Brussell, 14.10.2016

COM(2016) 655 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi s-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS), l-użu tal-marki tas-swaba’ fil-fruntieri esterni u l-użu tal-bijometrija fil-proċedura tal-applikazzjoni għall-viża / evalwazzjoni REFIT

{SWD(2016) 327 final}
{SWD(2016) 328 final}


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi s-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS), l-użu tal-marki tas-swaba’ fil-fruntieri esterni u l-użu tal-bijometrija fil-proċedura tal-applikazzjoni għall-viża / evalwazzjoni REFIT

1.INTRODUZZJONI

1.1.Il-VIS u r-rwol tagħha fl-iffaċilitar tal-iskambju ta' data bejn l-Istati Membri

Filwaqt li qiegħda tistabbilixxi progressivament żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, l-Unjoni Ewropea għandha tara li jkun hemm il-moviment liberu tal-persuni kif ukoll livell għoli ta’ sigurtà. F'dan il-kuntest, ingħatat prijorità għall-iżvilupp u l-istabbiliment tas-Sistema ta' Informazzjoni tal-Viża (Visa Information System, VIS) għall-iskambju tad-data dwar il-viża bejn l-Istati Membri 1 .

Ġie adottat qafas ġuridiku komprensiv biex tiġi stabbilita l-VIS:

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/512/KE tat-8 ta’ Ġunju 2004 stabbiliet il-VIS bħala sistema għall-iskambju tad-data dwar il-viża bejn l-Istati Membri;

Ir-Regolament (KE) Nru 767/2008 tad-9 ta' Lulju 2008 stabbilixxa l-iskop u l-funzjonalitajiet u r-responsabbiltajiet tal-VIS, u stabbilixxa l-kundizzjonijiet u l-proċeduri għall-iskambju tad-data dwar il-viża bejn l-Istati Membri għall-faċilitazzjoni tal-applikazzjoni għall-viża u d-deċiżjonijiet relatati;

Ir-Regolament (KE) Nru 810/2009 tat-13 ta’ Lulju 2009 (il-Kodiċi dwar il-Viżi) stabbilixxa r-regoli dwar ir-reġistrazzjoni tal-identifikaturi bijometriċi fil-VIS.

Il-VIS ġiet inkarigata wkoll bil-għan li tikkontribwixxi għas-sigurtà interna u l-ġlieda kontra t-terroriżmu. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/633/JHA tat-23 ta’ Ġunju 2008 konsegwentament stabbilixxiet il-kundizzjonijiet li bihom l-awtoritajiet maħtura tal-Istati Membri u l-Europol jistgħu jiksbu aċċess biex jikkonsultaw il-VIS għall-finijiet tal-prevenzjoni, ir-rintraċċar u l-investigazzjoni ta' reati terroristiċi u reati kriminali serji oħra.

Il-VIS hija strumentali biex:

1)tittejjeb l-implimentazzjoni tal-politika komuni dwar il-viżi, il-kooperazzjoni konsulari u l-konsultazzjoni bejn l-awtoritajiet ċentrali biex jiġi evitat it-theddid għas-sigurtà interna u l-"visa shopping";

2)jiġu faċilitati l-ġlieda kontra l-frodi u l-kontrolli mal-postijiet tal-qsim tal-fruntieri esterni u fit-territorju tal-Istati Membri;

3)tassisti fl-identifikazzjoni u r-ritorn ta’ immigranti illegali;

4)tiffaċilita l-applikazzjoni tar-Regolament ta' Dublin 2 .

Il-VIS speċifikament tikkontribwixxi għas-salvagwardja tas-sigurtà interna tal-Istati Membri u fil-ġlieda kontra t-terroriżmu 3 billi ttejjeb il-mod kif huma vvalutati l-applikazzjonijiet għal viża. Dan jinkludi t-titjib fil-konsultazzjoni bejn l-awtoritajiet ċentrali u t-titjib fil-verifika u l-identifikazzjoni ta’ applikanti f'konsolati u fil-punti ta' qsim tal-fruntiera. Is-salvagwardja tas-sigurtà interna tal-Istati Membri u l-ġlieda kontra t-terroriżmu jikkostitwixxu objettiv ġenerali u kriterju bażiku għall-politika komuni tal-viża. Il-VIS tgħin ukoll fil-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali 4 u hija ta' benefiċċju għall-vjaġġaturi bona fide billi ttejjeb u tiffaċilita l-proċeduri għall-ħruġ ta' viżi u għall-kontrolli.

Il-VIS ġiet introdotta gradwalment fil-konsolati tal-Istati Membri kollha madwar id-dinja bejn Ottubru 2011 u Frar 2016.

Madwar 16-il miljun viża ta' Schengen jinħarġu kull sena mis-26 Stat Membru u mill-pajjiżi assoċjati ma' Schengen. Sat-tmiem Marzu 2016 kienet iddaħħlet data fil-VIS dwar kważi 23 miljun applikazzjoni għall-viża u 18,8 miljun marka tas-swaba'.

Is-sistema qabżet il-limitu ta' (1) miljun operazzjoni kuljum u 100 000 operazzjoni fis-siegħa. Hija għandha kapaċità ta' massimu ta' 450 000 operazzjoni fis-siegħa u tista' taħżen u tipproċessa 60 miljun element ta' data dwar l-applikazzjoni għall-viża.

1.2.Valutazzjoni u monitoraġġ

Il-qafas ġuridiku tal-VIS jistipula evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tar-Regolament tal-VIS 5 u tad-Deċiżjoni li tistabbilixxi l-VIS 6 , kif ukoll tal-użu tal-VIS mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi fuq il-bażi tad-Deċiżjoni dwar l-aċċess tal-infurzar tal-liġi (LEA) tal-VIS 7 ; l-użu tal-bijometrija fil-proċedura tal-applikazzjoni tal-viża fuq il-bażi tal-Kodiċi dwar il-Viżi 8 .

Fuq il-bażi ta' dan, u meta jitqiesu wkoll il-prinċipji u l-kriterji kumplessivi biex issir evalwazzjoni tal-istrumenti tal-politika tal-UE fil-kuntest tal-programm dwar l-idoneità u l-prestazzjoni tar-regolamentazzjoni (REFIT), il-Kummissjoni nediet fl-2015 l-ewwel evalwazzjoni tas-sistema mindu kienet bdiet topera (2011) u b'mod partikolari ħarset lejn:

il-prestazzjoni tal-VIS bħala sistema;

kif ġiet implimentata fil-prattika;

sa liema livell laħqet l-objettivi ta' politika tagħha;

jekk għadhiex adatta għall-iskop tagħha fejn jidħlu: l-effettività, l-effikaċja, ir-relevanza, il-koerenza u l-valur miżjud għall-politika tal-UE dwar il-viżi.

Barra min dan, ir-rapport (u l-evalwazzjoni li fuqha huwa bbażat):

jivvaluta jekk is-sistema tilħaqx l-objettivi tagħha bi spiża raġonevoli;

teżamina r-riżultati miksuba fid-dawl tal-objettivi;

teżamina l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tal-qafas legali.

L-evalwazzjoni saret internament mill-Kummissjoni. Intużaw għadd ta' għodod differenti għall-ġbir tad-data biex tinġabar informazzjoni minn firxa wiesgħa ta' partijiet interessati, li kienu jinkludu:

analiżi estensiva tad-dokumentazzjoni;

stħarriġ tal-UE mibgħut lill-Istati Membri, li għalih wieġbu 19-il Stat Membru 9 , u lill-Aġenzija Ewropea għall-ġestjoni operazzjonali ta' sistemi tal-IT fuq skala kbira fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja (eu-LISA);

reazzjonijiet mill-Bord ta' Tmexxija ta' eu-LISA u mil-laqgħat tal-Grupp Konsultattiv tal-VIS, mill-gruppi ta' ħidma kompetenti fil-Kunsill (il-grupp ta' ħidma dwar il-Viżi, il-Ħbieb tal-VIS, VISION), mill-evalwazzjonijiet ta' Schengen tal-Istati Membri u mill-kooperazzjoni lokali ta' Schengen bejn il-konsulati tal-Istati Membri madwar id-dinja.

