Brussell, 18.5.2016

COM(2016) 348 final

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-programm nazzjonali ta' riforma tal-2016 tar-Renju Unit

u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta' konverġenza tal-2016 tar-Renju Unit


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-programm nazzjonali ta' riforma tal-2016 tar-Renju Unit

u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta' konverġenza tal-2016 tar-Renju Unit

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika 1 , u b'mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea 2 ,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew 3 ,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)Fis-26 ta' Novembru 2015, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 4 , li ta bidu għas-Semestru Ewropew ta' koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-2016. Il-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ġew approvati mill-Kunsill Ewropew fis-17-18 ta' Marzu 2016. Fis-26 ta' Novembru 2015, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija 5 , li fih hija identifikat lir-Renju Unit bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kellha titwettaq analiżi fil-fond.

(2)Ir-rapport tal-pajjiż tal-2016 għar-Renju Unit 6 ġie ppubblikat fis-26 ta' Frar 2016. Huwa vvaluta l-progress tar-Renju Unit fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fl-14 ta' Lulju 2015 u l-progress tar-Renju Unit lejn il-miri nazzjonali tiegħu tal-Ewropa 2020. Inkluda wkoll l-analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011. Fit-8 ta' Marzu 2016, il-Kummissjoni ppreżentat ir-riżultati tal-analiżi fil-fond 7 . L-analiżi tal-Kummissjoni twassalha biex tikkonkludi li r-Renju Unit mhux qed jesperjenza żbilanċi makroekonomiċi. Id-dejn għoli tas-settur tal-unitajiet domestiċi, il-prezzijiet għoljin tad-djar u d-defiċits kbar tal-kont kurrenti jistgħu jikkostitwixxu vulnerabbiltajiet. Fl-istess ħin, il-karti tal-bilanċ tal-unitajiet domestiċi huma b'saħħithom fl-aggregat u r-reżiljenza tas-settur bankarju qed tkompli titjieb. Fuq terminu qasir, ir-robustezza tas-settur tal-unitajiet domestiċi u tal-ekonomija usa' biex jifilħu għal riskji bħal xokk tar-rati tal-imgħax jew xokk għall-impjiegi jidher li żdiedet. Madankollu, bosta inizjattivi tal-gvern għadhom mhumiex qed jeżerċitaw impatt materjali fuq l-iżbilanċ bejn il-provvista u d-domanda għad-djar. Ir-riskji assoċjati mad-defiċit kbir tal-kont kurrenti huma mitigati minn qafas istituzzjonali favorevoli u obbligazzjonijiet baxxi f'muniti barranin. Iż-żieda fid-defiċit kienet xprunata miċ-ċaqliq 'il fuq fid-defiċit fuq l-introjtu primarju u hija mistennija li tonqos hekk kif il-kundizzjonijiet ċikliċi negattivi jbattu.

(3)Fl-24 ta' Marzu 2016, ir-Renju Unit ippreżenta l-programm nazzjonali ta' riforma tiegħu għall-2016 u l-programm ta' konverġenza tiegħu għall-2016. Biex jiġu kkunsidrati l-konnessjonijiet ta' bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess żmien.

(4)Rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż ġew indirizzati fl-ipprogrammar tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej għall-perjodu 2014-2020. Kif previst fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, fejn dan ikun meħtieġ għall-appoġġ tal-implimentazzjoni ta' rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill, il-Kummissjoni tista' titlob lil xi Stat Membru biex jirrieżamina l-Ftehim ta' Sħubija tiegħu u l-programmi rilevanti u jipproponi emendi għalihom. Il-Kummissjoni pprovdiet aktar dettalji dwar kif se tagħmel użu minn din id-dispożizzjoni f'linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-miżuri li jorbtu l-effettività tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej mal-governanza ekonomika soda 8 .

