Strasburgu, 12.4.2016

COM(2016) 220 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

Evalwazzjonni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Greċja biex jiġu rimedjati n-nuqqasijiet serji identifikati fl-evalwazzjoni tal-2015 dwar l-applikazzjoni tal-acquis ta' Schengen fil-qasam tal-ġestjoni tal-fruntiera esterna


1.    Introduzzjoni

Fis-7 ta’ Marzu, il-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tal-UE 1 qablu li jmexxu ‘l quddiem, bħala kwistjoni ta’ prijorità, l-elementi kollha tal-Pjan Direzzjonali tal-Kummissjoni “Lura lejn Schengen” 2 , sabiex itemmu l-kontrolli interni temporanji fuq il-fruntieri u jistabbilixxu mill-ġdid il-funzjonament normali taż-żona Schengen qabel tmiem is-sena. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ddettaljat sensiela ta’ miżuri li jirrestawraw il-funzjonament normali taż-żona ta’ Schengen, filwaqt li jappoġġjaw bis-sħiħ lill-Istati Membri taħt pressjoni. B’mod partikolari, din il-Komunikazzjoni stabbiliet miżuri li jindirizzaw in-nuqqasijiet fil-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-UE. Ir-rettifikazzjoni ta' dawn in-nuqqasijiet tippermetti li jitneħħew il-kontrolli introdotti mill-ġdid b’mod eċċezzjonali mal-fruntieri interni. Il-Pjan Direzzjonali juri kif il-proċeduri stipulati skont ir-regoli ta’ Schengen jistgħu jintużaw biex jerġgħu jġibu lura l-ordni fil-funzjonament tas-sistema ta’ Schengen qabel tmiem is-sena. Fost dawn il-miżuri hemm il-preżentazzjoni ta’ Pjan ta’ Azzjoni mill-Greċja biex timplimenta r-rakkomandazzjonijiet li għamel il-Kunsill biex tindirizza n-nuqqasijiet identifikati fil-ġestjoni tal-fruntieri. Dan ir-rapport huwa stadju ieħor previst fil-proċess, valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni ppreżentat mill-awtoritajiet Griegi.

Il-Proċess

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1053/2013 ("ir-Regolament") jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ biex jivverifika l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen 3 . Abbażi ta’ dan il-mekkaniżmu, jitwettqu żjarat ta' evalwazzjoni - kemm imħabbra kif ukoll mhux imħabbra - regolarment fl-Istati Membri minn timijiet immexxija mill-Kummissjoni flimkien ma’ esperti mill-Istati Membri u mill-Frontex. Wara kull żjara jitfassal Rapport ta’ Evalwazzjoni ta’ Schengen. Jekk ir-rapport jidentifika xi nuqqasijiet fil-ġestjoni tal-fruntiera esterna, il-Kunsill, abbażi ta’ proposta mill-Kummissjoni, jadotta rakkomandazzjonijiet għal azzjoni korrettiva. Barra minn hekk, jekk jiġu identifikati nuqqasijiet serji fl-immaniġġjar tal-fruntieri esterni, il-Kummissjoni tista’ tirrakkomanda li l-Istat Membru evalwat jieħu ċerti miżuri speċifiċi bil-ħsieb li tiġi żgurata l-konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (l-Artikolu 19b tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen 4 ).

Sabiex il-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni jkun kemm jista’ jkun effiċjenti u konformi mal-Artikolu 16 tar-Regolament, l-Istat Membru evalwat għandu jipprovdi Pjan ta' Azzjoni lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jirrimedja n-nuqqasijiet identifikati fi żmien tliet xhur mill-adozzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 5 . Il-Kummissjoni għandha tippreżenta l-valutazzjoni tagħha dwar l-adegwatezza tal-pjan ta’ azzjoni ppreżentat mill-awtoritajiet tal-Istat Membru lill-Kunsill fi żmien xahar minn meta tirċievi l-Pjan ta’ Azzjoni.

L-applikazzjoni tal-proċess għall-Greċja

Dan il-proċess għaddej bħalissa fil-każ tal-Greċja, wara evalwazzjoni tal-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen fil-qasam tal-ġestjoni tal-fruntieri esterni f’Novembru 2015. Fit-2 ta' Frar 2016, il-Kummissjoni adottat ir-rapport ta’ evalwazzjoni, abbażi ta’ żjarat fuq il-post, li żvela nuqqasijiet serji fil-mod kif il-Greċja wettqet il-kontrolli fuq il-fruntiera esterna 6 . Fit-12 ta' Frar 2016, il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjonijiet għal azzjoni korrettiva 7 . Barra minn hekk, billi r-Rapport ta’ Evalwazzjoni sab nuqqasijiet serji, fl-24 ta’ Frar 2016 il-Kummissjoni adottat deċiżjoni ta’ implimentazzjoni li tistabbilixxi Rakkomandazzjoni dwar miżuri speċifiċi li jridu jittieħdu mill-Greċja 8 .

Din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi l-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-adegwatezza tal-Pjan ta’ Azzjoni ppreżentat mill-awtoritajiet Griegi fit-12 ta’ Marzu 2016 biex jirrimedjaw in-nuqqasijiet serji identifikati fir-Rapport ta’ Evalwazzjoni. L-ewwel rapport ta’ progress dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 19b tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, li l-Greċja ppreżentat lill-Kummissjoni flimkien mal-Pjan ta’ Azzjoni fit-12 ta’ Marzu 2016, jitqies ukoll minn din il-valutazzjoni.

