Brussell, 20.7.2016

COM(2016) 483 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE skont l-Artikolu 14 tagħha

{SWD(2016) 251 final}


1.Introduzzjoni    

Adottata fl-2009 bħala parti mill-pakkett dwar il-Klima u l-Enerġija, id-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE 1 (imsejħa wkoll id-Deċiżjoni dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi, l-ESD) tistabbilixxi l-limiti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra għall-Istati Membri kollha sal-2020. Tkopri l-emissjonijiet fis-setturi tat-trasport, tal-bini, tal-agrikoltura, tal-industriji żgħar u tal-iskart. Dawn is-setturi kienu responsabbli għal aktar minn 55 % tat-total tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-UE fl-2013 2 . L-objettiv tal-ESD huwa li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-UE b’10 % sal-2020 meta mqabbla mal-2005 u li jiġi promoss tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fi ħdan il-kamp ta’ applikazzoni tagħha b’mod ġust u kosteffettiv. L-ESD daħlet fis-seħħ f’Ġunju 2009.

Dan ir-rapport jissodisfa l-Artikolu 14 tad-Deċiżjoni dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforz li teżiġi li l-Kummissjoni tfassal rapport li jevalwa l-implimentazzjoni tal-ESD u jippreżentah lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sal-31 ta' Ottubru 2016. Huwa juri l-prestazzjoni s'issa tad-Deċiżjoni dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforz, u x'nistgħu nitgħallmu dwar l-azzjonijiet li jistgħu jieħdu l-Istati Membri biex jillimitaw l-emissjonijiet tal-gassijiet serra fis-setturi koperti fid-Deċiżjoni, u l-effett li dawn ikollhom fuq l-emissjonijiet nazzjonali tagħhom. Ir-riżultati tal-evalwazzjoni huma ppreżentati f’aktar dettall fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkompanja dan ir-rapport 3 .

Filwaqt li l-ewwel sena ta' rapportar mill-Istati Membri skont id-Deċiżjoni kienet l-2015, meta saret l-evalwazzjoni, il-biċċa l-kbira tad-dispożizzjonijiet kienu għadhom ma ġewx applikati, u għaldaqstant kien iżjed diffiċli li wieħed jasal għall-konklużjonijiet dwar kemm huma xierqa, u li wieħed jikkunsidra xi tibdiliet abbażi ta' dak li jkun sar magħruf. Madankollu, l-evalwazzjoni tista' tuża l-evidenza li toħroġ mill-proċesss tal-implimentazzjoni legali tad-Deċiżjoni u mix-xogħol ta' tħejjija li jkunu għamlu l-Istati Membri.

2.Kuntest

Il-Pakkett dwar il-Klima u l-Enerġija jistabbilixxi l-miri għall-2020, li jeħtieġu tnaqqis ta’ 20 % fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mil-livelli tal-1990, sehem ta’ 20 % tal-konsum tal-enerġija finali tal-UE minn sorsi rinnovabbli, u titjib ta’ 20 % fl-effiċjenza enerġetika.

Il-mira tat-tnaqqis ta' 20% tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-Unjoni Ewropea sal-2020 meta mqabbel mal-1990, hija ekwivalenti għal tnaqqis ta’ 14 % meta mqabbel mal-2005. Dan l-isforz tqassam bejn is-setturi koperti mill-Iskema għan-Negozjar ta’ Emissjonijiet (ETS) u s-setturi li jidħlu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-ESD. Fl-iskema tal-UE għan-negozjar ta' emissjonijet, l-emissjonijiet iridu jitnaqqsu b’21 % mqabbel mal-livelli tal-2005, filwaqt li mis-setturi fl-ESD huwa meħtieġ tnaqqis ta’ 10 % meta mqabbel mal-2005.

Biex jitqassam madwar l-UE l-isforz ta' tnaqqis ta’ 10 % fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra meħtieġ sal-2020, ġew stabbiliti miri nazzjonali għall-2020 għall-Istati Membri skont il-kapaċità ekonomika abbażi tal-ġid relattiv tagħhom (imkejjel skont il-Prodott Domestiku Gross per capita tal-2005) Dawn ivarjaw minn tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ 20 % sal-2020 (mil-livelli tal-2005) għall-Istati Membri l-aktar sinjuri għal żieda ta’ 20 % għal dak l-inqas sinjur. (Ara l-Grafika 1).  

L-ESD ma tistabbilixxix miri speċifiċi ta’ emissjonijiet għas-setturi individwali koperti mill-ESD, iżda tħalliha f’idejn l-Istati Membri biex jagħżlu fejn u kif jiksbu t-tnaqqis meħtieġ. L-emissjonijiet u l-assorbimenti mil-LULUCF mhumiex inklużi fl-ESD.

Sabiex jonoraw l-impenji tagħhom, l-Istati Membri suppost jillimitaw l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tagħhom fis-setturi koperti mill-ESD, u huma mistennija jimplimentaw politiki u miżuri nazzjonali biex jonoraw l-obbligi tagħhom. L-Istati Membri jistgħu japplikaw ukoll strumenti ta’ flessibbiltà biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom u jsaħħu l-kosteffettività, jekk ikun meħtieġ.