L-opinjonijiet ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi u tal-gvernijiet ta' pajjiżi li għandhom l-obbligu tal-viża ttieħdu f'kunsiderazzjoni permezz tal-esperjenza kemm tal-Istati Membri kif ukoll tal-Kummissjoni fl-installazzjoni u fl-applikazzjoni tal-VIS madwar id-dinja.

Dan ir-rapport jibbaża wkoll fuq studju 10 li sar miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka dwar ir-rikonoxximent tal-marki tas-swaba' tat-tfal.

Filwaqt li din l-evalwazzjoni kienet ibbażata fuq erba' snin ta' tħaddim tal-VIS, ittieħed kont tal-fatt li l-installazzjoni tal-VIS madwar id-dinja kienet gradwali, li jfisser, pereżempju, li aktar min 50 % tal-volum ta' tranzazzjonijiet tal-VIS ġej minn reġjuni fejn il-VIS ġiet stallata biss bejn tlieta (3) u erba' (4) xhur qabel tmiem l-evalwazzjoni, u għalhekk kienu disponibbli biss ftit data u monitoraġġ minn dawk ir-reġjuni fil-mument ta' meta saret l-evalwazzjoni. Għalkemm dan jista' jitqies bħala fattur limitanti, id-data disponibbli u l-evidenza miġbura ippermettew li jinġibdu għadd ta' konklużjonijiet għar-rigward ta' aspetti kruċjali tal-VIS u tal-mistoqsijiet ta' evalwazzjoni.

Barra mill-preżentazzjoni tal-kostatazzjonijiet ewlenin tal-evalwazzjoni u l-veduti tal-Kummissjoni, dan ir-Rapport jippreżenta wkoll għadd ta' rakkomandazzjonijiet għall-passi li jmiss.

2.Il-kostatazzjonijiet ewlenin tal-evalwazzjoni

Kollox ma' kollox, il-kostatazzjonijiet tal-evalwazzjoni jixħtu l-attenzjoni fuq il-fatt li l-introduzzjoni tal-VIS wasslet għal 1) is-simplifikazzjoni u l-iffaċilitar tal-proċess ta' applikazzjoni għall-viża billi jiġi żgurat li d-data miġbura mill-Istati Membri kollha tkun maħżuna u skambjata permezz ta' sistema komuni, 2) tnaqqis fil-piż amministrattiv tal-amministrazzjonijiet nazzjonali kif ukoll 3) proċeduri ċari, bla skossi u effettivi fl-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-viża, bit-twettiq ta' kontrolli fuq il-fruntieri esterni jew fit-territorju, l-identifikazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għal finijiet ta' migrazzjoni jew ritorn jew l-eżami ta' applikazzjonijiet għall-ażil.

Dan il-ġudizzju kumplessiv huwa bbażat fuq l-analiżi tal-kriterji ta' evalwazzjoni hawn taħt.

2.1.Il-VIS kienet effettiva biex tilħaq l-għanijiet tagħha?

Maġġoranza sostanzjali tal-Istati Membri 11 li kkontribwixxew qablu li l-introduzzjoni tal-VIS iffaċilitat il-proċedura tal-applikazzjoni għall-viża, li ġiet issimplifikata bl-istabbiliment ta' sistema komuni għall-ħażna u l-iskambju ta' data bejn l-Istati Membri rigward l-applikazzjonijiet u d-deċiżjonijiet marbuta magħhom.

L-istatistika tal-eu-LISA turi li l-perjodu medju biex titlesta proċedura ta' analiżi mill-mument li tidħol applikazzjoni għall-viża għal meta toħroġ viża kien ta' erbat ijiem, bil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jieħdu madwar ħamest ijiem biex jeżaminaw applikazzjoni. Dan il-perjodu huwa ferm inqas mil-limitu legali ta' 15-il jum ta' xogħol.

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri 12 jaqblu wkoll li l-introduzzjoni tal-VIS iffaċilitat il-ġlieda kontra l-frodi tal-visa, għalkemm il-maġġoranza tagħhom 13 qiesu li dan ma kellu l-ebda impatt biex l-applikanti ma jitħallewx jippruvaw iduru mal-kriterji biex jiġi determinat liema Stat Membru huwa responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni tagħhom għall-viża.

L-"Analiżi Annwali tar-Riskju 2016" ta' Frontex turi li l-introduzzjoni tal-kontrolli tal-VIS fil-fruntieri f'Ottubru 2011 wassal għal żieda fl-identifikazzjoni ta' viżi foloz fil-fruntieri fil-perjodu immedjatament wara (2012), u, għat-tul, dan ikkostitwixxa deterrent fuq l-użu ta' viżi foloz għad-dħul fit-territorju tal-UE 14 .

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri 15 li wieġbu qiesu li l-introduzzjoni tal-VIS iffaċilitat il-kontrolli fil-postijiet tal-qsim tal-fruntiera esterni u fit-territorju tal-Istati Membri.

Skont rapporti tal-eu-LISA bbażati fuq data mil-logs, li juru li verifika tal-ewwel linja bl-użu tal-marki tas-swaba' bħalissa ddum 1,36 sekondi biex issir u ddum 0,31 sekonda mingħajr il-marki tas-swaba’. Verifika tat-tieni linja tieħu medja ta' 13,78 sekondi bil-marki tas-swaba' u 0,28 mingħajrhom.

Mir-rapport dwar il-progress tekniku rigward l-użu tal-marki tas-swaba' fil-fruntieri 16 ħareġ li l-perjodu itwal meħtieġ għat-teħid u l-verifika tal-marki tas-swaba' huwa bejn wieħed u ieħor ta' 26 sekonda fil-fruntieri tal-ajru u ta' 44 sekonda fil-fruntieri tal-baħar. Din id-data tindika li sar progress sinifikanti biex jitqassar il-perjodu li kien hemm bżonn għall-verifiki fil-fruntieri esterni, imqabbel mas-sitwazzjoni qabel meta dan kien isir b'mod manwali, kif ukoll l-kredibbiltà akbar ta' dawn il-verifiki, bis-saħħa tal-bijometrika.

Maġġoranza sostanzjali tal-Istati Membri li wieġbu 17 qablu li l-introduzzjoni tal-VIS għenithom biex jiġu identifikati persuni li ma jissodisfawx, jew li ma għadhomx jissodisfaw, il-kundizzjonijiet għal dħul, soġġorn jew residenza fit-territorju tal-Istati Membri, l-aktar bis-saħħa tal-ħila li tista' titqabbel il-bijometrika.

L-introduzzjoni tal-VIS titqies ukoll minn ħafna mill-Istati Membri li wieġbu 18 bħala li kienet ta' sostenn għall-applikazzjoni tar-Regolament ta' Dublin billi għenet biex jiġi ddeterminat liema Stat Membru huwa responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil f'każijiet fejn il-viża kienet maħruġa minn Stat Membru lill-applikant għall-ażil. L-istatistika ssostni l-idea li l-VIS hija aċċettata sew mill-Istati Membri kollha bħala strument ta' prova matul il-proċedura ta’ Dublin: bejn Ottubru 2011 u Novembru 2015, il-VIS intużat għal skopijiet marbuta ma' Dublin minn 12-il Stat Membru ta' Schengen fi kważi 400 000 każ u minn 15-il Stat Membru biex jiġu eżaminati madwar 1,38 miljun każ ta' ażil.

Għal kważi nofs l-Istati Membri li wieġbu, l-introduzzjoni tal-VIS kellha impatt pożittiv fuq il-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà interna tal-Istati Membri, filwaqt li huma biss żewġ Stati Membri li jikkunsidraw dan l-impatt bħala limitat. Din il-perċezzjoni hija sostnuta mill-istatistika li tindika użu pjuttost limitat tal-VIS għas-sigurtà interna, parzjalment minħabba l-użu reċenti tal-VIS għal dan l-iskop 19 . L-użu limitat jista' jkun kemm il-kawża kif ukoll l-effett tal-perċezzjoni ta' impatt pożittiv limitat tal-VIS fil-prevenzjoni ta' theddid għas-sigurtà interna.

2.2.Il-VIS kisbet l-objettivi tagħha b’mod effiċjenti?

