Brussell, 13.7.2016

COM(2016) 481 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Stat attwali u t-triq 'il quddiem possibbli fir-rigward tas-sitwazzjoni ta' nuqqas ta' reċiproċità ma' ċerti pajjiżi terzi fil-qasam tal-politika tal-viża
(Segwitu għall-Komunikazzjoni tat-12 ta' April)


I.    Introduzzjoni

Fit-12 ta' April 2016, il-Kummissjoni ppreżentat Komunikazzjoni dwar is-sitwazzjoni attwali u t-triq possibli 'l quddiem rigward is-sitwazzjoni tan-nuqqas ta' reċiproċità ma' ċerti pajjiżi terzi fil-qasam tal-politika dwar il-viża ("il-Komunikazzjoni ta' April") Hija ddeskriviet is-sitwazzjoni attwali mal-pajjiżi terzi kkonċernati u fakkret li tipprevedi li l-mekkaniżmu ta’ reċiproċità tal-viża jekk il-pajjiż terz ikkonċernat ma jkunx neħħa r-rekwiżit tal-viża sat-12 ta’ April 2016, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta’ Marzu 2001 (ir-“Regolament”), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 1289/2013 tal-11 ta’ Diċembru 2013 1 - jobbliga lill-Kummissjoni biex tadotta att iddelegat li jissospendi għal 12-il xahar l-eżenzjoni tal-viża għaċ-ċittadini ta’ dak il-pajjiż terz. Ir-Regolament jeħtieġ ukoll li l-Kummissjoni tqis il-konsegwenzi ta’ sospensjoni tal-eżenzjoni tal-viża għar-relazzjonijiet esterni tal-UE u l-Istati Membri tagħha.

Il-Komunikazzjoni kkonkludiet li ma' tliet pajjiżi terzi - il-Brunei, il-Kanada u l-Istati Uniti - ir-reċiproċità sħiħa tal-viżi ma ntlaħqitx sat-12 ta’ April 2016 u li l-ħidma għandha tkompli biex jintlaħaq dan l-għan.

Skont il-linji gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar, il-Kummissjoni stmat il-konsegwenzi u l-impatti tas-sospensjoni tal-eżenzjoni mill-viża u kkonkludiet li barra l-impatt fuq iċ-ċittadini tal-UE u d-diffikultajiet ta’ implimentazzjoni, impatti sinifikanti f’firxa wiesgħa ta’ oqsma ta’ politika/setturi għandhom jitqiesu wkoll, b’mod partikolari l-impatt fuq ir-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni Ewropea mal-Kanada u l-Istati Uniti f’sena fejn ftehimiet importanti fil-qasam kummerċjali jinsabu fi stadju kruċjali jew għandhom jiġu ffinalizzati. Hija kkonkludiet ukoll li huwa raġonevoli li wieħed jistenna tnaqqis fl-għadd ta’ vjaġġaturi mill-Kanada u mill-Istati Uniti, u li dan jista’ jwassal għal telf ekonomiku konsiderevoli għall-UE mingħajr ma jintlaħaq l-għan ta’ reċiproċità sħiħa tal-viża għaċ-ċittadini kollha tal-UE.

Il-Kummissjoni stiednet lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex b’mod urġenti jniedu diskussjonijiet u jieħdu pożizzjoni mhux aktar tard mit-12 ta’ Lulju 2016 dwar l-aktar mod xieraq ta’ kif wieħed jipproċedi fid-dawl tal-evalwazzjoni tal-konsegwenzi tas-sospensjoni tal-eżenzjoni mill-viża pprovduta fil-Komunikazzjoni ta' April.

Din il-Komunikazzjoni tqis il-progress li nkiseb mill-adozzjoni tal-Komunikazzjoni ta' April fid-diskussjonijiet mal-Kanada u l-Istati Uniti, ir-rapporti dwar il-pożizzjonijiet meħuda bħala risposta għall-Komunikazzjoni u tistabbilixxi l-passi li jmiss.

