Brussell, 24.8.2016

COM(2016) 526 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

COSME
Programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-SMEs 2014-2020

Rapport ta' Monitoraġġ 2014

{SWD(2016) 274 final}
{SWD(2016) 277 final}


Werrej

1. Introduzzjoni    

2. Implimentazzjoni tal-baġit fl-2014    

2.1 Aċċess għall-Finanzjament    

2.2 Aċċess għas-swieq    

2.3 Titjib tal-Kundizzjonijiet Qafas u tal-Kompetittività    

2.4 Promozzjoni tal-Intraprenditorija u tal-Kultura Intraprenditorjali    

3. Miżuri ta’ appoġġ    

4. Infiq Amministrattiv    

5. Kontribuzzjoni għall-objettiv tal-Integrazzjoni tal-Klima    

6. Konklużjoni    



1. Introduzzjoni

Il-COSME huwa l-programm għall-azzjonijiet tal-UE biex titjieb il-kompetittività tal-intrapriżi, b’enfasi speċjali fuq l-intrapriżi żgħar u medji (SMEs). Dan jibni fuq il-Programm għall-Intraprenditorjat u l-Innovazzjoni (EIP) stabbilit għall-perjodu 2007-2013 bħala parti mill-Programm Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP). L-azzjonijiet tal-COSME jimmiraw li jottimizzaw is-sinerġiji ma’ programmi ta’ nfiq oħra tal-UE, b’mod partikolari l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE) u l-programm Orizzont 2020 li jinkludi l-attivitajiet ta’ innovazzjoni li qabel kienu parti mill-EIP.

Il-COSME joħloq valur miżjud billi jindirizza kwistjonijiet transnazzjonali u fallimenti tas-suq f’erba’ oqsma ewlenin definiti mill-bażi legali 1 :

1.It-titjib tal-aċċess għall-finanzjament għall-SMEs fil-forma ta’ ekwità u dejn (mill-inqas 60 % tal-pakkett baġitarju globali);

2.It-titjib tal-aċċess għas-swieq kemm ġewwa u kemm barra l-Unjoni (21,5 %);

3.It-titjib tal-kundizzjonijiet ta’ qafas għan-negozji u l-kompetittività tal-intrapriżi, inklużi l-SMEs (11 %);

4.Il-promozzjoni tal-intraprenditorija u tal-kultura intraprenditorjali (2,5 %).

Flimkien mat-28 Stat Membru, il-pajjiżi terzi li ġejjin ipparteċipaw fil-COSME fl-2014: l-Iżlanda, il-Montenegro, it-Turkija, il-Moldova u l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja.

Il-Kummissjoni hija responsabbli għall-implimentazzjoni globali tal-COSME. L-ewwel għan huwa implimentat permezz tal-istrumenti finanzjarji li huma fdati f’idejn il-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI). L-implimentazzjoni tal-azzjonijiet bħala parti mill-għanijiet 2, 3 u 4 hija fil-parti l-kbira ddelegata lill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Intrapriżi Żgħar u Medji (EASME). Il-ġestjoni indiretta minn organizzazzjonijiet internazzjonali hija prevista wkoll għal ċerti attivitajiet analitiċi u ta’ valutazzjoni komparattiva.

Dan ir-rapport jippreżenta ħarsa ġenerali lejn l-implimentazzjoni tal-baġit tal-COSME fl-2014, f’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament tal-COSME, inklużi miżuri ta’ appoġġ u spejjeż ta’ natura amministrattiva. Id-dettalji tal-implimentazzjoni ta’ kull għan huma inklużi fl-Anness 1. L-Anness 2 fih il-lista ta’ benefiċjarji għas-sejħiet għal proposti.



2. Implimentazzjoni tal-baġit fl-2014

Il-bażi legali tal-COSME tispeċifika baġit indikattiv globali ta’ EUR 2.3 biljun għall-perjodu ta’ seba’ snin tal-COSME (2014-2020). Il-baġit isegwi ċiklu ta’ nfiq, bi pjan li l-impenji jiżdiedu gradwalment sal-aħħar sena tal-programm fl-2020. Il-krediti ta’ pagament huma mistennija li jsegwu l-istess tendenza iżda b’livell aktar baxx fl-2014 għaliex il-programm kien għad kellu joħloq l-impenji legali meħtieġa biex jiġu ġġenerati l-pagamenti. Il-bażi legali tal-COSME tispeċifika li l-programm jiġi implimentat permezz ta’ programm ta’ ħidma annwali u permezz ta’ miżuri ta’ appoġġ. Il-baġit jinkludi wkoll approprjazzjonijiet annwali għall-ġestjoni tal-programm.

