Brussell, 24.5.2016

COM(2016) 274 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Rapport dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1177/2010 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri meta jivvjaġġaw bil-baħar jew minn passaġġi fuq l-ilma interni u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004


1.    Introduzzjoni

1.1.    Sfond

Ir-Regolament (UE) Nru 1177/2010 1 ("ir-Regolament") li għandu l-għan li jiżgura l-protezzjoni bażika tal-passiġġieri li jivvjaġġaw bil-baħar u minn passaġġi fuq l-ilma interni b'servizzi ta' trasport tal-passiġġieri jew kruċieri, daħal fis-seħħ fit-18 ta' Diċembru 2012.

Il-Kummissjoni qed tippreżenta dan ir-rapport skont l-Artikolu 29 tar-Regolament, li jirrikjedi rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-operat u l-effetti tar-Regolament, u jekk ikun hemm bżonn, anke proposti leġiżlattivi biex jimplimentaw b'mod aktar iddettaljat id-dispożizzjonijiet tiegħu jew biex jiġi emendat.

Ir-rapport huwa bbażat fuq l-input kwantitattiv u kwalitattiv tar-rapporti tal-awtoritajiet nazzjonali dwar l-eżekuzzjoni tar-Regolament 2 fil-perjodu 2013-2014 u l-konsultazzjoni tal-partijiet ikkonċernati li jirrappreżentaw il-passiġġieri u l-industrija fil-livell Ewropew 3 .

1.2.    Importanza u karatteristiċi tas-setturi tal-UE tat-trasport marittimu u minn passaġġi fuq l-ilma interni tal-passiġġieri

It-trasport marittimu jirrappreżenta kważi s-suq kollu tat-trasport tal-passiġġieri bid-dgħajjes fl-UE. It-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni jirrappreżenta anqas minn 1% tas-suq 4 .

Ir-Regolament jiddistingwi bejn servizzi ta' trasport kummerċjali tal-passiġġieri u servizzi tal-kruċieri, u jirrifletti l-karatteristiċi differenti tagħhom fil-kamp ta' applikazzjoni tad-drittijiet li jagħti lill-passiġġieri:

Is-servizzi ta' trasport kummerċjali tal-passiġġieri huma servizzi ta' trasport tal-passiġġieri li jsiru bejn il-portijiet skont skeda ppubblikata. Dawn jammontaw għal 96,5% tas-suq marittimu tal-passiġġieri: fl-2013, 193 miljun passiġġier użaw il-laneċ marittimi u servizzi oħra regolari tat-trasport marittimu 5 . It-traffiku marittimu intensiv tal-passiġġieri huwa essenzjali jekk l-arċipelagi, il-ġżejjer u r-reġjuni l-aktar mbiegħda u ultraperiferiċi tal-Istati Membri jridu jkunu parti min-nisġa soċjali u ekonomika tal-UE. F'xi każijiet (eż. il-gżejjer żgħar mingħajr konnessjoni tat-trasport bl-ajru) ma jkunx hemm għażla oħra ħlief it-trasport marittimu u għaldaqstant iċ-ċittadini jridu jivvjaġġaw bil-vapur, skont il-kundizzjonijiet li jimponi l-operatur tat-trasport.

Il-kruċieri huma servizzi fuq l-ilma operati biss għal skopijiet ta' divertiment jew rikreazzjoni, li jiġu ssupplimentati b'akkomodazzjoni u b'faċilitajiet oħra, li jinkludu aktar minn żewġt iljieli abbord. Fl-2013, l-għadd ta' passiġġieri tal-kruċieri laħaq kważi s-7 miljuni, jiġifieri madwar 3,5% tas-suq 6 . L-industrija tal-kruċieri taqa' fil-parti lussuża tas-settur marittimu; il-vapuri joffru l-istess infrastruttura li toffri lukanda, jipprovdu attivitajiet ta' divertiment u ta' spiss jieħdu lura l-passiġġieri fil-port tat-tluq.

2.    L-għanijiet, il-kamp ta' applikazzjoni u l-kontenut tar-Regolament

2. 1    L-għanijiet tar-Regolament

Il-leġiżlaturi tal-Unjoni adottaw regoli dwar id-drittijiet tal-passiġġieri għall-mezzi kollha ta' trasport (it-trasport bl-ajru, bil-ferrovija, fuq l-ilma u bil-karozza tal-linja/bil-kowċ) sabiex iċ-ċittadini jkollhom livell minimu ta' protezzjoni meta jivvjaġġaw fl-Ewropa u għalhekk tiġi ffaċilitata l-mobilità u l-integrazzjoni soċjali. L-eżistenza ta' sett komuni ta' drittijiet tal-passiġġieri ggarantiti mil-liġi għall-erba' mezzi ta' trasport (b'dispożizzjonijiet speċifiċi li jirriflettu l-karatteristiċi modali ta' kull mezz ta' trasport, suq u passiġġier 7 ) tgħin biex toħloq kundizzjonijiet ekwi għall-operaturi fil-mezzi ta' trasport u bejniethom.

2.2    Il-kamp ta' applikazzjoni u l-kontenut tar-Regolament

Il-kamp ta' applikazzjoni

B'ċerti eċċezzjonijiet, 8 ir-Regolament japplika għas-servizzi ta' trasport marittimu tal-passiġġieri u minn passaggi fuq l-ilma interni operati minn portijiet fl-UE jew lejhom u lejn servizzi tal-kruċieri b'port ta' imbark fl-UE.