L-ESD tiddefinixxi wkoll trajettorja lineari ta’ limiti tal-emissjonijiet vinkolanti korrispondenti (allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet, AEAs) għal kull sena mill-2013 sal-2020. Il-progress lejn il-miri tal-2020 huwa żgurat permezz ta’ obbligi ta’ rapportar annwali u kontrolli ta’ konformità. L-Istati Membri huma obbligati jirrapportaw dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tagħhom u dwar il-progress ipproġettat biex jiġu onorati l-obbligi tal-ESD tagħhom.

L-Istati Membri huma responsabbli mill-implimentazzjoni ta’ politiki u miżuri biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont l-ESD u huma appoġġjati minn għadd ta’ miżuri tal-UE 4 , li xi wħud minnhom huma mistennija jgħinu biex jintlaħqu l-miri tal-UE tal-2020 tal-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika. Dawn il-politiki ta’ appoġġ tal-UE huma importanti biex jiġi stimulat it-tnaqqis tal-emissjonijiet madwar l-UE kollha fis-setturi skont l-ESD. Iżda huwa ċar li t-tnaqqis tal-emissjonijiet irid jiġi implimentat permezz ta’ politiki u miżuri nazzjonali, b’mod partikolari fis-setturi bħat-trasport u l-bini.

Grafika 1: Limiti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-Istati Membri fl-2020 skont l-ESD

Il-limiti tal-emissjonijiet għall-2020 ġew stabbiliti b'rabta mal-livelli tal-emissjonijiet tal-2005. Sors: Id-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE.

Biex tingħata flessibbiltà lill-Istati Membri biex jimplimentaw l-impenji tagħhom, u bħala mezz biex tissaħħaħ il-kosteffettività globali tal-ilħuq tal-mira tal-2020 madwar l-UE, l-ESD tipprovdi firxa ta’ strumenti flessibbli. Dawn jikkonċernaw il-possibbiltajiet tal-Istati Membri li jġestixxu l-AEAs tagħhom fil-perjodu ta’ konformità u jieħdu ħsieb it-trasferimenti ta’ AEAs bejniethom. Jekk l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ta’ Stat Membru jaqbżu l-AEAs tiegħu għal sena partikolari, dan jista’ jissellef 5 % mill-AEAs tiegħu tas-sena ta’ wara jew jixtri l-AEAs mingħand Stati Membri oħra, jew juża l-krediti ta’ proġetti internazzjonali biex jissodisfa l-limiti annwali tiegħu. Jekk Stat Membru jnaqqas l-emissjonijiet tiegħu aktar milli jkun meħtieġ, u b’hekk jaqbeż il-mira tiegħu għal sena partikolari, jista’ jżomm l-AEAs żejda għal użu aktar tard waqt il-perjodu tal-impenn jew jittrasferihom lil Stati Membri oħra 5 . 

L-ESD għandha ċiklu ta’ rapportar u konformità annwali li jikkonsisti milli l-Istati Membri jirrapportaw l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tagħhom f’rapporti tal-inventarju nazzjonali, iwettqu reviżjonijiet tal-inventarju tal-emissjonijiet biex jivvalidaw l-emissjonijiet irrapportati, kif ukoll kontrolli tal-konformità (jiġifieri t-tqabbil tal-emissjonijiet attwali tal-Istati Membri mal-allokazzjonijiet tal-emissjonijiet annwali tagħhom għal sena partikolari). Jekk l-emissjonijiet ta’ Stat Membru jaqbżu l-allokazzjoni tal-emissjonijiet annwali, anke wara li jkunu tqiesu l-istrumenti ta' flessibbiltà, dawn jiġu soġġetti għal ċerti penali u jkollhom jieħdu miżuri korrettivi.

3.Il-kamp ta’ applikazzjoni u l-metodu tal-evalwazzjoni

L-evalwazzjoni tad-Deċiżjoni dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi twettqet mill-Kummissjoni fl-2015 u kienet iggwidata minn grupp ta’ tmexxija li kien jikkonsisti minn membri mid-direttorati ġenerali kkonċernati fil-Kummissjoni. L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent ipparteċipat ukoll f’dan il-grupp. L-evalwazzjoni ġiet appoġġjata minn studju estern tal-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi. 6  

L-evalwazzjoni esplorat l-impatti tad-Deċiżjoni dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell tal-Istati Membri b’enfasi fuq l-azzjonijiet fl-Istati Membri mill-2009 ’il quddiem biex jiġu ssodisfati l-obbligi tal-ESD tagħhom. Kopriet il-perjodu minn meta l-ESD daħlet fis-seħħ f’Ġunju 2009 sa Novembru 2015. Skont ir-rekwiżit fl-Artikolu 14 tal-ESD, l-ambitu tal-evalwazzjoni kien jinkludi d-dispożizzjonijiet u r-rekwiżiti kollha tad-Deċiżjoni, inkluż kif l-implimentazzjoni affettwat il-kompetizzjoni.

