IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 19.4.2016
COM(2016) 180 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Id-Diġitalizzazzjoni tal-Industrija Ewropea
Ingawdu l-benefiċċji kolha ta' Suq Uniku Diġitali
{SWD(2016) 110 final}
1Il-kuntest
L-industrija tal-manifattura, u r-relazzjoni tagħha mas-servizzi, għandha rwol importanti biex terġa' tpoġġi l-ekonomija tal-Ewropa fit-triq it-tajba. Fl-istess ħin, qiegħda sseħħ rivoluzzjoni industrijali ġdida, xprunata minn ġenerazzjonijiet ġodda ta' teknoloġiji diġitali bħall-big data.
Il-progress fit-teknoloġiji diġitali flimkien ma' teknoloġiji abilitanti essenzjali oħra qed jibdel il-mod kif niddisinjaw, nipproduċu, nikkummerċjalizzaw u niġġeneraw il-valur mill-prodotti u s-servizzi relatati. L-avvanzi f'teknoloġiji bħall-internet tal-oġġetti (IoT), il-5G, il-cloud computing, l-analitika tad-dejta u r-robotika qegħdin jittrasformaw il-prodotti, il-proċessi u l-mudelli kummerċjali fis-setturi kollha biex finalment joħolqu mudelli industrijali ġodda hekk kif qegħdin jinbidlu l-ktajjen globali tal-valur. L-isfida quddiemna hija biex l-industrija Ewropea taħtaf bis-sħiħ u malajr dawn l-opportunitajiet diġitali. Dan huwa essenzjali sabiex tkun assigurata l-kompetittività tal-Ewropa fuq terminu medju u twil b'implikazzjonijiet għall-benesseri ġenerali.
Il-kisba tas-Suq Uniku Diġitali (DSM) fl-Ewropa hija rekwiżit sabiex jiġi attirat l-investiment fl-innovazzjonijiet diġitali u għat-tkabbir aktar mgħaġġel tan-negozju fl-ekonomija diġitali. Fl-2015 il-Kummissjoni Ewropea nediet strateġija ambizzjuża sabiex jinkiseb DSM. Fattur ewlieni ta' suċċess sabiex jinkisbu l-benefiċċji sħaħ ta' DSM hija industrija diġitali kompetittiva ħafna fl-Ewropa u l-integrazzjoni tal-innovazzjonijiet diġitali fis-setturi kollha. It-tħaddin tat-teknoloġiji diġitali se jgħin lill-kumpaniji jikbru lil hinn mis-suq intern tal-UE u biex l-UE ssir post saħansitra aktar attraenti għall-investimenti globali. Il-ħiliet diġitali huma ta' importanza kruċjali. Il-ftuħ tas-suq Ewropew għandu jinżamm u jiġi żviluppat aktar fil-qasam diġitali.
L-istrateġija għal DSM, speċjalment il-pilastru dwar il-"massimizzazzjoni tal-potenzjal ta' tkabbir tal-ekonomija diġitali", tinkludi l-lievi prinċipali kollha sabiex tittejjeb id-diġitalizzazzjoni tal-industrija b'azzjonijiet f'oqsma bħall-ekonomija xprunata mid-dejta, l-IoT, il-cloud computing, l-istandards, il-ħiliet u l-gvern elettroniku. Hija parti minn qafas strateġiku koerenti ta' inizjattivi tal-Kummissjoni mmirati sabiex isaħħu l-kompetittività globali tal-industrija, speċjalment l-intrapriżi żgħar u medji (SME). Dan jinkludi b'mod partikolari l-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa, l-Unjoni tal-Enerġija, l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, il-pakkett dwar l-Ekonomija Ċirkolari u l-Istrateġija għal Suq Uniku. L-istrateġija għal DSM tibni fuq dawn l-inizjattivi u tipprovdi qafas koerenti sabiex titmexxa 'l quddiem id-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija tal-Ewropa.
Iffaċċjata bl-isfida tad-diġitalizzazzjoni, l-industrija fis-setturi kollha tista' tibni fuq is-saħħa fit-teknoloġiji diġitali għas-swieq professjonali bħall-elettronika għas-swieq awtomobilistiċi, is-swieq tas-saħħa u tal-enerġija, it-tagħmir tat-telekomunikazzjoni, is-software tan-negozju u l-manifattura avvanzata. Għandha wkoll oqsma fejn irid isir progress, l-aktar fil-livell ta' investiment min-negozji ż-żgħar fl-ICT, fil-forniment ta' prodotti diġitali għall-konsumatur u fis-servizzi fuq l-internet. Is-setturi tat-teknoloġija għolja fl-Ewropa huma pjuttost avvanzati fit-tħaddin tal-innovazzjonijiet diġitali filwaqt li parti kbira tal-SMEs, tal-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja u tal-industriji mhux teknoloġiċi għadhom lura. Jeżistu wkoll differenzi kbar fid-diġitalizzazzjoni bejn ir-reġjuni.
Filwaqt li hija r-responsabbiltà tan-negozji li jieħdu l-inizjattiva sabiex jaddattaw għar-realtajiet tas-suq, huwa importanti sforz urġenti fuq livell tal-UE biex jgħin fil-koordinazzjoni tal-inizjattivi nazzjonali u reġjonali għad-diġitalizzazzjoni tal-industrija. Illum il-ktajjen tal-provvista jestendu madwar l-Ewropa kollha u d-diġitalizzazzjoni toħloq sfidi bħall-istandardizzazzjoni, il-miżuri regolatorji u l-volum tal-investiment li jistgħu jiġu indirizzati biss fuq livell Ewropew.
Din il-Komunikazzjoni tintroduċi sett ta' miżuri ta' politika koerenti bħala parti minn pakkett għall-modernizzazzjoni tat-teknoloġiji tad-DSM u tas-servizzi pubbliċi. Il-pakkett jinkludi tliet Komunikazzjonijiet addizzjonali. Il-Komunikazzjoni tispjega kif id-diversi miżuri jirrelataw ma' xulxin. Għandha l-għan ukoll li tistabbilixxi qafas għall-koordinazzjoni bejn l-inizjattivi fuq livell nazzjonali u tal-UE f'dan il-qasam u azzjonijiet ta' politika rilevanti fosthom l-investimenti fl-innovazzjonijiet u l-infrastruttura diġitali, l-aċċellerazzjoni tal-iżvilupp tal-istandards tal-ICT, l-esplorazzjoni tal-kundizzjonijiet regolatorji u l-addattament tal-forza tax-xogħol, inkluż it-titjib tal-ħiliet. Dawn l-isfidi u l-opportunitajiet huma validi wkoll għall-iżvilupp ta' azzjonijiet ta' gvern elettroniku u għat-tisħiħ tar-rwol tas-settur pubbliku sabiex tiġi stimulata d-domanda għas-soluzzjonijiet diġitali.
L-enfasi qiegħda fuq azzjonijiet b'valur miżjud Ewropew ċar li jibnu fuq, jikkumplimentaw u jassiguraw iż-żieda tal-inizjattivi nazzjonali. Hija bbażata fuq l-involviment tal-partijiet interessati rilevanti kollha, jiġifieri kumpaniji kbar, ta' daqs medju u żgħar mis-setturi industrijali kollha, l-industrija tal-provvista diġitali, is-sħab soċjali, l-Istati Membri u r-reġjuni.
Hija akkumpanjata minn tliet komunikazzjonijiet oħra u tliet dokumenti ta' ħidma tal-persunal:
Il-Komunikazzjoni dwar Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud tippreżenta l-pjan għall-bini ta' infrastruttura ta' klassi dinjija tal-cloud u d-dejta għax-xjenza u l-inġinerija li se tipprovdi lix-xjenzati u lill-inġiniera fl-UE b'kapaċità estensiva ta' informatika u mmaniġġjar tad-dejta. Se tipprovdi ambjent virtwali b'servizzi miftuħa u konsistenti għall-ħażna, l-immaniġġjar, l-analiżi u l-użu mill-ġdid tad-dejta tar-riċerka, bejn fruntieri u dixxiplini differenti ("il-Cloud Ewropea Miftuħa tax-Xjenza"). L-inizjattiva se żżid il-kapaċità ta' innovazzjoni tal-Ewropa fl-oqsma kollha u tirrinforza l-kapaċità tat-teknoloġija diġitali tagħha mill-informatika ta' livell għoli sal-komponenti ta' konsum baxx. L-inizjattiva se tagħti lill-Ewropa vantaġġ globali fl-infrastrutturi u s-servizzi tad-dejta, u tassigura li x-xjenza, it-teknoloġija u l-industrija Ewropej jiksbu l-benefiċċji sħaħ tax-xjenza xprunata mid-dejta. Hija akkumpanjata minn żewġ dokumenti ta' ħidma tal-persunal dwar l-Informatika ta' Prestazzjoni Għolja u dwar it-Teknoloġiji Quantum.
