Brussell, 18.11.2016

COM(2016) 718 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Rapport Annwali dwar in-negozjati mwettqa mill-Kummissjoni fil-qasam tal-krediti għall-esportazzjoni, fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 1233/2011


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Rapport Annwali dwar in-negozjati mwettqa mill-Kummissjoni fil-qasam tal-krediti għall-esportazzjoni, fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 1233/2011

1. Introduzzjoni:

 

Ir-Regolament (UE) Nru 1233/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti linji gwida fil-qasam tal-krediti ta' esportazzjoni uffiċjalment appoġġati u li jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2001/76 KE u 2001/77/KE 1 jipprevedi, fl-Anness I tiegħu, li l-Kummissjoni Ewropea “skont il-kompetenzi tagħha għandha tipprovdi lill-Parlament Ewropew b'rapport annwali dwar in-negozjati mwettqa, fejn il-Kummissjoni jkollha awtorizzazzjoni ta’ negozjar fid-diversi fora ta’ kooperazzjoni internazzjonali, sabiex tistabbilixxi standards globali fil-qasam tal-krediti ta’ esportazzjoni uffiċjalment appoġġjati.”

Dan ir-rapport ikopri l-perjodu minn Lulju 2015 sa Awwissu 2016.

2. Żviluppi ewlenin fil-krediti għall-esportazzjoni matul il-perjodu ta’ rappurtar:

Sa mill-aħħar tas-snin 1970, il-Kumitati dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD - Organisation for Economic Co-operation and Development) kienu l-fora ewlenin għal negozjar speċjalizzati ta’ regoli internazzjonali dwar il-krediti għall-esportazzjoni. Matul l-aħħar għexieren ta’ snin, l-Arranġament tal-OECD dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni Appoġġati b’mod Uffiċjali effettivament żgura kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni bejn il-programmi ta' krediti għall-esportazzjoni tad-disa' (9) Parteċipanti tiegħu 2 . Minbarra r-regoli ġenerali dwar tranżazzjonijiet ta’ krediti għall-esportazzjoni, l-Arranġament jinkludi wkoll l-hekk imsejħa “Ftehimiet Settorjali” li jkopru regoli finanzjarji speċjali għal setturi industrijali speċifiċi (Vapuri, Impjanti tal-Enerġija Nukleari, Inġenji tal-Ajru Ċivili, Enerġija Rinnovabbli u Mitigazzjoni tat-Tibdil fil-Klima, Infrastruttura Ferrovjarja). L-Arranġament jinkludi wkoll regoli distinti għal kategoriji speċifiċi ta’ tranżazzjonijiet (bħal finanzjament ta’ proġetti) u jindirizza l-komplementarjetà bejn il-krediti għall-esportazzjoni u l-għajnuna relatata mal-kummerċ.

Kif diġà ssemma fir-rappurtar preċedenti, l-uniku punt dgħajjef fl-istorja ġeneralment ta' suċċess kbir tal-Arranġament tal-OECD huwa li ma kienx possibbli li jikkonvinċi lil uħud mill-atturi l-kbar il-ġodda (b’mod partikolari ċ-Ċina), li tfaċċaw fil-qasam tal-krediti għall-esportazzjoni f'dawn l-aħħar snin, jidħlu fl-Arranġament ukoll.

Għal din ir-raġuni, il-Grupp ta’ Ħidma Internazzjonali (“IWG” - International Working Group) dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni inħoloq fl-2012 wara inizjattiva politika ta’ livell għoli mill-Istati Uniti u miċ-Ċina. Il-proċess tal-IWG għandu 18-il Membru (inkluż id-disa' (9) Parteċipanti għall-Arranġament tal-OECD kif ukoll fornituri ta’ krediti għall-esportazzjoni ġodda ewlenin bħaċ-Ċina, il-Brażil, l-Indja, u l-Federazzjoni Russa). L-objettiv uffiċjali tal-IWG huwa li jintlaħaq ftehim dwar sett ġdid ta’ dixxiplini internazzjonali dwar krediti għall-esportazzjoni fost sett usa’ ta’ parteċipanti minn fl-Arranġament tal-OECD.

