IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 2.6.2016
COM(2016) 356 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Aġenda Ewropea għall-ekonomija kollaborattiva
{SWD(2016) 184 final}
1. Introduzzjoni
L-ekonomija kollaborattiva toħloq opportunitajiet ġodda għall-intraprendituri u għall-konsumaturi. Il-Kummissjoni tqis għalhekk li l-ekonomija kollaborattiva tista' tagħti kontribut importanti għall-impjiegi u t-tkabbir fl-Unjoni Ewropea, dment li titħeġġeġ u tiġi żviluppata b'mod responsabbli. Xprunati mill-innovazzjoni, il-mudelli tan-negozju ġodda għandhom potenzjal sinifikanti biex jikkontribwixxu għall-kompetittività u t-tkabbir. Is-suċċess ta' pjattaformi kollaborattivi kultant jippreżentaw sfida għall-operaturi u l-prattiki eżistenti tas-suq, iżda billi jippermettu lil ċittadini individwali biex joffru servizzi, dawn jippromwovu wkoll opportunitajiet ta' impjiegi ġodda, arranġamenti tax-xogħol flessibbli u sorsi ġodda ta' dħul. Għall-konsumaturi, l-ekonomija kollaborattiva tista' tipprovdi benefiċċji permezz ta' servizzi ġodda, forniment estiż, u prezzijiet aktar baxxi. Din tista' tħeġġeġ ukoll aktar kondiviżjoni tal-assi u użu aktar effiċjenti tar-riżorsi, li jistgħu jikkontribwixxu għall-aġenda ta' sostenibbiltà tal-UE u għat-tranżizzjoni lejn l-ekonomija ċirkolari.
Fl-istess ħin, l-ekonomija kollaborattiva kultant tqajjem kwistjonijiet rigward l-applikazzjoni tal-oqfsa legali eżistenti, u ċċajpar il-linji stabbiliti bejn il-konsumatur u l-fornitur, l-impjegat u l-persuna li taħdem għal rasha, jew il-forniment professjonali u mhux professjonali ta' servizzi. Dan jista' jirriżulta f'inċertezza dwar ir-regoli applikabbli, b'mod speċjali meta jkunu magħquda mal-frammentazzjoni regolatorja li tirriżulta minn approċċi regolatorji diverġenti fil-livell nazzjonali jew lokali. Dan jostakola l-iżvilupp tal-ekonomija kollaborattiva fl-Ewropa u ma jħallix il-benefiċċji tagħha jimmaterjalizzaw kompletament. Fl-istess ħin, hemm ir-riskju li ż-żoni regolatorji griżi jiġu sfruttati bil-għan li jiġu evitati r-regoli mfassla biex jippreżervaw l-interess pubbliku.
L-ekonomija kollaborattiva hija żgħira imma qed tikber b'mod mgħaġġel, u qed tikseb ishma tas-suq importanti f'xi setturi. Id-dħul gross fl-UE minn pjattaformi u fornituri kollaborattivi kien stmat għal EUR 28 biljun fl-2015. Id-dħul fl-UE f'ħames setturi prinċipali kważi rdoppja meta mqabbel mas-sena ta' qabel u mistenni jkompli jespandi sew. It-tkabbir ilu b'saħħtu mill-2013 u aċċellera fl-2015 hekk kif pjattaformi kbar investew b'mod sinifikanti fl-espansjoni tal-operazzjonijiet Ewropej tagħhom. Jekk inħarsu 'l quddiem, xi esperti jistmaw li l-ekonomija kollaborattiva tista' żżid EUR 160-572 biljun mal-ekonomija tal-UE. Għalhekk hemm potenzjal għoli għan-negozji l-ġodda biex jaħsdu dawn l-ekonomiji li qed jikbru b'pass mgħaġġel. L-interess tal-konsumatur huwa tabilħaqq b'saħħtu, kif ikkonfermat minn konsultazzjoni pubblika u sondaġġ tal-Ewrobarometru.
Din il-Komunikazzjoni timmira li tgħin fil-ksib ta' dawn il-benefiċċji u li tindirizza t-tħassib dwar l-inċertezza dwar id-drittijiet u l-obbligi ta' dawk li qed jieħdu sehem fl-ekonomija kollaborattiva. Hija tagħti gwida legali u orjentament ta' politika lill-awtoritajiet pubbliċi, lill-operaturi tas-suq u liċ-ċittadini interessati għall-iżvilupp bilanċjat u sostenibbli tal-ekonomija kollaborattiva, kif imħabbar fl-istrateġija tas-suq uniku.Din il-gwida mhux vinkolanti tal-Kummissjoni dwar kif il-liġi eżistenti tal-UE għandha tkun applikata għall-ekonomija kollaborattiva tkopri kwistjonijiet prinċipali li jiffaċċjaw kemm l-operaturi tas-suq kif ukoll l-awtoritajiet pubbliċi. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-inizjattivi li l-Kummissjoni tista' tieħu fil-futur f'dan il-qasam u għall-prerogattivi tal-Qorti tal-Ġustizzja rigward l-interpretazzjoni tal-liġi tal-UE
X'inhi l-ekonomija kollaborattiva?
Għall-fini ta' din il-Komunikazzjoni, it-terminu "ekonomija kollaborattiva" jirreferi għal mudelli tan-negozju fejn l-attivitajiet huma ffaċilitati minn pjattaformi kollaborattivi li joħolqu suq miftuħ għall-użu temporanju ta' prodotti jew servizzi ta' spiss pprovduti minn individwi privati. L-ekonomija kollaborattiva tinvolvi tliet kategoriji ta' atturi: (i) fornituri tas-servizzi li jikkondividu assi, riżorsi, ħin u/jew ħiliet — dawn jistgħu jkunu individwi privati li qed joffru servizzi fuq bażi okkażjonali ("pari") jew fornituri tas-servizzi li jaġixxu fil-kapaċità professjonali tagħhom ("fornituri ta' servizzi professjonali"); (ii) l-utenti ta' dawn; u (iii) intermedjarji li jikkollegaw — permezz ta' pjattaforma online — fornituri mal-utenti u li jiffaċilitaw it-tranżazzjonijiet bejniethom ("pjattaformi kollaborattivi"). It-tranżazzjonijiet tal-ekonomija kollaborattiva ġeneralment ma jinvolvux bidla fis-sjieda u jistgħu jitwettqu għall-qligħ jew mingħajr skop ta' qligħ.
|
2. Kwistjonijiet prinċipali
2.1. Rekwiżiti tal-aċċess għas-suq
Flimkien mal-ħolqien ta' swieq ġodda u l-espansjoni ta' dawk eżistenti, in-negozji tal-ekonomija kollaborattiva jidħlu fi swieq li sal-lum kienu servuti minn fornituri ta' servizzi tradizzjonali Kwistjoni ewlenija li tolqot lill-awtoritajiet u l-operaturi tas-suq l-istess hija jekk u sa liema punt, skont il-liġi eżistenti tal-UE, il-pjattaformi kollaborattivi u l-fornituri tas-servizzi jistgħu jkunu soġġetti għal rekwiżiti tal-aċċess għas-suq. Dawn jistgħu jinkludu awtorizzazzjonijiet tan-negozju, obbligi ta' liċenzjar, jew rekwiżiti ta' standards minimi tal-kwalità (eż. id-daqs tal-kmamar jew it-tip ta' karozzi, obbligi ta' assigurazzjoni jew ta' depożitu, eċċ). Skont il-liġi tal-UE, jeħtieġ li rekwiżiti bħal dawn ikunu ġustifikati u proporzjonati, billi wieħed iqis l-ispeċifiċitajiet tal-mudell tan-negozju u tas-servizzi innovattivi konċernati, filwaqt li mudell tan-negozju partikolari ma jiġix ippreferut minn ieħor.
