IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 14.9.2016
COM(2016) 615 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
Ir-Regolamentazzjoni Aħjar: Inwasslu riżultati aħjar għal Unjoni iktar b'saħħitha
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 14.9.2016
COM(2016) 615 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
Ir-Regolamentazzjoni Aħjar: Inwasslu riżultati aħjar għal Unjoni iktar b'saħħitha
Introduzzjoni
Ir-regolamentazzjoni aħjar hija importanti. Il-leġiżlazzjoni mhijiex għan fiha nfisha — hija mezz li jagħti benefiċċji tanġibbli għaċ-ċittadini Ewropej, u biex jiġu indirizzati l-isfidi komuni li qed tiffaċċja l-Ewropa. Huwa aktar probabbli li regolamentazzjoni immirata sew, ibbażata fuq l-evidenza u miktuba b'mod sempliċi tiġi implimentata sew u tilħaq l-għanijiet tagħha fil-post, kemm jekk dawn huma ekonomiċi, soċjali jew ambjentali. Regoli moderni, proporzjonati li huma adattati għall-iskop tagħhom huma essenzjali għall-istat tad-dritt u biex jiddefendu l-valuri komuni tagħna, iżda wkoll għall-effiċjenza tal-amministrazzjonijiet pubbliċi u n-negozji.
L-Unjoni Ewropea spiss ġiet ikkritikata — spiss bir-raġun — għall-produzzjoni ta' regolamentazzjoni eċċessiva u miktuba ħażin u għall-indħil fil-ħajja taċ-ċittadini jew negozji b’wisq regoli u dettaljati wisq. Ir-rapporti huma frekwenti, kemm jekk huma minnhom jew le, ta’ każijiet ta’ regolamentazzjoni żbaljata jew regoli li jipprovaw jiddettaw aspetti tal-ħajja ekonomika u soċjali ta’ kuljum. Fl-istess ħin, l-aspettattivi taċ-ċittadini huma li l-Ewropa għandha tiffoka aktar fuq l-għoti ta’ soluzzjonijiet effettivi għall-isfidi l-kbar — l-impjiegi u t-tkabbir, l-investiment, is-sigurtà, il-flussi migratorji, u r-revoluzzjoni diġitali, biex insemmu biss xi ftit minnhom.
Mill-bidu nett tal-mandat tagħha, il-Kummissjoni Juncker għamlitha ċara li konna se ninqatgħu minn mal-passat u nibdlu kif il-Kummissjoni taħdem u tistabbilixxi l-politiki tagħha billi tqiegħed il-prinċipji ta’ regolamentazzjoni aħjar fil-qalba tal-proċessi ta’ tfassil ta' politika tagħha, biex tiżgura li l-politiki tagħha jwasslu riżultati aħjar għaċ-ċittadini, in-negozji u l-awtoritajiet pubbliċi. Aħna impenjana ruħna li nkunu kbar fil-kwistjonijiet il-kbar u żgħar fil-kwistjonijiet iż-żgħar, billi niffokaw l-azzjoni tagħna fuq dawk il-kwistjonijiet li huma tassew importanti għaċ-ċittadini tagħna u fejn l-azzjoni Ewropea hija l-aktar meħtieġa, u niżguraw li l-Istati Membri jieħdu responsabbiltà fejn l-azzjoni nazzjonali tkun aktar xierqa.
U aħna impenjati li nieħdu sehem fi sħubija mill-qrib mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill u li nikkooperaw mill-qrib mal-Istati Membri biex insawru l-aġenda u nistabbilixxu prijoritajiet politiċi konġunti, sabiex l-istituzzjonijiet Ewropej, flimkien, jistgħu jwasslu għal Unjoni aħjar u aktar iffokata. L-iffokar fuq miżuri li huma verament neċessarji u li wieħed jagħmel affarijiet li għandhom biss benefiċċju marġinali jew jistgħu jsiru aħjar fil-livelli nazzjonali, reġjonali jew lokali fl-Istati Membri, jillibera anki l-ispazju u jfisser li, b’mod kollettiv, l-istituzzjonijiet jistgħu jimmobilizzaw aktar malajr biex jindirizzaw ċirkostanzi ġodda, kif kien il-każ tal-kriżi tal-migrazzjoni.
Kważi sentejn wara l-mandat tagħha, il-Kummissjoni qiegħda fit-triq it-tajba biex jintlaħqu l-impenji tagħna fuq ir-regolmentazzjoni aħjar. Mill-bidu, il-ħidma tagħna kienet iggwidata minn sett iffukat ta’ linji gwida politiċi 1 biex tidderieġi l-azzjoni fuq perjodu medju ta’ żmien fuq l-isfidi ewlenin li tħabbat wiċċha magħhom l-UE: l-impjiegi, it-tkabbir u l-investiment; il-migrazzjoni; is-sigurtà; id-diġitali; l-enerġija; jew l-approfondiment tas-suq uniku. Kull sena, miżuri konkreti li jirriflettu dawn l-istrateġiji jiġu stabbiliti fi Programmi ta’ Ħidma ta' kull sena iffukati u effiċjenti. Kien hemm 100 inizjattiva fil-Programm ta’ Ħidma tal-2014. Fl-2015, il-Programm ta’ Ħidma kellu 23 inizjattiva u pakketti ġodda ta’ prijorità. Kien hemm ukoll 23 biss fl-2016.