(5)Ir-Renju Unit huwa attwalment fil-parti korrettiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Sakemm tinkiseb korrezzjoni dejjiema tad-defiċit eċċessiv fl-2016-17, ir-Renju Unit se jkun soġġett għall-fergħa preventiva u għar-regola tranżizzjonali tad-dejn mill-2017-18. Fil-programm ta' konverġenza tal-2015-16 tiegħu, il-gvern jistenna li d-defiċit nominali jkun taħt it-3 % tal-PDG fl-2016-17 u jippjana li dan jonqos aktar sa 2,0 % tal-PDG sal-2017-18. Id-defiċit strutturali rikalkulat 9 jindika titjib strutturali ta' 0,6 pp tal-PDG fl-2015-16; 0,9 pp tal-PDG fl-2016-17, u 0,7 pp tal-PDG fl-2017-18. Il-programm ta' konverġenza ma jinkludix objettiv baġitarju fuq terminu medju. Skont il-programm ta' konverġenza, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern mal-PDG huwa mistenni li jiżdied minn 88,0% fl-2015-16 għal massimu ta' 88,3 tal-PDG fl-2016-17, qabel ma jonqos għal 87,1% fl-2017-18. Ix-xenarju makroekonomiku li fuqu huma bbażati l-projezzjonijiet baġitarji huwa plawżibbli. Il-miżuri biex jiġu appoġġati l-miri tad-defiċit ippjanati fl-2016-17 u fl-2017-18 huma speċifikati biżżejjed. Madankollu, l-impatt ta' xi miżuri fl-2017-18, li l-impatt baġitarju tagħhom huwa stmat li se jkun ta' madwar 0,2 % tal-PDG, huwa aktar inċert. Fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa tal-2016 tal-Kummissjoni, fl-2015-16 ir-Renju Unit huwa mistenni li jikseb id-defiċit nominali rrakkomandat ta' 4,1 % tal-PDG u li jkun għamel l-isforz fiskali rrakkomandat. Ir-Renju Unit huwa previst li jikkoreġi d-defiċit eċċessiv tiegħu sal-iskadenza tal-2016-17 kif irrakkomandat mill-Kunsill, minkejja li ma jilħaqx il-mira tad-defiċit nominali rrakkomandata ta' 2,7 % tal-PDG. Huwa mistenni li, fuq bażi kumulattiva matul il-perjodu tal-proċedura tad-defiċit eċċessiv, ikun hemm sforz fiskali marġinalment aktar baxx minn dak irrakkomandat. Fl-2017-18, b'politiki mhux mibdula, ir-Renju Unit huwa mistenni li jikkonforma mal-aġġustament irrakkomandat lejn l-objettiv baġitarju minimu fuq terminu medju. Ir-Renju Unit huwa mbassar ukoll li jikkonforma mar-regola tranżizzjonali tad-dejn fl-2017-18. Fuq il-bażi tal-valutazzjoni tiegħu tal-programm ta' konverġenza, u filwaqt li jqis it-tbassir tar-rebbiegħa tal-2016 tal-Kummissjoni, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li r-Renju Unit huwa mistenni li fil-biċċa l-kbira jikkonforma mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir.

(6)Il-produttività fir-Renju Unit staġnat mill-2008 'l hawn. Dan jista' jkun minħabba diversi fatturi, bħal investiment kapitali baxx, nuqqas ta' kompetenzi, spariġġi tal-kompetenzi u ċaqliq fil-kompożizzjoni tal-ekonomija lejn setturi tan-negozju bi produttività aktar baxxa. L-isfidi relatati ma' nuqqas ta' djar, speċjalment f'żoni ġeografiċi ta' tkabbir ekonomiku għoli, għandhom ukoll jitqiesu f'dan il-kuntest. Id-dokument ta' politika tal-gvern ta' Lulju 2015, "Fixing the foundations- creating a prosperous nation" jippreżenta rispons estensiv. Fid-dawl ta' ċerti ostakli għall-investiment li għadhom jeżistu u l-livell baxx ta' investiment pubbliku u privat fir-Renju Unit, l-azzjonijiet ta' politika tal-gvern biex jiżdiedu l-livelli tal-kompetenzi, l-innovazzjoni u l-investiment fl-infrastruttura huma f'waqthom, għalkemm l-implimentazzjoni effettiva se tkun importanti. Waħda mill-akbar sfidi fil-qasam tal-investiment hija l-kisba ta' infrastruttura tan-netwerk li tkun ta' livell adegwat. Il-Pjan Nazzjonali tal-Infrastruttura, li ġie aġġornat f'Marzu 2016, jistabbilixxi f'qafas koerenti u konsistenti d-dettalji dwar il-progress tal-proġetti tal-infrastruttura. Il-pjan huwa dipendenti fuq l-iżgurar ta' żieda fil-finanzjament privat għal ħafna mill-investiment. It-twettiq u l-monitoraġġ huma kruċjali u t-trasparenza u r-responsabbiltà huma fundamentali. Minkejja diversi inizjattivi tal-gvern, id-domanda għad-djar tal-gvern għadha tiżboq il-provvista u dan huwa rifless fi prezzijiet tad-djar għoljin u li qed jiżdiedu. In-nuqqas ta' djar huwa l-aktar akut fir-reġjuni li qed jikbru malajr ta' Londra u x-Xlokk. L-użu tal-art huwa ggwidat minn prinċipji stabbiliti fil-qafas tal-politika nazzjonali tal-ippjanar u l-implimentazzjoni effettiva tas-sistema ta' ppjanar riformata tista' tiffaċilita żieda fil-kostruzzjoni tad-djar.