Forniment professjonali ta' servizzi
L-approċċi regolatorji nazzjonali jvarjaw f'diversi setturi, b'uħud minnhom aktar restrittivi minn oħrajn. Skont it-tip ta' servizz, l-intervent regolatorju normalment huwa motivat b'referenza għall-objettivi differenti ta' interess pubbliku: il-protezzjoni tat-turisti; l-iżgurar tas-sikurezza pubblika; il-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa; iż-żamma ta' kundizzjonijiet ekwi; is-salvagwardja tas-saħħa pubblika u s-sikurezza alimentari; ir-rimedju tal-iskarsezza ta' akkomodazzjoni affordabbli għaċ-ċittadini, eċċ. F'ċerti Stati Membri, minbarra r-regolamentazzjoni eżistenti speċifika għas-settur, kien hemm interventi regolatorji mmirati, xprunati mid-dħul fis-suq ta' operaturi tal-ekonomija kollaborattiva.
Skont il-liġi tal-UE, b'mod partikolari l-libertajiet fundamentali tat-Trattat u d-Direttiva dwar is-Servizzi, il-fornituri tas-servizzi mhumiex soġġetti għar-rekwiżiti tal-aċċess għas-suq jew għal rekwiżiti oħra, bħal skemi ta' awtorizzazzjoni u rekwiżiti ta' liċenzjar, dment li jkunu nondiskriminatorji, meħtieġa biex jinkiseb objettiv ta' interess pubbliku identifikat b'mod ċar u proporzjonati biex jinkiseb dan l-interess (jiġifieri li ma jkunu jimponu l-ebda rekwiżit ieħor minn dawk strettament meħtieġa). Dan japplika wkoll għar-regolazzjoni tal-professjonijiet.
Id-Direttiva dwar is-Servizzi tirrikjedi li l-awtoritajiet nazzjonali jirrevedu l-leġiżlazzjoni nazzjonali eżistenti biex jiżguraw li r-rekwiżiti tal-aċċess għas-suq ikomplu jkunu ġġustifikati minn objettiv leġittimu. Dawn għandhom ikunu wkoll meħtieġa u proporzjonati. Kif enfasizzat il-Kummissjoni fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2016, regolamentazzjoni aktar flessibbli tas-swieq tas-servizzi tkun twassal għal produttività ogħla u tista' tiffaċilita d-dħul fis-suq ta' atturi ġodda, tnaqqas il-prezz għas-servizzi, u tiżgura għażliet akbar għall-konsumaturi.
L-eżistenza ġdida tal-ekonomija kollaborattiva u d-dħul fis-suq ta' mudelli tan-negozju ġodda jipprovdu opportunità għal dawk li jfasslu l-politika u għal-leġiżlaturi fl-Istati Membri. Dawn jistgħu jikkunsidraw jekk l-objettivi segwiti fil-leġiżlazzjoni eżistenti jibqgħux validi, kemm fir-rigward tal-ekonomija kollaborattiva kif ukoll ta' fornituri ta' servizzi li qed joperaw b'mod tradizzjonali.
Meta jivvalutaw mill-ġdid il-ġustifikazzjoni u l-proporzjonalità tal-leġiżlazzjoni applikabbli għall-ekonomija kollaborattiva, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom ġeneralment jikkunsidraw il-karatteristiċi speċifiċi tal-mudelli tan-negozju tal-ekonomija kollaborattiva u l-għodod li jistgħu jistabbilixxu biex jindirizzaw tħassib dwar ta' politika pubblika, pereżempju fir-rigward tal-aċċess, il-kwalità jew is-sikurezza. Pereżempju, is-sistemi ta' klassifikazzjoni u reputazzjonali jew mekkaniżmi oħra biex jiskoraġġixxu mġiba li tagħmel il-ħsara mill-parteċipanti tas-suq jistgħu f'ċertu każijiet inaqqsu r-riskji għall-konsumaturi li jirriżultaw minn asimetriji tal-informazzjoni. Dan jista' jikkontribwixxi għal servizzi ta' kwalità ogħla u potenzjalment inaqqas il-ħtieġa għal ċerti elementi ta' regolamentazzjoni, sakemm tista' titpoġġa fiduċja adegwata fil-kwalità tar-reviżjonijiet u l-klassifikazzjonijiet.
Projbizzjonijiet assoluti u restrizzjonijiet kwantitattivi ta' attività normalment jikkostitwixxu l-aħħar rimedju. Dawn għandhom b'mod ġenerali jkunu applikati biss jekk u fejn ma jkunux jistgħu jintużaw rekwiżiti xejn inqas restrittivi biex jinkiseb objettiv ta' interess pubbliku leġittimu. Pereżempju, il-projbizzjoni ta' kiri b'terminu qasir ta' appartamenti ġeneralment jidher li huwa diffiċċli li tiġi ġġustifikata meta l-użu għal kiri b'terminu qasir ta' proprjetajiet jista' pereżempju jkun limitat għal numru massimu ta' jiem fis-sena. Dan jippermetti liċ-ċittadini jikkondividu l-proprjetajiet tagħhom fuq bażi okkażjonali mingħajr ma jirtiraw il-proprjetà mis-suq tal-kiri għal perjodu twil.
Barra dan, fejn il-fornituri ta' servizzi huma meħtieġa b'mod leġittimu li jiksbu awtorizzazzjonijiet fuq il-bażi tal-liġi nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kundizzjonijiet biex jiksbuhom huma, fost affarijiet oħra, ċari, proporzjonati u oġġettivi u li l-awtorizzazzjonijiet huma fil-prinċipju mogħtija għal perjodu ta' żmien mhux limitat. Barra minn hekk, il-proċeduri u l-formalitajiet amministrattivi rilevanti jridu wkoll ikunu ċari, trasparenti u mhux komplikati aktar milli dovut, filwaqt li l-ispejjeż tagħhom għall-fornituri għandhom ikunu raġonevoli u proporzjonati għall-ispiża tal-proċedura inkwistjoni u l-proċeduri għandhom ikunu veloċi kemm jista' jkun possibbli u soġġetti għal approvazzjoni taċita. L-użu tal-aħjar prattiki u prinċipji tal-gvern elettroniku jista' jbaxxi b'mod sinifikanti l-ispejjeż u l-piż tal-konformità għall-fornituri tas-servizzi.
Forniment ta' servizzi bejn il-pari
Fil-kuntest tal-ekonomija kollaborattiva, element importanti biex jiġi vvalutat jekk rekwiżit ta' aċċess għas-suq huwiex meħtieġ, ġustifikat u proporzjonat, jista' jkun jekk is-servizzi humiex offruti minn fornituri professjonali jew inkella minn individwi privati fuq bażi okkażjonali. Fil-fatt, karatteristika speċifika tal-ekonomija kollaborattiva hija li l-fornituri tas-servizzi ħafna drabi huma individwi privati li joffru assi jew servizzi fuq bażi okkażjonali bejn il-pari. Fl-istess ħin, intraprendituri mikro u negozji żgħar qegħdin dejjem iżjed jużaw pjattaformi kollaborattivi.
Il-leġiżlazzjoni tal-UE ma tistabbilixxix espressament f'liema punt pari jsir fornitur ta' servizzi professjonali fl-ekonomija kollaborattiva. L-Istati Membri jużaw kriterji differenti biex jiddifferenzjaw bejn servizzi professjonali u servizzi bejn il-pari. Xi Stati Membri jiddefinixxu s-servizzi professjonali bħala servizzi pprovduti b'remunerazzjoni mqabbla ma' servizzi bejn il-pari li għandhom l-għan li jikkumpensaw l-ispejjeż magħmula mill-fornitur tas-servizzi. Stati Membri oħra introduċew differenzjazzjoni bl-użu ta' limiti massimi. Dawn il-limiti massimi ta' spiss huma żviluppati fuq bażi speċifika għas-settur b'kunsiderazzjoni tal-livell ta' dħul iġġenerat jew ir-regolarità li biha huwa pprovdut is-servizz.Taħt dawn il-limiti massimi, il-fornituri tas-servizzi normalment huma soġġetti għal rekwiżiti inqas restrittivi. Limiti massimi, stabbiliti b'mod raġonevoli, jistgħu jkunu approssimazzjoni utli u jistgħu jgħinu joħolqu qafas regolatorju ċar għall-benefiċċju ta' fornituri mhux professjonali.
