Brussell, 5.2.2016

COM(2016) 47 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar il-progress fl-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 391/2009 u d-Direttiva 2009/15/KE dwar ir-regoli u l-istandards komuni għall-organizzazzjonijiet għall-ispezzjoni u l-perizji tal-vapuri u għall-attivitajiet rilevanti tal-amministrazzjonijiet marittimi


1.Introduzzjoni

Bħala parti mit-Tielet Pakkett dwar is-Sigurtà Marittima, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill fl-2009 adottaw ir-Regolament (KE) Nru 391/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli u l-istandards komuni għall-organizzazzjonijiet għall-ispezzjoni u l-perizji tal-vapuri (ir-Regolament) 1 u d-Direttiva 2009/15/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli u l-istandards komuni għall-organizzazzjonijiet għall-ispezzjoni u l-perizji tal-vapuri u għall-attivitajiet rilevanti tal-amministrazzjonijiet marittimi (id-Direttiva) 2 . Dan ir-rapport għandu l-għan li jgħarraf lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress fl-implimentazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament u l-Artikolu 12 tad-Direttiva rispettivament.

2.Sfond

Ir-Regolament u d-Direttiva rrevokaw id-Direttiva tal-Kunsill 94/57/KE 3 u jifformaw liġi waħda koerenti li tipprovdi l-qafas regolatorju għall-organizzazzjonijiet għall-ispezzjoni u l-perizji tal-bastimenti (inkella msejħa organizzazzjonijiet rikonoxxuti jew ORi) fl-UE.

Id-Direttiva tirregola r-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, fil-kapaċità tagħhom bħala stati tal-bandiera, u l-organizzazzjoni(jiet) rikonoxxuta(i) li huma jawtorizzaw biex iwettqu kompiti f’isimhom għaċ-ċertifikazzjoni statutorja ta’ vapuri li jtajru l-bnadar tagħhom.

Ir-Regolament jistabbilixxi l-obbligi u l-kriterji ta’ rikonoxximent għall-organizzazzjonijiet rikonoxxuti, li jkopru kemm attivitajiet statutorji kif ukoll ta’ klassifikazzjoni. Dawn ir-rekwiżiti huma ta’ natura strutturali u sistematika, ibbażati fil-biċċa l-kbira fuq standards internazzjonali. Huma għandhom l-għan li jiżguraw li l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-UE japplikaw b’mod strett ir-regoli u l-proċeduri tagħhom abbażi ta’ sistema ta’ assigurazzjoni ta’ kwalità stretta, fir-rigward tal-vapuri kollha kklassifikati fir-reġistri tagħhom, irrispettivament mill-bandiera.

Ir-Regolament jirregola wkoll l-għoti u l-irtirar tar-rikonoxximent tal-UE, jipprevedi l-valutazzjoni perjodika tal-ORi mill-Kummissjoni u jistipula sistema ta' pieni fil-każ ta' nuqqas ta' konformità.

Jekk Stat Membru jixtieq jawtorizza organizzazzjoni biex twettaq f’ismu l-ispezzjonijiet u l-perizji relatati maċ-ċertifikati statutorji għall-konformità mal-konvenzjonijiet internazzjonali, dan għandu jafda dawn id-dmirijiet biss lil organizzazzjoni rikonoxxuta, li tfisser organizzazzjoni rikonoxxuta skont dan ir-Regolament 4 .

Il-proċess ta’ rikonoxximent huwa ġestit b’mod ċentrali u r-rikonoxximent jingħata mill-Kummissjoni. Ladarba rikonoxxuta fil-livell tal-UE, l-organizzazzjoni hija ħielsa li tikkonkludi ftehimiet bilaterali ma’ kwalunkwe Stat Membru, u dan tal-aħħar ma jistax jirrifjuta iżda biss jirrestrinġi l-għadd ta’ organizzazzjonijiet rikonoxxuti li huwa jawtorizza taħt il-bandiera tiegħu.

Il-Kumitat dwar l-Ibħra Protetti u l-Prevenzjoni ta’ Tniġġis minn Bastimenti (COSS) 5 jassisti lill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni skont l-Artikolu 6 (risp. 12) tad-Direttiva (risp. tar-Regolament).

3.Lista ta’ organizzazzjonijiet rikonoxxuti (ORi)

3.1.Bażi legali għar-rikonoxximent u t-tkomplija ta' rikonoxximenti eżistenti

Id-dispożizzjonijiet li ġejjin tar-Regolament jirregolaw il-proċess ta' rikonoxximent u t-tkomplija ta’ rikonoxximenti mogħtija qabel l-2009 skont id-Direttiva tal-Kunsill 94/57/KE:

l-Artikolu 4: id-deċiżjoni ta’ rikonoxximent li għandha tingħata mill-Kummissjoni skont il-proċedura ta’ eżami prevista fir-Regolament (UE) Nru 182/2011 6 ; l-entità ġuridika rilevanti li għandu jkollha r-rikonoxximent; ir-rikonoxximent limitat; il-pubblikazzjoni tal-lista tal-ORi;

Artikolu 15: it-tkomplija ta’ rikonoxximenti u r-reviżjoni tar-rikonoxximent limitat mogħtija skont id-Direttiva 94/57/KE qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament;

Artikolu 16: il-verifika tal-entità ġuridika li għandu jkollha r-rikonoxximent; id-deċiżjoni li temenda r-rikonoxximenti kif xieraq.