Il-baġit tal-COSME huwa implimentat permezz ta’ erba’ linji baġitarji b’approprjazzjonijiet speċifikati mid-deċiżjoni ta’ finanzjament riveduta korrispondenti għall-2014 2 . Wara li jiżdiedu l-kontribuzzjonijiet minn pajjiżi terzi, l-approprjazzjonijiet mhux użati mill-perjodu ta’ programmazzjoni preċedenti u trasferimenti mixxellanji, il-baġit disponibbli għall-2014 kien:

(a) linja baġitarja 02 01 04 01 għall-ispejjeż amministrattivi: EUR 5 118 063

(b) linja baġitarja 02 01 06 01 għall-funzjonament tal-aġenzija EASME: EUR 6 667 313

(c) linja baġitarja 02 02 01 għall-ispejjeż operazzjonali kollha l-oħra: EUR 106 411 140

(d) linja baġitarja 02 02 02 għall-aċċess għall-finanzjament ta’ spejjeż operazzjonali: EUR 140 787 114

Id-deċiżjoni ta’ finanzjament għall-miżuri ta’ appoġġ 3 tipprevedi kontribuzzjoni ta’ EUR 7 151 722, inkluża fil-linja baġitarja 02 02 01 tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għall-2014.

Il-baġit totali disponibbli, inklużi l-approprjazzjonijiet amministrattivi, sabiex jiġu implimentati s-36 azzjoni fil-programm ta’ ħidma tal-2014, kien ta' EUR 258 983 630.

L-2014 kienet sena ta’ tranżizzjoni mill-Programm Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP) għall-COSME bid-delegazzjoni tal-implimentazzjoni lil aġenzija eżekuttiva ġdida, it-tiġdid ta’ wieħed mill-komponenti prinċipali tal-programm, in-Netwerk Enterprise Europe u t-twaqqif ta’ żewġ strumenti finanzjarji ġodda, wieħed għad-dejn u l-ieħor għall-ekwità. Il-programm CIP (2007-2013) kopra l-perjodu tranżitorju għal dawn iż-żewġ strumenti sabiex jiġi evitat kwalunkwe tfixkil tal-attivitajiet.

L-esternalizzazzjoni tal-programmi tal-infiq saret kif stabbilit fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-delegazzjoni tal-ġestjoni tal-programmi 2014-2020 lill-aġenziji eżekuttivi. 4 L-Aġenzija Eżekuttiva għall-Intrapriżi Żgħar u Medji (EASME) ġiet maħluqa bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Diċembru 2013 5 u bl-Att ta’ Delega adottat fit-23 ta’ Diċembru 6 . Id-DĠ GROW huwa d-DĠ ewlieni tal-EASME. 7 Bħala medja, 92 % tal-attivitajiet tal-COSME, minbarra l-aċċess għall-finanzjament, ġew delegati lill-EASME.

L-2014 kienet sena partikolarment diffiċli għall-EASME. L-EASME mmaniġġjat baġit ta’ kważi EUR 1 100 miljun (imqabbel ma’ EUR 586 miljun fl-2013). In-numru ta’ persunal żdied minn 144 (fl-2013) għal 300 Ekwivalenti għall-Full Time (FTE) sal-aħħar tas-sena. Dan iġġenera problemi tal-bidu li jirriżultaw f’dewmien fl-implimentazzjoni. B’riżultat ta’ dan, EUR 78.8 miljun mill-EUR 95.5 miljun iddelegati mill-programm tal-COSME ġew riportati għall-implimentazzjoni fl-2015. L-aġenzija eliminat ix-xogħol b’lura fl-2015 u laħqet livell ta’ implimentazzjoni ta’ 98,3 % tal-azzjonijiet tal-2014 li ġew riportati għall-2015.

B’kollox, 99,23 % tal-EUR 258 983 miljun disponibbli ġew impenjati. Għall-pagamenti, ir-rata ta’ implimentazzjoni kienet, bħala medja, ta' 93,08 % minħabba r-rati ta’ nefqa amministrattiva filwaqt li fil-linji operazzjonali, inkisbet 100 % tal-implimentazzjoni.



Tabella: Baġit totali tal-COSME disponibbli fl-2014 għall-impenji

Linja baġitarja 02 01 04 01 għall-ispejjeż amministrattivi

Baġit ivvutat, disponibbli wara t-trasferimenti:                 4 212 210

Dħul assenjat estern ieħor:                 300 314

Kontribuzzjonijiet minn pajjiżi terzi:                     600 529

Baġit totali disponibbli għall-impenji:                5 118 063

Linja baġitarja 02 01 06 01 għall-funzjonament tal-aġenzija EASME:

Baġit ivvutat, disponibbli wara t-trasferimenti:                 6 496 350

Dħul assenjat estern ieħor:                     166 769

Kontribuzzjonijiet minn Pajjiżi terzi:                     3 984

Baġit totali disponibbli għall-impenji:                 6 667 313

Linja baġitarja 02 02 01 għall-ispejjeż operazzjonali l-oħra kollha

Baġit ivvutat, disponibbli wara t-trasferimenti:                 102 709 687

Dħul assenjat mingħajr ir-riporti ta’ approprjazzjonijiet residwi:     3 619 285

Kontribuzzjoni mill-EFTA                             82.168

Baġit totali disponibbli għall-impenji:                 106 411 140

Linja baġitarja 02 02 02 għall-aċċess għall-finanzjament ta’ spejjeż operazzjonali

Baġit ivvutat:                                 161 907 588

Trasferiment għaż-żieda tal-kapital tal-FEI:                     -21 250 000

Kontribuzzjoni mill-EFTA                             129.526.