(7)Is-suq tax-xogħol tar-Renju Unit għadu dinamiku. Fl-2015, ir-rata tal-impjieg (fl-etajiet mill-20 sal-64) laħqet is-76,9 % filwaqt li r-rata tal-qgħad kompliet tonqos, u laħqet il-5,3 %. Il-qgħad fost iż-żgħażagħ u r-rati ta' żgħażagħ barra mill-impjieg, edukazzjoni jew taħriġ ukoll komplew jonqsu. Madankollu, għad hemm lok għal titjib fil-prospetti għal ħaddiema inattivi, dawk li xogħolhom ma jisfruttax il-kapaċitajiet tagħhom u dawk bi ftit kompetenzi professjonali. Prospetti aħjar tas-suq tax-xogħol u rotot ċari lejn il-kisba ta' kompetenzi ġodda jkunu ta' għajnuna għal dawk li jsibu ruħhom limitati biss għal xogħol b'pagi baxxi u/jew b'ħinijiet imqassra. Jindirizzaw ukoll in-nuqqasijiet ta' kompetenzi li huma evidenti f'ċerti partijiet tal-ekonomija, bħall-kostruzzjoni. L-użu b'suċċess tar-riżorsi li ġejjin mill-imposta tal-apprendistat se jitlob attenzjoni mill-qrib. Proposti biex tittejjeb il-provvista fil-kura tat-tfal se jkunu jeħtieġu implimentazzjoni mingħajr dewmien billi d-disponibbiltà u l-affordabbiltà tal-kura tat-tfal għadhom sfida.

(8)Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tar-Renju Unit u ppubblikatha fir-rapport tal-pajjiż tal-2016. Hija vvalutat ukoll il-programm ta' konverġenza u l-programm nazzjonali ta' riforma u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lir-Renju Unit fi snin preċedenti. Hija qieset mhux biss ir-rilevanza tagħhom għal politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fir-Renju Unit iżda wkoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni Ewropea billi jingħata kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. Ir-rakkomandazzjonijiet skont is-Semestru Ewropew huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet minn 1 sa 3 ta' hawn taħt.

(9)Fid-dawl ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-programm ta' konverġenza, u l-opinjoni tiegħu 10 hija riflessa b'mod partikolari fir-rakkomandazzjoni 1 ta' hawn taħt.

B'DAN JIRRAKKOMANDA li r-Renju Unit jieħu azzjoni fl-2016 u fl-2017 biex:

1.Jipprova jikkoreġi d-defiċit eċċessiv b'mod dejjiemi sal-2016-17. Wara l-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv, jikseb aġġustament fiskali ta' 0,6 % tal-PDG fl-2017-18 lejn l-objettiv baġitarju minimu fuq terminu medju.

2.Jindirizza nuqqasijiet fl-investiment fl-infrastruttura tan-netwerk, inkluż billi jwettaq il-prijoritajiet tal-Pjan Infrastrutturali Nazzjonali. Jieħu aktar passi biex iżid il-provvista tad-djar, inkluż billi jimplimenta r-riformi fil-qafas tal-politika nazzjonali tal-ippjanar.

3.Jindirizza l-ispariġġi tal-kompetenzi u jipprovdi għall-progressjoni tal-kompetenzi, inkluż permezz tat-tisħiħ tal-kwalità tal-apprendistati. Ikompli jtejjeb id-disponibbiltà ta' kura tat-tfal affordabbli, ta' kwalità għolja, u full-time.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1) ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.
(2) COM(2016) 348 final.
(3) P8_TA(2016)0058, P8_TA(2016)0059, u P8_TA(2016)0060.
(4) COM(2015) 690 final.
(5) COM(2015) 691 final.
(6) SWD(2016) 96 final.
(7) COM(2016) 95 final.
(8) COM(2014) 494 final.
(9) Il-bilanċ strutturali kif ikkalkulat mill-ġdid mill-Kummissjoni abbażi tal-informazzjoni fil-programm ta' konverġenza, skont il-metodoloġija maqbula b'mod komuni.
(10) Skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97.