IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 15.6.2016
COM(2016) 396 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Konsultazzjoni dwar l-opportunitajiet tas-sajd fl-2017 skont il-Politika Komuni tas-Sajd
{SWD(2016) 199 final}
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 15.6.2016
COM(2016) 396 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Konsultazzjoni dwar l-opportunitajiet tas-sajd fl-2017 skont il-Politika Komuni tas-Sajd
{SWD(2016) 199 final}
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Konsultazzjoni dwar l-opportunitajiet tas-sajd fl-2017
skont il-Politika Komuni tas-Sajd
Introduzzjoni
Din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi l-prinċipji għall-proposti tal-Kummissjoni dwar l-opportunitajiet tas-sajd għall-2017. L-Istati Membri, il-Kunsilli Konsultattivi, il-partijiet ikkonċernati u l-pubbliku huma mistiedna jipprovdu suġġerimenti dwar dawn l-orjentazzjonijiet tal-politika sal-1 ta’ Settembru 2016. Din il-Komunikazzjoni tinkludi wkoll rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-obbligu tal-ħatt l-art, il-progress fil-kisba tal-MSY u dwar is-sitwazzjoni tal-istokkijiet tal-ħut 1 .
L-opportunitajiet tas-sajd għall-2017 se jkunu stabbiliti skont l-objettivi tal-PKS tal-2014 u abbażi tal-aħjar parir xjentifiku disponibbli 2 . Skont il-PKS, il-pressjoni tas-sajd fuq l-istokkijiet ikkonċernati għandha tiġi allinjata mal-objettiv tar-rendiment massimu sostenibbli (MSY) skont l-Artikolu 2.2 tal-PKS mill-iktar fis possibbli, u mhux aktar tard mill-2020. Meta ma jkun disponibbli l-ebda parir xjentifiku, il-Kummissjoni se tapplika l-approċċ ta' prekawzjoni f’konformità mal-objettivi tal-PKS.
Din il-komunikazzjoni tinsab fil-kuntest tal-ftehim milħuq mill-koleġiżlaturi kmieni fl-2016 dwar pjan multiannwali għall-istokkijiet fil-Baħar Baltiku 3 . Dan il-pjan ser jifforma l-bażi għall-proposti tat-TAC għall-istokkijiet ikkonċernati.
Fil-każ tal-Mediterran, minkejja li l-opportunitajiet tas-sajd mhumiex stabbiliti fil-livell tal-UE permezz tat-TAC 4 , is-sajd eċċessiv għadu prevalenti. Il-Kummissjoni tqis li hemm bżonn ta’ azzjonijiet urġenti biex is-sitwazzjoni titreġġa’ lura.
Element ieħor li jrid jiġi kkunsidrat huwa l-introduzzjoni tal-obbligu tal-ħatt l-art, fil-baħar Baltiku u fis-sajd pelaġiku (2015), u gradwalment fis-sajd demersali fl-Atlantiku u fil-baċir tal-Baħar tat-Tramuntana (2016). Fl-2017 is-sajd se jkunu koperti aktar f'dawn il-baċiri tal-baħar, kif ukoll il-flotot demersali fil-baċiri tal-Mediterran u tal-Baħar l-Iswed.
Ftehim dwar pjan multiannwali għall-istokkijiet tal-Baltiku
Pass importanti lejn il-kisba tal-objettivi tal-PKS huwa l-ftehim tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-proposta għal pjan multiannwali għall-Baħar Baltiku. Il-pjan jispeċifika l-miri tal-MSY bl-iskadenzi għall-istokkijiet ikkonċernati u jintroduċi meded tal-mortalità mis-sajd li huma konsistenti mal-kisba tal-MSY (FMSY). Dawn il-meded, stipulati minn parir xjentifiku 5 , ikopru l-livelli kollha tal-mortalità mis-sajd li jirriżultaw fl-MSY fuq perjodu ta’ żmien twil fil-Baħar Baltiku.
Il-meded FMSY jkopru żewġ partijiet. F'ċirkostanzi normali, ikun tajjeb li l-opportunitajiet tas-sajd jiġu stabbiliti skont f'dik il-parti mill-medda li fiha l-valuri aktar baxxi tal-FMSY. Il-parti tal-medda li fiha l-ogħla valuri tista' tintuża għall-iffissar tat-TAC f’ċirkostanzi speċifiċi 6 : jekk, abbażi ta' evidenza jew parir xentifiku, din tkun meħtieġa biex jinkisbu l-objettivi tal-PKS f’sitwazzjonijiet ta’ sajd imħallat jew fejn ikun hemm theddida ta’ ħsara serja kkawżata minn dinamiki fl-istokkijiet ta' speċijiet imħalltin bejniethom u ma' speċijiet oħra. L-ogħla parti tal-medda tista’ tintuża wkoll biex tillimita l-varjazzjonijiet minn sena għal sena tat-TAC (sa massimu ta’ 20 %). Meta stokk jaqa’ taħt il-livelli kkalkulati xjentifikament huma previsti miżuri ta’ rimedju biex dak l-istokk jiġi restawrat għal livell ogħla mil-livell li jippermetti l-produzzjoni rendiment massimu sostenibbli fit-tul.
Dan il-Ftehim huwa pass ’il quddiem importanti għall-implimentazzjoni tal-PKS, li tqis l-adozzjoni ta’ pjanijiet multiannwali bħala prijorità. Wara dan, il-Kummissjoni se taċċellera l-iżvilupp ta’ proposti għal pjanijiet multiannwali f'baċini oħrajn tal-baħar tal-UE.
Is-Sajd fil-Mediterran
Il-Kummissjoni tibqa' partikolarment imħassba dwar il-Baħar Mediterran. Ħafna mill-istokkijiet ivvalutati jiġu mistada f’livell ogħla sew mill-istimi tal-mira tal-MSY. Il-Mediterran qed jiffaċċja sfidi sinifikanti biex jinkiseb l-MSY għall-maġġoranza tal-istokkijiet sal-2020. Il-Kummissjoni talbet lill-partijiet ikkonċernati kollha biex jieħdu azzjoni urġenti ħalli x-xejriet dwar il-qabdiet u l-bijomassa 7 jitreġġgħu lura. Dawk kollha involuti (l-Istati Membri, il-korpi internazzjonali bħall-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran (GFCM), il-partijiet ikkonċernati) jeħtieġ li jieħdu r-responsabbiltà u jiżviluppaw miżuri konkreti biex tinkiseb is-sostenibbiltà.
Il-Kummissjoni se tkompli tippromwovi azzjonijiet permezz tal-GFCM sabiex ittejjeb l-istokkijiet kondiviżi ma’ pajjiżi terzi (eż. l-istokkijiet demersali fl-Istrett ta’ Sqallija, jew il-ħut pelaġiku żgħir u l-istokkijiet demersali tal-Baħar tal-Jonju u tal-Baħar Eġew) u se tħaffef it-tħejjija tal-proposti għal pjanijiet multiannwali tal-UE għall-istokkijiet mistada mis-sajjieda tal-UE kważi esklussivament (is-sajd tal-ħut pelaġiku żgħir tal-Adrijatiku u s-sajd demersali fil-Punent tal-Mediterran). B’mod parallel, l-Istati Membri għandhom jiffinalizzaw b’mod urġenti r-reviżjoni tal-pjanijiet nazzjonali ta’ ġestjoni 8 li jinkorporaw il-miri tal-MSY.
Proposti għall-Qabdiet Totali Permissibbli (TAC) għall-2017
Stokkijiet b'valutazzjoni tal-MSY
Biex l-MSY jinkiseb sa mhux aktar tard mill-2020, irid jiżdied is-sehem tal-stokkijiet li huma mistada f’livelli li jikkorrispondu mal-MSY. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni talbet lill-korpi konsultattivi xjentifiċi biex jimmonitorjaw l-evoluzzjoni tal-mortalità mis-sajd u tal-qagħda tal-istokkijiet fil-baċiri kollha tal-baħar tal-UE fid-dawl tal-objettiv 2020 biex jinkiseb l-MSY.
Pass importanti lejn din il-kisba huwa l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tipproponi TAC skont il-kisba tal-MSY fl-2017. minħabba f'hekk se jkun meħtieġ impenn mill-Kunsill biex jallinja d-deċiżjonijiet tiegħu għal dan l-approċċ. L-MSY jippermetti l-akbar qabda fuq perjodu indefinit mingħajr ma ssir ħsara lill-istokk.
Għall-istokkijiet b’valutazzjoni tal-MSY (għajr l-istokkijiet tal-Baħar Baltiku), għall-proposti tat-TAC għall-2017 il-Kummissjoni beħsiebha tuża il-valuri tal-punti disponibbli għall-MSY sakemm il-pjanijiet multiannwali l-ġodda jkunu ġew adottati għal baċiri oħra tal-baħar.
Dewmien fil-kisba tal-MSY lil hinn mill-2017 ikun aċċettabbli biss f'ċirkustanzi sostanzjati sew, fejn tnaqqis kbir tal-opportunitajiet tas-sajd jkun jipperikola serjament is-sostenibbiltà soċjali u ekonomika tal-flotot tas-sajd involuti. F’dawn il-każijiet eċċezzjonali, il-Kummissjoni tistenna li l-Istati Membri kkonċernati jipprovdu evidenza tanġibbli ta’ impatti soċjali u ekonomiċi bħal dawn.
Iż-żieda fin-numru ta’ stokkijiet tal-ħut li qed jiġu mistada b’konformità mal-MSY, stokkijiet aktar b’saħħithom u l-prospett ta’ rendiment akbar, taħbat mas-sitwazzjoni ġenerali mtejba f’termini tal-prestazzjoni ekonomika tal-flotta tal-UE. Eżempju ta’ sajd fl-UE li juri redditu akbar minn sajd sostenibbli huwa s-sajd għal-lingwata u għall-barbun tat-tbajja' fil-Baħar tat-Tramuntana. Il-prestazzjoni ekonomika tal-flotot li jiddependu mis-sajd għall-barbun tat-tbajja' tjiebet b’mod sinifikanti taħt il-pjan ta’ ġestjoni, li mexxa s-sajd lejn l-MSY. Peress li l-istokk ġie sfruttat fl-MSY, għas-segmenti kollha żdied l-isforz għall-ħatt l-art għal kull unità u żdied ukoll l-isforz għall-valur għal kull unità, speċjalment għall-bastimenti tat-tkarkir Ingliżi u Olandiżi. Ġiet innutata wkoll xejra ekonomika pożittiva f’xi flotot involuti f’sajd għall-merluzz tal-linja sewda. Id-dettalji huma mogħtija fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja din il-Komunikazzjoni.
