Brussell, 29.1.2016

COM(2016) 32 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar il-prattiki kummerċjali żleali fil-katina ta’ provvista alimentari bejn in-negozji


1.Introduzzjoni

F’Lulju 2014, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar l-indirizzar ta’ prattiki kummerċjali żleali (PKŻ) fil-katina ta’ provvista alimentari bejn in-negozji 1 . Il-PKŻ huma prattiki li jiddevjaw ferm minn imġiba kummerċjali tajba, imorru kontra l-bona fede u t-tranżazzjoni ġusta u jiġu imposti unilateralment minn sieħeb kummerċjali wieħed fuq ieħor. Il-Komunikazzjoni spjegat għaliex l-istruttura tas-suq tal-katina tal-provvista alimentari tagħmilha partikolarment vulnerabbli għall-PKŻ u ddeskriviet il-ħsara li l-PKŻ jistgħu jagħmlu lill-operaturi b’setgħa ta’ negozjar baxxa. Biex tiġi indirizzata l-problema tal-PKŻ, il-Komunikazzjoni ħeġġet lill-operaturi fil-katina tal-provvista alimentari Ewropea biex jipparteċipaw fi skemi volontarji mmirati lejn il-promozzjoni tal-aħjar prattiki u t-tnaqqis tal-PKŻ, u enfasizzat l-importanza tal-infurzar effettiv u indipendenti fuq livell nazzjonali.

Fl-2015, id-diskussjoni intensifikat, b’mod partikolari minħabba d-diffikultajiet iffaċċjati mill-bdiewa Ewropej ikkawżati minn prezzijiet dejjem aktar baxxi għal ċerti prodotti agrikoli, b’mod partikolari l-prodotti tal-ħalib u l-laħam tal-majjal. Id-domanda għal għadd ta’ prodotti ddgħajfet b’mod sinifikanti, u din ġiet aggravata mill-projbizzjoni Russa fuq l-importazzjonijiet ta' prodotti agrikoli. Fl-istess ħin, il-produzzjoni dinjija żdiedet u wasslet għal provvista eċċessiva ġenerali. Filwaqt li l-PKŻ mhumiex il-kawża tat-tnaqqis riċenti fil-prezzijiet, il-prezzijiet baxxi żiedu l-vulnerabilità tal-bdiewa għal imġiba inġusta potenzjali min-naħa tas-sħab kummerċjali tagħhom. Bi tweġiba għall-isfidi ffaċċjati mill-bdiewa, il-Ministri tal-Agrikoltura ta’ seba' pajjiżi 2 ħarġu dikjarazzjoni konġunta fejn talbu lill-Kummissjoni tmexxi ’l quddiem l-analiżi tagħha dwar il-PKŻ u tipproponi leġiżlazzjoni tal-UE biex jiġu indirizzati l-PKŻ.

Il-Kummissjoni wieġbet għall-kriżi fis-settur tal-biedja permezz ta’ pakkett ta’ miżuri b’firxa wiesgħa. Ħafna minn dawn jimmiraw is-settur tal-ħalib, li ġie partikolarment affettwat mit-tnaqqis fil-prezzijiet. Dan ir-rapport mhuwiex se jkopri l-miżuri speċifiċi għall-PKŻ li diġà ġew adottati għal setturi partikolari. Se titwaqqaf Task Force għas-Swieq Agrikoli biex tagħti pariri lill-Kummissjoni dwar aspetti speċifiċi tal-funzjonament tas-swieq agrikoli u dwar il-pożizzjoni tal-bdiewa fil-katina alimentari. Se tagħmel ukoll rakkomandazzjonijiet u tipproponi inizjattivi politiċi rilevanti f’dan il-qasam.

Dan ir-rapport jikkonċentra fuq l-oqfsa eżistenti biex jiġu indirizzati l-PKŻ. Fih żewġ elementi prinċipali: (1) valutazzjoni tal-oqfsa regolatorji u ta’ infurzar eżistenti fl-Istati Membri; u (2) valutazzjoni tal-impatt tal-Inizjattiva tal-Katina tal-Provvista (SCI) volontarja madwar l-UE kollha u tal-pjattaformi nazzjonali tas-SCI li ġew stabbiliti.

Dan ir-rapport jikkonkludi li fis-snin riċenti l-miżuri għall-ġlieda kontra l-PKŻ żviluppaw b’mod sinifikanti. Riċentement ħafna Stati Membri, speċjalment dawk fejn il-kwistjoni hija aktar prominenti, introduċew miżuri leġiżlattivi u ta’ infurzar li ġeneralment jissodisfaw il-kriterji għal oqfsa effettivi kontra l-PKŻ. B’kollox, aktar minn 20 Stat Membru daħħlu leġiżlazzjoni jew qed jippjanaw li jagħmlu dan fil-futur qarib. Filwaqt li għadu kmieni wisq biex jiġi vvalutat l-impatt ġenerali ta’ din il-leġiżlazzjoni, dan ir-rapport jidentifika għadd ta’ oqsma speċifiċi fejn hemm aktar lok għal titjib. Fir-rigward tal-Inizjattiva tal-Katina tal-Provvista volontarja, ir-rapport jirrikonoxxi l-benefiċċji miksuba s’issa, iżda jissuġġerixxi wkoll għadd ta’ miżuri possibbli ta’ titjib sabiex tiżdied il-kredibilità u l-effettività tal-inizjattiva.

2.Oqfsa Regolatorji u ta’ Infurzar fl-Istati Membri

Ma hemm l-ebda leġiżlazzjoni tal-UE li tindirizza l-PKŻ bejn in-negozji fil-katina tal-provvista alimentari 3 . Id-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE jindirizza abbużi ta’ pożizzjoni dominanti u prattiki antikompetittivi, iżda ħafna mill-PKŻ irrapportati ma jaqgħux taħt id-dritt tal-kompetizzjoni, minħabba li ħafna mill-atturi qegħdin f’pożizzjoni qawwija, iżda mhux dominanti. Xi Stati Membri estendew l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tal-konsumatur għal sitwazzjonijiet bejn in-negozji 4 . Dan jikkonċerna d-Direttiva 2005/29/KE dwar prattiċi kummerċjali żleali jew id-Direttiva 93/13/KEE dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur. Madankollu, il-prattiki indirizzati fid-Direttiva huma pjuttost differenti minn dawk diskussi f’dan ir-rapport.