Pereżempju, fis-settur tat-trasport, xi Stati Membri qed jippreparaw biex jeżentaw servizzi tat-trasport tal-passiġġieri ta' skala żgħira — li jaqgħu taħt limitu massimu speċifiku ta' fatturat annwali — mir-rekwiżiti ta' liċenzjar. Fis-settur tal-akkomodazzjoni b' terminu qasir, ċerti bliet jippermettu kirjiet b'terminu qasir u servizzi ta' kondiviżjoni ta' djar mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel jew rekwiżiti ta' reġistrazzjoni. Dan huwa l-każ meta s-servizzi huma pprovduti fuq bażi okkażjonali, jiġifieri sa limiti massmi speċifiċi bħal inqas minn 90 jum fis-sena. Bliet oħra japplikaw regoli differenti skont jekk il-proprjetà hijiex residenza primarja jew sekondarja, bis-suppożizzjoni li r-residenza primarja ta' ċittadin tista' tinkera biss fuq bażi okkażjonali.
Pjattaformi kollaborattivi
Jekk huwiex il-każ jew le li – u sa liema livell – il-pjattaformi kollaborattivi jistgħu jkunu soġġetti għal rekwiżiti tal-aċċess għas-suq jiddependi fuq in-natura tal-attivitajiet tagħhom. Dment li pjattaformi kollaborattivi jipprovdu "servizz normalment ipprovdut għal remunerazzjoni, mill-bogħod, permezz ta' mezzi elettroniċi u fuq it-talba individwali ta' riċevitur ta' servizzi," dawn jipprovdu servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni. Għalhekk, ma jistgħux ikunu soġġetti għal awtorizzazzjonijiet minn qabel jew għal kwalunkwe rekwiżit ekwivalenti li huwa mmirat speċifikament u esklussivament lejn dawk is-servizzi. Barra dan, l-Istati Membri jistgħu jimponu biss rekwiżiti regolatorji fuq il-pjattaformi kollaborattivi li jipprovdu servizzi bħal dawn bejn fruntiera u oħra minn Stat Membru ieħor, f'ċirkostanzi limitati u soġġett għal proċedura speċifika.
Madankollu, jista' jkun hemm każijiet fejn il-pjattaformi kollaborattivi jistgħu jitqiesu li qed joffru servizzi oħrajn minbarra s-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni li joffru lil intermedjarji bejn il-fornituri tas-servizzi sottostanti u l-utenti tagħhom. B'mod partikolari, f'ċertu ċirkostanzi, pjattaforma tista' tkun ukoll fornitur tas-servizz sottostanti (eż. servizz ta' trasport jew ta' kiri b'terminu qasir). F'każ bħal dan, pjattaformi kollaborattivi jistgħu jkunu soġġetti għar-regolamentazzjoni rilevanti speċifika għas-settur, inkluż rekwiżiti ta' awtorizzazzjoni u liċenzjar tan-negozju ġeneralment applikati għall-fornituri ta' servizzi, bil-kundizzjonijiet stabbiliti fit-taqsimiet preċedenti.
Jekk pjattaforma kollaborattiva tipprovdix ukoll is-servizz sottostanti normalment irid jiġi stabbilit fuq bażi ta' każ b'każ. Diversi kriterji fattwali u legali jistgħu jkollhom rwol f'dan ir-rigward. Il-livell ta' kontroll jew influwenza li l-pjattaforma kollaborattiva teżerċita fuq il-fornitur ta' servizzi bħal dawn ġeneralment ser ikunu ta' importanza sinifikanti. Dan jista' jiġi stabbilit b'mod partikolari fid-dawl tal-kriterji prinċipali li ġejjin:
Prezz: jekk il-pjattaforma kollaborattiva tistabbilixxix il-prezz finali li jrid jitħallas mill-utent, bħala r-riċevitur tas-servizz sottostanti. Fejn il-pjattaforma kollaborattiva qiegħda biss tirrakkomanda prezz jew fejn il-fornitur tas-servizzi sottostanti huwa liberu li jadatta l-prezz stabbilit minn pjattaforma kollaborattiva, dan jindika li dan il-kriterju jista' ma jintlaħaqx.
Termini kuntrattwali prinċipali oħra: jekk il-pjattaforma kollaborattiva tistabbilixxix termini u kundizzjonijiet, minbarra l-prezz, li jiddeterminaw ir-relazzjoni kuntrattwali bejn il-fornitur tas-servizzi sottostanti u l-utent (bħal pereżempju l-istabbiliment ta' struzzjonijiet obbligatorji għall-forniment tas-servizz sottostanti, inkluż kwalunkwe obbligu għall-forniment tas-servizz).
Sjieda tal-assi prinċipali: jekk il-pjattaforma kollaborattiva tipposjediex l-assi prinċipali użati għall-forniment tas-servizz sottostanti.
Meta dawn it-tliet kriterji jiġu ssodisfati kollha, hemm indikazzjonijiet ċari li l-pjattaforma kollaborattiva teżerċita influwenza jew kontroll sinifikanti fuq il-fornitur tas-servizz sottostanti, li jista' jindika li din għandha titqies li tipprovdi wkoll is-servizz sottostanti (minbarra servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni).
Skont il-każ involut, jista' jkun li kriterji oħrajn ikollhom rwol ukoll. Pereżempju, jekk il-pjattaforma kollaborattiva ġġarrabx l-ispejjeż u terfax ir-riskji kollha relatati mal-forniment tas-servizz sottostanti. Jew jekk teżistix relazzjoni ta' impjieg bejn il-pjattaforma kollaborattiva u l-persuna li qed tipprovdi s-servizz sottostanti inkwistjoni (ara t-Taqsima 2.4). Dawn l-elementi jistgħu jindikaw li l-pjattaforma kollaborattiva teżerċita livell għoli ta' kontroll u influwenza fuq il-forniment tas-servizz sottostanti.
Bil-kontra ta' dan, il-pjattaformi kollaborattivi jistgħu sempliċement jgħinu lill-fornitur tas-servizzi sottostanti billi joffru l-possibbiltà li dan iwettaq ċerti attivitajiet li huma anċillari għas-servizzi ċentrali tas-soċjetà tal-informazzjoni offruti mill-pjattaforma biex tintermedja bejn il-fornitur tas-servizzi sottostanti u l-utenti tagħhom (eż. permezz tal-forniment ta' faċilitajiet ta' ħlas, kopertura ta' assigurazzjoni, servizzi ta' wara l-bejgħ, eċċ). Dan, fih innifsu, ma jikkostitwixxix evidenza ta' influwenza u kontroll fir-rigward tas-servizz sottostanti. Bl-istess mod, li jingħataw mekkaniżmi tal-klassifikazzjoni jew tar-reviżjoni tal-utenti mhijiex fiha nnifisha prova ta' influwenza jew kontroll sinifikanti. Madankollu, b'mod ġenerali, aktar ma l-pjattaformi kollaborattivi jiġġestixxu u jorganizzaw l-għażla tal-fornituri tas-servizzi sottostanti u l-mod li bih dawk is-servizzi sottostanti jitwettqu — pereżempju billi jivverifikaw u jiġġestixxu direttament il-kwalità tat-tali servizzi — aktar isir ovvju li l-pjattaforma kollaborattiva jista' jkollha titqies li qed tipprovdi wkoll is-servizzi sottostanti hi stess.
Għalhekk, pjattaforma kollaborattiva li tipprovdi servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni fis-settur tal-kiri b'terminu qasir tista' biss tipprovdi servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni u mhux flimkien ukoll mas-servizz tal-akkomodazzjoni jekk, pereżempju, il-fornitur tas-servizz tal-akkomodazzjoni jistabbilixxi l-prezzijiet tiegħu stess u l-pjattaforma ma tipposjedi l-ebda waħda mill-assi użati għal dak il-forniment ta' servizz. Il-fatt li l-pjattaforma kollaborattiva tista' toffri wkoll servizzi ta' assigurazzjoni u ta' klassifikazzjoni lill-utenti tagħha ma għandux għalfejn jaltera dik il-konklużjoni.
Meta jkunu qed jivvalutaw jekk ir-rekwiżiti tal-aċċess għas-suq applikati għall-ekonomija kollaborattiva humiex meħtieġa, ġustifikati u proporzjonati biex jissodisfaw objettivi ta' interess pubbliku identifikati u leġittimi, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw il-karatteristiċi speċifiċi tal-mudelli tan-negozju tal-ekonomija kollaborattiva.
