IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 12.9.2016
COM(2016) 562 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-eżerċizzju tas-setgħa li tadotta atti delegati li l-Kummissjoni ngħatat skont ir-Regolament (UE) Nru 70/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Jannar 2012 dwar prospetti tal-istatistika rigward it-trasport ta’ merkanzija bit-triq
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-eżerċizzju tas-setgħa li tadotta atti delegati li l-Kummissjoni ngħatat skont ir-Regolament (UE) Nru 70/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Jannar 2012 dwar prospetti tal-istatistika rigward it-trasport ta’ merkanzija bit-triq
1.Il-kuntest
L-Artikolu 3(4) tar-Regolament (UE) Nru 70/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Jannar 2012 dwar prospetti tal-istatistika rigward it-trasport ta’ merkanzija bit-triq jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni tadotta atti delegati skont l-Artikolu 8 dwar l-aġġornar tal-Parti 1 tal-Anness I, unikament biex jitqiesu l-iżviluppi ekonomiċi u tekniċi, ħlief għal kwalunkwe modifika għan-natura fakultattiva tal-informazzjoni meħtieġa. Barra minn hekk, l-istess Artikolu jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni tadotta wkoll, meta jkun hemm bżonn, atti delegati skont l-Artikolu 8 dwar l-adattazzjoni tal-Anness II sa VII. Skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament, is-setgħa li tadotta atti delegati tingħata għal perjodu ta’ ħames snin mit-23 ta’ Frar 2012. Din is-setgħa għandha tiġi estiża taċitament għal perjodi ta’ ħames snin, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma joġġezzjonawx għal dan.
Meta tkun qed teżerċita din is-setgħa, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-atti delegati ma jimponux piż amministrattiv addizzjonali sinifikanti fuq l-Istati Membri u fuq dawk li jwieġbu.
Il-Kummissoni għandha tfassal rapport dwar is-setgħat delegati sa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel tmiem il-perjodu ta’ ħames snin.
Dan ir-rapport jissodisfa dan l-obbligu.
2.L-eżerċizzju tas-setgħat delegati skont ir-Regolament (UE) Nru 70/2012 min-naħa tal-Kummissjoni
Il-Kummissjoni għadha ma eżerċitatx is-setgħa li tadotta atti delegati li ngħatatilha permezz tar-Regolament (UE) Nru 70/2012, peress li la l-iżviluppi ekonomiċi u tekniċi fil-qasam tat-trasport tal-merkanzija bit-triq u lanqas il-konklużjonijiet tal-gruppi ta’ ħidma tagħha dwar l-istatistika tat-trasport tal-merkanzija bit-triq mal-Istati Membri ma wasslu għall-ħtieġa li tuża dawn is-setgħat delegati.
3.Konklużjonijiet
Il-Kummissjoni għadha ma eżerċitatx is-setgħa li tadotta atti delegati li ngħatatilha permezz tar-Regolament (UE) Nru 70/2012.
Il-Kummissjoni taħdem qatigħ biex ittejjeb il-kwalità u l-puntwalità tal-ġbir tad-dejta, biex tadatta l-informazzjoni miġbura u mqassma għall-ħtiġijiet il-ġodda tal-utenti u biex tqis l-iżviluppi tekniċi u ekonomiċi li jsiru f’dan il-qasam.
Dawn l-aspetti kollha jiġu diskussi fil-gruppi ta’ esperti nazzjonali waqt diskussjonijiet li jsiru kull sentejn u jiġu approvati mill-Grupp ta’ Koordinazzjoni għall-Istatistika dwar it-Trasport (is-CGST).
Barra minn hekk, is-Sistema Ewropea tal-Istatistika se tkompli tiżviluppa u tipproduċi l-istatistika li hija meħtieġa: (i) biex jiġi vvalutat il-progress li jkun sar fl-ilħiq tal-miri kwantitattivi stabbiliti fil-White Paper dwar it-Trasport għall-volum u għall-prestazzjoni tal-mezzi kollha tat-trasport; u (ii) għall-attivitajiet tal-Kummissjoni Ewropea marbutin mal-ħolqien ta’ mudelli għall-qasam tat-trasport u għat-tnedija ta’ inizjattivi ġodda tal-politika bħad-dekarbonizzazzjoni tal-qasam tat-trasport.
Kull darba li tittieħed deċiżjoni dwar xi bidla teknika f’xi Anness u jintlaħaq qbil dwarha mal-grupp ta’ esperti, is-setgħat delegati li l-Kummissjoni ngħatat permezz tar-Regolament (UE) Nru 70/2012 se jintużaw biex din il-bidla tiġi ġestita b’mod effiċjenti u fil-ħin.
Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni hija tal-fehma li għandha tkompli żżomm is-setgħat delegati li ngħatawlha permezz tal-Artikolu 3(4) tar-Regolament (UE) Nru 70/2012, peress li jista’ jkun li jkollha bżonn teżerċita dawn is-setgħat delegati fil-ġejjieni.