Brussell, 26.2.2016

COM(2016) 112 final

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI, LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

Tweġibiet tal-Istati Membri għar-Rapport Annwali tal-2014 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri

{SWD(2016) 48 final}


WERREJ

1.    Kamp ta' Applikazzjoni tar-Rapport    

2    Karatteristiċi ewlenin tar-rapport tal-2014 tal-QEA    

3    Taqsira tat-tweġibiet tal-Istati Membri    

3.1    Il-kejl tar-riżultati tal-prestazzjoni    

3.2    Tipi ta' żbalji kwantifikabbli - ksur tal-għajnuna mill-Istat u tar-regoli tal-akkwist pubbliku    

3.3    Ġestjoni finanzjarja tajba    

4.    Konklużjoni    


RAPPORT MILL-KUMMISSJONI

Tweġibiet tal-Istati Membri għar-Rapport Annwali tal-2014 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri

1.Kamp ta' Applikazzjoni tar-Rapport

Konformi mal-Artikolu 162(5) tar-Regolament Finanzjarju 1 , wara l-pubblikazzjoni tar-rapport annwali tal-Qorti għas-sena finanzjarja 2014, il-Kummissjoni informat kif meħtieġ lill-Istati Membri bid-dettalji tar-rapport.

Din l-informazzjoni ġiet ippreżentata fil-forma ta' ittra u tliet annessi li jridu jimtlew minn kull Stat Membru, flimkien ma' linji gwida dwar it-tħejjija u l-preżentazzjoni tat-tweġibiet għall-kwestjonarji. L-Anness I kien kwestjonarju dwar il-paragrafi li jirreferu għall-Istati Membri individwali; l-Anness II kien kwestjonarju dwar ir-riżultanzi tal-awditjar li jirreferu għal kull Stat Membru u l-Anness III kien kwestjonarju dwar riżultanzi topiċi relatati mal-ġestjoni kondiviża għad-DAS 2014.

Għar-rapport ta' din is-sena, ġew identifikati tliet temi ewlenin. Dawn huma kif ġej: (1) Il-kejl tar-riżultati tal-prestazzjoni (2) It-tipi ta' żbalji kwantifikabbli – il-ksur tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat u tar-regoli tal-akkwist pubbliku (3) Ġestjoni finanzjarja tajba. Ir-rapport huwa akkumpanjat ukoll minn Dokument ta' Ħidma tal-Persunal (SWD) li jinkludi t-tweġibiet tal-Istati Membri għall-annessi I u III.

2Karatteristiċi ewlenin tar-rapport tal-2014 tal-QEA

Għar-rapport annwali tal-2014, il-Qorti aġġornat l-approċċ tal-awditjar tagħha u l-istruttura tar-rapport. Il-bidla ewlenija f'dan l-approċċ hija dik tal-kwantifikazzjoni ta' ksur serju tar-regoli tal-akkwist pubbliku u l-aġġustament korrispondenti taċ-ċifri tal-2013 u l-2013 sabiex tiġi żgurata l-komparabilità tar-riżultati 2 . L-istruttura l-ġdida tar-rapport - il-kapitoli 5-9 - tirrifletti l-intestaturi tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2014-2020.

Ir-riżultati tal-awditjar tal-Qorti għall-2014 iddikjaraw li l-kontijiet ma ġewx affettwati mid-dikjarazzjonijiet materjali skorretti u għalhekk, hija tat opinjoni ċara dwar id-disponibbiltà tal-kontijiet 3 , kif għamlet mill-2007. F'każ tan-nefqa, il-Qorti sabet livell stmat ta' żbalji għall-pagamenti fl-2014 ta' 4,4 %, li hu qrib il-livell tal-2013 ta' 4,5 % 4 . Apparti mill-intestatura tal-QFP (Amministrazzjoni), in-nefqa għall-intestaturi kollha li fadal kienet affetwata minn żbalji materjali. Għall-Kompetittività, Koeżjoni u Ewropa Globali, il-livelli stmati ta' żbalji kienu ta' 5,6%, 5,7% and 2,7% rispettivament, li kollha jirrappreżentaw żieda fuq ir-riżultati ekwivalenti tal-2013 5 . Madankollu, għar-Riżorsi Naturali, il-livell stmat ta' żbalji kien ta' 3,6 %, tnaqqis fuq ir-riżultati ekwivalenti għall-2013. Il-Koeżjoni kienet l-akbar kontributur għar-rata ta' żbalji kumplessiva segwita mir-Riżorsi Naturali, il-Kompetittività u Ewropa Globali. Il-graff ta' hawn taħt turi l-kontribuzzjoni għal-livell stmat ta' żbalji fl-2014 skont l-intestatura tal-QFP 6 .