L-ispiża tal-istabbiliment tal-VIS kien ta' kważi EUR 151 miljun fuq medda ta' sitt snin (mill-2005 sal-2011). Barra minn dan, l-Istati Membri ġarrbu spejjeż li jvarjaw minn EUR 1-2 miljun sa EUR 30 miljun biex jistabbilixxu s-sistemi nazzjonali tagħhom, li jwassal għal total ta' madwar EUR 600 miljun 20 , inklużi l-ispejjeż tal-manutenzjoni għall-ewwel snin. L-ispejjeż tal-Istati Membri kienu jiddependu fuq in-netwerk konsulari tagħhom u fuq it-tip ta' tagħmir użat. Il-kwantifikazzjoni tal-ispejjeż li weħlu l-Istati Membri biex jistabbilixxu sistemi nazzjonali hija materja kumplessa l-aktar minħabba l-mod li bihom is-sistemi jiġu organizzati fil-livell nazzjonali. Fil-biċċa l-kbira s-sistemi nazzjonali ma kinux bdew mix-xejn, imma pjuttost is-sistemi eżistenti ġew imtejba u adattati sabiex ikunu jistgħu jaqbdu mal-VIS. Billi l-verifika u l-identifikazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi nqalbet għal fuq is-sistema tal-VIS Ċentrali, il-VIS għenet biex jiġu infurzati sinerġiji fil-livell Ewropew u llimitat l-ispejjeż fil-livell nazzjonali.

Billi t-tariffa għal viża ta' Schengen hija ta' EUR 60 għal kull applikazzjoni u billi hemm kważi 23 miljun applikazzjoni maħżuna bħalissa fil-VIS, inġabru aktar minn EUR 1 380 miljun mill-Istati Membri biex jiġu pproċessati dawn l-applikazzjonijiet. Madankollu, dawn l-introjti ma jkoprux biss l-ispiża tal-istabbiliment u t-tħaddim tal-VIS. Minħabba l-ispiża inizjali kbira ħafna tal-investiment, l-ispiża relattivament baxxa tal-manutenzjoni sussegwenti, u anki meta jitqiesu l-ispejjeż amministrattivi l-oħra kollha li kellhom iġarrbu l-Istati Membri biex jipproċessaw il-viżi, l-ispejjeż inizjali tal-istabbiliment tas-sistema jidher li fil-biċċa l-kbira tpaċew.

Madankollu, il-benefiċċji prinċipali tas-sistema huma ta’ valur soċjetali u mhux kwantifikabbli:

hija ta' kontribut għall-infurzar ta' politika komuni dwar il-viża u l-kooperazzjoni konsulari u tipprovdi mezz faċilment disponibbli u sikur ta' konsultazzjoni bejn l-awtoritajiet ċentrali tal-viża;

permezz tagħha jkun possibbli li tiġi identifikata kwalunkwe persuna li ma tissodisfax, jew li jista' jkun ma' għadhiex tissodisfa, il-kundizzjonijiet għal dħul, soġġorn jew residenza fit-territorju tal-Istati Membri;

hija tiffaċilita l-applikazzjoni ta' kriterji u mekkaniżmi biex jiġi determinat liema Stat Membru huwa responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil u meta għandu jeżamina l-applikazzjoni għall-ażil huwa stess;

dan jikkontribwixxi għall-prevenzjoni, l-iżvelar u l-investigazzjoni ta’ reati kriminali serji.

2.3.Kienet relevanti l-VIS biex tilħaq l-objettivi tagħha?

L-evalwazzjoni wriet li l-VIS tindirizza l-ħtiġijiet, il-problemi u l-kwistjonijiet li għalihom kienet ġiet stabbilita s-sistema.

B'hekk il-VIS saret essenzjali għall-funzjonament tajjeb tal-politika komuni dwar il-viża u fis-sostenn taż-żona komuni ta' moviment liberu. Hija introduċiet trasparenza akbar fil-proċess tal-viża, speċjalment billi torbot l-applikazzjonijiet ma' xulxin, u wasslet għal proċeduri aktar armonizzati billi tinċentiva lill-Istati Membri jfittxu prattika komuni meta jkunu qegħdin jeżaminaw l-applikazzjonijiet.

Permezz tal-VIS il-proċess tal-viża u r-riżultat aħħari tiegħu sar aktar prevedibbli għall-applikanti tal-viża.

Barra minn dan, il-VIS tat prova li hija strument essenzjali fl-identifikazzjoni tas-serq tal-identità u tal-visa shopping permezz tal-użu tal-bijometrika. Il-verifika bijometrika titqies bħala l-bażi tal-proċedura komuni dwar l-identifikazzjoni u l-verifika.

Filwaqt li l-evalwazzjoni identifikat oqsma għal titjib ulterjuri, dawn huma l-aktar ta' natura teknika u ma jimplikawx li għandha ssir revizjoni tal-objettivi inizjali tal-VIS.

2.4.Il-VIS hija koerenti ma' liġijiet rilevanti oħra tal-UE?

L-evalwazzjoni żvelat livell għoli ta’ konsistenza bejn il-VIS u politiki oħra tal-UE, u li l-konsistenza bejn il-VIS u l-politiki l-oħra li jolqtu l-affarijiet interni tal-UE qiegħda tiżdied.

Hemm erba' oqsma ta' politika b'mod partikolari li magħhom il-VIS hija koerenti ħafna:

-il-politika tal-fruntieri u tal-migrazzjoni — probabbilment l-aktar impatt sinifikanti u pożittiv. Il-VIS iffaċilitat il-kontrolli fil-punti ta' qsim tal-fruntiera esterna u fit-territorju tal-Istati Membri u kienet ta' għajnuna biex jiġu identifikati persuni li ma jissodisfawx, jew li ma għadhomx jissodisfaw, il-kundizzjonijiet għal dħul, soġġorn jew residenza fit-territorju tal-Istati Membri;

-il-politika tal-ażil — il-VIS hija ta' sostenn fl-applikazzjoni tar-Regolament ta’ Dublin billi tipprovdi stampa ċara u mezzi ta' prova inkonfutabbli fir-rigward tal-kriterju dwar il-viża, kif ukoll informazzjoni utli meħtieġa fil-proċess li jeżamina applikazzjoni għall-ażil għal persuna li preċedentement tkun ġiet misjuba fil-VIS;

-il-politika tar-ritorn — għalkemm l-użu tal-VIS fil-proċedura tar-ritorn sa issa kien għadu pjuttost limitat, ix-xejriet riċenti jindikaw ħtieġa akbar għall-użu ta' dan l-istrument li jipprovdi prova mingħajr dubju tal-identità meħtieġ fi proċedura ta' ritorn;

-il-politika ta' sigurtà — għalissa, l-aċċess għall-VIS għal skopijiet ta' infurzar tal-liġi fuq il-bażi tad-Deċiżjoni VIS għadu pjuttost frammentat fost l-Istati Membri. Madankollu, il-livell għoli ta' sodisfazzjon u l-benefiċċji reali jew mistennija minn tali aċċess jissuġġerixxi li n-numru ta' utenti u tat-talbiet se jiżdied fil-futur.

Il-VIS hija waħda mit-tliet sistemi ċentralizzati ta' informazzjoni żviluppati mill-UE fil-qasam tal-affarijiet interni, flimkien ma':

is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS), li tipprovdi firxa wiesgħa ta' allerti dwar persuni u oġġetti; kif ukoll

is-sistema Eurodac, li tinkludi data dwar il-marki tas-swaba' ta' applikanti għall-ażil u ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qasmu l-fruntieri esterni b'mod irregolari.

Dawn it-tliet sistemi huma komplementari fil-kompiti tagħhom relatati mas-sigurtà tal-fruntieri esterni u s-sostenn għall-awtoritajiet nazzjonali fil-ġlieda kontra l-kriminalità u t-terroriżmu.

Hija wkoll għodda importanti li tgħin lill-awtoritajiet tal-ażil biex jiġi determinat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil, u sussegwentement biex isir l-eżami attwali tal-applikazzjonijiet.

Il-VIS hija wkoll koerenti mal-politiki tal-UE dwar il-kummerċ u t-turiżmu billi l-evalwazzjoni ma sabet l-ebda impatt sinifikanti tal-introduzzjoni tal-VIS f'dawn l-oqsma, u lanqas tnaqqis fit-turiżmu jew fil-vjaġġi għan-negozju lejn l-Istati Membri.

2.5.Il-VIS tiġġenera valur miżjud tal-UE?