Sat-18 ta' Diċembru 2014, l-Istati Membri kienu jistgħu jeżentaw mill-applikazzjoni tar-Regolament il-vapuri tal-baħar ta' inqas minn 300 tunnellata grossa li jintużaw fit-trasport domestiku, sakemm id-drittijiet tal-passiġġieri jkunu garantiti b'mod xieraq mil-liġi nazzjonali. L-ebda Stat Membru ma uża din l-eżenzjoni.

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx ir-Regolament għas-servizzi ta' trasport tal-passiġġieri koperti mill-obbligi ta' servizz pubbliku, mill-kuntratti ta' servizz pubbliku jew mis-servizzi integrati jekk jiżguraw li d-drittijiet skont ir-Regolament huma ggarantiti b'mod komparabbli mil-liġi nazzjonali. L-ebda Stat Membru ma uża din l-eżenzjoni.

Kontenut

Bħad-drittijiet tal-passiġġieri applikabbli għal mezzi oħra ta' trasport, id-drittijiet tal-passiġġieri fuq l-ilma huma bbażati fuq erba' prinċipji:

a)    Nondiskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità

L-ebda passiġġier ma għandu jkun direttament jew indirettament diskriminat abbażi tan-nazzjonalità tiegħu meta jixtri biljetti għas-servizzi ta' trasport tal-passiġġieri fuq l-ilma u għall-kruċieri.

b)    Informazzjoni preċiża, f’waqtha u aċċessibbli

Il-passiġġieri għandhom id-dritt għal informazzjoni adegwata qabel u matul il-vjaġġ tagħhom (b'mod partikolari f'każ ta' tħarbit fit-trasport), inkluż id-drittijiet tagħhom u d-dettalji ta' kuntatt tal-korpi ta' infurzar nazzjonali (NEBs).

c)    Assistenza immedjata u proporzjonata f'każ ta' tħarbit fit-trasport

F'każ ta' dewmien ta' aktar minn 90 minuta jew ta' kanċellazzjoni ta' servizz ta' trasport tal-passiġġieri jew ta' kruċiera, il-passiġġieri huma intitolati għal assistenza xierqa u proporzjonata b'xejn. Din l-assistenza tista' tinkludi snacks, ikel, xorb u f'xi okkażjonijiet, akkomodazzjoni. Il-passiġġieri jridu jingħataw ukoll l-għażla bejn:

it-trasport alternattiv lejn id-destinazzjoni finali b'kundizzjonijiet tat-trasport komparabbli, mill-aktar fis possibbli u mingħajr ħlas addizzjonali; u

ir-rimborż tal-prezz tal-biljett, u fejn rilevanti, is-servizz ta' ritorn mingħajr ħlas mal-ewwel opportunità, lejn l-ewwel punt ta' tluq, kif stabbilit fil-kuntratt ta' trasport.

Barra minn hekk, il-passiġġieri għandhom dritt għal kumpens oġġettiv u standardizzat f'każ li jdumu ħafna ma jaslu fid-destinazzjoni tagħhom. L-ammont ta' kumpens jiddependi fuq kemm ikun twil id-dewmien u fuq it-tul skedat tal-vjaġġ u jiġi kkalkulat skont il-prezz tal-biljett. L-operatur tat-trasport ma jridx iħallas kumpens jekk juri li d-dewmien kien ikkawżat minn kundizzjonijiet klimatiċi li jipperikolaw l-operat sikur tal-vapur jew li kien ikkawżat minn ċirkostanzi eċċezzjonali li ma setgħux jiġu evitati.

Għall-kuntrarju tas-servizzi ta' trasport kummerċjali tal-passiġġieri, il-kruċieri ma għandhomx skeda ppubblikata vinkolanti u għalhekk, skont ir-Regolament, il-passiġġieri tal-kruċieri la għandhom id-dritt li jagħżlu bejn rotta alternattiva u r-rimborż f'każ ta' dewmien jew kanċellazzjoni tat-tluq (din il-kwistjoni għandha tiġi rregolata fil-kuntratt li l-passiġġier jagħmel mas-servizzi tal-kruċiera) u lanqas ma għandhom id-dritt li jieħdu kumpens f'każ li jdumu ħafna ma jaslu fid-destinazzjoni tagħhom.

d)    Drittijiet tal-persuni b’diżabilità u b’mobilità mnaqqsa

Ir-Regolament jimponi ċerti obbligi fuq it-trasportaturi, fuq l-operaturi tat-terminal tal-port, fuq l-aġenti tal-ivvjaġġar u fuq l-operaturi turistiċi sabiex jiġi żgurat li l-persuni b'diżabilità jew b'mobilità mnaqqsa jkollhom opportunitajiet indaqs ta' vvjaġġar fuq l-ilma.

It-trasportaturi, l-aġenti tal-ivvjaġġar u l-operaturi turistiċi ma jistgħux jirrifjutaw li jaċċettaw prenotazzjoni jew li jittrasportaw passiġġieri abbażi tad-diżabilità jew tal-mobilità mnaqqsa tagħhom sakemm:

ikun impossibbli li jittrasportawhom f'konformità mal-leġiżlazzjoni dwar is-sikurezza applikabbli u r-rekwiżiti tas-saħħa u tas-sikurezza stabbiliti mill-awtoritajiet kompetenti; jew

it-tfassil tal-vapur jew tal-infrastruttura tat-trasport jagħmluha impossibbli li jittrasportawhom b'mod sikur u fattibbli mil-lat operattiv.

