IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 27.6.2016
COM(2016) 424 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Evalwazjoni tal-implimentazzjoni tal-Qafas tal-UE għal strateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Rom u r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar miżuri effettivi fl-Istati Membri ta' integrazzjoni tar-Rom - 2016
{SWD(2016) 209 final}
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW
U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Qafas tal-UE għal strateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Rom u r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar miżuri effettivi fl-Istati Membri ta' integrazzjoni tar-Rom — 2016
1. Introduzzjoni
Bil-Qafas tal-UE għal Strateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom sal-2020, l-Istati Membri huma impenjati li jiżviluppaw, jimplimentaw u jimmonitorjaw strateġiji f'konformità ma' approċċ komprensiv ibbażat fuq l-evidenza. Il-Kummissjoni tevalwa l-implimentazzjoni u tirrapporta kull sena lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Il-Qafas tal-UE ġie msaħħaħ minn Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar miżuri effettivi għall-integrazzjoni tar-Rom. Ir-Rakkomandazzjoni estendiet il-Qafas lejn oqsma addizzjonali u appellat lill-Istati Membri biex jikkomunikaw kull sena lill-Kummissjoni dwar miżuri meħuda f'konformità mar-Rakkomandazzjoni u l-progress miksub fl-implimentazzjoni tal-istrateġiji.
Din il-Komunikazzjoni tirrapporta dwar il-konklużjonijiet ġenerali fejn jidħol il-progress fl-implimentazzjoni tal-Qafas tal-UE. Hija tanalizza wkoll, għall-ewwel darba, il-miżuri ta' integrazzjoni tar-Rom imdaħħla skont ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill. Id-dokument ta’ ħidma tal-persunal mehmuż jippreżenta valutazzjoni pajjiż b'pajjiż, u jenfasizza eżempji ta' prassi fid-diversi oqsma tematiċi. Ġie żviluppat mudell dettaljat ta' rapportar biex jingħata appoġġ għar-rappurtar mill-Istati Membri. Xi Stati Membri (Franza, il-Ġermanja, is-Slovenja) għażlu tip alternattiv ta' rappurtar, filwaqt li oħrajn (id-Danimarka, il-Lussemburgu, in-Netherlands) ma rrappurtawx dwar il-miżuri tagħhom.
2. Ir-rwol tal-Kummissjoni fl-għoti ta' sostenn lill-Istati Membri
Il-Kummissjoni rabtet il-monitoraġġ tal-progress fl-inklużjoni tar-Rom mal-aġenda usa’ tagħha tat-tkabbir, Ewropa 2020. Sa mill-2012, ħames Stati Membri bl-akbar komunitajiet Rom u bl-isfidi l-aktar serji rċevew rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż dwar kif jagħmlu l-politiki konvenzjonali tagħhom aktar inklussivi għar-Rom. Fl-2016, ir-Rakkomandazzjonijiet proposti mill-Kummissjoni jiffukaw fuq il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tat-tfal Rom fl-edukazzjoni regolari konvenzjonali. L-istrumenti legali, ta' politika u finanzjarji fil-livell Ewropew ġew allinjati bis-sħiħ bit-tnedija tal-perjodu ta' programmar finanzjarju 2014-2020.
2.1. Il-bini ta’ kapaċitajiet u l-promozzjoni tal-kooperazzjoni
Il-Kummissjoni għadha tiffaċilita d-djalogu fost l-Istati Membri taħt in-netwerk ta’ Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali għar-Rom. Għaddejja wkoll il-ħidma tat-Task Force għar-Rom, li ġġib flimkien lid-dipartimenti rilevanti tal-Kummissjoni li jikkontribwixxu fil-proċess tal-UE għall-integrazzjoni tar-Rom. Isiru żjarat bilaterali ta' monitoraġġ fl-Istati Membri b'diskussjonijiet fil-fond bejn il-Kummissjoni, l-awtoritajiet nazzjonali u lokali u tas-soċjetà ċivili, kif ukoll żjarat lil komunitajiet Rom.
Il-Pjattaforma Ewropea għall-inklużjoni tar-Rom, li tiġbor il-partijiet interessati kollha fil-livell Ewropew, ġiet riformata fl-2015 biex jiġi żgurat proċess aktar parteċipattiv. L-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tas-soċjetà ċivili Ewropea li huma fi djalogu regolari mal-Kummissjoni kienu involuti mill-qrib fir-riforma u l-preparazzjoni tal-Pjattaforma Ewropea, li fl-2015 iffokat fuq kooperazzjoni bejn ħafna partijiet ikkonċernati u fuq il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u l-anti-Żingariżmu.
Il-Kummissjoni impenjat ruħha li tappoġġa lill-Istati Membri fl-iżvilupp ta' Pjattaformi Nazzjonali għar-Rom. Dawn għandu jkollhom rwol kruċjali fl-iżgurar ta' involviment trasparenti u inklużiv mill-partijiet interessati kollha fl-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-attivitajiet ta’ rappurtar.
2.2. Il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u l-anti-Żingariżmu
Fl-2015, il-Kummissjoni ħaffet il-pass tal-azzjoni biex tiġġieled kontra d-diskriminazzjoni, is-segregazzjoni u l-anti-Żingariżmu, inkluż id-diskors ta' mibegħda u r-reati ta' mibegħda. Bħala gwardjana tat-Trattati, il-Kummissjoni għandha r-rwol li tiggarantixxu li l-leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni, bħalma hi d-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali, tiġi trasposta u infurzata kif jixraq. Il-Kummissjoni nediet it-tieni kawża ta' ksur dwar diskriminazzjoni ta' tfal Rom fl-edukazzjoni, u kompliet tinvestiga s-suspetti ta' każijiet ta' diskriminazzjoni fl-edukazzjoni u fl-akkomodazzjoni f'diversi Stati Membri.
Il-Kummissjoni bdiet djalogu mal-Istati Membri biex tiżgura t-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni sħiħa u korretta tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill dwar ir-razziżmu u l-ksenofobija wara li kisbet is-setgħa li tissorvelja l-applikazzjoni tagħha. Hija żiedet ukoll l-isforzi tagħha biex tassisti lill-Istati Membri jiżguraw li tittieħed azzjoni effettiva kontra d-diskors ta' mibegħda u r-reati ta' mibegħda. Hija ħadet sehem f'diskussjonijiet ma' kumpaniji tal-IT, ma' Stati Membri u mas-soċjetà ċivili biex tiġi żgurata t-tneħħija malajr minn fuq l-internet ta' diskors illegali ta' mibegħda u għall-promozzjoni tal-iżvilupp ta' kontranarrattivi.