Billi s-sitwazzjoni fuq il-post fil-Greċja qed tinbidel kontinwament, ingħatat attenzjoni wkoll għal żviluppi ġodda bħall-implimentazzjoni ta’ aspetti rilevanti tal-pjan ta’ azzjoni konġunta bejn l-UE u t-Turkija u l-implimentazzjoni u l-funzjonament tal-approċċ hotspot fil-Greċja, kif inhu rrappurtat regolarment fir-rapporti ta' progress tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, dan ir-rapport jivvaluta l-adegwatezza tal-Pjan ta’ Azzjoni ppreżentat mill-awtoritajiet Griegi abbażi tal-fatti disponibbli bħalissa, u ma jippreġudikax il-valutazzjoni tat-tieni rapport mill-awtoritajiet Griegi, li għandha tkun ipprovduta b’mod konformi mal-Artikolu 16(4) tar-Regolament.

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Lura lejn Schengen — Pjan ta' Direzzjoni” spjegat il-proċess deskritt hawn fuq u l-passi li ttieħdu sa issa. Din il-Komunikazzjoni tinnota li jekk il-pressjonijiet migratorji u n-nuqqasijiet identifikati fil-kontrolli fil-fruntieri jkomplu wara t-12 ta' Mejju, il-Kummissjoni jkollha tippreżenta proposta skont l-Artikolu 26(2) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen lill-Kunsill li tirrakkomanda approċċ koerenti tal-Unjoni f'dak li għandu x'jaqsam mal-kontrolli fil-fruntieri interni sa ma n-nuqqasijiet srutturali fil-kontrolli fil-fruntieri esterni jittaffew jew jiġu rimedjati. Il-Kummissjoni tikkonferma li se tkun lesta għal din l-eventwalità u taġixxi mingħajr dewmien.

Kwalunkwe proposta mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 26 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen tipproponi biss kontrolli fil-fruntieri fis-sezzjonijiet tal-fruntiera interna fejn il-kontrolli jkunu meħtieġa u proporzjonati, sabiex jirrispondu għat-theddida serja għall-ordni pubbliku u s-sigurtà interna identifikata. Kwalunkwe kontroll fil-fruntieri interni jkunu wkoll temporanji u għall-iqsar perjodu possibbli skont it-theddida indirizzata. Kif spjegat ukoll fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Lura lejn Schengen - Pjan ta' Direzzjoni”, jekk is-sitwazzjoni ġenerali tippermetti, l-objettiv għandu jkun li jitneħħew il-kontrolli kollha fil-fruntieri interni fiż-żona Schengen fi żmien sitt xhur mill-introduzzjoni tagħhom, jiġifieri sa nofs Novembru 2016.

 

Fl-aħħar nett, fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, ta' min iżomm f'moħħu li l-applikazzjoni tal-Artikolu 26 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen hija salvagwardja għall-funzjonament ġenerali taż-żona Schengen. La hija sanzjoni kontra xi Stat Membru, u lanqas għandha l-għan li teskludi xi Stat Membru miż-żona Schengen.

2.    Valutazzjoni ġenerali

Il-Pjan ta’ Azzjoni ppreżentat mill-awtoritajiet Griegi jirreferi għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill iżda jirreferi wkoll għar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni fejn rilevanti. Huwa jippreżenta l-azzjonijiet korrettivi li diġà ttieħdu u dawk previsti biex jiġu implimentati dawn ir-Rakkomandazzjonijiet. 

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill elenkat 49 punt li jkopru l-proċedura ta’ reġistrazzjoni, is-sorveljanza tal-fruntieri, l-analiżijiet tar-riskju, il-kooperazzjoni internazzjonali, ir-riżorsi umani u t-taħriġ, il-proċeduri tal-kontrolli fil-fruntieri, u l-infrastruttura u t-tagħmir. Il-Kunsill irrakkomanda wkoll b’mod aktar ġenerali li l-Greċja tieħu l-miżuri xierqa sabiex tiżgura li, fil-fruntieri esterni kollha tal-Greċja, il-kontroll tal-fruntieri esterni jitwettaq u jkun konformi mal-acquis ta’ Schengen, sabiex ma jipperikolax il-funzjonament taż-żona Schengen.

Il-Kunsill indika li funzjonament adegwat tal-proċedura ta’ identifikazzjoni u ta' reġistrazzjoni u kundizzjonijiet ta’ akkoljenza xierqa huma indispensabbli billi l-movimenti sekondarji sussegwenti lejn Stati Membri oħrajn ipoġġu l-funzjonament taż-żona Schengen kollha kemm hi f’riskju u wasslu biex diversi Stati Membri jerġgħu jdaħħlu b'mod temporanju l-kontrolli tal-fruntieri fil-fruntieri interni tagħhom. Għaldaqstant, il-Kunsill indika li huwa importanti li kull nuqqas identifikat jiġi rimedjat mill-aktar fis possibbli u, f’dan ir-rigward, speċifika ulterjorment il-prijoritajiet biex jiġu implimentati rakkomandazzjonijiet speċifiċi.

Rigward l-adegwatezza tal-Pjan ta’ Azzjoni ppreżentat mill-awtoritajiet Griegi dwar is-sustanza, l-iskeda ta' żmien u l-finanzjament tal-azzjonijiet proposti, il-Kummissjoni tqis li jinħtieġu aktar dettalji u/jew kjarifiki għal diversi azzjonijiet sabiex tkun tista’ tanalizza u tagħmel monitoraġġ tas-segwitu u tal-implimentazzjoni f'waqthom tal-azzjonijiet proposti. Dawn l-elementi huma meħtieġa wkoll biex jinfurmaw b’mod sħiħ lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill kif previst fl-Artikolu 16(6) tar-Regolament.

