Brussell, 20.7.2016

COM(2016) 501 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Strateġija Ewropea għal mobbiltà b'emissjonijiet baxxi

{SWD(2016) 244 final}


1.Introduzzjoni

Il-mobbiltà b’emissjonijiet baxxi hija komponent essenzjali għall-bidla usa’ lejn ekonomija b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju u ċirkolari meħtieġa biex l-Ewropa tibqa’ kompetittiva u tkun tista’ tipprovdi għall-ħtiġijiet ta’ mobbiltà tal-persuni u l-oġġetti.

It-trasport jirrappreżenta kważi kwart tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-Ewropa u huwa l-kawża prinċipali tat-tniġġis tal-arja fl-ibliet. It-tweġiba tal-Ewropa għal dawn l-isfidi hija bidla rriversibbli lejn mobbiltà b’emissjonijiet baxxi f’termini ta’ karbonju u sustanzi li jniġġsu fl-arja. L-ambizzjoni hija ċara: sa nofs is-seklu, l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mit-trasport se jeħtieġ li jkunu mill-inqas 60 % aktar baxxi minn kif kienu fl-1990 1 u jkunu mexjin bis-sħiħ lejn żero. L-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu fl-arja mit-trasport li huma ta’ ħsara għas-saħħa għandhom jitnaqqsu drastikament mill-aktar fis.

It-trasport għandu potenzjal ħafna akbar milli fil-passat biex jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-UE, kif impenjajna ruħna li nagħmlu skont il-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima 2 u b’konformità mal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli.

Il-bidla lejn mobbiltà b’emissjonijiet baxxi diġà bdiet globalment u l-pass tagħha qed jaċċellera. Dan joffri opportunitajiet mill-akbar. Hija opportunità għall-manifatturi Ewropej tal-karozzi biex jimmodernizzaw, iħaddnu teknoloġiji ġodda b'entużjażmu aktar qawwi, u jerġgħu jiksbu l-fiduċja tal-konsumaturi. Hija wkoll opportunità għall-industrija u l-manifatturi oħra biex iħeġġu standards globali u jesportaw il-prodotti tagħhom. Hija opportunità wkoll għall-kumpaniji tal-enerġija u fornituri ta’ servizzi innovattivi, kif ukoll għal investituri biex jikkontribwixxu għal tkabbir sostenibbli u jipprovdu impjiegi ġodda.

Din il-bidla diġà bdiet, li tibni fuq politiki tal-UE eżistenti 3 . Issa, għandu jiġi aċċellerat il-pass tagħha permezz ta’ din l-Istrateġija għall-mobbiltà b'livell baxx ta’ emissjonijiet, filwaqt li jiġu żgurati l-ħtiġijiet tal-mobbiltà ta’ suq intern effiċjenti u ta’ konnettività globali. Dan ser ikun jinħtieġ firxa wiesgħa ta’ azzjonijiet. Il-Pjan ta’ Azzjoni jelenka dawk l-azzjonijiet li din il-Kummissjoni beħsiebha twettaq, soġġetta għall-prinċipji ta’ regolazzjoni u proċessi aħjar sabiex jiġi żgurat li kwalunkwe miżura proposta tkun ibbażata fuq l-evidenza, tkun effettiva, effiċjenti, proporzjonata u tkun fir-rispett sħiħ tas-sussidjarjetà. Dawn l-azzjonijiet jindirizzaw il-lievi prinċipali li se jinklinaw is-settur fid-direzzjoni t-tajba, b’mod kosteffikaċi u fir-rispett tan-newtralità tat-teknoloġija: (1) effiċjenza ogħla tas-sistema ta’ trasport, (2) enerġija alternattiva b’emissjonijiet baxxi għat-trasport, u (3) vetturi b’emissjonijiet baxxi u żero. Barra minn hekk, strumenti orizzontali bħall-Istrateġija għall-Unjoni tal-Enerġija, ir-riċerka u l-innovazzjoni, il-politika industrijali u ta’ investiment, l-Istrateġiji għal Suq Uniku Diġitali u l-aġenda għall-ħiliet se jappoġġjaw din it-trasformazzjoni. Peress li t-trasport fuq it-triq huwa responsabbli għal iktar minn 70 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra mit-trasport u ħafna tat-tniġġis tal-arja 4 , l-azzjoni se tiffoka fuq dan il-qasam, filwaqt li s-setturi kollha tat-trasport jistgħu u għandhom jikkontribwixxu.

Permezz tal-inizjattivi tagħha, l-UE se toħloq kundizzjonijiet ta’ abilitazzjoni u tipprovdi inċentivi b’saħħithom għal mobbiltà b’emissjonijiet baxxi. L-azzjonijiet imħabbra f’din il-komunikazzjoni jiffurmaw parti minn approċċ olistiku li jeħtieġ impenn fit-tul mill-partijiet interessati kollha, inklużi l-Istati Membri, li jridu jagħmlu l-parti tagħhom skont ir-responsabbiltajiet tagħhom. Ir-riċerkaturi tal-Ewropa u l-industriji tal-manifattura u tas-servizzi għandhom ikompli jġeddu u jagħmlu għażliet ta’ negozju b’objettiv ta’ nofs is-seklu f’moħħhom. Huma se jeħtieġu t-tip adattat ta’ inċentivi u ta' investimenti fil-mument xieraq sabiex iwasslu l-innovazzjonijiet tagħhom lis-suq fl-Ewropa jew globalment. Reġjuni u bliet ukoll se jkunu atturi prinċipali fl-għoti ta’ soluzzjonijiet għal mobbiltà b’emissjonijiet baxxi, viċin ta’ fejn l-aktar li jinħassu l-problemi, u finalment, l-għażliet tal-imġiba magħmula mill-utenti tal-mobbiltà se jiddeterminaw kemm se nkunu ta’ suċċess.

Huwa biss permezz ta’ azzjoni sostnuta min-naħa tal-atturi kollha li l-Ewropa tista’ tittrasforma s-sistema tat-trasport tagħha b’suċċess, li hija ħaġa kruċjali għall-prosperità tagħha u l-benessri taċ-ċittadini tagħha.

2.Qafas Regolatorju għall-mobbiltà b’emissjonijiet baxxi

Biex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni għal mobbiltà b’emissjonijiet baxxi u tingħata ċertezza lill-investituri, il-qafas regolatorju tal-UE jeħtieġ li jinbidel. Bosta avvanzi fil-passat ġew spustati bit-tkabbir tad-domanda tat-trasport, għalhekk sistema ta’ trasport li hija aktar effiċjenti għandha tkun il-punt tat-tluq. L-enerġija alternattiva b’emissjonijiet baxxi għat-trasport tirrappreżenta opportunità għall-innovazzjoni u l-ħolqien tal-impjiegi u tippermetti t-tnaqqis tad-dipendenza tal-Ewropa fuq żejt importat.

2.1Ottimizzazzjoni tas-Sistema ta’ Trasport u Titjib tal-Effiċjenza tagħha

Il-mod kif inhi organizzata l-mobbiltà għaddej minn bidla bis-saħħa ta’ teknoloġiji ġodda, mudelli kummerċjali u modi ta’ mobbiltà, kif, pereżempju, jidher mill-espansjoni mgħaġġla tal-ekonomija kollaborattiva fis-settur tal-mobbiltà. Il-mobbiltà hija dejjem aktar xprunata mid-domanda, li jwassal għal użu aktar ottimali tar-riżorsi tat-trasport. Id-dejta, sinjali aktar ċari ta’ prezzijiet u sistema tat-trasport multimodali jappoġġaw din il-bidla u għalhekk għandhom rwol ċentrali fl-approċċ tal-UE tal-mobbiltà b’emissjonijiet baxxi.

