IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 10.6.2016
COM(2016) 380 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-isforzi tal-Istati Membri matul l-2014 biex jinkiseb bilanċ sostenibbli bejn il-kapaċità tas-sajd u l-opportunitajiet tas-sajd
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-isforzi tal-Istati Membri matul l-2014 biex jinkiseb bilanċ sostenibbli bejn il-kapaċità tas-sajd u l-opportunitajiet tas-sajd
Introduzzjoni
Skont ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd (minn hawn ’il quddiem ir-Regolament bażiku tal-PKS)
, l-Istati Membri huma mitluba jħejju rapport annwali dwar is-sitwazzjoni tal-kapaċità tas-sajd tal-flotot tagħhom skont l-opportunitajiet tas-sajd. Sabiex jiġi ffaċilitat approċċ komuni fl-Unjoni kollha, dawn ir-rapporti tal-flotot nazzjonali jiġu ppreparati skont il-Linji Gwida għall-analiżi tal-bilanċ bejn il-kapaċità tas-sajd u l-opportunitajiet tas-sajd skont l-Art. 22 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Politika Komuni tas-Sajd (minn hawn ’il quddiem il-Linji Gwida tal-Kummissjoni) adottat mill-Kummissjoni fl-2014. Barra minn hekk, jekk xi Stat Membru jsib żbilanċ strutturali, għandu jħejji u jressaq pjan ta’ azzjoni għas-segment(i) kkonċernat(i), billi jistabbilixxi l-miri ta’ aġġustament, l-għodod u skeda taż-żmien ċara għall-implimentazzjoni tiegħu. Fuq il-bażi ta’ dawn ir-rapporti tal-flotot nazzjonali il-Kummissjoni tipprepara rapport dwar l-isforzi tal-Istati Membri biex jiksbu bilanċ sostenibbli bejn il-kapaċità tas-sajd u l-opportunitajiet tas-sajd. Dan ir-rapport ikopri s-sena 2014.
Ir-rapporti annwali u l-pjanijiet ta’ azzjoni tal-Istati Membri
It-23 Stat Membru kostali lkoll ressqu r-rapporti tagħhom lill-Kummissjoni għall-2014. Il-Kummissjoni talbet lill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (minn hawn ’il quddiem STECF) jipprovdi analiżi tal-bilanċ bejn il-kapaċità tal-flotot u l-opportunitajiet tas-sajd bl-użu ta’ metodu standard komuni għas-segmenti tal-flotot kollha tal-UE. L-indikaturi kollha tal-bilanċ pprovduti u użati fl-EWGs 15-17 tal-STECF ġew ikkalkolati skont il-Linji Gwida tal-Kummissjoni.
L-STECF ikkonkluda li saru sforzi konsiderevoli mill-Istati Membri fit-tħejjija tar-rapporti nazzjonali tagħhom. Madankollu, l-analiżi tar-rapporti nazzjonali turi li l-indikaturi mhux dejjem jistgħu jiġu kkalkulati għas-segmenti kollha tal-flotot. Dan jiġri minħabba n-nuqqas ta’ dejta, jew inkella, fil-każ tal-indikaturi ekonomiċi u tekniċi, minħabba r-raggruppament tas-segmenti (li jsir biex tkun żgurata l-protezzjoni tal-kunfidenzjalità kummerċjali). Nuqqasijiet fid-dejta jwasslu għal diffikultajiet fil-kalkolu tal-indikaturi tal-bilanċ għas-segmenti tal-flotot, u għaldaqstant ma jibqgħux affidabbli jew rappreżentattivi. Kif innutat mill-STCEF, biex titjieb il-kopertura u l-adegwatezza tal-indikaturi, l-Istati Membri jridu jipprovdu settijiet ta’ dejta aktar komprensiva b’kopertura akbar tas-segmenti tal-flotot u aktar evalwazzjoni analitika tal-istokk, li tipponta lejn dejta bijoloġika u miġbura mill-istħarriġ permezz tal-qafas għall-ġbir tad-dejta (minn hawn ’il quddiem QĠD). Barra minn hekk, id-dejta dwar il-qabdiet, aktar milli dwar il-ħatt l-art, tista’ ttejjeb il-kopertura