It-trasportaturi u l-maniġers tat-terminal iridu jistabbilixxu kundizzjonijiet ta' aċċess nondiskriminatorji.

Il-persuni b'diżabilità jew b'mobilità mnaqqsa ma jistgħux jintalbu jħallsu aktar għall-biljett tagħhom u t-trasportaturi u l-operaturi tat-terminal tal-port iridu jipprovdu assistenza xierqa b'xejn kemm fil-portijiet kif ukoll fuq il-vapuri.

Leġiżlazzjoni oħra tal-UE rilevanti għas-servizz ta' trasport tal-passiġġieri fuq l-ilma

Il-passiġġieri li jużaw is-servizzi marittimi skont il-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament huma protetti wkoll bir-Regolament (KE) Nru 392/2009 9 li għandu l-għan li jiżgura li jitħallas kumpens xieraq għal kull dannu personali (inkluż il-mewt) jew għal kull telf jew ħsara li jistgħu jġarrbu b'riżultat ta' inċident marittimu 10 .

Skont id-Direttiva (UE) Nru 2015/2302 dwar pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta 11 li ġiet adottata dan l-aħħar, il-passiġġieri li jivvjaġġaw bil-vapur bħala parti minn vjaġġ li jkollu kollox inkluż igawdu minn drittijiet addizzjonali. 

Il-leġiżlazzjonijiet tal-UE li ġejjin jirregolaw ukoll diversi aspetti li jikkonċernaw l-aċċessibilità tal-persuni b'diżabilità jew b'mobilità mnaqqsa għall-vapuri: Id-Direttiva 2009/45/KE dwar regoli u standards ta’ sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri 12 , id-Direttiva 1999/35/KE dwar sistema ta' stħarriġ obbligatorju għall-operazzjoni bla perikolu ta' laneċ ro-ro regolari u servizzi tal-inġenji tal-baħar ta' veloċità kbira għall-passiġġieri 13 u d-Direttiva 98/41/KE dwar ir-reġistrazzjoni ta' persuni li jbaħħru abbord vapuri tal-passiġġieri li joperaw lejn jew minn portijiet tal-Istati Membri tal-Komunità 14 .

Parti sinifikanti tat-trasport tal-passiġġieri fuq l-ilma jsir f'kuntest transfruntier: il-passiġġieri jivvjaġġaw fuq servizzi transfruntiera jew jivvjaġġaw fuq servizzi domestiċi barra mill-Istat Membru tagħhom stess. Sabiex jiġu protetti l-interessi ta' dawn il-passiġġieri, ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi 15 jipprovdi qafas xieraq għall-korpi ta' infurzar nazzjonali biex jikkooperaw ma' xulxin u biex jiddefendu l-interessi kollettivi tal-passiġġieri f'kuntest transfruntier.

3.    L-applikazzjoni tar-Regolament mill-Istati Membri

Ir-Regolament jirrikjedi li l-Istati Membri jinnominaw korpi ta' infurzar nazzjonali (NEBs) biex japplikawh u biex jagħtu penali effettivi, proporzjonati u dissważivi fil-liġi nazzjonali tagħhom biex jissanzjonaw l-operaturi li jiksruh.

Kif jiġu nnominati l-Korpi ta' Infurzar Nazzjonali 16 ?

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri nnominaw NEBs li qabel kienu responsabbli mid-drittijiet tal-passiġġieri f'mezzi oħra ta' trasport. L-NEBs huma awtoritajiet tat-trasport jew awtoritajiet għall-protezzjoni tal-konsumatur. Xi Stati Membri nnominaw diversi NEBs: ġeneralment awtorità tal-protezzjoni tal-konsumatur li hija responsabbli mit-trattament tal-ilmenti u awtorità tat-trasport li hija responsabbli minn kwistjonijiet oħra (spezzjonijiet, sanzjonijiet, aċċess għall-vapuri u għat-terminals tal-port għall-passiġġieri b'diżabilità). F'ħafna Stati Membri l-NEBs ġew innominati biss fil-livell nazzjonali, iżda f'xi Stati Membri l-awtoritajiet nazzjonali għandhom rwol importanti fl-infurzar tar-Regolament.

It-trattament tal-ilmenti

Il-passiġġieri jistgħu jressqu l-ilmenti dwar l-allegat ksur tar-Regolament lill-operatur tat-trasport, lill-operatur tat-terminal tal-port jew direttament lill-NEB.

Ir-Regolament ma jistipulax ordni kronoloġika ta' meta għandu jitressaq ilment, iżda jippermetti li l-Istati Membri jirrikjedu li l-passiġġieri jressqu l-ilment tagħhom l-ewwel lill-operatur tat-trasport jew tat-terminal tal-port, filwaqt li l-NEB taġixxi biss bħala korp ta' appell jekk il-passiġġier ma jkunx sodisfatt bit-tweġiba. B'kollox 21 Stat Membru għamlu din l-għażla li hi aktar vantaġġuża peress li l-NEBs jistgħu jipproċessaw l-ilmenti b'mod aktar effiċjenti u rapidu billi jkollhom mal-ewwel għad-dispożizzjoni tagħhom il-korrispondenza bejn l-ilmentatur u l-operatur tat-trasport/tat-terminal u għalhekk ikollhom ħarsa ġenerali aktar komprensiva tal-każ mill-perspettiva taż-żewġ partijiet.