Grafika 1. Regolamentazzjoni aħjar f'ċifri matul l-2015–16
Fl-istess ħin, l-għadd ta' proposti għal regolamenti u direttivi magħmula mill-Kummissjoni għall-adozzjoni mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja naqas minn 159 fl-2011 għal 48 fl-2015. Mill-2000, l-għadd ta’ direttivi u regolamenti adottati mill-Parlament u l-Kunsill skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja varja kull sena, bl-ogħla livell ta’ produzzjoni ta' leġiżlazzjoni 141 fl-2009. Fl-2015, l-ewwel sena tal-Kummissjoni Juncker, ġew adottati 56 att leġiżlattiv.
Grafika 2. Numru ta’ proposti leġiżlattivi matul l-2011–2015
Il-Kummissjoni mhux biss tagħmel ħilitha biex tiffoka fuq dak li huwa neċessarju u importanti għaċ-ċittadini, iżda wkoll biex tiġġieled l-inerzja. Disgħin (90) proposta li kienu saru obsoleti jew li ma kinux jimxu 'l quddiem fil-proċess leġiżlattiv Ewropew ma ġewx ikkunsidrati mill-koleġiżlaturi f'dawn l-aħħar sentejn, biex tingħata iżjed importanza lill-oqsma ta’ prijorità. Il-korp eżistenti tal-liġi tal-UE tnaqqas billi ġew aboliti 32 liġi obsoleta, u tnediet ħidma biex jiġu ssimplifikati r-regoli eżistenti f’madwar 103 oqsma.
Ir-regolamentazzjoni aħjar teħtieġ ukoll li r-regolamentazzjoni titħejja b’tagħrif sħiħ dwar l-effetti mistennija tagħha, biex jiġi massimizzat l-impatt pożittiv u jiġu evitati piżijiet bla bżonn u l-burokrazija fuq iċ-ċittadini, l-intrapriżi u l-awtoritajiet pubbliċi. Parti mill-impenn tal-Kummissjoni għar-regolamentazzjoni aħjar hija għalhekk li jinżamm it-tfassil tar-regoli bbażat fuq l-evidenza. Qabel ma tiġi proposta leġiżlazzjoni ġdida, il-Kummissjoni tevalwa bir-reqqa l-esperjenza tal-passat, tistudja u tikkonsulta dwar l-impatti possibbli u tevalwa jekk għandhiex tittieħed azzjoni mill-Unjoni jew aħjar titħalla f’idejn l-Istati Membri.
Ir-regolamentazzjoni aħjar mhijiex ir-responsabbiltà ewlenija tal-Kummissjoni Ewropea; hija sforz konġunt mal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Istati Membri, peress li kull wieħed minnhom għandu rwoli u responsabbiltajiet biex jissodisfa. Lanqas ma hija kwistjoni ta’ tħassib biss meta tkun qed tiġi ppreparata u maħsuba leġiżlazzjoni ġdida. F'kull stadju taċ-ċiklu tal-politika, minn negozjati leġiżlattivi bejn il-Parlament u l-Kunsill għat-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni, ir-regolamentazzjoni aħjar għandu jkollha rwol. Biex nirnexxu, jeħtieġ li lkoll niffukaw, inkunu effettivi, nissimplifikaw, inkunu trasparenti u naġixxu fil-livell adatt.
Inkunu kbar fil-kwistjonijiet il-kbar
Matul is-sena li għaddiet, il-Kummissjoni għamlet progress fil-ksib ta’ riżultati fl-10 prijoritajiet tal-President Juncker. Iffukajna l-ħidma tagħna fuq inizjattivi ewlenin b’valur miżjud għoli tal-UE f’termini ta’ riżultati tanġibbli għaċ-ċittadini u n-negozji u irreaġixxejna malajr għall-isfidi li tfaċċaw li rrikjedew reazzjonijiet rapidi, iżda sodi. F’ħafna każijiet, il-Kummissjoni kienet f’pożizzjoni li tipprepara u tippreżenta inizjattivi fi żmien rekord, b’analiżi bbażata fuq l-evidenza tal-impatt tagħhom proporzjonati għal kull sitwazzjoni speċifika. Ir-rispett tal-prinċipji ta’ regolamentazzjoni aħjar għen biex jiffurma proposti li għamlu proprju dak li kien meħtieġ isir, u għaldaqstant jista’ jkun is-suġġett tal-adozzjoni f’waqtha mill-istituzzjonijiet l-oħra, kif kien il-każ tal-miżuri konta l-evitar tat-taxxa.