Soluzzjonijiet għall-mobbiltà diġitali

It-teknoloġiji diġitali jistgħu jagħmlu t-trasport iktar sikur, iktar effiċjenti u inklużiv. Dawn jippermettu mobbiltà bieb bieb bla intoppi, loġistika integrata u servizzi ta’ valur miżjud. Biex isir l-aħjar użu minn dan il-potenzjal, dawn it-teknoloġiji jeħtieġ li jkunu integrati tajjeb f'kunċetti ta’ mobbiltà sostenibbli. Għal din ir-raġuni, it-tnedija ta’ Sistemi tat-Trasport Intelliġenti għall-modi ta’ trasport kollha saret parti integrali mill-iżvilupp tan-Netwerk trans-Ewropew tat-Trasport multimodali 5 .

Fit-trasport fuq it-triq qed isiru sforzi konsiderevoli biex jiġu stimulati l-iżvilupp u t-tnedija ta’ Sistemi tat-Trasport Intelliġenti Kooperattivi. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni bħalissa qiegħda taħdem fuq qafas għat-tnedija rapida u koordinata ta’ dawn is-sistemi fl-UE kollha.

Prezzijiet ġusti u effiċjenti tat-trasport

L-għoti ta' sinjali korretti tal-prezzijiet u l-kunsiderazzjoni ta’ esternalitajiet huwa wieħed mill-modi l-aktar ekonomikament razzjonali ta’ inċentivar ta' aktar operazzjoni ta' trasport effiċjenti, ta' enerġija b’emissjonijiet baxxi u ta' tiġdid aktar malajr tal-flotta. Filwaqt li l-iċċarġjar diġà qed jintuża fil-livell tal-UE għat-trakkijiet u l-ferroviji, hemm kamp ta’ applikazzjoni għal azzjoni fil-livell tal-Istati Membri u muniċipali biex jiġi indirizzat it-trasport tal-passiġġieri. Tali spejjeż għandhom ikunu komplimentari għat-tassazzjoni eżistenti tal-karburanti.

Fl-UE kollha, l-iċċarġjar għandu jersaq lejn sistemi ta’ ċċarġjar tat-triq ibbażat fuq id-distanza bbażati fuq il-kilometri attwalment misjuqa, biex jirrifletti aħjar il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas u min juża jħallas. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tiżviluppa standards għal sistemi ta’ pedaġġ elettroniku interoperabbli fl-UE, biex tiffaċilita l-aċċess għas-swieq għall-fornituri ta’ servizzi ta’ pedaġġ ġodda u biex tnaqqas il-kostijiet totali tas-sistemi 6 . Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tirrevedi d-Direttiva dwar l-iċċarġjar għat-trakkijiet biex tippermetti wkoll iċċarġjar abbażi tad-differenzjazzjoni tad-diossidu tal-karbonju, u testendi ftit mill-prinċipji tagħha għall-karozzi tal-linja u l-kowċijiet kif ukoll għall-karozzi tal-passiġġieri u l-vannijiet 7 .

Promozzjoni tal-multimodalità

Miżuri għall-appoġġ ta’ integrazzjoni multimodali għandhom rwol importanti fil-kisba ta’ mobbiltà b’emissjonijiet baxxi bl-inċentivar ta’ bidla lejn modi ta’ trasport b’emissjonijiet aktar baxxi bħal passaġġi fuq l-ilma interni, trasport marittimu fuq distanzi qosra u ferroviji.

Il-qafas regolatorju rivedut għas-settur ferrovjarju pereżempju 8 huwa mfassal biex jagħmel il-ferroviji aktar kompetittivi u attraenti kemm għall-passiġġieri kif ukoll għall-merkanzija. Biex tippromwovi aktar l-intermodalità, il-Kummissjoni se timmodernizza l-inċentivi għat-trasport ikkombinat 9 u qiegħda tħejji miżuri għat-titjib tal-kapaċità u l-effiċjenza tal-użu ta’ kurituri għall-merkanzija bil-ferrovija 10 . Il-Kummissjoni qiegħda tappoġġja wkoll it-tnedija ta’ kurituri tan-netwerk fundamentali multimodali bit-tħejjija ta’ pjanijiet ta’ ħidma tat-tieni ġenerazzjoni u l-faċilitazzjoni ta’ miżuri għall-implimentazzjoni tan-Netwerk trans-Ewropew tat-Trasport 11 .

Biex ikompli jissaħħaħ it-trasport pubbliku u biex jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mit-trasport fit-toroq, il-Kummissjoni qed tħejji azzjoni biex ikun hemm żvilupp ulterjuri ta’ servizzi domestiċi b’xarabank u b’kowċ.

2.2Żieda tal-Użu ta’ Enerġija Alternattiva b’Emissjonijiet Baxxi għat-trasport

It-transport fl-UE għadu jiddependi fuq iż-żejt għal madwar 94 % tal-ħtiġijiet tal-enerġija tiegħu, li huwa ħafna ogħla minn kwalunkwe settur ieħor u dan jagħmel it-trasport dipendenti ħafna fuq l-importazzjoni. Filwaqt li t-tranżizzjoni għal enerġija alternattiva b’emissjonijiet baxxi fit-trasport diġà bdiet, se teħtieġ li taċċellera fid-deċennju li jmiss. Hija opportunità għall-Ewropa biex tiżviluppa tmexxija fil-prodotti l-ġodda, bħall-bijokarburanti avvanzati. Infrastruttura rilevanti għandha tiġi mnedija.

Qafas effettiv għall-enerġija alternattiva b’emissjonijiet baxxi

Bħala parti mir-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni attwali relatata mal-karburanti u l-enerġija rinnovabbli 12 , il-Kummissjoni qiegħda teżamina kif tipprovdi inċentiv qawwi għall-innovazzjoni fl-enerġiji meħtieġa għad-dekarbonizzazzjoni fit-tul. Dan jista’ jsir pereżempju bħala obbligu għall-fornituri tal-karburant li jipprovdu ċertu sehem ta’ enerġija alternattiva rinovabbli, jiġifieri bijokarburanti u karburanti sintetiċi avvanzati, pereżempju permezz ta' mandat ta' taħlit jew obbligu li jitnaqqas l-impatt tal-gassijiet serra tal-enerġija fornita.

Il-Kummissjoni diġà indikat li l-bijokarburanti minn kultivazzjonijiet alimentari għandhom rwol limitat fid-dekarbonizzazzjoni tas-settur tat-trasport u ma għandhomx jirċievu aktar appoġġ pubbliku wara l-2020 13 . Fil-kuntest tal-ħidma analitika kontinwa għall-appoġġ tar-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni attwali dwar karburanti u enerġija rinnovabbli, il-Kummissjoni qiegħda tiffoka fuq l-eliminazzjoni gradwali tagħhom u s-sostituzzjoni minn bijokarburanti aktar avvanzati. L-impatti se jiġu vvalutati bir-reqqa inkluż l-investiment meħtieġ għall-bijokarburanti avvanzati u l-fatt li mingħajr appoġġ, f'dan l-istadju, dawn ma jkunux jistgħu jikkompetu mal-karburanti fossili jew bijokarburanti minn kultivazzjonijiet alimentari 14 .

Il-prospetti għall-enerġija alternattiva b’emissjonijiet baxxi jvarjaw fost il-modi ta’ trasport. L-aktar firxa wiesgħa ta’ opzjonijiet hija disponibbli bħalissa għall-karozzi tal-passiġġieri u l-karozzi tal-linja, u s-soluzzjonijiet huma pjuttost sempliċi għall-ferrovijia permezz tal-elettrifikazzjoni. Fit-terminu medju, il-bijokarburanti avvanzati se jkunu partikolarment importanti għall-avjazzjoni, kif ukoll għat-trakkijiet u l-kowċijet. Il-Gass Naturali huwa mistenni li jiġi użat dejjem aktar bħala alternattiv għall-fjuwil marin fit-trasport marittimu u għad-diżil fit-trakkijiet u l-kowċijiet. Il-potenzjal tiegħu jista’ jiġi miżjud b’mod sinifikanti bl-użu tal-bijometan u l-metan sintetiku (teknoloġiji tal-gass bl-elettriku).

