Brussell, 14.9.2016

COM(2016) 602 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

It-titjib tas-sigurtà f’dinja ta’ mobilità: skambju mtejjeb tal-informazzjoni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u fruntieri esterni li jifilħu aktar


1.    INTRODUZZJONI

Iż-żona Schengen hija waħda mill-egħżeż kisbiet tal-UE, li wasslet għal akkwisti ekonomiċi u soċjetali uniċi bħala żona bla kontrolli fil-fruntieri interni. Madankollu l-isfida taż-żamma tas-sigurtà f’Ewropa miftuħa tpoġġiet taħt test kbir f’dawn l-aħħar snin. Il-pressjoni tal-kriżi tal-migrazzjoni u tar-refuġjati flimkien ma’ mewġa ta’ attakki terroristiċi rrikjediet approċċ ġdid. L-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni u l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà 1 wrew kif il-kooperazzjoni aktar fil-fond tagħti tweġiba mhux biss f’termini ta’ rispons għall-kriżijiet, iżda wkoll f’termini ta’ użu minn ġabriet ta’ kompetenzi u għarfien kondiviżi sabiex tinbena sistema Ewropea aktar robusta u li treġġi aktar, waħda li tkun eżatt bħall-kompitu li jkunu provduti l-fruntieri li jifilħu u l-intelligence avvanzata li hemm bżonn sabiex tkun żgurata Ewropa sigura.

Permezz ta’ din il-Komunikazzjoni, din l-aġenda tittieħed pass ieħor ’il quddiem billi tistabbilixxi miżuri prattiċi sabiex din il-ħidma titħaffef u titwessa’. Tibni fuq kunsens qawwi – fl-istituzzjonijiet 2 u fl-opinjoni pubblika 3 – li l-UE trid tagħmel ħilitha biex tgħin lill-Istati Membri jipproteġu liċ-ċittadini, b’tali mod li jippermetti kemm jista’ jkun opportunitajiet għall-kooperazzjoni filwaqt li jkun garantit il-ħarsien sħiħ tad-drittijiet fundamentali li fuqhom huma msejsa s-soċjetajiet tal-UE.

L-isfond għal din il-ħidma jrid ikun sforz deċiż biex jinżamm il-progress dwar is-sensiela sħiħa ta’ miżuri skont l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni u l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà.

Fruntieri li jifilħu jfisser ukoll it-tnaqqis tar-riskju tal-pressjoni ta’ natura eċċezzjonali li dehret matul l-aħħar sena, billi jitkomplew l-isforzi kbar li saru sabiex tinġieb lura qagħda stabbli f’termini ta’ standards umanitarji u ġestjoni tal-migrazzjoni fid-dawl tal-kriżi. Dan ifisser approċċ komuni dwar l-ażil u r-ritorn filwaqt li jissaħħu r-rotot għall-migrazzjoni legali. Ifisser li jintuża l-Qafas ta’ Sħubija fil-ħidma biex jitnaqqsu l-kawżi li minnhom toriġina l-migrazzjoni irregolari u biex tissawwar fażi ġdida fil-kooperazzjoni dwar il-migrazzjoni ma’ sħab ewlenin 4 . B’dan il-mod, fruntiera esterna li tiflaħ se sservi ta’ pedament għal Schengen bħala żona bla kontrolli fil-fruntieri esterni – kif stabbilit fil-pjan direzzjonali “Lura lejn Schengen” 5 – u se ssaħħaħ il-mobilità.

Mil-lat tas-sigurtà, Unjoni tas-Sigurtà effettiva u ġenwina 6 tfisser Stati Membri li jaħdmu mill-qrib bejniethom dwar kwistjonijiet ta’ sigurtà, filwaqt li jagħrfu li s-sigurtà interna ta’ Stat Membru wieħed hija s-sigurtà interna tal-Istati Membri kollha u tal-Unjoni kollha kemm hi. Illum qabel għada hemm bżonn li titwettaq ħidma f’oqsma bħall-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u l-ġlieda kontriha, it-titjib tal-iskambju tal-informazzjoni, il-protezzjoni taċ-ċittadini u tal-infrastruttura kritika u t-trażżin għal kollox tal-aċċess tat-terroristi u tal-kriminali għall-armi tan-nar jew tal-ħtiġijiet ta’ finanzjament, sabiex tintuża kull opportunità li l-UE għandha għad-dispożizzjoni tagħha biex tindirizza t-theddid għas-sigurtà. Implimentazzjoni kompluta u mħaffa f’dawn l-oqsma kollha tkun ta’ imbuttatura sabiex jibqa’ jsir avvanz.

Din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi flussi ta’ ħidma ewlenin sabiex issir implimentazzjoni ulterjuri tal-Aġendi Ewropej dwar il-Migrazzjoni u s-Sigurtà u l-Unjoni tas-Sigurtà. Meta jitqiesu flimkien, il-miżuri huma elementi fundamentali ewlenin għall-ġestjoni tal-migrazzjoni, għall-iffaċilitar tal-ivvjaġġar bona fide u għall-ħidma mal-Istati Membri biex tittejjeb is-sigurtà. Aktar ma s-sistemi effettivi u interattivi jkunu implimentati malajr, aktar jinħassu malajr il-benefiċċji. Għaldaqstant din il-Komunikazzjoni turi kif din il-ħidma trid titħaffef, kif ukoll tenfasizza żviluppi ulterjuri fuq terminu qasir sabiex tittejjeb aktar il-ġestjoni tal-fruntieri esterni, jkunu indirizzati l-ħtiġijiet tas-sigurtà u jkun żgurat li l-gwardji tal-fruntieri, l-awtoritajiet doganali, is-servizzi tal-ażil, l-uffiċjali tal-pulizija u l-awtoritajiet ġudizzjarji jkollhom l-informazzjoni korretta. Dan l-użu intensifikat tad-dejta jpoġġi piż partikolari fuq il-ħtieġa li jkunu mħarsa d-drittijiet fundamentali u r-regoli tal-protezzjoni tad-dejta – dan ifisser sistemi tat-teknoloġija u tal-informazzjoni mfassla b’mod tajjeb, użati korrettament u rregolati kif suppost, u salvagwardji kompluti sabiex tkun żgurata l-protezzjoni tal-ħajja privata u tad-dejta personali.

2.    MOBILITÀ U SIGURTÀ PERMEZZ TA’ FRUNTIERI LI JIFILĦU U SKAMBJU EFFETTIV TAL-INFORMAZZJONI

Il-fruntieri esterni li jifilħu għandhom rwol ewlieni sabiex jingħata lok għall-mobilità interna. Dan jgħodd aktar u aktar għall-Unjoni Ewropea, fejn il-qawwa tal-fruntiera esterna hija prekundizzjoni għall-moviment liberu fi ħdan iż-żona Schengen. Kull sena, il-fruntiera ta’ Schengen tinqasam daqs 400 miljun darba miċ-ċittadini tal-UE, u 200 miljun darba minn ċittadini mhux tal-UE. Ir-realità kwotidjana tal-kontroll fil-fruntieri hija ta’ importanza ewlenija għall-ekonomija tal-UE, għas-soċjetà tal-UE, u għar-relazzjonijiet mal-ġirien tagħna.

Il-kontroll fil-fruntieri jeħtieġ li joffri kemm effiċjenza kif ukoll sigurtà. Ivvjaġġar bla intoppi għall-miljuni ta’ ċittadini Ewropej u mhux Ewropej li jaqsmu l-fruntieri jrid joffri proċeduri ssemplifikati u anqas ta’ skariġġ biex ikunu ta’ ġid kemm għaċ-ċittadini tal-UE u għall-vjaġġaturi bona fide minn pajjiżi terzi. Ir-riżultat huwa benefiċċju ekonomiku kbir għal ekonomija tal-UE mibnija fuq il-kummerċ, u ffrankar għall-awtoritajiet pubbliċi li jinsabu taħt pressjoni kbira. Iżda fl-istess waqt, irid isaħħaħ l-objettivi l-oħra tal-ġestjoni tal-fruntieri, bħall-indirizzar tal-migrazzjoni irregolari, u l-identifikar tar-riskji għas-sigurtà. It-tweġiba tinsab fl-ibbilanċjar tat-talbiet differenti ta’ ġestjoni tal-fruntieri bis-saħħa ta’ passi effiċjenti, siguri u komprensivi mfassla apposta skont it-tipi differenti ta’ wasliet, billi l-benefiċċji taż-żieda fil-mobilità jpaċu man-neċessità tas-sigurtà.

Bosta vjaġġaturi jkunu qegħdin ifittxu soġġorn qasir fl-UE għal skopijiet ta’ negozju, divertiment jew studju, u jidħlu permezz ta’ viża meta meħtieġ. F’dawn il-każijiet, bħalma huwa l-każ tar-rotot legali kollha biex wieħed jidħol fl-UE, il-fruntiera tirrappreżenta opportunità biex ikun ivverifikat li l-kundizzjonijiet għad-dħul huma ssodisfati u biex il-persuni jingħataw merħba fl-Ewropa.