L-evalwazzjoni uriet li l-VIS hija strument indispensabbli għall-implimentazzjoni ta' politika tal-viżi effettiva u effiċjenti u qegħda kull ma jmur tikkontribwixxi għas-sigurtà tal-fruntieri esterni tal-UE, fil-ġlieda kontra l-migrazzjoni irregolari u biex tgħin fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u reati serji oħra, biex b'hekk tiġġenera valur miżjud ulterjuri tal-UE.

Ir-rwol tal-VIS fil-qafas attwali ta' strumenti tal-IT mifruxa mal-UE għall-fruntieri qiegħed jiżdied. Il-proposta riċenti tal-Kummissjoni dwar Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (Entry/Exit System, EES) 21 twassal ukoll għal emendi importanti għar-Regolament dwar il-VIS, b'mod partikolari billi tiġi żgurata l-interoperabbiltà bejn iż-żewġ sistemi u billi jinbidel il-mod li bih jitwettqu l-kontrolli mal-VIS fil-punti ta' qsim tal-fruntieri. Dan jippermetti konsultazzjoni diretta bejn iż-żewġ sistemi fiż-żewġ direzzjonijiet (EES għall-VIS u viċi versa) fil-punti ta' qsim tal-fruntieri u fil-konsulati.

Ritorn lejn sitwazzjoni fejn jintużaw esklussivament is-sistemi nazzjonali biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-fruntieri esterni, tiġi miġġielda l-frodi tal-viżi u tal-identità, u b'hekk il-migrazzjoni irregolari, jew fl-assistenza fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u reati serji oħra, ma hix għażla f'dan il-mument.

3.L-opinjoni tal-Kummissjoni dwar il-kostatazzjonijiet tal-evalwazzjoni

Fil-kuntest ta' din l-evalwazzjoni, il-Kummissjoni identifikat numru ta' oqsma kruċjali li fihom kull problema eżistenti jkollha bżonn tiġi indirizzata biex ikun żgurat li l-VIS tkun tista' twettaq aħjar l-objettivi ewlieni tagħha.

3.1.Il-kwalità tad-data

Il-kwalità tad-data tiġi fuq nett fil-lista ta' oqsma ta' prijorità identifikati mill-evalwazzjoni. Il-problemi bil-kwalità tad-data ġejjin l-aktar mill-applikazzjoni subottimali tad-dispożizzjonijiet legali, għalkemm f'xi każijiet il-liġi tirrispondi b'mod insuffiċjenti għall-ħtiġijiet ta' kwalità meħtieġa għal użu effiċjenti tas-sistema.

Instab li kien hemm problemi ta' kwalità kemm għal data alfanumerika kif ukoll bijometrika. Il-problemi tipiċi jinkludu:

konfużjoni bejn id-diversi raġunijiet ta' eżenzjoni mill-obbligu li jiġu pprovduti l-marki tas-swaba';

konfużjoni dwar id-distinzjoni bejn li l-bijometrika ma tkunx obbligatorja għal raġunijiet legali (bħalma meta l-applikant ikun kap ta' stat jew ta' gvern jew inkella tifel jew tifla taħt l-età ta' 12-il sena) u li jkun impossibbli fiżikament li jittieħdu l-marki tas-swaba’.

F'dan il-każ tal-aħħar, jinħtieġ li ssir ukoll distinzjoni ulterjuri bejn impossibbiltà temporanja u permanenti.

Fir-rigward ta' data alfanumerika, għalkemm l-Istati Membri għandhom obbligu ġuridiku ċar li jdaħħlu d-data kollha tal-applikazzjoni tal-viża fil-VIS, dawn għadhom mhumiex jimplimentaw bis-sħiħ dan l-obbligu. L-introduzzjoni tan-netwerk ta' komunikazzjoni tal-VIS Mail u r-rabta organika tiegħu mal-VIS se tfisser li għall-quddiem, il-konsultazzjonijiet permezz tal-VIS Mail ma jkunux possibbli jekk id-data disponibbli ma tkunx ġiet allinjata bis-sħiħ mar-rekwiżiti ta' kull konsultazzjoni partikolari.

L-importanza li l-applikazzjonijiet tal-istess persuna jew tal-persuni li jkunu qegħdin jivvjaġġaw flimkien ikunu marbuta bejniethom b'mod korrett ġiet enfasizzata matul l-evalwazzjoni. Rabta żbaljata jista' jkollha konsegwenzi serji fuq il-kapaċità li tkun tista' tiġi segwita l-istorja tal-applikazzjonijiet ta' persuna u b'hekk jiġi mminat l-iskop tar-reġistrazzjoni tad-data fil-VIS. Huwa għalhekk ta' importanza liema bħalha li fejn jinstabu rabtiet żbaljati, dawn jiġu immedjatament irranġati. Għall-quddiem, l-Istati Membri għajr dak li jkun ħoloq ir-rabta jinħteġ li jingħataw il-possibbiltà li jikkoreġu l-iżball u jibdlu rabta żbaljata.

3.2.Rappurtat għall-monitoraġġ u l-istatistika

Is-sejba ta' statistika informattiva u affidabbli kien wieħed mill-ikbar ostakli li kien hemm waqt il-ġbir ta' informazzjoni għall-evalwazzjoni u fil-proċessi l-oħra li ntużaw fit-tiswir ta' dan ir-rapport.

Mingħajr evidenza kwantitattiva soda, il-Kummissjoni ma tkunx tista':

tissorvelja kif imiss kif l-Istati Membri jkunu qegħdin japplikaw il-liġi tal-UE (jew matul l-evalwazzjoni ta' politika jew fi proċessi mmirati bħal ma hi l-evalwazzjoni ta' Schengen);

tiġġustifika l-iżviluppi ta' politika.

Ir-Regolament VIS attwali jafda l-kompitu tal-produzzjoni tal-istatistika esklussivament f’idejn l-Istati Membri. Madankollu, f'sistema ċentralizzata bħal ma hi l-VIS, li jkollok 26 stat differenti li jipproduċu u jiġbru d-data b'mod differenti mhix sitwazzjoni li twassal għall-effiċjenza u jinħoloq piż amministrattiv mhux neċessarju. Fil-prattika, il-parti l-kbira ta' din id-data hija disponibbli faċilment u immedjatament mill-VIS u tista' tiġi faċilment miġbura bi sforz minimu u tkun anonimizzata għal diversi skopijiet statistiċi jew ta' ttestjar.

3.3.L-użu tal-VIS fil-ġbir tad-data

Filwaqt li l-evalwazzjoni sabet li l-VIS iffaċilitat b'mod sinifikanti l-ġlieda kontra l-frodi tal-viża, is-sistema ma kinitx maħsuba biex ma tħallix li jsir il-frodi li tinvolvi dokumenti jew passaporti foloz li jiġu ppreżentati matul applikazzjoni għall-viża. Billi l-obbligu tal-verifika tal-marki tas-swaba' tal-vjaġġaturi jagħmilha aktar diffiċli għall-frodisti biex jaqsmu l-fruntieri bl-użu ta' stikers foloz, riperkussjoni possibbli ta' dan tista' tkun bidla mill-użu ta' stikers tal-viża foloż lejn l-użu ta' viżi miksuba taħt pretensjonijiet foloz fil-konsulati (fil-mument tal-applikazzjoni għall-viża). Min-naħa tiegħu, dan ikun iwassal biex tiżdied il-possibbiltà ta' frodi li tkun tinvolvi tipi oħra ta' dokumenti (pereż. dokumenti tal-ivvjaġġar). Biex dan jiġi evitat, il-konsulati jinħtieġ li jivverifikaw l-identità tal-applikant qabel ma jittieħdu l-marki tas-swaba', b'użu kif xieraq ta' miżuri eżistenti ta' identifikazzjoni.

Il-Kodiċi dwar il-Viżi jipprovdi li għal 59 xahar wara r-reġistrazzjoni tal-marki tas-swaba' għal applikazzjoni, dawk il-marki tas-swaba' jinħtieġ li jiġu kkuppjati meta jsiru applikazzjonijiet sussegwenti. Dan ifisser li l-persuna ma jkollhiex bżonn tidher personalment għal darb'oħra jew li jerġgħu jitteħdulha l-marki tas-swaba'. Madankollu, l-evalwazzjoni wriet li dan huwa rari fil-prattika. L-Istati Membri spiss jirrepetu t-teħid tal-marki tas-swaba' ma' kull applikazzjoni jew minħabba dubji dwar l-identità tal-persuna, jew minħabba li l-persuna ma tiftakarx jekk il-marki tas-swaba' kinux diġà ttieħdu jew meta dan kien sar.

