvantaġġi għall-bdiewa li jappartjenu għal PO ma tantx jissemmew. Uħud minn dawk li wieġbu jqisu dawn li ġejjin: il-kontribuzzjonijiet li jridu jitħallsu mill-membri tal-PO, ir-riżorsi (kemm umani kif ukoll materjali) meħtieġa u l-limitazzjoni għall-indipendenza tal-bdiewa f’deċiżjonijiet intraprenditorjali.

11 biss mit-63 PO jikkunsidraw li jevolvu f’kooperattiva tal-ipproċessar, motivati l-aktar mill-opportunità ta’ żvilupp tan-negozju, sabiex jiksbu prezzijiet aħjar tal-ħalib għall-membri tagħhom u jtejbu l-pożizzjoni tal-produtturi fil-katina tal-provvista. Maġġoranza assoluta tal-POs ma jikkunsidrawx din il-possibbiltà, l-aktar minħabba l-investiment sostanzjali meħtieġ (u n-nuqqas ta’ appoġġ pubbliku) u n-nuqqas ta’ interess intraprenditorjali tal-membri tal-POs.

Ħafna minn dawk li wieġbu jaraw potenzjal għall-ħolqien ta’ aktar POs fl-Istati Membri tagħhom (11 biss wieġbu b’mod negattiv). L-organizzazzjoni batuta fis-settur, in-nuqqas ta’ stejjer ta’ suċċess u ċertu nuqqas ta’ rieda ta’ kooperazzjoni fost il-bdiewa (relatat ukoll mal-preferenza tal-bdiewa li jkollhom kuntatt dirett max-xerrejja) huma kkwotati bħala r-raġunijiet ewlenin għaliex il-POs għadhom ma ġewx sfruttati għalkollox.

Intbagħat stħarriġ lill-Organizzazzjonijiet tal-Bdiewa wkoll, b’mod partikolari sabiex jiġi evalwat il-potenzjal għall-POs fl-Istati Membri tagħhom.

Fost l-Istati Membri mingħajr ebda PO rikonoxxuta, id-Danimarka, il-Finlandja, in-Netherlands, l-Iżvezja, l-Awstrija, l-Irlanda, is-Slovenja u l-Polonja ma jaraw ebda potenzjal għal dan l-istrument, peress li l-istruttura kooperattiva (il-gruppi tal-produtturi fil-każ tal-Polonja) diġà tipprovdi għal settur organizzat sew. Il-Litwanja tirreferi għan-nuqqas ta’ organizzazzjoni fis-settur sabiex tispjega n-nuqqas ta’ POs u l-potenzjal limitat tagħhom. Perċezzjoni pożittiva dwar il-potenzjal għall-POs hija rrapportata mir-rappreżentanti tal-bdiewa mill-Estonja u mil-Latvja.

Fl-Istati Membri b’POs rikonoxxuti, dan l-istrument huwa kważi eżawrit fil-Ġermanja, fl-Italja u fi Franza, li bejniethom jifformaw 92% mill-POs rikonoxxuti kollha fl-UE. Fil-każ partikolari ta’ Franza, l-evoluzzjoni mistennija tiffavorixxi li jkun hemm anqas POs iżda li jkunu akbar (jew raggruppati f’APOs) u dan huwa mistenni li jsir b’mod trażversali (PO li tforni lil aktar minn proċessur wieħed).

L-Organizzazzjonijiet tal-Bdiewa ftit li xejn jaraw potenzjal għal POs fi Spanja (nuqqas ta’ organizzazzjoni fis-settur, l-għodda mhijiex konvenjenti), fir-Repubblika Ċeka (azjendi agrikoli diġà relattivament kbar), u fil-Portugall u fil-Belġju (struttura kooperattiva ferm żviluppata). Għall-kuntrarju, ir-rappreżentanti mill-Kroazja, mir-Rumanija u mir-Renju Unit jaraw potenzjal ċar għal aktar POs fit-territorju tagħhom.

3.3.    In-negozjar kollettiv (l-Artikolu 149)

Sitt Stati Membri rrapportaw konsenji tal-ħalib mhux maħdum fl-2014 u fl-2015 skont kuntratti nnegozjati b’mod kollettiv. Il-volumi nnegozjati b’mod kollettiv koprew 25% mill-konsenji totali tagħhom tal-ħalib fl-2015, u ammontaw għal madwar 13% mill-konsenji totali fl-UE tal-ħalib mhux maħdum.