Tnedija tal-infrastruttura għall-karburanti alternattivi

Parti kbira tal-karburanti alternattivi (inkluż l-elettriku) teħtieġ infrastrutturi speċifiċi barra mis-sistema ta’ alimentazzjoni attwali. Id-Direttiva dwar Infrastruttura għall-Karburanti Alternattivi 15 tindirizza d-dispożizzjoni ta’ standards komuni fis-suq intern, id-disponibilità xierqa ta’ infrastruttura u informazzjoni tal-konsumatur dwar il-kompatibilità tal-karburanti u l-vetturi. Qiegħda titħejja metodoloġija għat-tqabbil tal-prezzijiet tal-karburanti.

Abbażi ta’ din id-Direttiva, sa Novembru 2016, l-Istati Membri għandhom ifasslu oqfsa ta’ politika għat-tnedija ta’ punti tal-iċċarġjar elettriku u stazzjonijiet tal-mili ta’ gass naturali, u stazzjonijiet tal-mili ta’ idroġenu opzjonali disponibbli għall-pubbliku 16 . Sabiex tinkiseb aċċettazzjoni tal-massa u tnedija ta’ vetturi elettriċi, jeħtieġ li tkun disponibbli infrastruttura għall-iċċarġjar u l-manutenzjoni fl-Ewropa kollha. L-għan aħħari huwa li jkun jista’ jsir vjaġġ bil-karozza madwar l-Ewropa kollha, li jagħmel l-iċċarġjar tal-vettura elettrika faċli daqs mili tat-tank.

L-UE qed tappoġġja din it-tnedija finanzjarjament u permezz tal-pjattaformi tal-partijiet interessati tagħha 17 . Proġetti kontinwi jiżviluppaw il-każ tan-negozju u jittestjaw il-fattibilità permezz ta’ provi reali, li jiġbru flimkien aktar minn EUR 1 biljun ta’ investiment privat u pubbliku u kważi EUR 600 miljun ta’ appoġġ finanzjarju tal-UE għal kważi 100 proġett 18 . F’dan il-kuntest anki l-opportunitajiet ta’ finanzjament ipprovduti mill-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi għandhom jiġu sfruttati ulterjorment. Il-Kummissjoni se tivvaluta l-ħtieġa li taġġusta l-istrumenti finanzjarji eżistenti bl-għan li jiġi ffaċilitat it-twettiq ta’ proġetti ta’ investiment transkonfinali għall-infrastruttura tal-iċċarġjar u tal-fjuwils alternattivi. Fil-kuntest tal-ħidma tagħha għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, il-Kummissjoni qiegħda teżamina opzjonijiet għall-promozzjoni tal-istallazzjoni ta’ punti tal-iċċarġjar tal-vetturi elettriċi fil-binjiet.

Interoperabbiltà u standardizzazzjoni għall-elettromobbiltà

L-istandardizzazzjoni u l-interoperabbiltà huma kruċjali biex jieħdu l-aħjar mill-iskala tas-suq intern, b’mod speċjali għall-elettromobbiltà u l-ostakli għall-iċċarġjar tal-vetturi elettriċi madwar l-UE għandhom jiġu eliminati. Għandu jsir aktar sforz għat-trawwim ta’ ħolqien ta’ suq tas-servizzi tal-elettromobbiltà fl-Ewropa kollha, bħall-interoperabbiltà transfruntiera ta’ pagamenti u d-dispożizzjoni ta’ informazzjoni reali dwar punti tal-iċċarġjar.

L-istandards validi madwar l-UE qed jiġu żviluppati f’kooperazzjoni mal-Istati Membri tal-UE, mal-industrija u mal-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni. Diġà jeżisti standard komuni tal-plakka għall-karozzi u issa jmiss l-istandards għall-iċċarġjar bl-induzzjoni, għall-batteriji, u għall-plakek tal-iċċarġjar għall-karozzi tal-linja elettriċi u għall-muturi. Il-Kummissjoni inawgurat ukoll laboratorju dedikat għall-iżgurar li l-ġenerazzjoni li jmiss ta’ karozzi elettriċi u grilji intelliġenti huma interoperabbli kompletament, ibbażat fuq standards armonizzati, validizzjoni tat-teknoloġija u metodi ta’ ttestjar. L-UE tipparteċipa wkoll fl-isforzi internazzjonali f’dan il-qasam, inkluż mal-Istati Uniti u mal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti.

2.3Mixja favur Vetturi b’Emissjonijiet Żero

Effiċjenza mtejba tas-sistema ta’ trasport u l-bidla lejn sorsi ta’ enerġija alternattiva b’emissjonijiet baxxi jeħtieġ li jiġu komplimentati b’politiki għall-appoġġ tal-effiċjenza u l-innovazzjoni fil-vetturi u d-domanda għal tali prodotti.

Fit-trasport fuq it-triq, se jibqa' jkun meħtieġ aktar titjib fil-magna bil-kombustjoni. Madankollu, it-trasformazzjoni lejn vetturi b’emissjonijiet baxxi u żero se teħtieġ li tiġi appoġġjata minn firxa wiesgħa ta’ miżuri fil-livelli kollha ta’ tfassil tal-politika biex tinvolvi kemm lill-manifatturi kif ukoll lill-utenti. Meta mqabbla mal-passat, il-politiki se jeħtieġu li jqisu aktar ukoll it-trakkijiet, il-karozzi tal-linja u l-kowċijiet.

Titjib fl-ittestjar tal-vetturi biex terġa’ tinkiseb il-fiduċja tal-konsumaturi

F'din l-aħħar sena, il-Kummissjoni għamlet bidliet fundamentali fil-mod kif l-emissjonijiet tal-vetturi jiġu kkalkolati u verifikati. Issa se jiġu implimentati malajr testijiet ta' emissjoni ġodda 19 fil-kuntest ta' "sewqan reali" sabiex il-valuri limitu għall-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu fl-arja jkollhom impatt aktar qawwi fil-konkret u l-konsumaturi jkunu jistgħu jerġgħu jafdawhom. Qafas għall-appovazzjoni tat-tip ġdid se jsaħħaħ l-ittestjar indipendenti, is-sorveljanza tas-suq u l-infurzar fl-Ewropa 20 . F’dan il-kuntest, it-trasparenza 21 u l-affidabilità tal-prestazzjoni ambjentali tal-vetturi se jiżguraw li terġa’ tinkiseb il-fiduċja tal-konsumaturi u se jipprovdu strumenti addizzjonali għall-indirizzar ta’ problemi ta’ kwalità tal-arja severi fl-UE kollha.

Proċedura ta’ testijiet globali ġdida, il-Proċedura Internazzjonali ta’ Testijiet għall-Vetturi Ħfief, se tiġi implimentata biex twassal valuri tad-diossidu tal-karbonju u konsum tal-karburant aktar realistiċi u preċiżi 22 . L-istabbiliment ta’ standards għall-karozzi u l-vannijiet ta’ wara l-2020 se jkun ibbażat fuq din il-proċedura ta’ testijiet ġdida u fid-definizzjoni tal-istandards il-ġodda l-istrettezza ogħla tat-testijiet il-ġodda se teħtieġ li titqies.

Il-Kummissjoni qiegħda tesplora wkoll il-fattibilità tal-kejl tal-konsum tal-karburant u l-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju f’sewqan reali, u l-użu possibbli ta’ tali dejta biex il-konsumaturi jiġu informati u biex tiġi kkontrollata l-eżattezza tal-proċeduri ta’ testijiet 23 .

