IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 18.10.2016
COM(2016) 700 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
L-Ewwel Rapport ta' Progress dwar il-Qafas ta' Sħubija ma' pajjiżi terzi taħt l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 18.10.2016
COM(2016) 700 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
L-Ewwel Rapport ta' Progress dwar il-Qafas ta' Sħubija ma' pajjiżi terzi taħt l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni
1. INTRODUZZJONI
L-azzjoni esterna hija komponent kruċjali tal-istrateġija komprensiva tal-UE biex timmaniġġa l-isfida tal-migrazzjoni stabbilita fl-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni 1 . Il-fatturi li llum jikkawżaw flussi migratorji se jibqgħu magħna. Huwa għalhekk li l-UE trid rispons fuq terminu twil. Diġà kien ittieħed pass importanti matul is-Summit tal-Belt Valletta f’Novembru 2015. Imbagħad f’Ġunju 2016, il-Kummissjoni pproponiet Qafas ta’ Sħubija ġdid ma’ pajjiżi terzi taħt l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni 2 3 . Il-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2016 approva l-Qafas ta’ Sħubija u appella għall-implimentazzjoni rapida tiegħu, billi jiġi implimentat f'numru limitat ta' pajjiżi. F’Settembru, il-pjan direzzjonali ta' Bratislava enfasizza li dan il-proċess għandu "(iwassal) għal flussi mnaqqsa ta' migrazzjoni illegali u rati miżjuda ta' ritorn", u fakkar li l-progress se jiġi vvalutat mill-Kunsill Ewropew f’Diċembru 4 .
Il-Qafas ta’ Sħubija huwa approċċ Ewropew ambizzjuż u li jħares 'il quddiem biex tiġi msaħħa l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi ta’ oriġini, ta’ tranżitu u ta’ destinazzjoni. Is-suċċess se jiddependi minn impenn sħiħ minn kull naħa. Dan ifisser sforz konġunt tal-UE u l-Istati Membri fuq il-bażi tal-firxa sħiħa ta’ xpruni tal-UE biex jindirizzaw soluzzjonijiet fuq perjodu qasir għall-pressjoni migratorja immedjata, u biex jagħmlu aktar investiment sabiex jiġu indirizzati l-kawżi bażiċi tal-migrazzjoni irregolari, filwaqt li jitrawmu żvilupp u stabbiltà sostenibbli, u jinfetħu opportunitajiet għall-migrazzjoni regolari. Dan irid jingħaqad flimkien ma’ sħubija ġenwina ma’ kull pajjiż terz, imfassla apposta sabiex jitqiesu l-ħtiġijiet u l-interessi speċifiċi u mmirata fuq ir-riżultati. F’kull każ, in-neċessitajiet umanitarji u tad-drittijiet tal-bniedem tal-politika tal-UE jridu jibqgħu fil-qalba tal-approċċ.
F’dan l-isfond, dan l-ewwel Rapport jippreżenta l-progress li sar u jiddeskrivi kif ir-Rappreżentant Għoli, il-Kummissjoni u l-Istati Membri, ħadmu lkoll flimkien biex jimplimentaw il-Qafas ta' Sħubija 5 .
Filwaqt li l-kisba ta' migrazzjoni ġestita sew huwa sforz fuq perjodu twil, il-ħtieġa assoluta li jiġu salvati l-ħajjiet, jitkisser il-mudell kummerċjali tal-kuntrabandisti u li jinġieb taħt kontroll il-moviment irregolari ta’ persuni wkoll jeħtieġu riżultati immedjati. L-ewwel fażi inevitabbilment tat prijorità lit-twaqqif ta’ strutturi u strumenti ġodda meħtieġa biex jinkisbu l-għanijiet tal-Qafas ta' Sħubija, iżda rat ukoll riżultati tanġibbli. Dan ir-Rapport jistabbilixxi l-isfidi pendenti ewlenin, u l-passi li jmiss fl-implimentazzjoni tas-Sħubija għal Diċembru u lil hinn 6 .
2. L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-QAFAS TA’ SĦUBIJA
Il-patti
L-approċċ tal-Qafas ta’ Sħubija jfisser li għandu jinbidel il-mod kif l-UE, flimkien mal-Istati Membri tagħha, tamministra r-relazzjonijiet tal-migrazzjoni ma’ pajjiżi terzi ta’ oriġini u ta’ tranżitu. Element ewlieni f’dan l-approċċ huwa l-kunċett ta’ “patti”. Il-patti huma qafas politiku għal kooperazzjoni kontinwa u operattiva, billi jgħaqqdu flimkien il-friegħi ta’ ħidma differenti sabiex tiġi żviluppata sħubija komprensiva mal-pajjiżi terzi, jgħaqqdu l-istrumenti, l-għodda u l-ixpruni disponibbli għall-UE u l-Istati Membri biex iwasslu miri ċari u impenji konġuni. Il-ftehimiet internazzjonali formali, bħall-ftehimiet ta’ riammissjoni, jistgħu jgħaddu mill-proċess tal-patt. Iżda l-approċċ tal-patti jevita r-riskju li t-twettiq konkret jiġi miżmum minn negozjati tekniċi għal ftehim formali sħiħ. Peress li l-elementi ta’ relazzjoni ta’ ġid reċiproku dwar il-ġestjoni tal-migrazzjoni huma identifikati b’mod progressiv, dan il-fehim reċiproku qed jiġi implimentat f’patti, imfassla apposta għas-sitwazzjoni speċifika ta’ kull pajjiż sieħeb. Dawn imbagħad jiggwidaw it-twassil sostenibbli tal-għanijiet maqbula b’mod komuni. Il-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru ser jivvaluta l-progress lejn dawk il-patti.
Is-sħubija hija fil-qalba tal-kunċett. L-ewwel nett, approċċ konġunt mill-UE u l-Istati Membri huwa ċentrali għas-suċċess tal-patti. Il-Qafas ta’ Sħubija jista’ jagħti biss riżultati bil-potenzjal sħiħ tiegħu permezz tal-involviment tal-Istati Membri, kemm f’termini ta’ impenn politiku - biex tiġi enfasizzata l-prijorità ta’ din l-azzjoni - kif ukoll ta' appoġġ prattiku - l-aktar dwar ir-riammissjoni u r-ritorn, iżda wkoll f’oqsma bħall-migrazzjoni legali. It-tieni nett, fehim komuni tal-interessi tal-UE u tal-pajjiżi sħab huwa fundamentali. Il-ġestjoni tal-migrazzjoni trid tirrikonċilja l-interessi u l-prijoritajiet taż-żewġ partijiet biex twassal benefiċċju reċiproku. Ix-xogħol tal-pajjiżi sħab fiż-żamma tal-momentum tat-twassil se jippermetti lill-UE tkompli tapprofondixxi r-relazzjonijiet u l-kooperazzjoni fil-pajjiżi sħab fil-firxa sħiħa tal-politiki tal-UE. L-inċentivi kollha jenħtieġ li jiġu integrati għall-ħolqien tal-ingranaġġ meħtieġ għall-kooperazzjoni, filwaqt li jkunu lesti li jagħtu appoġġ akbar lil dawk il-pajjiżi sħab li jagħmlu l-akbar sforzi, iżda jkunu lesti li jfasslu l-konsegwenzi jekk il-progress ma jilħaqx il-mira.
B’mod aktar wiesa’, l-isfida tal-migrazzjoni titlob approċċ globali. Id-Dikjarazzjoni ta’ New York għar-Refuġjati u l-Migranti 7 tenfasizza l-ħtieġa għal kondiviżjoni tar-responsabbiltà globali. It-tkomplija tat-tmexxija tal-UE se tkun importanti, biex turi li l-approċċ tal-Qafas ta' Sħubija u l-inizjattivi meħuda jservu bħala eżempji ewlenin fil-proċess ta' segwitu tas-Summit tan-NU.
Nagħmlu l-Qafas ta' Sħubija l-ġdid jaħdem fil-prattika - l-implimentazzjoni ta’ arkitettura ġdida
Bħala l-ewwel pass, l-UE u l-Istati Membri ħadmu flimkien biex jagħtu fid-dettall approċċi mfassla apposta mal-ewwel pajjiżi prijoritarji identifikati fil-Komunikazzjoni ta’ Ġunju 8 . Dawn il-pakketti ngħataw spinta permezz ta’ sforz politiku u diplomatiku ewlieni kemm mill-UE kif ukoll mill-Istati Membri biex jilħqu lil pajjiżi sħab prijoritarji. Dan ġie koordinat, bl-impenn sħiħ ukoll tad-Delegazzjonijiet tal-UE u l-Ambaxxati tal-Istati Membri, biex jiġi żgurat messaġġ konsistenti.
Kien hemm qabża fil-livell ta’ koordinazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri, bi ppjanar strateġiku ta’ żjarat ta’ livell għoli lil pajjiżi prijoritarji, messaġġi koerenti permezz ta’ skambju ta’ informazzjoni għal opportunitajiet ewlenin bħalma hija l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, rispons kondiviż u rapportar. B’riżultat ta’ dan, il-kwistjonijiet tal-migrazzjoni issa huma fil-qalba tar-relazzjonijiet ġenerali mas-sħab ta' prijorità - flimkien ma' kwistjonijiet ta' politika barranija prinċipali bħalma huma s-sigurtà, il-kummerċ, u t-tnaqqis tal-faqar. L-importanza li l-UE tagħti lil kwistjonijiet relatati mal-migrazzjoni issa hija mifhuma sew mill-pajjiżi prijoritarji involuti.
Dan l-isforz estern għandu jkun akkumpanjat minn titjib tal-proċeduri u l-operazzjonijiet fl-Unjoni Ewropea - pereżempju, jiġu indirizzati l-ostakli possibbli fil-livell nazzjonali u tal-UE li jistgħu jxekklu l-proċeduri rapidi ta’ ritorn u ta’ riammissjoni u l-kapaċità dedikata biex jiġu identifikati u mfittxija gruppi tal-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti. Il-mandat il-ġdid tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta se jippreżenta opportunitajiet ulterjuri għal dan l-għan.
Kontribut ewlieni tal-Istati Membri fit-twassil ta’ dan il-Qafas kien ir-reklutaġġ ta’ Uffiċjali ta’ Kollegament dwar il-Migrazzjoni Ewropej biex jiġu assenjati f’pajjiżi terzi ewlenin. Huma se jaġixxu bħala punti kruċjali ta’ kuntatt, mal-ewwel Uffiċjali ta’ Kollegament skedati li jibdew il-ħidma tagħhom qabel tmiem is-sena. Billi jaħdmu mal-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni tal-Istati Membri, l-aġenziji tal-UE, l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali kompetenti u organizzazzjonijiet internazzjonali, huma se jservu bħala punti fokali kruċjali fid-Delegazzjonijiet tal-UE biex iżommu l-momentum, jikkoordinaw u jikkooperaw mas-sħab tagħna, u jappoġġaw it-twassil ta’ riżultati tanġibbli.
L-approċċ tal-Qafas ta' Sħubija jipprovdi triq stabbli li tagħti riżultati għal perjodu twil ta’ żmien. Iżda dawn l-isforzi diġà bdew jagħtu l-ewwel riżultati. Il-Qafas ta’ Sħubija ħoloq momentum ġdid fid-djalogu tagħna ma’ pajjiżi sħab, filwaqt li jippermetti fehim aħjar tal-prijoritajiet tal-UE u aktar rieda għal kooperazzjoni. Sar aktar progress konkret f’dawn l-aħħar xhur minn dak li nkiseb qabel matul ħafna snin, inkluż dwar ir-ritorn u r-riammissjoni. Qed jiġu organizzati missjonijiet ta’ identifikazzjoni biex jissolvew każijiet fejn ir-ritorn ma kienx qed iseħħ 9 . Mexjin 'il quddiem diskussjonijiet dwar proċeduri operattivi standard madwar l-UE kollha għall-identifikazzjoni u r-ritorn. In-negozjati ta' riammissjoni ma’ sħab importanti se jibdew dalwaqt, wara snin ta’ staġnar. Qed tintuża assistenza finanzjarja u teknika biex tappoġġa d-djalogu politiku, b’miżuri ta’ akkumpanjament u appoġġ immirat biex jiżguraw ir-reżiljenza tal-komunitajiet fejn il-migrazzjoni u l-kuntrabandu huma l-aktar prevalenti u biex tiġi intensifikata l-ħidma biex tindirizza l-kawżi primarji.
