Brussell, 2.3.2016

COM(2016) 110 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Wara Pariġi: valutazzjoni tal-implikazzjonijiet tal-Ftehim ta' Pariġi u li takkumpanja l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-ftehim ta' Pariġi adottat skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima


1.    Introduzzjoni

Il-Ftehim ta’ Pariġi tal-2015 huwa storikament sinifikanti fil-ġlieda globali kontra t-tibdil fil-klima. Il-Ftehim huwa linja essenzjali, l-aħħar ċans biex lill-ġenerazzjonijiet futuri ngħaddulhom pjaneta aktar stabbli u aktar sana, soċjetajiet aktar ġusti u ekonomiji aktar prosperi, anki fil-kuntest tal-Aġenda tal-2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli. Il-Ftehim se jmexxi lid-dinja lejn tranżizzjoni globali ta' enerġija nadifa. Din it-tranżizzjoni teħtieġ bidliet fl-aġir kummerċjali u tal-investiment u inċentivi fil-firxa kollha tal-politika. Għall-UE, dan jipprovdi opportunitajiet importanti, speċjalment għall-impjiegi u għat-tkabbir. It-tranżizzjoni se tistimula l-investiment u l-innovazzjoni fl-enerġija rinnovabbli, u b’hekk tikkontribwixxi biex tintlaħaq l-ambizzjoni tal-UE li tkun fuq quddiem nett fid-dinja fl-enerġija rinnovabbli, u jiżdied it-tkabbir tas-swieq għal prodotti u servizzi prodotti tal-UE, pereżempju fil-qasam tal-effiċjenza tal-enerġija.

Il-Ftehim ta’ Pariġi huwa l-ewwel ftehim multilaterali dwar it-tibdil fil-klima li jkopri kważi l-emissjonijiet kollha tad-dinja. Il-Ftehim ta’ Pariġi huwa suċċess għad-dinja u konferma tad-direzzjoni tal-UE lejn ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju. L-istrateġija ta’ negozjar tal-UE kienet deċiżiva biex jintlaħaq il-Ftehim. L-UE stinkat għall-ambizzjoni, u użat l-esperjenza tagħha fil-politika tal-klima effettiva u fit-tradizzjoni ta’ negozjati u kooperazzjoni internazzjonali bbażata fuq ir-regoli. L-UE saret l-ewwel ekonomija prinċipali li ppreżentat il-pjan tagħha dwar il-klima (jiġifieri l-Kontribut Maħsub Determinat fil-Livell Nazzjonali, jew "intended nationally determined contribution, CPDN") tas-6 ta’ Marzu 2015, li jirrifletti l-qafas ta’ politika tal-klima u tal-enerġija għall-2030 stabbiliti mill-Kunsill Ewropew ta’ Ottubru 2014 1 u l-pjan ta’ azzjoni tal-Kummissjoni Ewropea għall-ġlieda kontra t-tibdil globali fil-klima wara l-2020 2 . L-UE ffissat mira domestika ambizzjuża mifruxa mal-ekonomija kollha ta’ tnaqqis ta' mill-inqas 40 % fl-emissjonijiet ta' gassijiet serra għall-2030. Il-mira hija bbażata fuq tbassir globali li huwa konformi mal-ambizzjoni ta' terminu medju tal-Ftehim ta’ Pariġi.

Matul il-Konferenza ta’ Pariġi, l-UE żammet livell għoli ta’ koerenza politika. Il-Ministri kollha tal-UE f’Pariġi wrew rieda u determinazzjoni li tirnexxi. L-UE aġixxiet bħala waħda u ddefendiet il-pożizzjoni tal-UE kif maqbul mill-Kunsill Ambjent. Dan ippermetta li l-UE titkellem b’vuċi waħda u magħquda fil-fażijiet kollha tan-negozjati, u dan kien element kruċjali għar-riżultat pożittiv f’Pariġi. L-aktar importanti bħala parti mill-outreach tal-UE rigward id-diplomazija dwar il-klima, l-UE u s-sħab tagħha bnew koalizzjoni wiesgħa ta’ pajjiżi żviluppati u li qed jiżviluppaw favur l-ogħla livell ta’ ambizzjoni. Din il-Koalizzjoni ta' Ambizzjoni Kbira kienet strumentali biex tinħoloq dinamika pożittiva matul in-negozjati u biex l-emittenti l-kbar ikunu favur il-Ftehim ta’ Pariġi.

Barra minn hekk, il-qafas globali nbidel kompletament meta mqabbel ma’ Copenhagen 2009, u dan wassal għal mobilizzazzjoni globali minn isfel għal fuq ta' gvernijiet u atturi mhux Statali, bħal negozji, investituri, bliet u s-soċjetà ċivili. Il-Presidenza Franċiża tal-Konferenza dwar il-Klima u n-NU jistħoqqilhom mertu għad-dinamika pożittiva qabel u waqt il-konferenza.