3.4.L-użu tal-VIS fil-fruntieri esterni

Il-VIS għandha impatt pożittiv ħafna fuq l-infurzar u l-faċilitazzjoni tal-kontrolli fil-fruntieri esterni. B'mod partikolari, il-verifika tal-marki tas-swaba' flimkien man-numru tal-viża tipprovdi kontribut importanti fil-ġlieda kontra l-frodi tal-viżi.

Għalkemm il-verifika b'rabta mal-VIS bin-numru tal-viża flimkien mal-marki tas-swaba' ilha obbligatorja sa minn Ottubru 2011, it-twettiq ta' dan l-obbligu għadu mhux sodisfaċenti u jvarja ħafna minn Stat Membru għal ieħor.

Wieħed jista’ jistenna li l-għibien gradwali tal-viżi maħruġa mingħajr il-ġbir tal-marki tas-swaba' (jiġifieri viżi maħruġa qabel l-introduzzjoni f'xi reġjun partikolari) se twassal għal żieda fil-kontrolli tal-VIS fil-fruntieri esterni u speċjalment ta' kontrolli li jużaw taħlita tan-numru tal-viża u tal-marki tas-swaba'.

3.5.Użu tad-data għal finijiet ta' ażil

Il-VIS hija strument importanti għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjonijiet għall-ażil. Hija tipprovdi informazzjoni dwar jekk l-applikant għall-ażil ikunx ingħata viża u dwar l-identità tal-applikant għall-ażil b'mod rapidu u kredibbli. Hija tipprovdi evidenza biex jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli u tiffaċilita t-"teħid ta' responsabbiltà" fuq il-bażi tal-kriterju tal-"viża" skont ir-Regolament ta’ Dublin.

Kif ġie kkonfermat mill-Istati Membri li għamlu użu mill-VIS għal finijiet ta' ażil, il-VIS tista' tintuża mhux biss biex issostni l-applikazzjoni tar-Regolament ta' Dublin, iżda wkoll meta jiġu eżaminati l-applikazzjonijiet għall-ażil, b'mod partikolari biex jiġu identifikati l-applikanti u biex tiġi ddeterminata l-kredibbiltà tagħhom. Madankollu, l-evalwazzjoni wriet li huma biss ftit l-Istati Membri li jużaw il-VIS għal finijiet ta' ażil 22 .

3.6.L-użu tad-data għal finijiet ta' infurzar tal-liġijiet

L-aċċess għall-VIS għal skopijiet ta' infurzar tal-liġi ġie introdott reċentement ħafna u għaldaqstant ir-riżultati tal-evalwazzjoni għadhom frammentarji u mhux konklużivi. Jistgħu biss jittieħdu tagħlimiet preliminari mid-data pprovduta mill-Istati Membri. Jeżisti l-potenzjal għal użu akbar tal-VIS fil-kuntest tal-infurzar tal-liġi billi jidher ċar li l-VIS titqies b'mod kumplessiv bħala strument effettiv u utli li jsostni l-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-investigazzjoni ta' reati terroristiċi u ta' reati kriminali serji oħra. Il-VIS tista' tipprovdi informazzjoni ta' valur li tista' tkun ta' għajnuna fl-identifikazzjoni tal-persuni suspettati jew vittmi u tiffaċilita l-investigazzjonijiet kriminali.

Madankollu l-użu tal-VIS fl-infurzar tal-liġi għadu frammentat ħafna madwar l-Istati Membri. B'mod partikolari, il-possibbiltà għal tiftix tal-marki tas-swaba' għadha mhix qiegħda tintuża. L-evalwazzjoni ma identifikatx raġunijiet speċifiċi għall-użu baxx tal-aċċess għall-VIS għal skopijiet ta' infurzar tal-liġi. Madankollu, in-nuqqasijiet li hemm bħalissa jistgħu jiġu spjegati mill-fatt li s-sistema għadha relattivament ġdida, min-nuqqas ta' għarfien fost l-utenti potenzjali u minħabba diffikultajiet tekniċi u amministrattivi.

3.7.Il-protezzjoni tad-data fil-VIS

Id-drittijiet tas-suġġetti tad-data huma parti importanti mil-liġi dwar il-protezzjoni tad-data. Il-fatt li jiġi żgurat li s-suġġetti tad-data jkunu jistgħu jaċċessaw, jirranġaw u jħassru data miżmuma dwarhom jżid it-trasparenza għalihom rigward l-ipproċessar tad-data, jgħin biex jinkixef ipproċessar illegali u jżid il-kwalità tad-data għall-ipproċessar legali. Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma iktar u iktar rilevanti f'qasam bħalma hu dak tal-applikazzjonijiet għall-viża, fejn il-konformità mal-qafas legali huwa ta' importanza partikolari minħabba l-konsegwenzi negattivi li jista' jkollu hawnhekk l-ipproċessar illegali.

Fenomenu li jispikka li ġie identifikat mill-evalwazzjoni kien in-nuqqas, jew in-numru żgħir ħafna, ta' talbiet minn suġġetti tad-data biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom ta' aċċess, biex jikkoreġu jew biex iħassru d-data personali tagħhom maħżuna fil-VIS. Din il-kostatazzjoni tista' tiġi spjegata bil-prestazzjoni tajba tal-Istati Membri fejn tidħol il-protezzjoni tad-data personali. Madankollu, jista' jkun li dan kien parzjalment minħabba li s-suġġetti tad-data ma jkunux konxji tad-drittijiet tagħhom fir-rigward tal-protezzjoni tad-data u ma jafux kif għandhom jeżerċitawhom (pereż. lil min is-suġġetti tad-data jinħtieġ li jindirizzaw it-talbiet tagħhom).

L-ispezzjonijiet fuq il-post mis-Superviżur Ewropew tal-Protezzjoni tad-Data biex tiġi mmonitorata l-legalità tal-ipproċessar tad-data personali u l-verifiki ta' sigurtà tas-sistema ċentrali tal-VIS ma wasslux għall-identifikazzjoni ta' kwistjonijiet ta' protezzjoni tad-data. Fi kważi tliet snin li matulhom ilha topera, eu-LISA ma rċeviet l-ebda lment għar-rigward tal-protezzjoni tad-data.

4.Il-passi li jmiss

4.1.Miżuri fuq terminu qasir / medju

Kwistjonijiet ta’ kwalità

Biex tittejjeb il-kwalità tad-data fi stadju bikri tal-proċedura tal-applikazzjoni għall-viża, jistgħu jiddaħħlu indikaturi dwar il-kwalità tad-data u dawn jiġu użati biex jiġu vverifikati l-applikazzjonijiet meta dawn jiġu ppreżentati. Pereżempju, tista' titfassal lista qasira ta' indikaturi għal kull applikazzjoni b'enfasi fuq in-nuqqas f'xi qasam (pereż. data, isem, data żbaljata, eċċ.), bi twissija lil kwalunkwe utent fil-futur dwar il-fatt li potenzjalment ikun hemm xi difett ta' kwalità.

Jinħtieġ ukoll li jitqiesu miżuri xierqa sabiex jiġi żgurat li ma jitqegħdux fir-riskju konsultazzjonijiet minn qabel minħabba informazzjoni nieqsa fil-VIS. Biex tissolva din il-kwistjoni, il-VIS tista' tiġi pprogrammata biex tiċħad it-tnedija ta' talba għal konsultazzjoni minn qabel sakemm l-informazzjoni kollha xierqa meħtieġa fl-Artikolu 9 tar-Regolament tal-VIS tkun iddaħħlet kif suppost fis-sistema. Barra minn hekk, is-sistema jinħtieġ li tippermetti l-identifikazzjoni ċara u rapida ta' persuni li l-marki tas-swaba' tagħhom ikunu neqsin mis-sistema u r-raġuni ta' dan, biex jiġi evitat tiftix fit-tul fil-punti ta' qsim tal-fruntiera.