3. IL-PAJJIŻI TA' SĦUBIJA
3.1. Il-pajjiżi ta’ prijorità
Fil-preżent il-migrazzjoni qiegħda fil-qalba tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Afrika. Is-Summit tal-Belt Valletta f’Novembru 2015 kien ta' suċċess fil-ġabra tal-interessi kollha f’aġenda komuni, bil-mexxejja ta’ 35 Stat Afrikan u tal-Istati Membri tal-UE jaqblu dwar sett ta’ prinċipji kondiviżi dwar kif għandhom jimmaniġġaw il-migrazzjoni. Huma ħarġu dikjarazzjoni politika komprensiva u impenjaw ruħhom li jimplimentaw Pjan ta’ Azzjoni ambizzjuż, filwaqt li qablu li jaħdmu flimkien b’mod komprensiv u bbilanċjat b'azzjonijiet għaddejjin b’mod parallel f’ħames gruppi ta’ azzjoni 10 . L-abbiltà li jikkombinaw soluzzjonijiet wiesa’ aċċettabbli u applikabbli għall-Istati parteċipanti kollha bil-possibbiltà ta’ kooperazzjoni aktar fil-fond skont il-pajjiż ħejjiet it-triq għall-Qafas ta’ Sħubija.
Il-pajjiżi identifikati bħala l-ewwel prijoritajiet għall-azzjoni huma pajjiżi importanti ta’ oriġini jew tranżitu tal-migrazzjoni irregolari u xi wħud jospitaw ukoll għadd kbir ta’ refuġjati u jiffaċċjaw ruħhom ma' sitwazzjonijiet ta' spustament intern. Barra minn hekk, il-maġġoranza iħabbtu wiċċhom ma’ sfidi ta’ żvilupp u ta’ sigurtà.
In-Niġer
In-Niġer huwa pajjiż ta’ tranżitu ewlieni fuq ir-rotta tal-Mediterran Ċentrali għall-migranti mill-Afrika tal-Punent. F’salib it-toroq biex jaqsmu d-deżert tas-Saħara, ir-reġjun ta’ Agadez huwa ċentru għal għexieren ta’ eluf ta’ migranti irregolari li jkunu qed jippruvaw jaslu fil-Mediterran u fl-Ewropa, speċjalment mil-Libja. Dawn il-migranti jiffaċċjaw perikli kbar u ħafna minnhom imutu fi triqthom.. Fl-istess ħin, in-Niġer huwa pajjiż fqir ħafna u huwa espost għal theddid serju ta’ sigurtà, inkluż Boko Haram, li jixrob ir-riżorsi baġitarji limitati ħafna tiegħu. L-attività ta’ netwerks kriminali involuti fil-kuntrabandu tal-migranti u t-traffikar tal-bnedmin lejn il-fruntieri tat-Tramuntana tiegħu għadha sfida ewlenija.
In-Niġer wera impenn kbir biex jiżviluppa kooperazzjoni iktar mill-qrib dwar il-migrazzjoni mal-UE. Din il-ħidma kienet diġà bdiet qabel il-Qafas ta' Sħubija. Iż-żjarat tar-Rappreżentant Għoli/Viċi President fin-Niġer f’Settembru 2015, segwiti mill-Kummissarju Mimica f’Novembru 2015, kienu strumentali biex iniedu djalogu li wassal għal azzjoni konkreta biex jitrażżan il-fluss ta’ migranti irregolari fin-Niġer. Il-Ministri tal-Affarijiet Barranin Ġermaniż u Franċiż mexxew ukoll Djalogu ta’ Livell Għoli f’Mejju 2016, li wassal għal dikjarazzjoni tal-migrazzjoni konġunta, u l-approċċ tmexxa 'l quddiem mil-laqgħa tar-Rappreżentant Għoli/Viċi President mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin tan-Niġer fil-marġni tal-Ministerjali tal-G5 tal-UE f’Ġunju.
Minn Ġunju 2016, il-Qafas ta’ Sħubija ta momentum addizzjonali sinifikanti lill-kooperazzjoni. Il-migrazzjoni kienet kwistjoni ewlenija matul il-missjoni tal-Kummissarju Stylianides f’Lulju, segwita f’livell tekniku. Dan ipprovda l-momentum għall-istabbiliment ta’ pjattaforma ta’ koordinazzjoni lokali dwar il-migrazzjoni (Cadre de Concertation), kopreseduta mill-Ministru tal-Intern u l-Kap tad-Delegazzjoni tal-UE fin-Niġer, li ltaqgħu għall-ewwel darba fis-6 ta’ Ottubru 2016, bil-parteċipazzjoni ta’ uffiċjali għolja mill-Istati Membri. L-awtoritajiet tan-Niġer waqqfu aġenzija ddedikata għall-ġlieda kontra t-traffikar ta' bnedmin li fuqha jista' jiffoka l-appoġġ tal-UE. Il-migrazzjoni wkoll kienet kwistjoni ewlenija matul iż-żjarat tal-Ministru Federali Ġermaniż għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku f’Awwissu u tal-Kanċillier Ġermaniż f’Ottubru.
F’kooperazzjoni mill-qrib mal-UE, l-awtoritajiet tan-Niġer qed jiffinalizzaw ukoll Pjan ta’ Azzjoni biex jiġġieldu kontra l-kuntrabandu, inaqqsu l-migrazzjoni irregolari, u jipprovdu opportunitajiet ekonomiċi alternattivi lill-komunitajiet l-aktar involuti f’operazzjonijiet ta’ kuntrabandu. Minn Awwissu, il-gvern tan-Niġer intensifika b’mod sinifikanti l-azzjoni tiegħu kontra l-faċilitazzjoni ta' immigrazzjoni illegali. Bħala riżultat, xi 47 traffikant suspettat ġew arrestati, u issa qed jistennew li jibda l-proċess, u aktar minn 63 vettura ġew ikkonfiskati. Il-gvern tan-Niġer qed japplika miżuri aktar stretti għall-kontroll ta’ migranti irregolari lejn il-Libja jew l-Alġerija mingħajr dokumentazzjoni valida u qed iħejji kampanji ta’ sensibilizzazzjoni sabiex jiskoraġġixxi lin-nies mill-vjaġġ perikoluż lejn l-Ewropa. Diversi mijiet ta’ migranti irregolari ġew irritornati f’Agadez u nħelsu jew ingħataw f’idejn iċ-ċentru ta' tranżitu tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni għal ritorn volontarju lejn il-pajjiżi ta’ oriġini tagħhom.
Fuq in-naħa tal-UE, qed jiġu mobilizzati varjetà ta’ għodda. Il-missjoni attwali tal-PSDK fin-Niġer (EUCAP Sahel Niger) waqqfet uffiċċju lokali permanenti (Antenna) f’Agadez, li ingaġġa għaxar membri tal-persunal internazzjonali, li jipprovdi taħriġ speċifiku (inkluż fuq dokumenti ffalsifikati, traffikar ta' bnedmin, u metodi ta’ investigazzjoni kriminali) u pariri lill-forzi u l-prosekuturi tas-sigurtà ċivili tan-Niġer. Dan l-uffiċċju lokali ser jilħaq il-kapaċità operattiva sħiħa sal-aħħar tas-sena.
L-UE żiedet konsiderevolment is-sostenn tagħha tal-ġestjoni tal-fruntieri u l-azzjoni kontra netwerks kriminali, kif ukoll tindirizza l-kawżi elementari tal-migrazzjoni irregolari, pereżempju permezz tal-ħolqien tal-impjiegi fost iż-żgħażagħ. Il-Fond Fiduċjarju ta’ Emerġenza tal-UE għall-istabbiltà u l-indirizzar tal-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni irregolari u l-persuni spostati fl-Afrika 11 (il-“Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika”) ukoll qed jagħti sehmu fin-Niġer biex itejjeb il-ġestjoni tal-migrazzjoni, is-sigurtà u l-ġestjoni tal-fruntieri. Il-proġetti jinkludu Mekkaniżmu tar-Riżorsi u r-Rispons għall-Migranti, il-bini tal-kapaċità, u appoġġ għall-ekonomija lokali ta’ Agadez, li tiddependi ħafna fuq l-introjtu ġġenerat mill-fluss ta’ migranti fi tranżitu. L-appoġġ tal-Istati Membri inkluda l-għoti ta’ tagħmir ewlieni biex tgħin lill-awtoritajiet tan-Niġer.
Illustrazzjoni: Ix-xejra fid-dħul u l-ħruġ tal-migranti fin-Niġer (sors: Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni)
Għadu kmieni wisq biex jiġi vvalutat l-impatt sħiħ tal-kooperazzjoni mtejba tal-UE dwar il-migrazzjoni man-Niġer minn Ġunju 2016. Madankollu, l-isforzi li saru s'issa setgħu kkontribwixxew għat-tnaqqis evidenti fil-flussi 'l barra li ġew osservati minn kmieni f’Ottubru fejn ix-xejra preċedenti ġiet imreġġa' lura. Kien hemm ukoll żieda sinifikanti f’ritorni volontarji, minn 1 721 ritorn fl-2015 għal aktar minn 3 020 fl-ewwel 8 xhur tal-2016. L-erba’ ċentri ta’ tranżitu għall-migranti fin-Niġer appoġġati mill-UE, b’1 500 post b’kollox, għenu aktar minn 12 000 migrant minn Novembru 2015 sa Lulju 2016.
Dawn l-iżviluppi pożittivi qed iseħħu fil-kuntest ta’ sitwazzjoni diffiċli ta’ sigurtà f’pajjiż imxekkel minn faqar estrem. L-UE hija impenjata li tibni fuq dan il-progress u tkompli tassisti n-Niger biex jilħaq is-sett ta' sfidi differenti.
Sfidi ewlenin u l-passi li jmiss
Impenn kontinwu permezz tal-Cadre de Concertation u bi żjarat ta’ livell għoli;
Kapaċità operattiva sħiħa għall-uffiċċju lokali f’Agadez u kooperazzjoni msaħħa tal-PSDK;
Skjerament tal-Uffiċjali ta’ Kollegament dwar il-Migrazzjoni Ewropew;
Appoġġ lill-komunitajiet u lill-individwi affettwati min-negozju tal-kuntrabandu u t-traffikar permezz tal-forniment ta' opportunitajiet alternattivi tal-għajxien;
Appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni kontra l-kuntrabandu fir-reġjun ta’ Agadez inkluż għas-sorveljanza fuq il-fruntiera u l-kooperazzjoni fl-eżekuzzjoni tal-liġi;
Tkomplija tat-twassil ta’ taħriġ u tagħmir;
Stabbiliment ta’ uffiċċju ddedikat għat-tisħiħ tal-kapaċità tal-analiżi tar-riskju nazzjonali u l-kooperazzjoni reġjonali u l-iskambju ta’ informazzjoni;
Iktar assistenza finanzjarja għar-riintegrazzjoni ta’ migranti li jirritornaw u l-komunitajiet ospitanti.
In-Niġerja
In-Niġerja hija l-aktar pajjiż popolat fl-Afrika, b’popolazzjoni li qed tiżdied b’mod mgħaġġel 12 . Huwa wkoll pajjiż importanti ta’ oriġini tal-migrazzjoni irregolari lejn l-UE, b’iktar minn 23 000 qsim irregolari tal-fruntieri fl-2015 u kważi l-istess numru (22 800) fl-ewwel tmien xhur tal-2016. Il-fenomenu tat-traffikar tal-bnedmin huwa ta’ tħassib serju. Ir-rata ta’ ritorn ilha tonqos f’dawn l-aħħar snin, iżda b'iktar minn 34% fl-2015, minkejja kollox tirrifletti kooperazzjoni eżistenti. Għalkemm gawdiet minn tkabbir ekonomiku sostanzjali f’dawn l-aħħar snin, in-Niġerja qiegħda tiffaċċja ħafna sfidi, inkluż fir-rigward tas-sigurtà (bir-rewwixta ta’ Boko Haram). Hija ċentru prinċipali għall-kisba ta' passaporti foloz u dokumenti oħra ta’ identità, kwistjoni ta’ tħassib kbir kemm għan-Niġerja u l-UE. In-Niġerja hija wkoll pajjiż ewlieni ta’ oriġini tal-vittmi tat-traffikar. Allura ż-żieda fil-kooperazzjoni teħtieġ tingħata enfasi partikolari fil-ġimgħat li ġejjin.
Diġà kienet ġiet iffirmata Aġenda Komuni għall-Migrazzjoni u l-Mobilità bejn in-Niġerja u l-UE f’Marzu 2015 (l-ewwel waħda ma’ pajjiż terz), li tipprovdi qafas solidu għal kooperazzjoni msaħħa. Din kopriet kwistjonijiet inklużi toroq ta’ migrazzjoni legali lejn l-UE, b’mod partikolari permezz tar-rikonoxximent tal-kwalifiki u l-migrazzjoni ċirkolari, il-faċilitazzjoni tal-mobilità intra-Afrikana, l-investiment f’infrastruttura kritika u l-ħolqien ta' opportunitajiet ekonomiċi u impjiegi f’setturi ewlenin bħall-agrikoltura.
Il-Qafas ta’ Sħubija ta sinifikat ġdid fil-fond lil din il-kooperazzjoni. In-negozjati għal Ftehim ta’ Riammissjoni bejn l-UE u n-Niġerja ġew aċċellerati, bl-adozzjoni formali f’Settembru 2016 tal-mandat għal negozjati mill-Kunsill u bil-ftuħ tan-negozjati ppjanat għall-25 ta’ Ottubru. In-Niġerja hija partikolarment interessata fis-simplifikazzjoni tal-kooperazzjoni fil-qasam tar-riammissjoni permezz tal-konklużjoni ta’ ftehim mal-UE kollha. Il-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Italja u tal-Ġermanja żaru n-Niġerja u enfasizzzaw l-importanza ta’ impenn fuq il-migrazzjoni. Il-kooperazzjoni prattika inkludiet il-ħatra ta’ punti ta’ kuntatt f’oqsma li jinkludu r-riammissjoni u l-kuntrabandu, u ħidma biex issaħħaħ l-aħjar prattiki għal operazzjonijiet konġunti ta’ ritorn. Sadanittant il-kooperazzjoni operattiva dwar ir-ritorn tjiebet ukoll, bl-ippjanar tal-parteċipazzjoni Niġerjana f’avveniment tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta dwar missjonijiet ta' ritorn u identifikazzjoni fl-Istati Membri f'Novembru u ser teħtieġ il-kooperazzjoni sħiħa tal-Istati Membri biex tirnexxi.
Apparti kooperazzjoni li għaddejja bħalissa taħt il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, il-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika immobilizza proġetti li jindirizzaw kwistjonijiet speċifiċi ta’ ġestjoni tal-migrazzjoni, kif ukoll il-kawżi bażi tal-migrazzjoni irregolari. Qed jitħejja proġett li jikkontribwixxi għal ġestjoni aħjar tal-migrazzjoni u li jiffaċilita r-ritorn u r-riintegrazzjoni sostenibbli.
Sfidi ewlenin u l-passi li jmiss
Isir progress dwar negozjati għall-Ftehim ta’ Riammissjoni bil-ħsieb ta’ konklużjoni rapida;
Tkompli tittejjeb il-kooperazzjoni operattiva dwar ir-ritorn u r-riammissjoni, inkluż permezz ta’ missjonijiet ta’ identifikazzjoni;
Tissaħħaħ il-ħidma dwar il-ġlieda kontra t-traffikar u l-kuntrabandu;
Jiżdiedu l-inizjattivi fil-qasam tal-kooperazzjoni kummerċjali bil-ħsieb ukoll li jiġu indirizzati l-kawżi fundamentali;
Skjerament tal-Uffiċjal ta’ Kollegament dwar il-Migrazzjoni Ewropew;
Titnieda Pjattaforma ta’ Kooperazzjoni tal-UE dwar il-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali;
Jiġu użati bl-aħjar mod l-opportunitajiet offruti għal mezzi ta’ migrazzjoni legali, opportunitajiet ta' Erasmus u politiki u għodod oħra.
Is-Senegal
Is-Senegal huwa sieħeb politiku ewlieni għall-UE fir-reġjun tal-Afrika tal-Punent. Għandu livell sinifikanti ta’ migrazzjoni irregolari lejn l-UE (aktar minn 6 300 dħul irregolari fl-2015), u r-rata ta’ ritorn mhijiex suffiċjenti (22,4% fl-2015). Il-migrazzjoni fl-Afrika iżda wkoll lejn l-UE għandha tradizzjoni twila fis-Senegal u hija ekonomikament importanti, b’rimessi li jammontaw għal madwar 10% tal-PDG. Hemm ħafna toroq legali diġà fis-seħħ: fl-2014, aktar minn 220 000 Senegaliż kienu qed jgħixu legalment fl-UE, b’medja ta’ 15 000-20 000 permess ta’ residenza ġdid mogħti kull sena mill-Istati Membri tal-UE lil ċittadini Senegaliżi. Is-Senegal kellu sehem ewlieni fil-Proċess ta’ Rabat u fis-Summit u l-Pjan ta’ Azzjoni tal-Belt Valletta, filwaqt li ngħatat enfasi partikolari fuq il-migrazzjoni legali, il-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta' immigrazzjoni illegali u l-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni irregolari.
Bil-Qafas ta’ Sħubija, issa jinsab għaddej djalogu intensiv dwar kwistjonijiet ta’ migrazzjoni mas-Senegal. Il-Kummissarju Avramopoulos żar Dakar f’Lulju 2016 biex jipproponi li tiġi żviluppata kooperazzjoni fl-aspetti kollha tal-ġestjoni tal-migrazzjoni. Dan kien strumentali biex jitwettqu l-missjonijiet ta’ identifikazzjoni issa skedati għall-aħħar ta’ Novembru. Fl-approċċ ġenerali tal-UE, bosta Stati Membri stabbilixxew jew ipproponew in-negozjati ta’ ftehimiet bilaterali dwar ir-ritorn u r-riammissjoni. Saru għadd ta’ żjarat ta’ livell għoli minn Lulju ‘l hawn. Il-Ministru Ġenerali Ġermaniż għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku mar is-Senegal f’Awwissu u l-Ministru Franċiż tal-Intern żaru f’Ottubru. In-negozjati bejn il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u l-awtoritajiet Senegaliżi dwar arranġamenti ta’ ħidma mtejba dwar ir-ritorn huma fi stadju avvanzat. Dawn l-inizjattivi se jikkontribwixxu biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni dwar il-migrazzjoni, inkluż dwar ir-ritorn u t-twassil ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar.
B’appoġġ għall-isforzi Senegaliżi sabiex jiġu indirizzati l-kawżi bażiċi tal-migrazzjoni irregolari, ġew adottati proġetti għall-ħolqien tal-impjiegi għaż-żgħażagħ taħt il-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika. Is-Senegal jibbenefika wkoll minn proġett reġjonali li jappoġġa l-entitajiet tal-eżekuzzjoni tal-liġi u l-proġetti li jikkontribwixxu għal ġestjoni aħjar tal-migrazzjoni u l-faċilitazzjoni tar-ritorn, biex tiġi appoġġata l-konsolidazzjoni ta’ sistemi ta’ reġistrazzjoni ċivili u huwa ppjanat il-ħolqien ta' opportunitajiet ekonomiċi u ta’ impjieg f’reġjuni b’potenzjal kbir ta’ migrazzjoni.
Sfidi ewlenin u l-passi li jmiss
Jitwettqu missjonijiet ta' identifikazzjoni ppjanati fl-Istati Membri;
Kooperazzjoni dwar dokumenti tal-ivvjaġġar
Jissaħħu opportunitajiet ta' kooperazzjoni bilaterali fil-qafas tal-UE;
Skjerament tal-Uffiċjal ta’ Kollegament dwar il-Migrazzjoni Ewropew;
Jiġi appoġġat it-tisħiħ ulterjuri tar-reġistri ċivili u l-bijometrika;
Jiġu konklużi l-arranġamenti ta’ ħidma mal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta;
Jintużaw bl-aħjar mod l-opportunitajiet offruti għal mezzi ta’ migrazzjoni legali, opportunitajiet ta' Erasmus u politiki u għodod oħra.
Il-Mali
Il-Mali huwa pajjiż importanti ta’ oriġini u ta’ tranżitu. Il-pajjiż għandu tradizzjoni twila ta’ emigrazzjoni, b’rimessi li jilħqu s-7,7 % tal-PDG tiegħu (2014). Hemm madwar 1,5 miljun migrant Maljan fl-Afrika tal-Punent. Iċ-ċittadini Maljani huma fost l-iktar gruppi importanti ta’ migranti irregolari mill-Afrika tal-Punent li jidħlu fl-Ewropa b’iktar minn 6 500 qsim mhux awtorizzat tal-fruntieri fl-2015. Ir-ritorn ta’ migranti irregolari lejn il-Mali s'issa ma laħaqx ir-riżultati mistennija, b’rata ta’ ritorn ta’ 11,4 % biss fl-2015. Għal dawn l-aħħar erba’ snin il-Mali kien qed jiffaċċja kriżi u nkwiet intern minħabba l-preżenza ta’ numru ta’ gruppi armati. Ġie ffirmat ftehim tal-paċi f'Ġunju 2015. Il-proċess tal-paċi li għaddej jagħmel progress żgħir ħafna, u b’hekk joħloq sitwazzjoni ta' politika u ta' sigurtà instabbli. L-iżviluppi jirriskjaw li jfixklu l-isforzi tal-ġestjoni tal-migrazzjoni. L-UE u l-Istati Membri jipprovdu appoġġ estensiv politiku, diplomatiku u ta’ sigurtà biex il-pajjiż jiġi stabbilizzat.
Is-Summit tal-Belt Valletta u l-ewwel Djalogu ta’ Livell Għoli dwar il-Migrazzjoni mmexxijja mill-Ministru Netherlandiż tal-Affarijiet Barranin f’isem l-UE f’April 2016 kienu strumentali biex tiżdied il-kooperazzjoni mal-Mali dwar l-aspetti varji tal-migrazzjoni. Taħt il-Qafas ta' Sħubija, din il-ħidma ġiet intensifikata. Saru diversi missjonijiet ta’ livell għoli għall-Mali, l-iktar riċenti mill-Prim Ministru tal-Estonja fil-bidu ta’ Settembru, mill-Kummissarju Mimica fl-aħħar ta' Settembru u mill-Kanċillier Ġermaniż f’Ottubru. Il-Mali ħatar punt fokali għal kwistjonijiet ta’ migrazzjoni, li se jiżgura li jkun hemm punt ta’ kuntatt u koordinatur wieħed għad-djalogu operattiv dwar il-migrazzjoni. Bħalissa qed jiġu finalizzati l-Proċeduri Operattivi Standard bl-għan li jtejbu l-kooperazzjoni bejn il-konsulati Maljani u l-awtoritajiet tal-migrazzjoni fl-Istati Membri, kif ukoll jaċċellera l-proċeduri għall-identifikazzjoni u r-ritorn. Barra minn hekk, fl-aħħar ta' Novembru se ssir missjoni ta’ identifikazzjoni. Dawn il-passi konkreti żammew ir-ritmu permezz ta’ sforzi diplomatiċi inklużi ż-żjarat tal-Kummissarju Mimica f’Settembru 2016 u l-Kanċillier Ġermaniż f’Ottubru.
Il-Mali huwa wieħed mill-iktar benefiċjarji importanti ta’ proġetti ffinanzjati taħt il-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika s'issa. Diġà ġew approvati sitt proġetti, inkluż dwar il-ġestjoni tal-fruntieri. Huma ppjanati proġetti oħra li jikkontribwixxu għal ġestjoni aħjar tal-migrazzjoni u li jiffaċilitaw ir-ritorn u r-riintegrazzjoni sostenibbli, biex jappoġġaw il-konsolidazzjoni ta' sistemi tar-reġistrazzjoni ċivili, u li joħolqu opportunitajiet ekonomiċi u ta’ impjieg f’reġjuni b’potenzjal kbir ta’ migrazzjoni.
Sfidi ewlenin u l-passi li jmiss
Jiġi finalizzat ftehim dwar Proċeduri Operattivi Standard u tinbeda l-implimentazzjoni;
Jitwettqu missjonijiet ta' identifikazzjoni ppjanati fl-Istati Membri;
Jissaħħaħ l-involviment tal-aġenziji tal-UE fuq il-post (il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u EUROPOL);
Skjerament tal-Uffiċjal ta’ Kollegament dwar il-Migrazzjoni Ewropew;
Jintużaw bl-aħjar mod l-opportunitajiet offruti għal mezzi ta’ migrazzjoni legali, opportunitajiet ta' Erasmus u politiki u għodod oħra.
L-Etjopja
L-Etjopja huwa pajjiż importanti ta’ oriġini u ta’ tranżitu ta’ migranti mill-Qarn tal-Afrika, u tospita l-ikbar komunità ta' refuġjati fl-Afrika (730 000 refuġjat). Il-fatturi ta’ spinta għall-migrazzjoni jinkludu l-insigurtà tal-ikel flimkien ma’ popolazzjoni li qed tikber rapidament, il-pressjoni fuq ir-riżorsi naturali, in-nuqqas ta’ opportunitajiet ta’ impjieg, u n-nuqqas ta’ governanza u libertajiet politiċi. Wara aktar protesti vjolenti, l-Etjopja ddikjarat stat ta’ emerġenza għal sitt xhur fid-9 ta’ Ottubru. L-UE u l-Istati Membri qed jinvolvu ruħhom b’mod intensiv permezz ta' mezzi diplomatiċi ma’ sħab fl-Etjopja biex jassistu fis-sejba ta’ soluzzjonijiet għas-sitwazzjoni attwali.
B’popolazzjoni ta’ aktar minn 100 miljun, l-Etjopja hija wkoll sors ta’ migranti irregolari lejn l-Ewropa 13 . Għalkemm biss 2 700 qsim irregolari tal-fruntieri kienu rreġistrati fl-2015, huwa stmat li l-għadd ta’ migranti Etjopjani irregolari jista’ jkun ogħla, peress li ħafna minnhom huma suspettati li jgħidu li huma Eritreani (peress li l-Eritrea għandha rata ogħla ta’ rikonoxximent għall-ażil). Ir-rimessi jikkostitwixxu parti sinifikanti mill-introjtu tal-Etjopja (stmat li jikkontribwixxi tliet darbiet aktar lill-ekonomija Etjopjana mill-kooperazzjoni għall-iżvilupp). Ir-rata tar-ritorn hija baxxa ħafna (12,2 % fl-2015).
F'Ottubru 2015 ġie mniedi Djalogu ta’ Livell Għoli dwar il-Migrazzjoni u Aġenda Komuni dwar il-Migrazzjoni u l-Mobilità ġie ffirmat f’Novembru 2015. Hekk kif l-impenn intensifika, l-Impenn Strateġiku bejn l-UE u l-Etjopja, f’Ġunju 2016 waqqaf djalogu settorjali dwar il-migrazzjoni. Finalment, l-Etjopja hija l-president futur tal-proċess ta’ Kartum, filwaqt li tieħu f'idejha l-isforzi reġjonali fil-ġlieda kontra t-traffikar ta' bnedmin u l-kuntrabandu ta’ persuni.
Skont il-Qafas ta’ Sħubija, l-enfasi kienet li dan id-djalogu jintuża biex jaħdem fuq każijiet attwali speċifiċi ta’ ritorn bħala eżempju ta’ sħubija effettiva, u kien hemm żjarat ta’ livell għoli u tal-Istati Membri, b'mod notevoli mill-Ministru tal-Affarijiet Barranin Slovakk u mill-Kanċillier Ġermaniż f’Ottubru. L-isforzi diplomatiċi se jkomplu jsaħħu l-kooperazzjoni ulterjuri dwar diversi aspetti tal-migrazzjoni, u b’mod partikolari dwar ir-ritorni fejn il-kooperazzjoni għad trid tipproduċi riżultati konkreti. Il-gvern Etjopjan ħabbar li kien identifika maġġoranza tal-każijiet mibgħuta aktar kmieni din is-sena u huwa għalhekk l-ewwel pass importanti. Ġie maħtur punt ta’ kuntatt mill-awtoritajiet Etjopjani għal kooperazzjoni mal-Istati Membri fi kwistjonijiet ta' identifikazzjoni u ta’ ritorn.
L-UE qed tipprovdi appoġġ finanzjarju biex ittejjeb il-ġestjoni tal-flussi ta’ migrazzjoni mħallta fl-Etjopja. Il-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika approva għadd ta’ proġetti, minbarra programmi reġjonali. Bħalissa għaddejja t-tħejjija ta’ proġetti dwar il-bijometrika u dwar ir-riintegrazzjoni.
L-Etjopja, bl-appoġġ tal-UE, qed tagħmel progress fl-appoġġ tal-opportunitajiet tal-għajxien tar-refuġjati, b’mod partikolari bit-tħabbir tagħha f’Settembru 2016 li se tipprovdi 30 000 impjieg lir-refuġjati permezz tal-ħolqien ta’ żewġ parks industrijali (filwaqt li timmira għal total ta’ 100 000 impjieg).
Sfidi ewlenin u l-passi li jmiss
Tiġi finalizzata l-proċedura għall-kawżi pendenti;
Tiġi stabbilita proċedura miftiehma għall-qbil dwar u l-implimentazzjoni tar-ritorni;
Tiżdied l-għajnuna għal proġetti li jtejbu l-għajxien u opportunitajiet ta’ xogħol għar-refuġjati;
Tiżdied l-assistenza għat-tisħiħ tar-reġistru ċivili / dokumenti tal-identità;
Skjerament tal-Uffiċjali ta’ Kollegament dwar il-Migrazzjoni Ewropew;
Jintużaw bl-aħjar mod l-opportunitajiet offruti għal mezzi ta’ migrazzjoni legali, opportunitajiet ta' Erasmus u politiki u għodod oħra.
3.2. Il-Ġordan u l-Libanu
Il-Komunikazzjoni ta’ Ġunju saħqet li kemm il-Ġordan kif ukoll il-Libanu qed jiffaċċjaw sfidi serji fil-ġestjoni tal-impatt tal-kriżi Sirjana. Il-Ġordan jospita madwar 1,4 miljun Sirjan li jammonta għal madwar 20% tal-popolazzjoni; 630 000 refuġjat Sirjan huma rreġistrati mill-UNHCR, li minnhom aktar minn 70% huma nisa u tfal. Il-Libanu huwa l-pajjiż bl-ogħla proporzjon ta’ refuġjati per capita fid-dinja: bħalissa huwa jospita aktar minn miljun refuġjat Sirjan reġistrati mal-UNHCR (Ġunju 2016). Madankollu, l-UNHCR jistma li l-għadd reali ta’ refuġjati Sirjani jista’ jammonta għal 1,3 miljun. Is-sitwazzjoni attwali tfisser piż tqil fuq ir-riżorsi naturali bħalma huma l-ilma, id-deterjorazzjoni tar-relazzjonijiet bejn ir-refuġjati u l-komunitajiet ospitanti u t-tnaqqis tal-aċċess għall-edukazzjoni, is-servizzi tas-saħħa u l-impjiegi 14 .
Il-Politika Ewropea tal-Viċinat riveduta tistabbilixxi qafas ġdid biex tiddefinixxi relazzjonijiet bilaterali mas-sħab. Dawn huma inklużi wkoll fi Prijoritajiet ta' Sħubija li jistabbilixxu l-bażi tar-relazzjoni ma’ pajjiż partikolari, filwaqt li jilħqu ftehim dwar sensiela limitata ta' prijoritajiet fil-mira għas-snin li ġejjin. Ġie miftiehem bejn l-UE u l-Libanu kif ukoll mal-Ġordan li d-dokument tal-Prijoritajiet ta' Sħubija se jkollu bħala anness dokument deskritt ukoll bħala “Patt” li jiddefinixxi l-impenji rispettivi tal-UE, tal-Libanu u tal-Ġordan fl-indirizzar tal-impatt tal-kriżi tas-Sirja. Dawn id-dokumenti issa huma lesti għall-approvazzjoni formali mill-Kunsilli ta’ Assoċjazzjoni rispettivi. L-UE diġà għandha Sħubija għall-Mobilità mal-Ġordan u qed timmira biex tagħlaq malajr in-negozjati dwar is-Sħubija għall-Mobilità mal-Libanu. Fit-8 ta’ Novembru, se jibdew negozjati dwar il-Ftehim tal-UE dwar ir-Riammissjoni, flimkien man-negozjati dwar il-Ftehim għall-Faċilitazzjoni tal-Viża.
Din il-ħidma kienet diġà għaddejja minn żmien il-Komunikazzjoni tal-Qafas ta’ Sħubija, ir-raġuni għaliex għandha forma differenti, filwaqt li diġà tirrifletti l-approċċ. Huma jiddependu ħafna fuq prijoritajiet identifikati miż-żewġ pajjiżi, u jużaw għadd ta’ politiki minn oqsma differenti biex ikomplu jappoġġaw iż-żewġ pajjiżi. Huma jiffokaw fuq it-tisħiħ tar-reżiljenza istituzzjonali u ekonomika taż-żewġ pajjiżi filwaqt li jtejbu s-servizzi u l-opportunitajiet ekonomiċi għar-refuġjati Sirjani u l-komunitajiet ospitanti, permezz ta’ aktar protezzjoni, aċċess għall-impjiegi, edukazzjoni ta’ kwalità u servizzi bażiċi. Dan inkluda ftehim mal-Ġordan f’Lulju biex jissimplifika r-regoli ta’ oriġini li l-esportaturi Ġordanjani jużaw fil-kummerċ tagħhom mal-UE, li jagħmilha aktar faċli biex ikollhom aċċess għas-suq tal-UE, filwaqt li jgħin lill-Ġordan biex isib impjiegi għar-refuġjati Sirjani fil-pajjiż.
L-azzjonijiet prijoritarji se jiġu ffinanzjati permezz tal-fondi addizzjonali tal-UE mwiegħda lil-Libanu u lill-Ġordan fil-Konferenza ta’ Londra 15 , inkluż mill-anqas EUR 1 biljun li għandu jiġi allokat fl-2016 u fl-2017 u fondi addizzjonali li l-UE tista’ tagħmel disponibbli fil-futur, b'mod partikolari permezz tal-Fond Fiduċjarju Reġjonali tal-UE b'Rispons għall-Kriżi Sirjana.
Sfidi ewlenin u l-passi li jmiss
Jiġu approvati l-Patti fil-Kunsilli ta' Assoċjazzjoni;
Jinbdew in-negozjati dwar il-Ftehimiet tar-Riammissjoni u tal-Faċilitazzjoni tal-Viża bejn l-UE u l-Ġordan;
Jiġu konklużi n-negozjati dwar is-Sħubija għall-Mobilità bejn l-UE u l-Libanu.
3.3. Is-sitwazzjoni attwali ma’ pajjiżi oħra
B’mod parallel għall-isforzi intensivi applikati mal-pajjiżi tal-ewwel prijorità, l-approċċ tal-Qafas ta’ Sħubija ġie mmexxi ‘l quddiem f’firxa wiesgħa ta’ pajjiżi ta’ importanza kbira fit-twettiq ta’ politika effettiva dwar il-migrazzjoni. Dan irriżulta f’passi konkreti lejn il-kisba tal-għanijiet tal-Qafas ta' Sħubija.
Eżempju ewlieni kien "Joint Way Forward on migration issues between Afghanistan and the EU" (Triq Konġunta 'l Quddiem dwar kwistjonijiet ta' migrazzjoni bejn l-Afganistan u l-UE), iffirmat fit-2 ta’ Ottubru. Huwa sinjal ċar tal-impenn tal-Afganistan li jagħti prijorità ġdida għall-kooperazzjoni f’dan il-qasam, b’qafas komprensiv li jkun ta’ benefiċċju għaż-żewġ partijiet u għin lill-partijiet biex jegħlbu l-ostakli li xekklu l-progress fil-passat. L-UE tistenna b’interess biex taħdem mill-qrib mal-Afganistan biex tiġi żgurata implimentazzjoni effettiva.
Każijiet oħrajn raw lill-UE tintensifika l-kuntatti mas-sħab biex tenfasizza l-post il-ġdid tal-migrazzjoni fir-relazzjonijiet esterni. L-indirizzar ta' diffikultajiet persistenti fl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Riammissjoni bejn l-UE u l-Pakistan ngħata piż ġdid fil-laqgħat regolari tal-Kumitat Konġunt tar-Riammissjoni u f’Lulju, twaqqfet Pjattaforma ta’ Kooperazzjoni mmirata biex tindirizza l-kuntrabandu tal-migranti. It-titjib issa tmexxa 'l quddiem bħala prijorità urġenti. Bl-istess mod, il-miżuri maqbula mal-Bangladesh f’April 2016 ikkostitwixxew pass importanti ‘l quddiem, bl-impenn biex jiġu żviluppati Proċeduri Operattivi Standard dwar ir-ritorn, il-missjonijiet ta’ identifikazzjoni, il-kampanji ta’ informazzjoni u l-proġetti ta’ riintegrazzjoni. Iżda l-progress konkret sar bil-mod minn dak iż-żmien. Pajjiżi oħra fejn proċessi ġodda jridu jissarrfu f'riżultati jinkludu l-Iran, pajjiż ta’ oriġini, ta’ tranżitu u ta’ destinazzjoni, fejn huwa ppjanat djalogu komprensiv dwar il-migrazzjoni. L-Alġerija u l-Marokk ukoll jeħtieġu attenzjoni partikolari.
Kwistjonijiet relatati mal-migrazzjoni issa qed ikollhom rwol ċentrali fl-użu ta’ għajnuna finanzjarja tal-UE lil sħab ewlenin. Għalkemm in-numri jibqgħu baxxi, kien hemm sinjali ta’ żieda fl-attività tal-faċilitazzjoni ta' immigrazzjoni illegali mill-Eġittu 16 . Il-kuntatti ġew intensifikati, l-aktar reċenti permezz ta’ żjara mill-Kummissarju Hahn. Il-fondi għandhom jiġu diretti lejn proġetti dwar il-bini tal-kapaċità, l-appoġġ ta' gruppi vulnerabbli u oħrajn b'tendenza għall-migrazzjoni, u azzjonijiet komuni kontra l-kuntrabandu, billi jintużaw kemm il-Fond Fiduċjarju Reġjonali tal-UE b’reazzjoni għall-kriżi tas-Sirja u l-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika. Tali ffukar se jkun ukoll aspett ewlieni tar-relazzjoni l-ġdida mat-Tuneżija 17 , biex tinbena r-reżiljenza f'kuntest soċjoekonomiku u tas-sigurtà fraġli. Issa ġew imnedija n-negozjati dwar il-Ftehimiet ta' Faċilitazzjoni tal-Viża u ta’ Riammissjoni mat-Tuneżija: konklużjoni rapida ta’ dawn il-Ftehimiet għandha tkun prijorità.
Il-Libja hija ta’ importanza kruċjali bħala l-ewwel punt ta’ tluq għar-rotta tal-Mediterran Ċentrali. Gvern Libjan stabbli u magħqud li jkun jista’ jikkmanda lill-forzi tas-sigurtà kollha jagħti l-akbar kontribut għall-ġestjoni tas-sitwazzjoni, mhux biss mal-kosta iżda f’termini ta’ kapaċità li jadotta approċċ aktar preventiv għall-ġestjoni tal-migrazzjoni fil-pajjiż. L-operazzjoni EUNAVFOR MED Sophia kienet fuq quddiem nett tar-rispons Ewropew għall-kriżi tal-migrazzjoni fil-Mediterran 18 . Din qiegħda wkoll tiġi appoġġata permezz tal-Missjoni ta’ Assistenza għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri fil-Libja, bi pjanijiet għal missjoni ċivili għall-bini tal-kapaċitajiet għall-ġestjoni tal-kriżijiet, inkluż Kumitat bejn l-UE u l-Libja dwar il-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri tal-Art. Hemm EUR 30 miljun fi proġetti għaddejjin attwalment u li ntemmew dan l-aħħar. Dawn il-proġetti jiffokaw prinċipalment fuq il-forniment ta' protezzjoni u assistenza lil migranti vulnerabbli u persuni spostati internament f’komunitajiet u ċentri ta’ detenzjoni, kif ukoll fuq it-tisħiħ tal-istabbilizzazzjoni tal-komunità u l-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali. Għaddejja wkoll ħidma biex jissaħħu r-ripatrijazzjoni u r-riintegrazzjoni umanitarja. Fil-livell reġjonali, bħala segwitu għal laqgħa trilaterali bejn il-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-Libja, in-Niġer u ċ-Chad dwar il-ġestjoni tal-fruntieri 19 , qed jiġi żviluppat qafas ta’ kooperazzjoni bl-appoġġ tal-UE. Ta’ min jinnota li qed ikun hemm dejjem aktar rapporti ta’ deterjorament sinifikanti fil-kundizzjonijiet umanitarji għall-migranti maqbudin fil-Libja.
3.4. Oqfsa orizzontali għall-kooperazzjoni
L-approċċ tal-Qafas ta’ Sħubija bena fuq il-kooperazzjoni eżistenti tal-UE dwar il-migrazzjoni u ħaffef it-twettiq tagħha. Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Belt Valletta ħejja t-triq għal aktar kooperazzjoni dwar il-migrazzjoni ma’ pajjiżi Afrikani. Imqabbda mis-Summit tal-Belt Valletta, id-Djalogu Ewro-Afrikan dwar il-Migrazzjoni u l-Iżvilupp (il- “ Proċess ta’ Rabat ”) u l-Proċess ta’ Kartum, jissorveljaw l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Belt Valletta. Il-Proċess ta’ Rabat qed jimplimenta proġett intiż biex jippromwovi investiment għad-dijaspora fil-pajjiżi ta’ oriġini tal-migrazzjoni.
Il-ħidma tal-Proċess ta’ Budapest ukoll tat sehma fil-Qafas ta’ Sħubija. Il-"Proġett dwar il-Migrazzjoni tas-Sħubija tar-Rotot tal-Ħarir" wassal għall-inawgurazzjoni ta' żewg Ċentri tar-Riżorsi għall-Migrazzjoni fil-Pakistan. Il-Kummissjoni dalwaqt se tapprova "Faċilità tar-Rotot tal-Ħarir" ġdida ta' EUR 12-il miljun iffinanzjata mill-UE, li timmira lejn l-iffaċilitar ta’ djalogi politiċi, l-iżgurar tal-bini tal-kapaċità u l-iżvilupp ta’ inizjattivi ewlenin dwar il-migrazzjoni ma’ pajjiżi tar-Rotot tal-Ħarir.
3.5. Għodda finanzjarji: Il-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika
L-UE tat spinta lil firxa wiesgħa ta’ strumenti finanzjarji biex jappoġġaw il-Qafas ta’ Sħubija, inkluż b’mod partikolari l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp 20 , l-Istrument ta’ Finanzjament tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp 21 , l-Istrument Ewropew tal-Viċinat 22 , u l-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi 23 . Il-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika għandu rwol partikolarment importanti. Huwa ġie stabbilit fis-Summit tal-Belt Valletta biex jindirizza l-istabbiltà u l-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni fir-reġjuni tas-Saħel/il-Lag Chad, il-Qarn tal-Afrika u t-Tramuntana tal-Afrika - li jkopru total ta’ 23 pajjiż 24 .
L-UE allokat kontribuzzjoni globali ta’ EUR 1,8 biljun għall-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika 25 . Sa mill-bidu tiegħu inqas minn sena ilu, ġew adottati total ta’ 59 programm li jammontaw għal EUR 927 miljun. F’inqas minn sena, ġew iffirmati kuntratti b’appoġġ tal-azzjonijiet previsti fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-Belt Valletta għal kważi EUR 400 miljun, u sal-aħħar tal-2016, aktar minn 90 % tal-fondi approvati mill-Kumitati Operattivi s'issa se jkunu ġew kuntrattati.
L-approċċ tal-Fond Fiduċjarju huwa ta’ benefiċċju partikolari għall-Qafas ta’ Sħubija l-ġdid bħala strument rapidu u flessibbli kapaċi li jkun immirat speċifikament lejn għanijiet relatati mal-migrazzjoni. Total ta’ 24 proġett iffinanzjati mill-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika, li jirrappreżentaw ‘il fuq minn EUR 425 miljun, se jkunu tnedew fil-ħames pajjiżi ta’ prijorità sa tmiem l-2016. Il-Kummissjoni adottat, bi ftehim mal-Istati Membri, deċiżjoni li jiżdied il-finanzjament għall-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika b’EUR 0,5 biljun ieħor mir-riżerva tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp għall-finanzjament ta’ azzjonijiet ta’ dawn is-sħubijiet tal-migrazzjoni.
S'issa, il-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri tal-UE u ta' donaturi oħrajn laħqu biss EUR 81,8 miljun. Dan ma jilħaqx is-sejħa fil-Komunikazzjoni tal-Qafas ta' Sħubija biex l-Istati Membri jilħqu l-kontribuzzjoni tal-UE.
4. PJAN TA' INVESTIMENT ESTERN EWROPEW
Kif wegħdet il-Kummissjoni f’Ġunju, f’Settembru hija ppreżentat Pjan ta’ Investiment Estern ġdid 26 . Huwa approċċ ġdid għall-mod kif l-Unjoni tappoġġa l-iżvilupp sostenibbli, it-tkabbir inklużiv, l-iżvilupp ekonomiku u soċjali u l-integrazzjoni reġjonali barra mill-Ewropa. Huwa għandu enfasi wiesgħa ta' żvilupp, u fl-istess ħin jindirizza speċifikament il-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni.
Il-Pjan ta’ Investiment Estern se jagħti spinta lill-ħolqien tal-impjiegi billi jaġixxi bħala katalizzatur għall-investiment pubbliku u privat biex jinħolqu impjiegi xierqa u sostenibbli. Huwa jġib ukoll opportunitajiet ġodda ta’ investiment b’potenzjal ta’ tkabbir reali fil-pajjiżi sħab billi jipprovdi garanziji biex ipaċu r-riskji potenzjalment ogħla ta’ ħafna investimenti fil-pajjiżi kkonċernati. Huwa se joħloq sħubijiet aktar effettivi biex jgħaqqdu l-għajnuna, l-investiment, il-kummerċ, il-mobilizzazzjoni tar-riżorsi domestiċi u l-governanza tajba — li jikkomplementaw l-appoġġ f'għotjiet tradizzjonali biex jimmultiplikaw l-impatt fuq il-post bil-mobilizzazzjoni ta’ fondi mill-UE, id-donaturi, l-istituzzjonijiet finanzjarji u s-settur privat, bil-possibbiltà biex l-Istati Membri jikkontribwixxu. Huwa jappoġġa l-Aġenda tal-2030 tan-NU u l-Aġenda ta’ Addis dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp.
Il-proposta għal Regolament dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli 27 issa qed tiġi eżaminata mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill 28 . Minħabba l-importanza prijoritarja tagħha, il-koleġiżlaturi huma mistiedna jadottaw il-proposti leġiżlattivi sa Marzu 2017 fil-ħin sabiex tkun tista’ ssir operattiva sas-Summit UE-Afrika fil-ħarifa tal-2017.
5. KONKLUŻJONIJIET U PASSI LI JMISS
Il-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju appella għal implimentazzjoni rapida tal-Qafas ta’ Sħubija. Mill-Komunikazzjoni ta’ Ġunju, l-UE stabbilixxiet struttura ta’ ħidma ma' pajjiżi ta' prijorità u mal-Istati Membri. Inizjattivi ewlenin bħalma huma l-Pjan ta’ Investiment Estern u l-proposta għal Qafas tal-Unjoni dwar ir-Risistemazzjoni jinsabu fuq il-mejda tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Is-sħab għarfu li l-migrazzjoni issa hija fil-qalba tal-prijoritajiet esterni tal-UE.
Dan issa qed jiġi tradott fi progress konkret. Il-pass tal-progress mal-ħames pajjiżi prijoritarji attwali huwa differenti, differenti bħall-kuntest ekonomiku, soċjali u politiku tagħhom. In-Niġer ħa azzjoni biex jiġġieled kontra l-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali u ħoloq qafas istituzzjonali għall-ġestjoni tad-djalogu dwar il-migrazzjoni mal-UE u l-Istati Membri tagħha. Qed tiġi stabbilita kooperazzjoni msaħħa minn perspettiva operattiva mas-Senegal u l-Mali, b’missjonijiet ta’ identifikazzjoni miftiehma għall-ġimgħat li ġejjin. Qed jiġu finalizzati l-Proċeduri Operattivi Standard mal-Mali. In-negozjati dwar Ftehim ta’ Riammissjoni man-Niġerja se jibdew fil-jiem li ġejjin. Għall-Etjopja bdiet kooperazzjoni konkreta, iżda jinħtieġu sforzi aktar b’saħħithom. L-azzjonijiet mal-pajjiżi sħab l-oħra komplew u se jkomplu jiżdiedu fix-xhur li ġejjin.
Impenn kontinwu u kooperazzjoni intensifikata mal-pajjiżi sħab attwali huma ta’ importanza vitali sabiex jinkiseb vantaġġ mill-progress magħmul f’din il-fażi inizjali u jitwasslu riżultati li jistgħu jitkejlu sa Diċembru u lil hinn. Filwaqt li l-attenzjoni attwali trid tibqa’ fuq il-ħames pajjiżi ta’ prijorità, meta wieħed iħares lil hinn minn Diċembru, il-Qafas ta’ Sħubija jista' jiġi estiż għal pajjiżi oħra, filwaqt li titqies il-ħtieġa li jiġu mobilizzati riżorsi adegwati. Biex dan isir trid tissaħħaħ aktar il-kooperazzjoni filwaqt li jridu jinfetħu oqsma ġodda billi wieħed iħares lejn politiki u strumenti oħra, inkluża l-migrazzjoni legali. Dan imbagħad, jiddependi fuq l-impenn sħiħ tal-UE u l-Istati Membri, li jżommu l-momentum tal-isforzi diplomatiċi u li jkunu lesti li jħarsu aktar lejn l-użu tal-firxa sħiħa ta’ politiki tal-UE u tal-Istati Membri biex ikomplu l-Qafas ta' Sħubija, b’rispett sħiħ tad-Dikjarazzjoni tal-Belt Valletta. Dan jeħtieġ ukoll sforz determinat ġewwa l-UE u ġewwa l-Istati Membri biex jemendaw proċeduri sabiex jiżguraw li jitneħħew l-ostakli kollha għat-twassil.
B’involviment komprensiv u konsistenti bħal dan u fi sħubija reali mal-pajjiżi involuti, l-UE tista’ tistabbilixxi politika ta’ migrazzjoni u mobbiltà li twassal għal bidla dejjiema u profonda kemm għas-sħab tagħna kif ukoll għall-Ewropa nnifisha.
COM(015) 240 final tat-13.05.2015.
COM(2016) 385 final tas-07.06.2016.
F’Ġunju, ir-Rappreżentant Għoli ppreżentat l-Istrateġija Globali, bl-aspett importanti tal-ġestjoni tal-migrazzjoni fi sħubija ma’ pajjiżi terzi.
http://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2016/09/16-bratislava-declaration-and-roadmap/
Ġew stabbiliti strutturi ġodda biex jagħtu riżultati ta' din is-Sħubija. Fil-Kummissjoni, ġie stabbilit Tim tal-Proġett speċifiku ta’ Kummissarji taħt ir-Rappreżentant Għoli fir-rwol tagħha bħala Viċi President. In-netwerk Sherpa ġie mmobilizzat sabiex tiġi żgurata kooperazzjoni operattiva rapida u diretta mal-bliet kapitali tal-Istati Membri. Bl-appoġġ qawwi tal-Presidenza tal-Kunsill tal-UE permezz tal-Coreper u l-laqgħat regolari tal-Grupp ta’ Livell Għoli dwar l-Ażil u l-Migrazzjoni, il-Kunsill kellu rwol ta’ koordinatur ewlieni. Id-Delegazzjonijiet tal-UE kienu wkoll impenjati bis-sħiħ għall-koordinazzjoni lokali.
Ara l-Anness.
Adottata fis-Summit tan-NU biex tindirizza movimenti kbar ta’ refuġjati u migranti (refugeesmigrants.un.org/).
Il-prijoritajiet definiti f’Ġunju kienu n-Niġer, in-Niġerja, is-Senegal, il-Mali u l-Etjopja.
L-Istati Membri li s'issa qed jipparteċipaw f’dan l-eżerċizzju huma l-Belġju, Franza, l-Italja, Malta, in-Netherlands u Spanja.
Il-benefiċċji tal-iżvilupp tal-migrazzjoni u l-indirizzar tal-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni irregolari u ċ-ċaqliq sfurzat tal-popolazzjoni; il-migrazzjoni legali u l-mobilità; il-protezzjoni u l-ażil; il-prevenzjoni ta’ u l-ġlieda kontra l-migrazzjoni irregolari, il-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali u t-traffikar ta' bnedmin; u r-ritorn, ir-riammissjoni u r-riintegrazzjoni.
C(2015) 7293 finali tal-20.10.2015.
182 miljun fl-2015, 400 miljun previsti għall-2050.
Minkejja li l-biċċa l-kbira tal-migrazzjoni Etjopjana hija lejn il-Lvant (lejn pajjiżi bħall-Jemen jew l-Arabja Sawdija).
Il-Kummissjoni qed tmexxi 'l quddiem Sħubija dwar ir-Riċerka u l-Innovazzjoni fiż-Żona tal-Mediterran (PRIMA) bl-għan li jiġu żviluppati soluzzjonijiet innovattivi komuni għall-produzzjoni sostenibbli tal-ikel u l-provvista tal-ilma fiż-żona tal-Mediterran.
Fil-Konferenza ta’ Londra tal-4 ta’ Frar 2016, l-UE wiegħdet EUR 2,39 biljun f’appoġġ lis-Sirja u lill-pajjiżi ġirien l-iktar milquta mill-kriżi tar-refuġjati.
S'issa fl-2016, madwar 13 000 persuna ġew reġistrati li waslu fl-Italja wara li ħallew l-Eġittu, żieda ta’ iktar minn 25 % mill-2015. Il-migranti li jaqsmu l-Mediterran mill-Eġittu huma kemm Eġizzjani kif ukoll ċittadini ta’ pajjiżi terzi. L-Eġizzjani kienu l-akbar grupp nazzjonali ta’ migranti mil-Libja f’Awwissu-Settembru 2016.
Il-Komunikazzjoni “Strengthening EU support for Tunisia” (Insaħħu l-appoġġ tal-UE għat-Tuneżija) li ġiet ippubblikata f’Settembru 2016 (JOIN(2016) 47) tenfasizza l-importanza li tiġi intensifikata l-kooperazzjoni mat-Tuneżija fil-qasam tal-migrazzjoni, b’mod partikolari biex naħdmu flimkien biex tiġi evitata l-migrazzjoni irregolari u jiġu indirizzati l-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni. It-Tuneżija tospita għadd kbir ta’ refuġjati Libjani.
Mill-istabbiliment tagħha fl-2015, l-Operazzjoni Sophia salvat aktar minn 21 000 ruħ, filwaqt li kkontribwiet għas-salvataġġ ta’ 35 751 migrant ieħor u waqfet 189 dgħajsa tal-kuntrabandu fl-ibħra internazzjonali. F’Ġunju, il-Kunsill Affarijiet Barranin estenda l-Operazzjoni Sophia sa Lulju 2017 u estenda l-mandat biex jinkludi taħriġ tal-Gwardji Kostali tal-Libja u l-implimentazzjoni tal-embargo tal-armi tan-NU fuq l-Ibħra Miftuħa ‘l barra mill-kosta tal-Libja.
Ir-Rappreżentant Għoli/Viċi President sejħet din il-laqgħa ta’ Ġunju 2016 li saret fil-marġni tal-laqgħa tal-G5.
http://ec.europa.eu/europeaid/funding/funding-instruments-programming/funding-instruments/european-development-fund_en . Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp huwa stabbilit fil-qafas ta’ ftehim internazzjonali bejn l-UE u l-pajjiżi sħab tagħha. Dan il-Ftehim ta’ Sħubija UE-AKP — magħruf ukoll bħala l- “Ftehim ta’ Cotonou” — ġie konkluż fl-2000 u jiġi rivedut kull ħames snin.
Ir-Regolament (UE) Nru 233/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp għall-perjodu 2014-2020, ĠU L 77/44 15.03.2014.
Ir-Regolament (UE) Nru 232/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument Ewropew tal-Viċinat, ĠU L 77/27 15.03.2014.
Ir-Regolament (UE) Nru 230/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument li jikkontribwixxi għall-istabbiltà u l-paċi, ĠU L 77/1, 15.03.2014.
Il-pajjiżi ġirien ta’ dawn il-pajjiżi eliġibbli jistgħu jibbenefikaw ukoll minn proġetti li għandhom dimensjoni reġjonali, minħabba n-natura reġjonali u transfruntieri tal-isfida tal-migrazzjoni.
Għandu jingħata wkoll ammont addizzjonali ta’ EUR 100 miljun mill-Miżura Speċjali tas-Sudan permezz tal-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika.
COM(2016) 581 final tal-14.09.2016.
COM(2016) 586 final tal-14.09.2016.
Bħala parti mill-pakkett tal-Pjan ta’ Investiment Estern, il-Kummissjoni adottat ukoll Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill Nru 480/2009 li jistabbilixxi Fond ta’ Garanzija għal azzjonijiet esterni, u Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tagħti garanzija tal-UE lill-Bank Ewropew tal-Investiment kontra telf taħt operazzjonijiet ta’ finanzjament li jappoġġaw proġetti barra l-Unjoni.