|
Eżempji ta’ “kif tkun kbir fil-kwistjonijiet il-kbar”
It-tkattir tal-investiment: Biex tappoġġa l-irkupru u ttejjeb l-investiment għat-tkabbir,
Ir-rispons għall-kriżi tar-refuġjati: Il-Kummissjoni pproponiet malajr miżuri biex tindirizza l-isfidi immedjati u fit-tul tal-kriżi tal-migrazzjoni. Ittieħdu passi biex jiġu ġestiti l-flussi migratorji rregolari, jiġu salvati l-ħajjiet fuq il-baħar, tiġi żgurata solidarjetà mal-Istati Membri li huma l-aktar esposti billi tipproponi r-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni ta’ persuni li jfittxu l-ażil u jissaħħaħ il-kontroll tal-fruntieri esterni u r-ritorni. Is-sena li għaddiet, l-Istati Membri qablu mal-proposti tal-Kummissjoni li jirrilokaw mill-Italja u mill-Greċja 160 000 ruħ li kellhom bżonn il-protezzjoni internazzjonali, u li jirrisistemaw minn barra l-UE 22 000 ruħ spustata. Sa issa ferm iżjed minn 13 000 persuna ġew rilokati jew risistemati. Fl-aħħar sena, l-UE wettqet mobilizzazzjoni bla preċedent tal-baġit tal-UE ta' aktar minn EUR 10 biljun fl-2015 u l-2016 biex tindirizza l-kriżi tar-refuġjati u tgħin lill-pajjiżi l-aktar milquta 2 . It-tisħiħ tal-fruntieri: Il-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament li jistabbilixxi Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, propostta mill-Kummissjoni f'Diċembru 2015, ġiet miftiehma fi żmien rekord mill-koleġiżlaturi f’Lulju ta’ din is-sena. Il-proposta tindirizza n-nuqqasijiet identifikati waqt il-kriżi tal-migrazzjoni, billi tintroduċi valutazzjonijiet tal-vulnerabbiltà preventivi tas-sistemi tal-kontroll tal-fruntieri tal-Istati Membri, approċċ sistematiku għat-tnedija tal-azzjoni tal-Unjoni u l-gruppi permanenti ta’ riżorsi umani u tagħmir 3 . It-trawwim tal-innovazzjoni permezz ta’ Suq Uniku Diġitali: Il-Kummissjoni pproponiet li telimina l-ostakli ewlenin relatati mal-liġi kuntrattwali li jfixklu l-provvista transfruntiera ta’ kontenut diġitali u l-bejgħ onlajn / mill-bogħod ta’ oġġetti 4 . Il-valutazzjonijiet tal-impatt urew li r-regoli armonizzati għall-prodotti ta’ kontenut diġitali se jnaqqsu l-ispejjeż għall-kummerċjanti u jħeġġuhom jespandu lil hinn mill-fruntieri. Mill-inqas 122,000 aktar negozji huma mistennija li jibdew ibigħu onlajn lejn pajjiżi oħra tal-UE b’bejn 8 miljun u 13-il miljun konsumatur addizzjonali. Il-bini ta' Unjoni Enerġetika u l-ġlieda kontra l-bidla fil-klima: Fi Frar 2016, il-Kummissjoni ppreżentat miżuri ġodda dwar is-sigurtà tal-enerġija, li se jtejbu l-interkonnessjonijiet fl-Ewropa u jimminimizzaw ir-riskji ta’ interruzzjonijiet tal-provvista. Is-solidarjetà bejn l-Istati Membri se tgħin biex jiġu protetti l-unitajiet domestiċi u s-servizzi soċjali essenzjali f'każijiet ta' kriżi. Il-Kummissjoni ggwidat il-ħidma li wasslet għall-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima u qiegħda ssegwi fuq l-impenji tal-Unjoni Ewropea dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra tal-Istati Membri mill-2021 għall-2030 5 , inkluża l-modifika tas-Sistema tal-Iskambju ta’ Kwoti ta’ Emissjonijiet tal-UE biex ittejjeb it-tnaqqis kosteffettiv tal-emissjonijiet u l-investimenti b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju. Valutazzjoni tal-impatt bir-reqqa għenet fl-iffurmar ta' proposta li kienet proporzjonata u li żgurat qsim ġust tal-isforzi bejn l-Istati Membri, il-protezzjoni tal-kompetittività internazzjonali tal-industrija u aktar u aktar investimenti f’teknoloġiji b’livell baxx ta’ karbonju. Il-ġlieda kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa: F’Novembru 2014, kien hemm żvelar li kixef l-użu xi kultant abbużiv tad-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa. Il-Kummissjoni ddefinixxiet malajr aġenda wiesgħa għal tassazzjoni korporattiva aktar ġusta, aktar sempliċi u aktar effettiva fl-UE. Il-proposta tal-Kummissjoni dwar l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni dwar id-deċiżjonijiet dwar it-taxxa tal-Istati Membri ġiet ippreżentata f’Jannar 2015 u adottata sal-aħħar tas-sena. Il-proposti dwar ir-rappurtar minn kumpaniji multinazzjonali ta’ informazzjoni relatata mat-taxxa u l-iskambju ta’ dik l-informazzjoni bejn l-Istati Membri u għal proposta għal Direttiva Kontra l-Evitar tat-Taxxa ġew ippreżentati f’Jannar 2016 u miftiehma f’Marzu 2016 u f’Ġunju 2016. |
Inwasslu regolamentazzjoni aħjar għal riżultati aħjar
Regolamentazzjoni aħjar twassal għal regoli aktar sempliċi li jistgħu jwasslu riżultati aktar effettivi. Il-Kummissjoni kompliet l-isforzi tagħna biex nissimplifikaw il-leġiżlazzjoni eżistenti. Sa mit-tnedija tal-Programm dwar l-Idoneità tar-Regolamentazzjoni (REFIT) 6 kważi 200 inizjattiva għat-tnaqqis fil-piż u għas-simplifikazzjoni ġew imnedija.
Fost l-eżempji nsibu: rappurtar finanzjarju mnaqqas għal 5 miljun mikronegozji (b'iffrankar annwali stmat ta’ madwar EUR 6,3 biljun); tnaqqis sa 95 % fil-miżati ta’ reġistrazzjoni għall-SMEs meħtieġa mil-leġiżlazzjoni dwar il-prodotti kimiċi (REACH); u regoli tal-akkwist elettroniku ġodda li huma mistennija li jnaqqsu l-ispejjeż tal-akkwist b’sa 20 %.
|
Eżempji ta’ proposti tal-Kummissjoni biex jitnaqqsu l-piżijiet regolatorji u l-burokrazija Fis-6 ta’ April 2016, il-Kummissjoni adottat proposta leġiżlattiva riveduta dwar il-Fruntieri Intelliġenti li tinkludi emenda għall-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen biex jintegra l-bidliet tekniċi meħtieġa għal sistema ta’ dħul / ħruġ elettronika ġdida. Il-proposta riveduta naqqset l-ispejjeż stmati minn EUR 1,1 biljun għal EUR 480 miljun 7 . Il-Kummissjoni ppreżentat pjan ta’ azzjoni dwar il-VAT fis-7 ta’ April 2016 8 li ħabbar inizjattivi kbar ta’ simplifikazzjoni inkluż proposta (li għandha tiġi ppreżentata fil-ħarifa) biex tiġi mmodernizzata s-sistema tal-VAT għall-kummerċ elettroniku transfruntier. Dan jista’ jwassal għal żieda fid-dħul mill-VAT ta’ EUR 7 biljun fis-sena filwaqt li jnaqqas l-ispejjeż tal-konformità għan-negozji b’tal-inqas 55 %. Il-proposta għal Deċiżjoni dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi għat-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra mill-Istati Membri mill-2021 għall-2030 se tnaqqas l-ispejjeż amministrattivi assoċjati ma’ monitoraġġ tal-konformità u rappurtar b’madwar EUR 345 000 - EUR 460 000 fis-sena. Dan se jiġi kkumplimentat b’aktar simplifikazzjonijiet fil-monitoraġġ u r-rappurtar relatati mal-leġiżlazzjoni dwar il-klima u l-enerġija aktar tard din is-sena. Il-Kummissjoni pproponiet li jinbidlu r-regoli tal-prospett biex jitjieb l-aċċess għall-finanzi għall-kumpaniji u biex tiġi ssimplifikata l-informazzjoni għall-investituri. Il-kumpaniji żgħar u ta’ daqs medju b’mod partikolari se jsibuha eħfef biex jiġbru fondi meta joħorġu ishma jew dejn. Regoli aktar proporzjonati ta’ żvelar jistgħu jissarrfu f’iffrankar ta’ madwar EUR 130 miljun fis-sena (abbażi tar-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika) 9 . Prospett tal-UE se jkun meħtieġ biss għall-ġenerazzjoni ta’ kapital ta’ aktar minn EUR 500 000 (żieda minn EUR 100 000). Prospetti anqas kumplessi se jkunu wkoll meħtieġa għal emittenti iżgħar li jixtiequ jisfruttaw is-swieq Ewropej. Il-proposta sabiex jiġu ssimplifikati r-regoli finanzjarji tal-UE (riformulazzjoni tar-Regolament Finanzjarju u l-emenda ta' 15-il att legali li jistabbilixxu regoli finanzjarji settorjali) — adottata bħala parti mir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-QFP — tipproponi ġabra unika ta’ regoli finanzjarji tal-UE bi tnaqqis ta' 25 % tar-regoli attwali billi tgħaqqad ir-regoli applikabbli tad-diversi strumenti ta’ finanzjament tal-UE kull fejn ikun possibbli. Qed titħejja aġenda ambizzjuża ta’ simplifikazzjoni tal-Politika Agrikola Komuni, fejn