Brussell, 16.2.2016

COM(2016) 54 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

dwar l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 994/2012/UE li tistabbilixxi mekkaniżmu ta' skambju ta' informazzjoni fir-rigward tal-ftehimiet intergovernattivi bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi fil-qasam tal-enerġija


1.    Introduzzjoni

L-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni 994/2012/UE (id-Deċiżjoni dwar il-Ftehimiet Intergovernattivi) 1 jinkludi l-obbligu fuq il-Kummissjoni biex tippreżenta rapport dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. Dan ir-rapport iservi wkoll biex jissodisfa dan l-obbligu u huwa bbażat fuq ir-riżultati tar-rapport ta’ evalwazzjoni anness mal-Valutazzjoni tal-Impatt dwar ir-reviżjoni tad-Deċiżjoni dwar il-Ftehimiet Intergovernattivi. Din ir-reviżjoni hija prevista skont l-Istrateġija Ewropea għas-Sigurtà tal-Enerġija ta’ Mejju 2014 2 u skont l-Istrateġija tal-Unjoni tal-Enerġija ta’ Frar 2015 3 , li jenfasizzaw il-ħtieġa għal konformità sħiħa mal-liġi tal-UE ta’ ftehimiet nazzjonali ma’ pajjiżi terzi fil-qasam tal-enerġija. Fl-istess spirtu, fil-konklużjonijiet tiegħu tad-19 ta’ Marzu 2015 il-Kunsill Ewropew appella wkoll għal “konformità sħiħa mal-liġi tal-UE tal-ftehimiet kollha relatati max-xiri ta’ gass minn fornituri esterni, b’mod partikolari bit-tisħiħ tat-trasparenza ta’ dawn il-ftehimiet u l-kompatibbiltà mad-dispożizzjonijiet tal-UE dwar is-sigurtà tal-enerġija”.

In-negozjati ma’ fornituri tal-enerġija f’pajjiżi terzi ta’ spiss jeħtieġu appoġġ legali u politiku fil-forma tal-konklużjoni ta’ ftehimiet intergovernattivi. Dawn normalment jiġu nnegozjati bilateralment u sikwit ikunu l-bażi għal kuntratti kummerċjali aktar dettaljati. Il-konformità ma’ ċerti dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni dwar is-suq intern tal-enerġija tal-UE u tal-liġi tal-kompetizzjoni mhux dejjem tkun fl-interess kummerċjali tal-fornituri tal-enerġija minn pajjiżi terzi. Għalhekk, l-Istati Membri jistgħu jispiċċaw taħt pressjoni sabiex jinkludu konċessjonijiet regolatorji tal-ftehimiet intergovernattivi tagħhom ma’ pajjiżi terzi. Konċessjonijiet bħal dawn jistgħu jheddu l-operat bla xkiel u l-funzjonament xieraq tas-suq intern tal-enerġija tal-UE.

Biex tiġi indirizzata din l-isfida kif ukoll biex tiġi żgurata l-konsistenza fir-relazzjonijiet tal-enerġija ma’ pajjiżi terzi ewlenin, fl-4 ta’ Frar 2011 il-Kunsill Ewropew stieden lill-Istati Membri biex mill-1 ta’ Jannar 2012 ’il quddiem, jgħarrfu lill-Kummissjoni, dwar kull ftehim bilaterali ġdid u eżistenti fil-qasam tal-enerġija ma’ pajjiżi terzi. 4 L-adozzjoni tad-Deċiżjoni 994/2012/UE tal-25 ta’ Ottubru 2012 (id-Deċiżjoni tal-Ftehim Intergovernattiv) indirizzat din it-talba bit-twaqqif ta’ mekkaniżmu għal dan l-iskambju ta’ informazzjoni.

Id-Deċiżjoni dwar il-Ftehimiet Intergovernattivi tiddefinixxi l-ftehimiet intergovernattivi bħala “ftehim legalment vinkolanti bejn Stat Membru wieħed jew aktar u pajjiż terz wieħed jew aktar li jkollu impatt fuq l-operat jew il-funzjonament tas-suq intern tal-enerġija jew fuq is-sigurtà tal-provvista fl-Unjoni”. F’dan ir-rigward, il-ftehimiet intergovernattivi biss li jikkonċernaw kwistjonijiet fl-ambitu tat-Trattat Euratom huma esklużi 5 .

Dan ir-rapport dwar l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni dwar il-Ftehimiet Intergovernattivi, f’konformità mal-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni, jivvaluta b’mod partikolari:

Sa liema punt id-Deċiżjoni dwar il-Ftehimiet Intergovernattivi tippromwovi l-konformità ta’ ftehimiet intergovernattivi mal-liġi tal-UE u safejn tippromwovi livell għoli ta’ koordinazzjoni bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-ftehimiet intergovernattivi;

L-impatt li d-Deċiżjoni dwar il-Ftehimiet Intergovernattivi għandha fuq in-negozjati ta’ Stati Membri ma’ pajjiżi terzi;

Sa liema punt huma adatti l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni dwar il-Ftehimiet Intergovernattivi u l-proċeduri li tistabbilixxi..

