IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 19.9.2016
COM(2016) 600 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-attivitajiet tal-Pjattaforma tal-UE għat-Taħlit fil-Kooperazzjoni Esterna (EUBEC)
minn Awwissu 2014 sa tmiem l-2015
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 19.9.2016
COM(2016) 600 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-attivitajiet tal-Pjattaforma tal-UE għat-Taħlit fil-Kooperazzjoni Esterna (EUBEC)
minn Awwissu 2014 sa tmiem l-2015
Werrej
1. Introduzzjoni
2. It-taħlit bħala mekkaniżmu ta’ eżekuzzjoni tal-għajnuna
2.1. Aġġornament dwar il-governanza tal-faċilitajiet ta’ taħlit tal-UE
2.2. Segwitu tar-rieżamijiet esterni
3. Id-diskussjonijiet tekniċi fl-EUBEC
3.1. L-azzjoni klimatika
3.2. Is-settur privat
3.3. L-Aġenziji ta’ Kreditu għall-Esportazzjoni
3.4. Is-soċjetà ċivili
3.5. Diskussjonijiet ulterjuri
4. Konklużjonijiet
1.Introduzzjoni
Il-premessi tad-Deċiżjoni 1080/2011/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 1 ħeġġew lill-Kummissjoni (KE) biex tistudja l-iżvilupp ta’ “Pjattaforma Ewropea għall-Kooperazzjoni Esterna u l-Iżvilupp” bl-għan li tottimizza t-tħaddim ta’ mekkaniżmi għat-taħlit tal-għotjiet u tas-self fil-qasam tal-azzjoni esterna. Fir-rapport tagħha lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew tas-26 ta’ Ottubru 2012 2 , il-KE pproponiet li titwaqqaf Pjattaforma tal-UE għat-Taħlit fil-Kooperazzjoni Esterna (EUBEC, EU Platform for Blending in External Cooperation) li tnediet sussegwentement bħala Grupp tal-Esperti tal-KE fl-14 ta’ Diċembru 2012.
F’konformità mal-impenn li l-KE se tirrapporta għand il-Parlament Ewropew u għand il-Kunsill, l-ewwel rapport kopra l-ħidma tal-EUBEC sa mit-twaqqif tagħha fl-14 ta’ Diċembru 2012 sa tmiem Lulju 2014 3 . Dan it-tieni rapport ikopri l-perjodu minn Awwissu 2014 sa Diċembru 2015.
L-objettiv tal-EUBEC huwa li ttejjeb il-kwalità u l-effiċjenza tal-mekkaniżmi tat-taħlit tal-kooperazzjoni esterna u l-iżvilupp tal-UE, b’kont dovut meħud tal-oqfsa ta’ politika li jirregolaw ir-relazzjonijiet tal-UE mal-pajjiżi sħab differenti, b’mod partikolari l-politiki tal-UE għall-Iżvilupp, il-Viċinat u t-Tkabbir. Jenħtieġ li l-EUBEC tipprovdi gwida għall-armonizzazzjoni tal-prinċipji ewlenin dwar attivitajiet ta’ taħlit filwaqt li tippermetti differenzjazzjoni skont is-setturi u r-reġjuni. Jenħtieġ li tiffoka fuq setturi li fihom l-istrumenti finanzjarji jistgħu jintużaw bl-aktar mod siewi, fost ir-reġjuni ġeografiċi u minn wieħed għall-ieħor, u tgħin biex tissaħħaħ il-koerenza tal-attivitajiet ta’ taħlit mal-linji ta’ politika tal-UE.
L-EUBEC taħdem permezz tal-Grupp ta’ Politika (GP) li huwa ppresedut mill-KE u magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri tal-UE u tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), bil-Parlament Ewropew (PE) u l-Istituzzjonijiet Finanzjarji (IF) involuti fil-ħidma teknika bħala osservaturi. Parteċipanti oħra jistgħu wkoll jiġu mistiedna bħala osservaturi. Il-KE tipprovdi wkoll is-Segretarjat biex ikunu żgurati l-koordinazzjoni u l-komunikazzjoni. Il-GP iltaqa’ erba’ darbiet f’dan il-perjodu ta’ rapportar sabiex jiddiskuti l-ħidma teknika, jiġifieri fis-17 ta’ Diċembru 2014, fit-22 ta’ Ġunju 2015, fit-2 ta’ Ottubru 2015 u fis-6 ta’ Novembru 2015.