Ma ġie rrapportat ebda intervent tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni fir-rigward ta’ esklużjoni tal-kompetizzjoni jew ta’ ħsara serja lil SMEs proċessuri tal-ħalib mhux maħdum minħabba negozjati kollettivi.

Tabella 2    Il-konsenji tal-ħalib tal-baqra fl-2014 u fl-2015 skont kuntratti nnegozjati b’mod kollettiv

Stat Membru

Volum innegozjat b’mod kollettiv (x1000 t)

Sehem
approssimattiv tal-konsenji tal-SM

Volum innegozjat b’mod kollettiv (x1000 t)

Sehem
approssimattiv tal-konsenji tal-SM

2014

2015

Il-Bulgarija

0

-

5,6

1,1%

Ir-Repubblika Ċeka

1 053

44%

497

17%

Il-Ġermanja

14 249

45%

13 253

42%

Spanja

840

13%

621

9%

Franza

4 469

18%

5 171

20%

Ir-Renju Unit

0

-

820

5%

Fi Spanja, l-unika PO rikonoxxuta għall-ħalib tan-nagħġa rrapportat negozjati konġunti fl-2014 u fl-2015 għal madwar 71 000 tunnellata u 46 000 tunnellata rispettivament (kważi 100 % tal-produzzjoni kummerċjali tagħha). It-tnaqqis fil-volum ikkonsenjat jirriżulta mit-tnaqqis fin-numru ta’ membri fil-PO (minn 729 għal 548). Barra minn hekk, fi Spanja kien hemm PO ġdida fl-2015 u waħda li tilfet ir-rikonoxximent tagħha, iżda l-ġdida hija ferm iżgħar.

Fl-2015 it-tnaqqis fis-sehem tal-konsenji nnegozjati b’mod kollettiv fir-Repubblika Ċeka kien dovut l-aktar għall-għajbien ta’ 7 POs dik is-sena.

Fi Franza, is-sehem żdied b’mod kostanti fl-aħħar tliet snin, b’konformità mal-progressjoni fin-numru ta’ POs rikonoxxuti kull sena.

Fil-Ġermanja, il-perċentwal jibqa’ kemxejn stabbli peress li l-potenzjal sabiex jitwaqqfu POs ġodda kważi laħaq il-limitu tiegħu u, għalhekk, kwalunkwe varjazzjoni hija relatata l-aktar mal-evoluzzjoni tal-konsenji totali tal-ħalib fil-pajjiż. Fl-2015 is-sehem naqas ftit meta mqabbel mal-2014, bi rwol dejjem akbar tal-APOs: fl-2015 tnejn mill-erba’ APOs rikonoxxuti ddikjaraw negozjati kollettivi għal volum totali ta’ 5.5 miljun tunnellata (li ammontaw għal 42% tal-volum totali nnegozjat b’mod kollettiv).

Uħud mill-fatturi ta’ suċċess spjegati mill-Istati Membri dwar il-potenzjal għall-iżvilupp ulterjuri tan-negozjati kollettivi huma relatati ma’ dawn li ġejjin:

Dimensjoni adegwata tal-POs. Huwa meħtieġ daqs minimu sabiex il-POs ikunu jistgħu verament jinnegozjaw. Fl-istess ħin, hemm riskju li l-POs maħluqin ġodda li huma kbar wisq isiru inoperattivi. Il-Ġermanja u Franza huma l-Istati Membri bl-ogħla numru ta’ POs rikonoxxuti u l-akbar sehem ta’ negozjar kollettiv. Fil-POs tagħhom hemm medja ta’ 100 u 250 bidwi membru, rispettivament. Is-sitwazzjoni ideali tkun li, inizjalment, jinħolqu POs ta’ daqs maniġabbli li eventwalment jevolvu fi strutturi akbar bħall-APOs, aktar milli POs enormi ta’ xi 1 000 sa 2 000 membru b’kapaċità operazzjonali limitata ħafna.

Sensibilizzazzjoni fost ix-xerrejja tal-ħalib dwar il-benefiċċji potenzjali tan-negozjar kollettiv ma’ gruppi ta’ bdiewa (negozjar faċli, anqas spejjeż tat-tranżazzjonijiet, garanzija ta’ provvisti, u komunikazzjoni aħjar).

Appoġġ finanzjarju għall-POs (minbarra dak li diġà huwa disponibbli), bil-kundizzjoni li jintlaħqu l-objettivi tan-negozjar kollettiv, jista’ jistimola din il-prattika u jħeġġeġ aktar integrazzjoni bejn il-produtturi u l-proċessuri.