Ma hemmx ċifri disponibbli pubblikament dwar l-għadd ta' ilmenti li l-passiġġieri ressqu lit-trasportaturi jew lill-operaturi tat-terminal fis-snin 2013 u 2014. Għalkemm din id-dejta tkun utli biex jiġi vvalutat l-operat tar-Regolament, it-trasportaturi u l-operaturi tat-terminal mhumiex obbligati li jiġbruha u jirrapurtawha lill-NEBs.

Madankollu, nafu biċ-ċert li l-NEBs trattaw biss ftit ilmenti (ara t-tabella t'hawn taħt). Hemm diversi raġunijiet għal dan; b'mod partikolari, ir-Regolament għadu pjuttost ġdid u ħafna passiġġieri jistgħu ma jkunux kompletament konxji tad-drittijiet tagħhom. Barra minn hekk, f'ħafna Stati Membri l-passiġġieri jridu l-ewwel iressqu l-ilmenti tagħhom lill-operatur tat-trasport jew tat-terminal, li ħafna drabi jirnexxilu jsolvihom b'mod sodisfaċenti biex ma jaslux għand l-NEBs.

Sanzjonijiet

Il-biċċa l-kbira tal-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri jipprevedu sistema ta' penali bbażata prinċipalment fuq il-multi, iżda xi NEBs jistgħu anke jirtiraw il-liċenzja tal-operatur jekk jikser ir-Regolament b'mod intenzjonat u sistematiku.

L-NEBs imponew ftit li xejn sanzjonijiet minn mindu daħal fis-seħħ ir-Regolament (ara t-tabella t'hawn taħt). Il-biċċa l-kbira jsostnu li l-operaturi huma ħerqana li jikkonformaw u jirranġaw il-ksur u għalhekk isolvu l-ilmenti qabel ma jkun meħtieġ li tiġi imposta sanzjoni.

Tabella - L-għadd ta' lmenti trattati u ta' sanzjonijiet imposti mill-Korpi ta' Infuzar Nazzjonali (NEBs) 17

Stat Membru

Għadd ta' lmenti trattati

Għadd ta' sanzjonijiet imposti

2013

2014

2013

2014

L-Awstrija

Mhux applikabbli

Mhux applikabbli

Mhux applikabbli

Mhux applikabbli

Il-Belġju

Mhux applikabbli

Mhux applikabbli

Mhux applikabbli

Mhux applikabbli

Il-Bulgarija

-

-

-

-

Il-Kroazja

0

0

0

0

Ċipru

-

-

-

-

Ir-Repubblika Ċeka

Mhux applikabbli

Mhux applikabbli

Mhux applikabbli

Mhux applikabbli

Id-Danimarka

1

2

0

0

L-Estonja

1

1

0

0

Il-Finlandja

10

6

Mhux applikabbli

Mhux applikabbli

Franza

Mhux applikabbli

0

Mhux applikabbli

0

Il-Ġermanja

4

10

0

0

Il-Greċja

64

45

11

7

L-Ungerija

0

0

0

0

L-Irlanda

3

0

0

0

L-Italja

Mhux applikabbli

Mhux applikabbli

Mhux applikabbli

Mhux applikabbli

Il-Latvja

0

0

0

0

Il-Litwanja

0

0

0

0

Il-Lussemburgu

Mhux applikabbli

Mhux applikabbli

Mhux applikabbli

Mhux applikabbli

Malta

1

3

0

0

In-Netherlands

0

0

0

0

Il-Polonja

Mhux applikabbli

0

Mhux applikabbli

0

Il-Portugall

Mhux applikabbli

0

Mhux applikabbli

0

Ir-Rumanija

Mhux applikabbli

0

Mhux applikabbli

0

Is-Slovakkja

0

0

0

0

Is-Slovenja

0

0

0

0

Spanja

501

419

21

39

L-Iżvezja

1

27

Mhux applikabbli

0

Ir-Renju Unit

14

11

0

0

Attivitajiet oħra ta' infurzar u ta' komunikazzjoni

It-trattament tal-ilmenti u l-penali għan-nuqqas ta' konformità huma biss xi ftit eżempji li r-Regolament jagħti tal-għodod possibbli biex jiġu infurzati d-drittijiet tal-passiġġieri fuq l-ilma. Bosta NEBs kienu proattivi ħafna u ħadu azzjoni addizzjonali.

Kemm l-NEBs kif ukoll il-partijiet ikkonċernati ddikjaraw li l-laqgħat bejn l-NEBs, it-trasportaturi u l-operaturi tat-terminal tal-port 18 u l-pubblikazzjoni ta' linji gwida nazzjonali dwar id-drittijiet tal-passiġġieri u dwar l-obbligi tal-operaturi 19 qabel ma daħal fis-seħħ ir-Regolament, kienu utli ħafna biex l-operaturi jitħejjew għal meta r-Regolament jidħol fis-seħħ.

Xi NEBs 20 jipparteċipaw b’mod regolari f'avvenimenti tal-midja u f'fieri tat-turiżmu biex jinfurmaw lill-pubbliku dwar id-drittijiet tal-passiġġieri tat-trasport fuq l-ilma.