Il-Komunikazzjoni dwar il-Prijoritajiet għall-Istandardizzazzjoni tal-ICT tidentifika l-istandards essenzjali tal-ICT u tippreżenta miżuri sabiex jiġi aċċellerat l-iżvilupp tagħhom b'appoġġ għall-innovazzjonijiet diġitali fl-ekonomija. Tistabbilixxi prijoritajiet għall-istandards ibbażati fuq konsultazzjoni wiesgħa u tippreżenta azzjonijiet konkreti sabiex dawn jintlaħqu.
Il-pjan ta' azzjoni dwar il-Gvern elettroniku rigward it-trasformazzjoni diġitali tas-servizzi pubbliċi jiffoka fuq il-ħtiġijiet tan-negozji u taċ-ċittadini, jiġifieri soluzzjonijiet online, transfruntiera, interoperabbli b'mod awtomatiku u soluzzjonijiet ddisinjati end-to-end.
Id-dokument ta' ħidma tal-persunal dwar l-Internet tal-Oġġetti (IoT) jissottolinja l-isfidi u l-opportunitajiet tal-IoT fl-Ewropa.
2L-impronta li qiegħda tikber tat-teknoloġiji diġitali
B'madwar 4% tal-PDG, is-settur tal-ICT fl-Ewropa jirrappreżenta sehem importanti mill-ekonomija billi jimpjega aktar minn 6 miljun ruħ. Il-valur miżjud ta' dan is-settur fl-UE (produzzjoni ta' oġġetti diġitali), li jestendi minn komponenti sa prodotti tas-software jammonta għal aktar minn 580 B€ u jirrappreżenta qrib l-10 % tal-valur miżjud tal-attività industrijali b'mod globali.
Studji riċenti jistmaw li d-diġitalizzazzjoni tal-prodotti u s-servizzi se żżid aktar minn 110 B€ ta' dħul għall-industrija kull sena fl-Ewropa fil-5 snin li ġejjin. Fil-Ġermanja biss, id-diġitalizzazzjoni ulterjuri tal-industrija mistennija tipproduċi sa 8 % ta' tkabbir fil-produttività fuq għaxar snin u żieda fid-dħul ta' madwar 30 B€ fis-sena. Se twassal ukoll għal żieda ta' 6 % fl-impjiegi. Kważi terz tat-tkabbir fil-produzzjoni industrijali globali fl-Ewropa huwa diġà dovut għall-adozzjoni ta' teknoloġiji diġitali.
Illum, aktar minn kwart tat-tkabbir tal-valur miżjud fis-settur awtomobilistiku ġej mill-integrazzjoni ta' innovazzjonijiet diġitali fil-karozzi u fit-tfassil u l-produzzjoni tal-karozzi. Fl-aħħar nett, l-innovazzjonijiet diġitali huma faċilitatur ewlieni sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta' ħafna mill-isfidi soċjali tagħna, mis-sistemi tas-saħħa sostenibbli sat-titjib tal-effiċjenza tar-riżorsi u l-enerġija, kif indirizzati f'politiki tal-Kummissjoni bħall-Unjoni tal-Enerġija u l-Ekonomija Ċirkolari. L-internet, il-web u l-iżviluppi riċenti fir-realtà virtwali u awmentata jkomplu jagħtu sura ġdida lill-produzzjoni u l-mudelli kummerċjali tal-industriji kreattivi kollha.
Dan il-ħolqien ta' valur addizzjonali mill-innovazzjonijiet diġitali jseħħ fi:
Prodotti: Xprunata mill-iżvilupp tal-Internet tal-Oġġetti, l-integrazzjoni ulterjuri tal-ICT fit-tipi kollha ta' prodotti u artifatti toffri firxa wiesgħa ta' opportunitajiet għat-tkabbir ta' industriji ġodda, inklużi n-negozji ġodda, u qiegħda tittrasforma s-setturi kollha tal-ekonomija. Dan jinkludi l-iżvilupp ta' swieq bħall-karozza konnessa, l-apparat li jintlibes jew l-apparat domestiku intelliġenti.
Proċessi: it-tixrid ulterjuri tal-awtomatizzazzjoni fil-produzzjoni u l-integrazzjoni sħiħa tas-simulazzjoni u l-analitika tad-dejta fil-proċessi u l-ktajjen tal-provvista qegħdin iwasslu għal żidiet sostanzjali fil-produttività u fl-effiċjenza tar-riżorsi matul iċ-ċiklu sħiħ mid-disinn tal-prodott sal-ġestjoni taċ-ċiklu tal-ħajja.
Mudelli kummerċjali billi jiġu riorganizzati l-ktajjen tal-valur u jiġu sfukati l-konfini bejn il-prodotti u s-servizzi. Il-prodotti intelliġenti konnessi jiġu mas-servizzi u l-konsumaturi jadottaw imġiba li tinbidel, pereżempju dwar is-"sjieda", il-ħolqien konġunt u l-kondiviżjoni (l-ekonomija tal-apps). L-impatt taż-żieda tas-servizzi mal-portafoll tal-prodotti tal-kumpaniji tal-manifattura ntwera li jżid il-profittabbiltà b'sa 5.3% u l-impjiegi b'sa 30%.
Il-konverġenza ta' numru ta' teknoloġiji qiegħda tixpruna l-bidla diġitali, b'mod partikolari l-IoT, il-big data u l-cloud, ir-robotika u l-intelliġenza artifiċjali, u l-istampar 3D. Huma jippermettu lill-industrija li tirrispondi għall-aspirazzjonijiet ewlenin tal-konsumaturi tal-lum, bħall-personalizzazzjoni, is-sigurtà u l-kumdità akbar kif ukoll l-effiċjenza fl-enerġija u r-riżorsi. Pereżempju, il-kombinazzjoni ta' sensers avvanzati u l-big data fil-proċessi industrijali tista' tnaqqas il-konsum tal-enerġija u l-użu tal-materja prima.
Dawn l-innovazzjonijiet iwasslu għal interdipendenza aktar mill-qrib bejn il-progress fit-teknoloġiji diġitali u l-użu tagħhom f'industriji differenti. Sabiex tkun tista' tikseb il-benefiċċji sħaħ tat-teknoloġiji diġitali, l-Ewropa għandha bżonn kemm settur diġitali innovattiv ħafna kif ukoll titjib tal-kapaċità ta' innovazzjoni diġitali tal-industriji kollha. Teħtieġ ukoll settur pubbliku innovattiv li juri t-triq fit-trasformazzjoni diġitali sabiex titjieb l-effiċjenza u jiġi żgurat servizz ta' kwalità għolja għaċ-ċittadini kollha.
3Naħtfu l-opportunitajiet diġitali: Fejn tinsab l-Ewropa?
Dan l-aħħar tnedew diversi inizjattivi nazzjonali u reġjonali bħal Industrie 4.0 (DE), Smart Industry (NL), Catapults (UK) u Industrie du Futur (FR) sabiex jiġu sfruttati l-opportunitajiet offruti mill-innovazzjonijiet diġitali fl-industrija. Huma juru l-impenn madwar l-Ewropa sabiex jinħatfu l-opportunitajiet diġitali li hemm quddiemna. Madankollu, l-indirizzar tal-isfidi tat-trasformazzjoni diġitali fuq livell nazzjonali waħdu għandu r-riskju li jwassal għal aktar frammentazzjoni tas-suq uniku u għal sforzi li ma jlaħħqux il-massa kritika meħtieġa sabiex jiġu attirati l-investimenti privati.
Il-kompetizzjoni bejn l-ekonomiji madwar id-dinja kollha sabiex jattiraw l-investiment privat fl-innovazzjonijiet diġitali hija ħarxa. Bejn is-sena 2000 u l-2014, l-investimenti fi prodotti relatati mal-ICT fl-UE kienu jirrappreżentaw madwar terz ta' dawk li saru fl-Istati Uniti. Bl-istess mod, l-ammont globali investit minn kumpaniji tal-UE fir-riċerka u l-innovazzjoni jirrappreżenta biss 40% tal-investimenti minn kumpaniji tal-Istati Uniti. Filwaqt li l-Istati Membri u r-reġjuni għandhom rwol importanti x'jilagħbu sabiex jiffaċilitaw l-aċċess għall-finanzi u jattiraw l-investimenti, azzjonijiet f'livell tal-UE jistgħu jipproduċu l-iskala u l-kopertura neċessarja sabiex jassiguraw impatt. Il-valur miżjud ta' aktar kooperazzjoni bejn dawk li jfasslu l-politika tal-innovazzjoni fuq livell nazzjonali u reġjonali huwa indirizzat tajjeb fl-approċċ tal-Ispeċjalizzazzjoni Intelliġenti u tfaċċaw inizjattivi interreġjonali minn isfel għal fuq.