Baġit totali disponibbli għall-impenji:                 140 787 114

   


Tabella: Implimentazzjoni tal-baġit tal-COSME fl-2014

 

 

Impenji 8

 

Pagamenti 9

 

Linja Baġitarja

 

Baġit disponibbli

Baġit implimentat

Implimentazzjoni

%

Krediti disponibbli għall-pagamenti

Pagament imwettaq

Eżekuzzjoni

%

02 02 02

Aċċess għall-Finanzjament

140 787 114

140 787 114

100,00 %

74 244 830

74 244 830

100,00 %

02 02 01

Aċċess għas-Swieq, l-Ambjent tan-Negozju u l-Intraprenditorija

 

 

 

 

implimentati minn GROW

10 836 633

10 665 116

98,42 %

4 936 221

1 299 946

26,33 %

 

iddelegati lill-EASME

95 111 545

94 950 764

99,83 %

6 000 720

5 994 571

99,90 %

 

iddelegati lil DĠ oħra

462 962

462 962

100,00 %

33 100

22 521

68,04 %

 

baġit totali impenjat fl-2014 inklużi r-riporti għal 020201

106 411 140

106 078 842

99,69 %

10 970 041

7 317 038

66,70 %

Azzjonijiet riportati tal-EASME

riportati għall-2015

78 788 026

77 449 753

98,30 %

Azzjonijietriportati ta’ GROW

riportati għall-2015

4 536 240

4 349 528

95,88 %

 

Eżekuzzjoni finali wara

l-implimentazzjoni fl-2015 tal-azzjonijiet

riportati

106 411 140

104 553 857

98,25 %

10 970 641

7 317 638

66,70 %

02 01 04 01

Baġit Amministrattiv

5 118 063

5 017 946

98,04 %

5 118 063

2 103 647

41,10 %

02 01 06 01

EASME - Baġit Amministrattiv

6 667 313

6 626 000

99,38 %

6 667 313

6 626 000

99,38 %

 

Baġit Operazzjonali allokat fl-2014 inklużi r-riporti

247 198 254

246 865 956

99,87 %

85 214 871

81 561 868

95,71 %

 

Baġit Operazzjonali allokat fl-2014 wara l-implimentazzjoni finali tar-riporti fl-2015

247 198 254

245 340 971

99,25 %

Total tal-COSME

Baġit totali implimentat, inklużi l-ispejjeż amministrattivi, wara l-implimentazzjoni tar-riporti

258 983 630

256 984 918

99,23 %

97 000 247

90 291 514

93,08 %

2.1 Aċċess għall-Finanzjament

Ir-Regolament tal-COSME jispeċifika li mill-inqas 60 % tal-baġit totali (EUR 1.4 miljun) għandu jiġi allokat għall-istrumenti finanzjarji għall-2014-2020.

Fl-2014, l-aċċess għall-finanzjament irrappreżenta 58 % (EUR 163.5 miljun) tal-pakkett finanzjarju disponibbli għall-COSME. Wara li ġew trasferiti EUR 21.25 miljun lill-FEI għal żieda fil-kapital, il-baġit disponibbli għall-faċilitazzjoni tal-aċċess għall-finanzjament lill-SMEs permezz tal-Faċilità ta’ Garanzija ta’ Self (LGF) u l-Faċilità tal-Ekwità għat-Tkabbir (EFG) kien EUR 140.8 miljun. Il-baġit totali allokat għal-LGF ammonta għal EUR 89.1 miljun, filwaqt li l-baġit totali allokat għall-EFG ammonta għal EUR 51.7 miljun.

Il-ftehim ta’ delega mal-Fond Ewropew tal-Investiment ġie ffirmat f’Lulju 2014. Wara, il-FEI ppubblika żewġ sejħiet kontinwi għal espressjoni ta’ interess biex jintgħażlu intermedjarji finanzjarji li mbagħad se jagħżlu benefiċjarji finali taħt l-LGF jew l-EFG, skont il-prassi tan-negozju normali tagħhom u filwaqt li jitqiesu l-kriterji ta’ eliġibilità għal-LGF jew l-EFG. L-ewwel ftehimiet ta’ garanzija taħt l-LGF ġew iffirmati bejn il-FEI u l-intermedjarji finanzjarji lejn l-aħħar tal-2014, u l-ewwel self ġie pprovdut lill-SMEs fil-bidu tal-2015. Dawn il-ftehimiet se jipprovdu finanzjament lil dawk l-SMEs li kieku ma kinux ikunu kapaċi jiksbu finanzjament minħabba r-riskju ogħla perċepit jew minħabba nuqqas ta’ kollateral suffiċjenti. It-twaqqif ta’ ftehim tal-fondi bħala parti mill-EFG huwa aktar kumpless u jieħu ħin konsiderevoli. Minkejja l-fatt li l-FEI wettaq id-diliġenza dovuta fuq bosta proposti, l-ebda ftehim tal-fondi ma ġie ffirmat qabel l-aħħar tal-2014.