II.    l-iżviluppi sa mill-adozzjoni tal-Komunikazzjoni ta' April sabiex tinkiseb reċiproċità sħiħa dwar il-viża

Il-Brunei (innotifikata mill-Kroazja)

Il-Komunikazzjoni ta' April tgħid li filwaqt li r-reċiproċità sħiħa tal-eżenzjoni mill-viża kienet għadha ma nkisbitx mill-Brunei, kuntatti reċenti pprovdew sinjali pożittivi. Fit-12 ta’ April 2016, b’mod parallel mal-adozzjoni tal-Komunikazzjoni ta' April, il-Brunei formalment neħħiet l-obbligu tal-viża għaċ-ċittadini Kroati u bdiet tagħti 90 jum tas-soġġorn mingħajr viża għaċ-ċittadini tal-Liechtenstein. Dan ġie nnotifikat uffiċjalment fit-13 ta’ April. Il-Kummissjoni tilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-każ ta’ nuqqas ta’ reċiproċità tal-Brunei ġie solvut 2 .

Il-Kanada (innotifikata mill-Bulgarija u r-Rumanija)

Fil-Komunikazzjoni ta' April, il-Kummissjoni enfasizzat il-ħtieġa għal aktar sforz għal reċiproċità sħiħa tal-viża u ħeġġet lill-Kanada biex turi l-impenn tagħha billi tintroduċi miżuri tanġibbli biex tinkiseb ir-reċiproċità sħiħa tal-viża għat-28 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea. Biex jintlaħaq dan l-għan numru ta’ laqgħat ta’ livell għoli fil-livell politiku mal-Kanada seħħew f’dawn l-aħħar xhur. Il-Presidenti Juncker u Tusk iddiskutew il-kwistjoni mal-Prim Ministru Kanadiż Trudeau fil-marġini tal-laqgħa tal-G7 fil-Ġappun fis-27 ta’ Mejju. Il-President tal-Parlament Ewropew Schulz u l-Prim Ministru Rumen Cioloş ukoll iltaqgħu mal-Prim Ministru Trudeau, fit-18 ta’ Mejju u fil-15 ta’ Ġunju rispettivament. Fil-livell ministerjali, il-Kummissarju Avramopoulos iltaqa’ mal-ministru Kanadiż tal-Immigrazzjoni McCallum fit-23 ta’ Mejju u r-Rappreżentant Għoli/Viċi President Mogherini ltaqgħat mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Kanada Dion, il-Ministru tal-Immigrazzjoni McCallum u l-Ministru tal-Kummerċ Freeland fit-8 ta’ Ġunju.

Is-sinifikat tar-reċiproċità tal-viża fil-perspettiva ta’ Ftehim tas-Sħubija Strateġika bejn l-UE u l-Kanada u b’mod partikolari l-preparazzjoni tal-iffirmar u r-ratifika tal-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv bejn l-UE u l-Kanada (CETA) ġie enfasizzat ukoll fl-ogħla livell politiku mill-Bulgarija u r-Rumanija. Iż-żewġ Stati Membri argumentaw ukoll li l-benefiċċji ekonomiċi li jsegwu d-dħul fis-seħħ tas-CETA jkunu kkumpensati mill-fatt li ċ-ċittadini Bulgari u Rumeni, inklużi n-negozjanti u l-konsumaturi ma jkunux jistgħu jivvjaġġaw lejn il-Kanada mingħajr viża.

B’mod parallel, fuq livell tekniku, sabiex tinbena fiduċja u biex l-esperti mill-Kanada jkunu jistgħu jidentifikaw ir-riskji possibbli u jispeċifikaw l-għażliet biex jitnaqqsu dawn ir-riskji u t-tħassib assoċjat mat-tneħħija tar-rekwiżit tal-viża, missjoni ta’ esperti Kanadiżi seħħet fir-Rumanija bejn id-9 u l-15 ta’ Ġunju. Iż-żewġ naħat taw rispons pożittiv dwar il-missjoni. Missjoni ta’ esperti simili ġiet ippjanata mill-awtoritajiet Kanadiżi biex isseħħ fil-Bulgarija bejn il-21 u s-27 ta’ Lulju.