Dan ir-rapport ikopri l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni dwar il-Ftehimiet Intergovernattivi minn mindu daħlet fis-seħħ fis-17 ta’ Novembru 2012, u l-impatt tagħha fuq ftehimiet intergovernattivi notifikati kemm qabel kif ukoll wara dik id-data. Dan ir-rapport isegwi l-kriterji stabbiliti fil-Linji Gwida għal Regolamentazzjoni Mtejba, jiġifieri: l-effettività, l-effiċjenza, il-koerenza, ir-rilevanza u l-valur miżjud tal-UE. Huwa jevalwa wkoll jekk il-qafas intergovernattiv attwali stabbilit bid-Deċiżjoni dwar il-Ftehimiet Intergovernattivi jistax jiġi ssimplifikat.

2.    Valutazzjoni

Mill-adozzjoni tad-Deċiżjoni dwar il-Ftehimiet Intergovernattivi, ġew notifikati 124 ftehim intergovernattiv mill-Istati Membri lill-Kummissjoni. Safejn huwa possibbli li jiġi vvalutat, l-Istati Membri kkonformaw mal-obbligi ta’ notifika tagħhom. Madankollu, jeżistu ftehimiet li mhumiex legalment vinkolanti 6 , la skont id-definizzjoni stipulata fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni dwar il-Ftehimiet Intergovernattivi u lanqas fit-tifsira tad-dritt internazzjonali pubbliku, dan ifisser li ma hemm l-ebda obbligu ta’ notifika skont id-Deċiżjoni dwar il-Ftehimiet Intergovernattivi attwali. Madankollu tali ftehimiet jistgħu jidħlu fid-dettall ħafna fir-rigward tal-ispeċifiċitajiet tekniċi u legali ta’ din il-kwistjoni (eż. dwar proġetti tal-infrastruttura tal-enerġija).

Fost il-124 ftehim intergovernattiv notifikati:

Madwar 60 % koprew il-kooperazzjoni ġenerali dwar l-enerġija (prinċipalment il-kooperazzjoni bilaterali fil-qasam tal-enerġija bejn l-Istati Membri tal-UE u firxa wiesgħa ta’ pajjiżi terzi, fosthom, pereżempju, Kuba, il-Vjetnam, Singapore, il-Korea, l-Indja u ċ-Ċina). L-ebda waħda minn dawn il-ftehimiet intergovernattivi ma qajmet tħassib u għaldaqstant l-ebda waħda ma ġiet segwita mill-Kummissjoni;

Madwar 40 % kienu jikkonċernaw ftehimiet dwar il-provvista, l-importazzjoni jew it-tranżitu ta’ prodotti tal-enerġija (żejt, gass u elettriku) jew l-istabbiliment ta’ regoli għall-esplojtazzjoni ta' bjar tal-gass jew taż-żejt; ftehimiet bilaterali jew multilaterali għall-iżvilupp ta’ infrastruttura marbuta mal-enerġija, li fil-maġġoranza l-kbira tikkonsisti minn pipelines taż-żejt u tal-gass.

Wara analiżi tal-ftehimiet intergovernattivi notifikati fl-aħħar kategorija, il-Kummissjoni esprimiet id-dubji tagħha dwar il-kompatibbiltà mal-liġi tal-UE ta' 17 minnhom. Il-liġi tal-UE inkwistjoni prinċipalment kienet tikkonċerna jew id-dispożizzjonijiet tat-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija (eż.: is-separazzjoni, l-aċċess ta’ partijiet terzi u l-iffissar tat-tariffi, inkluża l-indipendenza tar-regolatur nazzjonali) jew il-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE (il-projbizzjoni ta’ segmentazzjoni tas-suq permezz ta’ klawsoli ta’ destinazzjoni).

Għalhekk, madwar terz tal-ftehimiet intergovernattivi innotifikati li kellhom x'jaqsmu ma’ provvisti tal-enerġija jew ma’ infrastruttura tal-enerġija tqiesu li huma ta’ tħassib. Fl-2013 intbagħtu ittri lid-disa' Stati Membri kkonċernati mill-ftehimiet intergovernattivi tagħhom, fejn intalbu biex jemendaw jew jtemmu l-ftehimiet intergovernattivi inkwistjoni sabiex jissolvew l-inkompatibbiltajiet identifikati.