Is-solidarjetà fost il-produtturi hija kruċjali għall-operazzjoni effettiva tal-POs. Il-possibbiltà li l-bdiewa jevitaw il-ftehimiet milħuqin mill-POs sabiex ifittxu kundizzjonijiet aktar favorevoli xxekkel il-funzjonament xieraq tal-PO.

Fil-parti l-kbira tal-POs li wieġbu għall-istħarriġ (73%), ir-riżultat tan-negozjati kollettivi huwa vinkolanti għall-membri tal-POs. Huma biss f’9 minn fost it-63 PO li wieġbu li l-membri tal-POs jinnegozjaw/jikkonsenjaw parti mill-ħalib tagħhom barra l-PO. Il-kuntratti huma konklużi mill-bdiewa jew inkella mill-POs f’isimhom, fejn it-tieni għażla kienet l-aktar popolari (kważi 60%).

3.4.    Ir-regolamentazzjoni tal-provvista għall-ġobon DOP/IĠP (l-Artikolu 150)

Żewġ Stati Membri adottaw regoli dwar l-immaniġġjar tal-provvista għall-ġobon DOP/IĠP. Franza għal Comté, Beaufort, Reblochon u Gruyère u l-Italja għal Asiago, Grana Padano, Parmigiano Reggiano u Pecorino Romano. In-notifiki korrispondenti huma ppubblikati fuq is-sit web tal-Pakkett dwar il-Ħalib 14 .

Iż-żewġ Stati Membri jivvalutaw b'mod pożittiv l-effikaċja ta’ dan l-istrument fir-rigward tal-aġġustament xieraq tal-provvista għad-domanda, tal-istabbilizzazzjoni tal-prezz u tal-protezzjoni tal-produzzjoni f’żoni żvantaġġati.

3.5.    Organizzazzjonijiet interprofessjonali (IBOs) (l-Artikolu 157(3))

Hemm 10 IBOs rikonoxxuti għas-settur tal-ħalib f’ħames Stati Membri: Franza (6 b’kollox, erbgħa minnhom ta’ dimensjoni reġjonali), Spanja, l-Ungerija, in-Netherlands u l-Portugall. Fl-Ungerija, l-IBO tkopri t-tliet stadji tal-katina tal-provvista mill-produtturi sal-bejgħ bl-imnut filwaqt li l-IBOs li jifdal jinvolvu biss lil produtturi u lill-industrija (fin-Netherlands, l-organizzazzjoni tan-negozju għandha relazzjoni ta’ sħubija mal-IBO, u tieħu sehem fil-bord tagħha bħala konsulent).

Dawn il-ħames Stati Membri kollha kemm huma jqisu bħala sodisfaċenti l-funzjonament tal-IBOs rispettivi tagħhom fir-rwol tagħhom li jiġbru flimkien l-interessi ta’ partijiet ikkonċernati differenti fil-katina tal-provvista.

Fost l-Istati Memrbi li ma għandhom ebda IBO rikonoxxuta, l-Italja, is-Slovenja, il-Polonja, il-Greċja, ir-Rumanija, il-Kroazja, il-Belġju u, sa ċertu punt inqas, il-Latvja, jaraw potenzjal għal strutturi bħal dawn. Fil-bqija tal-każijiet, mudell kooperattiv ferm żviluppat jew ftit li xejn interess min-naħa tal-operaturi huma r-raġunijiet ewlenin għaliex ma ntużax dan l-istrument.

L-Artikolu 210 tar-Regolament (UE) 1308/2013 15 jipprevedi ftehimiet u prattiki miftiehma tal-IBOs rikonoxxuti, eżentati mill-Artikolu 101(1) tat-TFUE f’ċerti kundizzjonijiet.

L-Artikolu 164 tar-Regolament (UE) 1308/2013 jistabbilixxi rekwiżiti għall-mekkaniżmu dwar l-estensjoni tar-regoli li jistgħu jiġu mmobilizzati mill-IBOs. Fid-dawl ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, fl-2015 u fl-2016 Franza ssottomettiet erba’ notifiki rigward l-abbonamenti tal-membri għall-finanzjament ta’ azzjonijiet komuni ta’ interess ġenerali għas-settur tal-ħalib minn IBOs reġjonali.