u l-adegwatezza tal-indikaturi. Din tista’ tintrabat mad-dejta dwar il-qbid skartat li tkun ġejja mill-ġurnali ta’ abbord, fi kliem ieħor, dejta miġbura skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (minn hawn ’il quddiem ir-Regolament tal-Kontroll) u użat fil-QĠD. Kwistjoni oħra hija d-dejta dwar il-qbid u l-isforz fl-istratifikazzjoni ġeografika xierqa fil-Mediterran, li tagħmilha impossibbli biex tinħoloq rabta bejn l-isforz u l-kapaċità u fl-aħħar mill-aħħar mal-opportunitajiet tas-sajd. Barra minn hekk, id-dejta dwar is-sajd fuq skala żgħira hija problematika, għaliex l-Istati Membri ma jiġbrux dejta bl-istess mod bħal għal segmenti oħrajn tal-flotot. B’konsegwenza ta’ dan, is-sajd fuq skala żgħira huwa fil-biċċa l-kbira tiegħu mhux issorveljat f’termini ta’ sforz, ħatt l-art u qabdiet. L-analiżi turi tabilħaqq li xi segmenti tal-flotot bħall-bastimenti tat-tkarkir huma ekonomikament dipendenti fuq stokkijiet mistada f’livell ogħla mill-livelli ta' pressjoni tas-sajd tar-rendiment massimu sostenibbli (RMS). Tikkonferma wkoll l-utilizzazzjoni baxxa ta' bastimenti f’ħafna Stati Membri. Dawn l-osservazzjonijiet jiġġustifikaw it-tkomplija tal-ġestjoni u l-aġġustament tal-kapaċità attiva tal-flotot fejn meħtieġ. L-Istati Membri għandhom ikomplu jindirizzaw il-kapaċità tas-sajd tal-flotot tagħhom biex ikollhom flotot ekonomikament vijabbli li joperaw u jisfruttaw ir-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar b’mod sostenibbli.
Skont il-Politika Komuni tas-Sajd, l-Istati Membri għandhom idaħħlu miżuri sabiex jaġġustaw il-kapaċità tas-sajd tal-flotot tagħhom skont l-opportunitajiet tas-sajd tagħhom tul iż-żmien. F'sitwazzjonijiet konkreti ta' segmenti b'kapaċità żejda strutturali identifikata, il-pjan ta’ azzjoni biex jitnaqqas l-iżbilanċ huwa mezz trasparenti u effettiv biex tul iż-żmien jinżamm bilanċ bejn il-kapaċità tal-flotot tas-sajd u l-opportunitajiet tas-sajd.
Kien hemm aktar pjanijiet ta’ azzjoni mill-Istati Membri fl-2015 milli fl-2014. B’kollox, 17-il Stat Membru identifikaw is-segmenti tal-flotot li huma jqisu żbilanċjati, jew li juru sinjali potenzjali ta’ żbilanċ, bl-użu ta’ indikaturi bijoloġiċi, ekonomiċi jew tekniċi u/jew informazzjoni supplimentari, u għalhekk jeħtieġu pjanijiet ta’ azzjoni skont il-Linji Gwida tal-Kummissjoni. Ħames (5) Stati Membri oħra kkonkludew li ebda segmenti tal-flotot ma wrew biċ-ċar żbilanċ u ma ressqux pjanijiet ta’ azzjoni.
F’dan il-kuntest ir-rapport annwali għandu rwol importanti. Skont ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (minn hawn ’il quddiem ir-Regolament FEMS), is-sottomissjoni ta’ rapport nazzjonali dwar il-bilanċ bejn il-kapaċità tas-sajd u l-opportunitajiet tas-sajd skont il-linji gwida tal-Kummissjoni hija kundizzjonalità ex ante għall-approvazzjoni ta’ Programm Operazzjonali tal-FEMS. Barra minn hekk, miżuri speċifiċi ffinanzjati mill-FEMS bħall-waqfien permanenti, il-bdil ta' magni jew l-appoġġ tal-bidu għas-sajjieda żgħażagħ jistgħu biss jiġu appoġġjati mill-FEMS f’segmenti tal-flotot fejn ikun hemm kapaċità żejda identifikata (fil-każ ta’ waqfien permanenti) jew fejn ma jkun hemm l-ebda kapaċità żejda strutturali (fil-każ ta’ sostituzzjoni ta’ magna u appoġġ tal-bidu għas-sajjieda żgħażagħ).
