Brussell, 18.5.2016

COM(2016) 336 final

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

fuq il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2016 tal-Lussemburgu

u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-2016 tal-Lussemburgu


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

fuq il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2016 tal-Lussemburgu

u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-2016 tal-Lussemburgu

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika 1 , u partikolarment l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea 2 ,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew 3 ,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)Fis-26 ta' Novembru 2015, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 4 , li ta bidu għas-Semestru Ewropew ta' koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-2016. Il-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ġew approvati mill-Kunsill Ewropew fis-17-18 ta' Marzu, 2016. Fis-26 ta' Novembru 2015, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija 5 , li fih il-Lussemburgu ma ġiex identifikat bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru għandu jitwettaq analiżi fil-fond. Fl-istess jum, il-Kummissjoni adottat rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro 6 . Dik ir-rakkomandazzjoni kienet approvata mill-Kunsill Ewropew fit-18-19 ta' Frar 2016 u adottata mill-Kunsill fit-8 ta' Marzu 2016. Bħala pajjiż li l-munita tiegħu hija l-euro, u fid-dawl tar-rabtiet mill-qrib bejn l-ekonomiji fl-unjoni ekonomika u monetarja, il-Lussemburgu għandu jara li jkun hemm implimentazzjoni sħiħa u f'waqtha ta' dawk ir-rakkomandazzjonijiet.

(2)Ir-rapport tal-pajjiż għal-Lussemburgu 7 ġie ppubblikat fis-26 ta' Frar 2016. Huwa vvaluta l-progress li għamel il-Lussemburgu biex jindirizza r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottat mill-Kunsill fl-14 ta' Lulju 2015 u l-progress li għamel il-Lussemburgu lejn il-miri nazzjonali tiegħu ta' Ewropa 2020.

(3)Fid-29 ta' April 2016, il-Lussemburgu ppreżenta l-Programm Nazzjonali ta' Riforma tiegħu tal-2016 u l-Programm ta' Stabbiltà tal-2016 tiegħu. Biex jiġu kkunsidrati l-konnessjonijiet ta' bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess żmien.

(4)Fl-ipprogrammar tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej għall-perjodu 2014-2020 ġew indirizzati rakkomandazzjonijiet relevanti speċifiċi għall-pajjiż. Kif previst fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, fejn ikun neċessarju li tiġi sostnuta l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet relevanti tal-Kunsill, il-Kummissjoni tista' titlob lil Stat Membru li janalizza u jipproponi emendi għall-Ftehim ta' Sħubija u għall-programmi relevanti tiegħu, Il-Kummissjoni pprovdiet aktar dettalji dwar kif hija tagħmel użu minn din id-dispożizzjoni f'linji-gwida dwar l-applikazzjoni tal-miżuri li jorbtu l-effettività tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej mal-governanza ekonomika soda 8 .

(5)Bħalissa l-Lussemburgu qiegħed fil-parti preventiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Il-programm ta' stabbiltà tal-2016 tiegħu, il-gvern għandu l-pjan li jikseb baġit bilanċjat fl-2017 kif ukoll li jkollu eċċessi żgħar wara dan, li jilħqu 0.4% tal-PDG sal-2020. L-objettiv baġitarju ta' terminu medju jibqa' jintlaħaq matul il-perjodu tal-ipprogrammar. Madankollu, fil-programm ta' stabbilta tiegħu, il-Lussemburgu ħabbar li l-objettiv baġitarju ta' terminu medju se jinbidel minn eċċess strutturali ta' 0.5% tal-PDG sal-2016 għal defiċit strutturali ta' 0.5% tal-PDG mill-2017 'l quddiem. Skont il-Programm ta' Stabbiltà, il-proporzjoni bejn id-dejn tal-gvern u l-PDG mistenni li gradwalment jiżdied għal 23.5% tal-PDG fl-2020. Ix-xeneraju makroekonomiku li jirfed dawn il-proġettazzjonijiet baġitarji huwa plawżibbli, ħlief għall-2017 u l-2018, meta huwa favorevoli. Abbażi tal-previżjoni tar-rebbiegħa tal-Kummissjoni tal-2016, l-eċċess tal-bilanċ strutturali huwa previst lil jonqos għal 1.4 % tal-PDG fl-2016 u jibqa' nieżel għal 0.3 % tal-PDG fl-2017, biex b'hekk jibqa' ogħla mill-objettiv baġitarju ta' terminu medju. Devjazzjonijiet futuri possibbli ikunu evalwati kontra l-obbligu li jinżamm il-bilanċ strutturali fi ħdan l-obbjettiv baġitarju ta' terminu medju, fil-kunsiderazzjoni tal-ħtieġa li tiġi żgurata s-sostenibbilta għat-tul tal-finanzi pubbliċi, speċjalment fil-qasam tal-pensjonijiet. Abbażi tal-valutazzjoni tiegħu tal-Programm ta’ Stabbiltà u filwaqt li jqies il-previżjoni tar-rebbiegħa tal-2016 tal-Kummissjoni, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li l-Lussemburgu hu mistenni jikkonforma mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir.