Madankollu l-kriżi tal-migrazzjoni u tar-refuġjati tefgħet dawl fuq il-ħtieġa partikolari ta’ ġestjoni tal-wasliet irregolari. L-UE għandha obbligi fil-konfront ta’ dawk li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali, li jeħtieġu li jkunu ddirezzjonati lejn is-sistema tal-ażil. Min-naħa l-oħra, dawk li ma jkunux użaw ir-rotot legali disponibbli u ma għandhom l-ebda jedd li jissoġġornaw, jeħtieġ li jirritornaw jew jiġu rritornati. Għaldaqstant huwa essenzjali li kulħadd ikun irreġistrat kif mitlub mad-dħul fiż-żona Schengen, ikun soġġett għal proċeduri kif suppost ta’ identifikazzjoni u ta’ skrinjar, u jkun ospitat f’faċilitajiet li jiżguraw li jkunu jistgħu jsiru l-verifiki neċessarji.

Mir-rispons għall-kriżi tal-migrazzjoni u tar-refuġjati ntwera biċ-ċar li hemm nuqqasijiet u xquq, inklużi dgħufijiet fil-fruntieri esterni tal-UE. Kien hemm bżonn ta’ sforzi kbar biex titreġġa’ lura l-ġestjoni tal-fruntieri effettiva. Dawn jinkludu l-ħidma bla preċedent biex jingħata appoġġ lill-Istati Membri l-aktar esposti permezz tal-approċċ “hotspot”; il-ħidma pass wara pass biex titreġġa’ lura l-applikazzjoni dixxiplinata tar-regoli ta’ Schengen sabiex il-fruntiera esterna tkun protetta; u livell profond ta’ kooperazzjoni u ta’ koordinazzjoni sabiex jinżamm skrutinju kwotidjan tas-sitwazzjoni li tkun qiegħda tevolvi. Dawn l-isforzi jridu jitkomplew, b’mod l-aktar evidenti fil-Greċja u fl-Italja fejn għad hemm dgħufijiet fl-istrutturi implimentati, fil-ħeffa tal-implimentazzjoni, u fil-forniment ta’ kompetenzi essenzjali minn Stati Membri oħra. Għal dan l-għan, l-implimentazzjoni mill-aktar fis tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta hija essenzjali.

Filwaqt li l-fruntieri huma biss parti mis-soluzzjoni għas-sigurtà, xquq fil-kontroll fil-fruntieri jwasslu għal xquq fis-sigurtà. It-tfaċċar ta’ ġellieda terroristi barranin bħala riskju kbir għas-sigurtà enfasizza t-theddida transfruntiera u l-importanza partikolari tal-verifika fil-fruntieri komprensivi u effettivi, inklużi fuq iċ-ċittadini tal-UE. Dan jiżdied mat-tħassib aktar mifrux li l-ġlieda kontra t-terroriżmu ġiet ostakolata minħabba l-kapaċità tat-terroristi li joperaw b’mod transfruntier, li ħarġet fil-beraħ ix-xquq fil-kondiviżjoni ta’ intelligence ewlenija.

L-UE tista’ tuża l-opportunitajiet għal approċċ komuni sabiex tibni sistema b’saħħitha li tisfrutta l-kobor tagħha sabiex tipprovdi aktar sigurtà għaċ-ċittadini. Kieku l-UE tuża mija fil-mija l-għodod tagħha tal-infurzar tal-liġi u tal-kontroll fil-fruntieri, tisfrutta l-potenzjal tal-interoperabbiltà bejn is-sorsi ta’ informazzjoni biex tidentifika kwalunkwe tħassib rigward is-sigurtà minn ġabra komuni ta’ informazzjoni, u tuża l-istadju tad-dħul fl-UE bħal punt ewlieni biex jitwettqu l-verifiki tas-sigurtà, ir-riżultat ikun wieħed li jxejjen il-kapaċità tan-netwerks tat-terroristi li jisfruttaw ix-xquq. Dan jinsab fil-qalba tal-Unjoni tas-Sigurtà.

Dan jixħet l-attenzjoni fuq il-proċeduri tad-dħul u fuq il-ġestjoni tal-fruntieri esterni. Jitlob għal verifiki bir-reqqa, iżda li jevitaw dewmien mhux meħtieġ, u jindika l-benefiċċji tal-iskrinjar qabel l-ivvjaġġar. Jeħtieġ kwalità u ċertezza fid-dokumenti tal-identità, li jkunu ffaċilitati bis-saħħa ta’ fatturi ta’ sigurtà paragunabbli u approċċi komuni għall-ġlieda kontra l-frodi tad-dokumenti. Jenfasizza l-ħtieġa ta’ kontrolli fil-fruntieri li jkunu siguri, mħaffa u moderni, b’sistemi u proċeduri li jagħtu lok għal aċċess fil-pront u affidabbli għall-informazzjoni meħtieġa sabiex isseħħ il-verifika tal-identità u tal-istatus.

L-evitar tax-xquq fis-sigurtà permezz ta’ approċċ komuni

F’April 2016, il-Kummissjoni nediet dibattitu dwar kif għandhom ikunu żviluppati sistemi ta’ informazzjoni aktar b’saħħithom u aktar intelliġenti 7 sabiex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet u x-xquq fl-arkitettura u fl-interoperabbiltà tas-sistema ta’ dejta attwali u sabiex ikun sfruttat il-potenzjal kollu ta’ dawn is-sistemi biex jiġi identifikat theddid għas-sigurtà, f’konformità sħiħa mar-regoli tal-protezzjoni tad-dejta. Il-prestazzjoni ta’ sistema hija naturalment ikkundizzjonata wkoll mill-kwalità tad-dejta li tkun tinsab fiha, u għaldaqstant hemm il-ħtieġa li l-Istati Membri jimplimentaw u jużaw bis-sħiħ ir-regoli u s-sistemi eżistenti – bħas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen, is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża, il-bażi ta’ dejta tal-Interpol rigward id-Dokumenti tal-Ivvjaġġar Misruqa u Mitlufa, il-bażijiet ta’ dejta tal-EURODAC u tal-Europol.

Quddiem it-theddida terroristika li għandna quddiemna llum, l-effiċjenza tal-verifika tas-sigurtà tiddependi ferm fuq l-iskambju tal-informazzjoni mhux biss bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, iżda wkoll bejn il-komunitajiet tal-intelligence. Kondiviżjoni tal-informazzjoni b’mod effettiv u f’waqtha fost l-awtoritajiet rilevanti hija prerekwiżit għal azzjoni kontra t-terroriżmu li tirnexxi. Madankollu għad hemm frammentazzjoni kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak Ewropew li tista’ twassal għal xquq perikolużi fis-sigurtà. Hija u tibni l-pontijiet bejn iż-żewġ komunitajiet, l-UE tista’ tgħin kemm billi taġġorna l-mekkaniżmu tal-UE billi tuża kompletament il-possibbiltajiet għal kooperazzjoni skont it-Trattati tal-UE, u billi tgħin biex tnissel kultura ta’ responsabbiltà komuni, u r-rieda u l-kapaċità li din tinbidel f’azzjoni operazzjonali.

3.    PASSI OPERAZZJONALI EWLENIN

3.1    Il-ħolqien ta’ ġestjoni Ewropea integrata tal-fruntieri: Il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ħadu azzjoni fil-pront sabiex jintlaħaq ftehim dwar il-proposta tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta: 8 wara adozzjoni formali tar-Regolament din il-ġimgħa, issa kollox jinsab lest biex il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta tibda topera b’mod sħiħ.

Il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta tirrappreżenta avvanz kbir fil-ġestjoni tal-fruntieri tal-UE. Fil-mira tagħha hemm speċifikament id-dgħufijiet li tant kienu evidenti matul il-kriżi tal-migrazzjoni u tar-refuġjati: il-frammentazzjoni tal-isforzi, in-nuqqas ta’ konsistenza fil-kontroll fil-fruntieri, u n-nuqqasijiet fil-forniment ta’ għarfien espert nazzjonali. Se tagħti lok għal ġestjoni integrata tal-fruntieri billi tiġbor flimkien l-Aġenzija Ewropea l-ġdida għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta u s-servizzi nazzjonali responsabbli għall-ġestjoni tal-fruntieri, inklużi l-gwardji tal-kosta sa fejn dawn iwettqu kompiti ta’ kontroll fil-fruntieri 9 . L-Aġenzija se tkompli fuq il-ħidma tal-Frontex b’kompiti ġodda f’oqsma bħar-ritorn, filwaqt li torganizza approċċ Ewropew sistematiku. Se tifformalizza l-approċċ “hotspot” li qiegħed jintuża llum sabiex ikunu megħjuna l-Istati Membri li jinsabu taħt l-eqqel pressjoni. B’mod sinifikattiv, se tiżgura standards għoljin u uniformi, b’valutazzjonijiet mandatorji tal-vulnerabbiltà sabiex jiġu vvalutati l-kapaċità u t-tħejjija tal-Istati Membri, u fl-aħħar mill-aħħar, l-Aġenzija tista’ tingħata l-kompitu li tintervjeni direttament fit-territorju ta’ Stat Membru 10 .

Ir-riżultat jirrappreżenta aġġornament radikali tal-kapaċità tal-UE li tirreaġixxi għall-isfida li tvarja tal-migranti li jaslu fil-fruntiera esterna tal-UE. Il-kapaċità ta’ rispons se tkun fuq bażi permanenti, b’ġabriet komuni permanenti ta’ gwardji tal-fruntieri nazzjonali –b’minn tal-anqas 1 500 ruħ – u tagħmir tekniku, minflok ma tiddependi fuq kontributi b’mod volontarju bl-iskossi. Apparti li tkun żgurata ġestjoni dixxiplinata fil-fruntiera esterna, tkun tfisser ukoll it-twettiq ta’ verifiki kif suppost tal-identità u tas-sigurtà. Dan huwa wkoll marbut mal-ħtieġa li  tiġi mmodifikata l-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen sabiex tkun tirrikjedi verifiki sistematiċi 11 .

