IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 28.1.2016
COM(2016) 29 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Rapport dwar l-Iskema Ġeneralizzata ta’ Preferenzi li tkopri l-perjodu 2014-2015
{SWD(2016) 8 final}
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 28.1.2016
COM(2016) 29 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Rapport dwar l-Iskema Ġeneralizzata ta’ Preferenzi li tkopri l-perjodu 2014-2015
{SWD(2016) 8 final}
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Rapport dwar l-Iskema Ġeneralizzata ta’ Preferenzi li tkopri l-perjodu 2014-2015
1.Introduzzjoni
1.1.L-Iskema Ġeneralizzata ta’ Preferenzi (SĠP)
Mill-1971, l-Iskema Ġeneralizzata ta’ Preferenzi tal-UE ('SĠP') għenet lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-isforzi tagħhom biex inaqqsu l-faqar u jippromwovu governanza tajba u żvilupp sostenibbli. Billi tipprovdi aċċess preferenzjali għas-suq tal-UE, l-SĠP tgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jiġġeneraw dħul addizzjonali permezz tal-kummerċ internazzjonali. Ir-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-applikazzjoni ta’ skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati 1 ("ir-Regolament SĠP") huwa l-qafas legali għall-SĠP. L-iskema hija konformi mal-liġi tad-WTO, wara li ġiet introdotta taħt l-hekk imsejħa "klawżola ta’ abilitazzjoni", li tippermetti eċċezzjoni mill-prinċipju tan-'Nazzjon l-Aktar Iffavorit"' tad-WTO.
1.2.Tliet arranġamenti fi ħdan l-SĠP
Ir-Regolament SĠP irriforma l-SĠP biex il-preferenzi SĠP jkunu ffukati aktar fuq dawk il-pajjiżi l-aktar fil-bżonn, b’mod partikolari l-pajjiżi l-anqas żviluppati (LDCs) u pajjiżi oħra li qed jiżviluppaw bi dħul baxx u bi dħul medju baxx. Ir-riformi tal-SĠP naqqsu b’mod sinifikanti n-numru ta’ benefiċjarji, minn 178 għal 92 2 . Pajjiżi li ngħataw kklassifikazzjoni ta' pajjiż bi dħul medju superjuri jew ogħla mill-Bank Dinji huma esklużi mill-preferenzi tal-SĠP. Huma esklużi wkoll il-pajjiżi li jibbenefikaw minn arranġament ta’ aċċess preferenzjali għas-suq tal-UE li jagħti mill-anqas l-istess livell ta’ preferenzi tariffarji għal kważi l-kummerċ kollu.
Biex takkomoda l-kummerċ, l-iżvilupp u l-ħtiġijiet finanzjarji tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw b'mod effettiv, l-SĠP tipprevedi tliet tipi differenti ta’ arranġamenti ta’ preferenza: Arranġament ġenerali tal-SĠP u żewġ arranġamenti speċjali.
−L-arranġament ġenerali ('SĠP Standard') jagħti tnaqqis fid-dazji għal madwar 66% tal-linji tariffarji tal-UE lejn pajjiżi ta’ dħul baxx jew medju baxx, li ma jibbenefikawx minn aċċess preferenzjali ieħor għall-kummerċ għas-suq tal-UE. Bħalissa hemm 30 Benefiċjarju standard tal-SĠP.
−L-Arranġament Speċjali dwar l-Inċentiv għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Governanza Tajba ('SĠP+') jagħti sospensjoni sħiħa tad-dazji bażikament fuq l-istess linji tariffarji ta' 66%, bħall-SĠP Standard, għal pajjiżi speċjalment vulnerabbli fejn tidħol id-diversifikazzjoni tal-ekonomiji tagħhom u l-volumi ta’ importazzjoni. Min-naħa tagħhom, il-pajjiżi benefiċjarji għandhom jirratifikaw u jimplimentaw b’mod effettiv 27 konvenzjoni internazzjonali bażika, kif elenkati fl-Anness VIII tar-Regolament SĠP. Dawn il-konvenzjonijiet ikopru d-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol, il-ħarsien tal-ambjent u l-governanza tajba. Bħalissa hemm 13-il benefiċjarju tal-SĠP+.
−L-arranġament speċjali Kollox Barra Armi ('EBA') jagħti aċċess sħiħ mingħajr dazju u mingħajr kwoti għall-prodotti kollha ħlief l-armi u l-munizzjon, għal pajjiżi kklassifikati min-NU bħala LDCs. Bħalissa hemm 49 benefiċjarju tal-EBA.
Fl-2014, kważi EUR 50.8 3 biljun f’importazzjonijiet irċevew il-preferenzi SĠP kif ġej: EUR 27.3 biljun f'importazzjonijiet minn pajjiżi taħt l-SĠP Standard, madwar EUR 6.5 biljun ta’ importazzjonijiet minn benefiċjarji tal-SĠP+ u EUR 17 biljun f’importazzjonijiet minn pajjiżi tal-EBA. Id-dettalji kollha jinsabu fit-Tabelli minn 1 sa 4 ta’ dan ir-Rapport.
Il-Grafiki 1 u 2 hawn taħt jagħtu ħarsa ġenerali lejn l-importazzjonijiet taħt it-tliet arranġamenti SĠP.
1.3.L-għan ta’ dan ir-Rapport
Ir-Regolament SĠP jirrikjedi li l-Kummissjoni, mill-1 ta' Jannar 2016 tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-funzjonament tal-iskema tal-SĠP, darba kull sentejn.
Ir-rapport huwa meħtieġ biex ikopri l-effetti tat-tliet arranġamenti preferenzjali tal-SĠP matul is-sentejn ta’ qabel 4 . Madankollu, ir-Regolament SĠP jirrikjedi li r-rapport jagħti attenzjoni partikolari għall-SĠP+. Ir-rapport għandu jagħti d-dettalji tar-ratifika, tar-rappurtar u tal-implimentazzjoni effettiva tal-pajjiżi benefiċjarji tal-konvenzjonijiet rilevanti 5 .
Għalhekk, dan ir-rapport ikopri t-tliet elementi tal-SĠP: L-iskema SĠP Standard, l-iskema tal-EBA, b’enfasi partikolari fuq l-iskema SĠP+ 6 .
2.L-arranġament SĠP Standard
Il-lista ta’ benefiċjarji tal-SĠP ġiet emendata numru ta’ drabi biex tirrifletti l-ħruġ ta’ pajjiżi mill-SĠP, skont il-kriterji tal-Artikolu 4 tar-Regolament SĠP (jiġifieri dawk il-pajjiżi li jkunu ġew ikklassifikati mill-Bank Dinji bħala pajjiżi bi dħul medju superjuri għal tliet snin konsekuttivi, jew bdew jibbenefikaw minn arranġamenti ta’ aċċess preferenzjali għas-suq tal-UE li jipprovdu l-istess preferenzi tariffarji jew aħjar).
Il-lista ta’ benefiċjarji ġiet ukoll modifikata biex tinkludi pajjiżi ġodda li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà tal-SĠP. B'mod partikolari:
−l-Iran u l-Azerbajġan ħarġu fit-23 ta’ Frar 2014 7
−Il-Kroazja ma baqatx pajjiż eliġibbli u għalhekk benefiċjarju mal-adeżjoni tagħha mal-UE 8
−Is-Sudan t’Isfel u l-Mjanmar kienu inklużi fl-1 ta’ Jannar 2014 9
−Iċ-Ċina, l-Ekwador, it-Tajlandja u l-Maldivi ħarġu 'l barra fl-1 ta’ Jannar 2015 10
−Il-Botswana, il-Kamerun, il-Kosta tal-Avorju , il-Fiġi, il-Ghana, il-Kenja, in-Namibja u s-Swaziland kienu inklużi fl-1 ta’ Ottubru 2014 11 .
It-30 pajjiż li ġej jibbenefikaw mill-SĠP Standard 12 :
−L-Afrika: Il-Botswana, il-Kamerun, il-Kosta tal-Avorju, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, il-Kenja, il-Ghana, in-Namibja, Nauru, in-Niġerja, is-Swaziland
−L-Asja: Il-Kirgiżistan, l-Indja, l-Indoneżja, is-Sri Lanka, il-Vjetnam, it-Taġikistan, it-Turkmenistan** , l-Użbekistan
−L-Awstralja u l-Paċifiku: Il-Gżejjer Cook, Fiġi, il-Gżejjer Marshall, il-Mikroneżja (l-Istati Federali tal-), Niue, Tonga
−L-Ewropa: L-Ukrajna
−Il-Lvant Nofsani: L-Iraq, is-Sirja
−L-Amerika t’Isfel: Il-Kolombja**, il-Honduras**, in-Nikaragwa**
Kif juru l-Grafiki 3 u 4 t’hawn taħt, il-ħruġ taċ-Ċina kellu impatt kbir fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tal-iskema. Bħala riżultat, kemm il-limiti tal-gradwazzjoni tal-prodotti fl-Anness VI 13 kif ukoll il-limitu ta’ vulnerabbiltà fl-Anness VII 14 inbidlu.
Darba kull tliet snin, il-lista tat-taqsimiet tal-prodotti li joriġinaw f’pajjiż SĠP standard li jsir kompetittiv iżżejjed (u li minħabba fiha jiġu sospiżi l-preferenzi) tiġi riveduta 15 . Il-lista li jmiss ser tapplika mill-1 ta’ Jannar 2017.
Tabella 2 hawn taħt 16 fiha l-valur ta' importazzjonijiet totali, eliġibbli u preferenzjali 17 lejn l-UE minn pajjiż SĠP standard. L-importazzjonijiet eliġibbli naqsu xi ftit (minn EUR 43.5 biljun fl-2013 għal EUR 38.7 biljun fl-2014), minkejja żieda żgħira fl-importazzjonijiet totali. Barra minn hekk, ir-rata tal-utilizzazzjoni ġenerali fl-2014 kienet ta’ 70.3%, ftit inqas mill-71.5% tas-sena ta’ qabel. Ir-rata ta’ utilizzazzjoni tvarja sostanzjalment minn pajjiż għal ieħor. Il-Grafika 5 ta’ hawn taħt turi li l-Indja hija ċertament l-akbar utent ta’ SĠP standard, segwita mill-Vjetnam u l-Indoneżja. Fl-2014, dawn it-tliet benefiċjarji flimkien ammontaw għal 87.8% tal-importazzjonijiet kollha fejn intużaw preferenzi SĠP standard.
3.L-arranġament EBA
Id-49 pajjiż li ġej jibbenefika mill-arranġament EBA:
−L-Afrika: L-Angola, il-Burkina Faso, il-Burundi, il-Benin, iċ-Chad, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana, il-Djibouti, l-Eritrea, l-Etjopja, il-Gambja, il-Guinea, il-Guinea Ekwatorjali, il-Guinea-Bissaw, il-Gżejjer Comoros, il-Liberja, il-Lesoto, il-Madagascar, il-Mali, il-Mauritania, il-Malawi, il-Mozambique, in-Niġer, ir-Rwanda, Sierra Leone, is-Senegal, is-Somalja, is-Sudan t’Isfel, is-Sudan, São Tomé u Príncipe, it-Togo, it-Tanzanija, l-Uganda, iż-Żambja
−L-Asja: L-Afganistan, il-Bangladesh, il-Bhutan, il-Kambodja, il-Laos (Ir-Repubblika Demokratika tal-Poplu ta’), il-Mjanmar/Burma, in-Nepal, Timor Leste, il-Jemen
−L-Awstralja u l-Paċifiku: Kiribati, Samoa 18 , il-Gżejjer Solomon, Tuvalu, Vanuatu
−Il-Karibew: Il-Haiti.
Tabella 3 hawn taħt 19 fiha l-valur ta' importazzjonijiet totali, eliġibbli u preferenzjali lejn l-UE minn pajjiż EBA. Kemm l-importazzjonijiet eliġibbli (minn EUR 17.4 biljun fl-2013 għal EUR 19.5 biljun fl-2014) kif ukoll ir-rata ta’ utilizzazzjoni żdiedu (minn 83.1% għal 87.1%). Għal darb'oħra r-rata ta’ utilizzazzjoni tvarja sostanzjalment minn pajjiż għal ieħor. Il-Grafika 6 ta’ hawn taħt turi li l-Bangladesh huwa ċertament l-akbar utent ta’ EBA, segwit mill-Kambodja. Fl-2014, dawn iż-żewġ benefiċjarji flimkien ammontaw għal 85.4% tal-importazzjonijiet kollha fejn intużaw preferenzi EBA.
4.L-arranġament SĠP+
4.1.Benefiċjarji tal-SĠP+
L-SĠP+ tipprovdi preferenzi tariffarji addizzjonali għal pajjiżi li qed jiżviluppaw u li jkunu vulnerabbli minħabba nuqqas ta’ diversifikazzjoni meta jesportaw lejn l-UE, u minħabba integrazzjoni insuffiċjenti fis-sistema kummerċjali internazzjonali. L-arranġament jappoġġja lil dawn il-pajjiżi biex jimplimentaw b’mod effettiv 27 konvenzjoni internazzjonali bażika dwar id-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol, il-ħarsien tal-ambjent u l-governanza tajba 20 .
Pajjiż huma meħtieġ li jkun diġà rratifika dawn is-27 konvenzjoni biex japplika għal preferenzi SĠP+. Barra minn hekk, l-applikanti għall-SĠP+ jridu jagħtu impenn vinkolanti bil-miktub 21 biex iżommu r-ratifika ta’ dawn il-konvenzjonijiet, u biex jimplimentawhom b'mod effettiv. L-applikanti għandhom ukoll jaċċettaw ir-rekwiżiti ta’ rappurtar u monitoraġġ ta' dawn il-konvenzjonijiet mingħajr riżerva u għandhom jaqblu li jikkooperaw mal-proċedura ta’ monitoraġġ tal-UE mmexxija mill-Kummissjoni Ewropea.
Il-perjodu ta’ rappurtar 2014-2015 ikopri total ta’ 14-il benefiċjarju tal-SĠP+ 22 . L-Armenja, il-Bolivja, Cape Verde, il-Cost Rica, l-Ekwador 23 , il-Georgia, il-Mongolja, il-Pakistan, il-Paragwaj u l-Perù ingħataw status ta’ SĠP+ fl-1 ta’ Jannar 2014 24 . El Salvador, il-Gwatemala u l-Panama ingħataw status ta’ SĠP+ mit-28 ta’ Frar 2014 25 , u l-Filippini mill-25 ta’ Diċembru 2014 26 .
Il-Costa Rica, il-Gwatemala, El Salvador, il-Panama u l-Perù ma baqgħux benefiċjarji tal-SĠP/SĠP+ 27 mill-1 ta’ Jannar 2016, peress li jibbenefikaw minn aċċess preferenzjali għas-suq skont ftehimiet kummerċjali bilaterali. Barra minn hekk, il-Georġia mhux ser tibqa' benefiċjarju tal-SĠP/SĠP+ mill-1 ta’ Jannar 2017 28 . Fil-25 ta’ Novembru 2015, il-Kummissjoni ddeċidiet li tagħti l-istatus ta’ SĠP+ lill-Kirgiżistan 29 ; Bħalissa d-Deċiżjoni qiegħda taħt reviżjoni quddiem il-Parlament Ewropew u l-Kunsill.
Tabella 4 hawn taħt fiha l-valur ta' importazzjonijiet totali u preferenzjali lejn l-UE mill-benefiċjarji tal-SĠP+. L-importazzjonijiet preferenzjali totali tal-SĠP+ żdiedu (minn 5.99 biljun euro fl-2013 għal 6.48 biljun euro fl-2014). Minħabba li diversi benefiċjarji bdew japplikaw ftehimiet ġodda ta’ kummerċ ħieles mal-UE 30 , ir-rata ġenerali ta’ utilizzazzjoni naqset ftit (minn 69.7% fl-2013 għal 66.1% fl-2014). Minħabba dawn l-arranġamenti ta’ aċċess għas-suq ġdid disponibbli, ir-rata ta’ utilizzazzjoni kienet tvarja b’mod sinifikanti minn pajjiż għal ieħor. Kif muri fil-Grafika 7 hawn taħt, fl-2014, il-Pakistan u l-Filippini flimkien kienu jammontaw għal 87.8 % tal-importazzjonijiet preferenzjali tal-SĠP+.
4.2.Monitoraġġ tal-SĠP+
4.2.1.L-għan u l-objettiv tal-monitoraġġ tal-SĠP+
L-iskema SĠP+ hija għodda bbażata fuq l-inċentivi li tfittex li tappoġġa lill-benefiċjarji biex jimplimentaw b’mod effettiv is-27 konvenzjoni internazzjonali. Kif stipulat fir-Regolament SĠ, il-ħajja inizjali tal-SĠP+ hija ta’ 10 snin (jiġifieri ser tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2023 31 ). Dan huwa proċess fit-tul. In-nuqqasijiet li jfixklu l-implimentazzjoni effettiva tal-konvenzjonijiet ta’ spiss huma marbuta ma’ kwistjonijiet li jeħtieġu soluzzjonijiet għal perjodu medju u twil. Il-konvenzjonijiet SĠP+ ikopru qasam kbir ta’ kwistjonijiet bħalma huma d-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol, il-protezzjoni tal-ambjent, it-tibdil fil-klima, u l-ġlieda kontra d-droga u l-korruzzjoni. Barra minn hekk, in-nuqqasijiet huma spiss riżultat ta’ firxa ta’ kwistjonijiet kumplessi u interkonnessi, li jinkludu żviluppi soċjali, kulturali, storiċi, ta' sigurtà jew ekonomiċi. Bħala pajjiżi li qed jiżviluppaw, il-benefiċjarji kollha huma mistennija li jesperjenzaw sfidi fl-implimentazzjoni, speċjalment f’perjodu ta’ żmien qasir u medju.
Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-monitoraġġ SĠP+ riformat jipprovdi inċentiv qawwi għall-benefiċjarji tal-SĠP+ biex jitjiebu l-implimentazzjoni u r-rappurtar tagħhom. Dan jeħtieġ impenn mhux biss fuq perjodu ta’ żmien qasir, iżda fuq perjodu ta’ żmien medju u twil, li l-monitoraġġ tal-SĠP jfittex li jirrifletti b’mod sħiħ.
4.2.2.Il-promozzjoni ta’ standards internazzjonali
L-SĠP+ taqbel mal-impenn tal-UE biex tippromwovi u ssaħħaħ l-implimentazzjoni tal-liġi internazzjonali, kif stabbilit fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Hija tfittex li tiżgura li l-benefiċjarji jissodisfaw l-impenjitagħhom li joriġinaw miir-ratifika ta’ konvenzjonijiet internazzjonali. L-iskema SĠP+ ma teħtieġx li l-benefiċjarji jadottaw jew jimplimentaw l-istandards tal-UE — pjuttost, il-benefiċjarji huma meħtieġa li jissodisfaw l-obbligi li diġà qablu magħhom skont dawn il-konvenzjonijiet internazzjonali.
Il-Kummissjoni għalhekk timmira li tinvolvi ruħha dejjem aktar mal-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti (pereż. l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol ("ILO") u n-Nazzjonijiet Uniti ("NU")) biex jiġi żgurat li l-monitoraġġ tal-SĠP+ u l-evalwazzjoni mill-UE kontinwament iqisu l-opinjonijiet u l-esperjenzi tagħhom. Kuntatt mill-qrib ma’ uffiċċji lokali ta' organizzazzjonijiet internazzjonali fil-pajjiżi benefiċjarji huwa importanti.
Dan l-involviment huwa speċjalment importanti minħabba t-tul taċ-ċiklu ta’ rappurtar ta’ ħafna mill-konvenzjonijiet elenkati fl-Anness VIII tar-Regolament SĠP+. Pereżempju, ir-rapporti tan-NU jinħarġu kull 4-5 snin, li huwa perjodu itwal mis-sentejn taċ-ċiklu ta’ rappurtar tal-SĠP+. Impenn attiv mal-organizzazzjonijiet internazzjonali relevanti għalhekk huwa ta’ benefiċċju partikolari bejn fiċ-ċikli ta' rappurtar
Barra minn hekk, il-kompetenzi ta’ dawn l-organizzazzjonijiet jistgħu jkunu utli ħafna għal proġetti ta’ kooperazzjoni f’pajjiżi benefiċjarji. Il-Kummissjoni u l-ILO bħalissa qed iniedu proġett pilota tal-SĠP+ dwar il-bini ta' kapaċita fil-Pakistan, il-Mongolja, il-Gwatemala u El Salvador. Il-Kummissjoni se tkompli taħdem mill-qrib ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali tul il-ħajja tal-SĠP+, inkluż permezz ta’ proġetti speċifiċi.
Fl-aħħar nett, l-SĠP+ tippermetti lill-UE li tiddiskuti b’mod kostruttiv l-impenji tal-benefiċjarji għal dawn il-konvenzjonijiet fi ħdan l-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti, bħall-Kumitat Tripartitiku tal-ILO dwar l-Applikazzjoni tal-Istandards jew il-Korp Governattiv tal-ILO.
4.2.3.Il-proċess ta’ monitoraġġ tal-SĠP+
Ir-Regolament SĠP jirrikjedi monitoraġġ imsaħħaħ tal-UE tal-konformità tal-benefiċjarji tal-SĠP+ mal-impenji tagħhom. Flimkien mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna ("SEAE"), is-servizzi tal-Kummissjoni għandhom għalhekk jistabbilixxu proċess strutturat ta’ monitoraġġ: "djalogu SĠP+" kontinwu mal-awtoritajiet benefiċjarji, formalizzat permezz ta’ listi annwali ta’ kwistjonijiet ('it-tabelli ta’ valutazzjoni').
Meta benefiċjarju jidħol fl-SĠP+, il-Kummissjoni tħejji valutazzjoni inizjali tal-konformità tal-benefiċjarju mal-impenji tiegħu tal-SĠP+ (l-ewwel tabella ta' valutazzjoni formali). Din it-tabella ta’ valutazzjoni tinnota n-nuqqasijiet ewlenin identifikati mill-korpi ta’ monitoraġġ tal-konvenzjonijiet internazzjonali. Dan jibda d-djalogu SĠP+ kontinwu li matulu l-Kummissjoni tiġbed l-attenzjoni tal-benefiċjarju fiż-żoni elenkati fit-tabella ta' valutazzjoni.
Kull meta jkun possibbli, id-djalogu juża r-rabtiet politiċi u istituzzjonali eżistenti bejn l-UE u l-benefiċjarji 32 . Il-lista ta’ kwistjonijiet hija aġġornata kull sena, u l-benefiċjarji mistennija li juru sforzi serji biex jindirizzaw il-problemi identifikati.
Skont ir-Regolament SĠP, il-proċess ta’ monitoraġġ tal-SĠP+ iqis il-fehmiet minn firxa wiesgħa ta’ sorsi lil hinn mill-korpi ta’ monitoraġġ tal-konvenzjonijiet internazzjonali, li jinkludu s-soċjetà ċivili, l-imsieħba soċjali, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill. Firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati li huma involuti wkoll fil-pajjiżi benefiċjarji – mhux biss il-gvern ċentrali iżda wkoll l-awtoritajiet reġjonali jew lokali, is-soċjetà ċivili (pereż. l-imsieħba soċjali, organizzazzjonijiet mhux governattivi), l-assoċjazzjonijiet tan-negozju, u l-uffiċċji lokali ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali.
Bħala parti mill-monitoraġġ tagħha, il-Kummissjoni tista’ tipparteċipa f’sessjonijiet ta' ħidma lokali, jew żjarat fuq il-post lill-industriji. Li jintlaħqu l-partijiet interessati lokali, b’mod partikolari matul iż-żjarat ta’ monitoraġġ SĠP+, mhuwiex importanti biss biex tinġabar informazzjoni diretta, iżda wkoll biex jittejjeb il-fehim ta’ kif taħdem l-SĠP+, u l-aspettattivi tal-UE tal-benefiċjarji. Dan jgħin lill-partijiet interessati lokali biex jaqdu rwol kostruttiv billi jassistu lill-awtoritajiet lokali, reġjonali u ċentrali biex jissodisfaw l-impenji tagħhom skont il-konvenzjonijiet. B’mod partikolari, bħala benefiċjarji diretti ta’ preferenzi tariffarji, l-operaturi ekonomiċi huma mistennija li jkollhom rwol ewlieni biex jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-konvenzjonijiet.
Matul dan l-ewwel perjodu ta’ rappurtar, l-interazzjoni mas-soċjetà ċivili f’pajjiżi benefiċjarji kienet pożittiva ħafna. Is-soċjetà ċivili b’mod ġenerali esprimiet appoġġ qawwi għall-parteċipazzjoni ta’ pajjiżhom fl-iskema SĠP+. F’diversi okkażjonijiet, hija laqgħet b'mod speċifiku l-monitoraġġ SĠP+, u l-possibbiltà msaħħa li toffri biex tqajjem kwistjonijiet prinċipali tad-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol mal-awtoritajiet. Il-Kummissjoni għalhekk se tkompli l-involviment mal-partijiet interessati lokali waqt il-monitoraġġ, u tfittex li fejn possibbli twessgħu.
4.2.4.Assistenza u proġetti ta’ żvilupp
Ir-rapporti tal-korpi ta’ monitoraġġ internazzjonali - is-sors ewlieni għat-tabelli ta' valutazzjoni - jidentifikaw mhux biss in-nuqqasijiet u l-elementi ta’ progress, iżda wkoll il-limitazzjonijiet li jistgħu jxekklu jew iżommu lill-benefiċjarju milli jimplimenta konvenzjoni. Dan huwa importanti, peress li numru ta’ dawn ir-restrizzjonijiet jista’ ma jkunx fil-kontroll jew l-isfera diretta ta’ influwenza tal-awtoritajiet pubbliċi, fatt li jista’ jispjega xi wħud min-nuqqasijiet. Filwaqt li huwa ċar li stat għandu r-responsabbiltà li jissodisfa bis-sħiħ l-impenji internazzjonali tiegħu, is-sorveljanza tal-Kummissjoni għandha tqis fatturi bħan-nuqqas ta’ riżorsi, il-faqar, id-diżastri naturali, jew in-nuqqas ta’ kontroll fuq ċerti żoni f’sitwazzjonijiet ta’ kunflitt armat. Fl-2015, il-Kummissjoni nediet proġett konġunt mal-ILO biex tappoġġja l-kapaċità amministrattiva tal-pajjiżi SĠP+ li tjimplimentaw u jirrapportaw b'mod effettiv dwar il-konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO. Matul il-perjodu ta’ rappurtar li jmiss, il-Kummissjoni ser tkompli taħseb f’modi kif tista’ tappoġġja lill-benefiċjarji jindirizzaw tali limitazzjonijiet permezz ta’ għarfien espert, għajnuna teknika u proġetti speċifiċi dwar il-bini tal-kapaċità.
4.2.5.L-Organizzazzjoni interna tal-benefiċjarji dwar l-SĠP+
Il-mod kif il-benefiċjarji organizzaw lilhom infushom biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet koperti mill-konvenzjonijiet SĠP+ ta l-ewwel indikazzjoni ta’ impenn politiku għall-proċess ta’ SĠP+. Il-konvenzjonijiet ta’ spiss ikopru l-kompetenzi ta’ diversi dipartimenti u aġenziji tal-gvern li jista’ jkollhom livelli differenti ta’ riżorsi u ingranaġġ.
Il-benefiċjarji għandhom għalhekk jikkoordinaw kemm fil-livell tal-gvern ċentrali kif ukoll f'dak tal-gvern lokali. Xi benefiċjarji għażlu li jwaqqfu task forces speċifiċi tal-SĠP+ immexxija minn uffiċjali ta’ livell għoli (pereż. il-Pakistan), filwaqt li oħrajn ippreferew li jikkoordinaw fuq bażi ad hoc taħt il-Ministeru tal-Kummerċ u l-Affarijiet Barranin (eż. il-Filippini, il-Gwatemala). Huwa antiċipat li matul iż-żmien din il-koordinazzjoni se ssir aktar effiċjenti. Iż-żjajjar ta’ monitoraġġ tal-SĠP+ mill-Kummissjoni, bl-għajnuna tad-Delegazzjonijiet tal-UE, urew li kienu ta’ benefiċċju f’dan ir-rigward 33 . L-isforzi ta’ koordinazzjoni tal-benefiċjarji tal-SĠP+ u l-konvenzjonijiet rilevanti huma għodda importanti u meħtieġa għat-titjib tal-implimentazzjoni fil-prattika. Għalhekk, il-Kummissjoni se tkompli tagħti attenzjoni mill-qrib lil koordinazzjoni.
4.2.6.Konklużjonijiet dwar l-ewwel perjodu ta’ monitoraġġ SĠP+ (2014-2015)
Kif spjegat hawn fuq, il-monitoraġġ jibda bid-dħul ta' kull benefiċjarju fl-iskema SĠP+. Ħarsa ġenerali lejn in-nuqqasijiet għal kull waħda mill-konvenzjonijiet SĠP+, kif ippreżentai mill-korpi ta’ monitoraġġ internazzjonali, tistabbilixxi l-linja bażi ta’ monitoraġġ kontinwu ta’ kull benefiċjarju. Il-benefiċjarji huma mistennija li juru sforzi serji fit-titjib tal-implimentazzjoni tas-27 konvenzjoni bażika u fl-indirizzar ta’ dawk in-nuqqasijiet. Il-monitoraġġ ikopri l-aspetti kollha tal-implimentazzjoni tas-27 konvenzjoni, inklużi diskussjonijiet dwar restrizzjonijiet ta’ kapaċità jew dwar il-progress. Barra minn hekk, il-monitoraġġ tal-SĠP+ jieħu kont tal-qafas legali u amministrattivi preeżistenti f’pajjiżi benefiċjarji, bħala parti mil-linja bażi.
L-ewwel perjodu ta’ monitoraġġ kien proċess ta’ tagħlim għall-benefiċjarji kollha, kif ukoll għall-Kummissjoni. Madankollu, il-benefiċjarji kollha urew impenn qawwi għall-proċess tal-SĠP+, kemm f’termini ta’ rieda politika kif ukoll fl-introduzzjoni ta’ riformi istituzzjonali u leġiżlattivi. B’mod partikolari, il-benefiċjarji urew livell ġenwin ta' involviment mal-Kummissjoni b'reazzjoni fil-ħin għad-dokumenti tat-tabelli ta' valutazzjoni annwali, billi ppermettew żjarat ta’ monitoraġġ SĠP+ speċifiċi, u billi waqqfu strutturi ta’ governanza SĠP+ speċifiċi. Barra minn hekk, il-benefiċjarji kollha imxew — għalkemm xi kultant b'pass inkrimentali — lejn it-titjib tal-implimentazzjoni tal-impenji tagħhom skont il-konvenzjonijiet SĠP+ fil-konkret, inkluż ukoll bil-preżentazzjoni ta' diversi rapporti tal-pajjiżi li kienu ilhom pendenti.
Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal mehmuż jipprovdi valutazzjoni komprensiva ta’ benefiċjarji individwali inkluż l-iżviluppi pożittivi u l-limitazzjonijiet domestiċi, li jistgħu jillimitaw il-ħila tal-benefiċjarji li jiksbu implimentazzjoni effettiva. Issir valutazzjoni għal kull konvenzjoni individwalment, b’valutazzjoni globali għal kull grupp ta' konvenzjonijiet (id-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet tax-xogħol, l-ambjent, il-governanza tajba). F’dan l-istadju, minħabba n-natura diversa tas-27 konvenzjoni ewlenija tal-SĠP+ u ż-żmien qasir tal-ewwel perjodu ta’ rappurtar (18-il xahar), ma kienx meqjus xieraq u realistiku li jiġi kkwantifikat il-progress lil hinn mill-parametri referenzjarji ovji (pereżempju l-preżentazzjoni f’waqtha tar-rapporti nazzjonali). Li wieħed jipprova jagħti valur kwantifikabbli, standardizzat lill-prestazzjoni tal-benefiċjarji jista’ jkun qarrieq u, sa ċertu punt, arbitrarju.
Madankollu, l-għodod ta’ monitoraġġ se jkomplu jiġu rfinuti. B’mod partikolari, matul il-perjodu ta’ rappurtar li jmiss, se jkun importanti li l-benefiċjarji jieħdu s-sjieda tal-proċess u li jkunu aktar proattiv fl-indirizzar tal-kwistjonijiet tat-tabelli ta’ valutazzjoni. Il-Kummissjoni se tagħti aktar attenzjoni lill-prijoritajiet ta’ azzjoni tal-benefiċjarji stess, l-iskedi ta’ żmien tagħhom biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet, u għar-riżorsi disponibbli għall-implimentazzjoni. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni se ssaħħaħ l-impenn tagħha mal-benefiċjarji, bil-ħsieb li jiġu identifikati prijoritajiet għal azzjoni.
Fil-fatt, hawnhekk tinsab ir-raġuni prinċipali tal-SĠP+ riformata. Wara li tiżgura konformità sħiħa mal-kriterji ta’ dħul, l-SĠP+ takkumpanja lill-benefiċjarji b’inċentivi kummerċjali, permezz ta’ titjib progressiv tal-implimentazzjoni tagħhom tal-konvenzjonijiet rilevanti. Il-benefiċjarji SĠP+, għaldaqstant huma mistennija li jtejbu kontinwament ir-rekord tal-passat tagħhom. Madankollu, se jitqiesu ċ-ċirkustanzi individwali u r-restrizzjonijiet ta’ benefiċjarji. F’dan ir-rigward, ir-Regolament SĠP jipprevedi li jekk benefiċjarju ma jirrispettax l-impenn obbligatorju, il-preferenzi jistgħu jiġu rtirati b'mod temporanju 34 .
Matul il-perjodu ta’ rappurtar li jmiss (2016-2017), il-Kummissjoni se tkompli tissorvelja lill-benefiċjarji b’mod strutturat. Sar-rieżami li jmiss, il-Kummissjoni se tikkunsidra azzjonijiet ta’ reazzjoni, jekk meħtieġ, inkluża l-possibbiltà li tiftaħ investigazzjoni f’każ li l-benefiċjarju jonqos milli jikkonforma mal-impriża SĠP+ tiegħu.