3.2.Bidliet fil-lista

Kien hemm tlettax-il organizzazzjoni li għandhom ir-rikonoxximent tal-UE fl-2007 7 . Minn dak iż-żmien, il-lista evolviet kif ġej:

Ir-rikonoxximent limitat tar-‘Registro Internacional Naval, SA’ (RINAVE) skada fil-18 ta’ April 2008 u ma ġġeddidx 8 ;

Għaxar organizzazzjonijiet żammew ir-rikonoxximenti (mingħajr limitazzjoni) mad-dħul fis-seħħ tar-Regolament fl-2009 skont l-Artikolu 15 tar-Regolament;

Ir-rikonoxximent tal-Reġistru Pollakk tat-Tbaħħir (PRS) inżamm u ġie estiż mingħajr limitazzjonijiet 9 skont l-Artikolu 15 tar-Regolament;

Ir-rikonoxximent limitat tar-Reġistru Elleniku tat-Tbaħħir (HRS) skada fil-18 ta’ April 2008 u ma ġġeddidx 10 ;

Aktar reċentement, inbidlet il-lista ta’ ORi kif ġej:

Fl-2013, wara l-amalgamazzjoni ta’ "Det Norske Veritas" (DNV) u "Germanischer Lloyd" (GL), il-Kummissjoni emendat ir-rikonoxximent ta’ DNV u tatha lill-entità ġuridika ġdida rilevanti "DNV GL AS" 11 skont l-Artikolu 4 u l-Artikolu 16 ta’ dan ir-Regolament;

Fl-2014, il-Kummissjoni tat rikonoxximent lir-"Reġistru tat-Tbaħħir Kroat " (CRS) 12 skont l-Artikolu 4 tar-Regolament;

Fl-2015, il-Kummissjoni emendat ir-rikonoxximenti ta’ erba’ organizzazzjonijiet skont l-Artikolu 16 tar-Regolament u tat lil kull waħda minnhom lill-entità ġuridika rilevanti li għandu jkollha r-rikonoxximent 13 .

3.3.Lista ta’ organizzazzjonijiet rikonoxxuti mill-UE minn Mejju 2015

Skont l-Artikolu 4(5) tar-Regolament, il-Kummissjoni tfassal, taġġorna u tippubblika lista tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti skont ir-Regolament.

Għal dan l-għan, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/669 14 tal-24 ta’ April 2015 li tħassar id-Deċiżjoni 2007/421/KE dwar il-pubblikazzjoni tal-lista tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti li ġew innotifikati mill-Istati Membri skont id-Direttiva tal-Kunsill94/57/KE li tagħti s-setgħa lid-Direttur Ġenerali għall-Mobbiltà u t-Trasport li jippubblika l-lista ta’ organizzazzjonijiet rikonoxxuti u li jaġġornaha fejn meħtieġ.

Il-lista aġġornata kienet ippubblikata fid-19 ta’ Mejju 2015 bħala notifika mill-Kummissjoni Ewropea (2015/C 162/06) 15 ; hija magħmula minn ħdax-il organizzazzjoni: American Bureau of Shipping (ABS) Bureau Veritas SA — Registre international de classification de navires et d’aeronefs (BV); China Classification Society (CCS); Croatian Register of Shipping (CRS); DNV GL AS; KR (Korean Register); Lloyd’s Register Group LTD (LR); Nippon Kaiji Kyokai General Incorporated Foundation (ClassNK); Polish Register of Shipping (PRS); RINA Services S.p.A.; Russian Maritime Register of Shipping (RS).

4.Użu ta’ ORi mill-Istati Membri fil-kapaċità tagħhom bħala Stat tal-Bandiera

4.1.Traspożizzjoni tad-Direttiva 2009/15/KE

Skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva, l-Istati Membri kellhom iwettqu t-traspożizzjoni tad-Direttiva sas-17 ta’ Ġunju 2011. Il-kompletezza tat-traspożizzjoni tad-Direttiva mill-Istati Membri ġiet ivvalutata mill-Kummissjoni u nstabet sodisfaċenti b’mod ġenerali.

4.2.Relazzjonijiet ta' ħidma bejn l-Istati Membri u l-ORi

L-Artikolu 5 tad-Direttiva jistipula li l-Istati Membri li jiddeċiedu li jawtorizzaw organizzazzjoni rikonoxxuta li tistabbilixxi 'relazzjoni ta’ ħidma' formali mal-OR rikonoxxuta kkonċernata f’forma ta’ ftehim formali bil-miktub jew arranġamenti legali ekwivalenti. Skont il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, kull Stat Membru għandu jikkomunika lill-Kummissjoni informazzjoni preċiża dwar ir-relazzjonijiet ta' ħidma mal-ORi.

L-Istati Membri kollha li jużaw waħda jew diversi ORi pprovdew l-informazzjoni dwar ir-relazzjoni ta' ħidma tagħhom kif meħtieġ, inkluż tibdil jew aġġornamenti fejn xieraq. Il-Kummissjoni vverifikat li dawn il-ftehimiet msemmija huma konformi mar-rekwiżiti.

L-Istati Membri kollha ħlief wieħed kkonkludew ftehim ma’ wieħed jew diversi ORi. L-għadd ta’ ftehimiet konklużi minn kull Stat Membru jvarja minn wieħed sa għaxra, b’medja ta’ sitt ORi awtorizzati għal kull Stat Membru.

L-għadd ta’ ftehimiet konklużi minn ORi tal-UE mal-Istati Membri jvarja minn wieħed sa ħamsa u għoxrin, b’medja ta’ erbatax-il ftehim għal kull OR.

Skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva, Stat Membru jista’ jissospendi jew jirtira l-awtorizzazzjoni ta’ OR jekk iqis li l-OR kkonċernata ma tkunx tista’ twettaq aktar f’ismu d-dmirijiet speċifikati fl-Artikolu 3 (spezzjoni, stħarriġ u /jew ħruġ ta' ċertifikat statutorju). F’tali każ, l-Istat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni mingħajr dewmien, u jagħti r-raġunijiet sostanzjati tiegħu 16 . Il-Kummissjoni ma rreġistrat l-ebda notifika bħal din sa mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva.

4.3.Monitoraġġ ta’ ORi mill-Istati Membri

Kull Stat Membru għandu jissodisfa ruħu li l-ORi li jaġixxu f’isimha effettivament iwettqu l-funzjonijiet fdati lilhom fir-rigward ta’ vapuri li jtajru l-bandiera tiegħu. Għal dan l-għan, kull Stat Membru għandu fuq bażi biennali jimmonitorja kull OR li taġixxi f’ismu u jikkondividi r-riżultati ta’ dan il-monitoraġġ mal-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħra (l-Artikolu 9 tad-Direttiva).

B’mod ġenerali, l-Istati Membri ssodisfaw dan l-obbligu u pprovdew ir-rapporti ta’ monitoraġġ tagħhom lill-Kummissjoni kif meħtieġ 17 . Madankollu, id-Direttiva ma tipprovdix rekwiżit speċifiku dwar l-istruttura, il-kontenuti u l-livell ta’ dettalji tar-rapporti ta’ monitoraġġ. Għaldaqstant, il-kompletezza u l-kwalità tar-rapporti ivarjaw b’mod sinifikanti minn Stat Membru għal ieħor. Il-Kummissjoni bdiet diskussjoni mal-Istati Membri bil-ħsieb li jintlaħaq qbil dwar lista ta’ elementi minimi li għandhom ikunu koperti mir-rapporti.

L-Istati Membri għandhom ukoll iwettqu l-monitoraġġ tal-ORi fil-kapaċità tagħhom bħala Stati tal-port (l-Artikolu 10 tad-Direttiva) u jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar "dawk il-każijiet ta’ vapuri li jirrappreżentaw theddida serja għas-sikurezza u għall-ambjent jew li juru evidenza ta’ mġieba partikolarment negliġenti tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti". Sal-lum, il-Kummissjoni ma rreġistrat l-ebda notifika bħal din mill-Istati Membri.

5.Sorveljanza u Monitoraġġ tal-ORi fil-livell tal-UE

5.1.Valutazzjonijiet perjodiċi

Qafas legali

Skont l-Artikolu 8 tar-Regolament, " L-organizzazzjonijiet rikonoxxuti kollha għandhom jiġu evalwati mill-Kummissjoni, flimkien mal-Istat Membru li jkun ippreżenta t-talba rilevanti għar-rikonoxximent (...) mill-anqas kull sentejn." "Il-valutazzjoni tista’ tinkludi żjara lil fergħat reġjonali tal-organizzazzjoni rikonoxxuta kif ukoll spezzjoni mhux regolari tal-vapuri, kemm dawk li qed jintużaw kif ukoll dawk li qed jinbnew, sabiex tkun ivverifikata l-prestazzjoni tal-organizzazzjoni rikonoxxuta". Il-valutazzjoni titwettaq mill-Kumissjoni bil-ħsieb li (1) tivverfika li l-ORi jissodisfaw l-obbligi skont ir-Regolament u jwettqu l-kriterji minimi stabbilti fl-Anness 1 tar-Regolament; (2) tanalizza kull punt speċifiku ta' nuqqas ta' konformità u l-konsegwenzi (potenzjali) tiegħu f'termini ta' sikurezza u protezzjoni tal-ambjent.

Żjajjar u spezzjonijiet

Il-Kummissjoni inkarigat lill-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA) 18 biex twettaq, f’ismiha, iż-żjarat u l-ispezzjonijiet tekniċi meħtieġa msemmijin hawn fuq. Din il-prattika ġiet kodifikata mill-aħħar emenda fir-Regolament ta' Stabbiliment tal-EMSA 19 li jistipula li "L-Aġenzija għandha twettaq spezzjonijiet f’isem il-Kummissjoni kif meħtieġ mill-atti legali vinkolanti tal-Unjoni fir-rigward ta’ organizzazzjonijiet rikonoxxuti mill-Unjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 391/2009 (...)".

L-għan huwa li l-Kummissjoni tingħata evidenza fattwali u analiżi teknika meħtieġa għall-valutazzjoni. Dan l-arranġament ippermetta wkoll lill-EMSA tiżviluppa għarfien espert b'saħħtu f’dan il-qasam u żżomm grupp ta’ spetturi kwalifikati 20 .

Sabiex tissaħħaħ l-effettività u l-effiċjenza tal-valutazzjonijiet perjodiċi, approċċ ibbażat fuq ir-riskju ġie żviluppat għall-ippjanar, it-tħejjijja u t-tmexxija taż-żjarat u l-ispezzjonijiet ibbażati fuq firxa wiesgħa ta’ informazzjoni u dejta (eż. is-sejbiet tal-valutazzjonijiet preċedenti, ir-rapporti mill-Istati Membri, l-istatistika tal-persunal u tal-flotta, l-attività ta' stħarriġ dwar bini ġdid, inċidenti, dejta ta’ kontroll tal-istat tal-port, eċċ.).

Minn Ġunju 2009, meta r-Regolament daħal fis-seħħ sa tmiem l-2014 (5.5 snin), l-EMSA wettqet 111-il żjara u spezzjoni, inkluż 31 żjara tal-kwartieri ġenerali, 66 żjara tal-uffiċċji tal-fergħat u 14-il spezzjoni ta’ vapuri. Madwar 40 % ta’ dawn iż-żjarat saru fil-pajjiżi tal-UE/ŻEE, u 60 % f’pajjiżi terzi 21 .

Valutazzjoni mill-Kummissjoni u l-korrezzjoni tan-nuqqasijiet

Il-Kummissjoni perjodikament tivvaluta b’mod komprensiv il-konformità tal-ORi mal-obbligi u l-kriterji minimi tar-Regolament, fuq il-bażi tas-sejbiet, l-analiżi teknika u, skont il-każ, ir-rakkomandazzjonijiet tal-EMSA.

Il-valutazzjoni perjodika tiffoka fuq il-prestazzjoni sistemika tal-organizzazzjoni u tgħaqqad approċċi analitiċi differenti bl-għan li tiddetermina l-kawżi prinċipali possibbli tal-problemi identifikati kif ukoll il-kobor u l-gravità tal-konsegwenzi potenzjali tagħhom. Il-valutazzjoni hija indirizzata lill-OR kkonċernata b’deskrizzjoni estensiva u valutazzjoni ta’ punti rilevanti ta’ nuqqas ta’ konformità identifikat, bi stedina biex tieħu azzjonijiet korrettivi u preventivi strutturali sabiex tirrimedja dawk l-elementi ta’ nuqqas ta’ konformità u sabiex ma jitħallewx jerġgħu jseħħu 22 .

L-azzjonijiet korrettivi u preventivi implimentati mill-ORi kienu varjati ħafna, mill-aġġustament ta’ elementi speċifiċi tas-sistemi tagħhom sar-rinnovazzjoni kompleta tagħhom. Sa issa, l-ORi kkooperaw b’mod trasparenti u effettiv li jixhed il-professjonaliżmu u -l-impenn tagħhom għas-sikurezza.

Mill-inqas darba kull sentejn, ir-riżultati kkonsolidati taż-żjarat, l-ispezzjonijiet u l-valutazzjonijiet huma diskussi mal-Istati Membri fil-COSS, u dan jipprovdi wkoll informazzjoni importanti lill-amministrazzjonijiet nazzjonali għall-iskop ta’ monitoraġġ tagħhom stess tal-ORi li huma jawtorizzaw fil-qafas tad-Direttiva (taqsima 4.3 hawn fuq).

5.2.Infurzar u setgħat koerċittivi tal-Kummissjoni

Il-punti ta’ nuqqas ta’ konformità ta' ORi mar-Regolament normalment jiġu indirizzati fil-qafas tal-valutazzjoni perjodika (Artikolu 8) li tinkludi segwitu tal-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet korrettivi rilevanti mwettqa mill-ORi bi tweġiba għall-valutazzjoni tal-Kummissjoni kif ukoll diskussjonijiet kollettivi dwar kwistjonijiet trasversali.

Minkejja dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni għandha wkoll setgħat speċifiċi ta’ infurzar u koerċittivi sabiex "in-nuqqas minn organizzazzjoni rikonoxxuta li taqdi l-obbligi tagħha jkun jista’ jiġi ttrattat malajr u b’mod effettiv u proporzjonat" (premessa (10) tar-Regolament), jiġifieri l-possibbiltà li titlob b’mod formali li OR timplimenta azzjonijiet preventivi u ta' rimedju fi żmien l-iskadenzi speċifikati (Artikolu 5) u l-possibilità li timponi multi u/jew ħlasijiet perjodiċi ta’ penali (Artikolu 6).

Jekk il-miżuri msemmija hawn fuq jonqsu milli jiksbu l-għan tagħhom jew jekk l-organizzazzjoni b’xi mod ieħor tippreżenta theddida mhux aċċettabbli għas-sikurezza jew għall-ambjent, il-Kummissjoni tista’ tirtira r-rikonoxximent tal-organizzazzjoni, skont il-proċedura ta’ eżami 23 u wara li l-organizzazzjoni kkonċernata tkun ingħatat l-opportunità li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha (Artikolu 7).

S’issa, il-Kummissjoni ma kelliex il-ħtieġa li tagħmel żu mill-Artikoli 5, 6 jew 7.

Skont l-Artikolu 14(2) tar-Regolament u fl-interessi tat-trasparenza u ċ-ċertezza tad-dritt, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 788/2014 24 li jistabbilixxi regoli dettaljati dwar l-impożizzjoni ta’ multi u ta’ ħlasijiet perjodiċi ta’ penali, u dwar l-irtirar tar-rikonoxximent ta’ organizzazzjonijiet għall-ispezzjoni u l-perizji tal-vapuri skont l-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament (KE) Nru 391/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, sabiex il-metodoloġija għall-kalkolu tal-multi u l-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali mill-Kummissjoni tkun magħrufa minn qabel mill-organizzazzjonijiet ikkonċernati, inkluż kriterji speċifiċi biex tivvaluta l-gravitàtal-każ u tal-punt sa fejn is-sikurezza jew il-protezzjoni ambjentali tkun ġiet kompromessa.

5.3.Prestazzjoni fil-qasam tas-sikurezza u l-prevenzjoni tat-tniġġis

Ir-rikonoxximent għandu jingħata (u jinżamm) abbażi tal-prestazzjoni tal-organizzazzjoni fil-qasam tal-kwalità u s-sikurezza. Ir-Regolament għalhekk jipprovdi (Artikolu 14(1)) li l-Kummissjoni tadotta l-kriterji sabiex titkejjel l-effettività tar-regoli u l-proċeduri tal-ORi kif ukoll il-prestazzjoni tal-ORi fir-rigward tas-sikurezza tal-vapuri kklassifikati tagħhom u l-prevenzjoni tat-tniġġis minnhom, b'kunsiderezzjoni partikolari għad-dejta prodotta mill-Memorandum ta' Qbil ta’ Pariġi dwar il-Kontroll mill-Istat tal-Port u/jew minn skema simili, u sabiex jiġi determinat meta tali prestazzjoni għandha titqies bħala theddida inaċċettabbli għas-sikurezza jew l-ambjent. Rekwiżit simili eżista fid-Direttiva 94/57/KE (imħassra) li rriżulta fl-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/491/KE dwar kriterji li għandhom jiġu segwiti sabiex jiġi deċiż meta l-prestazzjoni ta’ organizzazzjoni li taġixxi għan-nom ta’ Stat tal-bandiera tista’ titqies bħala theddida inaċċettabbli għas-sikurezza u l-ambjent 25 .

Din id-Deċiżjoni bdiet tapplika fl-istess mument meta r-Regolament daħal fis-seħħ. Hija tiġbor flimkien dejta ta’ kontroll tal-Istat tal-Port 26 (detenzjonijiet marbuta mal-ORi) prodotta mill-MtQ ta' Pariġi u dak ta' Tokyo u s-sistema tal-Gwardja Kostali tal-Istati Uniti f’punteġġ kumplessiv.

Il-Kummissjoni implimentat din id-Deċiżjoni u kkondividiet ir-riżultati mal-Istati Membri fuq bażi regolari. Mill-2009 l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-UE b’mod konsistenti rreġistrataw prestazzjoni “ġusta” għal “għolja” kif imkejla minn dawn il-kriterji.

Il-Kummissjoni bdiet ix-xogħol ta’ tħejjija għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament li jinkludi reviżjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/491/KE.

6.Dimensjoni internazzjonali

6.1.Iż-Żona Ekonomika Ewropea

Kemm ir-Regolament u d-Direttiva huma rilevanti għaż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) 27 , kif kien ukoll il-każ tad-Direttiva tal-Kunsill 94/57/KE (imħassra). Mill-2009 'l hawn madankollu, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE ma inkorporahomx fl-Anness rilevanti tal-Ftehim minħabba l-oppożizzjoni ta’ xi Stati taż-ŻEE-EFTA li dewwmu l-proċess s’issa. Dawk l-Istati jibqgħu japplikaw id-Direttiva tal-Kunsill 94/57/KE 28 . Dan irriżulta f’għadd ta’ diskrepanzi fl-applikazzjoni tar-rekwiżiti għal ORi li joperaw fi ħdan iż-ŻEE — f’kontradizzjoni mal-għan tal-Ftehim taż-ŻEE.

6.2.Il-Kodiċi tal-IMO għall-Organizzazzjonijiet Rikonoxxuti

Il-Premessa (8) tad-Direttiva tistipula li: "Mad-dinja kollha numru kbir ta’ organizzazzjonijiet rikonoxxuti mill-Partijiet Kontraenti tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) eżistenti ma jiżgurawx implimentazzjoni adegwata tar-regoli jew affidabilità biżżejjed meta jaġixxu f'isem l-amministrazzjonijiet nazzjonali għaliex ma għandhomx l-istrutturi u l-esperjenza adegwati u affidabbli u li jippermettulhom iwettqu d-dmirijiet tagħhom b'mod mill-iktar professjonali" 29 . KONXJI li regoli u standards komuni għal ORi kien ikollhom impatt akbar fuq is-sikurezza kieku dawn jiġu adottati u infurzati fil-livell globali, il-koleġiżlaturi indikaw fil-premessa (4) tar-Regolament li "l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jippromwovu l-iżvilupp mill-IMO ta’ Kodiċi internazzjonali għall-organizzazzjonijiet rikonoxxuti".

L-Istati Membri u l-Kummissjoni kkontribwew attivament għall-elaborazzjoni tal-Kodiċi fi ħdan il-Kumitati rilevanti tal-IMO. Fl-aħħar tal-2012, it-test finali tal-Kodiċi tal-IMO għall-Organizzazzjonijiet Rikonoxxuti (Kodiċi ORi) ġie approvat mill-IMO iżda l-Kummissjoni vvalutat li xi emendi, jekk jiġu adottati, imorru kontra l-leġiżlazzjoni tal-UE fis-seħħ jew jintroduċu kontradizzjonijiet severi.

Billi din hija kwistjoni ta’ kompetenza tal-UE, il-Kunsill stabbilixxa l-pożizzjoni tal-Istati Membri 30 fi ħdan l-IMO li kienet li jawtorizza lill-Istati Membri biex jagħtu l-kunsens tagħhom biex jintrabtu mill-kodiċi bit-twissija li huwa meqjus bħala standard minimu u li xejn fih m’għandu jiġi interpretat bħala li jirrestrinġi jew jillimita t-twettiq tal-obbligi tagħhom taħt il-liġi tal-UE fir-rigward ta’ tliet punti enumerati b’mod speċifiku 31 .

Barra minn hekk, kif previst mir-Regolament u d-Direttiva f’dawn il-każijiet, il-Kummissjoni użat il-hekk imsejħa “proċedura ta’ kontroll ta’ konformità” (mekkaniżmu ta’ salvagwardja) biex jiġi evitat li jiġu inkorporati awtomatikament fil-liġi tal-Unjoni ċerti dispożizzjonijiet tal-Kodiċi ORi li jew kienu inkompatibbli mal-leġiżlazzjoni tal-UE fis-seħħ jew li seta' jkollhom impatt negattiv fuq l-istandards ta’ sikurezza tal-UE 32 . Il-Kummissjoni temmet il-proċedura f’Diċembru 2014, ftit qabel id-dħul fis-seħħ tal-Kodiċi ORi 33 .

7.Mekkaniżmi oħra previsti fir-Regolament

7.1.Artikolu 10(1) — kundizzjonijiet tekniċi u proċedurali għar-rikonoxximent reċiproku ta’ ċertifikat tal-klassi għal materjali, komponenti u tagħmir

Filwaqt li jippromwovi l-objettiv tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi għal soċjetajiet ta’ klassifikazzjoni rikonoxxuti mill-UE, ir-Regolament jirrikjedi li l-ORi jikkooperaw ma’ xulxin bil-ħsieb li jimmiraw lejn l-armonizzazzjoni tar-regoli u l-proċeduri tagħhom u li, f’każijiet fejn dan ikun xieraq, jaqblu dwar il-kondizzjonijiet tekniċi u proċedurali li taħthom huma se jirrikonoxxu reċiprokament iċ-ċertifikati tal-klassi tagħhom għal tagħmir, materjali u komponenti abbażi ta’ standards ekwivalenti, bl-użu tal-aktar standards eżiġenti u rigorużi bħala referenza. Sa ċertu punt, dan il-mekkaniżmu huwa bbażat fuq il-prinċipji tal-awtoregolamentazzjoni u sħubija mal-partijiet interessati rilevanti tal-industrija marittima.

Skont l-Artikolu 10(2) tar-Regolament, il-Kummissjoni vvalutat l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ hawn fuq billi l-ORi tal-UE 34 u ppreżentat rapport lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill fl-aħħar ta’ Lulju 2015 35 , ibbażat fuq studju indipendenti 36 . Dan ir-rapport jikkonkludi fost l-oħrajnli l-iskema żviluppata u implimentata mill-ORi tal-UE hija konforma mal-Artikolu 10.1 tar-Regolament.

7.2.Artikolu 11 — it-twaqqif ta’ entità indipendenti għall-valutazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni tal-kwalità (QACE)

Ir-Regolament jistipula li l-ORi għandhom jistabbilixxu sas-17 ta’ Ġunju 2011 u jżommu entità indipendenti għall-valutazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni tal-kwalità bl-għan prinċipali li tivvaluta u tiċċertifika s-sistema ta’ ġestjoni tal-kwalità, bil-ħruġ ta’ interpretazzjonijiet dwar standards ta’ ġestjoni tal-kwalità adattati għall-karatteristiċi distintivi tal-ORi, u l-adozzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet individwali u kollettivi għat-titjib tal-mekkaniżmi ta’ kontroll intern tal-ORi.

L-entità twaqqfet f’Novembru 2010 f’Londra, ir-Renju Unit, bħala kumpannija (mingħajr skop ta' qligħ) privata b'responsabbiltà limitata u ta' interess komunitarju, bl-isem 'QACE — Entità għall-Valutazzjoni u ċ-Ċertifikazzjoni tal-Kwalità u ta’ Organizzazzjonijiet Rikonoxxuti mill-Unjoni Ewropea (CIC)' 37 .

Skont il-paragrafi 6 u 7 tal-Artikolu 11, il-Kummissjoni, bl-għajnuna tal-EMSA, eżaminat l-iżvilupp u l-operat tal-QACE għall-aħħar ħames snin u rrappurtat dwar ir-riżultati u s-segwitu tal-valutazzjoni tagħha lill-Istati Membri fis-COSS.

Il-Kummissjoni hija b’mod ġenerali sodisfatta bl-iżvilupp tal-QACE u l-entità issa tista’ tiġi kkunsidrata bħala organizzazzjoni awtonoma ċċertifikata bħala konformi mal-ISO 900:2008.

L-istruttura ta’ governanza tal-QACE tipprevedi separazzjoni ċara bejn korporattivi u dawk operattivi, sabiex il-QACE tidher li topera b’mod indipendenti mill-ORi.

Rigward il-valutazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni tas-sistema għall-ġestjoni tal-kwalità, il-Kummissjoni tinnota l-isforzi mwettqin mill-QACE biex tikkoopera mal-Iskema ta' Ċertifikazzjoni tas-Sistemi ta' Kwalità privata ġestita mill-Assoċjazzjoni Internazzjonali tas-Soċjetajiet ta’ Klassifikazzjoni u tinkoraġġixxi aktar sinerġija sakemm tikkontribwixxi għall-kisba tal-implimentazzjoni sħiħa tar-rekwiżit tar-Regolament.

8.Konklużjonijiet

Wara li kkunsidrat it-taqsimiet preċedenti, il-Kummissjoni tqis li mill-2009 l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/15/KE u r-Regolament (KE) Nru 391/2009 avvanzat b’mod effettiv, bis-saħħa tal-isforzi magħquda tal-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-EMSA u l-kooperazzjoni bejniethom.

Kważi d-dispożizzjonijiet kollha tar-Regolament u tad-Direttiva ġew implimentati kif meħtieġ, li jfisser li l-attivitajiet, il-mekkaniżmi, l-iskemi u l-arranġamenti ta’ ħidma diversi issa huma stabbiliti u operattivi.

Jidher li għadu kmieni wisq biex wieħed jivvaluta l-impatt ta’ din il-leġiżlazzjoni, u għandha tingħata prijorità biex titkompla l-implimentazzjoni tal-qafas eżistenti.

(1)  ĠU L 131, 28.5.2009, p. 11, kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1355/2014, ĠU L 365, 19.12.2014, p. 82.
(2)  ĠU L 131, 28.5.2009, p. 11, kif emendat bid-Direttiva ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 111/2014, ĠU L 366, 20.12.2014, p. 83.
(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 94/57/KE tat-22 ta' Novembru 1994 dwar ir-regoli u l-istandards komuni għall-ispezzjoni tal-bastimenti u l-organizzazzjonijiet tal-perizji u għall-attivitajiet rilevanti tal-amministrazzjoniet marittimi, ĠU L 319, 12.12.1994, p. 20, kif emendata.
(4)  L-Anness I ta’ dan ir-Regolament stabbilixxa kriterji minimi sabiex l-organizzazzjonijiet jiksbu u jkomplu jgawdu r-rikonoxximent (tal-UE).
(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 2099/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ĠU L 324, 29.11.2002, p. 1, kif l-aħħar emendat bir-Regolament (UE) Nru 530/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ĠU L 172, 30.6.2012, p. 3.
(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni, ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.
(7)  Il-lista ta' organizzazzjonijiet rikonoxxuti skont id-Direttiva tal-Kunsill 94/57/KE dwar ir-regoli u l-istandards komuni għall-ispezzjoni tal-bastimenti u l-organizzazzjonijiet tal-perizji u għall-attivitajiet rilevanti tal-amministrazzjonijiet marittimi (2007/C 135/04), ĠU C 131, 19.6.2007, p. 4.
(8)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/311/KE tat-18 ta’ April 2005 dwar li jiġi estiż l-għarfien limitat ta’ RINAVE — Registro Internacional Naval, SA, ĠU L 99, 19.4.2005, p. 15.
(9)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/728/KE tat-30 ta' Settembru [li testendi] l-estensjoni mingħajr limitazzjonijiet tar-rikonoxximent Komunitarju tar-Reġistru Pollakk tal-Bastimenti, ĠU L 258, 1.10.2009, p. 34.
(10)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Marzu 2009 li testendi r-rikonoxximent Komunitarju limitat tal-Hellenic Register of Shipping (HRS), ĠU L 109, 30.4.2009, p. 42.
(11)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Diċembru 2013 li temenda r-rikonoxximent ta’ Det Norske Veritas skont ir-Regolament (KE) Nru 391/200, ĠU L 338, 17.12.2013, p. 107.
(12)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Mejju 2014 li tagħti rikonoxximent mill-UE lir-Reġistru tat-Tbaħħir Kroat skont ir-Regolament (KE) Nru 391/2009, ĠU L 145, 16.5.2014, p. 43.
(13)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/668 tal-24 ta' April 2015 dwar l-emendar tar-rikonoxximenti ta' ċerti organizzazzjonijiet skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 391/2009, ĠU L 110, 29.4.2015, p. 22.
(14)  ĠU L 110, 24.4.2015, p. 24.
(15)  ĠU C 162, 19.5.2015, p. 5.
(16)  Minbarra każijiet ta’ terminazzjoni tal-ftehim ta' awtorizzazzjoni fuq l-inizjattiva tal-OR jew b'kunsens reċiproku bejn l-Istat Membru u l-OR kkonċernata.
(17)  Stat Membru wieħed naqas milli ssodisfa dan l-obbligu; il-proċedura ta’ ksur għadha għaddejja.
(18)  L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima ġiet stabbilita fl-2002 bħala parti mill-'Pakkett Erika II'. L-ispezzjoni tal-ORi kienet waħda mill-ewwel attivitajiet tal-Aġenzija meta bdiet l-operat tagħha.
(19)  Regolament (KE) Nru 1406/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Aġenzija Marittima Ewropea tas-Sigurtà (ĠU L 208, 5.8.2002, p. 1), kif l-aħħar emendat bir-Regolament (UE) Nru 100/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 39, 9.02.2013, p. 31).
(20)  L-EMSA tħaddem disa’ spetturi full-time għall-iskop tal-ispezzjonijiet tal-ORi u twettaq sa għoxrin żjara/spezzjoniji kull sena f’pajjiżi u f’reġjuni differenti tad-dinja.
(21)  Dan jinkludi għadd sinifikanti ta’ żjarat fl-Asja tal-Lvant u l-Lvant Imbiegħed fejn il-biċċa l-kbira tal-attività tal-bini tal-vapuri jseħħ illum. Barra minn hekk, nofs l-ORi tal-UE ROS għandhom il-kwartieri ġenerali tagħhom li jinsabu f’pajjiżi terzi: ABS (l-Istati Uniti tal-Amerika), CCS (iċ-Ċina), ClassNK (il-Ġappun), KR (il-Korea) u RS (ir-Russja).
(22)  Pereżempju, analiżi tal-kawżi ewlenin tan-nuqqas ripetut tal-applikazzjoni ta' rekwiżit tal-konvenzjoni għall-kostruzzjoni tal-vapuri (kif irrappurtat f’diversi spezzjonijiet u evidenzjat bl-eżami ta’ kampjuni ta’ rapporti ta’ stħarriġ) wasslet għall-identifikazzjoni ta’ nuqqas sistematiku fil-proċess tal-organizzazzjoni tal-aġġornament u ż-żamma tar-regoli, filwaqt li l-l-analiżi tal-konsegwenzi kkonkludew li l-istħarriġ rilevanti għal ċertu grupp ta’ vapuri ma kienx konkluż skont ir-rekwiżiti tas-sikurezza applikabbli rilevanti; l-OR kkonċernata biddlet is-sistema tal-kwalità tagħha biex tiżgura li r-regoli u l-proċeduri tagħha kienu miżmuma aġġornati (prevenzjoni) u wettqet pjan ta' spezzjoni mill-ġdid tal-vapuri li setgħu ntlaqtu (korrezzjoni).
(23)  Skont l-Artikolu 13(1)(c) of Regulation (EU) 182/2011
(24)  ĠU L 214, 19.7.2014, p. 12 u ĠU L 234, 7.8.2014, p. 15.
(25)  ĠU L 162, 25.6.2009, p. 6.
(26)  Għadd ta’ detenzjonijiet marbuta mal-ORi, jiġifieri l-għadd ta’ vapuri miżmuma mill-awtoritajiet tal-Kontroll mill-Istat tal-Port abbażi tal-hekk imsejħa nuqqasijiet li jikkawżaw detenzjoni (nuqqasijiet serji fit-twettiq ta' rekwiżiti tal-Konvenzjonijiet) attribwibbli għall-ħidmal/responsabbiltà tal-organizzazzjoni rikonoxxuta.
(27)  Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1994, jiġbor flimkien l-Istati Membri tal-UE u t-tliet l-Istati taż-ŻEE-EFTA — l-Islanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja — f’suq uniku, imsejjaħ “Suq Intern”. Il-Ftehim ŻEE jipprevedi l-inklużjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE li tkopri l-erba’ libertajiet — il-moviment liberu tal-merkanzija, tas-servizzi, tal-persuni u tal-kapital — madwar il-31 Stat taż-ŻEE. Il-Ftehim jiggarantixxi drittijiet u obbligi ugwali fi ħdan is-suq intern għaċ-ċittadini u l-operaturi ekonomiċi fiż-ŻEE.
(28)  Tapplika d-Direttiva tal-Kunsill 94/57/KE kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2002/84/KE; Ara fil-Ftehim ŻEE, Anness XIII, Parti V, punt 55b, p. 55.
(29)  F’dak iż-żmien, ma kien jeżisti l-ebda sett konsolidat ta’ regoli jew standards ta’ status mandatorju fil-livell tal-IMO biex jirregola r-rikonoxximent, l-awtorizzazzjoni u l-monitoraġġ ta’ ORi mill-Istati tal-bandiera.
(30)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/268/UE tat-13 ta’ Mejju 2013 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) fir-rigward tal-adozzjoni ta’ ċerti Kodiċijiet u emendi relatati f’ċerti konvenzjonijiet u protokolli, ĠU L 155, 7.6.2013, p. 3.
(31)  Dikjarazzjoni annessa mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/268/UE: 1/ id-definizzjoni ta’ 'ċertifikati statutorji' u 'ċertifikati ta’ klassi', 2/ il-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligi u l-kriterji stipulati għal organizzazzjonijiet rikonoxxuti, 3/ id-dmirijiet tal-Kummissjoni Ewropea fir-rigward tar-rikonoxximent, il-valutazzjoni u, fejn adatt, l-impożizzjoni ta’ miżuri korrettivi jew sanzjonijiet fuq organizzazzjonijiet rikonoxxuti.
(32)  Ir-Regolament u d-Direttiva jinkludu referenzi dinamiċi għall-“konvenzjonijiet internazzjonali”, jiġifieri l-emendi għall-konvenzjonijiet jiddaħħlu b’mod awtomatiku fil-liġi tal-Unjoni fl-istess mument meta jidħlu fis-seħħ fil-livell internazzjonali. Emendi bħal dawn jistgħu, madankollu, jiġu esklużi skont il-proċedura ta’ kontroll ta’ konformità stabbilita fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 2099/2002.
(33)  Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1355/2014 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 391/2009 (ĠU L 365, 19.12.2014, p. 82) u d-Direttiva ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/111/UE li temenda d-Direttiva 2009/15/KE (ĠU L 366, 20.12.2014, p. 83) tas-17 ta’ Diċembru 2014 fir-rigward tal-adozzjoni mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) ta’ ċerti Kodiċijiet u emendi relatati f’ċerti konvenzjonijiet u protokolli.
(34)  Aktar tagħrif: http://www.euromr.org
(35)  COM(2015) 382 finali
(36)   http://ec.europa.eu/transport/modes/maritime/studies/doc/2015-05-29-report-mutual-recognition.pdf
(37)  Aktar informazzjoni: http://qace.co , inkluż ir-Rapport Annwali 2012, 2013 u 2014 tal-QACE.