Jekk il-pjanijiet multiannwali eżistenti jkunu konsistenti mas-sajd li jsir bkonformità mal-MSY fl-2017, dawn għandhom jiġu applikati. Għal pjanijiet li ma jkunux għadhom kompatibbli mal-objettiv tal-MSY, eż. għax ikunu jindkludu objettivi inqas ambizzjużi, il-Kummissjoni beħsiebha tadotta proposti għat-TAC abbażi tal-MSY fl-2017.
Għall-istokkijiet kondiviżi ma’ pajjiżi terzi (u vvalutati skont l-MSY), il-Kummissjoni tkompli tfittex ftehim mas-sħab tagħna fuq l-istess approċċ. Għall-istokkijiet li huma ġestiti mill-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd (RFMOs) il-Kummissjoni ssegwi l-approċċ stabbilit mill-Kunsill fid-direttivi ta’ negozjati għall-RFMOs, filwaqt li jinżammu l-istess standards u prinċipji bħal fl-UE.
Stokkijiet oħra
Għall-istokkijiet mingħajr valutazzjoni sħiħa tal-MSY jiġu kkunsidrati parametri alternattivi. Il- proposti għat-TAC se jkunu bbażati fuq il-parir bijoloġiku disponibbli, u bla ma tiġi pperikolata l-konservazzjoni tal-istokkijiet. Għal dawn l-istokkijiet, jistgħu jiġu identifikati għadd ta’ każijiet differenti.
Stokkijiet li għalihom hemm dejta disponibbli biex tiddetermina l-identifikaturi tal-MSY
Dawn l-istokkijiet huma vvalutati b'mudelli għat-tbassir tax-xejriet, u l-ICES jagħti parir dwar il-qbid kwantitattiv 9 . L-approċċ se jkun simili għall-istokkijiet b’valutazzjoni sħiħa tal-MSY.
L-istokkijiet b’xejriet ivvalutati permezz ta' stħarriġ jew b’serje taż-żmien tal-qbid
Fin-nuqqas tal-valutazzjoni tal-MSY, il-pariri xjentifiċi jipprovdu l-limiti tal-qbid. Il-Kummissjoni se tuża l-parir tal-ICES dwar dawn l-istokkijiet u se tikkunsidra s-sitwazzjoni abbażi ta’ każ b’każ, billi tapplika l-approċċ prekawzjonarju u tipproponi tnaqqis proporzjonat kif meħtieġ.
L-istokkijiet maħsuba bħala stabbli
Fl-2013, il-Kunsill iddeċieda li jżomm TAC mhux mibdula sal-2018 għal 26 stokk sakemm ma jintalabx aġġustament fuq parir bijoloġiku. Ġeneralment, dawn huma stokkijiet sfruttati bħala qabdiet inċidentali biss, b’livelli baxxi ta’ utilizzazzjoni tal-kwoti, ta’ importanza ekonomika baxxa, u b’informazzjoni limitata dwar l-istatus tal-istokk. Il-Kummissjoni beħsiebha tkompli b’dan l-approċċ, filwaqt li tqis l-indikazzjonijiet għal rieżami possibbli tal-ICES u tipproponi aġġustamenti tat-TAC fejn dan ikun konformi ma’ dak il-parir.
L-istokkijiet mingħajr parir bijoloġiku
Fin-nuqqas ta’ parir bijoloġiku, għandhom jiġu applikati il-proposti tat-TAC skont l-approċċ ta' prekawzjoni b'mod sistematiku, stabbilit minn qabel u trasparenti, b’konformità mal-Artikolu 2(2) tal-PKS. L-ICES qed jaħdem biex ikompli jiżviluppa għodod biex jimla l-lakuni eżistenti.
It-TACs u l-obbligu tal-ħatt l-art tal-qabdiet kollha
Skont ir-regoli tal-PKS, l-opportunitajiet tas-sajd għall-istokkijiet li jaqgħu taħt l-obbligu tal-ħatt l-art għandhom jiġu stabbiliti filwaqt li jitqiesu l-qabdiet pjuttost milli l-ħatt l-art, abbażi tal-parir bijoloġiku. Dan m’għandux jipperikola l-objettiv tal-MSY jew iżid il-mortalità mis-sajd.
Ir-rispons tal-operaturi u tal-Istati Membri enfasizza l-importanza ta' dawn l-aġġustamenti tat-TAC sabiex jiġi evitat l-hekk imsejjaħ effett ta' speċijiet bi kwota limitanti – sitwazzjonijiet fejn l-użu sħiħ tal-kwota għal stokk wieħed jista' jwassal għal interruzzjoni tas-sajd minkejja d-disponibbiltà tal-kwota għal stokkijiet oħrajn. L-aġġustamenti tat-TAC jiffurmaw parti mill-pakkett globali ta’ miżuri għall-implimentazzjoni tal-obbligu tal-ħatt l-art, inklużi l-istrateġiji dwar l-iskambju tal-kwoti mtejba u limitazzjoni kontinwa tar-rimi taħt eżenzjonijiet de minimis u ta' sopravvivenza. L-aġġustament tal-miżuri tekniċi u l-adattament reġjonalizzat tal-approċċi tas-selettività u tal-evitar iridu jaqdu wkoll rwol sinifikanti biex fil-futur jiġu evitati l-effetti ta' speċijiet bi kwota limitanti. Il-proposta tal-Kummissjoni għal qafas ġdid ta’ miżuri tekniċi 10 tkompli tikkontribwixxi biex din il-problema tittaffa.
Gruppi ta' Stati Membri f'baċiri tal-baħar differenti qed iħejju biex ikomplu jintroduċu b'mod gradwali l-obbligu tal-ħatt l-art fl-2017, li għalih mistennija kopertura akbar ta’ stokkijiet sinifikanti li jiddefinixxu s-sajd kif elenkat fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament tal-PKS tal-2014. Bħalma seħħ fl-2016, il-Kummissjoni qed tipprevedi aġġustamenti tat-TAC għall-istokkijiet li jaqgħu taħt l-obbligu tal-ħatt l-art fl-2017. Il-Kummissjoni ser tippreżenta l-metodu użat għall-kalkolu tal-aġġustamenti tat-TAC tas-sena l-oħra lill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) għall-pariri tiegħu. Meta ma tkun disponibbli l-ebda dejta vvalidata jew kompleta dwar ir-rimi, il-Kummissjoni beħsiebha tikkalkula l-aġġustamenti tat-TAC abbażi ta' esptrapolazzjonijiet ta' dejta jekk dan ikun metodoloġikament aċċettabbli.
Ma hemmx bżonn ta’ aġġustamenti tat-TACs fl-2017 għall-istokkijiet jew għall-qabdiet li għalihom l-obbligu tal-ħatt l-art jidħol fis-seħħ fis-snin ta’ wara. Fejn huma previsti aġġustamenti tat-TAC għall-istokkijiet ġestiti b’mod konġunt ma’ sħab internazzjonali (pajjiżi terzi, RFMOs), l-aġġustamenti huma soġġetti għal konsultazzjoni u negozjati ma’ dawn is-sħab.
L-iżvilupp tal-Qagħda tal-Istokkijiet
Il-progress biex jinkiseb l-MSY
Biex jirrapporta dwar il-progress fil-kisba tal-MSY, l-STECF ivvaluta l-progress tal-miri tal-MSY fuq bażi individwali għal kull stokk u għal kull baċir tal-baħar. Din il-valutazzjoni tipprovdi indikazzjonijiet dwar l-għadd ta’ stokkijiet mistada f’konformità mal-MSY, dwar il-livelli globali tal-mortalità mis-sajd u dwar il-parametri tal-bijomassa rilevanti. Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja din il-Komunikazzjoni jipprovdi d-dettalji dwar l-analiżi tal-STECF għall-2016 11 .
Valutazzjoni globali u reġjonali
Skont l-STECF, b’mod ġenerali kien hemm progress lejn l-MSY 12 . Fir-reġjuni kollha t-TAC ir-rata ta’ sajd ogħla mill-MSY naqset b’mod konsiderevoli. Is-sajd 13 meta mqabbel mal-FMSY kien 104 % fl-2014 (tnaqqis minn 147 % fl-2003 u 120 % fl-2008). L-aqwa prestazzjoni hija osservata (u l-madwar) tal-Baħar tat-Tramuntana, fejn il-medja tal-mortalità mis-sajd tal-flotot kienet 92 % meta mqabbla mal-FMSY fl-2014 (148 % fl-2003; 123 % fl-2008). Minkejja xejriet sinifikanti 'l isfel, reġjuni u sajd oħrajn għadhom jesperjenzaw sajd eċċessiv meta mqabbel mal-FMSY.
Il-Komunikazzjoni tal-2015 dwar l-opportunitajiet tas-sajd 14 irrapportat 32 stokk minn 62 stokk vvalutati tal-MSY li kienu mistada skont l-MSY fl-2013 15 . Ir-rapport tal-STECF ta' din is-sena 16 janalizza li 31 stokk minn total ta’ 59 stokk vvalutati tal-MSY kienu mistada skont l-MSY fl-2014 17 . Filwaqt li rrappurta dwar id-dejta tal-2013 u tal-2014, deher li r-rapport tal-STECF indika li x-xejra storika ta’ progress qawwi lejn l-MSY jista’ jkun qed jonqos. Dan mhux bilfors huwa minħabba sajd eċċessiv biss, iżda wkoll minħabba l-bidliet fil-kundizzjonijiet ambjentali jew fatturi bijoloġiċi oħra.
Minkejja dan, fil-Mediterran u fil-Baħar l-Iswed, l-istokkijiet huma mistada żżejjed u/jew fi stat ħażin. B’mod partikolari dan huwa l-każ fil-Mediterran għall-istokkijiet sfruttati prinċipalment jew esklussivament minn operaturi tal-UE.
Il-Baħar Baltiku
Fl-2016, fil-Baħar Baltiku ġew stabbiliti erba’ TACs fil-livell tal-MSY (l-aringa Ċentrali u tal-Punent, il-barbun tat-tbajja’) jew taħt il-livell tal-MSY (is-salamun fil-baċir ewlieni). It-TAC għall-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Punent, li tnaqqas għal numru ta’ snin, reġa’ naqas b’20 % fl-2016, u l-istokk kompla jagħti lok għal tħassib.
It-tnaqqis tat-TAC għall-aringa tal-Golf tal-Bothnia (-24 %), għall-aringa tal-Golf ta’ Riga (-10 %), għal-laċċa kaħla (-5 %) u r-riportament għas-salamun tal-Golf tal-Finlandja se jmexxi s-sajd fid-direzzjoni tal-MSY. Is-salamun tal-Golf tal-Finlandja għandu TAC ta’ prekawzjoni u l-bakkaljaw tal-Lvant jinsab taħt l-approċċ ta' stokkijiet li għalihom ftit hemm dejta. It-TAC għas-salamun fil-Baċir Ewlieni tinżamm stabbli f’livell baxx bl-għan li tikkontribwixxi iktar għat-titjib tal-istokkijiet tal-iktar xmajjar dgħajfa tas-salamun.
Il-Baħar tat-Tramuntana
Il-bakkaljaw se jiġi mistad għall-ewwel darba skont l-MSY fl-2016, li jippermetti żieda ta’ 15 % tat-TAC, u issa l-istokk qed jirkupra għal-livelli osservati f’nofs is-snin 1980. It-TAC tal-2016 għall-merluzz tal-linja sewda u għall-pollakkju iswed huma mill-ġdid b’konformità mal-MSY. Dan ippermetta żieda ta’ 30 % għall-merluzz tal-linja sewda, iżda ħtieġ tnaqqis ta’ 6 % għall-pollakkju iswed. It-TACs għall-awwist fi Skagerrak, fi Fladen Grounds, f'Firth of Forth u f’Moray Firth se jiġu mistada f’konformità mal-MSY.
L-istokkijiet l-oħra kollha huma mistada f'livell ogħla mill-FMSY, jew inkella ma saritilhomx valutazzjoni sħiħa. Il-bakkaljaw fil-Kattegat għadu f’livell baxx iżda l-bijomassa żdiedet mill-2009.
L-istokkijiet tal-ħut pelaġiku fil-Grigal tal-Atlantiku
Il-maġġoranza tal-istokkijiet tal-aringi (fil-Baħar tat-Tramuntana, fil-Baħar Irlandiż u fil-Baħar Ċeltiku) huma mistada f'konformità mal-MSY, u hemm TACs tal-2016 li jikkorrispondu għal dawn l-istokkijiet. Is-sitwazzjoni hija wkoll pożittiva għas-sawrell tan-Nofsinhar u tal-Punent u t-TAC tippermetti s-sajd f'livelli li jikkorrispondu għall-MSY fl-2016.
Abbażi tal-Arranġament tal-2014 bejn il-Gżejjer Faroe, in-Norveġja, u l-UE għal ġestjoni sostenibbli tal-kavalli, u filwaqt li titqies strateġija ta’ ġestjoni mressqa lill-ICES fl-2016, piet maqbula TAC għall-2016 li tikkorrispondi għal 20 % inqas mil-livell tal-2015. Is-sajd jibqa’ ogħla mill-FMSY. Għall-istokkafixx ma hemm l-ebda arranġament bejn l-Istati kostali. L-UE u l-Gżejjer Faeroe bbażaw il-kwoti unilaterali tagħhom fil-livell tal-FMSY, filwaqt li n-Norveġja u l-Iżlanda bbażaw il-kwoti tagħhom fuq ċifra ogħla. Fl-2016 is-sajd se jkun ħafna ogħla mill-FMSY. Ma hemm l-ebda arranġament fis-seħħ bejn l-Istati Kostali għall-aringi Atlanto-Skandiċi, iżda l-ħames Partijiet kollha qablu li jibbażaw il-kwoti unilaterali tagħhom fil-livell tal-FMSY. Is-sajd fl-2016 se jkun ftit ogħla mill-FMSY, minħabba l-kwota unilaterali ogħla tal-Faeroe.
Iż-żona Iberika tal-Atlantiku u l-Bajja ta’ Biscay
Bl-istokk tal-marlozz tat-Tramuntana tkompli xejra li qed tikber. L-istokkijiet tal-merluzz tan-Nofsinhar u tal-megrim huma f’livell ogħla mil-limiti bijoloġiċi sikuri iżda jiġu mistada f’livell ogħla mill-MSY. Il-petrika hija mistada b’mod sostenibbli u tajjeb. L-awwist (fil-Baħar tal-Kantabrija u l-Peniżola Iberika tat-Tramuntana) għadu fqir, iżda fin-Nofsinhar id-daqs tal-istokk huwa stabbli jew qed jiżdied.
L-inċova fil-Bajja ta’ Biscay hija mistada b’mod sostenibbli, l-istokk huwa riproduttiv bis-sħiħ u huwa akbar mid-daqs medju reċenti. Dal-aħħar żdiedet il-mortalità mis-sajd tal-lingwata, iżda l-istokk huwa f’limiti sikuri. Għall-Bajja ta’ Biscay u l-Ibħra Iberiċi tal-Atlantiku, huwa disponibbli biss għadd limitat ta’ valutazzjonijiet tal-istokkijiet.
Il-Punent tal-Iskozja, il-Baħar Irlandiż u l-Baħar Ċeltiku
L-istokkijiet tal-merluzz tal-linja sewda fil-Punent tal-Iskozja u fil-Baħar Irlandiż urew titjib, iżda dawk tal-bakkaljaw u tal-merlangu jibqgħu f’livelli baxxi b’livell għoli ta’ mortalità mis-sajd u ta’ rimi. Ġew żviluppati miżuri tekniċi mill-Istati Membri u mill-industrija biex titnaqqas il-mortalità tal-bakkaljaw u biex jiġu evitati qabdiet mhux mixtieqa (eż. fil-Baħar Irlandiż). Se jkunu meħtieġa sforzi sinifikanti biex id-diffikultajiet potenzjali tal-obbligu tal-ħatt l-art jiġu solvuti. Jenħtieġu aktar sforzi biex jitjiebu l-għarfien u l-valutazzjoni analitika għal diversi stokkijiet, eż. il-merlangu u l-bakkaljaw fiż-żona VI u għall-bakkaljaw tal-Baħar Irlandiż.
Fil-Baħar Ċeltiku it-TACs għall-bakkaljaw u għall-merluzz tal-linja sewda tnaqqsu b’riżultat ta’ għajbien għoli ta’ qbid reċenti. Qbid imtejjeb fl-2013 għandu jwassal għal żieda l-bijomassa tal-bakkaljaw għall-2017. Għall-merluzz tal-linja sewda, ir-rimi tal-ħut għadu problema, għalkemm naqas fost l-oħrajn bl-għajnuna ta’ strumenti obbligatorji tal-evitar. Għall-merlangu (soġġett għall-obbligu tal-ħatt l-art fl-2016) it-TAC żdiedet b’mod sostanzjali. Issa l-maġġoranza ta’ stokkijiet tal-awwist huma soġġetti għal parir tal-MSY. L-awwist tal-Porcupine Bank ikompli jiġi ġestit b'subTAC u bl-għeluq tal-istaġun.
Diversi stokkijiet li jinkludu dak tal-bakkaljaw fil-Baħar Irlandiż u l-awwist f’partijiet taż-żona IX jinsabu f’livelli baxxi ħafna. Il-lingwata fil-Kanal tal-Lvant għadha dgħajfa, u fl-2015 ġiet stabbilita strateġija ta’ ġestjoni biex l-istokk jirkupra.
L-ispeċijiet tal-baħar fond
L-opportunitajiet tas-sajd għall-istokkijiet tal-baħar fond huma ffissati f'ċiklu ta' sentejn, u f'Novembru se jiġu nnegozjati t-TACs .għall-2017 u għall-2018 Il-Kummissjoni qed timmonitorja l-impenji tal-Istati Membri li saru għall-2015 u għall-2016 u ser tkompli tqis il-karatteristiċi partikolari tal-istokkijiet.
Il-Baħar Mediterran u l-Baħar l-Iswed
Fil-Baħar Mediterran, ċertu stokkijiet tal-ħut huma sfruttati l-aktar minn bastimenti tas-sajd tal-UE, filwaqt li stokkijiet oħra huma sfruttati b'mod konġunt ma’ pajjiżi li mhumiex fl-UE. Il-livell globali ta’ sajd eċċessiv huwa ġeneralment bejn darbtejn u 3 darbiet l-FMSY 18 . Madwar 9 % tal-istokkijiet huma mistada f’livelli inqas mill-MSY, u 9 % tal-istokkijiet huma sfruttati f’livelli qrib tal-MSY 19 . Minkejja t-titjib riċenti, l-għadd ta’ stokkijiet bi status mhux magħruf għadu kbir. Għal stokkijiet bħall-merluzz, it-trilja tal-ħamra, il-petriċa żgħira u l-istokkafixx, ir-rati attwali tal-mortalità kienu sa sitt darbiet ogħla mill-MSY. Il-Kummissjoni qed taħdem fuq ġbir ta’ dejta mtejjeb għal stokkijiet rilevanti kollha, u talbet lill-STECF għal parir dwar stokkijiet ġodda.
Għal stokkijiet kondiviżi ma’ pajjiżi terzi, is-sitwazzjoni hija aktar diffiċli. Qed jitħejjew azzjonijiet kemm fil-livell tal-UE u f’dak internazzjonali għal miżuri lejn il-miri tal-MSY.
F’termini tal-impatt ekonomiku taċ-ċaqliq lejn l-MSY, l-istess qligħ potenzjali identifikat minn sajd sostenibbli fil-Baħar tat-Tramuntana u tal-Atlantiku jista' jinsab ukoll f’żoni tas-sajd Mediterranji, partikolarment fejn l-istokkijiet qed jonqsu u meta l-mortalità mis-sajd trid tonqos b’mod sinifikanti sabiex taqa’ taħt l-FMSY.
Hemm eżempji ta’ żoni tas-sajd Mediterranji fejn l-istokkijiet qed jiġu sfruttati b’rati konsistenti mal-kisba tal-MSY u l-flotot qegħdin juru tendenzi pożittivi, b’mod partikolari bil-ħatt l-art (il-gamblu roża tal-baħar fond u t-trija tal-ħama fin-Nofsinhar u ċ-Ċentru tal-Baħar Tirren). Minħabba n-natura mħallta tas-sajd fil-Mediterran, l-effetti ta’ rkupru tal-istokkijiet ma jidhrux mill-ewwel fi profitt u impjiegi għal bosta raġunijiet, fosthom il-kundizzjonijiet tas-suq u ċ-ċaqliq fil-prezzijiet.
Fil-laqgħa ta’ livell għoli dwar l-istat tal-istokkijiet Mediterranji (Katanja, Frar 2016), ġie miftiehem li hija meħtieġa azzjoni urġenti biex jitreġġgħu lura tendenzi li qed jonqsu, meta titqies l-isfida kbira biex jintlaħaq l-MSY għall-istokkijiet kollha sal-2020. Kien maqbul li l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati jeħtieġ jaħdmu flimkien mal-Kummissjoni biex jidentifikaw l-istokkijiet ewlenin u s-sajd għal azzjoni, għodod xierqa għal kull azzjoni u skeda ta’ żmien biex titreġġa' lura t-tendenza li qed tonqos: ġew identifikati l-implimentazzjoni u l-infurzar tar-regoli attwali u aktar ġbir ta’ dejta, id-disponibilità u l-analiżi.
Il-Baħar l-Iswed għadu jiffaċċa sfidi importanti ta’ governanza u ġestjoni tar-riżorsi, u dan parzjalment minħabba l-qsim tal-istokkijiet ma’ pajjiżi terzi. Il-Kummissjoni se tkompli taħdem mal-Istati Membri u l-GFCM dwar titjib.
Rapport dwar l-implimentazzjoni tal-obbligu tal-ħatt l-art 20
Ir-Regolament 2015/812 (“Omnibus”) 21 introduċa obbligu għall-Kummissjoni li tirrapporta kull sena dwar l-implimentazzjoni tal-obbligu tal-ħatt l-art 22 . Dan ir-rapport ikopri l-2015, u huwa bbażat fuq informazzjoni mill-Istati Membri, mill-Kunsilli Konsultattivi u minn sorsi oħra (assoċjazzjonijiet industrijali, NGOs).
B’mod ġenerali, l-Istati Membri jużaw firxa wiesgħa ta’ miżuri biex jippromwovu l-konformità mal-obbligu tal-ħatt l-art, inklużi siti web, pubblikazzjonijiet ta' gwida, u konsultazzjonijiet dwar rekwiżiti ġodda. Xi Stati Membri infurmaw lill-partijiet ikkonċernati b'mod attiv, oħrajn qed jaġġustaw il-liċenzjar domestiku u l-ġestjoni tal-kwoti jew jew jesploraw ġestjoni tas-sajd simplifikata u tnaqqis fil-piż regolatorju fuq is-sajjieda. Il-fehim tal-industrija dwar l-obbligi kien imfixkel minn dewmien fl-hekk imsejjaħ Regolament Omnibus.
Dwar il-kontroll u l-konformità f'xi Stati Membri l-adozzjoni tar-Regolament Omnibus damet biex ġiet infurzata, iżda b'mod ġenerali l-konformità bdiet f’Jannar 2015. Dan għen biex tinkiseb esperjenza dwar ir-realtà tal-obbligu tal-ħatt l-art, minkejja l-inċertezza dwar l-infurzar fl-Istati Membri. Il-kontroll u l-konformità kienu ġeneralment karatterizzati bħala "tagħlim bil-prattika", u kien hemm lok għal titjib u adattament. Ingħata appoġġ mill-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd, u l-Istati Membri ħadmu flimkien fuq pjanijiet għall-iskjerament konġunt. L-Istati Membri huma qed jidentifikaw ir-riskji reġjonalment kif ukoll strateġiji ta’ infurzar u ta’ monitoraġġ relatati, bl-għan li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi. Ftit kien hemm rapporti dwar ksur.
Bi tħejjija għall-obbligu tal-ħatt l-art tal-2016 għas-sajd demersali, l-industrija u l-awtoritajiet qed jikkollaboraw fi provi dwar l-għodod ta’ kontroll (eż. monitoraġġ elettroniku mill-bogħod u CCTV) biex jeżaminaw last-haul), analiżi tar-riskju tan-nuqqas ta’ konformità, u provi dwar il-qbid b'mod partikolari għal pjanijiet għall-valutazzjoni tar-riskju. F'xi reġjuni saru diskussjonijiet dwar flessibbiltà bejn l-ispeċijiet.
Il-valutazzjoni tal-impatti soċjoekonomiċi tal-obbligu tal-ħatt l-art hija diffiċli fl-istadju bikri tal-obbligu tal-ħatt l-art. Xi proġetti jitwettqu fuq valutazzjonijiet ekonomiċi. Ir-rapporti jżidu l-ammont ta’ xogħol eventwali (il-maniġġjar, it-trasport tal-qabdiet mhux mixtieqa), u ta' spiss id-dħul mill-bejgħ tal-qabdiet żgħar wisq ma jkunx biżżejjed biex ikopri l-ispejjeż addizzjonali. Il-bastimenti pelaġiċi żgħar jirraportaw telf meta jaqbdu kwantitajiet kbar ta’ speċijiet li għalihom ma jkollhomx kwota: l-industrija tenfasizza li b'mod konsiderevoli l-kiri tal-kwota huwa aktar għali minn qabel.
Huma ftit l-indikazzjonijiet speċifiċi disponibbli dwar il-ħtieġa ta' aġġustament fil-kundizzjonijiet tax-xogħol abbord u fil-faċilitajiet ta’ ħżin, iżda xi informazzjoni titlob ħtiġijiet speċifiċi, bħal rieżami tal-prattiki tas-sajd sabiex ikunu żgurati biżżejjed perjodi ta’ mistrieħ għall-ekwipaġġi, u kwistjonijiet li jirrigwardaw l-istabbiltà tal-bastimenti. Il-bidliet għall-bastimenti bi friża abbord jinkludu t-tqegħid ta' grilji fil-ħruġ tal-ilma baħar (biex jiġi evitat li l-ħut jiġi ppumpjat 'il barra) jew is-siġill taż-żrieraq tar-rimi.
Il-qabdiet żgħar li jinħattu l-art ma jistgħux jintużaw għal konsum dirett mill-bniedem. L-użu potenzjali ta’ qabdiet bħal dawn jiddependi mis-swieq (lokali) u mid-domanda tax-xerrejja jew tal-kumpaniji tal-ipproċessar. L-Istati Membri huma mistennija li jappoġġaw lill-industrija fit-tfittxija ta’ opportunitajiet ġodda (inkluż l-użu ta’ finanzjament mill-FEMS); ma ġiet irrapurata l-ebda azzjoni sinifikanti. L-Istati Membri talbu li ssir interpretazzjoni tat-terminu “konsum dirett mill-bniedem”, u l-Kummissjoni ffaċilitat djalogu dwar dan. B'selettività u evitar aħjar huwa mistenni li l-livelli ta’ qabdiet mhux mixtieqa maż-żmien jitnaqqsu.
Skont il-Fond Ewropew għas-Sajd (2007–2013), għadd ta’ proġetti tal-infrastruttura tal-port ġew iffinanzjati bl-għan tal-obbligu tal-ħatt l-art. L-appoġġ għall-implimentazzjoni tal-obbligu tal-ħatt l-art hija prevista taħt il-Programmi Operattivi 2014–2020 adottati reċentement għall-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd.
F’dan l-istadju bikri, ma ġew irrapurtati l-ebda diffikultajiet sinifikanti jew impatti kbar fuq l-operazzjonijiet tas-sajd skont l-obbligu tal-ħatt l-art għall-ħut pelaġiku u fil-Baltiku. Fil-kuntest tal-pjan multiannwali tal-Baltiku, aġġustament maqbul tal-marġni ta’ tolleranza eżistenti għas-sajd pelaġiku industrijali se jindirizza t-tħassib dwar il-livelli attwali li allegatament mhumiex funzjonabbli.
Fil-qosor, s'issa aru sforzi sinifikanti mill-industrija u mill-amministrazzjonijiet biex jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-obbligu tal-ħatt l-art. Bl-introduzzjoni tal-obbligu tal-ħatt l-art għas-sajd demersali mill-2016 ’il quddiem, l-hekk imsejħa speċijiet bi kwota limitanti huma minn ta' quddiem bħala sfida prinċipali għas-suċċess tal-implimentazzjoni tal-obbligu tal-ħatt l-art. It-tħassib tal-industrija huwa li l-ispeċijiet bi kwota limitanti jistgħu jwasslu għal tnaqqis jew dewmien fl-iskambju tal-kwoti – għodda importanti fl-aġġustament għall-obbligu tal-ħatt l-art. Il-kombinazzjoni tal-miżuri ta’ implimentazzjoni disponibbli taħt il-PKS għandha tikkontribwixxi biex din il-problema tittaffa. Madankollu, il-maniġers u l-industrija se jeħtiġilhom jikkooperaw biex isibu l-aħjar taħlita ta’ miżuri disponibbli fit-tfittxija ta’ obbligu tal-ħatt l-art li jkun vijabbli u funzjonabbli. F’Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja din il-Komunikazzjoni jingħataw aktar dettalji.
Konklużjoni
Il-Kummissjoni se tkompli l-implimentazzjoni ambizzjuża tal-PKS tal-2014 u b'mod ġenerali se tipproponi l-opportunitajiet tas-sajd għall-2017 skont il-miri tal-MSY fil-PKS, u biex tiżgura li l-għanijiet tagħha jintlaħqu mill-aktar fis possibbli. L-applikazzjoni tal-ewwel pjan multiannwali skont il-PKS tal-2014 iwitti t-triq għal introduzzjoni progressiva ta’ dan l-istrument ta' ġestjoni ta' prijorità f'baċini oħrajn tal-baħar tal-Unjoni bħala mezz biex l-objettivi ewlenin tal-PKS jinkisbu aktar faċilment.
L-Unjoni Ewropea u l-flotot tagħha qed ikomplu jagħmlu progress mil-lat tas-sostenibbiltà biex jiksbu l-objettiv tal-MSY fil-waqt. Jista' jkun li l-progress fl-ibħra tat-Tramuntana jidher li naqas, madankollu, bit-tnaqqis kontinwu fir-rata tal-imwiet b'mod globali, ma hemm l-ebda indikazzjoni li l-progress lejn il-kisba tal-mira tal-MSY sal-2020 qed jiġi pperikolat. Is-sitwazzjoni fil-Mediterran hija differenti ħafna, bi progress kajman kemm fl-għarfien dwar ir-riżorsi, u kemm fl-isfruttar sostenibbli. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tintensifika l-isforzi fuq iż-żoni li juru l-inqas progress.
Fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-obbligu tal-ħatt l-art, ma tfaċċat l-ebda problema maġġuri mill-informazzjoni inizjali mill-Istati Membri u mill-partijiet ikkonċeranti mill-introduzzjoni tiegħu fl-2015. Madankollu, hemm għad fadal għadd ta’ sfidi li ser jeħtieġu sforzi konġunti kemm mill-industrija kif ukoll għall-amministrazzjonijiet.
Skeda
L-iskeda ppjanata tax-xogħol hija kif ġej:
|
Xahar/xhur |
Azzjoni |
|
Ġunju – Settembru |
Konsultazzjoni pubblika dwar il-Komunikazzjoni |
|
Mejju/Ġunju/Ottubru |
Parir dwar l-istokk mill-ICES |
|
Lulju |
Seminar fuq il-parir dwar l-istokk mal-partijiet ikkonċernati |
|
Settembru |
Adozzjoni tal-proposti tat-TAC għall-Baħar Baltiku |
|
Ottubru |
Kunsill dwar it-TAC għall-Baħar Baltiku |
|
Adozzjoni tal-proposti tat-TAC għall-istokkijiet tal-baħar fond |
|
|
Novembru |
Kunsill dwar it-TAC għall-istokkijiet tal-baħar fond |
|
Adozzjoni tal-proposti tat-TAC għall-Atlantiku/għall-Baħar tat-Tramuntana/għall-Baħar l-Iswed |
|
|
Diċembru |
Adozzjoni tat-TAC għall-Atlantiku/għall-Baħar tat-Tramuntana/għall-Baħar l-Iswed |
Ir-Regolament (UE) 2015/812 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-L-Erbgħa, 20 ta' Mejju 2015.