Għall-finijiet tar-regolamentazzjoni tal-attivitajiet inkwistjoni, individwi privati li joffru servizzi permezz ta' pjattaformi kollaborattivi bejn il-pari u fuq bażi okkażjonali ma għandhomx jiġu ttrattati b'mod awtomatiku bħala fornituri ta' servizz professjonali. L-istabbiliment ta' limiti massimi (possibbilment speċifiċi għas-settur) li taħthom attività ekonomika titqies bħala attività bejn il-pari mhux professjonali jista' jkun soluzzjoni xierqa.
L-Istati Membri huma rakkomandati li jieħdu l-opportunità biex jirrevedu, jissimplifikaw u jimmodernizzaw ir-rekwiżiti tal-aċċess għas-suq li huma ġeneralment applikabbli għall-operaturi tas-suq. Dawn għandhom jimmiraw li jtaffu l-piż regolatorju mhux meħtieġ fuq l-operaturi, irrispettivament mill-mudell tan-negozju li jadottaw, u li jevitaw il-frammentazzjoni tas-Suq Uniku.
2.2. Reġimi ta' responsabbiltà
L-aktar regoli rilevanti dwar ir-responsabbiltà kuntrattwali u ekstrakuntrattwali huma stabbiliti fil-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri. Madankollu, skont il-liġi tal-UE, il-pjattaformi online, bħala fornituri ta' servizzi intermedjarji tas-soċjetà tal-informazzjoni, huma eżentati, soġġetti għal ċerti kundizzjonijiet, mir-responsabbiltà għall-informazzjoni li jaħżnu.
L-applikabbiltà ta' din l-eżenzjoni mir-responsabbiltà ser tiddependi fuq l-elementi legali u fattwali marbuta mal-attività mwettqa mill-pjattaforma kollaborattiva u tapplika meta l-attivitajiet inkwistjoni jikkwalifikaw bħala servizzi ta' "hosting" skont it-termini tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku. Sabiex jagħmlu dan, ir-rwol tagħhom irid ikun sempliċement tekniku, awtomatiku u passiv. L-eżenzjoni mir-responsabbiltà tapplika bil-kundizzjoni li l-pjattaforma kollaborattiva ma jkollhiex rwol attiv li jagħtiha għarfien dwar, kontroll fuq, jew konoxxenza tal-informazzjoni illegali - u, fejn minkejja dan xorta tikseb it-tali għarfien jew konoxxenza, għandha taġixxi rapidament biex tneħħiha jew biex tiddiżattiva l-aċċess għaliha.
Jekk il-pjattaformi kollaborattivi jistgħux jibbenefikaw jew le minn tali eżenzjoni ta' responsabbiltà jeħtieġ li jiġi stabbilit fuq bażi ta' każ b'każ, skont il-livell ta' għarfien u kontroll tal-pjattaforma online fir-rigward tal-informazzjoni li tospita.
Punt importanti hu li, skont il-liġi tal-UE, , l-Istati Membri ma jistgħux jimponu fuq il-pjattaformi kollaborattivi, safejn dawn jipprovdu servizzi ta' hosting, obbligu ġenerali li jimmonitorjaw jew li jfittxu b'mod attiv fatti jew ċirkostanzi li jindikaw attività illegali.
Il-Komunikazzjoni dwar il-Pjattaformi Online u s-Suq Uniku Diġitali tispjega li ż-żamma tar-reġim ta' responsabbiltà tal-intermedjarji eżistenti huwa kruċjali għall-iżvilupp imsaħħaħ tal-ekonomija diġitali fl-UE. Dan jinkludi l-ekonomija kollaborattiva, billi l-pjattaformi onine jaġixxu bħala muturi prinċipali għat-tkabbir tagħha. Il-Kummissjoni, fl-istess ħin, tħeġġeġ imġiba responsabbli mit-tipi kollha ta' pjattaformi onine fil-forma ta' azzjoni volontarja, pereżempju billi tgħin biex tiġi ttrattata l-kwistjoni importanti ta' reviżjonijiet foloz jew qarrieqa. Azzjoni volontarja bħal din meħuda biex tiżdied il-fiduċja u biex jiġi offrut servizz aktar kompetittiv ma għandhiex awtomatikament titqies li tfisser li l-imġiba tal-pjattaforma kollaborattiva ma għadhiex aktar sempliċement teknika, awtomatika u passiva.
Minbarra s-servizzi ta' hosting, pjattaforma kollaborattiva tista' toffri wkoll għadd ta' attivitajiet oħra konnessi jew anċillari. Dawn jistgħu jinkludu faċilitajiet ta' reviżjonijiet jew ta' klassifikazzjoni, faċilitajiet ta' ħlas, assigurazzjoni, verifika tal-ID (ta' spiss imwettqa minn fornituri terzi) jew il-pjattaforma tista' saħansitra tipprovdi s-servizz sottostanti li qed jiġi offrut lill-utenti.
L-eżenzjoni ta' responsabbiltà msemmija qabel stabbilita fil-liġi tal-UE tibqa' limitata għall-forniment ta' servizzi ta' hosting u ma testendix għal servizzi jew attivitajiet oħrajn imwettqa minn pjattaforma ta' ekonomija kollaborattiva. Barra minn hekk l-eżenzjoni ta' responsabbiltà msemmija qabel ma teskludix ir-responsabbiltà tal-pjattaforma tal-ekonomija kollaborattiva li tirriżulta skont il-leġiżjazzjoni dwar il-protezzjoni tad-dejta personali applikabbli, safejn huma kkonċernati l-attivitajiet proprji tal-pjattaforma. Bil-kontra ta' dan, is-sempliċi fatt li pjattaforma twettaq ukoll ċerti attivitajiet oħra - minbarra li tipprovdi servizzi ta' hosting - ma jfissirx neċessarjament li l-pjattaforma ma tistax iktar isserraħ fuq l-eżenzjoni tar-responsabbiltà fir-rigward tas-servizzi ta' hosting tagħha. Fi kwalunkwe każ, il-mod li bih pjattaformi kollaborattivi jfasslu s-servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni tagħhom u jimplimentaw miżuri volontarji biex jittrattaw kontenut illegali online fil-prinċipju jibqa' deċiżjoni tan-negozju u l-kwistjoni ta' jekk dawn jibbenefikawx mill-eżenzjoni mir-responsabbiltà tal-intermedjarji għandha dejjem tiġi vvalutata fuq bażi ta' każ b'każ.
Il-pjattaformi kollaborattivi huma mħeġġa jkomplu jieħdu azzjoni volontarja biex jiġġieldu l-kontenut illegali onine u jżidu l-fiduċja (pereżempju billi jgħinu jiżguraw il-kwalità tas-servizzi offruti mill-fornituri ta' servizzi sottostanti fuq il-pjattaforma tagħhom). Miżuri volontarji bħal dawn ma għandhomx awtomatikament jitqiesu li jfissru li l-pjattaformi kollaborattivi li jibbenefikaw mill-eżenzjoni mir-responsabbiltà tal-intermedjarji ma għadhomx aktar jagħmlu dan.
|
2.3 Protezzjoni tal-utenti
Tradizzjonalment, il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-konsumatur u l-kummerċjalizzazzjoni kienet imfassla biex tindirizza t-tranżazzjonijiet, li fihom hemm parti aktar dgħajfa li teħtieġ protezzjoni (tipikament il-konsumatur). Madankollu, l-ekonomija kollaborattiva tisfoka l-linji bejn il-konsumaturi u n-negozju billi hemm relazzjoni b'diversi aspetti li tista' tinvolvi tranżazzjonijiet bejn negozju u ieħor, bejn in-negozju u l-konsumatur, bejn il-konsumatur u n-negozju, u bejn il-konsumaturi. F'dawn ir-relazzjonijiet, mhux dejjem huwa ċar liema hija l-aktar parti dgħajfa li teħtieġ protezzjoni.