(6)L-awtoritajiet tal-Lussemburgu ħabbru l-linji ewlenin ta' riforma komprensiva tar-regoli tat-taxxa li għandha tidħol fis-seħħ fl-2017. Ir-riforma tipprevedi emendi l-aktar fil-qasam tat-tassazzjoni diretta, kemm għall-individwi kif ukoll għall-korporazzjonijiet. Hija għandha l-għan li jkun hemm tnaqqis gradwali fir-rata tat-taxxa fuq il-kumpaniji (bil-għan li tiżdied il-kompetittività) u progressività miżjuda tat-taxxa fuq id-dħul personali (bil-għan li tiżdied il-ġustizzja). Fl-istess waqt, iż-żieda ta' ċertu nfiq tat-taxxa, b'mod partikolari fejn tidħol l-akkomodazzjoni, toħloq riskju li l-bażi tat-taxxa tidjieq. Ċerti żviluppi internazzjonali jistgħu wkoll jaffettwaw it-tfassil tas-sistema tat-taxxa tal-Lussemburgu u jenfasizzaw il-fraġilità ta' mill-anqas parti mill-introjti fiskali. Biex tiġi żgurata l-prevedibbiltà tagħhom, hemm lok għal aktar twessigħ tal-bażi tat-taxxa, b’mod partikolari billi terġa' tkun ikkunsidrata t-tassazzjoni fuq il-proprjetà għall-abitazzjoni li bħalissa hija baxxa, u billi jsir aktar użu ta’ sorsi alternattivi, inkluż it-tassazzjoni ambjentali. F'dak il-każ, it-tneħħija tal-kaxxa dwar il-proprjetà intellettwali tipprmetti xi twessigħ tal-bażi tat-taxxa tal-kumpaniji. L-adozzjoni u l-implimentazzjoni tar-riformi tat-taxxa se tibqa' tiġi segwita mill-qrib taħt is-Semestru Ewropew.

(7)L-awtoritajiet tal-Lussemburgu raw kif għamlu biex jiddiversifikaw l-ekonomija, fl-għarfien tar-riskji marbuta ma' dipendenza qawwija fuq is-settur finanzjarju. Meta wieħed iqis il-livell għoli tal-kosti lavorattivi fil-pajjiż, attivitajiet li jkollhom valur miżjud joffru l-potenzjal li jilliberaw sorsi alternattivi ta' tkabbir. Id-diversifikazzjoni b'suċċess tal-ekonomija tal-Lussemburgu għalhekk tiddependi ħafna fuq dawk is-setturi li huma anqas sensittivi għal-livelli tal-kosti lavorattivi. Fil-biċċa l-kbira huma bbażati fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni, li għandhom it-tendenza li jkollhom użu intensiv ta' teknoloġija u ta' għarfien. L-espansjoni ulterjuri tas-settur tas-servizzi mhux finanzjarji, li diġà huwa wieħed ta' suċċess, ukoll jista' jgħin fid-diversifikazzjoni tal-ekonomija. It-tnaqqis, jew it-tneħħija ta' ostakoli eżistenti għall-investiment u l-innovazzjoni li jillimitaw l-iżvilupp ekonomiku, jillibera l-potenzjal għall-innovazzjoni u jgħinu d-diversifikazzjoni. Filwaqt li l-investiment pubbliku huwa ogħla mill-medja fiż-żona tal-euro, l-investiment privat mhuwiex jilħaq il-prestazzjoni massima potenzjali. Huwa essenzjali, biex jinżammu l-prospetti tat-tkabbir, li jiġi sostnut livell għoli ta' investiment. L-analiżi fir-rapport tal-pajjiż turi li l-Lussemburgu huwa l-pajjiż li għandu l-aktar regolmentazzjoni restrittiva fl-UE fejn jidħu s-servizzi għan-negozju u l-istabbiliment tal-bejgħ bl-imnut. Ir-restrizzjonijiet ewlenin jolqtu r-rekwiżiti tal-parteċipazzjoni azzjonarja, id-drittijiet tal-vot u l-limitazzjonijiet multidixxiplinarji fis-settur tas-servizzi għan-negozji kif ukoll rekwiżiti operattivi u ta' stabbiliment fis-settur tal-bejgħ bl-imnut.