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 18.10.2016
COM(2016) 700 final
ANNESS
tal-
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL EWROPEW U L-KUNSILL
L-Ewwel Rapport ta' Progress dwar il-Qafas ta' Sħubija ma' pajjiżi terzi taħt l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni
ANNESS I - KWISTJONIJIET U AVVENIMENTI EWLENIN SAL-AĦĦAR TAL-2016
L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-QAFAS TA' SĦUBIJA
Kooperazzjoni tal-UE bejn l-Istati Membri u mal-pajjiżi terzi
- Impenn kontinwu ma' żjarat ta’ livell għoli f’kull wieħed mill-ħames pajjiżi prijoritarji, b’iktar impenn man-Niġerja, is-Senegal u l-Etjopja.
- Skjerament tal-Uffiċjali ta’ Kollegament dwar il-Migrazzjoni Ewropej.
- L-Istati Membri jilqgħu missjonijiet ta’ identifikazzjoni.
- Involviment tal-aġenziji tal-UE iktar imsaħħaħ fuq il-post (il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u l-EUROPOL).
Pajjiżi Prijoritarji – azzjonijiet
- In-Niġer: Kapaċità operattiva b'mod sħiħ għall-uffiċċju lokali f’Agadez. Appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni kontra l-kuntrabandu fir-reġjun ta’ Agadez. Enfasi tal-appoġġ tal-UE fuq l-aġenzija dedikata għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin. Forniment ta’ taħriġ u tagħmir.
- In-Niġerja: Isir progress fuq in-negozjati tal-Ftehim ta’ Riammissjoni tal-UE bil-ħsieb ta’ konklużjoni rapida. Missjonijiet ta’ identifikazzjoni.
- Is-Senegal: Konklużjoni tal-arranġamenti ta’ ħidma mal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta. Missjonijiet ta’ identifikazzjoni. Kooperazzjoni fuq dokumenti tal-ivvjaġġar.
- Il-Mali: Finalizzazzjoni ta’ ftehim dwar Proċeduri Operattivi Standard. Missjonijiet ta’ identifikazzjoni.
- L-Etjopja: Finalizzazzjoni tal-proċedura għall-kawżi pendenti. Stabbiliment ta’ proċedura miftiehma dwar il-qbil u l-implimentazzjoni ta' ritorni.
- Il-Ġordan / il-Libanu: Approvazzjoni tal-Patti mill-Kunsilli ta’ Assoċjazzjoni. Bidu tan-negozjati dwar il-Ftehimiet dwar ir-Riammissjoni u għall-Faċilitazzjoni tal-Viża bejn l-UE u l-Ġordan. Konklużjoni tan-negozjati dwar is-Sħubija għall-Mobilità bejn l-UE u l-Libanu.
- Tnedija ta' 24 proġett f’ħames pajjiżi ta’ prijorità ffinanzjati mill-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika, li jirrappreżenta ‘l fuq minn EUR 425 miljun.
Rappurtar
- It-Tieni Rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni qabel il-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru.
IL-PJAN TA’ AZZJONI TAL-BELT VALLETTA
- Tnedija ta’ inizjattivi u proġetti għall-implimentazzjoni tas-16-il azzjoni ta’ prijorità u progress sinifikanti fuq id-89 azzjoni l-oħra tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Belt Valletta.
- L-Istati Membri kollha rilevanti għandhom jirrapportaw dwar il-kontribuzzjoni tagħhom lill-Pjan ta’ Azzjoni tal-Belt Valletta għal-Laqgħa tal-Uffiċjali Għolja ta’ Frar 2017 (f’Ottubru 2016) biex tiġi permessa l-korrelazzjoni bejn l-azzjonijiet kollha tal-VJAP inklużi azzjonijiet multilaterali u bilaterali kif ukoll dawk meħuda fuq livell nazzjonali minn sħab Afrikani.
- Sfruttament tal-opportunitajiet offruti għal toroq ta’ migrazzjoni legali, opportunitajiet ta' Erasmus u politiki u għodod oħra.
PJAN TA' INVESTIMENT ESTERN
- Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill huma mistiedna jadottaw il-proposti leġiżlattivi sa Marzu 2017.
FOND FIDUĊJARJU TAL-UE GĦALL-AFRIKA
- Il-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika ffirma kuntratti b’appoġġ tal-azzjonijiet previsti fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-Belt Valletta għal kważi EUR 400 miljun. Sa tmiem l-2016, aktar minn 90% tal-fondi disponibbli sa issa se jkunu ġew kuntrattati.
- Żieda fil-finanzjament għall-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika b’EUR 0,5 biljun ieħor mir-riżerva tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp għall-finanzjament ta’ azzjonijiet ta’ dawn is-sħubijiet tal-migrazzjoni.
- Identifikazzjoni u żvilupp ta’ proġetti li jindirizzaw l-isfidi ewlenin fil-pajjiżi prijoritarji.
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 18.10.2016
COM(2016) 700 final
ANNESS
għall-
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI GĦALL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL EWROPEW U L-KUNSILL
L-Ewwel Rapport ta' progress dwar il-Qafas ta' Sħubija ma' pajjiżi terzi taħt l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni
|
Pajjiżi |
Żjara |
Xahar |
|
In-Niġer |
G5 is-Saħel: Ir-Rappreżentant Għoli u Viċi President Mogherini Il-Kummissarju Stylianides (Għajnuna Umanitarja u Ġestjoni ta' Kriżijiet) Il-Ġermanja, il-Ministru Müller (Kooperazzjoni u Żvilupp Ekonomiku) Il-laqgħat bilaterali tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, diversi Stati Membri tal-UE, u r-Rappreżentant Għoli u Viċi President Mogherini u l-Kummissarju Avramopoulos, (il-Migrazzjoni, l-Affarijiet Interni u ċ-Ċittadinanza) Cadre de Concertation kopresedut mill-Ministru tal-Intern u l-Kap tad-Delegazzjoni tal-UE, bl-attendenza ta' uffiċjali ta’ livell għoli mill-Istati Membri Il-Ġermanja, il-Kanċilliera Merkel |
Ġunju Lulju Awwissu Settembru Ottubru Ottubru |
|
In-Niġerja |
L-Italja, il-Ministru Gentiloni (Affarijiet Barranin) Il-laqgħat bilaterali tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, diversi Stati Membri tal-UE Il-Ġermanja, il-Ministru Steinmeier (Affarijiet Barranin) |
Awwissu Settembru Ottubru |
|
Is-Senegal |
Il-Kummissarju Avramopoulos, (il-Migrazzjoni, l-Affarijiet Interni u ċ-Ċittadinanza) Il-Ġermanja, il-Ministru Müller (Kooperazzjoni u Żvilupp Ekonomiku) Il-laqgħat bilaterali tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, diversi Stati Membri tal-UE Franza, il-Ministru Cazeneuve (Intern) Il-Portugall, is-Segretarju tal-Istat Ribeiro (Affarijiet Barranin u Kooperazzjoni) |
Lulju Awwissu Settembru Ottubru Ottubru |
|
Il-Mali |
G5 is-Saħel: Ir-Rappreżentant Għoli u Viċi President Mogherini Missjoni ta’ livell għoli (Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna / is-servizzi tal-Kummissjoni u n-Netherlands, il-Ġermanja) L-Estonja, il-Prim Ministru Rõivas Il-laqgħat bilaterali tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, diversi Stati Membri tal-UE, u r-Rappreżentant Għoli u Viċi President Mogherini u l-Kummissarju Avramopoulos, (il-Migrazzjoni, l-Affarijiet Interni u ċ-Ċittadinanza) Il-Kummissarju Mimica (Kooperazzjoni u Żvilupp Internazzjonali) Il-Ġermanja, il-Kanċilliera Merkel |
Ġunju Lulju Settembru Settembru Settembru Ottubru |
|
L-Etjopja |
Il-Prim Ministru ltaqa’ ma’ bosta membri tal-Kulleġġ, inkluż l-iffirmar ta’ Impenn Strateġiku / Djalogu ta’ livell għoli dwar il-migrazzjoni (il-President tal-Kummissjoni Juncker). Il-laqgħat bilaterali tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, diversi Stati Membri, u r-Rappreżentant Għoli u Viċi President Mogherini Is-Slovakkja, il-Ministru Lajčák (Affarijiet Barranin) Il-Ġermanja, il-Kanċilliera Merkel |
Ġunju Settembru Ottubru Ottubru |
|
Il-Ġordan, il-Libanu, l-Eġittu u t-Tuneżija |
Il-Kummissarju Hahn (il-Politika Ewropea tal-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir) - għall-Ġordan Il-Kummissarju Thyssen, (Impjiegi, Affarijiet Soċjali, Ħiliet u Mobilità tal-Ħaddiema)- għall-Ġordan Il-Kummissarju Hahn (il-Politika Ewropea tal-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir) - għall-Eġittu |
Ġunju Settembru Ottubru |
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 18.10.2016
COM(2016) 700 final
ANNESS
għall-
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI GĦALL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL EWROPEW U L-KUNSILL
L-Ewwel Rapport ta' progress dwar il-Qafas ta' Sħubija ma' pajjiżi terzi taħt l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni
|
In-Niġer |
|
|
AZZJONI U PROGRESS ĠUNJU-OTTUBRU 2016 |
IL-PASSI LI JMISS |
|
Impenn ta’ livell għoli Dikjarazzjoni konġunta u laqgħa bejn ir-Rappreżentant Għoli u Viċi President Mogherini mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin fil-Laqgħa Ministerjali UE G5 (Ġunju) Iż-żjara tal-Kummissarju Stylianides (Lulju) Iż-żjara tal-Ministru għall-Kooperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp tal-Ġermanja (Awwissu) L-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (fil-marġini) bosta Stati Membri tal-UE, ir-Rappreżentant Għoli u Viċi President Mogherini u l-Kummissarju Avramopoulos (Settembru) Il-Cadre de Concertation kopresedut mill-Ministru tal-Intern u l-Kap tad-Delegazzjoni tal-UE, bl-attendenza ta' uffiċjali ta’ livell għoli mill-Istati Membri (Ottubru) Iż-żjara tal-Kanċillier tal-Ġermanja (Ottubru) Il-progress prinċipali mill-awtoritajiet tan-Niġer L-istabbiliment ta’ pjattaforma ta’ koordinazzjoni lokali dwar il-migrazzjoni ("Cadre de Concertation"), u l-ewwel laqgħa fis-6 ta’ Ottubru 2016, bil-parteċipazzjoni ta’ uffiċjali għolja mill-Istati Membri. Il-ħolqien ta’ aġenzija apposta għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin. Il-finalizzazzjoni ta’ Pjan ta’ Azzjoni għall-ġlieda kontra l-kuntrabandu, it-tnaqqis tal-migrazzjoni irregolari, u sabiex jiġu pprovduti opportunitajiet ekonomiċi alternattivi. Azzjoni importanti kontra l-faċilitazzjoni ta' immigrazzjoni illegali. Applikazzjoni ta’ miżuri aktar stretti għall-kontroll ta’ migranti irregolari lejn il-Libja u l-Alġerija. Il-kampanji ta' sensibilizzazzjoni immirati għal migranti potenzjali. Diversi mijiet ta’ migranti irregolari rritornaw lura f’Agadez. Iż-żieda sinifikanti f’ritorni volontarji (minn 1,721 ritorn fl-2015 għal aktar minn 3,020 fl-ewwel tmien xhur tal-2016). Appoġġ mill-UE Ġie stabbilit uffiċċju lokali f’Agadez (taħt missjoni tal-PSDK fin-Niġer (EUCAP Sahel Niger), li jforni taħriġ u pariri. L-appoġġ ta’ ġestjoni tal-fruntieri u ta’ azzjoni kontra netwerks kriminali, kif ukoll l-indirizzar tal-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni irregolari, pereżempju permezz ta' ħolqien ta’ impjiegi fost iż-żgħażagħ. Il-Fond Fiduċjarju tal-UE għal proġetti fl-Afrika dwar il-Mekkaniżmu ta' Riżorsi u ta’ Rispons għall-Migranti, il-bini ta' kapaċità u appoġġ lill-ekonomija ta’ Agadez. L-erba’ ċentri ta’ tranżitu għall-migranti fin-Niġer appoġġati mill-UE, b’1,500 post b’kollox, għenu aktar minn 12,000 migrant minn Novembru 2015 sa Lulju 2016. L-appoġġ tal-Istati Membri inkluda l-forniment ta’ tagħmir ewlieni biex igħin lill-awtoritajiet tan-Niġer. |