Strateġija għall-karozzi u l-vannijiet ta’ wara l-2020

L-istandards ta’ effiċjenza tal-karburant tal-UE għal karozzi u vannijiet ġodda wrew li huma motivatur b’saħħtu għall-innovazzjoni u l-effiċjenza fit-teknoloġija tal-karozzi 24 . Grazzi għas-suq ta’ vetturi sekondarju, il-benefiċċji tagħhom infirxu gradwalment madwar il-flotta ta’ vetturi kollha. Se jkun meħtieġ li l-emissjonijiet minn magni bil-kombustjoni konvenzjonali ikomplu jitnaqqsu wara l-2020. Hemm bżonn li sal-2030 jiġu użati u jakkwistaw sehem sinifikanti fis-suq il-vetturi b’emissjonijiet baxxi jew. Għall-appoġġ tat-tranżizzjoni, se jkunu meħtieġa inċentivi kemm għall-provvista kif ukoll id-domanda permezz ta’ miżuri fil-livell tal-UE, kif ukoll fil-livell tal-Istati Membri, reġjonali jew lokali.

Il-Kummissjoni qiegħda taħdem fuq standards tad-diossidu tal-karbonju ta’ wara l-2020 għall-karozzi u l-vannijiet, u tivvaluta l-kostijiet u l-benefiċċji tagħhom, l-impatti tal-kompetittività u l-iżviluppi fil-politika industrijali fl-UE kollha u globalment. Se tanalizza wkoll l-impatt ta’ modi differenti biex tinċentiva vetturi b’emissjonijiet baxxi u żero b'mod teknoloġikament newtrali, bħall-istabbiliment ta’ miri għalihom. Tali vetturi se jeħtieġ li jiġu definiti kif suppost 25 , inkluża l-possibbiltà ta’ distinzjoni bejn vetturi b’emissjonijiet baxxi u dawk b’żero. L-iskeda ta’ żmien ġenerali għall-qafas ta’ wara l-2020, b’mod partikolari l-istabbiliment ta’ mira intermedja qabel l-2030 se jiġi vvalutat ukoll. Iż-żminijiet ta’ tiġdid tal-flotta jkunu jitolbu azzjoni llum qabel għada. Il-Kummissjoni qiegħda tniedi konsultazzjoni pubblika dwar dawn l-opzjonijiet flimkien ma’ din l-Istrateġija.

Dawn il-miżuri se jeħtieġ li jiġu appoġġjati mill-iżvilupp ta’ bażi ta’ produzzjoni domestika ta’ ġenerazzjoni ġdida ta’ ċelluli tal-batteriji elettriċi.

Fir-rigward tal-użu mill-konsumatur, jeħtieġ li jsir aktar biex jinħolqu swieq għall-vetturi b’emissjonijiet baxxi u żero. Għalhekk il-Kummissjoni qiegħda taħdem fuq it-titjib ta’ informazzjoni tal-konsumatur permezz tat-tikkettar tal-karozzi 26 u fuq l-appoġġ permezz ta’ regoli tal-akkwist pubbliku. L-awtoritajiet tal-Istati Membri, lokali u muniċipali kif ukoll il-produtturi nnifishom jistgħu jipprovdu inċentivi tant meħtieġa.

L-għarfien tal-konsumatur huwa problema partikolari għall-vetturi elettriċi u taċ-ċellula tal-fjuwil. Grazzi għat-titjib fit-teknoloġija tal-batteriji, il-medda qed tiżdied, il-kostijiet tax-xiri qed jonqos u l-kostijiet ta’ alimentazzjoni u manutenzjoni huma sinifikamenti aktar baxxi meta mqabbla mal-karburanti konvenzjonali. Jeħtieġ li l-utenti potenzjali jsiru konxji ta’ dawn il-benefiċċji. Approċċ aktar olistiku għall-indikazzjoni tal-emissjonijiet inklużi wkoll dawk mill-fjuwil jew l-enerġija użata jista’ jkompli jimmotiva l-għażla tal-konsumaturi u jtejjeb ir-rwol ta’ fjuwils alternattivi u jikkontribwixxi biex jinkiseb tnaqqis akbar tad-diossidu tal-karbonju.

Strumenti fiskali huma effettivi ħafna għall-inċentivar tal-imġiba tal-konsumatur. L-Istati Membri għadhom japplikaw firxa wiesgħa ta’ inċentivi fiskali kontradittorji li jiskoraġġixxu l-mobbiltà b’emissjonijiet baxxi. Dawn jinkludi sussidji għall-karburanti fossili pereżempju permezz ta’ rati baxxi fuq ċerti karburanti u skemi fiskali għall-karozzi tal-kumpaniji. Dawn l-iskemi, f’idejn l-Istati Membri, għandhom ikunu riveduti biex jiġu żgurati inċentivi pożittivi għal vetturi u enerġija b’emissjonijiet baxxi. Għall-karozzi tal-kumpaniji, qafas imfassal tajjeb jista’ jagħmel differenza kbira għall-introduzzjoni ta’ vetturi b’emissjonijiet baxxi u żero, peress li dawn qed jiġġeddu malajr u huma flotot imdaqqsa.

Strateġija għat-trakkijiet, il-karozzi tal-linja u l-kowċijiet ta’ wara l-2020

L-emissjonijiet minn trakkijiet, karozzi tal-linja u kowċijiet attwalment jirrappreżentaw madwar kwart tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju tat-trasport fuq it-triq u huma mistennija jiżdiedu b’massimu ta’ madwar 10 % bejn l-2010 u 2030 27 . Filwaqt li t-trakkijiet, il-karozzi tal-linja u l-kowċijiet ġew soġġetti għal standards ta’ tniġġis tal-arja simili tal-karozzi u l-vannijiet, u issa huma meħtieġa jilħquhom taħt kundizzjonijiet ta’ sewqan reali, l-UE la għandha standards ta’ effiċjenza tal-karburant għalihom, u lanqas skema ta’ monitoraġġ tad-diossidu tal-karbonju bħal fil-każ tal-karozzi u l-vannijiet.

Bħala l-ewwel pass, il-Kummissjoni qiegħda taħdem fuq żewġ proposti: waħda dwar iċ-ċertifikazzjoni tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju u l-konsum tal-karburant ta’ dawn il-vetturi u waħda dwar il-monitoraġġ u r-rapportar ta’ tali dejta ċertifikata. Dawn il-miżuri se jżidu t-trasparenza u se jiffaċilitaw ukoll id-differenzjazzjoni fl-iċċarġjar tal-utent tat-triq.

L-UE għandha tintroduċi wkoll miżuri biex jitrażżnu l-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju b’mod attiv minn trakkijiet, karozzi tal-linja u kowċijiet. Partijiet oħra tad-dinja, bħall-Istati Uniti, iċ-Ċina, il-Ġappun u l-Kanada, diġà introduċew standards, u ċerti manifatturi Ewropej jipparteċipaw f’dawn l-iskemi. L-Ewropa ma tistax tibqa’ lura. Kostijiet operazzjonali aktar baxxi għat-trasport ta’ merkanzija, vetturi aktar effiċjenti fil-karburant se jkunu ta' benefiċċju għall-ekonomija kollha kemm hi u finalment, għall-konsumaturi u l-passiġġiera. Is-suq sekondarju se jifrex il-benefiċċji lit-trasportaturi żgħar u medji.