Kemm il-POs kif ukoll l-organizzazzjonijiet tal-bdiewa li ġew mistħarrġa jargumentaw favur l-għoti lill-IBOs ta’ aktar flessibbiltà sabiex isiru aktar effettivi. Ftit jargumentaw għal aktar flessibbiltà fir-rekwiżiti għall-applikazzjoni tal-mekkaniżmu fuq l-estensjoni tar-regoli, jew rwol imsaħħaħ fil-prevenzjoni u fl-immaniġġjar ta’ kriżijiet (b’mod partikolari rigward l-ippjanar tal-produzzjoni, li jmur oltre minn dak li diġà huwa stipulat fl-Artikolu 222 tal-OKS).

3.6.    Id-dikjarazzjonijiet obbligatorji tal-konsenji tal-ħalib (l-Artikolu 151)

Mill-1 ta’ Mejju 2015, l-Istati Membri huma meħtieġa jinnotifikaw lill-Kummissjoni, sa mhux aktar tard mill-25 jum ta’ kull xahar, bil-kwantità totali tal-ħalib tal-baqra mhux maħdum ikkonsenjat fix-xahar ta’ qabel lill-ewwel xerrejja stabbiliti fit-territorju tagħhom.

Bi ftit eċċezzjonijiet, l-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri dwar il-miżuri implimentati sabiex jikkonformaw ma’ dawk ir-rekwiżiti regolatorji tagħti garanzija raġonevoli li l-ħalib kollu kkonsenjat f’xahar jiġi nnotifikat sal-iskadenza.

Il-livell ta’ konformità mal-iskadenza tal-25 jum fl-ewwel 13-il xahar mindu ddaħħlet fis-seħħ is-sistema ta’ notifika (April 2015 sa, u inkluż, April 2016) huwa spjegat f’dettall fit-Tabella B tal-anness għal dan ir-rapport. 12-il Stat Membru kkonformaw bis-sħiħ mal-iskadenza filwaqt li 8 Stati Membri tejbu b’mod notevoli l-prestazzjoni tagħhom fl-ewwel xhur tal-2016. L-Istati Membri b’anqas regoli restrittivi fis-seħħ għall-ewwel xerrejja huma dawk li qegħdin juru prestazzjoni anqas ottimali.

   4.    L-EFFETTI TAL-PAKKETT DWAR IL-ĦALIB FUQ IL-PRODUTTURI TAL-ĦALIB U FUQ IL-PRODUZZJONI TAL-ĦALIB F’REĠJUNI ŻVANTAĠĠATI

Peress li ma hemm ebda definizzjoni uniformi ta’ “reġjuni żvantaġġati” fir-rigward tal-produzzjoni tal-ħalib, l-Istati Membri ntalbu jispjegaw il-kriterji li użaw f'dan il-kuntest. Ġew iċċitati ħames bażijiet ġuridiċi differenti. Ir-referenza għal “żoni li jiffaċċjaw restrizzjonijiet naturali jew restrizzjonijiet speċifiċi oħra” kif definiti fl-Artikoli 31 u 32 tar-Regolament 1305/2013 kienet l-aktar spissa (12-il Stat Membru). Stati Membri oħrajn irreferew għal żoni żvantaġġati (ir-Regolament 1257/1999), għal reġjuni inqas żviluppati (ir-Regolament 1308/2013), u għad-Direttivi 75/268/KEE u 85/148/KEE. Sitt Stati Membri pprovdew deskrizzjonijiet differenti mingħajr referenzi legali u erba’ Stati Membri ma ddikjaraw ebda definizzjoni għal reġjuni żvantaġġati.

Fuq il-bażi ta’ dawn id-definizzjonijiet kemxejn eteroġeni ta’ “żoni żvantaġġati”, il-proporzjon tal-produzzjoni tal-ħalib f’żoni żvantaġġati kieku evolva kif muri fiċ-chart li ġejja:



Graff 2    Il-produzzjoni tal-ħalib f’reġjuni żvantaġġati

It-2 graff turi distribuzzjoni kemxejn stabbli tal-produzzjoni tal-ħalib fiż-żoni żvantaġġati u mhux żvantaġġati tul is-snin. Il-Kroazja biss turi diskrepanza notevoli, iżda din minħabba r-ridefinizzjoni ta’ “reġjun żvantaġġat” aktar milli minħabba bidla reali bejn reġjuni differenti.

L-Istati Membri ma jirrapportaw ebda differenza notevoli fix-xejra bejn ir-reġjuni żvantaġġati u mhux żvantaġġati fir-rigward tal-produzzjoni tal-ħalib u tan-numru ta’ produtturi tal-ħalib. It-tkabbir fil-produzzjoni tal-ħalib u r-rati ta’ abbandun tal-azjendi agrikoli tabilħaqq huma kemxejn indipendenti mill-vulnerabbiltà taż-żona fejn issir il-produzzjoni tal-ħalib. Għaldaqstant, it-tendenza ta' produzzjoni stabbli iżda li dejjem tiżdied tal-ħalib flimkien ma’ tnaqqis fin-numru ta’ impriżi (b’mergħat akbar u rendiment akbar ta’ ħalib għal kull baqra) daqstant ieħor hija applikabbli.

Fir-rigward tar-relazzjonijiet kuntrattwali, it-tweġibiet irrapportati mill-Istati Membri juru li l-piż relattiv tal-kooperattivi tal-ħalib huwa akbar f’reġjuni żvantaġġati milli f’żoni oħra tal-pajjiż. Dan huwa l-każ għall-Italja, għall-Polonja, għall-Iżvezja, għal Franza, għall-Estonja u, u kemmxejn anqas, għall-Portugall, għall-Greċja u għar-Rumanija, fejn il-perċentwali kkombinati ta’ konsenji għal kooperattivi tal-ipproċessar u tal-ġbir f’reġjuni żvantaġġati huma ogħla (u, għaldaqstant, is-sehem ta’ proċessuri privati, huma anqas) minn dawk murija fil-Graff 1. Fid-dawl ta’ dan il-fatt, id-dispożizzjonijiet tal-Pakkett dwar il-Ħalib fir-rigward tar-relazzjonijiet kuntrattwali, il-POs u n-negozjar kollettiv jista’ jkollhom rilevanza relattivament anqas f’reġjuni żvantaġġati.

Ġeneralment, l-Istati Membri jqisu l-Pakkett dwar il-Ħalib bħala strument siewi fir-ristrutturar tas-settur tal-ħalib inġenerali, filwaqt li jirrikonoxxu li dan mhuwiex immirat b’mod speċifiku għal reġjuni żvantaġġati. Franza hija l-uniku Stat Membru li rrapporta benefiċċju osservat tal-POs u tar-regolamentazzjoni tal-provvista għall-ġobon DOP/IĠP fil-preservazzjoni tal-produzzjoni tal-ħalib f’reġjuni żvantaġġati (b’rata ta’ abbandun tal-azjendi agrikoli li hija ftit anqas f’żoni muntanjużi meta mqabbla mal-pjanuri).

   5.    KONKLUŻJONIJIET

Il-Pakkett dwar il-Ħalib ġie adottat wara l-kriżi tal-2009. L-għan ewlieni tiegħu kienu li jtejjeb il-pożizzjoni tal-produtturi fil-katina. Hemm evidenza li dan intlaħaq sa ċertu punt, inkluż permezz ta’ diversi azzjonijiet kollettivi oħrajn tal-produtturi li jmorru lil hinn mill-pakkett dwar il-ħalib, u jista’ jsir aktar sabiex tkompli tittejjeb dik il-pożizzjoni b’mod sinifikanti:

Kuntratti obbligatorji tal-konsenja ġew implimentati f’ħafna Stati Membri fejn is-sehem tal-kooperattivi huwa baxx. Dan l-istrument jifformalizza r-relazzjonijiet bejn il-produtturi u l-proċessuri fl-Istati Membri li jammontaw għal 41% tal-konsenji totali fl-UE tal-ħalib.

L-Organizzazzjonijiet tal-Produtturi huma rikonoxxuti fi 11-il Stat Membru. Dawn il-POs qegħdin jipprovdu riżultati tanġibbli lill-bdiewa: aktar minn 60% tal-POs li ħadu sehem fl-istħarriġ jiddikjaraw li għandhom prezzijiet tal-ħalib aħjar jew aktar stabbli. Ħafna mill-POs jagħmlu ferm aktar milli jinnegozjaw prezzijiet u konsenji: 80% tal-POs jipprovdu servizz wieħed jew aktar li jżid il-valur tal-provvista tal-ħalib u/jew jappoġġja l-attivitajiet tal-produtturi, bħall-ġbir tal-ħalib, il-kontroll tal-kwalità, l-appoġġ tekniku u x-xiri konġunt tal-inputs. L-eżempji ta’ suċċess f’dan ir-rigward għandhom jiġu valorizzati peress li jtejbu l-effiċjenza u r-reżiljenza tal-produtturi tal-ħalib fit-tul.