Il-ħidma teknika titwettaq mis-servizzi tal-KE, l-SEAE, l-IF u għadd ta’ rappreżentanti mill-Istati Membri, kif ukoll mill-PE. Fil-perjodu ta’ rapportar ġew stabbiliti żewġ Gruppi Tekniċi (GT) speċifiċi, wieħed li jiffoka fuq il-mobilizzazzjoni tar-riżorsi mis-settur privat u l-ieħor fuq il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. It-tnejn li huma kkonkludew b’rapport u ġie żgurat segwitu bis-saħħa ta’ laqgħa waħda addizzjonali ta’ livell tekniku rispettivament. Minn barra dan, ġiet organizzata laqgħa teknika dwar l-Iffinanzjar għall-Iżvilupp.
Ir-rapport segwenti jipprovdi l-ewwel nett aġġornament dwar il-kwistjonijiet strutturali relatati mal-faċilitajiet ta’ taħlit: il-governanza tagħhom; il-miżuri li jindirizzaw rakkomandazzjonijiet mill-Qorti tal-Awdituri; u l-involviment ta’ partijiet ikkonċernati oħra. Ir-rapport imbagħad jiġbor fil-qosor diskussjonijiet fuq livell tekniku u fuq livell ta’ GP matul il-perjodu ta’ rapportar dwar il-kontribut tal-faċilitajiet ta’ taħlit għall-immobilizzar tar-riżorsi mis-settur privat, għall-ġlieda kontra tibdil fil-klima u għall-Iffinanzjar għall-Iżvilupp qabel ma jikkonkludi.
2.It-taħlit bħala mekkaniżmu ta’ eżekuzzjoni tal-għajnuna
2.1.Aġġornament dwar il-governanza tal-faċilitajiet ta’ taħlit tal-UE
Skont ir-rakkomandazzjonijiet mogħtija mid-dokument tal-EUBEC dwar il-governanza tal-faċilitajiet ta’ taħlit appoġġjati mill-GP fil-11 ta’ Lulju 2014, l-Operazzjonijiet ta’ taħlit tal-UE huma organizzati f’oqfsa ta’ taħlit għal kull strument rilevanti ta’ ffinanzjar (id-DCI, l-ENI, il-FEŻ u l-IPA), bi struttura unika ta’ governanza għal kull qafas. Jenħtieġ li l-laqgħat tal-korpi rilevanti ta’ governanza jiġu organizzati skont il-qafas ta’ taħlit. Jenħtieġ li kull meta jkun possibbli, il-laqgħat isiru b’mod konsekuttiv għall-Kumitati rispettivi tal-istrumenti ta’ ffinanzjar.
Kien hemm qbil li għandu jkun possibbli li diversi “faċilitajiet 4 ” jinġabru flimkien taħt qafas ta’ taħlit sabiex il-prijoritajiet strateġiċi reġjonali u tematiċi differenti jkunu jistgħu jiġu indirizzati aħjar, sabiex jiżdied l-ingranaġġ politiku, jiżdied l-impatt, l-effiċjenza u l-viżibbiltà tal-għajnuna tal-UE billi tissaħħaħ il-koordinazzjoni sabiex l-operazzjonijiet ta’ taħlit ikunu allinjati b’mod effettiv mad-djalogu dwar il-politika tal-UE u biex tiżdied it-trasparenza fir-rapportar. Ġie diskuss u approvat addendum għad-“Dokument ta’ diskussjoni dwar il-governanza fil-futur tal-faċilitajiet ta’ taħlit tal-UE” li jirreferi għal iddirezzjonar tal-fondi tematiċi.
F’dak ir-rigward, il-qafas ta’ taħlit tad-DCI mal-Faċilità ta’ Investiment għall-Amerka Latina (FIAL), mal-Faċilità ta’ Investiment għall-Asja (FIA), mal-Faċilità ta’ Investiment għall-Asja Ċentrali (FIAĊ) u mal-operazzjonijiet ta’ taħlit tematiku ġie stabbilit mid-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni C(2014) 9128 tal-4 ta’ Diċembru 2014, C(2014) 8785 tas-26 ta’ Novembru 2014, C(2014) 9534 tas-16 ta’ Diċembru 2014 u C(2014) 9451 tal-15 ta’ Diċembru 2014, rispettivament.
Għall-Istrument Ewropew ta’ Viċinat (l-ENI), ġie stabbilit qafas ta’ taħlit mal-Faċilità ta’ Investiment għall-Viċinat (FIV) permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni SI(2008)190 tal-14 ta’ Frar 2008, riveduta mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014)5750 tal-20 ta’ Awwissu 2014, u l-ftehim dwar il-Fond Fiduċjarju tal-FIV bid-data tas-26 ta’ Jannar 2009.