Il-Kummissjoni, għalhekk, se tħaffef il-ħidma analitika fuq l-opzjonijiet ta’ tfassil għall-istandards ta’ emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju għal tali vetturi u se tniedi konsultazzjoni pubblika biex tħejji l-bażi għal proposta matul dan il-mandat. Fid-dawl tal-ħajja medja ta’ trakk ta’ madwar 10 snin, vetturi mibjugħa fl-2020 se jkunu għadhom fit-toroq Ewropej fl-2030. Sabiex ikun jista’ jsir progress aktar rapidu se jiġu kkunsidrati opzjonijiet differenti għall-istandards, inkluż għall-magni biss jew għall-vetturi sħaħ, bil-għan li jitrażżnu l-emissjonijiet ferm qabel l-2030. Fl-analiżi tagħha, il-Kummissjoni ser tagħmel użu sħiħ tad-data disponibbli kollha, inkluża l-għodda tas-simulazzjoni 28 żviluppata b’kollaborazzjoni mill-qrib mal-partijiet interessati.

Il-potenzjal tal-introduzzjoni ta’ teknoloġiji b’emissjonijiet baxxi jew żero jvarja fost il-kategoriji ta' tali vetturi. Għal ċerti kategoriji – bħall-karozzi tal-linja tal-ibliet – l-adozzjoni bikrija ta’ teknoloġiji b’emissjonijiet żero jidher li tista’ tintlaħaq u għandha tiġi esplorata l-possibbiltà ta' mira separta ta' emissjoni żero.. L-akkwist pubbliku huwa strument qawwi biex joħloq swieq għal prodotti innovattivi u għandu jintuża għall-appoġġ tal-użu ta’ tali vetturi. Peress li parti sinifikanti tal-akkwist pubbliku jsir mill-awtoritajiet muniċipali u lokali, hemm potenzjal partikolari għall-vetturi ta’ trasport pubbliku, bħall-karozzi tal-linja, li jużaw enerġiji alternattivi b’emissjonijiet baxxi. Biex tali akkwist pubbliku jsir aktar effettiv, il-Kummissjoni bħalissa qiegħda taħdem fuq ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Vetturi Nodfa 29 , li introduċiet obbligi ta' sostenibbiltà fl-akkwist pubbliku fl-UE. L-opzjonijiet li attwalment qed jiġu valutati jinkludi t-twessigħ tal-kamp ta’ applikazzjoni, rekwiżiti ta’ konformità aktar robusti u miri tal-akkwist.

3.Abilitazzjoni tal-Ambjent għal Mobbiltà b’Emissjonijiet Baxxi

Numru ta’ inizjattivi u azzjonijiet orizzontali fil-livelli kollha se jsostnu t-tranżizzjoni għal mobbiltà b’emissjonijiet baxxi.

L-Unjoni tal-Enerġija: tgħaqqid tas-sistemi ta’ trasport u tal-enerġija

Il-mobbiltà b’emissjonijiet baxxi tista' taffettwa l-provvista tal-enerġija, billi toħloq domanda addizzjonali għal ċerti sorsi ta’ enerġija u tnaqqas id-domanda għal oħrajn. Il-fornituri tal-karburanti fossili se jkollhom iħaddnu opportunitajiet ġodda relatati ma’ sorsi ta’ enerġija alternattiva b’emissjonijiet baxxi għat-trasport. Il-mobbiltà b’emissjonijiet baxxi tista’ toħloq aktar domanda għall-elettriku u pressjoni addizzjonali fuq is-settur tal-enerġija elettrika għad-dekarbonizzazzjoni taħt l-Iskema tal-UE għan-Negozjar ta’ Emissjonijiet.

Filwaqt li l-infrastruttura tal-elettriku eżistenti ġeneralment għandha l-kapaċità li takkomoda użu wiesa’ ta’ elettriku fit-trasport 30 , jistgħu jseħħu sfidi fil-livell ta’ distribuzzjoni fl-eqqel ħinijiet tagħha. Biex dan jiġi indirizzat, skont l-Istrateġija dwar l-Unjoni tal-Enerġija 31 il-Kummissjoni qiegħda taħdem fuq proposta għal Tfassil tas-Suq tal-Elettriku, li timmira li tiffaċilita l-integrazzjoni tal-elettromobbiltà, billi tħeġġeġ l-iċċarġjar f’ħinijiet ta’ elettriku rħis meta d-domanda hija baxxa u l-provvista għolja. Il-proposta tista’ wkoll tnaqqas l-ostakli għall-awtoġenerazzjoni, il-ħażna u l-konsum ta’ elettriku rinnovabbli. Dan jiffaċilita pereżempju l-kapaċità tal-konsumaturi li jużaw elettriku ġġenerat mill-pannelli solari tagħhom stess għall-iċċarġjar tal-vetturi.

Fit-tul, il-batteriji tal-vetturi jistgħu jsiru wkoll parti integrali mis-sistema ta’ elettriku u jipprovdu enerġija lill-grilja meta meħtieġ. Bl-istess mod, l-idroġenu, il-bijometan u l-karburanti sintetiċi jistgħu jiġu prodotti mill-elettriku f’ħinijiet ta’ prezzijiet baxxi, u jipprovdu forma ta’ ħżin tal-enerġija.

Ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-kompetittività

Sforzi ta’ riċerka u innovazzjoni għall-appoġġ ta’ tranżizzjoni fit-tul lejn mobbiltà b’emissjonijiet żero jeħtieġ jintensifikaw. Aktar tard din is-sena, il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tippreżenta Strateġija Integrata għal Riċerka, Innovazzjoni u Kompetittività għall-Unjoni tal-Enerġija, li se tgħaqqad it-tliet oqsma interkonnessi: it-teknoloġiji tal-enerġija, it-trasport u l-industrija. L-għan huwa li tiġi żgurata koerenza mad-diskussjonijiet orizzontali kontinwi dwar il-politika usa’ ta’ riċerka, innovazzjoni u kompetittività.

Minn issa ’l quddiem ir-riżorsi għandhom jiffokaw fuq opzjonijiet innovattivi b’emissjonijiet baxxi, u t-tnedija tagħhom. Huwa importanti li jiġu stabbiliti prijoritajiet u jiġu massimizzati sinerġiji, pereżempju bejn is-sistemi ta’ trasport u tal-enerġija, pereżempju bl-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet ta’ ħżin tal-enerġija, inklużi batteriji tal-ġenerazzjoni li jmiss, li jilħqu d-domandi tat-trasport u jippermettu lill-Ewropa tiżviluppa bażi ta’ manifattura għall-produzzjoni tal-massa ta’ tali soluzzjonijiet. F’dak li jirrigwarda l-enerġija għat-trasport, is-swieq tradizzjonali għall-enerġija bbażata fuq il-karburanti fossili se jinxtorbu u opportunitajiet ġodda għall-provvista ta’ alternattivi b’emissjonijiet baxxi se jinfetħu. L-attivitajiet ta’ riċerka għandhom għalhekk jiffokaw ukoll fuq il-bijokarburanti u l-karburanti sintetiċi avvanzati, rilevanti għad-dekarbonizzazzjoni tal-flotta ta’ trasport fuq it-triq eżistenti, kif ukoll għal setturi li jistgħu jibqgħu tal-anqas parzjalment dipendenti fuq il-karburanti likwidi, bħall-avjazzjoni.

L-industrija qed tinvesti f’attivitajiet ta' riċerka u innovazzjoni u l-Ewropa tradizzjonalment tgawdi pożizzjoni b’saħħitha fil-manifattura relatata mat-trasport. Din il-pożizzjoni għandha tinżamm. Filwaqt li fit-trasport fuq it-triq, l-Ewropa għadha fuq quddiem fir-rigward ta' privattivi għat-titjib ta’ magni b’kombustjoni interna, il-bqija tad-dinja tibbenefika minn numri ogħla ta’ privattivi ta’ enerġija alternattiva u swieq għall-vetturi b’emissjonijiet baxxi qed jikbru b’pass aktar mgħaġġel barra mill-UE. L-UE sempliċement ma tistax taffordja li jseħħu innovazzjoni u żvilupp ta’ teknoloġiji ġodda – flimkien mal-impjiegi maħluqa – predominantement barra mill-Unjoni. L-Ewropa għandha tkompli tmexxi t-tfassil ta’ standards globali.