Il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta se tkun ukoll fundamentali għas-sigurtà. Se taħdem flimkien ma’ Aġenziji oħra bħall-Europol u l-Eurojust sabiex tippreveni u tidentifika l-kriminalità transfruntiera bħall-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali, it-traffikar ta’ bnedmin u t-terroriżmu 12 . Se tkun ukoll ta’ appoġġ għall-Istati Membri permezz ta’ għarfien espert fil-fruntieri esterni, pereżempju bħala parti mill-operazzjonijiet kontra min jiffaċilita d-dħul klandestin tal-migranti. Il-membri tat-timijiet li jwettqu operazzjoni ta’ ġestjoni tal-fruntieri, issa se jkunu jistgħu jikkonsultaw bażijiet ta’ dejta Ewropej, inklużi bażijiet ta’ dejta tal-infurzar tal-liġi. Dan se jiżgura li t-timijiet in situ jkollhom aċċess għall-informazzjoni li jkollhom bżonn – u dan jista’ jkun estiż għall-bażijiet ta’ dejta nazzjonali għad-diskrezzjoni tal-Istat Membru ospitanti. 13 Il-kooperazzjoni approfondita mal-Europol u mal-Eurojust se tkun tirrikjedi attenzjoni partikolari għall-protezzjoni tad-dejta. Id-dejta personali se tinġabar matul l-attivitajiet operazzjonali tal-Aġenzija, rigward persuni li jkunu suspettati, għal raġunijiet raġonevoli, mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, b’involviment f’attivitajiet kriminali transfruntiera, bħall-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali, it-traffikar ta’ bnedmin u t-terroriżmu. Din se tkun trażmessa lill-Europol u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri b’mod sistematiku u bla dewmien, f’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali u mar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-dejta.

Huwa fundamentali li l-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta tkun operattiva. Il-fatt li l-Aġenzija l-ġdida se taħdem fuq il-bażi tal-Frontex tal-preżent ifisser li tista’ tibda timplimenta l-kompiti ewlenin tagħha mill-ewwel jum ta’ ħidma. Il-Kummissjoni, il-Frontex u l-Istati Membri antiċipaw il-ħidma ta’ tħejjija għat-tnedija tal-operazzjonijiet kompluti tagħha. Ġew identifikati ħames prijoritajiet operazzjonali għal azzjoni saħansitra qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament il-ġdid. Dawn jinvolvu l-implimentazzjoni tal-ġbir komuni mandatorju ta’ riżorsi, it-twittija tat-triq għall-valutazzjonijiet tal-vulnerabbiltà billi tkun iddeterminata metodoloġija komuni u titwettaq valutazzjoni pilota, it-teħid tal-ewwel passi fir-rigward tal-kompiti l-ġodda relatati mar-ritorn, u t-tħejjija ta’ mudelli standard għal kompiti rikorrenti bħall-mekkaniżmu ta’ lmenti u ftehimiet dwar l-istatus ma’ pajjiżi terzi. B’riżultat ta’ dawn, il-funzjonijiet ewlenin tal-Aġenzija se jkunu operazzjonali.

Dawn it-tħejjijiet b’ritmu mgħaġġel iridu jitwettqu fl-istess waqt tal-isforzi intensifikati biex tinżamm il-pressjoni sabiex ikunu żgurati fruntieri li jifilħu fil-qafas tar-reġim attwali. L-operazzjonijiet tal-Frontex li jinsabu għaddejjin fil-Greċja u fl-Italja jibqgħu indispensabbli biex il-ġestjoni tal-fruntieri titreġġa’ lura għan-normal f’dawk l-Istati Membri. Operazzjonijiet oħra fil-Balkani, pereżempju fil-Bulgarija, huma wkoll essenzjali sabiex ikun evitat li jitfaċċaw rotot ġodda ta’ faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali. L-intensifikar ta’ dawn l-operazzjonijiet u t-twettiq tagħhom bla intoppi skont il-qafas tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta huwa wkoll kruċjali biex jerġgħu jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet sabiex it-tħaddim ta’ Schengen jirritorna għan-normal sat-tmiem l-2016. Dan ifisser li kollox irid ikun lest biex jibdew joperaw l-ewwel Gwardji Ewropej tal-Fruntiera f’Ottubru 2016. Għaldaqstant, għall-Istati Membri hija ta’ ħtieġa urġenti li jindirizzaw in-nuqqasijiet attwali fil-forniment ta’ esperti biex jitwieġbu s-sejħiet tal-Frontex għall-Greċja, għall-Italja u għall-Bulgarija 14 .

Ta ’ importanza wkoll huma ż-żieda fil-baġit u fil-persunal tal-Aġenzija, bħala konsegwenza tal-estensjoni tal-mandat attwali tal-Frontex u kompiti ġodda. Dan se jkun ifisser li l-baġit se jkun żdied b’aktar mit-triplu – sa tmiem l-2017, il-livell ta’ persunal għall-Aġenzija se jkun żdied b’aktar mid-doppju ta’ dak li oriġinarjament kien previst għall-Frontex. Sabiex jingħata appoġġ għat-tħaffif tal-implimentazzjoni tar-Regolament, jeħtieġ li jkun hemm forniment bil-quddiem parzjali tar-riżorsi umani addizzjonali li huma previsti għall-2017. Il-Kummissjoni se tressaq proposta lill-awtorità baġitarja sabiex l-Aġenzija tingħata permess li tħaddem membri tal-persunal qabel it-tmiem ta’ din is-sena. Ir-riżultat għandu jkun li l-Aġenzija tkun kapaċi tieħu f’idejha t-tmun tal-operazzjonijiet eżistenti tal-Frontex u twieġeb b’mod komplut għal kwalunkwe ħtieġa li titfaċċa.

Il-Kummissjoni hija impenjata li tipprovdi assistenza finanzjarja għal ħtiġijiet urġenti lil Stati Membri li qegħdin jaffaċċjaw pressjoni estrema fil-fruntieri esterni tal-Unjoni. Il-Kummissjoni se tuża wkoll is-sensiela sħiħa ta’ possibbiltajiet ta’ finanzjament tal-UE, l-aktar evidenti l-appoġġ għall-fruntieri permezz tal-Fond għas-Sigurtà Interna, sabiex tappoġġja l-ħidma fuq terminu medju u twil tal-Istati Membri biex jiggarantixxu r-responsabbiltajiet tagħhom li jipprovdu fruntiera esterna li tiflaħ. Użu komplut ta’ dawn l-opportunitajiet jista’ jkun appoġġ kbir għall-iżvilupp ta’ miżuri ta’ kwalità għolja u konsistenti li jirrigwardaw il-fruntieri.

Il-passi li jmiss:

Jenħtieġ li l-Istati Membri:

-Jirranġaw in-nuqqasijiet attwali b’rispons għas-sejħiet għal esperti għall-operazzjonijiet tal-Frontex fil-Greċja, fl-Italja u fil-Bulgarija.

-Permezz tas-sehem fil-Bord ta’ Amministrazzjoni, jappoġġjaw it-tħaffif tal-ħidma tal-Aġenzija l-ġdida.

-Jiżguraw li l-kontributi nazzjonali għall-ġabriet komuni ta’ reazzjoni rapida u tagħmir tekniku jkunu lesti biex jintużaw b’mod sħiħ mill-“ewwel jum” – inkluż li jinbdew minn issa t-taħditiet bilaterali annwali sabiex il-kontributi għall-2017 ikunu ċari sew qabel tmiem din is-sena.

Jenħtieġ li l-Frontex:

-Tiżgura li l-metodoloġija għall-valutazzjoni tal-vulnerabbiltà tkun miftiehma f’Ottubru 2016 u l-valutazzjoni pilota titlesta f’Novembru 2016, sabiex is-sett komplut tal-ewwel valutazzjonijiet tal-vulnerabbiltà jitlesta fl-ewwel tliet xhur tal-2017.

-Tiżgura li l-ġabriet komuni ta’ esperti u tagħmir ikunu jistgħu jitħaddmu kompletament mill-ewwel jum operattiv.

-Tħaffef ir-reklutaġġ ta’ persunal addizzjonali sabiex twettaq il-mandat imsaħħaħ tal-Aġenzija.

-Tiżgura li l-ewwel Gwardji Ewropej tal-Fruntiera jkunu lesti biex jibdew joperaw f’Ottubru 2016.

Il-Kummissjoni se:

-Tadotta l-mudell tal-ftehim dwar l-istatus ma’ pajjiżi terzi sal-aħħar ta’ Ottubru.

-Tadotta, f’Settembru 2016, il-proposti baġitarji meħtieġa sabiex l-Aġenzija tkun tista’ tħaddem persunal addizzjonali f’qasir żmien, b’mod partikolari proposta għall-emendar tal-baġit tal-2016.

-Tkompli tipprovdi assistenza finanzjarja f’waqtha f’każijiet ta’ emerġenza lil Stati Membri li qegħdin jaffaċċjaw pressjoni estrema fil-fruntieri esterni.

-Tipprovdi assistenza amministrattiva lill-Aġenzija sabiex tiffaċilita t-tħaddim ta’ persunal addizzjonali neċessarju.

