IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 10.2.2016
COM(2016) 85 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar is-Sitwazzjoni Attwali rigward l-Implimentazzjoni tal-Azzjonijiet Prijoritarji fl-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni
Komunikazzjoni dwar is-Sitwazzjoni Attwali rigward l-Implimentazzjoni tal-Azzjonijiet Prijoritarji fl-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni
I
INTRODUZZJONI: IL-ĠESTJONI TAL-KRIŻI TAR-REFUĠJATI
Hemm aktar minn 60 miljun refuġjat jew persuna spostata internament madwar id-dinja – l-aktar kriżi ta’ refuġjati gravi mit-Tieni Gwerra Dinjija lil hawn. Il-kunflitt u l-kriżi fis-Sirja u bnadi oħra servew ta' xprun immedjat, iżda x-xejriet demografiċi sottostanti, it-tibdil fil-klima, il-faqar, il-globalizzazzjoni tat-trasport u l-komunikazzjoni kollha kellhom parti fl-għadd rekord ta’ migranti u refuġjati li waslu fl-Unjoni Ewropea fl-2015. Din it-taħlita ta' fatturi x'aktarx li ma tistax titreġġa' lura fil-futur qrib. Għaldaqstant fl-2016 għandna bżonn li s-sistema tal-migrazzjoni tal-UE tkun msaħħa b'mod radikali. Irridu mmorru lil hinn mill-indirizzar tal-konsegwenzi tal-flussi irregolari u mhux ġestiti ta' persuni, għal tħejjija reali li tiġġestixxi dawn il-flussi u lejn dħul ġestit u b'mezzi legali għal dawk li għandhom bżonn il-protezzjoni, filwaqt li fl-istess ħin malajr u b’mod effettiv jiġu identifikati u mibgħuta lura dawk li ma għandhomx id-dritt li jkunu fl-Unjoni Ewropea.
Fit-tieni nofs tas-sena 2015 kien hemm għadd bla preċedent ta’ persuni li daħlu fl-Unjoni Ewropea b’mod irregolari. F’Ottubru 2015, fl-ogħla livell, aktar minn 200,000 persuna waslu l-Greċja f’xahar wieħed. Anke bi tnaqqis sostanzjali għal ftit aktar minn 60,000 f’Jannar, iċ-ċifri għadhom għoljin għax-xhur tax-xitwa meta mqabbla mas-snin preċedenti. Il-kunflitt fis-Sirja li intensifika ruħu f'dawn l-aħħar jiem huwa mistenni li jwassal għal iktar influss ta’ refuġjati fit-Turkija. Dan ifisser li s-solidarjetà Ewropea se tkompli tintalab, f’konformità mar-responsabbiltajiet li l-UE assumiet skont il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tal-1951 dwar l-Istatus tar-Refuġjati u l-valuri umanitarji li l-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea ffirmaw. L-UE trid tneħħi wkoll il-bżonn li għandhom ir-refuġjati li jagħmlu vjaġġi perikolużi, billi tgħinhom meta jkunu eqreb lejn djarhom. Filwaqt li tnaqqis fil-flussi huwa tant mixtieq minħabba li l-awtoritajiet nazzjonali u lokali ta' spiss ma jkunux jistgħu jlaħħqu, ma għandu jkun hemm l-ebda illużjoni li l-kriżi tar-refuġjati se tintemm qabel mal-kawżi ewlenin tagħha – l-instabbiltà, il-gwerer u t-terrur fil-viċinat immedjat tal-UE, b'mod partikolari l-kontiwazzjoni tal-gwerra u l-atroċitajiet fis-Sirja – jiġu indirizzati b’mod definit. L-unika azzjoni responsabbli hija li niffaċċjaw din ir-realtà, u li din nispjegawha liċ-ċittadini b’mod miftuħ u onest; u li nżifu l-isforzi sabiex niġġestixxu aħjar u b’mod aktar effikaċi l-konsegwenzi ta’ din is-sitwazzjoni fl-Unjoni Ewropea, permezz ta’ approċċ Ewropew ikkoordinat aħjar u skont ir-regoli u l-valuri tal-UE li dwarhom hemm qbil komuni.
F’dawn l-aħħar xhur, iffurmat rotta fil-Mediterran tal-Lvant u fil-Balkani tal-Punent li minnha l-migranti jgħaddu malajr għat-Tramuntana minn fruntiera għall-oħra, u dan jikkontradixxi b'mod fundamentali l-prinċipji tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil u r-regoli ta’ Schengen. Dan imbagħad wassal biex bosta Stati Membri jirrikorru għall-introduzzjoni mill-ġdid ta' kontrolli temporanji fil-fruntieri interni, li qajjem dubju dwar hux jiffunzjona kif suppost il-moviment liberu taż-żona ta’ Schengen u l-benefiċċji tiegħu għaċ-ċittadini Ewropej u għall-ekonomija Ewropea. Hemm ukoll tħassib kbir dwar is-sigurtà, b'mod partikolari wara l-attakki terroristiċi riċenti f'territorju Ewropew, u ġiet invokata minn ċerti Stati Membri sabiex jiġġustifikaw miżuri temporanji bħal dawn. L-għan irid ikun li jiġi żgurat li kull persuna li tidħol fl-UE hija suġġetta għal kontrolli ta’ sigurtà bir-reqqa.
Matul l-aħħar sitt xhur, il-Kummissjoni Ewropea ħadmet kontinwament u b’mod konsistenti fuq rispons Ewropew rapidu u kkoordinat. Hija ressqet serje estensiva ta’ proposti mfassla sabiex l-Istati Membri jiġu pprovduti bl-għodda meħtieġa ħalli jiġġestixxu l-għadd kbir ta’ wasliet, li ħafna minnhom diġà ġew adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. Mill-ittripplar tal-preżenza tagħna fuq il-baħar; permezz ta’ sistema ġdida ta’ solidarjetà f’emerġenza biex il-persuni li jfittxu l-asil, mill-aktar pajjiżi affettwati, jiġu rilokati; għall-mobilizzazzjoni mingħajr preċedent tal-baġit tal-UE ta’ aktar minn EUR 10 biljun sabiex tiġi indirizzata l-kriżi tar-refuġjati u jiġu megħjuna l-aktar pajjiżi affettwati; għall-provvediment ta’ qafas ġdid ta’ koordinazzjoni u ta’ kooperazzjoni għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent; għall-bidu għal sħubija ġdida mat-Turkija; sa ma naslu għall-proposta ambizzjuża għal Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta ġdida, aħna qed insaħħu l-politika tal-asil u tal-migrazzjoni Ewropea sabiex tilqa' għall-isfidi ġodda li qiegħda tiffaċċja.
Filwaqt li l-elementi kostitwenti importanti ta’ sistema sostenibbli għall-ġestjoni tal-migrazzjoni issa fuq il-karta jinsabu fis-seħħ, hija l-implimentazzjoni sħiħa u malajr tagħhom fuq il-post li kienet nieqsa. F’Diċembru, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet rapport dwar il-progress li jsir abbażi tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet meħuda mill-Istati Membri, u sabet li l-implimentazzjoni kienet bil-mod wisq. Xahrejn wara, sar xi progress dwar firxa ta’ kwistjonijiet. Xorta jibqa’ l-fatt, madankollu, li diversi skadenzi ma ntlaħqux, u bosta impenji qed jiġu ssodisfati bil-mod wisq. Għandhom jintrefgħu r-responsabbiltajiet politiċi fl-ogħla livell fl-Istati Membri kollha sabiex jiġi żgurat li r-rispons Ewropew ikkoordinat miftiehem jista' jindirizza l-kriżi tar-refuġjati malajr u b’mod effiċjenti fuq il-post permezz tal-awtoritajiet nazzjonali u lokali, bl-appoġġ u l-assistenza tal-UE li kienet disponibbli matul ix-xhur li għaddew.
Illum il-ġurnata, li jerġa' jkun hemm ġestjoni ordnata tal-fruntieri fuq ir-rotta tal-Mediterran tal-Lvant/tal-Balkani tal-Punent hija l-aktar prijorità urġenti għall-Unjoni Ewropea. Fil-laqgħa li jmiss tal-Kunsill Ewropew, il-mexxejja jeħtiġilhom jimpenjaw ruħhom biex jagħmlu dak kollu li huwa meħtieġ sabiex jerġa’ jkun hemm ordni fis-sistema ta’ migrazzjoni u jkun impost kontroll fuq il-flussi irregolari u bla kontroll mir-rotta tal-Mediterran tal-Lvant/tal-Balkani tal-Punent qabel ir-rebbiegħa. Dan jeħtieġ deċiżjonijiet ebsin, azzjoni determinata, responsabbiltà u solidarjetà mill-Istati Membri kollha.
L-aktar importanti, l-Istati Membri kollha jridu jimpenjaw ruħhom biex itemmu l-approċċ tolleranti għal dawk li juru interess f’li japplikaw għall-asil bnad'oħra. Il-persuni li jaslu fl-Unjoni jridu jkunu jafu li jekk huma għandhom bżonn ta’ protezzjoni dawn se jirċevuha, iżda mhix l-għażla tagħhom li jiddeċiedu fejn. Jekk ma jikkwalifikax għall-protezzjoni, dawn se jinbagħtu lura, b’rispett sħiħ għall-prinċipju ta’ non-refoulement.
Il-Greċja u pajjiżi 'l fuq fir-rotta tal-Balkani tal-Punent se jkollhom bżonn appoġġ sostanzjali sabiex jirreġistraw u jipproċessaw lil dawk li jeħtieġu l-protezzjoni, u sabiex jibagħtu lura malajr, lejn il-pajjiżi tal-oriġini tagħhom jew lejn pajjiżi terzi sikuri oħra li jkunu għaddew minnhom, lil dawk li ma għandhomx bżonn protezzjoni. L-Istati Membri l-oħra jridu jwettqu l-impenji tagħhom sabiex flimkien jaqsmu r-responsabbiltà li jagħtu akkoljenza u kenn lil dawk intitolati għaliha, billi jħaffu l-implimentazzjoni tal-iskemi ta’ rilokazzjoni ta’ emerġenza diġà fis-seħħ sa minn Ottubru 2015. Għalhekk, filwaqt li l-Greċja trid tagħmel dak li hu meħtieg sabiex terġa' lura għall-applikazzjoni normali tal-kontroll tal-fruntieri esterni ta’ Schengen u tar-regoli ta’ Dublin, ma tistax titħalla taffaċċja l-konsegwenzi tal-kriżi tar-refuġjati waħidha, iżda għandha tkompli tirċievi appoġġ finanzjarju u assistenza teknika mill-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE u mill-Istati Membri l-oħra kollha, sabiex tlaħħaq mar-responsabbiltajiet ta’ Stat Membru tal-ewwel dħul skont ir-regoli tal-UE li dwarhom hemm qbil komuni.
Din il-Komunikazzjoni tieħu kont tal-implimentazzjoni tal-azzjonijiet miftiehma bħala rispons għall-kriżi tar-refuġjati u tenfasizza l-oqsma ewlenin fejn hija meħtieġa immedjatament aktar azzjoni sabiex jerġa’ jkun hemm il-kontroll tas-sitwazzjoni. Il-Kummissjoni se tipprovdi kontribut ulterjuri dwar il-bidliet aktar fundamentali meħtieġa għal politika ta’ migrazzjoni sostenibbli, u b’mod partikolari għal riforma fis-sistema ta’ Dublin, qabel il-Kunsill Ewropew ta’ Marzu.
|
Il-mexxejja waqt il-Kunsill Ewropew ta' Frar, sabiex jgħinu fil-ġestjoni tal-kriżi tar-refuġjati b’mod effettiv għandhom jinpenjaw ruħhom li:
Ilestu urġentement it-twaqqif ta' hotspots fil-Greċja u l-Italja sabiex jiġi żgurat li l-migranti u r-refuġjati jiġu rreġistrati u appoġġati skont il-prinċipju li ħadd ma għandu jasal fl-UE mingħajr ma jkun adegwatament rreġistrat u mingħajr ma jittiħdulu l-marki tas-swaba, b’appoġġ speċifiku mill-UE sabiex tiġi żgurata żieda fil-kapaċità ta’ akkoljenza u proċeduri tal-asil u tar-ritorn kompletament funzjonali;
It-temma tal-approċċ tolleranti u insistenza b'saħħitha dwar l-applikazzjoni tar-regoli tal-UE rigward l-asil u l-ġestjoni tal-fruntieri;
Titħaffef bil-bosta l-iskema ta’ rilokazzjoni maqbula sabiex tittaffa l-pressjoni minn fuq l-Italja u l-Greċja;
Użu aktar b’saħħtu u koerenti tad-dispożizzjonijiet li jippermettu li l-applikanti għall-asil jirritornaw lejn pajjiżi terzi sikuri;
L-implimentazzjoni tal-approċċ maqbul għal kooperazzjoni u koordinazzjoni aħjar bejn il-pajjiżi tul ir-Rotta tal-Balkani tal-Punent;
Aktar intensifikar tal-isforzi kollha sabiex jiġi żgurat ir-ritorn effettiv u r-riammissjoni, kif ukoll biex jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni billi tiġi sfruttata kull forma ta' pressjoni, inklużi preferenzi fil-kummerċ u l-iżvilupp, sabiex jiġi żgurat li pajjiżi terzi jimpenjaw ruħhom għal riżultati konkreti;
Jitmexxew 'l quddiem l-azzjonijiet taħt: il-Pjan ta’ Azzjoni Konġunt bejn l-UE u t-Turkija sabiex jitwaqqfu l-flussi mit-Turkija; u l-implimentazzjoni rapida ta’ proġetti taħt il-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija;
Kontrolli tal-fruntieri esterni aktar b’saħħithom, billi jkun hemm qbil dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta sa mhux aktar tard minn Ġunju, jekk mhux qabel, u billi ssir operattiva matul is-sajf;
Jingħata appoġġ għall-ħtiġijiet bażiċi tal-migranti u r-refuġjati l-aktar vulnerabbli, u b’mod partikolari tat-tfal;
Tiżdied il-kapaċità tal-UE għall-għoti ta' assistenza umanitarja lil pajjiżi terzi, u titwaqqaf kapaċità għall-għoti ta' assistenza umanitarja fl-UE, biex jiġu appoġġati pajjiżi li qed jaffaċċjaw għadd kbir ta’ refuġjati u migranti;
Jiżdied l-appoġġ tal-UE għar-refuġjati Sirjani, inkluż il-ftuħ ta’ toroq legali permezz tar-risistemazzjoni u tal-approvazzjoni ta' Skema Volontarja ta’ Ammissjoni Umanitarja mat-Turkija, kif irrakkomandat mill-Kummissjoni fil-15 ta’ Diċembru 2015.
|
II
X’SAR
II.1
Miżuri Operattivi
Il-ġestjoni tal-flussi ta’ migranti u refuġjati
Salvataġġ fuq il-baħar kien l-ewwel prijorità għall-Unjoni Ewropea. Matul l-2015, l-Operazzjoni Konġunta tal-Frontex, Triton, u l-Operazzjoni Konġunta tal-Frontex, Poseidon, salvaw 'il fuq minn 250,000 ruħ. Dawn l-interventi u l-iskjerament ta’ timijiet ta’ Intervent Rapidu fil-Fruntieri tal-Frontex fl-Eġew għenu biex jiġu identifikati aktar minn miljun immigrant irregolari u biex jinqabdu aktar minn 900 traffikant li kien hemm suspett dwarhom.
L-azzjoni tal-UE qiegħda wkoll timmira direttament it-traffikar tal-migranti. Fin-Nofsinhar u ċ-ċentru tal-Mediterran l-Operazzjoni Sophia tal-EUNAVFORMED rnexxielha tidħol b'suċċess f’fażi li tinkludi l-imbark, it-tfittxija, is-sekwestru u d-devjazzjoni fl-ibħra internazzjonali ta’ bastimenti li jkunu ssuspettati li qed jintużaw biex idaħħlu klandestinament jew jittraffikaw il-migranti. S’issa salvat aktar minn 9,000 ruħ u hija lesta li testendi l-operat lejn l-ibħra territorjali Libjani, jekk l-iżviluppi istituzzjonali u politiċi fil-Libja jippermettu dan.
L-aġenziji tal-UE, il-Europol, il-Frontex u l-Eurojust, żiedu l-kapaċità tagħhom sabiex jindirizzaw id-dħul klandestin tal-migranti, b’aktar koordinazzjoni, b'riżorsi addizzjonali, u bi preżenza permanenti fl-Istati Membri taħt pressjoni. Dan jinkludi ġbir ta’ informazzjoni fuq il-post fil-hotspots sabiex l-awtoritajiet nazzjonali jiġu megħjuna jiġbru l-informazzjoni u jniedu investigazzjonijiet. Fl-2015, 10,735 persuna ssuspettata li għandha x'taqsam mal-faċilitazzjoni tad-dħul klandestin tal-migranti ġew miżjuda fil-bażi tad-dejta tal-Europol – li bħalissa għandha intelligence fuq aktar minn 38,600 persuna ssuspettata. Il-Europol dalwaqt se jiftaħ fit-22 ta’ Frar iċ-Ċentru Ewropew kontra l-Faċilitazzjoni ta' Dħul Klandestin ta' Migranti, li huwa ċentru tal-informazzjoni tal-UE dwar id-dħul klandestin ta' migranti.
B'appoġġ b'saħħtu u speċifiku mill-UE, il-Greċja u l-Italja bdew iwaqqfu – u f'xi każijiet lestew – hotspots sabiex jiġu żgurati l-iskrinjar, l-identifikazzjoni u t-teħid tas-swaba' ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jaslu b'mod irregolari fil-fruntiera esterna tal-UE. Ir-reġistrazzjoni hija l-ewwel pass kruċjali fil-kontroll u fil-ġestjoni tal-flussi. Il-hotspots huma mfasslin sabiex jiżguraw li timijiet integrati ta’ aġenti tal-fruntiera jaħdmu f’faċilitajiet apposta, 24 siegħa kuljum għal sebat ijiem fil-ġimgħa. Kull persuna li tasal fil-fruntieri esterni għandha tiġi rreġistrata, jitteħdulha l-marki tas-swaba u d-dokumenti tagħha jitqabbluha ma’ bażijiet tad-dejta nazzjonali u internazzjonali tas-sigurtà. Ċittadini ta’ pajjiż terz li jaslu b’mod irregolari għandhom imbagħad jgħaddu minn wieħed minn tliet proċessi: is-sistema nazzjonali tal-asil, sistema ta’ rilokazzjoni Ewropea jew is-sistema tar-ritorn. Il-proporzjon ta’ migranti li l-marki tas-swaba’ tagħhom ikunu inklużi fil-bażi tad-dejta tal-Eurodac, fil-Greċja żdied minn 8 % f’Settembru 2015 għal 78 % f’Jannar 2016, u fl-Italja minn 36 % għal 87 % matul l-istess perjodu. Dawn iċ-ċifri huma mistennija li jkomplu jitjiebu meta l-hotspots isiru aktar operattivi b'mod sħiħ. Il-Kummissjoni għandha preżenza permanenti, fiż-żewġ Stati Membri, li hija ffukata esklussivament biex tgħin lill-awtoritajiet nazzjonali. Attwalment hemm biss 518-il espert tal-Frontex u 21 tal-EASO li huma stazzjonati fil-hotspots, li ma humiex biżżejjed għal dak li hu meħtieġ. Ir-rispons tal-Istati Membri għas-sejħa tat-timijiet ta' intervent rapidu kellha aktar suċċess.
Il-Kummissjoni mmobilizzat il-baġit tal-UE b'mod li qatt ma deher bħalu sabiex tikkommetti aktar minn EUR 10 biljun ħalli tindirizza l-kriżi tar-refuġjati. Pereżempju, it-tisħiħ tal-finanzjament ta’ emerġenza fisser li kien hemm disponibbli EUR 174 miljun fl-2015; dawn ingħataw rapidament u ntużaw kollha sal-aħħar tas-sena. L-istess fl-2016, EUR 161 miljun tqiegħdu għad-dispożizzjoni. Madwar EUR 146 miljun ingħataw bħala finanzjament ta’ emerġenza għall-benefiċċju tal-Greċja.
Element ewlieni ieħor fl-appoġġ ta' UE kienet ir-rilokazzjoni. Kemm il-leġiżlazzjoni kif ukoll l-istrutturi jinsabu fis-seħħ sabiex jippermettu r-rilokazzjoni ta’ emerġenza lejn Stati Membri oħra ta’ 160,000 persuna li għandhom bżonn ċar ta’ protezzjoni internazzjonali. Il-baġit tal-UE pprovda EUR 640 miljun biex jappoġġja r-rilokazzjoni. Iżda r-rata ta’ progress hija ferm inqas minn dak li hemm bżonn (ara t-taqsima dwar ir-Rilokazzjoni u l-Anness 4).
B’reazzjoni għal pressjoni migratorja serja u d-diffikultajiet partikolari ffaċċjati mill-Isvezja, f’Diċembru l-Kummissjoni pproponiet li l-obbligi tagħha għar-rilokazzjoni għandhom jiġu sospiżi temporanjament. Il-Kummissjoni issa pproponiet ukoll sospensjoni simili għall-obbligi ta’ rilokazzjoni tal-Awstrija.
F’Diċembru, il-Kummissjoni approvat programm ta’ EUR 80 miljun biex tgħin fil-bini ta' kapaċità ta’ akkoljenza sabiex tagħti kenn, sal-mira miftiehma ta’ 50,000 post addizzjonali, lill-migranti u lir-refuġjati fil-Greċja, inkluż netwerk ta’ 20,000 post għall-persuni li jfittxu asil mmexxi mill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (UNHCR) bl-użu ta’ skema ta’ vawċers, kif ukoll tappoġġa t-twaqqif ta’ 7,000 post fiż-żoni ta' hotspots. Mal-14,950 post ġie identifikat taħt l-iskema tal-vawċers.
Il-Kummissjoni waqqfet Task Force dwar Strateġija għall-Informazzjoni tal-Migranti (MIS) sabiex tiddefinixxi u xxerred informazzjoni effettiva lill-persuni li jfittxu asil dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom. Huwa essenzjali li n-nies ikunu jafu li għandhom id-dritt li japplikaw għall-asil, iżda mhux li jagħżlu f'liema Stat Membru, u jkunu infurmati sew dwar l-implikazzjonijiet tal-iskema ta’ rilokazzjoni. L-ewwel sett ta’ prodotti informattivi dwar l-asil u rilokazzjoni huwa disponibbli f'14-il lingwa u issa qiegħed jintuża mill-EASO f’hotspots.
Is-solidarjetà u r-responsabbiltà
Il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (UCPM) intuża sabiex jappoġġa ħames pajjiżi, b’erba’ talbiet li għadhom attivi, mis-Serbja, mis-Slovenja, mill-Kroazja u mill-Greċja. B’kollox, 15-il pajjiż offrew l-għajnuna, billi pprovdew oġġetti bħal tined, materjal għall-irqad, oġġetti ta’ protezzjoni personali, ħiters, ġeneraturi u dawl. Il-Kummissjoni Ewropea tappoġġa l-finanzjarjament tat-trasport tal-assistenza li l-Istati parteċipanti joffru, u tiffaċilita l-koordinazzjoni globali tat-trasport u tal-loġistika. Il-Kummissjoni dan l-aħħar żiedet il-finanzjament tagħha u issa tkopri 85 % tal-ispejjeż tat-trasport ta’ din l-għajnuna, iżda hemm talbiet għal assistenza minn Stati Membri li għadhom pendenti, kif deskritt fl-Anness 9.
Il-Kummissjoni organizzat laqgħat ta' darba fil-ġimgħa biex ikun hemm monitoraġġ tal-pjan ta' 17-il punt maqbul fil-Laqgħa tal-Mexxejja ospitata mill-President Juncker dwar il-flussi tar-refuġjati tul ir-rotta tal-Balkani tal-Punent. Fi żmien meta l-komunikazzjoni tista' tgħid kienet wieqfa għal kollox, din il-koordinazzjoni kienet kruċjali sabiex jitnaqqas ir-riskju li pajjiż jieħu passi mhux mistennija li jkollhom impatt fuq wieħed ieħor. Dan ġie appoġġjat minn appoġġ dirett. Il-Kummissjoni allokat EUR 10 miljun għas-Serbja u għall-eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja sabiex tagħmel differenza prattika billi żżid il-kapaċità operattiva għall-ġestjoni tal-migrazzjoni. Dawn jiżdiedu ma’ EUR 22 miljun allokati għall-għajnuna umanitarja.
II.2
Id-Dimensjoni Esterna
Id-dimensjoni esterna u interna tal-migrazzjoni huma interkonnessi ħafna. L-azzjoni tal-UE ffukat kemm fuq l-indirizzar tal-kawżi ewlenin tal-flussi migratorji intensifikati f'termini ta' raġunijiet li joħolqu l-flussi u dawk li jiffaċilitawhom, kif ukoll fuq li jitneħħa l-bżonn għar-refuġjati li jagħmlu l-vjaġġ perikoluż lejn l-Ewropa billi jiġu megħjuna eqreb lejn darhom. Iffukat ukoll fuq kooperazzjoni msaħħa għall-ġestjoni tal-migrazzjoni ma’ pajjiżi terzi ta’ oriġini u ta’ tranżitu bħala parti essenzjali tas-sħubija bilaterali tagħhom mal-UE u l-Istati Membri tagħha.
L-isforzi diplomatiċi sabiex tissolva l-kriżi tas-Sirja u tal-Libja u sabiex tiġi miġġielda t-theddida ta' Daesh jiffukaw fuq il-kawżi ewlenin li joħolqu l-flussi, u għandhom l-għan li joħolqu ambjent stabbli għal liema r-refuġjati jkunu jistgħu jirritornaw. Dan l-isforz għandu jkun wieħed globali. Fil-każ tal-Libja, l-UE kienet involuta biex tipprovdi appoġġ politiku, finanzjarju u loġistiku lill-isforzi tan-Nazzjonijiet Uniti sabiex tintemm il-kriżi politika u ta’ sigurtà. Sar progress sinifikanti f’dawn l-aħħar xhur, bl-iffirmar tal-Ftehim Politiku Libjan f’Diċembru. Madankollu, il-progress huwa fraġli u dawn l-azzjonijiet jeħtieġ li jiġu kkonsolidati malajr, bi Gvern b'Kunsens Nazzjonali li jkollu biżżejjed setgħa sabiex ikun jista' jindirizza t-theddid u l-isfidi ffaċċjati mill-Libja. Il-Ftehim iffirmat f’Diċembru għandu bżonn ikun segwit bi Gvern b'Kunsens Nazzjonali li jkun jista' jindirizza t-theddid u l-isfidi li ffaċċjati mill-pajjiż: l-UE għandha pakkett ta’ għajnuna ta’ EUR 100 miljun lest biex jgħin lill-gvern futur. Rigward is-Sirja, l-UE apparti milli hija l-akbar donatur ta’ għajnuna umanitarja u għall-iżvilupp, kellha u għad għandha rwol ewlieni fl-istabbiliment u fil-ħidma tal-Grupp ta’ Appoġġ Internazzjonali għas-Sirja, inklużi l-isforzi li wasslu għall-adozzjoni unanima tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li stabilixxiet pjan direzzjonali għal taħdidiet intra-Sirjani u għal proċess politiku. Hekk kif il-ġlied fit-Tramuntana tas-Sirja intensifika, l-isforzi diplomatiċi għandhom jirduppjaw.
L-UE wieġbet għall-impatt devastanti tal-kriżi Sirjana b’diversi modi. F'termini ta’ għajnuna umanitarja għas-Sirja u għall-pajjiżi ospitanti fil-viċinat, il-kontribuzzjoni mill-baġit tal-UE qabżet l-EUR 400 miljun fl-2015 – parti mill-impenn globali tal-UE ta’ aktar minn EUR 5 biljun f’għajnuna umanitarja, għall-iżvilupp u l-istabbilizzazzjoni. Dan kien jinkludi appoġġ dirett lis-Sirjani li għadhom fis-Sirja, kif ukoll lill-pajjiżi li jkunu qed jittrattaw ma' l-akbar sehem per capita ta’ refuġjati Sirjani. Aktar minn EUR 160 miljun ġew allokati għal operazzjonijiet ta' salvataġġ fi Sirja nnifisha, f'settur bħal tas-saħħa, tal-protezzjoni, tal-ilma, tas-sanità, tal-ikel u tal-kenn: EUR 97 miljun għar-refuġjati fil-Lebanon, EUR 58 miljun għall-Ġordan u EUR 35 miljun għat-Turkija. Il-Fond Fiduċjarju Reġjonali tal-UE b'rispons għall-kriżi Sirjana jipprovdi mezz verament flessibbli u effettiv biex jgħaqqad flimkien l-assistenza u l-għoti tagħha mill-UE u mill-Istati Membri tagħha. S’issa ġibed lejh mas-EUR 645 miljun f'kontribuzzjonijiet, għalkemm il-kontribuzzjonijiet nazzjonali għadhom ma laħqux il-mira li jaslu sal-kontribuzzjoni tal-baġit tal-UE
. Il-Fond jappoġġa 1,5 miljun refuġjat Sirjan kif ukoll lill-komunitajiet ospitanti mifnija fil-Libanu, fit-Turkija, fil-Ġordan u fl-Iraq permezz tal-għoti ta’ edukazzjoni bażika u tal-protezzjoni tat-tfal, aċċess aħjar għall-kura tas-saħħa, it-titjib tal-ilma u tal-infrastruttura tal-ilma mormi, kif ukoll jappoġġja l-opportunitajiet ekonomiċi u l-inklużjoni soċjali. Hekk kif imħabbar fil-konferenza ta' Londra "L-Appoġġ għas-Sirja u għar-Reġjun" tal-ġimgħa li għaddiet, il-kontribuzzjoni tal-UE għall-kriżi tas-Sirja fl-2016 se tilħaq l-EUR 1,115-il biljun. Il-Kummissjoni qed tieħu miżuri biex tiżgura li l-kontribuzzjoni tal-UE tibqa' fl-istess livell fl-2017. Waqt il-konferenza, il-Kummissjoni ħadet ukoll ir-rwol ta' mexxejja fir-rispons internazzjonali, u pproponiet l-iżvilupp ta' "ftehimiet" għall-Ġordan u għal-Libanu. Dawn huma pakketti komprensivi li jinkludu firxa ta’ miżuri politiċi fl-oqsma kollha tal-kompetenzi tal-Unjoni, b'mod partikolari l-preferenzi kummerċjali.
Is-Summit tal-Belt Valletta dwar il-migrazzjoni f'Novembru 2015 għaqqad flimkien Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern Ewropej u Afrikani sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni dwar il-migrazzjoni bejn il-pajjiżi tal-oriġini, ta' tranżitu u ta' destinazzjoni. Ġiet enfasizzata l-ħtieġa li jiżdiedu l-isforzi sabiex titwaqqaf il-migrazzjoni irregolari lejn l-Ewropa u biex il-migrazzjoni tiġi integrata mal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, u sar qbil li l-azzjonijiet konkreti għandhom jiġu implimentati sa tmiem l-2016. L-UE waqqfet Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza għall-Afrika li jindirizza l-istabbiltà u l-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni irregolari u tal-ispostament tal-persuni, kif ukoll il-kooperazzjoni fil-qasam tal-migrazzjoni ma' pajjiżi tal-oriġini u ta' tranżitu. Il-livelli ta’ finanzjament qed javviċinaw il-EUR 1,9 biljun, iżda għal darb’ oħra l-mira li l-finanzjamenti nazzjonali għandu jilħaq il-finanzjament tal-UE għadu 'l bogħod biex jintlaħaq, il-kontribuzzjonijiet nazzjonali jammontaw għal inqas minn EUR 81 miljun. Diġà ġie miftiehem l-ammont totali ta’ aktar minn EUR 350 miljun għall-proġetti, li jkopru oqsma li jinkludu l-ħolqien tal-impjiegi, il-ġestjoni aħjar tal-migrazzjoni u s-sigurtà msaħħa. Barra minn hekk, l-UE kompliet tappoġġja lir-refuġjati u lill-persuni spostati internament fil-Libja. F’livell diplomatiku, ir-Rappreżentant Għoli u l-Viċi President kif ukoll il-Kummissjoni bdew ukoll azzjoni sabiex il-migrazzjoni u s-sigurtà jiġu inklużi mal-prijoritajiet politiċi bilaterali għall-pajjiżi Afrikani.
Il-Pjan ta' Azzjoni Konġunt bejn l-UE u t-Turkija mexxa sew 'l quddiem il-kooperazzjoni favur is-Sirjani taħt protezzjoni temporanja fit-Turkija u l-ġesjoni tal-migrazzjoni, sabiex jindirizza l-kriżi maħluqa bis-sitwazzjoni fis-Sirja (ara t-taqsima dwar il-kooperazzjoni mat-Turkija hawn taħt). L-UE u l-Istati Membri tagħha se jżidu l-kooperazzjoni mat-Turkija u se jżidu b’mod sostanzjali l-impenn politiku u finanzjarju tagħhom. Kontribut ewlieni tal-UE, li jirrifletti l-ispirtu tal-qsim tar-responsabbiltà, huwa l-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija, imwaqqfa mill-Kummissjoni fl-24 ta' Novembru 2015, bil-finanzjament tagħha li sar qbil dwaru mill-Istati Membri fit-3 ta' Frar 2016. Din il-faċilità tlaqqa’ flimkien il-baġit tal-UE u r-riżorsi tal-Istati Membri sabiex tipprovdi minn issa pakkett ta’ assistenza komprensiv u kkoordinat sabiex tappoġġa żewġ miljun refuġjat Sirjan fit-Turkija. Dan se jammonta għal EUR 3 biljun fl-2016-17.
III
AZZJONIJIET PRIJORITARJI GĦALL-ĠIMGĦAT U X-XHUR LI ĠEJJIN
Il-pressjoni qawwija mill-flussi tar-refuġjati u tal-migranti ħolqot sfida enormi għall-UE fil-ġestjoni tal-migrazzjoni. Il-ġestjoni tal-fruntieri u l-proċeduri tal-asil f’punti tal-ewwel dħul ma setgħux ilaħħqu. Żviluppa fluss ta’ refuġjati u ta' migranti li biċ-ċar kien imur kontra r-regoli ewlenin tas-sistema ta’ asil tal-UE. Ir-refuġjati nfushom fittxew li jivvjaġġaw lejn id-destinazzjoni mixtieqa, filwaqt li r-regoli tal-UE jippreskrivu li dawn japplikaw għall-protezzjoni fl-ewwel pajjiż tal-UE li jaslu fih. Il-pajjiżi tul ir-rotta, aktar milli jwettqu r-responsabbiltajiet tagħhom fir-rigward tat-talbiet għall-asil, bdew iqisu lilhom infushom bħala pajjiżi ta’ tranżitu biss. Ir-riżultat kien deterjorament fl-applikazzjoni tar-regoli u pressjoni sproporzjonata u mhux sostenibbli fuq tliet Stati Membri prinċipali ta’ destinazzjoni. Dan għamilha wkoll diffiċli sabiex ir-rilokazzjoni terġa’ taqbad ir-ritmu. Ir-riattivazzjoni tal-ordni f’dawn iċ-ċirkostanzi teħtieġ azzjoni Ewropea kkoordinata malajr sabiex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet immedjati kif ukoll sabiex titnaqqas l-iskala tal-flussi migratorji nnifishom.
III.1
L-istabbilizzazzjoni tas-sitwazzjoni fl-Istati membri taħt l-aktar pressjoni
Hemm bżonn ċar ta’ azzjoni sabiex tiġi indirizzata l-pressjoni enormi li jiffaċċjaw l-Istati Membri li jirċievu l-parti l-kbira tal-ewwel wasliet ta’ refuġjati u ta' migranti fl-UE – azzjoni li teħtieġ l-appoġġ tal-Istati Membri kollha, b’attenzjoni partikolari fuq il-Greċja u l-Italja.
L-approċċ għall-hotspots jippermetti li l-postijiet li qegħdin taħt l-iktar pressjoni estrema jingħataw attenzjoni. Il-hotspots jipprovdu element ta’ ordni u ta' proċedura f’sitwazzjoni ta’ volumi ta’ wasliet bla preċedent. Iżda wara sitt xhur mit-tnedija tagħhom f’Settembru li għadda, il-progress kien ħafna aktar kajman mill-livell li l-isfida li teħtieġ. Illum hemm biss tliet hotspots li huma kompletament operattivi. Issa huwa essenzjali li l-hotspots isiru kompletament operattivi. Kollha kemm huma jeħtieġ li jitlestew b’urġenza, għax inkella hemm riskju kbir li l-pressjoni tmur sempliċiment fuq l-aktar punt dgħajjef. Il-ġranet li ġejjin iridu jintużaw sabiex jitħaffef il-proċess b’tali mod li l-hotspots ikunu tlestew u funzjonanti minnufih. Dan ifisser li jiġu indirizzati, bl-appoġġ tal-UE u tal-uffiċjali nazzjonali preżenti fuq il-post, in-nuqqasijiet fl-infrastruttura, fil-persunal, u fir-rabta ta' bejn il-hotspots u l-bqija tas-sistema tal-migrazzjoni. Ir-regoli dwar ir-reġistrazzjoni, l-identifikazzjoni, it-teħid tal-marki tas-swaba’ u l-approvazzjoni tas-sigurtà tal-persuni li jaslu jridu jiġu applikati b’mod effettiv u sistematiku. Huwa ta’ importanza kruċjali li l-Istati Membri jipprovdu l-kompetenza bħala rispons għas-sejħiet tal-Frontex u tal-EASO għall-esperti.
Fil-każ tal-Greċja, dan jeħtieġ li x-xogħol jitħaffef u li n-nuqqasijiet jiġu indirizzati b’determinazzjoni ġdida. It-tnedija tal-hotspots kienet kajmana, bil-ħtieġa li jinbnew hotspots mix-xejn u b’nuqqasijiet fl-infrastruttura, fil-persunal u fil-koordinazzjoni. Bħalissa lok wieħed b'hotspot biss jista’ jitqies li huwa kompletament operattiv, iżda hemm oħrajn li waslu biex jintemmu
. Wara djalogu intens mal-Kummissjoni, il-gvern Grieg reċentement ikkommetta ruħha li juża l-forzi armati sabiex jgħinu biex il-hotspots isiru kompletament operattivi sal-Kunsill Ewropew ta’ Frar. Dan jinvolvi t-tlestija tal-bini, il-provvediment tas-servizzi prinċipali, u l-ingaġġ tal-persunal neċessarju. Il-kapaċitajiet ta’ akkoljenza għandhom jiżdiedu u jappoġġaw kemm il-ħtiġijiet umanitarji kif ukoll il-ġestjoni aħjar tal-flussi ta’ dħul – bil-finanzjament tal-UE diġà fis-seħħ dan se jgħin sabiex tintlaħaq malajr il-mira ta' 50,000 li ġiet miftiehma waqt il-Laqgħa tal-Mexxejja tal-Balkani tal-Punent. Il-proċeduri standardizzati għal kull stadju tal-proċess għandhom jiġu applikati u l-użu sħiħ tal-magni għat-teħid tal-marki tas-swaba’ tal-Eurodac għandu jkun lest. Ma għandux ikun hemm ukoll l-ebda waqfien fl-appoġġ tal-UE: l-aġenziji għandhom ikunu preżenti fuq il-gżejjer kollha.
Fl-Italja, il-wasliet naqsu minħabba x-xitwa, iżda hemm bżonn li jsiru l-preparazzjonijiet qabel ma x'aktarx ikun hemm żieda f'daqqa, meta l-kundizzjonijiet tat-temp jitjiebu
. Żewġ hotspots
biss huma kompletament operattivi. Ir-rinnovament u l-ftuħ ta’ żewġ hotspots oħra issa jinsabu fit-triq it-tajba. Il-progress kajman fuq l-aħħar żewġ hotspots huwa marbut mal-użu attwali ta’ sit minnhom bħala ċentru ta’ rilokazzjoni, u ma' problemi amministrattivi mal-awtoritajiet tal-port rigward is-sit l-ieħor – jekk ikun hemm bżonn, għandhom jiġu kkunsidrati postijiet alternattivi jekk dan hu l-uniku mod kif jista' jkun hemm biżżejjed kapaċità fil-ġimgħat li ġejjin. Hemm wkoll bżonn ta’ passi ulterjuri sabiex jimtlew il-lakuni u titjieb l-effiċjenza, bħal appoġġ mediku aħjar, aktar koordinazzjoni fl-iżbark tal-migranti salvati fuq il-baħar, u konnettività sħiħa tal-bażijiet tad-dejta għall-kontrolli ta’ sigurtà. Il-Kummissjoni lesta li torganizza skwadra mobbli innovattiva għall-hotspots (b’aġenti mill-Frontex u mill-EASO) fil-Lvant ta’ Sqallija sabiex jgħinu fl-identifikazzjoni, fit-teħid tal-marki tas-swaba’ u fl-għoti tal-informazzjoni lil migranti li ma jistgħux jiġu żbarkati fil-portijiet tal-Hotspots magħżula, sabiex jimtela n-nuqqas fit-teħid tal-marki tas-swaba’ u fir-reġistrazzjoni tal-migranti lil hinn mill-hotspots. Hija importanti konnessjoni kontinentali sabiex jiġi żgurat li l-migranti kklassifikati għar-ritorn jew għal aktar proċeduri tal-asil jibqgħu fis-sistema.
Komponent essenzjali tal-hotspots kemm għall-Italja kif ukoll għall-Greċja jridu jkunu l-miżuri ta’ sigurtà msaħħin. Ġew identifikati problemi fil-koerenza tad-dokumentazzjoni maħruġa, li tidher agħar fil-punti ta’ pressjoni bħal ma huwa t-trasferiment minn hotspots għat-territorju kontinentali. Fil-Greċja, l-introduzzjoni ta’ karatteristiċi ta’ sigurtà fuq id-dokument maħruġ mar-reġistrazzjoni hija essenzjali sabiex jiġi evitat li dawn id-dokumenti jitparttu jew jiġu ffalsifikati. Il-kontrolli mal-Interpol, mas-sigurtà Ewropea u ma' bażijiet tad-dejta għall-verifika ta’ dokumenti, b’mod partikolari mas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen, iridu jsiru sistematiċi, bl-uffiċjali stazzjonati tal-Frontex ikollhom aċċess għall-bażijiet tad-dejta Ewropej. Kontrolli sistematiċi ma' bażijiet tad-dejta tas-sigurtà mhumiex biss meħtieġa skont il-liġi tal-UE iżda huma saħansitra iktar essenzjali quddiem it-theddida terroristika daqshekk reali. Kemm il-Greċja kif ukoll l-Italja ffaċċjaw il-problema ta’ migranti li rrifjutaw li jitteħdulhom il-marki tas-swaba’. Il-leġiżlazzjoni nazzjonali trid tiġi emendata bħala kwistjoni ta’ prijorità u għandhom jittieħdu l-passi operattivi kollha sabiex jiġi żgurat li l-migranti kollha jitteħdulhom il-marki tas-swaba’ – anke permezz tal-użu proporzjonat tal-forza bħala l-aħħar rimedju – u kull moviment sekondarju ta’ migranti li ma jkunux ġew identifikati u rreġistrati għandu jiġi evitat. Sar progress mill-Kunsill Ewropew ta’ Marzu, iżda dan għandu jitħaffef sabiex jiġi żgurat li kull dħul ikun identifikat u rreġistrat u kopert 100 %. Fl-istess ħin, iridu jiġu żgurati investigazzjonijiet b'aktar qawwa u proċedimenti legali kontra kriminali li jużaw dokumenti tal-ivvjaġġar u tal-identità ffalsifikati bl-iskop li jiffaċilitaw id-dħul klandestin tal-migranti.
Ċentrali għall-approċċ marbut mal-hotspots huwa l-fatt li tajjeb li jiġi identifikat min hu u min ma huwiex fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali permezz ta’ proċess ta’ identifikazzjoni u ta' għażla tal-applikazzjonijiet. L-UE u l-aġenziji tagħha għandhom ikunu lesti biex jipprovdu l-assistenza kollha sabiex jiġi implimentat dan il-proċess. F’dan ir-rigward, ir-rabtiet ma’ sistema ta’ ritorn huma ta’ importanza partikolari. Fl-1 ta’ Frar, il-Frontex nediet programm ġdid ta’ appoġġ għar-ritorn, iffukat b’mod partikolari fuq il-Greċja, l-Italja u l-Bulgarija – li jipprevedi appoġġ wiesa’ u flessibbli. Fil-passat il-Greċja kellha kemxejn suċċess f’dan il-qasam: reċentement, diġà fl-2013, ħidmietha kienet qed taqbeż il-medja tal-UE, b'rata ta' ritorn ta' 59 %. Issa hemm bżonn ta’ sforz partikolari sabiex jitħaffu l-proċeduri. Il-Greċja jeħtieġ li toħroġ deċiżjonijiet ta’ ritorn malajr lill-migranti irregolari li jidħlu fit-territorju tagħha, jekk ma japplikawx jew jinstab li ma jikkwalifikawx għall-asil. Għandha tuża proċeduri rapidi fejn possibbli għar-ritorn tal-migranti u għandha tiżgura li kollha jibqgħu taħt il-kontroll tal-awtoritajiet matul il-proċedura. Dan jeħtieġ ukoll azzjoni sabiex il-migranti irregolari jitwaqqfu milli jaħarbu qabel ma jiġu rritornati – anke permezz ta’ detenzjoni.
L-Italja ffaċċjat ukoll problemi sabiex tiżgura r-ritorn b'mod effikaċi. Għamlet progress fuq programm ta’ għajnuna għar-ritorn volontarju, li għandu jibda jaħdem malajr, qed taħdem fuq ir-riammissjoni u b’suċċess qed tapplika proċeduri rapidi għall-ħruġ ta’ deċiżjonijiet għar-ritorn u għar-riammissjoni ta' migranti irregolari f'ċerti pajjiżi Afrikani. Madankollu, hemm problema persistenti mal-migranti irregolari li jaħarbu qabel mal-proċeduri jiġu konklużi. Kapaċità limitata ta’ detenzjoni u limitu massimu ta’ 90 jum għad-detenzjoni amministrattiva għal skopijiet ta’ ritorn, it-tnejn jeħtieġ li jiġu indirizzati b’mod urġenti. L-UE u l-aġenziji tagħha se jkomplu jassistu lill-awtoritajiet Taljani dwar dawn il-kwistjonijiet.
Ir-riattivazzjoni tat-trasferimenti ta’ Dublin għall-Greċja
Sabiex is-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil taħdem, irid ikun hemm opportunità reali sabiex il-persuni li jfittxu asil jiġu rritornati fil-pajjiż li minnu jkunu daħlu l-ewwel fl-UE ("it-trasferimenti ta' Dublin"), kif previst skont ir-regoli tal-UE li dwarhom hemm qbil komuni. F’Ottubru, il-Kummissjoni fakkret li sa mill-2010 u l-2011, l-Istati Membri ma setgħux iwettqu t-trasferimenti ta’ Dublin lejn il-Greċja. Nuqqasijiet sistemiċi li tqajmu mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja kienu jinkludu l-aċċess sħiħ għas-sistema tal-asil u l-provvediment u l-kwalità ta’ kapaċità ta’ akkoljenza. Ir-responsabbiltà sabiex jiġi deċiż li t-trasferimenti jerġgħu jibdew taqa’ f’idejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri taħt il-kontroll tal-qrati tagħhom u tal-Qorti tal-Ġustizzja. Filwaqt li sar progress, baqa' nuqqasijiet fl-oqsma tal-kapaċità ta’ akkoljenza u tal-kundizzjonijiet tagħha, fl-aċċess għall-proċedura tal-asil, fl-appelli u fl-għajnuna legali. Għaldaqstant, illum il-Kummissjoni qed tadotta rakkomandazzjoni li telenka l-passi konkreti meħtieġa sabiex il-Greċja titreġġa’ lura fis-sistema ta’ Dublin. Ir-rappurtar mill-Greċja dwar il-progress tagħha fl-implimentazzjoni tal-azzjonijiet rakkomandati, kif ukoll kontributi oħra bħal rapporti mill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-qtugħ ta’ sentenzi u mill-UNCHR, se jippermettu b'mod ċar li jiġi vvalutat jekk il-kundizzjonijiet humiex tali li jippermettu li l-Istati Membri jerġgħu jibdew bit-trasferimenti individwali lejn il-Greċja skont ir-Regolament ta’ Dublin, filwaqt li jitqies li l-volum tat-trasferimenti u l-kategoriji ta’ persuni li jridu jiġu ttrasferiti għandhom jikkorrispondu mal-progress speċifiku li jkun sar.
|
Il-passi essenzjali li jmiss
Bis-sostenn sħiħ tal-UE, il-Greċja u l-Italja jrid ikollhom hotspots kompletament operattivi fil-postijiet kollha, u dan kemm jista’ jkun malajr;
Stati Membri oħra jridu urġentement jissodisfaw il-bżonn li għad fadal għal esperti tal-Frontex u tal-EASO;
Il-Greċja u l-Italja jridu jintensifikaw l-isforzi tagħhom sabiex jerġa' jkun hemm ir-ritorni effettivi u sabiex il-migranti irregolari jitwaqqfu mill-jaħarbu qabel ma' jirritornaw;
Il-Greċja għandha tieħu l-passi stipulati fir-Rakkomandazjoni tal-Kummissjoni tal-lum sabiex jerġgħu jibdew it-trasferimenti ta' Dublin skont il-każ li jkun, abbażi tal-progress li jsir.
|
III.2
L-implimentazzjoni tar-rilokazzjoni
Iż-żewġ deċiżjonijiet ta’ rilokazzjoni legalment vinkolanti adottati mill-Kunsill huma l-għarfien li hemm bżonn li l-Greċja u l-Italja jingħataw għajnuna urġenti f’sitwazzjoni ta’ emerġenza. Ir-rilokazzjoni hija għodda essenzjali sabiex jitnaqqas il-piż fuq l-Istati Membri taħt l-akbar pressjoni u biex jerġa’ jkun hemm ordni fil-ġestjoni tal-migrazzjoni. Iżda din teħtieġ kooperazzjoni effikaċi bejn il-pajjiżi ta’ rilokazzjoni, u l-Istati Membri riċeventi. L-ewwel nett, l-impenn tal-Greċja u tal-Italja li jirreġistraw u jiskrinjaw b'mod ordnat u bir-reqqa huwa kjarament vitali. Iż-żewġ Stati Membri qed iniedu sistemi sabiex jidentifikaw, jirreferu, jirreġistraw u jittrasferixxu l-kandidati għar-rilokazzjoni, kif ukoll biex iwettqu skrinjar mediku u ta’ sigurtà qabel it-tluq.
Il-persuni li jfittxu asil għandhom jifhmu li r-rilokazzjoni tipprovdi aktar ċertezza milli jekk jaħarbu mis-sistema tal-asil lokali, u li dawn se jitwaqqfu milli jivvjaġġaw b’mod irregolari lejn l-Istat Membru ta' għażla taħhom. Fil-każ tal-Greċja, jeħtieġ kontroll aħjar (bl-appoġġ u bl-assistenza tal-UE) tal-fruntiera ta' bejn il-Greċja u l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, sabiex jiġi żgurat, b’mod partikolari, li persuna li tkun daħlet irregolarment fit-territorju tal-UE tkun ġiet irreġistrata; u sabiex jiġu identifikati u jintbagħtu lura malajr u b’mod effettiv dawk li ma għandhom l-ebda dritt li jkunu fl-Unjoni Ewropea. Huwa kruċjali wkoll li l-movimenti sekondarji lejn Stati Membri oħra jiġu sanzjonati, u l-individwi jintbagħtu lura lejn l-Istat Membru ta’ rilokazzjoni.
Iżda r-rieda politika tal-Istati Membri tibqa' l-aktar fattur importanti sabiex ir-rilokazzjoni taħdem. Filwaqt li l-għadd ta’ kandidati eliġibbli identifikati qed jikber, l-Istati Membri sa issa fformalizzaw biss ftit aktar minn 2,000 offerta ta’ post, u tnax-il Stat Membru biss irċevew nies rilokati. Mit-8 ta’ Frar, 218-il persuna biss ġew rilokati mill-Greċja, u 279 mill-Italja. Ħames Stati Membri għadhom ma għamlu l-ebda post disponibbli għal rilokazzjoni. Ir-rata baxxa ta’ rilokazzjoni ġiet attribwita għal fatturi li jinkludu n-nuqqas ta’ punti ta’ kuntatt apposta (biex isiru kontrolli tas-saħħa u verifiki ta’ sigurtà li huma l-uniċi raġunijiet li dwarhom Stat Membru ta’ rilokazzjoni jista’ jirrifjuta li jaċċetta kandidat għal rilokazzjoni), kif ukoll minħabba n-nuqqas ta’ kapaċità ta’ akkoljenza għal dawk li jaslu fl-Istat Membru destinatarju. Għandhom jitwaqqfu d-dewmien u l-preferenzi projbittivi fl-indikazzjoni u fir-reġistrazzjoni ta’ postijiet disponibbli mill-Istati Membri ta’ rilokazzjoni.
Din hija r-raġuni għaliex illum il-Kummissjoni kitbet lill-Istati Membri kollha biex tfakkarhom dwar l-obbligi tagħhom taħt iż-żewġ deċiżjonijiet u biex tappella ħalli jitħaffef il-pass ta’ implimentazzjoni fid-dawl tal-obbjetiv ċar li tingħata assistenza urġenti. Hekk kif qed jiġu ssikkati l-kontrolli fuq il-fruntiera tul ir-rotta tal-Balkani tal-Punent, il-pressjoni li dawn id-deċiżjonijiet kienu maħsuba biex itaffu x’aktarx li se tiżdied, biex b’hekk is-solidarjetà saret bżonn aktar urġenti.
|
Il-passi essenzjali li jmiss:
L-Istati Membri għandhom iwettqu l-impenji tagħhom billi jimplimentaw b'ħeffa d-deċiżjonijiet ta' rilokazzjoni.
L-Istati Membri u l-aġenziji tal-UE (il-Frontex u l-EASO) għandhom jassistu lill-Greċja biex tikkontrolla aħjar il-fruntiera ta' bejn il-Greċja u l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja sabiex b'mod partikolari jiġi żgurat li persuna li tkun daħlet b'mod irregolari fit-terriorju tal-UE tkun ġiet irreġistrata; u sabiex jiġu identifikati u jintbagħtu lura malajr u b’mod effettiv dawk li ma għandhom l-ebda dritt li jkunu fl-Unjoni Ewropea.
|
III.3
Fruntieri b'saħħithom
Il-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-UE ġġib magħha r-responsabbiltà. Meta persuna taqsam il-fruntiera irregolarment, għandha tingħata l-opportunità li tapplika għall-protezzjoni internazzjonali: jekk tapplika, l-Istat Membru tal-ewwel dħul irid jagħti aċċess għall-proċeduri nazzjonali tal-asil, kif mitlub mil-liġi internazzjonali u dik Ewropea. Jekk ma tapplikax għall-asil, l-Istat Membru tal-ewwel dħul jista' u għandu jirrifjuta d-dħul. Din ir-responsabbiltà tal-kontroll fuq il-fruntiera tirrifletti wkoll l-obbligi tal-migranti fil-fruntiera – abbażi ta’ "l-ebda reġistrazzjoni, l-ebda dritt". Ċittadin ta’ pajjiż terz irid jissodisfa l-kundizzjonijiet għad-dħul stabbiliti fil-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, inkluż li jkun fil-pussess ta' dokument validu tal-ivvjaġġar
. L-Istati Membri jridu jieħdu miżuri adegwati sabiex jiżguraw li dawk li jingħataw aċċess għat-territorju tagħhom, għax kienu qed ifittxu asil, ma jistgħux jaħarbu qabel ma ssir valutazzjoni u ma tittieħed deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għall-asil. Għandu jkun ċar li mhix raġuni aċċetabbli li għax persuna tixtieq it-tranżitu minn Stat Membru sabiex tapplika għall-asil fi Stat Membru ieħor titħalla tidħol. Id-dritt li wieħed ikollu aċċess għal proċedura ġusta ta' asil – li hi rikonoxxuta taħt il-liġi internazzjonali tar-refuġjati u osservata mill-Istati Membri tal-UE kif ukoll mill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent – ma jistax jintuża bħala skuża sabiex jintgħażel il-pajjiż li fih il-persuna li tfittex l-asil se tippreżenta talba għall-asil.
Madankollu, din hija waħda mit-tendenzi li kkaratterizzat l-kontrolli tal-fruntieri fuq ir-rotta tal-Balkani tal-Punent f’dawn l-aħħar xhur. Taħt pressjoni migratorja qawwija, bosta pajjiżi, inklużi Stati Membri, raw lilhom infushom bħala pajjiżi ta’ tranżitu biss, u waqqfu kapaċità ta’ akkoljenza għal żmien qasir u fuq skala żgħira, u f’xi każijiet ittrasportaw lill-migranti minn fruntiera għall-oħra. Il-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi tar-rotta tal-Balkani tal-Punent għadha mhix biżżejjed. Kien hemm okkażżjonijiet regolari ta' deċiżjonijiet li ttieħdu b'mod unilaterali f'pajjiż wieħed, li kellhom katina ta' reazzjonijiet fuq il-fruntieri ta' kull pajjiżi aktar 'il fuq fir-rotta. Ir-riżultat huwa politika de facto ta’ rifjut għal dħul skont in-nazzjonalità jew il-pajjiż li hemm l-intenzjoni li fih tiġi rreġistrata t-talba għall-asil. Politiki bħal dawn mhumiex soluzzjoni strutturali għall-isfida li qed tiffaċċja l-Unjoni Ewropea. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni insistiet dwar l-importanza tar-reġistrazzjoni tal-migranti, tar-reżiljenza fuq il-fruntieri, u dwar iż-żieda fil-kapaċità ta' akkoljenza.
L-ewwel pass lejn in-normalizzazzjoni tas-sitwazzjoni huwa li tiġi aċċettata l-ħtieġa li huwa meħtieġ li dawn il-miżuri jiġu kkordinati, sabiex jiġu evitati t-tfarfir tar-responsabbiltà, it-tensjonijiet bejn pajjiżi ġirien u biex ma jitħalliex għadd kbir ta’ migranti mitluqin tul ir-rotta. Dan għandu jinvolvi t-twissija bikrija kif ukoll it-trasparenza. Iżda t-tieni pass issa jrid ikun li terġa' tinġieb l-ordni fis-sistema, bid-dħul biss għal dawk li japplikaw għall-asil permezz tas-sistema nazzjonali tal-asil tal-Istat Membru responsabbli skont ir-regoli ta’ Dublin. L-għarfien li refuġjati u migranti jkunu diġà għaddew minn Stat Membru ovvjament fixkel r-rieda tal-Istati Membri sabiex iwettqu dawn ir-responsabbiltajiet: iżda l-objettiv irid ikun li din in-norma terġa' tiġi kif kienet.
L-aħħar tendenza tul il-pajjiżi fir-rotta tal-Balkani tal-Punent, hija madanakollu ċara: issikkar gradwali tal-kontrolli fuq il-fruntieri, li jistgħu jwasslu għall-għeluq tagħhom jekk il-fluss tal-migranti ma jonqosx. Għaldaqstant huwa meħtieġ li l-impenji li ttieħdu fil-Laqgħa tal-Mexxejja tal-Balkani tal-Punent jitwettqu malajr u li jiġi żgurat li d-deċiżjonijiet li jittieħdu fil-pajjiżi jkunu kompletament ikkoordinati u, fejn rilevanti, fil-qafas tal-liġi tal-Unjoni.
F’dan il-kuntest, il-Greċja hija mistennija, b'sostenn miżjud mill-FRONTEX, li teżerċita kontroll sħiħ fuq il-fruntieri tagħha mal-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja. Wara talba mill-Greċja kien hemm bidu, permezz ta’ intervent limitat mill-Frontex. Dan l-intervent issa għandu jiġi intensifikat u użat sal-potenzjal massimu tiegħu b’mod partikolari billi tiżdied il-firxa ta’ kompiti li jistgħu jitwettqu minn uffiċjali ssekondati. Filwaqt li mhuwiex possibbli li tintuża operazzjoni konġunta tal-Frontex direttament fuq it-territorju tal-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, bħalissa qed jitħejjew modi alternattivi ta' għajnuna. Kull azzjoni komplimentari li tittieħed fuq in-naħa ta' fuq ta' din il-fruntiera għandha titwettaq skont il-qafas tal-UE.
Il-ħila tal-Unjoni li żżomm fis-seħħ żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni hija dipendenti fuq l-eżistenza ta’ fruntieri esterni sikuri. Is-sistema ta’ Schengen fiha ammont kbir ta’ flessibbiltà li tippermetti lill-Istati Membri biex jirreaġixxu għaċ-ċirkustanzi li qed jevolvu. Ir-regoli jipprevedu rispons għal sitwazzjonijiet speċifiċi bir-riintroduzzjoni temporanja ta’ kontrolli fuq il-fruntieri fil-fruntieri interni kollha ta' Stat Membru jew f'partijiet speċifiċi, minħabba xi theddida serja għas-sigurtà interna jew għall-ordni pubbliku. Iż-żieda kontinwa fl-għadd ta’ migranti u refuġjati li qed jaslu wasslet biex l-Istati Membri jieħdu miżuri eċċezzjonali tal-aħħar, bħal bini ta’ reċinti u r-riintroduzzjoni temporanja tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni
. Il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jistipula limiti ta’ żmien għar-riintroduzzjoni tal-kontrolli fuq il-fruntiera, f'konformità man-natura eċċezzjonali tagħhom, u l-estensjoni hija possibbli biss taħt kundizzjonijiet strettament definiti. Għandhom jitneħħew wara t-total ta’ tmien xhur, dment li l-Kunsill ma jirrakkomandax li l-kontrolli fuq il-fruntieri jiġu estiż għal aktar minn hekk minħabba li nuqqasijiet serji relatati mal-kontrolli fuq il-fruntieri esterni, identifikati permezz ta’ rapport ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen, għadhom hemm u ma ġewx solvuti, u meta l-funzjonament ġenerali taż-żona ta' Schengen ikun tqiegħed f’riskju u hemm theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna.
Bħala parti mill-evalwazzjoni ta’ rutina tal-ġestjoni tal-fruntieri esterni, saret żjara ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen mhux mistennija, fil-fruntieri esterni tal-Greċja f’Novembru 2015. Żewġ timijiet magħmula minn esperti tal-Istati Membri u tal-Kummissjon evalwaw il-fruntieri tal-baħar Griegi (żewġ gżejjer fil-Baħar Eġew) u l-fruntiera fuq l-art mat-Turkija. Wara li l-awtoritajiet Griegi ngħataw l-opportunità li jikkummentaw dwar il-fatti tar-rapport, l-Istati Membri fil-Kumitat ta’ Evalwazzjoni ta’ Schengen kellhom opinjoni pożittiva dwar ir-rapport. Fit-2 ta’ Frar, il-Kummissjoni kkonkludiet li n-nuqqasijiet identifikati jikkostitwixxu nuqqasijiet serji. Il-Kunsill issa qed iqis rakkomandazzjonijiet bħala rimedju għal dawn in-nuqqasijiet serji. Il-Kummissjoni tinsab lesta li tieħu l-miżuri ta’ implimentazzjoni xierqa ladarba l-Kunsill ikun iddeċieda dwar dan.
L-ispejjeż għat-twaqqif mill-ġdid tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni
L-istabbilizzazzjoni tas-sistema ta’ Schengen permezz tal-użu tal-mekkaniżmi ta’ salvagwardja tagħha hija essenzjali sabiex jiġi żgurat li eventwalment jitneħħew il-kontrolli fuq il-fruntieri interni kollha. Jekk dan ma jseħħx, mhux biss jiċċaħħdu n-nies mill-benefiċċji enormi tal-moviment ħieles bejn il-fruntieri, iżda hemm ir-riskju li ċ-ċittadini u n-negozji jiffaċċjaw spejjeż ekonomiċi kbar, u dan jhedded lis-Suq Uniku. Jekk il-kontrolli fuq il-fruntieri jiġu riintrodotti b'mod aktar sistematiku u b'saħħtu, l-ispejjeż diretti b’mod partikolari għall-ħaddiema transkonfinali, għat-trasportaturi tal-merkanzija bit-triq u għall-amministrazzjoni pubblika jistgħu jkunu verament sinifikanti. L-iskambju ħieles ta’ oġġetti fi ħdan l-UE bħalissa jammonta għal aktar minn EUR 2,800 biljun bħala valur u għal 1,700 miljun tunnellata bħala volum. L-istimi jissuġġerixxu li r-riintroduzzjoni tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni fuq bażi sistematika u fit-tul tista’ tiswa bejn EUR 5 biljun u sa EUR 18-il biljun fi spejjeż diretti kumplessivi waħidhom. L-impatt imur ferm lil hinn mis-settur tat-trasport, u jaffettwa l-volum u l-ispejjeż għall-kummerċ tal-merkanzija kif ukoll l-effiċjenza tas-settur tal-loġistika Ewropew, b’x'aktarx żieda fil-prezzijiet. Dan iġib ukoll restrizzjonijiet ġodda fuq is-suq tax-xogħol – 1 % taċ-ċittadini impjegati li jgħixu fil-pajjiżi Schengen jaħdmu fuq in-naħa l-oħra tal-fruntiera, u jkunu affettwati mill-kontrolli li jerġgħu jiddaħħlu.
Jekk il-kontrolli tal-fruntiera huma assoċjati mal-frammentazzjoni tal-politika komuni dwar il-viżi tal-UE, simulazzjonijiet juru impatt potenzjali kbir għall-industrija tat-turiżmu (bejn EUR 10 u EUR 20 biljun, jew 0,07 %-0,14 % tal-PDG tal-UE). Jekk jinbeda proċess li jpoġġi f'riskju l-profondità tal-integrazzjoni ekonomika, inkluż il-funzjonament xieraq tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, l-ispejjeż indiretti fuq terminu medju jistgħu jkunu bil-wisq ogħla mill-istimi diretti, peress li l-impatt fuq il-kummerċ intrakomunitarju, l-investiment u l-mobilità jkunu bla preċedent.
Soluzzjoni sostenibbli għall-fruntiera esterna
F’Diċembru 2015, il-Kummissjoni adottat pakkett dwar il-fruntieri, imfassal sabiex jgħin fil-ġestjoni tal-migrazzjoni b’mod aħjar u biex jindirizza t-theddida għas-sigurtà fl-UE, filwaqt li jiġi ssalvagwardjat il-prinċipju tal-moviment ħieles fiż-żona Schengen. Fil-qalba ta’ dan il-pakkett hemm il-proposta tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Diċembru 2015 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta. Il-proposta hija li tiġi stabbilita sistema komuni li żżid b’mod sostanzjali l-effettività tal-kontrolli fil-fruntieri esterni, tidentifika n-nuqqasijiet ferm aktar malajr, u tiddefkinixxi miżuri ċari u operattivi sabiex tindirizzahom
. Kemm jista’ jkun malajr, il-Frontex għandha tinbidel f'Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta b’kompiti u r-responsabbiltajiet ġodda, u bir-riżorsi proprji, li jippermettulha tintervjeni b’mod operattiv fil-fruntieri esterni meta tkun meħtieġa azzjoni urġenti. Apparti l-irduppjar tal-persunal tal-Frontex ta' bħalissa, l-Aġenzija tkun tista’ tirrikorri għal grupp ta’ riżerva ta’ mill-inqas 1,500 espert nazzjonali li jkunu jistgħu jintbagħtu fi żmien tlett ijiem. Dan jirrimedja l-problema attwali ffaċċjata mill-Frontex meta s-sejħa għall-aġenti tal-fruntiera nazzjonali ma tintlaħaqx mill-Istati Membri. Il-proposta twieġeb għal ħtieġa urġenti u l-fruntieri tal-UE se jkomplu jkunu vulnerabbli qabel ma din tkun fis-seħħ. Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru 2015 stiednu lill-Kunsill biex sa Ġunju jieħu l-pożizzjoni tiegħu. Il-Kummissjoni tappoġġja t-talbiet ta’ dawk il-mexxejja li jridu jħaffu t-twaqqif ta’ Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta ġdida u li jridu jħaddmuha matul is-sajf.
Il-Kummissjoni għamlet ukoll proposta għal emenda mmirata għall-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen sabiex jitwettqu kontrolli sistematiċi obbligatorji fuq ċittadini tal-UE fil-fruntieri esterni abbażi ta' bażijiet tad-dejta rilevanti. Dawn ikunu kontribut importanti għas-sigurtà, speċifikament fil-kuntest tal-ġellieda terroristi barranin. Kontrolli sistematiċi fuq ċittadini ta’ pajjiżi terzi abbażi ta' bażijiet tad-dejta rilevanti se jibqgħu obbligatorji mad-dħul u l-ħruġ.
|
Il-passi essenzjali li jmiss:
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jaqblu, mhux iktar tard minn Ġunju, jekk mhux qabel, dwar it-twaqqif ta’ Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, sabiex tkun tista' ssir operattiva matul is-sajf;
Il-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent ma għandhomx jibqgħu fit-twissijiet bikrija dwar bidliet fir-regoli u l-proċeduri tal-fruntieri, u jmorru lura għall-applikazzjoni sħiħa tal-liġi tal-UE u internazzjonali.
Il-Greċja għandha tindirizza malajr in-nuqqasijiet serji identifikati permezz tal-proċeduri ta’ salvagwardja ta’ Schengen, inkluż il-kontroll sħiħ tal-fruntiera tagħha mal-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja;
Kull assistenza kumplimentari għall-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja għandha tittieħdu skont il-qafas tal-UE.
|
III.4
Appoġġ għall-ħtiġijiet bażiċi tal-migranti u tar-refuġjati
L-urġenza umanitarja u d-drittijiet fundamentali huma prinċipji li jiggwidaw l-approċċ tal-UE fir-rigward tar-refuġjati u l-migranti. Dawn huma l-motivaturi ta' bosta azzjonijiet speċifiċi fis-seħħ: it-tiftix u salvataġġ fil-Mediterran u fil-Baħar Eġew, il-ħidma ma’ dawk li qed jiffaċċjaw influss enormi ta’ refuġjati sabiex itejbu kwistjonijiet bħall-kapaċità tal-akkoljenza, u miżuri sabiex l-Istati Membri jiġu assistiti biex jgħinu lil dawk fil-bżonn u biex jappoġġjaw l-integrazzjoni.
Hemm żewġ aspetti ewlenin li għandhom jiġu rrispettati dwar kif l-UE u l-Istati Membri tagħha jittrattaw lill-migranti u lir-refuġjati. L-ewwel jirigwarda l-aċċess għas-sistema tal-asil u l-opportunità li tintalab il-protezzjoni internazzjonali — din għandha tkun rapida, effettiva u toffri l-opportunità għal kull każ li għandu jiġi eżaminat fuq il-merti tiegħu, inklużi proċeduri ta’ appell xierqa. Id-dritt ta' non-refoulement irid jiġi dejjem protett. It-tieni jirrigwarda l-kundizzjonijiet li l-migranti u r-refuġjati kollha għandhom jingħataw. L-istandards bażiċi jridu jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u d-dinjità ta’ kulħadd.
L-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni tpoġġi enfasi partikolari fuq il-bżonn li jiġu protetti t-tfal u li jiġi segwit il-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Vjaġġaturi Minorenni mhux Akkumpanjati (2010-2014). Bħalissa qed isseħħ din il-ħidma, bl-użu ta' approċċ komprensiv għall-protezzjoni tat-tfal tul il-katina tal-migrazzjoni. L-għoti ta' prijorità għal dawk vulnerabbli u b’mod partikolari għall-vjaġġaturi minorenni mhux akkumpanjati qed jiġi integrat fil-proċess ta’ rilokazzjoni. Il-protezzjoni tat-tfal u s-salvagwardja tagħhom huma ppjanati li jiġu integrati kompletament fil-hotspots. Is-sitwazzjoni attwali dwar il-ħidma li għaddejja bħalissa fuq medda qasira ta’ żmien tinsab fl-Anness 6.
Hemm ukoll evidenza qawwija li l-kriżi tal-migrazzjoni ġiet sfruttata min-netwerks kriminali involuti fit-traffikar tal-bnedmin li jkollhom fil-mira lill-persuni l-aktar vulnerabbli, b’mod partikolari n-nisa u t-tfal. Ir-riċerka tissuġġerixxi li l-faċilitajiet ta’ akkoljentza f’xi Stati Membri kienu fil-mira, b’każijiet fejn sa 60 % tal-vjaġġaturi minorenni mhux akkumpanjati għebu, b’riskju serju li jaqgħu vittmi ta' netwerks tat-traffikar. L-Europol tindika li hemm konverġenza qawwija bejn dawk li jittraffikaw ir-refuġjati fuq il-fruntieri u gruppi kriminali li jonsbu persuni sabiex jisfruttawhom fil-kummerċ tas-sess jew fix-xogħol furzat. Għalhekk huwa essenzjali li mill-ewwel stadju fil-hotspots, il-vittmi reali jew potenzjali tat-traffikar tal-persuni jiġu identifikati, jsiru konxji mid-drittijiet tagħhom, u titwettaq il-kooperazzjoni meħtieġa mal-awtoritajiet tal-pulizija u dawk ġudizzjarji sabiex jiġi żgurat li t-traffikanti jiġu identifikati u jinfetħu kontrihom proċedimenti legali.
Hekk kif il-kontrolli tal-fruntieri jsiru aktar stretti, li hija t-tendenza attwali fir-rotta tal-Balkani tal-Punent, l-UE għandha tkun lesta li żżid l-assistenza umanitarja tul ir-rotta kollha fi żmien qasir. Dan jimponi li l-UE żżid il-kapaċità tagħha biex tipprovdi esternament għajnuna umanitarja u biex twaqqaf internament kapaċità, sabiex tappoġġa lil pajjiżi li qed jiffaċċaw għadd kbir ta’ refuġjati u migranti.
|
Il-passi essenzjali li jmiss:
L-Istati Membri għandhom jiddedikaw attenzjoni partikolari għall-ħtiġijiet ta’ vjaġġaturi minorenni mhux akkumpanjati meta jimplimentaw l-approċċ tal-hotspots u meta jwettqu rilokazzjoni;
Jżidu l-kapaċità tal-UE għall-għoti ta' assistenza umanitarja lil pajjiżi terzi, u jwaqqfu kapaċità għall-għoti ta' assistenza umanitarja fl-UE, sabiex jiġu appoġġati l-pajjiżi li qed jaffaċċjaw għadd kbir ta’ refuġjati u migranti;
Il-Kummissjoni se timmira finanzjament sabiex jissaħħaħ ir-rispons protettiv fir-rigward tat-tfal f'migrazjoni, inklużi l-edukazzjoni u l-programmi ta’ protezzjoni għat-tfal kemm ġewwa kif ukoll barra l-UE.
|
III.5
It-twettiq tar-ritron u tal-ħidma ta' riammissjoni
Ir-ritorn ta’ migranti irregolari b'mod sistemantiku u rapidu huwa parti indispensabbli biex il-migrazzjoni tiġi ġestita b'suċċess, u deterrent b’saħħtu kontra l-migrazzjoni irregolari. L-UE hija impenjata b’mod sħiħ biex tipproteġi lil dawk il-persuni li qegħdin jaħarbu mill-vjolenza u l-kunflitt. Iżda migranti li ma jeħtiġux protezzjoni jridu jintbagħtu lura effikaċement lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħhom jew lejn il-pajjiżi ta’ tranżitu b’rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem u għad-dinjità. Sistema ta’ ritorn effikaċi hija wkoll kruċjali sabiex ir-riżorsi jkunu jistgħu jiġu ffukati fuq l-akkomodazzjoni ta' persuni li jeħtieġu l-protezzjoni. Għal dan hemm bżonn ta' azzjoni kemm ġewwa l-UE kif ukoll ma’ pajjiżi terzi. Madankollu, is-sistemi nazzjonali ta’ ritorn qed jiffaċċjaw ħafna problemi prattiċi: nuqqas ta’ dokumenti ta’ vvjaġġar, nuqqas ta’ kapaċitjiet ta’ detenzjoni fl-Istati Membri, proċeduri nazzjonali twal u ineffiċjenti li jistgħu biss jiffaċilitaw il-ħrib, u pajjiżi tal-oriġini li jostakolaw id-dħul mill-ġdid. Ir-rati tar-ritorn imwettqa fl-2014 huma baxxi – jilħqu s-16 % f’ċerti każijiet għall-pajjiżi Afrikani, u r-rata medja tal-UE ta’ 40 % fiha nnifisha hija wisq baxxa.
It-titjib tas-sistema ta’ ritorn
Minħabba n-numru dejjem jiżdied ta’ migranti li kien hemm fl-2015 u li huwa mistenni fl-2016, il-kapaċità ta’ ritorn tal-UE jeħtieġ li tissaħħaħ u titjieb. Sistema ta’ ritorn effikaċi hija kruċjali għas-sostenibbiltà tal-politiki ta’ migrazzjoni Ewropej: jekk l-Ewropa trid takkomoda l-persuni li jeħtieġu l-protezzjoni, hija trid tibgħat lura bla dewmien lil dawk kollha li ma jkollhom l-ebda dritt legali li jibqgħu. Sa issa l-Istati Membri għad ma kellhomx kompletament suċċess fit-twaqqif ta’ sistemi nazzjonali li jkunu kapaċi jilħqu din l-isfida, u l-kredibilità tas-sistema tal-UE ta' ritorn kollettiv ġralha l-ħsara bħala riżultat. Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-ritorn joffri triq għal sistema ta’ ritorn nazzjonali u Ewropea b'saħħitha.
Għal dan hemm bżonn ta' azzjoni kemm ġewwa l-UE kif ukoll ma’ pajjiżi terzi. Fl-UE jeħtieġ li l-Istati Membri japplikaw b’mod sħiħ u korrett id-Direttiva dwar ir-Ritorn, kif ukoll jaħdmu mal-Kummissjoni sabiex jidentifikaw u jindirizzaw l-ostakli legali u prattiċi għal ritorn effikaċi – mill-ħruġ ta’ deċiżjonijiet ta’ ritorn sa li jiġi żgurat li dawk li jintbagħtu lura ma jaħarbux il-proċess, filwaqt li jitħarsu d-drittijiet bażiċi tal-bniedem u l-bżonn ta’ protezzjoni ta’ kulħadd. Il-Kummissjoni, f’Diċembru, għamlet proposta għal Fond Ewropew għal dokument Ewropew ġdid tal-ivvjaġġar għar-ritorn. Ir-ritorn volontarju jibqa’ l-għażla ppreferuta – billi huwa l-aktar wieħed dinjituż u l-aktar kosteffikaċi – u qed jiġi appoġġat permezz tal-baġit tal-UE kif ukoll bil-programmi konġunti u bl-iskambju tal-aħjar prattiki. Madankollu, il-migranti ta’ sikwit jaċċettaw biss ir-ritorn volontarju jekk ikun hemm il-prospettiva serja u kredibbli li se jiġu rritornati b'mod involontarju. L-Istati Membri għalhekk jeħtieġ li jassiguraw li din il-prospettiva tkun reali.
L-approċċ tal-Kummissjoni kien appoġġat b’appoġġ prattiku u finanzjarju. Qed twaqqaf sistema ta’ ġestjoni li tintegra r-ritorn, li tgħaqqad flimkien lill-Istati Membri kollha u lin-netwerks tal-UE inkarigati mir-ritorn u mir-riintegrazzjoni. Il-Frontex ikkoordinat 66 titjira konġunta ta’ ritorn u t-total ta’ 3,565 migrant intbagħtu lura f’dawn l-operazzjonijiet konġunti fl-2015. Il-baġit tal-Frontex għar-ritorn żdied b’mod sinifikanti għal 2016 – Operazzjonijiet ta’ Ritorn Konġunti se jiġu appoġġati minn baġit ta’ EUR 65 miljun, meta mqabblin ma’ madwar l-EUR 10 miljun ta' qabel. Ir-riżultat se jidher fil-ġimgħat li ġejjin f’operazzjonijiet speċifiċi li jappoġġjaw ir-ritorn ta’ migranti irregolari mill-Greċja u l-Italja.
Kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi dwar ir-ritorn u r-riammissjoni
Ir-ritorn ta’ migranti irregolari li ma għandhomx bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali huwa komponent ewlieni fil-politika tal-UE dwar il-migrazzjoni. Pajjiżi terzi għandhom obbligi ta’ riammissjoni dwar iċ-ċittadini tagħhom. Iżda d-diffikultajiet persistenti fit-twettiq ta’ dan u minħabba t-tendenzi tal-migrazzjoni irregolari fl-2015, ir-ritorn u r-riammissjoni issa saru waħda mill-prijoritajiet ewlenin fir-relazzjonijiet tal-UE mal-pajjiżi terzi ta’ oriġini u/jew ta’ tranżitu
. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri qed jesploraw inċentivi, kemm pożittivi kif ukoll negattivi, li jistgħu jintużaw sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva tal-ftehimiet ta’ riammissjoni eżistenti jew biex jiġu konklużi oħrajn ġodda. Dan hu konformi mat-talba tal-Kunsill Ewropew ta’ Ottubru 2015 sabiex jiġu definiti pakketti komprensivi u mfassla apposta sabiex tiġi enfasizzata, lis-sħab, l-importanza tal-kooperazzjoni dwar ir-riammissjoni fir-relazzjonijiet b'mod ġenerali. Dawn il-pakketti ta' inċentivi u li jagħmlu pressjoni, inkluż l-użu ta’ preferenzi kummerċjali, għandhom jiġu applikati b’manjiera kkoordinata mill-UE u mill-Istati Membri tagħha. Dawn ġew ippreżentati flimkien bil-ħsieb li l-Kunsill Ewropew ta’ Marzu jkollu rapport dwar l-ewwel riżultati.
Qed tingħata attenzjoni partikolari sabiex titjieb il-kooperazzjoni dwar ir-ritorn u r-riammissjoni ma’ sħab speċifiċi. Qed issir enfasi fuq pajjiżi terzi bi proporzjon baxx ta’ ritorn u fejn in-negozjati għall-konklużjoini ta' ftehim ta’ riammissjoni mhux qed javvanzaw, bħall-Alġerija u l-Marokk, jew fejn ftehim ta’ riammissjoni li diġà ġie konkluz mhux qed jiġi implimentat kif suppost, bħall-Pakistan. Fil-każ tal-Pakistan, minkejja l-kuntatti ta’ livell għoli u l-isforzi tal-UE matul l-2015, l-implimentazzjoni ta’ ftehim ta' riammissjoni eżistenti sabet ma' wiċċha ostaklu wara l-ieħor. Barra minn hekk, qed tingħata attenzjoni speċjali lill-pajjiżi li minnhom żdied b’mod sinifikanti d-dħul irregolari, bħalma huma l-Afganistan, il-Bangladesh: aktar minn 200,000 Afgan daħlu fl-UE mill-Greċja fl-2015, filwaqt li n-numru ta’ Bangladeshi li jidħlu illegalment ittriplika mill-2014 għall-2015.
Fl-Afrika, wara l-Pjan ta’ Azzjoni tal-Belt Valletta, il-Kummissjoni qed taħdem mill-qrib ma’ pajjiżi tal-Afrika sub-Saħarjana sabiex dawn il-pajjiżi tal-oriġini jkunu jistgħu jimplimentaw l-obbligu legali skont il-Ftehim ta’ Cotonou ħalli jieħdu lura ċ-ċittadini tagħhom. Ir-rati effettivi ta’ ritorn illum il-ġurnata huma baxxi – f'ċerti każijiet jilħqu s-16 %, bil-wisq anqas mill-medja tal-UE ta’ 40 %, li fiha nnifisha hija wisq baxxa. Il-passi sabiex titjieb din is-sitwazzjoni jfittxu li jidentifikaw il-modi prattiċi sabiex dawn jiġu megħjuna jimplimentaw l-impenji tagħhom dwar ir-riammissjoni
Pajjiżi Terzi Sikuri
Id-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Asil tagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li ma janalizzawx il-mertu ta’ talba għall-asil meta, minħabba li jkun hemm biżżejjed rabta ma’ "pajjiż terz sikur", l-applikant jista’ minflok ifittex protezzjoni hemmhekk. Meta l-kundizzjonijiet jiġu ssodisfati, din id-dispożizzjoni tippermetti lill-Istati Membri li jagħlqu l-proċedura tal-asil u li jibagħtu lura lill-applikant għal asil lejn il-pajjiż terz sikur inkwistjoni. Madankollu f’dan l-istadju, mhux l-Istati Membri kollha jipprevedu l-applikazzjoni ta’ din il-possibbiltà fil-liġijiet nazzjonali tagħhom, jew jagħmlu dan b'kundizzjonijiet restrittivi. L-Istati Membri kollha huma mħeġġa għalhekk sabiex jipprevedu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom il-kunċett ta’ pajjiżi terzi sikuri, u sabiex japplikawh meta jintlaħqu l-kundizzjonijiet.
F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tenfasizza li l-kunċett ta’ pajjiż terz sikur kif definit fid-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Asil jitlob li jkun hemm il-possibbiltà li tiġi riċevuta protezzjoni skont il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, iżda ma jesiġix li pajjiż terz sikur ikun rratifika din il-Konvenzjoni mingħajr riservi ġeografiċi. Barra minn hekk, rigward il-kwistjoni dwar jekk hemmx konnessjoni mal-pajjiż terz inkwistjoni, u jekk huwiex għaldaqstant raġonevoli għall-applikant li jmur f’dak il-pajjiż, jista’ wkoll jitqies jekk l-applikant ittranżitax mill-pajjiż terz sikur inkwistjoni, jew jekk il-pajjiż terz huwiex ġeografikament qrib il-pajjiż tal-oriġini tal-applikant.
|
Il-passi essenzjali li jmiss:
F’kooperazzjoni mal-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom jindirizzaw malajr l-ostakli u l-intoppi amministrattivi sabiex il-proċeduri tar-ritorn ikunu jitwettqu b’mod sistematiku u rapidu.
Bil-parteċipazzjoni sħiħa tal-Istati Membri li jibnu fuq ir-relazzjonijiet bilaterali tagħhom stess, l-impenn għandu jiġi intensifikat ma’ pajjiżi ta’ prijorità sabiex idaħħlu fis-seħħ pakketti ta’ inċentivi u biex jagħmlu pressjoni sabiex ir-rati ta’ riammissjoni jitjiebu.
L-Istati Membri kollha għandhom jipprevedu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom il-kunċett ta’ pajjiżi terzi sikuri, u sabiex japplikawh meta jintlaħqu l-kundizzjonijiet.
|
III.6
It-twettiq tal-Pjan ta' Azzjoni Konġunt bejn l-UE u t-Turkija
It-twettiq tal-Pjan ta’ Azzjoni Konġunt bejn l-UE u t-Turkija se jkun essenzjali sabiex jitwaqqaf l-influss ta’ migranti irregolari fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin, filwaqt li tajjeb li jiġi kkunsidrat li l-volumi ta’ wasliet irregolari baqgħu eċċezzjonalment għoljin matul ix-xitwa minkejja l-kundizzjonijiet tat-temp. Immedjatament wara l-attivazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni Konġunta, it-Turkija ħadet passi importanti għall-implimentazzjoni tiegħu. Miżuri sabiex is-suq tax-xogħol Tork jinfetaħ għas-Sirjani taħt protezzjoni temporanja għandu jagħmilha aktar faċli għar-refuġjati sabiex isibu impjieg b'mod legali. Passi oħra li għaddejjin bħalissa huma mfasslin sabiex jitneħħew l-ostakli għal kooperazzjoni mal-UE, jiġi miġġieled id-dħul klandestin tal-persuni u l-migrazzjoni irregolari, kif ukoll tintuża l-informazzjoni sabiex ir-refuġjati jiġu persważi milli jwettqu vjaġġi perikolużi lejn l-Ewropa. It-Turkija rrappurtat żieda fis-sehem tagħha ta’ migranti illegali u traffikanti, fl-2015 arrestat 3,700 traffikant, għalkemm il-kooperazzjoni għall-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja għandha bżonn tissaħħaħ.
Saru kuntatti intensivi mal-awtoritajiet Torok sabiex jiġi żgurat li miżuri konkreti taħt il-Faċilità għar-refuġjati fit-Turkija, li tiswa mat-EUR 3 biljun, jibdew jiffinanzjaw proġetti mill-aktar fis possibbli. F’kooperazzjoni mal-awtoritajiet Torok, il-Kummissjoni fi tmiem l-2015 nediet valutazzjoni tal-ħtiġijiet għas-Sirjani taħt protezzjoni temporanja fit-Turkija. L-ewwel ħarsa ġenerali lejn il-valutazzjoni tal-ħtiġijiet hi mistennija sa nofs Frar, sabiex jiġu identifikati proġetti li għandhom jiġu ffinanzjati permezz tal-Faċilità. L-oqsma ta’ prijorità huma l-għajnuna umanitarja lir-refuġjati, l-appoġġ soċjoekonomiku, l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol, il-kura tas-saħħa u l-inklużjoni soċjali, l-infrastruttura muniċipali u l-ġestjoni tal-flussi tar-refuġjati.
Pass ieħor importanti se jkun il-progress fir-rigward tar-riammissjoni. Hija essenzjali l-implimentazzjoni effettiva tal-ftehim ta’ riammissjoni bejn l-UE u t-Turkija, kemm f’dak li jirrigwarda r-riammissjoni fit-Turkija taċ-ċittadini tagħha, u kemm, mill-1 ta’ Ġunju 2016, ir-riammisjoni ta' ċittadini ta’ pajjiżi oħrajn li jkunu ttranżitaw mit-Turkija fi triqthom lejn l-UE. B’mod parallel, saru sforzi intensivi sabiex il-ftehim bilaterali ta’ riammissjoni bejn it-Turkija u l-Greċja dwar iċ-ċittadini ta’ pajjiżi oħra jkun aktar effettiv, iżda sa issa, l-implimentazzjoni waqgħet ferm lura. Il-Kummissjoni qed tesplora x’appoġġ ieħor jista' jingħata u hija lesta li taħdem mill-qrib kemm mal-awtoritajiet Griegi kif ukoll mat-Torok sabiex iżżid ir-ritorni lejn it-Turkija skont il-ftehim bilaterali eżistenti, u qed tistenna d-dħul fis-seħħ sħiħ tal-Ftehim bejn l-UE u t-Turkija.
|
Il-passi essenzjali li jmiss:
Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom b’mod urġenti jniedu l-ewwel azzjonijiet taħt il-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija;
L-azzjoni min-naħa tat-Turkija u tal-UE jeħtieġ li tikseb riżultati reali u malajr għall-waqfien tal-influss irregolari u għar-ritrorn effettiv tal-migranti irregolari.
|
III.7
Appoġġ lir-refuġjati barra l-UE
Il-qagħda mwiegħra ta’ Sirjani hija waħda ta' disprament, bi 13.5-il miljun Sirjan fi bżonn ta’ għajnuna umanitarja – li sitt miljun minnhom huma tfal. Fl-2016 il-Kummissjoni se żżomm il-livell għoli ta’ għajnuna umanitarja mogħtija fl-2015 sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet l-aktar urġenti tar-refuġjati fir-reġjun affettwat mill-kriżi Sirjana. Fis-Sirja, minkejja l-intensifikazzjoni tal-konflitt u d-deterjorament tas-sitwazzjoni umanitarja b’mewġiet ġodda ta’ spostament, l-UE se tiżgura li l-għajnuna bħal ikel, ilma, kenn u edukazzjoni, jingħataw lil dawk li huma fil-bżonn, b’enfasi speċjali fuq l-aktar persuni vulnerabbli. Il-Fond Fiduċjarju tas-Sirja se jalloka EUR 350 miljun għall-għajnuna meħtieġa urġentement lil 1,5 miljun refuġjat u lill-komunitajiet ospitanti mifnija ġewwa l-Libanu, it-Turkija, il-Ġordan u l-Iraq, sabiex tgħin fil-bżonnijiet bażiċi bħall-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa u l-iġjene. Il-Kummissjoni issa se timplimenta malajr l-impenji meħuda u se tesplora l-għażliet kollha ta’ politika li tista' ssegwi. Pereżempju, il-Kummissjoni qed tiżviluppa modi innovattivi ta’ kif jintużaw il-preferenzi kummerċjali sabiex jiġu appoġġati r-refuġjati fil-Ġordan. L-Istati Membri jridu wkoll jattwaw l-impenji tagħhom sabiex jgħinu biex ikun hemm titjib reali fuq il-post.
Il-komunità internazzjonali trid tkompli żżid l-isforzi kollettivi tagħha biex tgħin lir-refuġjati Sirjani. L-UE trid tieħu l-opportunità, ippreżentata minn sensiela ta’ fora internazzjonali, biex tenfasizza l-bżonn ta' sforz dinji. Dan jitlob tħejjija bir-reqqa tal-Laqgħa ta’ Livell Għoli dwar "il-Kondiviżjoni tar-Responsabilità Globali permezz ta’ Proċeduri għall-Ammissjoni tar-Refuġjati Sirjani", organizzata mill-UNHCR f’Ġinevra fit-30 ta’ Marzu, tas-Summit Umanitarju tan-NU f’Istanbul f’Mejju 2016, u tas-Summit dwar l-Indirizzar ta’ Movimenti kbar ta’ Refuġjati u Migranti, li għandu jsir fl-Assemblea Ġenerali tan-NU f’Settembru 2016. Dawn se joffru aktar opportunitajiet għall-UE u għall-komunità internazzjonali sabiex juru appoġġ fit-tul għas-Sirja u għall-pajjiżi ġirien.
L-indirizzar tal-kawżi ewlenin ta’ spustament f’reġjuni oħra
L-UE qed tappoġġja wkoll lir-refuġjati u lill-pajjiżi ospitanti f’partijiet oħra tad-dinja li qed jiffaċċjaw sitwazzjonijiet ta’ spostament sfurzat. F’nofs l-2015 kien hemm 4,1 miljun refuġjat u sa 11,4-il miljun persuna spostati internament fl-Afrika sub-Saħarjana. Fis-Sudan u fl-Etjopja joqogħdu aktar minn miljun refuġjat mill-pajjiżi ġirien, apparti kważi t-3,5 miljun persuna spostata internament. Aktar pressjoni ġejja miż-żgħażagħ li qed jiżdiedu rapidament fl-Afrika
.
Dan jeħtieġ impenn determinat u sostenibbli tal-Unjoni u ta' atturi globali oħra fil-pajjiżi kkonċernati. Finanzjament rapidu jista' jingħata b’mod partikolari permezz tal-Fond Fiduċjarju ta’ Emerġenza għall-Afrika. Sabiex jiġu assistiti l-pajjiżi koperti mill-Fond Fiduċjarju biex jospitaw ir-refuġjati mir-reġjun, jeħtieġ li jiġu mnedija proġetti sabiex ir-refuġjati jingħataw aċċess għall-edukazzjoni, kura soċjali u s-suq tax-xogħol, u wkoll biex jiġu megħjuna fil-ġestjojni tal-fruntieri tagħhom.
Il-provvediment ta' Toroq legali
Mod ieħor kif r-refuġjati jistgħu jiġu megħjuna b’mod ordnat huwa permezz ta’ skemi ta’ risistemazzjoni jew ta' ammissjoni umanitarja. Dawn jippermettu triq legali li għandha tingħata għall-protezzjoni ta' dawk fil-bżonn, mingħajr ma joqogħdu jirrikorru għal vjaġġi perikolużi li kienu l-kawża ta’ ħafna traġedji umani. Ir-risistemazzjoni hija approċċ globali u s-sħab li jaħdmu mal-UNHCR madwar id-dinja qegħdin f’pożizzjoni li jappoġġaw l-isforz globali sabiex jgħinu lil dawk li għandhom bżonn il-protezzjoni internazzjonali.
Wara r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni ta’ Ġunju 2015, skema ta’ risistemazzjoni għal 22,504 persuni ġiet miftiehma biex tgħin lill-persuni spostati minn barra l-UE li huma fi bżonn ċar ta’ protezzjoni internazzjonali. Ir-risistemazzjoni effettiva taħt l-iskema miftiehma ssir wara talba tal-UNHCR, u tkun għal sentejn. Skont l-informazzjoni kkomunikata mill-Istati involuti fl-iskema, 3,358 ġew risistemati sa tmiem l-2015
. L-impenji miftiehma jridu jiġu onorati fiż-żmien debitu. Sa April, filwaqt li tibni fuq l-esperjenza prattika li għandha sa issa, il-Kummissjoni se tressaq 'il quddiem inizjattiva ta’ risistemazzjoni orizzontali sabiex tiżgura approċċ kollettiv għar-risistemazzjoni u se tistabbilixxiha bħala għodda fundamentali għal kif l-UE tassisti lill-pajjiżi li jospitaw għadd kbir ta’ popolazzjonijiet ta’ refuġjati u kif tipprovdi protezzjoni għar-refuġjati mingħajr ma dawn ikollhom bżonn jirrikorru għal rotot irregolari perikolużi li jkunu idejn it-traffikanti.
L-Iskema Volontarja ta’ Ammissjoni Umanitarja mat-Turkija trid titwaqqaf malajr sabiex l-Istati Membri jkollhom triq legali biex joffru protezzjoni internazzjonali lil persuni spostati mill-kunflitt fis-Sirja, u l-Istati Membri għandhom jħaffu l-ħidma marbuta mar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni. It-twaqqif ta’ din l-iskema huwa dipendenti fuq it-tnaqqis fl-għadd ta’ persuni li jaqsmu l-fruntiera b’mod irregolari mit-Turkija u tista’ tiġi aġġustata skont id-daqs tal-popolazzjoni tar-refuġjati fit-Turkija. Il-ftehim u l-implimentazzjoni b'ħeffa jagħtu kontribut kbir għal relazzjoni mat-Turkija dwar il-migrazzjoni effikaċi, u jikkumplimentaw t-twettiq tal-azzjonijiet previsti fil-Pjan ta’ Azzjoni Konġunt bejn l-UE u t-Turkija.
|
Il-passi essenzjali li jmiss:
L-UE tridu taħdem fil-pront fuq l-impenji meħuda waqt il-Konferenza ta’ Londra;
L-UE u l-Istati Membri tagħha jridu jżidu l-impenn tagħhom sabiex jindirizzaw il-kawżi fundamentali tal-ispostament, itejbu l-kooperazzjoni fl-assistenza u jilħqu l-mira ta' 0,7 % tal-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (Official Development Assistance, ODA);
L-impenji nazzjonali għall-Fond Fiduċjarju ta’ Emerġenza għall-Afrika u għall-Fond Fiduċjarju Sirjan għandhom jiżdiedu sabiex ikunu daqs il-kontribuzzjoni tal-UE;
L-Istati Membri għandhom iħaffu r-risistemazzjoni kif miftiehem fl-2015 u minnufih japprovaw l-iskema volontarja ta’ ammissjoni umanitarja mat-Turkija, kif irrakkomandat mill-Kummissjoni fil-15 ta’ Diċembru 2015.
Sa April, il-Kummissjoni se tipproponi inizjattiva ta’ risistemazzjoni fl-UE kollha sabiex tippermetti żieda kbira fl-isforzi ta’ risistemazzjoni.
|
IV
L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-LIĠIJIET TAL-UE/IL-KSUR
F’Settembru 2015, il-Kummissjoni nediet inizjattiva sabiex tiftaħ jew issegwi firxa wiesgħa ta’ każijiet marbutin mal-implimentazzjoni sħiħa u korretta tal-leġiżlazzjoni dwar il-proċeduri tal-asil, il-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza, ir-regolamenti dwar it-teħid tal-marki tas-swaba' ta' Dublin u tal-EURODAC u r-ritorn. Fil-qasam tal-asil, fl-2015 il-Kummissjoni adottat it-total ta’ 58 deċiżjoni (avviżi ta’ tqegħid fil-mora u opinjonijiet motivati) relatati mat-traspożizzjoni ta’ l-acquis tal-UE dwar l-asil u għal konformità miegħu, sa mit-23 ta’ Settembru 2015.
Sa minn mindu ttieħdu l-passi f’Settembru, diversi Stati Membri kkomunikaw lill-Kummissjoni l-leġiżlazzjoni nazzjonali li kienet it-traspożizzjoni sħiħa tad-direttivi kkonċernati. Is-servizzi tal-Kummissjoni attwalment qed jivvalutaw il-kompletezza tal-miżuri nnotifikati. Fin-nuqqas ta’ notifika sħiħa, illum il-Kummissjoni ddeċidiet li toħroġ opinjoni motivata f’disa' każijiet.
Rigward id-Direttiva tar-Ritorn, il-Kummissjoni bagħtet ittri amministrattivi lil għaxar Stati Membri biex titlob kjarifiki dwar il-ħruġ tad-deċiżjonijiet tar-ritorn u dwar il-miżuri meħuda sabiex jiġi żgurat l-infurzar effettiv tagħhom. Wara li rċeviet l-osservazzjonijiet tagħhom, il-Kummissjoni qed taħdem mill-qrib mal-Istati Membri kkonċernati biex tidentifika l-ostakli u l-intoppi li bħalissa qed ifixklu r-ritorn, u l-azzjoni li għandha tittieħed sabiex jiġu indirizzati, sabiex tiżdied ir-rata tar-ritorni u sabiex jiġi żgurat li jkun hemm konformità sħiħa mal-obbligi.
Il-ħidma tal-Kummissjoni fuq l-implimentazzjoni u l-ksur tirrifletti l-fatt li wieħed mid-dgħufijiet tas-sistema tal-ġestjoni tal-migrazzjoni tal-UE, u tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil b’mod partikolari, kien li dawn ma ġewx kompletament trasposti, u l-implimentazzjoni inkonsistenti. Il-Kummissjoni qed tistinka biex tgħin lill-Istati Membri jiksbu konformità sħiħa. Hija ser tkompli tuża bi sħiħ is-setgħat li għandha abbażi tat-Trattat biex issegwi proċeduri ta’ ksur potenzjali u reali sabiex tiżgura konformità sħiħa mar-regoli tal-UE li dwarhom hemm qbil komuni.
V
KONKLUŻJONI
Qabel ma jsir il-Kunsill Ewropew ta' Frar, b'urġenza għandu jsir dak kollu li huwa meħtieġ sabiex jerġa’ jkun hemm ordni fis-sistema tal-migrazzjoni u jkun impost kontroll fuq il-flussi irregolari mir-rotta tal-Mediterran tal-Lvant/tal-Balkani tal-Punent. Il-Kunsill Ewropew għandu jimpenja ruħu dwar l-azzjonijiet li huma meħtieġa, u l-istituzzjonijiet tal-UE, l-aġenziji tal-UE u l-Istati Membri kollha għandhom jimplimentawhom b’determinazzjoni.
Il-ġestjoni korretta tal-fruntieri tipprevedi li l-persuni l-ġodda li jaslu kollha jiġu effettivament irreġistrati u diretti jew lejn proċeduri tal-asil nazzjonali, proċeduri ta’ rilokazzjoni jew proċeduri ta’ ritorn, skont ir-regoli ta’ Dublin tal-UE. L-applikazzjoni sħiħa tal-liġi tal-UE dwar l-asil u l-ġestjoni tal-fruntieri u l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet kollettivi meħuda matul is-sena li għaddiet jiggarantixxu li r-responsabbiltà tinqasam b’mod ugwali fost l-Istati Membri tal-UE u tiżgura li l-Istati individwali jkunu jistgħu jlaħħqu mas-sitwazzjoni.
It-tneħħija tal-inċentivi għall-migrazzjoni irregolari tissarraf ukoll f'titjib fil-kundizzjonijiet tal-pajjiżi ta’ oriġini, fil-kooperazzjoni mal-pajjiżi prinċipali ta' tranżitu bħat-Turkija, f'mezzi legali ta’ migrazzjoni affidabbli kif ukoll f'ritorn u f'riammissjoni effikaċi, sistematiċi u f’waqthom ta’ dawk li ma għandhomx id-dritt ta' permanenza.
L-Unjoni Ewropea għandha obbligu legali u morali kif ukoll ir-responsabbiltà storika li toffri protezzjoni lil dawk fil-bżonn. Il-kriżi tar-refuġjati hija waħda li, b’mod kollettiv, l-Ewropa tista’ – u trid – tiġġestiha. Dan jirrikjedi sforz konġunt mill-pajjiżi kollha tal-UE, mill-istituzzjonijiet u mill-aġenziji f'diversi oqsma sabiex jiġi implimentat dak li sar qbil dwaru. Il-Kummissjoni se tkompli tagħmel dak kollu li tista’ biex tassisti u tappoġġja lill-Istati Membri sabiex iwettqu r-responsabbiltajiet tagħhom.
Annessi
Anness 1: Il-Pjan ta' Azzjoni Konġunt bejn l-UE u t-Turkija - Rapport ta' Implimentazzjoni
Anness 2: Il-Greċja – Rapport dwar is-sitwazzjoni attwali
Anness 3: L-Italja – Rapport dwar is-sitwazzjoni attwali
Anness 4: Ir-rilokazzjoni – Tabella dwar is-sitwazzjoni attwali
Anness 5: Segwitu għal-Laqgħa tal-Mexxejja tal-Balkani tal-Punent – Rapport dwar is-sitwazzjoni attwali
Anness 6: Azzjonijiet li għaddejjin bħalissa li jikkontribwixxu għall-protezzjoni tat-tfal f'migrazzjoni
Anness 7: L-impenji tal-Istati Membri għall-fondi fiduċjari - Tabella dwar is-sitwazzjoni attwali
Anness 8: L-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE – is-sitwazzjoni attwali
Anness 9: L-appoġġ aċċettat mill-Istati Membri għall-Mekkaniżmu ta’ Protezzjoni Ċivili għas-Serbja, is-Slovenja, il-Kroazja u l-Greċja
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 10.2.2016
COM(2016) 85 final
ANNESS
għal
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar is-Sitwazzjoni Attwali rigward l-Implimentazzjoni tal-Azzjonijiet Prijoritarji fl-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni
Pjan ta' Azzjoni Konġunt bejn l-UE u t-Turkija - Ir-Rapport ta' Implimentazzjoni
Pjan ta' Azzjoni Konġunt bejn l-UE u t-Turkija: ir-Rapport ta’ Implimentazzjoni
Perjodu: mis-17 ta' Diċembru 2015 sal-31 ta' Jannar 2016
Introduzzjoni
Fid-29 ta’ Novembru 2015, fis-Summit ta' bejn l-UE u t-Turkija, it-Turkija u l-UE nedew Pjan ta’ Azzjoni Konġunt (PAK) li ntlaħaq qbil dwaru ad referenda fil-15 ta’ Ottubru 2015. L-għan tal-PAK huwa li tiżdied il-kooperazzjoni marbuta mal-appoġġ lir-refuġjati Sirjani taħt protezzjoni temporanja u lill-komunitajiet ospitanti tagħhom fit-Turkija, kif ukoll sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni sabiex jitwaqqfu l-flussi migratorji irregolari lejn l-UE. L-implimentazzjoni tal-PAK għandha għaldaqstant iġġib ordni fil-flussi migratorji u tgħin sabiex titwaqqaf il-migrazzjoni irregolari.
L-għan ta’ dan it-tieni rapport ta’ implimentazzjoni dwar il-PAK, xahrejn wara li tnieda, huwa sabiex tingħata informazzjoni dwar is-segwitu effettiv, mogħti mit-Turkija u l-UE, għall-impenji rispettivi tagħhom sa mill-ewwel rapport maħruġ fis-17 ta’ Diċembru 2015. Dawn ir-rapporti huma parti minn sforz ġenerali sabiex is-sitwazzjoni tiġi segwita mill-qrib.
1.Parti 1
1.1.
Dejta statistika (fl-UE)
Wieħed mill-objettivi ewlenin l-PAK huwa li jinkisbu riżultati b'mod partikolari sabiex jitwaqqaf l-influss tal-migranti irregolari.
L-għadd ta’ persuni li jaslu b’mod irregolari fl-UE mit-Turkija għadu għoli għal dan il-perjodu tas-sena meta l-kundizzjonijiet tat-temp tax-xitwa kienu mistennija jikkontribwixxu għal tnaqqis fl-għadd ta’ wasliet. B’mod aktar speċifiku, fis-46 jum tal-perjodu tar-rappurtar (jiġifieri mis-17 ta’ Diċembru sal-31 ta’ Jannar):
L-għadd totali ta’ migranti irregolari li waslu fl-UE bil-baħar u fuq l-art (jiġifieri mill-Greċja u l-Bulgarija) kien ta’ 110,211. Ħafna minnhom, jiġifieri 109,336 jew 99,2 %, qasmu l-Baħar Eġew.
Il-medja ta’ kuljum ta’ qsim irregolari mill-Greċja kienet ta' 2,377, mill-Bulgarija kien 19 u t-total kien ta’ 2,396.
Ta’ kull ġimgħa, il-wasliet mill-Greċja kienu ta' 16,437 ruħ bħala medja.
Għall-iskop ta’ paragun max-xhur ta’ qabel:
L-għadd totali ta’ wasliet irregolari mit-Turkija għall-Greċja f’Settembru, f'Ottubru, f'Novembru, f'Diċembru 2015 u f'Jannar 2016 kienu rispettivament ta' 147,639, 214,792, 154,381, 110,835 u 67,756.
Għall-istess xhur, il-medji korrispondenti ta’ kuljum kienu ta’ 4,921, 6,929, 5,146, 3,575 u 2,186 ruħ.
Id-dħul irregolari mit-Turkija għall-Greċja (bil-baħar) f’Diċembru u f'Jannar huwa muri fil-graffs li ġejjin: il-graff 1 turi l-għadd ta’ wasliet irregolari ta’ kuljum, u l-graff 2 turi l-wasliet irregolari ta’ kull ġimgħa.
Il-graff 3 turi l-għadd ta’ wasliet irregolari ta' kull xahar mit-Turkija għall-Greċja, minn Settembru 2015 sa Jannar 2016. Il-graff 4 turi l-wasliet irregolari fl-istess perjodu, jiġifieri minn Settembru 2015 sa Jannar 2016, imqassmin skont in-nazzjonalitajiet predominanti (abbażi ta' dak li jiddikkjaraw il-migranti mal-wasla tagħhom), jiġifieri Sirjani segwiti minn Afgani u Iraqin. Iċ-ċifri mqassmin juru tnaqqis fil-perċentwal - meta mqabblin mat-total - tas-Sirjani (minn 69 % għal 38 %) u żieda fil-perċentwal tal-Afgani (minn 18 % għal 24 %) u tal-Iraqin (minn 8 % għal 15 %).
Graff 1: Il-wasliet irregolari ta' kuljum mit-Turkija għall-Greċja – Diċembru 2015 u Jannar 2016 – Sors: Frontex
Graff 2: Il-wasliet irregolari mit-Turkija għall-Greċja ta' kull xahar – Diċembru 2015 u Jannar 2016 – Sors: Frontex
Graff 3 tal-Kummissjoni: Il-wasliet irregolari mit-Turkija għall-Greċja ta' kull xahar – minn Settembru 2015 sa Jannar 2016 – Sors: Id-dejta tal-FRAN (2015) u d-dejta tal-JORA (Jannar 2016) mill-Frontex, mit-8 ta' Settembru 2016. Id-dejta tal-JORA hija dejta operattiva preliminari li hija soġġetta għal tibdil.
Graff 4 tal-Kummissjoni: Il-wasliet irregolari mit-Turkija għall-Greċja skont in-nazzjonalitajiet (jiġifieri Sirjani, Afgani u Iraqin) - minn Settembru 2015 sa Jannar 2016 – Sors: Id-dejta tal-FRAN (2015) u d-dejta tal-JORA (Jannar 2016) mill-Frontex, mit-8 ta' Settembru 2016. Id-dejta tal-JORA hija dejta operattiva preliminari li hija soġġetta għal tibdil.
It-total tal-wasliet irregolari mit-Turkija għall-Greċja juri xejra li qed tinbidel għalkemm in-numri qed jonqsu (ara l-graffs 2 u 3). Madankollu, din ix-xejra li qed tonqos tinsab fi ħdan il-firxa li probabbilment diġà hija mistennija minħabba l-kundizzjonijiet tax-xitwa. Meta jittieħed inkonsiderazzjoni l-istaġun tax-xitwa, iċ-ċifri għadhom għoljin għal dan il-perjodu tas-sena.
Il-miżuri leġislattivi u operattivi meħuda mill-awtoritajiet Torok sabiex iwaqqfu l-migrazzjoni irregolari jidhru li inizjalment kellhom xi impatt – anke jekk limitat – fuq il-flussi migratorji. Għadna m’aħniex f’qagħda li nikkwantifikaw l-impatt preċiż tagħhom fuq perjodu ta’ żmien qasir.
Ta' min josserva wkoll li minħabba li l-kundizzjonijiet tat-temp qed jiħżienu, l-għadd ta’ nies li tilfu ħajjithom waqt li jkunu qed jaqsmu b’mod irregolari lejn il-Greċja qed jiżdied.
1.2. Dejta statistika (fit-Turkija)
It-Turkija bħalissa qed tospita 2,582,600 refuġjat Sirjan li bħala grupp qed tagħtihom l-istatus ta’ protezzjoni temporanja. Dan l-istatus jipprovdi aċċess għas-servizzi pubbliċi bħalma huma l-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa. Sa mill-15 ta’ Jannar 2016 qed tipprovdi wkoll – b'ċerti kundizzjonijiet (ara hawn taħt għal aktar dettalji) – aċċess għas-suq tax-xogħol. Fit-22 ta’ Jannar, 269,207 Sirjani ġew ospitati f’kampijiet tar-refuġjati fejn huma qed jingħataw firxa wiesgħa ta’ appoġġ.
Minn meta ħareġ l-ewwel rapport ta’ implimentazzjoni dwar il-PAK fis-17 ta’ Diċembru 2015, l-UE ddeċidiet li tiġbor dejta tal-UE u tat-Turkija dwar l-implimentazzjoni tal-PAK fil-qafas tal-Proċedura Integrata għal Rispons Politiku f'Sitwazzjonijiet ta' Kriżi (Integrated Political Crisis Response, IPCR). F’dan il-kuntest u wara diskussjonijiet mat-Turkija, fit-22 ta’ Jannar, it-Turkija qablet li tipprovdi dejta għal sett ta’ indikaturi dwar l-implimentazzjoni tal-PAK bejn l-UE u t-Turkija abbażi ta' mudell li sar qbil dwaru. F’dan ir-rigward, fit-22 ta’ Jannar l-awtoritajiet Torok taw l-informazzjoni li ġejja:
Mat-350,000 wild Sirjani taħt protezzjoni temporanja ġew irreġistrati fi skola.
Twieldu 151,746 tarbija (sat-22 ta’ Jannar).
Mit-18 ta’ Jannar, it-Turkija kienet irreġistrat 217,952 non-Sirjan, filwaqt li kien għad hemm pendenti r-reġistrazzjoni ta' 138,912-il persuna.
Għall-perjodu mill-1 sal-15 ta’ Jannar, 42,936 Sirjan daħlu b'mod regolari fit-Turkija u 13,887 ħarġu mit-Turkija. Id-dħul u l-ħruġ regolari korrispondenti għall-Iranjani kienu 24,896 u 32,268; għall-Iraqin kienu 12,525 u 16,300; għal-Libaniżi kienu 2,778 u 5,449 u għall-Ġordaniżi kienu 2,032 u 2,527. Skont it-tul ta’ żmien tal-viża, il-barranin jistgħu joqgħodu fit-Turkija minn 30 sa 90 jum. Persuni barranin li huma intitolati li jidħlu t-Turkija mingħajr viża jistgħu jibqgħu fil-pajjiż għal 90 jum f’perjodu ta’ 180 jum.
Fil-perjodu ta’ bejn l-1 u l-15 ta’ Jannar il-Greċja ppreżentat lit-Turkija 322 talba ta’ riammissjoni. Il-Bulgarija ma ppreżentat xejn. It-Turkija bħalissa qed tivvaluta t-talbiet Griegi.
Fl-istess perjodu, mill-1 sal-15 ta’ Jannar, l-aġenziji tal-fruntieri Torok għall-infurzar tal-liġi waqqfu 2,541 migrant mill-fruntieri tal-baħar u 4,671 mill-fruntieri tal-art milli b’mod irregolari joħorġu mit-territorju Tork lejn l-UE.
Fl-2015, ġew irreġistrati 64,109 talbiet għall-ażil fit-Turkija (li minnhom 11,383 iddaħħlu minn ċittadini Afgani u 42,105 minn ċittadini Iraqin). Fl-istess sena, 459 proċedura tal-ażil biss ġew konklużi, jew billi ngħata status ta’ refuġjat jew billi t-talba għall-ażil ġiet miċħuda b'mod ċar. It-talbiet li fadal għadhom pendenti.
Bejn l-1 u l-15 ta’ Jannar, il-Gwardja Kostali, il-Pulizija u l-Ġendarmerija tat-Turkija wettqu seba’ operazzjonijiet konġunti speċifiċi li kellhom l-għan li jarrestaw lill-migranti irregolari, lit-traffikanti/lill-kuntrabandisti u li jimpedixxu t-tluq irregolari. Dan wassal għall-qbid ta’ 230 traffikant.
Barra minn hekk, it-Turkija indikat li l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi intensifikaw l-isforzi sabiex jimpedixxu t-tluq irregolari, jarrestaw lit-traffikanti u jsalvaw lill-migranti ta' fuq il-baħar. B’mod partikolari, it-Turkija rrappurtat li f’Diċembru 2015 hija qabdet bħala medja 514-il migrant illegali kuljum meta mqabblin mal-450 ta' Novembru 2015. L-għadd totali ta’ traffikanti arrestati fl-2015 kien ta’ 3,700. Il-Gwardja Kostali Torka, il-Ġendarmerija u l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi kollha l-oħra għandhom rwol importanti fil-qbid tal-migranti irregolari u tat-traffikanti.
It-Turkija wiegħdet li tagħti aktar informazzjoni abbażi tal-mudell li sar qbil dwaru fi Frar.
Parti 2:
L-implimentazzjoni tal-impenji tat-Turkija skont il-Pjan ta’ Azzjoni Konġunt bejn l-UE u t-Turkija
Fit-8 ta’ Jannar it-Turkija introduċiet l-obbligu tal-viża għas-Sirjani li jivvjaġġaw għal ajruport jew għal port marittimu Tork minn pajjiż terz, bl-għan li titnaqqas il-migrazzjoni ta’ tranżitu li tieħu lejn l-UE. Il-miżura kellha effett immedjat peress li l-għadd ta’ Sirjani li eventwalment iddaħħlu fit-Turkija mil-Libanu u mill-Ġordan naqas drastikament wara l-introduzzjoni tal-miżura, u għadda minn 41,781 fl-aħħar tmint ijiem (jiġifieri mill-1 sat-8 ta’ Jannar) ta' qabel l-introduzzjoni tal-viża għal 1,155 fl-għaxart ijiem (jiġifieri mid-9 sat-18 ta’ Jannar) li ġew wara. Dan jirrappreżenta tnaqqis ta’ aktar minn 40,000 persuna.
Fil-15 ta' Jannar it-Turkija adottat regolament li jagħti lis-Sirjani taħt protezzjoni temporanja aċċess effettiv għas-suq tax-xogħol, għalkemm b'xi kundizzjonijiet u limitazzjonijiet, u għaldaqstant issodisfat impenn ewlieni tal-PAK. L-għan tal-miżura huwa li t-Turkija ssir pajjiż tal-ażil akar attraenti għas-Sirjani biex b'hekk jiġi indirizzat wieħed mill-fatturi ewlenin li qed iġiegħel lis-Sirjani jaqsmu irregolarment lejn l-UE sabiex ifittxu prospetti aħjar. Skont ir-Regolament, Sirjan jista’ jippreżenta applikazzjoni għal permess tax-xogħol sitt xhur biss wara li l-istatus ta’ protezzjoni temporanja tiegħu jiġi aċċettat. Il-permessi tax-xogħol jistgħu jingħataw biss fil-provinċji fejn ir-refuġjat taħt protezzjoni temporanja għandu l-permess joqgħod. Ir-Regolament ma jipprevedi l-ebda limitazzjoni fuq is-setturi ekonomiċi, għalkemm jipprevedi l-limitu ta’ 10 % għar-refuġjati Sirjani, ħlief għas-setturi tal-agrikoltura u tat-trobbija tal-bhejjem. Ir-Regolament huwa applikabbli immedjatament, iżda n-natura ġenerali tiegħu tista’ teħtieġ aktar regoli ta’ implimentazzjoni. L-adozzjoni tar-Regolament hija bla dubju pass pożittiv ħafna; madankollu, l-impatt reali tiegħu jiddependi fuq l-infurzar effettiv u malajr.
It-Turkija ħejjiet u ppreżentat lill-Parlament abbozz tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-dejta personali. Din il-leġiżlazzjoni, jekk tkun kompatibbli mal-istandards Ewropej, tippermetti lit-Turkija sabiex tikkoopera aktar mill-qrib mal-Europol, mal-Eurojust u mal-aġenziji tal-infurzar tal-Istati Membri. L-abbozz tal-liġi attwali għad irid jitjieb speċjalment rigward l-indipendenza tal-awtorità għall-protezzjoni tad-dejta u l-esklużjoni tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u tal-attivitajiet ta' intelligence mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi. L-UE qasmet it-tħassib tagħha mat-Turkija bit-tama li dawn in-nuqqasijiet għad ikunu jistgħu jiġu indirizzati fil-proċess parlamentari.
Fit-8 ta’ Jannar, il-Gvern Tork ressaq ftehim tripartitiku, bejn it-Turkija, il-Bulgarija u l-Greċja, lill-Parlament għar-ratifika.
It-Turkija esprimiet li tinsab lesta li ttejjeb l-implimentazzjoni tal-obbligi ta’ riammissjoni ta' bejn it-Turkija u l-Greċja u li tiftaħ aktar punti ta’ riammissjoni apparti Dikili. Il-problema ewlenija għall-implimentazzjoni ta’ dan il-ftehim bilaterali tibqa' l-ħafna dewmien fl-ipproċessar tal-applikazzjonijiet ta’ riammissjoni Griegi. Lejn l-aħħar ta’ Diċembru 2015 u fl-aħħar ta’ Jannar 2016 l-uffiċjali Torok żaru Ateni u ddiskutew mal-awtoritajiet Griegi mezzi u modi sabiex titjieb l-implimentazzjoni tal-ftehim ta' riammissjoni bilaterali.
F’Jannar, il-Pulizija Torka organizzat kampanja ta’ informazzjoni fil-lokalità turistika ta' Bodrum fin-Nofsinhar tal-pajjiż. Fuljetti ġew ippreparati mid-Direttorat tal-Pulizija Provinċjali biex jiskuraġġixxu lill-migranti milli jwettqu vjaġġi perikolużi lejn l-Ewropa. Madwar 5,000 fuljett ġew stampati bit-Tork, bl-Għarbi u bl-Ingliż u ngħataw lill-Ġendarmerija ħalli jqassmuhom.
Parti 3:
L-implimentazzjoni tal-impenji tal-UE skont il-Pjan ta’ Azzjoni Konġunt bejn l-UE u t-Turkija
Fl-24 ta’ Novembru 2015, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li waqqfet il-Faċilità tar-Refuġjati fit-Turkija u waqqfet mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni tal-azzjonijiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri li jappoġġaw l-isforzi tat-Turkija sabiex jospitaw madwar żewġ miljun refuġjat Sirjan. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri impenjaw ruħhom li fil-bidu jipprovdu EUR 3 biljun matul is-snin 2016 u 2017 li se jingħataw permezz tal-Faċilità. L-Istati Membri laqgħu tajjeb it-twaqqif tal-Faċilità, filwaqt li enfasizzaw ir-rabta bejn l-implimentazzjoni mit-Turkija tal-impenji tagħha skont il-pjan ta’ azzjoni konġunt u l-għoti tal-assistenza. Sussegwentement ġie deċiż biex il-baġit tal-UE jikkontribwixxi EUR 1 biljun għall-Faċilità filwaqt li l-Istati Membri jipprovdu ż-EUR 2 biljun li jkun fadal, skont is-sehem tagħhom tad-DNG. Fit-3 ta’ Frar intlaħaq ftehim politiku bejn l-Istati Membri dwar sorsi ta’ finanzjament u modalitajiet operattivi għall-Faċilità. Sussegwentement, il-Kummissjoni emendat id-deċiżjoni tagħha sabiex jiġi rifless il-ftehim mal-Istati Membri. Il-Kummissjoni hija responsabbli għall-implimentazzjoni tar-riżorsi kkoordinati permezz tal-Faċilità bl-użu tal-istrumenti finanzjarji għall-assistenza esterna, li jkunu l-aktar adegwati għat-tip ta’ assistenza li għandha tingħata. Il-Faċilità hija ġestita minn kumitat ta’ tmexxija, ippresedut mill-Kummissjoni. L-Istati Membri huma membri tal-kumitat ta’ tmexxija, li fih it-Turkija għandha status ta’ osservatur. Il-Kumitat ta’ Tmexxija se jiltaqa’ għall-ewwel darba fis-17 ta’ Frar. Il-Faċilità se tagħti assistenza mill-aktar fis possibbli, bl-għan ewlieni jkun li tingħata assistenza sabiex jiġu indirizzati b’mod dinjituż il-ħtiġijiet bażiċi tal-poplazzjoni tar-refuġjati l-aktar vulnerabblili li qed tgħix fit-Turkija, inklużi l-ikel, il-kenn, is-saħħa f’emerġenza u l-protezzjoni. L-edukazzjoni informali se tkun koperta wkoll sabiex jiġi evitat li ġenerazzjoni ta’ tfal Sirjani jintilfu, b’mod kumplimentari mal-azzjonijiet previsti fuq terminu twil. Illum, madwar 400,000 wild Sirjan ma jistgħux imorru l-iskola. Dan huwa fattur xprunatur importanti li jipperikola mhux biss il-benessri immedjat tagħhom iżda wkoll iċ-ċans li jibnu futur.
Fi tmiem l-2015, f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet Torok, il-Kummissjoni nediet valutazzjoni tal-ħtiġijiet għas-Sirjani taħt protezzjoni temporanja fit-Turkija. L-ewwel ħarsa ġenerali lejn il-valutazzjoni tal-ħtiġijiet hija mistennija għal nofs Frar, filwaqt li t-tlestija tal-istudju hija prevista għall-bidu tar-rebbiegħa. Il-valutazzjoni tal-ħtiġijiet se tgħin biex jiġu identifikati proġetti li għandhom ikunu ffinanzjati permezz tal-Faċilità. Sadanittant, il-Kummissjoni diġà identifikat l-edukazzjoni, it-titjib fl-impjegabbiltà tar-refuġjati Sirjani u r-risistemazzjoni bħala oqsma ta’ prijorità għal sostenn immedjat (ara l-Anness bl-oqsma prijoritarji għal intervent). L-istima provviżorja attwali hija li l-ħtiġijiet umanitarji jistgħu jkopru terz tal-assistenza, filwaqt li żewġ terzi jistgħu jappoġġaw l-aċċess għall-edukazzjoni (l-għan prinċipali), l-infrastrutturi lokali u l-opportunitajiet ta’ impjieg.
Fil-11 ta’ Jannar, l-ewwel Viċi President tal-Kummissjoni Timmermans żar it-Turkija u ddiskuta ma’ interlokuturi Torok dwar l-implimentazzjoni effettiva tal-PAK.
Fil-25 ta’ Jannar, ir-Rappreżentant Għoli u Viċi President Mogherini u l-Kummissarju Hahn kellhom diskussjonijiet dwar l-implimentazzjoni tal-PAK fil-qafas ta’ djalogu politiku ta’ livell għoli.
Fit-28 ta’ Jannar delegazzjoni tal-UE ltaqgħet mal-awtoritajiet Torok f’Ankara sabiex tiddiskuti u taqbel dwar modi konkreti sabiex titjieb l-implimentazzjoni u l-effikaċja tal-PAK, u sabiex jonqsu l-flussi migratorji. Huma identifikaw tnax-il azzjoni prijoritarja li għandhom jiġu esplorati b'urġenza. Il-lista ta’ azzjonijiet tinkludi fost l-oħrajn dan li ġej:
Li tissaħħaħ il-kapaċità tat-Turkija biex mill-1 ta’ Ġunju 2016 timplimenta l-ftehim ta’ riammissjoni bejn l-UE u t-Turkija;
Biex it-Turkija tikkonkludi ftehimiet ta’ riammissjoni ma’ pajjiżi li huma s-sors tal-migrazzjoni irregolari lejn it-Turkija u l-UE;
Li titjieb l-implimentazzjoni tal-ftehim bilaterali bejn il-Greċja u t-Turkija;
Li tiġi adottata leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-dejta personali f’konformità mal-istandards Ewropej li hija meħtieġa mit-Turkija għal kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-Europol, il-Eurojust u l-aġenziji ta’ infurzar tal-Istati Membri;
Li tissaħħaħ il-kapaċità ta’ interċettazzjoni tal-Gwardja tal-Kosta Torka;
Li tissaħħaħ il-leġiżlazzjoni, l-azzjoni u l-kooperazzjoni tat-Turkija mal-Istati Membri tal-UE fil-ġlieda kontra d-dħul klandestin u t-traffikanti;
Li t-Turkija tiġi appoġġata sabiex tiġġestixxi aħjar il-fruntieri tal-Lvant tagħha;
Li tintensifika l-kampanji tal-informazzjoni għall-migranti sabiex joqogħdu lura milli jwettqu vjaġġi perikolużi lejn l-UE;
Li t-Turkija tiġi appoġġata sabiex tidentifika aħjar id-dokumenti tal-ivjaġġar foloz u/jew iffalsifikati u dokumenti ta’ prova oħra.
L-UE diġà qed tipprovdi assistenza f’diversi oqsma minn dawk imsemmija hawn fuq, b’mod partikolari permezz tal-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (Pre-Accession Assistance, IPA) u l-Istrument li Jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi (Instrument Contributing to Stability and Peace , IcSP), li t-twassil tagħhom jista' jkun li jeħtieġ li jitħaffef.
Fit-2 ta’ Frar, iż-żewġ naħat wettqu l-ewwel diskussjoni ta’ segwitu dwar il-lista ta’ azzjonijiet ta' hawn fuq.
Il-Kummissjoni u t-Turkija komplew bid-diskussjonijiet dwar il-prijoritajiet għall-programm tal-2016 fil-qafas tal-assistenza tal-IPA, b’enfasi ċara fuq żieda fl-assistenza finanzjarja sabiex it-Turkija tkun megħjuna tissodisfa r-rekwiżit tad-Djalogu dwar il-Liberalizzazzjoni tal-Viża (il-Missjoni ta’ Pprogrammar tad-DĠ NEAR fid-9-11 ta’ Diċembru).
Sadanittant, l-UE kompliet tipprovdi assistenza immedjata fit-Turkija. Sa mill-bidu tal-kriżi, ġie pprovdut mill-baġit tal-UE l-ammont kumplessiv ta’ EUR 365 miljun sabiex jiġu megħjuna direttament ir-refuġjati Sirjani u l-komunitajiet ospitanti Torok. Minn dan l-ammont, EUR 71 miljun sa issa ngħataw b'kuntratt għal skopijiet ta’ għajnuna umanitarja permezz ta' organizzazzjonijiet umanitarji rilevanti, sabiex jiġu megħjuna primarjament ir-refuġjati. L-ewwel programm ta’ rispons mill-IPA li jiswa EUR 18-il miljun ġie approvat f’Mejju 2015 mill-Bord tal-Fond Fiduċjarju tal-UE b’rispons għall-kriżi Sirjana sabiex jindirizza l-ħtiġijiet immedjati għas-sigurtà alimentari u edukattiva tar-refuġjati Sirjani fit-Turkija. Ftehimiet bejn l-UNICEF u l-Programm Dinji tal-Ikel (World Food Programme, WFP) ġew iffirmati f’Settembru 2015. Kollox ma’ kollox, madwar EUR 173 miljun mill-IPA twasslu permezz tal-Fond Fiduċjarju tal-UE fl-2015. Fl-1 ta’ Diċembru 2015, il-Bord tal-Fond Fiduċjarju tal-UE għas-Sirja adotta deċiżjonijiet finanzjarji ġodda dwar azzjonijiet fit-Turkija li kienu jammontaw għal EUR 150 miljun. Fi tmiem l-2015, EUR 165 miljun ġew allokati mill-fondi tal-2012 tal-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA) li kienu f’riskju ta’ diżimpenn, inklużi l-EUR 25 miljun mill-kofinanzjament Tork, għall-Fond Fiduċjarju għall-proġetti fit-Turkija. Sensiela ta' 21 proġett b’valur ta’ EUR 383 miljun bħalissa qed jiġu evalwati. L-identifikazzjoni ta’ azzjonijiet ulterjuri fit-Turkija se ssir abbażi ta’ analiżi tal-ħtiġijiet li għaddejja bħalissa (ara hawn fuq).
Barra minn hekk, l-UE kompliet tipprovdi assistenza sinifikanti lir-refuġjati Sirjani li jinsabu fil-Libanu, fil-Ġordan u fl-Iraq kif ukoll lis-Sirjani spustati ġewwa s-Sirja stess. Fit-tieni laqgħa tal-Bord fl-1 ta’ Diċembru 2015, il-Fond Fiduċjarju tal-UE b’rispons għall-kriżi Sirjana impenja EUR 350 miljun għall-għajnuna meħtieġa urġentement mill-1,5 miljun refuġjat u mill-komunitajiet ospitanti taħt pressjoni fil-Libanu, fit-Turkija, fil-Ġordan u fl-Iraq.
Fis-7 ta’ Diċembru, l-UE adottat il-Programm ta’ Azzjoni Annwali tal-2015 għat-Turkija taħt l-IPA II u pprovdiet aktar appoġġ għat-Turkija sabiex issaħħaħ il-kapaċità tagħha fil-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali, u b’mod partikolari billi ssaħħaħ il-kapaċità tal-pattuljar u ta’ sorveljanza tal-Gwardja tal-Kosta Torka bix-xiri ta’ 20 dgħajsa li tintefaħ u sitt radars mobbli, kif ukoll issaħħaħ awtoritajiet Torok oħra relevanti. Il-programm jipprovdi wkoll provvisti sabiex tissaħħaħ il-kapaċità tal-Kmand tal-Gwardja tal-Kosta Torka fil-ġlieda kontra l-immigrazzjoni irregolari u l-kriminalità organizzata bil-baħar, bl-għan li jiżdied l-għadd ta’ migranti irregolari li jsalvaw/li jinqabdu. Bħalissa qed jitfassal proġett taħt l-IPA sabiex it-Turkija tiġi megħjuna tipprovdi passaporti bijometriċi siguri.
L-UE lestiet il-proċedura ta’ għażla sabiex jiġi stazzjonat uffiċjal ta’ kollegament tal-FRONTEX fit-Turkija.
Parti 4
Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
Sa minn Ottubru 2015 l-għadd totali tal-migranti irregolari li jidħlu fl-UE mit-Turkija qabad xejra 'l isfel. Madankollu, għal dan il-perjodu tas-sena għadu għoli. Sabiex tindirizza dan il-fenomenu preokkupanti t-Turkija teħtieġ b’mod urġenti li tagħmel progress sinifikanti biex twaqqaf it-tluq irregolari ta’ migranti u ta' refuġjati mit-territorju tiegħu. Partikolarment kruċjali huwa t-tisħiħ tal-operazzjonijiet fuq l-art sabiex jitwaqqaf it-tluq irregolari.
Is-sehem tan-non-Sirjani (pereż. l-Afgani, l-Iraqin, l-Iranjani, il-Pakistani, il-Marokkini, il-Bangladeshi) fost il-migranti irregolari li jaslu, sa minn Ottubru qed jiżdied. Sabiex jiġi indirizzat dan il-fenomenu, it-Turkija teħtieġ li b’mod urġenti tieħu passi ulterjuri sabiex tallinja b’mod progressiv il-politika tal-viża għalihom ma’ dik tal-UE, filwaqt li tingħata prijorità lil dawk il-pajjiżi li huma sors ta’ migrazzjoni irregolari lejn l-UE. It-Turkija teħtieġ tiżgura li l-proċeduri applikabbli jkunu konklużi malajr kif previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha, jew billi jingħata b'mod ċar status ta’ refuġjat jew billi dan jiġi miċħud. Jeħtieġ ukoll li t-Turkija tiżgura li l-migranti irregolari, li jkun instab li ma jeħtiġux protezzjoni internazzjonali, jitwaqqfu milli jagħmlu ċaqliq irregolari lejn l-UE.
It-Turkija hija mitluba tagħmel rieżami tal-abbozz tal-liġi dwar il-protezzjoni tad-dejta personali – li bħalissa jinsab fil-Parlament – u tallinjah kollu mal-istandards Ewropej. L-adozzjoni rapida ta’ liġi adegwata dwar il-protezzjoni tad-dejta personali tippermetti li t-Turkija jkollha kooperazzjoni operattiva aktar mill-qrib mal-Europol, il-Eurojust u l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri.
It-Turkija u l-Greċja jeħtiġilhom iżidu l-kooperazzjoni bilaterali ta' bejniethom għas-sorveljanza tal-fruntieri, għall-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali u sabiex l-obbligi ta’ riammissjoni bilaterali bejn it-Turkija u l-Greċja jiġu implimentati aħjar.
It-Turkija hija mistiedna wkoll tħejji sabiex sa mill-1 ta’ Ġunju 2016 jiġi implimentat il-ftehim ta’ riammissjoni bejn l-UE u t-Turkija għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi.
It-Turkija hija mħeġġa ssaħħaħ l-azzjoni tagħha kontra l-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali fiż-żoni kostali, anke f’kooperazzjoni mal-Istati Membri tal-UE interessati.
Wara ftehim dwar il-Faċilità tar-Refuġjati fit-Turkija, l-UE min-naħa tagħha trid tibda tagħti assistenza u tindirizza l-ħtiġijiet tar-refuġjati tal-Faċilità mill-aktar fis possibbli. Barra minn hekk, il-Kummissjoni u t-Turkija għandhom ikunu lesti li jorganizzaw mill-ġdid il-prijoritajiet tal-programmi ta’ assistenza eżistenti għat-Turkija fil-qasam tal-migrazzjoni, sabiex tirreaġixxi b'mod rapidu għall-ħtiġijiet emerġenti ġodda. Kif indikat fl-Anness, l-oqsma prijoritarji identifikati għall-assistenza finanzjarja għar-refuġjati fit-Turkija huma l-għajnuna umanitarja, l-edukazzjoni, l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol, il-kura tas-saħħa u l-inklużjoni soċjali, l-infrastruttura muniċipali u l-ġestjoni tal-flussi tar-refuġjati. Il-valutazzjoni tal-ħtiġijiet li għadha għaddejja se tipprovdi analiżi ddettaljata dwar id-diskrepanza fil-finanzjament, u se sservi sabiex jiġu prijoritizzati l-ħtiġijiet ta’ finanzjament fis-setturi kollha. Il-Kumitat ta’ Tmexxija tal-Faċilità se jipprovdi gwida strateġika u se jiddeċiedi dwar azzjonijiet speċifiċi, ammonti u l-aħjar strumenti finanzjarji li għandhom jintużaw. L-ewwel laqgħa tal-Kumitat tat-Tmexxija se ssir fis-17 ta’ Frar 2016.
It-Turkija u l-UE jeħtieġ li jkomplu bil-ħidma tagħhom u li jrenduha operattiva abbażi tat-12-il azzjoni, miftiehma fit-28 ta’ Jannar, li jappoġġaw l-implimentazzjoni effettiva tal-Pjan ta’ Azzjoni Konġunt.
Bħala konklużjoni, it-Turkija hija mħeġġa biex tkompli u saħansitra ssaħħaħ il-passi li ħadet għall-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tal-Pjan ta’ Azzjoni Konġunt. Huwa importanti li l-impatt tal-sforzi kkoordinati bejn l-UE u t-Turkija jagħti riżultati malajr, b’mod partikolari billi jwaqqaf l-influss tal-migranti irregolari.
Il-Kummissjoni se tkompli bl-isforzi tagħha sabiex tiżgura l-implimentazzjoni rapida u effettiva tal-Pjan ta’ Azzjoni Konġunt bejn l-UE u t-Turkija. Il-Kummissjoni se ssegwi mill-qrib l-implimentazzjoni tal-PAK u se tirrapporta b’mod regolari dwaru.
APPENDIĊI
Lista ta’ prijoritajiet attwalment prevedibbli u ta' proġetti possibbli taħt il-Faċilità tar-Refuġjati fit-Turkija
Prijorità 1:
L-indirizzar tal-bżonnijiet bażiċi
1.1. Għajnuna umanitarja
Kull għajnuna umanitarja se tiġi amministrata u mogħtija b’rispett sħiħ għall-prinċipji umanitarji u għall-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja.
L-Għan: li jiġu indirizzati l-bżonnijiet umanitarji l-aktar urġenti fil-ħames setturi ta' prijorità, li huma: l-oġġetti tal-ikel u mhux tal-ikel, is-saħħa, il-protezzjoni, il-kenn, l-ilma, il-miżuri sanitarji u l-iġjene kif ukoll il-possibilità ta' edukazzjoni.
Proġetti potenzjali
L-azzjonijiet umanitarji tal-UE attwalment jikkonsistu b'mod partikulari fi skemi għat-trasferiment ta' riżorsi, implimentati permezz ta’ għadd relattivament kbir ta’ sħab u ffokati fuq il-ħtiġijiet tal-ikel u mhux tal-ikel, il-protezzjoni, is-saħħa u azzjonijiet li jippermettu l-edukazzjoni fit-Turkija. Dawn l-iskemi għat-trasferiment tar-riżorsi jiżdiedu sabiex jilħqu sa miljun ruħ.
Il-proċediment lejn l-implimentazzjoni ta’ Xibka ta’ Sikurezza f'Emerġenza: skema bi skop multiplu għat-trasferiment tar-riżorsi, b’approċċ li jaqdi l-ħtiġijiet bażiċi (inklużi l-ikel, l-oġġetti mhux tal-ikel, il-kenn) sabiex jitnaqqsu l-fatturi xprunaturi li qed iġiegħlu l-ispostament sekondarju tar-refuġjati. Din is-sistema se tippermetti li l-ħtiġijiet bażiċi tar-refuġjati jiġu ssodisfati b’mod dinjituż, inklużi l-ikel u l-oġġetti użati ta’ kuljum.
Tibqa' tiġi implimentata l-assistenza mhux finanzjarja u sistema ta' protezzjoni estensiva (il-Fondi għall-Bżonnijiet Speċjali, il-ġestjoni tal-każijiet, l-assistenza legali, il-konsultazzjoni, il-komunikazzjoni kif ukoll il-protezzjoni tat-tfal u l-programmi kontra l-vjolenza abbażi ta' sess), u l-Kollegament bejn l-Għajnuna, ir-Riabilitazzjoni u l-Iżvilupp (Link between Relief, Rehabilitation and Development, LRRD).
Il-grupp fil-mira: Għadd sinifikanti ta’ refuġjati mill-aktar vulnerabbli fit-Turkija, l-aktar Sirjani, jinsabu fil-mira. L-għadd stmat ta’ refuġjati li għandu jintlaħaq permezz tal-assistenza umanitarja jista' jitla' sa miljun ruħ.
Prijorità 2:
Appoġġ Soċjoekonomiku
2.1 Edukazzjoni
Minkejja l-isforzi attwali, għad hemm sa 400,000 tifel u tifla li jridu jintbagħtu lura l-iskola fis-snin skolastiċi 2015/16 u 2016/17. Barra minn hekk, ftit li xejn jingħata appoġġ sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-edukazzjoni postsekondarja, b’mod partikolari għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, u kważi xejn biex ir-refuġjati żgħażagħ jirreġistraw għall-edukazzjoni terzjarja.
Għanijiet: Aċċess għall-edukazzjoni primarja għat-tfal Sirjani kollha (400,000 tifel u tifla li jridu jiddaħħlu lura l-iskola fis-snin skolastiċi 2015/16 u 2016/17); aċċess għal edukazzjoni sekondarja, b’mod partikolari għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali; aċċess għall-edukazzjoni terzjarja.
Proġetti potenzjali:
Jiġi appoġġat l-aċċess għall-edukazzjoni tat-tfal kollha.
Jiġi appoġġat l-aċċess għall-edukazzjoni sekondarja, inklużi l-edukazzjoni edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u l-apprendistat
Tiġi appoġġata r-reġistrazzjoni fl-edukazzjoni u jiġi impedut it-tluq bikri mill-iskola, anke permezz tat-taħriġ lingwistiku meta jkun f'waqtu
Jiġi appoġġat l-aċċess għall-edukazzjoni terzjarja.
Jiġi appoġġat it-titjib fir-reattività tal-edukazzjoni u fit-taħriġ għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol
Jiġu pprovduti infrastrutturi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ f’reġjuni affettwati minn bidliet demografiċi sinifikanti kkawżati mill-influss tar-refuġjati
Il-grupp fil-mira: Tfal u refuġjati żgħażagħ, b’enfasi speċjali fuq il-bniet
2.2: Aċċess għas-suq tax-xogħol
Għandha tingħata assistenza sabiex ir-refuġjati jkunu megħjuna jaħtfu l-opportunitajiet ta’ xogħol miftuħa bil-leġiżlazzjoni l-ġdida dwar l-aċċess għas-suq tax-xogħol għar-refuġjati, inkluż permezz ta’ titjib fil-kompetenzi u l-ħiliet u ta' adattament. Dan għandu joħloq inċentivi effettivi għalihom sabiex jaħdmu u fl-istess ħin ikunu ta' benefiċċju għall-ekonomija Torka.
Għanijiet: Aċċess għall-impjiegi; l-impjieg indipendenti u l-ħolqien ta' negozju, b’mod partikolari ta' mikrointrapriżi.
Proġetti potenzjali:
Jingħata appoġġ biex il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol jiġu analizzati
Jiġu pprovduti orjentazzjoni individwalizzata kif ukoll konsulenza
Jingħata appoġġ sabiex jitjiebu l-ħiliet u l-kompetenzi, b’mod partikolari permezz ta’ taħriġ kif ukoll ta' taħriġ mill-ġdid
Jiġu żviluppati sistemi għall-ekwivalenza tal-kwalifiki
Jingħata appoġġ għall-intraprenditorija, inkluż permezz ta’ skemi ta’ mikrokreditu
Il-grupp fil-mira: Ir-refuġjati adulti, b’attenzjoni speċjali fuq dawk inqas ikkwalifikati
2.3: Il-kura tas-saħħa u l-inklużjoni soċjali
Is-saħħa primarja, ir-rijabilitazzjoni fiżika/il-kura ta' wara l-operazzjonijiet għall-feruti fil-gwerra, kif ukoll is-saħħa riproduttiva u s-saħħa mentali, huma oqsma li xejn ma huma moqdija tajjeb. Iċ-ċentri tal-komunità jippermettu sistema ta’ appoġġ effettiva dwar il-pariri legali, il-protezzjoni u l-iggwidar amministrattiv, il-korsijiet ta’ taħriġ għan-nisa, l-edukazzjoni mhux formali u bikrija tat-tfal, il-konsulenza medika u r-referenzi għal tobba u għal sptarijiet għall-kura.
Għanijiet: Aċċess għall-kura tas-saħħa; aċċess għal servizzi soċjali bażiċi
Proġetti potenzjali:
L-għoti tal-kura tas-saħħa
L-għoti ta’ appoġġ psikoloġiku
L-għoti ta' appoġġ għall-aċċess tas-servizzi soċjali bażiċi, inkluża l-konsulenza legali u amministrattiva
Il-provvediment ta’ infrastrutturi tas-saħħa u soċjali
Il-grupp fil-mira: Refuġjati, persuni mill-komunitajiet ospitanti, b’enfasi fuq dawk li huma l-aktar vulnerabbli
2.4: L-infrastrutturi muniċipali
Il-parti l-kbira tar-refuġjati (85 %) jgħixu 'l barra mill-25 kamp eżistenti, li jistgħu jakkomodaw madwar 250,000 persuna. Dawn l-influssi ta’ nies fil-partijiet tal-pajjiż l-inqas żviluppati, poġġew l-infrastrutturi lokali ta’ ċerti rħula taħt pressjoni kbira, b’mod partikolari f’dak li għandu x'jaqsam mat-toroq ta' aċċess, il-provvista tal-ilma, id-drenaġġ u t-trattament tiegħu kif ukoll l-immaniġġjar tal-iskart solidu. Barra minn hekk, il-provvediment tas-servizzi soċjali mogħti lir-refuġjati għandu jingħata wkoll, meta jkun il-każ, lill-komunitajiet lokali, sabiex tittaffa l-ostilità li qed diġà tixref.
Għanijiet: Jittaffa l-impatt tal-influss ta’ refuġjati fuq l-infrastrutturi lokali
Proġetti potenzjali:
Jingħata appoġġ sabiex jittranġaw, jittejbu jew jinbnew l-infrastrutturi muniċipali lokali, b'mod partikolari fir-rigward tal-ġestjoni tal-ilma, l-immaniġġjar tal-iskart, it-trasport urban u s-servizzi muniċipali.
Il-grupp fil-mira: Ir-refuġjati u l-persuni mill-komunitajiet ospitanti
Prijorità 3:
Jingħata appoġġ lill-awtoritajiet nazzjonali u lokali sabiex jindirizzaw il-konsegwenzi bil-preżenza tar-refuġjati fit-Turkija
3.1: Il-ġestjoni tal-flussi tal-migrazzjoni
L-awtoritajiet reġjonali u lokali, li għandhom ir-responsabilità amministrattiva li jospitaw lir-refuġjati ta' barra l-kampijiet, se jkollhom ukoll bżonn li jsaħħu l-kapaċitajiet kif ukoll is-sostenn operazzjonali. Barra minn hekk, l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli mir-reġistrazzjoni tar-refuġjati u mill-ġestjoni tal-migrazzjoni qegħdin ukoll iħabbtu wiċċhom ma’ kwistjonijiet ta’ kapaċità li jridu jiġu indirizzati.
Għanijiet: Jissaħħu l-kapaċitajiet tal-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali għall-ġestjoni tar-refuġjati/tal-migranti
Proġetti potenzjali:
It-tisħiħ tal-kapaċitajiet għall-ġestjoni tal-migrazzjoni
Il-provvista ta’ tagħmir rilevanti
Il-grupp fil-mira: L-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali