IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 14.9.2016
COM(2016) 581 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
It-Tisħiħ tal-Investimenti Ewropej għall-impjieġ u t-tkabbir:
Lejn it-tieni fażi tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi
u pjan ġdid ta' Investiment Estern għall-Ewropa
Hemm bżonn investiment intelliġenti u sostenibbli biex jagħti spinta lill-impjiegi u lit-tkabbir, kemm fl-Ewropa kif ukoll globalment.
Minn Novembru 2014, il-Kummissjoni mmobilizzat riżorsi finanzjarji sinifikanti tal-UE b’mod innovattiv li jimmassimizza l-impatt tal-fondi pubbliċi u jimmobilizza l-investiment privat. L-investiment sostenibbli, b’mod partikolari fl-infrastruttura u l-kumpaniji żgħar u ta’ daqs medju, kien fil-qalba tal-azzjoni politika tagħha, l-aktar permezz ta’ użu aktar effiċjenti tar-riżorsi limitati tal-baġit tal-UE, flimkien ma’ miżuri li jtejbu l-ambjent kummerċjali ġenerali.
Il-Kummissjoni tkompli tippromwovi modi ġodda li bihom isir l-aħjar użu minn kull euro ta’ riżorsi pubbliċi, biex timmobilizza s-settur privat u jinkisbu riżultati tanġibbli fl-ekonomija reali.
Fl-UE, dan l-approċċ diġà qed juri riżultati inkoraġġanti. Il-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS), il-qalba tal-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa, għalhekk għandu jissaħħaħ u jiġi estiż, kemm fiż-żmien kif ukoll fir-rigward tal-kapaċità finanzjarja tiegħu.
Barra mill-UE, dan l-approċċ il-ġdid se jkun ukoll utli biex jiġu indirizzati l-bosta sfidi kemm fil-viċinat tal-UE kif ukoll fl-Afrika. F’dan l-isfond, u bil-ħsieb li jiġi promoss l-iżvilupp sostenibbli, l-impjiegi u t-tkabbir f’pajjiżi sħab u li jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni, il-Kummissjoni llum qed tippreżenta Pjan ta’ Investiment Estern (EIP) Ewropew ambizzjuż.
I. Il-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa - FEIS 2.0
Il-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa wera li huwa għodda utli biex jagħti riżultati konkreti u jħeġġeġ żieda sostenibbli fil-livelli baxxi ta’ investiment fl-Ewropa wara l-kriżi finanzjarja. Il-mod li bih hi mibnija l-garanzija jiżgura użu u ingranaġġ ottimali ta’ riżorsi pubbliċi skarsi biex jitwasslu riżultati konkreti għat-tkabbir u l-impjiegi. Il-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) - is-sieħeb strateġiku tal-Kummissjoni għall-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa - immobilizza permezz tal-FEIS kważi EUR 116 biljun f’26 Stat Membru f’inqas minn sena. Matul l-istess perjodu, aktar minn 200 000 SME kienu diġà bbenefikaw mill-FEIS
. Mill-Finlandja għall-Greċja, mill-Irlanda għall-Kroazja, minn proġetti industrijali avvanzati għar-rinnovament tal-industrija agroalimentari mill-SMEs u l-kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja fl-Ewropa, minn wind-farms sal-introduzzjoni ta’ teknoloġiji tas-saħħa ġodda, il-FEIS qiegħed jagħmel differenza reali billi jappoġġa proġetti innovattivi li jikkontribwixxu għall-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir fil-komunitajiet lokali. B’dan il-mod, il-FEIS huwa strumentali wkoll fil-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ
.
Fit-28 ta’ Ġunju 2016, il-Kunsill Ewropew ikkonkluda li “[i]l-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa, b'mod partikolari l-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS), diġà ta riżultati konkreti u huwa pass importanti fil-mobilizzazzjoni ta' investiment privat filwaqt li jsir użu għaqli tar-riżorsi baġitarji skarsi. Il-Kummissjoni dalwaqt beħsiebha tipproponi proposti dwar il-futur tal-FEIS, li għandhom jiġu eżaminati b'urġenza mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill.”
. Bil-proposta tagħha li ġiet adottata llum, il-Kummissjoni tat riżultati rigward dawn il-prijoritajiet.
Il-Kummissjoni hija impenjata li tirdoppja l-FEIS, kemm f’dak li hu żmien kif ukoll fil-kapaċità finanzjarja. Il-FEIS ġie stabbilit għal perjodu inizjali ta’ tliet snin u bl-għan li jimmobilizza mill-inqas EUR 315-il biljun ta’ investimenti strateġiċi. Minħabba s-suċċess tiegħu, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta regolament ta’ emenda, li jestendi l-FEIS fuq tul ta’ żmien u jżid il-kapaċità tiegħu. Dan jippermetti wkoll li jiġi evitat kwalunkwe tħarbit possibbli fir-rigward tal-finanzjament u jiżgura lill-promuturi li xorta waħda jkunu jistgħu jħejju proġetti sabiex jiġu ssottomessi wara l-ewwel perjodu ta’ investiment. L-estensjoni ġuridika ppreżentata llum tkopri l-perjodu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali attwali u għandha tipprovdi total ta’ mill-inqas nofs triljun euro ta' investimenti sal-2020. Biex tissaħħaħ aktar il-kapaċità tal-FEIS u tilħaq l-għan li tirdoppja tal-mira tal-investiment, il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri biex jikkontribwixxu wkoll bħala kwistjoni ta’ prijorità. Għall-perjodu ta’ wara l-2020, il-Kummissjoni beħsiebha tressaq il-proposti meħtieġa biex tiżgura li l-investiment strateġiku jibqa' f’livell sostenibbli.
Il-proposta tal-lum tinkludi l-elementi ewlenin li ġejjin:
EFSI 2.0 — Estensjoni fil-ħin, kapaċità akbar u addizzjonalità msaħħa (l-ewwel pilastru):
Minbarra l-estensjoni maż-żmien u l-kapaċità akbar, il-proposta leġiżlattiva tal-lum isaħħaħ l-addizzjonalità, li tiffoka fuq in-nuqqasijiet tas-suq u s-sitwazzjonijiet ta’ investiment subottimali biex jiżguraw livell ogħla ta’ effett kumulattiv tas-settur privat. Sabiex jiġi massimizzat l-impatt tal-inizjattiva, il-FEIS għandu jkompli jikkonċentra primarjament fuq il-kwalità tal-proġetti ta’ investiment (dawk li jwasslu għal produttività u kompetittività ogħla), flimkien ma’ żieda fil-volumi ta’ investiment. Fid-dawl tal-importanza tagħhom għas-Suq Uniku, proġetti ta’ infrastruttura transkonfinali, inklużi servizzi relatati, ġew speċifikament identifikati bħala li jipprovdu addizzjonalità. Barra minn hekk, il-FEIS se jiffoka aktar u aktar fuq investimenti sostenibbli fis-setturi kollha biex ikompli jissodisfa l-miri tal-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima (COP21) u jgħin jagħti riżultat dwar it-tranżizzjoni għal ekonomija ċirkolari, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u mingħajr karbonju
bi qbil mal-Aġenda 2030 u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli. Huwa propost ukoll li titħejja part akbar ta’ finanzjament għall-SMEs minħabba li l-assorbiment tas-suq kien partikolarment mgħaġġel taħt it-tieqa għall-SMEs fejn il-FEIS qed jagħti riżultati ħafna akbar mill-aspettattivi. Fl-aħħar nett, ġie mfassal sett ta' strumenti finanzjarji ġodda, bil-ġbir ta' riżorsi mill-programm għall-Impjiegi u Innovazzjoni Soċjali (EaSI) u l-FEIS biex isaħħaħ l-appoġġ lejn l-intraprenditorija soċjali u l-mikrofinanzjament.
Objettiv importanti tal-FEIS 2.0 huwa li jtejjeb il-kopertura ġeografika tal-FEIS u jsaħħaħ l-adozzjoni tiegħu f'reġjuni inqas żviluppati u ta’ tranżizzjoni. F’dan ir-rigward, il-kombinazzjoni tal-FEIS ma’ sorsi oħrajn ta’ finanzjament tal-Unjoni, inklużi l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE) hija element ewlieni
. Illum, il-Kummissjoni adottat proposta ta' simplifikazzjoni tar-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni biex tiffaċilita din il-kombinazzjoni. Barra minn hekk, iċ-Ċentru ta’ Konsulenza Ewropew għall-Investiment se jkun imsaħħaħ f’livell reġjonali u lokali sabiex jikkontribwixxi b’mod attiv għad-diversifikazzjoni settorjali u ġeografika tal-FEIS.
Huwa propost ukoll li tissaħħaħ it-trasparenza f’deċiżjonijiet ta’ investiment u proċeduri ta’ governanza. Il-Kumitat tal-Investiment se jkollu jkompli jispjega fid-deċiżjonijiet tiegħu, li jsiru disponibbli għall-pubbliku, ir-raġunijiet li għalihom huwa jqis li operazzjoni partikolari għandha tibbenefika mill-garanzija tal-UE, b’mod partikolari fir-rigward tal-addizzjonalità. Barra minn hekk, it-tabella ta' valutazzjoni ta’ indikaturi se tiġi pubblikata ladarba tiġi ffirmata operazzjoni skont il-garanzija tal-UE. Barra minn hekk, il-proposta tinkludi wkoll obbligu fuq il-BEI u l-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI) biex jinformaw lill-benefiċjarji finali, inklużi l-SMEs, bl-eżistenza ta’ sostenn mill-FEIS.
Assistenza teknika msaħħa (it-tieni pilastru):
L-assistenza teknika se tingħata minn Ċentru ta’ Konsulenza Ewropew għall-Investiment (EIAH) eqreb lejn il-post permezz ta’ ftehimiet ma’ atturi lokali rilevanti. Se tkun disponibbli wkoll assistenza teknika aktar immirata u mfassla apposta għal proġetti li jinvolvu diversi Stati Membri, għal proġetti li jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-għanijiet tal-COP21, u għall-kombinazzjoni tal-FEIS ma’ sorsi oħra ta’ finanzjament tal-Unjoni, bħal pereżempju l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, Orizzont 2020, u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa. Il-proposta tal-FEIS 2.0 tipprovdi wkoll f’dan il-kuntest li ċ-Ċentru għandu jikkontribwixxi b’mod attiv għall-objettiv ta’ diversifikazzjoni settorjali u ġeografika tal-FEIS, billi jappoġġa lill-BEI fl-isforzi tiegħu biex joriġina proġetti ġodda fuq il-post, fejn meħtieġ.
F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni se tesplora l-possibbiltà li jiġu identifikati r-rappreżentanti ta’ investiment Ewropew dedikati fl-uffiċċji tar-rappreżentazzjoni tagħha fl-Istati Membri, li jaħdmu mas-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni f’tim uniku ta’ politika għall-investiment.