-Tisfrutta l-possibbiltajiet fuq terminu medju u twil offruti mill-fondi tal-UE sabiex tappoġġja l-kapaċitajiet tal-Istati Membri fil-fruntieri esterni.

Jenħtieġ li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill:

-Sal-aħħar ta’ Ottubru, jaqblu dwar l-emenda proposta tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.

-Jgħaddu mill-aktar fis l-emenda tal-baġit sabiex jingħata lok għal reklutaġġi għall-Aġenzija l-ġdida.

3.2    Kontrolli aktar b’saħħithom permezz tas-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES, Entry-Exit System)

Il-Kummissjoni proponiet Sistema ġdida ta’ Dħul/Ħruġ f’April 2016 15 . Is-Sistema se tiġbor dejta (l-identità, id-dokumenti tal-ivvjaġġar u l-bijometrika) u tirreġistra d-dejta dwar id-dħul u l-ħruġ (id-data u l-post ta’ dħul u ħruġ) fil-punt ta’ qsim tal-fruntiera. Din is-sistema aktar moderna ta’ ġestjoni tal-fruntieri esterni, li tieħu post l-ittimbrar tal-passaporti, se ttejjeb l-effettività tal-kontrolli fil-fruntieri u se tgħin sabiex tiffaċilita l-qsim tal-fruntieri ta’ vjaġġaturi bona fide li jħabbtu wiċċhom mar-riskju ta’ dewmien żejjed minħabba n-numru ta’ vjaġġaturi li qiegħed dejjem aktar jiżdied.

Se jkollhom rwol partikolarment importanti fl-iżgurar li r-regoli jkunu applikati għall-aċċess fl-UE mingħajr ħtieġa ta’ viża, kif ukoll għall-aċċess awtorizzat permezz ta’ viża. Se tgħin ukoll sabiex min jibqa’ aktar milli suppost (individwi li jibqgħu fiż-żona Schengen wara li jintemm is-soġġorn awtorizzat tagħhom) ikun identifikat. Ir-regoli dwar dħul għal soġġorn qasir (massimu ta’ 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum) fiż-żona Schengen japplikaw għaċ-ċittadini kollha ta’ pajjiż terz. Għaldaqstant se tkun għodda kruċjali għall-identifikar taċ-ċittadini kollha ta’ pajjiż terz li jibqgħu fiż-żona Schengen wara dan il-perjodu.

Din is-Sistema se tagħti wkoll kontribut għas-sigurtà b’mod aktar mifrux, billi se tidentifika u tiġġieled il-frodi tal-identità kif ukoll l-użu ħażin tad-dokumenti tal-ivvjaġġar u tentattivi ripetuti possibbli ta’ żgiċċar tal-kontrolli, billi se tirreġistra wkoll ir-rifjuti ta’ dħul. Il-possibbiltà li l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jkollhom aċċess għas-sistema se tappoġġja l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata. Bħala tali se tikkontribwixxi għall-prevenzjoni, għall-identifikar u għall-investigazzjoni tat-terroriżmu u ta’ reati oħra serji. Il-proposta leġiżlattiva hija parti mill-“Pakkett dwar Fruntieri Intelliġenti” aktar mifrux, li jindirizza r-rwol tas-sistemi ta’ informazzjoni fit-tisħiħ tal-ġestjoni tal-fruntieri esterni, tas-sigurtà interna u tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata. Din tinkludi wkoll il-Komunikazzjoni dwar is-“Sistemi ta’ Informazzjoni aktar b’saħħithom u aktar intelliġenti għall-Fruntieri u s-Sigurtà” u l-proposta ulterjuri ta’ emenda tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen sabiex ikunu integrati l-bidliet tekniċi meħtieġa għas-Sistema ta’ Dħul u Ħruġ.

Kien hemm progress sinifikanti u rapidu fir-rigward tal-proposti ġuridiċi fil-Kunsill, kemm fil-livell tekniku kif ukoll f’dak politiku. Jeħtieġ li tinżamm id-data ta’ tmiem l-2016 bħala d-data fil-mira għall-adozzjoni mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. Dan jippermetti li eu-LISA tibda tiżviluppa s-sistema fl-2017, bl-għan li s-sistema tkun kompletament operattiva fil-bidu tal-2020.

Il-passi li jmiss:

Jenħtieġ li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill:

-Sa tmiem l-2016, jaqblu dwar ir-Regolament għat-twaqqif ta’ Sistema ta’ Dħul u Ħruġ.

3.3    L-ivverifikar minn qabel tal-vjaġġaturi mingħajr ħtieġa ta’ viża: Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS, European Travel Information and Authorisation System)

Qasam ta’ importanza dejjem tikber sabiex jinstab bilanċ bejn il-mobilità u s-sigurtà jikkonċerna d-dħul legali fiż-żona Schengen mingħajr il-ħtieġa ta’ viża. Il-liberalizzazzjoni tal-viża wriet li kienet għodda importanti fit-tiswir ta’ sħubijiet ma’ pajjiżi terzi, inkluż bħala mezz biex tiżgura sistemi effettivi ta’ ritorn u ta’ riammissjoni, u biex iżżid l-attraenza tal-UE għan-negozji u għat-turiżmu 16 . Hemm ukoll element importanti ta’ reċiproċità, bil-liberalizzazzjoni tal-viża li ġeneralment tgħodd għaż-żewġ naħat, għaliex tippermetti wkoll liċ-ċittadini tal-UE jivvjaġġaw aktar faċilment lil hinn mill-UE. Dan jindika żieda kostanti fit-tkattir tal-għadd ta’ vjaġġaturi eżenti mill-viża fiż-żona Schengen. Saff addizzjonali 17 ta’ kontroll sistematiku għal ċittadini ta’ pajjiżi mingħajr il-ħtieġa ta’ viża jkun jikkomplementa b’mod mill-aktar siewi l-miżuri eżistenti sabiex tinżamm u tissaħħaħ is-sigurtà taż-żona Schengen.

L-idea li tkun stabbilita Sistema tal-UE ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) tnediet fil-Komunikazzjoni dwar is-Sistemi ta’ Informazzjoni aktar b’saħħithom u aktar intelliġenti f’April 2016. Il-Kummissjoni issa ddeċidiet li tressaq proposta għal sistema bħal din. Din tkun sistema awtomatizzata li tintuża biex tiddetermina l-eliġibbiltà ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma eżenti mill-viża li jivvjaġġaw fiż-Żona Schengen. Pajjiżi bħall-Istati Uniti, il-Kanada u l-Awstralja diġà jużaw sistemi simili u jikkunsidrawhom bħala parti importanti mill-protezzjonijiet tas-sigurtà essenzjali tagħhom – u b’hekk dawn is-sistemi issa huma familjari għal bosta Ewropej 18 . Bħala minimu, din tkun tkopri ċ-ċittadini kollha ta’ pajjiżi terzi li huma eżentati mill-viża li jivvjaġġaw lejn iż-Żona Schengen għal soġġorn qasir (massimu ta’ 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum). Se tiġbor informazzjoni dwar dawn il-vjaġġaturi qabel iseħħ l-ivvjaġġar tagħhom, sabiex ikun hemm lok għal ipproċessar minn qabel. Għall-vjaġġaturi, din tipprovdilhom is-serħan il-moħħ li se jkunu jistgħu jgħaddu mill-fruntieri bla intoppi. Għall-awtoritajiet tal-UE, din tippermetti li jsiru l-verifiki għal xi riskju potenzjali għas-sigurtà. Għaldaqstant se taqdi żewġ funzjonijiet – il-ġestjoni tal-fruntieri u l-infurzar tal-liġi.

Sistema bħal din tippermetti li jkun hemm verifiki ma’ bażijiet oħra ta’ dejta u tivverifika l-applikazzjoni ma’ kriterji u kundizzjonijiet stabbiliti. L-objettivi jkunu li jiġi żgurat li:

l-applikant ma kellu l-ebda applikazzjoni għal viża rrifjutata fis-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (valida għal ċittadini ta’ pajjiżi li ngħataw l-istatus ta’ eżenzjoni mill-viża biss dan l-aħħar);

l-applikant u d-dokument tal-ivvjaġġar tiegħu/tagħha ma jkunx soġġett għal allerta fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen;

l-applikant ma jkunx soġġett għal allerta fis-Sistema ta’ Informazzjoni tal-Europol;

id-dokument tal-ivvjaġġar ma jkunx ġie rrappurtat bħala misruq jew mitluf fil-bażi tad-dejta tal-Interpol;

dwar l-applikant ma jkun ġie rrappurtat l-ebda soġġorn lil hinn mil-limitu jew rifjut ta’ dħul fis-Sistema ta’ Dħul u Ħruġ fil-futur;

l-ivvjaġġar previst jikkonforma mar-regoli ta’ soġġorn qasir (id-durata prevista flimkien mal-ivvjaġġar fil-passat eżistenti hija kompatibbli mar-regola ta’ 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum);

l-applikant jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ dħul kif definiti fil-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen.

Se jkun ukoll possibbli li jinħoloq kollegament mal-bażijiet ta’ dejta tal-Informazzjoni Antiċipata dwar il-Passiġġieri u tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri 19 . L-applikazzjonijiet li jiġu rrifjutati mill-ipproċessar awtomatiku jkunu trasferiti għand tim ċentrali, pereżempju f’Aġenzija eżistenti tal-UE – li tkun tista’ titratta l-kwistjonijiet mhux kumplessi bħan-nuqqas ta’ rispett tar-regoli ta’ soġġorn qasir. L-applikazzjonijiet li jkunu soġġetti għal allerta f’bażi ta’ dejta jistgħu jintbagħtu lill-Istat(i) Membru/i responsabbli mill-allerta għal verifiki ulterjuri, pereżempju permezz ta’ intervista lill-applikant f’uffiċċju konsulari.

Il-proposta tal-Kummissjoni se tindirizza kwistjonijiet li jinkludu l-kostijiet għall-iżvilupp u t-tħaddim tas-sistema, it-tip ta’ dejta li se tinġabar u li se tkun ivvalutata, l-interoperabbiltà ma’ sistemi oħra eżistenti u dawk fil-futur, kwistjonijiet operazzjonali fil-fruntieri, l-ipproċessar tad-dejta, l-aspetti ġuridiċi (inklużi kunsiderazzjonijiet ta’ protezzjoni tad-dejta), implikazzjonijiet ta’ riżorsi umani, u l-impatt fuq it-turiżmu u n-negozju.

Il-passi li jmiss:

Il-Kummissjoni se:

-Tkun involuta f’konsultazzjonijiet ulterjuri u se tippreżenta proposta leġiżlattiva għat-twaqqif ta’ Sistema tal-UE ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) sa Novembru 2016.

3.4    It-titjib tal-ġestjoni tal-identitajiet u t-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-frodi tad-dokumenti: Is-Sigurtà tad-Dokumenti

Dokumenti siguri tal-ivvjaġġar u tal-identità huma kruċjali kull darba li jkun meħtieġ li tiġi stabbilita fiċ-ċert l-identità ta’ persuna. Ġestjoni aħjar tal-moviment liberu, tal-migrazzjoni u tal-mobilità tiddependi fuq sistemi robusti sabiex ikunu evitati abbużi u theddid għas-sigurtà interna permezz ta’ dgħufijiet fis-sigurtà tad-dokumenti.

L-UE żviluppat approċċ koerenti sabiex id-dokumenti tal-ivvjaġġar ikunu siguri, pereżempju billi bdiet tuża d-dejta bijometrika. Dan wassal għal soluzzjonijiet armonizzati għall-passaporti taċ-ċittadini tal-UE, 20 għad-dokumenti għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi, 21 u għal sistemi ta’ informazzjoni 22 . Ġew żgurati standards għoljin marbuta mal-protezzjoni tad-dejta personali.

Madankollu, hemm evidenza ta’ żieda fil-frodi tad-dokumenti f’żoni b’riskju għoli 23 . Barra minn hekk, in-natura tal-frodi tad-dokumenti qiegħda tevolvi b’pass mgħaġġel. In-netwerks kriminali involuti f’dokumenti foloz tal-identità u tal-ivvjaġġar qegħdin isiru dejjem aktar speċjalizzati u qegħdin kulma jmur jiżviluppaw tekniki ġodda, fosthom li jimmanipulaw tagħmir kontra l-falsifikazzjoni u jduru mal-verifiki bijometriċi. Anke jekk l-introduzzjoni ta’ karatteristiċi ta’ sigurtà, metodi ta’ produzzjoni u sistemi ta’ spezzjoni tad-dokumenti aktar sofistikati qiegħda tagħmel il-falsifikazzjoni jew il-kontrafazzjoni tad-dokumenti tal-identità jew tal-ivvjaġġar aktar diffiċli, min iwettaq il-frodi se jfittex modi oħra biex jevita li jinqabad. Fil-mira tagħhom hemm ukoll tipi oħra ta’ dokumenti bħall-karti tal-identità nazzjonali u dokumenti li abbażi tagħhom jinħarġu dokumenti oħra (ċertifikati tat-twelid, taż-żwieġ u tal-mewt) li jintużaw bħala dokumenti ta’ sostenn biex jinkisbu dokumenti ġenwini ta’ identità, ta’ residenza u ta’ vjaġġar.

L-aġenziji tal-UE diġà jinsabu involuti bil-qawwa fi sforzi sabiex tiġi miġġielda l-frodi tad-dokumenti. Il-Frontex tipprovdi lill-Istati Membri b’timijiet ta’ esperti dwar id-dokumenti u għodod ta’ spezzjoni għall-ewwel wasliet ta’ migranti fil-hotspots, kif ukoll taħriġ u analiżi tar-riskju. Iċ-Ċentru Ewropew għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu fil-Europol qiegħed jaħdem fuq ir-rabta bejn id-dokumenti frawdolenti u t-terroriżmu, filwaqt li s-sigurtà tad-dokumenti hija kwistjoni ewlenija fil-ħidma taċ-Ċentru Ewropew kontra l-Faċilitazzjoni ta’ Dħul Klandestin ta’ Migranti tal-Europol.

B’mod kostanti, il-Kummissjoni tagħmel monitoraġġ tal-iżviluppi tekniċi u taġġorna l-karatteristiċi tas-sigurtà tal-format tal-viżi, il-permessi ta’ residenza għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi u l-passaporti li jinħarġu mill-Istati Membri, filwaqt li tagħti attenzjoni partikolari lid-drittijiet fundamentali u lill-protezzjoni tad-dejta personali. Saru żewġ proposti reċenti sabiex ikunu aġġornati u ddiżinjati mill-ġdid il-viżi u l-permessi ta’ residenza 24 . L-adozzjoni illum qabel għada ta’ dawn il-proposti se tkun pass ’il quddiem importanti.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni, fil-Komunikazzjoni tagħha dwar is-Sistemi ta’ Informazzjoni aktar b’saħħithom u aktar intelliġenti għall-Fruntieri u s-Sigurtà, immirat lejn modi ġodda sabiex jittejbu s-sigurtà tad-dokumenti elettroniċi u l-ġestjoni tad-dokumenti tal-identità. Se tipproponi Pjan ta’ Azzjoni li għandu fil-mira tiegħu d-dgħufijiet fil-proċess u li jipproponi azzjoni korrettiva. Dan se jagħmel distinzjoni bejn l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu fuq livell tal-UE u l-oqsma ta’ kompetenza nazzjonali.

Skont rapporti reċenti mill-Frontex, il-karti tal-identità nazzjonali b’livell aktar baxx ta’ sigurtà kienu l-aktar dokumenti foloz li jinqabdu fuq bażi frekwenti. Bħala segwitu għar-Rapport dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE tal-2013, il-Kummissjoni nediet studju fi tmiem l-2015 biex tivvaluta ulterjorment kif għandha tindirizza t-tħassib rigward is-sigurtà u d-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom iċ-ċittadini tal-UE fir-rigward tal-karti ta’ residenza u d-dokumenti tal-identità. Wara konsultazzjoni pubblika, valutazzjoni tal-impatt se tesplora l-alternattivi fil-perspettiva tal-possibbiltà ta’ inizjattiva leġiżlattiva. Il-Kummissjoni qiegħda taħdem ukoll sabiex tagħmel id-Dokumenti Provviżorji tal-Ivvjaġġar aktar siguri.

Il-passi li jmiss:

Jenħtieġ li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill:

-Jadottaw il-proposti dwar diżinn ġdid u karatteristiċi tas-sigurtà mtejba għall-formats uniformi għall-viżi u għall-permessi ta’ residenza sa tmiem l-2016.

Il-Kummissjoni se:

-Tadotta, sa Diċembru 2016, Pjan ta’ Azzjoni dwar is-sigurtà tad-dokumenti, kif ukoll se tesplora karatteristiċi tas-sigurtà mtejba għad-Dokumenti Provviżorji tal-Ivjaġġar.

3.5    L-Iżvilupp tal-Unjoni tas-Sigurtà: It-tisħiħ tal-Europol

L-attakki terroristiċi suċċessivi xeħtu dawl fuq it-theddida kumplessa u dinamika tat-terroriżmu li llum il-ġurnata qiegħda taffaċċja l-Ewropa. Jidher biċ-ċar li nuqqasijiet fl-iskambju u fl-użu tal-informazzjoni kkontribwew għall-falliment fl-evitar tal-attakki u fil-qbid tat-terroristi suspettati. Kondiviżjoni effettiva u f’waqtha tal-informazzjoni fost l-awtoritajiet rilevanti (l-awtoritajiet ta’ sigurtà u tal-infurzar tal-liġi, inklużi l-gwardji tad-dwana u tal-fruntiera meta rilevanti) hija prerekwiżit fundamentali għal azzjoni ta’ suċċess kontra t-terroriżmu u r-reati serji. Madankollu l-progress f’dan il-qasam ma kienx faċli li jinkiseb, u għad hemm frammentazzjoni kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak tal-UE li tissogra li tħalli xquq perikolużi fis-sigurtà. Bl-istess mod, il-kriżi tal-migranti kienet xhieda ta’ kif il-gruppi ta’ kriminalità organizzata malajr ikunu pronti biex jisfruttaw opportunitajiet ġodda, anke jekk b’riskju ta’ traġedja umana. Bħala l-għodda ewlenija biex tisfrutta l-kooperazzjoni għal effett operazzjonali, l-Europol għamlet xi passi kbar ’il quddiem, permezz tat-twaqqif dan l-aħħar taċ-Ċentru Ewropew għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu, 25 iċ-Ċentru Ewropew kontra l-Faċilitazzjoni ta’ Dħul Klandestin ta’ Migranti 26 u ċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità. 27 Sabiex jitqiesu dawn il-kompiti ġodda, tqiegħdu għad-disponibbiltà riżorsi addizzjonali. 28 Madankollu l-iskala tal-isfidi l-ġodda tas-sigurtà tirrikjedi pass ’il quddiem ulterjuri u kif previst fil-Komunikazzjoni dwar l-Unjoni tas-Sigurtà, din il-Komunikazzjoni tistipula l-passi konkreti sabiex isir aġġornament taċ-Ċentru Ewropew għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu u sabiex tissaħħaħ il-ħidma tal-Europol.