Fil-preżent, il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-konsumatur u l-kummerċjalizzazzjoni hija bbażata fuq id-distinzjoni bejn "kummerċjant" u "konsumatur". Kummerċjant huwa persuna li "taġixxi għal skopijiet marbuta mal-kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni tagħha"; "konsumatur" huwa persuna li taġixxi "għal skopijiet li huma barra mill-kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni tagħha". Dawn il-kriterji applikati għall-kategoriji ta' parteċipanti fl-ekonomija kollaborattiva, jiddeterminaw id-drittijiet u l-obbligi rispettivi tal-partijiet skont il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE dwar il-konsumatur u l-kummerċjalizzazzjoni.
B'mod partikolari, il-liġi tal-UE dwar il-konsumatur tapplika għal kwalunkwe pjattaforma kollaborattiva li tikkwalifika bħala "kummerċjant" u hija involuta f'"prattiki kummerċjali" fir-rigward tal-konsumaturi. Il-fornituri tas-servizzi sottostanti wkoll jikkwalifikaw bħala kummerċjanti jekk jaġixxu "għal skopijiet marbuta mal-kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni" tagħhom. Bil-kontra ta' dan, il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-konsumatur u l-kummerċjalizzazzjoni ma tapplikax għal tranżazzjonijiet bejn il-konsumaturi. Għalhekk, jekk la l-fornitur tas-servizz kollaborattiv u lanqas l-utent ma jikkwalifikaw bħala kummerċjant, it-tranżazzjonijiet bejniethom jaqgħu barra mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din il-leġiżlazzjoni.
Dan iqajjem il-kwistjoni ċentrali ta' taħt liema kundizzjonijiet fi forniment ta' servizzi bejn il-pari, il-fornitur tas-servizz sottostanti jikkwalifika bħala kummerċjant. L-Istati Membri fil-preżent jittrattaw din il-kwistjoni b'mod differenti. Skont il-liġi attwali tal-UE, din il-mistoqsija trid tiġi mwieġba fuq bażi ta' każ b'każ. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni offriet xi orjentamenti ġenerali fil-Gwida riveduta dwar id-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali. Fil-kuntest speċifiku tal-ekonomija kollaborattiva, il-fatturi li ġejjin huma importanti. Filwaqt li l-ebda wieħed minnhom fihom infushom ma jkunu biżżejjed biex jikkwalifikaw fornitur bħala kummerċjant, skont iċ-ċirkostanzi tal-każ, it-taħlita tagħhom tista' tindika f'dik id-direzzjoni:
Frekwenza tas-servizzi: huwa inqas probabbli li fornituri li joffru s-servizzi tagħhom sempliċement fuq bażi okkażjonali (jiġifieri fuq bażi purament marġinali u aċċessjorja għall-kuntrarju ta' regolarment) jikkwalifikaw bħala kummerċjant. Aktar ma tkun kbira l-frekwenza tal-forniment ta' servizz, aktar huwa evidenti li l-fornitur jista' jikkwalifika bħala kummerċjant, għaliex dan jista' jindika li hu qed jaġixxi għal skopijiet marbuta mal-kummerċ, in-negozju, is-sengħa jew il-professjoni tiegħu.
Motivazzjoni ta' qligħ: motivazzjoni ta' qligħ tista' tkun indikazzjoni li l-fornitur jista' jikkwalifika bħala kummerċjant għal tranżazzjoni partikolari. Fornituri li għandhom l-għan li jiskambjaw assi jew ħiliet (pereżempju, fil-każ ta' tpartit ta' djar jew banek tal-ħin) fil-prinċjipu ma jikkwalifikawx bħala kummerċjanti. Fornituri li sempliċement jiksbu kumpens għall-ispejjeż għal tranżazzjoni partikolari jistgħu ma jkunux qed ifittxu qligħ. Bil-kontra ta' dan, dawk il-fornituri li jiksbu remunerazzjoni lil hinn mill-kumpens għall-ispejjeż probabbilment għandhom motivazzjoni ta' qligħ.
Livell ta' fatturat: aktar ma jkun għoli l-fatturat iġġenerat mill-fornitur tas-servizz (huwiex minn pjattaforma kollaborattiva waħda jew iktar), aktar dan se jindika li l-fornitur jista' jikkwalifika bħala kummerċjant. F'dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi vvalutat jekk il-livell ta' fatturat iġġenerat mill-fornitur joriġinax mill-istess attività (eż kondiviżjoni ta' vjaġġi bil-karozza) jew minn tipi differenti ta' attivitajiet (kondiviżjoni ta' vjaġġi bil-karozza, ġardinaġġ, eċċ). Fit-tieni xenarju, fatturat ogħla mhux neċessarjament jimplika li l-fornitur jikkwalifika bħala kummerċjant, għaliex dan mhux neċessarjament ikun inkiseb fir-rigward tan-negozju l-ieħor (prinċipali) tal-fornitur.
Persuna li toffri regolarment servizzi ta' ġardinaġġ — iffaċilitata minn pjattaformi kollaborattivi — u li qed tfittex li tikseb remunerazzjoni sostanzjali tista' taqa' fid-definizzjoni ta' kummerċjant. Madankollu, babysitter professjonali li okkażjonalment tipprovdi servizzi ta' ġardinaġġ — iffaċilitata minn pjattaformi kollaborattivi — fil-prinċjipju ma tikkwalifikax bħala kummerċjant safejn huma kkonċernati s-servizzi ta' ġardinaġġ okkażjonali. F'konformità mad-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali, il-kummerċjanti kollha għandhom jikkonformaw mad-doveri ta' diliġenza professjonali u ma jqarrqux bil-konsumaturi. Dan japplika wkoll għal pjattaformi kollaborattivi li jikkwalifikaw bħala kummerċjanti safejn huma kkonċernati l-prattiki kummerċjali tagħhom stess (eż. servizzi ta' intermedjazzjoni, servizzi ta' ħlas, servizzi ta' klassifikazzjoni, eċċ). Il-pjattaformi kollaborattivi għandhom jiffaċilitaw li l-fornituri ta' servizzi sottostanti li jikkwalifikaw bħala kummerċjanti, jikkonformaw mal-liġi tal-UE dwar il-konsumatur u l-kummerċjalizzazzjoni, pereżempju billi jfasslu l-istrutturi tal-web tagħhom sabiex il-kummerċjanti terzi jkunu jistgħu jidentifikaw lilhom infushom bħala tali lill-utenti tal-pjattaformi. Barra dan, jistgħu jindikaw ukoll b'mod ċar lill-utenti kollha li huma ser jibbenefikaw biss mill-protezzjoni skont il-liġijiet tal-UE dwar il-konsumatur u l-kummerċjalizzazzjoni fir-relazzjoni tagħhom mal-kummerċjanti. Jekk il-pjattaforma kollaborattiva tapplika kriterji biex tagħżel fornituri ta' servizzi sottostanti li joperaw permezz tagħha u jekk din twettaq kontrolli relatati mal-affidabbiltà tagħhom, din għandha tinforma lill-utenti dwar dan.
Barra dan, il-pjattaformi kollaborattivi u l-fornituri ta' servizzi sottostanti jistgħu jkunu meħtieġa jikkonformaw ma' obbligi oħra ta' informazzjoni li japplikaw skont il-liġi tal-UE, inkluż fir-rigward tar-rekwiżiti ta' trasparenza tal-leġiżlazzjoni rilevanti speċifika għas-settur.
Fi kwalunkwe każ, bħal kwalunkwe kontrollur ieħor li jiġbor u jipproċessa ulterjorament dejta personali fl-UE, il-pjattaformi kollaborattivi għandhom jikkonformaw mal-qafas legali applikabbli dwar il-protezzjoni tad-dejta personali. L-iżgurar tal-aderenza mar-regoli għall-ipproċessar tad-dejta personali ser jgħin biex tiżdied il-fiduċja tal-individwi, kemm jekk humiex fornituri jew konsumaturi (inkluż bejn il-pari) li jużaw l-ekonomija kollaborattiva, biex ikunu jafu li f'dak li għandu x'jaqsam mad-dejta personali tagħhom ser ikollhom il-protezzjoni li jistħoqqilhom.