Ir-reċiproċità tal-viża ġiet diskussa wkoll fil-Konsultazzjoni Konġunta dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil bejn ir-rappreżentanti tal-Ministeru Kanadiż għall-Immigrazzjoni, ir-Refuġjati u ċ-Ċittadinanza u l-Kummissjoni Ewropea fit-28 ta’ Ġunju. F’din il-laqgħa, in-naħa Kanadiża spjegat li wara l-missjonijiet tal-esperti, il-Ministru Kanadiż tal-Immigrazzjoni, iċ-Ċittadinanza u r-Refuġjati se jagħmel valutazzjoni dwar il-possibbiltà li jitneħħa r-rekwiżit tal-viża għaċ-ċittadini Bulgari u Rumeni.

Kif spjegat fil-Komunikazzjoni ta' April, sakemm isir progress dwar ir-reċiproċità sħiħa tal-viża, wieħed mill-elementi tad-diskussjonijiet mal-Kanada kien il-possibbiltà li tidħol fis-seħħ soluzzjoni teknika provviżorja — espansjoni gradwali tal-Awtorizzazzjoni Elettronika tal-Ivvjaġġar (ETA) għaċ-ċittadini Bulgari u Rumeni 3 . L-objettiv tal-UE jibqa’ r-reċiproċità sħiħa tal-viża għaċ-ċittadini Bulgari u Rumeni. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni u l-Istati Membri kkonċernati qed jesploraw is-soluzzjonijiet u l-għażliet kollha. F’dan il-kuntest, it-tħabbira tal-Kanada tat-28 ta’ Ġunju 2016 biex jitneħħa r-rekwiżit tal-viża għaċ-ċittadini Messikani, suġġett għal ċerti kundizzjonijiet u rekwiżiti mill-1 ta’ Diċembru 2016 hija kwistjoni li għandha tiġi diskussa aktar mal-awtoritajiet Kanadiżi.

Il-ħidma intensiva u d-diskussjonijiet kostruttivi wittew it-triq għal-laqgħa fil-livell Ministerjali mal-Kanada, il-Bulgarija, ir-Rumanija u l-Kummissjoni biex jirrevedu l-progress li jkun sar u biex jiġu diskussi l-passi li jmiss lejn ir-reċiproċità sħiħa tal-viża, li saret fil-11 ta’ Lulju fi Brussell. F’din il-laqgħa, il-Kanada impenjat ruħha biex tinforma fil-bidu tal-ħarifa dwar ir-riżultati tal-valutazzjonijiet u l-iskedi taż-żmien għat-tneħħija tar-rekwiżit tal-viża, inkluż dwar l-elementi meħtieġa ta’ kooperazzjoni mal-Bulgarija u r-Rumanija.

Minkejja l-fatt li d-diskussjonijiet kostruttivi mal-Kanada inkluż fl-ogħla livell politiku żdiedu f’dawn l-aħħar xhur, iċ-ċittadini Bulgari u Rumeni għadhom meħtieġa jkollhom viża biex jivvjaġġaw lejn il-Kanada. Il-Kummissjoni tinnota l-impenn tal-Gvern Kanadiż biex ikompli jaħdem mal-UE lejn ir-reċiproċità sħiħa tal-viża għaċ-ċittadini kollha tal-UE. Għalhekk, il-Kummissjoni se tkompli tagħti spinta għar-reċiproċità sħiħa tal-viża flimkien mal-Bulgarija u r-Rumanija biex titħaffef il-kisba tar-riżultati. Il-Kummissjoni tistenna b’interess is-Summit UE-Kanada, li se jsir fis-27 ta’ Ottubru 2016, bħala okkażjoni sabiex jiġi kkonfermat il-progress tanġibbli fit-tneħħija tar-rekwiżit ta’ viża għaċ-ċittadini Bulgari u Rumeni. 