Filwaqt li dan l-aħħar kien osservat xi progress, u l-unitajiet tal-infurzar tal-liġi li jiġġieldu t-terroriżmu qegħdin jikkooperaw dejjem aktar maċ-Ċentru Ewropew għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu tal-Europol, il-kooperazzjoni bejn is-servizzi tal-infurzar tal-liġi u s-servizzi tas-sigurtà għadha żbilanċjata 29 . Is-servizzi tas-sigurtà jagħmlu skambju fuq bażi aktar regolari permezz tal-Grupp Kontra t-Terroriżmu (CTG, Counter Terrorism Group), 30 lil hinn mill-qafas tal-UE, u ż-żewġ komunitajiet għadhom mhux ikkollegati f’termini operazzjonali.

L-isfida ewlenija tibqa’ dik ta’ kif għandu jsir użu mill-benefiċċji potenzjali tal-kondiviżjoni tal-informazzjoni u tal-intelligence sabiex titwettaq differenza tabilħaqq operazzjonali. Din ma tirrikjedix innovazzjonijiet istituzzjonali. Madankollu l-użu sħiħ tal-possibbiltajiet għal kooperazzjoni skont it-Trattati tal-UE jista’ jwassal għal bidla fil-kondiviżjoni u l-kollegament ta’ informazzjoni permezz tal-kooperazzjoni multidixxiplinari. Is-sensiela ta’ opzjonijiet li huma disponibbli sabiex dan l-objettiv jinkiseb jinsabu fil-qafas tal-kompetenzi mogħtija mit-Trattati, li skonthom ir-responsabbiltà għas-sigurtà nazzjonali hija tal-Istati Membri. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni se tfittex soluzzjonijiet prattiċi sabiex jittejjeb l-iskambju tal-informazzjoni.

Filwaqt li l-Europol uriet il-valur miżjud tagħha u kisbet kredibbiltà fil-konfront tas-servizzi nazzjonali, il-kapaċitajiet tagħha fir-rigward tal-ġlieda kontra t-terroriżmu jridu jittejbu jekk tassew trid taqdi r-rwol sħiħ tagħha. Iċ-Ċentru Ewropew għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu tal-Europol huwa s-sinsla tal-azzjoni tal-UE kontra t-terroriżmu, u jaġixxi bħala l-fus tal-informazzjoni u tal-kooperazzjoni filwaqt li jappoġġja lill-Istati Membri, u janalizza wkoll it-terroriżmu, jivvaluta t-theddid, u jappoġġja l-iżvilupp tal-pjanijiet operazzjonali għall-ġlieda kontra t-terroriżmu. Diġà għen biex jiżdied il-fluss ta’ informazzjoni li hija kondiviża fost l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi li jaħdmu dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu, filwaqt li adattata l-infrastrutturi għall-ħtiġijiet tal-komunità li tiġġieled it-terroriżmu. Ġiet osservata żieda fid-dejta provduta lill-bażijiet ta’ dejta tal-Europol. 31 Iżda bħala l-punt fokali għas-sistemazzjoni u għall-analiżi tal-informazzjoni, l-effettività tagħha tiddependi fuq il-kapaċità tagħha li tipproċessa f’qasir żmien dawk li jaf ikunu mewġiet kbar ħafna ta’ informazzjoni kondiviża f’mumenti partikolari.

Ir-rinfurzar taċ-Ċentru Ewropew għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu jkun jippermettilu li jadotta rwol aktar proattiv biex jgħin fil-prevenzjoni u fl-isfrattar tal-attivitajiet tat-terroristi. Dan ikollu fil-mira tiegħu l-identifikar f’waqtu tas-suspettati u tan-netwerks, l-identifikazzjoni ta’ linji ġodda ta’ investigazzjonijiet, l-identifikar ta’ flussi internazzjonali ta’ finanzjament tat-terroriżmu u ta’ armi tan-nar illegali, u indikazzjonijiet aħjar ta’ kontenut fuq l-internet u appoġġ aħjar għall-investigazzjonijiet bis-saħħa tal-Unità ta’ Indikazzjoni ta’ Kontenut fuq l-Internet – u jagħmel l-akbar użu possibbli mill-opportunitajiet għal arrikkiment reċiproku tal-informazzjoni sabiex iwasslu għal identifikazzjoni aħjar tar-riskju u għall-prosekuzzjoni ta’ kull għemil żbaljat. Pereżempju, l-Europol indikat kif uħud mis-suspettati involuti fil-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti huma wkoll involuti f’reati oħra bħat-traffikar ta’ droga, il-falsifikazzjoni tad-dokumenti, delitti kontra l-proprjetà u t-traffikar ta’ bnedmin. 32 Hemm ukoll tħassib li r-rotot u n-netwerks ta’ faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti qegħdin jintużaw biex ikunu infiltrati terroristi potenzjali (b’mod partikolari ġellieda terroristi barranin) fl-UE u li l-organizzazzjonijiet tat-terroristi jiddependu fuq il-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti bħala sors ta’ finanzjament.

Il-kapaċitajiet attwali taċ-Ċentru Ewropew għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu se jiġu aġġornati fl-oqsma segwenti:

L-aġġornament tal-aċċess tal-Europol għall-bażijiet ta’ dejta tal-UE     Dan jinkludi s-Sistema ta’ dwar il-Viża u Eurodac, 33 sistemi fil-futur bħas-Sistema ta’ Dħul u Ħruġ jew l-ETIAS, kif ukoll l-isfruttament tal-aċċess tal-Europol għas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen taħt il-mandat eżistenti tagħha. Il-Kummissjoni se tuża r-reviżjoni tal-bażi ġuridika tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen sabiex tipproponi li jitwessa’ l-aċċess tal-Europol għall-kategoriji kollha ta’ allerta li jinżammu fiha u għall-funzjonalitajiet relatati. Jenħtieġ li l-Europol tisfrutta l-possibbiltà li għandha li titlob dejta mir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri mingħand l-Unitajiet tal-Informazzjoni dwar il-Passiġġieri fl-Istati Membri. Bħala parti mill-proċess li nbeda mill-Kummissjoni lejn l-interoperabbiltà tas-sistemi ta’ informazzjoni, jenħtieġ li l-Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli dwar is-Sistemi ta’ Informazzjoni u l-Interoperabbiltà jesplora alternattivi sabiex ikunu ottimizzati t-tfittxijiet simultanji mill-Europol fil-bażijiet ta’ dejta rilevanti tal-UE meta dan ikun meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tagħha.

It-tisħiħ tal-governanza interna taċ-Ċentru Ewropew għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu Abbażi tal-esperjenza pożittiva taċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità fil-Europol, il-Kummissjoni tipproponi li jitwaqqaf Bord ta’ Direzzjoni bħala għodda oħra ta’ governanza għall-ħidma interna taċ-Ċentru Ewropew għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu. Dan ikun jipprovdi mekkaniżmu intern ta’ tmexxija għall-ħidma tiegħu, u jindirizza aspetti bħall-programm ta’ ħidma tiegħu, il-metodi ta’ ħidma tiegħu u l-aħjar prattiki. Ikun jiġbor flimkien lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi li jiġġieldu t-terroriżmu fl-Istati Membri, lill-Kummissjoni u, meta adattat u meħtieġ, lil sħab rilevanti oħra, inklużi aġenziji tal-UE u entitajiet bħall-Eurojust, il-Frontex u s-SEAE/l-INTCEN tal-UE. Se jkun iċċarat li dan bl-ebda mod mhuwa se jaffettwa l-mandat tal-Bord ta’ Amministrazzjoni tal-Europol.

Kemm jista’ jkun ibbenefikar mill-kooperazzjoni    L-Europol żviluppat netwerk ta’ sħab ta’ kooperazzjoni operattiva fl-UE (il-Eurojust u l-Frontex) u lil hinn (diversi sħab ewlenin bħall-Istati Uniti, l-Awstralja, in-Norveġja u l-Iżvizzera, kif ukoll l-Interpol). Il-Kummissjoni u l-Europol, f’konsultazzjoni mill-qrib mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (is-SEAE) se jesploraw modi għal kooperazzjoni mtejba ma’ pajjiżi terzi oħra, inkluż bħala parti mill-isforzi biex ikunu żviluppati sħubijiet kontra t-terroriżmu ma’ pajjiżi fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika ta’ Fuq. Dan għandu jinkludi l-esplorar ta’ modi għal involviment ta’ esperti tas-sigurtà li joperaw fid-Delegazzjonijiet tal-UE u għat-trażmissjoni mtejba tal-informazzjoni mill-pajjiżi terzi (inkluż permezz tal-intermedjarju tal-Interpol).