Mobbiltà b’emissjonijiet baxxi u innovazzjoni se jeħtieġ li jkunu parti integrali mill-politiki industrijali tal-Istati Membri kollha. Il-kwistjoni ta’ kompetittività ma tirrigwardax biss produtturi tal-vetturi kbar, kemm jekk huma ta’ karozzi, vetturi heavy-duty, ajruplani, ferroviji jew bastimenti. Manifatturi tal-komponenti, spiss intrapriżi żgħar u medji, huma parti vitali mill-manifatturar Ewropew.

Teknoloġiji diġitali

It-teknoloġiji diġitali joffru potenzjal enormi għall-ottimizzazzjoni tas-sistema ta’ trasport u jiftħu opportunitajiet ġodda għall-manifatturar u s-servizzi. It-teknoloġiji diġitali jappoġġjaw ukoll l-integrazzjoni tat-trasport ma’ sistemi oħra, bħas-sistema tal-enerġija, u jagħmlu s-settur tal-mobbiltà aktar effiċjenti.

Iżda biex jittieħed vantaġġ sħiħ mill-benefiċċji tad-diġitalizzazzjoni fil-qasam tat-trasport, huwa meħtieġ li jinħolqu oqfsa regolatorji biex jiġu inċentivati l-iżvilupp u l-konsum fis-suq ta' tali teknoloġiji, u li jiġu stabbiliti standards għall-iżgurar tal-interoperabbiltà, inkluża dik transfruntiera, u l-abilitazzjoni ta’ skambju ta’ dejta filwaqt li fl-istess ħin jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ta’ protezzjoni tad-data u ċ-ċibersigurtà. Skont l-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali 32 il-Kummissjoni qiegħda tħejji ċirkolazzjoni ta’ inizjattiva dwar id-dejta li timmira l-prevenzjoni ta’ restrizzjonijiet mhux ġustifikati fuq dejta dwar il-lok u l-indirizzar ta’ kwistjonijiet ta’ aċċess u użu tad-dejta inkluż għal informazzjoni tat-trasport u t-traffiku. Fid-Diġitalizzazzjoni tal-Industrija tal-Komunikazzjoni Ewropea 33 , il-Kummissjoni diġà ppreżentat miżuri b’appoġġ tal-mudelli kummerċjali l-ġodda, inkluża l-ekonomija kollaborattiva.

Ħiliet

Huwa stmat li l-industrija tat-trasport inġenerali timpjega aktar minn 15-il miljun ruħ, b’kont meħud tas-7 % tal-impjieg totali fl-UE 34 . Ħiliet ġodda se jkunu meħtieġa biex jakkumpanjaw it-tranżizzjoni teknoloġika lejn mobbiltà b’emissjonijiet baxxi. L-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa tal-Kummissjoni 35 timmira li tindirizza din l-isfida. Is-setturi tat-teknoloġija tal-karozzi u marittima se jkunu tnejn mill-ewwel oqsma għall-inizjattiva “Pjan ta’ Azzjoni għall-Kooperazzjoni Settorjali dwar il-Ħiliet”.

Investiment

Din l-Istrateġija għal mobbiltà b’emissjonijiet baxxi timmira wkoll li tipprovdi ċ-ċertezza meħtieġa lill-investituri. L-istrumenti ta’ investiment tal-UE se jkunu mmirati lejn l-appoġġ ta’ effiċjenza ogħla tas-sistema ta’ trasport, b'mod teknoloġikament newtrali, enerġija alternattiva b’emissjonijiet baxxi għat-trasport, u vetturi b’emissjonijiet żero.

Il-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa huwa kruċjali għall-appoġġ ta’ dawn l-objettivi tal-politika. Sar progress sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-pipeline tat-trasport tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi. Il-mira kienet fuq il-mobilizzazzjoni tal-investiment privat u pubbliku meħtieġ, li żżid il-kapaċità tal-assorbiment tar-riskju u ċ-ċertezza ta’ għoti fil-provvista ta’ appoġġ għal proġetti li jaffaċċjaw diffikultajiet fl-aċċess ta’ finanzjament fit-tul 36 . Dan l-appoġġ jista’ jinkludi wkoll l-istabbiliment ta’ pjattaformi u attivitajiet relatati oħra biex jgħinu lill-ibliet b'finanzjament kollettiv u ingranaġġ finanzjarju, kif ukoll id-dispożizzjoni ta’ għajnuna teknika permezz taċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investiment.

Barra minn hekk, hemm numru ta’ fondi tal-UE speċifiċi disponibbli. Il-pakkett relatat mat-trasport taħt il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej jammonta għal EUR 70 biljun, li jinkludi EUR 39 biljun għall-appoġġ tal-mixja favur mobbiltà b’emissjonijiet baxxi. Dan imbagħad jinkludi EUR 12-il biljun għall-iżvilupp ta’ mobbiltà urbana sostenibbli b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju u multimodali. Il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa toffri EUR 24 biljun. Parti sinifikanti mill-programm ta’ riċerka u innovazzjoni ta’ trasport tal-Orizzont 2020 li tammonta għal EUR 6.4 biljun hija ffokata fuq il-mobbiltà b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju.

Azzjoni mill-ibliet

It-trasport urban huwa responsabbli mit-23 % tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-UE. Huwa wkoll waħda mir-raġunijiet għalfejn bosta żoni urbani huma fi ksur tal-limiti tat-tniġġis tal-arja. L-għoti ta’ din l-Istrateġija se tiddependi ħafna fuq l-ibliet u l-awtoritajiet lokali u bliet li diġà qegħdin minn ta’ quddiem fil-bidla għall-mobbiltà b’emissjonijiet baxxi. Dawn qed jimplimentaw inċentivi għall-enerġiji alternattivi u vetturi b’emissjonijiet baxxi. Bħala parti minn approċċ komprensiv permezz ta’ ppjanar ta’ mobbiltà urbana sostenibbli, li jintegra l-ippjanar spazjali u jinvestiga d-domanda tal-mobbiltà, huma jinkoraġġixxu bidla modali għal vjaġġar attiv (ċikliżmu u mixi), trasport pubbliku u/jew skemi ta’ mobbiltà kondiviża, jiġifieri kondiviżjoni tar-roti u tal-karozzi u car-pooling, biex jitnaqqsu l-konġestjoni u t-tniġġis fl-ibliet.

Bosta bliet Ewropew stabbilixxew miri ambizzjużi biex jikkontribwixxu għat-twettiq tal-miri klimatiċi tal-Ftehim ta’ Pariġi u l-Kummissjoni se tkompli tappoġġjahom, inkluż fil-qafas tal-aġenda urbana għall-UE u s-sħubijiet tagħha. L-iskambju tal-aħjar prattiki u l-iskjerament ta' teknoloġiji ġodda fil-livell lokali għandu jiġi faċilitat ulterjorment permezz ta’ inizjattivi bħall-Patt tas-Sindki, Bliet Intelliġenti u Komunitajiet/Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni u l-inizjattiva CIVITAS għal bliet aktar nodfa u bi trasport aħjar.