Il-qafas ta’ taħlit tal-FEŻ huma magħmul mill-Faċilità ta’ Investiment għall-Afrika (FIAf) (id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015)5210 tad-29 ta’ Lulju 2015), mill-Faċilità ta’ Investiment għall-Karibew (FIK) u mill-Faċilità ta’ Investiment għall-Paċifiku (FIP). Id-Dokumenti ta’ Azzjoni li jġeddu l-FIK u l-FIP se jiġu approvati fl-2016. Il-FIAf il-ġdida għandha ambitu aktar wiesa’ meta mqabbel mal-Fond Fiduċjarju għall-Infrastruttura (FFI) bejn l-UE u l-Afrika l-antik u l-governanza tagħha hija f’konformità mal-bqija tal-faċilitajiet.
Huwa wkoll possibbli li jinħolqu Fondi Fiduċjarji għall-Faċilitajiet apposta sabiex jagħmluha possibbli li Stati Membri tal-UE jew donaturi oħra li jkunu interessati, jipprovdu kontribuzzjonijiet addizzjonali għall-operazzjonijiet ta’ taħlit fl-ambitu tal-Faċilitajiet. Ir-regoli speċifiċi li japplikaw għall-Fondi Fiduċjarji għall-Faċilitajiet se jiġu ddeterminati fil-Ftehim rilevanti dwar il-Fond Fiduċjarju għall-Faċilitajiet. Diġà nħolqu Fondi Fiduċjarji biex isostnu l-FIV u l-Qafas ta’ Investiment għall-Balkani tal-Punent (QIBP).
Sabiex ikunu kompletament konformi mal-istruttura l-ġdida ta’ governanza, kien meħtieġ ukoll li r-regoli ta’ proċedura tal-faċilitajiet jiġu allinjati. Ġie deċiż li se jkun hemm ġabra ta’ regoli għal kull qafas ta’ taħlit tal-UE, bi proċeduri paralleli iżda bil-possibbiltà li dawn jiġu adattati għall-karatteristiċi speċifiċi tad-diversi oqfsa ta’ taħlit (pereż. diskussjonijiet strateġiċi fil-FEŻ).
F’kull wieħed mill-oqfsa ta’ taħlit, huwa previst li l-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ikun organizzat fi struttura b’żewġ livelli bi:
– Laqgħat ta’ Valutazzjoni Teknika, li huma ppreseduti mill-KE u magħmulin minn rappreżentanti tas-servizzi tal-KE, tas-SEAE u tal-IF; u
–Laqgħat tal-Bord, ippreseduti mill-KE u magħmul minn rappreżentanti tas-servizzi tal-KE, tas-SEAE, tal-Istati Membri tal-UE bħala membri bid-dritt tal-vot, u l-Istituzzjonijiet Finanzjarji (IF) 5 bħala osservaturi.
Għaldaqstant, l-operazzjonijiet tal-oqfsa ta’ taħlit, inklużi Fondi Fiduċjarji apposta, huma mmexxija mill-Bord. Il-Bord huwa sostnut minn Laqgħa ta’ Valutazzjoni Teknika li twettaq rieżami tal-abbozz ta’ applikazzjonijiet tal-IF minn perspettiva teknika u finanzjarja qabel ma jintbagħtu lill-Bord. Il-konklużjonijiet tal-Bord huma inkorporati f’deċiżjonijiet kumplimentari rilevanti tal-Kummissjoni, għajr għall-proġetti ffinanzjati taħt il-Fond Fiduċjarju apposta (li jsegwu r-regoli stabbiliti fil-Ftehim dwar il-Fond Fiduċjarju).
Fir-rigward tad-diskussjonijiet strateġiċi, fl-oqfsa ta’ taħlit tad-DCI u tal-ENI, is-servizzi tal-KE, is-SEAE u l-Istati Membri tal-UE jkollhom djalogu regolari dwar l-orjentazzjonijiet strateġiċi għal kull Faċilità mal-pajjiżi sħab u mal-organizzazzjonijiet reġjonali rilevanti. Bħala prinċipju ġenerali, is-servizzi tal-KE u s-SEAE se jmexxu u jikkopresedu diskussjonijiet strateġiċi fl-ogħla livell xieraq mal-Istati Membri, mal-pajjiżi benefiċjarji u mal-organizzazzjonijiet reġjonali rilevanti. Jenħtieġ li jsiru diskussjonijiet kull meta jitqies li hemm bżonn mill-Bord, normalment darba fis-sena, sabiex jiġu diskussi kwistjonijiet strateġiċi, l-orjentazzjonijiet kumplessivi u l-prijoritajiet tal-Faċilitajiet. Dan id-djalogu se jkun ibbażat fuq dokumenti strateġiċi rilevanti ta’ pprogrammar li ġew adottati f’konformità mal-iskrutinju demokratiku u mal-komitoloġija rilevanti.