 

Ir-rapport tal-Qorti identifika wkoll żewġ tipi ta' programmi tan-nefqa - il-programmi ta' intitolament u l-iskemi ta' rimborż ta' spejjeż - li jinvolvu tendenzi distinti ta' riskju 7 . Skont ir-rapport, l-iżbalji ta' eliġibilità fi skemi ta' rimborż ta' spejjeż jiddominaw l-iżbalji identifikati tal-2014. L-iżbalji fil-kategorija tar-rimborż tal-ispejjeż jinkludu ksur aktar serju tar-regoli tal-akkwist pubbliku waqt is-sejħa għal offerti u l-implimentazzjoni tal-kuntratt. Għall-programmi ta' intitolament, żbalji tipiċi jinkludu dikjarazzjonijiet żejda mill-bdiewa u żbalji amministrattivi li jaffettwaw pagamenti lill-bdiewa 8 . Il-graff ta' hawn taħt turi l-kontribuzzjoni tar-rata stmata ta' żbalji kumplessiva skont it-tip ta' żball.

3Taqsira tat-tweġibiet tal-Istati Membri

3.1Il-kejl tar-riżultati tal-prestazzjoni

Fil-Kapitolu 3 tar-rapport annwali tagħha "Il-ksib ta' riżultati mill-baġit tal-UE", 9 il-Qorti tanalizza l-prestazzjoni mill-perspettiva tal-istrateġija Ewropa 2020 u teżamina l-karatteristiċi tal-prestazzjoni introdotti mill-QFP il-ġdid 2014-2020. L-Istati Membri ġew mitluba jekk kinux diġà qiegħdin jużaw jew jippjanaw li jużaw l-indikaturi komuni li ġew introdotti għall-ħames fondi tal-UE. Għal erba' mil-fondi (Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali - FAEŻR, Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd - FEMS, Fond Soċjali Ewropew - FSE, u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali - FEŻR), it-tweġibiet indikaw li kważi l-Istati Membri kollha kienu diġà qiegħdin jużaw jew jippjanaw li jużaw indikaturi komuni. Għall-Fond ta' Koeżjoni, 57 % tal-Istati Membri indikaw li kienu qed jintużaw indikaturi komuni u 14 % iddikjaraw li l-użu ta' indikaturi komuni ma kienx applikabbli. It-tabella ta' hawn taħt tagħti dettalji dwar it-tweġibiet tal-Istati Membri.

Fir-rigward tal-użu ta' indikaturi addizzjonali jew kumplimentarji, diversi Stati Membri – Franza, il-Greċja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Spanja u r-Renju Unit 10 - wieġbu li użaw indikaturi speċifiċi għall-programm jew indikaturi addizzjonali spiss iddefiniti mill-Awtoritajiet Maniġerjali u inklużi fil-qafas ta' prestazzjoni tal-programm operazzjonali. F'xi każijiet, l-indikaturi komuni huma kkumplimentati minn indikaturi fil-livell nazzjonali. Pereżempju, għall-FEŻR/FK/FSE, il-Polonja 11 tuża:

"firxa ta' indikaturi applikati fil-livell tal-proġett idderivati mil-Lista Komuni ta' Indikaturi Prinċipali mħejjija mill-Ministru għall-Iżvilupp Reġjonali. Il-lista tinkludi l-indikaturi komuni fil-livell Ewropew stabbilita fir-regolamenti dwar il-fondi u l-indikaturi ewlenin stabbiliti fil-livell nazzjonali."