(8)Iż-żieda kontinwa fil-prezzijiet tal-akkomodazzjoni f'dawn l-aħħar deċennji, flimkien ma' dinamiċi qawwija previsti fejn tidħol il-popolazzjoni u l-impjiegi matul is-snin li ġejjin, tista' tkun ta' ostakolu għaż-żieda mbassra fil-popolazzjoni u l-forza lavorattiva. Dak il-prospett huwa aktar u aktar probabbli peress li l-ekonomija tiddependi bil-kbir fuq id-dħul ta' ħaddiema ta' ħiliet għolja mill-pajjiżi ġirien, li jirrappreżentaw madwar terz tat-total tal-impjiegi. Id-dinamiżmu tal-prezzijiet tal-proprjetà immobbli residenzjali huwa mbuttat minn nuqqas ta' qbil bejn id-domanda u l-provvista, b'mod partikolari n-nuqqas ta' akkomodazzjoni disponibbli u affordabbli. Id-disponibbiltà insuffiċjenti ta' art għall-bini ġdid u l-prestazzjoni amministrattiva mhux mill-aħjar fejn jidħlu l-proċeduri tal-għoti tal-permessi tal-bini qegħdin itellfu l-flessibbiltà tal-provvista tal-akkomodazzjoni. Parti importanti tas-sussidji tat-taxxa disponibbli taħt il-politiki preżenti x'aktarx tiġi kkapitalizzata fi prezzijiet tal-akkomodazzjoni, meta wieħed iqis il-provvista riġida tal-akkomodazzjoni. L-isforzi mmirati lejn il-provvista ta' akkomodazzjoni soċjali bi prezzijiet affordabbli ukoll jistgħu jingħataw spinta. Is-suq tal-akkomodazzjoni kif jinsab bħalissa mhux biss itellef lill-unitajiet domestiċi milli jistabbilixxu r-residenza tagħhom fil-Lussemburgu, iżda wkoll ikabbar il-problema tat-traffiku u tat-tniġġiż. Il-proġettazzjonijiet demografiċi ġodda fir-rapport tal-2015 dwar it-tixjiħ ikomplu jżidu l-pressjoni biex titneħħa l-konġestjoni għall-investiment fl-oqsma tat-trasport u tal-akkomodazzjoni u għandhom ikunu riflessi fl-erba' pjani settorjali li se jsiru dwar l-akkomodazzjoni, it-trasport, iż-żoni ta' attività ekonomika u l-pajsaġġi ppreservati.

(9)Il-kisba tad-diversifikazzjoni ekonomika tista' titrażżan bil-fatt li l-iżviluppi fil-pagi f'ċerti setturi jistgħu ma jkunux konformi mal-iżviluppi fil-produttività. Dan ikompli jillimita s-setturi li jistgħu jiġu mmirati, l-aktar għal dawk li jkollhom valur miżjud għoli. Matul l-aħħar deċennju, il-kosti ta' kull unità lavorattiva fil-Lussemburgu għolew b'rata aktar mgħaġġla milli fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri taż-żona tal-euro. L-indiċizzazzjoni awtomatika tal-pagi madwar l-ekonomija kollha għandha rwol li tillimita l-varjazzjoni tal-pagi bejn settur u ieħor u tista' sservi biex ma jittiħdux f'kunsiderazzjoni varjazzjonijiet fil-produttivita tax-xogħol. Madankollu, l-ambjent estiż ta' inflazzjoni baxxa fisser li l-aġġustament awtomatiku tal-pagi dam ma skatta, u dan kien ta' kontribut għal żviluppi moderati fejn jidħlu l-pagi. B'mod parallel ma' żviluppi dgħajfa fil-pagi u ż-żieda fil-produzzjoni, it-telf fil-kost-kompetittività ttaffa. F'dak il-kuntest, ikun siewi l-monitoraġġ tal-iżviluppi tal-pagi.

(10)Ir-responsabbiltajiet marbuta mal-età għadhom ta' riskju fuq terminu twil, b'mod partikolari għar-rigward tal-kosti tal-pensjonijiet. Il-Lussemburgu għamel progress limitat fejn jidħol l-għeluq tal-qasma bejn l-età tal-irtirar statutorja u effettiva, billi impona limitazzjonijiet fuq l-irtirar kmieni. F'Lulju 2015 abbozz ta' liġi li timmodifika l-iskemi tal-irtirar kmieni ġie ippreżentat lill-parlament. Madankollu, filwaqt li skema waħda ġiet abolita, il-kundizzjonijiet ta' aċċess għal skemi oħra ta' qabel l-irtirar ittaffew. Liġi dwar ir-riklassifikazzjoni tal-ħaddiema b'diżabbiltajiet li jaffetwawhom fuq ix-xogħol ġiet adottata f'Lulju 2015, u bdiet tiġi implimentata mill-1 ta' Jannar 2016. Il-liġi żiedet il-possibbiltajiet għall-ħaddiema b'diżabbiltajiet li jaffetwawhom fuq ix-xogħol biex jibqgħu fis-suq tax-xogħol u konsegwentement implikat tnaqqis fl-għadd ta' persuni li jidħlu fi skema ta' irtirar kmieni. L-irtirar kmieni għadu mifrux u l-inċentivi biex wieħed jibqa' jaħdem aktar fit-tul huma limitati. Għad ma hemmx strateġija reali biex iżżomm lill-ħaddiema aktar anzjani fl-impjieg u li tipprovdi inċentivi u ħiliet biex dawn jinġiebu lura lejn ix-xogħol. Il-"patt tal-età", li għandu l-għan li jħajjar lill-azjendi b'aktar minn 150 impjegat iżommu ħaddiema aktar anzjani, għadu qiegħed jiġi diskuss mill-parlament.