Fil-livell nazzjonali s-sitwazzjoni hija differenti fejn bosta Stati Membri indirizzaw il-PKŻ b'approċċi differenti, ħafna minnhom regolatorji, u wħud ibbażati fuq inizjattivi awtoregolatorji fost il-parteċipanti tas-suq. F’termini regolatorji, l-aħħar ftit snin kienu perjodu ta’ tibdil konsiderevoli. B’mod aktar speċifiku, mill-20 Stat Membru li diġà għandhom leġiżlazzjoni 5 , 15 introduċewha matul dawn l-aħħar 5 snin 6 . Oħrajn jistgħu jikkunsidraw leġiżlazzjoni fil-futur qarib 7 u matul dawn l-aħħar 5 snin uħud mill-Istati Membri saħħew l-oqfsa aktar antiki tagħhom 8 . Il-figura ta’ hawn taħt tagħti ħarsa ġenerali tas-sitwazzjoni attwali.

Fl-2015, il-Kummissjoni organizzat diversi laqgħat mal-ministeri u mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-Istati Membri, biex tiġbor informazzjoni dettaljata dwar l-oqfsa regolatorji eżistenti jew ippjanati. Il-proċess ta’ ġbir ta’ informazzjoni kien appoġġat minn diskussjonijiet bilaterali ta’ segwitu.

Hemm ħames elementi ewlenin li huma importanti għal oqfsa regolatorji effettivi fl-indirizzar tal-PKŻ. Dawn qed jiġu deskritti fis-sezzjonijiet hawn taħt. L-Istati Membri jistgħu jindirizzaw dawn il-ħames elementi b’modi differenti, iżda l-approċċi differenti ma jidhirx li għandhom konsegwenzi negattivi għas-suq uniku 9 . Minkejja li l-valutazzjoni ġenerali tal-oqfsa regolatorji fil-livell nazzjonali hija sodisfaċenti, l-analiżi ta’ hawn taħt tissuġġerixxi fejn ċerti Stati Membri jistgħu jtejbu aktar il-qafas regolatorju tagħhom u tidentifika opportunitajiet għal kooperazzjoni bejn l-Istati Membri.

1) Kopertura fil-katina tal-provvista

Il-miżuri kontra l-PKŻ jindirizzaw prattiki li ġejjin prinċipalment minn żbilanċi ekonomiċi. Ħafna Stati Membri ddefinixxew kriterji ċari biex jiġu identifikati sitwazzjonijiet li jwasslu għall-PKŻ. Fil-maġġoranza tal-Istati Membri l-liġijiet japplikaw għar-relazzjonijiet bejn in-negozji (B2B) fl-istadji kollha tal-katina tal-provvista. Xi Stati Membri japplikaw leġiżlazzjoni biss għar-relazzjonijiet li fihom parti waħda tkun bejjiegħ bl-imnut. 10  

B’ħarsa 'l quddiem, minħabba li potenzjalment l-PKŻ jistgħu jseħħu f’kull stadju tal-katina, l-Istati Membri li għadhom ma għamlux dan għandhom jikkunsidraw li jintroduċu leġiżlazzjoni li tkopri l-katina kollha tal-provvista alimentari B2B. Dan huwa importanti sabiex jiġi żgurat li l-operaturi iż-żgħar kollha tas-suq ikollhom protezzjoni adegwata mill-PKŻ, peress li ħafna operaturi żgħar tas-suq ma jittrattawx direttament mal-bejjiegħa bl-imnut. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-leġiżlazzjoni tagħhom tkopri l-operaturi minn pajjiżi terzi (pereżempju, il-produtturi primarji mill-Afrika jew mill-Amerika Latina).

2) Tipi ewlenin ta’ PKŻ

L-Istati Membri b’leġiżlazzjoni dwar il-PKŻ iddefinixxew il-prattiki inġusti li għandhom jiġu indirizzati abbażi tal-analiżi tagħhom tas-sitwazzjoni tas-suq u tal-prattiki f’pajjiżhom.

L-analiżi li saret qabel dan ir-rapport 11 identifikat erba' kategoriji ewlenin ta’ PKŻ li għandu jindirizza qafas regolatorju effettiv:

-parti waħda ma għandhiex indebitament jew inġustament titfa' l-ispejjeż jew ir-riskji imprenditorjali tagħha fuq il-parti l-oħra;

-parti waħda ma għandhiex titlob lill-parti l-oħra għal vantaġġi jew benefiċċji ta’ kwalunkwe tip mingħajr ma twettaq servizz relatat mal-vantaġġ jew mal-benefiċċju mitlub;

-parti waħda ma għandhiex tagħmel tibdil unilaterali u/jew retroattiv lil kuntratt, sakemm il-kuntratt speċifikament jippermetti dan taħt kundizzjonijiet ġusti;

-ma għandux ikun hemm terminazzjoni inġusta ta’ relazzjoni kuntrattwali jew theddida mhux ġustifikata ta’ terminazzjoni ta’ relazzjoni kuntrattwali.

Għalkemm l-Istati Membri għażlu approċċi leġiżlattivi u tekniki differenti, skont it-tradizzjonijiet legali tagħhom, it-tipi ewlenin ta’ PKŻ ta’ hawn fuq huma ġeneralment koperti mill-oqfsa regolatorji kollha. 12

Biex jitjieb il-fehim komuni bejn l-Istati Membri dwar liema tipi speċifiċi ta’ prattiki kummerċjali għandhom jitqiesu bħala PKŻ, l-Istati Membri għandhom jiskambjaw l-informazzjoni u l-aħjar prattiki dwar il-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-esperjenza tagħhom ta’ infurzar b’mod koordinat u sistematiku.

