14.9.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 246/385


RIŻOLUZZJONI (UE) 2016/1580 TAL-PARLAMENT EWROPEW

tat-28 ta’ April 2016

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija tal-GNSS Ewropea għas-sena finanzjarja 2014

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija tal-GNSS Ewropea għas-sena finanzjarja 2014,

wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0112/2016),

A.

billi, skont ir-rapporti finanzjarji tagħha, is-sussidju tal-Unjoni għall-baġit tal-Aġenzija tal-GNSS Ewropea (l-“Aġenzija”) għas-sena finanzjarja 2014 kien jammonta għal EUR 25 369 058, li jirrappreżenta żieda ta’ 81,55 % meta mqabbel mal-2013;

B.

billi l-Qorti tal-Awdituri (il-“Qorti”), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2014 (ir-“rapport tal-Qorti”), tistqarr li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li dawk il-kontijiet annwali kienu affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta’ bażi kienu legali u regolari;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.

Jinnota li l-isforzi għall-monitoraġġ tal-baġit matul is-sena finanzjarja 2014 irriżultaw f’rata ta’ implimentazzjoni baġitarja ta’ 99,84 % bħal fl-2013; jinnota, barra minn hekk, li r-rata ta’ eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament kienet ta’ 63,16 %, li tirrappreżenta tnaqqis ta’ 17,37 % meta mqabbla mas-sena preċedenti;

Impenji u riporti

2.

Jinnota li l-livell ta’ riporti ta’ approprjazzjonijiet impenjati għat-Titolu II (nefqa amministrattiva), kien ta’ EUR 3 400 000 (54 %); jinnota li dawn ir-riporti fil-biċċa l-kbira kellhom x’jaqsmu ma’ servizzi provduti lill-Aġenzija fl-2014 li l-fatturi tagħhom waslu biss fl-2015, u numru ta’ kuntratti ta’ valur għoli, iffirmati fl-aħħar tal-2014 għal proġetti tal-IT li kienu oriġinarjament ippjanati għall-2015 iżda li bdew fl-2014 biex jiġu utilizzati l-fondi rilaxxati minn iffrankar fuq linji baġitarji oħra;

3.

Jirrikonoxxi l-isforzi li għamlet l-Aġenzija biex tnaqqas il-livell tar-riporti billi tikkommetti l-baġit aktar kmieni matul is-sena, meta jkun possibbli, u b’hekk tippermetti pagamenti aktar bikrija; jinnota, barra minn hekk, li l-Aġenzija qiegħda tiżviluppa għodda ta’ ġestjoni baġitarja ġdida mfassla biex tgħin l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u r-rappurtar dwar il-baġit ċentrali u dak delegat bl-għan li tittejjeb il-ġestjoni tal-approprjazzjonijiet kemm ta’ impenn kif ukoll ta’ pagament; jistieden lill-Aġenzija tinforma lill-awtorità ta’ kwittanza dwar it-titjib li sar bl-introduzzjoni ta’ din l-għodda;

Proċeduri ta’ akkwist u reklutaġġ

4.

Jikkonstata li, skont ir-rapport tal-Qorti, fir-rigward tal-isfruttament tas-Sistema Ewropea ta’ Navigazzjoni b’Kopertura Ġeostazzjonarja (“EGNOS”), l-Aġenzija tat kuntratt ta’ tmien snin għall-provvediment ta’ servizz (“kuntratt ESP”) b’valur kuntrattwali inizjali ta’ EUR 436 000 000; jieħu nota tal-fatt li fl-2014, b’segwitu għal proċedura nnegozjata diretta, l-Aġenzija emendat il-kuntratt ta’ servizz għal ammont ta’ EUR 6 300 000 għax-xiri u l-manutenzjoni ta’ 14-il riċevitur tas-sinjali tas-satelliti, 14-il ġeneratur tas-sinjali u tagħmir ieħor relatat ma’ EGNOS; josserva bi tħassib li ġie stabbilit arranġament bejn il-kuntrattur u ż-żewġ sottokuntratturi tiegħu, bħalma ġara taħt il-kuntratt inizjali, u dan wassal għal akkumulazzjoni ta’ spejjeż amministrattivi u ta’ qligħ, b’EUR 3 200 000 biss mill-EUR 6 300 000 relatati ma’ spejjeż diretti, EUR 1 400 000 relatati ma’ spejjeż ġenerali u spejjeż oħra u EUR 1 700 000 ma’ qligħ u rimunerazzjoni ta’ (sotto)kuntratturi;

5.

Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, il-kuntratt ESP ingħata permezz ta’ sejħa għal offerti kompetittiva u ntgħażel sabiex jassigura r-rekwiżit tal-kontinwità tas-servizz għas-servizz “safety-of-Life” (sigurtà tal-ħajja — (SoL)) ibbażat fuq sistema kwalifikata u ċertifikata; josserva li l-emenda ta’ dan il-kuntratt għandha titqies bħala parti integrali u inseparabbli tal-kuntratt ESP għaliex hija neċessarja biex tiġi assigurata l-manutenzjoni tas-sistema bħala waħda kwalifikata u t-twassil tas-servizz SoL li jikkonforma maċ-ċertifikazzjoni obbligatorja;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess u t-trasparenza

6.

Jirrikonoxxi li l-Bord Amministrattiv tal-Aġenzija adotta l-politika tiegħu dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess f’Settembru 2015; jinnota, barra minn hekk, li l-Aġenzija ppubblikat fuq is-sit elettroniku tagħha s-CVs u d-dikjarazzjonijiet ta’ interessi tad-Direttur Eżekuttiv u tal-maniġment superjuri tagħha; iħeġġeġ lill-membri tal-Bord Amministrattiv tal-Aġenzija jippreżentaw id-dikjarazzjonijiet tagħhom ta’ interess għal pubblikazzjoni ulterjuri fuq is-sit elettroniku tal-Aġenzija;

7.

Jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ l-integrità u jitjieb il-qafas etiku bl-implimentazzjoni aħjar ta’ kodiċijiet ta’ kondotta u ta’ prinċipji etiċi, sabiex tissaħħaħ kultura komuni u effettiva ta’ integrità;

8.

Jiddikjara li r-rapport annwali tal-Aġenzija jista’ jkollu rwol importanti fl-ottemperanza għar-rigward tat-trasparenza, l-obbligu ta’ rendikont u l-integrità; jistieden lill-Aġenzija tinkludi kapitolu standard dwar dawk il-komponenti fir-rapport annwali tagħha;

Awditjar intern

9.

Jikkonstata li l-Aġenzija laħqet ftehim mas-Servizz ta’ Awditjar Intern tal-Kummissjoni dwar pjan ta’ azzjoni biex tittejjeb il-proċedura għall-immaniġġjar tal-awditi ex ante u ex post dwar il-ġestjoni tal-għotjiet; josserva li ċerti aspetti tad-dokumentazzjoni u il-gwida korrispondenti dwar il-ġestjoni tal-għotjiet għandhom jitjiebu; jistieden lill-Aġenzija tgħaddi rapport lill-awtorità tal-kwittanza dwar il-progress li jkun sar f’dak ir-rigward;

Kontrolli interni

10.

Jirrikonoxxi li l-konformità ġenerali tal-Aġenzija mal-Istandards ta’ Kontroll Intern matul is-sena finanzjarja 2014 kienet sodisfaċenti; josserva li saru sforzi f’oqsma bħalma huma l-istrateġija ta’ kontra l-frodi, il-kunflitti ta’ interess, il-ġestjoni tar-riskju u l-kapaċità ta’ awditjar intern sabiex ikun rimedjat in-nuqqas ta’ konformità; jinnota, barra minn hekk, li l-Aġenzija qiegħda tagħmel progress fl-oqsma fejn għadha konformi b’mod parzjali, b’mod partikolari fir-rigward tal-kontinwità tal-operat u l-immaniġġjar tad-dokumenti; jistieden lill-Aġenzija biex tikkondividi mal-awtorità ta’ kwittanza l-progress li jkun sar f’dak ir-rigward;

Kummenti oħra

11.

Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, l-Aġenzija ma għandha l-ebda kopertura tal-assigurazzjoni għal assi tanġibbli fissi b’valur kontabilistiku nett ta’ EUR 1 000 000; jirrikonoxxi li l-Aġenzija bħalissa qed tanalizza r-riskji, il-valur u l-kritikalità tal-assi kollha li tippossiedi sabiex tivvaluta t-tip ta’ assigurazzjoni li tkun tgħodd għall-ħtiġijiet tagħha; jappella lill-Aġenzija biex taġġorna lill-awtorità tal-kwittanza dwar il-progress li jkun sar;

12.

Jinnota li l-Aġenzija tikkondividi l-kapaċità ta’ awditjar intern tagħha mal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi sabiex jinħolqu sinerġiji u tinkiseb il-kosteffettività;

13.

Jieħu nota tal-fatt li fl-2014, sabiex tippromwovi l-ħidma tagħha u biex ittejjeb il-viżibilità tagħha fl-Istat Membru ospitanti, l-Aġenzija organizzat avveniment ta’ jum għall-pubbliku fil-kwartieri ġenerali tagħha fi Praga, b’konferenzi, wirjiet pubbliċi u avvenimenti pubbliċi regolari f’kollaborazzjoni mal-Kummissjoni;

14.

Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta’ natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta’ April 2016 (1) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.


(1)  Testi adottati, P8_TA(2016)0159 (ara l-paġna 447 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).