L-istat tad-diġitalizzazzjoni tal-industrija jvarja minn settur għall-ieħor, speċjalment bejn oqsma ta' teknoloġija avvanzata u oħrajn aktar tradizzjonali, u anki bejn l-Istati Membri u r-reġjuni. Hemm ukoll differenzi kbar bejn il-kumpaniji kbar u l-SMEs. Il-maġġoranza kbira tal-SMEs u tal-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja għadhom lura ħafna fit-tħaddin tal-innovazzjonijiet diġitali. L-industrija Ewropea tirriskja li taqa' lura meta tiġi biex tibni s-sisien stess tal-ġejjieni diġitali tagħha.
L-industrija diġitali fl-Ewropa tista' tibni fuq numru ta' assi, b'mod partikolari d-daqs tas-suq tal-UE li għandu jattira aktar investimenti hekk kif dan jiżviluppa f'suq uniku diġitali. Għandha wkoll punti ta' forza ċari fi swieq professjonali (eż. B2B) u settorjali bħal software integrat u tan-negozju, tagħmir tat-telekomunikazzjoni, robotika, awtomatizzazzjoni, teknoloġija tal-laser u tas-sensers kif ukoll elettronika għas-swieq awtomobilistiċi, tas-sigurtà, tas-saħħa u tal-enerġija. Madankollu, l-Ewropa trid ittejjeb b'mod sinifikanti l-attrattività tagħha għall-investimenti fil-produzzjoni ta' prodotti diġitali, minn komponenti sa apparat u software, għas-swieq tal-konsumatur u fi pjattaformi web u tad-dejta u applikazzjonijiet u servizzi rilevanti. Hemm ukoll il-każ għall-informatika personali, is-servers, u l-pakketti ta' software għall-konsumatur.
Filwaqt li joħolqu opportunitajiet ġodda, l-innovazzjonijiet diġitali qegħdin jittrasformaw ukoll ix-xenarju kummerċjali sħiħ. Jiftħu l-bieb għal kompetituri ġodda f'partijiet ewlenin tal-katina tal-valur (eż. pjattaformi tad-dejta jew web). In-negozji Ewropej huma dejjem aktar imħassba li xenarju bħal dan se jsakkarhom ma' ftit fornituri jew sidien ta' pjattformi u se jċaqlaq wkoll parti kbira mill-ħolqien tal-valur barra mill-isfera tan-negozju tagħhom.
Hemm bżonn li jiġi aċċellerat l-iżvilupp ta' standards komuni u soluzzjonijiet interoperabbli. L-interoperabilità hija essenzjali għall-iskjerament tal-IoT u l-fluss mingħajr problemi tad-dejta f'setturi u reġjuni differenti. Id-disponibbiltà ta' standards u speċifikazzjonijiet komuni hija rekwiżit ċar, eż. għall-ħruġ fis-suq ta' karozzi konnessi li jinteraġixxu mhux biss mal-infrastruttura tat-toroq iżda wkoll ma' vetturi u apparati oħra, u sabiex jiġi evitat li l-konsumaturi jinqabdu f'rabta ma' fornituri partikolari mingħajr ma jkunu jistgħu jeħilsu mill-irbit magħhom.
Id-diġitalizzazzjoni tan-nisġa industrijali ġġib ukoll sfidi regolatorji ġodda. Dan jinkludi kwistjonijiet relatati mad-dejta ġġenerata mill-kwantità kbira ta' prodotti intelliġenti ġodda, ir-responsabbiltà ta' sistemi aktar awtonomi u s-sigurtà mal-ħtieġa dejjem tiżdied ta' interazzjoni bejn il-bnedmin u l-apparati intelliġenti. Jeħtieġ li jinstab il-bilanċ ġust bejn l-interessi leġittimi tan-negozji u d-drittijiet fundamentali biex tkun assigurata l-protezzjoni tad-dejta personali u l-privatezza, kif stabbilit fir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Dejta.
L-iżvilupp ulterjuri tal-Internet tal-Oġġetti u l-big data joħloq ukoll sfidi importanti ta' fiduċja u sigurtà għal kwalunkwe kumpanija u għall-aċċettazzjoni mill-pubbliku.
Madwar 40% tal-ħaddiema tal-UE għandhom livell insuffiċjenti ta' ħiliet diġitali. Il-ħtieġa ta' ħiliet multidixxiplinarji u diġitali ġodda qiegħda tisplodi, bħall-ħiliet kombinati tal-analiżi tad-dejta u l-ħiliet fin-negozju jew l-inġinerija. Id-diskrepanza bejn id-domanda għal, u d-disponibbiltà ta' ħaddiema b'ħiliet diġitali fl-Ewropa qiegħda tikber. L-innovazzjonijiet diġitali għandhom ukoll potenzjal kbir għall-ħolqien ta' impjiegi addizzjonali fl-industrija bit-tkabbir ta' negozji ġodda u billi jgħinu sabiex jiġu ppreservati u miġjuba lura impjiegi industrijali minn barra l-pajjiż. Jekk wieħed iħares lejn il-professjonisti tal-ICT biss, matul dawn l-aħħar tliet snin inħolqu aktar minn miljun impjieg addizzjonali. Minkejja dan, mistenni li ż-żieda rapida fid-domanda se twassal għal aktar minn 800 000 post battal mhux mimlija sal-2020. Fl-istess waqt, l-avvanzi fl-awtomatizzazzjoni, ir-robotika u s-sistemi intelliġenti qegħdin jittrasformaw dejjem aktar in-natura tax-xogħol, mhux biss għall-kompiti ripetittivi iżda wkoll għal kompiti sofistikati f'funzjonijiet amministrattivi, legali jew superviżorji. Il-ħidma f'ekonomija diġitalizzata se tinvolvi wkoll ħiliet u kapaċitajiet ġodda li jinkludu aktar kreattività, komunikazzjoni u adattabilità. Hija se teħtieġ titjib massiv fil-ħiliet tal-ħaddiema fil-livelli kollha.
L-ostakli msemmija hawn fuq jeħtieġu sforz pubbliku u privat kollettiv.
4It-triq 'il quddiem
Id-diġitalizzazzjoni tipprovdi opportunità unika sabiex jiġu attirati aktar investimenti f'industriji diġitali u diġitalizzati innovattivi u ta' tkabbir kbir fl-Ewropa. L-industrija fl-UE tista' tibni fuq il-forzi tagħha fit-teknoloġiji diġitali professjonali u fuq il-preżenza b'saħħitha tagħha fis-setturi tradizzjonali biex taħtaf il-firxa wiesgħa ta' opportunitajiet li joffru l-IoT, il-big data u s-sistemi bbażati fuq l-Intelliġenza Artifiċjali u taħtaf sehem mis-swieq emerġenti tal-prodotti u s-servizzi tal-ġejjieni.
Filwaqt li l-addattament għall-bidla industrijali diġitali hija responsabbiltà prinċipalment tan-negozji, ordni pubbliku mmirat jista' jkollu sehem importanti fil-ħolqien tal-aħjar kundizzjonijiet biex dan iseħħ fis-setturi kollha f'ambjent kompetittiv mirfud minn reagoli dwar il-kompetizzjoni. Dan huwa partikolarment importanti għan-numru kbir ta' intrapriżi żgħar u medji li huma l-bażi tal-ekonomija Ewropea. L-ordni pubbliku għandu jimmira għal settur diġitali b'saħħtu li jalimenta d-diġitalizzazzjoni tan-nisġa industrijali sħiħa, mill-industriji tal-kostruzzjoni, tas-saħħa u agroalimentari sal-industriji kreattivi.
L-għan ta' din il-Komunikazzjoni għalhekk huwa li tirrinforza l-kompetittività tal-UE fit-teknoloġiji diġitali u tassigura li kull industrija fl-Ewropa, ikun xi jkun is-settur tagħha, tinsab fejn tinsab, u irrispettivament mid-daqs tagħha, tkun tista' tibbenefika b'mod sħiħ mill-innovazzjonijiet diġitali.