Matul l-2014, il-Faċilità ta’ Garanzija għall-SMEs (SMEG) li kienet parti mill-Programm għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni, il-predeċessur tal-LGF, kompliet tappoġġa lill-SMEs. Aktar minn 56 000 SME rċevew finanzjament ta’ aktar minn EUR 3 biljun appoġġat mis-SMEG. Mill-bidu tagħha, is-SMEG appoġġat il-provvista ta’ finanzjament ta’ aktar minn EUR 19 biljun lil kważi 368 000 SME.

L-istrument tal-GIF (il-Faċilità għall-SMEs Innovattivi u b’Rata Għolja ta’ Tkabbir) kompla jipprovdu kapital ta’ riskju lill-SMEs, b’finanzjament ta’ ekwità ta’ aktar minn EUR 288 miljun mobilizzati biex jappoġġaw 112-il SME. Mill-bidu tagħha, il-GIF immobilizzat finanzjament ta’ ekwità ta’ aktar minn EUR 3 biljun għal madwar 450 SME. Dan in-numru se jkompli jiżdied għal bosta snin, peress li ħafna mill-fondi għadhom fil-bidu tal-perjodu tagħhom ta’ investiment ta’ ħames snin.

Sal-aħħar tal-2015, aktar minn 51 000 SME kienu rċevew finanzjament għal kważi EUR 1 300 miljun mil-LGF, grazzi wkoll għat-titjib tal-COSME LGF permezz tal-kapaċità ta’ rfigħ tar-riskji addizzjonali pprovduta mill-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) li kien sar disponibbli f’Lulju 2015. L-implimentazzjoni marret aħjar milli kien mistenni u kkonfermat id-domanda għolja tas-suq għall-finanzjament ta’ SMEs aktar riskjużi, speċjalment negozji ġodda u intrapriżi żgħar.

Kienu previsti miżuri ta’ akkumpanjament sabiex jiġu promossi ż-żewġ strumenti finanzjarji tal-COSME u sabiex jiġi promoss aktar l-aċċess għall-finanzjament għall-SMEs iżda wkoll sabiex jinġabru fatti u dejta utli għall-monitoraġġ kif ukoll għall-iffurmar tal-politika ta’ aċċess għall-finanzjament. Il-baġit allokat fl-2014 għall-azzjonijiet ta’ akkumpanjament jammonta għal EUR 1 241 252 10 .

2.2 Aċċess għas-swieq

Ir-Regolament tal-COSME jispeċifika li perċentwal indikattiv ta’ 21,5 % tal-baġit totali għandu jiġi ddedikat għall-faċilitazzjoni tal-aċċess għas-swieq.

Fl-2014, EUR 61.5 miljun ġew iddedikati għall-Internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs, li jirrappreżentaw 24 % tal-pakkett finanzjarju għall-2014.

Il-COSME jipprovdi appoġġ lill-intrapriżi Ewropej u, b’mod partikolari, lill-SMEs sabiex jgħinhom jibbenefikaw mis-suq uniku billi jistabbilixxi konnessjonijiet kummerċjali barra mill-pajjiż tagħhom kif ukoll biex jesportaw barra mill-Ewropa.

In-Netwerk Enterprise Europe (EEN) jappoġġa lill-SMEs lokalment b’aktar minn 600 uffiċċju fl-UE u lil hinn minnha. Huwa jgħin lill-SMEs isibu sħab tan-negozju, tat-teknoloġija u tar-riċerka internazzjonali fl-UE u f’pajjiżi parteċipanti oħra. Permezz ta’ servizzi tal-konsulenza ddedikati, in-Netwerk jippromwovi l-parteċipazzjoni tal-SMEs fil-programmi ta’ finanzjament tal-UE bħall-Orizzont 2020 u l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej.

Fl-2015, madwar 450 000 SME rċevew servizzi permezz tan-Netwerk Enterprise Europe fir-reġjuni kollha tal-UE li jvarjaw mill-provvista tal-informazzjoni dwar il-leġiżlazzjoni u l-programmi tal-UE, għal servizzi ta’ konsulenza speċjalizzati (eż. dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u l-effiċjenza fir-riżorsi) u avvenimenti ta’ ġemellaġġ.

Żewġ sejħiet għal proposti ġew ippubblikati fl-2014, sabiex tiġġedded is-sħubija tan-netwerk u jiġu ffirmati l-ftehimiet qafas ta’ sħubija (FPA) mal-konsorzji responsabbli għall-punti ta’ kuntatt lokali. L-iffirmar tal-FPA u l-ftehimiet speċifiċi sussegwenti għall-ewwel sentejn ta’ operazzjonijiet sofrew minn dewmien u komplew sa Ġunju 2015 għal ftit mill-ftehimiet. Madankollu, għall-maġġoranza l-kbira ta’ sħab li rnexxielhom fl-ewwel sejħa, l-EEN beda l-attivitajiet tiegħu mill-1 ta’ Jannar 2015. Din hija wkoll id-data minn meta l-Kummissjoni kkontribwiet għall-ispejjeż eliġibbli tagħhom.

