Brussell, 18.2.2016

COM(2016) 60 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-eżerċizzju tad-delega kkonferita lill-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ottubru 2010 li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam (ir-Regolament tal-UE dwar l-Injam)


RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U

LILL-KUNSILL

dwar l-eżerċizzju tad-delega kkonferita lill-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ottubru 2010 li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam (ir-Regolament tal-UE dwar l-Injam)

1. Introduzzjoni

Ir-Regolament (UE) Nru 995/2010 1 (minn hawn’ il quddiem ir-Regolament tal-UE dwar l-Injam jew ir-Regolament) jistipula dwar kontra t-tqegħid fis-suq intern ta’ injam maqtugħ illegalment u prodotti magħmula minn tali injam. Huwa parti mill-Pjan ta’ Azzjoni għall-Infurzar tal-Liġi, it-Tmexxija u l-Kummerċ fis-Settur Forestali (FLEGT), li huwa l-istrument tal-politika tal-Unjoni għall-ġlieda kontra l-qtugħ illegali tas-siġar u l-kummerċ assoċjat. Huwa jagħti wkoll il-kontribut tiegħu għat-tnaqqis tal-emissjonijiet mid-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti, kif ukoll għar-rwol konservattiv tal-foresti, il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti u t-tisħiħ tal-ħażniet tal-karbonju tal-foresti f’pajjiżi li qed jiżviluppaw, abbażi tal-Qafas ta’ Varsavja għal REDD+.

Ir-Regolament tal-UE dwar l-Injam jintroduċi tliet obbligi. L-ewwel nett, jipprojbixxi t-tqegħid fis-suq tal-UE ta' njam maħsud illegalment u ta' prodotti li ġejjin minn dan l-injam. It-tieni nett, jirrikjedi li l-operaturi, definiti bħala parteċipanti fis-suq li jpoġġu l-prodotti tal-injam fis-suq tal-UE għall-ewwel darba, jeżerċitaw “id-diliġenza dovuta” sabiex tiġi żgurata l-legalità tal-ħsad tal-injam inkorporat fil-prodotti tagħhom. It-tielet nett, biex tiġi ffaċilitata t-traċċabilità tal-prodotti tal-injam mqiegħda fis-suq, il-kummerċjanti, tul il-katina tal-forniment, għandhom l-obbligu li jżommu reġistri tal-fornituri u tal-klijenti tagħhom. Ir-Regolament ikopri firxa wiesgħa ta’ prodotti tal-injam elenkati fl-Anness tiegħu bl-użu tal-Kodiċijiet tan-Nomenklatura Magħquda tal-UE. Jipprovdi għar-rikonoxximent ta’ “organizzazzjonijiet ta’ monitoraġġ” mill-Kummissjoni, li r-rwol tagħhom huwa li jassistu lill-operaturi biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom.

Ir-Regolament tal-UE dwar l-Injam ġie adottat f'Diċembru 2010 u daħal fis-seħħ fit-3 ta’ Marzu 2013. Matul dan il-perjodu, il-Kummissjoni adottat żewġ atti mhux leġiżlattivi. L-ewwel wieħed huwa r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2 (UE) Nru 607/2012 tas-6 ta’ Lulju 2012 dwar regoli dettaljati li jikkonċernaw is-sistema ta’ diliġenza dovuta u l-frekwenza u n-natura tal-kontrolli fuq l-organizzazzjonijiet ta’ monitoraġġ, li ġie adottat skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament tal-UE dwar l-Injam u l-Artikolu 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE li jipprovdi dwar il-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni. It-tieni wieħed huwa r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 363/2012 tat-23 ta’ Frar 2012 dwar ir-regoli proċedurali għar-rikonoxximent u l-irtirar tar-rikonoxximent ta’ organizzazzjonijiet ta’ monitoraġġ kif previst fir-Regolament (UE) Nru 995/2010. 3 Ir-Regolament tal-UE dwar l-Injam jirrikjedi (Artikolu 15(1)) li l-Kummissjoni tagħmel rapport fir-rigward tas-setgħat delegati; għalhekk, dan ir-rapport jiffoka b’mod speċifiku fuq ir-Regolament Delegat (UE) Nru 363/2012.

2. Bażi legali

Ir-rapport preżenti huwa rikjest, kif imsemmi qabel, bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament tal-UE dwar l-Injam. Skont din id-dispożizzjoni, id-delega hija kkonferita lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ seba' (7) snin mit-2 ta’ Diċembru 2010 u l-Kummissjoni hija rikjesta li tagħmel rapport fir-rigward tas-setgħat ta' delega mhux aktar tard minn tliet (3) xhur qabel tmiem il-perjodu ta’ tliet snin wara d-data ta' applikazzjoni tar-Regolament, li hija Diċembru 2015 billi r-Regolament beda japplika fit-3 ta' Marzu 2013.

3. Eżerċizzju tad-delega

Skont ir-Regolament tal-UE dwar l-Injam, il-Kummissjoni tista’ tadotta atti delegati fir-rigward ta’ aktar kriterji ta’ stima tar-riskju rilevanti li jistgħu jkunu meħtieġa biex jissupplimentaw dawk diġà previsti fir-Regolament (Art. 6(3)), li jikkonċernaw il-proċedura għar-rikonoxximent u l-irtirar tar-rikonoxximent tal-organizzazzjonijiet ta’ monitoraġġ u, jekk l-esperjenza teħtieġ hekk, biex temendahom (Art. 8(7)), u fir-rigward tal-lista ta’ injam u prodotti tal-injam li għalihom japplika r-Regolament dwar l-Injam tal-UE (Art. 14).

Il-Kummissjoni adottat att delegat wieħed, ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni Nru 363/2012 4 tat-23 ta' Frar 2012 dwar ir-regoli proċedurali għar-rikonoxximent u l-irtirar tar-rikonoxximent ta’ organizzazzjonijiet ta’ monitoraġġ. L-eżerċizzju ta’ din ir-responsabbilizzazzjoni iwieġeb għall-bżonn li jiġu ssupplimentati r-rekwiżiti u r-regoli proċedurali fir-rigward tar-rikonoxximent u tal-irtirar tar-rikonoxximent tal-organizzazzjonijiet ta’ monitoraġġ.

3.1 Att Delegat li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 995/2010

Skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament tal-UE dwar l-Injam organizzazzjoni ta’ monitoraġġ hija intitolata li żżomm u tevalwa sistema ta' diliġenza dovuta; li tagħti d-dritt lill-operaturi li jużawha; li tivverifika l-użu korrett tas-sistema ta’ diliġenza dovuta u li tieħu azzjoni xierqa f’każ ta’ nuqqas, minn operatur, ta’ użu xieraq minnha. L-Artikolu 8(2) tar-Regolament tal-UE dwar l-Injam barra minn hekk jistabbilixxi r-rekwiżiti li applikant għandu jikkonforma magħhom sabiex japplika għal rikonoxximent bħala organizzazzjoni ta’ monitoraġġ. Skont din id-dispożizzjoni, jekk l-applikant jissodisfa r-rekwiżiti statutorji, il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta l-Istat Membru kkonċernat, għandha tagħti lill-applikant rikonoxximent bħala organizzazzjoni ta’ monitoraġġ.

Skont l-Artikolu 8(4), l-awtoritajiet kompetenti jwettqu kontrolli fuq organizzazzjonijiet ta’ monitoraġġ fi ħdan il-ġurisdizzjoni tagħhom sabiex jivverifikaw li huma jissodisfaw il-funzjonijiet u jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-Artikolu 8(1) u (2) tar-Regolament tal-UE dwar l-Injam u jinformaw lill-Kummissjoni f’każ li organizzazzjoni ta’ monitoraġġ ma għadhiex twettaq il-funzjonijiet u jikkonformaw mar-rekwiżiti (Art. 8 (5)). Il-Kummissjoni għandha tirtira rikonoxximent ta’ organizzazzjoni ta’ monitoraġġ, b’mod partikolari abbażi tal-informazzjoni pprovduta skont l-Artikolu 8(5) tar-Regolament, f’każ li l-organizzazzjoni ta’ monitoraġġ ikkonċernata ma tissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 8(1) u (2).

Skont l-Artikolu 8(7) tar-Regolament tal-UE dwar l-Injam, il-Kummissjoni għandha s-setgħa, permezz ta’ atti delegati, li tadotta regoli proċedurali li jissupplimentaw ir-Regolament (UE) Nru 995/2010 għar-rikonoxximent u l-irtirar tar-rikonoxximent ta’ organizzazzjonijiet ta’ monitoraġġ, filwaqt li tiżgura li r-rikonoxximent u l-irtirar tar-rikonoxximent jitwettqu b’mod ġust u trasparenti.

Il-Grupp ta’ Esperti dwar l-injam u l-prodotti tal-injam ġie kkonsultat dwar l-abbozz tar-Regolament delegat waqt il-laqgħa tiegħu tat-18 ta’ Mejju 2011 u dik tas-7 ta’ Lulju 2011. L-att delegat ġie adottat fit-23 ta' Frar 2012 u nnotifikat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. La l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma oġġezzjonaw għall-att delegat fi żmien il-perjodu ta’ xahrejn (2) kif previst fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament tal-UE dwar l-Injam. Ebda waħda mill-istituzzjonijiet ma tat bidu għal estensjoni tax-xahrejn (2) b’xahrejn addizzjonali oħra skont l-istess dispożizzjoni.

Meta skada l-perjodu tax-xahrejn (2), l-att delegat ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-UE u daħal fis-seħħ fis-17 ta' Mejju 2012.

Il-Kummissjoni għadha ma adottatx atti delegati fir-rigward ta’ aktar kriterji ta’ stima tar-riskju rilevanti li jistgħu jkunu meħtieġa biex jissupplimentaw dawk diġà previsti fir-Regolament (Art. 6(3)), u fir-rigward tal-lista ta’ njam u prodotti tal-injam li għalihom japplika r-Regolament dwar l-Injam tal-UE (Art. 14) peress li hija meħtieġa aktar esperjenza fl-applikazzjoni tar-Regolament sabiex tiġi evalwata l-ħtieġa ta’ dawn l-emendi.

4. Konklużjoni

Il-Kummissjoni eżerċitat sew is-setgħat delegati tagħha u tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jieħdu nota ta’ dan ir-rapport.

Il-Kummissjoni għadha tikkunsidra bħala meħtieġa s-setgħat delegati skont l-Artikolu 6(3) u l-Artikolu 14 tar-Regolament tal-UE dwar l-Injam, b’mod partikolari għall-finijiet li tiġi emendata u/jew issupplimentata l-lista ta’ njam u prodotti tal-injam li jinsabu fl-Anness. Għall-finijiet ta’ emendar tal-Anness u għaldaqstant biex tirrevedi l-ambitu tal-prodott tar-Regolament, il-Kummissjoni se tqis ir-riżultati tar-reviżjoni tar-Regolament kif ippreżentati fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal u r-Rapport, kif meħtieġ mill-Artikolu 20(3) tar-Regolament tal-UE dwar l-Injam.

(1)

 Ir-Regolament (UE) Nru 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ottubru 2010 li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam (ĠU L 295, 12.11.2010, p. 23). Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

(2)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 607/2012, ĠU L 177, 7.7.2012, P. 16–18.

(3)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 363/2012, ĠU L 115, 27.4.2012, P. 12-16.

(4)

ĠU L 115, 27.4.2012, p. 12-16.