Il-Kapitolu 3 ta’ din il-Komunikazzjoni jagħti idea ġenerali tal-azzjonijiet korrettivi li għalihom il-Kummissjoni teħtieġ informazzjoni addizzjonali jew kjarifika dwar is-sustanza.

Rigward l-iskeda ta' żmien, il-finanzjament u r-responsabbiltà għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet differenti b’mod ġenerali, issir din il-valutazzjoni ġenerali segwenti.

L-iskeda ta' żmien

L-indikazzjoni “għaddejja bħalissa” f'referenza ma' diversi azzjonijiet titqies bħala insuffiċjenti. Għandu jkun hemm perjodi speċifikati taż-żmien għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet proposti kollha għall-fini tal-monitoraġġ, speċjalment għal azzjonijiet relatati max-xiri ta’ tagħmir (l-azzjonijiet 12 u 38), mal-elaborazzjoni ta’ sistemi speċifiċi (l-azzjonijiet 1–9, sakemm ikunu relatati mat-twaqqif ta’ sistema ġdida Immappjar tad-Dejta tal-Immigranti, 12, 15, 35 u 48), mal-infrastruttura biex tkun konformi mal-acquis (l-azzjoni 36) u l-attivitajiet ta’ taħriġ ippjanati (l-azzjonijiet 19, 20 u 29).

Responsabbiltà

Il-Pjan ta’ Azzjoni li ppreżentaw l-awtoritajiet Griegi huwa nieqes minn informazzjoni dwar l-awtoritajiet responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ ċerti azzjonijiet u għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta’ dawn l-azzjonijiet. Dan għandu jkun ikkomplementat b’informazzjoni dwar l-awtoritajiet responsabbli għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni kollu kemm hu, kif ukoll għall-azzjonijiet separati, u dwar mekkaniżmi ta’ segwitu nazzjonali possibbli relatati mal-implimentazzjoni tal-azzjonijiet.

Finanzjament

Għalkemm ma jippreżentax pjan finanzjarju ċar u komprensiv, il-Pjan ta’ Azzjoni li ppreżentaw l-awtoritajiet Griegi juri li diversi azzjonijiet prinċipali huma implimentati jew huwa ppjanat li jiġu implimentati permezz tal-appoġġ tal-Fond għas-Sigurtà Interna, kemm taħt il-Programm Nazzjonali Grieg kif ukoll taħt l-Assistenza ta’ Emerġenza. Il-Greċja għandha bżonn tagħmel aktar biex tiżgura li l-finanzjament sostanzjali li jasal permezz ta’ strumenti ta’ finanzjament mill-UE, b’mod partikolari l-Programm Nazzjonali għall-Fond għas-Sigurtà Interna, jintuża f’waqtu u b'mod effiċjenti u flessibbli. Dan jirrikjedi aktar aġġustamenti urġenti għall-programm u għall-istruttura tal-ġestjoni tiegħu sabiex ikun żgurat li l-implimentazzjoni tal-programmi tkun kompletament konformi mal-ħtiġijiet attwali.

F’konformità mal-Artikolu 12 tar-Regolament dwar il-Fond għas-Sigurtà Interna – il-Fruntieri u l-Viża 9 , sa mill-adozzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill, il-Kummissjoni kienet f’kuntatt kostanti mal-awtoritajiet Griegi biex flimkien jeżaminaw l-aktar modi xierqa biex jindirizzaw in-nuqqasijiet identifikati u kif tiffinanzja dawn l-azzjonijiet.

Huwa importanti ħafna li l-awtoritajiet Griegi jibdew jimplimentaw bis-sħiħ, mingħajr aktar dewmien, il-Programm Nazzjonali Grieg dwar il-Fond għas-Sigurtà Interna. Diġà saru żewġ pagamenti ta’ prefinanzjament, li jammontaw għal total ta’ madwar EUR 25 miljun (f’Settembru 2015 u fi Frar 2016). Dan huwa rilevanti direttament għall-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill, billi xi wħud mill-azzjonijiet jikkorrispondu direttament għall-ħtiġijiet identifikati. Eżempju ċar f’dan ir-rigward huwa l-iżvilupp ta’ Sistema Integrata Marittima tas-Sorveljanza indikata bħala prijorità għolja għal finanzjament għall-Gwardja tal-Kosta Ellenika (fi ħdan l-Objettiv Nazzjonali 1 tal-EUROSUR). Skont informazzjoni pprovduta preċedentement mill-Greċja, dan il-proġett iqum madwar EUR 60 miljun, li minnhom 75 % huma kkofinanzjati mill-Programm Nazzjonali għall-Fond għas-Sigurtà Interna.

F’dan il-kuntest, il-Greċja tagħmel tajjeb jekk tagħmel enfażi fuq il-fażi tal-bidu b'tali mod li fl-2016 u fl-2017 il-biċċa l-kbira tal-fondi jkunu allokati b’mod partikolari għal Objettivi Speċifiċi 2 (Fruntieri) u 3 (Appoġġ Operattiv-Fruntieri), b’mod partikolari billi jiġu antiċipati l-investimenti konsiderevoli f’tagħmir għas-sorveljanza tal-fruntieri marittimi li inizjalment kienet prevista għall-2018.

Billi wħud mill-miżuri previsti fil-Programm Nazzjonali huma inqas urġenti, il-Greċja għandha tqis ukoll il-possibbiltà li terġa' tipprijoritizza wħud mill-azzjonijiet tal-Programm Nazzjonali, inkluż permezz ta’ reviżjoni formali tal-Programm Nazzjonali. Din il-prijoritizzazzjoni mill-ġdid għandha tfittex li ssaħħaħ l-allokazzjoni għal dawk il-miżuri li għandhom l-għan li jaqdu l-bżonnijiet l-aktar urġenti tagħha biex jiżguraw li l-azzjonijiet meħtieġa biex jirrimedjaw in-nuqqasijiet identifikati jittieħdu f’waqthom, u jkunu effiċjenti u indirizzati b’mod adegwat.