Għaldaqstant, bħal fis-snin preċedenti, il-Kummissjoni Ewropea kellha tirrappreżenta lill-Unjoni Ewropea f’taħdidiet internazzjonali dwar il-krediti għall-esportazzjoni f’żewġ livelli differenti. Filwaqt li l-proċess tal-IWG ovvjament għandu potenzjal strateġiku enormi, dan xorta se jieħu ż-żmien biex jikseb riżultati tanġibbli u sadanittant ir-rilevanza tal-ħidma dwar il-krediti għall-esportazzjoni bbażata fuq l-OECD għadha għolja ħafna. Dan jidher b’mod impressjonanti bil-konklużjoni tal-Ftehim Settorjali l-Ġdid dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni għal Proġetti għall-Ġenerazzjoni tal-Elettriku mill-Faħam f’Novembru 2015 (għad-dettalji ara hawn taħt). Il-livell għoli ta’ kompetenza teknika u l-memorja istituzzjonali dwar kwistjonijiet ta’ krediti għall-esportazzjoni żviluppati fl-OECD matul is-snin ukoll għandhom jitqiesu bħala ass importanti.

3. Il-Grupp ta’ Ħidma Internazzjonali dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni:

Matul il-perjodu ta’ rappurtar, l-IWG kellu dawn il-laqgħat uffiċjali: id-Disa' (9) Laqgħa Uffiċjali f’Ottubru 2015 f’Washington, l-Għaxar (10) Laqgħa Uffiċjali f’Beijing fi Frar 2016 u l-Ħdax (11)-il Laqgħa Uffiċjali f’Lulju 2016 f’Berlin.

Id-Disa' (9) Laqgħa Uffiċjali f’Washington (mill-14 sas-16 ta’ Ottubru 2015) tat bidu għat-taħditiet dwar regoli orizzontali u ġenerali applikabbli għat-tranżazzjonijiet kollha ta’ kreditu għall-esportazzjoni, wara fażi inizjali ta’ aktar taħditiet esploratorji limitati għal krediti għall-esportazzjoni f’żewġ setturi speċifiċi (tagħmir mediku u vapuri). It-taħdidiet dwar tagħmir mediku (de facto kkunsidrati diġà qabel bħala preparazzjoni għat-taħditiet dwar regoli orizzontali) ġew eliminati gradwalment minn dak iż-żmien 'l hawn, filwaqt li d-diskussjonijiet dwar is-settur tal-vapuri komplew.

It-taħditiet dwar ir-regoli orizzontali - kemm f’Washington kif ukoll fl-Għaxar (10) Laqgħa Uffiċjali (mit-23 sal-25 ta’ Frar 2016 f'Beijing) - ma kinux mingħajr diffikultajiet, billi hemm diverġenzi konsiderevoli ta’ opinjonijiet dwar il-mod kif id-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-“kamp ta’ applikazzjoni” u l-“iskop” ta' sett futur ta’ dixxiplini orizzontali jistgħu jiġu definiti l-aħjar. Lanqas ma kien possibbli li jinstabu definizzjonijiet teoretiċi perfetti għal dawn it-termini fl-Arranġament tal-OECD, iżda ġie żviluppat ftehim prattiku tajjeb matul is-snin fost il-Parteċipanti tiegħu. Fil-livell ta’ dixxiplini futuri tal-IWG, se jkun importanti wkoll li jiġi żviluppat ftehim ċar liema tranżazzjonijiet u liema istituzzjonijiet finanzjarji għandhom ikunu koperti, b’mod partikolari billi l-Parteċipanti tal-proċess tal-IWG ġejjin minn firxa ferm aktar wiesgħa ta’ tradizzjonijiet istituzzjonali u kulturi kummerċjali differenti.

Sfida kbira oħra - li diġà ġiet innutata matul il-fażi inizjali tat-taħditiet settorjali, iżda li saret iktar rilevanti fil-fażi tat-taħditiet orizzontali aktar sofistikati u kumplessi - hija l-inkonsistenzi bejn il-laqgħat uffiċjali li huma kkawżati mir-rotazzjoni permanenti tal-presidenti: Filwaqt li l-Istati Uniti, meta ospitaw il-Laqgħa ta’ Washington, kienu ħerqana ħafna li jibdew it-taħditiet dwar it-test orizzontali minnufih, id-Delegazzjoni Ċiniża, meta organizzat il-laqgħa ta' wara, iffukat l-aġenda kważi kompletament fuq preżentazzjonijiet dwar dak li huma qiesu bħala kwistjonijiet trasversali ta’ interess ġenerali.

Meta ospitat il-Ħdax (11)-il Laqgħa Uffiċjali f’Berlin (mis-6 sat-8 ta’ Lulju 2016 f'Berlin), l-UE għażlet approċċ ibbażat fuq “Elementi Kostitwenti” għat-test orizzontali, u għażlet suġġetti inqas kontroversjali b'mod deliberat (pereżempju t-termini massimi ta’ ripagament, l-appoġġ massimu uffiċjali, it-trattament ta' profili lokali tal-ispejjeż u ta' ripagament). Dan ippermetta tnedija mill-ġdid pjuttost kostruttiva tad-diskussjonijiet dwar it-test orizzontali. Diskussjonijiet paralleli dwar il-prattiki attwali tal-krediti għall-esportazzjoni tad-diversi Membri tal-IWG - fuq il-bażi ta’ studju tal-każ - irriżultaw li kienu pjuttost siewja wkoll. Kien possibbli wkoll li jitlesta Eżerċizzju ta’ Trasparenza, li fih inġabret informazzjoni dwar is-sistemi ta’ kreditu għall-esportazzjoni rispettivi tal-Istati Membri individwali tal-IWG. Rigward il-loġistika tal-laqgħa, il-Kummissjoni Ewropea (li ppresedietha f’isem l-Unjoni Ewropea) kienet aċċettat l-offerta ġeneruża tal-awtoritajiet Ġermaniżi li torganizza l-laqgħa f’Berlin, fil-bini tal-Ministeru Federali għall-Ekonomija. Dan l-approċċ ġdid - il-Laqgħat tal-IWG tal-UE kollha s'issa kienu saru fi Brussell - kien opportunità tajba biex tintwera d-diversità tal-Unjoni Ewropea.

Rigward is-settur tal-vapuri, l-IWG kellu diskussjonijiet pjuttost kostruttivi waqt it-tliet laqgħat inkwistjoni. Sar progress tajjeb u notevoli sabiex intlaħaq qbil dwar ċerti aspetti speċifiċi għas-settur (kategoriji ta’ bastimenti li għandhom ikunu soġġetti għar-regoli ġodda fis-settur tal-vapuri). Madankollu, ta' min ifakkar ukoll li parti biss mill-Membri tal-IWG għandha interess attiv fil-vapuri. Barra minn hekk, rigward il-kundizzjonijiet finanzjarji fis-sens proprju tal-kelma, se jkun ovvjament aktar prudenti li tingħata prijorità li jintlaħaq qbil dwarhom fir-regoli orizzontali l-ewwel nett u mbagħad jiġi deċiż liema derogi mir-regoli ġenerali jkunu xierqa għas-Settur tal-Vapuri 3