L-implimentazzjoni tal-impenji skont il-Ftehim ta’ Pariġi teħtieġ li jinżamm il-momentum u determinazzjoni politika b’saħħitha biex tiġi żgurata t-tranżizzjoni lejn futur reżiljenti u newtrali għat-tibdil fil-klima, b’mod li jkun soċjalment ġust. It-tibdil fil-klima għandu jibqa' fl-aġendi politiċi ta’ fora internazzjonali rilevanti, inklużi l-laqgħat tal-G20 u tal-G7. F’dan ir-rigward, l-UE se tkompli t-tmexxija internazzjonali tagħha u d-diplomazija tagħha dwar il-klima 3 .

2.    Il-Ftehim ta’ Pariġi – Patt Globali

2.1. Karatteristiċi ewlenin tal-Ftehim ta’ Pariġi

Il-Ftehim ta’ Pariġi jistabbilixxi pjan ta’ azzjoni globali li jqiegħed id-dinja fit-triq it-tajba biex jevita tibdil perikoluż fil-klima filwaqt li jirrikonoxxi li dan jirrikjedi li tintlaħaq il-quċċata globali tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra malajr kemm jista’ jkun u tinkiseb in-newtralità klimatika fit-tieni nofs ta’ dan is-seklu. Il-Ftehim għandu dawn il-karatteristiċi ewlenin:

Jistabbilixxi mira fit-tul biex id-dinja tkun fit-triq it-tajba biex tillimita t-tisħin globali għal ferm anqas minn 2°C ogħla mil-livelli preindustrijali – u jagħmel kull sforz biex jillimita ż-żieda fit-temperatura għal 1,5°C; Intlaħaq qbil li din il-mira ambizzjuża ta’ 1,5°C tixpruna ambizzjoni akbar u tenfasizza t-tħassib tal-pajjiżi l-aktar vulnerabbli li diġà qed jesperjenzaw l-impatt tat-tibdil fil-klima.

Jibgħat sinjal ċar lill-partijiet ikkonċernati kollha, lill-investituri, lin-negozji, lis-soċjetà ċivili u lil dawk li jfasslu l-politika li t-tranżizzjoni globali għal enerġija nadifa hija waħda permanenti u li r-riżorsi jridu jinbidlu mill-fjuwils fossili; B'189 pjan nazzjonali dwar il-klima li jkopri madwar 98 % tal-emissjonijiet kollha, l-indirizzar tat-tibdil fil-klima issa verament sar sforz globali. B’Pariġi, qed nimxu minn azzjoni mingħand il-ftit għal azzjoni mingħand kulħadd.

Jipprovdi mekkaniżmu dinamiku ta’ ambizzjoni biex jindirizzaw u jsaħħu maż-żmien. Mill-2023, il-Partijiet se jiltaqgħu kull ħames snin għal “bilanċ globali” biex iqisu l-progress fit-tnaqqis tal-emissjonijiet, isiru adattamenti u jingħata u jintlaqa' appoġġ fid-dawl tal-miri fit-tul tal-Ftehim.

Il-Partijiet għandhom obbligu legalment vinkolanti li jsegwu miżuri ta’ mitigazzjoni domestiċi, bl-għan li jinkisbu l-objettivi tal-kontribuzzjonijiet tagħhom.

Jistabbilixxi qafas imtejjeb ta’ trasparenza u ta' responsabbiltà, fosthom is-sottomissjoni biennali mill-Partijiet kollha ta’ inventarji tal-gassijiet serra u l-informazzjoni meħtieġa biex il-progress tagħhom ikun jista’ jiġi segwit, reviżjoni teknika esperta, konsiderazzjoni faċilitattiva u multilaterali tal-progress tal-Partijiet u mekkaniżmu li jiffaċilita u jippromwovi l-konformità.

Jipprovdi pakkett ta’ solidarjetà ambizzjuża b’dispożizzjonijiet xierqa dwar il-finanzjament tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u li jindirizza l-ħtiġijiet marbutin mal-adattament u t-telf u l-ħsara assoċjati mal-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima. Biex jippromwovi l-azzjoni individwali u kollettiva dwar l-adattament, għall-ewwel darba l-Ftehim ta’ Pariġi jistabbilixxi għan globali bl-għan li jtejjeb il-kapaċità, ir-reżiljenza għat-tibdil fil-klima u jnaqqas il-vulnerabbiltà tal-klima. Internazzjonalment, il-Ftehim iħeġġeġ kooperazzjoni akbar bejn il-Partijiet biex jikkondividu l-għarfien xjentifiku dwar l-adattament kif ukoll l-informazzjoni dwar il-prattiki u l-politiki.

2.2. Ir-ratifika u d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta’ Pariġi

Li ntlaħaq il-Ftehim ta’ Pariġi kienet kisba kbira. L-UE se tibqa’ proattiva fin-negozjati internazzjonali dwar il-klima sabiex tiżgura li l-ambizzjoni stabbilita mill-Ftehim tiġi tradotta bl-elementi implementattivi kollha tagħha, bħal dispożizzjonijiet dettaljati dwar it-trasparenza u r-responsabbiltà, mekkaniżmi ta’ żvilupp sostenibbli u mekkaniżmi ta’ teknoloġija.