Fir-rigward tal-marki tas-swaba', hemm bżonn li s-sistema tiġi aġġustata teknikament biex tkun tista' ssir distinzjoni aħjar bejn każijiet fejn il-marki tas-swaba' ma jkunux meħtieġa għal raġunijiet legali u każijiet fejn ikun hemm raġuni fattwali li minħabba fiha ma jkunux jistgħu jiġu pprovduti. Dan jgħin biex is-sistema tkun f'qagħda aħjar biex tipprovdi data mhux ambigwa li tkun tista' tintuża biex jiġi vverifikat li l-konsolati jkunu qegħdin japplikaw kif suppost l-obbligi dwar il-marki tas-swaba' u jidentifikaw każijiet fejn persuna tkun ġiet rifjutata viża minħabba li kien hemm raġuni fattwali li minħabba fiha huwa jew hija ma setgħux jittiħdulhom marki tas-swaba'.

Biex jiġi indirizzat ix-xkiel irrappurtat fil-ġbir tal-elementi bijometriċi, b'mod partikolari dawk li jaffettwaw il-kwalità tal-immaġni tal-wiċċ, u biex fil-futur ikun possibbli li jsir tiftix ikkombinat bl-użu tal-immaġini tal-wiċċ, jistgħu jiġu stabbiliti standards alternattivi, bħal ritratti meħuda direttament waqt l-applikazzjoni għall-viża.

Is-sorveljanza ċentralizzata tal-kwalità tad-data u l-identifikazzjoni u l-implimentazzjoni ta' soluzzjonijiet komuni għaliha tiżgura reazzjoni aktar effiċjenti għal dawn il-kwistjonijiet. Għal din ir-raġuni, fil-futur, eu-LISA jinħtieġ li tingħata rwol f'dan ir-rigward, inkluż il-kompitu li tipproduċi rapporti dwar il-kwalità tad-data.

Soluzzjonijiet tekniċi ċentralizzati għal konsultazzjoni minn qabel u r-rappreżentazzjoni

Wieħed jista' jikkonċepixxi soluzzjoni teknika ċentralizzata li għandha tiġi applikata b'mod uniformi mill-Istati Membri kollha kkonċernati permezz ta' konsultazzjoni minn qabel, possibbilment fil-forma ta' matriċi ta' identifikazzjoni tal-Istati Membri reċipjenti. Dan jista' joħloq sinerġiji u jagħmilha aktar faċli għall-Istati Membri li jinżammu s-sistemi tal-IT ikkonċernati, kif ukoll jiġi żgurat li d-data rilevanti tiġi maħżuna fil-VIS qabel it-tnedija ta' konsultazzjoni.

Tista' wkoll tiġi kkunsidrata soluzzjoni teknika ċentralizzata biex jiġu identifikati l-Istati Membri riċevituri kkonċernati minn notifika ex post. B'dan il-mod id-data relevanti tkun maħżuna fis-sistema qabel ma tintbagħat notifika.

Fl-aħħar nett, tista' wkoll titqies soluzzjoni teknika ċentralizzata fil-VIS għall-matriċi tar-rappreżentanza konsulari tal-Istati Membri. Dan ikun ta' benefiċċju għall-Istati Membri billi titneħħi l-ħtieġa li jiġu inklużi definizzjonijiet tekniċi fil-ftehimiet ta' rappreżentanza u billi jsir kumplessivament aktar faċli li jiġu konklużi ftehimiet ġodda. Ikun ukoll ta' benefiċċju għall-applikanti billi jneħħi l-inċertezza dwar il-mod kif titmexxa l-proċedura fil-każ ta’ rappreżentanza.

L-integrazzjoni tal-VIS Mail fil-VIS

Biex l-iskambji bejn is-sistema ċentrali u s-sistemi nazzjonali jsiru aktar koerenti, il-mekkaniżmu tal-VIS Mail għall-konsultazzjonijiet jinħtieġ li jkun integrat fil-infrastruttura tal-VIS. Miżura bħal din tagħmilha wkoll aktar faċli għall-Istati Membri biex iwettqu l-kompiti tagħhom, minħabba li jkun hemm anqas sistemi li jkunu ġestiti u miżmuma fil-livell nazzjonali. Din il-miżura tista' tkun akkumpanjata minn analiżi tal-messaġġi / notifiki neċessarji (pereż. il-kooperazzjoni konsulari, notifiki tal-ħruġ ta' VLTV 23 ) li jsir permezz tal-VIS Mail.

Il-ġbir tal-marki tas-swaba’ multipli fi żmien 59 xahar

Soluzzjoni possibbli biex tiġi indirizzata l-kwistjoni preżenti dwar ir-regola tad-59 xahar għall-ikkupjar tal-marki tas-swaba' tista' tkun li kull konsulat joħroġ irċevuta li tiċċertifika li huwa jkun ħa l-marki tas-swaba' ta' applikant partikolari f'data partikolari. Il-persuna kkonċernata tkun mitluba li tippreżenta din l-irċevuta meta terġa' tapplika għal viża mill-ġdid fi żmien id-59 xahar ta' wara.

L-aċċess għall-VIS għal finijiet ta' infurzar tal-liġijiet

Minħabba l-introduzzjoni riċenti ta' aċċess għall-VIS għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-investigazzjoni ta' reati terroristiċi u reati kriminali serji oħra, huma neċessarji aktar informazzjoni u evidenza biex jiġi identifikat għaliex is-sistema sa issa ma ġietx ikkonsultata b'mod frekwenti għal dan l-għan.

Fil-futur, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jistgħu jingħataw il-possibbiltà biex ifittxu fil-VIS bl-użu ta’ ritratti u marki tas-swaba’ latenti. Dan jagħmel tali tiftix aktar utli u effiċjenti.

L-użu tal-VIS fuq bażi sistematika fil-fruntieri

L-awtoritajiet tal-Istati Membri jinħtieġ li jiġu mħeġġa jikkonformaw mal-obbligu eżistenti biex iwettqu kontrolli obbligatorji fuq il-VIS billi jużaw in-numru tal-viża flimkien mal-marki tas-swaba' tad-detentur tal-viża. Informazzjoni prattika dwar kontrolli tal-viża fil-fruntieri esterni tinsab fil-Manwal Prattiku għall-għassiesa tal-fruntiera u ġiet aġġornata f'konformità mal-implimentazzjoni sħiħa tas-sistema. Barra minn hekk, l-interoperabbiltà akbar bejn is-sistemi ta' informazzjoni disponibbli fuq il-fruntieri esterni, li hija ppjanata li ssir, tista' tiffaċilita u tħaffef il-kontrolli meħtieġa. Billi d-dewmien fil-punti ta' qsim tal-fruntieri huma wieħed mill-ostakoli ewlenin għal kontrolli sistematiċi tal-VIS, din l-operabbiltà miżjuda u l-iżvilupp tas-sistema ta' dħul u ħruġ jinħtieġ li jkollhom impatt pożittiv.

L-użu tal-VIS biex jiġu identifikati persuni miżmuma b'rabta ma' qsim irregolari ta' fruntiera esterna jew li jinstabu li jkunu qegħdin joqogħdu illegalment fi Stat Membru

L-Istati Membri jinħtieġ li jikkunsidraw li jintroduċu kontrolli sistematiċi tal-migranti irregolari li ma jkollhomx dokumenti validi tal-ivvjaġġar fit-territorju, biex ikunu jistgħu jiġu identifikati għal skopijiet ta’ ritorn. Għalkemm il-pajjiżi terzi spiss ma jqisux id-data miġbura mill-VIS bħala evidenza suffiċjenti għall-ħruġ ta' dokumenti tal-ivvjaġġar għall-iskop ta' ritorn, is-sistema xorta tista' tkun utli biex tiġi stabbilita n-nazzjonalità f'investigazzjonijiet sussegwenti. Barra minn hekk, l-aħħar ftehimiet ta' riammissjoni tal-UE jikkwalifikaw r-riżultati ta' tfittxijiet fil-VIS bħala prova taċ-ċittadinanza.

Il-VIS hija attwalment użata għal finijiet ta' ritorn biss sa livell limitat ħafna. Madankollu, il-VIS tista' taqdi rwol aktar sinifikanti jekk jingħata l-possibbiltà biex taħżen paġna skenjata tal-passaport tal-applikant tal-viża. L-għoti tal-possibbiltà lill-Istati Membri li jkollhom aċċess għal kopja tal-passaport ta' migrant irregolari tista' ttejjeb l-opportunitajiet ta' ritorn effettiv u tħaffef il-proċedura. Dan jippermetti wkoll li jsiru aktar ritorni fuq il-bażi tad-dokument tal-ivvjaġġar tal-UE għal skop ta' ritorn 24 , flimkien ma' kopja tal-passaport.