aktar minn 20 azzjoni ta’ simplifikazzjoni diġà ġew finalizzati għall-benefiċċju dirett tal-bdiewa kif ukoll l-amministrazzjonijiet nazzjonali. Proposti oħra għadhom għaddejjin dwar l-ekoloġizzazzjoni fil-kuntest ta’ REFIT. Barra minn hekk, għaddej pjan ta’ azzjoni għar-regoli dwar is-swieq agrikoli, li jimmira għal tnaqqis sostanzjali tal-250 Regolament tal-Kummissjoni inizjali għal madwar 20 att delegat u 20 att ta’ implimentazzjoni. Regolament ġdid dwar il-protezzjoni tad-dejta stabbilixxa liġi waħda, pan-Ewropea, li tissostitwixxi t-28 liġi differenti tal-Istati Membri. Dan se jnaqqas il-piżijiet amministrattivi u jagħmilha aktar faċli għal ħafna kumpaniji biex ikollhom aċċess għal swieq ġodda. Ir-regoli l-ġodda se jwasslu għal benefiċċji ta’ madwar EUR 2,3 biljun fis-sena 10 . |
Billi nisimgħu lil dawk li se jkollhom japplikaw u jittrattaw ir-regoli futuri, jista' jsir kontribut iktar qawwi għal regolamentazzjoni aħjar. Din hija r-raġuni għaliex, f’Mejju 2015, il-Kummissjoni għamlet bidla notevoli fil-mod kif timpenja ruħha mal-partijiet interessati kollha fit-tħejjija ta’ inizjattivi ġodda u fl-evalwazzjoni ta’ politiki eżistenti. Ġew introdotti modi ġodda, aktar attivi u aktar trasparenti ta’ konsultazzjoni 'l fuq mal-partijiet rilevanti kollha. Il-partijiet interessati u ċ-ċittadini issa jistgħu jipprovdu feedback onlajn fuq l-ideat ta' politika inizjali tal-Kummissjoni
11
, jistgħu jipparteċipaw fil-konsultazzjonijiet pubbliċi fuq l-internet, jew jikkummentaw dwar il-proposti tal-Kummissjoni
12
kif ukoll jikkummentaw dwar leġiżlazzjoni ta' implimentazzjoni qabel ma taddottaha l-Kummissjoni f'liġi taħt is-superviżjoni tal-leġiżlatur.12
Fl-istess ħin, il-Kummissjoni saħħet il-portal ta' trasparenza u r-reġistru tat-trasparenza tagħha biex tiftaħ u tiffaċilita l-parteċipazzjoni fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE
13
, u qed tippubblika testi ta’ negozjar u dokumenti oħra relatati ma’ negozjati internazzjonali.
Il-Kummissjoni stabbilixxiet ukoll “pjattaforma REFIT” biex iġġib lill-partijiet interessati u lill-Istati Membri fil-ħidma REFIT tal-Kummissjoni. Il-Pjattaforma tlaqqa’ flimkien esperti ta’ livell għoli minn kull wieħed mit-28 Stat Membru, mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u mill-Kumitat tar-Reġjuni u mid-dinja tan-negozju, s-sħab soċjali u s-soċjetà ċivili maħtura permezz ta’ proċess miftuħ u trasparenti. Permezz ta' sit apposta
14
, il-partijiet interessati li jkollhom tħassib jew suġġerimenti se jkunu jistgħu jippreżentaw il-fehmiet tagħhom dwar l-impatt tal-liġijiet tal-UE fil-Pjattaforma u jissuġġerixxu kif il-leġiżlazzjoni tista’ tittejjeb.
Il-Pjattaforma diġà kkunsidrat aktar minn 100 mill-fehmiet espressi sa issa u dan wassal għal 17-il opinjoni b’suġġerimenti konkreti dwar firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet
15
.
Il-Kummissjoni se tirrapporta dwar is-segwitu maħsub tagħha fil-kuntest tal-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2017.