It-tneħħija tal-ostakli għall-investiment u l-approfondiment tas-Suq Uniku (it-tielet pilastru):
L-ambjent tan-negozju ġenerali huwa element importanti fir-rigward tal-promozzjoni ta’ investimenti sostenibbli. Xi sforzi biex dan jitjieb għandhom isiru fil-livell nazzjonali; sfidi oħrajn jistgħu jiġu indirizzati fil-livell Ewropew. Bħala parti mill-isforzi tagħha biex ittejjeb l-ambjent ekonomiku tal-Ewropa, il-Kummissjoni diġà ppreżentat għadd ta’ inizjattivi biex tappoġġa l-investiment u tiffaċilita l-finanzjament tal-ekonomija reali, bħat-tnaqqis tal-allokazzjonijiet ta’ kapital għall-kumpaniji tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni fir-rigward tal-investimenti fl-infrastruttura u tal-adozzjoni ta' gwida prattika dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat fil-kuntest tal-finanzjament pubbliku tal-infrastruttura. Barra minn hekk, l-Unjoni tal-Enerġija, l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, is-Suq Uniku u l-Istrateġiji tas-Suq Uniku Diġitali u l-pakkett dwar l-Ekonomija Ċirkolari u l-ftehimiet internazzjonali kummerċjali u ta' investiment kollha fihom miżuri speċifiċi li se jneħħu l-ostakli konkreti u se jtejbu aktar l-ambjent għall-investiment, meta jiġu implimentati bis-sħiħ. Pereżempju, l-Unjoni tal-Enerġija se tikkontribwixxu biex tiżdied iċ-ċertezza ex-ante dwar il-kontabbiltà pubblika għal setturi speċifiċi, bħall-effiċjenza tal-enerġija. L-Eurostat żviluppa u ċċara iktar ir-regoli tal-kontabilità pubblika rilevanti (ESA 2010), partikolarment fil-qasam tas-sħubijiet pubbliċi-privati (PPPs). Fid-29 ta' Settembru 2016, se tiġi ppubblikata gwida dwar it-trattament statistiku ta’ PPPs, prodotta f’kooperazzjoni mal-BEI u prinċipalment indirizzata lil partijiet ikkonċernati privati. Din il-pubblikazzjoni ser tiġi segwita minn kampanja ta’ outreachattiv. Barra minn hekk, u kif ġie enfasizzat fil-Komunikazzjoni tal-1 ta’ Ġunju, l-Eurostat qed jissorvelja mill-qrib l-impatt tar-regoli tal-kontabbiltà pubblika dwar il-ħolqien ta’ sħubijiet pubbliċi-privati f’setturi differenti, u fejn meħtieġ ser jieħu azzjoni ulterjuri.
L-Unjoni tas-Swieq Kapitali se tgħin biex jitneħħew ostakoli finanzjarji għall-investiment. Għal dan l-għan, qed jiġu kkunsidrati aktar emendi għal Solvibbiltà II f’relazzjoni għall-investimenti tal-assiguraturi fl-infrastruttura korporattivi u qafas regolatorju tal-kapital ta’ riskju. Il-Kummissjoni sejra wkoll tipproponi, fil-qafas tar-reviżjoni li jmiss tal-leġiżlazzjoni bankarja li se tiġi adottata qabel l-aħħar tas-sena, li tbaxxi l-allokazzjonijiet tal-kapital li japplikaw għall-banek meta jinvestu f’assi ta’ infrastruttura. Inizjattivi biex ikompli jissaħħaħ is-Suq Uniku fil-prodotti u s-servizzi huma wkoll vitali biex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tal-investiment fl-Ewropa. L-Istrateġija tas-Suq Uniku se tgħin biex toħloq opportunitajiet ġodda ta’ negozju u jitneħħew ostakli regolatorji u amministrattivi, b’mod partikolari għal fornituri ta’ servizzi li jixtiequ jespandu madwar l-Ewropa. Bħalissa għaddejja ħidma fuq proposti konkreti marbuta mal-infurzar tar-regoli tas-suq uniku kif ukoll miżuri fil-qasam tas-servizzi tan-negozju, ir-ristrutturar tan-negozju u l-insolvenza u l-ħolqien ta’ sistema tal-VAT sempliċi, moderna u li ma tkunx vulnerabbli għall-frodi. L-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali se ssaħħaħ iċ-ċertezza regolatorja fis-settur diġitali. Il-Kummissjoni qiegħda tesplora l-possibilità ta' tfassil ta' qafas dwar l-awtorizzazzjoni unika tal-UE li jkun japplika direttament għall-proġetti l-kbar b’dimensjoni transfruntiera jew għall-Pjattaformi ta’ investiment kbar li jinvolvu kofinanzjament nazzjonali.
Jinħtieġ li l-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom biex jimplimentaw ir-riformi meħtieġa mmirati lejn it-tneħħija tal-ostakoli kollha għall-investiment li ġew identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew. Dan jikkonċerna oqsma bħall-insolvenza, l-akkwist pubbliku, is-sistemi ġudizzjarji u l-effiċjenza tal-amministrazzjoni pubblika jew regolamenti speċifiċi għas-setturi. Dawn ir-riformi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż huma kundizzjoni meħtieġa biex l-livelli ta’ investiment jiġu sostnuti u jiżdiedu fl-Istati Membri, filwaqt li jqisu l-ispeċifiċitajiet nazzjonali. Ir-rakkomandazzjonijiet għal riformi fil-qasam tal-investiment se jiġu diskussi f’diversi formazzjonijiet tal-Kunsill fil-ħarifa. F’dan il-kuntest, u bi tħejjija għas-Semestru Ewropew tal-2017, il-Kummissjoni se taġġorna wkoll il-valutazzjonijiet dwar l-isfidi għall-Ambjenti ta’ Investiment tal-Istati Membri li se terġa’ tiġi ppubblikata flimkien mal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir.
II. Il-Pjan ta' Investiment Estern Ewropew
L-investiment huwa wkoll fattur ewlieni biex jibdel il-politika tal-iżvilupp u l-assistenza sabiex jappoġġja aħjar il-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli, u jindirizza l-bosta sfidi affrontati kemm fil-Viċinat tal-UE kif ukoll fl-Afrika. L-investiment intelliġenti u sostenibbli jista’ jkollu rwol essenzjali biex tingħata spinta lill-impjiegi u t-tkabbir fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, iġib iktar stabbiltà u jtejjeb il-kundizzjonijiet fuq il-post f’pajjiżi fraġli affettwati minn kunflitt.
Fit-28 ta’ Ġunju 2016, il-Kunsill Ewropew approva l-proposta tal-Kummissjoni għal Qafas ta’ Sħubija ġdid ma’ pajjiżi terzi
. Dan il-Qafas huwa bbażat fuq il-premessa li l-indirizzar tal-isfida tal-migrazzjoni jeħtieġ sforz konġunt li jkun totalment inkorporat fir-relazzjoni ġenerali tal-UE ma’ pajjiżi sħab u appoġġat mill-politiki u l-għodod rilevanti kollha tal-UE. Sabiex jiġu indirizzati l-flussi migratorji, qed jiġu żviluppati patti flimkien ma’ pajjiżi sħab biex jinkisbu l-għanijiet fuq terminu qasir ta’ salvataġġ tal-ħajjiet fuq il-baħar, tiżdied ir-rata ta’ ritorn u l-migranti u r-rifuġjati jitħallew jibqgħu qrib kemm jista’ jkun ta’ darhom.
Huwa meħtieġ approċċ ġdid biex jiġu indirizzati l-fatturi li jikkostitwixxu l-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni,u biex jiġu appoġġjati s-sħab fil-ġestjoni tal-konsegwenzi tagħha, kemm fl-Afrika kif ukoll fil-Viċinat tal-UE, billi jiġu ffinanzjati l-investimenti u jiġu indirizzati l-ostakli għall-investiment privat. Fl-2015, aktar minn 60 miljun ruħ ħallew darhom biex ifittxu ħajja aħjar, jew minħabba li kienu qed ifittxu rifuġju minn kunflitti u gwerer jew minħabba li l-opportunitajiet ekonomiċi f’pajjiżhom kienu limitati. Il-Pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq u tal-Lvant Nofsani ospitaw madwar 40% tal-persuni spustati madwar id-dinja kollha, l-Afrika sub-Saħarjana ammontat għal 30% oħra. It-taħlita ta’ numri kbar ta’ persuni spostati u l-prospetti ekonomiċi dgħajfa hija sfida komuni għall-UE u għall-pajjiżi sħab tagħha.
Il-politiki esterni tal-Unjoni u b’mod partikolari l-politika tagħha għall-iżvilupp u l-politika tal-Viċinat, ifittxu li jippromwovu l-valuri u l-interessi tal-Unjoni, inkluż permezz tal-promozzjoni ta’ prosperità. It-tkabbir ekonomiku huwa prerekwiżit għall-iżvilupp sostenibbli, iżda t-tkabbir ekonomiku fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp issa laħaq l-aktar livelli baxxi tiegħu mill-2003. L-instabbiltà u l-kunflitti fl-Afrika u fil-Viċinat tal-UE ġew aggravati mill-kriżi ekonomika globali, li irriżultaw f’żieda ġenerali fid-dejn. Il-kumpaniji qed jaffaċċaw kriżijiet tal-kreditu, li jnaqqsu l-aċċess għal finanzjament għall-investiment tant meħtieġ. L-użu insostenibbli tar-riżorsi naturali spiss iċaħħad lill-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp minn sorsi potenzjali ta' tkabbir ekonomiku.
Fir-rigward tal-investiment dirett barrani (IDB) lejn pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, 6% biss imur għall-pajjiżi fraġli
, u dan ibaxxi l-investiment per capita għal livell kważi ħames darbiet inqas minn f’pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp oħrajn. Bl-istess mod, l-ispiża biex jinbeda negozju hija kważi tliet darbiet ogħla f’pajjiżi fraġli milli f’pajjiżi mhux fragli. Minkejja t-tkabbir demografiku kontinwu, t-tkabbir fl-Afrika naqas għall-aktar livelli dgħajfa fi snin. Flimkien ma’ kwistjonijiet sinifikanti ta’ sigurtà, din ix-xejra taggrava l-faqar, ixxekkel l-iżvilupp sostenibbli, u tirriżulta f’kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali li ta’ spiss huma fost il-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni.
Enfasi aktar qawwija fuq l-investiment hija element ewlieni tal-Aġenda tan-Nazzjonijiet Uniti tal-2030, l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs)
tagħha u l-aġenda ta’ Addis Ababa dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp. Filwaqt li l-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp tibqa’ essenzjali għall-pajjiżi l-aktar foqra u fraġli fl-isforzi tagħhom fil-ġlieda kontra l-faqar u biex jinkiseb żvilupp sostenibbli, mezzi oħra ta’ finanzjament tal-pajjiżi sħab tagħna jiksbu ħafna piż addizzjonali, inkluż l-investiment, il-kummerċ, il-mobilizzazzjoni tar-riżorsi domestiċi u governanza tajba. Fuq il-front ekonomiku, hemm bżonn approċċ ġdid li jattira b’mod partikolari l-investiment mis-settur privat, sabiex jiġġenera l-investiment fuq l-iskala meħtieġa biex jindirizza l-isfidi ekonomiċi, soċjali, u ambjentali. L-impenji meħudin f’Addis Ababa mill-komunità internazzjonali
, inkluża l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, għandhom l-għan li jrawmu l-prosperità ekonomika inklużiva biex jitjieb il-benessri tan-nies, filwaqt li jitħares l-ambjent. Bħala parti minn dan il-proċess
, hija fundamentali l-promozzjoni tal-aċċess għal finanzjament affordabbli u stabbli.
Dan l-approċċ immirat se jikkontribwixxi għall-appoġġ tal-iżvilupp sostenibbli f’pajjiżi sħab, li min-naħa tagħhom se jsiru s-swieq tat-tkabbir tal-ġejjieni. Se jipprovdi wkoll opportunitajiet għall-intrapriżi privati permezz tal-kummerċ u l-investiment, inkluż mill-Ewropa, biex b’hekk ikun hemm sostenn lid-Diplomazija Ekonomika Ewropea u jikkontribwixxi għat-tkabbir ekonomiku Ewropew. Se jappoġġa l-implimentazzjoni tal-Qafas ta' Sħubija l-ġdid propost għall-pajjiżi sħab mill-UE.
Sabiex jinkisbu dawn l-għanijiet, li huma kompletament konformi mal-Istrateġija Globali tal-UE dwar il-Politika Barranija u ta’ Sigurtà
u mal-Politika Ewropea tal-Viċinat
riveduta, il-Kummissjoni qed tippreżenta għall-ewwel darba pjan ambizzjuż, inizjalment għall-Afrika u l-Viċinat tal-UE. Dan se jkun ukoll kontribuzzjoni importanti li l-UE ser tippreżenta lis-sħab tagħha fil-laqgħa tal-Assemblea Ġenerali tan-NU li jmiss fi New York, fejn il-kondiviżjoni tar-responsabbiltà globali biex jiġu indirizzati tendenzi fit-tul fil-qasam tal-migrazzjoni ser tkun fil-qalba tad-diskussjoni.
Il-pakkett ta' Pjan ta’ Investiment Estern
Il-pakkett tal-EIP adottat illum mill-Kummissjoni jinkludi l-elementi li ġejjin:
1.Proposta għal Regolament dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli (EFSD) u li jistabbilixxi Garanzija għall-EFSD u l-Fond ta’ Garanzija tal-EFSD;
2.Ir-Rapport tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-applikazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 466/2014/UE fir-rigward ta’ garanzija tal-UE lill-Bank Ewropew tal-Investiment kontra telf minn operazzjonijiet ta’ finanzjament li jappoġġaw proġetti barra l-Unjoni;
3.Proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tagħti garanzija tal-UE lill-BEI kontra telf minn operazzjonijiet ta’ finanzjament li jappoġġaw proġetti barra l-Unjoni;
4.Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill dwar l-attività esterna tal-BEI fl-2015 b’garanzija baġitarja tal-UE;
5.Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill Nru 480/2009 li jistabbilixxi Fond ta' Garanzija għal azzjonijiet esterni;
6.Abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-miżura individwali "Il-Ħolqien ta’ Pjattaforma ta’ Investiment fl-Afrika" u li tħassar id-Deċiżjoni C(2015)5210;
7.Abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-“Pjattaforma ta’ Investiment tal-Viċinat”, li temenda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016)3436 dwar il-Faċilità ta’ Investiment tal-Viċinat taħt l-Istrument Ewropew ta’ Viċinat; kif ukoll
8.Abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-miżura individwali għal kontribuzzjoni għall-Fond ta' Garanzija tal-EFSD li għandha tkun iffinanzjata mill-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp.
|
L-elementi ewlenin tal-Pjan Ewropew ta’ Investiment Estern
L-EIP jiżgura approċċ koerenti Ewropew għal investimenti barra mill-UE, billi jikkombina l-istrumenti eżistenti ma tliet elementi ġodda importanti. L-ewwel nett, huwa jiġbor flimkien fi pjan koerenti wieħed diversi azzjonijiet li jippromwovu titjib tal-ambjent tan-negozju u tal-politika fil-pajjiżi sħab fir-rigward tal-aċċess għall-finanzjament u l-iżvilupp ta’ proġetti ekonomikament vijabbli. It-tieni, joħloq punt uniku ta’ kuntatt għal talbiet ta’ finanzjament għal investimenti, u b’hekk jiżgura l-effiċjenza u l-ingranaġġ ta’ istituzzjonijiet finanzjarji pubbliċi u s-settur privat. It-tielet, permezz ta’ mekkaniżmu ġdid ta’ garanzija, jindirizza ħtiġijiet speċifiċi għal investiment privat f’ambjenti b’riskji ogħla.
L-EIP huwa approċċ ġdid għall-mod kif l-Unjoni tappoġġa l-iżvilupp sostenibbli u tidentifika, tipprepara u tagħti appoġġ lil proġetti ta’ investiment f’pajjiżi barra l-Ewropa. Il-pjan joffri qafas integrat għal sħubija li tippermetti kooperazzjoni sħiħa bejn l-UE, l-Istati Membri, l-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali, donaturi oħrajn, l-awtoritajiet pubbliċi u s-settur privat. Dan se jtejjeb il-mod li bih jintużaw il-fondi pubbliċi skarsi u l-mod kif l-awtoritajiet pubbliċi u l-investituri privati jikkooperaw fuq proġetti ta’ investiment.
Barra minn hekk, se jappoġġa r-riformi meħtieġa biex tiġi miġġielda l-korruzzjoni, tittejjeb il-governanza ekonomika u l-ambjenti ta’ negozju lokali, b’kooperazzjoni sħiħa mal-pajjiżi terzi kkonċernati.
Il-Pjan għandu l-għan li jagħti spinta lill-investiment u l-ħolqien tal-impjiegi fl-Afrika u fil-Viċinat tal-UE, u jattira l-finanzjament, b’mod partikolari mis-settur privat. Dan jibni fuq l-esperjenza miksuba permezz tal-FEIS u jibbenefika mill-għarfien espert tal-Kummissjoni, il-BEI, u l-istituzzjonijiet l-oħra li għandhom faċilitajiet ta’ investiment għall-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp.
Il-Pjan se jaħdem flimkien u jikkumplimenta lil strumenti eżistenti ta’ kooperazzjoni u żvilupp internazzjonali. B’mod partikolari, dan se jikkumplimenta l-proġetti li qed isiru ma’ pajjiżi sħab fil-qafas tal-Fond Fiduċjarju ta’ Emerġenza għall-Afrika
u l-Fond Fiduċjarju Reġjonali tal-UE b’Rispons għall-Kriżi Sirjana
sabiex jinkisbu l-għanijiet fuq terminu qasir tal-Qafas ta' Sħubija. Huwa ser jagħmel dan billi jsaħħaħ strateġiji ta’ żvilupp fit-tul li jipprovdu opportunitajiet ekonomiċi reali għan-nies lokali u għall-migranti riintegrati, u b’hekk jindirizza l-kawżi bażiċi tal-migrazzjoni. B’dan il-mod, il-Pjan ser jikkostitwixxi għodda kruċjali għall-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli, u li jinħoloq ingranaġġ ta' riżorsi addizzjonali għall-iżvilupp skont l-Aġenda ta’ Addis Ababa dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp. Fil-viċinat tal-UE, huwa ser jippromwovi l-iżvilupp ekonomiku biex progressivament tinkiseb l-istabbilizzazzjoni u t-transizzjoni minn risponsi ta’ emerġenza għal risponsi strutturali. Il-possibbiltà li l-investimenti taħt il-Pjan jiġu diretti lejn enerġija sostenibbli u rinnovabbli se tikkontribwixxi wkoll lejn l-implimentazzjoni tal-COP 21.
Il-pjan jinkludi tliet partijiet ewlenin sabiex jilħaq l-għan aħħari tiegħu għall-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir sostenibbli:
(i) il-mobilizzazzjoni tal-investiment;
(ii) iż-żieda fl-assistenza teknika; kif ukoll
(iii) l-appoġġ tar-riformi ekonomiċi u strutturali biex itejjeb l-ambjent tan-negozju u ta' politika aktar wiesa’.
Dawn il-prijoritajiet huma ispirati mill-prinċipji ewlenin tal-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa, u l-esperjenza miksuba permezz tiegħu. Ir-riformi strutturali u istituzzjonali u t-titjib tal-ambjent ġenerali tan-negozju huma essenzjali biex jirfdu tkabbir sostenibbli fit-tul. Mingħajr dan, l-impatt tal-investimenti jista’ jkollu ħajja qasira.
It-tkabbir b’mod effettiv tal-investiment fil-pajjiżi sħab jeħtieġ analiżi speċifika u tweġibiet imfassla apposta. Dan huwa partikolarment minnu fil-pajjiżi sħab milquta minn fraġilità, kunflitt u emigrazzjoni u istituzzjonijiet tas-settur pubbliku dgħajfa . "Twieqi ta' investiment" speċifiċi skont il-Pjan ser jiġu stabbiliti għal dan l-għan.
1. Il-mobilizzazzjoni tal-investiment
Il-Kummissjoni tipproponi li toħloq opportunitajiet ta’ investiment f’pajjiżi sħab permezz tal-ingranaġġ ta’ riżorsi eżistenti tal-UE b'mod simili għal dak tal-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa u l-FEIS. Fil-qalba tal-EIP jinsab il-ħolqien ta’ Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli
ġdid. L-EFSD se jkun magħmul minn pjattaformi ta’ investiment reġjonali, li ser jikkombinaw il-finanzjament minn faċilitajiet ta’ taħlit eżistenti
u l-garanzija tal-EFSD minn riżorsi li ġejjin mill-baġit tal-UE u mill-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp
. L-istruttura ta’ governanza tal-EFSD ser tiżgura koordinazzjoni mill-qrib ma’ azzjonijiet meħuda taħt il-Mandat ta’ Self Estern estiż propost tal-BEI, inkluża l-Inizjattiva ta' Reżiljenza l-ġdida tiegħu u l-Faċilità ta’ Investiment tal-ACP.
Dan l-EFSD huwa mistenni jwassal għal volumi ta' investiment pubbliku u privat addizzjonali, u jimmobilizza l-investimenti totali sa EUR 44 biljun, ibbażat fuq kontribuzzjoni ta' EUR 3,35 biljun mill-baġit tal-UE u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp. Sabiex tissaħħaħ aktar il-kapaċità u l-effiċjenza tal-Fond il-ġdid, il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri u sħab oħra biex ilaħħqu ma’ dawn il-kontribuzzjonijiet totali tal-UE. Jekk ilaħħqu mal-garanzija tal-UE, bil-flessibbiltajiet deskritti hawn taħt, l-ammont totali ta’ investiment addizzjonali jista’ jkun ta’ EUR 62 biljun. Jekk dawn ilaħħqu wkoll mal-kontribut għat-taħlit, dan l-ammont jista’ jilħaq EUR 88 biljun.
1.1 Kif ser taħdem?
Il-kombinazzjoni ta’ faċilitàjiet għat-taħlit eżistenti u stabbiliti sew ma' garanzija addizzjonali ġdida u t-tqegħid taħt qafas wieħed koerenti, se toħloq “punt uniku ta’ servizz” għal investituri privati u pubbliċi. Dan ser jippermetti li s-sħab isibu malajr il-prodotti l-aktar xierqa u jiżguraw li l-proġetti jsiru realtajiet li joħolqu l-impjiegi u jikkontribwixxu għall-iżvilupp sostenibbli.
L-ewwel żewġ Pjattaformi ta’ Investiment Reġjonali se jkopru l-Afrika u l-Viċinat tal-UE (in-Nofsinhar u l-Lvant), bil-possibbiltà li jespandu l-kopertura għal reġjuni oħra fi stadju aktar tard. Il-Pjattaformi l-ġodda se jikkombinaw il-faċilitajiet ta’ taħlit eżistenti (il-Faċilità ta’ Investiment tal-Afrika u l-Faċilità ta' Investiment tal-Viċinat), b’objettivi b'fokus ġdid u b'kompiti ġodda. Il-garanzija tal-EFSD ser tgħin biex iżżid il-kreditu u żżid l-effett ta’ ingranaġġ, li se jibbenefikaw lill-benefiċjarji u l-proġetti finali. L-approċċ il-ġdid se jippermetti għal kondiviżjoni tar-riskju orjentata lejn l-investiment ma' investituri oħra, u b’mod partikolari l-atturi privati. Dan l-approċċ se jippermetti l-attrazzjoni tal-investiment privat billi jiġu indirizzati l-fatturi ewlenin li bħalissa qegħdin jimpedixxu dan.
Il-proġetti speċifiċi se jiġu miftiehma b’mod konġunt bejn il-partijiet interessati kollha fi proċess imħaffef. Filwaqt li pajjiżi fl-Afrika u fil-Viċinat tal-UE spiss jaqsmu sfidi komuni, jeħtieġ li jittieħed kont tal-kondizzjonijiet reġjonali jew settorjali. Għalhekk se jkunu kruċjali l-involviment qawwi u s-sens ta' sjieda tal-pajjiżi sħab matul it-tfassil u l-implimentazzjoni tal-proġetti. Istituzzjonijiet finanzjarji li diġà huma attivi fir-reġjuni rilevanti ser jiġu mistiedna jressqu l-proposti tagħhom stess biex jibbenefikwa minn garanzija ġdida. Il-BEI, minbarra li hu wieħed mill-istituzzjonijiet finanzjarji ewlenin ta’ implimentazzjoni, se jagħti rwol konsultattiv biex isaħħaħ aktar il-kwalità u l-impatt tal-istrateġija ta’ investiment. Se jkunu fil-mira setturi soċjoekonomiċi u b’mod partikolari l-infrastruttura, inkluż l-enerġija, l-ilma, it-trasport, it-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, u l-ambjent u l-infrastruttura soċjali, kif ukoll investimenti f’kapital uman u l-aċċess għall-finanzjament għal intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju, b’fokus partikolari fuq il-ħolqien tal-impjiegi, inkluż għaż-żgħażagħ.
Is-sieħeb strateġiku tal-UE għall-investimenti, il-BEI, se jappoġġa din l-inizjattiva tal-UE, permezz tal-finanzjament ta’ investimenti eliġibbli taħt l-EFSD u jikkatalizza sorsi oħra ta’ finanzjament, b’mod partikolari mis-settur privat.
1.2. Impatt akbar
Bħall-FEIS u diversi strumenti finanzjarji sostnuti minn faċilitajiet ta’ taħlit tal-UE mill-2007, il-garanzija tal-EFSD l-ġdida se timmobilizza aktar investimenti, b’mod partikolari mill-investituri privati. L-investimenti se jimmiraw lejn reġjuni, pajjiżi jew setturi speċifiċi permezz tal-istabbiliment ta’ “twieqi ta’ investiment”. Il-garanzija se tingħata lil kontropartijiet eliġibbli (istituzzjonijiet finanzjarji jew investituri fis-settur privat) permezz tal-implimentazzjoni ta’ ftehimiet ta’ opportunitajiet ta’ investiment. Dawn il-kontropartijiet min-naħa tagħhom se jipprovdu appoġġ (permezz ta’ self, garanziji, ekwità jew prodotti simili) għal proġetti ta’ investiment u jiżguraw li l-kopertura tal-garanzija tingħadda lill-benefiċjarji finali. Abbażi ta’ stimi konservattivi, il-Kummissjoni tistenna li kull euro garantit ser jimmobilizza total ta’ aktar minn għaxar euro ta’ investiment.
Il-Kummissjoni tipproponi skema innovattiva li biha EUR 1,5 biljun ta’ garanziji koperti mill-baġit tal-UE se jkunu appoġġjati minn fond ta’ garanzija bi provvista ta’ EUR 750 miljun
, biex jimmassimizzaw l-impatt tal-garanzija l-ġdida tal-EFSD u tintlaħaq massa kritika li tkun kapaċi tagħti r-riżultati skont il-ħtiġijiet identifikati. L-impatt tal-garanzija l-ġdida tal-EFSD se jissaħħaħ bil-kbir kieku l-Istati Membri jiddeċiedu favur kontribuzzjoni addizzjonali ta’ mill-inqas EUR 750 miljun mogħtija fil-forma ta’ garanzija tat-tieni telf li tista’ tintalab biss f’xenarju mhux probabbli ta’ telf ta’ aktar minn EUR 1,5 biljun. L-Istati Membri Kontributuri ma jkollhom fuqhom l-ebda obbligazzjoni kontinġenti fuq l-ammont ta’ garanzija tagħhom. L-Istati Membri ser ikunu jistgħu jikkontribwixxu wkoll fi flus kontanti. B’mod importanti, fil-kuntest tal-valutazzjoni tal-finanzi pubbliċi skont il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, il-Kummissjoni se tieħu pożizzjoni favorevoli lejn kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri għall-Fond, kif kien l-approċċ fil-kuntest tal-FEIS.
Fil-każ ta’ kontribuzzjonijiet fi flus kontanti mill-Istati Membri, dawn għandhom, fil-prinċipju, jikkwalifikaw bħala miżuri ta’ darba; garanzija ta’ Stat Membru ma jistax, bi prinċipju, ikollha impatt fuq id-defiċit pubbliku sakemm ma tiġix eżerċitata
.
Barra minn hekk, l-Istati Membri li jikkontribwixxu għat-tisħiħ ta’ garanzija EFSD jitħallew jallokaw il-kontribuzzjoni tagħhom għal skop speċifiku. Dan jista’ jsir skont ir-reġjun is-settur. Dan se jgħin biex jallinja l-objettiv li jimmassimizzaw l-impatt tal-pjan ta’ investiment estern mal-prijoritajiet tal-Istati Membri.
1.3 Min jiddeċiedi?
Il-Kummissjoni se tingħata pariri minn Bord Strateġiku u żewġ Bordijiet Operattivi, wieħed għal kull Pjattaforma ta’ Investiment Reġjonali. Il-Kummissjoni se tiġġestixxi s-Segretarjat tal-EFSD, li sejjer jiżgura t-twettiq tal-kompiti kollha u l-funzjonijiet meħtieġa biex jintlaħqu l-għanijiet tal-EIP. Il-Bord Strateġiku, kopresedut mir-rappreżentanti tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u magħmul mill-Istati Membri u l-BEI, ser jagħti gwida strateġika u jgħin lill-Kummissjoni tistabbilixxi l-miri ġenerali fir-rigward tal-użu ta’ garanzija tal-EFSD, jiżgura koordinazzjoni u koerenza bejn il-Pjattaformi ta’ Investiment Reġjonali u l-Mandat ta’ Self Estern, l-Inizjattiva tar-Reżiljenza u l-Faċilità ta’ Investiment għall-AKP ġestita mill-BEI. Il-BEI ser jikkontribwixxi b’mod attiv permezz ta’ funzjonijiet konsultattivi għall-Kummissjoni fir-rigward tal-ġestjoni operattiva tal-garanzija.
Se jiġu żgurati valutazzjoni teknika soda u d-diliġenza dovuta kif ukoll implimentazzjoni rapida ta’ proġetti individwali. Il-bankabbiltà u r-riskju tal-proġetti ser jiġu eżaminati mill-kontropartijiet eliġibbli u vverifikati minn esperti indipendenti sabiex tiġi żgurata l-kredibilità vis-à-vis s-settur privat, qabel ma l-proposti ta' investiment jiġu approvati mill-Kummissjoni. Il-modalitajiet prattiċi dettaljati ta’ kif tiġi implimentata l-garanzija ser jiġu deċiżi għal kull tieqa ta’ investiment.