Riżorsi finanzjarji u umani addizzjonali L-esperjenzi ta’ dan l-aħħar, wara l-attakki f’Pariġi u fi Brussell jindikaw li ċ-Ċentru Ewropew għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu għandu bżonn riżorsi finanzjarji, teknoloġiċi u umani addizzjonali sabiex ikun jista’ jitratta u jipproċessa ż-żieda fil-volumi ta’ informazzjoni u ta’ intelligence kriminali. Dawn il-ħtiġijiet se jiżdiedu aktar hekk kif jitwessa’ l-aċċess tal-Europol għall-informazzjoni u għall-bażijiet ta’ dejta. Attwalment, iċ-Ċentru diġà mhuwiex mgħammar biżżejjed biex ikun ta’ appoġġ kontinwu għall-Istati Membri, nuqqas kbir quddiem avvenimenti bħalma huwa attakk terroristiku fuq skala kbira. Il-Kummissjoni se twettaq valutazzjoni bir-reqqa tal-ħtiġijiet u se tieħu l-passi meħtieġa sabiex ikun provdut rinforz sinifikanti, inklużi riżorsi b’ħiliet lingwistiċi u informatiċi speċjalizzati, u sekondar fit-tul mill-awtoritajiet tal-Istati Membri.

Dawn l-aġġornamenti ma jirrikjedu l-ebda bidla fil-qafas ġuridiku tal-Europol – adottat biss fl-2016 – iżda tista’ tintuża l-opportunità tal-implimentazzjoni sħiħa tar-Regolament il-ġdid dwar il-Europol minn Mejju 2017 sabiex jiġu implimentati fl-istess żmien.

Illum qabel għada jenħtieġ ukoll li tinstab soluzzjoni prattika għal-lakuna li hemm bejn il-binarji ta’ ħidma parallela tal-komunità tal-infurzar tal-liġi u l-komunità tal-intelligence, u bejn iċ-Ċentru Ewropew għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu u l-Grupp Kontra t-Terroriżmu, sabiex jingħata lok għal interazzjoni aktar sistematika bejn iż-żewġ komunitajiet u għaldaqstant għal kooperazzjoni operattiva mtejba. It-tisħiħ taż-żewġ binarji ta’ ħidma taċ-Ċentru Ewropew għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu u tal-Grupp Kontra t-Terroriżmu, billi jinżammu separati iżda bil-ħolqien ta’ rabta bejn iż-żewġ komunitajiet, ikun iwassal għal qafas effettiv ta’ kooperazzjoni kontra t-terroriżmu fl-Ewropa, mingħajr il-ħtieġa ta’ strutturi ġodda.

B’mod parallel għall-evoluzzjoni taċ-Ċentru Ewropew għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu, il-Grupp Kontra t-Terroriżmu dan l-aħħar isaħħaħ billi ddaħħlet pjattaforma komuni għall-iskambju tal-informazzjoni bejn is-servizzi tas-sigurtà tal-Istati Membri, flimkien ma’ infrastruttura sigura għal komunikazzjoni f’waqtha u sigura. Din toffri opportunità ġdida sabiex ikun definit livell ta’ interazzjoni bejn din il-pjattaforma u l-komunità tal-infurzar tal-liġi f’kooperazzjoni fil-qafas taċ-Ċentru Ewropew għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu fil-Europol.

Għaldaqstant il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jikkunsidraw li jiftħu l-Grupp Kontra t-Terroriżmu, li huwa forum intergovernattiv dwar l-intelligence, sabiex jinteraġixxu mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi li jikkooperaw fil-qafas tal-Europol (iċ-Ċentru Ewropew għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu). Bl-objettiv li ġġonġi bejn punt u ieħor, xi tip ta’ ċentru għall-iskambju tal-informazzjoni jista’ joffri pjattaforma li fiha l-awtoritajiet ikunu jistgħu jikkondividu l-informazzjoni li jkunu kisbu b’rabta mat-terroriżmu jew ma’ reati oħra serji transfruntiera ma’ tali awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi.

Ċentru għall-iskambju tal-informazzjoni ta’ din ix-xorta ma jkunx xi ħaġa ġdida għax-xenarju tas-sigurtà fl-UE. Għadd ta’ Stati Membri għandhom fis-seħħ proċessi ta’ koordinazzjoni jew “ċentri ta’ fużjoni” għall-ġlieda kontra t-terroriżmu fil-livell nazzjonali sabiex is-servizzi tas-sigurtà nazzjonali u l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jingħaqdu flimkien. Madankollu, mekkaniżmi ta’ din ix-xorta jvarjaw mhux ftit f’termini ta’ struttura istituzzjonali (entità speċifika jew korp apposta) u ta’ mandat (minn valutazzjoni strateġika tat-theddid għal koordinazzjoni operattiva). L-Istati Membri se jkunu mistiedna jikkondividu l-esperjenzi li rnexxew u t-tagħlimiet mislutin fil-livell nazzjonali fit-twaqqif ta’ strutturi għall-iskambju tal-informazzjoni.

Il-passi li jmiss:

Jenħtieġ li l-Istati Membri:

-Jiffaċilitaw ċentru għall-iskambju tal-informazzjoni bbażat fuq l-interazzjoni bejn il-komunità tal-infurzar tal-liġi u l-komunità tal-intelligence, fil-qafas tal-Grupp Kontra t-Terroriżmu u ċ-Ċentru Ewropew għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu, f’konformità mar-regoli u mal-arranġamenti rilevanti kemm nazzjonali kif ukoll Ewropej.

Il-Kummissjoni se:

-Taħdem flimkien mal-Europol, mal-Kunsill u mal-Parlament Ewropew sabiex tieħu l-passi kollha meħtieġa biex ikunu aġġornati l-kapaċitajiet tal-Europol sa meta jibda japplika r-Regolament ġdid f’Mejju 2017.

4.    KONKLUŻJONI

It-twettiq bil-fatti fir-rigward tal-ġestjoni aħjar tal-fruntieri, l-użu aħjar tal-għodod u tal-bażijiet ta’ dejta disponibbli, u l-iżvilupp ta’ għodod u mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni ġodda għall-ġejjieni huma l-muftieħ sabiex f’dinja ta’ mobilità, iċ-ċittadini jingħataw fruntieri li jifilħu u sigurtà effettiva. Dan jista’ jagħmel differenza kruċjali għas-sigurtà tal-UE, tal-Istati Membri u taċ-ċittadini tagħha.

Din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi l-azzjonijiet li hemm bżonn jittieħdu fil-futur immedjat, kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f’dak nazzjonali, sabiex jitwettqu bil-fatti fruntieri esterni li jifilħu aktar u grad ogħla ta’ sigurtà għaċ-ċittadini.

L-istituzzjonijiet u l-Istati Membri tal-UE issa jridu jirsistu bl-istess urġenza u konċentrazzjoni li wrew biex jiżguraw l-adozzjoni f’qasir żmien tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, fil-konfront ta’ kwistjonijiet ta’ implimentazzjoni u twettiq operazzjonali, kif ukoll biex javvanzaw il-proposti mressqa, u biex jikkonkretizzaw il-passi li jmiss lejn Unjoni tas-Sigurtà effettiva u ġenwina.

(1)

     COM(2015) 185 final, it-28 ta’ April 2015 u COM(2015) 240 final, it-13 ta’ Mejju 2015.

(2)

     Ara pereżempju, id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Ministri tal-UE għall-Ġustizzja u għall-Affarijiet Interni u tar-rappreżentanti tal-istituzzjonijiet tal-UE dwar l-attakki terroristiċi fi Brussell fit-22 ta’ Marzu 2016 (l-24 ta’ Marzu 2016).

(3)

     Fi stħarriġ reċenti tal-Ewrobarometru, 71 % talbu għal aktar azzjoni tal-UE fir-rigward tal-fruntieri esterni u 82 % f’rabta mal-ġlieda kontra t-terroriżmu (Ewrobarometru Speċjali tal-Parlament Ewropew, Ġunju 2016).

(4)

     “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-twaqqif ta’ Qafas ta’ Sħubija ġdid ma’ pajjiżi terzi skont l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni”, COM(2016)385 final, is-7 ta’ Ġunju 2016.

(5)

     “Lura lejn Schengen - Pjan ta' Direzzjoni”, COM(2016) 120 final, l-4 ta’ Marzu 2016.

(6)

     “Azzjoni fuq l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà biex jiġi miġġieled it-terroriżmu u titwitta t-triq għal Unjoni tas-Sigurtà effettiva u ġenwina”, COM(2016) 230 final, l-20 ta’ April 2016.

(7)

     “Sistemi ta' Informazzjoni aktar b’saħħithom u aktar intelliġenti għall-Fruntieri u s-Sigurtà”, COM(2016) 205 final, is-6 ta’ April 2016. Element importanti fil-Komunikazzjoni kien it-twaqqif ta’ Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli dwar is-Sistemi ta’ Informazzjoni u l-Interoperabbiltà.

(8)

     COM(2015) 671 final, il-15 ta’ Diċembru 2015.

(9)

     Se jkollha struttura ta’ governanza aktar b’saħħitha, inkluż mekkaniżmu ta’ lmenti għad-drittijiet fundamentali, u obbligu akbar ta’ rendikont tal-Aġenzija quddiem il-Parlament Ewropew.

(10)

     Jekk ikun hemm riskju li n-nuqqasijiet fil-kontroll tal-fruntieri esterni jipperikolaw it-tħaddim taż-żona Schengen, u abbażi ta’ pjan operazzjonali li jsir bi qbil.