Faċilitati minn qafas dinamiku għall-koordinazzjoni u l-qsim tal-esperjenza bejn inizjattivi pubbliċi u privati fuq livell tal-UE, nazzjonali u reġjonali, l-azzjonijiet proposti huma mistennija li jimmobilizzaw madwar 50 B€ ta' investiment pubbliku u privat fil-5 snin li ġejjin (terz minnhom min-naħa pubblika), jesploraw u jaddattaw meta jkun meħtieġ il-qafas leġislattiv u jsaħħu l-koordinazzjoni tal-isforzi dwar il-ħiliet u l-impjiegi ta' kwalità fl-era diġitali.
4.1Qafas għall-koordinazzjoni tal-inizjattivi għad-diġitalizzazzjoni tal-industrija
F'dawn l-aħħar snin kienu varati aktar minn 30 inizjattiva nazzjonali u reġjonali għad-diġitalizzazzjoni tal-industrija madwar l-Ewropa. Bil-ktajjen tal-valur distribwiti dejjem aktar madwar l-Ewropa, id-diġitalizzazzjoni ulterjuri tal-industrija ġġib sfidi li jistgħu jiġu solvuti biss permezz ta' sforz kollettiv mal-UE kollha. Huwa fil-livell tal-UE li l-ġbir flimkien tar-riżorsi pubbliċi jista' jilħaq rapidament il-massa kritika meħtieġa sabiex jattira l-livell ġust ta' investiment privat. Hemm bżonn li tiġi indirizzata l-istandardizzazzjoni u tiġi eżaminata s-sodezza regolatorja tal-leġislazzjoni fuq livell tal-UE sabiex jiġi assigurat l-iżvilupp ta' suq uniku u hemm ukoll valur sostanzjali fil-kondiviżjoni tal-aħjar prattiċi f'oqsma bħall-ħiliet u l-impjiegi għall-bidla diġitali.
Fl-ewwel nofs tal-2016, il-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri u l-industrija, se tistabbilixxi qafas ta' governanza sabiex (i) jiffaċilita l-koordinazzjoni tal-inizjattivi tal-UE u nazzjonali dwar id-diġitalizzazzjoni, (ii) jimmobilizza l-partijiet interessati, u r-riżorsi matul il-katina tal-valur, fuq azzjonijiet sabiex jinkiseb Suq Uniku Diġitali, billi jibni fuq id-djalogi eżistenti bejn ħafna partijiet interessati, u (iii) jiskambja l-aħjar prattiċi:
-Darbtejn fis-sena, Roundtable ta' livell għoli ta' rappreżentanti ta' inizjattivi tal-Istati Membri, mexxejja tal-industrija, u sħab soċjali li tassigura djalogu kontinwu madwar l-UE kollha, b'attivitajiet preparatorji żviluppati, meta jkun meħtieġ, fi Gruppi ta' Ħidma speċifiċi li jindirizzaw kemm kwistjonijiet speċifiċi għas-settur kif ukoll kwistjonijiet transsettorjali.
-Forum Ewropew kull sena tal-partijiet interessati għal konsultazzjoni u laħqa aktar wiesgħa bl-involviment ta' partijiet interessati mill-ktajjen sħaħ tal-valur diġitali.
Il-Kummissjoni se tirrapporta regolarment dwar il-progress tal-azzjonijiet. Sal-aħħar tal-2016 hija se tiżviluppa u fuq bażi annwali se taġġorna katalgu tal-inizjattivi u l-prijoritajiet nazzjonali u reġjonali.
4.2Koinvestiment fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' innovazzjoni diġitali tal-Ewropa
L-istimular tal-investiment privat fl-innovazzjonijiet diġitali fis-setturi industrijali kollha madwar l-UE huwa sfida ewlenija li għandha tiġi indirizzata fuq livell reġjonali, nazzjonali u tal-UE. Kif intwera dan l-aħħar bil-Fond Ewropew għall-Investiment Strateġiku, l-UE kollha kemm hi tista' timmobilizza riżorsi għall-investiment, meta jkun meħtieġ, li l-ebda Stat Membru individwali ma jista' jiġbor waħdu u b'effett ta' lieva fuq l-investimenti privati li huwa lil hinn ferm mnn kemm jistgħu jilħqu bosta Stati Membri. L-approċċ sabiex jiġu ġġenerati aktar investimenti huwa xprunat kemm mid-domanda kif ukoll mill-provvista u jimmobilizza l-istrumenti ta' politika kollha mill-appoġġ finanzjarju sal-koordinazzjoni u l-leġislazzjoni. Billi jiġi assigurat l-iżvilupp ta' ċentri ta' innovazzjoni diġitali madwar l-Ewropa, se jkun possibbli l-aċċess għall-aħħar teknoloġiji għal kwalunkwe industrija fl-Ewropa bil-għan li tiġi xprunata mewġa ta' innovazzjonijiet minn isfel għal fuq bejn is-setturi. Se jiġu stabbiliti u msaħħa sħubijiet pubbliċi-privati dwar l-innovazzjoni u R&Ż strateġiċi sabiex tkun assigurata kollaborazzjoni madwar l-UE kollha bejn l-industrija u s-settur akkademiku li tinvolvi l-partijiet interessati tul il-ktajjen tal-valur. Huma se jipprovdu mezzi uniċi sabiex jinġabru flimkien ir-riżorsi meħtieġa għal żviluppi rivoluzzjonarji fit-teknoloġiji u l-pjattaformi diġitali, fosthom infrastruttura cloud ta' prestazzjoni għolja għax-xjenza u l-innovazzjoni kif ukoll bankijiet ta' ttestjar fuq skala kbira sabiex jiġi aċċellerat l-issettjar tal-istandards.
4.2.1Stimular tal-innovazzjonijiet diġitali fis-setturi kollha: Ċentri ta' Innovazzjoni Diġitali madwar l-Ewropa
L-Ewropa tista' tikseb vantaġġi kompetittivi determinanti internazzjonalment jekk tkun kapaċi tiġġenera mewġa ta' innovazzjonijiet diġitali minn isfel għal fuq madwar l-Ewropa li tinvolvi s-setturi industrijali kollha. Bil-pass mgħaġġel tal-bidla fit-teknoloġija diġitali, ħafna minn dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-industrija għandhom diffikultà jiddeċiedu meta jinvestu, sa liema livell u f'liema teknoloġiji. Madwar 60% tal-industriji l-kbar u aktar minn 90% tal-SMEs iħossu li għadhom lura fl-innovazzjoni diġitali. Bl-istess mod, hemm diskrepanzi kbar fid-diġitalizzazzjoni bejn setturi industrijali differenti.
Meta mistoqsija dwar l-appoġġ pubbliku sabiex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet imsemmija hawn fuq, il-partijiet interessati industrijali jsemmu l-ħtieġa urġenti ta' "faċilitajiet sabiex isiru esperimenti bi, u jiġu ttestjati l-innovazzjonijiet diġitali" qabel ma jinvestu fid-diġitalizzazzjoni. Reġjuni u bliet bi prontezza diġitali akbar investew f'ċentri ta' kompetenza diġitali (eż. Organizzazzjonijiet tar-Riċerka u t-Teknoloġija (RTOs) u laboratorji universitarji) li joffru dan it-tip ta' appoġġ lill-industrija. Billi r-reġjuni b'raggruppamenti b'saħħithom fl-industriji diġitali huma kkaratterizzati minn livelli għolja ħafna ta' innovazzjoni, hemm ukoll il-possibbiltà li jintużaw aħjar raggruppamenti b'infrastruttura tat-teknoloġija u intermedjarji tal-innovazzjoni.
L-azzjonijiet tal-UE b'appoġġ għal tali ċentri ta' kompetenza wrew mhux biss żieda fil-kompetittività tal-industriji eżistenti, b'mod partikolari għall-SMEs u l-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja, iżda wkoll ħolqien addizzjonali tan-negozju fi prodotti u servizzi diġitalizzati ġodda. Dan huwa l-każ ukoll għan-netwerks ta' aċċelleraturi ta' negozji ġodda bħal Startup Europe u l-inizjattivi FIWARE. Hija l-ambizzjoni tal-Kummissjoni li tiffoka 500M€ matul il-5 snin li ġejjin mill-baġit ta' Orizzont 2020 għal dawn l-azzjonijiet
L-impatt huwa saħansitra akbar meta l-appoġġ għaċ-ċentri ta' kompetenza jiġi kombinat ma' azzjonijiet sabiex jiffaċilitaw l-aċċess għall-finanzi u ma' azzjonijiet ta' outreach u senserija. Ir-riżultat huwa "ċentru ta' innovazzjoni diġitali" (DIH) sħiħ li jippromwovi konnessjonijiet tat-tip "many-to-many" bejn ċentri ta' kompetenza, utenti u fornituri tal-industrija, esperti u investituri fit-teknoloġija u li jiffaċilita l-aċċess għas-swieq madwar l-UE kollha. In-netwerking ta' dawn id-DIH madwar l-Ewropa joħloq punt uniku ta' servizz għall-aħħar teknoloġiji diġitali li jkun aċċessibbli għal kwalunkwe negozju. F'dan il-kuntest, jistgħu ikunu wkoll inkoraġġiti s-sinerġiji bejn teknoloġiji diġitali u teknoloġiji abilitanti oħrajn ewlenin.