Fil-kuntest tal-qafas ta’ taħlit tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (il-FEŻ), l-orjentazzjonijiet strateġiċi se jiġu diskussi mal-pajjiżi benefiċjarji u / jew ma’ organizzazzjonijiet reġjonali rilevanti f’laqgħat apposta 6 , taħt il-prinċipju ta’ sjieda tal-kooperazzjoni tal-UE għall-iżvilupp. Dawn id-diskussjonijiet se jkopru pjanijiet u prijoritajiet ta’ investiment reġjonali, se jipprovdu gwida strateġika u ta’ politika u konsulenza għall-identifikazzjoni u għat-tħejjija tal-aktar proposti rilevanti għat-taħlit u sabiex il-Bord iwettaq rieżami tal-proġetti li qegħdin jitħejjew u jsawwar opinjoni dwar l-aktar proġetti rilevanti sabiex jinkisbu l-objettivi tal-UE.
2.2.Segwitu tar-rieżamijiet esterni
Fit-22 ta’ Ottubru 2014, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA), ippubblikat ir-Rapport Speċjali tagħha Nru 16/2014 dwar “L-effettività tat-taħlit tal-għotjiet minn faċilitajiet ta’ investiment reġjonali ma’ self minn istituzzjonijiet finanzjarji sabiex ikunu appoġġjati l-linji ta’ politika esterni tal-UE” 7 .
Wara din il-pubblikazzjoni, ġew organizzati skambji ta’ fehmiet dwar dan ir-Rapport Speċjali fil-preżenza tal-QEA u tal-KE mill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (CONT) tal-PE fid-19 ta’ Jannar 2015 u mill-Kumitat għall-Iżvilupp (CODEV) tal-PE fit-22 ta’ Jannar 2015. It-tieni skambju mal-KE ġie organizzat mill-Kumitat CONT fit-23 ta’ Frar 2015 u t-tielet wieħed mill-Kumitat CODEV fis-6 ta’ Mejju 2015.
Il-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar il-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp eżamina r-rapport f’konformità mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-proċedura għall-eżaminazzjoni tar-Rapporti Speċjali mfassla mill-QEA. 8 Fil-21 ta’ April 2015, il-Grupp ta’ Ħidma laħaq ftehim dwar abbozz ta’ Konklużjonijiet tal-Kunsill imħejjija mill-Presidenza u l-Coreper ikkonferma l-ftehim dwar it-test qabel ma ppreżentah quddiem il-Kunsill għall-adozzjoni.
Ħafna mir-rakkomandazzjonijiet li saru mill-QEA ġew trattati mill-KE fil-kuntest tal-EUBEC bi:
l-iżvilupp ta’ formola armonizzata u mtejba ta’ applikazzjoni għall-proġetti u n-nota ta’ gwida tagħha;
l-iżvilupp ta’ qafas ta’ kejl tar-riżultati inklużi indikaturi standard;
l-adozzjoni ta’ dokument ta’ Linji Gwida dwar l-operazzjonijiet ta’ taħlit;
rwol aktar proattiv u sfiq tad-Delegazzjonijiet tal-UE fl-identifikar u fis-selezzjonar tal-proġetti ta’ taħlit;
Governanza ġdida rriveduta tal-faċilitajiet ta’ taħlit;
proċess ta’ approvazzjoni ssimplifikat u mqassar;
programm estiż ta’ taħriġ għall-uffiċjali tal-KE inkarigati mit-taħlit fi Brussell u fid-Delegazzjonijiet;
u l-pubblikazzjoni ta’ deskrizzjoni qasira ta’ kull proġett li jkun ġie mħallat, f’sit web apposta għal skopijiet ta’ viżibilità 9 .
Il-Kummissjoni Ewropea għadha qed tiddiskuti internament l-adattament neċessarju tal-metodoloġija tagħha ta’ Monitoraġġ Orjentat lejn ir-Riżultati (MOR) għall-karatteristiċi speċifiċi tat-taħlit.