Il-pass immedjat li jmiss huwa l-iffirmar tal-Ftehim ta’ Pariġi. Se jkun miftuħ għall-iffirmar fit-22 ta’ April 2016 fi New York, u jidħol fis-seħħ meta mill-inqas 55 Parti li jirrappreżentaw mill-inqas 55 % tal-emissjonijiet globali jkunu rratifikaw. Ratifika bikrija u dħul fis-seħħ huma mixtiqin minħabba li jipprovdu lill-pajjiżi kollha b’ċertezza tad-dritt li l-Ftehim jibda jopera malajr. L-UE għandha tkun f’pożizzjoni li tirratifika l-Ftehim ta’ Pariġi kemm jista’ jkun malajr.

2.3. Avvenimenti sinifikanti fit-terminu medju taħt il-Ftehim ta’ Pariġi

Hemm għadd ta’ avvenimenti sinifikanti għat-terminu medju previsti fil-Ftehim ta’ Pariġi. Jeħtieġ li jiġi żviluppat fehim ċar tal-implikazzjonijiet speċifiċi ta’ politika ta' mira ta’ 1,5°C. Il-Ħames Rapport ta’ Valutazzjoni tal-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (Intergovernmental Panel on Climate Change, IPCC) ma wassal għall-ebda konklużjoni fuq dan l-aspett minħabba analiżi xjentifika skarsa. Sabiex tindirizza dan il-punt, l-IPCC ntalab iħejji rapport speċjali fl-2018. L-UE se tikkontribwixxi għall-ħidma xjentifika li se titwettaq internazzjonalment għal dak l-għan. L-UE għandha tieħu sehem fl-ewwel "djalogu ta' faċilitazzjoni”, li se jsir fl-2018 sabiex jittieħed kont tal-ambizzjoni kollettiva u l-progress fl-implimentazzjoni tal-impenji. F’dan ir-rigward, l-UE se tieħu sehem fl-ewwel bilanċ globali fl-2023, u dan huwa rilevanti sabiex titqies dejjem aktar azzjoni ambizzjuża mill-Partijiet kollha għall-perjodu ta’ wara l-2030. F’dan is-sens, l-UE, flimkien ma’ partijiet oħrajn, hija mitluba tikkomunika, sal-2020, l-istrateġiji ta' żvilupp tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra tagħhom għal nofs is-seklu u fit-tul. Sabiex tiffaċilita t-tfassil ta’ dawn l-istrateġiji, il-Kummissjoni se tħejji analiżi dettaljata tat-trasformazzjonijiet ekonomiċi u soċjali sabiex issostni d-dibattitu politiku fil-Parlament Ewropew, fil-Kunsill u mal-partijiet ikkonċernati.

3.    Kif l-UE se timplimenta l-Ftehim ta’ Pariġi

It-tranżizzjoni għal ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u effiċjenti fir-riżorsi teħtieġ bidla fundamentali fit-teknoloġija, fl-enerġija, fl-ekonomija, fil-finanzi u fis-soċjetà kollha kemm hi. Il-Ftehim ta’ Pariġi huwa opportunità għal trasformazzjoni ekonomika, għall-impjiegi u għal tkabbir. Dan huwa element ċentrali biex jintlaħqu għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli usa’, kif ukoll il-prijoritajiet ta' investiment, il-kompetittività, l-ekonomija ċirkulari, ir-riċerka, l-innovazzjoni u t-tranżizzjoni enerġetika tal-UE. L-Implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi toffri opportunitajiet ta’ negozju biex l-UE żżomm u tisfrutta l-vantaġġ tal-innovatur tagħha meta trawwem l-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza enerġetika u tikkompeti fuq l-iżilupp ta' teknoloġija oħra b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju fuq livell dinji. Sabiex tgawdi minn dawn il-benefiċċji, jeħtieġ li l-UE tkompli tmexxi billi tagħti eżempju u billi tieħu azzjoni fuq il-politiki regolatorji biex tnaqqas l-emissjonijiet iżda anki billi tippermetti fatturi li jaċċeleraw l-investiment pubbliku u privat fl-innovazzjoni u l-modernizzazzjoni fis-setturi ewlenin kollha, filwaqt li tiżgura li ekonomiji kbar oħrajn jagħfsu fuq l-impenji. It-tranżizzjoni għal ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta' karbonju teħtieġ li tiġi ġestita sew u tqis id-differenzi fit-taħlita tal-enerġija u l-istruttura ekonomika madwar l-UE. Dan ifisser ukoll li jeħtieġ li tiġi antiċipata u jittaffa l-impatt soċjali tat-tranżizzjoni f’ċerti reġjuni u setturi soċjoekonomiċi speċifiċi.