4.2.7.Mehmuż ma' dan ir-Rapport: Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal dwar l-SĠP+
Ir-Regolament SĠP jeħtieġ li dan ir-rapport ipoġġi attenzjoni partikolari fuq il-funzjonament tal-SĠP+. Għaldaqstant, dan ir-rapport huwa akkumpanjat minn Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal ("SWD") dwar L-Arranġament ta’ Inċentiv Speċjali tal-UE għal Żvilupp Sostenibbli u Governanza Tajba ("SĠP+") li jkopri l-perjodu 2014-2015, li ġie ppreparat b’mod konġunt mis-servizzi tal-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna ("SEAE").
Is-SWD jipprovdi aktar dettall dwar il-funzjonament tal-SĠP+ mindu r-Regolament 978/2012 tal-SĠP+ daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2014. Is-SWD jinkludi wkoll valutazzjoni dettaljata ta’ benefiċjarji tal-SĠP+ individwali taħt il-konvenzjonijiet SĠP+ u rapporti dwar l-użu tal-SĠP+ fost il-pajjiżi benefiċjarji.
5.Rapporti tal-Kummissjoni fil-futur
Ir-Regolament SĠP jobbliga lill-Kummissjoni tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tar-Regolament SĠP ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament SĠP, jiġifieri sa Novembru 2017. Dan ser jirrifletti fuq l-iskema SĠP kollha matul il-perjodu ta’ ħames snin, mill-2012 sal-2017. Dan ir-rapport se jqis l-implikazzjonijiet tal-iskema għall-iżvilupp, il-kummerċ u l-ħtiġijiet finanzjarji tal-benefiċjarji tagħha. Il-Kummissjoni għandha wkoll tivvaluta l-ħtieġa li tiġi riveduta l-iskema, inkluża l-SĠP+ u dispożizzjonijiet ta’ rtirar temporanju ta' preferenzi tariffarji, fejn xieraq akkumpanjati minn proposta leġiżlattiva. Barra minn hekk, ir-rapport se jinkludi wkoll analiżi ddettaljata tal-impatt tar-Regolament SĠP fuq il-kummerċ u fuq id-dħul tariffarju tal-Unjoni, b’attenzjoni partikolari lill-effetti fuq il-pajjiżi benefiċjarji. Fl-aħħar nett, dan ir-rapport, li se jiġi ppubblikat sa Novembru 2017, ser jkopri wkoll żviluppi speċifiċi matul it-tieni ċiklu ta’ rappurtar tal-SĠP+ (2016-2017).
6.Tabelli b'informazzjoni statistika li tkopri l-pajjiżi li jibbenefikaw mill-SĠP fl-1 ta' Diċembru 2015.
Tabella 1 – Valur tal-importazzjonijiet preferenzjali għall-pajjiżi kollha tal-SĠP (f’eluf ta’ EUR)
Tabella 2 – Valur ta’ importazzjonijiet preferenzjali lejn l-UE minn pajjiżi tal-SĠP Standard (f’eluf ta’ EUR)
Tabella 3 – Valur tal-importazzjonijiet preferenzjali lejn l-UE mill-pajjiż EBA (f'eluf ta’ EUR)*
* "Importazzjonijiet totali" tkopri l-importazzjonijiet kollha, inklużi prodotti li jibbenefikaw awtomatikament mit-tariffi żero tan-nazzjon l-aktar iffavorit ("MFN") "Importazzjonijiet eliġibbli tal-EBA" jirreferu biss għal dawk il-prodotti skont l-iskema EBA, li ma jibbenefikawx b'mod ieħor mid-dazju żero tal-MFN.
Tabella 3 (tkompli) — Valur tal-importazzjonijiet preferenzjali lejn l-UE mill-pajjiż EBA (f’eluf ta’ EUR)
Tabella 4 –Valur ta’ importazzjonijiet preferenzjali lejn l-UE minn pajjiżi tal-SĠP+ (f'eluf ta’ EUR)*
* il-Costa Rica, il-Gwatemala, El Salvador, il-Panama u l-Perù ma jibqgħux benefiċjarji tal-SĠP+ minn Jannar 2016. L-importazzjonijiet tal-SĠP+ minn dawn il-pajjiżi naqsu b’mod sinifikanti fl-2014 u fl-2015, rispettivament, peress li dawn il-pajjiżi użaw il-preferenzi alternattivi disponibbli skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Amerika Ċentrali. Bl-istess mod, il-Georgia qed tibbenefika mill-ftehim ta’ kummerċ ħieles bilaterali approfondit u komprensiv (DCFTA) mill-2014’il quddiem, u l-użu ta’ SĠP+ mistenni lijonqos mill-1 ta’ Jannar 2017, meta l-pajjiż joħroġ mill-iskema SĠP+.
Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1421/2013 tat-30 ta’ Ottubru 2013 (ĠU L 355, 31.12.2013, p. 1)