In-negozjar kollettiv mal-ewwel xerrejja, meqjus mill-bdiewa bħala wieħed mill-benefiċċji ewlenin tas-sħubija f’PO, immaterjalizza essenzjalment fil-Ġermanja, fi Franza u fir-Repubblika Ċeka u, kemmxejn inqas, fi Spanja, fir-Renju Unit u fil-Bulgarija mingħajr ma ġie rrapportat ksur tar-regoli dwar il-kompetizzjoni.

Ir-regolamentazzjoni tal-provvista għall-ġobon DOP/IĠP qiegħda ġġib riżultati pożittivi fiż-żewġ Stati Membri fejn hija mħaddma, fir-rigward tal-aġġustament xieraq tal-provvista għad-domanda, tal-istabbilizzazzjoni tal-prezzijiet u tal-protezzjoni tal-produzzjoni tal-ġobon f’żoni żvantaġġati.

L-Organizzazzjonijiet Interprofessjonali qegħdin jikkontribwixxu għal trasparenza akbar tul il-katina tal-provvista u wrew kemm huma siewja f’firxa wiesgħa ta’ attivitajiet bħal fid-definizzjoni ta’ kuntratti standardizzati, fil-promozzjoni u fl-għoti ta’ pariri tekniċi.

Id-dispożizzjoni dwar id-dikjarazzjonijiet obbligatorji tal-konsenji tal-ħalib iggarantiet sistema rigoruża ta’ informazzjoni dwar il-volumi, filwaqt li tejbet b’mod sinifikanti l-puntwalità tal-informazzjoni.

Filwaqt li, b’mod ġenerali, l-Istati Membri jagħrfu li l-Pakkett dwar il-Ħalib mhuwiex immirat b’mod speċifiku għal reġjuni żvantaġġati, il-POs u r-regolamentazzjoni tal-provvista għall-ġobon DOP/IĠP huma meqjusin bħala pożittivi fi Franza għall-preservazzjoni tal-produzzjoni tal-ħalib f’reġjuni bħal dawn.

Il-potenzjal ta’ żewġ strumenti ewlenin tal-Pakkett dwar il-Ħalib bħall-POs u n-negozjati kollettivi huwa rikonoxxut mill-Istati Membri, mill-POs u mill-organizzazzjonijiet tal-bdiewa, iżda għadu mhuwiex sfruttat għalkollox. Jistgħu jkunu previsti azzjonijiet ta’ natura pedagoġika, finanzjarja jew operazzjonali fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri:

Sessjonijiet ta’ ħidma li jinvolvu esperti mill-Istati Membri li jaqsmu l-esperjenzi u l-aħjar prattiki f’pajjiżhom.

Kampanji sabiex jiżdied l-għarfien fost il-bdiewa u l-proċessuri dwar kif jaħdmu u x’potenzjal għandhom il-POs:

oEżempji prattiċi ta’ stejjer ta’ suċċess fil-POs eżistenti;

oTaħditiet u skambju tal-aħjar prattiki bejn il-bdiewa;

oOpportunitajiet ta’ finanzjament minn programmi ta’ żvilupp rurali;

oBenefiċċji tan-negozjar kollettiv u ta’ azzjonijiet kollettivi oħrajn kemm għall-produtturi kif ukoll għall-proċessuri;

oInformazzjoni ċara dwar x’jista’ u x’ma jistax isir jew x'inhu mistenni minn PO, b’mod partikolari fir-rigward tar-regoli dwar il-kompetizzjoni.

It-tħeġġiġ tal-Istati Membri li jaraw potenzjal reali għall-iżvilupp ta’ POs u li ma inkludewx appoġġ għat-twaqqif tagħhom fil-Programmi ta’ żvilupp rurali sabiex jipproponu l-modifiki korrispondenti.

Il-POs għadhom jingħataw vantaġġ fuq il-produtturi individwali fl-aċċess għal skemi ta’ għajnuna, fil-forma ta’ primjums, ta' prijorità akbar meta jiġu stabbiliti l-kriterji ta’ eliġibbiltà jew ta' rati ta’ kofinanzjament ogħla. Benefiċċji fuq it-taxxa, f’livell nazzjonali, jistgħu jiġu kkunsidrati wkoll mill-Istati Membri.

L-għoti ta’ appoġġ finanzjarju addizzjonali għall-POs bil-patt li jintlaħqu l-objettivi ta’ negozjar kollettiv kif ukoll attivitajiet konġunti oħrajn li jgħinu lill-POs jiksbu valur aħjar.