Azzjoni globali għat-trasport internazzjonali

Firxa wiesgħa ta’ azzjonijiet qed jittieħdu fi ħdan is-settur tal-avjazzjoni biex jitnaqqsu l-emissjonijiet, inklużi avvanzi kbar fit-teknoloġija u inġenji tal-ajru aktar effiċjenti fil-karburant, kif ukoll titjib fil-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru. Jeħtieġ li jinkiseb aktar progress, madankollu, b’mod speċjali fil-livell internazzjonali, peress li ż-żieda fit-traffiku tal-ajru qiegħda taqbeż it-tnaqqis tal-emissjonijiet. Fl-Assemblea tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) ta’ din is-sena, l-UE hija impenjata bis-sħiħ biex tilħaq il-ftehim dwar Mekkaniżmu Bbażat fuq is-Suq Globali biex jiġu indirizzati l-emissjonijiet tal-avjazzjoni internazzjonali u jinkiseb tkabbir newtrali tal-karbonju mill-2020. Din il-Miżura Bbażata fuq is-Suq Globali u miżuri oħra, bħall-istandard tad-diossidu tal-karbonju internazzjonali miftiehem reċentement għall-inġenji tal-ajru ġodda huma maħsuba biex jiżguraw it-tkabbir newtrali tal-karbonju tal-avjazzjoni internazzjonali mill-2020. L-UE se tirrevedi l-miżura domestika tagħha stess (l-Iskema tal-UE għan-Negozjar ta’ Emissjonijiet għall-avjazzjoni) fid-dawl tal-eżitu tal-Assemblea.

Il-bini fuq l-introduzzjoni ta’ “Indiċi tat-Tfassil tal-Effiċjenza fl-Użu tal-Enerġija” għall-bastimenti ġodda involuti fit-trasport marittimu internazzjonali, l-UE hija impenjata bis-sħiħ biex tiżgura ftehim globali robust u obbligatorju għall-ġbir u r-rapportar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra mit-trasport marittimu internazzjonali fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali aktar tard din is-sena. Dan jeħtieġ li jiġi kkomplimentat f’qasir żmien minn ftehim internazzjonali dwar għan tat-tnaqqis tal-emissjonijiet għas-settur tat-trasport marittimu, li għandu jiġi segwit minn miżuri għall-mitigazzjoni tal-emissjonijiet fis-settur marittimu internazzjonali. L-UE diġà għandha fis-seħħ leġiżlazzjoni li, mill-2018, se teħtieġ li l-bastimenti li jużaw il-portijiet tal-UE jimmonitorjaw, jirrapportaw u jivverifikaw l-emissjonijiet. L-UE tista’ tallinja din il-leġiżlazzjoni f’każ ta’ ftehim internazzjonali dwar sistema globali. Fir-rigward tas-sustanzi li jniġġsu fl-arja, il-Kummissjoni tappoġġja miżuri oħra mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali għat-tnaqqis ta’ dawn l-emissjonijiet, bħad-deżinjazzjoni ta’ Oqsma ta’ Kontroll tal-Emissjonijiet u l-implimentazzjoni ta’ limitu massimu globali tal-kubrit fil-karburant fl-2020.

L-UE tibqa’ impenjata mhux biss biex tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet iżda wkoll biex tikkontribwixxi finanzjarjament u teknikament għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet madwar id-dinja kollha. L-UE hija diġà involuta fi proġetti ta’ tisħiħ tal-kapaċitajiet ma’ bosta pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, u taħdem kemm mal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali u l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali għall-iżgurar li jiġu żviluppati kapaċitajiet globali ġenwini biex jintlaħqu l-isfidi futuri, inklużi madwar il-Kontinent Afrikan u ma’ wħud mill-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati u Stati Gżejjer Żgħar.

4.Konklużjonijiet

Din l-istrateġija għall-mobbiltà b’emissjonijiet baxxi għandha tagħti kontribut importanti għall-immodernizzar tal-ekonomija tal-UE, għall-għajnuna għat-tnaqqis tal-emissjonijiet mis-settur tat-trasport u għall-ilħiq tal-impenji tal-UE skont il-Ftehim ta’ Pariġi.

Il-Kummissjoni qed tistieden lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni biex japprovaw l-istrateġija u tħeġġeġ lill-atturi kollha biex jipparteċipaw b’mod attiv u sabiex jagħmlu l-implimentazzjoni tagħha suċċess permezz ta’ kollaborazzjoni fil-livelli kollha u fis-setturi kollha.

B’mod parallel ma’ din l-istrateġija, il-Kummissjoni se tniedi konsultazzjonijiet pubbliċi dwar l-approċċ lejn it-tnaqqis tal-emissjonijiet mit-trasport fuq it-triq: karozzi u vannijiet kif ukoll trakkijiet, karozzi tal-linja u kowċijiet.

(1)

COM (2011) 144 White Paper: Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti.

(2)

Is-settur tat-trasport jikkontribwixxi għal miri ta’ tnaqqis nazzjonali ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont ir-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforz, COM(2016)482.

(3)

Ara l-prospett ta’ politiki eżistenti fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanja din il-Komunikazzjoni.

(4)

It-trasport fuq it-triq huwa l-akbar sors ta’ ossidu tan-nitroġenu (39 %) u sors importanti ta’ materja partikolata (13 %).

(5)

Dan jinkludi s-Sistema ta’ Tmexxija tat-Traffiku Ferrovjarju Ewropew għall-ferroviji, ir-Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku bl-Ajru tal-Ajru Uniku Ewropew fl-ajru u Servizzi tal-Informazzjoni tax-Xmajjar fis-settur tal-passaġġi fuq l-ilma interni.

(6)

Reviżjoni tad-Direttiva 2004/52/KE u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/750/KE dwar is-Servizz Ewropew ta’ Pedaġġ Elettroniku (EETS).

(7)

Reviżjoni tad-Direttiva Eurovignette (1999/62/KE).

(8)

Leġiżlazzjoni parzjalment adottata mill-koleġiżlaturi, il-bqija qed joqrob l-adozzjoni finali (COM(2013) 26, COM(2013) 28 u COM (2013) 29).

(9)

Evalwazzjoni reċenti tad-Direttiva dwar it-Trasport Ikkombinat uriet li teħtieġ li tkun simplifikata u l-inċentivi ekonomiċi għat-trasport intermodali riveduti.

(10)

Reviżjoni tar-Regolament 913/2010 dwar netwerk ferrovjarju Ewropew għat-trasport ta’ merkanzija kompetittiv.

(11)

Proposta għal Regolament dwar miżuri ta’ simplifikazzjoni għal implimentazzjoni aktar rapida tal-proġetti ta’ interess komuni dwar in-Netwerk trans-Ewropew tat-Trasport.

(12)

Id-Direttiva 2009/28/KE dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u d-Direttiva 98/70/KE dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil.

(13)

COM (2014) 15 Qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija fil-perjodu ta’ bejn l-2020 u l-2030

(14)

Appoġġ għall-bijokarburanti avvanzati jista’ jingħata billi jiġu rispettati l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Linji Gwida dwar Għajnuna mill-Istat għall-enerġija u l-ambjent.

(15)

Id-Direttiva 2014/94/UE.

(16)

Sakemm il-politiki tal-Istati Membri jinkludu l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat, dawn iridu jikkonformaw mar-regoli applikabbli tal-għajnuna mill-Istat.

(17)

Bħall-Forum dwar it-Trasport Sostenibbli.

(18)

Kofinanzjata minn fondi privati u pubbliċi, inkluż mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej.

(19)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/427 tal-10 ta’ Marzu 2016 (l-ewwel (1) pakkett tal-emissjonijiet f’sewqan reali) u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/646 tal-20 ta’ April 2016 (it-tieni (2) pakkett tal-emissjonijiet f’sewqan reali)

(20)

Proposta għal Regolament ġdid, adottat mill-Kummissjoni fis-27 ta’ Jannar 2016, COM(2016) 31.

(21)

Il-Kummissjoni se tipproponi wkoll li l-fattur tal-konformità ta’ kull vettura jintwera fiċ-ċertifikat ta’ konformità tagħha, sabiex l-emissjonijiet ta’ vettura jkunu trasparenti lill-konsumatur. Dan huwa previst bħala parti mit-tielet (3) pakkett tal-emissjonijiet f’sewqan reali li bħalissa qed jiġi mħejji.