L-Istati Uniti (innotifikati mill-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, il-Polonja u r-Rumanija)

Fil-Komunikazzjoni ta' April, il-Kummissjoni enfasizzat il-ħtieġa għal aktar sforz għal reċiproċità sħiħa tal-viża u ħeġġet lill-Istati Uniti biex juru l-impenn tagħhom billi jintroduċu miżuri tanġibbli biex tinkiseb ir-reċiproċità sħiħa tal-viża għat-28 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea. Biex jintlaħaq dan l-għan, il-kuntatti mal-Istati Uniti intensifikaw kemm fil-livell tekniku kif ukoll f’dak politiku.

Fil-15 ta’ April, ftit wara l-adozzjoni tal-Komunikazzjoni ta’ April, il-Kummissarju Avramopoulos iddiskuta din il-kwistjoni mas-Segretarju tad-Dipartiment tas-Sigurtà Interna (Department of Homeland Security, DHS) Johnson. B’mod parallel, id-delegazzjoni tal-UE f’Washington regolarment enfasizzat il-ħtieġa li jkun hemm moviment lejn ir-reċiproċità sħiħa fil-komunikazzjoni tagħha mal-Kungress.

Fil-laqgħa ministerjali ta' livell għoli ta' bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar il-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni li saret fit-2 ta’ Ġunju, ir-reċiproċità tal-viża ġiet diskussa fid-dettall. Filwaqt li r-rappreżentanti tal-Amministrazzjoni tal-Istati Uniti spjegaw li se jibqgħu impenjati li jaħdmu mal-UE u l-ħames Stati Membri kkonċernati sabiex tinkiseb reċiproċità sħiħa tal-viża, huwa innotat li l-Kungress tal-Istati Uniti ma mexiex fil-pożizzjoni tiegħu u li kien hemm ftit ċans ta’ evoluzzjoni qabel l-elezzjonijiet presidenzjali u tal-Kungress li jmiss. Huma ċċitaw ukoll tħassib dwar is-sigurtà bħala raġuni biex ma jespandux il-Programm għall-Eżenzjoni mill-Viża tal-Istati Uniti lill-ħames Stati Membri tal-UE affettwati.

L-Istati Uniti wissew ripetutament kontra kull miżura tal-UE li jista’ jkollha effetti ħżiena lil hinn mill-kwistjoni tar-reċiproċità tal-viża. Huma enfasizzaw li l-impożizzjoni ta’ viżi għaċ-ċittadini tal-Istati Uniti ċertament iwassal lill-Kungress biex jerġa’ jintroduċi r-rekwiżit ta’ viża għaċ-ċittadini kollha tal-UE. B'referenza għall-ideat imressqa mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni ta’ April (jiġifieri l-estensjoni tal-Istati Uniti ESTA għal ċerti kategoriji ta’ vjaġġaturi), in-naħa tal-Istati Uniti wieġbet li l-leġiżlazzjoni attwali ma tippermettix tali flessibbiltà u eskludiet ukoll il-possibbiltà li tintroduċi proposta leġiżlattiva f’dak is-sens fil-futur qrib. Fl-istess waqt, filwaqt li jirrikonoxxu s-sensittività tal-kwistjoni, l-Istati Uniti indikaw xi faċilitazzjonijiet disponibbli fir-rigward tal-applikazzjoni tal-viża u l-proċedura ta' ħruġ. Dawn jirrigwardaw l-estensjoni ta’ viżi, u jipprovdu ċerti faċilitazzjonijiet għall-applikanti tal-viża (bħall-eżenzjoni milli jittieħdu l-marki tas-swaba’ u mill-intervista). Madankollu, dawn l-elementi kienu fis-seħħ diġà għal xi żmien u ma jistgħux jitqiesu bħala progress f’termini ta’ kisba ta’ reċiproċità sħiħa tal-viżi.