2.1    L-effikaċja

Sal-lum, l-ebda Stat Membru ma rnexxielu jtemm jew jinnegozja mill-ġdid ftehimiet intergovernattivi mhux konformi. 7 Notevolment dan huwa minħabba s-sitwazzjoni legali komplessa li tirriżulta ladarba l-ftehimiet intergovernattivi jiġu ffirmati ma’ pajjiż terz. B’mod speċifiku, ladarba Stat Membru jkun ikkonkluda ftehim intergovernattiv vinkolanti skont id-dritt internazzjonali pubbliku li ma fihx klawsola ta’ sospensjoni jew ta’ terminazzjoni, huwa - f’termini legali - kważi impossibbli għall-Istat Membru kkonċernat li jtemm il-ftehim intergovernattiv f’perjodu qasir ta’ żmien u qabel tmiem il-perjodu ta’ validità inizjali tal-ftehim intergovernattiv mingħajr il-qbil tal-pajjiż terz. L-istess japplika fir-rigward tan-negozjar mill-ġdid ta’ ftehim intergovernattiv, li għalih ikun meħtieġ il-kunsens tal-pajjiż terz. Min-naħa tiegħu, dan jillimita b’mod konsiderevoli l-poteri tal-infurzar tal-Kummissjoni, anki jekk ikun se jitnieda proċess ta’ ksur.

Fir-rigward ta’ ftehimiet intergovernattivi ffirmati wara d-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni dwar il-Ftehimiet Intergovernattivi, ftehim intergovernattiv wieħed biss ikun ġie nnotifikat lill-Kummissjoni. Għalhekk, f’dan l-istadju mhuwiex possibbli li wieħed jasal għal konklużjonijiet ġenerali dwar l-effikaċja tad-Deċiżjoni dwar il-Ftehimiet Intergovernattivi biex jiżgura l-kompatibbiltà mal-liġi tal-UE ta’ ftehimiet intergovernattivi adottati wara l-2012.

Mill-adozzjoni tad-Deċiżjoni dwar il-Ftehimiet Intergovernattivi, il-Kummissjoni ma ġiet innotifikata bl-ebda negozjati ta’ ftehim intergovernattiv mill-Istati Membri. Madankollu, huwa ċar li l-Istati Membri kellhom kuntatti ma’ pajjiżi terzi dwar l-infrastruttura u dwar il-provvista ta’ komoditajiet relatati. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni mhix f’pożizzjoni li tivvaluta safejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi daħlu f’impenji politiċi (eż. fil-forma ta’ memoranda ta’ ftehim, skambji ta’ noti jew ittri ta’ intenzjoni).

Fuq il-bażi ta’ dan kollu, id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni dwar il-Ftehimiet Intergovernattivi ma rriżultawx fit-trasformazzjoni tal-ftehimiet intergovernattivi konklużi iżda mhux konformi, għal dawk konformi. Dan huwa l-aktar minħabba n-natura ex-post tal-kontroll tal-kompatibbiltà stipulat mid-Deċiżjoni dwar il-Ftehimiet Intergovernattivi.

Lanqas ma kellhom impatt dirett id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni dwar il-Ftehimiet Intergovernattivi attwali, fuq in-negozjati tal-Istati Membri ma’ pajjiżi terzi. Għalhekk, id-Deċiżjoni dwar il-Ftehimiet Intergovernattivi fil-forma preżenti tagħha mhix meqjusa li hi effikaċi.

2.2    Effiċjenza

Huwa impossibbli li jiġu vvalutati b’mod empiriku jew saħansitra jiġu mmudellati l-ispejjeż imposti mid-Deċiżjoni dwar il-Ftehimiet Intergovernattivi attwali. Madankollu, in-natura ex post tal-kontroll tal-kompatibbiltà ta’ ftehimiet intergovernattivi mal-liġi tal-UE tinvolvi numru ta’ kunsiderazzjonijiet kwalitattivi.

Għall-ftehimiet intergovernattivi konformi u għall-ftehimiet intergovernattivi dwar il-kooperazzjoni bilaterali ġenerali fl-enerġija li ma jinvolvu l-ebda aspett tal-liġi tal-UE, id-Deċiżjoni dwar il-Ftehimiet Intergovernattivi ma tinvolvix spejjeż diretti għall-Istati Membri, minbarra l-ispejjeż amministrattivi marbutin man-notifika tal-ftehimiet intergovernattivi bil-mekkaniżmu attwali ta’ skambju ta’ informazzjoni. Dawn l-ispejjeż amministrattivi huma limitati ħafna, għaliex il-ftehimiet intergovernattivi jistgħu jittellgħu b’mod elettroniku u ma hemm l-ebda rekwiżit ta’ traduzzjoni għall-Istati Membri.