Din l-enfażi fuq il-fażital-bidu u l-prijoritizzazzjoni mill-ġdid tal-Programm Nazzjonali għall-Fond għas-Sigurtà Interna jnaqqas, jekk mhux jelimina, il-ħtieġa li l-Greċja tirrikorri għal talbiet frekwenti u “ad hoc” għal assistenza ta’ emerġenza 10 , bir-riskji kollha li dan l-approċċ iġib miegħu f’termini ta’ inċertezza u ta’ nuqqas ta’ ppjanar fit-tul. Dan l-approċċ mhuwiex sostenibbli. Approċċ ġdid se jgħin ukoll biex tiġi żgurata l-komplementarjetà u l-konsistenza sħiħa tal-miżuri ffinanzjati u sabiex jiġi ggarantit li ma jkun hemm l-ebda duplikazzjoni jew lakuni fil-finanzjament.

L-appoġġ li jista’ jingħata minn partijiet oħrajn biex jgħinu lill-Greċja timplimenta azzjonijiet korrettivi huwa marbut mill-qrib mal-iffinanzjar ta’ ċerti azzjonijiet permezz tal-Fond għas-Sigurtà Interna. Filwaqt li tirrikonoxxi li d-diffikultajiet li l-Greċja qed tħabbat wiċċha magħhom fil-protezzjoni tal-fruntieri esterni għandhom impatt fuq l-Unjoni Ewropea kollha kemm hi, fil-Komunikazzjoni tagħha “Lura lejn Schengen - Pjan ta' Direzzjoni” 11 l-Kummissjoni rreferiet għall-ħtieġa li l-Istati Membri l-oħrajn, l-Aġenziji tal-UE u l-Kummissjoni jappoġġaw lill-Greċja biex timplimenta r-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Kunsill u l-Kummissjoni 12 . Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni talbet lill-Greċja biex tippreżenta “valutazzjoni tal-ħtiġijiet” ċara flimkien mal-Pjan ta’ Azzjoni tagħha, li tippermetti li l-Istati Membri l-oħrajn, l-Aġenziji tal-UE u l-Kummissjoni jipprovdu appoġġ f'waqtu u iffukat lill-Greċja. Filwaqt li l-Greċja ppreżentat valutazzjoni tal-ħtiġijiet dwar ir-ritorn fid-dawl tal-ftehim bejn l-UE u t-Turkija fit-18 ta’ Marzu 2016, il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-awtoritajiet Griegi biex jikkumplimentawha b’valutazzjoni tal-ħtiġijiet dettaljata u komprensiva li tkopri l-firxa sħiħa ta’ oqsma msemmija fir-Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni 13 .

3.    Valutazzjoni dettaljata

Għall-azzjonijiet korrettivi segwenti, il-Kummissjoni tqis li hemm bżonn ta' informazzjoni u/jew kjarifiki ulterjuri biex tiġi vvalutata l-adegwatezza tal-Pjan ta’ Azzjoni ppreżentat mill-awtoritajiet Griegi.

3.1 Proċedura ta' reġistrazzjoni

Rakkomandazzjonijiet/azzjonijiet 1 u 2: dan jikkonċerna l-inklużjoni fid-dokument “sospensjoni ta’ tneħħija” ta’ obbligi maħsuba biex jevitaw ir-riskju ta’ ħarba, f'konformità mal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva dwar ir-Ritorn 14 , u l-kwalità tad-dokumenti ta' soġġorn temporanju u titjib introdott u mwettaq mill-awtoritajiet Griegi.

Skont il-proċedura ta’ riammissjoni rapida l-ġdida introdotta mill-20 ta’ Marzu 2016 li timplimenta Ftehim bejn l-UE u t-Turkija, il-Greċja hija mħeġġa tuża l-eżenzjoni skont l-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva tar-Ritorn, u dan ifisser li għandha tiġi applikata l-proċedura nazzjonali 15 . Fl-istess ħin, ma għandhomx jibqgħu jinħarġu dokumenti ta' “soġġorn temporanju” billi, skont il-Ftehim bejn l-UE u t-Turkija, persuni li jidħlu fil-Greċja jitqiesu li huma soġġetti għal riammissjoni fit-Turkija, wara valutazzjoni ta' każ b'każ skont il-liġi tal-UE u dik internazzjonali. B'konsegwenza ta' dan, l-azzjonijiet korrettivi proposti relatati mad-dokumenti ta’ soġġorn temporanju ma għadhomx jgħoddu għal persuni li jidħlu mill-20 ta’ Marzu. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni qed titlob lill-awtoritajiet Griegi biex regolarment jipprovdu informazzjoni dwar il-progress tal-implimentazzjoni tal-ftehim bejn l-UE u t-Turkija dwar il-proċedura ta' riammissjoni adottata għall-migranti irregolari.

Rakkomandazzjoni/azzjoni 3: rigward il-ħtieġa li jissaħħaħ il-persunal tal-Pulizija Ellenika għar-reġistrazzjoni, il-Kummissjoni titlob li l-awtoritajiet Griegi jipprovdu informazzjoni dwar l-aħħar azzjonijiet u pjanijiet, filwaqt li titqies ukoll is-sitwazzjoni wara l-ftehim bejn l-UE u t-Turkija tat-18 ta’ Marzu u l-ħtieġa li jitħaffef il-proċess ta’ reġistrazzjoni bil-ħsieb ta’ ritorn rapidu lejn it-Turkija tal-migranti li ma jitolbux protezzjoni internazzjonali.