3) Flessibbiltà jew riġidità fid-definizzjoni tal-PKŻ

L-Istati Membri għażlu approċċi leġiżlattivi differenti biex jiġu indirizzati l-abbużi tal-iżbilanċi ekonomiċi. Xi Stati Membri, pereżempju l-Ġermanja u l-Awstrija, għandhom dispożizzjonijiet legali ġenerali li jirrikjedu valutazzjoni abbażi ta’ każ b’każ 13 dwar jekk hemmx żbilanċ ekonomiku sinifikanti bejn żewġ operaturi, u jekk l-operatur l-aktar b’saħħtu jkunx abbuża mill-pożizzjoni tiegħu biex jimponi termini jew kundizzjonijiet inġusti fuq il-parti d-dgħajfa.

Stati Membri oħra, pereżempju r-Repubblika Ċeka, is-Slovakkja u l-Ungerija, għażlu li jintroduċu leġiżlazzjoni aktar dettaljata speċifika għall-PKŻ. Ħafna minn dawn il-liġijiet fihom listi estensivi ta’ prattiki meqjusa bħala intrinsikament inġusti u b’hekk illegali (il-listi suwed), u fejn l-inġustizzja ma tiġix ivvalutata abbżi ta’ każ b’każ.

Vantaġġ potenzjali tal-ewwel approċċ, aktar ġenerali, huwa l-flessibbiltà tiegħu u l-fatt li jista’ jindividwa żbilanċi fil-katina tal-provvista, u t-tipi differenti ta’ PKŻ eżistenti, jew anke anke ta' dawk li għadhom kemm inħolqu. Madankollu, l-approċċ ġenerali jeħtieġ valutazzjoni komprensiva ħafna kemm taċ-ċirkostanzi ekonomiċi kif ukoll ta' dawk kuntrattwali f’kull każ individwali. Kif juru l-iżviluppi riċenti fil-Ġermanja, din il-leġiżlazzjoni ġenerali tista’ tkun pjuttost diffiċli biex tiġi applikata mill-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar. 14

Il-vantaġġ tat-tieni approċċ, jiġifieri leġiżlazzjoni aktar dettaljata speċifika għall-PKŻ, huwa li l-infurzar tagħha ma jeħtieġx investigazzjonijiet fattwali komprensivi u li jeħtieġu ħafna riżorsi u valutazzjonijiet legali f’kull każ individwali. Madankollu, taħt dan l-approċċ xi kultant jista’ jkun diffiċli li jittieħed kont b'mod xieraq tal-kuntest ekonomiku u kuntrattwali ta’ klawsola jew ta’ prattika unika, u dan jista’ jqajjem tħassib dwar il-proporzjonalità.

L-Istati Membri li jkunu għażlu approċċ ġenerali għandhom jiżguraw li l-liġijiet tagħhom jistgħu jiġu applikati fil-prattika, jimponu rekwiżiti ta’ evidenza maniġġabbli, u jallokaw biżżejjed riżorsi għall-attivitajiet ta’ infurzar biex jiġu żgurati valutazzjonijiet komprensivi u effettivi f’kull każ.

L-Istati Membri li għandhom approċċ speċifiku għall-PKŻ għandhom iqisu bir-reqqa jekk il-miżuri tagħhom humiex proporzjonati, u l-firxa u n-natura tal-prattiki koperti mil-leġiżlazzjoni tagħhom. Biex jiġi żgurat li l-approċċ speċifiku għall-PKŻ jibqa' proporzjonat, l-Istati Membri għandhom: i) jillimitaw il-PKŻ li huma intrinsikament ipprojbiti għal ċerti kategoriji ewlenin deskritti fit-taqsima preċedenti, u ii) jivvalutaw prattiki potenzjalment inġusti oħra abbażi tal-isfond kuntrattwali u ekonomiku tal-każ individwali.

4) Kunfidenzjalità tal-ilmenti u l-possibbiltà ta’ investigazzjonijiet fuq inizjattiva proprja

Sistema effettiva ta’ infurzar trid tindirizza l-biża' tal-parti l-aktar dgħajfa li r-relazzjoni kummerċjali tagħha tiġi kompromessa meta tilmenta apertament mal-awtoritajiet dwar il-PKŻ. Dan l-hekk imsejjaħ “fattur ta’ biża'” jista’ faċilment jostakola lill-awtoritajiet milli jippenalizzaw operaturi tas-suq li jimponu l-PKŻ għaliex l-awtoritajiet jeħtieġu informazzjoni suffiċjenti biex ikunu jistgħu jieħdu azzjoni dwar ilment.

Ħafna Stati Membri jippermettu li jsiru lmenti formali kunfidenzjali fejn l-identità tal-ilmentatur tkun protetta. Uħud jippermettu lmenti aggregati li jipproteġu aħjar l-identità tal-ilmentatur, jew jippermettu li kull parti kkonċernata tippreżenta lment. Dan ifisser li l-ilmentaturi ma għandhomx bżonn jaġixxu personalment iżda, pereżempju, jistgħu jkunu rappreżentati minn assoċjazzjoni.

L-Istati Membri ħatru awtoritajiet nazzjonali differenti tal-infurzar biex jindirizzaw il-PKŻ. Xi kultant din tkun l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni u f’każijiet oħra korp speċifiku, bħal ministeru nazzjonali, aġenzija nazzjonali tal-ikel, jew aġenzija nazzjonali kontra l-frodi. Dawn l-awtoritajiet għandhom is-setgħa li jniedu investigazzjonijiet fuq inizjattiva proprja kull meta jkun hemm indikazzjoni suffiċjenti li kumpanija qiegħda tuża PKŻ ipprojbiti skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali.

Investigazzjonijiet fuq inizjattiva proprja mnedija mill-awtorità tal-infurzar huma element ieħor importanti fl-indirizzar tal-fattur ta’ biża'. Jippermettu li l-vittma ta’ prattika inġusta tinforma lill-awtorità dwar l-allegati PKŻ imposti minn parti aktar b’saħħitha, u b’hekk jekk l-awtorità tal-infurzar temmen li jkun hemm biżżejjed raġunijiet tinbeda investigazzjoni fuq inizjattiva proprja.

Prattikament is-sistemi ta’ infurzar tal-Istati Membri kollha jippermettu lmenti kunfidenzjali u investigazzjonijiet fuq inizjattiva proprja sabiex jiġi indirizzat il-fattur ta’ biża'.