Il-KE qiegħda wkoll twettaq evalwazzjoni dwar it-taħlit, li bħalissa avvanzat ġmielha. It-taħlit huwa strument relattivament ġdid li huwa meqjus innovattiv u li jġib miegħu potenzjal kbir. Fl-istess waqt, l-istrument jiġbed l-interess dejjem jikber ta’ għadd ta’ partijiet ikkonċernati Ewropej, reġjonali u internazzjonali. Hemm bżonn evidenti li jinġabru aktar provi f’rabta mal-livell ta’ effettività tiegħu. L-evalwazzjoni se tagħmel użu mill-provi mogħtija mill-evalwazzjonijiet u mill-istudji tal-imgħoddi u dawk li qegħdin jaslu (inklużi l-evalwazzjonijiet tal-FIV, tal-FFI, tal-QIBP kif ukoll l-istudju ta’ Kejl tar-Riżultati mwettaq minn Cambridge Economic Policy Associates (CEPA) fl-2013 għall-proġetti sostnuti mill-FFI) u se tevita li twettaq xogħol li diġà twettaq. L-evalwazzjoni se tkompli fuq dak li huwa diġà magħruf, u se ssaħħaħ il-bażi tal-provi f’rabta mal-effettività tat-taħlit. L-evalwazzjoni tnediet f’Jannar 2015 u l-ħidma tagħha għadha għaddejja.
3.Id-diskussjonijiet tekniċi fl-EUBEC
Fis-Summit ta’ Addis Ababa mit-13 sas-16 ta’ Lulju 2015, ġiet adottata l-Aġenda ta' Azzjoni ta’ Addis Ababa (AAAA), li stabbiliet iċ-ċaqliqa lejn paradigma ġdida ta’ żvilupp sostenibbli, inklużi aspetti ta’ governanza, ġeneru, sħubijiet u ta’ ħidma mas-settur privat. Ħafna partijiet tal-AAAA kienu ta’ rilevanza għat-Taħlit tal-UE: impjiegi u xogħol deċenti għal kulħadd bħala objettiv ċentrali, aċċess għal finanzjament għall-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (MSMEs), regoli u standards trasparenti u stabbli u kompetizzjoni libera u ġusta, li jwasslu għall-ksib tal-politiki tal-iżvilupp nazzjonali.
Fl-ambitu tas-Summit, l-Unjoni Afrikana (l-UA) u l-UE organizzaw flimkien avveniment parallel dwar is-Settur privat u t-Taħlit li attira madwar 200 parteċipant. Żewġ panels trattaw: “Nikkontribwixxu għall-bini ta’ qafas strateġiku sabiex naħdmu għas-settur privat u flimkien miegħu, lejn il-kisba tal-‘Aġenda 2063’ tal-UA” u “Nattivaw ir-riżorsi tas-settur privat u l-involviment għall-iżvilupp permezz tat-taħlit, b’mod partikolari fis-settur tal-agrikoltura u tal-enerġija”.
Hekk kif il-flussi tar-refuġjati u tal-migranti komplew jiqlielu matul is-sena 2015, il-grupp tal-EUBEC identifika l-importanza tal-kontribut potenzjali tat-taħlit sabiex din l-isfida tkun indirizzata bħala prijorità urġenti, b’mod partikolari bl-għan li jiġu indirizzati l-kawżi li minnhom tinbet il-migrazzjoni. Fil-laqgħa tal-Grupp ta’ Politika f’Novembru 2015, il-membri tal-EUBEC qablu li jpartu informazzjoni rilevanti u jikkoordinaw dwar fondi ta’ taħlit disponibbli fil-pajjiżi kkonċernati. Ġew spjegati l-istrumenti finanzjarji diġà fis-seħħ, u ssejħu l-IF biex jikkontribwixxu sa fejn jistgħu skont il-ħiliet individwali tagħhom. Aktar ’il quddiem, se jiżdiedu l-isforzi sabiex tinżamm il-kumplimentarjetà, u l-migrazzjoni se tiġi standardizzata bħala punt fil-laqgħat tal-Grupp ta’ Politika. Il-grupp tal-EUBEC se jkun għodda importanti biex ikunu involuti kemm l-għarfien espert tal-IF kif ukoll il-gwida għall-politika tal-Istati Membri hekk kif l-UE ssawwar it-tweġiba olistika tagħha għal din l-isfida kruċjali.