L-evalwazzjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effikaċja, l-effiċjenza, il-koerenza u l-valur miżjud tal-UE fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-ESD sa issa. Użat evidenza minn emissjonijiet u xejriet ta’ emissjonijiet irrapportati, minn politiki u miżuri adottati, kif ukoll minn kwestjonarji u intervisti strutturati ma’ esperti tal-Istati Membri u partijiet ikkonċernati ewlenin oħra involuti fl-implimentazzjoni tal-ESD f'livell nazzjonali 7 . Użat ukoll ir-riżultati ta’ konsultazzjoni pubblika dwar it-tħejjija ta’ proposta leġiżlattiva dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-Istati Membri fis-setturi inklużi fl-ESD mill-2021 sal-2030 8 .

Ir-riżultati tal-evalwazzjoni ntużaw fit-tħejjija tal-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja l-proposta leġiżlattiva biex il-Kummissjoni tkompli l-ESD wara l-2020 fil-Qafas ta' politika għall-Klima u l-Enerġija fil-perjodu ta' bejn l-2020 u l-2030.

4.L-implimentazzjoni - L-istat tal-ħidma

L-ESD għadha fi stadju bikri: il-maġġoranza tar-rekwiżiti tar-rapportar għall-Istati Membri skont l-ESD seħħew għall-ewwel darba fl-2015, u l-valutazzjoni tal-konformità għall-ewwel sentejn tal-perjodu tal-konformità (2013-2014) se jsir fl-2016. Madankollu, bis-saħħa tar-rapportar annwali tal-emissjonijiet li diġà sar, huwa possibbli li jiġu evalwati x-xejriet tal-emissjonijiet ewlenin fl-Istati Membri u fil-livell tal-UE.

Skont l-ESD, kull sena l-Istati Membri jridu jirrapportaw l-emissjonijiet tal-gassijiet serra tagħhom. Kull sentejn iIridu jirrapportaw ukoll il-politiki u l-miżuri nazzjonali implimentati tagħhom u jippreżentaw il-projezzjonijiet tal-2015 aġġornati bil-progress mistenni għall-miri tal-2020 tagħhom. Kull sena l-Kummissjoni tiġbor l-informazzjoni rrapportata mill-Istati Membri u tippubblika rapport ta’ progress fejn tanalizza u tippreżenta l-progress tal-Istati Membri lejn il-miri tal-ESD tal-2020 tagħhom. Valutazzjoni tal-progress tal-Istati Membri lejn il-miri tagħhom hija wkoll parti mir-rapport tal-pajjiżi tas-Semestru Ewropew ippubblikat mill-Kummissjoni kull rebbiegħa. Ix-xejriet u l-projezzjonijiet tal-emissjonijiet fl-UE u fl-Istati Membri tagħha huma ppubblikati wkoll kull sena mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, li tgħin lill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-ESD.

Sa issa l-Istati Membri ssodisfaw l-obbligi ta’ rapportar tagħhom u l-iskambju tal-informazzjoni mal-Kummissjoni qed jaħdem sew. L-esperti tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri jiltaqgħu diversi drabi kull sena fi gruppi ta’ ħidma fi ħdan il-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima biex isegwu l-implimentazzjoni tal-obbligi tar-rapportar skont l-ESD.

Bejn l-2005 u l-2013 fis-setturi kollha, inkiseb tnaqqis tal-emissjonijiet totali li jvarja minn -3 % fl-agrikoltura għal -25 % fis-settur tal-iskart. (Grafika 2) F’dan il-perjodu kien hemm ukoll konverġenza tal-intensitajiet tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra madwar l-Istati Membri, kemm per capita kif ukoll kull PDG.

L-emissjonijiet ESD minn kull Stat Membru naqsu b’mod sinifikanti wkoll mill-2005. Fl-Istati Membri kollha, l-emissjonijiet ESD kienu taħt il-limiti annwali tagħhom fl-2013 u fl-2014 9 . Il-qbiż tal-miri kienu tipikament akbar f’dawk il-pajjiżi li setgħu jżidu l-emissjonijiet meta mqabbla mal-2005. Anke l-pajjiżi li esperjenzaw reċessjoni ekonomika partikolarment severa (eż. il-Greċja, il-Portugall u Spanja) kellhom emissjonijiet ħafna anqas mil-limiti tal-2014 tagħhom.

Grafika 2: Tnaqqis tal-emissjonijiet ESD miksuba madwar l-UE fl-2005-2013

Skont il-projezzjonijiet tal-Istati Membri ppreżentati fl-2015, l-emissjonijiet totali ESD huma mistennija li jkomplu jonqsu sal-2020 (Grafika 3), li huwa kontinwament taħt il-mira fil-livell tal-UE. 24 Stat Membru huma projettati li jissodisfaw il-miri nazzjonali tagħhom domestikament, filwaqt li huwa mistenni li erba’ Stati Membri jkunu jeħtieġu miżuri addizzjonali jew li jużaw strumenti ta’ flessibbiltà fi ħdan l-ESD biex jilħqu l-miri tagħhom 10 .