Il-Kummissjoni nediet "għar-Rom mar-Rom", kampanja tranżnazzjonali għat-tixrid tal-għarfien. Hija għandha l-iskop li tiġġieled kontra l-isterjotipi kontra r-Rom permezz ta' ħidma mal-midja, il-promozzjoni ta’ ftehim kulturali, l-organizzazzjoni ta' kompetizzjonijiet tat-tpinġija fl-iskejjel u l-appoġġ ta' proġetti ta’ ġemellaġġ bejn l-awtoritajiet lokali.
Fl-2015, il-Kummissjoni ppubblikat sensiela ta' tliet materjali ta' referenza li jappoġġaw lill-Istati Membri fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u s-segregazzjoni:
•Gwida dwar kif il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej 2014-2020 jistgħu jintużaw biex tiġi indirizzata s-segregazzjoni edukattiva u spazjali, ma' esperti li jipprovdu pariri rigward l-implimentazzjoni lill-Istati Membri l-aktar konċernati.
•Fuljett b'tagħrif dwar drittijiet bi gwida dwar kif għandha titressaq talba rigward diskriminazzjoni, li jispjega d-drittijiet tal-vittmi b'lingwaġġ dirett biex jittejbu l-infurzar ta' direttivi għall-ugwaljanza u kif ukoll l-għarfien dwar id-drittijiet.
•Ġabra ta' Strumenti Ewropej għall-Iskejjel dwar l-aħjar prattiki fl-edukazzjoni, inklużi prattiki dwar l-għoti ta' appoġġ immirat lejn it-tfal Rom u dawk li jaħdmu ma' familji Rom.
Il-Kummissjoni appoġġat bil-qawwa r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-anti-Żingariżmu u r-rikonoxximent, min-naħa tal-UE, tal-jum ta' tifkira tal-ġenoċidju tar-Rom. Taħt il-programm tagħha l-Ewropa għaċ-Ċittadini, il-Kummissjoni ffinanzjat proġetti li jikkomemoraw il-massakru tar-Rom, u — skont il-Programm tad-Drittijiet, l-Ugwaljanza u ċ-Ċittadinanza — proġetti lokali, nazzjonali u tranżnazzjonali dwar l-integrazzjoni tar-Rom u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni.
3. Sitwazzjoni attwali fejn tidħol l-integrazzjoni tar-Rom fl-Istati Membri
Barra mill-kriżi finanzjarja u ekonomika, il-kriżi tar-refuġjati kienet ta' sfida bla preċedent għall-Istati Membri. L-awtoritajiet pubbliċi jinsabu taħt pressjoni biex jindirizzaw il-ħtiġijiet ta' refuġjati li waslu riċentement, apparti ċ-ċittadini Rom vulnerabbli tagħhom stess u ċ-ċittadini tal-UE jew ta' pajjiżi terzi ta' oriġini Rom li jgħixu fit-territorju tagħhom. Minkejja l-isfidi li tippreżenta l-integrazzjoni ta' dawn il-komunitajiet preżenti, l-Istati Membri ma għandhomx jagħtu prijorità lil waħda fuq l-oħra. Huwa meħtieġ approċċ bilanċjat, li jirrikonċilja l-ħtiġijiet kollha ta' integrazzjoni b'azzjonijiet reċiproki ta' appoġġ u koordinazzjoni.
Din il-valutazzjoni hija bbażata fuq l-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri, flimkien ma' kontribuzzjonijiet mis-soċjetà ċivili. Saru sforzi taħt l-indikaturi dwar l-integrazzjoni tar-Rom tal-Grupp ta’ Ħidma (ikkoordinati mill-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali bil-parteċipazzjoni ta' 17-il Stat Membru u tal-Kummissjoni) biex jiġi żviluppat qafas komuni ta' indikaturi tar-Rom. Filwaqt li l-proċess wassal għal mudell ta' rappurtar dettaljat dwar il-miżuri stabbiliti, hemm bżonn ta' aktar ħidma dwar qafas ta' indikaturi dwar l-integrazzjoni tar-Rom sabiex tkun tista' ssir ir-rabta tal-miżuri ma' kontribuzzjonijiet u riżultati. Il-mudell użat għar-rappurtar ta' din is-sena kien joffri ċerti sfidi fil-każ ta' xi Stati Membri. Il-Kummissjoni hija impenjata li tiżviluppa metodoloġija ta' rappurtar li tkun faċli biex tintuża li tkun marbuta mill-qrib mal-qafas ta' indikaturi.
3.1. Miżuri orizzontali
Id-diskriminazzjoni għadha mifruxa madwar l-UE u tinsab fis-soċjetajiet kollha, u fl-oqsma prinċipali kollha. Dan jikkonfermawh il-kostatazzjonijiet tal-istħarriġ riċenti tal-Eurobarometer u r-reazzjonijiet mis-soċjetà ċivili. L-Istati Membri qegħdin jenfasizzaw il-promozzjoni tad-djalogu interkulturali, id-diversità, l-informazzjoni dwar l-istorja u l-kultura tar-Rom, inkluż il-massakru tar-Rom. Xi wħud minnhom diġà jinkludu din l-informazzjoni fil-kurrikuli tal-iskejjel tagħhom. Huwa importanti li l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni tar-Rom tiġi miġġielda billi t-tfal jiġu edukati u billi l-edukazzjoni titpoġġa f’din il-perspettiva usa’. Xi Stati Membri jagħmlu attivitajiet ta' taħriġ li għandhom l-għan li jissensibilizzaw lill-ħaddiema taċ-ċivil u lill-fornituri tas-servizzi sabiex ikollhom fehim interkulturali tajjeb meta jaħdmu mar-Rom. Xi wħud jagħmlu wkoll kampanji kontra r-reati ta' mibegħda. Dawn il-miżuri kollha huma essenzjali biex tiġi promossa l-ugwaljanza. L-Istati Membri huma mħeġġa li jiżviluppawhom.
Minkejja dawn l-isforzi, ma għadu qiegħed jidher l-ebda titjib fil-konkret. Għalhekk hemm bżonn ta' approċċ aktar sistematiku u l-Istati Membri huma mħeġġa juru aktar rieda politika fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni. L-anti-Żingariżmu bħala forma speċifika ta' razziżmu, marbut mill-qrib ma' stereotipi profondi ħafna u mal-istigmatizzazzjoni tar-Rom, qiegħed jiżdied. Huwa relatat ma' żieda fir-radikaliżmu u l-estremiżmu fl-UE. Huwa kruċjali li l-awtoritajiet pubbliċi jiddistanzjaw ruħhom minn kliem u diskors razzista u ksenofobiku li jkollu fil-mira tiegħu lir-Rom u li effettivament jikkriminializzaw ir-retorika, id-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda kontra r-Rom. Huwa importanti li jiġi rikonoxxut li nuqqas ta' rieda li wieħed jaġixxi jikkontribwixxi wkoll għall-aċċettazzjoni tal-intolleranza fis-soċjetajiet.
Għalkemm xi Stati Membri ħadu passi biex jeliminaw id-diskriminazzjoni u s-segregazzjoni tar-Rom permezz tal-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni proinklussiva – b'mod partikolari fil-qasam tal-edukazzjoni biex jitrawwem aċċess ugwali għat-tfal Rom fl-edukazzjoni ewlenija – għadha teżisti l-esklużjoni mid-dinja tax-xogħol, is-segregazzjoni fl-edukazzjoni u fl-akkomodazzjoni. Għalhekk l-Istati Membri għandhom ukoll jagħmlu sforzi akbar biex jiżguraw l-infurzar effettiv u prattiku tal-leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni sabiex effettivament jeliminaw il-prattiċi ta' segregazzjoni u ta' diskriminazzjoni.
Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jirrappurtaw dwar miżuri li jippromwovu l-parteċipazzjoni tar-Rom, iżda hemm bżonn ta' aktar iffukar fuq iż-żgħażagħ Rom. Is-sitwazzjoni tat-tfal Rom għadha partikolarment inkwetanti. Xi Stati Membri jieħdu miżuri sabiex jiġu miġġielda l-fastidjar u l-bullying. Madankollu, l-esklużjoni għadha teżisti. F’xi Stati Membri din hija marbuta man-nuqqas ta' reġistrazzjoni u ta' dokumenti tal-identità, parteċipazzjoni baxxa fl-edukazzjoni bikrija tat-tfal u fil-kura, u rata ogħla ta' tluq bikri mill-iskola.
|
Il-miżuri rakkomandati mill-Kunsill
|
L-Istati Membri li rrapportaw miżura
|
|
Jiġi żgurat l-infurzar effettiv u prattiku tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali
|
BE, BG, CZ, DE, FI, HR, IT, LT, SI, SK, UK
|
|
L-implimentazzjoni ta' miżuri ta' desgregazzjoni fil-livelli reġjonali u lokali
|
ES, HR, SK
|
|
Jiġi żgurat li t-tkeċċijiet bil-forza jkunu f'konformità sħiħa mal-liġi tal-UE u mal-obbligi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem
|
-
|
|
Jitqajjem għarfien dwar il-benefiċċji tal-integrazzjoni tar-Rom
|
AT, ES, LV
|
|
Jitqajjem għarfien fost il-pubbliku dwar in-natura diversa tas-soċjetajiet, tiġi sensibilizzata l-opinjoni pubblika għall-inklużjoni tar-Rom
|
AT, DE, ES, LV, PT, SI, SK,
|
|
Jiġu miġġielda r-retorika u d-diskors ta’ mibegħda kontra r-Rom,
|
AT, DE, ES, HR, SE, SK
|
|
Tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni multipla ta' tfal u nisa Rom
|
AT, CZ, DE, ES, HR, HU, PT, SE, SI, SK
|
|
Il-ġlieda kontra l-vjolenza (domestiku) kontra n-nisa u l-bniet
|
AT, DE, EL, ES, FI, HR, HU, UK
|
|
Il-ġlieda kontra t-traffika tal-bnedmin
|
AT, BG, HR, HU, IT
|
|
Il-ġlieda kontra żwiġijiet taħt l-età u sfurzati, u t-talb fit-toroq li jinvolvi t-tfal
|
SI
|
|
Appoġġ liċ-ċittadinanza attiva tar-Rom bil-promozzjoni tal-parteċipazzjoni soċjali, ekonomika, politika u kulturali tagħhom.
|
AT, BE, BG, CZ, DE, ES, FI, HR, HU, LT, LV, PT, SE, SI SK, UK
|
|
Il-promozzjoni tat-taħriġ u l-impjieg ta' medjaturi kwalifikati
|
BE, BG, CZ, ES, HR, PT, SI
|
|
Jitqajjem għarfien fost ir-Rom dwar drittijiethom.
|
AT, DE, ES, HR
|
|
Oħrajn
|
BE, BG, FR, HU, HR, IT, LV PT, UK
|
In-nisa Rom jiġu indirizzati l-aktar permezz ta' miżuri konvenzjonali. Madankollu, peress li dawn jiffaċċjaw forom multipli ta' diskriminazzjoni (vjolenza, traffikar tal-bnedmin, żwiġijiet taħt l-età u bil-forza, u t-talb fit-toroq li jinvolvi t-tfal), għandhom ukoll jiġu indirizzati b'aktar miżuri mmirati bħala parti minn approċ strateġiku speċifiku għall-ġeneru u li jkun jolqot direttament lit-tfal. L-azzjoni f’dawn l-oqsma hija ġeneralment nieqsa minkejja indikazzjonijiet ta’ żieda fit-traffikar tar-Rom għal dawn l-iskopijiet.
L-Istati Membri għandhom jindirizzaw aħjar is-sitwazzjoni speċifika tar-Rom permezz ta' taħlita ta' miżuri ġenerali u dawk immirati biex jiżguraw aċċess ugwali effettiv għad-drittijiet tagħhom u għal servizzi kurrenti.
3.2. Edukazzjoni
L-edukazzjoni għadha tirċievi l-aktar attenzjoni mill-Istati Membri fil-miżuri ta' integrazzjoni tagħhom. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri rrapportaw miżuri rilevanti għall-edukazzjoni u l-kura bikrija fit-tfulija, it-tluq bikri mill-iskola, l-edukazzjoni inklużiva u l-appoġġ fuq bażi individwali. Ħafna Stati Membri adottaw strateġiji dwar it-tluq bikri mill-iskola, iżda dawn ma jimmirawx b'mod espliċitu għar-Rom, u l-proporzjon ta' tfal Rom fost dawk kollha li jitilqu b'mod bikri mill-iskola għadu għoli. Hemm attenzjoni konsiderevoli għall-promozzjoni tal-aċċess u tal-kwalita tal-edukazzjoni bikrija, u dan iservi biex aktar tard jipprevjeni t-tluq bikri mill-iskola u jittejbu l-eżiti edukattivi. F'dawn l-aħħar snin dehret xejra pożittiva bl-għarfien tal-importanza ċentrali tal-edukazzjoni bikrija. Dan jidher permezz ta’ żieda fil-fondi allokati għall-bini ta’ kindergartens u fil-bidliet leġiżlattivi f’diversi Stati Membri biex dawn jintroduċu jew jestendu l-edukazzjoni obbligatorju ta’ qabel l-iskola.
|
Il-miżuri rakkomandati mill-Kunsill
|
L-Istati Membri li rrapportaw miżura
|
|
L-eliminazzjoni tas-segregazzjoni
|
BE, BG, ES, IE, IT, RO, SI, SK
|
|
Tintemm is-sistemazzjoni bla bżonn ta' tfal fi skejjel għal ħtiġijiet speċjali
|
BG, CZ, SK
|
|
Jiġi miġġieled it-tluq bikri mill-iskola
|
AT, BE, BG, CY, DE, ES, FI, FR, HR, HU, IT, RO, SE, SK, UK
|
|
Jiġi promoss l-aċċess għal edukazzjoni bikrija u kura ta' kwalità
|
AT, BG, CZ, ES, FI, HR, HU, IT, PL, RO, SK
|
|
Jiġi pprovdut appoġġ individwalizzat
|
AT, CZ, DE, ES, HR, IT, LT, LV, PL, RO, SK, UK
|
|
Il-promozzjoni ta' metodi ta' tagħlim inklużiv
|
AT, BG, CY, CZ, DE, ES, HR, HU, LV, PT, RO, SI,SK, UK
|
|
L-inkoraġġiment tal-involviment tal-ġenituri u tat-taħriġ tal-għalliema
|
AT, BE, BG, CY, DE, ES, FI, IT, LV, SI, SK
|
|
Il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni u t-tlestija tal-edukazzjoni sekondarja u l-edukazzjoni għolja
|
AT, BG, CZ, DE, ES, FI, HR, HU, PL, UK
|
|
Jitwessa’ l-aċċess għat-tieni opportunita fl-edukazzjoni u għat-tagħlim għall-adulti
|
UK, BG, CY, DE, ES, SI
|
|
Oħrajn
|
BE, CZ, ES, FI, DE, HR, HU, IT, LT, LV, RO, SI, SK, UK
|
Żvilupp pożittiv aktar riċenti huwa l-promozzjoni tal-edukazzjoni inklużiva u l-appoġġ individwalizzat għal tfal li jinsabu għaddejjin mill-edukazzjoni konvenzjonali, li jservi biex ma jitqegħdux tfal fi skejjel speċjali abbażi tal-oriġini soċjali tagħhom. L-ambjent legali proinklussiv, li kien imsaħħaħ f'diversi Stati Membri, jeħtieġ li jkun akkumpanjat minn miżuri effettivi ta' implimentazzjoni. Irid ikun hemm monitoraġġ xieraq, finanzjament sostenibbli u taħriġ rilevanti tal-għalliema sabiex jinkisbu riżultati tanġibbli. Għandha tingħata iktar attenzjoni li tingħata t-tieni opportunità għall-edukazzjoni u li jkun hemm it-tagħlim tal-adulti, biex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni bejn il-livelli tal-edukazzjoni, inkluża l-edukazzjoni terzjarja. Għandha tingħata prijorità lill-miżuri attivi ta' desgregazzjoni biex tingħata edukazzjoni ta' kwalita tajba lit-tfal Rom f'kuntest konvenzjonali. Il-programmi ta' taħriġ għandhom jikkorrispondu għal ħtiġijiet reali tas-suq tax-xogħol biex jitjiebu l-prospetti ta' impjegabilità.
3.3. Impjiegi
Il-parteċipazzjoni tar-Rom fis-suq tax-xogħol għadha dgħajfa ħafna. L-Istati Membri taw prijorità lil miżuri ġenerali għal dawk li jinsabu bla xogħol, għat-taħriġ, u għal impjiegi sussidjati għal dawk li ilhom qiegħda. L-Istati Membri joffru wkoll l-attivazzjoni/xogħol pubbliku, u miżuri għal persuni bi sfond ta' migrazzjoni mingħajr, madankollu, impatt sinifikanti fuq ir-Rom. Il-biċċa l-kbira fosthom irrappurtaw miżuri li jappoġġaw l-ewwel esperjenza ta’ xogħol, it-taħriġ vokazzjonali jew it-taħriġ fuq il-post tax-xogħol, it-tagħlim tul il-ħajja u l-iżvilupp tal-ħiliet. Diversi Stati Membri ħadu inizjattivi dwar servizzi ġenerali tal-impjiegi u l-impjieg indipendenti jew l-imprenditorjali. Minkejja dawn il-miżuri kollha, ir-Rom għadhom l-aktar grupp li hu l-inqas rappreżentat fuq is-suq tax-xogħol. Il-livelli baxxi ta’ edukazzjoni u l-ħiliet u d-diskriminazzjoni mifruxa huma fatturi li jispjegaw l-eżiti fqar fejn jidħlu l-impjiegi. L-attivazzjoni u x-xogħlijiet pubbliċi possibbilment tejbu l-istatistika tal-impjiegi, iżda minflok ma pprovdew pont lejn is-suq tax-xogħol miftuħ, kellhom effett ta' intrappolament tal-parteċipanti li baqgħu f'impjiegi b'pagi baxxi, ta' kwalita baxxa li ma humiex biżżejjed biex dawn joħorġu mill-faqar.
|
Il-miżuri rakkomandati mill-Kunsill
|
L-Istati Membri li rrapportaw miżura
|
|
Tiġi appoġġjata l-ewwel esperjenza ta’ xogħol, it-taħriġ vokazzjonali, it-taħriġ fuq il-post tax-xogħol u t-tagħlim tul il-ħajja
|
AT, BE, BG, DE, EL, ES, FI, HR, HU, IT, LT, LV, PL, PT,SI, SK, UK
|
|
Jiġu appoġġjati l-impjiegi indipendenti u l-imprenditorija
|
AT, BE, BG, ES, HR, HU, LT, SI, SK
|
|
Jingħata aċċess ugwali lis-servizzi pubbliċi konvenzjonali tal-impjieg b'appoġġ individwalizzat
|
AT, BE, BG, DE, ES, FR, HR, HU, IT, LV, PT, SE, SI, SK
|
|
Jiġu eliminati l-ostakoli, inkluża d-diskriminazzjoni, għad-dħul (mill-ġdid) fis-suq tax-xogħol
|
AT, FI, DE, ES, HR, HU, LT, SK, UK
|
|
Oħrajn
|
BE, CZ, EL, HU, LT, PT, RO, SK
|
Huwa evidenti li hemm il-bżonn ta' approċċi inklussivi, mfassla apposta. Miżuri innovattivi — il-promozzjoni tal-impriżi soċjali u l-imprenditorija tar-Rom, inċentivi għal min iħaddem, il-konnessjoni mas-settur privat li joffri l-impjiegi, li jintlaħqu r-Rom taħt il-Garanzija għaż-Żgħażagħ, u l-promozzjoni tal-kunsiderazzjonijiet soċjali fl-akkwist pubbliku — għandhom jiġu sfruttat aħjar, kif ukoll approċċi ta' inklużjoni attivi integrati. Huwa kruċjali wkoll li l-impatt tal-miżuri kollha konnessi mal-impjiegi tar-Rom ikunu sorveljati mill-qrib. Il-ġlieda kontra prattiki diskriminatorji fis-suq tax-xogħol għandha tissaħħaħ ukoll, u għandu jkun hemm kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-ispezzjoni tax-xogħol. L-allokazzjonijiet taħt il-Fond Soċjali Ewropew għandhom jiġu mobilizzati bis-sħiħ biex tiġi żgurata l-effiċjenza u s-sostenibbiltà tal-miżuri permezz ta' sostenn integrat u personalizzat. L-opportunitajiet taħt il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) għandhom ukoll jintużaw bis-sħiħ biex jippromwovu l-aċċess tar-Rom għall-impjiegi fiż-żoni rurali, fejn jgħixu l-maġġoranza tar-Rom.
3.4. Is-saħħa
L-indirizzar tal-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa li jesperjenzaw ir-Rom għadu sfida kontinwa, partikolarment fl-aktar żoni żvantaġġati. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri rrappurtaw miżuri li jiffaċilitaw l-aċċess għall-kura tas-saħħa u li jiffukaw fuq miżuri preventivi, ta' protezzjoni, b’mod partikolari t-tilqim tat-tfal, l-ippjanar tal-familja u s-sensibilizzazzjoni dwar is-saħħa. Huma jaħdmu wkoll mas-settur tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi. Madankollu, għal xi Rom, l-aċċess għas-servizzi tas-saħħa huwa limitat minħabba n-nuqqas ta' reġistrazzjoni u kopertura tal-assigurazzjoni tas-saħħa. Huma meħtieġa aktar sforzi biex jintlaħqu dawn il-persuni vulnerabbli, inkluż permezz tal-parteċipazzjoni tagħhom f'inizjattivi tas-saħħa u l-kura soċjali. Għandhom isiru wkoll, f'kull Stat Membru, attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni li jimmiraw kemm għall-professjonisti tal-kura tas-saħħa kif ukoll għar-Rom.
|
Il-miżuri rakkomandati mill-Kunsill
|
L-Istati Membri li rrapportaw miżura
|
|
Jitneħħew l-ostakoli għall-aċċess għas-sistema tal-kura tas-saħħa
|
AT, BE, BG, CZ, DE, ES, FI, FR, HU, LT, PL,RO, SE, SI, SK, UK
|
|
Jittejjeb l-aċċess għal visti mediċi, għall-kura ta' qabel u ta' wara t-twelid, l-ippjanar tal-familja, eċċ.
|
AT, BG, DE, ES, IT, PL, SI, SK
|
|
Il-promozzjoni tal-aċċess għal programmi ta' tilqim bla ħlas immirati għat-tfal, u l-aktar gruppi u żoni żvantaġġati
|
AT, BE, BG, DE, ES, HU, PL, RO, SI, SK
|
|
Il-promozzjoni tal-għarfien dwar is-saħħa
|
AT, BG, CZ, DE, ES, FI, HR, HU, IT, PL, SI, SK
|
|
Oħrajn
|
BE, BG, EL, ES, FI, HR, IT, LT, PL, SK
|
3.5. L-akkomodazzjoni
L-aktar sfidi importanti fejn tidħol l-akkomodazzjoni — jiġifieri l-ġlieda kontra s-segregazzjoni u l-prevenzjoni tal-iżgumbrar bil-forza — ma ġewx indirizzati biżżejjed. Bosta Stati Membri rrappurtaw miżuri li jippromwovu l-aċċess mhux diskriminatorju għall-akkomodazzjoni soċjali, filwaqt li oħrajn irrappurtaw dwar il-ġlieda kontra s-segregazzjoni. Iż-żewġt oqsma għandhom ikunu importanti għal aktar azzjoni konġunta u robusta, li potenzjalment għandha tkun iffinanzjata mill-fondi tal-UE. L-użu ta' fondi strutturali u ta' investiment Ewropej (Fondi SIE) li jwasslu għal (aktar) segregazzjoni tal-faċilitajiet għandu jiġi evitati. L-indirizzar tas-segregazzjoni jirrikjedi approċċ għat-tul. Il-prerekwiżiti għal desegregazzjoni b'suċċess jinkludu:
|
Il-miżuri rakkomandati mill-Kunsill
|
L-Istati Membri li rrapportaw miżura
|
|
L-eliminazzjoni ta' kull segregazzjoni spazjali u l-promozzjoni tad-desegregazzjoni
|
CZ, HU, ES, IT, RO
|
|
Il-promozzjoni ta' aċċess mhux diskriminatorju għall-akkomodazzjoni soċjali
|
AT, BE, BG, CZ, DE, ES, FI, FR, IT, SK, UK
|
|
Il-provvista ta' postijiet ta' waqfa għal Rom li ma jgħixux f'post fiss
|
AT, BE, FR, UK
|
|
Jiġi żgurat l-aċċess għall-utilitajiet pubbliċi
|
ES, HR, RO, SI
|
|
Oħrajn
|
AT, BE, BG, CZ, ES, HR, HU, IT, LT, PL, PT, RO, SK
|
Xi pajjiżi kkonċernati stabbilew ukoll miżuri rigward prijorità oħra enfasizzata mill-Qafas tal-UE u mir-Rakkomandazzjoni: l-għoti ta' siti ta' waqfa għall-vjaġġaturi fi proporzjon mal-ħtiġijiet lokali. L-aċċess għall-utilitajiet pubbliċi għandu jiġi indirizzat mill-Istati Membri kollha kkonċernati sabiex jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-għajxien tar-Rom.
3.6. Miżuri Strutturali
Ittieħdu passi pożittivi fl-infurzar tax-xogħol u l-kapaċità istituzzjonali tal-Punti ta' Kuntatt Nazzjonali għar-Rom, minkejja li l-mandat u r-riżorsi tagħhom għadhom ivarjaw b'mod konsiderevoli. Ħafna minnhom huma involuti mhux biss fil-koordinazzjoni tal-politiki rilevanti, iżda wkoll fit-tfassil u r-reviżjoni tagħhom. Ħafna kienu involuti b’mod attiv fl-allinjament tal-prijoritajiet ta' politika mal-fondi disponibbli għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014–2020. L-isforzi tagħhom ikkontribwew biex l-integrazzjoni soċjoekonomika tal-komunitajiet marġinalizzati tar-Rom tingħażel bħala prijorità speċifika ta' investiment taħt il-programmi operattivi. Din iggarantixxa l-finanzjament sostenibbli għall-miżuri ta' integrazzjoni tar-Rom sal-2020.
Xi Punti ta' Kuntatt Nazzjonali għar-Rom jaħdmu mill-qrib mal-awtoritajiet lokali, u jipprovdu appoġġ metodoloġiku fl-iżvilupp ta' pjani ta' azzjoni lokali, u jikkooperaw mar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili li jaħdmu favur ir-Rom. Il-viżibilità tagħhom għall-partijiet interessati kollha qiegħda tiżdied. Madankollu, hemm bżonn ta' aktar titjib, b'mod partikolari fir-rigward tal-kooperazzjoni fl-implimentazzjoni mal-awtoritajiet lokali, is-soċjetà ċivili u speċjalment is-settur privat. Ir-rapporti mill-Istati Membri jiżvelaw li l-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali jimplimentaw il-biċċa l-kbira tal-miżuri rrappurtati, speċjalment fl-oqsma tal-edukazzjoni u tas-saħħa, filwaqt li l-awtoritajiet lokali huma tipikament responsabbli għall-implimentazzjoni tal-miżuri fl-akkomodazzjoni u l-impjiegi. L-organizzazzjonijiet ċivili huma l-aktar attivi fis-setturi tas-saħħa u wara dan tiġi l-edukazzjoni, iżda s-sħubija tagħhom fl-implimentazzjoni fl-oqsma kollha relevanti għandha tiġi promossi aktar. Ir-rwol potenzjali tas-settur privat għadu fil-parti l-kbira tiegħu mhux esplorat.
F'ħafna Stati Membri hija stabbilita kooperazzjoni bejn il-Punti ta' Kuntatt u korpi ta' ugwaljanza. Iż-żewġ atturi jagħtu l-kontribut tagħhom għal-linji politiċi u jipprovdu s-sostenn fejn ikun relevanti. Għad hemm il-ħtieġa li jiżdiedu r-riżorsi umani u finanzjarji għat-tnejn li huma, kemm biex tittejjeb il-kooperazzjoni tagħhom kif ukoll biex jagħmluha aktar effettiva.
L-importanza tal-kooperazzjoni transnazzjonali qiegħda tingħata dejjem aktar rikonoxxenza, qegħda tiġi aktar ipprattikata u promossa minn dawk kollha ikkonċernati fil-livelli kollha. L-iskambju ta' prattiki tajba iseħħ bejn l-awtoritajiet kemm fil-livell nazzjonali (pereż. in-netwerk EURoma li jgħaqqad flimkien il-punti ta' kuntatt u l-awtoritajiet ta' ġestjoni biex jitjieb l-użu tal-Fondi ESI għall-inklużjoni tar-Rom), kif ukoll fil-livell muniċipali (pereż. taħt l-Istrateġija tal-UE għar-reġjun tad-Danubju). Ġew konkluzi ftehimiet nazzjonali bilaterali (pereż. bejn Franza u r-Rumanija, u l-Iżvezja u r-Rumanija) biex tiġi intensifikata l-kooperazzjoni transnazzjonali għall-integrazzjoni tar-Rom. Il-kooperazzjoni transnazzjonali fil-livell lokali tkopri wkoll l-integrazzjoni tar-Rom (pereż. skont it-Task Force tar-Rom tal-EUROCITIES jew l-element il-ġdid taħt il-programm ROMACT li jappoġġa l-bini tal-kapaċitajiet u l-attivitajiet ta' kooperazzjoni transnazzjonali li jassisti lill-awtoritajiet lokali). Bosta eżempji pożittivi ta' kooperazzjoni bejn il-muniċipalitajiet fl-Ewropa tal-Punent u tal-Lvant jiffokaw fuq il-provvista ta' servizzi lir-Rom, inkluż fil-qasam tal-edukazzjoni (pereż. Glasgow u Oslo ma' Belfast, Arad, Craiova, Timișoara) jew tal-impjiegi (pereż. Ghent ma' Glasgow, Ateni, Malmö).
L-Istati Membri ħadu passi biex jiżviluppaw is-sorveljanza tal-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Roma. Ir-rekwiżit tal-ESIF li jkun hemm metodi stretti ta' monitoraġġ għandu rwol importanti biex tittejjeb l-evalwazzjoni tal-impatt tal-miżuri tal-integrazzjoni tar-Rom. Madankollu, huma meħtieġa aktar sforzi sabiex tkun tista' ssir evalwazzjoni tar-riżultati tal-miżuri irrappurtati, immirati u ġenerali, fuq ir-Rom, inkluż l-impatt tagħhom fuq ix-xejriet fejn tidħol is-segregazzjoni, il-livell edukattiv u l-livelli tal-impjiegi milħuqa mir-Rom, u l-aċċess għad-djar u għas-servizzi tas-saħħa b'mod integrat. Għal dan l-għan, l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali ser tissokta l-ħidma fuq l-iżvilupp ta' indikaturi ta' integrazzjoni tar-Rom, li għandhom jikkontribwixxu lejn l-iżvilupp tal-metodoloġija ta' rappurtar billi tinġabar informazzjoni mill-partijiet interessati rilevanti kollha. Il-monitoraġġ tal-miżuri ta’ integrazzjoni tar-Rom u tal-Fondi ESI għall-inklużjoni tar-Rom għandhom ikunu allinjati aħjar permezz ta' koordinazzjoni aktar mill-qrib bejn il-punti ta' kuntatt u l-awtoritajiet ta' ġestjoni tal-Fondi SIE biex jiżguraw li l-fondi jaslu għand ir-Rom.
3.7. Fondi
Fil-Komunikazzjoni tagħha tal-2015, il-Kummissjoni ppreżentat l-opportunitajiet disponibbli taħt il-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020. L-allokazzjonijiet ta' finanzjament usa’ tal-Istati Membri għall-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar u d-diskriminazzjoni huma rrapportati skont il-pajjiż fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal. Għandu jiġi nnutat li skont l-allokazzjoni usa’ tagħhom għall-inklużjoni soċjali, 12-il Stat Membru għażlu l-prijorità ġdida ta' investiment li tippermetti li jkun hemm immirar tar-Rom b'mod espliċitu, iżda mhux esklussiv, u allokaw għaliha total ta' EUR 1.5 biljun. Diversi prijoritajiet ta’ investiment tal-FSIE oħra ġew identifikati biex jikkontribwixxu għall-inklużjoni tar-Rom.
F'termini ta’ finanzjament pubbliku nazzjonali, fost l-oqsma ta' politika sostantivi, l-edukazzjoni u l-akkomodazzjoni jattiraw l-aktar investiment, u ħafna anqas imur għall-impjiegi u anki anqas għas-saħħa. Il-finanzjament nazzjonali rappurtat għal miżuri orizzonatli u strutturali huwa insinifikanti. F'termini ta’ Fondi ESI u skont ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi taħt is-Semestru Ewropew, l-edukazzjoni (inkluża dik bikrija) inklussiva, l-edukazzjoni u l-impjiegi huma ż-żewġ oqsma prinċipali ta' investiment, bl-akkomodazzjoni li tirċievi wkoll allokazzjoni konsiderevoli. L-ammont allokat għall-investimenti fis-saħħa huwa ħafna inqas. Għal miżuri orizzontali u strutturali, il-protezzjoni tan-nisa u t-tfal u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni jirċievu l-aktar finanzjament, prinċipalment minn Fondi ESI.
Bosta Stati Membri żviluppaw immappjar ta’ komunitajiet tar-Rom permezz tal-introduzzjoni ta’ indikaturi etniċi u soċjoekonomiċi (jjiġifieri żoni residenzjali fil-bżonn jew ssegregati, nies l-aktar fil-bżonn, mapep tal-faqar, eċċ.) sabiex titjieb l-orjentazzjoni u l-allokazzjoni tal-FSIE għall-integrazzjoni tar-Rom.
4. Tkabbir
L-integrazzjoni tar-Rom għadha prijorità kruċjali fil-proċess tat-tkabbir. Il-Kummissjoni taħdem mill-qrib mal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u mat-Turkija, u tissorvelja l-implimentazzjoni tal-impenji. Sforz importanti qiegħed isir taħt l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA II) biex il-programmi ta' integrazzjoni tar-Rom jingħataw sostenn fil-livelli nazzjonali u reġjonali. Madankollu, is-sitwazzjoni tal-biċċa l-kbira tal-komunitajiet Rom għadha waħda ta' preokkupazzjoni. L-adozzjoni ta' dokumenti leġislattivi jew ta' politika mhix biżżejjed. Għandhom ikunu allokati mezzi baġitarji adegwati fil-livell nazzjonali biex jiġu implimentati miżuri ta' integrazzjoni, bl-għoti ta' attenzjoni speċjali għall-implimentazzjoni fil-livell lokali. Il-komunitajiet tar-Rom għandhom ikunu involuti bis-sħiħ fl-ippjanar, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ. Id-Deċennju tar-Rom żgura li l-integrazzjoni tar-Rom issir parti mill-aġenda politika. Il-fażi ta' wara d-Deċennju għandha tikkonċentra fuq il-kisba ta' riżultati li jistgħu jitkejlu fil-konkret, b'mod li jitnaqqas id-distakk bejn ir-Rom u dawk li mhumiex Rom u b’attenzjoni speċjali għall-oqsma ta’ prijorità (l-edukazzjoni, l-impjiegi, is-saħħa, l-akkomodazzjoni u d-dokumentazzjoni ċivili) kif ukoll fuq l-oqsma trasversali relatati mal-ġeneru u l-anti-Żingariżmu. Il-politiki għall-integrazzjoni tar-Rom għandhom jiġu msaħħa b'reazzjoni għall-kriżi attwali tar-refuġjati; porzjon sinifikanti ta' dawk li jirritornaw lejn il-Balkani tal-Punent, issa ddikjarati bħala pajjiżi ta' oriġini sikur, huma Rom.
5. Il-konklużjonijiet u l-passi li jmiss
Ġew stabbiliti l-istrumenti legali, ta' politika u l-istrumenti ta' finanzjament fil-livell Ewropew. L-Istati Membri ħolqu strutturi ta' koordinazzjoni, introduċew miżuri immirati u ġenerali bi tweġiba għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill, u allokaw fondi. L-evalwazzjoni identifikat xi xejriet pożittivi, bħalma huma l-attenzjoni li qiegħda tikber fuq l-edukazzjoni tat-tfal żgħar, ir-rabta bejn il-prijoritajiet ta' politika tal-integrazzjoni tar-Rom u l-użu tal-Fondi SIE 2014-2020 u r-rwol tal-Punti ta' Kuntatt Nazzjonali għar-Rom fl-ippjanar ta’ dan il-finanzjament. Madankollu, l-isforzi ma setgħux jevitaw id-deterjorament ulterjuri tal-kundizzjonijiet tal-għajxien tar-Rom u l-ostilitajiet mifruxa kontrihom minn dawk li huma fil-maġġoranza fis-soċjetà. Ġew identifikati ostakli kbar fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni kontra r-Rom, speċjalment fejn jidħlu s-segregazzjoni residenzjali u l-edukazzjoni u l-prevenzjoni tal-iżgumbramenti bil-forza. L-iżgurar ta' impenn lokali u implimentazzjoni sostenibbli għad trid tiġi indirizzata. Il-kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili u l-impenn tas-settur privat fl-implimentazzjoni għadhom mhux biżżejjed. Għandu jittejjeb ukoll il-kejl tal-impatt tal-isforzi ta' integrazzjoni fil-konkret.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw impenn ġdid għall-politika ta' integrazzjoni tar-Rom b'tali mod li l-istrumenti legali, ta' politika u finanzjarji eżistenti jintużaw bis-sħiħ biex jinkisbu riżultati konkreti fil-prattika. L-implimentazzjoni lokali hija ta' importanza kbira.
Il-Kummissjoni tappella lill-Istati Membri biex jindirizzaw dawn il-prijoritajiet urġenti li ġejjin:
Jiġu infurzati l-leġislazzjoni u s-salvagwardji kontra d-diskriminazzjoni u kontra r-razziżmu u l-ksenofobija fil-livelli nazzjonali u lokali billi:
ojsir monitoraġġ ta', tiġi miġġieleda, irrappurtata u kkastigata, id-diskriminiazzjoni kontra r-Rom fl-oqsma kollha tal-politika;
ojiġi kkriminalizzat t-tixwix pubbliku għall-vjolenza jew il-mibegħda, inkluż fuq il-bażi tal-oriġini etnika;
ojiġi indirizzat it-traffikar tal-bnedmin permezz ta' miżuri li jkunu speċifiċi fejn jidħol il-ġeneru u jkunu jolqtu direttament lit-tfal;
oisiru kampanji ta' għarfien u kontra d-diskriminazzjoni, immirati lejn dawk li jiffurmaw il-maġġoranza fis-soċjetà kif ukoll lejn il-partijiet interessati ewlenin, biex jixxerred l-għarfien dwar l-imperattv ekonomiku u l-benefiċċji reċiproċi tal-integrazzjoni tar-Rom.
Jiġu evitati l-iżgumbramenti bil-forza abbażi tal-oriġini etnika billi jiġi żgurat li kull żgumbrament isir fir-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali, li tiġi pprovduta akkomodazzjoni alternattiva adegwata lill-familji żgumbrati sabiex ma tinħoloqx problema ta' nies bla saqaf fuq rashom u b'hekk tiġi aggravata l-esklużjoni, u billi jiġu esplorati l-opportunitajiet skont l-investimenti tal-Fondi ESI biex titjieb is-sitwazzjoni tal-akkomodazzjoni tar-Rom.
Tiġi eliminata s-segregazzjoni fl-edukazzjoni u fl-akkomodazzjoni f’konformità mal-gwida tal-Kummissjoni permezz ta' leġiżlazzjoni, riforma inklussiva tal-politika, l-edukazzjoni tal-għalliema, id-disseminazzjoni ta’ metodi inklussivi u miżuri ta’ desegregazzjoni espliċiti flimkien ma' sostenn immirat biex jiġu indirizzati l-ostakoli kollha għal aċċess, bl-użu sħiħ ta’ opportunitajiet taħt il-Fondi ESI.
Jiddaħħlu fis-seħħ salvagwardji u miżuri mmirati biex jiżguraw li l-interventi ġenerali jilħqu b'mod effettiv lir-Rom, speċjalment fejn jidħlu l-impjiegi u s-saħħa.
Jestendu u jimmultiplikaw inizjattivi fuq skala iżgħar li taw prova li kienu ta’ suċċess, bl-użu tal-fondi għall-perjodu 2014–2020.
Ikomplu jiġu żviluppati aktar il-ġbir tad-dejta, il-monitoraġġ u l-metodoloġiji tar-rappurtar biex jiġu ssodisfati l-aspettattivi tar-responsabilizzazzjoni fl-użu tal-fondi pubbliċi u jiġi żgurat li l-impatt tal-miżuri immirati u ġenerali fuq ir-Rom jiġi vvalutat u li jwasslu lejn politika informata u għar-rieżami tagħha.
Isir użu sħiħ minn Pjattaformi Nazzjonali għar-Rom biex jiġi żgurat l-involviment inklussiv tal-partijiet interessati kollha fl-implimentazzjoni, il-monitoraġġ, ir-rappurtar u r-rieżami ta' politika, biex jiġu promossi l-iskambju, l-evalwazzjoni u t-trasferiment ta' prattiki tajbin, biex jinbnew sħubiji u biex ikomplu jiġu mobilizzati l-komunitajiet tar-Rom, l-awtoritajiet lokali, is-soċjetà ċivili u s-settur privat.
Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġja l-Istati Membri, tara li jkun hemm l-impenn meħtieġ għall-inklużjoni tar-Rom fil-livell Ewropew, u tuża l-mezzi kollha disponibbli biex tippromwovi d-djalogu u l-kooperazzjoni. Il-prijoritajiet ewlenin tal-Kummissjoni jinkludu dawn li ġejjin:
Tittieħed azzjoni biex jiġi żgurat l-infurżar totali ta' leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni u biex jiġi miġġieled l-anti-Żingariżmu bl-użu ta' strumenti legali disponibbli.
Jiġu appoġġjati l-Pjattaformi Nazzjonali tar-Rom, sabiex tinġieb 'l quddiem kooperazzjoni inklussiva bejn il-partijiet interessati kollha fil-livell nazzjonali.
Jingħata sostenn lill isforzi tal-Istati Membri fl-integrazzjoni tar-Rom billi jiġu ffaċilitati l-iskambji, il-kooperazzjoni u d-diskussjoni tematika ffokata taħt in-netwerk tal-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali għar-Rom.
Jiġi żgurat djalogu ta’ livell għoli u gwida politika billi jitwettqu missjonijiet ta' sorveljanza bilaterali, bl-involviment tal-awtoritajiet nazzjonali u lokali kif ukoll tas-soċjetà ċivili.
Jiġu promossi l-parteċipazzjoni u d-djalogu fil-livell Ewropew tal-partijiet interessati kollha, skont il-pjattaforma riformata Ewropea għall-inklużjoni tar-Rom.
Jingħata sostenn għall-bini tal-kapaċitajiet tal-awtoritajiet lokali u tas-soċjetà ċivili sabiex tiġi promossa l-mobilizzazzjoni attiva tagħhom.
Jiġi żviluppat approċċ strateġiku għal wara l-2020 tal-integrazzjoni tar-Rom, fid-dawl tar-reviżjoni possibbli tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill, prevista għall-2019, filwaqt li jitqiesu d-differenzi li fadal bejn ir-Rom u dawk li mhumiex Rom fl-edukazzjoni, l-impjiegi, is-saħħa u l-akkomodazzjoni, kif ukoll il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, kif ukoll riflessjoni kontinwa dwar evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-Qafas tal-UE għall-istrateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Rom.