3.1.L-azzjoni klimatika
L-azzjoni klimatika hija parti integrali mit-taħlit tal-UE b’daqs 62 % tal-operazzjonijiet li huma rilevanti direttament. It-taħlit huwa strument qawwi ta’ appoġġ għall-azzjoni klimatika tal-UE kemm fl-adattament kif ukoll fil-mitigazzjoni, għaliex jagħti lok li jinkisbu investimenti klimatiċi fuq skala, billi joħloq ingranaġġ ta’ sorsi addizzjonali ta’ finanzjament għall-klima. Il-faċilitajiet reġjonali huma element ewlieni tal-appoġġ tal-UE għall-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw fir-rigward tal-iżvilupp b’livell baxx ta’ karbonju u reżiljenti għall-klima.
Minn Lulju 2014, l-EUBEC ipprovat ittejjeb ir-rilevanza tal-klima u l-impatt tal-operazzjonijiet ta’ taħlit tal-UE. Għal dan il-għan, twaqqaf grupp tekniku dwar il-klima (il-Grupp Tekniku 7), li ddiskuta titjib possibbli u ħejja rapport b’alternattivi sabiex tissaħħaħ l-azzjoni klimatika fil-faċilitajiet ta’ taħlit tal-UE.
Kien hemm qbil qawwi li jenħtieġ li l-Faċilitajiet ta’ Taħlit tal-UE jkomplu jipprovdu finanzjament għall-klima abbażi tal-punti b’saħħithom ipprovati tiegħu u joħolqu sinerġiji ma’ strumenti oħra, ikompli jkollhom rwol qawwi fit-tħejjija ta’ proġetti ppjanati u fl-integrazzjoni tal-iżvilupp b’livell baxx ta’ karbonju u reżiljenti għall-klima fl-ippjanar, u jkompli jaħdem mal-atturi mis-settur privat u pubbliku u mal-fondi multilaterali tal-klima (pereż. il-Fond Ekoloġiku tal-Klima), b’mod partikolari biex ikun mobilizzat il-kapital privat għall-investimenti għall-klima. L-EUBEC kompliet ittejjeb il-komunikazzjoni, il-viżibilità u t-trasparenza tal-azzjoni klimatika fit-taħlit tal-UE.
Id-diskussjonijiet tal-EUBEC kienu kontribut għat-tħejjijiet tal-UE għall-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Klima, li ntemm b’suċċess, u għas-sehem tagħha fih, inkluż avveniment parallel li għalih attendew bil-bosta, u li ntlaqa’ tajjeb ferm matul il-COP21.
3.2. Is-settur privat
Meta jitqiesu l-prinċipji u l-kriterji tal-UE għall-appoġġ tal-atturi mis-settur privat, kif spjegati fil-Komunikazzjoni għall-Iżvilupp tas-Settur Privat u appoġġjati mill-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2014, u ħidma preċedenti li twettqet taħt l-EUBEC dwar użu ulterjuri ta’ strumenti finanzjarji speċifiċi, il-Grupp Tekniku 6 identifika t-tagħlimiet li ttieħdu, kif ukoll għadd ta’ prattiċi tajba li għandhom jiġu kkunsidrati f’operazzjonijiet imħallta. Il-Grupp ippreżenta rakkomandazzjonijiet lill-GP ta’ Diċembru 2014, li jistgħu jitqassru hekk: (1) Se jsir monitoraġġ tas-suċċess fl-attirar ta’ riżorsi mis-settur privat għal proġetti ffinanzjati permezz tal-mekkaniżmi ta’ taħlit, skont metodoloġija komuni permezz ta’ indikatur speċifiku ta’ ingranaġġ; (2) Il-kontribuzzjonijiet mill-partijiet ikkonċernati fil-livell tal-Faċilità tat-Taħlit jistgħu jsiru permezz ta’ Fondi apposta, flimkien ma’ kontribuzzjonijiet addizzjonali mill-Istati Membri, filwaqt li tinżamm l-abbiltà tal-UE biex tiżgura l-allinjament tal-proġetti sostnuti mal-prijoritajiet u l-objettivi strateġiċi tal-UE; (3) Is-sostenn tad-donaturi huwa għodda importanti sabiex l-UE u l-IF jiżviluppaw is-swieq lokali, pereż. permezz ta’ strumenti finanzjarji b’munita lokali, fondi apposta, u kondiviżjoni tar-riskju