2. Żieda fl-assistenza teknika ma’ pajjiżi sħab
Il-mobilizzazzjoni ta' aktar investiment teħtieġ l-iżvilupp ta’ proġetti finanzjarjament sodi, attraenti u maturi. Fil-kuntest tal-EIP, il-Kummissjoni għamlet disponibbli diversi riżorsi għall-assistenza teknika biex tgħin lill-pajjiżi sħab biex jattiraw l-investiment billi jiġi żviluppat numru akbar ta’ proġetti bankabbli u jiġu pubbliċizzati mal-komunità ta' investituri internazzjonali. Il-Kummissjoni se tieħu mill-esperjenza li kisbet l-UE taħt il-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa, b’mod partikolari fir-rigward tal-iżvilupp ta’ Ċentru ta’ Konsulenza Ewropew għall-Investiment u l-Portal ta’ Proġetti ta’ Investiment Ewropej.
L-assistenza teknika ser tiffoka fuq it-tħejjija aħjar u l-promozzjoni ta’ proġetti b’mod li jattiraw aktar investiment, permezz ta’ pakketti finanzjarji għal assistenza teknika mfassla skont il-Pjattaformi ta’ Investiment Reġjonali tal-EFSD. L-assistenza teknika eżistenti f’pajjiżi sħab permezz ta' programmi tal-UE tematiċi, nazzjonali u reġjonali ddedikati għall-iżvilupp tas-settur privat, se tiġi orjentata mill-ġdid biex ikun żgurat li tikkontribwixxi għall-objettivi ġenerali tal-EIP, u b’mod partikolari li tattira l-investiment sostenibbli.
Il-viżibbiltà u l-aċċessibbiltà ta’ opportunitajiet ta’ finanzjament tal-UE u appoġġ tekniku se jiġu pprovduti permezz ta’ portal web ta’ proġetti.
Il-Kummissjoni se tfittex ukoll li jkollha djalogu strutturat sabiex tifhem il-ħtiġijiet u l-limitazzjonijiet tas-settur privat lokali, u biex issaħħaħ il-potenzjal tas-settur privat Ewropew biex jinvesti u jinteraġġixxi ma’ negozji f’pajjiżi sħab. Barra minn hekk, il-Kummissjoni, f’koordinazzjoni mal-Istati Membri, se tiffaċilita u tappoġġa djalogi bejn il-pubbliku u l-privat inklużivi fil-pajjiżi sħab biex tidentifika l-isfidi u l-opportunitajiet ewlenin. Il-Kummissjoni se tipprovdi wkoll bini tal-kapaċità mmirat għal rappreżentanti tas-settur privat, inklużi l-kmamar tal-kummerċ, is-sħab soċjali, u l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju u intraprendituri nisa.
3. It-titjib tal-governanza ekonomika, l-ambjent usa' tal-politika u tan-negozju u l-involviment mas-settur privat
Il-pjan għandu l-għan ukoll li jtejjeb l-ambjent tan-negozju fil-pajjiżi sħab. Huwa ser jagħmel dan billi jsaħħaħ id-djalogu dwar il-politika ekonomika u soċjali bejn l-UE u pajjiżi sħab sabiex jiżviluppaw oqfsa legali, politiki u istituzzjonijiet aktar effettivi li jippromwovu l-istabilità ekonomika, l-investiment sostenibbli u t-tkabbir inklużiv. Taħriġ permezz ta’ korsijiet ta’ taħriġ orjentati lejn il-politika, workshops prattiċi, seminars, proġetti ta’ ġemellaġġ, se jsaħħu l-kapaċità tal-uffiċjali biex janalizzaw l-iżviluppi ekonomiċi, jifformulaw u jimplimentaw politiki effettivi. Id-djalogi politiċi u tal-politika ma’ pajjiżi sħab se jissaħħu, biex jappoġġaw it-tkabbir sostenibbli u inklużiv, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, il-flussi finanzjarji illeċiti u t-titjib tar-relazzjonijiet kummerċjali mas-sħab tal-UE. Dawn id-djalogi, immexxija b’koordinazzjoni mill-qrib mal-istituzzjonijiet sħab attivi fil-pajjiżi, se jikkontribwixxu għal regolamentazzjoni aħjar u għall-iżvilupp ta’ swieq f’pajjiżi sħab, għat-titjib tal-opportunitajiet ta’ impjiegi u għall-appoġġ tal-iżvilupp tas-settur privat lokali.
It-titjib tal-ambjent tan-negozju u tal-klima ta’ investiment aħjar f’pajjiżi sħab se jkunu ta’ benefiċċju kemm mas-settur privat lokali kif ukoll ma' kumpaniji tal-UE li jixtiequ jinvestu. Se jinħolqu aktar impjiegi u r-rabtiet ekonomiċi bejn il-pajjiżi sħab u l-UE se jissaħħu għall-benefiċċju reċiproku. L-EIP għalhekk jikkomplementa l-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa.
Bħala parti mill-impenn tagħha lejn l-iżvilupp sostenibbli, l-UE ser tagħmel użu sħiħ ta’ inizjattivi eżistenti taħt l-aġenda tad-diplomazija dwar l-enerġija u l-klima. Se tiġi mfittxa wkoll interazzjoni diretta ma’ kumpaniji u assoċjazzjonijiet settorjali biex jitħeġġeġ aktar involviment tas-settur privat kif ukoll soluzzjonijiet ibbażati fuq is-suq fl-agrikoltura u l-agronegozju sostenibbli, l-enerġija sostenibbli, l-infrastruttura u s-setturi soċjali.
III. Il-Passi li Jmiss
Il-Kummissjoni tappella lill-koleġiżlaturi biex jittrattaw il-proposti bħala kwistjoni ta’ prijorità, adottati llum b’konformità mat-talbiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill huma mistiedna biex isaħħu u jestendu l-FEIS u biex jibdew it-tnedija ta’ Pjan ta’ Investiment Estern permezz tal-istabbiliment tal-EFSD li għandu jkun operattiv malajr kemm jista’ jkun, u l-aktar tard sas-Summit UE-Afrika, li bħalissa huwa previst għall-ħarifa tal-2017. Il-Kummissjoni se tappoġġa lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill matul in-negozjati u se tkompli d-djalogu tagħha mal-partijiet interessati rilevanti kollha.
Il-Kummissjoni ser tuża wkoll l-esperjenza tal-implimentazzjoni ta’ dawn l-istrumenti fid-dawl ta’ diskussjonijiet futuri dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali l-ġdid.