L-awtoritajiet tal-infurzar tal-Istati Membri għandhom jikkoordinaw u jiskambjaw informazzjoni u l-aħjar prattiki fuq bażi regolari sabiex ikompli jitjieb l-infurzar tal-miżuri kontra l-PKŻ u biex jiġu indirizzati aħjar il-PKŻ transfruntiera potenzjali.

5) Effett ta' deterrent

Il-miżuri li jindirizzaw il-PKŻ għandhom jaġixxu bħala deterrent reali. Kemm fil-fatt dawn qed jaġixxu bħala deterrent jiġi determinat mill-probabbiltà li l-prattiki inġusti jiġu investigati minn awtorità ta’ infurzar u mil-livell tal-penali jew tal-multi potenzjali.

Intensità tal-prattika ta’ infurzar

L-għadd preċiż ta’ investigazzjonijiet dwar allegati prattiki kummerċjali żleali jvarja b’mod sinifikanti bejn l-Istati Membri. Madwar terz tal-Istati Membri li għandhom infurzar pubbliku ma kellhom l-ebda każ f’dawn l-aħħar snin 15 ; terz ieħor investigaw biss ftit każijiet 16 ; u t-terz li fadal ittrattaw għexieren jew saħansitra aktar 17 . Sa ċertu punt, dan jista’ jiġi attribwit għall-prominenza differenti tal-problema fl-Istati Membri differenti.

Id-ifferenzi fl-approċċ meħud fl-infurzar tal-miżuri kontra l-PKŻ huma importanti wkoll: xi awtoritajiet tal-infurzar jiffokaw fuq is-soluzzjoni ta’ dawk il-kunflitti li għandhom effett fil-livell tas-suq, filwaqt li oħrajn jippruvaw isolvu t-tilwim individwali. Għalhekk, is-sempliċi tqabbil tal-għadd annwali ta’ investigazzjonijiet ma jagħtix stampa preċiża tal-effettività tas-sistema ta’ infurzar. Anke investigazzjoni komprensiva li tingħata ħafna pubbliċità fil-livell tas-suq tista’ taġixxi bħala deterrent. Madankollu, Stati Membri li ma għandhomx każijiet riċenti għandhom jirrevedu s-sitwazzjoni nazzjonali tagħhom.

Multi u penali oħra

Ħafna Stati Membri introduċew multi għall-kumpaniji li japplikaw il-PKŻ bi ksur tad-dritt nazzjonali. Fil-maġġoranza, hemm livell massimu ta’ multi f’termini assoluti, iżda f’xi Stati Membri, il-multi jiġu kkalkolati bħala perċentwali tal-fatturat annwali tal-kumpanija li tkun applikat il-PKŻ kontra s-sieħeb kummerċjali aktar dgħajjef tagħha. Il-firxa tvarja minn 0,05% f’każ wieħed sa 10% tal-fatturat f’diversi Stati Membri oħra.

Il-penali jistgħu jintużaw biex "isemmu u jiddenunzjaw", pereżempju permezz tal-pubblikazzjoni tal-isem tal-kumpanija li tkun instabet ħatja. Sabiex ikunu ta’ deterrent reali, il-penali għandhom ikunu għoljin biżżejjed biex jegħlbu kwalunkwe qligħ mill-imposta tal-PKŻ (għalkemm dan jista’ jkun diffiċli li jiġi kkwantifikat) u biex jinfluwenzaw l-imġiba fil-livell tal-kumpanija. Iżda għandhom anke jkunu proporzjonati mal-gravità tal-imġiba u mal-ħsara potenzjali tagħha lill-vittmi.

3.L-Inizjattiva tal-Katina talProvvista volontarja u l-pjattaformi nazzjonali tagħha

3.1.Sfond

L-Inizjattiva tal-Katina tal-Provvista (SCI) ġiet żviluppata fil-qafas tal-Forum ta’ Livell Għoli għal Funzjonament Aħjar tal-Katina tal-Provvista Alimentari 18 . L-għan tal-inizjattiva huwa li tiżdied il-ġustizzja fir-relazzjonijiet kummerċjali fil-katina tal-provvista alimentari. Għal dan il-għan, f’Novembru 2011, ir-rappreżentanti kollha tas-suq involuti fil-grupp ta’ ħidma tal-Forum dwar il-PKŻ, inklużi r-rappreżentanti tal-bdiewa, flimkien qablu dwar sett ta’ prinċipji ta’ prattika tajba f’relazzjonijiet vertikali fil-katina tal-provvista alimentari 19 . Madankollu, minkejja l-isforzi sinifikanti mill-partijiet ikkonċernati kollha, dawk involuti fil-katina alimentari ma setgħux jaqblu dwar mekkaniżmu ta’ infurzar volontarju, peress li l-bdiewa u l-proċessuri tal-laħam ħassew li ma jindirizzax il-kunfidenzjalità tal-ilmentatur (il-fattur ta’ biża') u s-sanzjonijiet.

Is-SCI, qafas volontarju għall-implimentazzjoni tal-prinċipji ta’ prattika tajba tnediet f’Settembru 2013. 20 Kumpaniji individwali jistgħu jissieħbu fis-SCI kemm il-darba jkunu konformi mal-prinċipji ta’ prattika tajba. Skont is-SCI, it-tilwim bejn l-operaturi jista’ jiġi indirizzat permezz ta’ medjazzjoni jew arbitraġġ. Is-SCI tiffoka fuq ir-rekwiżiti organizzattivi fil-livell ta’ kumpanija biex jiġu evitati l-PKŻ, inkluż taħriġ tal-persunal u parteċipazzjoni f’mekkaniżmi għas-soluzzjoni ta’ tilwim. Il-ksur ta’ dawn ir-rekwiżiti organizzattivi jista’ jwassal għall-esklużjoni tal-kumpanija kkonċernata mis-SCI. Madankollu, is-SCI ma tipprovdix għal tipi oħra ta’ sanzjonijiet. Il-membri tas-SCI għandhom jiżguraw li l-partijiet l-aktar dgħajfa li jkunu qed jużaw il-mekkaniżmi għas-soluzzjoni ta’ tilwim ma jkunux soġġetti għal ritaljazzjoni kummerċjali.

