8.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 333/62


RIŻOLUZZJONI (UE) 2016/2158 TAL-PARLAMENT EWROPEW

tas-27 ta' Ottubru 2016

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta ARTEMIS għas-sena finanzjarja 2014

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta ARTEMIS għas-sena finanzjarja 2014,

wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra t-tieni rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0276/2016),

A.

billi l-Impriża Konġunta ARTEMIS (l-“Impriża Konġunta”) twaqqfet f'Diċembru 2007 għal perjodu ta' 10 snin biex tistabbilixxi u timplimenta aġenda ta' riċerka għall-iżvilupp ta' teknoloġiji ewlenin għal sistemi inkorporati tal-kompjuter f'oqsma differenti ta' applikazzjoni sabiex tissaħħaħ il-kompetittività u s-sostenibbiltà tal-Unjoni, u biex tippermetti l-ħolqien ta' swieq u applikazzjonijiet soċjetali ġodda;

B.

billi l-Impriża Konġunta bdiet topera b'mod awtonomu f'Ottubru 2009;

C.

billi l-kontribuzzjoni massima għall-perjodu ta' 10 snin mill-Unjoni lill-Impriża Konġunta tammonta għal EUR 420 000 000, li għandha titħallas mill-baġit tas-Seba' Programm Kwadru għar-Riċerka;

D.

billi l-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Istati Membri tal-ARTEMIS għandhom jammontaw għal mill-inqas 1,8 darbiet aktar mill-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni, filwaqt li l-kontribuzzjoni in natura mill-organizzazzjonijiet ta' riċerka u żvilupp li jipparteċipaw fi proġetti matul il-perjodu tal-Impriża Konġunta għandha tkun daqs jew akbar mill-kontribuzzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi,

E.

billi l-Impriża Konġunta ngħaqdet mal-Impriża Konġunta ENIAC (“ENIAC”) sabiex tinħoloq l-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta tal-Komponenti u s-Sistemi Elettroniċi għat-Tmexxija Ewropea (“ECSEL JTI”) li bdiet l-attività tagħha f'Ġunju 2014 u se tibqa' topera għal 10 snin;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.

Jinnota li l-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2014 sas-26 ta' Ġunju 2014 jippreżentaw b'mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha sas-26 ta' Ġunju 2014 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha u l-flussi tal-flus tagħha għall-perjodu li ntemm dakinhar, skont id-dispożizzjonijiet tar-regoli finanzjarji tagħha u r-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni;

2.

Jinsab imħasseb li l-Qorti tal-Awdituri (il-“Qorti”) fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta għas-sena finanzjarja 2014 (ir-“rapport tal-Qorti”) ħarġet opinjoni kwalifikata dwar ir-regolarità u l-legalità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi għaliex il-ftehimiet amministrattivi ffirmati mal-awtoritajiet ta' finanzjament nazzjonali dwar l-awditjar tad-dikjarazzjonijiet tal-ispejjeż tal-proġetti ma jinkludux arranġamenti prattiċi dwar l-awditi ex post;

3.

Jinnota mir-rapport tal-Qorti li l-Impriża Konġunta ma vvalutatx il-kwalità tar-rapporti tal-awditjar li rċeviet mingħand l-awtoritajiet ta' finanzjament nazzjonali (AFN)dwar l-ispejjeż relatati ma' proġetti li tlestew; jinnota, barra minn hekk li, wara valutazzjoni tal-istrateġiji tal-awditjar ta' tliet AFN, ma kienx possibbli li jiġi ddeterminat jekk l-awditi ex post kienux qegħdin jiffunzjonaw b'mod effikaċi minħabba l-metodoloġiji differenti użati mill-AFN li ma ppermettewx lill-Impriża Konġunta tikkalkula rata ta' żball ipponderat jew rata ta' żball residwu;

4.

Jinnota li ECSEL JTI wettqet valutazzjoni estensiva tal-effikaċja tas-sistemi ta' assigurazzjoni għal kampjun ta' 10 Stati Membri ARTEMIS u ENIAC, li jirrappreżentaw l-akbar sehem ta' ECSEL JTI tal-baġit operattiv u jkopri 89,5 % tat-total tal-għotjiet allokati tal-Impriża Konġunta u jinnota li, abbażi taċ-ċertifikati ta' Tmiem ta' Proġett sat-13 ta' Ġunju 2016, il-valutazzjoni turi li r-rata ta' kopertura hi tliet darbiet ogħla mis-soll ta' 20 % li 'l fuq minnu s-sistemi nazzjonali jiġu kkunsidrati li huma suffiċjenti skont l-istrateġija tal-awditjar ex post;

5.

Josserva li ECSEL JTI stiednet lill-AFN jipproduċu provi li l-implimentazzjoni tal-proċeduri nazzjonali toffri assigurazzjoni raġonevoli dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet, u josserva li sal-iskadenza tat-30 ta' Ġunju 2016, 76 % tal-AFN mistiedna jagħmlu hekk, li jirrappreżentaw 96,79 % tal-infiq tal-Impriżi Konġunti Artemis u ENIAC, ressqu d-dokumenti meħtieġa u kkonfermaw li l-implimentazzjoni tal-proċeduri nazzjonali toffri assigurazzjoni raġonevoli dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet;

6.

Jieħu nota tal-fatt li, skont ir-rapport tal-Qorti, il-baġit finali tal-Impriża Konġunta għas-sena finanzjarja 2014 kien jinkludi approprjazzjonijiet ta' impenn li jammontaw għal EUR 2 554 510 u approprjazzjonijiet ta' pagament li jammontaw għal EUR 30 330 178 (operazzjonali);

Kontroll intern

7.

Jinnota bi tħassib li l-Impriża Konġunta ma ħadet l-ebda azzjoni rigward ċerti standards ta' kontroll intern relatati mal-informazzjoni u r-rappurtar finanzjarju: b'mod partikolari, evalwazzjoni tal-attivitajiet, valutazzjoni tas-sistemi ta' kontroll intern u kapaċità ta' awditjar intern (“IAC”); josserva li dan kien minħabba l-fużjoni imminenti; jinnota li sadanittant ECSEL JTI għamlet progress sostanzjali fir-rigward tal-implimentazzjoni tas-sistemi ta' kontroll intern u l-istabbiliment tal-IAC.