Sa issa, l-ebda Stat Membru ma uża wieħed mill-istrumenti ta’ flessibblità pprovduti fl-ESD minħabba li l-pajjiżi kollha jidhru li qed jissodisfaw il-limiti tal-emissjonijiet annwali tagħhom għall-ewwel sentejn tal-perjodu ta’ konformità. Fil-futur huwa mistenni li l-istrumenti ta’ flessibbiltà, bħall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet ma’ Stati Membri oħra, se jintużaw minn xi Stati Membri li huwa projettat li l-emissjonijiet tagħhom ikunu ’l fuq mil-limiti tagħhom sal-2020. Għalkemm l-istrumenti ta’ flessibbiltà skont l-ESD ma ġewx ittestjati, għadhom isibu appoġġ wiesa’ u komplew ġew approvati mill-Istati Membri fil-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati.

Grafika 3: L-emissjonijiet ESD totali annwali u projettati 2005-2020

Sors: EEA (2015) Trends and projections in Europe 2015, updated with March 2016 emission inventory figures. Il-linja b’tikek suwed tirrappreżenta t-trajettorja lineari tal-limiti annwali tal-emissjonijiet skont l-ESD għall-perjodu 2013-2020.

5.Ir-riżultati tal-evalwazzjoni

Skont il-linji gwida tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, l-evalwazzjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effiċjenza, l-effikaċja, il-koerenza u l-valur miżjud tal-UE tad-Deċiżjoni dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi. Eżaminat ukoll jekk kienx hemm xi effett fuq il-kompetizzjoni billi dan kien rekwiżit tal-Artikolu 14 fl-ESD.

5.1    Rilevanza

L-objettivi tal-ESD għadhom rilevanti, u għadhom jikkorrispondu b’mod qawwi mal-ħtiġijiet tal-UE. B’mod partikolari, għad hemm ħtieġa li jkomplu jiġu limitati l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra antropoġeniċi, u li jiddaħħlu fis-seħħ mekkaniżmi xierqa li jirriflettu l-kost soċjali sħiħ tat-tibdil fil-klima. L-ESD tibqa’ rilevanti anke għall-indirizzar tal-fallimenti fis-suq peress li n-natura vinkolanti tad-Deċiżjoni tgħin biex jiġu pprovduti sinjali tal-prezz xierqa għat-tnaqqis tal-emissjonijiet.

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew f’Ottubru 2014 dwar il-Qafas ta’ Politika għall-Klima u l-Enerġija tal-2030 ikkonfermaw l-importanza tal-ESD u l-kontinwazzjoni tagħha għall-2030 bl-elementi kollha kif applikati fid-Deċiżjoni dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi għall-2020.

L-adozzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi f’Diċembru 2015 tikkonferma wkoll l-impenn fl-ogħla livell tal-UE biex timplimenta tnaqqis domestiku drastiku tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra anke għall-2030 u lil hinn. Kif stabbilit fil-kontribut maħsub determinat fil-livell nazzjonali (INDC), l-UE timpenja ruħha li tnaqqas l-emissjonijiet fit-territorju tagħha b’tal-inqas 40 % taħt il-livelli tal-1990 sal-2030.

5.2    L-effikaċja

L-UE qiegħda fit-triq it-tajba biex tilħaq il-mira tal-2020 tagħha tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fis-setturi tal-ESD. Abbażi tar-rapporti tal-Istati Membri li tressqu fl-2015, l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-2013 u fl-2014 fl-Istati Membri kollha kienu taħt il-limiti annwali tagħhom għal dawn is-snin. It-total tal-emissjonijiet għall-2013 koperti mill-ESD fil-livell tal-EU kien 9.7 % aktar baxx mill-emissjonijiet tal-2005. Fl-2014 l-emissjonijiet tal-UE koperti mill-ESD komplew naqsu għal livell ta' 12.9 % taħt il-livelli tal-2005, li kien taħt il-mira tal-ESD madwar l-UE kollha għall-2020. Dan ifisser li l-UE qiegħda fit-triq it-tajba biex fl-2020 tilħaq il-mira tal-ESD tagħha u li l-Istati Membri kollha kkontribwew għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra. 

It-tnaqqis tal-emissjonijiet miksub jirrappreżenta titjib kbir fil-prestazzjoni relatata max-xenarju ta’ żamma tal-istatus quo meta sar qbil għall-ewwel darba dwar il-miri tal-2020. Sa issa t-tnaqqis tal-emissjonijiet kien ħafna aktar profond milli mistenni fl-2007 meta l-Kunsill Ewropew qabel dwar il-miri klimatiċi globali tal-UE għall-2020 u l-Kummissjoni wettqet il-valutazzjoni tal-impatt tal-Pakkett dwar il-Klima u l-Enerġija. Skont ix-xenjaru ta’ żamma tal-istatus quo f'dik il-valutazzjoni tal-impatt, l-emissjonijiet ESD madwar l-UE kienu mistennija jiżdiedu bi 2.4 % bejn l-2005 u l-2020 11 . 