Is-SCI hija ġestita minn Grupp ta’ Governanza li jirrappreżenta l-bejjiegħa bl-imnut u l-fornituri fil-katina tal-provvista alimentari. Ir-rappreżentanti tal-bdiewa ddeċidew li ma jissieħbux fis-SCI peress fil-fehma tagħhom ma tiżgurax biżżejjed kunfidenzjalità għall-partijiet li jkunu qed jilmentaw u ma tipprovdix għal investigazzjonijiet u sanzjonijiet indipendenti.

Sal-lum, ftit aktar minn sentejn wara t-tnedija tas-SCI, irreġistraw 328 grupp ta’ bejjiegħa bl-imnut, bejjiegħa bl-ingrossa u ta’ manifattura, li jirrappreżentaw1155 kumpanija operattiva fl-Istati Membri kollha tal-UE. Pjattaformi nazzjonali tas-SCI ġew stabbiliti jew qed jitfaċċaw fil-Belġju, fil-Finlandja, fil-Ġermanja u fin-Netherlands (aktar dettalji dwar l-inizjattivi nazzjonali taħt 3.2.3).

3.2.Valutazzjoni tal-impatt ta’ inizjattivi volontarji

Il-Kummissjoni kkuntrattat kumpanija esterna tar-riċerka biex tivvaluta s-SCI u l-pjattaformi nazzjonali tagħha. L-istudju li pproduċiet kien prinċipalment ibbażat fuq stħarriġ li sar fost l-operaturi fis-suq fil-katina tal-provvista alimentari. L-istħarriġ iġġenera aktar minn 1 000 rispons, kemm mill-membri kif ukoll minn dawk li mhumiex membri tas-SCI u tal-pjattaformi nazzjonali tagħha. L-istudju sab li kien għadu kmieni wisq biex jiġi vvalutat l-impatt sħiħ tal-inizjattivi peress li dawn ilhom stabbiliti biss bejn 2-3 snin, bl-eċċezzjoni tal-inizjattiva Belġjana li tmur lura għall-2010. Is-sezzjonijiet li ġejjin ta’ dan ir-rapport iqisu s-sejbiet ewlenin tal-istudju.

3.2.1.Valutazzjoni tas-SCI

Fis-sentejn mit-twaqqif tagħha, il-parteċipazzjoni fis-SCI żdiedet b’mod sinifikanti. Madankollu, huwa ċar li l-SMEs, u b’mod partikolari l-bdiewa, għadhom sottorappreżentati. Sa ċertu punt dan jista’ jkun ikkawżat mill-għarfien limitat dwar is-SCI fl-Istati Membri kollha, speċjalment fost il-bdiewa u l-SMEs. Kif ġie deskritt hawn fuq, l-għarfien baxx fost il-bdiewa jista’ jkun riżultat tan-nuqqas ta’ appoġġ tal-inizjattiva min-naħa tar-rappreżentanti tal-bdiewa li huma mħassba dwar in-nuqqas ta’ kunfidenzjalità u ta' indipendenza fl-inizjattiva. L-istħarriġ fost l-operaturi fis-suq żvela kuntrast qawwi fl-għarfien dwar is-SCI 21 : 11 % biss tal-bdiewa u 15 % tal-bejjiegħa bl-imnut li wieġbu kienu semgħu bis-SCI filwaqt li 48 % tal-bejjiegħa bl-imnut kienu semgħu biha. Bl-istess mod, l-għarfien huwa ħafna inqas fl-SMEs (13 %) milli f’kumpaniji kbar (43 %). L-ispejjeż sostnuti mill-SMEs biex jissieħbu fis-SCI huma limitati u ma jidhrux li qed iwaqqfuhom milli jissieħbu.

Il-livell ġenerali ta’ fiduċja fis-SCI huwa għoli fost il-kumpaniji li huma konxji minnha. 72 % ta' dawk li wieġbu l-istħarriġ li jafu dwar is-SCI jgħidu li għandhom livell pjuttost għoli jew għoli ħafna ta’ fiduċja fiha. Madankollu, il-fiduċja hija aktar baxxa fis-settur tal-biedja, tal-manifattura u tal-bejgħ bl-ingrossa (63%) milli fil-settur tal-bejgħ bl-imnut (96%). Uħud mill-partijiet ikkonċernati esterni esprimew dubji, b’mod partikolari dwar l-istruttura ta’ governanza tas-SCI. Il-fatt li l-membri tal-Grupp ta’ Governanza jirrappreżentaw gruppi ta’ partijiet ikkonċernati jista’ jidher li jillimita l-imparzjalità tagħhom.

It-trasparenza tas-SCI hija ġeneralment apprezzata mill-operaturi konxji mill-inizjattiva u speċjalment mill-membri tagħha. Dan jirrigwarda l-informazzjoni dwar il-proċess u r-rekwiżiti għal sħubija fl-inizjattiva, ir-regoli ta’ proċedura u l-evoluzzjoni tal-bażi tal-membri. Ġeneralment, l-informazzjoni hija ppreżentata b’mod ċar u effettiv fuq is-sit web tas-SCI. Is-sistema ta’ monitoraġġ intern tas-SCI hija prinċipalment ibbażata fuq stħarriġ annwali fost il-membri. Filwaqt li dan l-approċċ huwa kosteffikaċi ma jipprevedix verifiki għal għarrieda u lanqas ma jippermetti l-monitoraġġ sistematiku tal-implimentazzjoni attwali tal-impenji tal-kumpaniji membri lejn il-proċess. Barra minn hekk, l-informazzjoni dwar tilwim bilaterali u l-mod kif dawn ikunu ġew solvuti taħt is--SCI hija bbażata fuq tweġibiet għall-istħarriġ u għalhekk tista’ ma tkunx kompluta.