It-trawwim tar-raggruppar ta’ POs f’APOs billi jingħataw l-istess possibbiltajiet ta’ finanzjament lill-APOs, ladarba l-POs jiġu stabbiliti sew.

Jiġi kkunsidrat l-istabbiliment ta’ obbligu għall-bdiewa li jappartjenu għal PO biex dawn jibdew jikkonsenjaw il-ħalib kollu tagħhom (jew sehem minimu) permezz tal-PO li jappartjenu għaliha, jew li x-xerrejja tal-ħalib jibdew jinnegozjaw mal-POs u mhux mal-membri tal-POs, sabiex jippruvaw jevitaw in-negozjar kollettiv li huwa l-għan ewlieni tal-POs.

Reviżjoni tal-kundizzjonijiet u tar-rekwiżiti amministrattivi għar-rikonoxximent tal-POs sabiex jiġu definiti daqsijiet minimi raġonevoli filwaqt li tiġi evitata d-diskriminazzjoni bejn il-bdiewa fi Stati Membri differenti minħabba l-kriterji attwali diverġenti.

L-Istati Membri huma mħeġġa b’mod partikolari jieħdu l-passi neċessarji biex irawmu l-ħolqien ta’ POs b’azzjonijiet kollettivi li jmorru lil hinn min-negozjar kollettiv u li jsaħħu l-preżenza tagħhom fil-katina tal-provvista tal-ħalib. Minbarra dawn ir-rakkomandazzjonijiet dwar il-POs u dwar in-negozjar kollettiv, għandha tiġi kkunsidrata wkoll l-espansjoni tar-rwol tal-IBOs.

Fid-dawl tas-sejbiet fattwali ppreżentati f’dan ir-rapport, il-Pakkett dwar il-Ħalib verament għamel differenza, iżda sabiex jimmaterjalizza l-potenzjal sħiħ tiegħu, huma meħtieġa aktar żmien u mezzi, speċjalment f'dak li għandu x'jaqsam mal-azzjonijiet ta’ ġbir li jmorru lil hinn min-negozjar kollettiv. Għaldaqstant sejra tiġi kkunsidrata estensjoni tal-applikazzjoni tiegħu lil hinn mill-2020, fid-dawl tal-bżonn li titrawwem integrazzjoni approfondita tal-produtturi f’organizzazzjonijiet tal-produtturi.

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 261/2012; ĠU L 94, 30.3.2012, p. 38.

(2)

M'għandux jiġi konfuż mal-pakketti ta’ appoġġ differenti implimentati għas-settur tal-ħalib fis-snin 2014 sal-2016.

(3)

Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).

(4)

  http://ec.europa.eu/agriculture/milk/milk-package/com-2014-354_mt.pdf

(5)

  http://ec.europa.eu/agriculture/commissioner-speeches/pdf/katainen-agri-council-07-09-2015_en.pdf

(6)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 511/2012 tal-15 ta’ Ġunju 2012 dwar notifiki li jikkonċernaw l-organizzazzjonijiet tal-produtturi u dawk interprofessjonali u negozjati kuntrattwali u relazzjonijiet previsti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib.

(7)

L-istrumenti tal-Pakkett dwar il-Ħalib spjegati fuq http://ec.europa.eu/agriculture/milk/milk-package/index_en.htm .

(8)

Hemm kooperattivi li jiġbru u jipproċessaw il-ħalib u oħrajn li jiġbruh biss. Minn perspettiva tal-liġi dwar il-kompetizzjoni, ir-Regolament ta' Eżenzjoni ta' Kategorija ta’ Speċjalizzazzjoni Nru 1218/2010 jista’ jkopri l-attivitajiet tal-kooperattivi tal-ipproċessar. Is-sitwazzjoni tal-kooperattivi li jiġbru biss il-ħalib u li mhumiex koperti mid-dispożizzjonijiet tal-Pakkett dwar il-Ħalib trid tiġi vvalutata fuq bażi ta’ każ b’każ fid-dawl tar-regoli dwar il-kompetizzjoni.

(9)

  http://www.dairyuk.org/images/2012_Voluntary_Code_of_Practice.pdf  

(10)

http://www.magrama.gob.es/es/megustalaleche/acuerdos-lacteos/

(11)

L-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013: It-twaqqif ta’ organizzazzjonijiet u ta’ gruppi tal-produtturi.

(12)

BE, BG, CY, EE, ES, FR, GR, HR, HU, IT, LT, LV, PL, PT, RO u SI.

(13)

L-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013: Investimenti f’assi fiżiċi.