tal-portafolji; (4) L-Assistenza Teknika għall-partijiet rilevanti kollha hija indispensabbli għall-iżvilupp ta’ ambjent tan-negozju lokali li jwassal għall-investiment, għaż-żieda fil-provvista ta’ proġetti finanzjabbli, għall-iżvilupp ta’ servizzi lokali li jappoġġjaw lin-negozji u għat-titjib tal-kapaċità ta’ assorbiment ta’ benefiċjarji potenzjali; (5) Jista’ jiġi eżaminat l-ambitu għal kooperazzjoni aktar mill-qrib ma’ NGOs u investituri magħżula li żviluppaw għarfien espert speċifiku f’oqsma li fihom l-IF huma anqas attivi fil-kuntest tal-istrumenti ta’ taħlit; (6) Huwa importanti li r-rikors għat-taħlit għall-operazzjonijiet tas-settur privat ikun ġustifikat kif suppost, b’identifikazzjoni ċara tan-nuqqasijiet tas-suq indirizzati jew l-objettivi distribuzzjonali u biex ikun żgurat li s-sussidju jkun kkalibrat kif suppost u strutturat konformement mal-ħtiġijiet reali, fid-dawl ukoll tar-riskji mhux finanzjarji relatati mal-użu tal-istrumenti finanzjarji speċifiċi f’operazzjonijiet ta’ taħlit b’involviment tas-settur privat; (7) L-aċċertament li l-proġetti li jinvolvu lis-settur privat jiġu vvalutati f’termini tar-riżultati tal-iżvilupp tagħhom, u b’mod partikolari fir-rigward tar-riskju li l-inċentivi finanzjarji jkunu aktar mill-prinċipji tal-iżvilupp, jista’ jinkiseb permezz ta’ sistemi b’saħħithom ta’ monitoraġġ, aderenza stretta tal-benefiċjarji ma’ standards għoljin ta’ kondotta, fir-rigward tal-linji ta’ politika u tal-prattiċi ambjentali u soċjali, il-governanza korporattiva, it-trasparenza u l-integrità, inkluża l-prevenzjoni tal-frodi tat-taxxa u tal-evażjoni tat-taxxa.
Bħala segwitu tal-ħidma li saret fil-qafas tal-GT 6, saret Laqgħa Teknika fis-16 ta’ Ottubru 2015, iffukata fuq il-limitazzjonijiet prinċipali li ma jħallux lill-investituri istituzzjonali u oħrajn privati jieħdu sehem fil-finanzjament ta’ proġetti fil-pajjiżi emerġenti. Il-profili mhux adegwati tar-riskji/tal-gwadanji, il-klassifikazzjoni, il-likwidità, il-munita u d-daqs tat-tranżazzjoni ġew identifikati bħala uħud mill-aspetti li jenħtieġ li jitqiesu. Fost is-soluzzjonijiet possibbli kien hemm is-sindakazzjoni tas-self, is-sehem tal-investituri privati fis-suq tas-self, is-sehem fil-fondi ta’ ekwità, u s-sostenn tad-donaturi biex jitnaqqas it-telf mistenni u tiżdied l-attraenza.
L-IF saħqu li nkiseb xi suċċess fl-attirar tal-interess tal-investituri istituzzjonali fuq bażi individwali għal kull proġett għall-proġetti rilevanti. Madankollu, is-suċċess fil-livell tal-portafolji sa issa kien limitat, minkejja li l-isforzi jinsabu għaddejjin. Ġew diskussi xi eżempji innovattivi, bl-għan li jkunu attirati investituri privati abbażi ta’ portafoll kondiviż. B’perspettiva lejn il-futur, l-Istituzzjonijiet finanzjarji ntalbu jippreżentaw kunċetti aktar konkreti għal aktar diskussjonijiet fid-dawl tas-sehem imsaħħaħ tas-settur privat u l-involviment potenzjali tal-UE.
3.3.L-Aġenziji ta’ Kreditu għall-Esportazzjoni
Fir-rigward tal-kollaborazzjoni potenzjali bejn l-Istituzzjonijiet ta’ Finanzjament u l-Aġenziji ta’ Kreditu għall-Esportazzjoni (“AKE”), il-parteċipanti ddiskutew uħud mill-kwistjonijiet possibbli tal-involviment tal-AKE u tal-banek kummerċjali fil-programmi tas-settur pubbliku ffinanzjati mill-KE u mill-IF.