(11)

     COM(2015) 670 final, il-15 ta’ Diċembru 2015. Il-verifiki jsiru mal-bażijiet ta’ dejta rilevanti tal-infurzar tal-liġi fil-fruntieri esterni fuq il-persuni kollha, inklużi ċ-ċittadini tal-UE u l-familji tagħhom, sabiex isir skrinjar għat-theddida għall-ordni pubbliku u għas-sigurtà interna.

(12)

     Jenħtieġ li l-Aġenzija tikkunsidra wkoll l-Istrateġija ta’ Ġestjoni tar-Riskju Doganali u ta’ Sigurtà tal-Katina tal-Provvista, u tipprovdi kooperazzjoni u kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn l-aġenziji, fost l-aġenziji doganali, tal-infurzar tal-liġi u tas-sigurtà.

(13)

     Il-Grupp ta’ Livell Għoli dwar l-Interoperabbiltà qiegħed ukoll jgħarbel il-possibbiltà li jingħata aċċess dirett lill-aġenzija għall-bażijiet tad-dejta Ewropej, filwaqt li jitqiesu l-kunsiderazzjonijiet marbuta mal-protezzjoni tad-dejta.

(14)

     Kif jinsabu fit-12 ta’ Settembru 2016, in-nuqqasijiet fl-appoġġ tal-Istati Membri huma ta’ 253 għall-Operazzjoni Konġunta Poseidon, 129 għall-Operazzjoni Konġunta Triton, u 172 għall-Operazzjonijiet Konġunti fil-Bulgarija. 

(15)

     COM(2016) 194 final, is-6 ta’ April 2016.

(16)

     Kważi 60 pajjiż minn madwar id-dinja jibbenefikaw minn vjaġġar lejn l-Unjoni Ewropea mingħajr l-obbligu ta’ viża. Il-lista kompluta tinsab fl-Anness II tar-Regolamenti dwar il-Viża 539/2001 tal-15 ta’ Marzu 2001, ĠU L 81, 21.3.2001.

(17)

     F’Mejju 2016, il-Kummissjoni proponiet reviżjoni tal-mekkaniżmu ta’ sospensjoni fl-Artikolu 1a tar-Regolament (KE) Nru 539/2001, li jippermetti s-sospensjoni temporanja tal-eżenzjoni mill-ħtieġa ta’ viża għal ċittadini ta’ pajjiż terz meta jkunu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet (COM(2016) 290 final).

(18)

     Pereżempju s-sistema tal-Istati Uniti tas-Sistema Elettronika tal-Awtorizzazzjoni tal-Ivvjaġġar ġiet stabbilita fl-2007. Din tiddetermina l-eliġibbiltà tal-viżitaturi li jivvjaġġaw fl-Istati Uniti taħt il-Programm għall-Eżenzjoni mill-Viża tagħhom billi tirrikjedi, minn qabel ma jsir il-vjaġġ, awtorizzazzjoni approvata għall-ivvjaġġar.

(19)

     Id-Direttiva dwar ir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR, Passenger Name Record), minkejja li minnha nnifisha mhijiex strument ta’ kontroll fil-fruntieri, se tipprovdi dejta ġdida kritika sabiex tintuża għall-prevenzjoni, għall-identifikar, għall-investigazzjoni u għall-prosekuzzjoni tar-reati terroristiċi u reati serji.

(20)

     Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2252/2004 dwar l-istandards għall-karatteristiċi ta’ sigurtà u għall-bijometriċi f’passaporti u dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa mill-Istati Membri.

(21)

     Bħall-viża (ir-Regolament (KE) 1683/95), il-permessi ta’ residenza għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi (ir-Regolament (KE) 1030/2002) u d-dokumenti ta’ vjaġġar iffaċilitat (bil-ferroviji) (ir-Regolament 693/2003).

(22)

   Is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża u s-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen.

(23)

     L-Europol indikat tħassib li f’dawn l-aħħar sentejn, klikek ta’ kriminali ilhom jinvestu dejjem aktar fil-produzzjoni ta’ dokumenti ffalsifikati biex isostnu suq kriminali li qiegħed jikber assoċjat mal-kriżi tal-migranti. Illum il-frodi tad-dokumenti hija mezz ferm importanti li jippermetti l-kriminalità organizzata mwettqa minn gruppi involuti f’serq jew produzzjoni ta’ passaporti kontrafatti u dokumenti oħra ta’ vjaġġar (dikjarazzjoni tal-31 ta’ Mejju 2016).

(24)

     Emendi tar-Regolament (KE) 1683/95, COM(2015) 303 final tal-24 ta’ Ġunju 2015 u r-Regolament (KE) 1030/2002, COM(2016) 434 final tat-30 ta’ Ġunju 2016.

(25)

     Iċ-Ċentru ilu operazzjonali mill-1 ta’ Jannar 2016 u huwa magħmul minn entitajiet differenti bħall-Unità ta’ Indikazzjoni ta’ Kontenut fuq l-Internet, il-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu ta’ bejn l-UE u l-Istati Uniti (TFTP), ir-Reġistri ta’ Ħidma ta’ Analiżi u l-Punti Fokali tal-Europol (bħal “Travellers” dwar il-ġellieda terroristi barranin) u s-Sistema Ewropea ta’ Dejta dwar il-Bombi. Għandu aċċess għas-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE u għan-netwerk tal-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja. Issaħħaħ aktar permezz tat-Tim Konġunt ta’ Kollegament ta’ esperti sekondati dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu. Il-forza tax-xogħol attwali taċ-Ċentru għall-Ġlieda kontra t-Terroriżmu (CTC, Counter Terrorism Centre) tal-UE hija magħmula minn 64 ruħ.

(26)

     Iċ-Ċentru Ewropew kontra l-Faċilitazzjoni ta’ Dħul Klandestin ta’ Migranti (EMSC, European Migrant Smuggling Centre) tnieda fit-22 ta’ Frar 2016. L-għan taċ-Ċentru huwa li jappoġġja b’mod proattiv lill-Istati Membri tal-UE sabiex iġibu fix-xejn in-netwerks kriminali involuti fil-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti. Iċ-Ċentru jiffoka fuq hotspots ġeografiċi kriminali, u qiegħed jiżviluppa kapaċità aħjar madwar l-Unjoni Ewropea sabiex jiġġieled in-netwerks tal-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ bnedmin. Bħalissa, l-EMSC għandu jaħdmu miegħu 39 ruħ.

(27)

     Iċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità (EC3) ilu operazzjonali minn Jannar 2013. L-għan tiegħu huwa li jsaħħaħ ir-rispons tal-infurzar tal-liġi fir-rigward taċ-ċiberkriminalità fl-UE, u li jgħin sabiex iħares liċ-ċittadini, lin-negozji u lill-gvernijiet Ewropej.

(28)

     Ir-rinforzi li jiġu mar-Regolament il-ġdid dwar il-Europol u previsti fil-baġit tal-2017 jammontaw għal madwar 90 post ieħor.

(29)

     Din il-frammentazzjoni mhijiex xi nuqqas ġdid, kif diġà ġie enfasizzat mill-Kunsill Ewropew fid-Dikjarazzjoni tiegħu ta’ Marzu 2004 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu. Sa issa kien hemm nuqqas ta’ azzjoni biex jinsab tarf din il-kwistjoni.

(30)

     Is-CTG huwa grupp informali lil hinn mill-qafas tal-UE li jiġbor is-servizzi tas-sigurtà tal-Istati Membri tal-UE, tan-Norveġja u tal-Iżvizzera sabiex ikun ta’ appoġġ għall-kooperazzjoni u għall-iskambju operazzjonali tal-intelligence. Jipproduċi wkoll valutazzjonijiet konġunti tat-theddid tat-terroriżmu abbażi ta’ intelligence pprovduta minn servizzi nazzjonali u jikkoopera maċ-Ċentru ta’ Analiżi tal-Intelligence (INTCEN tal-UE).

(31)

     Bħall-Punt Fokali “Travellers” jew is-Sistema ta’ Informazzjoni tal-Europol. Bħala eżempju prattiku, it-Task Force Fraternité, it-tim apposta li nħoloq biex jappoġġja l-investigazzjonijiet rigward l-attakki ta’ Pariġi u ta’ Brussell, u li jiġbor flimkien analisti mill-Europol u esperti dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu sekondati mill-Istati Membri, ipproċessat volum ta’ dejta bla preċedent biex tinvestiga rabtiet internazzjonali ulterjuri tat-terroristi involuti f’dawk l-attakki billi analizzat arkivji ta’ dejta ta’ komunikazzjoni, finanzjarja, fuq l-internet u forensika. L-appoġġ ex post li ġie pprovdut mill-Europol permezz tat-Task Force Fraternité tiegħu ntwera li kien effettiv u ġie rrikonoxxut minn bosta. Madankollu, l-ECTC irid ikun mgħammar bis-sħiħ sabiex ikollu rwol aktar proattiv anke fl-antiċipar tat-theddid.

(32)

     Ir-rapport tal-Europol dwar il-Faċilitazzjoni ta’ Dħul Klandestin ta’ Migranti fl-UE – Frar 2016.

(33)

     L-Europol għandha aċċess għall-VIS u għall-EURODAC iżda jenħtieġ li tħaffef il-pass tal-ħidma li tinsab għaddejja sabiex jinħoloq il-kollegament ma’ dawn il-bażijiet ta’ dejta.