Mod kif tiżdied il-fiduċja tal-konsumaturi huwa li tiżdied il-fiduċja fis-servizzi bejn il-pari. Il-mekkaniżmi tal-bini tal-fiduċja bħal sistemi onine ta' klassifikazzjoni u reviżjoni u tikketti ta' kwalità jistgħu jkunu għodda essenzjali biex jingħeleb in-nuqqas ta' informazzjoni dwar fornituri ta' servizzi individwali. Mekkaniżmi bħal dawn għall-istabbiliment tal-fiduċja fl-ekonomija kollaborattiva ġew maħluqa jew mill-pjattaformi kollaborattivi infushom jew minn partijiet terzi speċjalizzati u jistgħu jkunu partikolarment importanti fejn ma tapplikax il-leġiżlazzjoni eżistenti dwar il-konsumatur, kif spjegat hawn taħt.
F'konformità mar-regoli tal-UE dwar il-konsumatur u l-kummerċjalizzazzjoni, l-Istati Membri huma mħeġġa jfittxu approċċ bilanċjat biex jiżguraw li l-konsumaturi jgawdu livell għoli ta' protezzjoni minn prattiki kummerċjali żleali filwaqt li ma jimponux obbligi ta' informazzjoni sproporzjonati u piżijiet amministrattivi oħra fuq individwi privati li mhumiex kummerċjanti iżda li jipprovdu servizzi fuq bażi okkażjonali.
L-effettività u l-użu ta' mekkaniżmi ta' fiduċja online (eż. tikketti ta' kwalità) biex iżidu l-fiduċja u l-kredibbiltà għandhom jiġu mtejba biex iħeġġu parteċipazzjoni aktar kunfidenti fl-ekonomija kollaborattiva.
|
2.4 Persuni li jaħdmu għal rashom u ħaddiema fl-ekonomija kollaborattiva
L-ekonomija kollaborattiva tiġġenera opportunitajiet ta' impjiegi ġodda, tiġġenera d-dħul lil hinn mir-relazzjonijiet tal-impjiegi lineari tradizzjonali, u tippermetti li persuni jaħdmu skont arranġamenti flessibbli. Din tagħmilha possibbli għalihom biex isiru ekonomikament attivi fejn forom aktar tradizzjonali ta' impjieg mhumiex adegwati jew disponibbli għalihom. Fl-istess ħin, l-arranġamenti tax-xogħol iżjed flessibbli jistgħu ma jkunux regolari jew stabbli daqs ir-relazzjonijiet ta' impjieg tradizzjonali. Dan jista' joħloq inċertezza dwar id-drittijiet applikabbli u l-livell ta' protezzjoni soċjali. L-arranġamenti tax-xogħol fil-kuntest tal-ekonomija kollaborattiva ta' spiss huma bbażati fuq kompiti individwali mwettqa fuq bażi ad hoc minflok fuq kompiti mwettqa regolarment f'ambjent u perjodu ta' żmien definiti minn qabel.
Fil-fatt, din hija parti minn tranżizzjoni aktar strutturali. Qed jiċċajpru dejjem aktar il-linji stabbiliti bejn il-persuni li jaħdmu għal rashom u l-ħaddiema, hemm żieda fix-xogħol temporanju u part-time u fin-numru ta' persuni li għandhom iżjed minn impjieg wieħed. Skont il-pilastru Ewropew tad-drittijiet soċjali, il-Kummissjoni nediet konsultazzjoni pubblika dwar kif tiġi indirizzata bl-aħjar mod il-ħtieġa għal żieda fil-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, li tiżgura kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u protezzjoni soċjali adegwata u sostenibbli. Din l-inizjattiva bħalissa hija soġġetta għal proċess ta' konsultazzjoni, li permezz tiegħu l-Kummissjoni tfittex li tiġbor il-fehmiet tal-partijiet involuti dwar l-acquis soċjali attwali tal-UE, dwar il-futur tax-xogħol u dwar il-kopertura ta' skemi ta' protezzjoni soċjali.
Filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-liġi dwar ix-xogħol taqa' fil-kompetenza nazzjonali, l-Unjoni Ewropea madankollu żviluppat ċerti standards minimi fil-qasam tal-politika soċjali. Sabiex tipprovdi orjentazzjoni dwar kif id-distinzjoni tradizzjonali bejn dawk li jaħdmu għal rashom u l-ħaddiema tapplika fil-kuntest tal-ekonomija kollaborattiva, din it-taqsima teżamina l-kundizzjonijiet skont liema tkun teżisti relazzjoni tal-impjieg f'konformità mal-liġi u l-ġurisprudenza tal-UE dwar ix-xogħol.
Minħabba li, b'mod ġenerali, il-liġi tal-UE dwar ix-xogħol tistabbilixxi biss standards minimi u ma tkoprix l-aspetti kollha tal-leġiżlazzjoni soċjali li tapplika għar-relazzjonijiet tax-xogħol, li jimplika li l-Istati Membri jistgħu fil-prinċipju jistabbilixxu oħrajn superjuri fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, l-atturi tal-ekonomija kollaborattiva huma rrakkomandati li jirreferu għal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar ix-xogħol applikabbli fil-pajjiż fejn huwa pprovdut is-servizz.
Id-definizzjoni tal-UE ta' "ħaddiem"
Il-liġi tal-UE li tiggarantixxi drittijiet lill-ħaddiema tapplika biss għal persuni li huma f'relazzjoni ta' impjieg, jiġifieri li jitqiesu bħala "ħaddiema". Filwaqt li l-Istati Membri tal-UE huma responsabbli biex jiddeċiedu min għandu jitqies bħala ħaddiem fl-ordni ġuridiku nazzjonali tagħhom, fil-livell tal-UE l-Qorti tal-Ġustizzja (QtĠ-UE)tat definizzjoni tal-kunċett ta' ħaddiem għall-fini tal-applikazzjoni tal-liġi tal-UE. Din id-definizzjoni ġiet żviluppata primarjament fil-qafas tal-moviment liberu tal-ħaddiema. Il-QtĠ-UE ddikjarat li "il-karatteristika tar-relazzjoni ta’ impjieg hija l-fatt li għal ċertu żmien, persuna twettaq favur persuna oħra u taħt id-direzzjoni tagħha, servizzi inkunsiderazzjoni ta’ remunerazzjoni". Il-QtĠ-UE kkonfermat b'mod partikolari li din id-definizzjoni għandha tintuża wkoll biex jiġi ddeterminat min għandu jitqies bħala ħaddiem meta jiġu applikati ċerti Direttivi tal-UE fil-qasam soċjali.
Jekk teżistix relazzjoni ta' impjieg jew le jrid jiġi stabbiliti fuq il-bażi ta' valutazzjoni każ b'każ, b'kunsiderazzjoni tal-fatti li jikkaratterizzaw ir-relazzjoni bejn il-pjattaforma u l-fornitur tas-servizz sottostanti, u t-twettiq tal-kompiti relatati, b'ħarsa kumulattiva b'mod partikolari lejn it-tliet kriterji essenzjali li ġejjin:
-l-eżistenza ta' konnessjoni ta' subordinazzjoni;
-in-natura tax-xogħol; u
-l-preżenza ta' remunerazzjoni.
Sabiex jiġi ssodisfat il-kriterju ta' subordinazzjoni, il-fornitur tas-servizz għandu jaġixxi taħt id-direzzjoni tal-pjattaforma kollaborattiva, b'din tal-aħħar li tiddetermina l-għażla tal-attività, ir-remunerazzjoni u l-kundizzjonijiet tax-xogħol. Fi kliem ieħor, il-fornitur tas-servizz sottostanti mhuwiex liberu li jagħżel liema servizzi ser jipprovdi u kif, pereż. skont ir-relazzjoni kuntrattwali li jkun daħal fiha mal-pjattaforma kollaborattiva. Fejn il-pjattaforma kollaborattiva qiegħda sempliċement tipproċessa l-ħlas depożitat minn utent u tgħaddih lill-fornitur tas-servizz sottostanti, dan ma jimplikax li l-pjattaforma kollaborattiva qed tiddetermina r-remunerazzjoni. L-eżistenza ta' subordinazzjoni mhix neċessarjament dipendenti fuq l-eżerċizzju attwali ta' ġestjoni jew ta' superviżjoni fuq bażi kontinwa.