Ir-reċessjoni ekonomika kellha wkoll effett fuq l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra f’xi setturi tal-ESD sal-lum, (b’mod speċjali fit-trasport tal-merkanzija), u dawn l-isforzi huma mistennija li jinħassu sal-2020. Madankollu, ħafna setturi (bħal tal-bini u tal-agrikoltura) koperti mill-ESD mhumiex milquta direttament mill-fluttwazzjonijiet fil-PDG u huma aktar suxxettibbli għal influwenza politika li twassal biex wieħed jikkonkludi li xi tnaqqis ta’ gassijiet serra fis-setturi tal-ESD jista’ jiġi attribwit għall-interventi politiċi fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri.

Fi kliem ieħor, it-tnaqqis tal-emissjonijiet li nkiseb jista’ jiġi parzjalment attribwit għall-politiki u l-miżuri dwar il-klima u l-enerġija li diġà ġew implimentati mill-Istati Membri (xi wħud minn dawn kienu reazzjoni għall-ESD) u fil-futur huma mistennija li jkomplu jillimitaw l-emissjonijiet.

Din l-osservazzjoni tkompli tiġi appoġġjata minn analiżi dwar id-dekompożizzjoni li twettqet għall-perjodu tal-2005-2012 li kienet tkopri l-emissjonijiet tas-CO2 mill-kombustjoni tal-fjuwils fossili, li jikkostitwixxu madwar 80 % tat-total tal-emissjonijiet, fis-setturi ETS u ESD. L-analiżi kkonkludiet li t-tibdil teknoloġiku kkontribwixxa l-aktar għat-tnaqqis tal-emissjonijiet, billi dan ikkumpensa b’mod ħafna aktar milli suffiċjenti għall-kontribuzzjoni tal-bidla fi ħdan u bejn is-setturi ekonomiċi, u kkumpensa b’mod ħafna aktar milli suffiċjenti l-motivaturi tal-emissjonijiet relatati mal-PDG fi żminijiet ta' kriżi ekonomika.

Ir-riżultati wrew li l-emissjonijiet tas-CO2 naqsu globalment bi 11.5 % bejn l-2005 u l-2012. It-tibdil teknoloġiku kellu l-aktar effett sinifikanti fuq it-tnaqqis tal-emissjonijiet, u wassal għal tnaqqis ta’ 18.5 % u kkumpensa b’mod ħafna aktar milli suffiċjenti għall-kontribuzzjoni tal-bidla bejn is-setturi ekonomiċi. Globalment, il-politiki implimentati fil-qasam tal-klima u l-enerġija kkontribwew b’mod sinifikanti għall-użu ta’ teknoloġiji b’intensità inqas ta’ karbonju, inkluża l-enerġija rinnovabbli. It-tkabbir fl-attività ekonomika (PDG) ikkawża żieda ta’ 6.8 % fl-emissjonijiet. Tibdil strutturali fl-ekonomija (b’PDG u intensità tas-CO2 kostanti f’kull settur ekonomiku) ikkawża żieda żgħira fl-emissjonijiet, b’1.7 % 12 . 

Ma kienx possibbli li jiġi kkwantifikat il-punt sa fejn ix-xejra osservata fl-emissjonijiet storiċi, u fix-xejriet tal-emissjonijiet mistennija fil-futur, jistgħu jiġu attribwiti b’mod raġonevoli għal politiki speċifiċi. B’mod partikolari, huwa diffiċli li jiġi iżolat l-impatt tal-ESD fuq il-politiki dwar il-klima u l-enerġija, u li jiġi iżolat ukoll minn inizjattivi oħra madwar l-UE fi ħdan il-Pakkett dwar il-Klima u l-Enerġija, li għandhom impatt aktar dirett fuq il-motivaturi differenti tal-emissjonijiet.

Filwaqt li xi partijiet ikkonċernati kienu tal-fehma li l-ESD kienet motivatur importanti għat-twettiq ta' politiki u miżuri nazzjonali ġodda f’ċerti Stati Membri, oħrajn kienu tal-fehma li l-ESD sa issa ftit li xejn seta’ kellha influwenza fuq l-iżviluppi fil-politiki nazzjonali. Il-livell tal-influwenza tal-ESD jidher li jvarja wkoll minn Stat Membru għal ieħor, u dan jista’ jirrifletti s-sitwazzjoni differenti tal-Istati Membri fir-rigward tal-miri tal-ESD tagħhom, jiġifieri jekk huwiex meħtieġ li jieħdu azzjoni ulterjuri jew le.

L-evalwazzjoni tal-ESD uriet żieda fl-implimentazzjoni tal-politiki nazzjonali fis-setturi tal-ESD fil-maġġoranza tas-snin li jibdew mill-2007, meta l-Kunsill Ewropew qabel dwar il-miri klimatiċi globali tal-UE għall-2020. Mingħajr l-ESD, jista’ jkun li l-azzjonijiet għall-mitigazzjoni tal-emissjonijiet fis-setturi tal-ESD fil-livell tal-Istati Membri ma kinux jittieħdu, jew kienu jittieħdu aktar bil-mod.