Kważi 90 % tar-reġjuni jew ipprijoritizzaw l-ICT (żewġ terzi tal-Istati Membri) u/jew il-manifattura avvanzata (nofs l-Istati Membri), jew għandhom il-ħsieb li jużaw l-ICT sabiex jappoġġaw il-prijoritajiet tagħhom, fil-prijoritajiet ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti tagħhom. F'dawk ir-reġjuni, il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej u l-Fond Ewropew għall-Investiment Strateġiku (FEIS) u b'mod aktar speċifiku t-taqsima tiegħu għall-SMEs jistgħu jintużaw sabiex jappoġġaw id-DIH. Sabiex jinħolqu ċentri ta' kompetenza ġodda, jew jiġu rinforzati ċentri ta' kompetenza li joffru s-servizzi ta' DIH madwar l-UE kollha u jiġi stimulat l-użu tagħhom mill-industrija, eż. b'kupuni għall-innovazzjoni u l-ħiliet diġitali, huwa meħtieġ sforz nazzjonali u reġjonali sinifikanti, li jlaħħaq investiment ta' madwar 5 B€ fuq 5 snin.
Pjattaforma tematika ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti għall-modernizzazzjoni industrijali u l-investiment appoġġat mis-sħubijiet Ewropej relatati ta' raggruppamenti strateġiċi, fost oħrajn se jappoġġaw l-aċċess transreġjonali għaċ-ċentri ta' kompetenza u r-raggruppamenti diġitali.
Il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tiffoka investiment ta' 500M€ minn Orizzont 2020 fuq ċentri ta' innovazzjoni diġitali dwar:
-In-netwerking u l-kollaborazzjoni taċ-ċentri ta' kompetenza diġitali u s-sħubijiet ta' raggruppamenti.
-L-appoġġ għall-kollaborazzjoni transfruntiera ta' attivitajiet ta' sperimentazzjoni innovattiva.
-Il-kondiviżjoni tal-aħjar prattiċi u l-iżvilupp, sal-aħħar tal-2016, ta' katalgu tal-kompetenzi.
-Il-mobilizzazzjoni tar-reġjuni bl-Ebda Ċentru ta' Innovazzjoni Diġitali sabiex jissieħbu u jinvestu.
-Użu akbar tal-akkwist pubbliku ta' innovazzjonijiet sabiex jiġu mtejba l-effiċjenza u l-kwalità tas-settur pubbliku
F'Ġunju 2016 il-Kummissjoni se tistabbilixxi wkoll pjattaforma tematika ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti għall-modernizzazzjoni industrijali.
Il-Kummissjoni tinkoraġġixxi lill-Istati Membri u r-Reġjuni sabiex jinvestu f'DIH u jagħtu inċentivi lill-industrija sabiex tħaddan l-innovazzjonijiet diġitali u trawwen ma' teknoloġiji abilitanti oħrajn ewlenin.
4.2.2Sħubijiet għat-tmexxija fil-ktajjen tal-valur u l-pjattaformi tat-teknoloġiji diġitali
Fost l-isfidi li jistgħu jiġu indirizzati permezz tal-ġbir flimkien ta' riżorsi pubbliċi u privati fl-Ewropa hemm l-investimenti kbar meħtieġa f'faċilitajiet ta' informatika ta' prestazzjoni għolja u infrastrutturi tad-dejta għax-xjenza u l-inġinerija. Il-Komunikazzjoni dwar l-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud, li qiegħda takkumpanja din il-Komunikazzjoni, turi kif tali sforz kollettiv fi sħubija mal-Istati Membri u l-industrija jista' jżid il-kapaċità ta' innovazzjoni tal-Ewropa f'dixxiplini xjentifiċi u setturi industrijali differenti. Turi wkoll kif tali investiment jista' jgħin sabiex isaħħaħ il-katina tal-provvista għal informatika ta' prestazzjoni għolja strateġika fl-Ewropa minn komponenti ta' konsum baxx sa arkitetturi tal-informatika, teknoloġija Cloud u analitika tad-dejta.
Għandu jsir aktar ukoll sabiex tiġi faċilitata l-koordinazzjoni tal-isforzi kbar iżda frammentati tar-RŻI f'oqsma ewlenin oħra tat-teknoloġija diġitali. Dan jista' jintlaħaq billi jissaħħaħ ir-rwol ta' koordinazzjoni tas-Sħubijiet Pubbliċi-Privati (PPPs) stabbiliti f'Orizzont 2020 sabiex dawn isiru oqfsa reali ta' aggregazzjoni u ekosistemi għall-innovazzjonijiet tal-industrija diġitali. Il-PPPs jistgħu jaġixxu bħala veikoli ewlenin għall-implimentazzjoni ta' strateġiji għall-industrija diġitali mal-UE kollha, jassiguraw rabtiet aktar mill-qrib bejn ir-RŻI u l-isforzi ta' standardizzazzjoni u jippromwovu l-użu tal-istrumenti finanzjarji kollha disponibbli, bħall-ħidma mibdija għal Pjan ta' Azzjoni dwar il-5G li ssejjaħ għal investiment ikkoordinat fin-netwerks 5G mifruxa tal-ġenerazzjoni li jmiss, sabiex tittieħed azzjoni fuq il-ħtijġijiet ta' konnettività tal-industrija.
Il-PPPs preżenti jkopru l-katina tal-valur diġitali sħiħa mill-komponenti sal-applikazzjonijiet. Huma jinkludu PPPs fil-komponenti nanoelettroniċi u s-software integrat (ECSEL), il-fotonika, ir-robotika, il-komunikazzjonijiet 5G, l-informatika ta' prestazzjoni għolja, is-sigurtà ċibernetika (ippjanata), u l-big data.
L-eżempju tal-Inizjattiva ta' Teknoloġija Konġunta ECSEL juri li tali allinjamenti ta' strateġiji reġjonali, nazzjonali u tal-UE huma fattibbli u jistgħu jiġbdu investimenti privati konsiderevoli u jiksbu impatt mingħajr preċedenti fuq il-kompetittività. Jipprovdu mezzi uniċi sabiex jappoġġaw inizjattivi ta' federazzjoni fuq skala kbira bħal-linji pilota għall-produzzjoni jew l-implimentazzjonijiet ta' referenza fuq skala kbira li jegħlbu l-hekk imsejjaħ "wied tal-mewt" tal-innovazzjoni u jittraduċu l-ideat tar-riċerka fi prodotti u servizzi li jistgħu jitpoġġew fis-suq.
Ta' importanza partikolari f'dan il-kuntest huwa l-użu tal-Proġett Importanti ta' Interess Komuni Ewropew (IPCEI), konformi mat-TFUE, sabiex jippromwovi investimenti fuq skala kbira f'kapaċitajiet ta' produzzjoni f'oqsma innovattivi ħafna b'effett konsegwenzjali kbir fl-ekonomija. IPCEI bħal dan qed jiġi ppreparat mill-industrija u mill-Istati Membri sabiex ikabbru l-kapaċità ta' produzzjoni tal-Ewropa f'komponenti ta' konsum baxx għall-IoT. Huwa jirrappreżenta total ta' 6 B€ ta' investiment b'1 B€ mis-settur pubbliku. Qed jiġu esplorati wkoll inizjattivi simili għall-oqsma tal-HPC u l-big data u f'vetturi konnessi u awtomatizzati.
B'mod globali, diġà hemm ippjanat li jiġu investiti aktar minn 20 B€ fil-5 snin li ġejjin fil-PPPs tas-settur diġitali mill-industrija u l-UE b'appoġġ għal aġendi strateġiċi ta' R&Ż. Minħabba l-livell nazzjonali ta' appoġġ pubbliku għar-R&Ż fl-ICT, l-investiment totali jista' jilħaq sa 35 B€ fil-5 snin li ġejjin jekk l-Istati Membri jiddedikaw mill-anqas 3 B€ fis-sena għal dawn l-istrateġiji, li jinkludu opportunitajiet ta' finanzjament mill-FEIS u l-FSIE. Dawn il-livelli ta' investimenti ffukati jġibu bidla radikali fil-kapaċità ta' innovazzjoni tal-Ewropa u jagħtu lill-industrija fatturi uniċi ta' differenzazzjoni sabiex tikkompeti fuq skala globali.