Il-Portugall 12 enfasizza l-fatt li għall-perjodu 2014-2020, għal programmi operazzjonali b'għanijiet komuni, l-indikaturi li għandhom jintużaw ġew armonizzati u "barra mil-lista ta' indikaturi Komunitarji komuni hemm lista ta' indikaturi nazzjonali armonizzati".

L-Istati Membri pprovdew ukoll listi jew informazzjoni aktar dettaljata dwar diversi indikaturi speċifiċi għal ċertu programmi użati għal fondi differenti. L-Isvezja 13 ddikjarat li għad-disa' (9) programmi tal-FEŻR hemm madwar ħamsa u tletin indikaturi ta' output u "madwar tletin indikaturi tal-prestazzjoni li huma marbuta ma' prijoritajiet ta' investiment u objettivi speċifiċi fi ħdan il-programmi." Id-Danimarka 14 pprovdiet il-lista tagħha ta' indikaturi ta' impatt, indikaturi tal-output u indikaturi tar-riżultati għall-FAEŻR, l-FSE u l-FEMS. Is-Slovakkja 15 elenkat indikaturi li ġew imfassla mill-Korpi ta' Koordinazzjoni Ċentrali u li jkopru diversi programmi u pprovdiet ukoll lista ta' indikaturi għall-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej - fondi - SIE.

Finalment, l-Istati Membri ntalbu jekk humiex se jkunu jistgħu jipprovdu dejta sinifikanti dwar l-indikaturi disponibbli għal użu fir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-QFP skedat għall-2017. Xi Stati Membri inkluż id-Danimarka, Franza u l-Greċja 16 rrapportaw li mhux se jkun possibbli li jipprovdu dejta sinifikanti sal-2017, l-aktar peress li l-livell ta' implimentazzjoni ta' ċertu programmi operazzjonali jkun baxx wisq u d-dejta ma tkunx sinifikanti. Il-Greċja 17 ddikjarat li:

"L-informazzjoni dwar il-kisba tal-miri nazzjonali tal-istrateġija "Ewropa 2020" se tkun disponibbli fir-Rapport ta' Progress 18 tal-ESS fl-2017 (u fl-2019). Madankollu, peress li l-implimentazzjoni tal-OPs mhux se tkun laħqet tat riżultati qabel jitressaq ir-rapport fl-2017, l-ebda dejta materjali ma hi mistennija li tkun disponibbli għar-rieżami ta' nofs it-terminu tal-QFP."

Il-Portugall 19 u l-Polonja 20 t-tnejn enfasizzaw il-fatt li għandhom fis-seħħ sistema ta' rapportar komprensiva li tiżgura r-rapportar ta' kwalità fuq bażi regolari. Minkejja dan, kif innutat mill-Polonja 21 :

"mhux se jkun possibbli li l-impatt tal-fondi tal-UE jinġabar fil-qosor fil-perspettiva finanzjarja 2014-20 qabel ma jkun sar progress biżżejjed - l-2017 jkun stadju bikri wisq biex jiġu prodotti konklużjonijiet fil-qosor."

Diversi Stati Membri oħra, pereżempju, l-Awstrija, il-Kroazja, ir-Repubblika Ċeka, l-Irlanda u s-Slovenja 22 kienu ċerti li tista' tiġi pprovduta dejta sinifikanti sal-2017 għal programmi taħt uħud mill-fondi. Ir-Repubblika Ċeka 23 irrapportat li:

"hija se tkun f'pożizzjoni li tipprovdi dejta affidabbli abbażi tas-sistema stabbilita fir-Repubblika Ċeka għar-rapportar dwar ir-rendikont, il-progress u l-iżvilupp".

Il-Kroazja ddikjarat ukoll li se tipprovdi dejta komprensiva u li barra minn hekk:

"jista' jintuża r-riżultat ta' evalwazzjonijiet, li għandu jikkontribwixxi għal simplifikazzjoni imtejba u possibbli ta' sistemi ta' ġestjoni u kontroll".