Bosta NEBs iwettqu spezzjonijiet regolari biex jikkontrollaw jekk il-vapuri u t-terminals tal-port jipprovdux l-informazzjoni meħtieġa għall-passiġġieri u kemm din hija aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità jew b'mobilità mnaqqsa. Dawn jikkontrollaw ukoll il-paġni ewlenin tas-siti web tat-trasportaturi u tal-operaturi tat-terminal (eż. biex jiżguraw li l-passiġġieri jkunu infurmati dwar id-drittijiet tagħhom, jew li l-klawsoli ġenerali tal-kuntratt huma konformi mar-Regolament) 21 . L-għan ewlieni ta' dawn il-kontrolli mhuwiex li jiġu sanzjonati l-operaturi, iżda li jiġu edukati dwar l-obbligi tagħhom skont dan ir-Regolament u b'hekk tiġi ffaċilitata l-konformità volontarja.

4.    Operat tar-Regolament u azzjoni għat-titjib

4.1    Valutazzjoni tal-operat tar-Regolament    

Riżultati tal-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati

F’Novembru 2015, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet ikkonċernati li jirrappreżentaw lill-passiġġieri u lill-industrija fil-livell tal-UE biex jaqsmu l-fehmiet tagħhom dwar l-operat tar-Regolament 22 .

Il-partijiet ikkonċernati li jirrappreżentaw lis-sidien tal-vapuri, lill-kruċieri u lill-portijiet indikaw li r-Regolament kien qed jaħdem tajjeb u ma għandux jiġi emendat. Huma enfasizzaw il-kwalità għolja tas-servizz ipprovdut, kif jidher mill-għadd żgħir ħafna ta' ilmenti.

L-organizzazzjonijiet tal-passiġġieri huma ġeneralment sodisfatti bir-Regolament, iżda jaraw li hemm lok għal titjib. Dawn jaħsbu li t-trasportaturi u l-operaturi tat-terminal tal-port urew approċċ pożittiv lejn l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tar-Regolament, iżda għad baqa' x-xogħol xi jsir mill-operaturi u mill-NEBs. Il-livell ta’ applikazzjoni jvarja b’mod sinifikanti bejn l-Istati Membri u t-trasportaturi.

Għandha tittieħed azzjoni ulterjuri biex jiġi żgurat id-dritt tal-mobilità tal-persuni b’diżabilità u b’mobilità mnaqqsa:

il-bastimenti u t-terminals għandhom ikunu aktar aċċessibbli;

it-trasportatur u l-persunal tat-terminal għandhom ikunu mħarrġa aħjar biex jipprovdulhom assistenza xierqa; u

l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-persuni b’diżabilità għandhom jiġu kkonsultati b’mod aktar sistematiku dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti.

B’mod partikolari, it-trasportaturi u l-operaturi tat-terminal għandhom iqisu l-opinjonijiet tal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi meta jistabbilixxu standards ta’ kwalità għall-assistenza ta’ persuni b’diżabilità jew b’mobilità mnaqqsa (l-Artikolu 13).

Valutazzjoni mill-Kummissjoni

Il-Kummissjoni ma sabet l-ebda nuqqas ta' konformità deliberat, serju jew sistematiku tar-Regolament. Ħafna lmenti individwali li l-Kummissjoni taf bihom huma marbuta man-nuqqas ta’ kumpens jew ta’ assistenza xierqa f’każ ta’ dewmien jew kanċellazzjoni 23 . Mir-rapporti tal-NEB jidher li ħafna minn dawn l-ilmenti jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament 24 jew huma bla bażi 25 .

Minkejja l-istampa ġenerali pożittiva, il-Kummissjoni identifikat l-ostakli li ġejjin għall-applikazzjoni aktar effiċjenti tar-Regolament:

a)    Il-passiġġieri u l-operaturi mhumiex biżżejjed konxji mid-drittijiet u mill-obbligi tagħhom

Peress li r-Regolament huwa relattivament riċenti, iċ-ċittadini mhumiex biżżejjed konxji tiegħu. L-NEBs u r-rappreżentanti tal-partijiet ikkonċernati indikaw li bosta operaturi ma kinux konxji ta’ dan ir-Regolament meta ġie adottat, problema li għadha teżisti f'xi Stati Membri. Għalhekk hemm bżonn li l-NEBs, l-organizzazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati nazzjonali u tal-UE, u l-Kummissjoni jkomplu jedukaw kemm lill-passiġġieri dwar id-drittijiet tagħhom kif ukoll lill-operaturi dwar l-obbligi tagħhom.    

b)    F'xi Stati Membri l-infurzar għadu lura    

L-Istati Membri damu biex jieħdu miżuri għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament. Sat-18 ta’ Diċembru 2012, id-data li fiha daħal fis-seħħ dan ir-Regolament, żewġ Stati Membri biss kienu ħadu l-miżuri nazzjonali kollha meħtieġa. Il-Kummissjoni nediet proċeduri ta’ ksur kontra l-Istati Membri li ma kinux innotifikawha bil-miżuri meħtieġa. Fi tmiem l-2015, il-Belġju, il-Greċja, Spanja u l-Lussemburgu kien għad ma għandhomx NEBs kompletament operattivi jew sistemi komprensivi ta' penali għan-nuqqas ta’ konformità mar-Regolament.