Il-Kummissjoni għandha l-ħsieb tniedi sett ta' inizjattivi li jappoġġaw il-bini tal-pjattaformi industrijali diġitali tal-ġejjieni. Il-pjattaformi hawnhekk għandhom jinftiehmu bħala portali għas-suq b'ħafna lati li joħolqu valur billi jippermettu interazzjonijiet bejn diversi gruppi ta' atturi ekonomiċi. Fost affarijiet oħra, il-bini ta' pjattaformi jeħtieġ l-iżvilupp ta' arkitetturi ta' referenza u l-implimentazzjoni, l-ittestjar u l-validazzjoni gradwali tagħhom f'ekosistemi li jevolvu li jwasslu għall-ħolqien wiesa' ta' valur.
Grupp ta' inizjattivi għall-bini ta' pjattaformi għandu l-għan li jgħaqqad it-teknoloġiji diġitali, b'mod partikolari l-IoT, il-big data u l-cloud, is-sistemi awtonomi u l-intelliġenza artifiċjali, u l-istampar 3D, fi pjattaformi ta' integrazzjoni li jindirizzaw sfidi transsettorjali. Dawn jinkludu:
Tmexxija fl-IoT: Il-Kummissjoni se tinvesti f'inizjattivi pilota u lighthouse fuq skala kbira xprunati mid-domanda f'oqsma bħall-bliet intelliġenti, l-ambjenti ta' għajxien intelliġenti, il-karozzi mingħajr sewwieq, l-apparat li jintlibes, is-saħħa mobbli u l-agroalimenti. L-investiment se jindirizza b'mod partikolari l-pjattaformi miftuħa li jidħlu f'setturi differenti u jaċċellera l-innovazzjoni minn kumpaniji u komunitajiet ta' żviluppaturi, billi jibni fuq pjattaformi ta' servizz miftuħ eżistenti, bħall-FIWARE. Id-dokument ta' ħidma tal-persunal dwar l-IoT, li qiegħed jakkumpanja din il-Komunikazzjoni, jissottolinja fost affarijiet oħra l-isfidi u l-opportunitajiet tal-istandardizzazzjoni u r-regolamentazzjoni għall-IoT u r-rwol tal-Alleanza għall-Innovazzjonijiet fl-IoT (AIOTI).
Pjattaformi tad-dejta: Hemm investiti aktar minn 2.7 B€ mill-industrija u l-Kummissjoni f'azzjonijiet ta' RŻI fi ħdan il-PPP dwar il-big data stabbilit bħala parti mill-istrateġija dwar ekonomija xprunata mid-dejta. L-għan huwa li jiġi appoġġat it-tkabbir ta' negozji innovattivi xprunati mid-dejta fl-Ewropa u l-isfruttament tal-potenzjal tal-valur tad-dejta f'setturi differenti. Dan jinkludi l-iżvilupp ta' pjattaformi kompetittivi ta' dejta miftuħa u d-disponibbiltà ta' infrastruttura tad-dejta ta' klassi dinjija fl-Ewropa. Aspetti ewlenin jinkludu s-soluzzjonijiet tas-sigurtà ċibernetika sabiex terġa' tiġi stabbilita l-fiduċja fl-ekonomija xprunata mid-dejta u biex in-negozji jiġu megħjuna jagħmlu użu sigur mid-dejta. Dawn il-pjattaformi se jappoġġaw l-użu mill-industriji Ewropej, partikolarment mill-SMEs, ta' mudelli tan-negozju xprunati mid-dejta
It-tieni grupp ta' inizjattivi ppjanati għall-bini ta' pjattaformi jindirizza l-integrazzjoni ta' innovazzjonijiet diġitali konverġenti fi pjattaformi u soluzzjonijiet sħaħ settorjali, bħal:
Il-Fabbrika Intelliġenti Konnessa: L-investimenti fil-PPPs dwar Fabbriki tal-Futur (FoF), Industrija bi Proċessi Sostenibbli permezz ta' Effiċjenza fir-Riżorsi u l-Enerġija (SPIRE) u Industriji bbażati fuq il-Prodotti Bijoloġiċi (BBI) jippermettu lill-industrija taħtaf l-opportunitajiet ġodda offruti mill-konverġenza tal-HPC, il-Big data, ir-Robotika, l-IoT u l-Cloud fil-manifattura. Numru akbar ta' industriji (b'mod partikolari SMEs) jistgħu jaċċessaw għodod ta' simulazzjoni u faċilitajiet ta' ttestjar sabiex jipproduċu prodotti u servizzi aħjar. Il-manifattura bbażata fuq il-laser hija appoġġata wkoll taħt il-PPP għall-Fotonika.
Sewqan konness u awtomatizzat: Il-Kummissjoni nediet ħidma sabiex tiffaċilita u taċċellera l-iskjerament tagħhom madwar l-UE, inkluża l-ħidma tal-pjattaforma dwar Sistemi Kooperattivi ta' Trasport Intelliġenti u se toħroġ Pjan ġenerali fl-2016. Din se tibni fuq il-faċilitajiet ta' skjerament, ittestjar u sperimentazzjoni ta' proġetti pilota fuq skala kbira li jeżistu fl-Istati Membri u tistimula l-interoperabilità u l-kontinwità tas-servizzi madwar l-UE kollha. Bl-appoġġ ta' fora tal-industrija bħall-grupp ta' livell għoli GEAR2030, il-Kummissjoni se tippromwovi wkoll il-kooperazzjoni bejn l-industrija tat-telekomunikazzjoni u dik awtomobilistika sabiex taċċellera l-bidu għall-implimentazzjoni tas-sewqan konness u awtomatizzat fl-Ewropa, fosthom permezz ta' proġetti ta' inġinerija ta' federazzjoni fuq skala kbira fejn il-fruntieri.
PPPs settorjali oħra jindirizzaw aspetti importanti tad-diġitalizzazzjoni, bħall-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta dwar il-Mediċini Innovattivi (IMI) bil-pilastru tagħha dwar il-ġestjoni tal-għarfien u l-programm "Big data għal Riżultati aħjar". Il-Kummissjoni se tikkoordina wkoll l-azzjonijiet iddedikati għall-industrija diġitali mal-qafas usa' ta' azzjonijiet iddedikati sabiex tittejjeb il-kompetittività fis-Suq Uniku Diġitali, inklużi PPPs speċifiċi għas-settur bħall-Bini Effiċjenti fl-Enerġija u l-Inizjattiva dwar il-Vetturi Ekoloġiċi.
Il-Kummissjoni Ewropea f'kooperazzjoni mal-Istati Membri se tiffoka l-investimenti fil-PPPs biex:
–Tirrinforza r-rwol tal-PPPs bħala koordinaturi tal-isforz ta' R&Ż madwar l-UE kollha, l-inizjattivi nazzjonali u l-istrateġiji industrijali billi tiffoka fuq it-teknoloġiji essenzjali u l-integrazzjoni tagħhom, inkluż permezz ta' proġetti ta' federazzjoni fuq skala kbira;
–Tiffoka parti sinifikanti mill-PPPs u l-investimenti nazzjonali fuq pjattaformi u ekosistemi diġitali transsettorjali u integrati, inklużi implimentazzjoni ta' referenza u ambjenti ta' sperimentazzjoni f'ambjent reali.
Il-Kummissjoni se timmonitorja l-impenn mis-settur privat li jinvesti bħala medja mill-anqas erba' darbiet aktar mill-investimenti tal-UE fil-PPPs u l-użu tal-opportunitajiet offruti mill-istrumenti finanzjarji taħt il-FEIS u l-FSIE.
4.2.3Standardizzazzjoni: Prijoritizzazzjoni u sforzi intensifikati dwar arkitetturi ta' referenza u sperimentazzjoni
Ambjent ta' standardizzazzjoni effettiv għat-teknoloġiji diġitali huwa kruċjali għad-Diġitalizzazzjoni tal-Industrija Ewropea, u huwa fundamentali għas-Suq Uniku Diġitali. L-istandards tal-ICT jippermettu lill-apparati u s-servizzi li jikkonnettjaw mingħajr problemi bejn fruntieri u teknoloġiji differenti. Fil-ġejjieni, biljuni ta' mezzi konnessi - inklużi apparati, tagħmir industrijali, u sensers – se jiddependu fuq tali komunikazzjoni mingħajr problemi, irrispettivament mill-manifattur, id-dettalji tekniċi, jew il-pajjiż tal-oriġini. L-ICT dieħla b'pass mgħaġġel fis-setturi ekonomiċi kollha. Madankollu f'bosta oqsma industrijali, iċ-ċiklu tradizzjonali tal-iżvilupp, ittestjar u standardizzazzjoni m'għadux adegwat għat-teknoloġiji konverġenti kumplessi u li jevolvu b'pass mgħaġġel. Barra minn hekk, il-multipliċità ta' korpi 'ad hoc' għall-issettjar ta' standards globali tisfida b'mod sinifikanti l-approċċi konvenzjonali.
Il-Komunikazzjoni dwar l-Istandards Prijoritarji tal-ICT għas-Suq Uniku Diġitali, li qiegħda takkumpanja din il-Komunikazzjoni, tinkludi sensiela ta' miżuri li għandhom l-għan li jissimplifikaw l-issettjar tal-istandards għat-teknoloġiji tal-ICT permezz ta' żewġ pilastri interkonnessi – l-ewwel nett billi jiġi pprovdut fokus strateġiku fuq sett bażiku ta' elementi kostitwenti tat-teknoloġija essenzjali, u t-tieni permezz ta' mekkaniżmu b'saħħtu ta' konsenja. Dan l-approċċ huwa konsistenti mal-Inizjattiva Konġunta usa' prevista dwar l-Istandardizzazzjoni, imħabbra fl-Istrateġija għal Suq Uniku.
Sabiex tipprovdi fokus strateġiku għall-istandardizzazzjoni, il-Komunikazzjoni tidentifika ħames oqsma ta' prijorità għall-isforzi ta' standardizzazzjoni - il-5G, il-Cloud Computing, l-Internet tal-Oġġetti, it-teknoloġiji tad-Dejta u s-Sigurtà ċibernetika. L-iffukar tal-isforzi f'dawn l-oqsma u l-integrazzjoni tagħhom fil-ktajjen tal-valur tal-industrija juri fejn jinsabu l-interessi strateġiċi tagħna fir-realizzazzjoni tad-DSM u jgħin sabiex jiġu kkonċentrati r-riżorsi, biex ir-riċerkaturi, l-innovaturi u dawk li jissettjaw l-istandards jinġiebu flimkien b'mod aktar effettiv, jiġu żviluppati arkitetturi ta' referenza u tiġi ttestjata l-infrastruttura. L-approċċi simplifikati bejn l-oqsma għall-istandardizzazzjoni f'dawn l-oqsma se jgħinu wkoll sabiex isir progress fis-Saħħa elettronika, l-enerġija intelliġenti, is-sistemi tal-enerġija u tat-trasport intelliġenti u l-vetturi konnessi, il-manifattura avvanzata, id-djar u l-ibliet intelliġenti.
Dan il-fokus strateġiku huwa appoġġat minn mekkaniżmu robust ta' konsenja, li jibni fuq monitoraġġ regolari mill-Kummissjoni, djalogu politiku sostnut tal-Kummissjoni mal-partijiet interessati kollha, kooperazzjoni rinforzata mal-organizzazzjonijiet għall-istandardizzazzjoni, u involviment internazzjonali msaħħaħ. Barra minn hekk, l-istandardizzazzjoni tal-ICT jeħtieġ li tistrieħ fuq politika bilanċjata dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali għall-aċċess għal privattivi essenzjali standard (SEPs), ibbażata fuq it-termini tal-liċenzjar FRAND. Il-miżuri ta' politika elenkati fil-Komunikazzjoni ta' akkumpanjament dwar l-Istandards Prijoritraji tal-ICT għas-Suq Uniku Diġitali għandhom l-għan li jassiguraw redditu ġust fuq l-investiment sabiex tinċentiva R&Ż u innovazzjoni globali, u għal proċess ta' standardizzazzjoni sostenibbli, filwaqt li tassigura disponibbiltà wiesgħa tat-teknoloġiji f'suq miftuħ u kompetittiv.
4.3L-għoti tal-kundizzjonijiet tal-qafas regolatorju xieraq
Mill-protezzjoni u s-sigurtà tad-dejta sad-disponibbiltà ta' infrastruttura ta' netwerking u cloud ta' klassi dinjija, l-istrateġija għal Suq Uniku Diġitali tinkludi azzjonijiet essenzjali għall-innovazzjonijiet diġitali fl-industrija.
L-iżvilupp mgħaġġel u l-użu aktar wiesa' tat-teknoloġiji diġitali jistgħu madankollu jkunu jeħtieġu wkoll li jiġi modernizzat aktar il-qafas regolatorju preżenti. Li jiġi ċċarat u possibbilment jiġi aġġustat il-qafas leġislattiv huwa importanti sabiex jiġu stabbiliti l-fiduċja u ċ-ċertezza legali neċessarji għall-industrija fl-Ewropa u dan se jitmexxa 'l quddiem bħala parti mill-programm REFIT tal-Kummissjoni għal Regolamentazzjoni Aħjar. Il-pjattaforma REFIT se tiffoka fuq l-ostakoli għall-innovazzjoni u tiddiskuti kif dawn jistgħu jitneħħew jew jitnaqqsu kif stabbilit fl-Istrateġija għal Suq Uniku jew peremezz ta' ftehimiet kummerċjali dwar l-innovazzjoni.
Fil-fatt, it-teknoloġiji diġitali qegħdin jiżviluppaw b'pass tant mgħaġġel li l-qafas legali jeħtieġ li jiġi mmonitorjat b'mod kostanti sabiex ikun assigurat li jibqa' konformi mal-iżvilupp teknoloġiku. Xi Stati Membri bdew jaddattaw il-leġislazzjoni nazzjonali sabiex jipprovdu għal ittestjar u sperimentazzjoni bħall-ispazju tal-ajru ddedikat għall-ittestjar u t-taħriġ ATLAS għad-drones fi Spanja u l-belt RoboTown Taljana fejn robots ta' servizz jistgħu jiġu ttestjati f'ambjenti tal-ħajja reali. Għandha tiġi esplorata l-ħtieġa ta' azzjoni fuq livell Ewropew.
Rigward id-dejta personali u l-privatezza, ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Dejta diġà jipprovdi qafas sabiex tiżdied il-fiduċja fis-servizzi diġitali, hekk kif l-individwi, l-amministrazzjonijiet pubbliċi u n-negozji se jibbenefikaw minn regoli ċari dwar il-protezzjoni tad-dejta li huma adatti għall-età diġitali, li jagħtu protezzjoni b'saħħitha u fl-istess ħin joħolqu opportunitajiet u jinkoraġġixxu l-innovazzjoni f'Suq Uniku Diġitali. "Il-protezzjoni tad-dejta bid-disinn u b'mod awtomatiku" se ssir prinċipju essenzjali sabiex in-negozji jiġu inċentivati jinnovaw u jiżviluppaw ideat, metodi u teknoloġiji ġodda għas-sigurtà u l-protezzjoni tad-dejta personali. B'mod partikolari, tekniki bħad-dejta anonimizzata jew psewdonimizzata se jinkoraġġixxu l-użu tal-analitika tal-"big data".
Il-partijiet interessati esprimew il-ħtieġa li jiġi eżaminat il-qafas regolatorju għall-innovazzjonijiet diġitali bil-għan li tiġi pprovduta aktar ċarezza dwar dan li ġej:
Is-sjieda u l-użu tad-dejta ġġenerata f'kuntest industrijali huma oqsma prinċipali ta' tħassib. Meta tkun dejta personali, il-protezzjoni tiġi indirizzata fir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Dejta, flimkien mad-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika. L-inizjattiva diġà prevista dwar il-"fluss liberu tad-dejta" taħt id-DSM se teżamina kwistjonijiet relatati mas-sjieda, l-interoperabilità, l-isfruttament u l-aċċess għad-dejta, inkluża d-dejta industrijali.
Is-sistemi li jaġixxu b'mod awtonomu, bħal karozzi u droni mingħajr sewwieq, jippreżentaw sfida għar-regoli attwali dwar is-sigurtà u r-responsabbiltà fejn persuna ġuridika hija finalment responsabbli. L-implikazzjonijiet legali tat-tixrid tal-IoT huma aktar wiesgħa mill-allokazzjoni tar-responsabbiltà kif rikonoxxuta fl-istrateġija dwar id-DSM u dawn ukoll iridu jiġu indirizzati.
L-apps u software ieħor mhux integrat (mhux maħżun f'mezz tanġibbli) jistgħu jqajmu wkoll riskji potenzjali għas-sigurtà u attwalment mhumiex indirizzati b'mod sħiħ mill-qafas legali tal-UE.
Bl-appoġġ tal-industrija u l-Istati Membri, il-Kummissjoni:
-Fl-2016 se tipproponi l-inizjattiva dwar il-fluss liberu tad-dejta fi ħdan l-UE biex tneħħi jew tevita r-rekwiżiti mhux ġustifikati ta' lokalizzazzjoni fil-leġislazzjoni jew ir-regolamentazzjoni nazzjonali kif ukoll sabiex teżamina f'aktar dettall il-kwistjonijiet emerġenti tar-regoli dwar is-sjieda tad-dejta, l-aċċess u l-użu mill-ġdid tad-dejta, inkluż fir-rigward ta' dejta f'kuntest industrijali u speċjalment dejta ġġenerata minn sensers u strumenti oħra ta' ġbir.
-Se tesplora l-oqfsa legali għas-sistemi awtonomi u l-applikazzjonijiet tal-IoT, b'mod partikolari r-regoli dwar is-sigurtà u r-responsabbiltà u l-kundizzjonijiet legali sabiex ikun jista' jsir ittestjar fuq skala kbira f'ambjenti tal-ħajja reali.
-Jinbeda x-xogħol fuq is-sigurtà tal-apps u ta' software mhux integrat ieħor li mhumiex koperti minn leġislazzjoni settorjali, b'valutazzjoni tal-ħtieġa possibbli ta' aktar azzjoni fuq livell tal-UE.
4.4Kapital uman lest għat-trasformazzjoni diġitali bil-ħiliet neċessarji
It-trasformazzjoni diġitali qiegħda tibdel strutturalment is-suq tax-xogħol u n-natura tax-xogħol. Hemm tħassib li dawn il-bidliet jistgħu jaffettwaw il-kundizzjonijiet u l-livelli ta' impjieg u d-distribuzzjoni tad-dħul. Biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi jeħtieġ djalogu komprensiv dwar l-aspetti soċjali tad-diġitalizzazzjoni li jinvolvi lill-partijiet interessati kollha involuti f'kull aspett tax-xogħol, l-edukazzjoni u t-taħriġ. Is-sħab soċjali Ewropej irrikonoxxew li d-diġitalizzazzjoni mhijiex biss kwistjoni teknoloġika, iżda għandha implikazzjonijiet soċjali usa', sew għax-xogħol sew ekonomiċi. Hija wkoll kwistjoni ta' żvilupp ekonomiku u koeżjoni soċjali. B'mod konsistenti mar-rikonoxximent tar-rwol fundamentali tagħhom, il-Kummissjoni stiednet lis-sħab soċjali sabiex jinkludu s-Suq Uniku Diġitali fid-djalogu soċjali tagħhom fil-livell Ewropew, u dawn irrispondew b'mod pożittiv.
Il-ħidma fl-industrija fil-livelli kollha mill-operaturi sal-inġiniera u l-persunal amministrattiv se tikkonsisti dejjem aktar fit-tfassil, il-manutenzjoni u s-superviżjoni ta' magni intelliġenti li jgħinu fit-twettiq tal-kompiti. Dan se jitlob settijiet differenti ta' ħiliet.
Minbarra l-ħiliet u l-kompetenzi diġitali, hemm domanda li qiegħda tiżdied għal ħiliet kumplimentari oħra, bħall-ħiliet intraprenditorjali, tat-tmexxija u tal-inġinerija. L-impjiegi tal-ġejjieni se jeħtieġu taħlita xierqa ta' ħiliet bażiċi, personali u tekniċi, b'mod partikolari l-ħiliet diġitali u dawk speċifiċi għan-negozju, li l-edukazzjoni u s-sistemi tat-taħriġ għadhom mhumiex qegħdin jindirizzaw b'mod sħiħ. L-industrija għandha rwol attiv x'tilgħab fid-definizzjoni u t-taħriġ tas-settijiet ta' ħiliet u l-kompetenzi ewlenin.
Filwaqt li minn naħa din hija bla dubju ta' xejn kwistjoni trans-Ewropea, ħafna mill-kompetenzi rilevanti jinsabu f'idejn l-Istati Membri u r-Reġjuni, u huwa f'livell nazzjonali u reġjonali li għandhom jiġu identifikati u indirizzati kwistjonijiet speċifiċi. Barra minn hekk, it-taħriġ mill-ġdid tal-forza tax-xogħol eżistenti jeħtieġ li jseħħ fil-kumpaniji u għalhekk huwa meħtieġ involviment b'saħħtu tan-negozji u tas-sħab soċjali.
Mill-2013, il-Kummissjoni nediet il-Gran Koalizzjoni għall-Impjiegi Diġitali bħala inizjattiva trans-Ewropea bejn diversi partijiet interessati sabiex jiżdied il-forniment ta' ħiliet diġitali permezz tal-wegħdiet tal-partijiet interessati li joffru taħriġ fl-ICT, apprendistati, kollokamenti, azzjonijiet sabiex jiffaċilitaw il-mobilità u/jew attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni sabiex jinkoraġġixxu liż-żgħażagħ jistudjaw u jieħdu karrieri fl-ICT. L-inizjattiva rnexxielha tattira 'l fuq minn 60 wegħda minn aktar minn 100 parti interessata, prinċipalment mis-settur tal-ICT, sabiex jiġu mħarrġa mijiet ta' eluf ta' persuni f'ħiliet diġitali ġodda. Hija wasslet ukoll għall-iżvilupp ta' 13-il koalizzjoni nazzjonali u lokali, filwaqt li qed jiġu ppjanati aktar. 'Il quddiem, u b'rabta mal-Aġenda ġejjiena tal-UE dwar il-Ħiliet Ġodda se tibni fuq is-suċċess ta' dawn il-Koalizzjonijiet u tfassal azzjonijiet speċifiċi biex jiżdiedu l-ħiliet diġitali fl-Ewropa.
Ir-rabtiet mill-qrib tad-DIH ma' min jipprovdi l-edukazzjoni u t-taħriġ f'kull livell jassiguraw il-kapitalizzazzjoni tal-innovazzjoni lokali mill-atturi kummerċjali kif ukoll il-ħiliet u l-kompetenzi tal-gradwati fil-kuntest tal-impjiegi lokali u d-disponibbiltà ta' offerti ta' taħriġ u taħriġ mill-ġdid lokalment rilevanti u innovattivi.
L-Aġenda ġejjiena dwar il-Ħiliet Ġodda għall-Ewropa se tipprovdi qafas komprensiv għall-impjegabbiltà, li jinkludi l-ħtieġa għal ħiliet diġitali u kumplimentari.
Flimkien mal-partijiet interessati kollha, bħall-Istati Membri, l-industrija, is-sħab soċjali u min jipprovdi l-edukazzjoni u t-taħriġ, il-Kummissjoni:
Se tindirizza dawn l-isfidi bħala parti mid-djalogu mas-sħab soċjali dwar l-impatt tad-diġitalizzazzjoni fuq ix-xogħol.
Se tirrinforza r-rwol tal-industrija u tal-organizzazzjonijiet tar-riċerka fil-Gran Koalizzjoni u tistimula aktar impenn mill-industrija sabiex tieħu azzjoni
Se ttejjeb il-fehim tar-rekwiżiti ta' ħiliet għat-teknoloġiji ġodda, inkluż fi ħdan Orizzont 2020, u tippromwovi l-iżvilupp tal-ħiliet diġitali u tistimola l-isħubijiet għall-ħiliet fil-qafas tal-Aġenda dwar il-Ħiliet Ġodda għal-Ewropa.
Se tinvolvi liċ-Ċentri ta' Innovazzjoni Diġitali (Digital Innovation Hubs – DIH) fil-ħiliet għall-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja u l-SMEs.
5Konklużjoni
Anqas minn sena ilu, l-istrateġija għal Suq Uniku Diġitali pproponiet azzjonijiet ta' trasformazzjoni għall-ekonomija u s-soċjetà Ewropej. Din il-Komunikazzjoni tippreżenta miżuri sabiex jiġi rinforzat il-pilastru industrijali u ta' innovazzjoni tal-istrateġija għal DSM. Hija tistieden il-mobilizzazzjoni ta' investimenti sinifikanti mill-Istati Membri, ir-reġjuni u l-industrija u tħeġġeġ lill-industrija sabiex tingħaqad tul il-ktajjen tal-valur u f'setturi differenti. Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex japprovaw din il-Komunikazzjoni u l-Komunikazzjonijiet ta' akkumpanjament tagħha sabiex jitlesta s-Suq Uniku Diġitali mill-aktar fis possibbli u biex jipparteċipaw attivament fl-implimentazzjoni tiegħu, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet interessati rilevanti kollha.