Biex issaħħaħ l-għodda tagħha ta’ regolamentazzjoni aħjar, il-Kummissjoni kompliet ittejjeb l-għodod eżistenti u l-prattiki tagħha, filwaqt li żżid oħrajn ġodda. Mill-2003
16
,
il-Kummissjoni ppreparat 975 valutazzjoni tal-impatt li jappoġġaw il-proposti tagħha. Il-Kummissjoni lestiet 688 evalwazzjoni u wettqet 704 konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa mill-2010. Il-kontroll ta’ kwalità indipendenti tal-valutazzjonijiet tal-impatt tal-Kummissjoni huwa essenzjali u ilu fis-seħħ ġewwa l-Kummissjoni sa mit-tmiem l-2007. Biex jissaħħaħ dan, Bord tal-Iskrutinju Regolatorju ġdid ħa post il-Bord għall-Valutazzjoni tal-Impatt preċedenti fl-1 ta’ Lulju 2015 li kienet tinkludi tliet membri esterni
17
u b’mandat imsaħħaħ u aktar wiesa’ inklużi l-evalwazzjonijiet tal-leġiżlazzjoni eżistenti. Is-sistema tal-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni ġiet evalwata esternament u l-kwalità tagħha rikonoxxuta u kklassifikata ferm tajjeb mill-OECD
18
.
Grafika 3. Ħarsa ġenerali lejn l-attivitajiet ta’ regolamentazzjoni aħjar mit-tnedija tagħhom fil-Kummissjoni
X’sar sa issa juri li l-impenn tal-Kummissjoni lejn ir-regolamentazzjoni aħjar mhuwiex biss kliem fieragħ. Huwa fatt. Il-bidla fil-mod kif ir-regolamentazzjoni titħejja, bl-involviment aktar trasparenti mal-partijiet interessati u l-kunsiderazzjoni tal-fehmiet tagħhom b’mod sistematiku kienu muturi b’saħħithom għal bidla fil-kwalità u fl-iffokar tal-proposti tal-Kummissjoni. F’ħafna każijiet, l-għodod ta’ regolamentazzjoni aħjar għenu biex jitnaqqsu jew jiġu evitati spejjeż mhux meħtieġa, jiġu indirizzati l-problemi speċifiċi identifikati mill-partijiet interessati 19 u jitwasslu approċċi aktar proporzjonati, li jimponu inqas piż b’mod kollettiv.
|
Eżempji fejn kunsiderazzjonijiet għal regolamentazzjoni aħjar wasslu għal approċċi aktar proporzjonati. Deċentralizzazzjoni akbar tal-ġestjoni tal-għajnuna mill-Istat: kważi 90 % tal-każijiet ta’ għajnuna mill-Istat bħalissa huma mmaniġġati mill-Istati Membri mingħajr approvazzjoni minn qabel mill-Kummissjoni. Regoli għas-sigurtà marittima ġodda u aktar sempliċi ġew żviluppati abbażi tar-rakkomandazzjonijiet tal-verifika tal-idoneità mwettqa fil-qafas tal-programm REFIT. Bħala riżultat, is-sigurtà ta’ madwar 400 miljun passiġġier li jivvjaġġaw bħala medja kull sena fl-ilmijiet tal-UE tista’ tiġi żgurata b’mod aktar effettiv u effiċjenti 20 . Il-gwida tal-Kummissjoni mmirat sabiex tappoġġa lill-konsumaturi, lin-negozji u lill-awtoritajiet pubbliċi biex jinvolvu ruħhom b’mod kunfidenti fl-ekonomija kollaborattiva li tinbidel malajr. l-għan huwa li jiġi promoss ambjent regolatorju li jippermetti li jiġu żviluppati mudelli ġodda ta’ negozju filwaqt li jiġu protetti l-konsumaturi u tiġi żgurata tassazzjoni u kundizzjonijiet ta’ impjieg ġusti 21 . Rekwiżiti tal-approvazzjoni tat-tip għall-vetturi bil-mutur ġodda, aktar stretti u aktar trasparenti, inklużi dispożizzjonijiet ta’ monitoraġġ u sorveljanza msaħħa, ġew ippreżentati wara r-rivelazzjonijiet dwar l-użu ta’ “tagħmir ta’ riduzzjoni” li jipprevjenu kontroll adegwat tal-emissjonijiet ta’ ħsara mill-karozzi tal-passiġġieri 22 . |
It-triq ’il quddiem
Ir-regolamentazzjoni aħjar għandha l-għan li l-Unjoni Ewropea taħdem aħjar u trasparenti, b’enfasi qawwi fuq li ssir l-azzjoni b'mod sempliċi u biss fejn huwa importanti għaċ-ċittadini. Din hija ħidma għall-istituzzjonijiet kollha, u għall-Istati Membri. Kulħadd għandu interess fiha. Il-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet li ntlaħaq mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea u li daħal fis-seħħ fl-2016, jirrappreżenta pass sinifikanti 'l quddiem fil-kultura ta’ regolamentazzjoni aħjar. Iżda r-regolamentazzjoni aħjar hija fiha nnifisha aġenda dinamika. Jeħtieġ aktar azzjoni.