L-attivitajiet tal-EEN fl-2014 ġew iffinanzjati mill-Programm Qafas tas-CIP tal-2013 sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-attività, filwaqt li l-programm ta’ ħidma tal-COSME tal-2014 ipprovda kofinanzjament għall-attivitajiet tal-2015 (baġit ta’ EUR 49.5 miljun).

Il-COSME ffinanzja wkoll bosta attivitajiet sabiex jappoġġa l-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs fil-pajjiżi terzi, inklużi l-Helpdesks għad-DPI tal-SMEs. Huma offrew pariri u appoġġ lill-SMEs Ewropej li ffaċċjaw diffikultajiet fid-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali ġewwa, jew li ġejjin miċ-Ċina, u fi jew li ġejjin mill-pajjiżi membri tal-ASEAN u l-MERCOSUR b’baġit ta’ EUR 7.2 miljun. Iċ-Ċentru għall-Kooperazzjoni Industrijali UE-Ġappun (EUR 2.6 miljun) iffaċilita, fost oħrajn, l-aċċess tal-SMEs għas-suq Ġappuniż.

2.3 Titjib tal-Kundizzjonijiet Qafas u tal-Kompetittività

Ir-Regolament tal-COSME jispeċifika li perċentwal indikattiv ta’ 11 % tal-baġit totali għandu jiġi ddedikat għat-titjib tal-kundizzjonijiet qafas u tal-kompetittività.

Fl-2014, EUR 24.3 miljun ġew diretti lejn dan l-għan mill-Programm ta’ Ħidma u EUR 5.8 miljun mill-Miżuri ta’ Appoġġ, li kienu jirrappreżentaw 11,76 % tal-pakkett finanzjarju.

Il-COSME ffinanzja azzjonijiet immirati lejn it-tnaqqis tal-piż amministrattiv, li jappoġġaw regolamentazzjoni intelliġenti u li hija favur l-SMEs, li jsaħħu l-koordinazzjoni tal-politiki industrijali tal-Istati Membri u li jinfurzaw l-użu tal-prinċipju “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir”. Il-COSME ppromwova wkoll l-effiċjenza fir-riżorsi, is-sostenibilità u r-responsabbiltà soċjali korporattiva. Ittieħdu wkoll azzjonijiet sabiex titjieb il-kompetittività ta’ settur strateġikament importanti fl-ekonomija Ewropea.

Bħala parti mill-attivitajiet li jimmiraw li jtejbu l-kundizzjonijiet qafas għall-SMEs, ġew iffinanzjati l-attivitajiet li ġejjin:

Il-Grupp ta’ Livell Għoli għall-piżijiet amministrattivi: EUR 0.4 miljun.

Segwitu u monitoraġġ tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar (SBA, inklużi l-Assemblea tal-SMEs, il-laqgħat tan-Netwerks tar-Rappreżentanti tal-SMEs u l-Premjijiet Ewropej għall-Promozzjoni tal-Intrapriża: EUR 1.8 miljun.

Implimentazzjoni tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar, għodod ta’ kuntatt inklużi Business Planet, il-portal Small Business u l-pubblikazzjoni ta’ manwali dwar l-appoġġ tal-politika tal-SMEs minn fondi strutturali: EUR 1.3 miljun.

Analiżi tal-Prestazzjoni tal-SMEs: EUR 0.9 miljun

Għodda ta’ awtovalutazzjoni tal-effiċjenza fir-riżorsi għall-SMEs: EUR 0.5 miljun.

Organizzazzjoni tal-Forum Multilaterali (MSF) dwar ir-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva (CSR): EUR 0.25 miljun

Taħt l-attivitajiet immirati li jappoġġaw il-Kompetittività tal-intrapriżi tal-UE, inkluż l-appoġġ ta’ setturi industrijali, ġew iffinanzjati l-attivitajiet li ġejjin:

Titjib tal-Kompetittività u s-Sostenibilità tat-Turiżmu Ewropew: EUR 8.7 miljun

Programm ta’ Internazzjonalizzazzjoni tar-Raggruppamenti għall-SMEs: EUR 5.65 miljun (L-għaqda ta’ EUR 4.15 miljun mill-2014 u EUR 1.5 miljun mill-Baġit tal-2015).

Ħiliet diġitali għall-kompetittività u l-innovazzjoni: EUR 2.5 miljun.

Programm ta’ Eċċellenza tar-Raggruppamenti: EUR 1.5 miljun.

Implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni Bini 2020: EUR 1 miljun.

Promozzjoni u appoġġ tal-istrateġija Ewropea għat-Teknoloġiji Abilitanti Essenzjali (KETS): EUR 0.550 miljun.