3.2 Tipi ta' żbalji kwantifikabbli - ksur tal-għajnuna mill-Istat u tar-regoli tal-akkwist pubbliku

Fir-rapport annwali tal-2014, il-Qorti ddikjarat li 14-il proġett FEŻR/FK fi tmien Stati Membri kisru r-regoli dwar l-Għajnuna mill-Istat tal-UE. Skont il-Qorti, l-iżbalji kwantifikati għal ksur tal-għajnuna mill-Istat jifformaw madwar 1,5 punti perċentwali ta' stima ta' żbalji għall-politika reġjonali u urbana 24 . L-Istati Membri ntalbu jipprovdu informazzjoni dwar il-ksur ta' regoli dwar l-għajnuna mill-Istat u dwar kwalunkwe miżura preventiva li ttieħdet.

It-tweġibiet tal-Istati Membri indikaw li f'xi każijiet, pereżempju Franza, il-Latvja u s-Slovenja 25 , ma kien hemm ebda kwistjoni jew defiċjenza sistematika relatati mar-regoli tal-għajnuna mill-Istat fl-għoti tal-Fondi SIE, għalkemm seta' kien hemm każijiet iżolati ta' ksur. Il-Bulgarija 26 enfasizzat żewġ każijiet ta' nonkonformità bħal dawn, it-tnejn identifikati waqt awditjar. L-ewwel wieħed kien fil-Programm Operazzjonali "L-Iżvilupp tal-Kompetittività tal-Ekonomija Bulgara 2007–2013" u t-tieni kien fis-sistemi ta' ġestjoni stabbiliti fl-ambitu tal-inizjattiva "Riżorsi Ewropej Konġunti għall-Impriżi Mikro sa Medji" (JEREMIE). Fiż-żewġ każijiet, l-Awtorità tal-Awditjar tat parir lill-awtorità maniġerjali u lill-intermedjarji finanzjarji rispettivament dwar il-kors adegwat ta' azzjoni korrettiva.

Għalkemm kien jidher li l-kwistjonijiet jew id-defiċjenzi sistemiċi ma kinux mifruxa, xi Stati Membri rraportaw dwar il-miżuri preventivi li ħadu.

L-Ungerija 27 ddikjarat li:

"fil-każ ta' talbiet għal proposti u proġetti prijoritarji, l-Uffiċċju ta' Monitoraġġ tal-Għajnuna mill-Istati, li jopera mill-uffiċċju tal-Prim Ministru, jwettaq eżami preliminari tal-konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat jew, fil-qafas tal-verifiki fl-ewwel livell, dan jiġi ċċekkjat mill-korpi intermedjarji / l-awtoritajiet maniġerjali abbażi ta' dikjarazzjonijiet mill-offerenti."

Franza 28 enfasizzat il-fatt li s-CGET 29 kienet wettqet għadd ta' azzjonijiet fil-kuntest tal-perjodu ta' programmazzjoni inkluż programm nazzjonali ta' taħriġ u l-ħolqien ta' netwerk ta' esperti reġjonali li jispeċjalizzaw fir-regoli ta' għajnuna mill-Istat.

Il-Lussemburgu u s-Slovenja 30 rreferew għal listi ta' kontroll bħala parti ewlenija mill-miżuri preventivi tagħhom, filwaqt li Spanja 31 ddikjarat li minbarra l-listi ta' kontroll, hija użat ukoll "matriċi għall-valutazzjoni tar-riskju".