L-approċċi tal-NEBs biex jinfurzaw ir-Regolament ivarjaw ħafna. Uħud minnhom huma proattivi ħafna billi jinfurmaw lill-passiġġieri dwar id-drittijiet tagħhom u billi jimmonitorjaw l-applikazzjoni, filwaqt li oħrajn jillimitaw ruħhom biss għall-ġestjoni tal-ilmenti.

Hemm ukoll differenzi sinifikanti dwar l-infurzar effettiv tad-drittijiet tal-passiġġieri. F’xi Stati Membri, id-deċiżjonijiet tal-NEBs dwar l-ilmenti ma jorbtux lit-trasportaturi u ma hemm l-ebda mekkaniżmu ta' soluzzjoni alternattiva għat-tilwim 26 , għalhekk il-passiġġieri jridu jressqu l-ilmenti tagħhom quddiem il-qorti. Din il-proċedura tiswa ħafna flus u tieħu ħafna ħin, u għalhekk ma tħeġġiġhomx jinfurzaw id-drittijiet tagħhom.

c)    Id-diffikultà biex jiġu interpretati ċerti dispożizzjonijiet

Ċerti dispożizzjonijiet fir-Regolament ġew interpretati b’mod differenti mill-NEBs jew mill-operaturi 27 .

Il-partijiet ikkonċernati argumentaw li r-Regolament ma għandux jiġi emendat biex jiġu ċċarati dawn id-dispożizzjonijiet, iżda li l-Kummissjoni u l-NEBs għandhom jaqblu dwar kif dawn għandhom jiġu applikati fil-prattika.

4.2    L-azzjoni tal-Kummissjoni biex tittejjeb l-applikazzjoni tar-Regolament

Il-Kummissjoni ħadet il-miżuri li ġejjin biex tindirizza l-kwistjonijiet identifikati hawn fuq:

a)    Azzjoni biex tqajjem kuxjenza dwar id-drittijiet tal-passiġġieri u l-obbligi tal-operaturi

F’Ġunju 2013, il-Kummissjoni nediet kampanja ta' informazzjoni ta’ sentejn dwar id-drittijiet tal-passiġġieri għall-mezzi kollha ta’ trasport, inkluż it-trasport fuq l-ilma. Din kienet tinkludi materjal stampat (posters u fuljetti disponibbli f’diversi portijiet u fuq bastimenti fl-UE kollha), l-użu tal-midja soċjali (YouTube, Facebook, Twitter), applikazzjoni tal-mowbajl u l-parteċipazzjoni f’fieri tat-turiżmu.

Il-Kummissjoni ppubblikat taqsira tar-Regolament li tintuża ħafna mill-NEBs u mill-operaturi biex jinfurmaw lill-passiġġieri dwar id-drittijiet tagħhom.

b)    Azzjoni biex jitjieb l-infurzar

Il-Kummissjoni nediet proċeduri ta’ ksur kontra l-Istati Membri kollha li naqsu milli jieħdu l-miżuri meħtieġa biex japplikaw ir-Regolament.

Hija organizzat laqgħat annwali fuq il-livell tal-UE li fihom l-NEBs u l-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jaqsmu l-esperjenzi tagħhom dwar l-applikazzjoni tar-Regolament u jiskambjaw prattiki tajba.

Ġiet prodotta formola standard mhux obbligatorja f’kooperazzjoni mal-NEBs biex tgħin liċ-ċittadini jippreżentaw l-ilmenti tagħhom.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni pprovdiet gwida u prassi tajba fil-laqgħat annwali mal-NEBs biex issaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-NEBs.

c)    Azzjoni biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi ta’ dan ir-Regolament

Fil-laqgħat annwali mal-NEBs u mar-rappreżentanti tal-partijiet ikkonċernati u b'korrispondenza bil-miktub, il-Kummissjoni pprovdiet kjarifika dwar l-applikazzjoni prattika ta’ diversi dispożizzjonijiet fir-Regolament, u b’hekk ikkontribwiet għall-applikazzjoni uniformi tiegħu mal-UE kollha.

5.    Konklużjonijiet u l-passi li jmiss

Il-Kummissjoni tqis li l-implimentazzjoni ġenerali tar-Regolament hija sodisfaċenti. Ir-Regolament daħal fis-seħħ dan l-aħħar u f'dan l-istadju jidher li huwa flessibbli biżżejjed biex jakkomoda t-titjib mingħajr il-ħtieġa li jsiru xi emendi. Il-partijiet ikkonċernati huma tal-istess fehma.

