Brussell, 4.2.2016

COM(2016) 46 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Valutatazzjoni tal-effikaċja tas-sistema eżistenti tal-istituzzjonijiet ta’ finanzjament pubbliċi Ewropej għall-promozzjoni tal-investiment fl-Ewropa u fil-viċinat tagħha

{SWD(2016) 22 final}


1. INTRODUZZJONI

Fis-16 ta’ Novembru 2011, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw id-Deċiżjoni Nru 1219/2011/UE dwar is-sottoskrizzjoni mill-Unjoni Ewropea (UE) għal ishma addizzjonali fil-kapital tal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ).

Dan ir-rapport huwa reazzjoni għall-istedina li hemm fil-premessa 8 tad-Deċiżjoni lill-Kummissjoni (KE) sabiex, sa tmiem l-2015, tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport li jeżamina l-effikaċja tas-sistema eżistenti tal-istituzzjonijiet ta’ finanzjament pubbliċi Ewropej għall-promozzjoni tal-investiment fl-Ewropa u fil-Viċinat tagħha - inkluż rakkomandazzjonijiet dwar il-kooperazzjoni bejn il-banek rispettivi u l-ottimizzazzjoni u l-koordinazzjoni tal-attivitajiet tagħhom.

Il-KE tappoġġa b’mod attiv il-pajjiżi Ewropej u dawk ġirien permezz ta’ firxa wiesgħa ta’ programmi u strumenti finanzjarji li huma wkoll ikkanalati permezz ta’ Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali (IFIs). Dawn jinvolvu, fost l-oħrajn, il-BERŻ u l-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), li jikkonsisti mill-BEI u l-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI). Il-kooperazzjoni bejn il-KE, il-Grupp tal-BEI u l-BERŻ hija rregolata mill-Memorandum ta’ Qbil dwar attivitajiet barra l-UE 1 (l-hekk imsejjaħ “MtQ Tripartit”, iffirmat fl-2011 u rivedut fl-2013).

2. KAMP TA' APPLIKAZZJONI U APPROĊĊ METODOLOĠIKU

L-analiżi tkopri l-perjodu 2010-2014 u tiffoka fuq dawk il-pajjiżi tal-UE fejn il-BERŻ huwa attiv u fuq il-Viċinat Ewropew (“ir-Reġjun”) li għall-finijiet ta’ dan ir-rapport huma maqsuma fiż-żoni ġeografiċi distinti li ġejjin: l-Istati Membri tal-UE tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, (UE-11); il-Mediterran tan-Nofsinhar u tal-Lvant; l-Ewropa tax-Xlokk; l-Ewropa tal-Lvant u l-Kawkasu; l-Asja Ċentrali; ir-Russja u t-Turkija 2 .

Fir-reġjun kollu, il-Grupp tal-BEI u l-BERŻ huma bil-bosta l-IFIs l-aktar attivi u għalhekk il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet huma bbażati fuq analiżi fil-fond ta’ dawn iż-żewġ IFIs u fuq valutazzjoni tal-kooperazzjoni tagħhom. Twettaq ukoll rieżami aktar ġenerali, li jinstab fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal (SWD) ippreżentat flimkien ma’ dan ir-rapport, għal IFIs oħrajn attivi fir-Reġjun li jinkludu: il-Grupp tal-Bank Dinji inklużi s-sussidjarji tiegħu l-Korporazzjoni Finanzjarja Internazzjonali (IFC) u l-Bank Internazzjonali għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (IBRD), il-Bank tal-Kummerċ u l-Iżvilupp tal-Baħar l-Iswed (BSTDB), il-KfW Entwicklungsbank (KfW), l-Agence Française de Développement (AFD), il-Bank ta’ Żvilupp tal-Kunsill tal-Ewropa (CEB) u l-Bank Gospodarstwa Krajowego (BGK).

Fit-tħejjija tar-rapport, il-KE kienet megħjuna minn konsulent estern fil-ġbir u l-analiżi tad-dejta. Intużaw erba’ għodod operattivi differenti fil-proċess: riċerka bbażata biss fuq id-dokumentazzjoni u analiżi tal-letteratura; intervisti mal-partijiet ikkonċernati; analiżi tal-bażi ta’ dejta; u analiżi tal-istudji tal-każijiet.

3. ĦARSA ĠENERALI LEJN IL-GRUPP TAL-BEI U L-BERŻ

Iż-żewġ entitajiet IFI għandhom azzjonisti differenti u mandati distinti u mudelli ta’ kummerċ partikulari. Dawn id-differenzi jġibu liż-żewġ entitajiet IFI il-vantaġġi komparattivi speċifiċi tagħhom li jippermettulhom jimmassimizzaw l-effettività u l-effikaċja tal-finanzjament pubbliku rispettiv tagħhom, u b’hekk li jibbenefikaw l-ekonomiji fir-Reġjun.

Rigward l-azzjonisti tal-IFIs, il-BERŻ huwa Bank Multilaterali tal-Iżvilupp (BMŻ), li l-azzjonisti tiegħu huma l-Istati Membri tal-UE, l-UE u l-BEI, kif ukoll għadd ta’ pajjiżi li mhumiex tal-UE. Il-pajjiżi tal-operazzjoni tagħha jinkludu kemm pajjiżi tal-UE kif ukoll li mhumiex. Bħala membru tal-BERŻ, l-UE hija rrappreżentata mill-KE b’sede tal-Bord tal-Gvernaturi u l-Bord tad-Diretturi tal-BERŻ. Il-BEI huwa rappreżentat ukoll fil-BERŻ minn Gvernatur u minn Direttur Eżekuttiv fil-Bord tad-Diretturi. L-UE, il-BEI u l-Istati Membri għandhom sehem aggregat ta’ ishma ta’ 63 %. Barra minn hekk, l-UE hi waħda mill-ikbar donaturi ta’ sovvenzjonijiet lill-BERŻ għall-kooperazzjoni teknika, is-sovvenzjonijiet ta’ investiment, il-faċilitajiet għall-kondiviżjoni tar-riskji, it-tariffi tal-prestazzjoni u l-finanzjament konċessjonali. Fl-2014, l-UE kkontribwixxiet EUR 105 miljun lill-BERŻ (li jirrappreżentaw 31 % tal-fondi li rċevew id-donaturi).

L-azzjonisti tal-BEI huma t-28 Stat Membru u l-azzjonisti tal-FEI huma l-BEI (63,7 %), l-UE (24,3 %) u 26 istituzzjoni finanzjarja pubblika u privata (12 %). Il-KE hija membru tal-Bord tad-Diretturi tal-BEI u tal-FEI.

Dwar il-mandati tal-IFIs, il-Ftehim li jistabbilixxi d-Dokumenti Bażiċi tal-BERŻ (l-Istatuti tal-BERŻ) jistabbilixxi l-istituzzjoni bil-privileġġi u l-immunitajiet tagħha stess. Il-mandat tal-BERŻ hu li “jrawwem tranżizzjoni lejn ekonomiji orjentati lejn suq miftuħ u li jippromwovi inizjattiva privata u imprenditorjali” madwar l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, l-Asja Ċentrali u, dan l-aħħar, fir-reġjun tan-Nofsinhar u tal-Lvant tal-Mediterran 3 . Il-BERŻ qed jinvolvi ruħu f’pajjiżi li huma impenjati għall-prinċipji ta’ demokrazija multipartitika, il-pluraliżmu u l-ekonomiji tas-suq; huwa jikkontribwixxi wkoll għall-għan li titrawwem id-demokrazija u l-istat tad-dritt. Filwaqt li l-BERŻ ma għandux mandat speċifiku biex isegwi l-politiki tal-UE, bħalma huwa l-każ għall-BEI, huwa ggwidat minn, u jfittex li jippromwovi fl-operazzjonijiet tiegħu, il-politiki tal-UE (eż. skont il-Politiki Ambjentali u Soċjali, fejn l-istandards tal-UE huma speċifikament imsemmija). Il-mandat ta’ tranżizzjoni tal-BERŻ ukoll jenfasizza punt ieħor ta’ distinzjoni jiġifieri li l-BERŻ jaħdem b’mod attiv mal-pajjiżi tal-operazzjonijiet tiegħu fuq ir-riforma tal-politiki biex titjieb il-klima tan-negozju u l-klima tal-investiment, tingħata promozzjoni lil swieq regolati xierqa u kompetittivi li jattiraw kapital privat.

Il-BEI huwa istituzzjoni finanzjarja tal-UE stabbilita mit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE. Huwa meqjus ukoll bħala MDB. Skont l-Istatut tiegħu, il-BEI għandu mandat ċar biex jappoġġa l-kisba tal-objettivi ta' politika tal-UE. Huwa juża l-operazzjonijiet tiegħu ta’ finanzjament biex jiġġenera l-integrazzjoni u l-koeżjoni soċjali tal-Ewropa. Aktar minn 90 % tal-attività tiegħu hija ffokata fuq l-objettivi interni tal-UE, iżda huwa jappoġġa wkoll il-politiki esterni u ta’ żvilupp tal-UE. Lil hinn mill-UE, il-BEI jopera fuq il-bażi ta’ mandati speċifiċi mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew jew għar-riskju tiegħu stess f’konformità mal-Istatut tiegħu. Fil-grupp tal-BEI, il-FEI huwa l-fornitur speċjalista tal-finanzjament ta’ riskju tal-SMEs madwar l-UE u l-Pajjiżi Kandidati.

L-Artikolu 19 tal-Istatut tal-BEI jirrikjedi li t-talbiet kollha għal finanzjament mill-BEI mir-riżorsi proprji tiegħu jintbagħtu lill-KE għal opinjoni qabel ma jiġu ppreżentati għall-approvazzjoni tal-Bord tal-BEI. Fl-1975, il-KE waqqfet il-“Groupe Interservice BEI” (GIB) li permezz tiegħu tħejji opinjoni kolleġġjali dwar il-konformità mar-regoli tal-UE u l-politiki ta’ talbiet għal finanzjament li jirċievi l-BEI. Dan jipprovdi lill-KE influwenza b'saħħitha u formali fuq l-attivitajiet tal-BEI fi stadju bikri tat-tħejjija ta' proġett. Rigward il-BERŻ, jiġu organizzati laqgħat ta' koordinazzjoni informali bejn id-Direttur tal-UE u d-Diretturi li jirrappreżentaw il-BEI u l-Istati Membri tal-UE sabiex jinkiseb effett massimu tal-aggregat ta' 63 % tal-pateċipazzjoni azzjonarja tal-Istati Membri tal-UE, il-BEI u l-UE u biex ikun hemm qbil dwar pożizzjoni koerenti fil-Bord. Barra minn hekk, issir koordinazzjoni formali dwar kwistjonijiet aktar strateġiċi fil-laqgħat tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju (KEF) fi Brussell. Il-KE ma għandhiex influwenza formali fl-istadju bikri ta’ tħejjija ta' proġetti tal-BERŻ simili għal dik miksuba permezz tal-proċedura tal-Artikolu 19 għall-proġetti tal-BEI.

 

Bħala sussidjarja tal-BEI u parti mill-Grupp tal-BEI, il-FEI huwa istituzzjoni finanzjarja tal-UE li jipprovdi finanzjament ta’ riskju lill-SMEs u jrawwem l-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE fl-oqsma ta’ interprenditorja, teknoloġija, innovazzjoni u żvilupp ekonomiku. Il-FEI jopera fuq il-bażi ta’ mandati speċifiċi mill-istituzzjonijiet tal-UE, mill-BEI, minn Stati Membri tal-UE, u partijiet terzi oħra, jew għar-riskju tiegħu stess.

Barra minn hekk, il-BEI u l-BERŻ għandhom mudelli ta’ negozju differenti. Il-mudell ta' negozju tal-BERŻ huwa bbażat fuq il-valutazzjoni tal-impatt tat-tranżizzjoni kif ukoll fuq il-prinċipji ta' attività bankarja soda u addizzjonalità tal-proġetti tal-BERŻ, fuq żvilupp ambjentalment korrett u sostenibbli, fuq kapaċità ta' riskju ogħla iżda prudenti, fuq ingranaġġ ta’ finanzjament addizzjonali mis-settur privat, u fuq preżenza qawwija fuq il-post f’kull pajjiż tal-operazzjonijiet tiegħu. Barra minn hekk, il-BERŻ jaħdem mal-pajjiżi tal-operazzjonijiet tiegħu permezz ta’ djalogu dwr il-politiki u l-applikazzjoni ta’ kondizzjonalitajiet.

Meta mqabbel mal-BERŻ, il-mudell ta’ negozju tal-BEI, filwaqt li huwa l-istess imsejjes fuq prinċipji bankarji sodi, hija prinċipalment ibbażat fuq il-metodoloġija ta' tliet pilastri li tivvaluta l-valur miżjud tal-operazzjonijiet tagħhom u kif dawn jikkontribwixxu għall-żvilupp ibbilanċjat tas-suq intern permezz tal-finanzjament ta’ investimenti produttivi sal-limitu li l-fondi ma jkunux disponibbli minn fonti oħrajn b’termini raġjonevoli. Il-proġetti jridu jkunu konsistenti mal-politiki tal-UE, jappoġġaw l-objettivi prijoritarji tal-UE u d-djalogu ma’ pajjiżi msieħba barra l-UE, u jgħaddu minn evalwazzjoni teknika, ekonomika, ambjentali u soċjali tal-kontribut finanzjarju u mhux tal-BEI.

Abbażi tal-mandati differenti tal-BERŻ u u tal-Grupp tal-BEI, iż-żewġ istituzzjonijiet isegwu politiki ta’ pprezzar distinti għall-finanzjament tal-operazzjonijiet tagħhom. B'mod partikolari:

Il-BERŻ jiffinanzja proġetti meta l-benefiċjarju ma jkunx jista’ jikseb finanzjament suffiċjenti minn x'imkien ieħor b'termini u kundizzjonijiet li l-BERŻ iqis raġonevoli skont it-tliet prinċipji tiegħu ta' attività bankarja soda, l-impatt tat-tranżizzjoni u l-addizzjonalità. Sabiex ikun rifless il-mandat tiegħu li jappoġġa ekonomiji bbażati fuq is-suq, meta jsir self jew fil-parteċipazzjoni f’bejgħ ta’ titoli, il-marġni u/jew it-tariffa tal-BERŻ huma proporzjonati għar-riskju li jittieħed, jirriflettu l-kundizzjonijiet kummerċjali tas-suq u jippermettu għal xi redditu kummerċjali (“politika ta’ tal-ipprezzar ibbażata fuq is-suq”).

Il-BEI jipprovdi self jew garanziji fejn l-eżekuzzjoni tal-investiment tikkontribwixxi għal żieda fil-produttività ekonomika inġenerali u tippromwovi l-kisba tas-suq intern u l-fondi mhumiex disponibbli minn sorsi oħra b'termini raġonevoli. Il-politika tal-ipprezzar hija bbażata fuq il-kunċett ta’ pprezzar tar-riskju teknikament u ekonomikament vijabbli ta’ proġetti li jkopru l-ispejjeż assoċjati ma’ proġetti mingħajr skop ta’ qligħ u r-rekwiżit statutorju li tinbena riżerva ta’ fondi. L-ipprezzar tar-riskju huwa individwali għal kull proġett (“il-politika tal-ipprezzar ibbażata fuq ir-riskju”).

Dawn mudelli kummerċjali kumplementari jimplikaw ukoll differenzi fil-karti tal-bilanċ taż-żewġ-banek. Kif jidher hawn taħt, il-BEI jopera b’livell ta’ ingranaġġ ogħla 4 u b'volumi ogħla ta’ self mill-BERŻ (jekk jogħġbok innota li ċ-ċifri ta’ hawn taħt jirrigwardaw il-karti tal-bilanċ totali taż-żewġ banek).

 

Dijagramma 1: Iffirmar ta’ self u ingranaġġ tal-BEI u l-BERŻ

Għal dak li jirrigwarda l-oriġini ta' self taż-żewġ IFIs, il-BERŻ jiffoka ħafna fuq is-self dirett (86 % tal-impenji tiegħu, EUR 45 biljun f’termini assoluti). Barra minn hekk il-Grupp tal-BEI jiffinanzja l-biċċa l-kbira tal-operazzjonijiet tiegħu b’mod dirett (72 % tal-impenji tiegħu, EUR 67 biljun f’termini assoluti). Apparti dan, jista’ jiġi enfasizzat li s-self dirett tal-BEI huwa ffukat fuq proġetti kbar ma' kontropartijiet magħrufa u bi kreditizja soda.

Id-daqs tas-self huwa aspett li jiddistingwi l-mudell ta' self tal-BEI minn dak tal-BERŻ. Għall-perjodu 2010-2014, għall-BERŻ il-medja ta’ kull selfa kien ta’ EUR 19-il miljun għal kull operazzjoni, filwaqt li għall-BEI dan kien ta’ EUR 66 miljun għal kull operazzjoni.

F’termini ta’ sehem reġjonali (b’kollox għall-perjodu eżaminat), is-self tal-BERŻ f’pajjiżi tar-Reġjun li mhumiex tal-UE kien jammonta għal EUR 34,1 biljun u EUR 9,6 biljun fl-UE-11, filwaqt li l-finanzjament tal-Grupp tal-BEI laħaq is-EUR 27 biljun f’pajjiżi tar-Reġjun li mhux membri tal-UE u EUR 49,4 biljun fl-UE-11. L-importanza relattiva tal-UE-11 u tal-pajjiżi li mhux tal-UE dwar il-firem totali taż-żewġ banek fir-Reġjun tista’ tidher fiċ-ċart segwenti:

Dijagramma 2: Il-firem totali tal-Grupp tal-BEI u tal-BERŻ fir-Reġjun

4. VALUTAZZJONI TAL-EFFIKAĊJA TAL-ISTIUZZJONIJIET

Sabiex tiġi vvalutata l-effikaċja tas-sistema eżistenti tal-IFIs fil-promozzjoni ta’ investimenti fir-Reġjun, ġew analizzati l-oqsma li ġejjin (analiżi aktar dettaljata hija ppreżentata fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal mehmuż). 

L-effikaċja biex jintlaħqu l-ħtiġijiet tas-suq: l-analiżi wriet li l-Grupp tal-BEI u l-BERŻ żviluppaw firxa wiesgħa ta’ strumenti finanzjarji differenti u assistenza teknika li jkopru firxa wiesgħa ta’ ħtiġijiet tas-suq. Madankollu, hemm għadd ta’ fatturi li jillimitaw l-effikaċja tal-operazzjonijiet tagħhom, kif ġie enfasizzat mill-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, bħal nuqqas ta’ żvilupp tal-qafas regolatorju fil-pajjiżi ta’ operazzjoni jew il-fatt li strumenti finanzjarji konġunti ma rnexxilhomx jipprovdu investimenti tal-ekwità minħabba l-kumplessità addizzjonali meta mqabbla ma’ self intermedjat.

Effetti oħrajn: L-esternalitajiet pożittivi li jirriżultaw mill-operazzjonijiet taż-żewġ istituzzjonijiet jistgħu jitqiesu bħala element importanti ħafna ta' titjib fl-effikaċja tal-interventi tagħhom. Dawn l-esternalitajiet pożittivi huma għalhekk parti mil-loġika ta’ intervent tal-IFIs. L-effetti pożittivi tal-operazzjonijiet ta’ dawn iż-żewġ istituzzjonijiet jistgħu jiġu identifikati f’diversi forom, l-aktar:

oEffetti finanzjarji (inkluż demostrazzjoni) li ż-żewġ IFIs għandhom fuq is-settur finanzjarju, b’mod partikolari permezz tal-istrutturar ta’ prodotti ġodda u l-identifikazzjoni ta’ tipi ġodda ta’ benefiċjarji. L-effetti finanzjarji jinkisbu wkoll permezz ta’ appoġġ għal swieq finanzjarji miftuħa għal investituri privati u l-iżvilupp tal-ekonomiji tas-suq, l-appoġġ għal swieq kapitali domestiċi u l-promozzjoni ta’ standards internazzjonali finanzjarji u relatati mar-riskju.

oEffetti ekonomiċi bħall-ispinta lill-impjiegi, l-impatt fuq l-ekonomija reali, it-titjib tal-kompetenzi jew il-promozzjoni ta’ standards tekniċi internazzjonali.

oEffetti soċjali, ambjentali u ta’ governanza. B’mod partikolari, ir-riformi settorjali u d-djalogu politiku inkluż bidliet fil-qafas legali u regolatorju; il-governanza korporattiva inkluż il-ġlieda kontra l-flussi ta’ kapital illegali u l-evażjoni fiskali potenzjali; il-prestazzjoni soċjali; it-trattament tat-tibdil fil-klima u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija; u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent.

L-ingranaġġ tal-finanzjament privat: L-analiżi tad-dejta turi li l-Grupp tal-BEI u l-BERŻ jirnexxilhom jiġġeneraw ingranaġġ ta’ finanzjament mis-settur privat. Madankollu, is-suċċess tagħhom fl-ingranaġġ ta’ finanzjament privat ivarja madwar is-setturi, il-pajjiżi u t-tipi ta’ prodotti finanzjarji u strumenti pprovduti.

L-analiżi eżaminat ukoll ir-relazzjoni bejn iż-żewġ banek f’termini tal-kooperazzjoni bejniethom. Huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-analiżi wriet li hemm xi forma ta’ skambju ta’ informazzjoni, koordinazzjoni jew kooperazzjoni bejn il-Grupp tal-BEI u l-BERŻ kważi f’kull operazzjoni. Dan jista’ jkun attribwit għall-fatt li hemm netwerk dens ħafna ta’ kuntatti formali u informali bejniethom fil-livelli kollha, mill-persunal tekniku sal-ogħla livell ta’ amministrazzjoni. Iż-żewġ istituzzjonijiet jistinkaw ukoll biex jevitaw ix-xogħol doppju, b’mod partikolari fl-evalwazzjoni tal-proġett u fil-proċeduri ta’ diliġenza dovuta, fin-negozjati, fil-finanzjament u fil-monitoraġġ tal-operazzjonijiet ffinanzjati b’mod konġunt. L-analiżi identifikat ukoll għadd ta’ mekkaniżmi ta’ fiduċja reċiproka formali u informali li jippermettu l-koordinazzjoni ta’ azzjonijiet bejn il-BERŻ u l-Grupp tal-BEI, speċjalment fir-rigward tal-iskambju ta’ informazzjoni dwar proġetti u klijenti, il-monitoraġġ konġunt u r-rappurtar.

Barra minn hekk, l-analiżi wriet żieda fil-volum ta’ operazzjonijiet kofinanzjati fl-oqsma fejn ġew identifikati sinerġiji kważi perfetti f’termini ta’ setturi (jiġifieri fl-infrastruttura muniċipali u ambjentali, fl-enerġija u fit-trasport). Il-KE għandha rwol fl-iffaċilitar tal-komunikazzjoni u l-koordinazzjoni bejn il-BEI, il-BERŻ u istituzzjonijiet pari. Dan ir-rwol jista’ jissaħħaħ aktar, billi inter alia tiġi analizzata l-possibbiltà għal involviment aktar mill-qrib tal-BERŻ fl-implimentazzjoni ta’ strumenti finanzjarji ffinanzjati mill-UE, sal-punt permess, pereżempju taħt ġestjoni kondiviża. Madankollu, il-kofinanzjament jew il-koinvestiment ma għandux jiġi kkunsidrat bħala objettiv fih innifsu u ma għandux jiġi impost f’każijiet fejn id-daqsijiet tal-operazzjonijiet ikunu żgħar wisq jew f’sitwazzjonijiet fejn il-finanzjament privat jista’ jiġi eliminat, fejn il-prodotti finanzjarji meħtieġa ma jkunux xierqa biex jiġu pprovduti minn aktar minn IFI wieħed, jew fejn l-objettivi tal-politika tal-IFIs ma jkunux perfettament allinjati.

F’termini tal-komplementarjetajiet u l-vantaġġi komparattivi, l-analiżi qieset l-aspetti li ġejjin: il-fokus ġeografiku, il-kopertura settorjali, in-natura tal-benefiċjarji tagħhom u l-prodotti finanzjarji pprovduti. L-analiżi wriet li ż-żewġ IFIs kif ukoll l-istituzzjonijiet pari tagħhom huma konxji mill-vantaġġi komparattivi tagħhom - skont il-karatteristiċi tat-tranżazzjonijiet finanzjarji, it-tipi ta’ prodotti finanzjarji u l-karatteristiċi tas-swieq reġjonali u nazzjonali - u tqishom waqt l-iskrinjar ta’ operazzjonijiet potenzjali u l-identifikazzjoni ta’ opportunitajiet ta’ kooperazzjoni.

5. KONKLUŻJONIJIET U RAKKOMANDAZZJONIJIET

Abbażi tal-analiżi ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni temmen li s-sistema eżistenti tal-istituzzjonijiet ta’ finanzjament pubbliċi Ewropej li jippromwovu l-investiment fl-Ewropa u fil-Viċinat tagħha hija effikaċi: firxa wiesgħa ta’ ħtiġijiet tas-suq qed jiġu moqdija sew b’effetti pożittivi sinifikanti, u akkumpanjati minn sforzi tal-IFIs biex jiġġeneraw finanzjament privat.

Il-KE tirrikonoxxi wkoll li ż-żewġ istituzzjonijiet, il-BERŻ u l-Grupp tal-BEI, għandhom kapaċitajiet distinti li jirriżultaw mill-għarfien speċifiku, mill-mudelli ta’ negozju u mill-istrutturi kapitali tagħhom. Huma jagħmlu ħilithom biex jevitaw id-duplikazzjoni tal-isforzi, b’mod partikolari fl-evalwazzjoni tal-proġetti u fil-proċeduri ta’ diliġenza dovuta, fin-negozjati, fil-finanzjament u fil-monitoraġġ tal-operazzjonijiet iffinanzjati. Barra minn hekk, fuq livell istituzzjonali, ġie osservat ukoll skambju formali ta’ informazzjoni li jirriżulta minn laqgħat regolari operattivi u istituzzjonali fil-qafas tal-MoU.

L-analiżi wriet ukoll li ż-żewġ istituzzjonijiet jikkofinanzjaw fuq il-bażi ta’ kull proġett individwali u permezz ta’ faċilitajiet jew fondi konġunti kull meta jkun jagħmel sens minn perspettiva ta’ investiment u ta’ politika. Dan jinkludi b’mod partikolari proġetti kbar (pereżempju l-enerġija, it-trasport u l-infrastruttura muniċipali) fejn l-ispejjeż tal-investiment u r-riskji huma għoljin u kull istituzzjoni tista’ tuża l-vantaġġ komparattiv tagħha stess, u operazzjonijiet fejn l-objettivi ta’ politika u l-interessi taż-żewġ istituzzjonijiet huma kompletament allinjati (għal darb’oħra jistgħu jissemmew il-proġetti tal-enerġija, it-trasport u l-infrastruttura muniċipali iżda wkoll proġetti b’fokus fuq l-impatt pożittiv tat-tibdil fil-klima, bħal proġetti tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u tal-enerġija rinnovabbli, kif ukoll operazzjonijiet li jappoġġaw it-tkabbir tal-SMEs).

B’mod ġenerali, jista’ jiġi konkluż li ż-żewġ IFIs huma konxji mill-vantaġġi komparattivi tagħhom f’termini tal-mandati, mudelli ta' self u politiki ta' pprezzar tagħhom, u b’mod ġenerali jagħmlu użu tajjeb minn dawn il-vantaġġi komparattivi.

Minkejja l-konklużjonijiet pożittivi ġenerali, il-KE tagħmel ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin (il-loġika tagħhom tinstab fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni) sabiex titjieb aktar l-effikaċja tal-interventi tal-IFIs.

Rakkomandazzjoni 1

Għalkemm diġà hemm ftehim eżistenti u djalogu interistituzzjonali ta’ livell għoli mill-qrib fil-qafas tal-istrumenti finanzjarji tal-UE 5 , il-BERŻ u l-Grupp tal-BEI għadhom jistgħu jtejbu l-kooperazzjoni fil-livell operazzjonali. Iż-żewġ IFIs għandhom ikomplu jibnu fuq is-sinerġiji li jeżistu bejn il-mandati, il-mudelli ta’ negozju u l-vantaġġi komparattivi li jirriżultaw sabiex ikattru l-kooperazzjoni tagħhom, b’mod partikolari meta jintużaw ir-riżorsi tal-UE fl-oqfsa ta’ taħlit. Meta jkunu qegħdin jikkoperaw, l-IFIs għandhom jikkunsidraw li jużaw approċċ aktar standardizzat jew sistematiku u jimminimizzaw il-ħolqien ta’ strumenti ad hoc. F’dawn il-każijiet meta jiddeċiedu li jikkooperaw mal-KE u/jew mal-Awtoritajiet ta’ Ġestjoni fid-diversi Stati Membri (inkluż l-użu possibbli tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej 2014-2020 (Fondi SIE) 6 ), għandhom preferibbilment jużaw l-istruttura eżistenti ta’ strumenti finanzjarji tal-UE u/jew strumenti finanzjarji taħt il-Fondi SIE, inklużi l-hekk imsejħa strumenti “standardizzati” fejn xieraq 7 .

Sabiex ittejjeb aktar l-impatt tal-politika u l-ingranaġġ, il-KE għandha tkompli jkollha rwol importanti fil-finanzjament, it-twaqqif u s-sorveljanza ta’ faċilitajiet konġunti/fondi mingħajr ma neċessarjament tkun direttament involuta fid-deċiżjonijiet ta’ investiment jew fil-ġestjoni tagħhom. B’mod partikolari, billi jkun hemm taħlit tal-għotjiet tal-UE, jista' jiġi promoss aktar l-involviment tal-KE fit-twaqqif ta’ faċilitajiet/fondi konġunti, b’mod speċjali biex tipprovdi aktar valur miżjud u tiġi inċentivata l-kooperazzjoni bejn iż-żewġ IFIs, għalkemm il-Grupp tal-BEI u l-BERŻ jikkooperaw ukoll mingħajr l-involviment ta’ fondi tal-UE.

Barra minn hekk, meta jagħmlu użu mill-fondi tal-UE (inklużi l-Fondi ESI), iż-żewġ IFIs għandhom kemm jista’ jkun jibnu fuq l-obbligi tar-rappurtar diġà eżistenti fil-livell tal-proġett, inkluż skont il-Ftehim Qafas Finanzjarju u Amministrattiv konkluż bejn il-KE u l-Grupp tal-BEI u l-Ftehim Qafas Amministrattiv bejn il-KE u l-BERŻ, biex jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ rapportar rilevanti għall-UE u/jew il-Fondi ESI. F’dan il-kuntest, il-piż amministrattiv ta’ kwalunkwe rekwiżit ġdid ta’ rrappurtar ma għandux isir diżinċentiv għall-parteċipazzjoni tas-settur privat f’operazzjonijiet ta’ finanzjament tal-IFIs.

Fl-istess ħin, xi effetti ekonomiċi mhumiex koperti mis-sistemi attwali ta’ rappurtar tal-IFIs, kif inhu l-każ għall-BERŻ rigward l-effetti fuq l-impjiegi. Dan jista’ jkun qasam għal allinjament ulterjuri ta’ metodi ta’ rapportar bejn il-KE u ż-żewġ IFIs, speċjalment meta jkunu qed jużaw ir-riżorsi tal-UE. Barra minn hekk, iż-żewġ IFIs għandhom itejbu u jissimplifikaw il-mod kif jirrapportaw dwar l-effetti ta’ ingranaġġ minħabba li l-analiżi identifikat metodoloġiji diverġenti għall-kalkolu taċ-ċifri tal-ingranaġġ.

Rakkomandazzjoni 2

L-analiżi wriet li hemm ħafna eżempji ta’ dipendenza reċiproka, bħall-iskambju ta’ informazzjoni matul proċeduri ta’ evalwazzjoni, il-kondiviżjoni ta’ diliġenza dovuta fuq proġetti ffinanzjati b’mod konġunt, qbil dwar protokoll għall-akkwist fuq proġetti kofinanzjati u multi-IFI ftehim dwar ir-rappurtar fuq il-Finanzjament għall-Klima. Madankollu, jista’ jkun li għad hemm potenzjal għal fiduċja reċiproka msaħħa, speċjalment f’termini ta’ negozjati dwar kuntratti konġunti, il-koordinazzjoni u l-kondiviżjoni ta’ valutazzjonijiet tas-suq u (kif iddikjarat hawn fuq) aktar allinjament tar-rekwiżiti ta’ rrappurtar, b’mod partikolari mal-objettivi tal-UE meta jintużaw ir-riżorsi tal-UE. Madankollu, għandha tingħata kunsiderazzjoni dovuta lid-differenzi fil-mandati u l-istandards ta’ politika tagħhom li jistgħu jillimitaw sa fejn kull istituzzjoni tkun tista’ sserraħ fuq id-diliġenza dovuta u l-evalwazzjoni mwettqa mill-parti l-oħra.

Barra minn hekk, jistgħu jkunu involuti wkoll kunsiderazzjonijiet tal-ġestjoni tar-riskju u li jistgħu jirrikjedu li, anke meta jkunu qed jagħmlu kofinanzjament tal-istess proġett, iż-żewġ istituzzjonijiet iwettqu proċeduri ta’ diliġenza separati, skont il-proċessi ta’ evalwazzjoni tagħhom sabiex jiksbu l-approvazzjoni tal-Bordijiet rispettivi tagħhom. Bħala tali, il-fiduċja reċiproka totali, b’mod partikolari r-rikonoxximent ta’ proċeduri jew ta' standards ma tidhirx li hija l-objettiv fih innifsu.

Rakkomandazzjoni 3

Fid-dawl tal-isforz kontinwu tal-istituzzjonijiet biex jiżguraw addizzjonalità - fil-każ tal-BEI – jew impatt tat-tranżizzjoni - fil-każ ta’ BERŻ, il-kwalità u s-sodezza tal-operati tagħhom, iż-żewġ IFIs għandhom ikomplu jiżviluppaw aktar l-inċentivi finanzjarji u mhux tagħhom kif ukoll l-Indikaturi tal-Prestazzjoni Ewlenin, li jkomplu jsaħħu l-motivazzjoni tal-persunal tagħhom lejn il-kisba ta’ dawn l-objettivi.

F’dan il-kuntest, l-objettivi ta' self tal-BERŻ u tal-Grupp tal-BEI f’termini ta’ volum għandhom ikunu akkumpanjati minn miri ambizzjużi għall-addizzjonalità/impatt tat-tranżizzjoni, il-kwalità u s-solidità ta’ operazzjonijiet. Konsiderazzjoni oħra importanti f’dan ir-rigward hija li l-BERŻ u l-Grupp tal-BEI għandhom kull wieħed isaħħaħ l-enfasi tiegħu fuq l-effett kumulattiv ta’ finanzjament privat.

L-analiżi wriet li strutturi ta’ kondiviżjoni tar-riskju (bħal dejn inferjuri/subordinat, prodotti intermedji, garanziji, ekwità, dejn superjuri bi profil ta’ riskju ogħla) jistgħu jintużaw biex jinkiseb livell għoli ta’ parteċipazzjoni tas-settur privat u għandhom ikomplu jiffurmaw parti mill-istrateġiji taż-żewġ IFIs’ biex jiġi attirat finanzjament privat. F’ċirkostanzi xierqa (bħal fallimenti tas-suq jew ġeneraturi tas-suq), faċilitajiet ta’ taħlit tal-UE jistgħu jipprovdu appoġġ sabiex titwitta t-triq għal aktar finanzjament mis-settur privat.

Barra minn hekk, jidher li hemm lok biex tissaħħaħ ukoll il-motivazzjoni tal-persunal fiż-żewġ IFIs biex jinżamm bejniethom u mal-KE djalogu dwar il-politiki, speċjalment dwar il-prijoritajiet ta’ politika tal-UE bħalma huma l-governanza ekonomika lokali, l-iżvilupp tas-swieq kapitali, l-iżvilupp ta’ infrastruttura sostenibbli eċċ - ara wkoll ir-Rakkomandazzjoni 6.

Rakkomandazzjoni 4

Il-kooperazzjoni bejn iż-żewġ IFIs tista' tiżdied aktar permezz tal-involviment tal-BERŻ fil-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa, inizjattiva prinċipali tal-UE. Il-BERŻ jista’ jkun involut, b’mod partikolari, permezz ta’ Pjattaformi ta’ Investiment li huma previsti mir-Regolament dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) 8 . L-għarfien espert tal-BERŻ u l-għarfien passat fl-identifikazzjoni ta’ proġetti vijabbli, l-iżvilupp u r-raggruppament tal-proġetti u l-attirar ta' investituri potenzjali ikunu siewja għat-twaqqif ta’ Pjattaformi ta’ Investiment li jinvolvu r-Reġjun tal-UE-11.

Il-Pjattaformi ta’ Investiment għandhom l-għan li jkompli jservu ta’ ingranaġġ ulterjuri għall-fondi tal-UE u li jinvolvu istituzzjonijiet finanzjarji pubbliċi, inklużi l-banek u l-istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali, u investituri istituzzjonali u finanzjaturi kummerċjali fit-twassil tal-FEIS. Dawn jistgħu jkunu ddisinjati b’diversi forom sabiex ikunu jistgħu jipprovdu injezzjonijiet ta’ ekwità diretti jew indiretti, kif ukoll garanziji ta’ titolizzazzjoni ta’ kwalità għolja għal self, u prodotti oħra li jingħataw fis-segwitu tal-għanijiet tal-FEIS.

Rakkomandazzjoni 5

Iż-żewġ IFIs għandhom iżidu l-isforzi tagħhom biex b’mod proattiv jinvolvi investituri istituzzjonali bħal fondi tal-pensjonijiet u Fondi ta' Investimenti Sovrani 9 fil-kofinanzjament ta' proġetti tal-infrastruttura fil-pajjiżi komuni fejn joperaw. Il-Fondi ta’ Investimenti Sovrani, il-fondi tal-pensjonijiet pubbliċi u l-assiguraturi għandhom biżżejjed likwidità disponibbli biex jinvestu u huma l-aktar tip ta’ investituri naturali għal finanzjament fit-tul ta’ proġetti f’oqsma bħall-finanzjament tal-infrastruttura minħabba l-ħtieġa li għandhom biex jippareġġaw l-obbligazzjonijiet fit-tul tagħhom.

Din il-kooperazzjoni mtejba tista’ f’ħafna każijiet tirrikjedi l-hekk imsejħa “stratifikazzjoni tal-investituri”, li tfisser li klassijiet differenti ta’ ishma bi profili tar-riskji u l-gwadanji u gradi ta’ influwenza differenti jinħarġu fl-istess faċilità ta’ investiment.

Pereżempju, jista' jittieħed vantaġġ miż-żieda fl-interess u fil-kompetenzi tal-kumpaniji tal-assigurazzjoni u l-fondi tal-pensjonijiet ibbażati fl-Ewropa. F'dan il-kuntest, il-BERŻ u l-Grupp BEI jistgħu jiġu inkoraġġiti biex flimkien jiżviluppaw proġetti ma' entitajiet bħal dawn. Min-naħa l-oħra, il-Fondi ta’ Investimenti Sovrani għandhom biss ikunu involuti meta dawn jilħqu l-istandards aċċettabbli ta’ governanza u jiżguraw l-allinjament mal-politiki u l-leġiżlazzjoni tal-UE.

Rakkomandazzjoni 6

Il-KE għandha tinkoraġġixxi liż-żewġ banek biex ikunu strumentali, b’mod partikolari, fl-iżvilupp ta’ prodotti bbażati fuq il-kapital u fid-djalogu ta’ politika. Il-BERŻ jista’ jżid l-impenn tiegħu mal-KE u mal-pajjiżi fejn jopera biex iwettaq inizjattivi ta’ politika li jgawdu minnhom l-partijiet kollha. Fl-UE-11 pereżempju, iż-żewġ IFIs jistgħu jgħinu lill-gvernijiet nazzjonali fl-iżvilupp ta’ politiki li jgħinuhom jimxu lejn suq tal-kapital komuni fl-Ewropa, kif qed jiġi promoss mill-inizjattiva ewlenija mħabbra riċentement dwar l-Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU). Din l-inizjattiva leġiżlattiva hija konformi mal-mandati tal-BERŻ u tal-Grupp tal-BEI li jiffinanzjaw SMEs u proġetti ta’ infrastruttura, biex jgħinu li jiġu attirati l-investimenti tas-settur privat u jiżviluppaw sistema finanzjarja miftuħa u stabbli, li tiffaċilita l-aċċess għal finanzjament mis-settur privat.

Fl-aħħar nett, hemm il-possibiltà fejn iż-żewġ IFIs jaħdmu aktar mal-KE fuq id-djalogu dwar il-politiki biex jiġu definiti risponsi ta' politika konġunti xierqa għall-isfidi reġjonali u speċifiċi għall-pajjiżi permezz ta' analiżi politika regolari u strutturata u diskussjoni dwar strateġiji li jippromwovu l-għanijiet u l-prijoritajiet komuni.

***

(1)

Il-MtQ Tripartit għandu l-għan li jimmassimizza s-sinerġiji bejn l-attivitajiet ta’ dawn it-tliet sħab f’pajjiżi ta’ ħidma komuni billi jappoġġja l-kollaborazzjoni u l-koperazzjoni bejn iż-żewġ banek skont is-saħħiet, il-kompetenzi u l-kapaċitajiet rispettivi tagħhom.

(2)

Deskrizzjoni dettaljata tal-pajjiżi u definizzjonijiet huma pprovduti fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal.

(3)

Aktar dettalji dwar kif tali transizzjoni sseħħ, tinstab fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal.

(4)

Ingranaġġ = Dejn totali/ekwità tal-azzjonisti

(5)

Kif definit fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 298, 26.10.2012).

(6)

Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 (ir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni - CPR).

(7)

Ara l-Artikolu 38(3)(a) CPR. S’issa, dawn l-istrumenti standardizzati ġew adottati permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni: Nru 964/2014 tal-11 ta’ Settembru 2014: Self bi qsim tar-riskji u garanzija tal-portafoll b’limitu massimu għall-SMEs u self għar-rinnovazzjoni għal unitajiet domestiċi individwali.

(8)

Ir-Regolament (UE) 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2015 dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, iċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti u l-Portal Ewropew ta' Proġetti ta' Investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013 — il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi.

(9)

Suġġett għal konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.