Il-Qorti aġġornat il-mod li bih tikkwantifika ksur serju tal-akkwist pubbliku u żbalji tal-akkwist huma sors ewlieni ta' żbalji għall-Koeżjoni Ekonomika, Soċjali u Territorjali 32 . L-Istati Membri ntalbu jipprovdu informazzjoni dwar il-miżuri preskritti fil-livell nazzjonali għall-valutazzjoni u għall-kwantifikazzjoni tan-nonkonformità mar-regoli ta' akkwist pubbliku. Xi Stati Membri - l-Irlanda, il-Latvja, il-Litwanja, in-Netherlands, il-Polonja u s-Slovenja 33 indikaw li l-leġiżlazzjoni nazzjonali teżisti u li spiss il-leġiżlazzjoni tal-UE ġiet trasposta jew appoġġat leġiżlazzjoni nazzjonali. Fil-Litwanja 34 , l-Uffiċċju tal-Akkwist Pubbliku jassumi r-responsabilità ġenerali sabiex jgħin jiżgura l-implimentazzjoni xierqa tal-Programm Operazzjonali skont ir-rekwiżiti tar-regolazzjonijiet tal-UE u jipprevjeni l-irregolaritajiet. Il-Latvja 35 ddikjarat li:

"L-akkwisti jitwettqu skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tfasslet abbażi ta' / ttrasponiet id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni tal-UE."

Finalment, l-Irlanda 36 ddikjarat li:

"Barra minn hekk, fir-rigward tal-kwistjoni tas-sorveljanzi fl-għoti ta' kuntratti tal-Gvern, il-prattiki tal-akkwist pubbliku huma soġġetti għal awditjar u għal skrutinju skont l-Att dwar il-Comptroller u l-Awditur Ġenerali (Emenda) 1993, u l-Att ta' Riforma tal-Gvern Lokali 2014, u l-Uffiċjali tal-Kontabilità huma responsabbli għan-nefqa li ssir".

Fir-rapport tagħha, il-Qorti enfasizzat każijiet ta' nuqqas ta' rispett tar-regoli ta' prokura f'ċertu Stati Membri 37 . L-Istati Membri kkonċernati ntalbu jipprovdu informazzjoni dwar in-nuqqasijiet u d-defiċjenzi possibbli fis-sistemi ta' kontroll intern rispettivi tagħhom li setgħu wasslu għal dawn l-irregolaritajiet u biex jipprovdu informazzjoni dwar il-miżuri ta' rimedju meħuda. Il-Bulgarija u Franza 38 nnotaw li l-irregolaritajiet kienu dovuti għal proċeduri ta' akkwist pubbliku kumplessi u nuqqas ta' persunal imħarreġ li jindirizza dawn il-kwistjonijiet ta' akkwist. Ir-Rumanija 39 rrapportat li:

"is-sistemi ta' kontroll intern fis-seħħ fil-qasam tal-akkwist pubbliku fil-livell benefiċjarju huma frammentati, parzjalment redundanti u jiffokaw aktar fuq aspetti formali relatati mar-regolarità tal-proċess, mingħajr ma jivvalutaw l-aspetti ta' kwalità b'mod oġġettiv."

Sabiex tirrimedja s-sitwazzjoni, hija implimentat "l-istrateġija nazzjonali għall-akkwist pubbliku għall-perjodu 2014-2020" li "tipprevedi azzjonijiet biex tiżgura r-regolarità u l-kwalita tal-proċess ta' akkwist pubbliku".

Franza, il-Polonja u Spanja 40 kollha semmew li programmi ta' taħriġ speċifiċi mfassla għal membri tal-persunal li jindirizzaw kwistjonijiet ta' akkwist pubbliku kienu miżura ewlenija biex jiżguraw il-ġestjoni aħjar ta' kwistjonijiet ta' akkwist pubbliku.

3.3 Ġestjoni finanzjarja tajba

L-Istati Membri jkomplu l-isforzi tagħhom biex iġibu 'l quddiem ġestjoni finanzjarja tajba permezz tal-użu estensiv ta' Għażliet ta' Spejjeż Simplifikati (SCOs), titjib fil-verifiki tal-ġestjoni u rapportar aħjar dwar l-istrumenti finanzjarji.

Fil-Kapitolu 6 41 , il-Qorti tirrakommanda li l-Istati Membri għandhom jagħmlu użu aħjar mill-possibilitajiet stabbiliti fir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni u r-Regolament dwar l-FSE għall-perjodu 2014-2020 rigward is-SCOs.