Il-Kummissjoni
Nibqgħu perseveranti: L-10 prijoritajiet tal-Kummissjoni Juncker se jkomplu jiffurmaw il-bażi tal-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2017, b’enfasi fuq il-proposti li l-aktar huma kruċjali biex jiġu indirizzati l-isfidi li l-UE qed tiffaċċja attwalment. Kif kien il-każ fl-aħħar sentejn, dawk il-proposti biss li għalihom ikun hemm każ tajjeb se jiġu inklużi fil-Programm ta’ Ħidma, u dawn se jiġu ppreparati abbażi ta’ valutazzjoni minn qabel tal-impatti, li tibni fuq il-feedback tal-partijiet interessati permezz tal-konsultazzjoni pubblika.
Il-ħidma tal-Pjattaforma REFIT, li qed tibda tħalli s-suġġerimenti u r-rakkomandazzjonijiet tagħha, se tagħti valur miżjud lill-proċess. L-oqsma li għandhom jiġu eżaminati għal titjib u simplifikazzjoni possibbli se jinkludu l-leġiżlazzjoni dwar sustanzi kimiċi, is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, is-servizzi finanzjarji, il-VAT u l-Politika Agrikola Komuni.
Ħidma flimkien: L-iżgurar li ċ-ċittadini tal-UE jistgħu jibbenefikaw minn regolamentazzjoni aktar sempliċi, aktar ċara u aktar immirata mhuwiex il-kompitu tal-Kummissjoni biss. Bidla fil-kultura ta’ kif isiru l-liġijiet fil-livell tal-UE tista’ sseħħ biss jekk l-atturi kollha involuti jinvolvu ruħhom f’din l-aġenda u jwettqu r-rwol tagħhom. Il-Kummissjoni qed tagħmel progress fl-implimentazzjoni tal-impenji tagħha skont il-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet u tistenna bil-ħerqa li taħdem flimkien mal-Parlament Ewropew u l-Kunsill.
It-tisħiħ tal-infurzar: Ħafna drabi mhuwiex in-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni tal-UE li huwa s-sors tal-problemi. Huwa pjuttost in-nuqqas ta’ applikazzjoni effettiva u rimedju għaċ-ċittadini. Għad hemm distakk sinifikanti bejn dak li hemm fis-sett ta' regoli tal-UE u r-regoli applikati fil-prattika. Il-Kummissjoni qiegħda tintensifika l-isforzi tagħha fuq l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-infurzar tal-liġi tal-UE. Is-sħubija mal-Istati Membri hi importanti u jeħtieġ li tiġi rinfurzata u msaħħa matul iċ-ċiklu tal-politika. Il-Kummissjoni se taħdem ukoll mal-Istati Membri biex tiżgura li ċ-ċittadini jkunu jistgħu faċilment jaċċessaw l-informazzjoni dwar kif ir-regoli tal-UE jiġu implimentati fil-livell nazzjonali u x’inhuma d-drittijiet tagħhom f’termini ta’ rimedju. Il-Kummissjoni tagħmel enfasi partikolari fuq dak il-ksur li jkollu impatt sinifikanti fuq il-kisba tal-għanijiet ta’ politika importanti tal-UE. Fl-istess ħin, se tissorvelja b’mod sistematiku jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali tkunx konformi mal-leġiżlazzjoni tal-UE u tagħmel iktar użu mill-possibbiltà li tipproponi sanzjonijiet finanzjarji lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Istati Membri jonqsu li jittraduċu l-liġi tal-UE fl-ordni legali nazzjonali tagħhom fi żmien xieraq.
Il-Parlament Ewropew / il-Kunsill:
Ir-rieda politika li jitjiebu l-kwalità u t-trasparenza fit-tfassil tal-liġijiet, issir leġiżlazzjoni f’dawk il-każijiet biss li jġibu benefiċċji ċari għaċ-ċittadini u jitneħħu l-liġijiet eżistenti obsoleti jew għaljin, hija komuni għat-tliet istituzzjonijiet ewlenin tal-UE. Flimkien mal-Kummissjoni, il-Parlament u l-Kunsill huma impenjati li jtejbu l-proċessi tagħhom f’konformità mar-regolamentazzjoni aħjar. Hemm għadd ta’ passi fejn jista’ jsir progress:
–Ir-riformulazzjoni — teknika użata sabiex jinġabru flimkien f’att ġdid waħdani l-att leġiżlattiv oriġinali u l-bosta emendi sussegwenti kollha magħmula lilu, għandha tkun il-metodu leġiżlattiv ewlieni biex jiġi prodott test leġiżlattiv uniku, ċar u li jinftiehem. Fejn ir-riformulazzjoni ma tkunx possibbli, l-għażla tal-kodifikazzjoni għandha tittieħed. Il-Kummissjoni se tipproduċi programm ta’ regolamenti soġġetti għar-riformulazzjoni u l-iskadenza prevista. Il-kooperazzjoni mill-qrib bejn it-tliet Istituzzjonijiet se tkun essenzjali biex jiġi żgurat segwitu effettiv.