Il-Greċja indikat li ġiet żgurata l-presenza msaħħa ta’ 174 uffiċjal tal-Pulizija Ellenika fil-Gżejjer tal-Eġew fil-hotspots bl-appoġġ ta’ Finanzjament ta' Emerġenza tal-Fond għas-Sigurtà Interna sat-30 ta’ Ġunju 2016. Madankollu, mhuwiex ċar kif din il-preżenza msaħħa ta’ uffiċjali tal-Pulizija Ellenika se tinżamm wara din id-data. Għandu jiġi ċċarat jekk il-Greċja hijiex se tikkunsidra tisħiħ permanenti tal-persunal fil-hotspots. Din is-soluzzjoni tindirizza l-ostakoli legali li jillimitaw il-perjodu ta’ sekondar għal sitt xhur kif imsemmi fil-Pjan ta’ Azzjoni u biex jiġi żgurat li l-kapaċitajiet nazzjonali huma fis-seħħ biex jirrispondu għal pressjoni migratorja futuri.

Fid-dawl tar-rapporti reċenti mill-Frontex dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol f’Kos, mhuwiex ċar kif il-Greċja qiegħda tippjana li tindirizza r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li jiġu żgurati kundizzjonijiet tax-xogħol materjali xierqa għall-membri tat-Timijiet ta’ Gwardji tal-Fruntiera Ewropej mibgħuta fil-hotspots (ir-Rakkomandazzjoni A 1 (b)). B'riżultat ta' dan, il-Kummissjoni ma tqisx li din l-azzjoni hija lesta għalkollox.

Rakkomandazzjoni/azzjoni 4: rigward il-forniment ta’ faċilitajiet ta’ akkomodazzjoni għall-migranti matul il-proċess ta’ reġistrazzjoni, il-Kummissjoni qed titlob li l-awtoritajiet Griegi jagħtu wkoll informazzjoni dwar l-aħħar pjanijiet tal-Greċja dwar l-akkomodazzjoni tal-migranti li ma jitolbux protezzjoni internazzjonali u li, fil-prinċipju, għandhom jintbagħtu lura lejn it-Turkija wara l-ftehim bejn l-UE u t-Turkija tat-18 ta’ Marzu (pereżempju il-possibbiltà ta’ konverżjoni ta’ faċilitajiet miftuħa f’faċilitajiet ta’ detenzjoni).

Filwaqt li l-Kummissjoni nnutat progress fit-twaqqif ta’ faċilitajiet ta’ hotspots bis-saħħa tal-intervent tal-Armata Ellenika, il-Pjan ta’ Azzjoni ma jagħtix biżżejjed informazzjoni dwar kif se jiġu żgurati l-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza f’dawn il-faċilitajiet. B’mod partikulari, ma hemm l-ebda informazzjoni dwar kif il-finanzjament (nazzjonali jew tal-UE) se jkun assikurat għal dan l-għan.

Rigward l-indirizzar tal-ħtiġijiet tat-tfal u ta' persuni vulnerabbli oħra, il-Kummissjoni tirrimarka li l-għadd ta’ postijiet addizzjonali għal persuni li jaqgħu taħt dawn il-gruppi f’Lesvos (18), f'Chios (25) u f'Kos (32) ma jidhirx li huwa biżżejjed meta wieħed iqis l-għadd kbir li ġie osservat ta’ dawn il-persuni. Fiż-żewġ żoni kritiċi l-oħrajn, f’Leros u f'Samos, ma hemm l-ebda żona eżistenti jew ippjanata li tista' takkomoda gruppi ta’ persuni vulnerabbli. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni ma tqisx li din l-azzjoni hija għalkollox imwettqa.

Rakkomandazzjoni/azzjoni 5: rigward l-akkwist possibbli ta' apparat li jaqra folja sħiħa li għandu jintuża biex tiġi vverifikata l-awtentiċità tad-dokumenti tal-ivvjaġġar fil-proċess tar-reġistrazzjoni, il-Pjan ta’ Azzjoni ma jipprovdix biżżejjed informazzjoni dwar meta u kif se jiġi żgurat il-finanzjament għal dan l-apparat. L-ewwel nett, il-Greċja għandha tqis riprijoritizzazzjoni taħt il-Programm Nazzjonali tagħha għall-Fond għas-Sigurtà Interna, minflok ma titlob għal aktar fondi. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tqisx li din l-azzjoni hija mwettqa għalkollox u tħeġġeġ lill-Greċja biex tinkludi perjodu ta' żmien għal azzjoni mill-Programm Nazzjonali programmat mill-ġdid għall-Fond għas-Sigurtà Interna.

Rakkomandazzjoni/azzjoni 7: rigward l-adegwatezza u s-suffiċjenza tal-kapaċità tal-IT meħtieġa għar-reġistrazzjoni tal-migranti fl-Eurodac, l-awtoritajiet Griegi jindikaw li bħalissa l-Pulizija Ellenika qed tivvaluta l-ħtiġijiet f’kooperazzjoni ma’ EU-LISA, sabiex tiġi żgurata l-kapaċità tal-IT xierqa tas-sistema. Huwa stmat li aġġornament tas-sistema tal-IT tieħu minn erba’ sa ħames xhur. B'riżultat ta' dan, il-Kummissjoni ma tqisx li din l-azzjoni hija lesta għalkollox u tħeġġeġ lill-Greċja biex iżżid perjodu ta' żmien xieraq u speċifiku għall-aġġornament tas-sistema tal-IT. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tixtieq tirċievi l-aħħar informazzjoni dwar is-sitwazzjoni attwali tal-valutazzjoni tal-ħtiġijiet u tal-pjanijiet ta’ żvilupp għall-infrastruttura tal-IT biex tappoġġja r-reġistrazzjoni xierqa tal-marki tas-swaba’ fl-Eurodac, kif ġie diskuss ukoll mas-servizzi relevanti tal-Kummissjoni u EU-LISA.