Il-maġġoranza tal-Istati Membri, fosthom Ċipru, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu u r-Renju Unit 42 , irrapportaw li s-SCOs kienu qed jintużaw fil-perjodu ta' programmazzjoni fil-fondi kollha, sakemm ikun possibbli. Il-Litwanja 43 ddikjarat li fl-2015, l-awtorità maniġerjali organizzat konferenza - "Possibilitajiet għall-applikazzjoni tal-proċedura simplifikata għall-ħlas tal-infiq fl-2014-2020" biex tinforma lill-parteċipanti dwar:

"il-possibilitajiet għall-applikazzjoni tal-proċedura simplifikata għall-ħlas tal-infiq u l-benefiċċji tagħha fil-proċess tal-amministrazzjoni tal-fondi strutturali tal-UE."

Il-Greċja 44 innotat li kienet qed taġġorna u tħarreġ lill-operaturi kollha fl-użu tas-SCOs filwaqt li l-Polonja 45 saħqet li għalkemm sar provvediment għall-użu tas-SCOs "l-użu tagħhom huwa fakultattiv u d-deċiżjoni finali dwar din il-kwistjoni tittieħed minn kull Awtorità Maniġerjali."

L-Isvezja 46 enfasizzat il-fatt li kellha mudell ta' simplifikazzjoni għall-FSE u li "l-gvern qed iġib 'il quddiem is-simplifikazzjoni."

Finalment, il-Portugall 47 stabbilixxa Ċentru ta' Simplifikazzjoni fl-Aġenzija għall-Iżvilupp u l-Koeżjoni (AD&C). L-iskop tiegħu hu li "jinforma lill-MAs dwar l-aspetti rilevanti f'dan il-qasam sabiex jippromwovi l-użu estensiv ta' għażliet ta' spejjeż simplifikati fil-Fondi ta' Koeżjoni differenti (FEŻR, FSE u l-Fond ta' Koeżjoni)".

Bħal fis-snin preċedenti, għall-politika reġjonali, l-impjiegi u l-affarijiet soċjali 48 , il-QEA irrapportat li għal parti kbira tat-tranżazzjonijiet affetwati minn żbalji kwantifikabbli, kien hemm informazzjoni suffiċjenti disponibbli għall-awtoritajiet tal-Istati Membri biex setgħu ipprevenew, identifikaw u kkoreġew l-iżbalji, qabel iċċertifikaw in-nefqa lill-Kummissjoni. L-Istati Membri intalbu jipprovdu informazzjoni dwar jekk kinux stabbilew miżuri biex itejbu l-verifiki tal-ġestjoni u sabiex itejbu l-effikaċja tal-verifiki li twettqu qabel ma ċċertfikaw in-nefqa lill-Kummissjoni.

Rigward xi titjib fil-verifiki tal-ġestjoni li ttieħdu, il-Lussemburgu 49 pprovda lista ta' miżuri fl-ambitu tal-FEŻR u l-FSE, li tinkludi verifika ex-post ġdida, nota ta' gwida, taħriġ u laqgħat immirati biex jibnu għarfien dwar l-għażliet ta' spejjeż simplifikati.

Il-Portugall 50 għamel referenza għall-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni f'ċertu każijiet u rrapporta wkoll li l-Awtorità taċ-Ċertifikazzjoni, qabel tressaq talbiet ta' pagamenti lill-Kummissjoni Ewropea, twettaq serje ta' verifiki. Jekk hemm dubji rigward:

"il-legalità u r-regularità tan-nefqa li trid tiġi ċċertifikata, is-somom inkwistjoni jitnaqqsu bħala miżura ta' prekawzjoni sakemm jissolvew il-kwistjonijiet."

Spanja 51 rraportat ukoll li ġew implimentati pjanijiet ta' azzjoni u:

"ġie inkorporat titjib fil-proċeduri għall-għażla u l-validazzjoni ta' dikjarazzjonijiet ta' rimborż, titjib fil-listi ta' kontroll, ir-rieżami ta' dokumenti ta' akkwist pubbliku għal diversi entitajiet lokali eċċ."