Fil-Kungress tal-Istati Uniti, minn April 'l hawn, ma sar l-ebda progress ta’ rilevanza għaċ-ċittadini tal-UE li jirriżulta minn inizjattivi leġiżlattivi li għaddejjin bħalissa mal-Istati Uniti, b’mod partikolari l-“Att dwar l-Impjiegi li Joriġinaw mill-Ixprunar tal-Ivvjaġġar tal-2015 4 ” u l-“Att dwar il-Protezzjoni Ugwali fl-Ivvjaġġar tal-2016 5 ”.

Ir-reċiproċità tal-viża kienet ukoll fost is-suġġetti li tqajmu waqt iż-żjara ta’ delegazzjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (LIBE) tal-Parlament Ewropew f’Washington fis-16-18 ta’ Mejju.

Għandu jiġi nnutat li l-Uffiċċju għar-Resposabilità Governattiva tal-Istati Uniti ħareġ rapport fis-7 ta’ Ġunju li jiffoka fuq kif il-pajjiżi sħab fil-Programm għall-Eżenzjoni mill-Viża jaqsmu l-informazzjoni mal-Istati Uniti fir-rigward tal-identità, l-istorja kriminali u l-passaporti mitlufa jew misruqa tat-terroristi. Ir-rapport jinnota li l-Istati Uniti kienu kapaċi jiksbu informazzjoni mill-pajjiżi sħab fil-Programm għall-Eżenzjoni mill-Viża dwar aktar minn 12 000 persuna suspettati li huma terroristi, inklużi kważi 5 000 li preċedentement ma kienux ġew identifikati mill-awtoritajiet Amerikani. Il-Kummissjoni tqis li dan l-iskambju ta’ informazzjoni huwa sinifikanti ħafna: Dan juri li l-programm ta’ eżenzjoni mill-viża mhux biss jiffaċilita l-ħajja ta’ miljuni ta’ vjaġġaturi leġittimi transatlantiċi, iżda jġib ukoll benefiċċji importanti għall-Istati Uniti. Ir-rapport jiddikjara wkoll li l-iskambju ta’ informazzjoni żdied b’mod esponenzjali matul din l-aħħar sena.

Il-Kummissjoni tinnota li dan kien enfasizzat ukoll mill-Viċi Segretarju għas-Sigurtà Interna Mayorkas u l-Koordinatur għall-Ġlieda kontra t-Terroriżmu Siberell (id-Dipartiment ta' Stat) fil-laqgħa tal-Kumitat tas-Sigurtà Interna tas-Senat tal-Istati Uniti fis-26 ta’ Mejju 6 , fejn il-kisbiet reċenti tal-UE fil-qasam tas-sigurtà, bħalma huma d-Direttiva dwar ir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri tal-UE jew l-istabbiliment taċ-Ċentru Ewropew kontra t-Terroriżmu fil-Europol, ġew ukoll rikonoxxuti.

Minkejja l-intensifikazzjoni tal-kuntatti politiċi u tekniċi, ma kienx hemm indikazzjonijiet ta’ progress komparabbli mal-Istati Uniti bħal dawk li rajna mal-Kanada. Matul l-aħħar tliet xhur, l-Istati Uniti ma mxewx lejn it-tneħħija tar-rekwiżit tal-viża għaċ-ċittadini Bulgari, Kroati, Ċiprijotti, Pollakki u Rumeni li jivvjaġġaw lejn l-Istati Uniti. Għalhekk, il-Kummissjoni se tkompli tagħti spinta għar-reċiproċità sħiħa tal-viża f’koordinazzjoni mal-ħames Stati Membri kkonċernati biex ir-riżultati jaslu malajr. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni se tuża kull opportunità, inklużi l-kolazzjon konġunta tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin tal-UE u s-Segretarju Kerry fit-18 ta’ Lulju u l-laqgħa Ministerjali u tal-Uffiċjali Għolja bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar il-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni prevista qabel tmiem l-2016 biex tesplora t-triq ’il quddiem u l-għażliet kollha jew l-azzjonijiet meħtieġa li għandhom jittieħdu biex jintlaħaq dan l-objettiv.