3.1. It-trawwim ta’ ambjent li jwassal għal tranżizzjoni lejn livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju

It-tranżizzjoni tal-Unjoni tal-Enerġija

L-impenn tal-UE għal tranżizzjoni tal-enerġija nadifa huwa irriversibbli u mhux negozjabbli. Il-prijorità tal-Unjoni tal-Enerġija għandha l-għan li “nimxu lil hinn minn ekonomija bbażata fuq il-karburant fossili, ekonomija fejn l-enerġija hija bbażata fuq approċċ ċentralizzat, min-naħa tal-provvista u li tiddependi fuq teknoloġiji qodma u mudelli ta’ negozju antikwati. Irridu nagħtu lill-konsumaturi s-setgħa li tingħatalhom informazzjoni, għażla u permezz tal-ħolqien ta’ flessibilità għall-ġestjoni tad-domanda kif ukoll tal-provvista. Irridu nitbiegħdu minn sistema frammentata kkaratterizzati minn politiki nazzjonali mhux koordinati, ostakoli għas-suq u żoni iżolati mill-enerġija 4 . Il-proġett tal-Unjoni tal-Enerġija, bid-dimensjonijiet kollha tiegħu, jipprovdi qafas usa’ li fih l-UE tista’ tipprovdi l-aħjar ambjent li jippermetti tranżizzjoni tal-enerġija. Skont l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija, l-implimentazzjoni sħiħa tal-pjanijiet fil-klima se jwasslu għal investimenti ta’ USD 13,5-il triljun f'effiċjenza enerġetika u teknoloġiji b’livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju mill-2015 sal-2030, medja annwali ta’ USD 840 biljun. L-impatt ewlieni ta’ dawn il-pjanijiet fil-klima mhuwiex biss li jiżdied l-investiment, iżda anki li dan l-investiment jiġi bbilanċjat mill-ġdid bejn il-fjuwils u s-setturi, u bejn il-provvista u d-domanda. Fost oħrajn, l-investimenti fl-enerġija rinnovabbli se jkunu kważi tliet darbiet aktar mill-investimenti fl-impjanti tal-enerġija mill-fjuwils fossili, filwaqt li huwa mistenni li l-investiment fl-effiċjenza enerġetika (immexxi mis-setturi tat-trasport u tal-bini) jilħqu l-iskala ta' investimenti f’partijiet oħrajn tas-sistema tal-enerġija.

Innovazzjoni u kompetittività

Il-Ftehim ta’ Pariġi jagħti direzzjoni ċara u ambizzjuża għal innovazzjoni b’livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju. Fil-marġini tal-Konferenza ta’ Pariġi, 20 mill-ikbar ekonomiji nedew “Missjoni Innovazzjoni” sabiex isaħħu l-innovazzjoni tas-settur pubbliku u privat b’enerġija nadifa, biex jiżviluppaw u jniedu teknoloġiji innovattivi u jitnaqqsu l-ispejjeż. L-UE tixtieq tingħaqad f'din l-inizjattiva billi l-baġit tal-UE għal riċerka relatata mal-livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju skont l-Orizzont 2020 diġà effettivament ġie rduppjat għall-perjodu mill-2014 sal-2020, u l-UE impenjat ruħha li tinvesti mill-inqas 35 % tal-Orizzont 2020 f’attivitajiet relatati mal-klima. Barra minn hekk, l-istrateġija futura għar-riċerka, l-innovazzjoni u l-kompetittività għall-Unjoni tal-Enerġija se tisfrutta s-sinerġiji bejn l-innovazzjoni tal-enerġija, tat-trasport, tal-ekonomija ċirkolari, industrijali u diġitali. Dan għandu jwassal għal kompetittività akbar ta' teknoloġiji Ewropej preżenti u futuri b’livell baxx ta’ karbonju u effiċjenza fl-użu tal-enerġija.

Investiment u swieq kapitali

Iċ-ċaqliq u ż-żieda rapida fl-investiment privat huma essenzjali biex jappoġġaw it-tranżizzjoni għal ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet u reżiljenti għat-tibdil fil-klima, u biex jiġi evitat il-“lock-in” ta’ infrastruttura u assi b'emissjonijiet għoljin. Il-fondi tal-UE se jkollhom rwol importanti għall-mobilizzazzjoni fis-swieq 5 . L-appoġġ tal-investiment fil-kuntest tal-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa, l-iffukar fuq azzjonijiet biex jitneħħew l-ostakli għall-investiment fl-Unjoni Ewropea, kif ukoll il-possibbiltà ta’ finanzjament mill-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) għandhom jippromwovu t-tnaqqis fl-emissjonijiet u fl-investimenti fl-effiċjenza tal-enerġija fis-Suq Intern. Il-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa diġà għandu rekord promettenti f’dan il-qasam 6 u jeħtieġ li jiġi esplorat il-potenzjal sħiħ tiegħu. Dan l-aħħar il-Kummissjoni nediet il-Portal Ewropew ta’ Proġetti ta’ Investiment (PEPI) li se jkun operattiv bis-sħiħ dalwaqt. L-għan tiegħu huwa li jattira investituri għal proġetti ta’ investiment vijabbli u sodi fl-Ewropa. Il-partijiet ikkonċernati fl-enerġija huma mħeġġa jibagħtu l-proġetti tagħhom lill-PEPI sabiex jipprovdi ħarsa ġenerali komprensiva tal-proġetti għall-investituri potenzjali. Bħala kwistjoni ta' prijorità, il-Kummissjoni se tgħaġġel l-assistenza teknika għall-partijiet ikkonċernati biex tistabbilixxi, fl-2016, skemi biex taggrega proġetti iżgħar tal-effiċjenza fl-enerġija, u b'hekk tinbena massa kritika. Dawn l-iskemi għandhom jipprovdu lill-investituri b'opportunitajiet aħjar tal-investiment fl-effiċjenza tal-enerġija u jagħmlu l-kapital aktar aċċessibbli għall-pjattaformi u l-programmi nazzjonali, reġjonali jew lokali tal-effiċjenza fl-enerġija. Dawn jinkludu t-tisħiħ tal-assistenza teknika u dik għall-iżvilupp tal-proġetti fil-kuntest taċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti (European Investment Advisory Hub, EIAH) imwaqqaf mill-Kummissjoni u mill-Bank Ewropew tal-Investiment, sabiex il-promoturi pubbliċi jiġu megħjuna jistrutturaw il-proġetti tagħhom, u sabiex skemi ta' finanzjament jiġu promossi b’termini u kundizzjonijiet standard, b’mod partikolari fil-qasam tal-bini 7 .

L-istituzzjonijiet finanzjarji huma sħab importanti f’dan il-proċess ta’ tranżizzjoni. Flussi tal-kapital transfruntiera li jiffunzjonaw tajjeb u swieq kapitali integrati u sostenibbli huma importanti wkoll sabiex isseħħ din it-tranżizzjoni. Il-miżuri li diġà ttieħdu jew li huma ppjanati li jsiru fil-kuntest tat-twaqqif ta’ Unjoni tas-Swieq Kapitali 8 huma essenzjali f’dan il-kuntest. Sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni bħal din - fi ħdan is-Suq Intern u lil hinn minnu - il-Bank Ċentrali Ewropew kif ukoll il-banek ċentrali nazzjonali, il-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp, il-Fond Ekoloġiku għall-Klima, u istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali oħrajn bħall-Bank Dinji iżda anki banek nazzjonali għall-iżvilupp, jista’ jkollhom rwol siewi. Bi tweġiba għal talba mill-G20 f’April 2015 biex jiġi rivedut kif is-settur finanzjarju jista’ jqis kwistjonijiet relatati mal-klima, il-Bord għall-Istabilità Finanzjarja (Financial Stability Board, FSB) waqqaf task force dwar divulgazzjonijiet finanzjarji relatatimal-klima, li l-għan tiegħu huwa li jgħin lill-parteċipanti fis-suq jifhmu aħjar ir-riskji relatati mal-klima u jimmaniġġjaw aħjar dawk ir-riskji. Dan l-aħħar il-G20 waqqaf grupp ta’ studju biex janalizza kwistjonijiet relatati mal-finanzjament ekoloġiku (GFSG). Fil-livell Ewropew, il-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku ppubblika rapport dwar it-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju u r-riskji potenzjali għas-settur finanzjarju 9 .

Prezzar tal-karbonju u sussidji fuq il-karburanti fossili

L-ipprezzar tal-karbonju huwa element essenzjali biex ikun hemm kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni globali għat-tranżizzjoni - dawn jistgħu jieħdu l-forma ta’ skambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet, bħal fil-każ tal-UE, it-tassazzjoni, jew strumenti ekonomiċi u / jew fiskali oħrajn. L-UE għandha żżid l-isforzi tagħha biex taqsam l-esperjenzi tagħha stess f’dan il-qasam mal-pajjiżi kollha li jridu jibdew ipoġġu prezz fuq il-karbonju. Dan se jkompli jinkludi pajjiżi bħaċ-Ċina u l-Korea t’Isfel li qed jistabbilixxu sistemi għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet, kif ukoll firxa usa' ta’ pajjiżi, li tinkludi l-ekonomiji ewlenin kollha li qed jużaw teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli u li qed itejbu l-politiki tal-effiċjenza tal-enerġija tagħhom. Filwaqt li l-Ftehim ta’ Pariġi iwassal għal bidla fis-sens li jwassal għal livell globali, il-livell ta’ sforz nazzjonali min-naħa tal-pajjiżi huwa differenti, u għandu r-riskju ta’ żvantaġġ kompetittiv għall-industriji jekk jibqgħu jippersistu kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni li ma jkunux ekwivalenti. Id-deċiżjoni strateġika mill-Kunsill Ewropew biex tinżamm sistema ta’ allokazzjoni bla ħlas wara l-2020 u d-dispożizzjonijiet proposti dwar ir-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju għall-iskema tal-UE għan-negozjar ta’ emissjonijiet laħqu bilanċ tajjeb bħalissa, iżda għandhom jiġu riveduti fl-għaxar snin li ġejjin.

Il-prospettiva tal-ipprezzar tal-karbonju u tal-enerġija hija aktar ikkumplikata minħabba s-sitwazzjoni attwali tal-prezzijiet baxxi taż-żejt. Dan jista’ jwassal għal opportunità tajba mhux biss biex jiġi introdott l-ipprezzar tal-karbonju iżda anki biex jitneħħew is-sussidji minn fuq il-fjuwils fossili li, skont l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija, kienu jammontaw għal USD 548 biljun globalment fl-2013. Dawn is-sussidji huma l-akbar ostakolu għall-innovazzjoni fit-teknoloġiji nodfa, u dan ġie rikonoxxut fit-talbiet għat-tneħħija tas-sussidji minn fuq il-fjuwils fossili tal-G20 u tal-G7. Il-prezzijiet tal-enerġija li jmiss tal-UE u r-rapport dwar l-ispejjeż se jħares lejn l-aħħar sitwazzjoni f’dan ir-rigward.

Ir-rwol tal-bliet, is-soċjetà ċivili u s-sħab soċjali

Prerekwiżit ieħor għat-tranżizzjoni huwa l-katalisi tal-azzjoni mill-bosta partijiet ikkonċernati mis-soċjetà ċivili - iċ-ċittadini, il-konsumaturi, is-sħab soċjali, l-SMEs, in-negozji l-ġodda innovattivi u l-industriji kompetittivi globalment. Il-konferenza ta’ Pariġi u l-Aġenda ta’ Azzjoni bejn Lima u Pariġi, li hija inizjattiva tas-COP Peruvjana u Franċiża li għandha l-għan li tiġbor flimkien għadd mingħajr preċedent ta’ atturi mhux Statali flimkien fuq livell globali biex titħaffef l-azzjoni klimatika kooperattiva b’appoġġ tal-ftehim il-ġdid. L-UE tinsab f’qagħda unika biex tintegra t-tranżizzjoni tal-livell baxx tal-karbonju fis-setturi u fil-livelli kollha ta’ governanza.

Il-bliet intelliġenti u l-komunitajiet urbani huma l-post fejn parti kbira mit-trasformazzjoni tal-futur fil-fatt se sseħħ. Għaldaqstant, fl-2016 se tiġi intensifikata l-ħidma fil-livell tal-bliet u l-politika urbana, fosthom appoġġ għall-azzjonijiet żviluppati mill-Patt tas-Sindki integrat u globali u t-twaqqif ta’ punt uniku ta’ servizz għall-awtoritajiet lokali. Dan għandu jippermetti li l-awtoritajiet lokali jikkontribwixxu aħjar għat-tranżizzjoni għal-livell baxx tal-karbonju fl-UE u se jipprovdi lill-kumpaniji Ewropej b’opportunitajiet globali biex jużaw il-vantaġġ kompetittiv tagħhom f’teknoloġiji innovattivi għal bliet intelliġenti.

Diplomazija Klimatika u Azzjoni Globali

L-azzjoni klimatika hija sfida politika estera strateġika ewlenija b’implikazzjonijiet għat-tfassil ta’ politika esterna tal-UE, pereżempju fl-għajnuna u fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp, fil-politiki tal-viċinat u tat-tkabbir, fil-kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika internazzjonali, fil-kummerċ, fid-diplomazija ekonomika u fis-sigurtà. Iż-żamma tal-momentum pożittiv minn Pariġi teħtieġ mobilizzazzjoni politika u diplomatika sostnuta fil-livell globali.

Kif miftiehem mill-Kunsill 10 , fl-2016 id-diplomazija klimatika se jkollha tiffoka fuq i) li żżomm il-ħidma fit-tibdil fil-klima bħala prijorità strateġika, ii) li tappoġġa l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi u l-pjanijiet dwar il-klima, u iii) li żżid l-isforzi biex tindirizza l-punt ċentrali tat-tibdil fil-klima, tar-riżorsi naturali, fosthom l-ilma, il-prosperità, l-istabilità u l-migrazzjoni.

Fir-rigward tal-finanzjament tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, l-UE u l-Istati Membri tagħha huma impenjati li jżidu l-mobilizzazzjoni tal-finanzjament tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima fil-kuntest ta’ azzjonijiet ta’ mitigazzjoni sinifikanti u trasparenza tal-implimentazzjoni, sabiex jikkontribwixxu s-sehem tagħhom mill-mira tal-pajjiżi żviluppati biex jimmobilizzaw b’mod konġunt USD 100 biljun fis-sena sal-2020 minn firxa wiesgħa ta’ sorsi, pubbliċi u privati, bilaterali u multilaterali, inklużi sorsi alternattivi ta’ finanzjament. Il-perkorsi attwali għall-għajnuna tal-UE għall-iżvilupp se jikkontribwixxu b’mod sostanzjali biex jinkiseb is-sehem tal-UE mill-mira ta’ USD 100 biljun. Fil-kuntest tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014–2020, l-UE impenjat ruħha li tiżgura li 20 % tal-baġit globali tagħha jintuża għal proġetti u politiki li jkunu relevanti għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Fil-kuntest ta’ din in-nefqa esterna, dan aktar milli jirdoppja l-ammont tal-finanzjament tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw u jista' jirrappreżenta sa EUR 14-il biljun f’infiq għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Sehem dejjem akbar minn dawn ir-riżorsi se jiġi investit sabiex tiġi adattata u ffaċilitata l-innovazzjoni u għall-bini tal-kapaċità.

Sabiex il-pajjiżi li qed jiżviluppaw jiġu assistiti biex jilħqu l-pjanijiet tagħhom fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima mill-2020, se jissaħħu l-programmi ta’ appoġġ (bħall-Alleanza Globali kontra t-Tibdil fil-Klima+). F’dan il-kuntest jeħtieġ li jiġu sfruttati bis-sħiħ is-sinerġiji bejn l-azzjoni dwar il-klima, l-Aġenda ta’ Azzjoni ta’ Addis Ababa u l-Aġenda 2030 bl-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tagħha. Dan jinkludi wkoll il-parteċipazzjoni tal-UE fl-Inizjattiva tal-Afrika dwar l-Enerġija Rinnovabbli. Fil-qafas tal-politiki ta' tkabbir u tal-viċinat, l-UE se tkompli d-djalogu politiku u l-appoġġ tagħha għall-pajjiżi sħab. Titqiegħed enfasi partikulari fuq il-bini tal-kapaċità.

In-negozjati bilaterali u multilaterali li għaddejjin dwar il-liberalizzazzjoni tal-kummerċ għal oġġetti u servizzi ekoloġiċi għandhom jiġu aċċellerati biex tiġi ffaċilitata l-azzjoni globali biex jittaffa t-tibdil fil-klima u biex jinħolqu opportunitajiet ta’ negozju għall-kumpaniji Ewropej. L-UE għandha tkompli wkoll bit-tmexxija tagħha għall-promozzjoni tal-eżiti ambizzjużi fil-kuntest tan-negozjati tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (International Civil Aviation Organisation, ICAO) u l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) biex tindirizza l-emissjonijiet tal-gassijiet serra, kif ukoll skont in-negozjati tal-Protokoll ta’ Montreal.

3.2. Il-qafas regolatorju għall-enerġija u l-klima għall-2030

Wara l-konferenza ta’ Pariġi dwar il-klima, jeħtieġ li l-pajjiżi kollha jibdlu l-impenji li ħadu f’azzjonijiet politiċi konkreti. F’Ottubru 2014, il-Kunsill Ewropew stabbilixxa l-qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija għall-2030 għall-UE u stabbilixxa mira domestika, ambizzjuża u mifruxa mal-ekonomija kollha ta’ tnaqqis ta' mill-inqas 40 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-2030, kif ukoll miri għall-enerġija rinnovabbli u għall-effiċjenza enerġetika ta’ mill-inqas 27 % 11 . Il-Ftehim ta’ Pariġi jikkonferma l-approċċ tal-UE. L-implimentazzjoni tal-qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija għall-2030, kif miftiehem mill-Kunsill Ewropew, hija prijorità fis-segwitu għall-Ftehim ta’ Pariġi.

Il-Kummissjoni diġà bdiet dan il-proċess billi ressqet proposta biex tirrevedi l-Iskema għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet (Emissions Trading System, ETS), li tkopri 45 % tal-emissjonijiet b’effett serra tal-UE. Matul it-12-il xahar li jmiss, il-Kummissjoni se tippreżenta l-proposti leġiżlattivi ewlenin li fadal biex timplimenta l-qafas regolatorju għall-2030 domestikament b’mod ġust u kosteffiċjenti, li jipprovdi flessibilità massima għall-Istati Membri u joħloq il-bilanċ it-tajjeb bejn azzjoni fil-livell nazzjonali u tal-UE. Bħala l-pass li jmiss, il-Kummissjoni qed taħdem fuq it-tħejjija ta’ proposti għal Deċiżjoni dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi u dwar l-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija (land use, land use change and forestry, LULUCF). Il-Kummissjoni se tipproponi wkoll leġiżlazzjoni biex tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ governanza affidabbli u trasparenti u li tintegra r-rekwiżiti tal-ippjanar u tar-rappurtar relatati mal-klima u mal-enerġija għall-perjodu ta’ wara l-2020.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tippreżenta proposti ta’ politika meħtieġa biex tadatta l-qafas regolatorju tal-UE sabiex tpoġġi l-effiċjenza fl-enerġija fl-ewwel post u trawwem ir-rwol tal-UE bħala mexxejja dinjija fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli skont il-konklużjoni tal-Kunsill Ewropew ta’ Ottubru 2014. Dan jinkludi tfassil ġdid tas-suq tal-enerġija biex il-konsumaturi jitpoġġew fiċ-ċentru tas-sistema tal-enerġija, u dan jippermetti r-rispons għad-domanda u jtejjeb il-flessibbiltà. Barra minn hekk, din is-sena l-Kummissjoni diġà nediet il-Pakkett ta' Garanzija tal-Enerġija biex jiġu indirizzati mingħajr dewmien l-isfidi l-ġodda għas-sigurtà tal-provvista minħabba l-iżviluppi fil-kuntest internazzjonali tal-enerġija.    

4.    Konklużjoni

Fil-mixja lejn Pariġi u waqt Pariġi l-UE kienet fil-qalba tal-Koalizzjoni ta' Ambizzjoni Għolja tal-pajjiżi żviluppati u dawk li qed jiżviluppaw. Sabiex tiżgura b’mod effettiv it-tranżizzjoni lejn ekonomija b’użu baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju, jeħtieġ li l-UE żżomm din l-ambizzjoni, kemm internament kif ukoll internazzjonalment:

Il-Ftehim ta’ Pariġi għandu jiġi ffirmat u rratifikat malajr kemm jista’ jkun. Il-proposta biex jiġi ffirmat il-Ftehim huwa mehmuż ma’ din il-Komunikazzjoni.

L-UE teħtieġ li tikkonsolida l-ambjent ta’ faċilitazzjoni għat-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju permezz ta’ firxa wiesgħa ta’ politiki li jinteraġixxu, oqfsa strateġiċi u strumenti riflessi taħt l-għaxar (10) prijoritajiet tal-Kummissjoni ta' Juncker - b’mod partikolari l-Unjoni tal-Enerġija Reżiljenti b'Politika dwar il-Bidla fil-Klima li Tħares 'il Quddiem.

Il-qafas regolatorju għall-enerġija u għat-tibdil fil-klima tal-2030 tal-UE jeħtieġ li jitlesta malajr b’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Ottubru 2014. Il-proposti leġiżlattivi li jmiss għandhom jitħaffu mill-Parlament u mill-Kunsill.

Jeħtieġ li l-Partijiet kollha jkunu lesti li jipparteċipaw bis-sħiħ fil-proċessi ta' reviżjoni skont il-Ftehim ta’ Pariġi mfassla biex jiżguraw il-kisba tal-objettiv li t-tibdil fil-klima jinżamm ferm anqas minn 2°C u jibqgħu jsiru sforzi li jwasslu għal 1,5°C.

(1)

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-24 ta’ Ottubru 2014.

(2)

Il-Protokoll ta’ Pariġi – Pjan ta’ azzjoni għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima globali wara l-2020, COM(2015) 81 finali.

(3)

Id-diplomazija Ewropea fil-qasam tal-klima wara l-COP 21 – Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar 2016.

(4)

Qafas Strateġiku għal Unjoni tal-Enerġija Reżiljenti b'Politika dwar il-Bidla fil-Klima li Tħares 'il Quddiem, COM(2015) 80 tal-25 ta' Frar 2015.

(5)

Ġew programmati EUR 114-il biljun mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE) irriformati għal azzjonijiet marbutin mal-klima matul il-perjodu mill-2014 sal-2020. L-ipprogrammar sar fi sħubija usa’ mal-partijiet ikkonċernati rilevanti. L-ammont li jirriżulta huwa 25 % tal-FSIE li juri impenn qawwi għal azzjonijiet favur il-klima u jaqbeż il-mira ta' 20 % għall-baġit globali tal-UE. Dan l-appoġġ imur lil hinn mill-opportunitajiet ta’ finanzjament billi jinkludi kooperazzjoni reġjonali qawwija, bini tal-kapaċità u assistenza teknika.

(6)

Ħarsa ġenerali lejn il-proġetti tal-Pjan ta’ Investiment f’teknoloġiji b’emissjonijiet baxxi tal-karbonju u l-effiċjenza enerġetika: http://ec.europa.eu/priorities/sites/beta-political/files/sector-factsheet-energy_en.pdf

(7)

L-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija fl-2015.

(8)

Pjan ta’ Azzjoni għall-Bini ta’ Unjoni tas-Swieq Kapitali, COM(2015) 468 finali.

(9)

  https://www.esrb.europa.eu/pub/pdf/asc/Reports_ASC_6_1602.pdf

(10)

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar id-diplomazija Ewropea dwar il-klima wara s-COP 21.

(11)

Il-mira tal-effiċjenza fl-enerġija se tiġi rieżaminata qabel l-2020 filwaqt li se jitqies il-livell tal-UE ta' 30 %.