L-użu sistematiku tal-VIS għall-applikazzjonijiet għal ażil

Il-potenzjal tal-VIS għal finijiet ta' ażil jinħtieġ li jiġi sfruttat mill-Istati Membri kollha b'mod aktar sistematiku. L-Istati Membri kollha jinħtieġ li jiġu mħeġġa jużaw il-VIS għal finijiet ta' ażil biex:

jiddeterminaw l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil sabiex tiġi żgurata prassi aktar effettiva u uniformi; kif ukoll

meta teżamina l-mertu tal-applikazzjoni għall-ażil bħal għajnuna biex tiġi stabbilita l-identità u l-kredibbiltà tal-applikant.

Għar-rigward tal-proċedura ta' Dublin, il-proposta ta' riformulazzjoni tar-Regolament Dublin III 25 tipprovdi għal obbligu għall-Istati Membri biex ifittxu fil-VIS. Għall-quddiem, l-awtoritajiet tal-ażil jinħtieġ li jitħallew ikollhom aċċess biex jivverifikaw l-iskop tal-vjaġġ, bħala parti mill-evalwazjzoni tal-kredibbiltà.

Il-protezzjoni tad-data

L-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni tad-data jinħtieġ li jiġu mistiedna biex iwettqu kontrolli tal-kwalità fuq l-informazzjoni pprovduta lis-suġġetti tad-data minn missjonijiet diplomatiċi, postijiet konsulari u fornituri ta' servizzi esterni, u biex iwettqu aktar verifiki sistematiċi, inkluż awditjar tal-VIS nazzjonali.

Żieda fl-effiċjenza tat-tiftix fil-ġlieda kontra l-frodi

Il-VIS tejbet b'mod sinifikanti l-ġlieda kontra l-frodi tal-identità fil-proċedura tal-viża u fil-fruntieri, essenzjalment permezz tal-użu tal-bijometrika. L-iskop ta' tfittxijiet tat-tieni linja fil-fruntieri għal vjaġġaturi li għalihom huwa fiżikament impossibbli li jiġu vverifikati permezz tal-marki tas-swaba' (jew li għalihom it-teħid tal-marki tas-swaba' kien fiżikament impossibbli fiż-żmien tal-applikazzjoni għal viża) jista' jiġi mwessa' sabiex ikunu permessi riżultati ineżatti. Tali riżultati jipprovdu aktar informazzjoni lill-gwardji tal-fruntiera, u jkunu jistgħu jistabbilixxu jekk ikunx hemm xi suspett ta' frodi.

L-istatistika bbażata fuq id-data tal-VIS

Dwar il-produzzjoni tal-istatistika, il-pass xieraq 'il quddiem jidher li hu dak li eu-LISA jiġu fdati bil-kompitu li jiġġeneraw rapporti f'isem l-Istati Membri. Simili għal dak li ġie propost għall-EES, eu-LISA tista' tkun obbligata li tistabbilixxi repożitorju ċentrali tad-data u tagħmlu disponibbli fuq bażi regolari lill-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-aġenziji tal-UE (bħall-Frontex jew l-Europol). Għal dan l-għan, eu-LISA jinħtieġ ukoll li tiġi fdata bid-dokumentazzjonni tal-operazzjonijiet tal-ipproċessar tad-data mwettqa fl-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2008/633/JHA. Fuq perjodu ta' żmien itwal, jinħtieġ li jkun possibbli li din id-data tiġi kkombinata ma' dik ta' databases oħra (pereż. EES) biex jiġi ġġenerat rappurtar strateġiku dwar ix-xejriet tal-migrazzjoni. Imbagħad l-Istati Membri jkunu jistgħu jkollhom aċċess għal:

-l-istatistika teknika (il-kreazzjonijiet ta' fajls tal-applikazzjoni għall-viżi, tiftix, awtentikazzjonijiet fil-fruntieri għal kull siegħa, jum, xahar, sena, eċċ.);

-ċifri dwar il-prestazzjoni tal-VIS skont l-objettivi (kemm id-data ġenerali kif ukoll għal kull Stat Membru);

-informazzjoni dwar in-negozju u analiżi dwar id-data tal-VIS (possibbiltà ta' repożitorju separat simili għal dak f'EES), meta wieħed jikkunsidra l-attività kollha tal-viża tal-Istati Membri. F'dan ir-rigward, il-kompitu tal-produzzjoni tal-istatistika tal-viża jista' jiġi ttrasferit mill-Kummissjoni (kompitu allokat lilha fil-Kodiċi dwar il-Viżi) lil eu-LISA.

Barra minn hekk, ir-rapport dwar il-funzjonament tekniku tal-VIS li bħalissa jsir minn eu-LISA kull sentejn jista' jibda jsur kull sena. Dan itejjeb il-monitoraġġ tas-sistema u jallinja d-dispożizzjonijiet rilevanti ma' dawk ta' strumenti simili (SIS, Eurodac).

Permezz ta' reviżjoni tar-Regolament VIS għandu jsir possibbli għall-Kummissjoni li titlob li eu-LISA tipprovdi statistika dwar aspetti speċifiċi tal-implimentazzjoni tas-sistema jew dwar l-implimentazzjoni mill-Istati Membri ta' diversi aspetti ta' politika relatata mal-VIS, b'mod partikolari d-data meħtieġa għall-evalwazzjonijiet ta' Schengen fl-Istati Membri.

4.2.Żviluppi futuri possibbli oħra tal-VIS

Minbarra t-tagħlimiet meħuda mill-applikazzjonijiet fil-passat tal-qafas legali tal-VIS, għandha tingħata attenzjoni wkoll lejn l-użu futur potenzjali tal-VIS. F'dinja dejjem aktar interkonnessa u bl-interkonnessjonijiet kumplessi tad-diversi oqsma ta' politika, il-VIS toffri benefiċċji multipli mhux kwantifikabbli fejn tidħol is-sigurtà tal-fruntieri. Dan jinkludi l-interkonnettività, potenzjalment faċli u irħisa, ma':

sistemi eżistenti tal-UE (SIS, Eurodac);

sistemi tal-UE li qegħdin jitħejjew (EES);

databases (Dokumenti tal-ivvjaġġar misruqa u mitlufa).

Wara l-Komunikazzjoni dwar Sistemi ta' Informazzjoni aktar b'saħħithom u aktar intelliġenti għall-Fruntieri u s-Sigurtà 26  
(il-Komunikazzjoni dwar "il-fruntieri intelliġenti") adottata fis-6 ta' April 2016, il-Kummissjoni stabbilixxiet
Grupp ta' Esperti dwar Sistemi ta' Informazzjoni u l-Interoperabbiltà, f'livell għoli, bil-kompitu li jindirizza l-aspetti legali, tekniċi u operattivi tal-għażliet differenti fil-kisba tal-interoperabbiltà tas-SIS, il-VIS u l-Eurodac, Rapport finali bir-rakkomandazzjonijiet huwa mistenni li joħroġ sa nofs l-2017, li jista' jirriżulta f'emendi legali għall-VIS sabiex tinkiseb l-interoperabbiltà ma' sistemi oħra.

Barra minn dan, qabel tmiem is-sena se tiġi ppreżentata proposta leġiżlattiva biex tiġi stabbilita Sistema ta' Informazzjoni u Awtorizzazzjoni tal-Ivvjaġġar tal-UE (ETIAS), flimkien ma' kompiti ġodda għal eu-LISA, inkluż l-iżvilupp ta' kapaċità ċentrali ta' monitoraġġ għall-kwalità tad-data għas-sistemi kollha.

Waqt li jsir progress u tiġi implimentata aktar interoperabilità teknika u operazzjonali u funzjonijiet ġodda, għandu jiġi kkunsidrat id-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data personali, kif rikonoxxut fl-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, u b’mod partikolari l-prinċipju tal-limitazzjoni tal-iskop li jirriżulta minn dan id-dritt 27 .

Fl-esplorazzjoni tal-interoperabilità ta' sistemi fuq skala kbira jinħtieġ li tingħata konsiderazzjoni speċjali għall-protezzjoni tad-data bid-disinn - rekwiżiti kif imsemmi fl-Artikolu 25 tar-Regolament il-ġdid dwar il-Protezzjoni tad-Data Ġenerali 2016/679 u l-Artikolu 20 tad-Direttiva dwar il-Pulizija u l-Protezzjoni tad-Data 2016/680.