5.3    L-effiċjenza

Huwa diffiċli li jiġu kkwantifikati l-kosti u l-benefiċċji tal-implimentazzjoni ta’ miżuri fis-setturi tal-ESD, minħabba li sa issa għadu diffiċli li tiġi stabbilita rabta diretta bejn għadd kbir ta' politiki nazzjonali dwar il-klima u l-enerġija u t-tnaqqis tal-emissjonijiet f’setturi fil-kamp ta' applikazzjoni tal-ESD. Dan anke minħabba l-fatt li l-politiki u l-miżuri rapportati mill-Istati Membri ma jipprovdux informazzjoni biżżejjed dwar il-kosti u l-benefiċċji mistennija u attwali tagħhom.

Il-benefiċċju prinċipali assoċjat mal-ESD jirrigwarda t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fis-setturi koperti mid-Deċiżjoni. Flimkien ma kwalunkwe kosti diretti, l-implimentazzjoni tal-ESD potenzjalment ipprovdiet għadd ta’ kobenefiċċji ekonomiċi, bħal titjib fil-kwalità tal-arja u s-sigurtà tal-enerġija.

Benefiċċju aktar kwalitattiv ieħor tal-ESD huwa li tgħin lill-Istati Membri fit-twaqqif ta’ oqfsa istituzzjonali, fl-istabbiliment ta' miri u fil-ġbir tad-dejta u fl-istabbiliment ta' proċeduri tar-rapportar għat-tnaqqis tal-emissjonijiet fis-setturi tal-ESD. Dan il-benefiċċju huwa aktar evidenti f’dawk l-Istati Membri fejn il-politiki tat-tnaqqis tal-emissjonijiet f’dawn is-setturi huma implimentati fil-livell reġjonali.

Il-kosti mill-implimentazzjoni tal-ESD ġejjin minn żewġ sorsi ewlenin – l-implimentazzjoni tal-politiki u tal-miżuri f’setturi rilevanti u r-rapportar tal-ESD.

Fir-rigward tal-kosti tar-rapportar, instab li l-ESD tipprovdi r-riżultati b’mod effiċjenti, għalkemm xorta waħda jista’ jkun hemm xi opportunitajiet għat-tnaqqis fil-piżijiet amministrattivi. Il-kosti relatati mar-rapportar u mal-konformità huma raġonevoli, u fil-biċċa l-kbira, huma responsabbli minnhom il-Kummissjoni u l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent. Bejn l-Istati Membri ma kien hemm l-ebda varjazzjoni maġġuri evidenti. Jista’ jkun hemm opportunitajiet għat-tnaqqis tal-kosti amministrattivi fil-livell tal-UE, perżempju permezz ta’ kontrolli tal-konformità ssimplifikati jew inqas frekwenti.

Fir-rigward tal-istrumenti ta’ flessibbiltà pprovduti mill-ESD, tliet Stati Membri indikaw li kienu qed jippjanaw li jixtru l-AEAs mingħand oħrajn, filwaqt li għaxar Stati Membri kellhom il-ħsieb li jbigħu l-AEAs. Id-domanda baxxa għal tali trasferimenti tista’ tkun minħabba l-fatt li l-ESD għadha fil-bidu tal-implimentazzjoni tagħha u li jista’ jkun hemm motivaturi oħra, mhux investigati mill-evalwazzjoni, li jwassal lill-Istati Membri biex jippreferu l-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet domestiċi aktar milli jixtru l-AEAs mingħandStati Membri oħra.

5.4    Koerenza

L-evidenza minn intervisti ma' partijiet ikkonċernati, u sa ċertu punt l-analiżi tal-letteratura, jissuġġerixxu li l-objettivi tal-ESD huma koerenti l-aktar ma' politiki oħra tal-UE dwar il-klima u l-enerġija, bħall-ETS, l-effiċjenza enerġetika u l-enerġija rinnovabbli. Il-partijiet ikkonċernati identifikaw koerenza soda mal-objettivi tal-UE relatati mal-effiċjenza enerġetika u l-enerġija rinnovabbli, għalkemm xi partijiet ikkonċernati wrew id-dubji dwar il-koerenza tal-miri huma stess.

Billi l-Istati Membri ngħataw il-flessibbiltà biex iwettqu l-limiti tal-emissjonijiet tagħhom, instab li fil-biċċa l-kbira l-objettivi tal-ESD huma koerenti mat-tfassil tal-politika nazzjonali.

Hemm nuqqas potenzjali ta’ koerenza bejn l-ESD u interventi oħra b'rabta mal-agrikoltura u mal-użu tal-art u mat-tibdil fl-użu tal-art, u mal-forestrija (LULUCF). Parti mill-kwistjoni tal-koerenza tirrigwarda impenji internazzjonali oħra, aktar milli koerenza mal-politiki tal-UE; l-agrikoltura hija inkluża fl-ESD u fil-Protokoll ta’ Kj oto, filwaqt li LULUCF huwa fil-Protokoll ta’ Kjoto, iżda mhuwiex fl-ESD.

Ġiet identifikata wkoll koerenza soda ma’ obbligi ta’ rapportar oħra, b’mod speċjali mar-rekwiżiti ta’ rapportar interni u internazzjonali tal-UE. Madankollu, ġew identifikati wkoll opportunitajiet ta’ simplifikazzjoni tal-obbligi tar-rapportar skont l-ESD u skont il-leġiżlazzjoni ffokata fuq l-enerġija tal-UE.