Ċipru 52 rraportat li l-akbar ammont ta' żbalji kien jeżisti

"prinċipalment f'kuntratti tal-kostruzzjoni eżegwiti mill-awtoritjiet lokali u f'kuntratti ta' żvilupp ta' softwer eżegwiti minn universitajiet pubbliċi u li l-awtoritajiet kuntrattwali huma referuti għall-Kumitat Ċentrali għall-Varjazzjonijiet u l-Klejms għall-eżami tat-talbiet ta' rikjesta għal tali kuntratti, il-provvista ta' gwida u ta' opinjoni, kif ukoll għall-medjazzjoni mal-kuntratturi involuti għar-riżoluzzjoni tat-tilwim."

Rigward il-kwalità tar-rapportar dwar strumenti finanzjarji, xi Stati Membri (pereżempju Ċipru, is-Slovenja, u l-Isvezja 53 ) wieġbu li huma segwew il-linji gwida tal-Kummissjoni, użaw il-mudelli l-ġodda u li f'xi każijiet ma kien meħtieġ ebda titjib peress li l-kwalità ta' rapportar kienet ikkunsidrata tajba.

Stati Membri oħra ikkwotaw it-titjib li sar. F'Novembru 2015, Franza 54 stabbiliet grupp ta' ħidma dwar strumenti finanzjarji bil-għan li jkun segwit il-progress fl-istrumenti u tiġi żgurata l-konsolidazzjoni tal-informazzjoni. Il-Bulgarija 55 implimentat sistema estensiva ta' rapportar annwali u kull sitt xhur għall-istrument finanzjarju, JESSICA.

4.Konklużjoni

Il-Kummissjoni diġà impenjat ruħha li timplimenta baġit tal-UE ffokat fuq ir-riżultati u dan huwa konformi mal-"approċċ kompletament ġdid" għal investiment u infiq tal-UE li l-Qorti appellat għalih fir-rapport annwali tal-2014 56 . Wieħed mill-karatteristiċi ewlenin ta' dan l-approċċ il-ġdid huwa l-prestazzjoni, li tiġi vvalutata abbażi ta' prinċipji ta' ġestjoni finanzjarja tajba 57 .

It-tweġibiet tal-Istati Membri għall-annessi urew impenn kontinwu għal ġestjoni finanzjarja tajba billi ġabu 'l quddiem b'mod attiv l-użu tas-SCOs, tejbu l-verifiki tal-ġestjoni u r-rapportar dwar strumenti finanzjarji. Skont diversi Stati Membri, il-kwistjonijiet ta' akkwist pubbliku qed jiġu indirizzati wkoll permezz tal-allinjament tal-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-leġiżlazzjoni tal-UE. F'każijiet fejn jinsabu nuqqasijiet, fost il-miżuri li jiġu meħuda biex jirrimedjaw id-defiċjenzi fl-akkwist pubbliku hemm il-programmi ta' taħriġ, iż-żidiet fil-verifiki fuq il-post u l-irkuprar tal-ammonti, kif attestati mir-Repubblika Ċeka, il-Kroazja, il-Belġju, il-Finlandja u l-Ġermanja 58 .

It-tweġibiet mill-Istati Membri ta' din is-sena jindikaw ukoll li hemm għarfien li qed jiżdied biex tinħoloq kultura ta' prestazzjoni effettiva u biex ikun hemm fokus fuq ir-riżultati. Kważi l-Istati Membri kollha rrapportaw li jużaw l-indikaturi - komuni u speċifiċi - fil-fondi kollha, fil-livell nazzjonali u f'dak reġjonali biex ikejlu l-prestazzjoni. Minkejja dan, livelli baxxi ta' implimentazzjoni ta' programmi jista' jfisser li dejta sinifikanti dwar il-prestazzjoni ma tiġix pprovduta fil-ħin għar-rieżami ta' nofs it-terminu tal-QFP 2017. X'aktarx, dejta iktar sinifikanti tkun disponibbli skont l-oqfsa ta' prestazzjoni ta' diversi programmi skedati għall-2018 u l-2019. Il-Latvja 59 ġabret fil-qasir is-sitwazzjoni fid-dikjarazzjoni li ġejja:

"il-kwantità ta' dejta dwar ir-riżultati miksuba tista' tvarja fost assi ta' prijorità differenti, skont il-fond inkwistjoni, is-sodisfazzjon tal-kundizzjonijiet ex ante u l-iżvilupp ta' leġiżlazzjoni statutorja fil-livell nazzjonali."

Fid-dikjarazzjoni ta' konklużjoni tagħha, id-Danimarka tirrikapitula l-impenn ġenerali apparenti tal-Istati Membri għal prestazzjoni u għal baġit tal-UE ffokati fuq riżultati fid-dikjarazzjoni ta' għeluq tagħha 60 :

"Aspett vitali tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE huwa dak li jiġu ġġenerati riżultati u li jiġi żgurat li dawn ir-riżultati jappoġġaw l-objettivi politiċi globali. Għalhekk, għad-Danimarka huwa importanti li l-fokus jibqa' fuq it-twaqqif ta' qafas għal sistema orjentata lejn ir-riżultati b'fokus ikbar fuq ir-riżultati u fuq l-impatt tal-proġetti tal-UE. Għalhekk, aħna nieħdu pożizzjoni pożittiva dwar il-fokus dejjem akbar fuq dan fir-rapport annwali."

(1) Artikolu 162(5): Malli l-Qorti tal-Awdituri tkun trażmettiet ir-rapport annwali tagħha, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri kkonċernati immedjatament bid-dettalji ta' dak ir-rapport li jkunu jirrigwardaw l-amministrazzjoni tal-fondi li huma responsabbli għalihom. L-Istati Membri għandhom iwieġbu fi żmien sittin jum u l-Kummissjoni mbagħad tittrażmetti ġabra qasira ta' tweġibiet lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill qabel it-28 ta' Frar tas-sena ta' wara.
(2) QEA RA 2014 pp 20-21
(3) QEA RA 2014 p.15
(4) QEA RA 2014 p. 17
(5) QEA RA 2014 pp 26-27
(6) QEA RA 2014 p. 22
(7) QEA RA 2014 p. 19.
(8) QEA RA pp. 22-23.
(9) QEA RA p. 83.
(10) SWD p. 149, 159, 171, 175, 204, 207
(11) SWD p. 180
(12) SWD p. 186
(13) SWD p. 206
(14) SWD p. 144
(15) SWD p. 196
(16) SWD p. 144, 149, 159
(17) SWD p. 159
(18) ESS – Sistema Ewropea tal-Istatistika
(19) SWD p. 186
(20) SWD pp. 180-181
(21) SWD p. 181
(22) SWD p. 107,122,130,164,201
(23) SWD p. 130
(24) QEA RA 2014 p. 23.
(25) SWD p. 152, 170, 203
(26) SWD pp.120-121
(27) SWD p. 169
(28) SWD p. 153
(29) CGET -Commissariat général à l'égalité des territoires
(30) SWD p. 170 u p. 203
(31) SWD p. 205
(32) QEA RA p. 176.
(33) SWD p. 165, 169, 172, 179, 183, 202-3
(34) SWD p. 172
(35) SWD p. 169
(36) SWD pp. 165-166
(37) QEA RA p. 240.
(38) SWD pp. 116, 150
(39) SWD p. 191
(40) SWD p. 150,-151, 181-182, 205
(41) QEA RA p. 203.
(42) SWD p. 129, 148, 153, 158, 163, 170, 174, 176, 209
(43) SWD pp. 174-175
(44) SWD p. 161
(45) SWD p. 184
(46) SWD p. 207
(47) SWD p. 188
(48) QEA RA p. 185 & 202
(49) SWD p. 176
(50) SWD p. 188
(51) SWD p. 203
(52) SWD p. 128
(53) SWD p. 128, 202, 206
(54) SWD p. 150
(55) SWD p. 115
(56) Diskors tal-QEA mill-President Caldeira lil CONT, Brussell 10/11/2015
(57) QEA RA p. 84.
(58) SWD p. 55, p. 122-126, p. 64
(59) SWD p. 168
(60) SWD pp. 211-212