Madankollu, biex jingħelbu l-aħħar ostakli li l-passiġġieri jistgħu jiltaqgħu magħhom waqt li jgawdu mid-drittijiet tagħhom jew waqt li dawn jiġu infurzati, il-Kummissjoni:

fl-2016 se tniedi t-tielet (ta' sentejn) kampanja ta’ informazzjoni dwar id-drittijiet tal-passiġġieri li se tiffoka fuq il-midja soċjali. Din se tistieden lill-NEBs, lill-industrija, lill-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-passiġġieri u lil partijiet ikkonċernati oħra biex jingħaqdu fl-isforzi tagħha jew biex iniedu attivitajiet simili fil-livell tagħhom;

se tkompli bil-proċeduri ta' ksur li għadhom għaddejjin kontra l-Istati Membri kkonċernati sakemm ikollhom fis-seħħ NEBs operazzjonali u sistemi ta' penali li jippermettulhom jippenalizzaw kwalunkwe ksur tar-Regolament;

se tistieden lill-NEBs biex iwettqu żjarat fuq il-vapuri u f'terminals, fost l-oħrajn biex jivverifikaw kif ir-Regolament jiġi applikat fil-prattika u biex jedukaw lill-operaturi dwar l-obbligi tagħhom skont ir-Regolament. L-NEBs huma mistiedna wkoll jeżaminaw il-paġni ewlenin tas-siti web tat-trasportaturi biex fost l-oħrajn jiżguraw li jkun fihom informazzjoni dwar id-drittijiet tal-passiġġieri u li l-klawsoli ġenerali tal-kuntratt ikunu konformi mar-Regolament;

tħeġġeġ lil dawk l-Istati Membri li bħalissa ma joffrux mekkaniżmu ta' soluzzjoni alternattiva għat-tilwim għad-drittijiet tal-passiġġieri biex idaħħlu fis-seħħ mekkaniżmu bħal dan skont id-Direttiva 2013/11/UE 28 sabiex il-passiġġieri jingħataw rimedju iktar malajr u inqas għoli għad-drittijiet tagħhom;

se tkompli torganizza laqgħat regolari mal-NEBs u mar-rappreżentanti tal-partijiet ikkonċernati biex jintlaħaq fehim komuni dwar l-interpretazzjoni u l-implimentazzjoni tar-Regolament, u biex jissaħħu l-kooperazzjoni u l-qsim ta’ esperjenzi (bħad-diffikultajiet li ltaqgħu magħhom u l-prattiki tajba); u

jekk ikun hemm bżonn, se tippubblika linji gwida interpretattivi ġenerali biex jipprovdu aktar ċarezza (kif għamlet fil-passat għal mezzi oħra ta’ trasport) u/jew dokumenti ta' prattika tajba dwar kwistjonijiet speċifiċi (eż. kif jiġu sodisfatti aħjar il-ħtiġijiet speċifiċi tal-persuni b’diżabilità jew b’mobilità mnaqqsa).

(1)

     Ir-Regolament (UE) Nru 1177/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri meta jivvjaġġaw bil-baħar jew minn passaġġi fuq l-ilma interni u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 (ĠU L 334, 17.12.2010, p. 1).

(2)

     L-Artikolu 26 tar-Regolament jobbliga lill-awtoritajiet nazzjonali nnominati mill-Istati Membri biex jippubblikaw rapport sal-1 ta' Ġunju 2015, u biex kull sentejn wara din id-data juru l-attivitajiet ta' infurzar tagħhom fis-sentejn kalendarji preċedenti. Ir-rapporti huma disponibbli fuq il-paġni ewlenin tas-sit web tal-awtoritajiet.

(3)

     Il-Kummissjoni stiednet lill-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-passiġġieri (inklużi dawk b'xi diżabilità), lis-sidien tal-vapuri, lill-operaturi tal-portijiet u tal-kruċieri fil-livell tal-UE biex jibagħtu l-osservazzjonijiet tagħhom bil-miktub fuq l-operat tar-Regolament u biex fl-14 ta' Diċembru 2015 jieħdu sehem fil-laqgħa tal-partijiet ikkonċernati fi Brussell. L-organizzazzjonijiet li ġejjin laqgħu l-istedina tal-Kummissjoni: l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Kruċieri — tal-Ewropa (CLIA Europe), l-Assoċjazzjonijiet tas-Sidien tal-Bastimenti tal-Komunità Ewropea (ECSA), il-Forum Ewropew dwar id-Diżabilità (EDF), il-Federazzjoni Ewropea tal-Passiġġieri (EPF) u l-Organizzazzjoni Ewropea tal-Portijiet tal-Baħar (ESPO).

(4)

     Ara l-p. 15 tal-valutazzjoni tal-impatt dwar il-proposta għar-Regolament dwar id-Drittijiet tal-Passiġġieri fuq l-Ilma (SEC(2008) 2950).

(5)

     EU transport in figures, statistical pocketbook, il-Kummissjoni Ewropea, 2015.

(6)

     Ibid.

(7)

     Karatteristika tal-passiġġieri tat-trasport fuq l-ilma, meta mqabbla ma' mezzi oħra ta' trasport kollettiv, hija li l-maġġoranza assoluta tal-passiġġieri jivvjaġġaw b'laneċ roll on/roll off (ro-ro) mal-grupp tagħhom, bil-karozza tagħhom jew bħala parti minn vjaġġ bil-kowċ.

(8)

     Ir-Regolament ma jkoprix:

il-vapuri li jġorru sa 12-il passiġġier;

il-vapuri li għandhom ekwipaġġ ta' mhux aktar minn 3 persuni responsabbli mill-operat tal-vapur;

is-servizzi ta' trasport tal-passiġġieri b'distanza ta' inqas minn 500m, għal vjaġġ b'destinazzjoni waħda;

l-eskursjonijiet u u ż-żjajjar turistiċi apparti l-kruċieri;

il-vapuri li ma jitħaddmux b’mezzi mekkaniċi, u

r-repliki oriġinali u individwali ta' vapuri tal-passiġġieri storiċi ddisinjati qabel l-1965, mibnija l-aktar b'materjal oriġinali u ċċertifikati li jġorru sa 36 passiġġier.