L-istħarriġ ikkonferma li PKŻ jistgħu jseħħu fi kwalunkwe punt tal-katina tal-provvista alimentari. Wera wkoll li ħafna drabi l-partijiet li jgħidu li huma suġġetti għal PKŻ ma jibdewx proċeduri ġudizzjarji, jew ma jippruvawx arbitraġġ jew medjazzjoni minħabba l-biża' li r-relazzjoni kummerċjali tagħhom mal-parti li magħha jkollhom relazzjoni kummerċjali, u li tkun aktar b’saħħitha tista’ tiġi kompromessa. Abbażi ta’ dan, l-istudju estern identifikal-vantaġġi u l-iżvantaġġi li ġejjin dwar l-effettività tas-SCI fl-indirizzar tal-PKŻ:

Il-vantaġġi:

oIs-SCI tippromwovi bidla kulturali fir-rigward tal-PKŻ fil-katina tal-provvista alimentari.

oL-alternattivi għas-soluzzjoni ta’ tilwim promossi mis-SCI ġeneralment joffru alternattiva aktar malajr u irħas għal kwalunkwe azzjoni ġudizzjarja.

oIs-SCI hija inizjattiva madwar l-UE kollha u għalhekk tista’ tiffaċilita s-soluzzjoni ta’ prattiċi inġusti li għandhom dimensjoni transfruntiera.

L-iżvantaġġi:

oF’għajnejn għadd ta’ operaturi, is-SCI ma għandhiex deterrenti effettivi kontra l-PKŻ.

oIs-SCI ma tippermettix li vittmi potenzjali tal-PKŻ jippreżentaw ilmenti kunfidenzjali individwali jew li jsiru investigazzjonijiet fuq inizjattiva proprja minn korp indipendenti.

oFl-ewwel sentejn tas-SCI l-użu tal-alternattivi disponibbli għas-soluzzjoni ta’ tilwim kien wieħed limitat biss. 22

L-istħarriġ ipprovda informazzjoni addizzjonali dwar l-esperjenzi ta’ operaturi ekonomiċi mit-tnedija tas-SCI. 73% ta' dawk li wieġbu l-istħarriġ jaffermaw li s-sitwazzjoni dwar il-PKŻ ma nbidlitx b’mod sinifikanti mill-2013. Madankollu, dan il-perċentwal jinkludi wkoll dawk li wieġbu li ddikjaraw li ma kinux affattu suġġetti għall-PKŻ matul l-aħħar ħames snin (53% ta' dawk kollha li wieġbu). Il-maġġoranza ta' dawk li wieġbu li qalu li kienu esperjenzaw PKŻ fl-aħħar ħames snin ħassew li s-sitwazzjoni tjiebet (21 %) pjuttost milli marret għall-agħar (6 %). Is-sehem ta’ dawk li wieġbu li jħossu li s-sitwazzjoni tjiebet huwa ogħla fis-settur tal-bejgħ bl-imnut u aktar baxx fost il-bdiewa, iżda fis-setturi kollha kien hemm aktar rispondenti li jaħsbu li s-sitwazzjoni tjiebet minn dawk li jaħsbu li marret għall-agħar. Fis-setturi kollha, il-membri tas-SCI huma sinifikament aktar probabbli li jgħidu li s-sitwazzjoni tjiebet (56 %) minn dawk li mhumiex membri (15 %).

Bħala konklużjoni, hemm l-ewwel indikazzjonijiet li s-SCI bdiet tippromwovi bidla kulturali fil-katina tal-provvista alimentari, u b’hekk potenzjalment tiżdied il-ġustizzja fir-relazzjonijiet kummerċjali. Għadu kmieni wisq biex issir valutazzjoni robusta dwar jekk is-SCI kinitx effettiva fl-indirizzar jew fit-tnaqqis tal-PKŻ. Madankollu, l-analiżi identifikat għadd ta’ titjib possibbli għall-inizjattiva li huma deskritti fis-sezzjoni li ġejja.

3.2.2.Kif tista’ titjieb is-SCI

Abbażi tas-sejbiet ta’ hawn fuq u l-ħidma preċedenti fil-Forum ta’ Livell Għoli għal Funzjonament Aħjar tal-Katina tal-Provvista Alimentari, il-Kummissjoni tissuġġerixxi li jinfetaħ djalogu mal-partijiet ikkonċernati rilevanti dwar modi kif titjieb is-SCI u l-parteċipazzjoni fiha tiġi estiża għall-katina alimentari kollha (inklużi l-produtturi primarji). Għandhom jittieħdu l-azzjonijiet li ġejjin:

oJiżdiedu l-isforzi biex tiġi ppubbliċizzata s-SCI, speċjalment fost l-SMEs.

oTiġi żgurata l-imparzjalità tal-istruttura ta’ governanza, pereżempju billi jitwaqqaf president indipendenti li ma jkunx affiljat ma’ gruppi ta’ partijiet ikkonċernati speċifiċi.

oL-allegati vittmi tal-PKŻ jitħallew jilmentaw b’mod kunfidenzjali. Jiġi nnominat korp indipendenti li jkollu s-setgħa li jinvestiga u jimponi sanzjonijiet.

oJitjiebu l-proċessi interni biex jiġi verifikat li l-operaturi individwali jikkonformaw mal-impenji tal-proċess tagħhom u biex tiġi mmonitorjata l-okkorrenza u r-riżultat ta’ tilwim bilaterali b’mod kunfidenzjali.

3.2.3.Pjattaformi nazzjonali tas-SCI

Taħt is-SCI, ġew żviluppati linji gwida għall-ħolqien tal-hekk imsejħa pjattaformi nazzjonali. L-aspetti koperti minn dawn il-linji gwida jinkludu l-kompożizzjoni, ir-regoli ta’ proċedura u l-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni ta’ inizjattivi nazzjonali. Abbażi ta’ dan, jista’ jitnieda proċess ta’ rikonoxximent reċiproku bejn is-SCI u inizjattiva nazzjonali biex tiġi uffiċjalment stabbilita pjattaforma. Sal-lum pjattaformi bħal dawn twaqqfu fil-Belġju, fin-Netherlands u fil-Finlandja. Fil-Ġermanja, l-assoċjazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati fil-katina tal-provvista alimentari, inklużi r-rappreżentanti tal-bdiewa, qed jikkunsidraw iwaqqfu pjattaforma simili.