–Il-potenzjal ta' simplifikazzjoni u tnaqqis tal-piż fil-proposti tal-Kummissjoni għandu jinżamm u jitjieb fil-proċess leġiżlattiv. Il-proposti maħsuba biex iġibu benefiċċji diretti għaċ-ċittadini u n-negozji għandhom jingħataw prijorità.
–F’konformità mal-Ftehim Interistituzzjonali, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jinħtieġ li jintensifikaw il-ħidma tagħhom ta' valutazzjonijiet ta’ impatt interni biex jappoġġaw l-emendi leġiżlattivi sostanzjali tagħhom. Sa issa, il-Parlament ivvaluta l-impatt ta’ madwar 30 emenda minn tiegħu, filwaqt li l-Kunsill ma vvaluta xejn u għadu qed jeżamina meta u kif jinħtieġ li jħejji dawn il-valutazzjonijiet. Bħala referenza, sa mill-2003, il-Kummissjoni ħejjiet kważi elf valutazzjoni tal-impatt biex tappoġġa l-proposti li tadotta.
–L-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri għandhom jaħdmu flimkien aktar mill-qrib biex jiżguraw monitoraġġ, kejl u evalwazzjoni aħjar tal-impatt reali tar-regolamentazzjoni tal-UE dwar l-ekonomija, l-istruttura soċjali u l-ambjent fl-Istati Membri.
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill huma mistiedna jikkooperaw u jaħdmu flimkien mal-Kummissjoni biex jiżviluppaw il-metodi u l-għodda meħtieġa biex japplikaw regolamentazzjoni aħjar u jimplimentaw l-impenji skont il-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.
Barra minn hekk, u għall-ewwel darba, din is-sena, it-tliet Istituzzjonijiet se jikkooperaw biex jidentifikaw, abbażi tal-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni, sett ta’ proposti li se jingħataw prijorità fil-proċess leġiżlattiv. Dan se jiżgura sjieda akbar u eżami aċċellerat ta’ bosta proposti importanti.
L-Istati Membri:
L-UE spiss tiġi kkritikata għall-burokrazija u l-piż regolatorju. Iżda ċerti drabi ċ-ċittadini u n-negozji jiskopru li huma l-gvernijiet nazzjonali stess li jżidu regoli żejda fil-proċess tat-traspożizzjoni fis-sistema legali nazzjonali, billi jżidu dawk mill-UE. Il-Ftehim Interistituzzjonali l-ġdid jipprova jġib ċarezza u responsabilità fil-mod li bih l-Istati Membri jimplimentaw ir-regoli tal-UE. Minn issa 'l quddiem, l-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni u jispjegaw liċ-ċittadini tagħhom, meta jżidu rekwiżiti addizzjonali għal-liġi tal-Unjoni fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom.
L-Istati Membri huma wkoll mistiedna biex jaħdmu mill-qrib mal-Kummissjoni biex jiżguraw it-traspożizzjoni u l-applikazzjoni f’waqthom u korretti tal-liġi tal-Unjoni.
|
Azzjonijiet ta’ prijorità Nibqgħu perseveranti: Il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2017 se jibqa' ffukati fuq ftit inizjattivi magħżula sew u jiffoka fost l-10 prijoritajiet fuq il-miżuri li jindirizzaw l-aktar sfidi urġenti li qed tħabbat wiċċha magħhom l-UE llum, u se jinkludi l-irtirar ta’ proposti leġiżlattivi obsoleti u suġġerimenti ta’ simplifikazzjoni wara l-ewwel riżultati tal-Pjattaforma REFIT. Inkunu trasparenti: Il-Kummissjoni hija impenjata favur it-trasparenza mtejba fil-kuntatti tagħha mal-partijiet interessati u mal-lobbyists. Il-Kummissjoni dalwaqt se tipproponi reġistru għat-trasparenza li jkopri lill-Kunsill kif ukoll lill-Parlament Ewropew. Nieħdu r-responsabbiltà: Il-Kummissjoni se tikkunsidra emendi għar-regoli li jirregolaw il-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni madwar l-UE kollha f’ċerti setturi sensittivi sabiex ikun żgurat li mhix biss il-Kummissjoni li tieħu r-responsabbiltà biex taġixxi meta l-Istati Membri ma jkunux jistgħu jagħtu opinjoni - Ir-rappurtar fuq il-piżijiet: Il-Kummissjoni se tippreżenta “stħarriġ annwali dwar il-piżijiet” lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jinkludi stima tal-possibbiltà ta’ objettivi għat-tnaqqis tal-piżijiet f’setturi ewlenin. It-tisħiħ tal-infurzar: Il-Kummissjoni se tippreżenta Komunikazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni biex tippromwovi applikazzjoni, implimentazzjoni u infurzar aktar effettivi, b’konformità mal-prijoritajiet politiċi tal-Kummissjoni. |