L-istabbiliment ta’ uffiċċju apposta għat-tisħiħ tal-kapaċità ta’ analiżi tar-riskju nazzjonali u l-kooperazzjoni reġjonali u l-iskambju ta’ informazzjoni. L-impenn kontinwu permezz tal-“Cadre de Concertation” u bi żjarat ta’ livell għoli. Il-kapaċità operattiva sħiħa ta’ uffiċċju lokali f’Agadez u l-kooperazzjoni aktar b'saħħitha tal-PSDK. L-iskjerament ta’ Uffiċjal Ewropew ta’ Kollegament dwar il-Migrazzjoni. Il-fokus ta’ appoġġ tal-UE fuq l-aġenzija apposta għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin. L-appoġġ lill-komunitajiet u lill-individwi milquta mill-kuntrabandu u min-negozju tat-traffikar billi jiġu previsti opportunitatjiet alternattivi ta' għajxien. L-appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni kontra l-kuntrabandu fir-reġjun ta’ Agadez. It-tisħiħ tal-assistenza finanzjarja għar-riintegrazzjoni ta’ migranti li jirritornaw u l-komunitajiet ospitanti. It-tkomplija tal-konsenja ta' korsijiet ta’ taħriġ u ta' tagħmir. |
|
In-Niġerja |
|
|
Azzjoni u progress Ġunju-Ottubru 2016 |
Il-passi li jmiss |
|
Impenn ta’ livell għoli Iż-żjara tal-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Italja (Awwissu) Il-laqgħat bilaterali tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, diversi Stati Membri tal-UE (Settembru) Iż-żjara tal-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Ġermanja (Ottubru) Il-progress prinċipali mill-awtoritajiet Niġerjani Il-ħatra ta’ punti ta’ kuntatt f’oqsma li jinkludu r-riammissjoni u l-kuntrabandu. Ix-xogħol għat-tisħiħ tal-aħjar prattika għal operazzjonijiet konġunti ta’ ritorn. Il-parteċipazzjoni Niġerjana f'ħidma Ewropea tal-Gwardja tal-Fruntieri u tal-Gwardja tal-Kosta dwar ir-ritorn. Il-missjonijiet ta' identifikazzjoni għall-Istati Membri ġew ippjanati għal Novembru. L-appoġġ mill-UE Il-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika immobilizza proġetti li jindirizzaw kwistjonijiet speċifiċi ta’ ġestjoni tal-migrazzjoni, kif ukoll il-kawżi bażi tal-migrazzjoni irregolari. Qed jitħejja proġett li jikkontribwixxi għal ġestjoni aħjar tal-migrazzjoni u li jiffaċilita r-ritorn u r-riintegrazzjoni sostenibbli. |
Isir progress dwar in-negozjati tal-Ftehim ta’ Riammissjoni bil-ħsieb ta’ konklużjoni rapida. Tittejjeb ulterjorment il-kooperazzjoni operazzjonali dwar ir-ritorn u r-riammissjoni, inkluż permezz ta’ missjonijiet ta’ identifikazzjoni. Tissaħħaħ il-ħidma dwar il-ġlieda kontra t-traffikar u l-kuntrabandu. Jiżdiedu l-inizjattivi fil-qasam tal-kooperazzjoni kummerċjali anki bl-għan li jiġu indirizzati l-kawżi bażi. L-iskjerament ta’ Uffiċjal Ewropew ta’ Kollegament dwar il-Migrazzjoni. It-tnedija ta’ Pjattaformi ta’ Kooperazzjoni tal-UE dwar il-faċilitazzjoni ta' immigrazzjoni illegali. L-użu ta' opportunitajiet offruti għal kanali ta’ migrazzjoni legali, ERASMUS u politiki u għodod oħra. |
|
Is-Senegal |
|
|
Azzjoni u progress Ġunju-Ottubru 2016 |
Il-passi li jmiss |
|
Impenn ta’ livell għoli Iż-żjara tal-Kummissarju Avramopoulos (Lulju) Iż-żjara tal-Ministru għall-Kooperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp tal-Ġermanja (Awwissu) Il-laqgħat bilaterali tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, diversi Stati Membri tal-UE (Settembru) Iż-żjara tal-Ministru tal-Intern ta' Franza (Ottubru). Il-progress prinċipali mill-awtoritajiet Senegaliżi In-negozjati bejn il-Gwardja tal-Fruntieri u l-Gwardja tal-Kosta u l-awtoritajiet Senegaliżi dwar arranġamenti ta’ ħidma mtejba dwar ir-ritorn huma wkoll fi stadju avvanzat. Is-Senegal qabel li jospita konferenza internazzjonali dwar il-migrazzjoni f’Dakar f’Ottubru, u t-Tielet Forum Internazzjonali dwar il-Paċi u s-Sigurtà fl-Afrika f’Diċembru. L-appoġġ mill-UE Il-proġetti għall-ħolqien tal-impjiegi għaż-żgħażagħ ġew adottati taħt il-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika. Is-Senegal jibbenefika wkoll minn proġett reġjonali li jappoġġa l-entitajiet tal-infurzar tal-liġi. Qed jitħejjew proġetti li jikkontribwixxu għal ġestjoni aħjar tal-migrazzjoni u l-faċilitazzjoni tar-ritorn, li jappoġġjaw il-konsolidazzjoni ta’ sistemi ta’ reġistrazzjoni ċivili u l-ħolqien ta’ opportunitajiet ekonomiċi u ta’ impjieg f’reġjuni b’potenzjal kbir ta’ migrazzjoni. |
Titkompla l-ħidma dwar il-kooperazzjoni operazzjonali fuq dak li diġà kien ġie miftiehem. Jitwettqu missjonijiet ta’ identifikazzjoni ppjanati fl-Istati Membri. Il-kooperazzjoni dwar dokumenti tal-ivvjaġġar It-tisħiħ ta' opportunitajiet ta' kooperazzjoni bilaterali fi ħdan il-qafas tal-UE. L-iskjerament ta’ Uffiċjal Ewropew ta’ Kollegament dwar il-Migrazzjoni. L-appoġġ tat-tisħiħ ulterjuri tar-reġistri ċivili u tal-bijometrija. Il-konklużjoni ta' arranġamenti ta’ ħidma mal-Gwardja tal-Fruntiera u l-Gwardja tal-Kosta. L-użu ta' opportunitajiet offruti għal kanali ta’ migrazzjoni legali, ERASMUS u politiki u għodod oħra. |
|
Il-Mali |
|
|
Azzjoni u progress Ġunju-Ottubru 2016 |
Il-passi li jmiss |
|
Impenn ta’ livell għoli Laqgħa tar-Rappreżentant Għoli u Viċi President Mogherini mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin fil-Laqgħa Ministerjali UE G5 (Ġunju) Missjoni ta’ livell għoli (Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna / is-servizzi tal-Kummissjoni u n-Netherlands, il-Ġermanja) (Lulju) Iż-żjara tal-Prim Ministru tal-Estonja (Settembru) Laqgħat bilaterali tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, bosta Stati Membri tal-UE, ir-Rappreżentant Għoli u Viċi President Mogherini u l-Kummissarju Avramopoulos (Settembru) Iż-żjara tal-Kummissarju Mimica (Settembru) Iż-żjara tal-Kanċillier tal-Ġermanja (Ottubru) Il-progress prinċipali mill-awtoritajiet Maljani Il-Mali ħatar punt fokali għal kwistjonijiet ta’ migrazzjoni, li jiżgura punt ta’ kuntatt wieħed Il-Proċeduri Operattivi Standard qed jiġu attwalment finalizzati għat-titjib tal-kooperazzjoni u t-tħaffif tal-proċeduri għall-identifikazzjoni u r-ritorn. L-appoġġ mill-UE Sitt proġetti diġà ġew approvati taħt il-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika, inkluż dwar il-ġestjoni tal-fruntieri. Qed jitħejjew proġetti ulterjuri li jikkontribwixxu għal ġestjoni aħjar tal-migrazzjoni u l-faċilitazzjoni tar-ritorn u ta' riintegrazzjoni sostenibbli, li jappoġġjaw il-konsolidazzjoni ta’ sistemi ta’ reġistri ċivili u l-ħolqien ta’ opportunitajiet ekonomiċi u ta’ impjieg f’reġjuni b’potenzjal kbir ta’ migrazzjoni. |
Titkompla l-ħidma dwar il-kooperazzjoni operazzjonali fuq dak li diġà kien ġie miftiehem. Jiġi finalizzat ftehim dwar Proċeduri Operattivi Standard u tinbeda l-implimentazzjoni. Jitwettqu missjonijiet ta’ identifikazzjoni ppjanati fl-Istati Membri. Jiġi msaħħaħ l-involviment tal-aġenziji tal-UE fuq il-post (Gwardja Ewropea tal-Fruntieri u tal-Kosta u l-EUROPOL). L-iskjerament ta’ Uffiċjal Ewropew ta’ Kollegament dwar il-Migrazzjoni. L-użu ta' opportunitajiet offruti għal kanali ta’ migrazzjoni legali, ERASMUS u politiki u għodod oħra.
|
|
L-Etjopja |
|
|
Azzjoni u progress Ġunju-Ottubru 2016 |
Il-passi li jmiss |
|
Impenn ta’ livell għoli Il-laqgħa tal-President tal-Etjopja ma’ bosta membri tal-Kulleġġ, inkluż il-President Juncker għall-firma tal-Impenn Strateġiku / id-Djalogu ta’ livell għoli dwar il-migrazzjoni (Ġunju). Il-laqgħat bilaterali tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, bosta Stati Membri, u r-Rappreżentant Għoli u Viċi President Mogherini mal-President tal-Etjopja (Settembru) Iż-żjara tal-Ministru tal-Affarijiet Barranin tas-Slovakkja (Ottubru) Iż-żjara tal-Kanċillier tal-Ġermanja (Ottubru) Il-progress prinċipali mill-awtoritajiet Etjopjani Inħatar punt ta’ kuntatt li jikkoopera mal-Istati Membri fl-identifikazzjoni u l-kwistjonijiet ta’ ritorn. Il-Gvern Etjopjan identifika maġġor parti tal-każijiet imressqa għar-ritorn. L-Etjopja, bl-appoġġ tal-UE, qegħdha tagħmel progress fl-appoġġ tal-opportunitajiet tal-għajxien tar-refuġjati, b’mod partikolari meta ħabbret f’Settembru 2016 li ser tipprovdi 30,000 impjieg lir-refuġjati permezz tal-ħolqien ta’ żewġ parks industrijali (li jimmiraw għal total ta’ 100,000 impjieg). L-appoġġ mill-UE Il-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika approva għadd ta’ proġetti, apparti minn programmi reġjonali. It-tħejjija ta’ proġetti dwar il-bijometriku u dwar ir-riintegrazzjoni għadha għaddejja. |
L-iffinalizzar tal-proċedura ta’ każijiet pendenti ta’ ritorn. Tiġi stabbilita proċedura bi qbil għal ritorni miftehma u għall-implimentazzjoni tagħhom. Tiġi stabbilita għajnuna għal proġetti li jtejbu l-għajxien u l-opportunitajiet ta’ impjieg għar-refuġjati. Tiġi stabbilita għajnuna għat-tisħiħ tar-reġistru ċivili / tad-dokumenti ta’ identità. L-iskjerament ta’ Uffiċjal Ewropew ta’ Kollegament dwar il-Migrazzjoni. L-użu ta' opportunitajiet offruti għal kanali ta’ migrazzjoni legali, ERASMUS u politiki u għodod oħra. |