Rakkomandazzjoni/azzjoni 40: ma ngħatat l-ebda informazzjoni dwar l-azzjoni korrettiva li ttieħdet biex tipprovdi għadd xieraq ta’ terminals tal-Eurodac fiċ-ċentru ta’ akkoljenza f’Fylakio. Dan għandu jiżdied fil-Pjan ta’ Azzjoni ppreżentat mill-awtoritajiet Griegi.

3.2 Ritorn

Rakkomandazzjoni/azzjoni 10: rigward it-tnedija immedjata tal-proċeduri ta’ ritorn li l-Greċja ppjanat kooperazzjoni iktar mill-qrib ma’ Frontex u mal-awtoritajiet Torok għalihom, is-sitwazzjoni evolviet b’mod sinifikanti bil-proċedura ta’ riammissjoni rapida l-ġdida u bl-impenji politiċi l-ġodda skont il-ftehim bejn l-UE u t-Turkija tat-18 ta’ Marzu 2016. F’dan ir-rigward, il-Greċja għandha tagħti dettalji dwar il-miżuri legali u operattivi speċifiċi li ttieħdu jew li għandhom jittieħdu sabiex jiġi ffaċilitat ir-ritorn lejn it-Turkija, filwaqt li tipprevedi salvagwardji għad-drittijiet fundamentali u rispett lejn id-dritt internazzjonali u tal-UE matul il-proċess kollu. Għandha tingħata wkoll informazzjoni dwar kemm hemm persunal (addizzjonali) li ntbagħat jew li huwa ppjanat li jorganizza proċeduri ta’ ritorn u liema miżuri ttieħdu f’hotspots biex jiġi evitat li jaħarbu l-migranti irregolari. 

3.3 Sorveljanza fil-fruntieri tal-baħar

Rakkomandazzjoni/azzjoni 12: filwaqt li ngħatat risposta pjuttost informattiva dwar l-azzjoni li tistabbilixxi sistema komprensiva u effettiva ta’ sorveljanza tal-kosta fit-tul, il-Greċja ma spjegatx biżżejjed kif l-attivitajiet ippjanati se jtejbu s-sorveljanza fil-fruntieri tal-baħar meta mqabbla mas-sitwazzjoni attwali u l-komplementarjetà bejn il-kapaċitajiet ġodda u dawk eżistenti.

Rigward il-miżuri li għandhom jiġu ffinanzjati skont il-Programm Nazzjonali għall-Fond għas-Sigurtà Interna, il-Greċja għadha trid tagħti informazzjoni dwar meta eżattament se jkunu disponibbli l-kapaċitajiet miżjuda għas-sorveljanza u meta jibda l-proċess ta’ akkwist relevanti. B’mod partikolari, minħabba r-rwol essenzjali tas-Sistema Integrata ta’ Sorveljanza Marittima (Integrated Maritime Surveillance System, IMSS) li tindirizza r-rakkomandazzjonijiet, huwa importanti li wieħed jiċċara l-istadji ta' tħejjija għas-sistema (l-implimentazzjoni hija mistennija mill-2017), u b'mod partikolari jekk l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi relevanti ġewx finalizzati u meta l-proċess tal-akkwist effettivament se jibda. Minħabba l-importanza ta’ elementi offshore komplementari għall-IMSS, il-Greċja għadha trid tindika kemm hemm dgħajjes tal-għassa ppjanati skont il-Programm Nazzjonali għall-Fond għas-Sigurtà Interna u jekk l-għadd ippjanat ta’ dgħajjes jiggarantixxix il-kapaċitajiet ta’ reazzjoni f’livell suffiċjenti għall-gżejjer kollha. Rigward l-assi li għalihom huwa previst il-finanzjament skont l-Azzjonijiet Speċfiċi tal-Programm Nazzjonali għall-Fond għas-Sigurtà Interna (żewġ bastimenti tal-għassa tal-kosta u vettura b'viżjoni termika), il-Greċja għandha tispeċifika fiż-żmien ta’ ppjanar indikattiv rispettiv meta se jiġu akkwistati dawn l-assi u meta se jkunu operattivi b’mod sħiħ.

3.4 Analiżi tar-riskju

Rakkomandazzjonijiet/azzjonijiet 15 u 16: għall-azzjonijiet korrettivi proposti rigward l-elaborazzjoni ta’ sistema ta’ analiżi tar-riskji fil-livell lokali u t-twettiq ta’ attivitajiet ta' analiżi tar-riskju, il-Kummissjoni tixtieq tenfasizza li dawn il-miżuri għandhom jittieħdu preferibbilment f'konformità mal-Mudell Integrat Komuni għall-Analiżi tar-Riskju.

3.5 Riżorsi umani u taħriġ

Għall-azzjonijiet korrettivi dwar it-taħriġ, għandha tingħata informazzjoni dwar l-għadd ta’ gwardji tal-fruntiera mħarrġa wara ż-żjara ta’ evalwazzjoni f’Novembru 2015 u l-għadd li se jitħarreġ għal kull programm ta’ taħriġ ippjanat, kif ukoll indikazzjoni taż-żmien għall-attivitajiet ta’ taħriġ ippjanati (ir-rakkomandazzjonijiet/l-azzjonijiet: 16, 17, 19, 20, 21, 29 u 49).

3.6 Proċeduri tal-kontrolli fuq il-fruntieri

Rigward l-azzjonijiet korrettivi rigward il-konformità tal-proċeduri tal-kontrolli fuq il-fruntieri mal-acquis, li l-Pulizija Ellenika bagħtet struzzjonijiet dwarhom lill-Punti ta’ Qsim tal-Fruntiera, għandha tingħata informazzjoni dwar it-tip ta’ superviżjoni/mekkaniżmu ta’ segwitu użati biex jivverifika li l-istruzzjonijiet tabilħaqq ġew segwiti (ir-rakkomandazzjonijiet/l-azzjonijiet: 16, 17, 22, 23, 26, 28, 29, 30, 33 u 49). 

Rakkomandazzjoni/azzjoni 27: kien ippjanat li f'Marzu jintbagħat ċirkolari li jissospendi “l-approċċ eċċezzjonali ta’ dgħajjes tad-divertiment li jkunu ġejjin minn pajjiżi terzi” sabiex ikun hemm kontroll tad-dgħajjes tad-divertiment konformi mal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-azzjoni korrettiva proposta li tissospendi approċċ eċċezzjonali – approċċ li mhuwiex skont il-Kodiċi tal-Fruntieri Schengen – mhijiex biżżejjed biex jitranġa n-nuqqas fit-tul. Dan l-approċċ eċċezzjonali għandu jiġi abolit u l-kontroll tad-dgħajjes tad-divertiment għandu jsir konformi mal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.

Rakkomandazzjoni/azzjoni 37: Il-Greċja indikat li l-Pulizija Ellenika għandha limitazzjonijiet amministrattivi u obbligi legalment vinkolanti li jipprevjenu r-rilokazzjoni rakkomandata taċ-ċentru ta' sorveljanza minn Nea Vyssa għaċ-Ċentru Reġjonali ta' Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri u ta' Monitoraġġ tad-Direttorat tal-Pulizija ta’ Orestiada, anki jekk dan jista’ jgħin sabiex jiżgura stampa aktar komprensiva tas-sitwazzjoni u jippermetti li d-Direttorat tal-Pulizija ta’ Orestiada jagħmel monitoraġġ u jopera b’mod aktar effettiv (kif ukoll jiffranka r-riżorsi umani billi jagħmel fużjoni taż-żewġ ċentri). Il-Kummissjoni titlob li l-Greċja tagħti dettalji dwar dawn il-limitazzjonijiet amministrattivi u obbligi legalment vinkolanti.

Rakkomandazzjoni/azzjoni 38: rigward il-finalizzazzjoni tal-installazzjoni tat-trażmettituri tal-GPS fil-vetturi jew fl-unitajiet tal-għassa li jippermettu li ċ-ċentru ta' sorveljanza jagħmel monitoraġġ ta' fejn ikunu, ġie ddikjarat li l-proġett waqaf fil-fażi inizjali tiegħu minħabba limiti finanzjarji u limiti oħrajn u li, għaldaqstant, se jitnieda studju ġdid għal soluzzjoni teknika aħjar u aktar affordabbli.

Il-Kummissjoni titlob aktar dettalji dwar il-limiti eżatti, dwar għaliex hemm bżonn ta’ studju ġdid u x'inhu l-perjodu ta’ żmien previst biex jitnieda u jitlesta l-istudju. Il-Kummissjoni tqis li l-iskambju tal-aħjar prattiki ma’ Stati Membri oħra jista’ jkun soluzzjoni aktar effiċjenti.

3.7 Infrastruttura u tagħmir

Rakkomandazzjoni/azzjoni 44: il-Pjan ta’ Azzjoni li ppreżentaw l-awtoritajiet Griegi jiddikjara li se jittieħdu “miżuri xierqa” biex tiġi estiża l-applikazzjoni tal-verifika tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża, sabiex fl-ewwel linja tingħata l-informazzjoni kollha maħżuna fis-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża sabiex jiġi ffaċilitat l-eżaminar tal-kundizzjonijiet għad-dħul. Għandu jiġi indikat liema miżuri se jittieħdu u f’liema perjodu ta’ żmien.

3.8 Rakkomandazzjoni ġenerali

Rakkomandazzjoni/azzjoni 50: rigward il-miżuri xierqa li għandhom jittieħdu mill-Greċja biex tiżgura li jkun hemm kontroll fuq il-fruntieri mal-fruntieri esterni kollha tagħha u li jkunu konformi mal-acquis ta’ Schengen, il-Greċja indikat li qed tikkoopera mill-qrib mal-Frontex sabiex tiżgura li ċ-ċittadini ta’ pajjiż terz mal-fruntiera mal-eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja jistgħu joħorġu mit-territorju tal-Greċja biss mill-punti ta’ qsim magħżula mal-fruntiera. Il-Greċja qed tiffinalizza wkoll il-valutazzjoni tal-ħtiġijiet tagħha għal persunal addizzjonali meħtieġ ħdejn il-Punti ta’ Qsim tal-Fruntiera.

Minħabba l-iżviluppi reċenti fil-Balkani tal-Punent, b’mod partikolari l-fatt li pajjiżi tul ir-rotta tal-Balkani tal-Punent waqqfu l-approach permissiv, il-Frontex ipproponiet li tadatta l-appoġġ operattiv tagħha mal-fruntieri Griegi mal-eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (u l-Albanija) fil-qafas ta’ operazzjoni konġunta stabbilita fis-sod 16 . Minħabba s-sitwazzjoni kritika u l-ħtieġa li esprimiet il-Greċja għal aktar persunal ħdejn il-Punti ta’ Qsim tal-Fruntieri, il-Kummissjoni titlob b'urġenza li l-Greċja tiffinalizza l-valutazzjoni tal-ħtiġijiet u twieġeb b’mod pożittiv għall-proposta tal-Frontex.

Rigward l-azzjonijiet korrettivi relatati mat-twettiq ta’ aktar kontrolli sistematiċi fuq il-migranti fiż-żona kontinentali u ħdejn il-fruntieri tat-Tramuntana biex jiġi żgurat li dawn ikunu rreġistrati u tiġi vverifikata l-identità tagħhom, li l-Pulizija Ellenika bagħtet struzzjonijiet dwarhom, għandha tingħata informazzjoni dwar is-sorveljanza/il-mekkaniżmu ta’ segwitu meħtieġ/a biex jiġi vverifikat li l-istruzzjonijiet jiġu implimentati bis-sħiħ.

Rigward l-informazzjoni dwar possibbiltajiet ta’ akkomodazzjoni mingħand il-Pulizija Ellenika għall-migranti li ma jkunux qegħdin joqgħodu f'ċentru ta' akkoljenza/reġistrazzjoni jew ta' detenzjoni, il-Greċja hija mitluba timplimenta l-miżuri mingħajr dewmien.

Il-Greċja għandha tagħmel ukoll monitoraġġ mill-qrib tas-sitwazzjoni, inkluż kwalunkwe tibdil fir-rotot migratorji, u tadatta kif meħtieġ sabiex tieħu l-miżuri kollha neċessarji, inklużi dawk identifikati fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni.

4.    Konklużjoni

Fid-dawl tal-valutazzjoni msemmija hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Greċja għamlet progress sinifikanti. Madankollu, jeħtieġ aktar titjib fil-Pjan ta' Azzjoni ppreżentat mill-awtoritajiet Griegi sabiex jiġu indirizzati b'mod komprensiv in-nuqqasijiet identifikati fl-evalwazzjoni ta’ Novembru 2015. B’mod partikolari, għal bosta azzjonijiet, jeħtieġ li jkun hemm aktar ċarezza f’termini ta’ żmien, responsabbiltà u ppjanar finanzjarju. Barra minn hekk, xi azzjonijiet għadhom ma jistgħux jitqiesu bħala indirizzati jew lesti b'mod xieraq. Fl-aħħar nett, xi azzjonijiet sostantivi jeħtieġu informazzjoni sostantiva addizzjonali jew kjarifiki. Il-Kummissjoni titlob li l-Greċja tipprovdi dawn l-elementi addizzjonali u l-kjarifiki sas-26 ta’ April 2016, u toffri l-assistenza kontinwa tagħha f’konformità mal-ispirtu tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Lura lejn Schengen – Pjan ta' Direzzjoni”.

(1)

SN 28/16.

(2)

COM (2016) 120 finali tal-4.3.2016.

(3)

ĠU L 295, 6.11.2013, p. 27.

(4)

Ir-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (ĠU L 105, 13.4.2006, p. 1; Il-kodifikazzjoni ppubblikata fil-ĠU L 77, 23.3.2016, p. 1).

(5)

Xahar jekk ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tikkonkludi li l-Istat Membru evalwat ikun injora l-obbligi tiegħu b'mod serju.

(6)

C(2016) 450.

(7)

Id-dokument tal-Kunsill 5895/16 tat-12 ta’ Frar 2016.

(8)

C(2016) 1219.

(9)

Ir-Regolament (UE) Nru 515/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna, l-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 574/2007/KE (ĠU L 150, 20.5.2014, p. 143) (minn issa 'l quddiem ir-Regolament ISF dwar il-Fruntieri u l-Viża).

(10)

F'din l-aħħar sena, il-Kummissjoni, sa mill-bidu tal-kriżi migratorja, tat madwar EUR 180 miljun f’assistenza ta' emerġenza għall-benefiċċju tal-Greċja (direttament lill-awtoritajiet Griegi jew lil organizzazzjonijiet internazzjonali/aġenziji tal-UE).

(11)

COM(2016) 120 tal-4 ta' Marzu 2016.

(12)

It-tabella fl-Anness II tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Lura lejn Schengen” tagħti ħarsa ġenerali lejn dawn ir-rakkomandazzjonijiet li l-Kummissjoni u l-Aġenziji tal-UE għandhom jikkontribwixxu għalihom biex jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa u f'waqtha tagħhom.

(13)

Ara wkoll il-kummenti ta’ hawn taħt relatati mal-Azzjoni 3, 12 u 50.

(14)

Id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU L 348, 24.12.2008, p. 98).

(15)

F’każ li l-Greċja tagħżel li ma tużax l-eżenzjoni skont l-Artikolu 2(2)(a), il-livell ta’ protezzjoni għall-persuni milqutin ma għandux ikun inqas favorevoli mis-salvagwardji stabbiliti fl-Artikoli tad-Direttiva dwar ir-Ritorn li tittratta l-limitazzjonijiet fl-użu ta’ miżuri ta’ koerċizzjoni, il-posponiment tat-tneħħija, il-kura tas-saħħa f’każ ta’ emerġenza u l-ħtiġijiet tat-tfal u gruppi oħra ta’ persuni vulnerabbli, il-kundizzjonijiet tad-detenzjoni u r-rispett lejn il-prinċipju ta’ non-refoulement, skont l-Artikolu 4(4) ta’ din id-Direttiva, jew is-salvagwardji skont l-acquis tal-UE dwar l-ażil, fejn applikabbli.

(16)

L-ittra tal-15 ta’ Marzu 2016 mingħand is-Sur Fabrice Leggeri, id-Direttur Eżekuttiv tal-Frontex, lis-Sur Tzanetos Filippakos, is-Segretarju Ġenerali.