Barra minn hekk, bl-evalwazzjoni ta' eu-LISA li saret fl-2015 28 instab li biex tiġi żgurata koerenza sħiħa tal-ġestjoni operazzjonali tal-VIS, ir-responsabbiltajiet tal-Kummissjoni dwar l-infrastruttura ta' komunikazzjoni jinħtieġ lia tiġi trasferita lil eu-LISA. Xi wħud minn dawn l-inizjattivi u r-riżultati se jkunu jeħtieġu emendi għall-istrumenti legali tal-VIS u għal atti legali oħra.

L-evalwazzjoni tefgħet dawl fuq xi interess minn Stati Membri li anki jkollhom informazzjoni dwar viżi nazzjonali għal soġġorn twil, inkluża l-bijometrika rreġistrata fil-VIS.

Il-possibbiltà li tiġi adattata l-konfigurazzjoni tas-sistema ċentrali biex twieġeb aħjar għall-ħtieġa li tiġi adattata malajr u b'mod effiċjenti għall-ħtiġijiet ta' disponibbli f'perjodi ta' interruzzjoni jinħtieġ li tiġi analizzata wkoll.

Biex eu-LISA tkun tista' tittestja d-diversi funzjonijiet tal-VIS jinħtieġ li jiġu ffaċilitati għall-eu-LISA soluzzjonijiet tal-ittestjar aktar realistiċi konformi mal-qafas applikabbli ta' protezzjoni tad-data.

Fl-aħħar nett, kif indikat mill-istudju dwar il-kredibbiltà tat-teħid tal-marki tas-swaba' ta' tfal taħt l-età ta' 12-il sena 29 , u filwaqt li jitqies ir-Rapport tal-Kummissjoni tal-2016 dwar it-traffikar tal-bnedmin 30 , jinħtieġ li tkompli tiġi esplorata l-possibbiltà li jitniżżel għal sitt (6) snin il-limitu tal-età għall-ġbir tal-marki tas-swaba' tat-tfal, fil-kunsiderazzjoni tal-aħjar interessi tat-tfal u b'mod partikolari biex jiġi evalwat il-potenzjal ta' dan fl-identifikazzjoni tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin u biex jinkixfu t-traffikanti.

4.3.Reviżjonijiet leġiżlattivi possibbli

Xi wħud min-nuqqasijiet identifikati fl-evalwazzjoni tal-qafas legali tal-VIS u xi rakkomandazzjonijiet għat-titjib jistgħu biss jiġu indirizzati permezz ta' reviżjoni tal-bażi ġuridika tal-VIS. Din ikun jinkludi, pereżempju:

it-trasferiment tar-responsabbiltà għall-produzzjoni tal-istatistika lil eu-LISA;

l-interkonnettività ma' sistemi oħra;

regoli ta' kwalità aħjar tad-data u l-produzzjoni ta' rapporti tal-kwalità tad-data;

it-tneħħija ta' dispożizzjonijiet skaduti tal-leġiżlazzjoni preżenti (pereż. dwar l-introduzzjoni, l-istabbiliment u t-tranżizzjoni għall-VIS Mail jew diversi perjodi ta' tranżizzjoni).

Fejn tkun prevista reviżjoni leġiżlattiva u fejn xieraq, il-Kummissjoni se twettaq valutazzjoni tal-impatt li tanalizza u tkejjel l-impatt probabbli tal-għażliet differenti ta’ politika għal tali proposta.

(1)  F'dan id-dokument, it-terminu "Stati Membri" ifisser l-Istati Membri ta' Schengen, jiġifieri l-Istati Membri tal-UE li huma membri ta' Schengen, kif ukoll il-pajjiżi assoċjati ta' Schengen.
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 jissostitwixxi r-Regolament (KE) Nru 343/2003, ĠU L 50, 25.2.2003, p. 1.
(3) Ara: Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19.2.2004, punt 1(g) tal-Anness tiegħu.
(4)  Ara: L-Artikoli 5(1)(e) u 15 tal-Konvenzjoni ta' Schengen.
(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 dwar is-Sistema tal-Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u l-iskambju ta' data bejn l-Istati Membri dwar viżi għal perjodu qasir (ir-Regolament VIS), ĠUUE L 218, 13.8.2008, p. 60.
(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 512/2004 li tistabbilixxi s-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) ĠU L 213, 15.06.2004, p. 5.
(7)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/633/ĠAI tat-23 ta’ Ġunju 2008 li tikkonċerna aċċess għall-konsultazzjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) minn awtoritajiet maħtura ta’ Stati Membri u mill-Europol għall-finijiet tal-prevenzjoni, tal-kxif u tal-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi u ta’ reati kriminali serji oħra (ĠU L 218, 13.08.2008, p. 129).
(8)  Ir-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi, ĠU L 243, 15.9.2009, p. 1.
(9)  l-Awstrija, il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Iżlanda, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, in-Norveġja, il-Polonja, il-Portugall, is-Slovakkja, l-Iżvezja u l-Iżvizzera.
(10)  JRC-IPSC "Fingerprint Recognition for Children" (Rapport EUR 26193 EN).
(11)  Erbatax (14) minn 19-il Stat Membru li kkontribwixxew.
(12)  Sbatax-il (17) Stat Membru.
(13)  Tnax-il (12) Stat Membru.
(14)  Għad-dettalji ara t-Taqsima 6.1.3 Tiġi ffaċilitata l-ġlieda kontra l-frodi fid-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni.
(15)  Erbatax-il (14) Stat Membru.
(16)  Fuq il-bażi tar-reazzjonijiet li daħlu minn disa' Stati Membri.
(17)  Ħmistax-il (15) Stat Membru.
(18)  Tnax-il (12) Stat Membru.
(19)  Id-Deċiżjoni 2008/633 ma daħlitx fis-seħħ qabel Settembru 2013 u sa Diċembru 2015 il-biċċa l-kbira mis-16-il Stat Membru li kienu użaw il-VIS għal skopijiet ta' infurzar tal-liġi kienu ilhom jagħmlu dan għal ftit xhur.
(20)  Għad-dettalji ara t-Taqsima 6.2 "Effiċjenza" fid-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni u t-Taqsima 3.5 tal-Anness 2.
(21)  Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Sistema ta' Dħul u Ħruġ (EES) biex tiġi rreġistrata d-data ta' dħul u ħruġ u d-data taċ-ċaħda ta' dħul ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet għall-aċċess fl-EES għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi u li temenda r-Regolament (KE) Nru 767/2008 u r-Regolament (UE) Nru 1077/2011, COM(2016) 194 final.
(22)  Il-VIS intużat għal skopijiet ta' ażil għall-proċedura ta' Dublin minn 12-il Stat Membru ta' Schengen u biex tiġi eżaminata applikazzjoni għall-ażil minn 15-il Stat Membru, għalkemm il-maġġoranza vasta tat-tiftix sar minn erba' Stat Membri biss. Għal aktar dettalji ara t-Taqsima 6.1.6 tad-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni u t-Taqsima 1.6 tal-Anness 2 tiegħu.
(23)  Viża b'validità territorjali limitata.
(24)

 Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fuq dokument tal-ivvjaġġar Ewropew għar-ritorn ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, COM(2015) 668 final, 15.12.2015.

(25)  COM(2016) 270 final.
(26)

     COM(2016) 205 final.

(27) L-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dak id-data.L-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data, li aktar tard ġie sostitwit mill-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data), ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1-88.L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/JHA tas-27 ta’ Novembru 2008 dwar il-protezzjoni ta' data personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f'materji kriminali, li aktar tard ġiet sostitwita minn l-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI, ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89-131.
(28) "Independent external evaluation of the European Agency for the operational management of large-scale IT systems in the area of freedom, security and justice - eu-LISA", ISBN: 978-92-79-58236-3, Numru tal-katalogu, DR-01-16-464-EN-N.
(29)  Ara r-rapport EUR 26193 EN, "Fingerprint Recognition for Children", li sar mill-JRC.
(30)

     Id-dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja d-dokument Report from the Commission to the European Parliament and the Council on the progress made in the fight against trafficking in human beings, SWD(2016) 159 final.