B’hekk, il-pjanijiet ta’ azzjoni jgħinu lill-Istati Membri jidentifikaw dawk il-miżuri, inkluż il-waqfien permanenti, maħsuba biex inaqqsu l-kapaċità tas-sajd għal dawk is-segmenti li mhux meqjusa f'bilanċ mal-opportunitajiet tas-sajd tagħhom. Għall-ewwel ftit snin li ġejjin, l-appoġġ tal-FEMS għall-miżuri ta’ waqfien permanenti se jgħin biex jiġġenera tnaqqis tal-kapaċità tal-flotot tal-UE u konsegwentement tonqos il-pressjoni fuq ir-riżorsi tal-baħar.
Il-qagħda tal-kapaċità tal-flotot tas-sajd fl-Unjoni
Il-Politika Komuni tas-Sajd (minn issa 'l quddiem il-PKS) tirrikjedi wkoll li l-Istati Membri jiżguraw li mill-2014, il-kapaċità tas-sajd tal-flotot tagħhom tibqa’ taħt il-limiti massimi tal-kapaċità stabbiliti fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013. Kif innotat hawn fuq, il-kapaċità tal-flotot tissokta tiċkien. Skont ix-xejra f’dawn l-aħħar għaxar snin (Ara l-Anness III u IV), bejn Jannar 2014 u Novembru 2015, il-kapaċità tas-sajd tat-28 Stat Membru tal-UE naqset b’0.8% f’kilowatts (KW) u b’1.3% f’tunnellaġġ gross (TG) (Ara l-Anness I).
Minn Novembru 2015 'il hawn, fir-reġistru tal-flotot tal-UE kien hemm 85,065 bastiment reġistrati b’kapaċità ġenerali ta’ 1. 627,125 TG u 6.474,617 KW. Dan juri tnaqqis fl-2015 (mingħajr ir-reġjuni ultraperiferiċi) ta' 0,6% fl-għadd ta’ bastimenti (Ara l-Anness I). Il-kapaċità tas-sajd tal-flotta tal-UE kienet 18,42% inqas mil-limiti massimi tal-kapaċità għat-tunnellaġġ u 11,60 % inqas mil-limiti massimi għall-kilowatts (Ara l-Graff 1). Għar-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni Ewropea li jirrappreżentaw 5.4 % tal-flotta totali tal-UE, matul il-perjodu bejn Jannar 2014 u Novembru 2015, il-kapaċità tal-flotta naqset b’0.1 % f’TG u żdiedet b’0.9 f'KW (ara l-Anness V).
Biex tkun żgurata l-preċiżjoni tal-kejl fir-reġistru tal-flotot, f'konformità mar-Regolament tal-Kontroll, l-Istati Membri huma obbligati jiċċertifikaw l-magni ġodda u l-magni sostituti u mmodifikati teknikament ta’ aktar minn 120 k; għall-bastimenti soġġetti għal reġim tal-isforz tas-sajd minn Jannar 2012 u għall-bastimenti kollha minn Jannar 2013. Barra minn hekk, skont ir-Regolament tal-Kontroll, l-Istati Membri għandhom jagħmlu verifika tad-dejta fuq il-bażi tal-pjanijiet tat-teħid ta’ kampjuni. Bl-istess mod, meta l-informazzjoni tindika li l-qawwa tal-magna tkun akbar mill-qawwa ddikjarata fuq il-liċenzja tas-sajd tal-bastiment, l-Istati Membri jridu jwettqu verifiki fuq il-post.
Mill-aħħar ta’ Diċembru 2015, tmintax-il Stat Membru adottaw pjan għat-teħid ta’ kampjuni għall-verifika tal-qawwa tal-magna.
Bħala riżultat ta’ 16-il każ prekontenzjuż fl-UE, il-Kummissjoni rċeviet mill-Istati Membri l-pjanijiet kollha għat-teħid ta’ kampjuni dwar il-qawwa tal-magni. Il-Kummissjoni bħalissa qed twettaq xi verifiki sabiex timmonitorja l-implimentazzjoni effettiva tagħhom.
Fil-perjodu bejn l-2007 u l-2015, l-Istati Membri użaw miżuri ta’ waqfien permanenti skont il-Fond Ewropew għas-Sajd biex jiddekommissjonaw bastimenti mill-flotot tagħhom u jnaqqsu l-kapaċità (ara l-Graff 2). Bejn l-2007 u l-31 ta’ Mejju 2014, bl-għajnuna pubblika ġew dekommissjonati 4,267 bastiment, u b’kollox in-nefqa pubblika kważi laħqet EUR 935 miljun, li EUR 546 miljun minnhom kienu kontribuzzjoni mill-FES (Ara l-Anness VII). Il-bastimenti dekommissjonati b’għajnuna mill-FES ma jistgħux jiġu sostitwiti, u b’hekk ikun żgurat li l-kapaċità totali tal-flotta titnaqqas. 2,077 bastiment ieħor (TG 88014.37 — KW 215320.6) ġew irtirati mill-flotta mingħajr għajnuna pubblika, għalkemm il-kapaċità rtirata mingħajr għajnuna pubblika tista' tiġi introdotta mill-ġdid.
Il-flotot fir-reġjuni ultraperiferiċi ta’ Spanja, ta’ Franza u tal-Portugall ukoll qegħdin taħt il-limiti massimi tal-kapaċitajiet rispettivi tagħhom. Dawn il-flotot (għadd totali ta' bastimenti tas-sajd 4,562) jitqiesu b’mod separat mill-flotot kontinentali fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1380/2013. F’Novembru 2015, il-limiti massimi ġenerali għar-reġjuni ultraperiferiċi naqsu bi ftit (-1.4 %).
Il-Valutazzjoni Reġjonali
Il-Grigal tal-Atlantiku
Il-kapaċità tas-sajd f’termini ta’ tunnellaġġ gross (TG) u f’kilowatt (KW) naqset b’mod ġenerali wara t-tendenza ta’ dawn l-aħħar snin. L-STECF jirrapporta li għal ħafna segmenti ta' flotot fil-Grigal tal-Atlantiku li għalihom setgħu jiġu kkalkulati l-valuri tal-indikaturi ekonomiċi, tekniċi u bijoloġiċi, il-valuri matul il-perjodu 2009-2013 kienu qed jindikaw progressivament anqas żbilanċ bejn il-kapaċità tas-sajd u l-opportunitajiet tas-sajd. Fil-Grigal tal-Atlantiku, fil-Baħar tat-Tramuntana u fil-Baħar Baltiku, is-sajd mexa 'l quddiem b’mod ġenerali lejn rendiment massimu sostenibbli (RMS). Dan ukoll jista’ jkun marbut mat-tnaqqis kontinwu tal-limiti tal-kapaċità tal-flotot li nkisbu matul l-aħħar snin.
Il-Baħar Mediterran u l-Baħar l-Iswed
Il-qagħda tal-istokkijiet fil-Baħar Mediterran u fil-Baħar l-Iswed turi li kważi 92 % tal-istokkijiet studjati huma mistada żżejjed. F’dan ir-rigward, l-Istati Membri ppreżentaw għadd ta’ pjanijiet ta’ azzjoni lill-Kummissjoni sabiex jindirizzaw sitwazzjonijiet ta’ żbilanċ. Dwar l-indikaturi ekonomiċi l-STECF jirrapporta li t-tendenzi fir-rendiment matul 2009-2013 kienu qed jitjiebu għall-maġġoranza tas-segmenti tal-flotot. Il-valuri għall-proporzjon bejn l-utilizzazzjoni u l-bastimenti jindikaw żbilanċ dejjem akbar għal ħafna mis-segmenti tal-flotot li ġew ivvalutati matul dak il-perjodu.
L-osservazzjonijiet mir-rapporti tal-Istati Membri u mill-analiżi tal-STECF
Abbażi tal-analiżi tal-STECF jistgħu jsiru l-konklużjonijiet li ġejjin:
1.Sar progress konsiderevoli fil-kwalità tar-rapporti nazzjonali mressqa. Madankollu, sabiex tiżdied il-konsistenza tal-valuri tal-indikaturi li jirriżultaw, il-kopertura u l-kwalità tal-indikaturi tal-bilanċ, speċjalment l-indikaturi bijoloġiċi, għandhom jittejbu.
2.L-analiżi tal-STECF turi li xi indikaturi ma setgħux jiġu kkalkulati għas-segmenti kollha tal-flotot minħabba n-nuqqas ta’ dejta, jew inkella, fil-każ tal-indikaturi ekonomiċi u tekniċi, minħabba r-raggruppament tas-segmenti flimkien, li jsir biex tkun protetta l-kunfidenzjalità kummerċjali.
3.Fl-2014, kien hemm żieda ġenerali fl-għadd ta’ segmenti tal-flotot li għalihom l-Istati Membri identifikaw kapaċità strutturali żejda. B’riżultat ta’ dan, tressqu 17-il pjan ta’ azzjoni mill-Istati Membri li jinkludu l-miri ta’ aġġustament u l-għodod biex jinkiseb bilanċ bejn il-kapaċità tas-sajd u l-opportunitajiet tas-sajd kif ukoll skeda ċara taż-żmien għall-implimentazzjoni tagħhom. L-Istati Membri għażlu varjetà ta’ miżuri għat-tnaqqis tal-kapaċità inkluż l-introduzzjoni ta’ konċessjonijiet tas-sajd trasferibbli jew waqfien permanenti bil-ħsieb ta' appoġġ mill-FEMS.
4.L-introduzzjoni ta’ kondizzjonalità ex-ante dwar il-preżentazzjoni ta’ rapport tal-flotot skont il-linji gwida tal-Kummissjoni, bħala parti mill-approvazzjoni ta’ Programm Operazzjonali tal-FEMS, saħħet ir-rabta bejn il-finanzjament tal-UE u l-konformità mar-regoli tal-PKS.
5.Ħarsa ġenerali tal-flotta tal-UE turi utilizzazzjoni baxxa ta' bastimenti. F’xi Stati Membri l-livell huwa xi ftit ogħla. L-ogħla livelli ta’ inattività jidhru fil-flotot ta’ bastimenti ta' skala żgħira, jiġifieri bastimenti ta' inqas minn 12m. 93% tal-bastimenti inattivi kienu taħt it-12-il metru bħala tul, filwaqt li l-bastimenti ta’ bejn it-12m u l-24m ammontaw għal 6% u l-bastimenti ta’ aktar minn 24m kienu inqas minn 2% tal-bastimenti inattivi (Ara l-Graff 3).
6.B’mod ġenerali, kien hemm progress sinifikanti fis-snin reċenti fl-isforzi biex jinkiseb bilanċ bejn il-kapaċità tas-sajd u l-opportunitajiet tas-sajd madwar l-UE. It-tnaqqis fil-kapaċità tal-flotot f’dawn l-aħħar snin għen biex titjieb is-sitwazzjoni tal-istokkijiet tal-ħut li huma sfruttati żżejjed, u dan qed iwassal lejn id-direzzjoni tal-miri tar-rendiment massimu sostenibbli. Barra minn hekk, implimentazzjoni aħjar tal-Linji Gwida għenet biex titjieb l-analiżi ta’ żbilanċ ġewwa l-flotot differenti. Madankollu, rapporti mill-Istati Membri jiżvelaw li għal ċerti segmenti tal-flotot, jinħtieġu aktar sforzi biex jitnaqqsu l-iżbilanċi identifikati, speċjalment fil-Baħar Mediterran.