III.    Pożizzjonijiet meħuda bi tweġiba għall-Komunikazzjoni ta’ April

F’April, il-Kummissjoni stiednet lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex b’mod urġenti jniedu diskussjonijiet fir-rigward tal-mekkaniżmu ta’ reċiproċità attwali u biex jieħdu pożizzjoni dwar l-aħjar triq ’il quddiem, fid-dawl tal-valutazzjoni pprovduta mill-Komunikazzjoni ta’ April. Hija stiednet liż-żewġ istituzzjonijiet biex jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar il-pożizzjonijiet rispettivi tagħhom sa mhux aktar tard mit-12 ta’ Lulju 2016.

Fir-rigward tal-Parlament Ewropew, ma seħħet l-ebda diskussjoni plenarja bil-ħsieb li tittieħed din il-pożizzjoni. Il-President tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (LIBE) bagħat ittra lill-Kummissjoni fis-7 ta’ Ġunju li fiha talab lill-Kummissjoni biex tadotta l-atti delegati previsti minn dan ir-Regolament malajr kemm jista’ jkun. L-ittra lill-President tal-Kumitat LIBE kkunsidrat li l-Kummissjoni hija obbligata li tadotta att delegat skont l-Artikolu 1(4)(f) tar-Regolament li temporanjament jissospendi l-eżenzjoni mir-rekwiżit tal-viża għaċ-ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernat, minħabba li l-Istati Uniti u l-Kanada ma neħħewx ir-rekwiżit tal-viża fi żmien 24 xahar min-notifika tan-nuqqas ta’ reċiproċità mill-Istati Membri tal-UE kkonċernati. L-ittra titlob lill-Kummissjoni tirrispetta dan l-obbligu legali u tadotta l-atti ddelegati meħtieġa malajr kemm jista’ jkun, waqt li tfakkar li skont l-Artikolu 265 tat-TFUE, azzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tista' titressaq minn istituzzjoni tal-UE, f’każ li l-Kummissjoni tonqos milli taġixxi.

Il-Kunsill ma daħħalx din il-kwistjoni fl-aġenda tal-Kunsill tal-Ministri u la l-Presidenza u lanqas il-Kunsill ma esprimew pożizzjoni dwar il-mekkaniżmu ta’ reċiproċità attwali fid-dawl tal-valutazzjoni pprovduta mill-Komunikazzjoni.

Fost l-Istati Membri, il-Bulgarija u r-Rumanija semmew leħinhom l-aktar biex jikkomunikaw il-pożizzjoni tagħhom lill-Kummissjoni u lill-pajjiżi terzi kkonċernati, speċjalment lill-Kanada fl-ogħla livell politiku.

Partijiet ikkonċernati oħra

Xi partijiet ikkonċernati esprimew ukoll il-fehmiet tagħhom dwar din il-kwistjoni. L-Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Trasport bl-Ajru (IATA), li tiġbor madwar 260 linja tal-ajru li jirrappreżentaw 83 % tat-traffiku bl-ajru fid-dinja, ressqet il-konsegwenzi ekonomiċi tal-introduzzjoni ta' rekwiżiti ġodda għall-vjaġġaturi mill-Kanada u l-Istati Uniti lejn l-UE 7 . L-IATA rreferiet għal dejta mingħand il-Kummissjoni Ewropea tal-Ivvjaġġar, li skontha aktar minn 30 miljun turist Kanadiż u mill-Istati Uniti jżuru l-Ewropa kull sena u nefqu aktar minn USD 54 biljun fl-2014. Barra minn hekk, 31 rappreżentant tal-industrija tat-turiżmu flimkien indirizzaw ittra lill-Kumitat LIBE tal-Parlament Ewropew li tgħid li s-sospensjoni tal-eżenzjoni tal-viża għaċ-ċittadini Kanadiżi u tal-Istati Uniti għandha treġġa’ lura x-xejriet pożittivi fil-flussi ta’ turiżmu mill-Istati Uniti u l-Kanada, iċċaħħad lis-settur tal-ivvjaġġar u tat-turiżmu Ewropew mid-dħul essenzjali u titfa eluf ta’ impjiegi fil-periklu 8 .