B’mod parallel mad-diskussjonijiet tat-test, saru sforzi konsiderevoli matul l-aħħar sena biex ikun hemm żieda fl-effiċjenza tal-istrutturi istituzzjonali tal-IWG: L-UE, l-Istati Uniti u ħafna Delegazzjonijiet oħra ilhom iħossu li, b’mod partikolari n-nominazzjoni ta’ uffiċjal permanenti li jippresjedi (pereżempju President u Segretarju Ġenerali), li jkun jista' jiffaċilita l-ilħiq ta' kunsens fost id-Delegazzjonijiet tal-IWG u jiżgura l-koerenza teknika meħtieġa tal-ħidma dwar it-testi u jipprovdi kontinwità fl-attivitajiet bejn il-Laqgħat uffiċjali. Fil-bidu ċ-Ċina rreaġixxiet b’riluttanza estrema għal din il-proposta u argumentat li post permanenti għall-IWG huwa aktar importanti. Fil-mument li fih qed jinkiteb dan ir-rapport, qed isiru diskussjonijiet intensi biex jintlaħaq kompromess aċċettabbli għal kulħadd (x’aktarx abbażi ta’ pakkett ta’ soluzzjoni li tindirizza ż-żewġ elementi). L-objettiv jibqa’ li jkunu f’pożizzjoni li jaqblu fuq strutturi istituzzjonali aktar effiċjenti għall-IWG sa meta jsir iż-żmien għat-12-il Laqgħa tal-IWG fi Brasilia f’Diċembru 2016.

B’mod ġenerali, kien hemm xi moviment fl-IWG matul il-perjodu ta’ rappurtar. Il-proċess xorta jeħtieġ inizjattivi, b'mod kostanti, l-aktar mill-Istati Uniti, mill-UE u minn Parteċipanti oħra tal-OECD, għalkemm Membri oħra tal-IWG gradwalment qed isiru aktar involuti. Iċ-Ċina ħafna drabi jkompli jkollha ċerti riżervi u ma jsirx progress faċilment. Għadu essenzjali li jkun hemm sostenn regolari fil-forma ta’ qawmien tal-kwistjoni tal-IWG f’laqgħat bilaterali u mezzi multilaterali xierqa (G20, G7, eċċ).

4. Żviluppi fl-OECD matul il-perjodu ta’ rappurtar:

L-aktar kisba importanti fil-Kumitati dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni tal-OECD matul il-perjodu ta’ rappurtar kienet l-adozzjoni tal-Ftehim Settorjali dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni għal Proġetti għall-Ġenerazzjoni tal-Elettriku mill-Faħam fit-18 ta’ Novembru 2015. Il-konklużjoni ta’ dan il-Ftehim Settorjali — li ntlaħqet fil-ħin għall-21 Konferenza tal-Partijiet tal-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima (Pariġi, mit-30 ta’ Novembru sat-12 ta’ Diċembru 2015) - immarkat it-tmiem ta’ proċess ta’ sentejn ta’ diskussjonijiet kumplessi u kontroversjali ħafna, probabbli l-aktar negozjati politiċi li saru fil-Kumitati tal-Krediti għall-Esportazzjoni tal-OECD f’dawn l-aħħar snin.

Qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim Settorjali ġdid, l-Arranġament tal-OECD ma kellux sistema dwar il-finanzjament ta’ impjanti tal-enerġija bil-faħam 4 . Ir-regoli ġenerali tal-Arranġament għall-iffinanzjar ta’ impjanti tal-enerġija mhux nukleari applikaw għalihom ukoll, u dan kien ifisser fil-prattika li anke l-aktar impjant tal-faħam li jniġġeż jista' jibbenefika minn kundizzjonijiet ta’ ffinanzjar aħjar minn tranżazzjoni ta’ krediti għall-esportazzjoni standard.

Skont il-Ftehim Settorjali l-ġdid, is-sitwazzjoni nbidlet kompletament: L-għoti ta’ krediti għall-esportazzjoni għal impjanti tal-enerġija bil-faħam issa se jkun possibbli biss jekk jintwera b’mod ċar li ma tista' tintuża l-ebda alternattiva ta' enerġija inqas intensiva fil-karbonju għall-proġett inkwistjoni u li hija kompatibbli mal-politika tal-enerġija nazzjonali u mal-politika u l-istrateġija tal-mitigazzjoni tal-klima tal-pajjiż ospitanti. Bħala regola ġenerali, tista' tiġi ffinanzjata biss l-esportazzjoni tal-aktar teknoloġija effiċjenti ("ultrasuperkritika"). L-appoġġ ta’ impjanti mibnija b’teknoloġiji inqas avvanzati se jkun possibbli biss f’ċirkustanzi speċifiċi ħafna (prinċipalment fil-każ ta’ esportazzjonijiet ta’ impjanti ta’ daqs iżgħar lejn pajjiżi eliġibbli għal IDA) u japplikaw kundizzjonijiet finanzjarji aktar stretti.

Filwaqt li din is-sistema l-ġdida tfisser b’mod ċar pass kbir ’il quddiem meta mqabbel mal-istatus quo ta’ qabel, sfortunatament din mhijiex ambizzjuża daqs it-test propost mill-UE u mehmuż mal-proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE. Madankollu, ta' min iqis li - minħabba n-natura estremament kontroversjali tas-suġġett - li jintlaħaq ftehim fl-OECD u f’perjodu raġonevoli ta’ żmien huwa diġà fih innifsu suċċess kbir 5 .

Barra minn hekk, il-Ftehim settorjali l-ġdid (li jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2017), fih klawsola ta’ rieżami b'saħħitha u obbligatorja. Dan se jipprovdi pjattaforma li timmira għal limiti aktar ambizzjużi dwar il-finanzjament ta’ impjanti tal-faħam fil-futur qarib.

Fost attivitajiet oħra fl-OECD matul il-perjodu ta’ rappurtar, in-negozjati dwar ir-regoli li jiġi impost primjum minimu għal tranżazzjonijiet f’Pajjiżi bi Dħul Għoli jistħoqqilhom li jissemmew b’mod partikolari. Dan is-suġġett kumpless u tekniku ħafna wassal għal diskussjonijiet twal bejn l-esperti tekniċi f’dawn l-aħħar snin. Għalkemm kienet ġiet elaborata proposta ta’ kompromess għal-laqgħat tal-OECD f'Novembru 2016, irriżulta - pjuttost b’mod mhux mistenni - li eventwalment it-Teżor tal-Istati Uniti ma setax jaċċettaha. Filwaqt li għall-bidu dan ħoloq ċertu diżappunt fost id-delegati, l-UE - wara sensiela twila ta’ skambji tekniċi - f’nofs Mejju 2016 irnexxielha taqbel bilateralment fuq formola ta’ kompromess mad-Delegazzjoni tal-Istati Uniti. Dan il-kompromess ġie ppreżentat f’Ġunju 2016 lill-Parteċipanti tal-OECD. Sa meta nkiteb dan ir-rapport, ma ġiet espressa l-ebda oppożizzjoni għalih mingħand l-ebda Parteċipant u se jifforma l-bażi għal tentattiv biex jintlaħaq ftehim finali fl-OECD f’Novembru 2016.

Il-Kummissjoni se żżomm lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill infurmati kif xieraq dwar żviluppi ġodda.

(1) . ĠU L 326, 8.12.2011, p. 45.
(2) L-UE, l-Istati Uniti, il-Kanada, il-Ġappun, il-Korea, in-Norveġja, l-Iżvizzera, New Zealand u l-Awstralja.
(3) Għal raġunijiet storiċi, il-Ftehim Settorjali dwar il-Vapuri tal-OECD huwa essenzjalment mhux koerenti ħafna mal-Arranġament ġenerali tal-OECD - mhux ta' min isegwi dan l-eżempju waqt it-tfassil tar-relazzjoni bejn ir-regoli ġenerali u settorjali fid-dixxiplini futuri tal-IWG.
(4) Apparti l-possibbiltà skont il-Ftehim Settorjali dwar it-Tibdil fil-Klima li jingħata terminu massimu ta’ ripagament speċjali ta’ 18-il sena għal proġetti speċifiċi ta’ Ġbir u Ħżin tad-diossidu tal-karbonju.
(5) Dan jgħodd ukoll għal-livell tal-UE, billi l-Istati Membri kellhom pożizzjonijiet differenti ħafna dwar dan is-suġġett.