5.5    Il-valur miżjud tal-UE

Għall-maġġoranza l-kbira tal-Istati Membri tal-UE, qabel l-ESD ma kienx hemm motivaturi għall-politika domestika li tillimita l-emissjonijiet tal-gassijiet serra, jew il-motivaturi kienu dgħajfa, u dan jissuġġerixxi li mingħajr l-ESD, jista' jkun li l-azzjonijiet ma kinux isiru, jew kienu jsiru aktar bil-mod.

L-evalwazzjoni indikat li dawk l-Istati Membri li għandhom minquxa fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom miri aktar ambizzjużi dwar il-gassijiet serra minn dawk tal-ESD, xorta waħda setgħu ħadu l-azzjoni b’reazzjoni għal dawk il-liġijiet nazzjonali tagħhom. Madankollu, dan ma jqisx il-fatt li d-diskussjonijiet dwar il-miri tal-UE għall-2020 setgħu kienu huma li taw spinta għall-istabbiliment ta’ miri nazzjonali, billi pprovdew iċ-ċertezza li l-Istati Membri l-oħra tal-UE kienu se jieħdu livell minimu ta’ azzjoni. Anke fejn kienu fis-seħħ motivaturi oħra ta’ azzjoni fi ħdan l-Istati Membri, l-ESD kienet meqjusa li teżerċita influwenza pożittiva addizzjonali, anke li kieku ma kinitx motivatur primarju.

Valur miżjud importanti ieħor tal-ESD sal-lum kien it-titjib fil-kwalità tad-dejta dwar l-emissjonijiet u tal-projezzjonijiet fir-rigward tas-setturi tal-ESD fil-livell nazzjonali, li għen fit-titjib tat-tħejjija tal-politika. Ir-rapportar annwali tal-emissjonijiet, flimkien ma’ rekwiżiti biennali għar-rapportar ta’ politiki u miżuri, u projezzjonijiet, iżomm lill-Istati Membri infurmati aħjar dwar il-progress mhux biss tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra iżda anke ta’ politiki dwar il-klima u l-enerġija. L-obbligi ta’ rapportar lill-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati l-oħra tal-UE jipprovdulhom ukoll għodda biex iqabblu l-prestazzjoni tagħhom ma’ dik ta’ pajjiżi oħra fl-UE.

Kien hemm kunsens qawwi mill-partijiet ikkonċernati li kien hemm ħtieġa kontinwa għal strument bħall-ESD anke għall-perjodu ta' wara l-2020.

5.6    Kompetizzjoni

L-evalwazzjoni eżaminat jekk il-politiki u l-miżuri domestiċi implimentati mill-Istati Membri b’reazzjoni għall-ESD setgħux fixklu s-suq intern tal-UE. Minħabba fin-nuqqas ta’ dejta speċifika dwar l-impatt ta’ tali miżuri nazzjonali fuq is-suq intern tal-UE, ir-riżultat tal-evalwazzjoni huwa bbażat biss fuq l-opinjonijiet tal-partijiet ikkonċernati.

Il-maġġoranza tal-partijiet ikkonċernati indikaw li l-ESD ma kellha l-ebda impatt jew kellha biss impatt limitat fuq il-kompetizzjoni ġewwa l-UE. Żewġ partijiet li wieġbu indikaw li l-politiki nazzjonali għall-mitigazzjoni effettwati mill-ESD jistgħu jillimitaw il-potenzjal għal produzzjoni li dejjem tikber mis-settur agrikolu minħabba potenzjal ta’ mitigazzjoni aktar baxx osservat f’dak is-settur. Madankollu, l-ebda parti ikkonċernata ma offriet eżempju ta’ fejn kellhom impatt negattiv fuq intrapriżi speċifiċi jew fuq partijiet ta’ settur, il-politiki u l-miżuri nazzjonali li jirriżultaw mill-ESD.

6.Konklużjonijiet

L-ESD għadha fl-istadji bikrija tal-implimentazzjoni tagħha. Madankollu, mill-evidenza miġbura sa issa jidher ċar li l-miri tal-ESD kienu effettivi biex jistimulaw politiki u miżuri nazzjonali ġodda li jippromwovu tnaqqis effettiv tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tal-ESD. Il-maġġoranza tat-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-2009 rriżulta minn tibdil teknoloġiku u minn politiki li rriżultaw fl-użu miżjud ta’ teknoloġija b’intensità inqas qawwija ta’ karbonju. Dan l-effett ġie msaħħaħ mill-fatt li l-ESD tnediet flimkien ma’ għadd ta’ inizjattivi oħra dwar il-klima u l-enerġija tal-UE bħala parti mill-pakkett tal-2020, b’mod partikolari dwar l-effiċjenza enerġetika u l-enerġija rinnovabbli. Għal diversi setturi tal-ESD, fosthom il-bini, it-trasport, l-agrikoltura u l-iskart, parti mit-tnaqqis tal-emissjonijiet sal-lum jista’ jiġi attribwit għal fatturi li huma influwenzati minn interventi politiċi relatati mal-pakkett tal-2020.