(9)

     Ir-Regolament (KE) Nru 392/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar ir-responsabbiltà tat-trasportaturi ta' passiġġieri bil-baħar fil-każ ta' aċċidenti (ĠU L 131, 28.5.2009, p. 24).

(10)

     Il-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 392/2009 huwa differenti minn dak tar-Regolament (UE) Nru 1177/2010, għaliex japplika għas-servizzi marittimi mhux koperti mill-aħħar Regolament iżda ma japplikax għas-servizzi tal-passaġġ fuq l-ilma interni.

(11)

     Id-Direttiva (UE) 2015/2302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 dwar pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta, li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE (ĠU L 326, 11.12.2015, p. 1).

(12)

ĠU L 163, 25.6.2009, p. 1.

(13)

ĠU L 138, 1.6.1999, p. 1.

(14)

ĠU L 188, 2.7.1998, p. 35.

(15)

ĠU L 364, 9.12.2004, p. 1.

(16)

     Għal-lista tal-NEBs responsabbli mill-infurzar tar-Regolament ara:    
http://ec.europa.eu/transport/themes/passengers/maritime/doc/2010_1177_national_enforcement_bodies.pdf

(17)

     Ċifri meħuda mir-rapport ta' attività tal-NEB. Fejn ma hemmx ċifri disponibbli (Mhux Applikabbli) ma kienx hemm NEB operattiv f'dak l-Istat Membru fis-sena inkwistjoni jew ma kienx hemm fis-seħħ sistema ta' penali biex jingħataw sanzjoni l-operaturi li jiksru r-Regolament jew l-NEB ma ppubblikax ir-rapport ta' attività tiegħu.

(18)

     Dawn il-laqgħat saru pereżempju fid-Danimarka, fil-Ġermanja, fil-Finlandja u fir-Renju Unit.

(19)

     Fir-rapporti tagħhom l-awtoritajiet Ġermaniżi, Irlandiżi u tar-Renju Unit iddikjaraw li ppubblikaw dawn il-linji gwida.

(20)

     L-NEBs Estonjani, Żvediżi u Finlandiżi rrapportaw dwar dawn l-attivitajiet.

(21)

     L-NEBs Ċeki, Daniżi, Ġermaniżi, Estonjani, Griegi, Litwani, Finlandiżi, Żvediżi u tar-Renju Unit indikaw li jispezzjonaw il-vapuri u t-terminals u li jimmonitorjaw fuq bażi regolari l-paġni ewlenin tas-siti web tal-operaturi.

(22)

Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 3.

(23)

     Iċ-Ċentru ta’ Kuntatt Europe Direct (EDCC) huwa servizz iffinanzjat mill-Kummissjoni li jipprovdi informazzjoni mingħajr ħlas għaċ-ċittadini u għan-negozji dwar il-liġi tal-UE. Iċ-Ċentru rċieva mal-150 mistoqsija bejn id-data li fiha daħal fis-seħħ ir-Regolament u l-15 ta’ Novembru 2015 (dan jirrappreżenta biss 0,8 % tal-mistoqsijiet kollha tal-passiġġieri dwar id-drittijiet), li minnhom aktar minn 80 % huma relatati mad-drittijiet tal-passiġġieri f'każ ta’ dewmien jew kanċellazzjoni. Ir-rapporti tal-NEB li jagħtu r-raġunijiet għall-ilmenti tal-passiġġieri juru perċentwali simili jew anke ogħla ta’ ilmenti relatati man-nuqqas ta’ assistenza jew ta' kumpens f’każ ta’ dewmien jew kanċellazzjoni.

(24)

     Pereżempju, l-ilmenti dwar is-servizzi li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament, bħall-ilmenti relatati mal-iġjene jew mal-kwalità tas-servizz.

(25)

     Pereżempju, l-ilmenti dwar kumpens għall-kanċellazzjoni jew għad-dewmien ikkawżat minn kundizzjonijiet tat-temp li jipperikolaw l-operat sikur tal-vapur.

(26)

Għalkemm id-Direttiva 2013/11/UE tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, għat-tilwim tal-konsumaturi (ĠU L 165, 18.6.2013, p. 63) għandha l-għan li tiżgura aċċess għal proċeduri ta’ soluzzjoni alternattiva għat-tilwim biex issolvi t-tilwim kuntrattwali bejn il-konsumaturi residenti fl-UE u n-negozjanti stabbiliti fl-UE, anke fis-settur tat-trasport.

(27)

     Pereżempju, ġew espressi fehmiet differenti dwar liema servizzi huma koperti bir-Regolament jekk il-port tal-imbark jinsab f’pajjiż mhux tal-UE u l-port tal-iżbark jinsab fi Stat Membru (ara l-Artikolu 2(1)(b) flimkien mal-Artikolu 3(e)) jew jekk l-obbligu tat-trasportatur li jagħti lill-passiġġieri rotta alternattiva “skont kundizzjonijiet tat-trasport komparabbli” f’każ ta’ dewmien jew kanċellazzjoni (l-Artikolu 18(1)(a)) għandu jiġi interpretat li jinkludi l-possibbiltà ta' tibdil tar-rotta tagħhom b'mezzi oħra ta’ trasport.

(28)

Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 24.