(14)

  http://ec.europa.eu/agriculture/milk/milk-package/index_en.htm

(15)

Qabel kien l-Artikolu 177 tar-Regolament (UE) Nru 1234/2007.


Brussell, 24.11.2016

COM(2016) 724 final

ANNESS

tar-

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U
LILL-KUNSILL

L-iżvilupp tas-sitwazzjoni tas-suq tal-ħalib u tal-operazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-“Pakkett dwar il-Ħalib”

{SWD(2016) 367 final}


ANNESS

Tabella A: Organizzazzjonijiet tal-Produtturi: Kriterji minimi stabbiliti mill-Istati Membri/Rikonoxximenti

Stat Membru

Leġiżlazzjoni Nazzjonali

Numru

Minimu ta’ Bdiewa

Minimu ta’ Produzzjoni Kummerċjabbli

x 1 000T *

Numru ta’ POs rikonoxxuti
sal-aħħar tal-2015

Franza

qabel l-2012

200

jew 60

51

Il-Portugall

qabel l-2012

12

EUR 8 miljun

(EUR miljun għall-POs tal-ħalib tan-nagħaġ/tal-mogħoż)

Spanja

Novembru 2011

 

200 (30 għan-nagħaġ/mogħoż

7 (+1 għall-ħalib tan-nagħaġ)

Il-Finlandja

Mejju 2012

15

3

 

In-Netherlands

Ġunju 2012

15

90

 

L-Estonja

Settembru 2012

 

5 % tal-produzzjoni nazzjonali

 

L-Awstrija

Ottubru 2012

20

jew 3

 

Ir-Repubblika Ċeka

Ottubru 2012

10

 

1

Il-Litwanja

Ottubru 2012

20

1

 

Il-Belġju

Diċembru 2012/Awwissu 2013

40 (il-Fjandri) / 20 (Wallonia)

 

3

L-Italja

Diċembru 2012

5

3

41

Is-Slovakkja

Diċembru 2012

5

 

 

L-Ungerija

Diċembru 2012

 

15

 

Id-Danimarka

fil-bidu tal-2013

5

3

 

Il-Latvja

Jannar 2013

10

0.125

 

Ir-Renju Unit

April tal-2013

10

6

L-Iżvezja

Mejju 2013

10

6

 

Il-Kroazja

Ġunju 2013

7

3

Ċipru

Ġunju 2013

35

20

 

Il-Greċja

Settembru 2013

5/20

0,5/5

 

Il-Ġermanja

Novembru 2013

5

 

148

Il-Polonja

Novembru 2013

20

2

 

Ir-Rumanija

L-ewwel tliet xhur tal-2014

5

0.035

Is-Slovenja

Marzu 2014

20

2

 

Il-Lussemburgu

Marzu 2014

10

 

 

Il-Bulgarija

Jannar 2015

5

2

* Kumulattivament mar-rekwiżit tan-numru ta’ bdiewa, sakemm ma jkunx indikat

Diversi Stati Membri għandhom rekwiżiti differenti bħall-pereżempju għall-bdiewa organiċi, għall-produtturi tal-ħalib tan-nagħaġ jew tal-mogħoż u l-POs f’żona ġeografika speċifika.



Tabella B: In-notifiki ta’ kull xahar tal-kunsinni tal-ħalib - osservanza tal-iskadenza

Stat Membru

% ta’ notifiki fi ħdan l-iskadenza

April 2015-April 2016

Jannar-April 2016

In-Netherlands

100%

100%

Il-Latvja

100%

100%

Il-Litwanja

100%

100%

Is-Slovakkja

100%

100%

L-Estonja

100%

100%

Ir-Repubblika Ċeka

100%

100%

L-Iżvezja

100%

100%

Il-Kroazja

100%

100%

Il-Polonja

100%

100%

Il-Lussemburgu

100%

100%

Il-Bulgarija

100%

100%

Ir-Rumanija

100%

100%

Il-Finlandja

92 %

75 %

Is-Slovenja

92 %

100%

Il-Portugall

92 %

75 %

Id-Danimarka

85 %

100%

Ċipru

77 %

75 %

Franza

77 %

100%

Il-Belġju

75 %

100%

L-Awstrija

69 %

100%

Il-Greċja

62 %

75 %

L-Ungerija

54 %

50 %

Il-Ġermanja

54 %

50 %

Malta

54 %

50 %

Spanja

54 %

100%

L-Irlanda

45 %

100%

L-Italja

23 %

25 %

Ir-Renju Unit

8 %

0 %