(11)Skont ir-riforma tal-2012 tal-pensjonijiet, għandu jsir eżerċizzju ta' monitoraġġ u ta' evalwazzjoni tas-sostenibbiltà tas-sistema tal-pensjonijiet kull ħames snin wara l-adozzjoni tar-riforma. Il-gvern ikkonferma l-intenzjoni tiegħu li l-evalwazzjoni titmexxa 'l quddiem għall-2016 pjuttost milli ssir fl-2017 kif kien ippjanat bil-bidu, u ħoloq Grupp ta' Ħidma dwar il-Pensjonijiet bil-kompitu li jagħmel l-evalwazzjoni. Ma sar l-ebda progress fl-irbit bejn l-età statutorja tal-irtirar mal-istennija tal-għomor, kif kien rakkomandat qabel mill-Kunsill. Il-Lussemburgu huwa partikolari peress li huwa l-uniku Stat Membru fejn għall-perjodu bejn l-2013 u l-2060 ma hemm l-ebda dispożizzjoni għal żieda ulterjuri fl-etajiet tal-irtirar statutorji u tal-irtirar kmieni. Fir-Rapport dwar it-Tixjiħ tal-2015, iż-żieda pproġettata fejn tidħol il-nefqa marbuta mal-età ġiet riveduta 'l isfel, iżda r-reviżjoni hija spjegata kważi għal kollox bi proġettazzjonijiet demografiċi aktar favorevoli, f'kuntest fejn ma ġew adottati l-ebda riformi ġodda. Anki wara r-reviżjoni, iż-żieda pproġettata fin-nefqa fuq il-pensjonijiet għadha l-ogħla waħda fl-UE. Barra minn dan, il-Lussemburgu għandu quddiemu riskju marbut maż-żieda mistennija fin-nefqa tal-kura għat-tul, waħda mill-ogħla fost l-Istati Membri bħala sehem mill-PDG. Dan, min-naħa tiegħu, jidher li qiegħed jiġi mbuttat bl-akbar żieda pproġettata fis-sehem tal-popolazzjoni dipendenti sal-2060 fl-UE. Saret ħidma preparatorja fuq riforma sabiex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-assikurazzjoni tal-kura għat-tul.

(12)Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Lussemburgu u ppubblikatha fir-rapport tal-pajjiż tal-2016. Hija vvalutat ukoll il-programm ta' stabbiltà u l-programm nazzjonali ta' riforma u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lil-Lussemburgu fi snin preċedenti. Hija mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fil-Lussemburgu imma qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-UE billi jingħata kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. Ir-rakkomandazzjonijiet skont is-Semestru Ewropew huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet 1 u 2 ta' hawn taħt.

(13)Fid-dawl ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-programm ta' stabbiltà, u huwa tal-opinjoni 9 li l-Lussemburgu mistenni jkun konformi mal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir.

B'DAN JIRRAKKOMANDA li l-Lussemburgu jieħu azzjoni fl-2016 u l-2017 biex:

1.Jiżgura s-sostenibbiltà għat-tul tal-pensjonijiet pubbliċi billi jkompli jagħmel restrizzjonijiet fuq l-irtirar kmieni, billi jorbot l-età tal-irtirar statutorja mal-istennija tal-għomor u billi jżid l-inċentivi biex il-ħaddiema jdumu aktar fl-impjieg.

2.Ineħħi l-ostakoli għall-investiment u l-innovazzjoni li jirrestrinġu l-iżvilupp ekonomiku fis-settur tas-servizzi lin-negozju. Jindirizza l-konġestjonijiet li jtellfu l-investiment fl-akkomodazzjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1) ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.
(2) COM(2016) 336 finali.
(3) P8_TA(2016)0058, P8_TA(2016)0059, u P8_TA(2016)0060.
(4) COM(2015) 690 finali.
(5) COM(2015) 691 finali.
(6) COM(2015) 692 finali.
(7) SWD(2016) 84 finali.
(8) COM(2014) 494 finali.
(9) Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97.