Sabiex ikun issodisfat il-kriterju tan-natura tax-xogħol, il-fornitur tas-servizz sottostanti għandu jwettaq attività ta' valur ekonomiku li hija effettiva u ġenwina, minbarra servizzi fuq skala tant żgħira li jitqiesu bħala purament marġinali u aċċessorji. Il-qrati nazzjonali adottaw approċċi diverġenti fl-identifikazzjoni ta' dak li huwa marġinali u aċċessorju anki fil-kuntest tar-relazzjonijiet tal-impjieg aktar tradizzjonali. Hemm taħlita tal-użu ta' limiti massimi (ibbażati fuq kull siegħa jew fuq il-paga) u valutazzjonijiet ad hoc tal-karatteristiċi ta' relazzjoni speċifika. Fil-kuntest tal-ekonomija kollaborattiva, fejn persuni fil-fatt jipprovdu servizzi purament marġinali u aċċessorji permezz ta' pjattaformi kollaborattivi, hemm indikazzjoni li persuni bħal dawn ma jkunux jikkwalifikaw bħala ħaddiema, għalkemm dewmien qasir, siegħat ta' xogħol limitati, xogħol mhux kontinwu jew produttività baxxa ma jistgħux fihom infushom jeskludu relazzjoni ta' impjieg. Fl-istess ħin, persuni li jipprovdu servizzi bi frekwenza aktar minn okkażjonali jistgħu jkunu jew ħaddiema jew persuni li jaħdmu għal rashom, għaliex il-kwalifika attwali tal-istatus tagħhom tirriżulta minn test komprensiv tat-tliet kriterji kollha.
Filwaqt li l-kriterji ta' hawn fuq issir referenza għalihom meta tiġi applikata d-definizzjoni ta' ħaddiema tal-UE, il-qrati fl-Istati Membri għandhom tendenza jużaw sett simili ta' kriterji meta jwettqu l-valutazzjoni globali tagħhom ta' relazzjoni ta' impjieg partikolari fil-mandat nazzjonali.
Sabiex jgħinu lill-persuni jagħmlu użu sħiħ mill-potenzjal tagħhom, iżidu l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u jagħtu spinta lill-kompetittività, filwaqt li jiżguraw kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u protezzjoni soċjali adegwata u sostenibbli, l-Istati Membri għandhom:
- jivvalutaw l-adegwatezza tar-regoli tal-impjieg nazzjonali tagħhom filwaqt li jqisu l-ħtiġijiet differenti tal-ħaddiema u tal-persuni li jaħdmu għal rashom fid-dinja diġitali kif ukoll in-natura innovattiva tal-mudelli tan-negozju kollaborattivi;
- jipprovdu gwida dwar l-applikabbiltà tar-regoli tal-impjieg nazzjonali tagħhom fid-dawl tax-xejriet tax-xogħol fl-ekonomija kollaborattiva.
|
2.5 Tassazzjoni
L-adattament għal mudelli tan-negozju ġodda
Bħall-operaturi ekonomiċi kollha, dawk fl-ekonomija kollaborattiva huma soġġetti wkoll għar-regoli tat-tassazzjoni. Dawn jinkludu regoli dwar id-dħul personali, id-dħul korporattiv u t-taxxa fuq il-valur miżjud. Madankollu, feġġew kwistjonijiet relatati mal-konformità u l-infurzar tat-taxxa: diffikultajiet fl-identifikazzjoni tal-kontribwenti tat-taxxa u d-dħul taxxabbli, in-nuqqas ta' informazzjoni dwar il-fornituri tas-servizzi, ippjanar aggressiv tat-taxxa korporattiva ggravat fis-settur diġitali, differenzi fil-prattiki tat-taxxa fl-UE u nuqqas ta' skambju ta' informazzjoni.
F'dan ir-rigward, l-Istati Membri għandhom jimmiraw lejn obbligi proporzjonati u kundizzjonijiet ekwi. Dawn għandhom japplikaw obbligi tat-taxxa li huma funzjonalment simili għan-negozji li jipprovdu servizzi komparabbli. Li tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar l-obbligi tat-taxxa, li l-amministraturi tat-taxxa jsiru jafu dwar mudelli tan-negozju kollaborattivi, li tinħareġ gwida, u li tiġi miżjuda t-trasparenza permezz ta' informazzjoni onine jistgħu kollha jkunu għodod biex jinfetaħ il-potenzjal tal-ekonomija kollaborattiva. Informazzjoni dwar l-obbligi tat-taxxa nazzjonali, inklużi dawk marbuta mal-istatus tal-impjieg, għandhom jiġu kkomunikati b'mod ċar lill-partijiet involuti.
Biex iżidu l-kjarezza u t-trasparenza, xi Stati Membri ħarġu gwida dwar l-applikazzjoni tar-reġim tat-taxxa nazzjonali għal mudelli tan-negozju kollaborattivi, u xi wħud ikkunsidraw bidliet fil-leġiżlazzjoni tagħhom. Rigward it-taxxa korporattiva, il-Kummissjoni qed taħdem fuq approċċ ġenerali lejn l-evażjoni tat-taxxa.
Fl-istess ħin, l-ekonomija kollaborattiva ħolqot opportunitajiet ġodda li jgħinu lill-awtoritajiet tat-taxxa u l-kontribwenti tat-taxxa bl-obbligi tat-taxxa tagħhom. Dan huwa, b'mod partikolari, bis-saħħa taż-żieda fit-traċċabbilità permessa bl-intermedjazzjoni tal-pjattaformi onine. Diġà hija prattika li qed titħaddem f'ċerti Stati Membri li jkun hemm ftehimiet ma' pjattaformi għall-ġbir ta' taxxi. Pereżempju, fis-settur tal-akkomodazzjoni, il-pjattaformi jiffaċilitaw il-ħlas tat-taxxi tat-turisti f'isem il-fornituri tas-servizzi. Hemm ukoll każijiet fejn l-awtoritajiet tat-taxxa jużaw it-traċċabbiltà permessa mill-pjattaformi onine biex jiġbru t-taxxa mill-fornituri individwali.
Eżempju ta' kooperazzjoni tajba bejn l-awtoritajiet tat-taxxa u n-negozji kollaborattivi jiġi mill-Estonja. F'kooperazzjoni mal-pjattaformi għall-kondiviżjoni ta' vjaġġi bil-karozza, l-għan huwa li jiġi ssimplifikat il-proċess tad-dikjarazzjoni tat-taxxa għas-sewwieqa. It-tranżazzjonijiet bejn is-sewwieq u l-klijent huma rreġistrati mill-pjattaforma kollaborattiva, li mbagħad tibgħat biss id-dejta li hija rilevanti għal skopijiet ta' tassazzjoni lill-awtoritajiet, li mbagħad jimlew minn qabel il-formoli tat-taxxa tal-kontribwenti tat-taxxa. L-idea prinċipali hija li l-kontribwenti tat-taxxa jkunu megħjuna jissodisfaw l-obbligi tat-taxxa tagħhom b'mod effettiv u bl-inqas sforz.
Tnaqqis tal-piż amministrattiv
It-tkabbir ekonomiku huwa appoġġjat l-aħjar permezz ta' miżuri li għandhom l-għan li jnaqqsu l-piż amministrattiv fuq individwi u negozji mingħajr diskriminazzjoni bejn il-mudelli tan-negozju. Għal dan il-għan, skambju effiċjenti ta' informazzjoni marbuta mat-taxxa fost il-pjattaformi, l-awtoritajiet u l-fornituri tas-servizzi jista' jnaqqas l-ispejjeż. Il-ħolqien ta' one-stop shops u l-iżvilupp ta' mekkaniżmi ta' feedback onine ukoll jistgħu joħolqu possibbiltajiet ġodda għal sħubiji u għal monitoraġġ tal-konformità.
Madankollu, approċċi differenti mill-awtoritajiet tat-taxxa nazzjonali lejn it-trattament tal-pjattaformi jistgħu jżidu l-piż amministrattiv fuq attivitajiet kollaborattivi. Dawn jistgħu jinkludu opinjonijiet differenti fuq il-kamp ta' applikazzjoni tan-negozju tal-pjattaformi fir-rigward tas-servizzi li jipprovdu; il-kriterji użati biex jikkollegaw l-attivitajiet tagħhom ma' ġurisprudenza tat-taxxa, ir-relazzjoni tal-impjieg bejn il-fornituri tas-servizzi u l-pjattaformi, kif ukoll rekwiżiti ta' konformità ġenerali u proċeduri ta' awditjar.