Filwaqt li kien possibbli li jiġi indentifikat li l-ESD kellha xi sehem biex stimulat politiki nazzjonali ġodda f’xi Stati Membri, ma kienx hemm biżżejjed evidenza biex jiġi kkwantifikat l-impatt globali tal-ESD fuq l-emissjonijiet tal-gassijiet serra f’dan l-istadju. L-evidenza dwar il-kosti diretti ta’ politiki nazzjonali implimentati b’reazzjoni għall-ESD hija limitata ħafna; mhuwiex possibbli li dawn il-kosti jiġu vvalutati b’mod affidabbli. Dan huwa parzjalment minħabba l-fatt li l-politiki u l-miżuri nazzjonali rrapportati mill-Istati Membri s'issa ma pprovdewx informazzjoni biżżejjed dwar il-kosti u l-benefiċċji mistennija u attwali.

Instab li fil-livell tal-Istati Membri, l-ESD kellha l-effett li żiedet xi ftit il-piż amministrattiv, għalkemm jista’ jkun hemm opportunitajiet biex jitnaqqsu l-ispejjeż amministrattivi fil-livell tal-UE, pereżempju billi l-kontrolli tal-konformità jiġu ssimplifikati jew isiru b'inqas frekwenza.

L-ESD għadha koerenti ma’ politiki oħra dwar il-klima u l-enerġija tal-UE. Il-konsultazzjoni pubblika wriet kunsens qawwi fost il-partijiet ikkonċernati li għad hemm ħtieġa għal strument bħall-ESD wara l-2020.

Instab li l-ESD iżżid il-valur permezz ta’ azzjoni tal-UE. Kien hemm livell qawwi ta’ qbil fost il-partijiet ikkonċernati tal-Istati Membri li l-ESD żiedet is-sensibilizzazzjoni dwar il-potenzjal tal-mitigazzjoni fis-setturi tal-ESD u kkontribwiet għat-twaqqif ta’ oqfsa nazzjonali istituzzjonali u legali ġodda. Tejbet ukoll il-koordinazzjoni tal-mitigazzjoni ta’ gassijiet serra madwar is-setturi tal-ESD u bejn il-gvernijiet nazzjonali u reġjonali jew lokali.

Il-partijiet ikkonċernati ma ppreżentaw l-ebda evidenza li l-politiki nazzjonali li jirriżultaw mill-ESD kienu ta' tfixkil kbir għall-kompetizzjoni fis-suq intern tal-UE.

(1) Id-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar l-isforz tal-Istati Membri biex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom tal-gassijiet serra biex jonoraw l-impenji tal-Komunità għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra sal-2020; http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:32009D0406&from=MT  
(2) L-ESD attwali tkopri l-istess gassijiet serra bħall-Protokoll ta’ Kjoto, bl-eċċezzjoni tat-trifluworur tan-nitroġenu NF3. L-emissjonijiet u t-tneħħija mill-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija (LULUCF) mhumiex inklużi fl-ESD. L-emissjonijiet tal-gassijiet serra mit-tbaħħir internazzjonali mhumiex koperti mill-ESD.
(3) Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni SWD(2016) 251
(4) Eżempji ta’ leġiżlazzjonijiet rilevanti tal-UE huma r-Regolament dwar l-emissjonijiet tas-CO2 minn karozzi tal-passiġġieri u vannijiet, id-Direttiva dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma, id-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija, id-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika, id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli, ir-Regolament dwar il-gassijiet-F u d-Direttiva dwar is-Sistemi Mobbli ta’ Kondizzjonament tal-Arja, il-qafas tal-ekodisinn, id-Direttiva dwar in-Nitrati, u l-ekoloġizzazzjoni tal-Politika Agrikola Komuni.
(5) Għal aktar dettalji dwar l-istrumenti ta’ flessibbiltà eżistenti, ara l-Anness 4 tad-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni SWD(2016) 251,
(6)

Tinsab preżentazzjoni tal-metodoloġija applikata għall-evalwazzjoni, u l-evidenza użata, fl-Anness 3 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni SWD(2016) 251. Għall-istudju estern, ara Supporting study for the Evaluation of Decision No. 406/2009/EC (Effort Sharing Decision), Ricardo Energy and Environment with Trinomic and Vito.

(7) Ir-riżultati tal-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati huma ppreżentati fl-Anness 2 tad-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni SWD(2016) 251.
(8) http://ec.europa.eu/clima/consultations/articles/0025_en.htm  Għal aktar informazzjoni dwar din il-konsultazzjoni ara
(9) Abbażi tar-rapporti dwar l-emissjonijiet li tressqu fl-2015. Ara wkoll l-SWD(2016) 251, p.17.
(10) Rapport ta’ progress dwar l-azzjoni klimatika, COM(2015) 576 final.
(11) SEC (2008) 85/3 EC. Ara wkoll: Supporting study for the Evaluation of Decision No. 406/2009/EC (Effort Sharing Decision), p.12.
(12)

Rapport ta’ progress dwar l-azzjoni klimatika, COM(2015) 576 final, p .9.