(22)

Fl-14 ta’ Ġunju 2016, il-kumitat regolatorju tekniku li jiġbor ir-rappreżentanti tal-Istati Membri (il-Kumitat Tekniku tal-Vetturi bil-Mutur) ivvota favur l-abbozz tar-Regolament tal-Kummissjoni biex tiġi introdotta l-Proċedura Armonizzata Dinjija tat-Testijiet tal-Vetturi Ħfief.

(23)

Il-Mekkaniżmu ta’ Parir Xjentifiku indipendenti qed jaħdem fuq il-valutazzjoni xjentifika tal-opzjonijiet għall-Kummissjoni.

(24)

L-evalwazzjoni tar-Regolamenti 443/2009 u 510/2011 li jistabbilixxu standards għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-karozzi u l-vannijiet.

(25)

Ir-Regolamenti 443/2009 u 510/2011 attwali jiddefinixxu reġim ta’ superkreditu għall-vetturi li għandhom ħruġ ta’ duħħan taħt il-50 g/km (dan ikun jinkludi xi ibridi plug-in, karozzi kompletament elettriċi u vetturi taċ-ċellula tal-fjuwil (jiġifieri taħdem bl-idroġenu).

(26)

Bħala l-ewwel pass, evalwazzjoni tad-Direttiva dwar it-Tikkettar tal-Karozzi (id-Direttiva 1999/94/KE) hija ppubblikata ma’ din l-Istrateġija. Il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra wkoll li testendi t-tikkettjar biex ikopri sustanzi oħra li jniġġsu.

(27)

Xenarju ta’ Referenza tal-UE 2016: Enerġija, trasport u emissjonijiet ta’ gassijiet serra - Tendenzi sal-2050

(28)

L-għodda għall-kalkolu tal-konsum tal-enerġija tal-vetturi

(29)

Id-Direttiva 2009/33/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni ta’ vetturi ta’ trasport fuq it-triq nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija

(30)

Id-domanda tal-elettriku addizzjonali mit-trasport tkun kontrabilanċjata minn domanda aktar baxxa f’setturi oħra minħabba t-titjib tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija.

(31)

COM (2015) 80 Qafas Strateġiku għall-Unjoni tal-Enerġija Reżiljenti b’Politika dwar il-Bidla fil-Klima li tħares ’il quddiem

(32)

COM(2015) 192.

(33)

COM(2016) 180.

(34)

Fiġuri tal-2014 ibbażati fuq l-Istħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol Eurostat (15 sa 64 sena) Madwar 11-il miljun impjieg jikkorrispondu għas-servizzi ta’ trasport (inklużi l-attivitajiet postali u tal-kurrier) u aktar minn 4 miljuni għall-manifatturar ta’ tagħmir tat-trasport.

(35)

COM(2016) 381

(36)

Eżempji jinkludu ħidma kontinwa fuq it-tfassil ta’ prodotti finanzjarji biex jinfetħu investimenti fil-flotot tal-karozzi tal-linja b’emissjonijiet baxxi jew biex tittejjeb il-prestazzjoni ambjentali tal-bastimenti tat-trasport marittimu.


Brussell, 20.7.2016

COM(2016) 501 final

ANNESS

tal-

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Strateġija Ewropea għall-mobbiltà b'emmissjonijiet baxxi

{SWD(2016) 244 final}


Anness: Pjan ta’ azzjoni għal mobbiltà b’livell baxx ta’ emissjonijiet 1

Biex tiġi ottimizzata s-sistema tat-trasport u titjieb l-effiċjenza tagħha

Mobbiltà diġitali:

oPjan Regolatorju għall-iżvilupp ta' Sistemi ta' Trasport Interoperabbli Kooperattivi Intelliġenti

Ipprezzar ġust u effiċjenti fit-trasport fuq it-triq:

oReviżjoni tad-Direttiva dwar l-Eurovignette (1999/62/KE)

oReviżjoni tas-Servizz Ewropew ta’ Pedaġġ Elettroniku (EETS), Direttiva 2004/52/KE, u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar id-definizzjoni tas-Servizz Ewropew ta’ Pedaġġ Elettroniku u tal-elementi tekniċi tiegħu (id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/750/KE)

Il-promozzjoni tal-multimodalità:

oProposta għal Regolament tal-PE u tal-Kunsill dwar miżuri ta' razzjonalizzazzjoni għall-implimentazzjoni aktar malajr tal-proġetti ta' interess komuni tan-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport.

oRevizjoni tar-Regolament 913/2010 rigward netwerk ferrovjarju Ewropew għat-trasport tal-merkanzija kompetittiva

oProposta għall-emenda tad-Direttiva tal-Kunsill 92/106/KEE dwar l-istabbiliment ta' regoli komuni għal ċertu tipi ta' trasport ikkombinat ta' prodotti bejn l-Istati Membri

oReviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1073/2009 dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq għas-servizzi tal-kowċes u xarabanks

Żieda fl-użu ta' sorsi ta' enerġija alternattiva b'emissjonijiet baxxi

Qafas effettiv għal enerġija alternattiva b'emissjonijiet baxxi:

oPakkett leġiżlattiv dwar is-sorsi rinnovabbli tal-enerġija

oMetodoloġija għall-paragun tal-prezz tal-karburanti

Standardizzazzjoni u interoperabbiltà għall-elettromobbiltà fil-kuntest tal-Organizzazzjonijiet Ewropew tal-Istandardizzazzjoni

Ix-xejra lejn vetturi b'emissjoni żero

Strateġija ta' wara l-2020 dwar l-effiċjenza tal-vetturi għall-karozzi u vannijiet:

oReviżjoni tar-Regolament (UE) Nru 433/2009 u r-Regolament (UE) Nru 510/2011 li jistabbilixxu standards ta' prestazzjoni għall-emissjonijiet għall-karozzi u l-vannijiet

oRevizjoni tad-Direttiva 1999/94/KE relatata mad-disponibilità ta' tagħrif għall-konsumatur dwar l-ekonomija tal-karburanti u emissjonijiet tas-CO2 rigward il-marketing ta' karozzi tal-passiġġieri ġodda

Azzjoni dwar vetturi heavy-duty:

oProposta għal proċedura ta' ċertifikazzjoni ta' emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju minn vetturi heavy-duty (abbażi tal-għodda ta' simulazzjoni VECTO)

oProposta għal sistema ta' monitoraġġ u rappurtar għal vetturi heavy-duty (trakkijiet u karozzi tal-linja)

oProposta għall-istabbiliment ta' standards ta' effiċjenza tal-karburanti għal vetturi heavy-duty

oRevizjoni tad-Direttiva 2009/33 dwar il-promozzjoni ta’ vetturi ta’ trasport fuq it-triq nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija

Abilitaturi orizzontali b'appoġġ għall-mobbiltà b'emissjonijiet baxxi

L-istrateġija tal-Unjoni tal-Enerġija, inkluż l-inizjattiva dwar it-tfassil tas-Suq tal-Elettriku li jkollha l-għan li żżid l-impenn tal-konsumatur

Strateġija tal-UE għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u l-Kompetittività għall-Unjoni tal-Enerġija

L-implimentazzjoni tas-Suq Uniku u tal-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali, inkluż l-industrija tad-diġitizzazzjoni, il-fluss liberu tad-dejta u inizjattivi ta' standardizzazzjoni ta' politika

L-implimentazzjoni tal-Aġenda dwar Ħiliet Ġodda

Il-massimizzar tal-impatt tal-istrumenti ta' finanzi u finanzjarji disponibbli

Azzjoni globali fit-trasport internazzjonali

(1)

L-azzjoni elenkata f’dan il-Pjan ta’ Azzjoni se tkun suġġetta għal evalwazzjoni, konsultazzjonijiet u valutazzjonijiet tal-impatt xierqa, f’konformità ma’ prinċipji ta’ regolamentazzjoni aħjar tal-UE u l-prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità.