IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 9.3.2016
COM(2016) 152 final
ABBOZZ TA' BAĠIT EMENDATORJU Nru 1
TAL-BAĠIT ĠENERALI 2016
Strument ġdid biex jipprovdi appoġġ ta' emerġenza fl-Unjoni
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 9.3.2016
COM(2016) 152 final
ABBOZZ TA' BAĠIT EMENDATORJU Nru 1
TAL-BAĠIT ĠENERALI 2016
Strument ġdid biex jipprovdi appoġġ ta' emerġenza fl-Unjoni
Wara li kkunsidrat:
–it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 314 tiegħu, flimkien mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b'mod partikolari l-Artikolu 106a tiegħu,
–ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 41 tiegħu,
–il-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016, adottat fil-25 ta’ Novembru 2015 2 ,
Il-Kummissjoni Ewropea hawnhekk qed tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill l-Abbozz tal-Baġit Emendatorju Nru 1 tal-baġit tal-2016.
BIDLIET FID-DIKJARAZZJONI TAD-DĦUL U N-NEFQA SKONT IT-TAQSIMA
Il-bidliet fid-dikjarazzjoni tad-dħul u n-nefqa skont it-taqsima huma disponibbli fil-EUR-Lex ( http://eur-lex.europa.eu/budget/www/index-mt.htm ). Il-verżjoni bl-Ingliż tal-bidliet f'din id-dikjarazzjoni hija mehmuża għall-informazzjoni bħala anness baġitarju.
WERREJ
1. Introduzzjoni
2. Il-forniment ta' appoġġ ta' emerġenza fl-Unjoni
3. It-tisħiħ tal-livelli tal-persunal taċ-Ċentru Ewropew għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu tal-Europol
1.Introduzzjoni
L-għanijiet tal-Abbozz ta' Baġit Emendatorju (ABE) Nru 1 għas-sena 2016 huma tnejn:
–Li tinħoloq l-istruttura baġitarja tal-istrument il-ġdid propost biex jipprovdi appoġġ ta’ emerġenza fi ħdan l-Unjoni, u li jagħmel ammont ta’ EUR 100 miljun f’approprjazzjonijiet ta’ impenn disponibbli għal bżonnijiet ta’ finanzjament immedjati. F’dan l-istadju bikri tas-sena ma jista' jiġi faċilment identifikat l-ebda sors alternattiv ta’ riallokazzjoni ta’ approprjazzjonijiet ta’ impenn taħt l-intestatura 3. Għalhekk, il-Kummissjoni tipproponi li tiffinanzja l-approprjazzjonijiet għall-istrument il-ġdid mitlub f’dan l-abbozz ta’ baġit emendatorju permezz ta’ aġġustament tal-finanzjament attwalment disponibbli għall-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF). L-ammont propost li għandu jiġi trasferit mill-AMIF jikkunsidra l-bżonnijiet ta’ finanzjament immedjati tal-istrument il-ġdid kif ukoll is-sitwazzjoni attwali tal-implimentazzjoni u l-bżonnijiet prevedibbli tal-AMIF fix-xhur li ġejjin. Il-Kummissjoni se tissorvelja bir-reqqa l-implimentazzjoni tal-baġit tal-2016 u tista’ tipproponi trasferimenti u/jew baġit emendatorju biex jiġi żgurat il-finanzjament meħtieġ kemm għall-AMIF kif ukoll għall-istrument ta’ appoġġ ta’ emerġenza fiż-żmien xieraq. Dan ser iqis il-valutazzjoni tal-ħtiġijiet li qed jevolvu għas-sena kollha.
–Li jissaħħu l-livelli tal-persunal taċ-Ċentru Ewropew għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu fi ħdan il-Europol, sabiex l-aġenzija tkun tista’ taqdi rwol ċentrali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu fl-UE, b’mod partikolari fid-dawl tal-attakki terroristiċi f’Pariġi tat-13 ta’ Novembru 2015. Il-finanzjament relatat għar-remunerazzjoni tal-persunal il-ġdid (25 pożizzjoni addizzjonali fil-pjan ta' stabbiliment, ħames (5) aġenti kuntrattwali u ħames (5) esperti nazzjonali sekondati) jammonta għal EUR 2,0 miljun, u huwa propost li jerġa’ jintuża mill-azzjonijiet tal-Unjoni tal-Pulizija skont il-Fond għas-Sigurtà Interna (ISF).
B’mod ġenerali, dan l-ABE ma għandu l-ebda impatt nett fuq il-livell ta’ approprjazzjonijiet fil-baġit tal-2016.
2. Il-forniment ta' appoġġ ta' emerġenza fl-Unjoni
L-influss massiv ta’ refuġjati u migranti lejn l-Ewropa ħoloq sitwazzjoni eċċezzjonali fejn numru kbir ta’ nies jeħtieġu għajnuna umanitarja urġenti, li tmur lil hinn mill-kapaċità organizzattiva ta’ wieħed jew diversi Stati Membri. Il-Kummissjoni tipproponi li toħloq strument 3 li jippermetti lill-Unjoni li tagħti appoġġ finanzjarju, pereżempju permezz ta’ organizzazzjonijiet sħab kapaċi li jimplimentaw malajr azzjonijiet ta’ emerġenza b’appoġġ għal dawk l-Istati Membri li huma l-aktar milquta.
L-istrument il-ġdid ser jiġi finanzjat taħt l-intestatura 3 “Sigurtà u Ċittadinanza” tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP), fil-qasam tal-politika “Migrazzjoni u Affarijiet Interni” (Titolu 18). Huwa propost li jinħoloq kapitolu tal-baġit ġdid 18 07 u żewġ linji baġitarji ġodda: l-artikolu baġitarju 18 07 01 għall-implimentazzjoni tal-miżuri operattivi u l-entrata tan-nefqa għall-appoġġ amministrattiv 18 01 04 05.
Kif stabbilit fil-proposta għal Regolament tal-Kunsill, il-bżonnijiet ta’ finanzjament għall-istrument il-ġdid fl-2016 huma stmati għal EUR 300 miljun f’approprjazzjonijiet ta' impenn. Bl-istess mod bħall-għajnuna umanitarja barra l-Unjoni, rata ta’ prefinanzjament ta’ 80 % ser tapplika għal impenji sabiex jiġi pprovdut fluss tal-flus meħtieġ biex jinbdew immedjatament l-azzjonijiet ta’ appoġġ. Il-bilanċ pendenti ta’ 20 % jitħallas fl-2017. Mill-ammont totali għall-approprjazzjonijiet ta' impenn, 1 % huwa propost biex jintuża biex jiffinanzja n-nefqa ta’ appoġġ amministrattiv direttament marbuta mal-implimentazzjoni.
B'dan l-abbozz ta' baġit emendatorju, il-Kummissjoni tipproponi li tagħmel l-ewwel ħlas parzjali ta’ EUR 100 miljun f’approprjazzjonijiet ta’ impenn disponibbli biex ikopru l-ħtiġijiet ta’ finanzjament immedjati tal-istrument, bi stennija għal valutazzjoni ulterjuri tal-ħtiġijiet għas-sena kollha. Il-Kummissjoni se tuża miżuri ta’ tranżizzjoni biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet immedjati sakemm l-istrument il-ġdid u l-baġit emendatorju propost jidħlu fis-seħħ.
Fil-baġit tal-2016 awtorizzat, l-ebda marġini f’approprjazzjonijiet ta’ impenn ma huwa disponibbli taħt il-limitu tan-nefqa ta’ intestatura 3, peress li s-segmenti kollha disponibbli tal-Istrument ta’ Flessibbiltà ġew użati. Kwalunkwe żieda netta ta’ approprjazzjonijiet ta’ impenn f’din l-intestatura għalhekk teħtieġ mobilizzazzjoni tal-Marġini ta’ Kontinġenza għal impenji. Billi r-Regolament QFP jiddefinixxi l-Marġni ta’ Kontinġenza bħala l-istrument tal-aħħar istanza, il-Kummissjoni tqis din it-talba bħala prematura.
Bħala konsegwenza, il-Kummissjoni tipproponi li tiffinanzja EUR 100 miljun mill-approprjazzjonijiet mitluba għall-istrument il-ġdid permezz ta’ aġġustament tal-finanzjament attwalment disponibbli għall-AMIF, filwaqt li tqis l-istat attwali ta’ implimentazzjoni u l-ħtiġijiet prevedibbli tal-AMIF fix-xhur li ġejjin. F’dan l-istadju bikri tas-sena, l-ebda approprjazzjoni alternattiva ma hija disponibbli għal riallokazzjoni fl-intestatura 3, filwaqt li parti importanti mill-approprjazzjonijiet għall-AMIF huma skedati li jiġu impenjati aktar tard matul is-sena. Filwaqt li titqies l-urġenza biex jiġi finanzjat l-istrument il-ġdid għal appoġġ ta’ emerġenza, huwa propost li EUR 100 miljun minn dawn l-approprjazzjonijiet jintużaw u jiġu vvalutati mill-ġdid il-ħtiġiet tal-AMIF matul is-sena. Jekk ikun meħtieġ, l-approprjazzjonijiet jiġu trasferiti minn linji baġitarji oħra u/jew proposti biex ikunu disponibbli permezz ta’ abbozz ta’ baġit emendatorju.
It-tabella ta’ hawn taħt turi l-bidliet proposti f’intestatura 3:
|
Linja baġitarja |
Isem |
Approprjazzjonijiet ta’ impenn |
Approprjazzjonijiet ta’ pagament |
|
18 03 01 01 |
Tisħiħ u żvilupp tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil u titjib tas-solidarjetà u l-kondiviżjoni tar-responsabilità bejn l-Istati Membri |
-100 000 000 |
-80 200 000 |
|
18 07 01 |
Appoġġ ta' emerġenza fl-Unjoni |
99 000 000 |
79 200 000 |
|
18 01 04 05 |
Nefqa ta’ sostenn għal Appoġġ ta’ emerġenza fi ħdan l-Unjoni |
1 000 000 |
1 000 000 |
3. It-tisħiħ tal-livelli tal-persunal taċ-Ċentru Ewropew għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu tal-Europol
Fis-sena 2015 kien hemm bżonn li l-UE ssaħħaħ sostanzjalment il-livelli tal-persunal tal-EUROPOL (flimkien mal-FRONTEX u l-EASO) b’rispons għall-kriżi tar-refuġjati. Fil-każ tal-EUROPOL, it-33 kariga addizzjonali awtorizzati fil-baġits tal-2015 u l-2016 għal dan l-għan ġew mitluba sabiex jiġu mfixkla n-netwerks ta’ traffikar kif ukoll biex isaħħu aktar l-isforzi biex jikxfu u jitolbu t-tneħħija tal-kontenut tal-internet użati mit-traffikanti biex jattiraw migranti u rifuġjati. L-aġenzija kompliet għaddejja b'mod rapidu bir-reklutaġġ tal-persunal addizzjonali: meta wieħed jgħodd l-offerti ta' reklutaġġ mibgħuta lill-kandidati magħżula, il-pożizzjonijiet kollha fil-pjan ta’ stabbiliment awtorizzat tal-EUROPOL għall-2016 (480 kariga) imtlew fi tmiem Jannar 2016.
Il-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni laħaq ftehim dwar il-baġit tal-2016 (inkluż ir-rispons għall-kriżi tar-refuġjati kif propost fl-ittra emendatorja 2/2016) fit-13 ta’ Novembru 2015 filgħaxija, meta kienu qed jiġru l-attakki terroristiċi f’Pariġi. Iċ-Ċentru Ewropew għall-Ġlieda kontra t-Terroriżmu (ECTC) ġie stabbilit fil-EUROPOL fl-1 ta’ Jannar 2016. L-ECTC huwa mistenni li jkun iċ-ċentru ewlieni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu fl-UE, li jikkontribwixxi għal reazzjoni koordinata kontra t-theddida u l-attakki terroristiċi kontinwi u antiċipati. Iċ-Ċentru se jappoġġa lill-Istati Membri billi jipprovdi appoġġ operattiv u analitiku għal investigazzjonijiet dwar attivitajiet terroristiċi kif ukoll il-kooperazzjoni ma’ sħab internazzjonali.
Fid-dawl tal-attakki terroristiċi l-aktar reċenti, il-livell ta’ informazzjoni mogħti lill-EUROPOL u t-talbiet għal appoġġ minn Stati Membri żdiedu b’mod qawwi, li joħloq ammont sinifikanti ta’ xogħol addizzjonali fl-aġenzija. Qabel il-ħolqien tal-ECTC, EUROPOL diġà kien għamel sforz ta’ riallokazzjoni sinifikanti sabiex jalloka 37 aġent temporanju, żewġ (2) aġenti kuntrattwali u ħames (5) esperti nazzjonali sekondati għal attivitajiet ta' kontra t-terroriżmu. Madankollu, l-aġenzija se teħtieġ tisħiħ ulterjuri tar-riżorsi sabiex tilħaq kompletament ir-rwol ewlieni tagħha fil-ġlieda kontra t-terroriżmu fil-livell tal-Unjoni. Din hija r-raġuni għaliex il-Kummissjoni qed titlob 25 pożizzjoni addizzjonali fil-pjan ta' stabbiliment, ħames (5) aġenti kuntrattwali u ħames (5) esperti nazzjonali sekondati, li minnhom 20 aġent temporanju u ħames (5) esperti nazzjonali sekondati sabiex isaħħu l-operazzjonijiet u ħames (5) aġenti temporanji u ħames (5) aġenti kuntrattwali għall-appoġġ tal-ICT.
L-approprjazzjonijiet addizzjonali relatati għar-remunerazzjoni tal-impjegati l-ġodda (EUR 2,0 miljun) ġew ikkalkulati abbażi ta’ medja ta’ preżenza ta’ sitt xhur fl-2016. Il-finanzjament huwa propost li jiġi riallokat mill-entrata tal-baġit 18 02 01 02 “Prevenzjoni u ġlieda kontra l-kriminalità organizzata transfruntiera u ġestjoni aħjar tar-riskji u l-kriżijiet b’rabta mas-sigurtà”, li għaliha xi azzjonijiet ta’ akkwist ippjanati oriġinarjament għall-programm ta’ ħidma 2016 jistgħu jiġu offruti permezz ta’ approprjazzjonijiet taħt il-programm ta’ ħidma tal-2015.
|
Linja baġitarja |
Isem |
Approprjazzjonijiet ta’ impenn |
Approprjazzjonijiet ta’ pagament |
|
18 02 01 02 |
Prevenzjoni u ġlieda kontra l-kriminalità transfruntiera organizzata u mmaniġġjar aħjar tar-riskji u l-kriżijiet b’rabta mas-sigurtà |
-2 000 000 |
-2 000 000 |
|
18 02 04 |
L-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol) |
2 000 000 |
2 000 000 |
Il-pjan ta' stabbiliment rivedut tal-EUROPOL għall-2016 huwa stabbilit fl-anness baġitarju.