Min-naħa l-oħra, jirriżultaw spejjeż diretti u indiretti addizzjonali meta ftehim intergovernattiv jiġi vvalutat ex post bħala inkompatibbli mal-liġi tal-UE. Dawn l-ispejjeż jinkludu spejjeż diretti rilevanti għall-awtoritajiet pubbliċi, bħal spejjeż amministrattivi (i) għall-Kummissjoni marbuta ma’ teħid ta’ deċiżjonijiet interni u ta’ komunikazzjoni mal-Istat(i) Membru(i) kkonċernat(i), u (ii) kemm għall-Istat(i) Membru(i) kif ukoll għall-Kummissjoni fil-każ ta’ azzjoni ta’ segwitu mill-Kummissjoni bħal djalogu strutturat mal-Istati Membri jew proċeduri ta’ ksur. Barra minn hekk, l-Istati Membri jista’ jkollhom spejjeż ta’ litigazzjoni fil-każ ta’ ftehim intergovernattiv mingħajr klawsola ta’ terminazzjoni, billi l-pajjiż terz jista’ jitlob kumpens quddiem il-Qorti tal-Arbitraġġ Internazzjonali għan-nonapplikazzjoni tal-ftehim intergovernattiv speċifiku.

Barra minn hekk, jistgħu jinħolqu spejjeż indiretti rilevanti għall-awtoritajiet nazzjonali u għall-impriżi involuti fi proġetti ta’ infrastruttura. Dawn huma marbuta mal-kanċellazzjoni, mas-sospensjoni jew mad-dewmien ta’ proġetti ta’ infrastruttura li għalihom il-qafas ġuridiku huwa vvalutat ex post bħala inkompatibbli, wara li l-infrastruttura fiżika tkun diġà ġiet parzjalment żviluppata u/jew ikunu ġġarrbu l-ispejjeż.

Fir-rigward tal-benefiċċji pprovduti mis-sistema attwali sal-lum, dawn jistgħu jkunu mistennija li jirriżultaw minħabba livell ogħla ta’ konformità tal-ftehim intergovernattiv mal-liġi tal-UE, li jirriżulta minn stennija min-naħa ta’ dawk li jidħlu fih, jew li aktar tard ikun soġġett għal valutazzjoni ex post. Il-benefiċċji ekonomiċi ta’ ftehimiet intergovernattivi konformi huma relatati ma’:

Żieda fiċ-ċertezza legali, li tiffavorixxi l-investiment. Dan huwa partikolarment minnu għal dawk il-ftehimiet intergovernattivi relatati mal-infrastruttura li huma maħsuba biex jipprovdu ċertezza legali u regolatorja għall-proġetti li jinvolvu livelli għolja ta’ investiment. Din iż-żieda fiċ-ċertezza legali hija partikolarment importanti meta diversi ftehimiet intergovernattivi bilaterali jkopru ftehim wieħed ta’ tranżitu/proġett wieħed ta’ infrastruttura;

Suq intern tal-enerġija li jiffunzjona tajjeb, mingħajr segmentazzjoni f’livell nazzjonali u b’kompetizzjoni msaħħa;

Trasparenza akbar fir-rigward tas-sitwazzjoni tas-sigurtà tal-provvista fl-Istati Membri kollha, li mbagħad tista’ tevita investimenti żejda u/jew nuqqasijiet fl-infrastruttura;

Kooperazzjoni msaħħa bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, li tista’ tgħin lill-UE twassal messaġġ uniku u konsistenti lill-pajjiżi terzi, u b'hekk tiżdied is-saħħa tan-negozjar tal-UE fin-negozjati tal-enerġija.

Bħala konklużjoni, id-Deċiżjoni dwar il-Ftehimiet Intergovernattivi tista’ titqies raġonevolment effiċjenti. B’mod ġenerali, l-ispejjeż assoċjati mar-regoli tad-Deċiżjoni dwar il-Ftehimiet Intergovernattivi attwali huma ġġustifikati minħabba l-benefiċċji relattivi li tipprovdi billi tissalvagwardja l-funzjonament u l-integrità tas-suq intern tal-enerġija, u billi tikkontribwixxi għas-sigurtà tal-provvista. Madankollu, id-Deċiżjoni dwar il-Ftehimiet Intergovernattivi tista’ tkun aktar effiċjenti jekk il-kontroll tal-kompatibbiltà li hija tistabbilixxi jkun sar ex ante. Dan jista’ jsaħħaħ b’mod konsiderevoli ċ-ċertezza legali u jevita l-ispejjeż kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-Kummissjoni.

2.3    Koerenza

Id-Deċiżjoni dwar il-Ftehimiet Intergovernattivi hija koerenti ma’ għadd ta’ miżuri adottati fil-livell tal-UE biex jittejjeb il-funzjonament tas-suq tal-enerġija tal-UE u biex tiżdied is-sigurtà tal-enerġija tal-UE. Din ġiet żviluppata fl-2012 u tikkomplementa r-Regolament dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass adottat fl-2010 8 . Barra minn hekk, ir-rieżami tad-Deċiżjoni dwar il-Ftehimiet Intergovernattivi attwali huwa wieħed mill-eżiti tal-Unjoni tal-Enerġija . Waħda mill-ħames dimensjonijiet reċiprokament rinfurzanti tal-Unjoni tal-Enerġija - is-sigurtà tal-enerġija, is-solidarjetà u l-fiduċja – tenfasizza wkoll l-importanza tal-għanijiet segwiti mid-Deċiżjoni dwar il-Ftehimiet Intergovernattivi.

B’mod ġenerali, id-Deċiżjoni dwar il-Ftehimiet Intergovernattivi hija kompletament koerenti ma’ inizjattivi oħra fil-Qafas Strateġiku tal-Unjoni tal-Enerġija, li għandhom għanijiet simili.

2.4    Rilevanza

Il-proġetti infrastrutturali sinifikanti jibqgħu jiddependu fuq l-appoġġ pubbliku fil-forma ta’ ftehimiet intergovernattivi li se jkunu jridu jiġu miftehma jew imġedda fis-snin li ġejjin.

Fil-każ ta’ provvisti tal-gass, is-sehem tal-importazzjonijiet totali minn pajjiżi terzi ta’ gass imwassal permezz ta’ pajpijiet laħaq id-90 % fl-2014. Il-maġġoranza tal-pipelines tal-gass li jgħaqqdu lill-UE mas-sħab kummerċjali tagħha ġew ikkummissjonati bejn tmiem is-snin 70 u tmiem is-snin 90. F’dak li jirrigwarda ż-żejt, 90% tal-importazzjonijiet tal-UE taż-żejt grezz huma bil-baħar u 10 % biss jaslu permezz ta’ infrastruttura ta’ pipelines 9 , li għalihom l-iżviluppaturi tal-proġetti jistgħu jeħtieġu ftehim intergovernattiv. Fir-rigward tal-elettriku, is-sehem tal-importazzjoni netta tal-UE tal-ġenerazzjoni tal-elettriku grossa huwa inqas minn 1 % għall-UE 28 10 . Madankollu, bħal fil-każ taż-żejt grezz, xi sistemi tal-elettriku iżolati tal-UE (b’mod partikolari fl-Istati Membri Baltiċi) jiddependu ħafna fuq l-elettriku importat permezz ta’ kejbils minn pajjiżi terzi 11 . Bħal fil-każ tal-gass u taż-żejt, l-infrastruttura ta’ konnessjoni rilevanti nbniet għexieren ta’ snin ilu. Fil-qosor, sehem kbir ta’ komodità partikolari fil-livell tal-UE (fil-każ tal-gass) jew is-sehem kritiku ta’ prodott bażiku għal Stati Membri speċifiċi tal-UE (fil-każ taż-żejt u l-elettriku) huwa importat fl-UE minn pajjiżi terzi permezz ta’ interkonnessjonijiet fiżiċi.

Il-kostruzzjoni ta’ proġetti tal-infrastruttura hija bbażata fuq ftehimiet kuntrattwali kumplessi bejn il-promoturi tal-proġetti, li ta’ spiss ikunu bbażati fuq ftehim wieħed jew aktar bejn il-pajjiżi produtturi, dawk ta’ transitu u dawk riċeventi. Minħabba l-ħajja twila ta’ ħafna ftehimiet intergovernattivi, it-tiġdid u n-notifika tagħhom hija soġġetta għal effett ċikliku. Għalhekk, il-fatt li mill-2012 il-Kummissjoni ġiet innotifikata bi ftehim intergovernattiv wieħed biss, ma jimplikax li mhux se tiġi nnotifikata bi ftehimiet intergovernattivi ġodda fil-futur. Barra minn hekk, mhijiex kwistjoni tal-għadd ta’ notifiki ta’ ftehimiet intergovernattivi, iżda l-importanza tal-proġetti li huma jappoġġaw u l-konformità tagħhom mal-liġi tal-UE. Fir-rigward tat-tiġdid ta’ ftehimiet intergovernattivi għal infrastrutturi aktar antiki, jista’ jkun li sa dak il-punt ikunu tnaqqsu r-riskji inizjali relatati mal-kostruzzjoni tal-infrastruttura, u dan ifisser li issa jista’ jkun ferm aktar importanti li titwettaq valutazzjoni tal-konformità tal-ftehimiet intergovernattivi mal-liġi tal-UE.

Id-dipendenza fuq l-importazzjoni tal-UE mistennija li tibqa’ stabbli jew li tiżdied fl-għoxrin sena li ġejjin 12 (għal fjuwils, għat-teknoloġija u għal materjali oħra). Għalkemm fis-snin li ġejjin huma mistennija li jiġu żviluppati numru limitat biss ta’ kuruturi ġodda tal-enerġija, l-infrastruttura potenzjali ġdida involuta f’kull wieħed minnhom jista’ jkollha impatt fis-suq tal-enerġija Ewropew kollu kemm hu. Għalhekk huwa essenzjali li ftehimiet intergovernattivi relatati ma’ infrastruttura bħal din ikunu kompatibbli mal-liġi tal-UE u mal-politika ta’ diversifikazzjoni tal-UE. Barra minn hekk, għal proġetti ta’ infrastruttura ġodda, l-għadd ta’ kwistjonijiet li tipikament jissemmew fil-ftehimiet intergovernattivi qed jiżdied. Hekk kif ir-rotot tal-enerġija jitwalu, l-għadd, il-ġerarkija legali u l-kumplessità tal-ftehimiet intergovernattivi jiżdiedu wkoll 13 . Għall-fjuwils, ir-responsabbiltà hija kwistjoni ewlenija li tista’ tiġi indirizzata biss mill-gvernijiet, u kważi l-konnessjonijiet tan-netwerk kollha huma soġġetti għal ftehimiet intergovernattivi bilaterali jew multilaterali. Fil-kuntest ta’ din iż-żieda dejjem tikber fil-kumplessità, il-ftehimiet intergovernattivi jibqgħu rilevanti, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kull żvilupp potenzjali ta’ proġett tal-enerġija ġdid imwettaq fil-kuntest tal-politika ta’ diversifikazzjoni tal-enerġija tal-UE.

Fir-rigward tal-ftehimiet intergovernattivi relatati max-xiri ta’ komoditajiet tal-enerġija, il-mod li bih dawk il-komoditajiet jiġu importati fis-suq intern tal-UE nbidel f’dawn l-aħħar għaxar snin. Għal gass b’mod partikolari, il-mezz preferut ta’ ffissar tal-prezzijiet taż-żejt inbidel minn kuntratti indiċjati fit-tul għal mekkaniżmu bbażat fuq is-suq, jiġifieri hub pricing. Madankollu, bidla ġenerali favur mekkaniżmi ta’ prezzijiet ibbażati fuq is-suq tal-gass taħbi l-inugwaljanzi li jeżistu bejn l-Istati Membri individwali tal-UE. Billi s-sitwazzjoni fl-Istati Membri fl-Ewropa Ċentrali u tal-Majjistral tirrifletti x-xejra ġenerali, reġjuni oħra tal-UE – bħall-pajjiżi Baltiċi u x-Xlokk tal-Ewropa - għadhom ma esperjenzawx il-bidla għal ipprezzar ibbażat fuq il-Hub.

Abbażi ta’ dan kollu, il-valutazzjoni tal-Kummissjoni hija li l-ftehimiet intergovernattivi se jkomplu jkollhom rwol ewlieni fis-settur tal-enerġija tal-UE. Id-Deċiżjon tal-Ftehim Intergovernattiv għalhekk għadha rilevanti, iżda jeħtieġ li tiġi addattata skont in-natura dejjem tinbidel tal-provvisti u tar-rotot tal-enerġija.

2.5    Valur miżjud tal-UE

F’termini tas-sigurtà tal-enerġija, is-sitwazzjoni fl-Istati Membri tvarja ħafna. Fl-Ewropa iż-żoni l-anqas vulnerabbli huma dawk fejn il-provvista hija disponibbli minn għadd sostanzjali ta’ sorsi/rotot differenti u fejn hemm suq bl-ingrossa jiffunzjona u likwidu. L-aktar żoni vulnerabbli ta’ sikwit ibatu minn nuqqas ta’ infrastruttura, din hija meħtieġa kemm biex tgawdi minn bażi ta’ provvista minn sorsi diiversi, kif ukoll biex tiżviluppa suq li jiffunzjona. Filwaqt li s-swieq likwidi jinsabu biss f’għadd limitat ta’ pajjiżi, id-domanda ta’ dawk il-pajjiżi tkopri madwar 80 % tal-ħtiġijiet totali tal-gass tal-UE.

Din id-diversità fis-sitwazzjoni tfisser li Stati Membri differenti għandhom livelli differenti ta’ setgħa ta’ negozjar fil-konfront ta’ pajjiżi terzi, u livelli differenti ta’ esponiment għal pressjoni esterna. L-integrazzjoni progressiva tal-infrastruttura u s-swieq tal-enerġija, id-dipendenza komuni fuq fornituri esterni jimplikaw li d-deċiżjonijiet politiċi fundamentali dwar l-enerġija meħuda minn Stat Membru wieħed għandhom jiġu diskussi mal-pajjiżi ġirien. L-istess jgħodd għad-dimensjoni esterna tal-politika tal-UE dwar l-enerġija, . Id-Deċiżjoni dwar il-Ftehimiet Intergovernattivi għandha rwol kruċjali biex tgħaqqad id-dimensjoni esterna tal-politika tal-enerġija (minħabba li tirrelata għal ftehimiet ma’ pajjiżi terzi) u d-dimensjoni interna (minħabba li d-dispożizzjonijiet fil-ftehimiet intergovernattivi li mhumiex konformi mal-liġi tal-UE għandhom impatt negattiv fuq il-funzjonament tas-suq intern tal-enerġija).

Għalhekk, id-Deċiżjoni dwar il-Ftehimiet Intergovernattivi għandha valur miżjud ċar għall-UE, billi ssaħħaħ il-kooperazzjoni u t-trasparenza fil-livell tal-UE u tikkontribwixxi għall-funzjonament tas-suq intern tal-enerġija u għas-sigurtà tal-provvista.

2.6    Simplifikazzjoni

Id-Deċiżjoni dwar il-Ftehimiet Intergovernattivi attwali tistabbilixxi mekkaniżmu relattivament sempliċi ta’ skambju ta’ informazzjoni. Il-piż amministrattiv ewlieni għall-Istati Membri huwa marbut mal-proċess ta’ notifika. Il-ftehimiet intergovernattivi jistgħu jittellgħu b’mod elettroniku u ma hemm l-ebda rekwiżit ta’ traduzzjoni għall-Istati Membri. Wieħed jista’ jipprevedi kjarifika, aktar milli simplifikazzjoni. L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni dwar il-Ftehimiet Intergovernattivi attwali jistabbilixxi l-iskadenza għas-sottomissjoni tal-ftehimiet intergovernattivi eżistenti fis-17 ta’ Frar 2013. Billi dan ma għadux japplika, jista’ jiġi kkjarifikat li l-iskadenza ta’ disa’ xhur biex titwettaq il-valutazzjoni ex post tapplika għal kull ftehim intergovernattiv ġdid li jiġi konkluż wara d-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni dwar il-Ftehimiet Intergovernattivi.

Hemm potenzjal limitat għas-simplifikazzjoni fid-Deċiżjoni dwar il-Ftehimiet Intergovernattivi attwali. Madankollu, tista’ tiddaħħal kjarifika dwar l-iskadenza għas-sottomissjoni tal-ftehimiet intergovernattivi konklużi wara d-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni dwar il-Ftehimiet Intergovernattivi.



3.    Konklużjonijiet

Dan ir-rapport huwa bbażat fuq l-esperjenza miksuba mill-Kummissjoni minn mindu daħlet fis-seħħ id-Deċiżjoni dwar il-Ftehimiet Intergovernattivi fl-2012 u fuq analiżi fil-fond ta’ 124 ftehim intergovernattiv notifikati f’dan il-kuntest. Ir-rapport jissodisfa l-obbligu tal-Kummissjoni li tivvaluta d-Deċiżjoni dwar il-Ftehimiet Intergovernattivi kif stipulat fl-Artikolu 8 ta’ dik id-Deċiżjoni.

Id-Deċiżjoni dwar il-Ftehimiet Intergovernattivi fil-forma preżenti tagħha mhix meqjusa li hija effikaċi. Id-dispożizzjonijiet attwali (u b’mod partikolari n-natura ex-post tal-kontroll tal-kompatibbiltà) ma rriżultawx fit-trasformazzjoni tal-ftehimiet intergovernattivi konklużi iżda mhux konformi fi ftehimiet intergovernattivi konformi, u ma kellhomx impatt dirett fuq in-negozjati tal-Istati Membri ma’ pajjiżi terzi. B’mod partikolari, l-ebda abbozz ta’ ftehim intergovernattiv ma ġie sottomess fuq bażi volontarja għal kontroll ex ante.

 

F’dak li jirrigwarda l-effiċjenza u b’mod partikolari l-aspetti tal-ispejjeż u tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji, id-Deċiżjoni dwar il-Ftehimiet Intergovernattivi hija meqjusa raġonevolment effiċjenti. B’mod partikolari, l-ispejjeż marbuta mad-Deċiżjoni dwar il-Ftehimiet Intergovernattivi attwali huma ġġustifikati mill-benefiċċji li tipprovdi, billi din tissalvagwardja l-funzjonament tas-suq intern tal-enerġija u tikkontribwixxi għas-sigurtà tal-provvista. Madankollu, id-Deċiżjoni dwar il-Ftehimiet Intergovernattivi tista’ tkun aktar effiċjenti jekk il-kontroll tal-kompatibbiltà li hija tistabbilixxi jsir ex ante. Dan għandu jssaħħaħ b’mod konsiderevoli ċ-ċertezza legali u jevita spejjeż sinifikanti.

Id-Deċiżjoni dwar il-Ftehimiet Intergovernattivi hija kompletament koerenti ma’ inizjattivi u atti leġiżlattivi oħra tal-UE.

F’dak li jirrigwarda r-rilevanza, il-ftehimiet intergovernattivi se jkomplu jkollhom rwol ewlieni fis-settur tal-enerġija tal-UE. Id-Deċiżjoni dwar il-Ftehimiet Intergovernattivi għalhekk hija rilevanti, iżda jeħtieġ li tiġi addattata għan-natura li dejjem qiegħda tinbidel tal-provvisti u tar-rotot tal-enerġija.

Id-Deċiżjoni dwar il-Ftehimiet Intergovernattivi għandha valur miżjud ċar tal-UE, għaliex issaħħaħ il-kooperazzjoni u t-trasparenza fil-livell tal-UE u tikkontribwixxi għas-sigurtà tal-provvista u għall-funzjonament tas-suq intern tal-enerġija.

Madankollu, f'dak li jirrigwarda s-simplifikazzjoni tista’ tiġi introdotta kjarifika dwar l-iskadenza għas-sottomissjoni tal-ftehimiet intergovernattivi li jiġu konklużi wara d-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni dwar il-Ftehimiet Intergovernattivi.

B’mod ġenerali, dan ir-rapport jikkonkludi li l-proċeduri stabbiliti mid-Deċiżjoni dwar il-Ftehimiet Intergovernattivi attwali mhumiex kompletament xierqa, u l-kwistjoni proċedurali ewlenija f’dan ir-rigward hija n-natura ex post tal-kontroll tal-kompatibbiltà.

(1)

Id-Deċiżjoni Nru 994/2012/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 li tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ skambju ta’ informazzjoni fir-rigward tal-ftehimiet intergovernattivi bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi fil-qasam tal-enerġija, ĠU L 299, 27.10.2012, p. 13–17.

(2)

COM(2014) 330 final

(3)

COM(2015) 80 final

(4)

Din il-konklużjoni ġiet ikkonfermata mill-Kunsill tal-Enerġija fit-28 ta’ Frar 2011: “Skambju ta’ informazzjoni mtejjeb u f’waqtu bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri inkluż l-informazzjoni tal-Istati Membri lill-Kummissjoni dwar il-ftehimiet bilaterali ġodda u eżistenti tagħhom ma’ pajjiżi terzi dwar l-enerġija”.

(5)

Għal dawn il-ftehimiet intergovernattivi, l-Artikolu 103 tal-Euratom jistipula proċedura ex-ante speċifika.

(6)

Pereżempju memoranda ta’ ftehim, ittri ta’ intenzjoni, jew dikjarazzjonijiet politiċi.

(7)

Ta' min jinnota li, f’xi każijiet, il-ftehim intergovernattiv waqaf japplika minħabba li t-tul ta’ żmien inizjali tal-ftehim intergovernattiv ikun skada sadanittant, jew minħabba li kundizzjoni speċifika stabbilita fil-ftehim intergovernattiv ma tkunx ġietx issodisfata fiż-żmien stipulat.

(8)

Ir-Regolament dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass (UE) 994/2010, ĠU L 295, 12.11.2010, p.1

(9)

Għadd ta’ raffineriji fil-pajjiżi Baltiċi u tal-Ewropa Ċentrali jiddependu f’livelli differenti fuq il-pipeline tal-gass ta’ Druzhba li jgħaqqad dawk ir-reġjuni maż-żoni tal-produzzjoni fil-Federazzjoni Russa.

(10)

Sors: dejta annwali tal-ESTAT

(11)

Pereżempju, il-Kroazja, il-Litwanja u l-Latvja jimportaw aktar minn 20 % tal-elettriku tagħhom.

(12)

  https://ec.europa.eu/energy/sites/ener/files/documents/trends_to_2050_update_2013.pdf , p.49. Għal aktar tagħrif, ara l-Valutazzjoni tal-Impatt dwar ir-Reviżjoni tad-Deċiżjoni dwar il-Ftehimiet Intergovernattivi p. 43.

(13)

Pereżempju, konnessjoni ta’ netwerk minn Baku mal-UE taħt il-kappa tal-inizjattiva tal-Kuritur tan-Nofsinhar tinvolvi sa 20 ftehim differenti, li aktar minn nofshom huma ftehimiet intergovernattivi u “Ftehimiet tal-Gvernijiet Ospiti” (jiġifieri ftehimiet bejn gvernijiet u kumpaniji).