L-iżvilupp ta' standards miftiehma b'mod komuni biex jittrattaw dawn il-kwistjonijiet b'mod koerenti, b'kunsiderazzjoni tal-elementi ċċarati fit-taqsimiet preċedenti ta' din il-Komunikazzjoni, kif ukoll it-trasferiment ta’ aktar amministrazzjoni onine, jista' jgħin f'dan ir-rigward.
Taxxa fuq il-valur miżjud
Fornimenti ta' prodotti u servizzi pprovduti minn pjattaformi kollaborattivi u permezz tal-pjattaformi mill-utenti tagħhom huma fil-prinċipju tranżazzjonijiet soġġetti għat-taxxa fuq il-valur miżjud. Jistgħu jqumu problemi fir-rigward tal-kwalifikazzjoni tal-parteċipanti bħala persuni taxxabbli, b'mod partikolari rigward il-valutazzjoni tal-attivitajiet ekonomiċi mwettqa, jew l-eżistenza ta' konnessjoni diretta bejn il-fornimenti u r-remunerazzjoni in natura (pereżempju fil-każ ta' arranġamenti tat-tip "bank" fejn il-parteċipanti jikkontribwixxu prodotti jew servizzi għal ġabra komuni bi tpartit għad-dritt li jibbenefikaw minn dik il-ġabra).
Il-Kummissjoni qed tipprepara diversi inizjattivi biex ittejjeb il-kapaċità tal-amministrazzjonijiet tat-taxxa fil-qafas tal-Pjan ta' Azzjoni dwar il-VAT. Dan jinkludi l-estensjoni għall-forniment ta' prodotti tal-one-stop shop tal-VAT għal servizzi elettroniċi, il-bidu ta' proġett pilota biex titjieb il-kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet tat-taxxa, u l-pubblikazzjoni ta' gwida għall-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tat-taxxa u n-negozji fil-kummerċ elettroniku.
L-Istati Membri huma mħeġġa jiffaċilitaw u jtejbu l-ġbir tat-taxxa bl-użu tal-possibbiltajiet ipprovduti mill-pjattaformi kollaborattivi, għaliex dawn diġà jirreġistraw attività ekonomika.
Il-pjattaformi kollaborattivi għandhom jieħdu pożizzjoni proattiva fil-kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali tat-taxxa biex jistabbilixxu l-parametri għal skambju ta' informazzjoni dwar l-obbligi tat-taxxa, filwaqt li jiżguraw konformità mal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-dejta personali u mingħajr preġudizzju għar-reġim tar-responsabbiltà ta' intermedjarji tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku.
L-Istati Membri huma mistiedna jivvalutaw ir-regoli tat-taxxa tagħhom biex joħolqu kundizzjonijiet ekwi għan-negozji li jipprovdu l-istess servizzi. L-Istati Membri għandhom ikomplu wkoll bl-isforzi ta' simplifikazzjoni tagħhom, iżidu t-trasparenza u joħorġu gwida onine dwar l-applikazzjoni tar-regoli tat-taxxa għal mudelli tan-negozju kollaborattivi.
|
3. Monitoraġġ
L-ekonomija kollaborativa hija mifruxa fuq diversi setturi f'ambjent li qed jinbidel rapidament. Minħabba din in-natura dinamika u li qed tevolvi, il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tistabbilixxi qafas ta' monitoraġġ li jkopri kemm l-ambjent regolatorju li qed jevolvi kif ukoll l-iżviluppi ekonomiċi u kummerċjali. Il-monitoraġġ ser ikollu l-għan li jsegwi x-xejriet fil-prezzijiet u l-kwalità tas-servizzi, u li jidentifika ostakli u problemi possibbli ffaċċjati, b'mod partikolari meta dawn jirriżultaw minn regolamenti nazzjonali diverġeti jew lakuni regolatorji.
L-għodda ta' monitoraġġ ser tinkludi:
1.Stħarriġ perjodiku tal-konsumaturi u n-negozji dwar l-użu tal-ekonomija kollaborattiva.
2.Immappjar kontinwu tal-iżviluppi regolatorji fl-Istati Membri.
3.Id-djalogu mal-partijiet involuti tal-Forum tas-Suq Uniku, b'forums darbtejn fis-sena biex jivvalutaw l-iżvilupp tas-settur fir-realtà u biex jidentifikaw prattiki tajbin.
4.Ir-riżultati tal-monitoraġġ tal-ekonomija kollaborattiva ser jingħataw fil-qosor fit-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Uniku.
L-attività ta' monitoraġġ ser tikkontribwixxi wkoll għall-ħidma kontinwa tal-Kummissjoni dwar is-suq uniku bil-għan li jiġu ffaċilitati l-innovazzjoni u l-intraprenditorija. Minħabba l-karattru dinamiku tal-mudelli tan-negozju tal-ekonomija kollaborattiva u minħabba l-iżvilupp rapidu tat-teknoloġiji diġitali ffokati fuq id-dejta, jista' jkun li jitfaċċaw kwistjonijiet ta' politika oħrajn minn ġbir ta' dejta u minn riċerki ġodda, u dawn possibbilment ikun jeħtieġ li jiġu indirizzati. Il-pjattaformi kollaborattivi għandhom jikkooperaw mill-qrib mal-awtoritajiet, inkluża l-Kummissjoni biex jiffaċilitaw l-aċċess għad-dejta u għall-informazzjoni statistika, f'konformità mal-liġi dwar il-protezzjoni tad-dejta.
L-attività ta' monitoraġġ u l-għodda tagħha huma, fi kwalunkwe każ, mingħajr preġudizzju għall-infurzar mill-Kummissjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE li ser tkompli f'konformità mal-prinċipji espressi f'din il-Komunikazzjoni.
4. Konklużjoni
Minħabba l-benefiċċji sinifikanti li l-mudelli tan-negozju l-ġodda tal-ekonomija kollaborattiva jistgħu jġibu, l-Ewropa u s-suq uniku għandhom ikunu lesti jilqgħu dawn l-opportunitajiet ġodda. L-UE għandha tappoġġja b'mod proattiv l-opportunitajiet tal-innovazzjoni, tal-kompetittività u tat-tkabbir offruti mill-immodernizzar tal-ekonomija. Fl-istess ħin, huwa importanti li jiġu żgurati kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u protezzjoni tal-konsumatur u soċjali adegwata u sostenibbli. Sabiex dan iseħħ, in-negozji u ċ-ċittadini għandhom ikunu konxji tar-regoli u l-obbligi li japplikaw għalihom, kif ġie ċċarat f'din il-Komunikazzjoni. Bl-istess mod, l-Istati Membri huma mħeġġa jiċċaraw is-sitwazzjoni nazzjonali tagħhom Il-Kummissjoni hija lesta li taħdem mal-Istati Membri u l-awtoritajiet rilevanti biex tappoġġjahom f'dan il-proċess.
Il-gwida pprovduta f'din il-Komunikazzjoni għandha l-għan li tappoġġja l-konsumaturi, in-negozji u l-awtoritajiet pubbliċi biex jinvolvu ruħhom b'fiduċja fl-ekonomija kollaborattiva. Din ser tappoġġja wkoll lill-Istati Membri biex japplikaw b'mod konsistenti l-liġi tal-UE fis-suq uniku. Il-Kummissjoni ser tirrevedi b'mod kontinwu l-iżviluppi fl-ekonomija kollaborattiva Ewropea, ser tiġbor dejta statistika u evidenza u ser taħdem mal-Istati Membri kif ukoll mal-partijiet involuti bil-għan tal-iskambju tal-aħjar prattiki. Il-Kummissjoni hija ħerqana biex tidħol fi djalogu mal-Parlament Ewropew, mal-Kunsill u mal-Istati Membri biex tiżgura l-aħjar ambjent possibbli għaċ-ċittadini u n-negozji fl-ekonomija kollaborattiva.