L-istudju estern wera li l-għarfien dwar is-SCI huwa ogħla f’dawk il-pajjiżi milli fi bnadi oħra tal-Ewropa. Barra minn hekk, fejn hemm fis-seħħ pjattaforma nazzjonali, l-għarfien dwar dik il-pjattaforma mhuwiex ogħla mill-għarfien dwar is-SCI. Hemm ukoll evidenza li kemm il-prinċipji ta’ prattika tajba madwar l-UE kif ukoll is-SCI aġixxew bħala katalisti għall-iżvilupp tal-pjattaformi nazzjonali.

L-inizjattiva Belġjana (li twaqqfet f’Mejju 2010) tmur lura għal qabel is-SCI mifruxa madwar l-UE kollha u għalhekk kellha aktar żmien biex tħalli impatt. F’Ġunju 2014, l-inizjattiva ġiet rikonoxxuta bħala pjattaforma nazzjonali tas-SCI. Il-membri tal-pjattaforma Belġjana u l-osservaturi esterni jaqblu b’mod ġenerali li tat riżultati sinifikanti. L-appoġġ mill-partijiet ikkonċernati fil-livelli kollha tal-katina tal-provvista alimentari, inkluż mill-bdiewa, jidher li għen biex il-pjattaforma tkun aktar effettiva. Fin-nuqqas ta’ leġislazzjoni nazzjonali dwar il-PKŻ, il-pjattaforma toffri lill-operaturi fil-Belġju ċertu livell ta’ protezzjoni mill-PKŻ. Din hija waħda mir-raġunijiet ewlenin għaliex hija meqjusa tant effettiva.

Il-pjattaforma Netherlandiża tnediet uffiċjalment fl-istess ħin bħas-SCI. Ir-rappreżentanti tal-bdiewa Netherlandiżi ssieħbu fil-pjattaforma. Il-pjattaforma ġiet żviluppata bħala proġett pilota nazzjonali abbażi tas-SCI madwar l-UE kollha. Il-proġett pilota kien inizjalment ippjanat li jdum sena, iżda mbagħad ġie estiż għal sena oħra biex jingħata aktar żmien biex jipproduċi riżultati.

Il-pjattaforma Finlandiża tnediet f’Jannar 2014. Konsegwentement, ma tantx kellha żmien biex tħalli effett. Oriġinarjament kienet magħmula minn partijiet kkonċernati tul il-katina tal-provvista, inklużi l-bdiewa. Madankollu, f’Settembru 2015 l-unjoni nazzjonali tal-bdiewa rtirat filwaqt li indikat li matul l-ewwel sena u nofs tal-eżistenza tagħha ma kien tressaq l-ebda każ, li jfisser li ma jqisux l-inizjattiva bħala għodda effiċjenti biex tiġi żgurata katina alimentari li tiffunzjona b’mod aħjar u bbilanċjat. Probabbilment dan l-intopp mhux se jgħin biex il-pjattaforma tipproduċi riżultati aktar tanġibbli fil-futur qarib.

4.Konklużjonijiet

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta’ Lulju 2014 issuġġeriet taħlita ta’ inizjattivi volontarji u miżuri regolatorji biex jiġu indirizzati l-PKŻ. F’dan ir-rigward, matul dawn l-aħħar snin sar progress sinifikanti.

Inizjattivi volontarji: L-Inizjattiva tal-Katina tal-Provvista madwar l-UE kollha tnediet u kisbet parteċipazzjoni sinifikanti. Dan stimula d-diskussjoni dwar l-aħjar prattiki u l-PKŻ fost l-operaturi u bdiet twassal għal bidla kulturali fil-katina tal-provvista alimentari. Ġew stabbiliti diversi pjattaformi nazzjonali taħt l-inizjattiva mifruxa madwar l-UE kollha li huwa sinjal pożittiv ieħor. Dan ir-rapport sab li inizjattivi volontarji jidhru li jaħdmu aħjar f’xi pajjiżi milli f’oħrajn. L-inizjattiva tal-Belġju hija eżempju ta’ meta pjattaforma volontarja tidher li hija approċċ effiċjenti fl-indirizzar tal-PKŻ, li jfisser li ma jidhirx li hemm il-ħtieġa ta’ sistema regolatorja. F’pajjiżi oħra, pereżempju fir-Renju Unit, l-inizjattivi volontarji kellhom inqas suċċess, konferma tal-ħtieġa għal miżuri regolatorji u infurzar indipendenti effettiv.

Oqfsa regolatorji: Il-fatt li l-maġġoranza tal-Istati Membri introduċew miżuri regolatorji u sistemi ta’ infurzar pubbliku huwa żvilupp importanti ħafna. Xi Stati Membri marru lil hinn minn oħrajn, iżda kważi s-sistemi kollha ta’ infurzar leġiżlattiv introdotti jmorru lil hinn mir-rimedju ġudizzjarju normali permezz tal-qrati, u b’hekk ġie indirizzat "il-fattur ta’ biża'" tal-vittmi potenzjali tal-PKŻ. Għalhekk, meta wieħed iqis l-iżviluppi pożittivi f’partijiet tal-katina alimentari u peress li approċċi differenti jistgħu jindirizzaw il-PKŻ b’mod effettiv, f’dan l-istadju l-Kummissjoni ma tarax il-valur miżjud ta’ approċċ regolatorju speċifiku armonizzat fil-livell tal-UE. Madankollu l-Kummissjoni tirrikonoxxi li, peress li f’ħafna Stati Membri l-leġiżlazzjoni ġiet introdotta biss riċentement, ir-riżultati għandhom jiġu mmonitorjati mill-qrib, u jekk ikun hemm bżonn, jiġu vvalutati mill-ġdid.

Il-Belġju u n-Netherlands ma għandhomx qafas regolatorju, iżda għażlu pjattaforma nazzjonali volontarja. Il-ftit Stati Membri li jifdal li ma għandhomx leġiżlazzjoni dwar il-PKŻ jistgħu jibbenefikaw billi jsegwu l-eżempju tagħhom u tal-anqas jikkunsidraw pjattaforma nazzjonali volontarja.

Fir-rigward ta’ inizjattivi volontarji, il-Kummissjoni tikkonkludi li s-SCI diġà għamlet xi kisbiet, iżda għad hemm lok għal titjib. Sabiex tiżdied il-kredibilità u l-effettività tal-inizjattiva fl-indirizzar tal-PKŻ, il-Kummissjoni tipproponi diskussjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti dwar kif titjieb is-SCI taħt il-Forum ta’ Livell Għoli għal Funzjonament Aħjar tal-Katina tal-Provvista Alimentari L-għan huwa li jitjieb l-għarfien dwar is-SCI, speċjalment fost l-SMEs, tiġi żgurata l-imparzjalità tal-istruttura ta’ governanza tas-SCI, l-allegati vittmi tal-PKŻ jitħallew jilmentaw b’mod kunfidenzjali u l-korpi indipendenti jingħataw setgħat investigatorji u ta’ sanzjonar.

Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja mill-qrib is-sitwazzjoni fir-rigward tal-oqfsa volontarji u regolatorji. Il-Forum ta’ Livell Għoli għal Funzjonament Aħjar tal-Katina tal-Provvista Alimentari tal-Kummissjoni se jkompli d-djalogu mal-operaturi, mal-Istati Membri u ma’ partijiet ikkonċernati oħra dwar l-iżgurar tal-promozzjoni ta’ prattiki tajba, il-ħolqien ta’ pjattaformi nazzjonali u, b’mod partikolari, it-tisħiħ tas-SCI. Fi kwalunkwe każ, qabel jintemm il-mandat tagħha, il-Kummissjoni se tivvaluta mill-ġdid il-valur miżjud potenzjali ta’ azzjoni tal-UE fl-indirizzar tal-PKŻ fid-dawl ta’ żviluppi ġodda, jew in-nuqqas tagħhom. 

(1) COM(2014) 472 final
(2) Il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja.
(3) Taħt il-Politika Agrikola Komuni (PAK) ġew introdotti regoli speċifiċi madwar l-UE dwar ċerti partijiet tal-katina alimentari, inkluż, fost l-oħrajn, il-possibbiltà li l-Istati Membri jitolbu kuntratti obbligatorji bil-miktub bejn il-bdiewa u l-proċessuri jew id-distributuri b’obbligu possibbli għall-ewwel xerrejja li joffru lill-bdiewa tul ta’ żmien minimu tal-kuntratti. Barra minn hekk, il-PAK riformata u l-Politika Komuni tas-Sajd isaħħu l-pożizzjoni tal-produtturi fil-katina tal-provvista fil-konfront tal-operaturi li jinsabu iktar ’l isfel fil-katina, partikolarment billi jappoġġaw il-ħolqien u l-iżvilupp ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi. L-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq il-ġdida tinkludi wkoll elementi li għandhom l-għan li jnaqqsu l-iżbilanċi tas-setgħa ta’ negozjar bejn il-bdiewa u partijiet oħra fil-katina tal-provvista alimentari f’xi setturi magħżula (tal-ħabib, taż-żejt taż-żebbuġa, taċ-ċanga u l-vitella, tal-prodotti tar-raba' li jinħadem). F’Novembru 2015, il-Kummissjoni ppubblikat sett ta’ linji gwida biex jgħinu lill-operaturi tas-suq japplikaw ir-regoli l-ġodda.
(4) Pereżempju fl-Awstrija, fid-Danimarka, fi Franza, fil-Ġermanja, fl-Italja u fl-Iżvezja.
(5) AT, BG, CY, CZ, DE, EL, ES, FI, FR, HR, HU, IE, IT, LT, LV, PT, RO, SI, SK, UK.
(6) BG, CY, CZ, ES, FI, HU, IE, IT, LT, LV, PT, RO, SI, SK, UK.
(7) Pereżempju, il-Polonja.
(8) DE, EL, FR.
(9) B’mod ġenerali, l-oqfsa regolatorji nazzjonali japplikaw ukoll għar-relazzjonijiet transfruntiera.
(10) FI, HU, LT, LV, RO, UK.
(11) Pereżempju, il-Green Paper tal-Kummissjoni dwar il-PKŻ u l-konsultazzjoni pubblika suċċessiva tagħha mal-partijiet ikkonċernati.
(12) Il-PKŻ ewlenin huma konsistenti wkoll mal-prinċipji stabbiliti fil-Forum ta’ Livell Għoli għal Funzjonament Aħjar tal-Katina tal-Provvista Alimentari u l-qafas ta’ implimentazzjoni tal-Inizjattiva tal-Katina tal-Provvista.
(13) Dan jista’ jkun fil-kuntest ta’ lment jew ta' investigazzjoni fuq inizjattiva proprja.
(14) F’każ riċenti dwar prattiki ta’ bejjiegħ bl-imnut ewlieni Ġermaniż EDEKA, qorti reġjonali Ġermaniża ma kkonfermatx id-deċiżjoni tal-awtorità tal-kompetizzjoni Ġermaniża tat-3 ta’ Lulju 2014 u l-interpretazzjoni tagħha tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-PKŻ.
(15) AT, BG, FI, HR, LV, RO, SI.
(16) CY, DE, IE, LT, UK.
(17) CZ, ES, FR, HU, IT, PT, SK.
(18) http://ec.europa.eu/growth/sectors/food/competitiveness/supply-chain-forum/index_en.htm  .
(19) http://www.supplychaininitiative.eu/about-initiative/principles-good-practice-vertical-relationships-food-supply-chain  .
(20) http://www.supplychaininitiative.eu  .
(21) Fl-istħarriġ il-membri tas-SCI kienu soprarappreżentati. Dan jimplika li ċ-ċifri dwar l-għarfien ippreżentati hawnhekk jissopravvalutaw il-livell attwali ta’ għarfien dwar is-SCI fost l-atturi fis-suq.
(22) Fl-ewwel stħarriġ annwali tas-SCI, ġie rrapportat ilment wieħed ippreżentat u 39 ilment riċevuti (minn 6 kumpaniji differenti). Fit-tieni stħarriġ annwali, kienu rrapportati 3 ilmenti ppreżentati u 39 ilment riċevuti (minn 8 kumpaniji differenti).