IV. Konklużjonijiet

Il-Kummissjoni tilqa’ l-kisba tar-reċiproċità sħiħa tal-viża mal-Brunei.

Fir-rigward tal-Kanada, il-Kummissjoni tinnota li minkejja d-diskussjonijiet intensifikati u kostruttivi u l-ħidma mal-awtoritajiet Kanadiżi għall-progress fl-ilħuq ta’ reċiproċità sħiħa tal-viża f’dawn l-aħħar tliet xhur, iċ-ċittadini Bulgari u Rumeni għadhom meħtieġa jkollhom viża biex jivvjaġġaw lejn il-Kanada. Għalhekk, il-Kummissjoni se tkompli tagħti spinta għar-reċiproċità sħiħa tal-viża flimkien mal-Bulgarija u r-Rumanija biex titħaffef il-kisba tar-riżultati. F’dan ir-rigward, fil-11 ta’ Lulju, waqt laqgħa ministerjali fi Brussell, il-Kanada impenjat ruħha biex tinforma fil-bidu tal-ħarifa dwar ir-riżultati tal-valutazzjonijiet u l-iskedi taż-żmien għat-tneħħija tar-rekwiżit għall-viża, inkluż dwar l-elementi meħtieġa ta’ kooperazzjoni mal-Bulgarija u r-Rumanija. Il-Kummissjoni tistenna b’interess is-Summit UE-Kanada, li se jsir fis-27–28 ta’ Ottubru 2016, bħala okkażjoni sabiex tikkonferma l-progress tanġibbli dwar it-tneħħija tar-rekwiżit ta’ viża għaċ-ċittadini Bulgari u Rumeni.

Fir-rigward tal-Istati Uniti, il-Kummissjoni tinnota li matul l-aħħar tliet xhur, l-Istati Uniti ma mxewx lejn it-tneħħija tar-rekwiżit tal-viża għaċ-ċittadini Bulgari, Kroati, Ċiprijotti, Pollakki u Rumeni li jivvjaġġaw lejn l-Istati Uniti. Il-Kummissjoni għalhekk, kif deskritt qabel, se tuża l-opportunitajiet kollha biex tkompli tiġġieled favur ir-reċiproċità sħiħa tal-viża f’koordinazzjoni mal-ħames Stati Membri kkonċernati biex ir-riżultati jaslu malajr.

Il-Kummissjoni se taħdem mill-qrib kemm mal-Parlament Ewropew kif ukoll mal-Kunsill biex tiżgura li l-Unjoni Ewropea titkellem b’vuċi waħda dwar din il-kwistjoni importanti u se tirrapporta dwar il-progress ulterjuri magħmul qabel tmiem is-sena.

_______

(1)

     Ir-Regolament (UE) Nru 1289/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżenti minn dik il-ħtieġa, ĠU L 347, 20.12.2013, p. 74-80.

(2)

     Ara l-Aħbarijiet ta’ Kuljum tal-14 ta’ April 2016.

(3)

     Għal aktar dettalji: Ir-Rapport tal-Kummissjoni li jevalwa s-sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ reċiproċità fil-qasam tal-politika dwar il-viżi (C(2015) 7455 final tal-5.11.2015), p. 4 u COM(2016) 221 final.

(4)

     https://www.congress.gov/bill/114th-congress/house-bill/1401

(5)

     https://www.congress.gov/bill/114th-congress/house-bill/4380/text

(6)

     http://www.hsgac.senate.gov/hearings/protecting-america-from-the-threat-of-isis

(7)

     http://www.iata.org/pressroom/pr/Pages/2016-06-02-07.aspx

(8)

     http://www.tourismmanifesto.eu/#!blank/c20x9