Sħubija fil-gruppi ta’ studju internazzjonali dwar il-Gomma, in-Nikil, ir-Ram, iċ-Ċomb u ż-Żingu: EUR 0.2 miljun.

Implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni “Settur tad-difiża aktar effiċjenti għal Ewropa aktar sigura”: EUR 0.2 miljun.

Monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta’ prinċipji tal-aħjar prattika f’relazzjonijiet vertikali fil-katina tal-provvista tal-ikel: EUR 0.2 miljun.

Skambji ta’ prattiki tajbin għall-appoġġ tal-Kompetittività Ewropea: EUR 0.2 miljun.

Il-Grupp ta’ Livell Għoli għall-piżijiet amministrattivi kkontribwixxa għall-iskambju ta’ prattiki tajbin u s-segwitu tal-programm ta’ azzjoni għat-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi għan-negozju, permezz ta’ 7 laqgħat plenarji, 12-il żjara lill-Istati Membri, il-pubblikazzjoni ta’ rapport u l-organizzazzjoni ta’ konferenza finali li twitti t-triq għall-pjattaforma EU REFIT.

L-Analiżi tal-Prestazzjoni tal-SMEs ipprovdiet ħarsa ġenerali tal-SMEs Ewropej u informazzjoni dettaljata dwar l-implimentazzjoni tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar fl-Istati Membri u f’ċerti pajjiżi terzi. L-informazzjoni speċifika għall-Istati Membri iddaħħlet fir-rakkomandazzjonijiet tas-Semestru Ewropew speċifiċi għall-pajjiż. In-Netwerk tar-Rappreżentanti tal-SMEs, l-Assemblea annwali tal-SMEs u l-Ġimgħa Ewropea tal-SMEs ipprovdew fora għas-sensibilizzazzjoni u l-iskambju tal-prattiki tajbin fl-oqsma kollha tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar. L-aħħar iżda mhux l-inqas, ir-raba’ staġun ta’ Business Planet fuq Euronews TV beda fit-12 ta’ Ġunju 2015.

Il-kampanja tal-ħiliet diġitali għax-xogħol kopriet 30 pajjiż, involviet 384 organizzazzjoni u ġabret aktar minn 300 000 parteċipant b’madwar 115-il miljun persuna esposta għall-kampanja.

L-inizjattiva “Clusters Go International” appoġġat it-twaqqif ta’ 15-il Sħubija Internazzjonalizzata tar-Raggruppamenti Strateġiċi Ewropej kofinanzjati li jiġbru flimkien 88 organizzazzjoni raggruppata f’21 pajjiż tal-UE u li jilħqu aktar minn 10 000 SME fl-Ewropa kollha.

2.4 Promozzjoni tal-Intraprenditorija u tal-Kultura Intraprenditorjali

Ir-Regolament tal-COSME jispeċifika li perċentwal indikattiv ta’ 2,5 % tal-baġit totali għandu jiġi ddedikat għall-promozzjoni tal-intraprenditorija u tal-kultura intraprenditorjali.

Fl-2014, baġit ta’ EUR 12.9 miljun ġie ddedikat għall-promozzjoni tal-intraprenditorija, b’mod partikolari lill-programm Erasmus għal Imprendituri Żgħażagħ, li jirrappreżenta 5 % tal-pakkett finanzjarju totali għall-COSME. Kien hemm wisq applikazzjonijiet għas-sejħa għal proposti tal-Erasmus għal Imprendituri Żgħażagħ, li rċeviet allokazzjoni addizzjonali ta’ bilanċi pożittivi ta’ EUR 1 miljun li kien għad fadal wara attivitajiet preċedenti.

S’issa 11 ġew irreġistrati kważi 12 000 profil tal-intraprendituri, filwaqt li saru 3 900 pariġġ li jinvolvu 7 700 intraprenditur. Stħarriġ juri li aktar minn terz tal-intraprendituri potenzjali li ħadu sehem kienu fil-fatt bdew negozju.

Barra minn hekk, il-programm COSME appoġġa skambji tal-aħjar prattiki sabiex tiġi promossa l-edukazzjoni dwar l-intraprenditorija fl-UE. Ġie pprovdut appoġġ speċifiku għall-intraprendituri tal-Internet. Ftit mill-azzjonijiet ġew immirati lil gruppi speċifiċi bħaż-żgħażagħ, in-nisa jew l-intraprendituri anzjani li jipprovdu mentoraġġ u miżuri personalizzati oħra li jiffaċilitaw l-intraprenditorija fost dawn il-gruppi.

L-attivitajiet li ġejjin ġew iffinanzjati:

Erasmus għal Imprendituri Żgħażagħ EUR 7.3 miljun.

Monitoraġġ tal-Intraprenditorija Diġitali: EUR 2.6 miljun.

Pjattaforma diġitali onlajn għall-Intraprenditorija tan-Nisa: EUR 1.05 miljun.

Skambju tal-aħjar prattika tal-Intraprenditorija tal-Anzjani: EUR 0.4 miljun.

Appoġġ għall-implimentazzjoni tal-politika tal-intraprenditorija 12 : EUR 0.6 miljun.

Edukazzjoni dwar l-intraprenditorija (inizjattiva pan-Ewropea għat-tagħlim intraprenditorjali: EUR 0.35 miljun.

Promozzjoni tal-ekonomija soċjali fl-Ewropa: EUR 0.1 miljun.

Azzjonijiet oħra bħala parti mill-Miżuri ta’ Appoġġ: EUR 0.5 miljun.

Il-Konferenza dwar Ċans Ieħor għall-Intraprendituri Onesti li Fallew ġabret 280 rappreżentant minn amministrazzjonijiet nazzjonali/reġjonali u partijiet ikkonċernati, u warajha saret konferenza oħra fl-2016. Din wittiet it-triq għall-inizjattiva dwar in-netwerk Ewropew ta’ twissija bikrija u servizzi ta’ konsulenza għal ċans ieħor li għandhom jiġu stabbiliti fl-2016.

Il-Monitoraġġ tal-Intraprenditorija Diġitali jippermetti li jitkejjel il-progress tal-pajjiż u tal-industrija, billi joħroġ rakkomandazzjonijiet speċifiċi. Fl-2016, total ta’ 9 industriji ġew irrappreżentati fit-tabella ta’ valutazzjoni.

3. Miżuri ta’ appoġġ

Il-miżuri ta’ appoġġ iwettqu analiżi tal-fatturi strutturali u mikroekonomiċi li jaffettwaw il-kompetittività ta’ setturi individwali kif ukoll kwistjonijiet ta’ kompetittività u transsettorjali b'mod ġenerali. L-għan huwa li jiżdied l-għarfien dwar il-motivaturi tal-kompetittività tal-industrija Ewropea u dwar il-fatturi li jfixkluha. Il-miżuri ta’ appoġġ jintużaw ukoll sabiex jiġi evalwat l-impatt ta’ leġiżlazzjoni ġdida u sabiex jiġu identifikati oqsma ta’ leġiżlazzjoni eżistenti li jeħtieġu simplifikazzjoni.

Il-miżuri ta’ appoġġ jikkonsistu minn żewġ tipi ta’ attivitajiet: (1) studji u valutazzjonijiet tal-impatt u (2) konferenzi, laqgħat u attivitajiet ta’ tixrid. Ir-rapport annwali tal-Kummissjoni dwar il-kompetittività tal-industrija Ewropea li jiġi inkluż fil-proċess tas-Semestru Ewropew ġie ffinanzjat bħala parti minn miżuri ta’ appoġġ. Studji oħra analizzaw aspetti relatati mas-settur tal-kompetittività tal-industrija Ewropea (inklużi s-setturi tal-bini, tal-ikel u tas-sustanzi kimiċi). Saru valutazzjonijiet tal-impatt u valutazzjonijiet tal-effetti kumulattivi, fost oħrajn, dwar il-politiki dwar it-Tibdil fil-Klima, l-Enerġija u l-Ambjent u dwar l-industriji tal-UE bbażati fuq il-forestrija.

Ġew organizzati konferenzi, sessjonijiet ta’ ħidma u laqgħat ta’ esperti bil-parteċipazzjoni ta’ bosta partijiet ikkonċernati (inklużi awtoritajiet nazzjonali, organizzazzjonijiet tal-industrija u tal-konsumatur, rappreżentanti tal-SMEs, organizzazzjonijiet mhux governattivi) sabiex jiġu diskussi l-isfidi li jiffaċċjaw setturi industrijali differenti. Ingħatat attenzjoni partikolari lir-rakkomandazzjonijiet dwar kif għandhom jiġu indirizzati aħjar il-bżonnijiet tal-SMEs u dwar kif tista' titrawwem aktar il-kompetittività. Barra minn hekk, twettqu azzjonijiet ta’ informazzjoni relatati mal-objettivi tal-COSME.

Il-baġit totali ddedikat għall-miżuri ta’ appoġġ fl-2014 ammonta għal EUR 7 miljun, li wassal għal rata ta’ implimentazzjoni ta’ 100 % tal-baġit totali allokat għall-2014.

4. Infiq Amministrattiv

Il-baġit tar-Regolament tal-COSME jinkludi approprjazzjonijiet għall-ispejjeż relatati mal-attivitajiet preparatorji, ta’ monitoraġġ, kontroll, awditjar u evalwazzjoni li huma meħtieġa għall-ġestjoni tal-programm COSME u l-ksib tal-objettivi tiegħu. Dawk l-ispejjeż m’għandhomx jaqbżu 5 % tal-valur tal-pakkett finanzjarju.

L-infiq amministrattiv għad-DĠ GROW kien jirrappreżenta EUR 5 017 946, inqas minn 2 % tal-ammont totali impenjat. Il-baġit implimentat għall-funzjonament tal-Aġenzija Eżekuttiva għall-SMEs kien ta' EUR 6 626 000, li jirrappreżenta 2,6 % tal-baġit totali impenjat. B’kollox, l-infiq amministrattiv kien jirrappreżenta 4,6 % tal-pakkett finanzjarju fl-2014.

L-infiq amministrattiv kopra studji, laqgħat tal-esperti, azzjonijiet ta’ informazzjoni u komunikazzjoni, inkluża komunikazzjoni korporattiva tal-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni relatati mal-objettivi ġenerali tal-programm COSME. Barra minn hekk, l-ispejjeż marbuta man-netwerks tal-IT u spejjeż ta’ assistenza teknika u amministrattiva oħra mġarrba mill-Kummissjoni fil-ġestjoni tal-programm COSME ġew koperti.

5. Kontribuzzjoni għall-objettiv tal-Integrazzjoni tal-Klima

Il-kontribuzzjoni tal-programm COSME għall-objettiv tal-integrazzjoni tal-klima, li ġie stabbilit għall-programmi kollha tal-Kummissjoni, ġiet stmata għal EUR 21.2 miljun u tirrappreżenta 8 % tal-allokazzjoni finanzjarja fl-2014.

Objettiv/riżultat rilevanti

Baġit tal-2014

(Miljuni ta' EUR)

Netwerk Enterprise Europe

15.4

Strumenti finanzjarji: Faċilità tal-Ekwità għat-Tkabbir

5.82

Total

21.22

Għal bosta azzjonijiet tal-COSME, bħall-Faċilità ta’ Garanzija ta’ Self, huwa diffiċli li tiġi traċċata l-kontribuzzjoni għall-integrazzjoni tal-klima mingħajr ma jiġi impost piż amministrattiv addizzjonali fuq l-intermedjarji finanzjarji u, fl-aħħar nett, fuq il-mijiet ta’ eluf ta’ SMEs parteċipanti li huma l-benefiċjarji aħħarin. Għalhekk, jeħtieġ li l-metodu għat-traċċar tal-kontribuzzjoni tal-COSME jittejjeb, għaliex jissottovaluta b'mod ċar il-kontribuzzjoni potenzjali reali għal dan il-programm.

6. Konklużjoni

Il-COSME pprovda u laħaq livelli tajbin ħafna ta’ implimentazzjoni tal-baġit fl-2014 minkejja żieda importanti fl-esternalizzazzjoni tal-attivitajiet lill-Aġenzija Eżekuttiva u t-tiġdid taż-żewġ azzjonijiet prinċipali: l-istrumenti finanzjarji u n-Netwerk Enterprise Europe.

Il-programm għen sabiex jiġu ffinanzjati numru ta’ azzjonijiet rilevanti sabiex jiġu appoġġati SMEs Ewropej. Huwa beda billi ffaċilita l-aċċess għall-finanzjament għan-negozji Ewropej permezz tal-qafas ġdid mal-FEI u l-intermedjarji finanzjarji. L-azzjonijiet iffinanzjati mill-baġit tal-COSME tal-2014 għenu lill-intraprendituri jniedu n-negozju tagħhom. Numru sinifikanti ta’ kumpaniji bbenefikaw minn servizzi li għenuhom biex ikollhom aċċess għal swieq ġodda u bosta miżuri tal-COSME kkontribwixxew għall-ħolqien ta’ ambjent tan-negozju aħjar għall-intrapriżi, partikolarment l-SMEs. Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-EASME, se tkompli ttejjeb it-tixrid tar-riżultati tal-proġetti tal-COSME, tfittex aktar sinerġiji mal-programmi l-oħra tal-Kummissjoni u tipprovdi informazzjoni aġġornata dwar il-benefiċjarji tal-azzjonijiet tal-COSME.

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 1287/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013.

(2)

C(2014) 4993 final

(3)

C(2014) 5590 final

(4)

SEC(2013) 493 final

(5)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/771/KE tas-17.12.2013.

(6)

C(2013)9414

(7)

DĠ ewlenin oħrajn huma: RTD, CNECT, ENV, CLIMA, MARE, ENER.

(8)

Inkluż il-baġit ivvutat, il-krediti riportati mill-programm CIP, minn pajjiżi terzi u mill-kontribuzzjonijiet u t-trasferimenti tal-EFTA

(9)

Inkluż il-baġit ivvutat, il-krediti riportati mill-programm CIP, minn pajjiżi terzi u mill-kontribuzzjonijiet u t-trasferimenti tal-EFTA

(10)

Ara r-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar strumenti finanzjarji appoġġati mill-baġit ġenerali skont l-Art.140.8 tar-Regolament Finanzjarju fil-31 ta’ Diċembru 2014 ippubblikat fit-13 ta’ Novembru 2015 (COM(2015)565 final)

(11)

Ċifri miġbura fl-2015.

(12)

Inklużi Konferenza dwar Spinta għan-Negozju tal-Professjonijiet Liberali, Konferenza dwar Ċans Ieħor għall-Intraprendituri Onesti li Fallew, Konferenza dwar it-Trasferimenti tan-Negozju