X’istituzzjonijiet finanzjarji rrimarkaw li jeżisti periklu li l-AKE joħonqu l-finanzjament kummerċjali li huwa fil-fatt disponibbli, u b’hekk jinħoloq xkiel fis-suq u jiġu stabbiliti l-inċentivi ħżiena. L-IF innutaw ukoll li l-kondiviżjoni tal-istatus ta’ kreditur preferut ma jġib miegħu l-ebda benefiċċju addizzjonali, billi l-AKE normalment ikunu kredituri preferuti bħala selliefa. L-IF esprimew fehmithom li l-kondiviżjoni tal-istatus ta’ kreditur preferut mal-banek kummerċjali mhijiex opzjoni għall-IF fi proġetti tas-settur pubbliku li fihom is-sovran jaġixxi bħala mutwatarju jew garanti, filwaqt li fi proġetti tas-settur privat din hija pjuttost komuni. Kif indikat mill-IF, mill-Assoċjazzjoni Bankarja Ewropea u mill-AKE Daniżi, diġà hemm eżempji ta’ kooperazzjoni bejn l-IF, il-banek kummerċjali u l-AKE fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, bħall-iskemi ta’ kreditu mħallat fil-Belġju, fid-Danimarka u fl-Awstrija kif ukoll tal-kollaborazzjoni bejn l-IF u l-AKE fil-kuntest tal-Unjoni ta’ Berne f’bosta oqsma.
Il-parteċipanti kkonkludew li l-kooperazzjoni mal-AKE u mal-banek kummerċjali fil-kuntest tal-faċilitajiet ta’ taħlit diġà hija opzjoni possibbli, u mhux se jkun hemm bżonn ta’ sessjonijiet ulterjuri. Il-parteċipanti ġew mistiedna jipproponu ideat konkreti għall-proġetti li jinvolvu lill-AKE u lill-banek kummerċjali għall-kunsiderazzjoni fl-oqfsa tat-taħlit.
3.4.Is-soċjetà ċivili
Il-KE kompliet bl-iskambju tagħha dwar it-taħlit mal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili u mas-settur privat. Matul l-2014 saru erba’ laqgħat: tlieta fil-kuntest tal-Forum ta’ Politika dwar l-iżvilupp (FPŻ) matul is-sessjonijiet organizzati f’Lima (il-Peru), f’Bangkok (it-Tajlandja) u fi Brussell. F’Novembru 2014 ġiet organizzata wkoll sessjoni ta’ ħidma speċifika dwar il-ħidma li saret fil-kuntest tal-GT6.
3.5.Diskussjonijiet ulterjuri
Se jibqgħu jsiru laqgħat tekniċi u laqgħat tal-Gruppi ta’ Politika taħt l-EUBEC dwar kwistjonijiet ewlenin ta’ politika tal-UE bħat-tweġiba għall-kriżi tal-migrazzjoni, it-tibdil fil-klima u l-involviment tas-settur privat, inkluż dwar il-possibbiltajiet għall-użu ta’ mudell ta’ garanzija f’pajjiżi terzi, li jissawwar fuq l-esperjenzi bil-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa, li jippermetti lill-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali jindirizzaw ostakli speċifiċi għall-investiment u b’hekk jattiraw atturi privati.
4.Konklużjonijiet
1)Il-faċilitajiet ta’ taħlit tal-UE baqgħu jżommu prestazzjoni adegwata b’sostenn għal-linji ta’ politika esterni tal-UE. Issa hemm fis-seħħ governanza ċara u konsistenti.
2)Ħafna mir-rakkomandazzjonijiet li ssemmew f’rapport mill-Qorti tal-Awdituri rigward l-effettività tal-faċilitajiet ta’ taħlit diġà ġew indirizzati, prinċipalment fil-kuntest tal-EUBEC, u l-UE se tkompli ssegwi l-proċess u kull tħassib li jitqajjem, b’attenzjoni kbira.
3)It-taħlit jibqa’ strument relattivament ġdid, u bħalissa tinsab għaddejja evalwazzjoni esterna indipendenti tal-effettività tiegħu, abbażi tal-evidenza miġbura sa issa. Tissokta wkoll il-konsultazzjoni ta’ partijiet ikkonċernati oħra bħall-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili.
4)Dwar il-mobilizzazzjoni tas-settur privat, imsawra fuq il-ħidma preċedenti tal-EUBEC, tkomplew id-diskussjonijiet tekniċi dwar kunċetti partikolari ppreżentati mill-IF, u l-IF intalbu jibqgħu jippreżentaw kunċetti konkreti għal aktar diskussjonijiet.
5)Rigward l-azzjoni klimatika, il-faċilitajiet ta’ taħlit reġjonali għandhom bżonn jibqgħu jintegraw l-azzjoni klimatika fl-operazzjonijiet ta’ taħlit tal-UE u jappoġġjaw l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Klima. Id-diskussjonijiet tal-EUBEC għandhom jappoġġjaw l-implimentazzjoni u jipprovdu gwida orizzontali ulterjuri skont il-bżonn.